Brussell, 2.7.2025

COM(2025) 378 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI


















It-twettiq tal-Patt għal Industrija Nadifa I


It-twettiq tal-Patt għal Industrija Nadifa I

1. Introduzzjoni

Fil-Patt għal Industrija Nadifa 1 , il-Kummissjoni ppreżentat miżuri konkreti biex tkompli tixpruna d-dekarbonizzazzjoni u l-kompetittività tal-industrija Ewropea. Il-miżuri jwieġbu għas-sejħa għal approċċ integrat sew fil-politiki kollha tal-UE b’appoġġ għal dan l-objettiv doppju. Dawn juru wkoll l-impenn tal-UE li tindirizza l-isfidi li qed tiffaċċja l-industrija tagħna, bħad-distakk fil-prezzijiet tal-enerġija bejn l-UE u l-kompetituri ewlenin tagħha, domanda baxxa jew kompetizzjoni globali inġusta, filwaqt li jagħtu lill-kumpaniji, kbar u żgħar, kif ukoll lill-investituri ċ-ċertezza li l-Ewropa tibqa’ impenjata bis-sħiħ li ssir ekonomija newtrali għall-klima sal-2050, filwaqt li jitqiesu l-ġustizzja, in-newtralità teknoloġika u l-kosteffiċjenza, tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta u tissaħħaħ is-sostenibbiltà ambjentali. L-investiment fid-dekarbonizzazzjoni se jagħti spinta lill-kompetittività tal-ekonomija tal-Ewropa, isaħħaħ ir-reżiljenza u s-sigurtà ekonomika u enerġetika tagħha, u joħloq impjiegi stabbli u li jibqgħu validi fil-futur.

Fil-kuntest tat-tellieqa globali lejn emissjonijiet żero netti, il-Patt għal Industrija Nadifa se jippermetti wkoll lill-UE tkun minn ta’ quddiem fl-iżvilupp tas-swieq tat-teknoloġija nadifa tal-futur. Skont l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija, is-suq globali għall-aqwa sitt teknoloġiji 2 tal-enerġija nadifa manifatturati bil-massa huwa mistenni li jiżdied għal aktar minn USD 2 triljun sal-2035 – qrib il-valur medju tas-suq dinji taż-żejt mhux maħdum f’dawn l-aħħar snin 3 . Sadanittant, il-kummerċ tat-teknoloġija nadifa huwa mistenni li jilħaq USD 575 biljun sal-2035. Kif muri fl-aħħar rapport ta’ investiment tal-Bank Ewropew tal-Investiment 4 , il-pożizzjoni b’saħħitha tal-Ewropa fl-innovazzjoni u l-kummerċ tat-teknoloġija nadifa qed tagħti l-frott. L-esportazzjonijiet Ewropej ta’ teknoloġiji b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, pereżempju, żdiedu b’65 % mill-2017, meta mqabbla ma’ 79 % għaċ-Ċina u 22 % biss għall-Istati Uniti. L-UE trid tiżgura li żżomm u ssaħħaħ dan il-vantaġġ kompetittiv.

Biex tinżamm din il-pożizzjoni b’saħħitha, l-industrija teħtieġ prevedibbiltà dwar id-direzzjoni tal-ivvjaġġar tal-Ewropa, qafas regolatorju li jimminimizza l-burokrazija żejda u implimentazzjoni rapida u effettiva tal-miżuri kollha proposti. Id-dekarbonizzazzjoni u r-riindustrijalizzazzjoni huma żewġ naħat tal-istess munita u ma hemm l-ebda triq kredibbli lejn id-dekarbonizzazzjoni mingħajr bażi industrijali Ewropea b’saħħitha u reżiljenti. Għalhekk, flimkien mal-proposta biex tiġi emendata l-Liġi Ewropea dwar il-Klima li tistabbilixxi mira klimatika għall-2040, bil-flessibbiltajiet meħtieġa, din il-Komunikazzjoni turi li t-twettiq diġà jinsab għaddej. Ftit xhur biss wara li ġie ppreżentat il-Patt għal Industrija Nadifa, qed inniedu l-ewwel mewġa ta’ azzjonijiet, filwaqt li nappoġġaw b’mod attiv lill-industrija permezz ta’ din it-tranżizzjoni kruċjali, biex insaħħu l-bażi industrijali Ewropea, inrawmu kundizzjonijiet ekwi globali u nisfruttaw il-potenzjal, inkluż fl-innovazzjoni.

Sar progress fis-sitt muturi ewlenin tan-negozju identifikati fil-Patt għal Industrija Nadifa. Il-miżuri jilħqu bilanċ bejn l-appoġġ għall-għanijiet ambizzjużi tal-Patt għal Industrija Nadifa u ż-żamma ta’ kundizzjonijiet ekwi fis-Suq Uniku, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jipprovdu appoġġ finanzjarju mmirat għall-isforzi ta’ dekarbonizzazzjoni u għall-bini ta’ ktajjen tal-valur sovrani fit-teknoloġija nadifa fejn meħtieġ, mingħajr ma jinħolqu distorsjonijiet kompetittivi bla bżonn. Dawn jagħtu wkoll is-setgħa lill-Istati Membri biex jisfruttaw l-inċentivi tat-taxxa bħala katalist għall-investiment privat fi proġetti ta’ dekarbonizzazzjoni, u fl-aħħar mill-aħħar jiffaċilitaw tranżizzjoni rapida lejn sistema tal-enerġija Ewropea nadifa u affordabbli.

B’mod parallel, il-Kummissjoni kompliet l-involviment tagħha mal-partijiet ikkonċernati. Mill-adozzjoni tal-Patt għal Industrija Nadifa, id-Djalogi Strateġiċi dwar il-Futur tal-Industrija Awtomobilistika u l-Futur tas-Settur Ewropew tal-Azzar wasslu għal Pjanijiet ta’ Azzjoni ddedikati 5 , b’azzjonijiet konkreti u speċifiċi għas-settur biex jinżamm il-vantaġġ kompetittiv tal-Ewropa. Il-Kummissjoni organizzat ukoll Djalogu Industrijali Nadif dwar l-Ekonomija Ċirkolari biex tħejji l-Att dwar l-Ekonomija Ċirkolari. Se jiġu ppreżentati aktar miżuri abbażi tad-Djalogi mal-Industriji Farmaċewtiċi u Kimiċi, li jindirizzaw tħassib speċifiku ta’ dawn is-setturi.

