IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 9.7.2025
COM(2025) 528 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Strateġija għall-Kumulazzjoni tar-Riżervi tal-UE: Nagħtu spinta lill-preparatezza materjali tal-UE għall-kriżijiet
Introduzzjoni
Għal deċennji, l-Unjoni Ewropea gawdiet minn provvista suffiċjenti ta’ oġġetti essenzjali. Iżda l-iskala bla preċedent tal-kriżijiet reċenti wriet li dan ma jistax jibqa’ jitqies bħala stat ta’ fatt. Il-pandemija tal-COVID-19 żvelat il-vulnerabbiltajiet tal-ktajjen ta’ provvista tal-UE għall-prodotti mediċi, l-enerġija, il-prodotti agroalimentari u l-materja prima kritika. Il-gwerra illegali ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna enfasizzat l-importanza strateġika ta’ aċċess affidabbli għall-enerġija affordabbli, it-teknoloġiji u l-infrastruttura kritika, u kellha effetti fuq il-provvisti agrikoli madwar id-dinja.
Illum, l-UE qed tiffaċċja xenarju tar-riskju dejjem aktar kumpless u li qed jiddeterjora, immarkat minn tensjonijiet ġeopolitiċi li qed jiżdiedu, inkluż il-kunflitt, l-impatti li qed jiżdiedu tat-tibdil fil-klima, id-degradazzjoni ambjentali, u t-theddid ibridu u ċibernetiku, xprunat minn żieda fl-attività minn hacktivists, ċiberkriminali u gruppi sponsorjati mill-Istat. Barra minn hekk, l-isfidi ġeopolitiċi spiss huma minsuġin ma’ xulxin u għandhom impatt fuq ir-relazzjonijiet tal-UE ma’ partijiet differenti tad-dinja, inkluż fir-rigward tal-ktajjen ta’ provvista. L-impatti potenzjali tar-riskji qed jiżdiedu b’mod kostanti, b’konsegwenzi indiretti u effetti li jikkaskadu maż-żmien. Dan fl-aħħar mill-aħħar jissarraf f’theddida ġenerali akbar għas-sigurtà u d-disponibbiltà tal-provvisti essenzjali.
Skont ir-rakkomandazzjonijiet fir-rapport ta’ Niinistö, l-Istrateġija għal Unjoni tal-Preparatezza () ħabbret Strateġija għall-Kumulazzjoni tar-Riżervi tal-UE kollha kemm hi li se (1) tintegra l-isforzi settorjali eżistenti kollha ta’ kumulazzjoni ta’ riżervi, (2) issaħħaħ l-aċċess għal riżorsi kritiċi madwar l-UE u (3) tikkombina r-riżervi ċentralizzati fil-livell tal-UE mal-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri, bl-appoġġ ta’ sħubijiet pubbliċi-privati biex jiġu żgurati l-effiċjenza, l-iskalabbiltà u l-kosteffettività.
Din l-Istrateġija għall-Kumulazzjoni tar-Riżervi tal-UE tadotta approċċ komprensiv għall-kumulazzjoni ta’ riżervi u tindirizza ċ-ċiklu kollu tagħha, mill-antiċipazzjoni għall-monitoraġġ tal-ktajjen ta’ provvista, il-miżuri għat-tisħiħ tas-sigurtà tal-provvista, il-ġestjoni tal-kumulazzjoni ta’ riżervi, u l-użu. Dan japplika għal oġġetti essenzjali (), li għal dawn il-finijiet huma mifhuma bħala kwalunkwe oġġett fiżiku meħtieġ biex jinżammu funzjonijiet vitali tas-soċjetà (). L-Istrateġija għall-Kumulazzjoni tar-Riżervi tal-UE se trawwem riżervi pubbliċi u privati koordinati ta’ inputs kritiċi u tiżgura d-disponibbiltà tagħhom fiċ-ċirkostanzi kollha.
L-Istrateġija se tkun iggwidata mill-prinċipji sottostanti tas-solidarjetà, tat-trasparenza, tar-responsabbiltà u tal-aċċess ekwu għar-riżorsi madwar l-UE, li huma kruċjali biex tiġi żgurata l-ugwaljanza ta’ kulħadd, partikolarment f’ċirkostanzi severi. F’konformità mal-qafas tal-Unjoni tal-Ugwaljanza (), l-implimentazzjoni tal-Istrateġija se tqis il-ħtiġijiet speċifiċi ta’ gruppi differenti, inkluż fir-rigward tal-ġeneru, id-diżabilità, l-età u l-isfond razzjali jew etniku.
B’segwitu għall-Istrateġija għal Unjoni tal-Preparatezza, l-Istrateġija għall-Kumulazzjoni tar-Riżervi tirrifletti bidla fil-mentalità minn approċċ maniġerjali reattiv tal-kriżijiet settorjali għal approċċ ta’ preparatezza proattiva, aġli u integrata aħjar.
Għaliex neħtieġu Strateġija għall-Kumulazzjoni tar-Riżervi tal-UE
L-Istati Membri madwar l-UE ilhom jiffaċċjaw sfidi simili għal dawn l-aħħar żminijiet. Hemm lok ta’ żblukkar ta’ sinerġiji dwar il-preparatezza kollettiva fil-livell tal-UE billi tiġi kondiviża l-esperjenza u ssir ħidma flimkien dwar kif l-aħjar jiġi żgurat l-aċċess f’waqtu għal oġġetti essenzjali għall-awtoritajiet, in-negozji u l-pubbliku b’mod inklużiv. Għalhekk, huwa meħtieġ approċċ madwar l-UE kollha biex jikkumplementa u jappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri.
Il-kumulazzjoni ta’ riżervi hija komponent essenzjali tat-tħejjija għall-kriżi tal-UE u parti integrali mid-deterrenza u l-prontezza ġenerali għal xenarji ta’ kunflitt. Il-kriżijiet u t-theddid jistgħu ma jillimitawx lilhom infushom għal Stat Membru wieħed, u dan jagħmel tħejjija adegwata fil-livell tal-UE aktar rilevanti. Bħala Suq Uniku wieħed, bi ktajjen ta’ valur u ta’ provvista integrati ħafna, it-tfixkil fid-disponibbiltà ta’ materjali jew ta’ teknoloġiji kritiċi jirrikjedi kapaċità ta’ rispons fil-livell tal-UE.
F’dawn l-aħħar snin, ġew adottati diversi inizjattivi, strateġiji u liġijiet rilevanti tal-UE () biex isaħħu l-awtonomija strateġika, is-sigurtà interna u ekonomika, il-kompetittività, id-difiża u r-reżiljenza u biex jindirizzaw il-vulnerabbiltajiet u d-dipendenzi tal-katina ta’ provvista. Fost dawn l-inizjattivi hemm miżuri mmirati speċifikament lejn it-titjib tal-aċċess għal oġġetti essenzjali, bħar-rekwiżit li l-Istati Membri jkollhom ħażniet taż-żejt; aggregazzjoni tad-domanda u xiri konġunt għall-gass; miżuri biex tingħata spinta lill-aċċess għall-materja prima kritika u lill-ipproċessar u r-riċiklaġġ tagħha; l-akkwist konġunt ta’ vaċċini kontra l-COVID-19; jew il-bini tar-riżerva strateġika tal-UE rescEU (ara l-Anness 1 għal ħarsa ġenerali tal-oqfsa legali u ta’ politika rilevanti tal-UE).
Madankollu, l-approċċ ġenerali għadu frammentat, u l-esperjenza enfasizzat għadd ta’ nuqqasijiet sinifikanti u interrelatati mill-qrib fil-qafas tal-UE.
1.Fehim komuni limitat dwar liema oġġetti essenzjali huma meħtieġa għal tħejjija għall-kriżijiet fl-isfond ta’ xenarju tar-riskju li qed jevolvi malajr. Dan ifixkel il-kooperazzjoni fis-setturi u bejn il-fruntieri. Billi jifhmu x’oġġetti huma essenzjali biex jiġu ffaċċjati kriżijiet potenzjali, kemm il-gvernijiet kif ukoll in-negozji jistgħu jieħdu deċiżjonijiet infurmati u koordinati dwar kif l-aħjar iħejju għal nuqqasijiet potenzjali.
2.Kondiviżjoni u koordinazzjoni limitati tal-informazzjoni bejn l-UE u l-Istati Membri, u bejn is-setturi ċivili u militari. B’riżultat ta’ dan, ma hemm l-ebda ħarsa ġenerali xierqa lejn l-isforzi ta’ kumulazzjoni ta’ riżervi mill-Istati Membri madwar l-UE, li min-naħa tiegħu jirriżulta f’użu subottimali tar-riżorsi, il-kapaċitajiet u l-għarfien espert disponibbli. Barra minn hekk, l-ostakli amministrattivi, strutturali u loġistiċi li jippersistu madwar l-UE jistgħu jfixklu l-użu, it-trasport u l-aċċess f’xenarji ta’ kriżi.
3.Potenzjal mhux użat biżżejjed għall-kooperazzjoni mas-settur privat fis-setturi u bejn il-fruntieri. Is-settur privat għandu għarfien espert sinifikanti fil-ġestjoni tar-riżervi, il-loġistika u l-użu tagħhom. Tista’ titrawwem aktar kooperazzjoni strutturali pubblika-privata fil-kumulazzjoni ta’ riżervi ta’ emerġenza, l-aħjar prattiki kondiviżi, u t-tagħlimiet meħuda fis-setturi u bejn il-fruntieri.
4.L-oqfsa nazzjonali jew settorjali eżistenti li ma jirriflettux biżżejjed ir-rwol li jista’ jkollhom l-għodod ta’ azzjoni esterna u ta’ kooperazzjoni fit-tisħiħ tat-tħejjija materjali nazzjonali u tal-UE, pereżempju fis-sigurtà tal-katina ta’ provvista. Is-sħubijiet ma’ pajjiżi mhux tal-UE u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali jistgħu jikkontribwixxu għat-tisħiħ tar-reżiljenza reċiproka u għall-iżgurar ta’ oġġetti essenzjali.
Għall-preparatezza tal-UE, huwa kruċjali li jiġi indirizzat dan in-nuqqas ta’ analiżi komprensiva u kondiviża bejn il-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, fis-setturi u bejn il-fruntieri, u li jiġu kkoordinati l-isforzi għall-preparatezza u r-rispons malajr u b’mod effettiv. Għalhekk, din l-istrateġija tieħu perspettiva transsettorjali u transfruntiera, fejn l-UE tista’ tipprovdi l-aktar valur miżjud.
