Brussell, 7.7.2025

COM(2025) 374 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Pjan direzzjonali għall-krediti tan-natura


Introduzzjoni

In-natura hija l-aktar alleat b’saħħtu tagħna biex nappoġġaw l-għajxien, is-saħħa, u l-prosperità tagħna. Tipprovdi servizzi essenzjali tal-ekosistema bħaż-żamma tal-ilma, l-iżgurar tal-fertilità tal-ħamrija u d-dakkir. Tikkontribwixxi għall-mitigazzjoni, l-adattament u r-reżiljenza tal-klima kontra d-diżastri, spiss b’mod kosteffettiv ħafna. Għall-kumpaniji, tikkontribwixxi għad-determinazzjoni tal-proċessi tal-produzzjoni, l-affidabbiltà tal-kreditu, u l-aċċess għall-finanzjament. Dan jaffettwa wkoll ir-riskji għall-istituzzjonijiet finanzjarji li jagħtu self lil dawn il-kumpaniji, u huwa għalhekk li s-superviżuri finanzjarji qed juru interess dejjem akbar fir-riskji relatati man-natura 1 .

Għalhekk, in-natura hija pedament kruċjali għal ekonomija kompetittiva u reżiljenti. Il-persuni li jinsabu fuq quddiem nett fil-ġestjoni tan-natura, bħall-bdiewa, il-forestiera, is-sidien u l-maniġers tal-artijiet, is-sajjieda, l-utenti tal-ekosistemi tal-baħar u tal-ilma ħelu, il-maniġers taż-żoni ta’ konservazzjoni, u l-komunitajiet lokali, iridu jiġu ppremjati kif xieraq, permezz tas-suq, għall-kontribut tagħhom għas-salvagwardja u t-titjib tan-natura bħala riżorsa ekonomika strateġika.

Fis-sett ta’ għodod ta’ finanzjament għall-bijodiversità u n-natura, iċ-ċertifikazzjoni u l-krediti 2 qed jitfaċċaw bħala mod potenzjalment siewi biex jiġi kkomplementat il-finanzjament pubbliku. Billi jiffaċilitaw l-investimenti f’attivitajiet li huma ta’ benefiċċju għan-natura, dawn l-għodod innovattivi u volontarji jista’ jkollhom rwol addizzjonali kruċjali fil-preservazzjoni tas-saħħa tal-ekosistemi tal-art u tal-baħar tagħna u jgħinu biex jitreġġa’ lura t-tnaqqis fil-bijodiversità. Bil-għan li tissaħħaħ il-bijoekonomija, dawn l-għodod jistgħu jipprovdu wkoll opportunità biex jiġi ġġenerat introjtu għall-persuni involuti fil-protezzjoni, ir-restawr, u l-ġestjoni sostenibbli tal-ekosistemi, kif enfasizzat fil-Viżjoni għall-Agrikoltura u għall-Ikel 3 , l-Istrateġija għar-Reżiljenza tal-Ilma 4 , u l-Patt Ewropew għall-Oċeani 5 , filwaqt li jiżguraw is-sigurtà alimentari u l-multifunzjonalità tal-foresti.

Dan il-pjan direzzjonali jistabbilixxi perkors biex jintlaħqu dawn l-għanijiet. L-għan huwa li jiġu kkomplementati sorsi differenti ta’ finanzjament favur in-natura, bħall-finanzjament pubbliku billi jiġi appoġġat l-iżvilupp ta’ għodod b’integrità għolja – krediti tan-natura – li se jbiddlu l-investiment fin-natura f’mutur affidabbli tal-ħolqien tal-valur.