Il-ħidma biex jissaħħu r-reżiljenza u l-kompetittività tal-industriji tagħna tmur lil hinn mill-Patt għal Industrija Nadifa. L-istrateġija għas-Suq Uniku, l- Istrateġija tal-Unjoni dwar it-Tfaddil u l-Investimenti, l-Istrateġija għar-Reżiljenza tal-Ilma, il-Komunikazzjoni dwar l-Unjoni tal-Ħiliet akkumpanjata minn Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Ħiliet Bażiċi u Pjan Strateġiku għall-Edukazzjoni STEM, l-Strateġija tal-UE għall-kumpaniji Start-up u Scale-up, fost l-oħrajn, isaħħu l-objettivi tal-Patt. Dawn huma msaħħa aktar minn erba’ pakketti Omnibus ta’ Simplifikazzjoni li għandhom l-għan li jtaffu l-piż regolatorju.

Fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin, il-Kummissjoni se tavvanza b’mod deċiżiv l-implimentazzjoni tal-miżuri li fadal, deskritti fil-Patt għal Industrija Nadifa.

2. L-ewwel Pakkett tat-Twettiq tal-Patt għal Industrija Nadifa

Komponent kruċjali biex jintlaħqu l-ambizzjonijiet u l-objettivi tal-Patt għal Industrija Nadifa huwa l-Qafas il-ġdid għall-Għajnuna mill-Istat tal-Patt għal Industrija Nadifa, adottat mill-Kummissjoni f’Ġunju 25. L-approvazzjoni ta’ aktar minn EUR 85 biljun f’għajnuna sa Ġunju 2025 taħt it-taqsimiet ta’ “tranżizzjoni” tal-Qafas Temporanju ta’ Kriżi u ta’ Tranżizzjoni turi li regoli simplifikati dwar l-għajnuna mill-Istat jistgħu jżidu kemm l-iskala kif ukoll ir-rieda tal-Istati Membri li jużaw l-għajnuna mill-Istat għall-objettivi ta’ tranżizzjoni ekoloġika. Barra minn hekk, il-fatt li l-maġġoranza tal-Istati Membri kienu diġà bdew jimplimentaw il-miżuri biex jaċċelleraw it-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa skont il-Qafas Temporanju ta’ Kriżi u ta’ Tranżizzjoni jenfasizza l-esperjenza prattika miksuba u l-ħtieġa għal qafas stabbli u fit-tul biex jissostitwixxi dak temporanju u jkompli jappoġġa d-dekarbonizzazzjoni industrijali.

Il-qafas il-ġdid tal-għajnuna mill-Istat ikompli jissimplifika u jaċċellera l-proċess biex l-Istati Membri jagħtu l-għajnuna billi jipprovdi kriterji aktar ċari u flessibbli għall-valutazzjoni tal-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat, joffri orizzont ta’ ppjanar itwal, u jżid il-prevedibbiltà tal-investiment u s-sigurtà għan-negozji. F’konformità mal-objettivi tal-Patt għal Industrija Nadifa, dan għandu fil-mira l-impriżi industrijali kollha, b’enfasi fuq l-industriji intensivi fl-enerġija u s-settur tat-teknoloġija nadifa u jintroduċi miżuri ta’ għajnuna biex jaċċellera l-introduzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, l-investimenti fid-dekarbonizzazzjoni industrijali u fil-kapaċità tal-manifattura għat-teknoloġija nadifa. L-Istati Membri se jkunu jistgħu jgħinu fil-finanzjament tal-espansjoni tal-manifattura ta’ teknoloġiji nodfa fl-Ewropa, bl-użu ta’ input kemm riċiklat kif ukoll primarju, u b’hekk jikkontribwixxu għat-tisħiħ tar-reżiljenza tal-ktajjen tal-provvista Ewropej. Dan se jippermetti wkoll lill-Istati Membri jnaqqsu l-kost tal-elettriku tal-utenti intensivi fl-enerġija li joperaw f’industriji f’riskju ta’ rilokazzjoni barra mill-Unjoni lejn pajjiżi fejn ir-regolamenti ambjentali huma assenti jew inqas ambizzjużi, bi tpattija għall-investimenti fid-dekarbonizzazzjoni. Il-qafas il-ġdid jippromwovi l-attrazzjoni ta’ fondi privati billi jnaqqas ir-riskji ta’ investiment fi proġetti allinjati mal-objettivi tal-Patt għal Industrija Nadifa.

Barra minn hekk, ir-regoli l-ġodda jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ swieq ewlenin għal prodotti nodfa u jiffaċilitaw il-kombinazzjoni ta’ finanzjament mill-Fond għall-Innovazzjoni u l-finanzjament nazzjonali billi jiffaċilitaw l-approvazzjoni tal-għajnuna mill-Istat għall-Istati Membri li jixtiequ jappoġġaw proġetti b’siġill tas-Sovranità taħt dan il-fond. Il-qafas il-ġdid dwar l-għajnuna mill-Istat jikkomplementa r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, li jibqgħu kompletament disponibbli u jkopru wkoll miżuri oħra li se jikkontribwixxu għall-Patt għal Industrija Nadifa. L-Istati Membri jistgħu jinnotifikaw miżuri li jappoġġaw lill-produtturi ta’ teknoloġija nadifa, bħall-batteriji, biex jilħqu skala effiċjenti skont ir-regoli applikabbli dwar l-għajnuna mill-Istat. F’kundizzjonijiet normali tas-suq, il-produtturi ta’ teknoloġija nadifa jenħtieġ li jkunu jistgħu jkopru l-kostijiet operatorji tagħhom mingħajr ebda appoġġ pubbliku ulterjuri. Il-Kummissjoni tinsab lesta li tassisti lill-Istati Membri jidentifikaw il-modi xierqa biex ifasslu, skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, appoġġ pubbliku li jindirizza l-fallimenti tas-suq, meħtieġ, proporzjonat u li ma jfixkilx bla bżonn il-kompetizzjoni u l-kummerċ fis-suq uniku jew li jfassal tali appoġġ pubbliku mingħajr għajnuna mill-Istat.

