IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 9.9.2025
COM(2025) 464 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar il-progress lejn il-kisba tal-objettivi tar-Regolament (UE) 2024/792 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Frar 2024 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Ukrajna
Il-Faċilità għall-Ukrajna (il-Faċilità), stabbilita bir-Regolament (UE) 2024/792, hija strument ewlieni tal-istrateġija tal-Unjoni Ewropea biex tindirizza l-iskala u l-kumplessità tal-isfidi li qiegħda tiffaċċja l-Ukrajna wara l-gwerra kontinwata ta’ aggressjoni tar-Russja. Bil-ġbir flimkien tal-appoġġ baġitarju tal-UE lill-Ukrajna f’mekkaniżmu ta’ appoġġ uniku, il-Faċilità għandha l-għan li tipprovdi EUR 50 biljun f’finanzjament koerenti, prevedibbli u flessibbli għall-Ukrajna fl-2024-2027. L-objettivi ewlenin tal-Faċilità jinkludu l-appoġġ għall-ħtiġijiet ta’ finanzjament u r-rikostruzzjoni tal-Ukrajna, il-mobilizzazzjoni tal-investimenti u l-promozzjoni tar-riformi meħtieġa biex issir membru tal-UE.
Il-Faċilità tirrappreżenta impenn profond mill-UE biex issaħħaħ ir-reżiljenza u l-kapaċità tal-Ukrajna biex tirreżisti għal theddid estern, trawwem l-irkupru tagħha u tiffaċilita t-triq tagħha lejn l-iżvilupp sostenibbli u s-sħubija fl-UE. Il-Faċilità hija wkoll investiment strateġiku f’Ukrajna b’saħħitha u ekonomikament vijabbli, li hija kruċjali għall-istabbiltà tal-UE u għall-ġlieda kontra l-influwenza destabbilizzanti tar-Russja.
Il-Faċilità hija strument li jinkludi tliet pilastri ewlenin.
·Pilastru I: il-Pjan għall-Ukrajna jistabbilixxi l-viżjoni tal-Ukrajna għall-irkupru, għar-rikostruzzjoni u għall-modernizzazzjoni tagħha, u r-riformi ppjanati bħala parti mill-proċess ta’ adeżjoni tagħha mal-UE mill-2024 sal-2027. Skont il-pjan, sa EUR 38,3 biljun f’self u f’għotjiet għandhom isiru disponibbli għall-Ukrajna ladarba tkun issodisfat il-kundizzjonijiet miftiehma bejn l-UE u l-Ukrajna.
·Pilastru II: il-Qafas ta’ Investiment għall-Ukrajna (UIF, Ukraine Investment Framework) jappoġġa l-investimenti pubbliċi, l-operazzjonijiet diretti tas-settur privat u l-operazzjonijiet ta’ ekwità intermedjati. Jippermetti lil kumpaniji privati bbażati fl-UE jiżvolġu rwol ċentrali fl-investiment fir-rikostruzzjoni tal-infrastruttura, tas-settur tal-enerġija u tal-industriji ewlenin tal-Ukrajna. Dawn l-investimenti se jgħinu lill-Ukrajna biex tibni mill-ġdid ekonomija moderna u reżiljenti filwaqt li jiġġeneraw benefiċċji ekonomiċi għan-negozji tal-UE.
·Pilastru III: it-tielet pilastru jiffoka fuq l-għoti ta’ assistenza teknika u miżuri ta’ appoġġ biex jiffaċilitaw l-allinjament tal-Ukrajna mal-liġijiet u mar-regolamenti tal-UE. Dan jinkludi inizjattivi għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet (inklużi s-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet, l-awtoritajiet lokali u reġjonali) u assistenza lill-Ukrajna fl-implimentazzjoni tar-riformi neċessarji għas-sħubija fl-UE.
Wara sena mill-implimentazzjoni tal-Faċilità, dan ir-rapport jivvaluta fid-dettall il-progress li jkun sar f’kull wieħed mit-tliet pilastri. Jirrapporta dwar il-progress biex jintlaħqu l-miri inklużi fir-Regolament dwar il-Faċilità għall-Ukrajna u jipprovdi eżempji ta’ kisbiet ewlenin. Jiddeskrivi wkoll is-sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll stabbilita mill-Ukrajna, u l-miżuri biex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE kif ukoll l-ewwel Djalogu dwar il-Faċilità għall-Ukrajna li sar mal-Parlament Ewropew.
Il-Faċilità, minkejja li għadha fi stadju bikri tal-implimentazzjoni tagħha, diġà wriet il-kapaċità tagħha li tipprovdi appoġġ kruċjali għall-Ukrajna filwaqt li tippromwovi r-riformi u l-investimenti li se jikkontribwixxu għall-irkupru, għar-rikostruzzjoni u għall-modernizzazzjoni tal-Ukrajna. Din tibqa’ l-għodda ewlenija li permezz tagħha l-UE tista’ tipprovdi appoġġ fuq perjodu medju ta’ żmien lill-pajjiż u tikkontribwixxi għar-rikostruzzjoni ekonomika u l-allinjament mal-UE li jirrinforzaw lil xulxin b’mod reċiproku. L-implimentazzjoni b’suċċess matul l-2024 tikkonferma l-impenn tal-UE u tal-Ukrajna għal dan il-perkors.
Fl-ewwel sena ta’ implimentazzjoni tagħha, il-Faċilità mmobilizzat EUR 19,6 biljun f’appoġġ tal-UE lill-Ukrajna, li EUR 16,1 biljun minnhom taħt il-Pjan għall-Ukrajna. Il-Faċilità kkontribwiet ukoll għal wieħed mill-akbar investimenti barranin fl-Ukrajna minn wara l-indipendenza tagħha, li għandu l-għan li jimmodernizza u jespandi l-infrastruttura tat-telekomunikazzjoni tal-Ukrajna.
L-implimentazzjoni tal-Qafas ta’ Investiment għall-Ukrajna qiegħda tipproċedi wkoll b’pass notevoli. Il-Kummissjoni ħabbret l-iffirmar ta’ EUR 1,4 biljun ta’ kontribuzzjonijiet f’garanziji u għotjiet tal-UE ma’ istituzzjonijiet finanzjarji sħab, li għandhom potenzjal li jiżblokkaw EUR 6 biljun f’investimenti f’oqsma ta’ rikostruzzjoni u modernizzazzjoni bħall-enerġija u l-infrastruttura muniċipali. Diġà seħħew diversi operazzjonijiet fl-Ukrajna minn wara l-konklużjoni ta’ dawn il-ftehimiet. Taħt il-Pilastru III, ġiet stabbilita u implimentata mingħajr xkiel il-Faċilità għall-Kooperazzjoni Teknika għall-Ukrajna 2024.
2. Is-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni tal-Faċilità
2.a. Pilastru I – Pjan għall-Ukrajna
Il-Pjan għall-Ukrajna, taħt l-ewwel pilastru tal-Faċilità, jistabbilixxi l-istrateġija ta’ riforma u ta’ investiment għall-pajjiż fl-2024-2027. Il-Pjan jiddeskrivi l-viżjoni tal-gvern għar-rikostruzzjoni, għall-modernizzazzjoni u għar-riformi, fis-setturi bl-akbar potenzjal ta’ tkabbir, bħala parti mill-proċess tiegħu ta’ adeżjoni mal-UE. Il-Pjan ġie żviluppat mill-Gvern tal-Ukrajna, wara konsultazzjoni mal-Parlament tal-Ukrajna, mal-Verkhovna Rada, u mas-soċjetà ċivili Ukrena, u ġie ppreżentat lill-Kummissjoni fl-20 ta’ Marzu 2024. Wara valutazzjoni pożittiva mill-Kummissjoni, il-Kunsill adotta deċiżjoni ta’ implimentazzjoni fl-14 ta’ Mejju 2024.
Il-Pjan jindirizza t-titjib fl-amministrazzjoni pubblika b’enfasi fuq il-governanza tajba, it-tranżizzjoni ekoloġika, l-aderenza mal-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-frodi. Ir-riformi proposti fil-pjan ikopru 15-il qasam li jinkludu l-enerġija, l-agrikoltura, it-trasport, it-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, il-kapital uman, kif ukoll l-intrapriżi tal-Istat, l-ambjent tan-negozju, il-finanzi pubbliċi u d-deċentralizzazzjoni.
Illustrazzjoni 1: Kapitoli tal-Pjan għall-Ukrajna
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni pożittiva tal-Kummissjoni tal-Pjan għall-Ukrajna stabbiliet skeda ta’ żmien b’kundizzjonijiet (jiġifieri indikaturi kwalitattivi u kwantitattivi) li għandhom jiġu ssodisfati mill-Ukrajna għal kull trimestru, sar-raba’ trimestru tal-2027. Dawn il-kundizzjonijiet jirriflettu l-progress li sar fl-investimenti u fir-riformi proposti mill-Ukrajna fil-Pjan.
Il-Kummissjoni vvalutat li r-riformi u l-investimenti fil-Pjan għall-Ukrajna għandhom potenzjal sinifikanti biex jagħtu spinta lit-tkabbir, isostnu l-istabbiltà makroekonomika, itejbu s-sitwazzjoni fiskali u jsaħħu l-perkors tal-adeżjoni tal-Ukrajna mal-UE. Meta l-Pjan ġie vvalutat f’April 2024, ġie stmat li l-PDG tal-Ukrajna jiżdied b’6,2 % sal-2027 u b’14,2 % sal-2040, jekk ir-riformi u l-investimenti proposti kollha jiġu implimentati bis-sħiħ. L-implimentazzjoni tal-Pjan tista’ twassal ukoll għal tnaqqis fid-dejn ta’ madwar 10 punti perċentwali tal-PDG sal-2033 meta mqabbel ma’ xenarju alternattiv mingħajr il-Faċilità.