1.L-argument ekonomiku u kummerċjali favur azzjoni li minnha tibbenefika n-natura

1.1.L-investiment pubbliku fin-natura għas-soċjetà u l-ekonomija tagħna

In-natura ma hijiex biss ta’ valur fiha nnifisha iżda hija wkoll essenzjali biex jiġu indirizzati l-kriżijiet interkonnessi tat-tibdil fil-klima, it-telf tal-bijodiversità, u t-tniġġis. Aktar minn nofs il-PDG globali u żewġ terzi tal-valur ekonomiku miżjud tal-UE jiddependu fuq in-natura u fuq is-servizzi tal-ekosistema tagħha 6 . Madwar 72% tal-kumpaniji taż-żona tal-euro jiddependu b’mod kritiku fuq is-servizzi tal-ekosistema, inklużi dawk li jinsabu barra mill-UE, b’mod partikolari fi swieq li qed jiżviluppaw u emerġenti, u dan jirrifletti n-natura globalizzata tal-ktajjen tal-provvista u l-interdipendenza ekonomika. It-telf tan-natura fuq l-art u fil-baħar issa huwa rikonoxxut bħala xprunatur ewlieni tat-telf ekonomiku u tar-riskji finanzjarji 7 . L-investiment fir-restawr tan-natura huwa għalhekk kruċjali għall-kompetittività, ir-reżiljenza, il-prosperità, u s-sigurtà tal-Ewropa.

Madankollu, minkejja xogħol pijunier bħas-sistema integrata tal-UE ta’ kontijiet tal-ekosistema, li stmat li 10 servizzi tal-ekosistema ġġeneraw benefiċċji ta’ EUR 234 biljun kull sena 8 , is-servizzi tal-ekosistema jibqgħu diffiċli biex jiġu monetizzati u ma humiex riflessi b’mod adegwat fis-sinjali tal-prezzijiet tas-suq. Dan jikkontribwixxi għal sfruttament żejjed u nuqqas kroniku ta’ investiment fir-restawr u fil-protezzjoni tan-natura.

B’riżultat ta’ dan, ir-restawr u l-protezzjoni tan-natura jiddependu l-aktar fuq il-finanzjament pubbliku. L-UE impenjat ruħha li tiddedika 10% tal-baġit tagħha għall-appoġġ ta’ azzjonijiet u investimenti li jindirizzaw il-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità fl-2026 u fl-2027 permezz ta’ diversi skemi u interventi finanzjarji 9 u li tirdoppja l-finanzjament għall-azzjoni esterna dwar il-bijodiversità għal EUR 7 biljun għall-2021-2027. Dan huwa konformi mal-Qafas Globali tal-Bijodiversità (GBF, Global Biodiversity Framework) ta’ Kunming-Montreal 10 skont il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (KDB), li jitlob żieda sostanzjali fil-flussi finanzjarji mis-sorsi kollha, u jimmobilizza mill-inqas USD 200 biljun fis-sena sal-2030, inkluż permezz ta’ finanzjament innovattiv (Mira 19).

Filwaqt li tali impenji jirrappreżentaw progress importanti, għadhom ’il bogħod milli jkunu biżżejjed. Il-Qafas Globali tal-Bijodiversità jenfasizza l-iskala tal-isfida, filwaqt li jistma li hemm diskrepanza globali fil-finanzjament tal-bijodiversità ta’ USD 700 biljun fis-sena, distakk li ma jistax jitnaqqas permezz tal-finanzjament pubbliku biss. Fil-livell tal-UE, lanqas il-finanzjament pubbliku attwali, kemm jekk ġej minn sorsi tal-UE kif ukoll jekk ġej minn sorsi nazzjonali jew lokali, ma huwa biżżejjed biex jissodisfa l-ħtiġijiet tal-investimenti, li huma stmati li jlaħħqu l-EUR 65 biljun fis-sena 11 . Jibqa’ essenzjali li jkun hemm livelli kontinwi u sinifikanti ta’ finanzjament pubbliku, inklużi l-kontribuzzjonijiet tal-UE u dawk nazzjonali, f’konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat 12 , iżda biex jinkisbu l-iskala u l-veloċità meħtieġa huwa kruċjali li jkollna kombinazzjoni ta’ finanzjament pubbliku u privat.