L-objettiv ġenerali ta’ din l-istrateġija huwa li ttejjeb l-aċċess għal oġġetti essenzjali fiċ-ċirkostanzi kollha. Se ttejjeb l-interoperabbiltà tas-sistemi tal-kumulazzjoni ta’ riżervi kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-UE matul iċ-ċiklu kollu tal-kumulazzjoni ta’ riżervi – l-ippjanar, ix-xiri, il-ġestjoni u l-użu tal-istokkijiet. L-istrateġija tiżgura l-preparatezza materjali, li tfisser il-prontezza, id-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà ta’ oġġetti essenzjali bħala parti minn rispons effettiv għall-kriżijiet u għall-kunflitti. Fl-istess ħin, tappoġġa wkoll l-awtonomija strateġika għall-UE, billi tnaqqas id-dipendenzi u l-vulnerabbiltajiet u ttejjeb il-produzzjoni tal-UE ta’ oġġetti essenzjali.
Bini ta’ Strateġija għall-Kumulazzjoni tar-Riżervi tal-UE
Din l-Istrateġija tibni fuq oqfsa settorjali eżistenti tal-UE u ssegwi l-prinċipji tal-Istrateġija għal Unjoni tal-Preparatezza, stabbiliti hawn taħt.
·Approċċ li jkopri l-perikli kollha, li jkopri l-ispettru sħiħ tar-riskji naturali u tar-riskji antropoġeniċi u t-theddid għall-preparatezza materjali. Għandu l-għan li jindirizza b’mod komprensiv riskji u theddid akbar għas-sigurtà tal-provvista, inkluż xenarju ta’ kunflitt, u l-interazzjoni tar-riskji, u l-effetti kaskata tagħhom.
·Approċċ ta’ gvern sħiħ, li jlaqqa’ flimkien il-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, fil-livelli kollha tal-gvern (lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-UE) u jippromwovi l-kollaborazzjoni, il-koerenza tal-politika u l-kondiviżjoni tar-riżorsi. Huwa jinkludi kooperazzjoni effettiva bejn l-awtoritajiet ċivili u tad-difiża, u l-integrazzjoni koerenti tad-dimensjonijiet interni u esterni.
·Approċċ min-naħa tas-soċjetà kollha, li jrawwem kultura inklużiva ta’ preparatezza materjali li tinvolvi l-atturi rilevanti kollha għas-sigurtà tal-provvista, speċjalment is-settur privat. Dan ifisser ukoll li ċ-ċittadini jiġu megħjuna biex isiru atturi tar-reżiljenza tagħhom stess, billi jkollhom riżorsi biex jiżguraw awtosuffiċjenza minima ta’ 72 siegħa filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, kif issottolinjat fl-Istrateġija għal Unjoni tal-Preparatezza.
F’konformità mas-sejbiet ta’ hawn fuq, din l-istrateġija tidentifika seba’ oqsma ewlenin għall-azzjoni tal-UE:
1.it-titjib tal-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri u mal-UE;
2.il-prospettiva, l-antiċipazzjoni u l-ippjanar strateġiku;
3.it-tnaqqis ta’ distakki permezz ta’ kumulazzjoni tar-riżervi strateġika tal-UE;
4.it-tisħiħ ta’ infrastruttura robusta u interoperabbli tat-trasport u l-loġistika;
5.it-titjib tal-kooperazzjoni ċivili-militari;
6.it-trawwim ta’ kooperazzjoni pubblika-privata;
7.it-trawwim tal-kooperazzjoni fl-azzjoni esterna u fis-sħubijiet internazzjonali.
L-Istrateġija tiffoka fuq sfidi transsettorjali, filwaqt li tfittex komplementarjetà sħiħa ma’ azzjonijiet settorjali speċifiċi (). Din l-Istrateġija se tiġi implimentata f’konsultazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, filwaqt li jiġu rispettati bis-sħiħ is-sussidjarjetà, il-kompetenzi nazzjonali u l-ispeċifiċitajiet tal-Istati Membri.
1.Titjib tal-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri u mal-UE
Kull Stat Membru huwa responsabbli għall-preparatezza materjali tiegħu stess. Madankollu, fi kriżijiet severi, kumplessi, transfruntiera u fit-tul, huwa kruċjali li jiġu kkoordinati miżuri nazzjonali biex tiġi żgurata provvista kostanti ta’ oġġetti essenzjali u l-kontinwazzjoni ta’ funzjonijiet vitali tas-soċjetà. Il-koordinazzjoni mhux biss trawwem is-solidarjetà iżda tipprevjeni wkoll it-tfixkil fis-suq uniku. Mingħajr koordinazzjoni, l-Istati Membri jistgħu jikkompetu għal oġġetti, kapaċitajiet tal-produzzjoni, kapaċitajiet tal-ħżin u tal-użu, u jistgħu jfixklu swieq li qed jiffunzjonaw tajjeb, li jirriżulta f’duplikazzjoni u kostijiet bla bżonn, u risponsi ineffiċjenti għall-kriżijiet u li jpoġġi aktar pressjoni fuq il-ktajjen ta’ provvista diġà fraġli.
Bħala l-ewwel pass, jeħtieġ li jissaħħu l-fiduċja u l-fehim reċiproċi, filwaqt li jitqies it-tħassib dwar is-sigurtà nazzjonali. L-UE se tiżviluppa aktar għodod għall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni sikura (), biex l-Istati Membri, il-Kummissjoni, l-aġenziji rilevanti tal-UE u l-partijiet ikkonċernati, ikunu jistgħu jiġbru flimkien informazzjoni dwar il-ktajjen ta’ provvista, l-arranġamenti għall-kumulazzjoni ta’ riżervi, u l-pjanijiet tal-użu. Dawn l-għodod iridu jkunu protetti sew u jikkonformaw mar-rekwiżiti tas-sigurtà tal-UE. Il-kondiviżjoni tal-informazzjoni, inkluż mal-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NATO, North Atlantic Treaty Organization) meta jkun rilevanti, għandha ttejjeb l-interoperabbiltà u b’hekk ittejjeb l-effiċjenza konġunta tar-rispons għall-kriżijiet.
Barra minn hekk, it-tisħiħ tas-sinerġiji u tal-interoperabbiltà tal-oġġetti maħżuna, l-arranġamenti, u l-pjanijiet tal-użu madwar l-UE se jwasslu għal titjib fl-effiċjenza. Il-koordinazzjoni għandha tittejjeb f’diversi stadji taċ-ċiklu tal-kumulazzjoni ta’ riżervi – l-ippjanar, ix-xiri, il-ġestjoni u l-użu tal-istokkijiet. Dan għandu jinvolvi wkoll kooperazzjoni aħjar fl-identifikazzjoni ta’ dipendenzi kritiċi fil-katina ta’ provvista, fl-allinjament tal-pjanijiet ta’ diversifikazzjoni u l-kooperazzjoni mad-dwana biex jiġi ffaċilitat l-influss ta’ oġġetti essenzjali fl-UE jew biex tiġi żgurata l-applikazzjoni ta’ restrizzjonijiet possibbli fuq l-esportazzjoni. L-akkwist konġunt u ċentrali () jista’ jottimizza b’mod effettiv l-akkwist tar-riżorsi u l-kooperazzjoni għal oġġetti essenzjali bejn l-Istati Membri u dan għandu jittejjeb aktar. Il-kooperazzjoni dwar postijiet sikuri u strateġiċi għal oġġetti essenzjali madwar l-UE, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet reġjonali, se ttejjeb ir-reżiljenza u l-effiċjenza ġenerali. Jistgħu jiġu kondiviżi l-aħjar prattiki u tagħlimiet dwar il-ġestjoni tal-istokk, it-traċċar f’ħin reali, il-monitoraġġ tal-kundizzjonijiet, it-twissijiet ta’ skadenza, ir-rotazzjoni tal-istokk, il-ħajja fuq l-ixkaffa, u l-ġestjoni tal-iskart.
Eżempji tajbin ta’ inizjattivi settorjali, li jikkoordinaw u jsaħħu l-approċċi ta’ kumulazzjoni ta’ riżervi tal-Istati Membri, jinkludu mekkaniżmi għall-prodotti agroalimentari, inputs agrikoli essenzjali u kontromiżuri mediċi. It-tisħiħ tal-kumulazzjoni ta’ riżervi tal-Istati Membri jista’ jitqies ukoll għall-fjuwil nukleari bħala parti mill-implimentazzjoni tal-pjan direzzjonali biex jintemmu l-importazzjonijiet tal-enerġija Russa. Fis-settur tal-prodotti agroalimentari, il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Tħejjija u Rispons għall-Kriżijiet tas-Sigurtà tal-Ikel (EFCM, European Food Security Crisis preparedness and response Mechanism) għandu jiġi approfondit u operazzjonalizzat biex jittejbu l-iskambju ta’ informazzjoni, it-trasparenza u s-solidarjetà fil-kumulazzjoni ta’ riżervi() bejn l-Istati Membri, il-partijiet ikkonċernati, u l-istituzzjonijiet tal-UE, f’koordinazzjoni mal-istrumenti taħt l-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq (CMO, Common Market Organisation). F’konformità mal-Patt għal Industrija Nadifa, il-pjattaforma għall-aggregazzjoni tad-domanda u x-xiri konġunt ta’ materja prima hija l-ewwel pass għall-istabbiliment ta’ Ċentru tal-UE għall-Materja Prima Kritika li għandu jassisti fix-xiri b’mod konġunt ta’ materja prima, jikkoordina riżervi strateġiċi, jissorvelja l-monitoraġġ tal-katina ta’ provvista, u jinkoraġġixxi l-investimenti. It-tagħlim u l-koordinazzjoni transsettorjali għandhom jiġu żgurati.
B’segwitu għall-mudell tar-Riżerva Ewropea ta’ Protezzjoni Ċivili taħt il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (UCPM, Union Civil Protection Mechanism), għandhom jiġu esplorati opzjonijiet għal sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni għall-Istati Membri biex jinnotifikaw lill-UE dwar kwalunkwe oġġett essenzjali disponibbli għal trasferiment volontarju lejn Stat Membru ieħor matul kriżijiet. Dan jista’ jinkludi l-koordinazzjoni tal-kostijiet tat-trasport u tal-użu permezz tal-Kummissjoni fil-UCPM. Fl-aħħar nett, l-istabbiliment ta’ kriterji komuni għad-diżimpenn ikkoordinat tar-riżervi matul l-emerġenzi huwa essenzjali.
|
Azzjonijiet ewlenin:
·Il-Kummissjoni se tistabbilixxi network ta’ kumulazzjoni tar-riżervi tal-UE mal-Istati Membri. In-network se jkun forum għad-diskussjoni u jkollu rwol konsultattiv. Mingħajr ma jiġi antiċipat ir-rwol tal-Kunsill f’din il-kwistjoni, dan in-network għandu jiddiskuti l-aħjar prattiki rigward il-prospettiva, l-antiċipazzjoni, l-ippjanar strateġiku u l-valutazzjonijiet tal-kosteffiċjenza, u jiżviluppa listi dinamiċi, mhux eżawrjenti u aġġornati regolarment ta’ oġġetti essenzjali mfassla għal xenarji ta’ kriżi u reġjuni differenti, filwaqt li jitqiesu l-listi settorjali eżistenti (). In-network għandu jifformula rakkomandazzjonijiet dwar kwistjonijiet bħal rekwiżiti ta’ volum, sistemi tas-sorveljanza relatati u koordinazzjoni tar-rekwiżiti minimi.
