IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 4.6.2025
COM(2025) 616 final
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
li tapprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tal-Litwanja
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 4.6.2025
COM(2025) 616 final
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
li tapprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tal-Litwanja
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
li tapprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tal-Litwanja
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121 tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263, u b’mod partikolari l-Artikolu 17 tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni,
Billi:
KUNSIDERAZZJONIJIET ĠENERALI
(1)Fit-30 ta’ April 2024 daħal fis-seħħ qafas ta’ governanza ekonomika tal-UE riformat. Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali 1 , flimkien mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 emendat dwar l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv 2 , u d-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE emendata dwar l-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri 3 huma l-elementi ewlenin tal-qafas riformat ta’ governanza ekonomika tal-UE. Il-qafas għandu l-għan li jiżgura s-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku u t-tkabbir sostenibbli u inklużiv permezz ta’ riformi u investimenti. Jippromwovi s-sjieda nazzjonali u għandu fokus fuq terminu medju, flimkien ma’ infurzar effettiv u koerenti tar-regoli.
(2)Il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju li l-Istati Membri jippreżentaw lill-Kunsill u lill-Kummissjoni huma fiċ-ċentru tal-qafas ta’ governanza ekonomika l-ġdid. Il-pjanijiet iridu jilħqu żewġ objettivi: i) l-iżgurar li, sa tmiem il-perjodu ta’ aġġustament, id-dejn tal-gvern estiż ikun fuq perkors ta’ tnaqqis plawżibbli, jew jibqa’ f’livelli prudenti, u li d-defiċit tal-gvern jinġieb u jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG fuq it-terminu medju, u ii) l-iżgurar li t-twettiq ta’ riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u jindirizzaw il-prijoritajiet komuni tal-UE. Għal dak il-għan, kull pjan irid jippreżenta impenn fuq terminu medju għal perkors tan-nefqa netta 4 , li effettivament jistabbilixxi restrizzjoni baġitarja għad-durata tal-pjan, li tkopri 4 jew 5 snin (skont it-terminu regolari tal-leġiżlatura fi Stat Membru). Barra minn hekk, il-pjan irid jispjega kif l-Istat Membru se jiżgura t-twettiq ta’ riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, b’mod partikolari fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (inkluż dawk li jappartjenu għall-proċedura ta’ żbilanċi makroekonomiċi (MIP, macroeconomic imbalances procedure), jekk applikabbli), u kif l-Istat Membru se jindirizza l-prijoritajiet komuni tal-Unjoni. Il-perjodu għall-aġġustament fiskali jkopri perjodu ta’ 4 snin, li jista’ jiġi estiż b’massimu ta’ 3 snin jekk l-Istat Membru jimpenja ruħu li jwettaq sett ta’ riformi u investimenti rilevanti li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fir-Regolament (UE) 2024/1263.
(3)Wara l-preżentazzjoni tal-pjan, il-Kummissjoni trid tivvaluta jekk jikkonformax mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263.
(4)Fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, il-Kunsill irid imbagħad jadotta rakkomandazzjoni li tistabbilixxi l-perkors tan-nefqa netta tal-Istat Membru kkonċernat u, fejn applikabbli, japprova s-sett ta’ impenji ta’ riforma u ta’ investiment li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament fiskali.
KUNSIDERAZZJONIJIET DWAR IL-PJAN FISKALI-STRUTTURALI NAZZJONALI FUQ TERMINU MEDJU TAL-LITWANJA
(5)Fit-30 ta’ April 2025, il-Litwanja ppreżentat il-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tagħha lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Il-preżentazzjoni saret wara estensjoni tal-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) 2024/1263, kif miftiehem mal-Kummissjoni fid-dawl tar-raġunijiet ipprovduti mil-Litwanja. L-estensjoni ġiet maqbula peress li l-elezzjonijiet parlamentari nazzjonali saru fit-13 u s-27 ta’ Ottubru 2024, li kienet segwita minn diversi xhur ta’ negozjati ta’ koalizzjoni u konsultazzjonijiet tal-programm tal-gvern il-ġdid u l-pjan ta’ implimentazzjoni tiegħu 5 .