1.2.Ir-rwol tal-finanzjament privat għan-natura

Flimkien mal-investiment tas-settur pubbliku, hemm argument ekonomiku dejjem aktar b’saħħtu favur l-involviment tas-settur privat fin-natura, b’mod partikolari permezz ta’ azzjoni pożittiva għan-natura 13 – azzjonijiet li jwaqqfu u jreġġgħu lura t-telf tan-natura, inklużi t-titjib u ż-żamma tal-bijodiversità. Għan-negozji, ir-rikonoxximent tan-natura bħala riżorsa strateġika jista’ jippermetti approċċi ġodda għall-ġestjoni tar-riskju, il-ħolqien tal-valur, u l-bini tar-reżiljenza ekonomika. L-integrazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet tal-bijodiversità fil-mudelli ta’ negozju tgħin biex jitnaqqsu r-riskji għar-reputazzjoni u dawk operazzjonali, bħan-nuqqas ta’ dakkara li qed jaffettwa r-rendimenti tal-għelejjel 14 , jew id-degradazzjoni tal-art li qed tikkawża interruzzjonijiet fil-katina tal-provvista minħabba l-kollass tal-ekosistema 15 . Tgħin ukoll biex tissaħħaħ id-distintività tal-prodott u potenzjalment biex jiġu sfruttati flussi ġodda tad-dħul. Eżempji fl-UE jinkludu kumpaniji agroalimentari li jappoġġaw lill-bdiewa fit-tranżizzjoni lejn agrikoltura riġenerattiva 16 jew mudelli ta’ finanzjament imħallat li jappoġġaw l-akkwakultura għar-restawr tal-bijodiversità tal-baħar 17 .

Il-kumpaniji li jadottaw strateġiji pożittivi għan-natura jistgħu jibbenefikaw minn aktar fiduċja tal-investituri, kundizzjonijiet finanzjarji aħjar, u reżiljenza akbar fit-tul 18 . Xi istituzzjonijiet finanzjarji qed jibdew ukoll jirrikonoxxu dan il-valur u jintegraw dejjem aktar il-bijodiversità fil-valutazzjonijiet tar-riskju, kif rifless fil-primjums, fil-kriterji ta’ self, u fid-deċiżjonijiet dwar l-investiment 19 . Pereżempju, l-assiguraturi joħolqu prodotti tal-assigurazzjoni allinjati man-natura marbuta ma’ investimenti ekoloġiċi jew jinvestu fi proġetti biex jerġgħu jistabbilixxu l-ekosistemi biex inaqqsu r-riskju tal-assigurazzjoni relatat mal-għargħar 20 . Meta l-kumpaniji joħolqu tali valur, jibbenefikaw mhux biss il-partijiet ikkonċernati inklużi l-impjegati, il-klijenti, il-fornituri, il-komunitajiet lokali, u s-soċjetà b’mod ġenerali, iżda wkoll l-azzjonisti tagħhom 21 . L-oqfsa tad-divulgazzjoni skont id-Direttiva dwar ir-Rapportar Korporattiv dwar is-Sostenibbiltà 22 , ir-Regolament dwar id-Divulgazzjonijiet relatati mas-Sostenibbiltà Finanzjarja 23 u r-Regolament tal-UE dwar it-Tassonomija 24 jistgħu jikkontribwixxu għall-espansjoni ta’ din ix-xejra.

Minkejja dan il-potenzjal ċar, it-tranżizzjoni pożittiva għan-natura mhix nieqsa mill-isfidi. Il-kostijiet bil-quddiem, il-lakuni fid-data, u d-diffikultajiet fil-kejl tal-eżiti tal-bijodiversità jistgħu jdewmu r-redditi fuq terminu qasir u jiskoraġġixxu l-investiment. Huma meħtieġa strumenti innovattivi u oqfsa abilitanti biex jingħelbu dawn l-ostakli u biex tiġi estiża l-ekonomija pożittiva għan-natura 25 .

2.Krediti tan-natura

2.1.Miċ-ċertifikazzjoni għall-krediti

Il-krediti tan-natura jistgħu jkunu għodda ewlenija biex tiġi ppremjata l-azzjoni pożittiva għan-natura permezz ta’ investiment privat għall-benefiċċju tan-natura u tan-negozji, inklużi l-bdiewa, il-forestiera, is-sidien u l-maniġers tal-artijiet, is-sajjieda, l-utenti tal-ekosistemi tal-baħar u tal-ilma ħelu, il-maniġers taż-żoni ta’ konservazzjoni, u l-komunitajiet lokali.

