Brussell, 12.9.2025

COM(2025) 482 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI

LILL-PARLAMENT EWROPEW


















dwar l-attivitajiet u l-konsultazzjonijiet tal-Grupp ta’ Koordinament Kontra t-Tortura msemmi fl-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) 2019/125 dwar il-kummerċ ta’ ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, it-tortura jew għal trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra


1.Introduzzjoni

L-Artikolu 31(4) tar-Regolament (UE) 2019/125 tas-16 ta’ Jannar 2019 (“ir-Regolament”) dwar il-kummerċ ta’ ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, it-tortura jew trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra 1 jeżiġi li l-Kummissjoni tippreżenta rapport annwali lill-Parlament Ewropew dwar l-attivitajiet, l-eżaminazzjonijiet u l-konsultazzjonijiet tal-Grupp ta’ Koordinament Kontra t-Tortura (Anti-Torture Coordination Group, ATCG). Ir-rapport ma jistax jikkomprometti l-interessi kummerċjali ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi.

Dan ir-rapport jipprovdi informazzjoni dwar l-attivitajiet tal-ATCG fl-2024.

2.Qafas regolatorju

L-objettiv tar-Regolament huwa li jimpedixxi l-piena kapitali, minn naħa waħda, u t-tortura u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra f’pajjiżi barra mill-UE, min-naħa l-oħra, billi jirrestrinġi l-kummerċ ta’ ċerti oġġetti. Jiddistingwi bejn:

-oġġetti li huma abbużivi b’mod inerenti u ma għandhomx jiġu kkummerċjalizzati għall-ebda raġuni (l-Anness II); kif ukoll

-oġġetti li jistgħu jintużaw għall-fini ta’ tortura u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra (l-Anness III) jew għall-fini tal-piena kapitali (l-Anness IV) iżda li jista’ jkollhom ukoll użi leġittimi, bħal skopijiet ta’ infurzar tal-liġi jew terapewtiċi.

Il-kummerċ tal-oġġetti elenkati fl-Annessi II, III u IV huwa soġġett għal ċerti restrizzjonijiet. B’mod partikolari, ir-Regolament:

I.jipprojbixxi l-importazzjonijiet fl-UE, l-esportazzjonijiet mill-UE u t-tranżitu mill-UE ta’ oġġetti elenkati fl-Anness II, li ma għandhom l-ebda użu prattiku ħlief għall-finijiet ta’ piena kapitali jew tortura. Jipprojbixxi l-għoti ta’ kwalunkwe assistenza teknika relatata ma’ dawn l-oġġetti, inkluż taħriġ fl-użu tagħhom. Jipprojbixxi wkoll ir-reklamar ta’ dawn l-oġġetti f’media stampata, fuq l-internet, jew fuq it-televiżjoni jew ir-radju, u l-wiri jew l-offerta għall-bejgħ tagħhom f’wirja jew f’fiera.

II.jirrikjedi awtorizzazzjoni minn qabel, skont il-każ, għal esportazzjonijiet tal-oġġetti elenkati fl-Anness III, li jistgħu jintużaw għall-finijiet ta’ tortura, iżda li jista’ jkollhom użi leġittimi oħrajn (eż. għall-infurzar tal-liġi). Awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni minn qabel hija meħtieġa wkoll għall-forniment ta’ assistenza teknika jew servizzi ta’ senserija li jirrigwardaw din il-kategorija ta’ oġġetti. L-Anness III ma jinkludix:

a)armi tan-nar soġġetti għar-Regolament (UE) Nru 258/2012 2 ;

b)oġġetti b’użu doppju soġġetti għar-Regolament (UE) 2021/821 3 ; jew

c)oġġetti soġġetti għat-termini tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK 4 ;

III.jirregola l-kummerċ ta’ oġġetti fl-Anness IV li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali (eż. permezz tal-injezzjoni letali), iżda li jistgħu jintużaw ukoll għal skopijiet terapewtiċi leġittimi. Ġiet introdotta awtorizzazzjoni għal liċenzja speċifika (Awtorizzazzjoni ġenerali għall-Esportazzjoni tal-Unjoni (GEA, general export authorisation)) biex tikkontrolla l-esportazzjoni ta’ dawn l-oġġetti u tipprevjeni t-trasferiment tagħhom għall-użu f’eżekuzzjonijiet ta’ injezzjoni letali, mingħajr ma tillimita l-kummerċ tagħhom għal skopijiet mediċi, veterinarji jew leġittimi oħrajn.