Sa EUR 38,3 biljun f’self u f’għotjiet huma allokati taħt il-Pilastru I tal-Faċilità (kif stabbilit fl-Illustrazzjoni 2 hawn taħt) biex jgħinu lill-Ukrajna tnaqqas id-diskrepanza fiskali u jingħata appoġġ lill-implimentazzjoni tar-riformi u tal-investimenti.
Il-pagamenti kollha taħt il-Faċilità huma bil-kundizzjoni li l-Ukrajna tkompli żżomm u tirrispetta l-mekkaniżmi demokratiċi effettivi, inkluż sistema parlamentari b’diversi partiti, u l-istat tad-dritt, u li tiggarantixxi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi.
Illustrazzjoni 2: Pilastru I tal-Faċilità għall-Ukrajna – Impenji indikattivi skont is-sena f’EUR biljun
Pagamenti taħt il-Pilastru I tal-Faċilità
Il-Pjan għall-Ukrajna jidentifika 69 riforma u 10 passi ta’ investiment, jew indikaturi, imqassma f’146 pass kwalitattiv u kwantitattiv (fl-Illustrazzjoni 3 tintwera d-diviżjoni tar-riformi skont is-sena). Fid-dawl tas-sitwazzjoni makroekonomika tal-Ukrajna u s-sostenibbiltà tad-dejn, il-finanzjament tal-Pjan għall-Ukrajna huwa kkonċentrat fl-ewwel u fit-tieni sena tal-implimentazzjoni. Din il-konċentrazzjoni hija riflessa wkoll fl-għadd ta’ riformi li għandhom jitlestew.
Illustrazzjoni 3: Profil tal-Pagamenti: Riformi u Investimenti maż-żmien
Fl-20 ta’ Marzu 2024, il-Kummissjoni ħarġet l-ewwel EUR 4,5 biljun f’finanzjament tranżitorju eċċezzjonali biex tipprovdi likwidità tant meħtieġa lill-Ukrajna. It-tieni pagament ta’ EUR 1,5 biljun f’finanzjament tranżitorju eċċezzjonali ġie żborżat fl-24 ta’ April. Dan segwa l-valutazzjoni pożittiva tal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet ta’ politika stabbiliti f’Memorandum ta’ Qbil (MtQ) iffirmat mill-Ukrajna u mill-Kummissjoni fit-13 ta’ Marzu ġew issodisfati. Il-Kummissjoni tat ukoll valutazzjoni pożittiva dwar li l-prekundizzjoni li jiġu rrispettati mekkaniżmi demokratiċi effettivi ġiet issodisfata. Il-finanzjament tranżitorju kopra ħames kundizzjonijiet ta’ politika miftiehma fil-MtQ, u inklużi wkoll fil-Pjan għall-Ukrajna kif ippreżentat mill-Ukrajna lill-Kummissjoni.
1.Li tiġi stabbilita Kummissjoni tal-Għażla dwar it-Tmexxija tal-Kompetizzjoni lis-Servizz tal-Ispetturi Dixxiplinari tal-Kunsill Għoli tal-Ġustizzja.
2.Li jiġi adottat Pjan ta’ Azzjoni li jindirizza r-riskji identifikati fil-Valutazzjoni Nazzjonali tar-Riskju.
3.Li tiġi adottata Strateġija Nazzjonali dwar id-Dħul għall-2024-2030.
4.Li jiġu adottati proċeduri għall-allokazzjoni tal-baġit tal-Istat għall-ħolqien ta’ parks industrijali.
5.Li jiġi implimentat trasferiment awtomatiku tad-data bejn il-Katast tal-Artijiet tal-Istat u r-Reġistru tal-Istat tad-Drittijiet tal-Proprjetà fuq Proprjetà Immobbli.
Fis-27 ta’ Ġunju, il-Kummissjoni żborżat EUR 1,9 biljun f’prefinanzjament, li kien jikkorrispondi għal 7 % tal-appoġġ għal self li l-Ukrajna kienet eliġibbli li tirċievi, biex tingħata appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Pjan. Sabiex il-prefinanzjament jiġi żborżat, fis-6 ta’ Ġunju, il-Verkhovna Rada rratifika Qafas ta’ Ftehim li ġie ffirmat mill-President tal-Ukrajna fid-19 ta’ Ġunju, u ftehim ta’ self ġie ffirmat fl-24 ta’ Ġunju.
Wara t-talba għal pagament mill-Ukrajna fid-9 ta’ Lulju u valutazzjoni pożittiva mill-Kummissjoni fit-18 ta’ Lulju, kif ukoll l-approvazzjoni mill-Kunsill fis-6 ta’ Awwissu, l-ewwel pagament tal-Pjan għall-Ukrajna ta’ kważi EUR 4,2 biljun ġie żborżat fit-13 ta’ Awwissu. Mill-ammont totali, EUR 1,5 biljun ġew ipprovduti fil-forma ta’ appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli u aktar minn EUR 2,6 biljun ġew żborżati fil-forma ta’ self. Il-Kummissjoni vvalutat li l-gvern kien wettaq b’mod sodisfaċenti d-disa’ indikaturi jew passi ta’ riforma marbuta mal-ewwel pagament regolari fil-pjan.
Dawn id-disa’ passi ġew implimentati fit-tieni trimestru tal-2024:
Ġestjoni Finanzjarja Pubblika
1.L-adozzjoni tal-pjan għad-diġitalizzazzjoni tas-Servizz Doganali tal-Istat.
2.L-approvazzjoni tad-Dikjarazzjoni tal-Baġit għall-2025-2027.
3.L-adozzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali għar-riforma tal-ġestjoni tal-investiment pubbliku.
Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus
4.Il-ħatra ta’ kap ġdid għall-Aġenzija Nazzjonali għall-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni.
Ġestjoni tal-assi pubbliċi u tal-ambjent tan-negozju
5.Id-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni biex jittejbu l-istandards ta’ governanza korporattiva tal-intrapriżi tal-Istat, filwaqt li jitqiesu l-istandards internazzjonali.
6.Id-dħul fis-seħħ tal-liġi dwar ir-reviżjoni tal-bażi legali tal-Uffiċċju tas-Sigurtà Ekonomika tal-Ukrajna.
Settur tal-enerġija u agroalimentari
7.L-adozzjoni tal-Pjan Nazzjonali Integrat għall-Enerġija u l-Klima.
8.L-Adozzjoni tal-Istrateġija għall-modernizzazzjoni termali tal-bini sal-2050.
9.Il-Pjan ta’ Azzjoni u l-adozzjoni tad-dokument strateġiku dwar l-Azzjoni kontra l-Mini għall-perjodu sal-2033.
Wara l-valutazzjoni pożittiva tal-Kummissjoni tat-talba tal-Ukrajna tal-10 ta’ Ottubru għal pagament, u l-approvazzjoni tal-Kunsill, ġiet adottata Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. Dan ippermetta l-iżborż tat-tieni pagament tal-Pjan għall-Ukrajna ta’ kważi EUR 4,1 biljun fit-18 ta’ Diċembru. Minn dan it-total, ġew ipprovduti EUR 1,5 biljun fil-forma ta’ appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli u nħarġu aktar minn EUR 2,5 biljun fil-forma ta’ self.
Il-valutazzjoni pożittiva tal-Kummissjoni kienet b’riżultat li l-Ukrajna ssodisfat id-disa’ passi meħtieġa sat-tielet trimestru tal-2024.
Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus
1.Iż-żieda fil-manodopera tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjalizzat Kontra l-Korruzzjoni (SAPO, Specialized Anti-Corruption Prosecutor’s Office).
2.L-emenda tal-Kodiċi Kriminali u tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali.
3.L-adozzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija għall-Irkupru tal-Assi għall-2023-2027.
Kapital uman
4.L-adozzjoni tal-Istrateġija Demografika tal-Ukrajna għall-Perjodu sal-2040.
Ambjent tan-negozju u politiki reġjonali
5.L-adozzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar id-Deregolamentazzjoni u t-Titjib tal-Klima tan-Negozju.
6.L-emenda tal-Istrateġija tal-Istat għall-Iżvilupp Reġjonali għall-2021-2027.
Settur tal-enerġija u ambjent
7.Id-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni sekondarja tal-liġi fir-rigward tar-Regolament dwar l-Integrità u t-Trasparenza tas-Swieq tal-Enerġija bl-Ingrossa.
8.Id-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni dwar il-prevenzjoni, it-tnaqqis u l-kontroll tat-tniġġis industrijali.
9.L-iżvilupp ta’ Nota Kunċettwali li tiddefinixxi l-ambitu tad-derogi mir-regoli dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali u tal-Valutazzjoni Ambjentali Strateġika.
2.a.i. Ir-riċevituri ta’ fondi taħt il-Pjan għall-Ukrajna
L-Artikolu 27 tar-Regolament dwar il-Faċilità għall-Ukrajna jipprevedi li l-Ukrajna għandha tippubblika data aġġornata dwar il-persuni u l-entitajiet, inkluż il-kuntratturi, li jirċievu ammonti ta’ finanzjament li jaqbżu l-ekwivalenti ta’ EUR 100 000 kumulattivi fuq perjodu ta’ 4 snin, għall-implimentazzjoni tar-riformi u għall-investimenti speċifikati fil-Pjan għall-Ukrajna.