Bil-fatt li dawn l-atturi u partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu juru li l-azzjoni tagħhom hija pożittiva għan-natura lil hinn mill-obbligi legali individwali u mill-ġerarkija obbligatorja ta’ mitigazzjoni 26 , tista’ tiġi stimulata bidla mil-limitazzjoni tal-ħsara għat-treġġigħ lura b’mod attiv tax-xejra tat-telf tan-natura. Fil-livell tal-politika, l-Istati Membri jistgħu, pereżempju, jużaw il-krediti tan-natura biex jirrikonoxxu l-kontributi individwali għall-miri u l-obbligi nazzjonali skont ir-Regolament dwar ir-Restawr tan-Natura 27 , jew skont il-Qafas Globali tal-Bijodiversità. Dawn l-għodod jistgħu jappoġġaw ukoll użi relatati, bħad-divulgazzjonijiet sostenibbli, il-finanzjament tal-infrastruttura ħadra, jew il-pagamenti bbażati fuq ir-riżultati. Sabiex tiġi żgurata l-kredibbiltà tal-proċess, se jkun meħtieġ li jiġu kkunsidrati kriterji stretti, sostnuti minn governanza, trasparenza, u salvagwardji ċari.

Iċ-ċertifikazzjoni tipprovdi assigurazzjoni li azzjonijiet speċifiċi ta’ kwalità għolja u pożittivi għan-natura jiġu implimentati f’konformità ma’ kriterji jew prinċipji predefiniti. Tali ċertifikazzjoni tivvaluta d-disinn, l-implimentazzjoni, l-effetti miksuba u dawk li jkunu għadhom mistennija, u tipprovdi sinjal rikonoxxut ta’ integrità ambjentali bbażat fuq il-kwalità tal-intervent. Bħala rikonoxximent formali, ivverifikat b’mod indipendenti, li l-intervent jissodisfa standards miftiehma b’rabta mar-rilevanza għall-bijodiversità u mal-prattiki tajbin, iċ-ċertifikat jista’ jgħin biex jitnaqqsu r-riskji għall-finanzjaturi u tinbena fiduċja bikrija. Jista’ wkoll jappoġġa l-investiment bil-quddiem u jippermetti lill-operaturi jaċċessaw pagamenti għal azzjonijiet iċċertifikati.

Fuq dik il-bażi, kreditu tan-natura jista’ jitqies bħala unità li tirrappreżenta eżitu pożittiv għan-natura, derivat minn azzjoni ċċertifikata u vverifikata b’mod indipendenti u kkwantifikat bl-użu ta’ metrika jew indikatur rikonoxxuti tal-bijodiversità. Dawn il-metriċi u indikaturi jistgħu jkunu diversi u adattati għall-kuntest, filwaqt li jirriflettu l-eteroġeneità tal-ekosistemi u tal-eżiti. Oqfsa bħall-immappjar u valutazzjoni tal-ekosistemi u tas-servizzi tagħhom tal-UE 28 u s-Sistema ta’ Kontijiet Ekonomiċi Ambjentali tan-NU – Kontijiet tal-Ekosistema 29 joffru eżempji ta’ kif il-flessibbiltà bejn l-ekosistemi tista’ tiġi kkombinata ma’ struttura koerenti, standardizzata, u bbażata fuq ix-xjenza ta’ indikaturi u metriċi speċifiċi għall-ekosistema.

Dan il-mudell f’żewġ stadji – iċ-ċertifikazzjoni segwita mill-ikkreditar – jista’ jipprovdi l-opportunità għal mekkaniżmi ta’ finanzjament innovattivi. Iċ-ċertifikati jgħinu biex jistrutturaw u jikkatalizzaw l-investiment pożittiv għan-natura billi jipprovdu l-bażi għal pagamenti jew garanziji kuntrattwali, filwaqt li l-krediti jistgħu jimmonetizzaw l-impatt muri, u potenzjalment joffru dividendi lill-fornituri u lill-investituri bikrin. Ir-rwol taċ-ċertifikazzjoni huwa li tistruttura l-interventi u tiżgura l-kontroll tal-kwalità, filwaqt li l-krediti jsarrfu t-titjib osservat u vverifikat f’unità li tista’ tiġi rreġistrata, miġbura flimkien, maħżuna, u nnegozjata. Il-proċess jista’ jinkludi mekkaniżmu biex jaġġorna l-istatus tal-interventi maż-żmien fiċ-ċertifikat, jiffaċilita t-trasparenza, ġestjoni adattiva u, fejn xieraq, il-ħruġ progressiv ta’ krediti abbażi ta’ stadji importanti vvalidati.