Kif imħabbar fil-Patt għal Industrija Nadifa, il-Kummissjoni se tivvaluta wkoll, bħala parti mir-reviżjoni li għaddejja tar-Regolament Ġenerali ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija, jekk u kif ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għandhom jiġu aġġornati biex jipprovdu inċentivi aħjar għall-industrija biex tinvesti fit-titjib tal-ħiliet, fit-taħriġ mill-ġdid, f’impjiegi ta’ kwalità u fir-reklutaġġ tal-ħaddiema għal tranżizzjoni ġusta. Il-Kummissjoni se teżamina b’mod partikolari r-regoli li jkopru l-għajnuna għall-intrapriżi soċjali u r-reklutaġġ ta’ ħaddiema żvantaġġati. F’dak il-kuntest, il-Kummissjoni se tiżviluppa gwida ddedikata biex tassisti lill-Istati Membri fit-tfassil ta’ miżuri ta’ għajnuna mill-Istat għall-appoġġ soċjali u l-investiment soċjali. F’ħafna każijiet, appoġġ bħal dan jew ma jitqiesx bħala għajnuna jew inkella jiġi eżentat bħala kategorija skont ir-Regolament Ġenerali ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija.

Biex tikkomplementa l-qafas il-ġdid tal-għajnuna mill-Istat, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar Inċentivi tat-Taxxa, adottata llum, tħeġġeġ investimenti f’teknoloġiji nodfa u dekarbonizzazzjoni industrijali, permezz ta’ miżuri bħad-deprezzament aċċellerat u l-krediti tat-taxxa. Dan se jnaqqas b’mod effettiv l-ostakli finanzjarji għall-kumpaniji li jinvestu fis-sostenibbiltà u jagħti spinta lis-swieq ewlenin għall-prodotti dekarbonizzati. Billi tippromwovi deprezzament ġeneruż aċċellerat sal-ispejjeż immedjati u krediti tat-taxxa flessibbli u rimborżabbli, il-Kummissjoni għandha l-għan li tipprovdi ċertezza u appoġġ f’waqthom lin-negozji.

Is-sistema tal-enerġija tagħna hija kruċjali biex tipprovdi l-kundizzjonijiet tajbin għad-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija tagħna. Is-soluzzjonijiet kollha tal-enerġija b’livell żero u baxx ta’ karbonju, inklużi l-enerġija rinnovabbli, l-enerġija nukleari, l-effiċjenza enerġetika, il-ħżin, is-CCUS, l-assorbimenti tal-karbonju, l-enerġija ġeotermali u idroelettrika, u t-teknoloġiji tal-enerġija b’emissjonijiet żero netti l-oħra kollha, huma meħtieġa għad-dekarbonizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija sal-2040, kif ukoll it-tisħiħ tal-kapaċità tal-grilja u tal-ħżin. Biex  tipprovdi l-bażi għall-Istati Membri u għall-awtoritajiet regolatorji nazzjonali biex jaċċelleraw it-tranżizzjoni lejn sistema tal-enerġija nadifa u aktar flessibbli, bi grilji u ħżin żviluppati sew, il-Kummissjoni qed tadotta pakkett ta’ dokumenti ta’ gwida. Dawn id-dokumenti jkopru (i) teknoloġiji innovattivi u forom ta’ użu tal-enerġija rinnovabbli, (ii) id-deżinjazzjoni ta’ żoni ddedikati għall-infrastruttura tal-grilja u tal-ħżin u (iii) metodoloġiji tat-tariffi tan-network. Billi tappoġġa l-użu ta’ proġetti addizzjonali ta’ enerġija nadifa u ta’ networks, l-implimentazzjoni ta’ dan il-pakkett ta’ gwida se tkun ta’ benefiċċju wkoll għall-manifattura domestika tal-UE tat-teknoloġiji nodfa rispettivi li fuqhom l-Ewropa għandha tmexxija globali.

Il-gwida dwar it-teknoloġiji tal-forom innovattivi u l-forom tal-użu tal-enerġija rinnovabbli tappoġġa l-espansjoni tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, u tgħin biex jitnaqqsu l-kostijiet tal-provvista tal-enerġija tagħna. Id-dipendenza tal-Ewropa fuq il-fjuwils fossili importati tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għal kostijiet tal-provvista volatili u għoljin. Billi tespandi s-sorsi innovattivi tal-enerġija rinnovabbli u tilħaq potenzjal mhux sfruttat (eż. agrisolari, sorsi rinnovabbli galleġġanti, enerġija mill-oċeani), l-UE tista’ ttaffi dawn il-kostijiet. Bejn l-2021 u l-2023, il-konsumaturi tal-elettriku tal-UE diġà ffrankaw EUR 100 biljun bis-saħħa tal-ġenerazzjoni tal-elettriku mill-kapaċità fotovoltajka solari u mir-riħ installati reċentement. 6

Il-gwida dwar id-deżinjazzjoni taż-żoni tal-grilja u tal-ħżin hija mfassla biex issaħħaħ u taċċellera l-espansjoni tal-grilji tagħna, kif ukoll taċċellera l-użu ta’ soluzzjonijiet ta’ ħżin.. Dan huwa kruċjali fid-dawl tat-tkabbir mistenni fil-ġenerazzjoni rinnovabbli deċentralizzata, iż-żieda fid-domanda għall-elettriku, u r-restrizzjonijiet eżistenti fuq il-grilja tal-elettriku, bħall-ħtieġa li l-infrastruttura tal-irriċarġjar għall-vetturi elettriċi tiġi konnessa mal-benefiċċji tagħha għall-ħżin u għas-sistema tal-enerġija b’mod ġenerali, kif ukoll il-ħtieġa li jiġu mmodernizzati 40 % tal-grilji eżistenti. Barra minn hekk, il-kapaċità tal-elettriku rinnovabbli qed tikber b’mod rapidu, b’madwar 78 GW miżjuda fl-2024 biss. Minħabba li l-espansjoni annwali tal-kapaċità tal-elettriku rinnovabbli jenħtieġ li tilħaq madwar 100 GW bħala medja sal-2030, il-proċeduri tal-għoti tal-permessi għall-proġetti tal-ħżin tal-enerġija rinnovabbli u n-networks li jintegraw l-enerġija rinnovabbli jridu jiġu aċċellerati b’mod sinifikanti.