Proċess qabel il-preżentazzjoni tal-pjan
(6)Qabel il-preżentazzjoni tal-pjan tagħha, il-Litwanja talbet informazzjoni teknika 6 , li l-Kummissjoni pprovdiet fil-31 ta’ Jannar 2025, u ppubblikat fit-30 ta’ April 2025 7 . L-informazzjoni teknika tindika l-livell tal-bilanċ primarju strutturali fl-2028 li huwa meħtieġ biex jiġi żgurat li d-defiċit tal-gvern estiż jinżamm taħt it-3 % tal-PDG fuq terminu medju u li d-dejn tal-gvern estiż jibqa’ taħt is-60 % tal-PDG fuq terminu medju, fin-nuqqas ta’ aktar miżuri baġitarji lil hinn mill-perjodu ta’ aġġustament ta’ 4 snin. It-terminu medju huwa definit bħala l-perjodu ta’ 10 snin wara t-tmiem tal-perjodu ta’ aġġustament. L-informazzjoni teknika tħejjiet u ntbagħtet lill-Istat Membru permezz ta’ żewġ xenarji: xenarju li jinkludi l-konsistenza mas-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit 8 , f’konformità mal-Artikolu 9(3) tar-Regolament (UE) 2024/126, u xenarju mingħajr din is-salvagwardja.
L-informazzjoni teknika għal-Litwanja tistabbilixxi li, għal konformità mar-regoli fiskali applikabbli fuq perjodu ta’ aġġustament ta’ 4 snin, u abbażi tas-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni, jenħtieġ li l-bilanċ primarju strutturali jkun jammonta għal mill-inqas 0,3 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta’ aġġustament (2028; xenarju mingħajr is-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit), skont it-tabella li ġejja. Għall-informazzjoni, meta titqies is-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit, jenħtieġ li l-bilanċ primarju strutturali jkun jammonta għal mill-inqas 0,3 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta’ aġġustament (2028). Madankollu, is-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit ma hijiex rekwiżit għal-Litwanja, li hija eliġibbli għal informazzjoni teknika.
Tabella1: Informazzjoni teknika pprovduta mill-Kummissjoni lil-Litwanja
|
L-aħħar sena tal-perjodu ta’ aġġustament |
2028 |
|
Valur minimu tal-bilanċ primarju strutturali (% tal-PDG), xenarju mingħajr is-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit |
0,3 |
|
Għall-informazzjoni biss: Valur minimu tal-bilanċ primarju strutturali (% tal-PDG), xenarju bis-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit |
0,3 |
Sors: Kalkoli tal-Kummissjoni.
(7)F’konformità mal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-Litwanja u l-Kummissjoni kienu involuti fi djalogu tekniku f’April 2025. Id-djalogu ffoka fuq il-perkors tan-nefqa netta previst mil-Litwanja, is-suppożizzjonijiet sottostanti tagħha (b’mod partikolari d-deflatur tal-PDG, ir-rati ta’ tkabbir tal-PDG potenzjali, l-aġġustamenti bejn l-istokk u l-flussi, is-sehem tad-dejn fuq terminu twil li jimmatura kull sena, u r-rati tal-imgħax fuq terminu twil), u l-impatt tad-data tal-eżitu tal-2024 – li l-istatistika dwar id-defiċit u d-dejn tal-gvern estiż ġiet ippubblikata mill-Eurostat fit-22 ta’ April 2025 – meta mqabbla mal-informazzjoni sottostanti għall-informazzjoni teknika, kif ukoll it-twettiq previst ta’ riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u l-prijoritajiet komuni tal-Unjoni fi tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta, ir-reżiljenza soċjali u ekonomika, is-sigurtà tal-enerġija u t-tisħiħ tal-mezzi tad-difiża.
(8)Minn Novembru 2024 sa Frar 2025, f’konformità mal-Artikolu 11(3) u l-Artikolu 36(1), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2024/1263, f’konformità mal-informazzjoni pprovduta mil-Litwanja fil-pjan tagħha, il-Litwanja kienet involuta fi proċess ta’ konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili, mas-sħab soċjali, mal-awtoritajiet reġjonali u ma’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra.
(9)L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditjar li jimplimenta l-funzjoni ta’ istituzzjoni fiskali (minn hawn ’il quddiem – NAO FI) ta opinjoni dwar it-tbassir makroekonomiku li jirfed il-perkors tan-nefqa netta pluriennali. Il-NAO FI approva t-tbassir makroekonomiku u kkonkluda li dan huwa bbażat fuq suppożizzjonijiet makroekonomiċi kredibbli u li huma konformi mal-projezzjonijiet imħejjija mill-NAO FI.
(10)Il-pjan ġie ppreżentat lill-kumitat tal-parlament nazzjonali dwar l-affarijiet Ewropej u aktar tard ġie approvat mill-gvern Litwan fit-30 ta’ April 2025.
Proċessi relatati oħra
(11)Fil-25 ta’ Ottubru 2024, il-Litwanja ppreżentat l-Abbozz ta’ Pjan Baġitarju tagħha għas-sena 2025. Il-Kummissjoni adottat opinjoni dwar dan l-Abbozz ta’ Pjan Baġitarju fis-26 ta’ Novembru 2024 9 .