Pereżempju, grupp ta’ bdiewa u maniġers tal-art li jaħdmu flimkien biex itejbu ekosistema tal-art mistagħdra jista’ jimplimenta sensiela ta’ prattiki. Ċertifikatur indipendenti rikonoxxut jivvaluta l-pjan tal-proġett, il-metodi użati, u l-effetti maħsuba tiegħu. Abbażi ta’ dan, il-grupp jirċievi ċertifikat, rikonoxximent formali li l-attività tiegħu tissodisfa standards ta’ kwalità għolja għal azzjoni pożittiva għan-natura. Dan iċ-ċertifikat jgħinhom biex jattiraw l-appoġġ finanzjarju u biex isaħħu l-fiduċja tal-partijiet ikkonċernati biex jivvalorizzaw il-prattiki tagħhom. Maż-żmien, il-proġett jiġi mmonitorjat u l-krediti tan-natura jinħarġu progressivament hekk kif jintwerew ir-riżultati. Il-ħruġ irid isegwi protokolli xjentifiċi u ta’ governanza stretti biex tiġi ggarantita l-integrità u jiġu evitati asserzjonijiet prematuri. Il-katina tal-valur tal-krediti tan-natura tinkludi intermedjarji (bħal aggregaturi jew faċilitaturi fil-livell tal-pajsaġġ), ċertifikaturi, reġistri, u akkwirenti. L-akkwirenti jistgħu jinkludu kumpaniji f’setturi downstream (eż. kumpaniji agroalimentari), istituzzjonijiet finanzjarji, entitajiet pubbliċi, jew ċittadini, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ kontribuzzjonijiet volontarji, akkwist pubbliku, jew skemi lokali ta’ qsim tal-benefiċċji.

2.2.It-tisħiħ tal-fiduċja u tal-integrità

Sabiex tiġi żgurata l-kredibbiltà tal-proċess, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti kriterji u prinċipji stretti biex tiġi żgurata t-trasparenza, jiġu evitati kunflitti ta’ interess, u jkun hemm salvagwardja kontra l-greenwashing u l-għadd doppju. Is-separazzjoni tar-rwoli bejn l-iżviluppaturi tal-proġetti, iċ-ċertifikaturi, u l-operaturi tar-reġistri hija essenzjali biex jiġu ppreżervati l-integrità tas-sistema u l-fiduċja fis-suq.

Għal ħafna kumpaniji, mill-fornituri tal-utilitajiet sal-assiguraturi, l-investiment fin-natura ma huwiex fenomenu ġdid. Diġà jeżistu diversi għodod ta’ finanzjament tan-natura bħal bonds ekoloġiċi u l-pagamenti għal servizzi tal-ekosistema. Flimkien ma’ dawn, il-krediti tan-natura bbażati fuq iċ-ċertifikati jistgħu jżidu l-valur billi joffru format verifikabbli u standardizzat għall-investiment f’azzjoni pożittiva għan-natura. Meta jkunu mfassla kif xieraq, dawn jistgħu jsiru għodda ewlenija biex jiġu diretti l-investimenti privati u tiġi ppremjata l-azzjoni pożittiva għan-natura.

Fejn possibbli, iċ-ċertifikazzjoni għandha tibni fuq l-istandards u l-oqfsa eżistenti tal-UE, pereżempju l-iskema tal-biedja organika 30 , u tallinja magħhom, biex timminimizza l-piż amministrattiv. Minflok jiffunzjonaw b’mod iżolat, il-krediti tan-natura għandhom għalhekk jiġu integrati f’dan il-qafas usa’ u jirriżultaw bħala strument trasformattiv.