3.Attivitajiet tal-Grupp ta’ Koordinament Kontra t-Tortura

L-ATCG ġie stabbilit skont ir-Regolament (UE) 2016/2134 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 5 biex jeżamina mistoqsijiet li jirrigwardaw l-applikazzjoni tar-Regolament.

L-ATCG iservi bħala pjattaforma għall-esperti tal-Istati Membri u għas-servizzi tal-Kummissjoni biex jaqsmu l-informazzjoni dwar il-prattiki amministrattivi u jiddiskutu l-kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni tar-Regolament, il-kwistjonijiet tekniċi li jirrigwardaw l-oġġetti elenkati, l-iżviluppi marbuta mar-Regolament, u kwalunkwe kwistjoni oħra li tista’ tinqala’. Il-Kummissjoni tikkonsulta wkoll lill-ATCG meta tħejji atti delegati, f’konformità mal-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet 6 .

L-ATCG iltaqa’ darbtejn fl-2024, fis-6 ta’ Ġunju u fil-5 ta’ Diċembru, b’mod virtwali, biex isir skambju ta’ informazzjoni dwar diversi kwistjonijiet (miġbura fil-qosor hawn taħt) rigward l-implimentazzjoni tar-Regolament.

3.1Żviluppi li jirrigwardaw l-att bażiku

L-ebda att delegat li jemenda r-Regolament ma ġie adottat fl-2024. Madankollu, il-Kummissjoni involviet ruħha f’konsultazzjonijiet estensivi mal-esperti tal-Istati Membri tal-ATCG dwar l-abbozz tal-att delegat li jemenda l-Annessi II u III biex jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament.

3.2Informazzjoni dwar il-kummerċ: rappurtar tad-data

Il-Kummissjoni ppreżentat il-progress tal-proċedimenti fir-rigward tar-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 26(3) tar-Regolament. Il-Kummissjoni fakkret dwar il-funzjonalità żviluppata preċedentement li permezz tagħha l-awtoritajiet fl-Istati Membri huma mistiedna jtellgħu d-data meħtieġa għall-finijiet ta’ rapportar direttament fil-librerija tas-Sistema Elettronika għall-Oġġetti b’Użu Doppju (DUeS, Dual Use e-System), skont il-modulu relatat mar-Regolament “Kontra t-Tortura”. Dan huwa maħsub biex jissimplifika u jiffaċilita l-aggregazzjoni tad-data tal-Istati Membri kollha. L-informazzjoni miġbura tinkludi b’mod partikolari t-tip ta’ oġġett, id-destinazzjoni tal-esportazzjoni u l-użu aħħari. Dawk l-elementi huma riflessi fir-rapport annwali tal-Kummissjoni msemmi hawn fuq. Ir-rapport ġie ppreżentat lill-ATCG wara l-adozzjoni tiegħu 7 .

3.3Kummerċ Liberu mit-Torturi

Il-Kummissjoni aġġornat lill-ATCG dwar il-kontenut tar-rapport tematiku annwali dwar “il-kummerċ globali ta’ armi, tagħmir u apparat li jintużaw mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u awtoritajiet pubbliċi oħra u li huma kapaċi jikkawżaw tortura u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra”, mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar it-Tortura, Alice Edwards, li ħareġ fl-24 ta’ Awwissu 2023.

Fir-rapport, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU jagħti ħarsa ġenerali annwali lejn ix-xejriet u l-iżviluppi relatati mat-tortura, kif ukoll lejn studju tematiku dwar il-kummerċ globali tal-armi, it-tagħmir u l-apparati li jintużaw mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u awtoritajiet pubbliċi oħra li jistgħu jintużaw biex jikkawżaw tortura u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra.

Il-Kummissjoni nnotat ir-rilevanza ta’ dan ir-rapport fil-kuntest tal-possibbiltà tat-tisħiħ tar-Regolament tal-UE.

Barra minn hekk, ir-rapport jidentifika lista ta’ oġġetti meqjusa bħala krudili, inumani jew degradanti b’mod inerenti u li, bħala tali, għandhom jiġu pprojbiti (lista mhux eżawrjenti ta’ 20 tip ta’ tagħmir/arma). Imbagħad jirrakkomanda lista ta’ oġġetti li għandhom jiġu rregolati fil-livelli nazzjonali u internazzjonali. Filwaqt li dawn l-oġġetti għandhom użu leġittimu, jistgħu jintużaw ħażin għat-tortura u għalhekk jitolbu livell ta’ sorveljanza.