(12)Fit-2 ta’ Mejju 2025, il-Litwanja talbet l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali biex takkomoda nfiq ogħla għad-difiża, f’konformità mal-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) 2024/1263 u wara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (C(2025) 2000 final) tad-19 ta’ Marzu 2025. Fi [t-8 ta’ Lulju 2025], il-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, adotta r-rakkomandazzjoni li tattiva l-klawżola liberatorja nazzjonali għal-Litwanja 10 .
(13)Fil-21 ta’ Ottubru 2024, il-Kunsill indirizza lil-Litwanja serje ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSRs, country-specific recommendations) fil-kuntest taċ-ċiklu tal-2024 tas-Semestru Ewropew 11 . Fi [t-8 ta’ Lulju 2025], il-Kunsill indirizza lil-Litwanja serje ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSRs) fil-kuntest taċ-ċiklu tal-2025 tas-Semestru Ewropew 12 .
SOMMARJU TAL-PJAN U L-VALUTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI TIEGĦU
(14)F’konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-Kummissjoni vvalutat il-pjan kif ġej:
Kuntest: sitwazzjoni u prospetti makroekonomiċi u fiskali
(15)L-attività ekonomika fil-Litwanja kibret bi 2,8 % fl-2024, xprunata minn żieda qawwija fil-konsum privat, esportazzjonijiet ta’ servizzi b’saħħithom u minkejja tnaqqis fl-investiment. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni Ewropea, fl-2025 l-ekonomija mistennija li tikber bi 2,8 %, appoġġata minn aċċellerazzjoni tat-tkabbir fil-konsum u rkupru modest fl-investiment. Fl-2026, il-PDG reali huwa mistenni li jerġa’ jaċċellera għal 3,1 % hekk kif jissaħħaħ it-tkabbir tal-investiment. Matul il-perjodu ta’ tbassir (jiġifieri 2025–2026), it-tkabbir tal-PDG potenzjali fil-Litwanja huwa mistenni li jiżdied bi ftit minn 2,7 % fl-2024 għal 2,8 % fl-2025, u jonqos għal 2,2 % fl-2026, xprunat mit-tnaqqis naturali fil-popolazzjoni u t-tnaqqis fl-għadd ta’ persuni fil-Litwanja li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna. Ir-rata tal-qgħad kienet ta’ 7,1 % fl-2024, u hija pprojettata mill-Kummissjoni li tammonta għal 6,8 % fl-2025 u għal 6,6 % fl-2026. L-inflazzjoni (id-deflatur tal-PDG) hija pprojettata li tiżdied minn 3,4 % fl-2024 għal 3,6 % fl-2025, u li terġa’ tonqos għal 2,4 % fl-2026.
(16)Fir-rigward tal-iżviluppi fiskali, fl-2024 id-defiċit tal-gvern estiż tal-Litwanja ammonta għal 1,3 % tal-PDG. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni Ewropea, huwa mistenni li jiżdied għal 2,3 % tal-PDG fl-2025 u, fuq bażi ta’ ebda bidla fil-politika, li jistabbilizza f’livell ta’ 2,3 % fl-2026. Id-dejn tal-gvern estiż kien ta’ 38,2 % tal-PDG fi tmiem l-2024. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni Ewropea, il-proporzjon tad-dejn huwa projettat li jiżdied għal 41,2 % tal-PDG fi tmiem l-2025 u għal 43,9 % fi tmiem l-2026. It-tbassir fiskali mill-Kummissjoni ma jqisx l-impenji ta’ politika fil-pjanijiet fuq terminu medju bħala tali sakemm ma jkunux sostnuti minn miżuri ta’ politika konkreti mħabbra b’mod kredibbli u speċifikati biżżejjed.
Perkors tan-nefqa netta u suppożizzjonijiet makroekonomiċi ewlenin fil-pjan
(17)Il-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tal-Litwanja jkopri l-perjodu 2025–2029 u jippreżenta aġġustament fiskali fuq 4 snin.
(18)Il-pjan fih l-informazzjoni kollha meħtieġa mill-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2024/1263.
(19)Il-pjan jintrabat għall-perkors tan-nefqa netta indikat fit-Tabella 2, li jikkorrispondi għal tkabbir medju fin-nefqa netta ta’ 5,0 % matul is-snin 2025–2029 u ta’ 5,2 % matul il-perjodu ta’ aġġustament 2025-2028.