·Il-Kummissjoni - f’dan in-network il-ġdid tal-UE għall-kumulazzjoni ta’ riżervi - se ttejjeb l-interoperabbiltà tal-istokkijiet u tal-arranġamenti għall-kumulazzjoni ta’ riżervi, tippromwovi skambji tal-aħjar prattiki u tikkollabora mal-Istati Membri biex tistabbilixxi kriterji u proċeduri transsettorjali madwar l-UE għall-elementi operazzjonali fiċ-ċiklu tal-kumulazzjoni ta’ riżervi.
·Filwaqt li tqis is-sistemi settorjali eżistenti, il-Kummissjoni se tesplora l-fattibbiltà li tistabbilixxi pjattaforma għal skambji ta’ data sikura u dettaljata bejn l-UE u l-Istati Membri dwar riżervi ta’ emerġenza, filwaqt li tibni fuq il-kapaċitajiet taċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tar-Reazzjoni f’każ ta’ Emerġenza.
·Il-Kummissjoni se tkompli tippromwovi mekkaniżmi ta’ akkwist ċentralizzat u/jew konġunt fis-setturi kollha, filwaqt li tibni fuq mudelli bħall-ftehim ta’ akkwist tal-kontromiżuri mediċi, jew l-akkwist ta’ oġġetti rilevanti għall-kriżijiet skont l-Att dwar l-Emerġenzi u r-Reżiljenza tas-Suq Intern (IMERA), ir-rescEU jew il-pjattaforma għall-aggregazzjoni tad-domanda u x-xiri konġunt ta’ materja prima biex jiġi ottimizzat l-akkwist tar-riżorsi. Barra minn hekk, se tirrevedi l-qafas tal-akkwist pubbliku kif imħabbar fl-Istrateġija għal Unjoni tal-Preparatezza.
|
2.Prospettiva, Antiċipazzjoni u ppjanar strateġiku
Il-prospettiva u l-antiċipazzjoni, l-identifikazzjoni f’waqtu ta’ theddid (u opportunitajiet biex jiġu akkumulati r-riżervi) huma kruċjali għall-ippjanar effettiv tar-rekwiżiti tal-provvista u tal-kumulazzjoni ta’ riżervi għal oġġetti essenzjali. Barra minn hekk, huwa meħtieġ ippjanar strateġiku biex jiġu determinati l-aktar miżuri xierqa, rilevanti għaż-żmien u kosteffiċjenti biex jiġi żgurat li l-oġġetti essenzjali jkunu disponibbli u lesti fi kriżi jew f’kunflitt. L-oqfsa legali tal-UE għadhom frammentati f’dan ir-rigward () u jvarjaw il-prattiki madwar l-Istati Membri. F’xi oqsma, bħal kejbils sottomarini u s-sigurtà tal-grilja tal-enerġija fuq l-art, l-ispazju, id-difiża, il-prodotti agroalimentari u l-inputs agrikoli essenzjali, il-kura tas-saħħa, u s-sustanzi kimiċi għat-trattament tal-ilma, għandu jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ arranġamenti fil-livell tal-UE.
Bħala parti mill-Istrateġija għal Unjoni tal-Preparatezza, l-UE se twettaq valutazzjoni komprensiva tar-riskji u tat-theddid. Hija se toffri għarfien aktar profond dwar xenarji ta’ kriżi u ta’ kunflitt u se ttejjeb il-kuxjenza dwar ir-riskji transsettorjali u transfruntiera għal funzjonijiet vitali tas-soċjetà. Dan għandu jappoġġa l-iskambji dwar il-valutazzjonijiet tar-riskju, l-ippjanar, u l-identifikazzjoni tad-distakki ta’ oġġetti essenzjali u opportunitajiet ta’ provvista mal-Istati Membri u fl-aħħar mill-aħħar jiffaċilita fehim komuni tal-ħtiġijiet kritiċi. Eżempji ta’ prattika tajbin attwali f’dan ir-rigward jinkludu l-Bord stabbilit skont l-IMERA u l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ tħejjija u rispons għall-Kriżijiet tas-Sigurtà tal-Ikel (EFSCM).
Barra minn hekk, fil-livell tal-UE, l-għarfien mill-valutazzjonijiet eżistenti tar-riskju u tat-theddid () u mis-sistemi ta’ monitoraġġ tal-katina ta’ provvista () għandhom jinġabru flimkien u jiġu aġġornati regolarment, filwaqt li jiġu integrati studji ta’ prospettiva dwar żviluppi fit-tul tas-sigurtà tal-provvista(). Sistemi ta’ monitoraġġ awtomatizzati f’ħin reali, possibbilment appoġġati minn intelliġenza artifiċjali meta xieraq, jistgħu jantiċipaw u jittraċċaw b’mod aktar effettiv it-tfixkil fis-suq (). Koordinazzjoni aħjar tal-istrumenti differenti se ttejjeb il-kuxjenza transfruntiera u transsettorjali dwar ir-riskji u dwar l-iskarsezza ta’ oġġetti essenzjali u tipprevjeni d-duplikazzjoni tal-isforzi.
Din il-koordinazzjoni mtejba tinkludi l-kunsiderazzjoni fil-prinċipju tas-solidarjetà tal-UE fl-arranġamenti tal-ippjanar – bħall-appoġġ minn Stat Membru għal ieħor, jew mir-riżervi strateġiċi tal-UE – biex jiġu evitati jew jingħelbu n-nuqqasijiet fil-provvista, jew jingħeleb it-tfixkil fil-katina ta’ provvista b’kostijiet għoljin u konsegwenzi severi, u biex jiġi ffaċilitat il-moviment potenzjali mir-riżervi minn pajjiż għal ieħor fl-UE.
L-Istati Membri għandhom jiddiskutu l-ambitu fil-mira tar-riżervi (abbażi tal-valutazzjonijiet tar-riskju deskritti hawn fuq, biex jiġu determinati l-oqsma ta’ prijorità) u l-livelli minimi xierqa tar-riżervi taħt ċirkostanzi speċifiċi f’setturi differenti, anki biex tiġi evitata l-ħela tal-istokkjar żejjed. Approċċ komuni għall-istabbiliment ta’ volumi ta’ oġġetti essenzjali u ta’ ħtiġijiet se jwassal għal livelli komparabbli ta’ preparatezza materjali madwar l-UE, filwaqt li jissaħħu l-prontezza u r-reżiljenza ġenerali, is-solidarjetà u l-kooperazzjoni effettiva, u l-evitar tad-distorsjoni tal-funzjonament normali u s-sostenibbiltà tas-Suq Intern.
Peress li l-kumulazzjoni ta’ riżervi hija għalja u tista’ toħloq żbilanċi fis-suq, l-Istati Membri u l-UE għandhom jevalwaw diversi modi kif jiżguraw id-disponibbiltà ta’ oġġetti essenzjali fil-proċess ta’ ppjanar tagħhom u jivvalutaw il-metodoloġija rilevanti tal-kumulazzjoni ta’ riżervi. Din għandha tinkludi: l-impatt potenzjali ta’ riskju fuq funzjoni vitali tas-soċjetà; il-kritikalità tal-ħin ta’ rispons; it-trikkib bejn l-għodod u r-ridondanza. Barra minn hekk, il-fallimenti tas-suq, id-disponibbiltà tal-kapaċitajiet tal-produzzjoni u tar-riċiklaġġ u d-dipendenzi tal-UE fuq pajjiżi oħra – f’kuntest ta’ tensjonijiet ġeopolitiċi li qed jikbru – jeħtieġ li jitqiesu.
Il-kumulazzjoni ta’ riżervi jew miżuri oħra ta’ preparatezza materjali għandhom jitfasslu b’mod li jimminimizza d-distorsjonijiet tas-suq u jevitaw l-effetti avversi tad-dinamika normali tal-provvista u tad-domanda. Hemm għadd ta’ modi kif il-ktajjen ta’ provvista jsiru aktar aġli u aktar reżiljenti, bħal tagħlim mill-aħjar prattiki fl-Istati Membri u f’pajjiżi mhux tal-UE, l-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni, l-għoti ta’ spinta tal-awtosuffiċjenza tal-UE u tal-Istati Membri tagħha, iż-żieda fl-effiċjenza u fiċ-ċirkolarità tal-materjali f’riskju u t-tiftix għal alternattivi. L-istabbiliment ta’ arranġamenti mas-settur privat () biex jiġu pprovduti oġġetti essenzjali fi żmien qasir f’emerġenzi għandu jitqies ukoll.
|
Azzjonijiet ewlenin:
·Il-Kummissjoni se timmappja mekkaniżmi ta’ monitoraġġ tal-katina ta’ provvista settorjali u tinkorpora valutazzjonijiet tar-riskji tas-sigurtà tal-provvista u tal-vulnerabbiltà tal-katina ta’ provvista fil-valutazzjoni komprensiva prevista tal-UE tar-riskji u tat-theddid (azzjoni ewlenija taħt l-Istrateġija għal Unjoni tal-Preparatezza). Iċ-Ċentru futur tal-UE għall-Koordinazzjoni tal-Kriżijiet għandu jantiċipa u jimmonitorja r-riskji b’rabta ma’ kriżijiet transsettorjali.
|
3.Tnaqqis tad-distakki permezz ta’ kumulazzjoni tar-riżervi strateġika tal-UE
Il-pandemija tal-COVID-19 uriet li s-sistemi nazzjonali, anki meta jkunu koordinati tajjeb, jistgħu malajr ma jkunux jistgħu jipprovdu oġġetti essenzjali. Kienet meħtieġa azzjoni addizzjonali fil-livell tal-UE, biex jiġi indirizzat nuqqas mifrux u simultanju fl-Istati Membri kollha, inkluż fir-Reġjuni Ultraperiferiċi. Kriżijiet kumplessi simili li fihom il-pajjiżi kollha jiffaċċjaw l-istess nuqqasijiet fl-istess ħin, x’aktarx li jokkorru bi frekwenza dejjem akbar fil-futur; għaldaqstant, il-ħtieġa li tiġi żviluppata aktar il-kumulazzjoni ta’ riżervi strateġika fil-livell tal-UE. L-approċċ fil-livell tal-UE s’issa kien settorjali u limitat.