Ir-rapport jikkonkludi b’rakkomandazzjoni biex “jiġi żviluppat strument internazzjonali ta’ kummerċ ħieles mit-tortura biex jikkomplementa u jsaħħaħ l-obbligi eżistenti għall-projbizzjoni u l-prevenzjoni tat-tortura u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra.”

Il-Kummissjoni informat lill-ATCG ukoll dwar grupp ta’ aktar minn tletin organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili mir-reġjuni kollha u li jappoġġaw l-isforzi li għaddejjin għal “Kummerċ Liberu mit-Torturi.” Dawn l-organizzazzjonijiet ingħaqdu flimkien biex jappellaw għal trattat Internazzjonali li jikkontrolla l-kummerċ ta’ għodda tat-tortura li tintuża biex twaqqaf protesti paċifiċi u biex jiġu abbużati priġunieri madwar id-dinja. F’dikjarazzjoni li ġiet iffirmata f’Londra f’Jannar 2023, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi tad-drittijiet tal-bniedem appellaw għal trattat li jipprojbixxi l-manifattura u l-kummerċ f’tagħmir abbużiv b’mod inerenti, kif ukoll l-introduzzjoni ta’ kontrolli bbażati fuq id-drittijiet tal-bniedem fuq il-kummerċ f’tagħmir tal-infurzar tal-liġi standard.

3.4Segwitu għar-rapport ta’ rieżami tal-Kummissjoni: It-Tisħiħ tar-Regolament (UE) Nru 2019/125

Il-Kummissjoni fakkret li wara l-preżentazzjoni ta’ abbozz ta’ proposta għal att delegat fil-laqgħa tal-ATCG ta’ Novembru 2023, hija nediet proċedura bil-miktub biex tieħu l-fehmiet tal-membri tal-ATCG. Il-Kummissjoni rċeviet il-kummenti li jindirizzaw mistoqsijiet speċifiċi jew li jfittxu aktar kjarifiki, li ġew apprezzati mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni infurmat lill-ATCG dwar il-bidliet proposti li kellha l-ħsieb li tintroduċi wara l-fażi ta’ konsultazzjoni, jiġifieri emendi fil-lista ta’ oġġetti deskritti fl-Anness II (li tinkludi oġġetti li ma għandhom l-ebda użu prattiku ħlief għall-fini ta’ piena kapitali jew għall-fini ta’ tortura u ta’ trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra) u l-Anness III (li jinkludi oġġetti li jistgħu jintużaw għall-fini ta’ tortura jew trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra).

(1)

ĠU L 30, 31.1.2019, p. 1. Billi ġie emendat diversi drabi, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005 tas-27 ta’ Ġunju 2005 dwar il-kummerċ ta’ ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, it-tortura jew għal trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra (ĠU L 200, 30.7.2005, p. 1) ġie kkodifikat sussegwentement bħala r-Regolament (UE) 2019/125.

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 258/2012 tal-14 ta’ Marzu 2012 li jimplimenta l-Artikolu 10 tal-Protokoll tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-iffabbrikar illeċitu ta’ u l-ittraffikar fl-armi tan-nar, il-partijiet, komponenti u ammunizzjoni tagħhom, li jissupplimenta l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-kriminalità organizzata transnazzjonali (il-Protokoll tan-NU dwar l-Armi tan-Nar) u li jistabbilixxi awtorizzazzjoni ta’ esportazzjoni, u miżuri rigward l-importazzjoni u t-tranżitu għall-armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti tagħhom u l-ammunizzjoni (ĠU L 94, 30.3.2012, p. 1).

(3)

Ir-Regolament (UE) 2021/821 tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi reġim tal-Unjoni għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, is-senserija, l-assistenza teknika, it-tranżitu u t-trasferiment ta’ oġġetti b’użu doppju (riformulazzjoni) (ĠU L 206, 11.6.2021, p. 1).

(4)

Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari (ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99).

(5)

Ir-Regolament (UE) 2016/2134 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Novembru 2016 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005 dwar il-kummerċ ta’ ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, it-tortura jew trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra (ĠU L 338, 13.12.2016, p. 1).

(6)

ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(7)

COM (2024) 529 final, 19.11.2024 u l-Annessi minn 1 sa 9.