L-Ukrajna hija meħtieġa li tippubblika din l-informazzjoni f’format li jinqara mill-magni fuq paġna web, ikklassifikata skont il-fondi totali riċevuti, filwaqt li jiġu debitament ikkunsidrati r-rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità u ta’ sigurtà, b’mod partikolari l-protezzjoni ta’ data personali. Fil-każ ta’ persuni ġuridiċi, din l-informazzjoni tinkludi l-isem legali sħiħ u n-numru tal-VAT jew ta’ identifikazzjoni tat-taxxa, jew identifikatur uniku ieħor stabbilit fil-livell nazzjonali.
Fil-każ ta’ persuni fiżiċi, jiġu ppubblikati l-isem/ismijiet u l-kunjom/kunjomijiet tar-riċevitur. Barra minn hekk, biex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE f’konformità mal-Artikolu 35 tar-Regolament dwar il-Faċilità għall-Ukrajna, l-Ukrajna hija meħtieġa wkoll li tiżgura l-ġbir ta’data adegwata dwar persuni u entitajiet li jirċievu finanzjament, l-aċċess għaliha, inkluż informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja. Dan huwa f’konformità mal-prinċipji tal-protezzjoni tad-data tal-UE u mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data. B’mod partikolari, dan ir-rekwiżit jinkludi wkoll informazzjoni dwar (sotto)kuntratturi rilevanti u s-sidien benefiċjarji tagħhom.
L-Ukrajna qiegħda tagħmel progress attiv fil-ħidma dwar it-trasparenza, timplimenta r-rekwiżiti tal-ġbir tad-data fil-qafas legali nazzjonali u tinvolvi lill-awtoritajiet rilevanti kollha biex tiżgura l-ġbir komprensiv tad-data dwar ir-riċevituri finali. L-Ukrajna qiegħda twettaq ħidma biex tħejji din l-informazzjoni f’bażi tad-data konsolidata. Ġiet ippubblikata lista ta’ riċevituri finali li qegħdin jirċievu aktar minn EUR 100 000 fuq il-paġna web tal-Ministeru tal-Ekonomija tal-Ukrajna.
L-Ukrajna hija meħtieġa tikkonforma mal-Artikolu 11 tar-Regolament dwar il-Faċilità għall-Ukrajna dwar l-eliġibbiltà ta’ persuni u entitajiet u l-oriġini tal-provvista u tal-materjali meta twettaq akkwist pubbliku taħt il-Faċilità. Dawn ir-rekwiżiti huma integrati fil-Qafas ta’ Ftehim bejn l-UE u l-Ukrajna dwar Arranġamenti Speċifiċi għall-Implimentazzjoni tal-Finanzjament mill-Unjoni taħt il-Faċilità għall-Ukrajna. F’konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti, għall-investimenti taħt il-Pilastru I, l-Ukrajna qiegħda tistabbilixxi sistema ta’ monitoraġġ u kontroll biex tiżgura li r-rekwiżiti jiġu segwiti u biex tirreġistra u tirrapporta kwalunkwe akkwist li jagħmel użu mill-eżenzjonijiet taħt l-Artikolu 11 tar-Regolament dwar il-Faċilità għall-Ukrajna. Fl-2024, il-Kummissjoni ma kellha bżonn tivvaluta l-ebda kwistjoni dwar l-akkwist pubbliku.
2.b.
Pilastru II – Qafas ta’ Investiment għall-Ukrajna
Il-Qafas ta’ Investiment għall-Ukrajna (UIF, Ukraine Investment Framework) huwa l-għodda ewlenija tal-UE biex tixpruna l-irkupru, ir-rikostruzzjoni u l-modernizzazzjoni tal-Ukrajna. Bl-appoġġ ta’ EUR 9,3 biljun, inklużi EUR 7,8 biljun f’garanziji u EUR 1,5 biljun f’taħlit, għandu l-għan li jiżblokka sa EUR 40 biljun f’investiment, li jpoġġi lill-UE fiċ-ċentru tal-isforzi internazzjonali biex terġa’ tinbena l-Ukrajna.
Il-garanziji tal-UE jiżvolġu rwol kritiku fit-tnaqqis tar-riskju kemm tal-investimenti pubbliċi kif ukoll dawk privati, li huwa essenzjali għall-irkupru b’suċċess tal-Ukrajna. Billi jtaffu r-riskji finanzjarji, dawn il-garanziji jinkoraġġixxu involviment akbar minn investituri fis-settur privat, minn istituzzjonijiet finanzjarji u minn sħab fl-iżvilupp, li kollha huma neċessarji biex l-ekonomija u l-infrastruttura tal-Ukrajna jerġgħu jinbnew wara l-gwerra.
Bl-istess mod, il-mekkaniżmi ta’ taħlit tal-UE jikkombinaw għotjiet ma’ riżorsi mhux ta’ għotjiet, bħal self, ekwità, u garanziji minn istituzzjonijiet finanzjarji, kif ukoll self u investimenti kummerċjali. Dan l-approċċ innovattiv jingrana l-fondi pubbliċi biex jistimula investiment addizzjonali mis-settur privat, u b’hekk joħloq impatt fuq l-iżvilupp mifrux ħafna. Bl-użu tat-taħlit, l-UE timmassimizza l-valur ta’ kull euro li jintefaq, u dan jippermetti proġetti akbar u b’impatt akbar li jikkontribwixxu b’mod dirett għall-irkupru u r-reżiljenza fit-tul tal-Ukrajna.
Il-Qafas ta’ Investiment għall-Ukrajna huwa fil-qalba ta’ dan l-isforz, imfassal speċifikament biex jgħin fil-bini mill-ġdid tal-infrastruttura kritika tal-Ukrajna u biex jagħti spinta lill-ekonomija tagħha. Setturi ewlenin bħall-enerġija, l-industrija, l-iskejjel, l-isptarijiet, u s-servizzi muniċipali huma l-fokus primarju, bl-għan li tinħoloq Ukrajna aktar reżiljenti, sostenibbli u moderna. Barra minn hekk, l-UIF jindirizza wkoll il-ħtiġijiet ta’ negozji żgħar, ta’ popolazzjonijiet affettwati mill-gwerra, u ta’ gruppi vulnerabbli, filwaqt li jiżgura li l-komunitajiet l-aktar affettwati ma jitħallewx jibqgħu lura.
Sal-31 ta’ Diċembru 2024, 3 snin mill-bidu tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, Valutazzjoni Rapida tad-Danni u l-Ħtiġijiet (RDNA4, Rapid Damage and Needs Assessment) konġunta aġġornata tistma li l-kost totali tar-rikostruzzjoni u l-irkupru tal-Ukrajna se jammonta għal EUR 506 biljun matul l-10 snin li ġejjin. Din il-valutazzjoni komprensiva tenfasizza l-iskala enormi tal-isfida li qiegħda tiffaċċja l-Ukrajna biex terġa’ tibni l-ekonomija, l-infrastruttura u l-istituzzjonijiet tagħha.
F’dan il-kuntest, il-Qafas ta’ Investiment għall-Ukrajna huwa essenzjali biex titnaqqas id-diskrepanza sinifikanti fil-finanzjament għar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna. Dan jipprovdi mekkaniżmu strutturat u kkoordinat biex ir-riżorsi finanzjarji jingħaddew lill-aktar oqsma ta’ prijorità urġenti identifikati mill-Pjan għall-Ukrajna. L-appoġġ immirat tal-UIF jiżgura li l-Ukrajna jkollha r-riżorsi neċessarji biex tindirizza l-ħtiġijiet kritiċi filwaqt li jwitti t-triq għal irkupru u tkabbir fit-tul.
L-UIF huwa wkoll fattur ewlieni tal-investiment privat fir-rikostruzzjoni tal-Ukrajna. Billi joffri għodod għad-tnaqqis tar-riskji, kopertura għar-riskju tal-gwerra, u l-mobilizzazzjoni ta’ ekwità privata, joħloq opportunitajiet ġodda ta’ finanzjament kemm għan-negozji Ukreni kif ukoll għal dawk tal-UE.
Il-Pilastru II huwa marbut mill-qrib mar-riforma tal-Ukrajna u t-triq tagħha lejn l-adeżjoni. L-investimenti fl-ekonomija u fl-infrastruttura tal-Ukrajna permessi mill-UIF jaċċelleraw ukoll l-integrazzjoni tagħha fis-Suq Uniku tal-UE, billi jintegraw lill-Ukrajna fl-infrastruttura trans-Ewropea fl-enerġija u t-trasport, fil-ktajjen tal-valur tal-UE u fit-traspożizzjoni tal-istandards u tal-prattiki tan-negozju. Billi jibbaża l-ekonomija tal-Ukrajna fuq dik tal-UE, l-UIF huwa magna strateġika għall-avvanz tal-pożizzjoni ġeopolitika u ekonomika tal-UE.
L-UIF iservi wkoll bħala pjattaforma ta’ koordinazzjoni unika għall-arkitettura tal-irkupru tal-Ukrajna. Dan ilaqqa’ flimkien lill-Gvern tal-Ukrajna, lill-Istati Membri tal-UE, u lil istituzzjonijiet finanzjarji ewlenin bħall-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ), il-Bank Dinji, l-Istituzzjonijiet Finanzjarji għall-Iżvilupp tal-Istati Membri, eċċ. biex jallinja u jipprovdi rispons operattiv konġunt għall-ħtiġijiet ta’ rkupru u ta’ rikostruzzjoni tal-Ukrajna.