(20)L-informazzjoni teknika (jekk wieħed jassumi perkors ta’ aġġustament lineari) hija konsistenti ma’ tkabbir medju fin-nefqa netta ta’ 4,2 % matul is-snin 2025–2029 u ta’ 4,3 % matul is-snin 2025–2028. Il-perkors tan-nefqa netta impenjat fil-pjan huwa rrapportat li jwassal għal bilanċ primarju strutturali ta’ 0,3 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta’ aġġustament (2028). Dan huwa ugwali għal-livell minimu tal-bilanċ primarju strutturali ta’ 0,3 % tal-PDG fl-2028 ipprovdut mill-Kummissjoni fl-informazzjoni teknika fil-31 ta’ Jannar 2025.
(21)Il-pjan jassumi li t-tkabbir tal-PDG potenzjali se jonqos għal 1,8 % fl-2029 (minn 2,8 % fl-2024). Barra minn hekk, il-pjan jistenna li r-rata ta’ tkabbir tad-deflatur tal-PDG tiżdied għal 3,4 % fl-2025 (minn 2,8 % fl-2024), qabel ma tonqos għal 2,5 % fl-2028 u fl-2029.
Tabella 2: Il-perkors tan-nefqa netta u s-suppożizzjonijiet ewlenin fil-pjan tal-Litwanja
|
2024 |
2025 |
2026 |
2027 |
2028 |
2029 |
Medja matul il-perjodu ta’ validità tal-pjan 2025–2029 |
Medja matul il-perjodu ta’ aġġustament 2025–2028 |
|
|
Tkabbir fin-nefqa netta
|
M/A |
6,1 |
5,2 |
4,8 |
4,5 |
4,3 |
5,0 |
5,2 |
|
Tkabbir fin-nefqa netta
|
M/A |
6,1 |
11,6 |
17,0 |
22,3 |
27,5 |
m.a. |
m.a. |
|
Tkabbir tal-PDG potenzjali (%) |
2,8 |
2,5 |
2,3 |
2,1 |
2,0 |
1,8 |
2,4 |
2,3 |
|
Inflazzjoni (tkabbir tad-deflatur tal-PDG) (%) |
2,8 |
3,4 |
2,8 |
2,6 |
2,5 |
2,5 |
2,8 |
2,8 |
Sors: Il-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju tal-Litwanja u l-kalkoli tal-Kummissjoni.
Implikazzjonijiet tal-impenji tan-nefqa netta tal-pjan tad-dejn tal-gvern estiż
(22)Jekk il-perkors tan-nefqa netta impenjat fil-pjan u s-suppożizzjonijiet sottostanti jimmaterjalizzaw, id-dejn tal-gvern estiż, skont il-pjan, jiżdied gradwalment minn 38,5 % fl-2024 għal 43,7 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta’ aġġustament (2028), skont it-tabella li ġejja. Wara l-aġġustament, id-dejn tal-gvern estiż huwa ppjanat li jonqos ftit sal-2031, segwit minn żieda mill-ġdid fuq terminu medju, u jilħaq l-livell ta’ 48,4 % fl-2038.
Tabella 3: Dejn tal-gvern estiż u żviluppi fil-bilanċ fil-pjan tal-Litwanja
|
2024 |
2025 |
2026 |
2027 |
2028 |
2029 |
2038 |
|
|
Dejn tal-Gvern (% tal-PDG) |
38,5 |
41,0 |
42,5 |
43,5 |
43,7 |
43,2 |
48,4 |
|
Bilanċ tal-gvern (% tal-PDG) |
– 1,3 |
– 1,3 |
– 1,3 |
– 1,3 |
– 1,2 |
– 1,4 |
– 3,0 |
Sors: Il-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju tal-Litwanja
Għalhekk, skont il-pjan, id-dejn tal-gvern estiż jibqa’ taħt il-valur referenzjarju tat-Trattat ta’ 60 % tal-PDG fuq it-terminu medju. Għalhekk, abbażi tal-impenji ta’ politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta ppreżentat fil-pjan huwa konsistenti mar-rekwiżit għad-dejn kif stabbilit fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263.
Implikazzjonijiet tal-impenji tan-nefqa netta tal-pjan għall-bilanċ tal-gvern estiż
(23)Fuq il-bażi tal-perkors u s-suppożizzjonijiet tan-nefqa netta tal-pjan, id-defiċit tal-gvern estiż jonqos minn 1,3 % tal-PDG għal 1,2 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta’ aġġustament (2028). Għalhekk, skont il-pjan, il-bilanċ tal-gvern estiż mhux se jaqbeż il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta’ aġġustament (2028).
(24)Barra minn hekk, fl-10 snin wara l-perjodu ta’ aġġustament (jiġifieri sal-2038), id-defiċit tal-gvern mhux se jaqbeż it-3 % tal-PDG. Għalhekk, abbażi tal-impenji ta’ politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta ppreżentat fil-pjan huwa konsistenti mar-rekwiżit għad-defiċit kif stabbilit fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263.
Suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan
(25)Il-pjan huwa bbażat fuq sett ta’ suppożizzjonijiet li huma differenti mis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni trażmessi lil-Litwanja fil-31 ta’ Jannar 2025. B’mod partikolari, il-pjan juża t-28 ta’ Frar 2025 bħala d-data limitu għad-data u informazzjoni oħra meqjusa għall-projezzjonijiet makroekonomiċi u baġitarji. Il-pjan ma jqisx id-data tal-eżitu l-aktar reċenti għall-2024, kif ippubblikata mill-Eurostat f’April 2025. Madankollu, id-differenzi bejn id-data tal-2024 użata fil-pjan għall-kalkolu tal-aġġustament u d-data ppubblikata mill-Eurostat huma żgħar u ma jaffettwawx materjalment il-ħtiġijiet ta’ aġġustament. Minbarra d-data limitu tardiva għad-data u informazzjoni oħra, il-pjan juża wkoll suppożizzjonijiet differenti għal disa’ varjabbli oħra, jiġifieri, il-PDG potenzjali, id-deflatur tal-PDG, ir-rati tal-imgħax impliċiti u r-rati tal-imgħax tas-suq, l-elastiċità tad-dħul għall-2025, l-aġġustamenti bejn l-istokk u l-flussi u l-miżuri ta’ darba, il-kompożizzjoni tad-dejn u l-profil tal-maturità. Hija meħtieġa valutazzjoni bir-reqqa ta’ dawn id-differenzi fis-suppożizzjonijiet, speċjalment peress li t-tkabbir medju fin-nefqa netta fil-pjan huwa ogħla minn dak implikat mill-informazzjoni teknika. Id-differenzi fis-suppożizzjonijiet bl-aktar impatt sinifikanti fuq it-tkabbir medju fin-nefqa netta huma elenkati hawn taħt, flimkien ma’ valutazzjoni ta' kull differenza kkunsidrata b’mod iżolat.
–Il-pjan huwa bbażat fuq data statistika aktar reċenti u stimi għall-2024 għall-varjabbli makrofiskali. Din id-differenza hija debitament ġustifikata peress li tqis informazzjoni aktar reċenti. B’mod partikolari, id-defiċit tal-gvern estiż irriżulta f’livell aktar baxx minn dak preżunt fl-informazzjoni teknika tal-Kummissjoni, li jwassal għal qagħda baġitarja inizjali aħjar. Dan jikkontribwixxi għal tkabbir medju fin-nefqa netta aktar għoli matul il-validità tal-pjan minn dak indikat fis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni.
–Il-pjan juża tkabbir tal-output potenzjali regolari, li jikkontribwixxi wkoll għal tkabbir medju fin-nefqa netta aktar għoli matul il-validità tal-pjan meta mqabbel mas-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. Il-possibbiltà li jintużaw suppożizzjonijiet alternattivi ta’ tkabbir potenzjali tingħata mill-Artikolu 36, il-paragrafu (1), il-punt (f), tar-Regolament (UE) 2024/1263, dment li t-tkabbir kumulattiv matul il-perjodu ta’ projezzjoni (jiġifieri sal-2038) ikun ġeneralment konformi mas-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni, li huwa l-każ fil-pjan. Konsegwentement, din is-suppożizzjoni titqies li hija debitament ġustifikata.
–Il-pjan juża valur ta’ konverġenza aġġornat għad-deflatur tal-PDG ibbażat fuq l-aspettattivi tas-suq. Il-pjan jassumi wkoll deflatur tal-PDG kemxejn aktar baxx għall-2025 u kemxejn ogħla għall-2026 meta mqabbel mas-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. Dawn jikkontribwixxu għal tkabbir medju fin-nefqa netta aktar għoli matul il-validità tal-pjan. Id-differenzi huma parzjalment dovuti għal informazzjoni aktar reċenti, b’mod partikolari l-iżviluppi fl-inflazzjoni tal-prezzijiet għall-konsumatur fl-ewwel xhur tal-2025, speċjalment għall-prezzijiet tal-enerġija u tal-ikel. B’kuntrast ma’ dan, il-pjan jassumi konverġenza aktar mgħaġġla għall-valur ta’ konverġenza meta mqabbel ma’ dak li kieku jkun implikat minn regola ta’ konverġenza lineari, li parzjalment tibbilanċja l-impatt tad-differenzi l-oħra fis-suppożizzjonijiet tad-deflatur tal-PDG fuq it-tkabbir massimu fin-nefqa netta. Filwaqt li s-suppożizzjoni tad-deflatur għall-2026 ma tqisx l-iżviluppi deflazzjonarji fis-swieq tal-komoditajiet minn April 2025, meqjusa flimkien mat-tnaqqis aktar qawwi fl-2027–2028, id-differenza fis-suppożizzjoni tad-deflatur tal-PDG titqies li hija debitament ġġustifikata.