It-tielet dokument ta’ gwida, dwar il-metodoloġiji tat-tariffi tan-network jippromwovi disinn tat-tariffi tan-network immirat lejn it-tnaqqis tal-kostijiet ġenerali tas-sistema billi jtejjeb il-flessibbiltà u l-inċentivi tal-lokalità kif ukoll jagħti spinta lill-effiċjenza tal-użu u l-ġestjoni tal-grilja. Din il-bidla biex tixpruna bidla fl-imġiba hija essenzjali biex il-perjodi bl-ogħla konsum jiġu ġestiti b’mod li huwa kosteffiċjenti. It-tariffi tan-network jista’ jkollhom rwol essenzjali billi jħeġġu lill-utenti kollha tas-sistema jottimizzaw ix-xejriet tal-użu tagħhom. Approċċ ikkoordinat joffri benefiċċji sinifikanti, inkluż it-tnaqqis tal-ispejjeż tal-ġestjoni tal-grilja u l-konġestjoni għalja, it-titjib tal-kapaċità tal-grilja li tassorbi l-ġenerazzjoni rinnovabbli, u l-limitazzjoni tal-ħtieġa għal rinforzi estensivi tal-grilja għal dak li huwa neċessarju. Dan se jnaqqas il-kostijiet ġenerali tan-network imħallsa mill-konsumaturi fuq il-kontijiet tal-enerġija tagħhom u se jkun ta’ benefiċċju dirett għall-utenti li jikkontribwixxu għall-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija.

Sfidi oħra ffaċċjati mill-industrija jinkludu l-esponiment għall-kompetizzjoni internazzjonali inġustau l-piż regolatorju. Minn mindu tnediet is-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (EU ETS), ir-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju ġie indirizzat b’mod effettiv billi ngħataw kwoti bla ħlas għas-setturi esposti għal dan ir-riskju. Il-kwoti bla ħlas għall-installazzjonijiet tal-EU ETS li jipproduċu oġġetti tas-CBAM se jitneħħew gradwalment mill-2026 sal-2034, b’mod parallel mal-introduzzjoni gradwali tal-obbligi finanzjarji tas-CBAM għall-merkanzija importata. Filwaqt li s-CBAM jindirizza r-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju għall-produzzjoni tal-merkanzija tas-CBAM għall-UE, ir-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju għall-produzzjoni ta’ oġġetti tas-CBAM għas-swieq tal-esportazzjoni jista’ jiżdied bit-tneħħija gradwali tal-allokazzjoni bla ħlas, sakemm ċerti pajjiżi terzi ma jintroduċux ipprezzar tal-karbonju ekwivalenti. Diversi setturi tas-CBAM appellaw għal azzjoni urġenti biex tiġi indirizzata r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju għall-esportazzjoni.

Kif imħabbar fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Azzar u l-Metalli, il-Kummissjoni għalhekk ikkunsidrat għażliet dwar kif għandu jiġi indirizzat dan ir-riskju. Kwalunkwe soluzzjoni għandha tallinja bis-sħiħ mal-objettivi ambjentali tas-CBAM, filwaqt li tirrispetta r-regoli rilevanti tad-WTO. Barra minn hekk, jenħtieġ li tiġi implimentata malajr biex tipprovdi ċertezza legali u tevita piż amministrattiv żejjed. Għalhekk, il-Kummissjoni beħsiebha tagħmel proposta ddedikata bl-użu tad-dħul iġġenerat mis-CBAM – li se jiġi estiż - biex tappoġġa l-produzzjoni f’riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. Dan jippermetti lill-produtturi affettwati jiġu kkumpensati b’mod proporzjonali għat-tneħħija gradwali tal-kwoti bla ħlas soġġetti għal riżultati tanġibbli dwar id-dekarbonizzazzjoni fit-tul. Il-kamp ta’ applikazzjoni jeħtieġ li jiġi stabbilit abbażi ta’ kriterji oġġettivi. Din l-iskema tkun fis-seħħ għal perjodu definit inizjalment b’rieżami fl-2027. Il-proposta titressaq sa tmiem l-2025, flimkien mal-proposta li testendi s-CBAM għall-merkanzija downstream u tintroduċi miżuri kontra ċ-ċirkomvenzjoni, u se tqis il-proposti eżistenti tal-Kummissjoni dwar ir-Riżorsi Proprji l-ġodda għall-baġit tal-UE. Din is-soluzzjoni għandha l-għan li tiżgura trattament ugwali għall-oġġetti tas-CBAM - kemm jekk prodotti u mibjugħa fl-UE, esportati mill-UE lejn pajjiżi terzi jew importati fl-UE - biex tinżamm il-kompatibbiltà mad-WTO. Il-Kummissjoni se tipprovdi analiżi ulterjuri tar-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju għall-produzzjoni ta’ oġġetti tas-CBAM għall-esportazzjonijiet sabiex tfassal b’mod adegwat il-miżura u tikkonsulta lis-setturi tas-CBAM dwar dawn il-pjanijiet qabel il-proposta, filwaqt li tqis ukoll iċ-ċirkostanzi nazzjonali speċifiċi. Għal dan l-għan, se jiġi organizzat djalogu ta’ livell għoli.