Pereżempju, il-UCPM iżomm riżervi strateġiċi fil-livell tal-UE taħt l-inizjattiva rescEU għall-użu rapidu f’każ ta’ emerġenza, inklużi r-rispons għal diżastri u l-kontromiżuri mediċi. ReliefEU, il-Kapaċità ta’ Rispons Umanitarju Ewropew, għandha riżervi ta’ provvisti umanitarji madwar id-dinja. Fir-rigward tas-saħħa tal-annimali, il-Kummissjoni żżomm banek ta’ antiġeni u ta’ vaċċini ta’ emerġenza għall-mard transfruntier. L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għandha bastimenti ta’ riżerva għal risponsi għat-tixrid taż-żejt. Il-Bank Ċentrali Ewropew jimmaniġġa riżerva strateġika ta’ karti tal-flus. Eżempji oħra ta’ approċċ ta’ kumulazzjoni ta’ riżervi madwar l-UE fil-qasam tal-enerġija huma l-Pjan Direzzjonali REPowerEU, li jistabbilixxi eliminazzjoni gradwali koordinata u sikura tal-importazzjonijiet tal-gass, taż-żejt u tal-enerġija nukleari Russi kif ukoll il-kumulazzjoni ta’ riżerva ta’ komponenti ewlenin biex jiġi żgurat irkupru malajr minn blackouts fit-trażmissjoni u d-distribuzzjoni tal-enerġija.
Fost dawn il-mekkaniżmi ta’ kumulazzjoni ta’ riżervi fil-livell tal-UE, rescEU hija waħda mill-akbar transsettorjali u l-aktar versatili. Hija tinsab fil-qalba tal-arranġamenti tal-UE għall-kumulazzjoni ta’ riżervi ta’ emerġenza, f’kuntest li fih l-arranġamenti tal-kumulazzjoni ta’ riżervi fil-livell tal-UE jeżistu f’setturi limitati.
Aktar ’l quddiem, l-UE għandha żżomm u żżid ir-riżervi strateġiċi tal-UE tagħha, filwaqt li tibni fuq il-mudell ta’ rescEU (ara l-Anness 2 għal aktar dettalji dwar il-konsolidazzjoni tar-riżerva eżistenti ta’ rescEU u ta’ perkorsi possibbli għall-futur). Il-Kummissjoni se tivvaluta l-adegwatezza tal-espansjoni tar-riżervi strateġiċi għal tipi oħra ta’ kapaċitajiet li għalihom jiġu identifikati d-distakki.
Din l-analiżi għandha tinġabar flimkien ma’ analiżijiet u identifikazzjonijiet ta’ distakki oħra minn setturi li tradizzjonalment mhumiex marbuta mal-protezzjoni ċivili, bħal dawk li jidhru fl-Istrateġija Ewropea reċenti għar-Reżiljenza tal-Ilma u fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar is-Sigurtà tal-Kejbils. Pereżempju, il-moduli funzjonali għat-tiswija tal-kejbils jistgħu jkunu parti mill-istrateġija għall-kumulazzjoni tar-riżervi tal-UE biex jiġi żgurat irkupru fil-pront minn tfixkil fil-provvista tal-enerġija jew tal-kejbils fibrottiċi. Għal ċerti oġġetti, bħal art rari u kalamiti permanenti, il-kumulazzjoni ta’ riżervi ta’ emerġenza tista’ sservi wkoll ta’ lqugħ sakemm il-ktajjen ta’ provvista mfixkla jadattaw għal realtà ġdida.
Se jitqiesu wkoll kooperazzjoni msaħħa bejn is-settur pubbliku u dak privat u soluzzjonijiet aktar innovattivi bħall-kumulazzjoni ta’ riżervi virtwali u inventarji bbażati fuq il-bejjiegħa. Pereżempju, fl-2026, il-Kummissjoni se tistabbilixxi Ċentru tal-UE għall-Materja Prima Kritika biex takkwista b’mod konġunt materja prima f’isem kumpaniji interessati u f’kooperazzjoni mal-Istati Membri. Il-monitoraġġ tal-katina ta’ provvista u l-koordinazzjoni tal-ħażniet strateġiċi huma mmarkati bħala kompiti addizzjonali potenzjali ().
Il-Kummissjoni se tkompli wkoll tiżgura li jiġu segwiti prattiki effiċjenti ta’ ġestjoni tal-kumulazzjoni ta’ riżervi, speċifikament adattati għat-tip u n-natura tar-riżerva. Prattiki effiċjenti ta’ ġestjoni tal-kumulazzjoni ta’ riżervi ma jittrattawx biss il-fatt li jkun hemm teknoloġija jew sistemi avvanzati fis-seħħ, iżda wkoll dwar il-fatt li jkun hemm professjonisti b’ħiliet biex ifasslu u jimmaniġġaw ir-riżervi, jiġifieri b’rispons għal diżastri naturali u emerġenzi. L-iffaċilitar tat-taħriġ u l-iżvilupp tal-forza tax-xogħol f’dan il-qasam huwa komponent ewlieni ta’ titjib u effiċjenza kontinwi.
Il-ġestjoni effiċjenti tal-kumulazzjoni ta’ riżervi tinkludi prattiki anki għar-rotazzjoni u r-riforniment ta’ oġġetti, u l-użu ta’ donazzjonijiet ta’ oġġetti, li jkunu waslu qrib id-data ta’ skadenza tagħhom. Dan jinvolvi wkoll il-valutazzjoni tal-possibbiltà li jiġu stabbiliti riżervi virtwali u jsiru arranġamenti ma’ operaturi tas-settur privat għall-provvista ta’ oġġetti speċifiċi, fi żminijiet ta’ kriżi. Fuq dan il-punt, il-Kummissjoni se tħares ukoll lejn ir-ritorn ta’ oġġetti li jistgħu jintużaw mill-ġdid wara l-ewwel użu, biex jiġi massimizzat il-valur miżjud tal-assi ta’ rescEU.
L-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija għandha tqis ukoll l-isfidi speċifiċi tal-kumulazzjoni ta’ riżervi u fil-provvista ta’ prodotti li jistgħu jinħażnu biss għal żmien qasir, bħal isotopi radjuattivi mediċi u l-materjali sors għall-produzzjoni tagħhom.
|
Azzjonijiet ewlenin:
·Il-Kummissjoni se ssaħħaħ ir-rescEU bħala r-riżerva tal-kapaċitajiet ta’ rispons fil-livell tal-UE. Din se tespandi biex tkopri aktar kapaċitajiet, wara konsultazzjoni mal-Istati Membri u fuq il-bażi ta’ valutazzjoni tad-distakki, li tqis ukoll il-potenzjal għat-tnaqqis tal-vulnerabbiltà permezz tal-ottimizzazzjoni tal-użu tar-riżorsi u s-sostituzzjoni possibbli (ara l-Anness 2).
·Il-Kummissjoni se tiżgura r-riforniment tal-ħażniet ta’ rescEU wara l-użu, filwaqt li ssegwi approċċ proattiv għall-iżvilupp tal-kapaċità ta’ rescEU.
·Il-Kummissjoni se taħdem biex tikkonsolida l-għodod eżistenti biex tiggwida l-assistenza in natura tas-settur privat bħala parti minn rescEU, kemm għall-preparatezza kif ukoll għar-rispons, bħala komplement għar-riżervi strateġiċi tal-UE.
|
4.Tisħiħ ta’ infrastruttura robusta u interoperabbli tat-trasport u tal-loġistika
L-iżgurar tad-disponibbiltà ta’ oġġetti essenzjali fi żminijiet ta’ kriżi fis-setturi u bejn il-fruntieri jiddependi fuq infrastruttura robusta u interoperabbli tat-trasport, tal-loġistika u tal-kumulazzjoni ta’ riżervi. Dan japplika matul iċ-ċiklu kollu tal-kumulazzjoni ta’ riżervi, mill-ġestjoni tal-ktajjen ta’ provvista sal-użu, u jinvolvi lill-partijiet kollha – l-Istati Membri, il-Kummissjoni, is-settur militari u dak privat. Disturbi fil-ktajjen tal-loġistika jistgħu jħallu impatt serju fuq ir-rispons għall-kriżijiet, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-UE.
L-UE għandha ttejjeb il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni biex toħloq politiki u oqfsa regolatorji adattabbli għall-moviment transfruntier fi żminijiet ta’ kriżi u ta’ tfixkil. Dan jinkludi s-simplifikazzjoni tal-proċeduri għaċ-ċaqliq u l-allokazzjoni ta’ riżorsi bejn il-fruntieri u l-għoti ta’ flessibbiltà mmirata fir-regolamenti dwar it-trasport (). Dan l-approċċ għandu jitqies fil-kuntest tal-ħidma li għaddejja bħalissa u dik li ġejja fuq il-mobbiltà militari, fejn l-iffaċilitar tat-trasport transfruntier bla xkiel madwar l-UE ta’ tagħmir u persunal militari, b’mod partikolari fi żminijiet ta’ kriżi u ta’ tfixkil, huwa kruċjali għat-tisħiħ tal-preparatezza, tal-kapaċità ta’ rispons u tal-pożizzjoni ta’ deterrenza kredibbli tal-UE.
Barra minn hekk, l-UE għandha tiżgura li l-infrastruttura tal-kumulazzjoni ta’ riżervi tagħha tkun reżiljenti, sikura u aċċessibbli. Il-kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar il-ħtiġijiet u, meta possibbli, il-postijiet għar-riżervi hija kruċjali għall-iżvilupp tan-network tat-trasport kif xieraq. Il-kumulazzjoni ta’ riżervi tista’ tgħin ukoll biex tiġi salvagwardjata d-disponibbiltà tal-oġġetti meħtieġa biex jinżammu entitajiet kritiċi reżiljenti tat-trasport biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-operat u jinżammu funzjonijiet vitali tat-trasport u tal-loġistika.