L-UIF ġie stabbilit fi żmien qasir ħafna. Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament dwar il-Faċilità għall-Ukrajna f’Marzu 2024, l-ewwel Bord tat-Tmexxija tal-UIF iltaqa’ f’April 2024 u approva l-ewwel sett ta’ programmi ta’ investiment. F’Ġunju 2024 fil-Konferenza dwar l-Irkupru tal-Ukrajna (URC, Ukraine Recovery Conference) f’Berlin, il-Kummissjoni ħabbret l-iffirmar tal-ewwel programmi ta’ investiment taħt l-UIF li jammontaw għal EUR 1,4 biljun fi ftehimiet ġodda ta’ garanziji u ta’ għotjiet biex jappoġġaw l-irkupru u r-rikostruzzjoni tal-Ukrajna.
Dawn il-ftehimiet, iffirmati ma’ diversi sħab ta’ implimentazzjoni, bħall-BERŻ, il-BEI, il-Korporazzjoni Finanzjarja Internazzjonali (IFC, International Finance Corporation), Kreditanstalt für Wiederaufbau (KfW) u l-Bank Gospodarstwa Krajowgo (BGK), jikkonsistu f’EUR 1 biljun ta’ garanziji ta’ self mill-UE u EUR 400 miljun f’għotjiet. Huma ta’ benefiċċju għall-kumpaniji privati, inklużi l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, il-muniċipalitajiet u l-intrapriżi tal-Istat tal-Ukrajna. L-operazzjonijiet jappoġġaw setturi ta’ prijorità bħall-enerġija, it-trasport, l-infrastruttura muniċipali, l-aċċess għall-finanzi u l-intrapriżi affettwati mill-gwerra; u għandhom l-għan li jiżblokkaw EUR 6 biljun f’investimenti.
Bis-saħħa tal-garanziji tal-Qafas ta’ Investiment għall-Ukrajna, li kienu strumentali fil-mitigazzjoni tar-riskji tal-investimenti, ħafna operazzjonijiet diġà seħħew fl-Ukrajna fl-2024.
·Wieħed mill-akbar investimenti barranin fl-Ukrajna minn wara l-indipendenza tagħha. L-akkwist ta’ żewġ operaturi tat-telekomunikazzjoni (Lifecell u Datagroup Volia) minn investitur Franċiż, li joħloq operatur integrat ewlieni bi pjan ta’ investiment robust għall-infrastruttura tat-telekomunikazzjoni u t-titjib tal-konnettività diġitali. Din it-tranżazzjoni kienet kofinanzjata mill-Korporazzjoni Finanzjarja Internazzjonali, appoġġata minn garanzija mill-Qafas ta’ Investiment għall-Ukrajna.
·Investiment greenfield ferm importanti fl-enerġiji rinnovabbli, il-kofinanzjament tal-kostruzzjoni ta’ park eoliku ġdid fir-reġjun ta’ Volyn b’kapaċità ta’ 147 MW, kofinanzjat mill-BERŻ u mill-IFC b’garanzija appoġġata mill-UE.
·Self kritiku lill-Belt ta’ Kiev ġie żblukkat mill-garanzija tal-UIF, li ppermetta appoġġ ta’ likwidità ta’ emerġenza għat-tisħin distrettwali muniċipali biex jiġi żgurat il-forniment mingħajr interruzzjoni tas-sħana matul ix-xitwa 2024/2025, billi ġie ggarantit self ipprovdut mill-BERŻ.
·Self ġdid mill-BERŻ lil Nova Poshta żblukkat mill-garanzija tal-UIF biex jiffinanzja l-espansjoni u l-modernizzazzjoni tan-network tagħha ta’ terminals tal-pakketti u fergħat, id f’id ma’ miżuri b’impatt soċjali qawwi, il-bini ta’ aktar minn 600 xelter mill-bombi, it-tmexxija ta’ programmi biex jinħolqu opportunitajiet ta’ xogħol għal veterani tal-gwerra u nisa vulnerabbli.
Abbażi ta’ dan il-momentum, f’Settembru 2024 tnediet sensiela ġdida ta’ sejħiet tal-UIF għal proposti għal investimenti pubbliċi, operazzjonijiet diretti tas-settur privat u operazzjonijiet ta’ ekwità intermedjata b’allokazzjoni indikattiva ta’ EUR 2,75 biljun. Is-sejħa se tibqa’ miftuħa għal mill-inqas sena bi skadenzi intermedji japplikaw.
L-azzjonijiet taħt il-Pilastru II ġew implimentati f’konformità mal-prinċipji tal-ksib u tal-akkwist stabbiliti fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2024/792. F’Ġunju 2024 ġew iffirmati ftehimiet ta’ garanziji supplimentari u ta’ operazzjonijiet ta’ taħlit u ġew implimentati bħala miżuri urġenti biex jindirizzaw il-ħtiġijiet immedjati tar-rikostruzzjoni u tar-riabilitazzjoni, b’mod partikolari fis-settur tal-enerġija.
2.c.
Pilastru III
Il-Pilastru III jiffoka fuq l-għoti ta’ assistenza teknika u miżuri ta’ appoġġ biex jiffaċilitaw l-allinjament tal-Ukrajna mal-liġijiet u mar-regolamenti tal-UE. Dan jiffinanzja attivitajiet ta’ kooperazzjoni teknika implimentati matul diversi snin, bħal inizjattivi ta’ tisħiħ tal-kapaċitajiet, u jinkludi lil sħab soċjali, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, kif ukoll awtoritajiet lokali u reġjonali, u assistenza lill-Ukrajna fl-implimentazzjoni tar-riformi neċessarji għall-adeżjoni mal-UE u biex jiġi żgurat l-użu effettiv tal-assistenza finanzjarja.
Il-Pilastru III jiffinanzja wkoll is-sussidji għar-rati tal-imgħax għall-kostijiet tas-self ipprovdut taħt il-Pilastru I tal-Faċilità u taħt assistenza makrofinanzjarja preċedenti. Barra minn hekk, dan jiffinanzja l-funzjonament tal-Bord ta’ Verifika tal-Faċilità għall-Ukrajna u jappoġġa inizjattivi oħra li għandhom l-għan li jirrispondu għall-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, inkluż l-infurzar tad-dritt internazzjonali fir-rigward tad-delitti mwettqa mir-Russja fit-territorju tal-Ukrajna.
Fl-2024, ġie adottat l-ewwel Programm ta’ Ħidma Annwali taħt il-Pilastru III tal-Faċilità, li jimmobilizza aktar minn EUR 488 miljun.
2.c.i Implimentazzjoni tal-Faċilità ta’ Kooperazzjoni Teknika
L-Azzjoni “Faċilità ta’ Kooperazzjoni Teknika għall-Ukrajna 2024 (TCF 2024, Technical Cooperation Facility for Ukraine 2024)” b’baġit impenjat ta’ madwar EUR 248 miljun hija mfassla biex tiffaċilita l-allinjament progressiv tal-Ukrajna mal-acquis tal-UE bil-ħsieb li jkun hemm sħubija futura fl-UE u biex tappoġġa l-implimentazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna. Fl-istess ħin, issaħħaħ ir-reżiljenza u l-kapaċità tal-Ukrajna li tirrispondi għall-impatti devastanti mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna.
Bħala għodda flessibbli u reattiva, it-TCF 2024 tipprovdi assistenza mfassla apposta, filwaqt li tadatta għall-ħtiġijiet li qegħdin jevolvu tal-Ukrajna. Tappoġġa wkoll il-komunikazzjoni strateġika, id-diplomazija pubblika, u d-djalogu mas-soċjetà ċivili u mal-atturi kulturali, li huma kollha essenzjali għat-tisħiħ tal-viżibbiltà pożittiva tal-UE fl-Ukrajna.
F’Novembru 2024, il-baġit tat-TCF 2024 żdied b’EUR 105 miljun, bis-saħħa ta’ EUR 103 miljun fi profitti minn assi Russi immobilizzati u kontribuzzjoni addizzjonali ta’ EUR 2 miljun mid-Danimarka. Din l-emenda saħħet b’mod sinifikanti l-kapaċità tal-Faċilità li tappoġġa prijoritajiet bħar-restawr ta’ infrastruttura kritika tal-enerġija.
L-implimentazzjoni tat-TCF 2024 għaddejja sew, b’aktar minn EUR 136 miljun, aktar minn 50 % tal-baġit totali, diġà kkuntrattati fl-2024. Dawn il-fondi huma ffokati fuq prijoritajiet ewlenin: ir-reżiljenza tal-enerġija, id-deċentralizzazzjoni, u l-appoġġ għall-proċess ta’ adeżjoni tal-Ukrajna mal-UE.
·Fis-settur tal-enerġija, l-UE qiegħda tikkontribwixxi għar-reżiljenza tal-enerġija tal-Ukrajna permezz ta’ appoġġ lill-Fond ta’ Appoġġ għall-Enerġija tal-Ukrajna, ġestit mis-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija. Dan il-fond jiffaċilita l-konsenja ta’ tagħmir ta’ emerġenza u ta’ provvisti essenzjali biex jistabbilizzaw is-sistema tal-enerġija tal-Ukrajna.