Is-simplifikazzjoni hija pilastru ewlieni ieħor tal-Patt għal Industrija Nadifa. Sar progress f’għadd ta’ oqsma leġiżlattivi bl-għan li jitnaqqas il-piż regolatorju u l-industrija tkun tista’ tħaddan it-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli b’mod aktar effettiv u prammatiku. Il-proposta ta’ simplifikazzjoni tal-Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri (CBAM),  li ġiet adottata bħala parti mill-pakkett Omnibus I, fi Frar 2025, għandha l-għan li tnaqqas il-burokrazija u tiżgura implimentazzjoni bla xkiel tas-CBAM meta dan isir kompletament operattiv f’Jannar 2026. B’mod partikolari, il-proposta tintroduċi limitu annwali bbażat fuq il-massa ta’ 50 tunnellata li jeskludi madwar 90 % tal-importaturi minn kwalunkwe obbligu tas-CBAM, filwaqt li tiżgura li 99 % tal-emissjonijiet ikunu koperti fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-CBAM. Aktar kmieni dan ix-xahar, il-koleġiżlaturi laħqu ftehim dwar ir-Regolament emendat, li jaderixxi mal-parametri ewlenin tal-proposta tal-Kummissjoni.

3. Ħidma għaddejja f’oqsma oħra tal-Patt għal Industrija Nadifa

Minbarra l-ewwel sett ta’ azzjonijiet konkreti skont il-Patt għal Industrija Nadifa, sar progress notevoli f’diversi oqsma relatati ma’ din l-istrateġija. L-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Enerġija Affordabbli għamlet progress mill-adozzjoni tiegħu fi Frar 2025. Fis-16 ta’ Ġunju, il-Kummissjoni Ewropea u l-Presidenza Pollakka tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea nedew b’mod konġunt it-Task Force għall-Unjoni tal-Enerġija. It-Task Force se tindirizza l-ostakli tekniċi u regolatorji li jfixklu t-tlestija ta’ Unjoni tal-Enerġija ġenwina, billi ttejjeb l-użu u l-iżvilupp tal-infrastrutturi, tindirizza l-ostakli nazzjonali għall-għoti ta’ permessi, iżżid l-użu tal-ħżin u l-użu tas-servizzi ta’ flessibbiltà, ittejjeb il-koordinazzjoni tal-azzjonijiet reġjonali, nazzjonali u tal-UE, u tappoġġa azzjonijiet ewlenin għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Enerġija Affordabbli, pereżempju dwar l-għoti ta’ permessi, it-tassazzjoni u l-flessibbiltà tas-sistema.

Il-finanzi huma kruċjali. Il-Kummissjoni u l-Bank Ewropew tal-Investiment ikkollaboraw mill-qrib biex jiżviluppaw prodotti finanzjarji ġodda - eliġibbli taħt il-Progaremme ta’ InvestEU - imfassla biex inaqqsu r-riskji għall-investimenti tas-settur privat. Fid-19 ta’ Ġunju, il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) nieda skemi ġodda biex joffri kontrogaranziji għall-ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija (PPAs) bejn l-iżviluppaturi tal-enerġija nadifa u l-industrija, b’kapaċità ta’ EUR 500 miljun. Din l-inizjattiva tfittex li tiffaċilita l-aċċess għall-industrija għal prezzijiet tal-enerġija aktar stabbli u tixpruna l-investiment fi proġetti ta’ ġenerazzjoni ġdida. Barra minn hekk, il-BEI nieda t-tieni skema ta’ kontrogaranzija biex jittaffew ir-riskji assoċjati mal-manifattura ta’ komponenti ġodda tal-grilja (bl-applikazzjoni tal-mudell li diġà juża għas-settur tal-enerġija mir-riħ) b’EUR 1.5 biljun, li hija kruċjali għall-ħtiġijiet tan-network li qed jespandi madwar l-Ewropa, kif ukoll il-programm TechEU biex jgħin jitnaqqas id-distakk fil-finanzjament biex tiġi appoġġata l-innovazzjoni fixkiela, tissaħħaħ il-kapaċità industrijali tal-Ewropa u tal-kumpaniji scale-up. Qed jespandi wkoll il-kapaċità ta’ finanzjament tal-Pakkett dwar ir-Riħ minn EUR 5 biljun għal EUR 6.5 biljun, u stabbilixxa prodott ta’ garanzija ġdid għal teknoloġija nadifa emerġenti b’pakkett ta’ self tal-BEI ta’ EUR 250 miljun li għandu jiġi appoġġat minn InvestEU.

Il-Kummissjoni tinsab ukoll fit-triq it-tajba biex tniedi proġett pilota għall-Bank ta’ Dekarbonizzazzjoni Industrijali li jmiss, sa tmiem l-2025. B’baġit ta’ EUR 1 biljun, dan il-proġett pilota se jkun irkant immirat lejn id-dekarbonizzazzjoni tas-sħana tal-proċess industrijali permezz tal-elettrifikazzjoni u s-sħana rinnovabbli diretta (bħas-sħana solari termali jew ġeotermali). Dan se jkun ta’ benefiċċju għall-kumpaniji f’diversi setturi industrijali inklużi l-intrapriżi ta’ daqs medju. Dan iservi bħala proġett pilota għall-Bank tad-Dekarbonizzazzjoni Industrijali billi jappoġġa proġetti bit-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju bħala unità metrika. F’April, konsultazzjoni ewlenija mal-partijiet ikkonċernati wriet appoġġ robust mill-industrija għal din l-inizjattiva. Wara dan, minn dak iż-żmien ’l hawn il-Kummissjoni ppubblikat l-abbozz tat-termini u l-kundizzjonijiet tal-irkant għall-konsultazzjoni.

Il-Kummissjoni adottat ukoll l-ewwel żewġ listi ta’ Proġetti Strateġiċi li għandhom jiġu appoġġati skont l-Att dwar il-Materja Prima Kritika, li jkopru proġetti kemm fl-UE kif ukoll f’pajjiżi terzi. Il-proġetti magħżula jkopru firxa wiesgħa ta’ materjali strateġiċi u stadji tal-katina tal-valur u se jikkontribwixxu għall-provvista sigura tal-UE ta’ materja prima strateġika. Sabiex jiġi żgurat it-twettiq f’waqtu tagħhom, il-proġetti se jirċievu appoġġ biex jiffaċilitaw l-investimenti pubbliċi u privati kif ukoll permessi aċċellerati għal proġetti fl-UE.