2.3.Inizjattivi reċenti u s-swieq ġodda emerġenti

Għalkemm għadhom fi stadju bikri tal-iżvilupp, il-potenzjal stmat tal-krediti tan-natura huwa sinifikanti. Fil-livell globali, l-iżvilupp evolva b’mod rapidu f’dawn l-aħħar snin, b’aktar minn 50 inizjattiva rrapportata ta’ ċertifikazzjoni u krediti tan-natura 31 . Inizjattivi internazzjonali, immexxija minn koalizzjonijiet ta’ esperti bħall-Alleanza għall-Krediti tal-Bijodiversità (BCA, Biodiversity Credits Alliance) 32 , il-Forum Ekonomiku Dinji (WEF, World Economic Forum) 33 , u l-Panel Konsultattiv Internazzjonali dwar il-Krediti tal-Bijodiversità (IAPB, International Advisory Panel on Biodiversity Credits) 34 , u oqfsa volontarji tad-divulgazzjoni tan-natura bħat-Task Force dwar id-Divulgazzjonijiet Finanzjarji relatati man-Natura (TNFD, Taskforce on Nature-Related Financial Disclosures) 35 u n-Network tal-Miri Bbażati fuq ix-Xjenza (SBTN, Science-Based Targets Network) 36 , qed jikkonverġu madwar prinċipji komuni għal sistemi kredibbli u b’integrità għolja, bħall-addizzjonalità, l-attribuzzjoni, il-miżurabbiltà, il-permanenza, in-nuqqas ta’ għadd doppju, it-trasparenza, is-salvagwardji soċjali u ambjentali, l-allinjament mal-għanijiet globali u l-użi potenzjali.

Fl-istess ħin, diversi Stati Membri u pajjiżi mhux tal-UE qed jittestjaw mudelli ta’ finanzjament tal-bijodiversità li jħalltu kapital pubbliku u privat. Fl-UE, Franza adottat sistema bbażata fuq il-ħolqien ta’ siti ta’ kumpens naturali, restawr, u rinaturazzjoni 37 , l-Irlanda fasslet skema finanzjarja volontarja għar-restawr tat-torbieri 38 , u reċentement il-Finlandja implimentat sistema volontarja biex tappoġġa l-isforzi nazzjonali favur il-bijodiversità 39 . Fi Stati Membri oħra – inklużi l-Belġju, il-Ġermanja, l-Italja, in-Netherlands, il-Portugall, Spanja, is-Slovakkja, u l-Iżvezja – korpi mhux governattivi bħal organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, maniġers tal-artijiet, u korpi finanzjarji qed jittestjaw b’mod attiv l-iskemi ta’ ċertifikazzjoni u ta’ kreditu tal-bijodiversità u tan-natura. Barra minn hekk, ir-Renju Unit dan l-aħħar implimenta l-politika tiegħu dwar il-Gwadann Nett tal-Bijodiversità (Biodiversity Net Gain) 40 , skema obbligatorja għall-maniġers u l-iżviluppaturi tal-artijiet biex jirrestawraw l-ekosistemi.

Filwaqt li s-swieq tal-kreditu tan-natura qed jevolvu globalment, l-UE tinsab f’pożizzjoni tajba biex ikollha rwol ta’ gwida f’dan il-qasam, bis-saħħa tal-qafas regolatorju komprensiv tagħha, li jiżgura l-protezzjoni tal-konsumatur, l-obbligu ta’ rendikont korporattiv, u t-trasparenza f’investimenti li huma pożittivi għan-natura.

3.Nitgħallmu mill-esperjenza bis-swieq tal-karbonju u nibnu fuqha

Il-krediti tan-natura jiffaċċjaw ħafna mill-istess sfidi bħal sistemi oħra li jiddependu fuq iċ-ċertifikazzjoni, bħal dawk għall-biedja organika jew għall-effiċjenza enerġetika, li għandhom l-istess għan li jidentifikaw u jippremjaw eżiti ambjentali ta’ benefiċċju. Fir-rigward tal-ħolqien ta’ swieq għall-krediti tan-natura, is-swieq tal-karbonju jistgħu joffru għarfien utli għat-tfassil ta’ sistemi b’integrità għolja, reżiljenti, inklużivi, u fdati.

