IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 14.7.2025
COM(2025) 384 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar il-progress li sar lejn il-kisba tal-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja tal-Unjoni u l-funzjonament tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji f’dan il-kuntest
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar il-progress li sar lejn il-kisba tal-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja tal-Unjoni u l-funzjonament tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji f’dan il-kuntest
Introduzzjoni
L-Artikolu 53 tad-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea jirrikjedi li l-Kummissjoni tirrapporta dwar il-progress li jkun sar lejn il-kisba tal-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja tal-Unjoni u l-funzjonament tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji (“l-Aġenzija”) f’dan il-kuntest mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva.
Dan, l-ewwel rapport ta’ dan it-tip, ikopri l-perjodu mis-16 ta’ Ġunju 2016 sat-30 ta’ Ġunju 2024.
Barra minn hekk, l-Artikolu 53(1) jgħid li r-rapport se jinkludi wkoll evalwazzjoni tal-implimentazzjoni u l-użu tar-reġistri taħt il-Kapitolu VII – jiġifieri r-Reġistru Ewropew tal-Vetturi (EVR, European Vehicle Register), ir-Reġistru Ewropew tat-Tipi ta’ Vetturi Awtorizzati (ERATV, European Register of Authorised Vehicle Types) u r-Reġistru tal-Infrastruttura (RINF, Register of Infrastructure) – u analiżi tal-każijiet stabbiliti fl-Artikolu 7 (jiġifieri każijiet ta’ nuqqas ta’ applikazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ta' interoperabbiltà (TSIs) li jinvolvu proġetti individwali).
Fl-aħħar nett, huwa jagħti struzzjonijiet lill-Kummissjoni biex twettaq analiżi tal-applikazzjoni tal-Kapitolu V, jiġifieri d-deċiżjonijiet mill-entitajiet awtorizzanti, l-Aġenzija u/jew l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza (NSAs, national safety authorities) dwar it-tqegħid fis-suq ta’ vetturi ferrovjarji u t-tqegħid fis-servizz ta’ installazzjonijiet ferrovjarji fissi u dwar l-approvazzjoni mill-Aġenzija ta’ proġetti maġenb il-binarji tas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS). B’mod partikolari, il-valutazzjonijiet jiffukaw fuq il-funzjonament tal-ftehimiet ta’ kooperazzjoni konklużi bejn l-Aġenzija u l-NSAs biex jiffaċilitaw it-teħid konġunt ta’ deċiżjonijiet.
Id-dettalji dwar l-attivitajiet tal-Aġenzija u l-progress miksub dwar is-sikurezza u l-interoperabbiltà ferrovjarja huma koperti mir-rapporti dwar is-sikurezza u l-interoperabbiltà, li għandhom jiġu ppubblikati mill-Aġenzija kull sentejn skont l-Artikolu 35(4) tar-Regolament (UE) 2016/796 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 881/2004.
Dan ir-rapport ifittex li jevita d-duplikazzjoni mal-evalwazzjoni u r-rappurtar meħtieġa skont l-Artikolu 82 tar-Regolament (UE) 2016/796, li huwa fejn il-Kummissjoni se tivvaluta l-funzjonament tal-Aġenzija u s-sistema doppja li taħtha l-NSAs u l-Aġenzija jagħtu awtorizzazzjonijiet, ċertifikazzjonijiet u approvazzjonijiet.
L-Istati Membri ttrasponew id-Direttiva (UE) 2016/797 fi tliet fażijiet. Skont l-Artikolu 57(1) tad-Direttiva, il-miżuri għall-konformità mal-obbligi msemmija f’dak l-Artikolu kellhom jiġu adottati sas-16 ta’ Ġunju 2019. Madankollu, l-Artikolu 57(2) ipprovda lill-Istati Membri bil-possibbiltà, wara notifika lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija, li jestendu din l-iskadenza sas-16 ta’ Ġunju 2020). Bħala parti mill-miżuri ta’ emerġenza b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19, ġiet introdotta skadenza addizzjonali tal-31 ta’ Ottubru 2020 għat-traspożizzjoni. Il-Kummissjoni kkontrollat il-kompletezza tan-notifiki tal-Istati Membri dwar kif kienu ttrasponew id-Direttiva (UE) 2016/797. Abbażi tar-riżultati tal-kontrolli tal-kompletezza, infetħu 13-il proċediment ta’ ksur għal nuqqas ta’ komunikazzjoni. Wara li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri kienu nnotifikaw testi legali addizzjonali, il-Kummissjoni għalqet 12 minn 13-il proċediment sa Mejju 2025.
Il-kontrolli tal-konformità dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/797 tlestew għal sitt Stati Membri, akkumpanjati minn kwestjonarji tal-EU‑Pilot, li bħalissa l-Kummissjoni qed tevalwa t-tweġibiet għalihom. Il-kontrolli tal-konformità dwar il-leġiżlazzjoni fil-bqija tal-Istati Membri għadhom għaddejjin bil-ħsieb li tiġi vvalutata l-konformità u l-ħtieġa li jinfetħu kwestjonarji tal-EU-Pilot jew proċedimenti ta’ ksur.
Permezz ta’ flussi ta’ ħidma oħra, sa tmiem il-perjodu tranżitorju (il-31 ta’ Ottubru 2020) il-Kummissjoni wettqet konsultazzjonijiet estensivi mal-partijiet ikkonċernati rilevanti għall-finijiet ta’ dan l-ewwel rapport.
1.Tneħħija tar-regoli nazzjonali
F’Ġunju 2024, l-Aġenzija kkalkulat li kien għad hemm 796 regola nazzjonali applikabbli fl-Istati Membri skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva (UE) 2016/797, jiġifieri dawk rilevanti għall-awtorizzazzjoni tal-vetturi u l-installazzjonijiet fissi (li qabel kienu jissejħu kollettivament bħala regoli tekniċi nazzjonali) fl-Istati Membri tal-UE, tnaqqis minn 13 459 f’Jannar 2016. Il-progress lejn it-tneħħija tar-regoli nazzjonali dwar l-awtorizzazzjoni tal-vetturi mill-2016 ’l hawn huwa muri fil-
Figure 1
, b’aktar dettalji tal-progress mill-2020 ’l hawn murija fil-
Figure 2
. Ta’ min jinnota li, il-progress fit-tindif tar-regoli nazzjonali għadu fil-bidu tiegħu. Dan ifisser li għal xi pajjiżi l-Aġenzija għadha qed tivvaluta l-ewwel sett ta’ regoli nnotifikati skont l-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva (UE) 2016/797.