L-iżvilupp ulterjuri tas-swieq ewlenin huwa prijorità ewlenija tal-Patt għal Industrija Nadifa. Fis-6 ta’ April, il-Kummissjoni adottat il-pjan ta’ ħidma2025-2030 għar-Regolament dwar l-Ekodisinn għal Prodotti Sostenibbli u r-Regolament dwar it-Tikkettar tal-Enerġija. Il-pjan jipprovdi lista ta’ prodotti li għandhom jingħataw prijorità, bħall-azzar u l-aluminju, biex jiġu introdotti rekwiżiti tal-ekodisinn u tikkettar tal-enerġija matul il-ħames snin li ġejjin. Dan għandu jippromwovi l-użu ta’ prodotti sostenibbli, li jistgħu jissewwew, ċirkolari u effiċjenti fl-użu tal-enerġija madwar l-Ewropa. Ladarba jitfasslu kif suppost, ir-rekwiżiti armonizzati ta’ sostenibbiltà tal-prodotti fil-livell tal-UE se jsaħħu s-suq uniku, jipprevjenu l-ostakli għall-kummerċ, itejbu l-kundizzjonijiet ekwi u l-informazzjoni għall-konsumaturi kif ukoll inaqqsu l-piż amministrattiv.

Fil-kuntest tad-Djalogu Strateġiku dwar il-Futur tal-Industrija tal-Karozzi li sar fl-ewwel trimestru tal-1 2025 u kif imħabbar fil-Pjan ta’ Azzjoni Industrijali għas-settur Ewropew tal-karozzi tal-5 ta’ Marzu 2025, il-Kummissjoni pproponiet flessibbiltà lis-settur awtomobilistiku biex jikkonforma mal-miri tal-2025 dwar il-bejgħ tal-flotta permezz ta’ bidla mmirata tar-Regolament (UE) 2019/631, li ġie adottat mill-koleġiżlaturi. Dan jipprovdi lill-manifatturi bi flessibbiltà addizzjonali fir-rigward tal-obbligi ta’ konformità tagħhom, billi jippermetti perjodu ta’ konformità ta’ tliet snin għall-2025, l-2026 u l-2027, minflok perjodu annwali. L-emenda mmirata tintroduċi din il-flessibbiltà addizzjonali għall-manifatturi filwaqt li żżomm il-livell ta’ ambizzjoni tal-mira għat-tnaqqis tal-emissjonijiet. L-għan huwa l-appoġġ għall-investiment fit-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa filwaqt li jippreserva l-ambizzjoni klimatika ġenerali. Fil-5 ta’ Marzu, il-Kummissjoni aġġornat ukoll il-Lista tal-Iskart biex iżżomm il-batteriji u l-materja prima kritika tagħhom fl-ekonomija għal aktar żmien.

Il-Faċilità għall-Infrastruttura tal-Fjuwils Alternattivi (AFIF) taħt il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa għamlet EUR 570 miljun disponibbli għall-varar tal-infrastruttura tal-iċċarġjar għall-2025-2026, b’enfasi fuq vetturi heavy-duty. Sat-tieni data ta’ skadenza fl-11 ta’ Ġunju 2025 kien hemm 25 proposta ta’ proġetti bi spiża totali ta’ investiment ta’ EUR 665 miljun. B’mod ġenerali, intalbu madwar EUR 287 miljun ta’ finanzjament tal-UE għal proġetti ta’ infrastruttura tal-iċċarġjar għall-vetturi elettriċi; b’EUR 245 miljun għall-infrastruttura tal-iċċarġjar iddedikata għall-Vetturi Tqal.

Fir-rigward tad-dimensjoni esterna, il-Kummissjoni nediet negozjati dwar l-ewwel Sħubija għal Kummerċ u Investiment Nadif mal-Afrika t’Isfel matul is-Summit bejn l-UE u l-Afrika t’Isfel fit-13 ta’ Marzu 2025. Is-sħubija hija żviluppata f’kollaborazzjoni ma’ sħab strateġiċi ewlenin biex jiġu ġestiti b’mod effettiv id-dipendenzi strateġiċi u jissaħħaħ ir-rwol tal-UE fil-ktajjen tal-valur globali kruċjali. Il-Kummissjoni u l-Afrika t’Isfel impenjaw ruħhom li jilħqu ftehim biex jappoġġaw l-iżvilupp ta’ ktajjen tal-valur strateġiċi u aktar nodfa għall-materja prima. Dan jinkludi enfasi fuq il-benefiċjarji lokali, l-enerġija rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju (inkluż l-idroġenu sikur u sostenibbli b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju) u t-teknoloġija nadifa billi jittejbu l-kundizzjonijiet għal investimenti ta’ benefiċċju reċiproku. Barra minn hekk, matul is-summit, il-Kummissjoni ħabbret Pakkett ta’ Investiment tal-Global Gateway ta’ EUR 4.7 biljun, li minnhom EUR 4.4 biljun se jiġu investiti fi proġetti li jappoġġaw tranżizzjoni lejn enerġija nadifa u ġusta fil-pajjiż. Il-Kummissjoni għandha l-għan li turi progress deċiżiv dwar is-CTIP mal-Afrika t’Isfel qabel is-Summit tal-G20 f’Johannesburg, skedat għat-22-23 ta’ Novembru 2025.