–L-impenn għat-tkabbir fin-nefqa netta ppreżentat fil-pjan għall-2025 jimplika li l-Litwanja tassumi elastiċità tad-dħul iktar għolja minn unitarja għal dik is-sena. Dan jikkontribwixxi għal tkabbir medju fin-nefqa netta aktar għoli matul il-validità tal-pjan minn dak indikat fis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. Din is-suppożizzjoni mhix konsistenti mal-qafas komuni tad-DSA.
–Il-pjan juża suppożizzjonijiet aktar kawti dwar ir-rati tal-imgħax impliċiti u tas-suq kif ukoll għall-aġġustamenti bejn l-istokk u l-flussi, mill-informazzjoni teknika tal-Kummissjoni. Dawn jikkontribwixxu għal tkabbir medju fin-nefqa netta aktar baxx matul il-perjodu tal-pjan. Din id-differenza hija motivata minn tfassil ta’ politika baġitarja prudenti u għalhekk hija debitament ġustifikata.
Id-differenzi li jifdal fis-suppożizzjonijiet ma għandhomx impatt sinifikanti fuq it-tkabbir medju fin-nefqa netta meta mqabbla mas-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. Kollox ma’ kollox, l-impatt fuq it-tkabbir medju fin-nefqa netta mis-suppożizzjoni aktar kawta fuq ir-rati tal-imgħax u l-aġġustamenti bejn l-istokk u l-flussi jibbilanċja dak tas-suppożizzjoni differenti dwar l-elastiċità tad-dħul fl-2025. Min-naħa tiegħu, dan jimplika li d-differenza bejn il-perkors tan-nefqa netta fil-pjan u dak konsistenti mal-informazzjoni teknika hija spjegata mis-suppożizzjonijiet li l-Kummissjoni tqis debitament ġustifikati. B’mod ġenerali, id-differenzi kollha fis-suppożizzjonijiet meqjusa flimkien iwasslu għal tkabbir medju fin-nefqa netta fil-pjan li huwa aktar għoli mit-tkabbir medju fin-nefqa netta medja implikat mill-informazzjoni teknika. Abbażi tal-valutazzjoni ta’ hawn fuq, il-pjan jissodisfa r-rekwiżit skont l-Artikolu 13, il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2024/1263. Il-Kummissjoni se tqis il-valutazzjoni ta’ hawn fuq tas-suppożizzjonijiet tal-pjan fil-valutazzjonijiet futuri tal-konformità mal-perkors tan-nefqa netta.
Strateġija fiskali tal-pjan
(26)Skont l-istrateġija fiskali indikattiva fil-pjan, l-impenji fuq in-nefqa netta se jitwettqu kemm permezz ta’ trażżin tan-nefqa kif ukoll permezz ta’ żidiet diskrezzjonali fid-dħul. L-istrateġija fiskali tinkludi bidliet fil-politika tat-taxxa mmirati lejn it-titjib tal-progressività tat-taxxa fuq l-introjtu personali, l-inkoraġġiment tal-investiment permezz ta’ reviżjoni tat-taxxa korporattiva fuq l-introjtu, it-twessigħ tal-bażi tat-taxxa u t-tnaqqis tal-evażjoni tat-taxxa permezz ta’ amministrazzjoni aktar għaqlija u kooperazzjoni internazzjonali. Barra minn hekk, hija tenfasizza l-iffrankar futur fis-settur pubbliku permezz ta’ bbaġitjar fuq bażi żero, tnaqqis tan-nefqa bi prijorità baxxa u rieżamijiet annwali tal-infiq pubbliku biex tissaħħaħ l-effiċjenza u tkun tista’ ssir riallokazzjoni tal-fondi għal oqsma ta’ prijorità ogħla bħad-difiża nazzjonali. L-ispeċifikazzjoni tal-miżuri ta’ politika li għandhom jiġu adottati għandha tiġi kkonfermata jew aġġustata u kkwantifikata fil-baġits annwali. Xi miżuri ġew speċifikati fil-baġit tal-2025, adottati mill-Parlament Nazzjonali fid-19 ta’ Diċembru 2024, filwaqt li oħrajn huma mistennija li jiġu kkonfermati fil-baġits li ġejjin. Il-miżuri ppjanati għall-2025 jinkludu, fuq in-naħa tad-dħul b’impatt fiskali pożittiv, żieda fid-dazji tas-sisa, l-aktar fuq il-fjuwils li jniġġsu, u żieda fir-rata tat-taxxa korporattiva fuq l-introjtu. L-aġġustamenti għall-eżenzjoni mit-taxxa fuq l-introjtu personali (l-ammont tal-introjtu mhux taxxabbli) se jkollhom effett li jnaqqas id-dħul. Fuq in-naħa tan-nefqa, iż-żidiet fl-infiq huma ppjanati għall-pagi pubbliċi, id-difiża u l-pensjonijiet. Fl-istess ħin, hemm riskji għall-implimentazzjoni tal-istrateġija fiskali indikattiva fil-pjan, peress li għad iridu jitfasslu miżuri speċifiċi oħra, il-livell ta’ dħul addizzjonali li ġej minn miżuri għall-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa huwa ġeneralment diffiċli li jitbassar, u huwa meħtieġ spazju fiskali addizzjonali biex jiżdied il-finanzjament għall-kura tas-saħħa, il-protezzjoni soċjali u servizzi pubbliċi oħra, kif irrakkomandat ukoll mill-Kunsill.