Ir-regoli nazzjonali dwar is-sikurezza – dawk ikkunsidrati meta l-Aġenzija toħroġ ċertifikati uniċi tas-sikurezza (SSCs, single safety certificates) – jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva (UE) 2016/798 u għalhekk ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-rapport dwar l-interoperabbiltà.
Illustrazzjoni 1: Progress lejn it-tneħħija tar-regoli nazzjonali dwar l-awtorizzazzjoni tal-vetturi bejn Jannar 2016 u Ġunju 2024 (EU-28 inkluż ir-Renju Unit sa tmiem l-2019; Sors: l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji (ERA, European Union Agency for Railways)
Illustrazzjoni 2: Tindif tar-regoli nazzjonali għall-awtorizzazzjoni tal-vetturi bir-regoli li jifdal bejn Jannar 2020 u Ġunju 2024, EU-27 (Sors: ERA)
2.Reviżjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ta’ interoperabilità (TSIs, technical specifications for interoperability) tal-2023
Fil-preżent, ġew adottati u riveduti 11-il TSI permezz ta’ Regolamenti tal-Kummissjoni u Regolamenti ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni. Dawn it-tliet TSIs funzjonali u tmien TSIs strutturali jiffurmaw il-qafas regolatorju tekniku għas-subsistemi ferrovjarji. It-TSIs funzjonali jkopru l-operat u l-ġestjoni tat-traffiku (OPE, operation and traffic management), l-applikazzjonijiet telematiċi (jiġifieri tal-kompjuter/kompjuterizzati) għas-servizzi tal-passiġġieri (TAP, telematics applications for passenger services) u l-applikazzjonijiet telematiċi għall-merkanzija (TAF, telematics applications for freight). It-TSIs strutturali jkopru l-infrastruttura (INF, infrastructure), l-enerġija (ENE, energy), is-sikurezza fil-mini ferrovjarji (SRT, safety in railway tunnels), l-aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabbiltà u għall-persuni b’mobbiltà mnaqqsa (PRM, persons with reduced mobility), il-lokomottivi u l-vetturi ferrovjarji għat-trasport tal-passiġġieri (LOC, locomotives) (PAS, passenger)), il-vaguni tal-merkanzija (WAG, wagons)), l-istorbju tal-vetturi ferrovjarji (NOI, noise) u l-kontroll-kmand u s-sinjalazzjoni (CCS, control-command and signalling).
Minn Ġunju 2016, kien hemm żewġ ċikli ewlenin ta’ reviżjoni tat-TSIs. Barra minn hekk, wara konsultazzjonijiet estensivi mal-partijiet ikkonċernati, f’Awwissu 2024 l-Aġenzija ntalbet tipprovdi rakkomandazzjonijiet dwar reviżjonijiet futuri tat-TSIs (li jiddeskrivu pjan pluriennali għaċ-ċikli ta’ reviżjoni li ġejjin tat-TSIs sal-2030 biex jitħejjew it-TSIs għal teknoloġiji ġodda), tagħlaq punti li għadhom miftuħa fejn ir-regoli nazzjonali jibqgħu applikabbli u/jew iżżid oqsma koperti b’mod inadegwat fil-verżjonijiet preċedenti tat-TSIs.
Fl-2019, it-TSIs kollha ġew riveduti biex jinġiebu konformi mar-raba’ Pakkett Ferrovjarju. It-TSI OPE biss għaddiet minn reviżjoni aktar fil-fond.
Fl-2023, ġew riveduti tmien TSIs bil-għan li jinkisbu livelli ogħla ta’ interoperabbiltà. Barra minn hekk, ir-Regolament tal-Kummissjoni dwar it-TSI CCS kien soġġett għar-riformulazzjoni u r-Regolamenti tal-Kummissjoni dwar it-TSIs LOC u PAS, WAG, OPE, INF, ENE u PRM ġew emendati.
Figure 3
tiġbor fil-qosor il-każijiet u l-punti speċifiċi li għadhom miftuħa wara dawn ir-reviżjonijiet.
Illustrazzjoni 3: Każijiet speċifiċi u punti miftuħa għal kull TSI fit-30 ta’ Ġunju 2024
It-TSIs LOC u PAS, WAG, NOI u CCS
•Awtorizzazzjoni unika għall-kowċis tal-passiġġieri
Fl-2023, ġew adottati wkoll dispożizzjonijiet għall-kowċis tal-passiġġieri simili għall-awtorizzazzjoni unika eżistenti madwar l-Ewropa kollha għall-vaguni tal-merkanzija. Dawn jistabbilixxu r-rekwiżiti tat-TSI li bihom l-Aġenzija tista’ toħroġ awtorizzazzjonijiet tal-vetturi mingħajr ma jkollha tikkoopera mal-NSAs jekk ma jkun hemm l-ebda rekwiżit ta’ regoli nazzjonali addizzjonali li jeħtieġ li jiġi vvalutat. Ir-rekwiżiti dwar il-kompatibbiltà elettromanjetika ġew inklużi fir-Regolament tal-Kummissjoni dwar it-TSI LOC u PAS. Biex jiġu armonizzati ulterjorment ir-rekwiżiti għall-kompatibbiltà elettromanjetika u biex l-awtorizzazzjoni tiġi ssimplifikata ulterjorment, ir-Regolament tal-Kummissjoni dwar it-TSI CCS jagħti mandat ukoll lill-Istati Membri biex jinnotifikaw lill-Aġenzija dwar l-ispeċifikazzjonijiet għall-apparat installat eżistenti kollu ta’ detezzjoni tal-ferroviji maġenb il-binarji.