·Fir-rigward tar-riforma tad-deċentralizzazzjoni, il-fażi li jmiss tal-inizjattiva ewlenija ta’ Tim Ewropa “U-LEAD with Europe,” kofinanzjata mill-Ġermanja u mid-Danimarka, qiegħda tavvanza. Il-missjoni tagħha hija li tappoġġa governanza trasparenti u responsabbli fil-livelli lokali u reġjonali, u b’hekk tikkontribwixxi b’mod dirett għar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna.
·Sabiex tappoġġa aktar l-isforzi ta’ adeżjoni tal-UE, l-Inizjattiva ta’ Tim Ewropa li għadha kif tnediet “Ukraine2EU – Programm ta’ Appoġġ għall-Ukrajna għall-Integrazzjoni fl-UE” (kofinanzjat mid-Danimarka u mil-Litwanja) qiegħda ttejjeb il-kapaċitajiet ta’ istituzzjonijiet Ukreni ewlenin. Dan jinkludi appoġġ għall-Parlament Ukren, it-traduzzjoni tal-acquis tal-UE, komunikazzjoni strateġika u l-koordinazzjoni tal-proċess ġenerali tal-adeżjoni.
L-azzjonijiet taħt il-Pilastru III ġew implimentati f’konformità mal-prinċipji tal-ksib u tal-akkwist stabbiliti fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2024/792, bi prijorità mogħtija lill-pajjiżi eliġibbli. Ġew applikati derogi f’konformità mad-dispożizzjonijiet legali, b’mod partikolari biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet urġenti għal tagħmir tal-enerġija kritiku, ir-rekwiżiti ta’ kompatibbiltà mas-sistemi eżistenti tal-Ukrajna u l-kundizzjonijiet ta’ kriżi fil-prattika.
2.c.ii Kontribuzzjoni għall-mekkaniżmi ta’ akkontabbiltà u l-finanzjament tal-Bord ta’ Verifika
Il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna wasslet għal mewt, tbatija u qerda mifruxa madwar il-pajjiż kollu. Fl-14 ta’ Novembru 2022, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti adottat riżoluzzjoni li tirrikonoxxi l-ħtieġa tal-istabbiliment ta’ mekkaniżmu internazzjonali għar-reparazzjoni ta’ dannu, telf jew ħsara li tirriżulta mill-atti internazzjonalment illegali tar-Russa kontra l-Ukrajna. L-UE mexxiet l-isforzi internazzjonali biex ir-Russja tinżamm responsabbli, filwaqt li ssieħbet fir-Reġistru tad-Danni Kkawżati mill-Aggressjoni tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna f’Mejju 2023 u saret parteċipant sħiħ f’Lulju 2024. Bħalissa, 43 stat u l-UE huma parti mir-Reġistru.
Fl-2024, l-UE kkontribwiet madwar EUR 846 000 għall-Ftehim Parzjali Estiż (EPA, Enlarged Partial Agreement) dwar ir-Reġistru tad-Danni Kkawżati mill-Aggressjoni tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna, u b’hekk żgurat il-konformità tal-UE mal-obbligi finanzjarji tagħha bħala membru tal-EPA.
Ir-Reġistru jirreġistra talbiet eliġibbli għal dannu, telf jew ħsara kkawżata lill-persuni fiżiċi u ġuridiċi kollha kkonċernati kif ukoll lill-Istat tal-Ukrajna, u jopera bħala pjattaforma diġitali sigura biex tinġabar u tiġi pproċessata l-evidenza. Huwa mistenni li jsir parti minn Kummissjoni futura għat-Talbiet, li se tivvaluta t-talbiet u tiddetermina l-kumpens. Din l-inizjattiva hija pass ewlieni biex jiġi żgurat li r-Russja tieħu r-responsabbiltà sħiħa għall-azzjonijiet tagħha.
B’kollox huma ppjanati 44 formola ta’ talbiet biex ikopru diversi tipi ta’ danni, inklużi l-qerda tal-proprjetà, il-ħsara personali u l-ispostament furzat. Sa tmiem l-2024, ir-Reġistru kien irċieva aktar minn 13 000 talba u rreġistra 832 deċiżjoni dwar il-qerda ta’ proprjetà residenzjali, b’talba medja ta’ EUR 54 000. Qiegħda tkompli l-ħidma fuq l-espansjoni tal-proċess tat-talbiet.
Il-Bord ta’ Verifika tal-Faċilità għall-Ukrajna ġie stabbilit f’Ġunju 2024 permezz ta’ Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni, li stabbiliet ukoll it-terminu tiegħu (sat-30 ta’ Ġunju 2028) u ddefiniet il-missjoni, il-kompożizzjoni, il-ħatra tal-membri u l-President tiegħu, is-Segretarjat u l-kompiti tiegħu. Ġew ipprovduti madwar EUR 11-il miljun taħt il-Faċilità għall-Ukrajna biex jappoġġaw din l-azzjoni.
Il-kompitu primarju tal-Bord ta’ Verifika huwa li jissorvelja l-użu trasparenti u effettiv ta’ sa EUR 50 biljun f’assistenza finanzjarja tal-UE lill-Ukrajna bejn l-2024 u l-2027. B’mod partikolari, il-missjoni tiegħu hija li jivvaluta jekk is-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll tas-settur pubbliku tal-Ukrajna humiex qegħdin jiżguraw li l-fondi tal-UE jintużaw f’konformità mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, bħall-effettività, l-ekonomija, l-effiċjenza u t-trasparenza, filwaqt li jipprevjeni l-frodi, il-korruzzjoni, il-kunflitti ta’ interess u irregolaritajiet oħra.
Il-Bord ta’Verifika huwa bbażat fi Brussell b’Segretarjat iddedikat f’Kiev. Permezz ta’ sejħa għal espressjoni ta’ interess, fl-2024 intgħażlu tliet membri indipendenti għall-bord ta’ verifika, kollha ċittadini tal-UE b’esperjenza sinifikanti fl-awditjar u fil-miżuri ta’ kontra l-frodi.
2.c.iiii. Kostijiet tas-self u kostijiet storiċi
F’Ġunju 2024, ġiet adottata deċiżjoni ta’ finanzjament biex tkopri l-kostijiet storiċi annwali marbuta mas-self taħt l-assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali tal-UE pprovduta fl-2022 (“MFA1” u “MFA2”) u biex tikkontribwixxi għall-proviżjonament imħallas fil-fond ta’ proviżjonament komuni fir-rigward ta’ tali self, b’ammont totali ta’ aktar minn EUR 227 miljun.
L-assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali tal-UE ta’ EUR 6 biljun żborżati f’Awwissu 2022 (MFA1) u bejn Ottubru u Diċembru 2022 (MFA2) ipprovdiet appoġġ rapidu u urġenti lill-baġit Ukren. L-UE tista’ tħallas l-imgħax billi tagħti sussidju fuq ir-rata tal-imgħax fir-rigward ta’ tali self.
Fi Frar 2024, l-Ukrajna ppreżentat it-talba formali biex tirċievi sussidju fuq ir-rata tal-imgħax għall-imposti dovuti fl-2024. Ir-rekwiżiti li fuqhom huwa bbażat ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali skont l-assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali tal-UE tqiesu li ġew issodisfati fl-2022.
3. Progress fl-implimentazzjoni tal-Faċilità
3.a.
Progress fil-miri skont ir-Regolament dwar il-Faċilità għall-Ukrajna
Ir-Regolament dwar il-Faċilità għall-Ukrajna jistabbilixxi tliet miri strateġiċi ffokati fuq l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs, Small and Medium-sized Enterprises), it-tranżizzjoni ekoloġika, u l-muniċipalitajiet–tliet dimensjonijiet li huma essenzjali għall-irkupru, għar-rikostruzzjoni, u għall-modernizzazzjoni fit-tul tal-Ukrajna.
3.a.i Appoġġ għall-Intrapriżi Żgħar u ta’ daqs Medju (l-Artikolu 28(6))
L-SMEs huma s-sinsla tal-ekonomija tal-Ukrajna u jiżvolġu rwol kritiku fl-ixprunar tar-reżiljenza ekonomika, tal-innovazzjoni u tal-ħolqien tal-impjiegi. Filwaqt li jirrikonoxxi dan, ir-Regolament dwar il-Faċilità għall-Ukrajna jirrikjedi li mill-inqas 15 % tal-garanziji tal-UE jappoġġaw lill-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (MSMEs, Micro, Small, and Medium-sized Enterprises), inkluż l-istart-ups.
Fl-2024, l-UE għamlet progress sinifikanti lejn dan l-objettiv. Ġew iffirmati żewġ ftehimiet, li jiżguraw sa EUR 290 miljun f’kopertura tal-garanzija tal-UE mmirati b’mod speċifiku għas-self lill-MSMEs. Barra minn hekk, ġew immobilizzati EUR 20 miljun permezz ta’ kontribuzzjonijiet ta’ taħlit. Dawn l-inizjattivi huma mfassla biex jisfruttaw il-finanzjament għan-negozji ż-żgħar u jappoġġaw lil kumpaniji affettwati mill-gwerra, u jiżguraw li jkunu jistgħu jkomplu joperaw u jikkontribwixxu għall-ekonomija.
Sabiex tkompli tibni fuq dan il-momentum, l-UE se tniedi sejħa mfassla apposta għal proposti fl-2025 biex tipprovdi aktar appoġġ immirat għall-SMEs, mgħoddi permezz tal-banek u tal-intermedjarji finanzjarji. Dan l-isforz se jagħti prijorità lill-aċċess għall-finanzjament għan-negozji ż-żgħar u se jgħin biex isaħħaħ lis-settur privat tal-Ukrajna matul din il-fażi kritika ta’ rikostruzzjoni.