Intenzjonijiet ta’ riformi u investimenti fil-pjan li jwieġbu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u li jindirizzaw il-prijoritajiet komuni tal-Unjoni
(27)Il-pjan jiddeskrivi l-intenzjonijiet ta’ politika li jikkonċernaw ir-riformi u l-investimenti biex jwieġbu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, speċjalment is-CSRs, u biex jindirizzaw il-prijoritajiet komuni tal-UE. Il-pjan jinkludi madwar 60 riforma u investiment, li minnhom 11 huma appoġġati finanzjarjament mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u 25 mill-fondi tal-politika ta’ koeżjoni. Ir-riformi u l-investimenti tal-pjan huma bbażati fuq dokument ta’ strateġija tal-gvern eżistenti (“Pjan għall-implimentazzjoni tad-19-il Programm tal-Gvern tar-Repubblika tal-Litwanja”).
(28)Fir-rigward tal-prijorità komuni ta’ tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta, inkluż l-objettivi klimatiċi stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/1119, il-pjan jinkludi riformi u investimenti li għandhom l-għan li jżidu s-sehem tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli billi jiżguraw l-integrazzjoni tagħhom fil-grilji elettriċi, iżidu l-effiċjenza enerġetika tas-sistemi tat-tisħin distrettwali, tal-ilma sħun u tat-tkessiħ u jiżviluppaw infrastruttura tal-irriċarġjar u tar-riforniment tal-fjuwil għall-fjuwils alternattivi. Il-pjan jiddeskrivi wkoll miżuri li jippromwovu d-dekarbonizzazzjoni tal-industrija Litwana u jtejbu l-inċentivi biex il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-iskart, u l-irkupru ta’ materja prima sekondarja jsiru aktar effiċjenti. Fl-aħħar nett, il-pjan jiddeskrivi wkoll miżuri, bħala parti mill-espansjoni tal-kopertura tal-broadband ultraveloċi fil-pajjiż, biex titfassal l-infrastruttura mobbli meħtieġa biex topera fit-territorju ta’ mill-inqas ħames kontej Litwani. Dawn il-miżuri u oħrajn fil-pjan jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tas-CSRs tal-2023, l-2022 u l-2020 dwar il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u s-sostenibbiltà, b’mod partikolari d-dekarbonizzazzjoni u l-espansjoni tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, iżda wkoll l-effiċjenza enerġetika u l-iżvilupp tat-trasport sostenibbli. Il-miżuri jikkontribwixxu wkoll għas-CSRs fil-qasam tal-espansjoni tal-broadband b’kapaċità għolja ħafna.
(29)Fir-rigward tal-prijorità komuni tar-reżiljenza soċjali u ekonomika, inkluż il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-pjan jinkludi riformi u investimenti bil-għan li jiġi modifikat ir-reġim ta’ indiċjar għall-ammonti bażiċi ta’ benefiċċji soċjali biex jiġi żgurat li dan jirrifletti aħjar l-iżviluppi fil-prezzijiet u fil-pagi medji, jaġġusta l-indiċjar tal-pensjonijiet tal-assigurazzjoni soċjali, itejjeb l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ appoġġ għall-impjiegi, jintroduċi mudell ta’ finanzjament sostenibbli bbażat fuq il-baġit għall-apprendiment għall-adulti, u jiżviluppa network ta’ ċentri reġjonali tal-karrieri fil-pajjiż kollu. Il-pjan jinkludi wkoll riformi u investimenti li għandhom l-għan li jintroduċu rekwiżiti ta’ kwalità għall-akkomodazzjoni soċjali, u jiddefinixxu, jimplimentaw, japplikaw u jżommu rekwiżiti ta’ kwalità għas-servizzi soċjali. Fl-aħħar nett, il-pjan għandu l-għan li jtejjeb l-aċċess u l-kwalità tal-kura tas-saħħa, inaqqas in-nuqqas ta’ professjonisti tas-saħħa u jtejjeb il-prevenzjoni tal-mard. Dawn ir-riformi u l-investimenti jikkontribwixxu għas-CSRs tal-2023, l-2020 u l-2019 dwar it-titjib tal-ippjanar u t-twassil tas-servizzi soċjali, it-titjib tal-implimentazzjoni ta’ politiki attivi tas-suq tax-xogħol, it-tisħiħ tar-reżiljenza tas-sistema tas-saħħa, kif ukoll it-tnaqqis tal-inugwaljanza, il-faqar u l-esklużjoni soċjali.