•Detezzjoni u prevenzjoni tad-deraljamenti tal-vaguni tal-merkanzija
Fir-Regolamenti tal-Kummissjoni dwar it-TSIs LOC u PAS u WAG, żdiedu rekwiżiti ulterjuri għall-funzjonijiet li jidentifikaw u jipprevjenu d-deraljamenti għall-vetturi mgħammra b’tali teknoloġija. Dan se jgħin biex tiżdied is-sikurezza ferrovjarja billi jiġu evitati jew mitigati l-konsegwenzi ta’ deraljament ta’ vettura.
•Limiti tal-istorbju u valutazzjoni tal-blokok tal-brejkijiet komposti fil-livell tal-kostitwent tal-interoperabbiltà
Ir-Regolament tal-Kummissjoni dwar it-TSI NOI japplika limiti fuq l-istorbju mill-modalitajiet stazzjonarji, tal-istartjar u tat-tranżitu tal-operazzjonijiet ferrovjarji u ġewwa l-kabina tas-sewwieq. Il-metodoloġiji għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni akustika tal-blokok tal-brejkijiet komposti ġew stabbiliti wkoll sabiex jitnaqqsu aktar l-emissjonijiet tal-istorbju, kif stabbilit fid-Direttiva 2002/49/KE.
•Qafas għall-ġestjoni tal-bidliet fl-ispeċifikazzjonijiet tat-TSI CCS (korrezzjoni tal-iżbalji, għoti ta’ sett uniku ta’ speċifikazzjonijiet, żgurar ta’ twettiq sħiħ)
Biex l-armonizzazzjoni u l-interoperabbiltà jiġu avvanzati ulterjorment permezz tas-sistema Ewropea ta’ kontroll-kmand u sinjalazzjoni, ir-Regolament tal-Kummissjoni dwar it-TSI CCS introduċa arranġamenti tranżitorji speċifiċi għar-rettifika tal-iżbalji. Il-prinċipju li jiġi pprovdut sett uniku ta’ speċifikazzjonijiet ġie introdott flimkien mal-ġestjoni tal-verżjonijiet, inklużi adattamenti għal verżjonijiet ogħla eżistenti. Barra minn hekk, il-possibbiltà li tiġi ssodisfata parzjalment biss it-TSI tas-CCS tneħħiet u ġiet sostitwita b’arranġamenti tranżitorji speċifiċi.
•Titjib fit-TSI CCS (prontezza tal-ATO, tal-FRMCS u tad-DAC) u verżjonijiet tas-sistema
Biex tinkiseb diġitalizzazzjoni ferrovjarja ulterjuri, l-ispeċifikazzjonijiet eżistenti għat-tħaddim awtomatiku tal-ferroviji (ATO, automatic train operation) kif ukoll l-ispeċifikazzjonijiet tal-interfaċċa għas-sistema ta’ komunikazzjoni mobbli ferrovjarja futura (FRMCS, future rail mobile communication system) ġew miżjuda mar-Regolament tal-Kummissjoni dwar it-TSI CCS. Ġew stabbiliti wkoll rekwiżiti ulterjuri bil-ħsieb ta’ konformità matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni sabiex titwitta t-triq għal integrazzjoni aktar mgħaġġla tal-ispeċifikazzjonijiet disponibbli fil-futur (sett sħiħ ta’ speċifikazzjonijiet għall-FRMCS, speċifikazzjonijiet għall-akkoppjament awtomatiku diġitali (DAC, digital automatic coupling)).
It-TSI OPE
•Diġitalizzazzjoni tal-komunikazzjoni
Ġew speċifikati l-mezzi diġitali ta’ komunikazzjoni bejn il-maniġers tal-infrastruttura (IMs, infrastructure managers) u l-impriżi ferrovjarji (RUs, railway undertakings), jiġifieri l-kontrolli tal-kompatibbiltà tar-rotot, il-kotba tar-rotot u l-kotba tar-regoli. L-iskadenzi assoċjati tal-implimentazzjoni ġew iddeterminati wkoll fir-Regolament tal-Kummissjoni dwar it-TSI OPE.
F’Awwissu 2024, l-Aġenzija ntalbet tispeċifika ulterjorment il-mezzi diġitali għal komunikazzjonijiet oħra. Sadanittant, ir-reviżjoni tat-TSIs TAP u TAF ippjanata għall-2025 se tiddefinixxi wkoll il-mezzi diġitali għall-komunikazzjonijiet relatati mal-ġestjoni tal-kapaċità, il-ġestjoni tat-traffiku u t-tħejjija tal-ferroviji.
•Ir-regoli operazzjonali tas-Sistema Ewropea ta’ Kontroll tal-Ferroviji (ETCS, European Train Control System), it-tabelli ta’ indikazzjoni u l-Istruzzjonijiet Ewropej
Saret armonizzazzjoni ulterjuri tar-regoli operazzjonali marbuta mat-tħaddim ibbażat fuq ir-radju tal-livell 2 tal-ETCS u tal-livell 3 tal-ETCS mingħajr sovrappożizzjoni tas-sinjalazzjoni tal-Klassi B u maġenb il-linja. Il-bidliet introduċew regoli operazzjonali ġodda kif ukoll oħrajn imfassla biex jikkomplementaw ir-regoli eżistenti.
Ġiet stabbilita kooperazzjoni mill-qrib mal-gruppi ta’ standardizzazzjoni rilevanti dwar tabelli ta’ indikazzjoni armonizzati (dawk eżistenti ottimizzati u oħrajn addizzjonali ġodda). It-tabelli ta’ indikazzjoni armonizzati addizzjonali ġew inkorporati fir-regoli operazzjonali rilevanti tas-TSI OPE, u ġie indikat fejn it-tabelli ta’ indikazzjoni għadhom mhumiex definiti.
Ġiet introdotta emenda għall-Istruzzjoni Ewropea bi tweġiba għall-ħtiġijiet tas-settur.
It-TSIs INF u ENE
•Infrastruttura
Il-kamp ta’ applikazzjoni tat-TSIs ta’ installazzjonijiet fissi (b’mod partikolari, ENE u INF) twessa’. Jekk jiġu implimentati aġġornamenti li għalihom hemm kriterju ta’ prestazzjoni definit, issa hija meħtieġa konformità sħiħa ma’ dawn it-TSIs fiż-żona ġeografika tal-iskema ta’ aġġornament. Dan ma kienx il-każ taħt l-obbligu ta’ konformità preċedenti, li kien biss parzjali. Il-miżura inkwistjoni hija mfassla biex taċċellera l-konformità mat-TSI tal-infrastruttura ferrovjarja u tgħin biex tittejjeb l-interoperabbiltà tan-networks ferrovjarji, u b’hekk tiġi evitata kwalunkwe restrizzjoni konsegwenzjali għall-operazzjonijiet ferrovjarji.