3.a.ii L-avvanz tat-Tranżizzjoni Ekoloġika (l-Artikolu 28(9))
Il-Faċilità hija allinjata mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tappoġġa t-tranżizzjoni tal-Ukrajna għal ekonomija newtrali għall-klima, reżiljenti għall-klima u ambjentalment sostenibbli. Il-Pilastru I tal-Faċilità huwa mistenni li jikkonforma mal-prinċipji ta’ “la tagħmilx ħsara sinifikanti”, sa fejn ikun possibbli f’kuntest ta’ gwerra jew ta’ rkupru u rikostruzzjoni ta’ wara l-gwerra. Mill-inqas 20 % tal-investimenti magħmula taħt il-Pjan għall-Ukrajna u l-Qafas ta’ Investiment għall-Ukrajna huma mistennija jikkontribwixxu għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih, għall-protezzjoni ambjentali tal-bijodiversità inkluż il-konservazzjoni tal-bijodiversità u għat-tranżizzjoni ekoloġika usa’.
Taħt il-Pjan għall-Ukrajna, mill-inqas 80 % tal-investimenti fl-infrastruttura tat-trasport u mill-inqas 60 % fl-infrastruttura tal-enerġija huma mistennija jappoġġaw objettivi ekoloġiċi. Il-biċċa l-kbira tal-investimenti relatati mat-tranżizzjoni ekoloġika taħt il-Pilastru I huma skedati għall-implimentazzjoni sar-raba’ trimestru tal-2027. Il-valutazzjoni ġenerali dwar jekk il-mira ta’ tranżizzjoni ekoloġika tkunx ġiet issodisfata se titwettaq bħala parti mit-talba għall-pagament finali dovut sa tmiem l-2027.
Barra minn hekk, l-ewwel operazzjonijiet taħt il-Pilastru II – ikkuntrattati f’nofs l-2024 – huma wkoll mistennija li jikkontribwixxu b’mod sinifikanti. Dawn jinkludu l-operazzjonijiet tal-Qafas ta’ Investiment għall-Ukrajna ffokati fuq ir-riabilitazzjoni u t-titjib ta’ servizzi essenzjali bħall-infrastruttura tal-ilma u tal-elettriku.
3.a.iii Muniċipalitajiet (l-Artikolu 16(4))
Ammont ekwivalenti għal mill-inqas 20 % tal-appoġġ mhux ripagabbli taħt il-Pilastru I jrid jiġi allokat għall-ħtiġijiet tal-awtoritajiet sottonazzjonali. Dan se jiġi vvalutat abbażi tar-rapporti tat-Teżor li jiġġustifikaw li mill-inqas dan l-ammont ġie allokat fil-baġit nazzjonali għal tali ħtiġijiet, f’konformità ma’ metodoloġija li għandha titħejja mill-Ukrajna u li jintlaħaq qbil dwarha mal-Kummissjoni. L-ewwel valutazzjoni ta’ dan ir-rekwiżit se ssir bħala parti mid-disa’ talba għal pagament taħt il-Pjan għall-Ukrajna, mistennija wara t-tieni trimestru tal-2026, li se tiddetermina jekk ġiex allokat ammont ta’ mill-inqas 5 %. Fit-talba għal pagament finali tal-Pjan għall-Ukrajna, dovuta sa tmiem ir-raba’ trimestru tal-2027,se tiġi vvalutata l-mira sħiħa.
3.b. Kontribuzzjoni għall-proċess ta’ adeżjoni tal-Ukrajna
Il-Faċilità torbot l-appoġġ finanzjarju lill-Ukrajna ma’ aġenda ambizzjuża ta’ riforma għat-tkabbir bil-għan li tiffaċilita t-trasformazzjoni strutturali filwaqt li tappoġġa t-triq tal-Ukrajna lejn is-sħubija fl-UE. Il-Pjan għall-Ukrajna huwa fil-qalba tal-Faċilità li tippromwovi l-irkupru ekonomiku, ir-rikostruzzjoni u l-modernizzazzjoni tal-Ukrajna filwaqt li fl-istess ħin trawwem l-allinjament mal-acquis tal-UE.
Sabiex jiġi żgurat progress sinifikattiv, ġew identifikati passi speċifiċi fil-Pjan, li ħafna minnhom huma marbuta mill-qrib mal-acquis tal-UE f’oqsma ta’ prijorità ewlenija. Dawn il-passi jinkludu firxa ta’ miżuri essenzjali biex l-Ukrajna toqrob lejn l-acquis tal-UE fuq terminu ta’ żmien qasir, inkluż l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni li tavvanza l-implimentazzjoni tal-acquis, l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-UE u l-adozzjoni tal-istandards tal-UE f’diversi setturi. Filwaqt li l-implimentazzjoni b’suċċess tal-Pjan għall-Ukrajna tappoġġa l-allinjament tal-Ukrajna mal-qafas regolatorju tal-UE, it-twettiq tar-riformi taħt il-Faċilità jibqa’ separat mill-valutazzjoni tal-allinjament mal-acquis tal-UE taħt il-proċess kontinwu ta’ adeżjoni, u mingħajr preġudizzju għaliha.
B’mod speċifiku, fiż-żewġ pagamenti parzjali vvalutati fl-2024, tlestew total ta’ erba’ passi (madwar 22 % tat-total) li jikkontribwixxu wkoll għall-allinjament mal-acquis tal-UE (ara t-Tabella 1 hawn taħt). Is-setturi involuti jinkludu d-deċentralizzazzjoni, l-enerġija, u l-ambjent.
Tabella 1: Passi tal-Pjan għall-Ukrajna b’referenza għall-acquis tal-UE li tlestew fl-2024
|
Numru sekwenzjali
|
Riforma
|
Isem tal-pass
|
Pagament parzjali
|
|
9.5
|
Riforma 3.
Żvilupp u implimentazzjoni tal-politika reġjonali
|
Adozzjoni ta’ riżoluzzjonijiet biex tiġi emendata l-Istrateġija tal-Istat għall-Iżvilupp Reġjonali għall-2021-2027
|
It-tielet trimestru tal-2024
|
|
10.8
|
Riforma 3.
Riforma tas-suq tal-elettriku
|
Dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni sekondarja dwar il-liġi tar-Regolament dwar l-Integrità u t-Trasparenza tas-Swieq tal-Enerġija bl-Ingrossa (REMIT, Regulation on Wholesale Energy Market Integrity and Transparency)
|
It-tielet trimestru tal-2024
|
|
15.1
|
Riforma 1.
Prevenzjoni, tnaqqis u kontroll tat-tniġġis industrijali
|
Dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni dwar il-prevenzjoni, it-tnaqqis u l-kontroll tat-tniġġis industrijali b’applikazzjoni parzjali tad-dispożizzjonijiet
|
It-tielet trimestru tal-2024
|
|
15.10
|
Riforma 5. Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali (VIA) u Valutazzjoni Ambjentali Strateġika (VAS)
|
Żvilupp ta’ nota kunċettwali li tiddefinixxi l-ambitu tad-devjazzjonijiet mir-regoli tal-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali (VIA) u tal-Valutazzjoni Ambjentali Strateġika (VAS)
|
It-tielet trimestru tal-2024
|
3.c. Kontribut għall-istabbiltà fiskali tal-Ukrajna permezz ta’ appoġġ baġitarju
L-invażjoni fuq skala sħiħa tar-Russja kellha impatt li fixkel l-ekonomija Ukrena, li ċkienet bi kważi 30 % fl-2022. Kemm l-inflazzjoni kif ukoll il-qgħad żdiedu b’mod sinifikanti. Id-defiċit tal-gvern estiż laħaq kważi 20 % tal-PDG fl-2023 minħabba nfiq għoli fid-difiża. Peress li tilfet l-aċċess għas-swieq finanzjarji internazzjonali, l-Ukrajna tibbaża ħafna fuq l-assistenza barranija. Il-Fond Monetarju Internazzjonali stima li d-diskrepanza kumulattiva fil-finanzjament tal-gvern estiż sal-2027 hija ta’ EUR 143 biljun.
F’dan il-kuntest, il-Pjan għall-Ukrajna jipprovdi appoġġ baġitarju dirett fil-forma ta’ appoġġ mhux ripagabbli u self aġevolanti ħafna. L-appoġġ finanzjarju totali taħt il-Pilastru I jammonta għal EUR 38,3 biljun. Il-fondi ġew ikkonċentrati fl-ewwel u fit-tieni sena tal-implimentazzjoni tal-Pjanijiet għall-Ukrajna.
L-appoġġ baġitarju dirett qiegħed jgħin lill-Ukrajna żżomm il-funzjonijiet tal-gvern u tipprovdi servizzi pubbliċi essenzjali, kruċjali matul perjodu ta’ dħul domestiku dejjem jikber iżda insuffiċjenti. Dan l-appoġġ jiżgura l-ħlas tas-salarji pubbliċi, il-pensjonijiet, u l-kontinwazzjoni ta’ servizzi bħall-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa, filwaqt li jgħin ukoll biex tinżamm l-istabbiltà makrofinanzjarja billi jnaqqas il-ħtieġa ta’ self domestiku eċċessiv.