(30)Fir-rigward tal-prijorità komuni tas-sigurtà tal-enerġija, il-pjan jinkludi t-tlestija tal-Proġett Strateġiku ta’ Kollegament Armonizzat bejn il-Litwanja u l-Polonja u t-tisħiħ tar-reżiljenza tas-sistemi tal-enerġija f’siti strateġiċi permezz tal-installazzjoni ta’ sistemi kontra d-droni, il-ħżin ta’ tagħmir jew il-kostruzzjoni ta’ ħitan tas-sikurezza. Dawn ir-riformi u l-investimenti jikkontribwixxu għas-CSR tal-2023 dwar is-sigurtà tal-enerġija.
(31)Fir-rigward tal-prijorità komuni tal-kapaċitajiet ta’ difiża, il-pjan jinkludi riformi u investimenti biex tiġi żviluppata d-Diviżjoni Nazzjonali tal-Infanterija u l-unitajiet militari abilitanti tagħha, biex tiġi żviluppata l-infrastruttura meħtieġa biex tospita l-Brigata Ġermaniża fil-Litwanja, tissaħħaħ l-industrija tad-difiża tal-Litwanja u biex jiġi promoss il-progress xjentifiku u teknoloġiku.
(32)Il-pjan jipprovdi informazzjoni dwar il-konsistenza u, fejn xieraq, il-komplementarjetà, mal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni u l-RRP tal-Litwanja. Il-pjan jinkludi miżuri mill-RRP bħall-implimentazzjoni tal-produzzjoni tal-fjuwils rinnovabbli u l-iżvilupp tal-infrastruttura għall-użu tagħhom fis-settur tat-trasport, jew it-titjib tal-miżuri ta’ appoġġ għall-impjiegi. Il-pjan jappoġġa wkoll l-istess objettivi bħall-RRP.
(33)Il-pjan għandu l-għan li jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-ħtiġijiet ta’ investiment pubbliku tal-Litwanja relatati mal-prijoritajiet komuni tal-Unjoni. Il-ħtiġijiet ta’ investiment fil-biċċa l-kbira jirreferu għall-investimenti deskritti fit-taqsima tar-riformi u l-investimenti. Fir-rigward tad-difiża, il-pjan jispjega li l-Kunsill tad-Difiża tal-Istat Litwan esprima l-ambizzjoni li jalloka EUR 28 biljun għad-difiża bejn l-2026 u l-2030, li jikkorrispondu għal 5–6 % tal-PDG kull sena. Dan huwa ogħla mill-mira ta’ referenza tan-NATO ta’ 2 % tal-PDG.
Konklużjoni tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni
(34)B’mod ġenerali, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-pjan tal-Litwanja jissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263.
KONKLUŻJONI ĠENERALI
(35)F’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-perkors tan-nefqa netta kif stabbilit fil-pjan għandu jiġi rrakkomandat mill-Kunsill lil-Litwanja.
B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Litwanja
1.Tiżgura li t-tkabbir fin-nefqa netta ma jaqbiżx il-massimi stabbiliti fl-Anness I ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.
ANNESS I
Rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta
(rati ta’ tkabbir annwali u kumulattiv, f’termini nominali)
Il-Litwanja
|
Snin |
2025 |
2026 |
2027 |
2028 |
2029 |
|
|
Rati ta’ tkabbir (%) |
Annwali |
6,1 |
5,2 |
4,8 |
4,5 |
4,3 |
|
|
Kumulattiv (*) |
6,1 |
11,6 |
17,0 |
22,3 |
27,5 |
|
(*) Ir-rati ta’ tkabbir kumulattiv huma kkalkulati b’referenza għas-sena bażi tal-2024. Ir-rati ta’ tkabbir kumulattiv jintużaw fil-monitoraġġ annwali tal-konformità ex post fil-kont ta’ kontroll. |
||||||
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President