Fit-TSI ENE ġew introdotti dispożizzjonijiet oħra li jippermettu l-iċċarġjar tal-batteriji tat-trazzjoni u dwar l-użu ta’ pantografi multipli.
It-TSI PRM
Fl-2023, ir-rekwiżit li l-korpi notifikati jwettqu żjarat fuq il-post biex jispezzjonaw is-subsistemi tal-infrastruttura reġa’ ddaħħal biex jiġi żgurat li t-TSI PRM tkun ġiet infurzata b’mod korrett.
Ġew introdotti wkoll bidliet fir-regoli operazzjonali stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni dwar it-TSI PRM, pereżempju jekk servizz jiġi pprovdut biss f’parti ta’ ferrovija li ma tkunx aċċessibbli għall-utenti tas-siġġu tar-roti, dan irid jiġi pprovdut lill-utenti tas-siġġu tar-roti fl-ispazju għas-siġġijiet tar-roti mingħajr ebda ħlas addizzjonali, sakemm ma jkunx impossibbli li s-servizz jiġi pprovdut f’dak l-ispazju. Għas-subsistemi tal-vetturi ferrovjarji, ġie introdott is-sinjal tas-sejbien tal-bibien bħala alternattiva għas-sinjal tal-ftuħ tal-bibien barra mill-ferrovija. Innovazzjoni oħra hija l-possibbiltà li jiġi eliminat is-sinjal tal-għeluq tal-bibien meta jkun hemm alternattivi (eż. purtieri tad-dawl, truf sensittivi) biex jiġi mitigat ir-riskju ta’ korriment għall-passiġġieri u għall-ekwipaġġ tal-ferrovija.
Żdiedet ukoll definizzjoni ta’ siġġu tar-roti interoperabbli li jista’ jinġarr bil-ferrovija. Din tiddeskrivi l-karatteristiċi ta’ siġġu tar-roti li jippermetti li l-karatteristiċi kollha tal-vetturi ferrovjarji ddisinjati għall-utenti tas-siġġijiet tar-roti jintużaw bis-sħiħ mill-passiġġier.
a.Trasport ikkombinat
Ġew emendati diversi TSIs fir-rigward tat-trasport ikkombinat. Dawn il-bidliet, li jiffaċilitaw il-kodifikazzjoni tal-linji (TSI INF) skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/777, il-vaguni u l-unitajiet ta’ tagħbija intermodali (ILUs, intermodal loading units), jistabbilixxu regoli armonizzati komuni għat-tħaddim tat-trasport ikkombinat.
Ir-Regolament tal-Kummissjoni dwar it-TSI WAG fih rekwiżit ġenerali relatat mal-apparat għall-irbit tal-ILUs, biex jiġi żgurat li dawn ikunu marbuta kif suppost waqt it-trasport biex jiġi evitat it-telf jew il-ħsara.
Ir-Regolament tal-Kummissjoni dwar it-TSI OPE inkorpora regoli dwar il-kontrolli tal-kompatibbiltà tar-rotot u regoli operazzjonali relatati sabiex jiġi żgurat li l-operazzjonijiet tat-trasport ikkombinat jgħaddu b’mod sikur u effiċjenti.
B’mod ġenerali, il-bidliet għandhom l-għan li jiffaċilitaw it-trasport ikkombinat billi jipprovdu regoli u rekwiżiti trasparenti għall-kodifikazzjoni tal-linji, il-vaguni u l-ILUs kif ukoll għat-tħaddim tat-trasport ikkombinat. Dan se jgħin biex jittejbu l-effiċjenza u s-sikurezza operazzjonali tat-trasport ikkombinat u biex titnaqqas it-tagħbija amministrattiva fuq l-operaturi.
3.Implimentazzjoni tal-funzjonijiet tat-TSIs TAP u TAF
L-implimentazzjoni ta’ applikazzjonijiet telematiċi ferrovjarji hija kruċjali biex jinkiseb trasport ferrovjarju mingħajr karti.
Ir-reviżjoni tat-TSIs TAF u TAP għandha tiġi ffinalizzata fl-2025. Dan se jiżgura l-konsistenza bejn l-aspetti komuni kemm għas-servizzi tal-merkanzija kif ukoll għas-servizzi tal-passiġġieri taħt Regolament uniku dwar it-TSI Telematika, li se tappoġġa l-kondiviżjoni tad-data għal:
(1) il-ġestjoni tal-kapaċità u tat-traffiku kif ukoll it-tħejjija tal-ferroviji;
(2) il-ġestjoni tal-vaguni tal-merkanzija u l-ġarr tagħhom;
(3) il-biljetti ferrovjarji u l-informazzjoni dwar il-passiġġieri.
Għan ieħor huwa li jissaħħaħ ir-rwol tal-Aġenzija bħala l-awtorità għas-sistemi telematiċi u li jiġi permess l-infurzar tar-Regolament futur dwar it-TSI Telematika billi jiġu applikati l-iskadenzi għall-implimentazzjoni flimkien ma’ qafas ta’ monitoraġġ u ta’ valutazzjoni tal-konformità sorveljat mill-Aġenzija.
Sakemm jiġu introdotti skadenzi legalment vinkolanti għall-implimentazzjoni, il-pjanijiet regolatorji jipprovdu l-bażi għall-implimentazzjoni tal-funzjonijiet telematiċi fil-livell settorjali. Maħruġa fl-2013, il-pjanijiet regolatorji tat-TSI TAP u tat-TSI TAF isostnu li l-implimentazzjoni kellha tiġi ffinalizzata sal-2020 għall-punt (3) ta’ hawn fuq u sal-2021 għall-punti (1) u (2).