Il-Pjan għall-Ukrajna jinkludi miżuri biex tissaħħaħ il-ġestjoni fiskali, bħar-restawr tar-rieżamijiet baġitarji annwali u t-titjib fl-effettività tal-infiq pubbliku. Jiffoka wkoll fuq it-tisħiħ tal-mobilizzazzjoni tad-dħul u l-ġestjoni tad-dejn pubbliku għal sostenibbiltà finanzjarja fit-tul. Barra minn hekk, is-sussidju tar-rata tal-imgħax fuq self mill-assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali tal-UE fl-2022 jgħin lill-Ukrajna żżomm l-istabbiltà billi jeħlisha mill-pagamenti tal-imgħax dovuti għal dik is-sena.
3.d. Appoġġ għat-tisħiħ tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri
L-implimentazzjoni tal-Faċilità hija ggwidata mill-prinċipji tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa (GEWE, Gender Equality and Women Empowerment), kif speċifikat fir-Regolament. Madankollu, ma tantx ilu li ġiet implimentata biex isir rapport dwar eżempji konkreti ta’ riżultati għall-GEWE.
Il-Pjan għall-Ukrajna jfakkar fil-prinċipji tal-inklużività, tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u tal-koeżjoni soċjali bħala oqsma trażversali importanti li għandhom jitqiesu. Dan jenfasizza wkoll kwistjonijiet marbuta mal-kapital uman u mal-ambjent tan-negozju. Sabiex tissodisfa l-passi stabbiliti fil-Pjan, fl-2024, l-Ukrajna adottat l-istrateġija l-ġdida għall-iżvilupp demografiku sal-2040. Il-liġi l-ġdida dwar it-titjib tal-governanza korporattiva tal-intrapriżi tal-Istat u l-istrateġija nazzjonali ta’ azzjoni kontra l-mini sal-2033 jinkludu wkoll miżuri li jinkoraġġixxu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri.
Il-Qafas ta’ Investiment għall-Ukrajna huwa implimentat permezz ta’ sħubijiet ma’ istituzzjonijiet finanzjarji allinjati mal-impenji internazzjonali u tal-UE għall-GEWE. L-appoġġ għall-GEWE huwa wkoll parti mill-orjentazzjonijiet strateġiċi tal-UIF.
Taħt il-Pilastru III, l-assistenza bbażata fuq il-proġetti tingħadda permezz ta’ azzjoni waħda msejħa Faċilità ta’ Kooperazzjoni Teknika (TCF, Technical Cooperation Facility). It-TCF timplimenta proġetti li se jintegraw l-objettivi għat-tisħiħ tal-GEWE f’konformità mal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri.
3.e. Punti ewlenin
Minkejja l-istadju bikri tal-implimentazzjoni tagħha, il-Faċilità diġà kisbet riżultati sinifikanti f’ħafna oqsma.
·Kapaċità akbar għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni: bħala parti mir-riformi skont il-Pjan għall-Ukrajna, l-Ukrajna żiedet il-persunal tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjalizzat Kontra l-Korruzzjoni (SAPO, Specialized Anti-Corruption Prosecutor’s Office), kif ukoll emendat il-Kodiċi Kriminali u l-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali biex iżżid l-effiċjenza tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni. B’mod partikolari, il-qafas legali ta’ sentenzi fuq talba tal-partijiet ittejjeb b’mod sinifikanti.
·Titjib tal-istandards ta’ governanza korporattiva: l-Ukrajna adottat, taħt il-Pjan għall-Ukrajna, liġi biex ittejjeb l-istandards tal-governanza korporattiva fl-intrapriżi tal-Istat (SOEs, state-owned enterprises), u ġġibhom eqreb tal-istandards internazzjonali. Il-liġi l-ġdida tistabbilixxi setgħat esklużivi tal-bordijiet superviżorji tal-SOEs biex jaħtru u jkeċċu l-uffiċjali kapijiet eżekuttivi, u biex japprovaw il-pjanijiet strateġiċi ta’ investiment u finanzjarji tal-SOEs. Dan jirrikjedi li l-maġġoranza tal-membri tal-bord superviżorju jkunu indipendenti, u jintroduċi proċedura ta’ evalwazzjoni annwali għall-bordijiet superviżorji.
·Sigurtà ekonomika u l-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa: l-Ukrajna adottat il-leġiżlazzjoni neċessarja għar-riforma tal-Uffiċċju tas-Sigurtà Ekonomika tal-Ukrajna. Il-liġi l-ġdida tirrappreżenta pass importanti għat-trasformazzjoni tal-Uffiċċju f’awtorità superviżorja li tkun aktar effettiva fil-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-kriminalità ekonomika. Din tintroduċi proċeduri miftuħa u abbażi ta’ mertu għar-reklutaġġ, inkluż għal Kap ġdid li jintgħażel minn kummissjoni ta’ sitt membri, li nofshom ikunu esperti internazzjonali. Il-liġi se tgħin ukoll biex jiġu żgurati l-integrità u l-kompetenzi professjonali adegwati tal-persunal.
·Enerġija u klima: l-Ukrajna adottat l-ewwel Qafas ta’ Liġi dwar il-Klima tagħha, inkluż objettiv li sal-2050 tilħaq in-newtralità klimatika, u l-Pjan Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima tagħha, li jikkoordina u jippjana l-politiki dwar l-enerġija u l-klima sal-2030, b’miri speċifiċi inkluż tnaqqis sinifikanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u sehem akbar ta’ enerġija rinnovabbli.
·Ambjent regolatorju aħjar: l-Ukrajna adottat Pjan ta’ Azzjoni biex ittaffi l-piż fuq in-negozji bir-rieżami u bit-tneħħija tar-regolamenti li jikkoinċidu, bid-deregolamentazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi u bid-diġitalizzazzjoni tal-proċeduri amministrattivi.
·Appoġġ għall-baġit: l-iżborżi regolari marbuta mal-implimentazzjoni sħiħa tar-riformi taħt il-Pjan kienu vitali għall-Ukrajna peress li għenu jsostnu funzjonijiet essenzjali tal-gvern, inkluż il-ħlas tas-salarji u l-provvista ta’ servizzi pubbliċi bħall-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa, fost nuqqasijiet severi fid-dħul. Dan appoġġa wkoll l-istabbiltà makrofinanzjarja billi llimita l-ħtieġa ta’ self domestiku u stabbilixxa l-bażi għal sostenibbiltà fiskali fit-tul permezz ta’ titjib fil-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi.
·Investimenti: il-Qafas ta’ Investiment għall-Ukrajna kkontribwixxa għal wieħed mill-akbar investimenti barranin fl-Ukrajna mill-indipendenza tagħha, l-akkwist ta’ żewġ operaturi tat-telekomunikazzjoni (Lifecell u Datagroup Volia) minn investituri Franċiżi u Ukreni. L-operazzjoni, appoġġata mill-Korporazzjoni Finanzjarja Internazzjonali u mill-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, ħolqot operatur integrat ewlieni fl-Ukrajna bi pjan ta’ investiment robust għall-infrastruttura tat-telekomunikazzjoni u t-titjib tal-konnettività diġitali. L-investiment għandu l-għan li jimmodernizza u jespandi l-infrastruttura tat-telekomunikazzjoni tal-Ukrajna, u jsaħħaħ ir-reżiljenza tan-network u l-konnettività madwar il-pajjiż, inkluż fit-territorji liberati. B’riżultat ta’ dan, il-konnessjoni mobbli għal aktar minn 10 miljun persuna fl-Ukrajna se tiġi restawrata, immodernizzata u mtejba u erba’ miljun dar se jiġi mgħammra b’internet aktar veloċi.
4. Kontrolli fl-implimentazzjoni tal-Faċilità
Is-sistema ta’ kontroll intern tas-settur pubbliku tal-Ukrajna tipprovdi monitoraġġ u sorveljanza finanzjarja effettivi, u tissodisfa l-istandards tal-UE għat-trasparenza u għall-akkontabbiltà. L-istruttura ta’ governanza tinkludi l-Koordinatur Nazzjonali fil-Ministeru tal-Ekonomija li jissorvelja l-implimentazzjoni, filwaqt li l-Ministeru tal-Finanzi u s-Servizz tal-Awditjar tal-Istat jivverifikaw il-konformità permezz ta’ awditi. Il-Kamra tal-Kontabbiltà tappoġġa s-sorveljanza parlamentari.
F’Diċembru 2024 twettaq awditu inizjali għall-Kummissjoni. Minkejja r-restrizzjonijiet tar-riżorsi, l-esperjenza tal-Ukrajna fil-ġestjoni tal-għajnuna finanzjarja internazzjonali tiffaċilita kapaċità amministrattiva adegwata. Il-Pjan għall-Ukrajna jinkludi wkoll riformi biex tittejjeb il-ġestjoni finanzjarja pubblika, tiġi pprevenuta l-frodi u jitnaqqsu r-riskji ta’ finanzjament doppju. Dawn l-isforzi huma appoġġati mill-Qafas ta’ Ftehim bejn l-UE u l-Ukrajna, li jiddeskrivi mekkaniżmi għas-superviżjoni finanzjarja, għall-prevenzjoni tal-frodi, u salvagwardji legali biex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-UE.