Fl-aħħar nett, is-sistemi interoperabbli ċivili u militari tat-trasport u tal-loġistika huma essenzjali biex jiġi żgurat il-moviment rapidu tal-persunal, tat-tagħmir u tal-ħażniet madwar l-UE matul il-kriżijiet u l-kunflitti. L-investiment fl-infrastruttura u fl-assi kritiċi tat-trasport għandu jingrana l-potenzjal tagħhom ta’ użu doppju. L-ippjanar ta’ postijiet tal-kumulazzjoni ta’ riżervi ċivili għandu jkun ikkoordinat aħjar mal-ħidma li għaddejja bħalissa fil-livell tal-UE fuq il-mobbiltà militari u b’mod partikolari l-pakkett ta’ mobbiltà militari li jmiss. Kwalunkwe valutazzjoni tar-riskju tal-kumulazzjoni ta’ riżervi għandha tidentifika u tevita konġestjonijiet f’rotot u f’nodi strateġiċi tat-trasport.
|
Azzjonijiet ewlenin:
·Il-Kummissjoni se tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn in-Network ta’ Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali għat-Trasport għal koordinazzjoni mtejba fis-settur tat-trasport u n-network tal-UE għall-kumulazzjoni ta’ riżervi.
·Filwaqt li tibni fuq il-proċessi eżistenti, il-Kummissjoni, flimkien ma’ aġenziji rilevanti u partijiet ikkonċernati oħra, se taħdem biex tippromwovi t-tħejjija għall-kriżijiet f’konformità mal-Pjan ta’ Kontinġenza tal-UE għat-Trasport ().
·Filwaqt li tqis debitament it-tħassib rilevanti dwar is-sigurtà, il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), flimkien mal-Istati Membri, se jagħmlu ħilithom biex jallinjaw aħjar il-postijiet tal-kumulazzjoni ta’ riżervi mal-mobbiltà militari tal-UE. Huma se jippromwovu wkoll l-investiment fl-infrastruttura u fl-assi tat-trasport b’potenzjal ta’ użu doppju.
|
|
|
5.Titjib tal-kooperazzjoni ċivili-militari
F’bosta xenarji ta’ kriżi, bħal eventi ta’ temp estrem, l-awtoritajiet ċivili jeħtieġu appoġġ militari. Min-naħa l-oħra, approċċ li jkopri l-perikli kollha għall-preparatezza materjali tal-UE li jinvolvi t-tħejjija għall-kriżijiet u l-kunflitti fuq skala kbira, meta il-kooperazzjoni ċivili-militari hija indispensabbli. Il-ġlieda u l-ġestjoni effettivi tal-konsegwenzi tal-forom kollha ta’ attakki, inklużi t-theddid ibridu u l-aggressjoni armata, jiddependu b’mod sinifikanti fuq il-kapaċitajiet u r-riżorsi ċivili. Biex jiżviluppa u jżomm il-prontezza materjali, il-kapaċità loġistika u r-reżiljenza tiegħu, il-militar jiddependi fuq il-funzjonament ta’ sistemi usa’ tas-soċjetà.
Pereżempju, l-Istrateġija għall-Kontromiżuri Mediċi tenfasizza li l-kontromiżuri mediċi meħtieġa għall-użu ċivili fl-isptarijiet jew għall-użu militari tal-ewwel linji spiss ikunu l-istess. It-tisħiħ tal-kooperazzjoni ċivili-militari dwar il-kontromiżuri mediċi jsaħħaħ il-prontezza miltari u tas-soċjetà għall-emerġenzi u jagħti spinta lill-kapaċità tal-produzzjoni u tal-użu.
Il-proposta attwali tal-Kummissjoni għall-Programm għall-Industrija tad-Difiża Ewropea (EDIP, European Defence Industry Programme) fiha proposti maġġuri dwar attivitajiet ta’ kumulazzjoni ta’ riżervi militari, kif ukoll elementi ġodda rilevanti għall-kooperazzjoni ċivili-militari fil-preparatezza materjali. Hija tenfasizza l-ħtieġa għal reġim tal-UE għas-sigurtà tal-provvista għall-industrija tad-difiża, li għandu jippermetti lill-UE u lill-Istati Membri jantiċipaw u jindirizzaw il-konsegwenzi ta’ kriżijiet fil-provvista permezz ta’ diversi azzjonijiet, bħall-adattament ta’ prodotti ċivili u l-ħolqien ta’ riżervi strateġiċi. Ladarba jkun fis-seħħ, l-EDIP jipprovdi qafas għal aktar tisħiħ tal-kooperazzjoni dwar il-kumulazzjoni ta’ riżervi militari, pereżempju permezz ta’ appoġġ finanzjarju għall-attivitajiet tal-kumulazzjoni ta’ riżervi relatati mad-difiża tal-Istati Membri. Hemm potenzjal ċar biex jiżdiedu l-interoperabbiltà, l-interkambjabbiltà u l-komplementarjetà tal-assi ċivili u tad-difiża, tal-oġġetti b’użu doppju u/jew tar-riżervi kondiviżi, meta rilevanti għaż-żewġ setturi, inkluż għall-infrastruttura b’użu doppju għall-komunikazzjonijiet, in-navigazzjoni u l-osservazzjoni bbażati fl-ispazju.
Fl-istess ħin, hemm lok għal kooperazzjoni u koordinazzjoni mtejba bejn il-partijiet ikkonċernati ċivili u militari fil-preparatezza materjali, inkluż sħab tal-istess fehma, speċjalment in-NATO. L-oqsma rilevanti għal kooperazzjoni u koordinazzjoni miżjuda jistgħu jinkludu s-sigurtà tal-provvisti u tal-istokkijiet, is-sigurtà tal-enerġija u tal-ilma, il-kontromiżuri mediċi u l-ġestjoni strateġika tar-riżorsi.
|
Azzjonijiet ewlenin:
·Flimkien mas-SEAE, il-Kummissjoni se tiffaċilita diskussjonijiet fin-network tal-UE għall-kumulazzjoni ta’ riżervi biex jiġu skambjati l-aħjar prattiki dwar il-kooperazzjoni ċivili-militari, b’mod partikolari biex jiġi esplorat kif ir-riżervi ċivili jistgħu jqisu r-rekwiżiti u l-ħtiġijiet militari.
·Flimkien mas-SEAE, il-Kummissjoni se tespandi l-kooperazzjoni eżistenti tal-persunal man-NATO, b’mod partikolari permezz tad-Djalogu Strutturat dwar ir-Reżiljenza, biex tindirizza l-preparatezza materjali u l-kumulazzjoni ta’ riżervi.
|
6.Trawwim ta’ kooperazzjoni pubblika-privata
Kuljum, in-negozji jakkwistaw, jipproduċu, jaħżnu u jiddistribwixxu oġġetti essenzjali u jimmaniġġaw infrastruttura kritika. Madankollu, huma dejjem aktar esposti għal riskji u theddid li jista’ jkollhom impatt fuq il-ktajjen ta’ provvista u l-operazzjonijiet normali tagħhom. F’sitwazzjonijiet ta’ kriżi, dan it-tfixkil jista’ jikkostitwixxi riskji serji għas-soċjetà. Barra minn hekk, is-settur privat għandu għarfien espert sinifikanti rilevanti għall-preparatezza materjali, kif rikonoxxut fl-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà Ekonomika. L-involviment tan-negozji fil-fażijiet kollha tal-kumulazzjoni ta’ riżervi - l-antiċipazzjoni, il-ġestjoni tal-ktajjen ta’ provvista, il-kapaċitajiet tal-produzzjoni, ix-xiri, il-ġestjoni tar-riżervi u l-użu – huwa kruċjali biex tingħata spinta lill-effiċjenza. Fil-livell tal-UE, diġà jeżistu oqfsa differenti li jiffaċilitaw il-kooperazzjoni pubblika-privata f’dan ir-rigward (), iżda approċċ transettorjali aktar komprensiv u madwar l-UE jgħin biex jikkoordina u jikkumplementa dawn l-inizjattivi eżistenti.
It-Task Force għall-Preparatezza pubblika-privata li għandha tiġi stabbilita skont l-Istrateġija għal Unjoni tal-Preparatezza se tilħaq b’mod effettiv lir-rappreżentanti tan-negozji rilevanti biex tibni forma aktar aġli ta’ preparatezza li tista’ tindirizza jew tantiċipa l-konġestjonijiet jew ir-riskji tal-katina ta’ provvista u tappoġġa l-kumulazzjoni ta’ riżervi u l-produzzjoni ta’ emerġenza, meta meħtieġ. It-Task Force għall-Preparatezza pubblika-privata għandha tagħti input rilevanti fin-network tal-UE għall-kumulazzjoni ta’ riżervi.
Il-kooperazzjoni fit-Task Force għall-Preparatezza pubblika-privata tista’ tiffaċilita l-immappjar ta’ kumpaniji Ewropej ewlenin involuti fil-preparatezza materjali, abbażi ta’ kriterji ċari. Il-kooperazzjoni għandha tippromwovi wkoll l-iskambju tal-aħjar prattiki biex tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri u tal-kumpaniji biex isiru aktar reżiljenti għal xokkijiet interni u esterni għall-arranġamenti ta’ kumulazzjoni ta’ riżervi, f’konformità mar-regoli u l-prinċipji tal-kompetizzjoni u tas-suq uniku kif ukoll ma’ rekwiżiti minimi futuri potenzjali tal-preparatezza kif previst fl-Istrateġija għal Unjoni tal-Preparatezza.
Barra minn hekk, l-UE għandha tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-UE, l-Istati Membri u l-industrija fl-iżvilupp ta’ għodod għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar il-ktajjen kritiċi ta’ provvista u l-kumulazzjoni ta’ riżervi, filwaqt li tibni fuq oqfsa settorjali eżistenti, u f’konformità sħiħa mad-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE.
Barra minn hekk, huwa meħtieġ mudell tal-UE għal djalogu proattiv bejn is-setturi pubbliċi u privati biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-operat matul kriżijiet. L-iżvilupp ta’ proċeduri għall-provvista ta’ oġġetti essenzjali f’emerġenzi, għal operazzjonijiet konġunti tal-kumulazzjoni ta’ riżervi u sħubijiet f’każ ta’ kriżi ma’ kumpaniji loġistiċi jista’ jkun ta’ benefiċċju. L-għarfien espert tas-settur privat għandu jintuża fil-promozzjoni tal-iżvilupp ta’ ġestjoni innovattiva ta’ riżervi, inklużi riżervi virtwali.