L-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2016/796 jirrikjedi li l-Aġenzija tgħin lill-Kummissjoni timmonitorja l-użu tal-ispeċifikazzjonijiet għall-applikazzjonijiet telematiċi. Għaldaqstant, l-Aġenzija tikkompila u tippubblika rapport annwali dwar il-progress dwar l-implimentazzjoni tal-funzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti tal-Kummissjoni dwar it-TSIs TAP u TAF. Għal dan ir-rapport, il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-funzjonijiet ewlenin relatati mal-ġestjoni tal-kapaċità u tat-traffiku huwa muri fit-
Table 1
. Iċ-ċifri tal-implimentazzjoni huma riprodotti għall-maniġers tal-infrastruttura (IMs, infrastructure managers), l-impriżi ferrovjarji tal-merkanzija (F-RUs, freight railway undertakings) u l-impriżi ferrovjarji tal-passiġġieri (P-RUs, passenger railway undertakings) mir-rapporti tal-istatus tal-Aġenzija tal-2023 dwar l-implimentazzjoni tat-TSIs TAF u TAP.
Skont il-pjanijiet regolatorji applikabbli tat-TSI TAF/TAP, l-istadji importanti fil-mira ta’ implimentazzjoni għall-funzjonijiet li jappoġġaw il-ġestjoni tal-kapaċità kienu l-2017 għall-IMs u l-F-RUs u l-2018 għall-P-RUs.
Tabella 1: Implimentazzjoni ta’ funzjonijiet ewlenin relatati mal-ġestjoni tal-kapaċità u tat-traffiku
Didaskalija applikabbli għall-mapep kollha li juru l-istatus ta’ implimentazzjoni għal kull pajjiż: (i) aħdar – implimentat, (ii) aħdar skur – implimentazzjoni ppjanata għall-2024 jew għall-2025, (iii) isfar – implimentazzjoni ppjanata għall-2026 jew aktar tard, (iv) aħmar – l-ebda informazzjoni jew informazzjoni inkonsistenti. Għall-pajjiżi b’data minn aktar minn IM wieħed, iċ-ċifri jiddeskrivu l-IM bl-itwal network.
|
|
Status ta’ implimentazzjoni
|
Tbassir ta’ implimentazzjoni għall-IMs
|
|
Ġestjoni tal-kapaċità
|
|
Talba għall-mogħdija (PR, Path request)
|
IM: 43 % implimentat
RU-F: 35 % implimentat
RU-P: 41 % implimentat
|
|
|
Dettalji tal-mogħdija (PD, Path details)
|
IM: 51 % implimentat
RU-F: 43 % implimentat
RU-P: 47 % implimentat
|
|
|
|
Status ta’ implimentazzjoni
|
Tbassir ta’ implimentazzjoni
|
|
Ġestjoni tat-traffiku
|
|
Informazzjoni dwar it-tħaddim tal-ferrovija (TRI, Train running information)
|
IM: 61 % implimentat
RU-F: 51 % implimentat
RU-P: 56 % implimentat
|
|
|
Informazzjoni dwar it-tbassir tal-ferrovija (TRF, Train forecast information)
|
IM: 49 % implimentat
RU-F: 38 % implimentat
RU-P: 40 % implimentat
|
|
|
Kompożizzjoni tal-ferrovija (TCM, Train composition)
|
IM: 53 % implimentat
RU-F: 48 % implimentat
RU-P: 48 % implimentat
|
|
Għalkemm id-dewmien sistemiku affettwa l-implimentazzjoni, għandu jiġi enfasizzat li l-impenji tal-IMs, kif miġbura fl-istħarriġ tal-Aġenzija tal-2022, jissottolinjaw il-fatt li l-biċċa l-kbira tal-funzjonijiet li jappoġġaw il-ġestjoni tal-kapaċità u l-ġestjoni tat-traffiku kellhom jiġu implimentati u jitlestew matul l-2024 u l-2025, jiġifieri fil-ħin għall-perjodu tal-iskeda tal-2026.
4.Implimentazzjoni tar-reġistri (EVR, ERATV, RINF)
EVR
Biex jiġi żgurat li l-vetturi ferrovjarji mħaddma fiż-Żona Ferrovjarja Unika Ewropea jkunu jistgħu jiġu traċċati u l-istorja tagħhom ipplottjata, l-Artikolu 47 tad-Direttiva (UE) 2016/797 introduċa reġistri tal-vetturi ddedikati. Id-Direttiva tirrikjedi li kull Stat Membru jżomm reġistru nazzjonali tal-vetturi u jagħmlu aċċessibbli għall-partijiet ikkonċernati rilevanti, inkluża l-Aġenzija. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1614 tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għal Reġistru Ewropew tal-Vetturi (EVR, European Vehicle Register) biex jissostitwixxi r-Reġistru Virtwali Ċentralizzat Ewropew tal-Vetturi (ECVVR, European Centralised Virtual Vehicle Register). Dan ifisser li minflok reġistri nazzjonali deċentralizzati tal-vetturi magħmulin aċċessibbli permezz ta’ magna komuni ta’ tiftix u traduzzjoni bbażata fuq l-Aġenzija, id-data dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi issa se tkun miżmuma ċentralment mill-Aġenzija. Din is-soluzzjoni toffri diversi vantaġġi peress li tnaqqas il-kumplessità teknika u t-tagħbijiet amministrattivi. Fl-istess ħin, hija żżid id-disponibbiltà u l-kwalità tad-data billi tneħħi entrati duplikati.
L-EVR sar kompletament operazzjonali f’Novembru 2021. Sal-25 ta’ Ġunju 2024, 17 mill-25 Stat Membru kkonċernat flimkien man-Norveġja kienu emigraw mill-ECVVR għas-sistema tal-EVR amministrata ċentralment. Franza tuża l-EVR, iżda d-data tagħha ma tinħażinx ċentralment. B’dan il-ħsieb, biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-operat, l-ECVVR se jibqa’ jintuża b’mod regolari sakemm titlesta l-migrazzjoni tad-data. B’kollox, aktar minn 1,2 miljun vettura (inklużi vetturi validi, sospiżi u rtirati) huma rreġistrati fl-ECVVR/EVR.
It-Tabella 2 tipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-vetturi bi status validu/attiv irreġistrati fl-ECVVR/EVR skont it-tip ta’ vettura (data estratta f’Ġunju 2024). Il-vetturi inklużi fl-ECVVR/EVR huma mistennija li jammontaw għal 80 % jew aktar tal-vetturi.