4.a. Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE
Fl-implimentazzjoni tal-Faċilità, il-Kummissjoni u l-Ukrajna qegħdin jieħdu miżuri xierqa biex jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-UE. Il-qafas ta’ kontroll tal-Kummissjoni jinkludi żewġ livelli (i) li jiżguraw il-legalità u r-regolarità tal-iżborżi trimestrali lill-Ukrajna taħt il-Pilastru I tal-Faċilità; u (ii) il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE. Sabiex tiżgura l-legalità u r-regolarità, il-Kummissjoni twettaq kontrolli preliminari komprensivi qabel kwalunkwe valutazzjoni pożittiva ta’ talba għal pagament sottomessa mill-Ukrajna. Il-valutazzjoni pożittiva tal-Kummissjoni tqis dan li ġej:
·valutazzjoni tal-prekundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament dwar il-Faċilità għall-Ukrajna li l-Ukrajna qiegħda tkompli żżomm u tirrispetta l-mekkaniżmi demokratiċi effettivi u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet rilevanti ta’ korpi internazzjonali, bħall-Kunsill tal-Ewropa u l-Kummissjoni ta’ Venezja tiegħu;
·analiżi tat-twettiq b’mod sodisfaċenti tal-passi kwalitattivi u kwantitattivi f’kull talba għal pagament abbażi tad-dokumenti ta’ verifika pprovduti mill-Ukrajna f’konformità mal-Qafas ta’ Ftehim bejn il-Kummissjoni u l-Ukrajna.
Wara l-iżborżi, il-Kummissjoni se twettaq ukoll awditi bbażati fuq ir-riskju dwar l-implimentazzjoni tal-passi tal-Pjan għall-Ukrajna biex tikseb aċċertament addizzjonali tal-veraċità tal-informazzjoni pprovduta mill-Ukrajna. Qabel ma tat il-valutazzjoni pożittiva tal-Pjan għall-Ukrajna, il-Kummissjoni vvalutat ukoll li l-arranġamenti proposti mill-Ukrajna huma mistennija li jiżguraw b’mod effettiv livell adegwat ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE.
4.b. Is-sistema ta’ kontroll intern tas-settur pubbliku tal-Ukrajna
Is-sistema ta’ kontroll intern tas-settur pubbliku tal-Ukrajna tipprovdi sorveljanza finanzjarja effettiva, li tallinja mal-istandards tal-UE għat-trasparenza u għall-akkontabbiltà. Il-Koordinatur Nazzjonali fi ħdan il-Ministeru tal-Ekonomija jissorvelja l-implimentazzjoni, filwaqt li l-Ministeru tal-Finanzi, appoġġat mis-Servizz ta’ Verifika tal-Istat, iwettaq awditi u kontrolli finanzjarji.
F’Diċembru 2024, awditu inizjali tas-sistemi għall-Kummissjoni identifika oqsma li fihom għandu jsir titjib, b’rakkomandazzjonijiet maħruġa fil-bidu tal-2025. Dawn se jiġu implimentati taħt is-sorveljanza tal-Bord ta’ Verifika tal-Faċilità għall-Ukrajna. Minkejja r-restrizzjonijiet tar-riżorsi, l-esperjenza tal-Ukrajna fil-ġestjoni tal-għajnuna finanzjarja internazzjonali tiżgura kapaċità amministrattiva adegwata.
Il-Pjan għall-Ukrajna jagħti mandat għar-riformi fil-ġestjoni finanzjarja pubblika u t-trasparenza fl-investiment biex jissaħħu s-sistemi tal-awditjar u tiġi pprevenuta l-frodi. Qafas ta’ Ftehim mal-UE, ikkomplementat minn Ftehimiet ta’ Finanzjament u Self, jistabbilixxi miżuri legalment vinkolanti għall-ġestjoni tal-fondi, il-prevenzjoni tal-frodi u s-salvagwardji finanzjarji, li jiżguraw l-akkontabbiltà fl-użu tal-appoġġ tal-UE.
5. Komunikazzjoni u djalogi
Djalogu dwar il-Faċilità għall-Ukrajna mal-Parlament Ewropew
Skont l-Artikolu 37 tar-Regolament dwar il-Faċilità għall-Ukrajna, il-Kummissjoni għandha żżomm djalogu mal-Parlament Ewropew mill-inqas kull 4 xhur biex tirrieżamina l-progress fit-tliet pilastri kollha tal-Faċilità.
L-ewwel djalogu sar f’Diċembru 2024 mal-Kumitat għall-Baġit u mal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, li kien ikopri kwistjonijiet ewlenin bħas-sostenn tal-appoġġ lil hinn mill-2027, il-mobilizzazzjoni tal-investimenti tas-settur privat u l-iżgurar ta’ salvagwardji finanzjarji. Il-Kummissjoni tibqa’ impenjata għal djalogi kontinwi biex iżżomm lill-Parlament infurmat dwar il-progress, l-isfidi u l-isforzi ta’ implimentazzjoni.
Fl-ewwel sena ta’ implimentazzjoni tagħha, il-Faċilità diġà bdiet tilħaq l-objettivi tagħha. Wara li mmobilizzat EUR 19,6 biljun fl-2024, li minnhom EUR 16,1 biljun ġew żborżati direttament għall-baġit Ukren, hija kellha rwol deċiżiv bħala wieħed mill-fatturi ewlenin ta’ stabbilizzazzjoni għall-Ukrajna u għodod disponibbli għall-UE biex tappoġġa l-irkupru, ir-rikostruzzjoni u l-modernizzazzjoni tagħha.
L-appoġġ ipprovdut lill-baġit tal-Istat taħt il-Pilastru I tal-Faċilità, il-Pjan għall-Ukrajna, kien kritiku għaż-żamma tal-istabbiltà makrofinanzjarja tal-Ukrajna. Il-passi kollha ta’ riforma stabbiliti fil-Pjan għall-Ukrajna fl-2024 ġew issodisfati, u b’hekk ġew stabbiliti l-pedamenti għall-irkupru fit-tul tal-Ukrajna, ġew aċċellerati l-passi lejn it-tkabbir, u ngħata kontribut biex l-istituzzjonijiet tal-Ukrajna jinġiebu f’konformità mal-istandards tal-UE. Din ippromwoviet riformi importanti li jvarjaw mill-ġlieda kontra l-korruzzjoni għall-ambjent tan-negozju sat-tranżizzjoni ekoloġika u l-protezzjoni ambjentali.
Issa se jkun importanti li jinżamm il-pass tal-implimentazzjoni tar-riformi u tal-investimenti fil-Pjan għall-Ukrajna. Jekk jiġu implimentati, huma mistennija li jikkontribwixxu b’mod sinifikanti biex iżidu t-tkabbir, isostnu l-istabbiltà makroekonomika, itejbu s-sitwazzjoni fiskali u jsaħħu t-triq tal-adeżjoni tal-Ukrajna mal-UE.
Il-Pilastru II tal-Faċilità, il-Qafas tal-Investiment għall-Ukrajna, jiżvolġu rwol ewlieni fil-mobilizzazzjoni tal-investimenti neċessarji għar-rikostruzzjoni, inkluż mill-perspettiva tar-rikostruzzjoni ekoloġika. L-implimentazzjoni tiegħu qiegħda ssir fi żmien rekord, u diġà tħabbru programmi ta’ EUR 1,4 biljun għall-iffirmar u għat-tnedija ta’ sejħiet fl-ewwel sena tal-implimentazzjoni. L-operazzjonijiet diġà bdew jimmaterjalizzaw, b’mod partikolari biex jappoġġaw ħtiġijiet urġenti f’oqsma bħall-enerġija, is-servizzi tat-tisħin u investimenti ġodda f’sorsi rinnovabbli greenfield. Il-UIF jaqdi wkoll l-interessi strateġiċi tal-UE billi jipprovdi opportunitajiet ekonomiċi għan-negozji bbażati fl-UE biex jinvestu, joħolqu opportunitajiet kummerċjali u jippromwovu t-tkabbir madwar il-kontinent.
Taħt il-Pilastru III, il-Faċilità tipprovdi assistenza teknika kruċjali lill-Ukrajna biex tappoġġa l-allinjament progressiv tagħha mal-acquis tal-UE bil-ħsieb ta’ sħubija futura, kif ukoll l-implimentazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna. Barra minn hekk, l-assistenza bbażata fuq il-proġetti, inkluż permezz ta’ tiswijiet urġenti tal-infrastruttura tal-enerġija, saħħet ir-reżiljenza u l-kapaċità tal-pajjiż li jirrispondi għall-impatti ġġenerati mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Il-Pilastru III ssussidja wkoll l-imposti tar-rata tal-imgħax dovuti lill-Ukrajna fl-2024 fir-rigward ta’ self minn strumenti preċedenti, u b’hekk ħoloq spazju fiskali fil-baġit tal-Istat.
L-implimentazzjoni tal-Faċilità sseħħ f’qafas b’saħħtu ta’ monitoraġġ u kontroll, mibni biex jiżgura li l-interessi finanzjarji tal-UE jkunu protetti kif xieraq. Minbarra t-tisħiħ tas-sistema ta’ kontroll intern tas-settur pubbliku tal-Ukrajna, dan jinkludi wkoll il-funzjonament tal-Bord ta’ Verifika, li jassisti lill-Kummissjoni billi jivvaluta s-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll tas-settur pubbliku tal-Ukrajna u jipprovdi rakkomandazzjonijiet.
Fl-2024, il-Faċilità saħħet l-appoġġ tal-UE għall-Ukrajna, u wriet l-impenn tagħha li tappoġġa lill-Ukrajna u lill-poplu tagħha sakemm ikun hemm bżonn. Din kienet komponent ċentrali tal-assistenza finanzjarja pprovduta, filwaqt li fl-istess ħin ippromwoviet l-isforz ta’ riforma tagħha. Fl-2025, se tkompli tagħmel dan billi tidħol fil-fażi ta’ implimentazzjoni sħiħa, u tkompli tiżgura l-appoġġ għall-irkupru, għar-rikostruzzjoni u għall-modernizzazzjoni tal-Ukrajna.