Il-Kummissjoni irrinforzat ukoll il-miżura ta’ salvagwardja tal-azzar biex tipproteġi lill-industrija tal-azzar tal-UE milli żżid l-importazzjonijiet, u twettaq il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar l-Azzar u l-Metalli. Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-aġġustamenti daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ April, il-bidliet li jikkonċernaw pass aktar bil-mod ta’ liberalizzazzjoni u t-tneħħija tar-riport ta’ volumi mhux użati se jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2025. Minħabba li l-miżura ta’ salvagwardja se tiskadi legalment fit-30 ta’ Ġunju 2026, il-Kummissjoni se tipproponi miżura tal-azzar fit-tul li se tipprovdi livell effettiv ħafna ta’ protezzjoni għas-settur tal-azzar tal-UE wara Ġunju 2026 f’Settembru 2025. Dan huwa partikolarment importanti fid-dawl taż-żieda fit-tariffi tal-Istati Uniti fuq l-aluminju fl-azzar, li taggrava s-sitwazzjoni diffiċli ta’ dawn l-industriji.

It-tisħiħ taċ-ċirkolarità huwa perkors importanti għad-dekarbonizzazzjoni u l-kompetittività tal-industriji tal-metall. Madankollu, il-volum tar-ruttam użat għar-riċiklaġġ fl-UE qed jonqos minħabba tnaqqis fid-domanda mill-industrija tal-UE u prezzijiet ogħla għar-ruttam imħallas f’pajjiżi terzi. Bħala l-ewwel pass biex titreġġa’ lura din ix-xejra, il-Kummissjoni għamlet id-data rilevanti mill-bażi tad-data tas-Sorveljanza Doganali aċċessibbli għall-pubbliku, simili għall-azzjoni reċenti meħuda fis-settur tas-sustanzi kimiċi. Din l-inizjattiva tifforma parti minn mekkaniżmu ta’ monitoraġġ usa’ għall-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet għall-aluminju, ir-ram u l-azzar li se jtejjeb id-disponibbiltà tal-informazzjoni tas-suq, u b’hekk tippromwovi prattiki ċirkolari u tiffaċilita l-adozzjoni ta’ miżuri kummerċjali biex tiġi żgurata d-disponibbiltà suffiċjenti tar-ruttam fl-UE, kif meħtieġ, billi tibda b’miżuri għall-aluminju. Il-Kummissjoni se taħdem ukoll biex iżżid id-domanda għal prodotti riċiklati.

Kemm il-Patt għal Industrija Nadifa kif ukoll il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Karozzi ħabbru li l-Kummissjoni se tipproponi kundizzjonijiet għal investimenti barranin, b’mod aktar speċifiku fis-settur awtomobilistiku, inklużi l-komponenti, bil-katina tal-provvista tal-batteriji bħala prijorità immedjata. Il-Kummissjoni se tipproponi kundizzjonijiet speċifiċi dwar il-kriterji ta’ reżiljenza u sostenibbiltà fl-Att dwar l-Aċċelleratur tad-Dekarbonizzazzjoni Industrijali u possibbilment inizjattivi oħra. 

Il-Kummissjoni se tipproponi, f’konsultazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati tal-industrija u mal-Istati Membri, miżuri biex tiżgura li l-investiment barrani fl-UE jikkontribwixxi aħjar għall-kompetittività fit-tul tal-industrija tal-UE, għal aktar fit-tul għall-vantaġġ teknoloġiku u għar-reżiljenza ekonomika tagħha, kif ukoll il-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità fl-UE. Pereżempju, għal proġetti li jinvolvu investiment barrani, speċjalment meta jinvolvu finanzjament pubbliku, l-Istati Membri jistgħu kollettivament jikkunsidraw kundizzjonijiet bħas-sjieda tat-tagħmir, inputs akkwistati mill-UE, ir-reklutaġġ ta’ persunal ibbażat fl-UE, il-ħtieġa għal impriżi konġunti jew it-trasferimenti ta’ proprjetà intellettwali, li jibdew b’xi setturi strateġiċi, bħal pereżempju, il-manifattura tal-karozzi jew tal-enerġija rinnovabbli. 

B’mod speċifiku fir-rigward tas-settur awtomobilistiku, il-Kummissjoni qed tippjana li tiddiskuti mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kif jista’ jiġi massimizzat il-valur miżjud tal-investimenti interni u tgħin fil-prevenzjoni ta’ ġirja lejn l-aktar livell baxx u l-frammentazzjoni tas-suq intern. Tali kundizzjonijiet se jipprovdu l-bażi għall-involviment ma’ sħab internazzjonali ewlenin b’investimenti sinifikanti fl-UE u speċjalment fil-katina tal-provvista tal-enerġija rinnovabbli u tal-karozzi.

Il-Kummissjoni dalwaqt se tipproponi Pakkett dwar is-Sustanzi Kimiċi, inkluż Pjan ta’ Azzjoni għall-industrija tas-sustanzi kimiċi tal-UE u Omnibus dwar is-sustanzi kimiċi. Il-Pjan ta’ Azzjoni se jintroduċi miżuri konkreti biex itejjeb il-kompetittività globali tas-settur Ewropew tas-sustanzi kimiċi, inklużi l-SMEs, u jsaħħaħ il-bażi tal-produzzjoni tiegħu permezz ta’ azzjonijiet f’oqsma ewlenin, bħall-produzzjoni kritika, il-prezz tal-enerġija u l-appoġġ għall-innovazzjoni u d-dekarbonizzazzjoni.

Kif imħabbar fil-Patt għal Industrija Nadifa, il-Kummissjoni stabbiliet iċ-ċentru ta’ appoġġ tal-IPCEI biex taċċellera t-tfassil ta’ IPCEIs ġodda. Il-Kummissjoni bħalissa qed toffri appoġġ lil diversi Stati Membri biex iħaffu t-tfassil tal-IPCEIs il-ġodda approvati mill-Forum Ewropew Konġunt dwar l-IPCEIs f’Novembru 2024 u f’Marzu 2025. Il-ħidma fir-rigward tal-IPCEI fuq il-Materjal Avvanzat Ċirkolari u fuq it-teknoloġiji nukleari innovattivi IPCEIs se jikkontribwixxu, b’mod partikolari, biex jiġu aċċellerati l-objettivi tal-Patt għal Industrija Nadifa.