Tabella 2: Vetturi b’reġistrazzjoni valida rreġistrati fl-ECVVR/EVR (Ġunju 2024)
|
Kategorija tal-vetturi
|
Numru ta’ vetturi (reġistrazzjoni valida)
|
|
Vetturi trattivi - Lokomottiva diżil
|
11 287
|
|
Vetturi trattivi - Magna shunting diżil
|
6 108
|
|
Vetturi trattivi - Lokomottiva elettrika
|
14 623
|
|
Vetturi trattivi - Magna shunting elettrika
|
602
|
|
Vetturi trattivi - Sett ta’ unitajiet multipli diżil
|
17 285
|
|
Vetturi trattivi - Sett ta’ unitajiet multipli elettriċi (minbarra veloċità għolja)
|
58 982
|
|
Vetturi trattivi - Sett ta’ unitajiet multipli elettriċi (veloċità għolja)
|
13 487
|
|
Vetturi trattivi - Mixxellanji
|
6 895
|
|
Vetturi trattivi - Vettura speċjali
|
18 316
|
|
Vetturi trattivi - Trejler speċjalizzat
|
2 540
|
|
Vagun
|
637 260
|
|
Vetturi tal-passiġġieri rmunkati - Vetturi għat-traffiku domestiku
|
30 855
|
|
Vetturi tal-passiġġieri rmunkati - Vetturi bl-arja kkundizzjonata u ssiġillati
|
4 834
|
|
Vetturi tal-passiġġieri rmunkati - Vetturi ta’ servizz
|
10 371
|
|
Gran total
|
833 445
|
Sors: ECVVR/EVR
Bħal fil-każ ta’ reġistri oħra tal-Aġenzija, l-affidabbiltà tad-data tiddependi minn kemm l-informazzjoni pprovduta tkun akkurata, kompluta u aġġornata. Dan huwa partikolarment importanti meta l-informazzjoni tiġi marbuta/imqabbla minn diversi reġistri.
ERATV
Skont l-Artikolu 48 tad-Direttiva (UE) 2016/797, ir-reġistru ERATV fih data dwar it-tipi ta’ vetturi awtorizzati. L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi komuni tiegħu huma stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/665/UE dwar ir-reġistru Ewropew tat-tipi ta’ vetturi ferrovjarji awtorizzati. Ospitat mill-Aġenzija, l-ERATV ilu jopera minn Jannar 2013. Id-data tal-ERATV issir disponibbli għall-pubbliku ladarba tkun ġiet sottomessa mill-entità awtorizzanti (l-NSAs jew l-Aġenzija).
L-ERATV huwa maħsub għall-użu flimkien ma’ reġistri u bażijiet tad-data oħra, b’mod partikolari mal-EVR (it-Taqsima 4.a ta’ dan ir-rapport) u l-RINF (it-Taqsima 4.c ta’ dan ir-rapport). Meta vettura tiġi rreġistrata f’reġistru tal-vetturi, l-identifikazzjoni fl-ERATV (ID tat-Tip) tat-tip ta’ vettura awtorizzata (jew verżjoni jew varjant) li tikkonforma magħha, trid tiġi indikata meta tkun disponibbli. Din l-ID tat-Tip tagħmel il-karatteristiċi tekniċi ta’ vettura jistgħu jiġu rkuprati mill-ERATV.
L-ERATV fih aktar minn 6 000 awtorizzazzjoni tat-tip. Bħal fil-każ ta’ reġistri oħra tal-Aġenzija, l-affidabbiltà tad-data tiddependi minn kemm l-informazzjoni pprovduta tkun aġġornata u kompluta. L-Aġenzija ma hijiex responsabbli għall-informazzjoni sottomessa u ppubblikata fl-ERATV. Il-kwalità tad-data hija mistennija li tkun għolja peress li d-dettalji pprovduti jiġu vverifikati matul il-proċessi ta’ awtorizzazzjoni tal-vetturi.
Ir-Reġistru tal-Infrastruttura (RINF, Register of Infrastructure)
L-għan ewlieni tal-RINF huwa li l-karatteristiċi tan-network tal-infrastruttura ferrovjarja tal-UE jkunu disponibbli fil-forma ta’ bażi tad-data ta’ referenza. Bħala tali, l-RINF hija l-għodda ewlenija tal-IT għad-deskrizzjoni tal-karatteristiċi u l-kapaċitajiet tan-networks ferrovjarji madwar l-Ewropa. Dan huwa stabbilit fl-Artikolu 49 tad-Direttiva (UE) 2016/797 u regolat mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/777. L-interfaċċa komuni kompjuterizzata tal-utent (CUI, common user interface), wara dan ir-reġistru, li tissimplifika t-tfittxijiet tad-data dwar l-infrastruttura, ilha disponibbli għall-pubbliku minn Marzu 2015.
Sal-bidu tal-2024, kien iddaħħal mill-anqas parametru tekniku wieħed għal madwar 92 % tan-networks ferrovjarji tal-Istati Membri fil-bażi tad-data. Mill-1 ta’ Jannar 2021, ċerti parametri kienu obbligatorji għal sezzjonijiet tal-linji (SoLs, sections of lines) u punti operazzjonali (OPs, operational points); rispettivament, dawn issa huma 78 % u 83 % kompluti.
Bħal fil-każ ta’ bażijiet tad-data oħra, l-utilità hija bbażata fuq il-kompletezza tad-data li tinsab fil-bażi tad-data.
L-affidabbiltà tad-data tal-RINF tiddependi mill-akkuratezza tal-inputs taħt ir-responsabbiltà tal-IMs. Din l-akkuratezza nstabet li hija varjabbli. L-akkuratezza hija kruċjali biex il-bażi tad-data tkun effettiva (redditu fuq l-investiment) u biex l-RUs jissodisfaw l-obbligi tagħhom, pereżempju għall-kontrolli tal-kompatibbiltà bejn il-vettura u r-rotot u l-aggregazzjonijiet tal-kotba tar-rotot.