L-Istati Membri implimentaw mudelli ta’ suċċess biex jinċentivaw il-kooperazzjoni mas-settur privat fil-kumulazzjoni ta’ riżervi strateġiċi biex jikkumpensaw għall-kostijiet addizzjonali involuti fil-kumulazzjoni ta’ riżervi, pereżempju inċentivi tat-taxxa u skemi ta’ garanzija. Dawn il-mudelli għandhom jiġu esplorati aktar mas-settur privat u jiġu kondiviżi bejn l-Istati Membri.
|
Azzjonijiet ewlenin:
·In-network tal-UE għall-kumulazzjoni ta’ riżervi se jimmappja u jidentifika l-aħjar prattiki, soluzzjonijiet u inċentivi ġodda biex jagħmilha attraenti biex il-kumpaniji jikkontribwixxu għal reżiljenza akbar u għall-provvista ta’ oġġetti essenzjali. Huwa se jorbot dan ma’ riflessjonijiet dwar l-awtonomija strateġika.
·Linja ta’ ħidma dedikata fit-Task Force għall-Preparatezza pubblika-privata prevista skont l-Istrateġija għal Unjoni tal-Preparatezza se tiddiskuti kriterji li għandhom jintużaw fl-immappjar ta’ kumpaniji Ewropej ewlenin involuti fil-produzzjoni ta’ oġġetti essenzjali u fl-iffaċilitar tal-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki fl-iżgurar ta’ prodotti essenzjali fi kriżijiet, li jkopru s-sigurtà tal-katina ta’ provvista, l-effiċjenza u ċ-ċirkolarità tar-riżorsi , l-interoperabbiltà, mudelli innovattivi ta’ kumulazzjoni ta’ riżervi, il-ġestjoni tal-kumulazzjoni ta’ riżervi, l-iżgurar tar-rotazzjonijiet tal-istokkijiet u l-użu tar-riżervi.
|
7.Trawwim tal-kooperazzjoni f’azzjoni esterna u fi sħubijiet internazzjonali
Fid-dinja interkonnessa tal-lum, l-iżgurar tal-aċċess għal oġġetti essenzjali matul il-kriżijiet jiddependi fuq ktajjen ta’ provvista globali. Is-sigurtà u r-reżiljenza tal-UE u tal-viċinat tagħha huma interkonnessi mill-qrib u jikkostitwixxu fattur ta’ stabbiltà. Bit-trawwim ta’ sħubijiet internazzjonali, l-iskambju ta’ prattiki tajbin u l-użu tal-għodod ta’ politika esterna tagħha, l-UE tista’ ttejjeb il-preparatezza materjali tagħha.
L-UE għandha ssaħħaħ aktar il-kooperazzjoni fil-preparatezza materjali ma’ pajjiżi ġirien, filwaqt li tibni fuq il-kooperazzjoni eżistenti, bħal mal-Istati Parteċipanti tal-UCPM (), jew mal-pajjiżi sħab fis-Sistema komunitarja ta’ skambju ta’ informazzjoni radjoloġika urġenti (ECURIE) għal emerġenzi radjoloġiċi (). Il-Patt Ġdid li jmiss għall-Mediterran se joffri aktar opportunitajiet ma’ pajjiżi fil-baċir tal-Mediterran u tal-Lvant Nofsani, u l-Istrateġija tal-UE għar-reġjun tal-Baħar l-Iswed () li tnediet dan l-aħħar se żżid il-preparatezza tal-Ewropa billi ttejjeb it-trasport, l-enerġija u l-konnessjonijiet diġitali. Il-finanzjament minn strumenti bħall-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI - Global Europe, Neighbourhood, Development and International Cooperation Instrument) jew l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni III huma essenzjali għall-ħolqien ta’ reżiljenza reċiproka. Barra minn hekk, l-UE għandha tislet b’mod speċifiku tagħlimiet mill-esperjenza tal-Ukrajna fl-iżgurar tal-provvista ta’ oġġetti essenzjali matul kunflitt armat. Barra minn hekk, l-UE għandha tinkludi lill-Ukrajna b’mod aktar sistematiku fl-isforzi tagħha ta’ kumulazzjoni ta’ riżervi, inkluż fil-ktajjen ta’ provvista Ewropej, minħabba l-esperjenzi tal-Ukrajna
Biex jitnaqqsu l-vulnerabbiltajiet tal-katina ta’ provvista u tissaħħaħ l-awtonomija strateġika tagħha, l-UE għandha ssaħħaħ il-ftehimiet u l-alleanzi bilaterali internazzjonali strateġiċi eżistenti, u, meta xieraq, tiżviluppa aktar jew toħloq sħubijiet imfassla apposta u ta’ benefiċċju reċiproku ma’ pajjiżi mhux tal-UE f’setturi bħall-enerġija, is-saħħa, l-ilma, id-difiża u l-materja prima, filwaqt li tikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli. Is-sħubijiet ta’ benefiċċju reċiproku skont l-Istrateġija Global Gateway għandhom jiġu ingranati meta rilevanti. Barra minn hekk, għandu jsir użu minn għodod bħal Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles, Sħubijiet għal Kummerċ u Investimenti Nodfa, Sħubijiet strateġiċi dwar il-materja prima, jew fil-futur, sħubijiet strateġiċi dwar mediċini kritiċi u Sħubijiet Diġitali.
L-UE għandha żżid aktar il-kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u f’fora multilaterali. Pereżempju, il-parteċipazzjoni tal-UE fl-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (AIE), b’mod partikolari fil-Programm għas-Sigurtà tal-Minerali Kritiċi, u s-sħubija tal-UE mal-Organizzazzjoni tal-Ġappun għall-Metalli u s-Sigurtà tal-Enerġija (JOGPEC, Japan Organisation for Metals and Energy Security) għat-traċċar ta’ materja prima kritika huma notevoli, kif huwa l-involviment f’Gavi, l-Alleanza għall-Vaċċini fis-settur tas-saħħa, għall-kumulazzjoni ta’ riżervi ta’ vaċċini fid-dinja.
L-UE għandha tuża wkoll politiki ekonomiċi u ta’ kooperazzjoni esterni biex tappoġġa l-infrastruttura rilevanti diġitali, tat-trasport u tal-loġistika. L-aċċess miftuħ u sikur għall-beni komuni globali u għad-dominji strateġiċi, bħal rotot tal-provvista marittima u kejbils sottomarini, huwa vitali wkoll għas-sigurtà tal-provvista. Il-kejbil sottomarin MEDUSA, appoġġat mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Bank Ewropew tal-Investiment Globali, se jipprovdi konnettività b’veloċità għolja bejn ix-xtut tat-Tramuntana u dawk tan-Nofsinhar tal-Mediterran u se jiġi estiż sal-Afrika tal-Punent. Barra minn hekk, ir-Rotta tat-Trasport Internazzjonali Trans-Kaspju u t-12-il Rotta ta’ Prijorità ta’ Global Gateway fl-Afrika huma eżempji ewlenin tal-fokus tal-UE fuq l-istabbiliment ta’ rotot alternattivi u sostenibbli tat-trasport. Il-Kuritur Ekonomiku propost bejn l-Indja, il-Lvant Nofsani u l-Ewropa (IMEC, India-Middle East-Europe Economic Corridor) se jkollu l-potenzjal li jsaħħaħ il-konnettività madwar il-kontinenti.
Fl-iżvilupp tal-istrateġiji tagħha għall-kumulazzjoni ta’ riżervi, l-UE għandha tiżgura li tali miżuri ma jimminawx is-sigurtà globali tal-ikel. F’dan il-kuntest, l-UE se tkompli bl-involviment tagħha f’oqfsa ta’ kooperazzjoni internazzjonali bħall-inizjattiva tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar is-Swieq Agrikoli (AMIS, Agricultural Market Information System) tal-G20 li tippromwovi t-trasparenza u l-koordinazzjoni fis-swieq agroalimentari globali.
Fl-aħħar nett, l-UE għandha żżid is-sinerġiji bejn l-isforzi interni u esterni tal-UE għall-kumulazzjoni ta’ riżervi, l-għajnuna umanitarja u s-sħubijiet internazzjonali. Ir-riflessjonijiet attwali dwar il-ktajjen ta’ provvista strateġiċi jistgħu jwasslu għal kisbiet sinifikanti fl-effiċjenza bil-ħsieb tad-distakki drammatiċi attwali fil-finanzjament fis-settur umanitarju u jistgħu jservu bħala eżempju għal titjib fl-effiċjenza fl-UE. ReliefEU tnaqqas id-distakk bejn il-ħtiġijiet urġenti f’żoni milquta minn kriżi u r-riżorsi disponibbli mis-sħab Ewropej. Hija tikkontribwixxi għal sistema flessibbli u reattiva li tadatta kemm għal diżastri immedjati kif ukoll għall-isfidi umanitarji li jkunu għaddejjin, filwaqt li tiżgura li r-riżorsi jitwasslu b’mod effettiv u effiċjenti fejn ikunu l-aktar meħtieġa.
|
Azzjonijiet ewlenin:
·L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tal-UE għandhom isaħħu l-kollaborazzjoni ma’ pajjiżi tal-viċinat, ma’ pajjiżi tal-istess fehma u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali dwar it-tħejjija għall-kriżi, bħal fil-qasam tal-emerġenzi tas-saħħa.
·Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri lejn koordinazzjoni aktar mill-qrib fuq riżervi, filwaqt li tesplora l-opzjonijiet għal akkwist konġunt u ħżin kondiviż madwar id-dinja, f’kooperazzjoni u f’koordinazzjoni mal-awtoritajiet Reġjonali dwar ir-Rispons fil-każ ta’ Diżastru biex tiffaċilita d-dispaċċ malajr u ottimali ta’ oġġetti tal-għajnuna umanitarja.
·Il-Kummissjoni se ttejjeb is-sinerġiji bejn l-isforzi interni u esterni tal-UE għall-kumulazzjoni ta’ riżervi.
|
8.Konklużjoni u passi li jmiss
It-tisħiħ tal-preparatezza materjali u tar-riżervi strateġiċi tal-UE huwa komponent kruċjali biex tissaħħaħ il-preparatezza fis-soċjetajiet Ewropej taħt riskji u theddid ta’ kriżi li qed jiżdiedu. L-Istrateġija għall-Kumulazzjoni tar-Riżervi tal-UE tipprovdi pass inizjali lejn approċċ komprensiv u koordinat, filwaqt li tappoġġa lill-Istati Membri b’azzjonijiet konġunti fil-livell tal-UE meta meħtieġ.