Fit-13 ta’ Ġunju 2025, il-Kummissjoni adottat ukoll il-Programm Indikattiv Nukleari (PINC). Dan jipprovdi ħarsa ġenerali aġġornata lejn il-ħtiġijiet tal-investimenti fl-enerġija nukleari fl-UE u l-aħjar prattiki ta’ mudelli ta’ finanzjament għal pjanijiet ta’ investiment effiċjenti. It-twettiq tal-pjanijiet tal-Istati Membri rigward l-enerġija nukleari se jirrikjedi  investimenti sinifikanti, ta’ madwar EUR 241 biljun sal-2050, kemm għall-estensjonijiet tul il-ħajja tar-reatturi eżistenti kif ukoll għall-kostruzzjoni ta’ reatturi ġodda fuq skala kbira. Huma meħtieġa investimenti addizzjonali għal Reatturi Modulari Żgħar (SMRs), Reatturi Modulari Avvanzati (AMRs) u mikroreatturi u fl-enerġija mill-fużjoni għall-futur aktar fit-tul.

Ittieħdu wkoll passi sinifikanti biex jittejbu l-ħiliet u l-kwalità tal-impjiegi fl-UE, bħala parti mill-Patt għal Industrija Nadifa. Fil-5 ta’ Marzu 2025, ġiet adottata Komunikazzjoni dwar l-Unjoni tal-Ħiliet, li tintroduċi inizjattivi ewlenin bħall-Bord Ewropew ta’ Livell Għoli għall-Ħiliet, Osservatorju tal-Ħiliet, filwaqt li jissaħħu l-inizjattivi eżistenti ta’ titjib tal-ħiliet u ta’ taħriġ mill-ġdid. Barra minn hekk, il-Kummissjoni nediet konsultazzjonijiet mas-sħab soċjali biex tħejji l-Pjan Direzzjonali għal Impjiegi ta’ Kwalità, b’enfasi fuq l-appoġġ għall-proċessi ta’ ristrutturar u tranżizzjonijiet ġusti, u pproponiet emendi mmirati għall-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni u għall-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE +) bħala parti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-politika ta’ koeżjoni biex jitħaffef u jingħata spinta lill-appoġġ għall-ħaddiema f’riskju ta’ telf ta’ impjiegi minħabba ristrutturar marbut mad-dekarbonizzazzjoni.

Ir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-politika ta’ koeżjoni, proposta mill-Kummissjoni f’April, se toffri lill-Istati Membri u lir-reġjuni l-possibbiltà, permezz tal-programmi tagħhom, li jsaħħu l-kompetittività tal-Ewropa u jnaqqsu d-distakk fl-innovazzjoni. Filwaqt li l-proposta għadha qed tiġi nnegozjata fil-proċess ta’ kodeċiżjoni, il-Kummissjoni tistenna bil-ħerqa eżitu finali ambizzjuż. F’dan il-kuntest, l-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali jkun jista’ jingħata għall-intrapriżi l-kbar meta jikkontribwixxu għal Proġett Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni jew meta joperaw f’oqsma kritiċi, bħad-difiża, it-teknoloġiji strateġiċi, u d-dekarbonizzazzjoni. Barra minn hekk, se tappoġġa t-tranżizzjoni tal-enerġija billi tippromwovi interkonnetturi tal-enerġija (kejbils tal-art u ta’ taħt il-baħar li jgħaqqdu s-sistemi tal-elettriku ta’ pajjiżi ġirien) u tistabbilixxi infrastruttura tal-irriċarġjar. L-investimenti f’akkomodazzjoni affordabbli effiċjenti fl-użu tal-enerġija, il-ġestjoni sostenibbli tal-ilma u l-innovazzjoni li jikkontribwixxu għall-objettivi ta’ STEP se jsaħħu wkoll il-bażi industrijali nadifa fir-reġjuni kollha. Bħala inċentiv finanzjarju għall-investiment fi prijoritajiet strateġiċi, il-Kummissjoni pproponiet li l-Istati Membri u r-reġjuni jitħallew jibbenefikaw minn 30 % tal-prefinanzjament fl-2026 u rati ogħla ta’ kofinanzjament għal proġetti żviluppati taħt il-prijoritajiet strateġiċi.

3. Konklużjoni

L-implimentazzjoni b’suċċess tal-Patt għal Industrija Nadifa tiddependi fuq l-impenn tal-Istati Membri u tal-awtoritajiet tagħhom li jimplimentaw l-azzjonijiet tiegħu b’mod effettiv.

Il-Kummissjoni tibqa’ soda fl-impenn tagħha li twettaq il-Patt għal Industrija Nadifa u li tagħmel id-dekarbonizzazzjoni mutur tal-kompetittività u l-prosperità tal-Ewropa, inkluż billi tipproponi l-mira intermedja għall-2040 fit-triq lejn in-newtralità klimatika sal-2050. Se twettaq il-bqija tal-azzjonijiet tal-Patt għal Industrija Nadifa permezz ta’ sensiela ta’ pakketti, b’dawk li jmiss ippjanati għat-tieni nofs tal-2025. Kull pakkett se jitfassal biex jindirizza aspetti speċifiċi tal-objettivi tal-Patt għal Industrija Nadifa, u b’hekk jissaħħu l-isforzi kollettivi biex jissaħħu l-kompetittività industrijali tal-Ewropa u l-progress lejn l-għanijiet ta’ dekarbonizzazzjoni tal-UE.

(1)

COM(2025) 85 final

(2)

Fotovoltajċi solari, turbini eoliċi, karozzi elettriċi, batteriji, elettrolizzaturi u pompi tas-sħana.

(3)

L-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija: Energy Technology Perspectives 2024, Ottubru 2024

(4)

Il-Bank Ewropew tal-Investiment, Investment Report 2024/2025: Innovation, integration and simplification in Europe, 2025

(5)

COM(2025) 96 final u COM(2025) 125 final

(6)

IEA (2023), Renewable Energy Market Update - June 2023, IEA, Paris https://www.iea.org/reports/renewable-energy-market-update-june-2023, Licence: CC BY 4.0