5.Każijiet ta’ nuqqas ta’ applikazzjoni tat-TSIs
Bejn is-16 ta’ Ġunju 2016 u t-30 ta’ Ġunju 2024, il-Kummissjoni rċeviet 273 talba għal nuqqas ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-TSIs mill-Istati Membri tal-UE u n-Norveġja. L-Illustrazzjoni 1 turi d-distribuzzjoni annwali ta’ dawn il-każijiet. Fis-7 snin (kalendarji sħaħ) ta’ qabel l-adozzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/797, jiġifieri bejn l-2009 u l-2015, ġew sottomessi 102 talbiet għal nuqqas ta’ applikazzjoni. Fis-7 snin (kalendarji sħaħ) mill-adozzjoni, dan l-għadd żdied b’aktar mid-doppju, b’228 talba għal nuqqas ta’ applikazzjoni sottomessi bejn l-2017 u l-2023. Fl-istess perjodu, l-għadd ta’ talbiet li jsemmu stadju avvanzat ta’ żvilupp (ASD, advanced stage of development) biex jiġġustifikawhom ukoll żdied b’aktar mid-doppju (minn 80 għal 169), filwaqt li t-talbiet iġġustifikati fuq il-bażi tal-vijabbiltà ekonomika żdiedu b’erba’ darbiet (minn 12 għal 51 – ara l-
Figure 4
). Barra minn hekk, kien hemm żieda ta’ sitt darbiet fl-għadd ta’ talbiet relatati mat-TSI CCS (minn 25 għal 163) matul l-istess perjodu (
Figure 5
). Dawn iż-żidiet wasslu għal żieda konsiderevoli fl-ammont ta’ xogħol tas-servizzi tal-Kummissjoni u tal-Aġenzija fir-rigward tal-ipproċessar tal-applikazzjonijiet u t-talbiet li jikkwotaw il-vijabbiltà ekonomika fir-rigward tad-deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni.
Mill-adozzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/797, il-maġġoranza tal-każijiet kienu jikkonċernaw in-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ komponenti tat-TSI CCS (
Figure 6
). Iż-żidiet fl-għadd totali ta’ każijiet, fit-talbiet relatati mas-CCS u fit-talbiet abbażi ta’ ASD (
Figure 7
) kollha laħqu l-ogħla livell fl-2017, fl-2019 u fl-2024. Dan jikkoinċidi mal-adozzjoni tar-raba’ Pakkett Ferrovjarju fl-2016 u pakketti ewlenin dwar it-TSIs fl-2019 u l-2023. It-talbiet għal nuqqas ta’ applikazzjoni jvarjaw bejn l-Istati Membri (
Figure 8
), li huwa biss parzjalment minħabba d-daqsijiet differenti tan-networks ferrovjarji nazzjonali.
Illustrazzjoni 4: Talbiet għal nuqqas ta’ applikazzjoni fis-sena (2016-2024, fejn l-2024 tinkludi talbiet sottomessi sat-30 ta’ Ġunju)
Illustrazzjoni 5: Talbiet għal nuqqas ta’ applikazzjoni 2017-2023 meta mqabbla mal-perjodu 2009-2015, skont il-ġustifikazzjoni
Illustrazzjoni 6: Talbiet għal nuqqas ta’ applikazzjoni 2017-2023 meta mqabbla mal-perjodu 2009-2015, skont it-TSI
Illustrazzjoni 7: Talbiet għal nuqqas ta’ applikazzjoni skont it-TSI u s-sena (2016-2024, fejn l-2024 tinkludi talbiet sottomessi sat-30 ta’ Ġunju)
Illustrazzjoni 8: Talbiet għal nuqqas ta’ applikazzjoni għal kull Stat Membru tal-EU-27 u n-Norveġja (2017-2024, fejn l-2024 tinkludi talbiet sottomessi sat-30 ta’ Ġunju).
6.Deċiżjonijiet tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji (ERA): awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq ta’ tipi ta' vetturi u vetturi, approvazzjonijiet tal-ERTMS maġenb il-binarji
Meta daħal fis-seħħ ir-raba’ Pakkett Ferrovjarju, l-Aġenzija saret responsabbli għall-awtorizzazzjoni tat-tqegħid fis-suq ta’ vetturi ferrovjarji. Dan jinvolvi prinċipalment il-lokomottivi, il-kowċis tal-passiġġieri u l-vaguni. Għal-lokomottivi u l-ferroviji tal-passiġġieri, l-applikanti jridu japplikaw mal-Aġenzija għall-awtorizzazzjoni jekk iż-żona tal-użu tkopri aktar minn Stat Membru wieħed. Jekk iż-żona tal-użu tal-vettura tkun limitata għal Stat Membru wieħed, l-applikanti jistgħu jagħżlu li japplikaw jew mal-Aġenzija jew mal-awtorità ferrovjarja nazzjonali rispettiva.
Sat-30 ta’ Ġunju 2024, l-Aġenzija kienet irċeviet 7 825 applikazzjoni għal awtorizzazzjonijiet ta’ vetturi, inklużi 872 applikazzjoni għal awtorizzazzjonijiet tat-tip u 6 953 applikazzjoni għal awtorizzazzjonijiet li jinvolvu konformità mat-tip (
Table 3
). Dawn in-numri jinkludu 198 talba ta’ impenn preliminari (11 għal awtorizzazzjonijiet li jinvolvu konformità mat-tip u 187 għal awtorizzazzjonijiet tat-tip). Għall-vetturi użati fi Stat Membru wieħed biss, il-biċċa l-kbira tal-applikanti xorta jiddeċiedu li japplikaw mal-awtorità nazzjonali għall-awtorizzazzjoni, iżda xi applikanti sempliċement jużaw l-Aġenzija, u b’hekk jibbenefikaw bis-sħiħ minn punt uniku ta’ kuntatt għall-awtorizzazzjonijiet kollha, irrispettivament miż-żona tal-użu.