Il-preparatezza materjali tirrikjedi l-investimenti. Dawn il-kostijiet huma megħluba minn gwadanji fir-reżiljenza, tnaqqis fit-tfixkil, nefqa aktar baxxa għall-irkupru, żieda fil-kompetittività fit-tul u kostijiet li x’aktarx ikunu aktar baxxi f’termini ta’ ħajjiet u ta’ għajxien. Il-prinċipju tal-preparatezza u tas-sigurtà sa mit-tfassil, azzjoni ewlenija tal-Istrateġija għal Unjoni tal-Preparatezza, se jkollu rwol sinifikanti fl-iżgurar ta’ appoġġ finanzjarju sostenibbli u fit-tul għal preparatezza materjali u żamma tar-riżervi strateġiċi mtejba. Il-Kummissjoni se tqis l-importanza tal-preparatezza materjali u taż-żamma tar-riżervi strateġiċi tal-UE fil-proposti għall-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss.
Fil-futur, il-Kummissjoni se tinvolvi ruħha mal-Istati Membri, mas-SEAE, mal-Parlament Ewropew u mal-partijiet ikkonċernati biex tiddiskuti u timplimenta l-azzjonijiet inizjali stabbiliti f’din l-istrateġija. Il-flussi ta’ ħidma tan-network għall-kumulazzjoni tar-riżervi tal-UE u t-Task Force għall-Preparatezza se jagħmluha possibbli li tiġi approfondita l-analiżi tad-distakki u tal-ħtiġijiet, li tiġi ggwidata l-implimentazzjoni tal-miżuri u li jiġu identifikati aktar ħtiġijiet għal azzjoni. B’mod parallel, l-Istrateġija għall-Kumulazzjoni tar-Riżervi tal-UE se tikkomplementa l-inizjattivi ta’ preparatezza settorjali. Fl-2026, il-Kummissjoni se tieħu rendikont tal-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija.
It-tagħlim kontinwu, il-kondiviżjoni ta’ prattiki tajbin u l-innovazzjoni se jixprunaw politika robusta u mifruxa mal-UE kollha dwar il-preparatezza materjali u l-kumulazzjoni ta’ riżervi.
Billi ssaħħaħ il-preparatezza materjali tagħha, l-UE tista’ tiżgura d-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà ta’ oġġetti essenzjali, biex b’hekk tissalvagwardja l-funzjonament mingħajr interruzzjoni tal-ktajjen ta’ provvista u l-funzjonijiet vitali tas-soċjetà u ttejjeb il-benesseri u s-sigurtà taċ-ċittadini Ewropej.
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 9.7.2025
COM(2025) 528 final
ANNESS
tal-
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni
Strateġija għall-Kumulazzjoni tar-Riżervi tal-UE: Nagħtu spinta lill-preparatezza materjali tal-UE għall-kriżijiet
ANNESS 2 – Il-futur tar-riżervi tar-rescEU
Ix-xenarju tar-riskju attwali u l-esperjenzi operazzjonali enfasizzaw il-ħtieġa li tissaħħaħ u tiġi żviluppata aktar ir-riżerva tar-rescEU, f’konformità mal-azzjoni ewlenija stabbilita mill-Istrateġija għal Unjoni tal-Preparatezza. L-għan ta’ din il-bażi għandu jkun li jiġu kkumplementati l-kapaċitajiet nazzjonali u li tiġi segwita f’allinjament sħiħ ma’ inizjattivi oħra tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (UCPM, Union Civil Protection Mechanism) bħar-Riżerva Ewropea ta’ Protezzjoni Ċivili (ECPP, European Civil Protection Pool), biex jiġu ottimizzati s-sinerġiji u l-gwadanji operazzjonali.
L-ewwel kapaċitajiet tar-rescEU ġew stabbiliti biex jirrispondu għar-riskju speċifiku ħafna u li qed jiżdied ta’ nirien fis-selvaġġ. Segwew tipi ta’ kapaċitajiet addizzjonali, b’rispons għax-xenarju tar-riskju li qed jinbidel. F’konformità mal-Istrateġija għal Unjoni tal-Preparatezza, huwa importanti li tiġi adottata mentalità proattiva ta’ preparatezza, li tippermetti lir-rescEU tissodisfa l-isfidi attwali u futuri.
L-esperjenza operazzjonali enfasizzat l-effettività ta’ kapaċitajiet versatili bi skopijiet multipli fit-twassil ta’ appoġġ f’varjetà wiesgħa ta’ xenarji, kif rifless fir-rapport ta’ progress tal-kapaċità li għadu kif ġie adottat dwar il-kapaċitajiet ta’ rispons tal-UCPM (). B’mod speċifiku, intwera li huwa ekonomikament effiċjenti li jiġu rkuprati assi ta’ self ta’ valur għoli biex iservu emerġenzi oħra u tittejjeb is-sostenibbiltà ġenerali tar-riżerva. Kwalunkwe bini tal-kapaċitajiet fil-futur jeħtieġ li jkun akkumpanjat minn rikostituzzjoni f’waqtha tar-riżervi, li jagħmilha possibbli li tiġi restawrata l-prontezza u tiżdied l-affidabbiltà tal-kapaċitajiet tar-rescEU fuq perjodu itwal ta’ żmien.
Biex tkompli tibni riżervi strateġiċi solidi u sostenibbli fil-livell tal-UE, il-Kummissjoni tipproponi li tikkonsolida aktar ir-riżervi eżistenti, biex tiżgura l-kontinwità u tottimizza r-redditu fuq l-investiment. Tipi addizzjonali potenzjali ta’ kapaċitajiet, li għalihom il-valur miżjud tal-UE jkun ottimizzat, jistgħu jiġu identifikati u possibbilment ikkwantifikati, flimkien mal-Istati Membri.
Kapaċitajiet eżistenti tar-rescEU
Bil-ħsieb tal-ħidma mwettqa mal-Istati Membri permezz tal-inizjattiva għall-bini ta’ xenarji u r-riskji li nħolqu mit-tibdil fil-klima u mit-theddid relatat mas-sigurtà, hemm il-ħtieġa li jkomplu jiġu żviluppati ċerti tipi ta’ assi tar-rescEU, biex jiżdied il-livell ġenerali ta’ preparatezza fil-livell tal-UE u jiġi żgurat redditu fuq investimenti tal-passat f’dawn l-aħħar snin.
Fuq dik il-bażi, il-Kummissjoni tipproponi li żżid l-isforzi fl-oqsma li ġejjin:
·Assi tat-tifi tan-nar: Ir-riskju ta’ nirien fis-selvaġġ żdied madwar l-Ewropa. Għalhekk, huma meħtieġa aktar assi tat-tifi tan-nar biex tingħata spinta lill-preparatezza fil-UCPM kollu. Dawn jinkludu proġetti u inizjattivi Ewropej futuri possibbli li jsaħħu l-awtonomija strateġika tal-UE dwar assi ewlenin ta’ rispons ċivili. Bħala riżultat taż-żieda qawwija fil-prezzijiet, intwera li huwa impossibbli li jiġu żgurati dawk il-kapaċitajiet kollha inklużi fl-istrateġija rilevanti, adottata fl-2019 mill-Kumitat għall-Protezzjoni Ċivili, stabbilit mill-UCPM. L-UE trid, bħala minimu assolut, speċjalment għall-pajjiżi storikament suxxettibbli għan-nirien fis-selvaġġ, iżżomm il-livell attwali ta’ ambizzjoni fir-rigward ta’ ajruplani u ħelikopters anfibji medji. Aktar kapaċitajiet, mhux previsti taħt l-Istrateġija tal-2019 – fil-forma ta’ ħelikopters u/jew ajruplani ħfief addizzjonali - se jkunu meħtieġa biex jiġu mgħammra aħjar xi żoni li jkunu għadhom kif ġew mhedda min-nirien fis-selvaġġ.
·Riżervi mediċi u riżervi għal emerġenzi kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari (CBRN, chemical, biological, radiological and nuclear): Tagħlima waħda meħuda mill-pandemija tal-COVID-19 kienet l-importanza li jiġu żviluppati u sostnuti riżervi mediċi komprensivi. Filwaqt li l-apparati mediċi jistgħu jintużaw f’firxa differenti ta’ xenarji u emerġenzi, ir-riżervi huma mmirati wkoll għal theddid eżistenti u possibbli futuri relatat mas-saħħa, bħall-mard żoonotiku, il-ħruq u l-mard infettiv. Il-bini ta’ stokkijiet ta’ aktar vaċċini, kontromiżuri u apparati, kif ukoll ta’ oġġetti tal-ikel, għandu jiġi kkunsidrat aktar. Biex jittejbu l-ġestjoni u s-sostenibbiltà ta’ dawn ir-riżervi strateġiċi, għandhom jiġu esplorati mudelli innovattivi u alternattivi ta’ stokkijiet bħall-kumulazzjoni ta’ riżervi virtwali (inklużi inventarji bbażati fuq il-bejjiegħa).
·Għarfien espert speċjalizzat mediku u dwar is-CBRN: Ix-xenarju ta’ theddid li qed jinbidel jitlob sforzi aktar intensivi biex jiġu żviluppati timijiet speċjalizzati ħafna fil-qasam mediku u/jew f’dak tas-CBRN, biex jiġu indirizzati xenarji speċifiċi ħafna. It-timijiet ta’ detezzjoni u ta’ dekontaminazzjoni tas-CBRN se jibqgħu assi kruċjali f’emerġenzi rilevanti, simili għat-timijiet mediċi ta’ emerġenza (EMTs, emergency medical teams) u ċ-ċelloli ta’ kura speċjalizzata modulari rilevanti tagħhom. L-EMTs jappoġġaw is-sistemi nazzjonali tal-kura tas-saħħa f’każ ta’ kollass tal-infrastrutturi tal-isptarijiet fi Stat Membru wieħed jew aktar. L-iżvilupp tal-EMTs u taċ-ċelloli tal-kura speċjalizzata għandu jinkludi wkoll strateġija għar-riforniment f’waqtu ta’ materjal rilevanti wara l-varar, biex jippermetti rispons effettiv f’diversi xenarji ta’ emerġenza fuq skala kbira fil-futur.
·Evakwazzjoni medika: Kriżijiet u emerġenzi reċenti bħall-pandemija tal-COVID-19, it-terremot fit-Turkija u l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, urew il-ħtieġa li jittejbu l-kapaċitajiet ta’ evakwazzjoni medika taħt il-UCPM, possibbilment flimkien ma’ kura medika speċjalizzata fil-prattika biex jiġi pprovdut trattament mediku komprensiv. Huma meħtieġa aktar assi biex ikun disponibbli għal firxa ta’ xenarji fil-futur li jinvolvu pazjenti li jistgħu jkunu infettivi ħafna, ikkontaminati b’CBRN, li jirrikjedu kura intensiva jew li jkunu korrew b’mod ħafif, pereżempju. Hemm ukoll il-ħtieġa li tissaħħaħ il-kapaċità f’sitwazzjonijiet li fihom huma meħtieġa evakwazzjonijiet tal-massa. Flimkien ma’ kapaċitajiet żviluppati b’mod sħiħ, jistgħu jiġu kkunsidrati moduli speċifiċi ta’ evakwazzjoni medika (Medevac, medical evacuation), li jippermettu ajruplani kummerċjali jiġu kkonvertiti b’mod rapidu biex jintużaw f’xenarji li jirrikjedu kapaċità Medevac addizzjonali, bħal żbroffi vulkaniċi, terremoti, tsunamis u kunflitti armati.