Tabella 3: L-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet tal-vetturi pproċessati mill-ERA u mill-NSAs bejn Ġunju 2019 u Ġunju 2024 (Sors: Punt Uniku ta’ Servizz)
|
|
ERA
|
NSA
|
|
|
Nru ta’ applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni
|
Nru ta’ talbiet ta’ impenn preliminari
|
Nru ta’ applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni
|
Nru ta’ talbiet ta’ impenn preliminari
|
|
Awtorizzazzjoni li tinvolvi l-konformità mat-tip
|
6 942
|
11
|
4 383
|
13
|
|
Awtorizzazzjonijiet tat-tip
|
685
|
187
|
1 174
|
235
|
|
Totali
|
7 627
|
198
|
5 557
|
248
|
|
|
7 825
|
5 805
|
7.Deċiżjonijiet tal-NSAs: awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz ta’ installazzjonijiet fissi, inkluża l-ERTMS maġenb il-binarji
L-NSAs huma responsabbli għall-awtorizzazzjoni tat-tqegħid fis-servizz ta’ installazzjonijiet fissi (l-infrastruttura, l-enerġija u s-subsistemi ta kontroll-kmand u sinjalazzjoni maġenb il-binarji). Madankollu, qabel kwalunkwe sejħa għall-offerti li tinvolvi tagħmir tal-ERTMS maġenb il-binarji, l-Aġenzija tivverifika jekk is-soluzzjonijiet tekniċi li jkunu qed jiġu kkunsidrati jkunux kompletament konformi mat-TSIs rilevanti u għalhekk kompletament interoperabbli bħala parti mill-proċess ta’ approvazzjoni tal-ERTMS maġenb il-binarji.
F’Ġunju 2024, kien hemm 125 applikazzjoni għaddejja. Mill-2019 ’l hawn, inħarġu 19-il approvazzjoni. 65 % tal-applikazzjonijiet huma relatati mal-ETCS u 26 % mat-tagħmir tas-Sistema Globali għall-Komunikazzjoni Mobbli – Ferroviji (GSM-R, Global System for Mobile Communications – Railway), bid-9 % l-oħra jkunu relatati ma’ applikazzjonijiet sħaħ tal-ERTMS, jiġifieri kemm l-ETCS kif ukoll il-GSM-R.
Minħabba l-modi differenti li bihom ġiet trasposta d-Direttiva (UE) 2016/797, inkluż l-Artikolu 18 rilevanti, u l-approċċi diverġenti sussegwenti mill-Istati Membri għall-proċess ta’ awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz, il-Kummissjoni u l-Aġenzija bħalissa qegħdin jeżaminaw jekk hemmx bżonn li tinħareġ gwida addizzjonali għal approċċ aktar armonizzat.
8.Ftehimiet ta’ kooperazzjoni konklużi bejn l-Aġenzija u l-NSAs
Il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni huma ftehimiet bejn l-Aġenzija u l-NSAs. Huma jappoġġaw it-twassil f’waqtu u komprensiv ta’ deċiżjonijiet kumplessi tal-Aġenzija li jkopru l-valutazzjonijiet tal-konformità kemm mar-regoli Ewropej kif ukoll ma’ dawk nazzjonali dwar is-sikurezza u l-interoperabbiltà. Hemm żewġ tipi ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni:
·ftehimiet ta’ kooperazzjoni obbligatorji mal-NSAs;
·ftehimiet ta’ kooperazzjoni volontarji (magħrufa bħala ftehimiet ta’ grupp ta’ esperti (“PoE”, pool of experts)).
Il-ftehimiet obbligatorji huma bbażati fuq l-Artikolu 76 tar-Regolament (UE) 2016/796. Huma jirregolaw kif il-kompiti jiġu kondiviżi bejn l-Aġenzija u l-NSAs għall-għoti taċ-ċertifikati uniċi tas-sikurezza (SSCs, single safety certificates) u l-awtorizzazzjonijiet tal-vetturi (VAs, vehicle authorisations). Dawn jinkludu dispożizzjonijiet dettaljati dwar kif l-awtoritajiet nazzjonali jikkooperaw kuljum mal-Aġenzija dwar id-deċiżjonijiet biex jinħarġu VAs u SSCs.
Barra minn hekk, il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni volontarji tal-PoE jipprovdu l-pjattaforma legali għall-kondiviżjoni tal-għarfien espert u l-assenjazzjoni ta’ esperti lill-NSAs jew lill-Aġenzija sabiex jiġu vvalutati applikazzjonijiet speċifiċi tal-SSC jew tal-VA.
L-Aġenzija ffirmat ftehimiet ta’ kooperazzjoni obbligatorji mal-25 NSA kollha fl-UE flimkien mal-NSA tan-Norveġja. Hija kkonkludiet ukoll ftehim mal-NSA fl-Irlanda ta’ Fuq dwar il-VAs bħala parti mill-mandat tal-UE skont il-ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit. Barra minn hekk, l-Aġenzija ffirmat ftehimiet ta’ kooperazzjoni volontarji ma’ 18-il NSA mill-UE kif ukoll ftehimiet mal-Iżvizzera u n-Norveġja.
9.Konklużjoni
Sar progress sostanzjali lejn interoperabbiltà ferrovjarja Ewropea akbar minn meta ġiet adottata d-Direttiva (UE) 2016/797 f’Mejju 2016, kif muri mir-reviżjonijiet tat-TSIs tal-2019 u l-2023, il-ġestjoni mill-ERA tar-reġistri ferrovjarji komuni Ewropej u l-ftehimiet ta’ kooperazzjoni konklużi bejn l-Aġenzija u l-NSAs. Madankollu, għad fadal ostakli. Pereżempju, iż-żieda fl-għadd ta’ talbiet għal nuqqas ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-TSIs, b’mod partikolari dwar l-ERTMS, tindika diffikultajiet fl-implimentazzjoni sħiħa tat-TSI CCS. Ir-reġistri jbatu fil-prattika minn livelli baxxi ta’ diġitalizzazzjoni. Id-differenzi f’termini tat-traspożizzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/797 u r-responsabbiltajiet indipendenti li jifdal tal-NSAs waqt li jwettqu l-kompiti tagħhom ta’ awtorizzazzjoni tan-network ferrovjarju tal-UE, ikomplu juru varjazzjonijiet nazzjonali fejn tkun meħtieġa armonizzazzjoni akbar biex jinħolqu effiċjenzi tan-network u kostijiet operatorji aktar baxxi għall-benefiċċju tal-utenti u tal-industriji ferrovjarji Ewropej.