·Refuġju: It-talbiet għal oġġetti ta’ refuġju żdiedu b’mod esponenzjali f’dawn l-aħħar snin bħala konsegwenza ta’ terremoti, spostamenti tal-massa u/jew eventi estremi tat-temp. Għalhekk, huma meħtieġa tipi differenti ta’ refuġju ta’ emerġenza, li jridu jqisu l-ispeċifiċitajiet lokali u l-ħtiġijiet ta’ gruppi vulnerabbli, jiġifieri dawk l-aktar esposti f’xenarji ta’ diżastri. Qabel il-pandemija tal-COVID-19, it-terremot fit-Turkija u l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, kien raġonevoli li jiġu ppjanati riżervi ta’ refuġji għal ftit eluf ta’ persuni, iżda l-ħtiġijiet żdiedu. Ir-rata għolja ta’ varar tar-riżervi eżistenti u l-għadd limitat tal-assi li jistgħu jintużaw li jifdal jindikaw il-ħtieġa li jiżdied dan it-tip ta’ kapaċità u li jiġi fformulat approċċ komprensiv tal-UE għar-refuġju matul l-emerġenzi.
·Trasport u loġistika: L-assi b’għanijiet multipli huma abilitanti ewlenin f’kull tip ta’ operazzjonijiet ta’ emerġenza. Dawn jistgħu jiġu adattati biex jissodisfaw ħtiġijiet speċifiċi – għat-trasport tal-merkanzija, għat-trasport tan-nies, għat-trasport ta’ artefatti tal-wirt kulturali, jew għall-evakwazzjoni medika. It-tagħmir tal-UCPM b’dan it-tip ta’ assi jżid il-preparatezza kollettiva u jippermettilu jindirizza tipi differenti ta’ emerġenzi, inklużi dawk li jistgħu jseħħu fl-istess ħin.
·Enerġija: Minn meta ġiet stabbilita fl-2022, ir-riżerva tar-rescEU ta’ ġeneraturi pprovdiet servizzi essenzjali lill-Ukrajna matul il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja. F’dawn l-aħħar xhur, emerġenzi oħra bħall-maltempata Éowyn fl-Irlanda wrew ukoll l-utilità ta’ tali riżerva strateġika, f’xenarji differenti. Minħabba l-pertinenza tagħha, huwa kruċjali li tinżamm riżerva suffiċjenti tal-UE ta’ oġġetti tal-provvista tal-enerġija. Dawn se jkunu utli f’emerġenzi futuri u għandhom jagħmluha possibbli li tintlaħaq il-mira inizjali li jkunu jistgħu jiġu indirizzati tliet avvenimenti fl-istess ħin.
Biex tiżdied l-effiċjenza u jiġu ottimizzati r-riżorsi, se tingħata attenzjoni speċjali biex jiġi żgurat li r-riżervi jiġu ġestiti b’mod sostenibbli sabiex jiġi massimizzat il-valur miżjud mir-rescEU. Ir-riżervi tar-rescEU għandhom ikunu wkoll inklużivi u jqisu l-ħtiġijiet speċifiċi tal-benefiċjarji possibbli u tal-gruppi vulnerabbli. Barra minn hekk, rescEU tiddependi fuq esperti tekniċi b’ħiliet, bħal timijiet mediċi, biex tirrispondi b’mod effettiv għal diżastri naturali u emerġenzi. Soluzzjonijiet innovattivi, bħal ċirkolarità akbar u titjib tal-kooperazzjoni diġà stabbilita mas-settur privat madwar donazzjonijiet privati u kumulazzjoni ta’ riżervi virtwali se jitqiesu wkoll bħala modi kif jiġu appoġġati l-iżvilupp u s-sostenibbiltà tar-riżervi strateġiċi tal-UE.
Tipi addizzjonali ta’ kapaċitajiet tar-rescEU
Matul dawn l-aħħar snin, il-Kummissjoni u l-Istati Membri ħadmu flimkien fuq 10 xenarji transsettorjali ta’ diżastri madwar l-UE, fil-inizjattiva għall-bini ta’ xenarji. Permezz ta’ din il-ħidma, identifikaw ħtiġijiet ta’ kapaċità fil-livell tal-UE li jistgħu jiġġustifikaw l-iżvilupp ta’ kapaċitajiet ġodda tar-rescEU. Barra minn hekk, it-tagħlimiet operazzjonali meħuda minn emerġenzi preċedenti tal-UCPM jindikaw ukoll jiżdiedu aktar il-ħtieġa li l-kapaċitajiet eżistenti tal-ECPP u li tissaħħaħ ir-riżerva tar-rescEU b’assi addizzjonali. Aktar reċentement, ġew deskritti distakki addizzjonali fil-kapaċità f’rapport ta’ progress dwar il-kapaċità taħt il-UCPM.
Biex jiġu indirizzati d-distakki identifikati, jew fir-rapport ta’ progress dwar il-kapaċità inkella bħala tagħlimiet operazzjonali meħuda minn emerġenzi tal-passat, jistgħu jitqiesu l-assi transsettorjali addizzjonali li ġejjin:
·pontijiet mobbli/ċattri, li jistgħu jintużaw ukoll f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitt
·tagħmir tat-trasport ta’ tagħbija kbira żżejjed u b’piż eċċessiv
·purifikazzjoni tal-ilma/trattament tal-ilma mormi
·tkessiħ u idratazzjoni mobbli
·moduli tal-ippumpjar ta’ kapaċità għolja
·bastimenti għat-tiswija tal-kejbils, u moduli funzjonali f’konformità mal-Pjan ta’ Azzjoni reċenti tal-UE dwar is-Sigurtà tal-Kejbils.
·kapaċitajiet ta’ komunikazzjoni (eż. broadband u telekomunikazzjonijiet sikuri, sistemi ta’ satelliti)
·kapaċitajiet biex jiġi indirizzat theddid ibridu
·kapaċitajiet innovattivi, bħal droni u/jew inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod; u
·kapaċitajiet għat-tneħħija tal-mini
Tali kapaċitajiet ġodda jistgħu jsaħħu aktar il-livell ġenerali ta’ preparatezza tal-UE biex tiffaċċja tipi ġodda ta’ emerġenzi relatati mat-tibdil fil-klima u x-xenarju ta’ sigurtà li qed jinbidel.
Kwalunkwe bini tal-kapaċitajiet fil-futur taħt ir-rescEU se jkun mirfud mill-identifikazzjoni ta’ ħtiġijiet mal-Istati Membri, mill-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti u mill-immappjar ta’ kapaċitajiet eżistenti fil-livell nazzjonali, kif ukoll mill-analiżi tas-suq, inkluż fir-rigward ta’ oġġetti b’użu doppju. Dan se jevita r-ridondanzi, iżid l-effiċjenza, irawwem ekonomiji ta’ skala, u possibbilment jindirizza l-konġestjonijiet tas-suq.
Dan il-proċess strutturat u ta’ skambju kontinwu se jippermetti lill-Kummissjoni tidentifika assi ġodda tar-rescEU mfassla għall-ħtiġijiet tal-komunità tal-protezzjoni ċivili u ta’ kostitwenti rilevanti oħra, u li kapaċi jappoġġaw b’mod effettiv ir-rispons tal-UE għal emerġenzi u kriżijiet fil-futur.
Il-qafas legali jipprovdi għodod differenti, li l-potenzjal tagħhom jista’ jiġi kkombinat, biex jittejjeb stabbiliment malajr filwaqt li jsir adattament għall-emerġenza rilevanti inkwistjoni.
Filwaqt li s-sejħa għal proposti u l-għotjiet li jirriżultaw kienu l-għażla prestabbilita għall-iżvilupp ta’ assi ġodda, il-Kummissjoni għandha wkoll l-opzjoni ta’ akkwist konġunt f’isem l-Istati Membri. Dan jista’ jintuża meta proċess ikkoordinat malajr iwassal għal ekonomiji ta’ skala bis-saħħa ta’ kapaċità tal-akkwist kombinat.
Meta jkun meħtieġ proċess simplifikat għal raġunijiet ta’ urġenza, il-Kummissjoni tista’ tagħmel użu minn akkwist dirett, biex tikseb malajr l-oġġetti filwaqt li tissimplifika l-proċess u tnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-Istati Membri. F’dawk is-sitwazzjonijiet, il-kumulazzjoni ta’ riżervi fiżika tkun ippreferuta għal raġunijiet ta’ disponibbiltà immedjata u ta’ varar, u partikolarment minħabba li tipprovdi kontroll tanġibbli. Madankollu, il-kumulazzjoni ta’ riżervi virtwali tista’ tiġi esplorata wkoll biex jitnaqqsu l-kostijiet tal-ħżin u tiżdied il-flessibbiltà u s-sostenibbiltà. Se tingħata attenzjoni speċjali għall-valutazzjoni tas-sitwazzjoni ġenerali tas-suq u għar-rekwiżiti operazzjonali għal oġġetti speċifiċi, li għalihom il-varar jista’ jkun sensittiv għall-ħin.
Fir-rigward tal-varar, l-arranġamenti tat-trasport tal-UCPM, inkluża l-opzjoni li jiġu koperti sa 100 % tal-kostijiet permezz tar-rescEU, se jiffaċilitaw il-mobilizzazzjoni rapida ta’ kwalunkwe assistenza meħtieġa. Biex l-Istati Membri jiġu appoġġati aktar fil-ġestjoni tal-konsegwenzi transsettorjali tal-kriżijiet, tipi speċifiċi ta’ kapaċitajiet stabbiliti mill-aġenziji tal-UE (eż. bastimenti tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima) jistgħu potenzjalment jiġu varati taħt il-UCPM permezz taċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tar-Reazzjoni f’każ ta’ Emerġenza. Dan se jgħin biex jittejbu s-sinerġiji u tiżdied l-effettività ġenerali tar-rispons tal-UE għas-sitwazzjonijiet ta’ emerġenza ta’ kull periklu.