L-iżviluppi reċenti fis-swieq volontarji tal-karbonju juru kemm sfidi kif ukoll opportunitajiet. It-tħassib dwar l-integrità u dwar ir-riskju tal-greenwashing ikkawżaw tnaqqis f’dawn is-swieq filwaqt li, fl-istess ħin, il-preferenza tal-akkwirenti u d-domanda għal proġetti ta’ kwalità għolja li jinkludu kobenefiċċji ambjentali u soċjali baqgħu b’saħħithom 41 . Dan jenfasizza l-importanza li jitqiegħdu pedamenti b’saħħithom għas-swieq tal-krediti tan-natura fi stadju bikri, inkluż kemm fuq in-naħa tal-provvista kif ukoll fuq in-naħa tad-domanda. Għalhekk, huwa importanti li jiġu prijoritizzati standards ambizzjużi u xjentifikament rigorużi, monitoraġġ indipendenti, każijiet ċari ta’ użu u pretensjoni, u governanza affidabbli biex jiġu evitati riskji għar-reputazzjoni.

Ir-Regolament tal-UE dwar l-Assorbimenti tal-Karbonju u l-Kultivazzjoni Karbonika (CRCF, EU Regulation on Carbon Removals and Carbon Farming) 42 jistabbilixxi sistema ta’ ċertifikazzjoni volontarja għall-assorbimenti tal-karbonju u t-tnaqqis tal-emissjonijiet ibbażat fuq l-ekosistema miksub fl-UE, mibni fuq monitoraġġ, rapportar, u verifika robusti. Jintroduċi l-proċess f’żewġ stadji ta’ ċertifikati ta’ konformità u ta’ unitajiet iċċertifikati li jissimplifika l-aċċess għall-finanzjament privat u jankra s-sistema ma’ kriterji stretti għall-kwantifikazzjoni, l-addizzjonalità, il-ħżin fit-tul, u s-sostenibbiltà.​ B’mod partikolari, jitlob li l-attivitajiet tal-kultivazzjoni karbonika jiġġeneraw kobenefiċċji għall-bijodiversità u għas-servizzi tal-ekosistema. Jistgħu jiġu inklużi wkoll kobenefiċċji volontarji oħra, u b’hekk jiġi stabbilit preċedent importanti għal oqfsa futuri ffukati fuq il-bijodiversità. Dan jikkorrispondi ma’ xejra li qiegħda tikber fis-suq: l-akkwirenti qed japprezzaw dejjem aktar il-krediti robusti li joffru l-kobenefiċċji, b’mod partikolari dawk marbuta ma’ soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura. L-integrazzjoni tal-bijodiversità fiċ-ċertifikazzjoni tal-karbonju mhux biss tista’ ssaħħaħ il-kredibbiltà ekoloġika tal-unitajiet iċċertifikati iżda wkoll tiffamiljarizza lill-akkwirenti mal-eżiti tal-bijodiversità, u b’hekk potenzjalment tistabbilixxi l-pedament għal swieq awtonomi tal-kreditu tan-natura. Il-leġiżlazzjoni sekondarja tar-Regolament tal-UE dwar l-Assorbimenti tal-Karbonju u l-Kultivazzjoni Karbonika li qed tiġi żviluppata se tinkludi dispożizzjonijiet għall-verifika minn partijiet terzi indipendenti u għal għodod ibbażati fuq ix-xjenza biex jiġu vvalutati r-riskji ta’ permanenza u ta’ treġġigħ lura, biex jgħinu sabiex terġa’ tinkiseb il-fiduċja fil-prestazzjoni ċċertifikata u akkreditata.

Jistgħu jinkisbu tagħlimiet siewja mis-swieq tal-karbonju sabiex jiġu ffaċilitati l-progress inizjali u l-koerenza tal-politiki, u jiġi minimizzat il-piż amministrattiv. Fl-istess ħin, huwa meħtieġ li jitqiesu karatteristiċi speċifiċi tal-krediti tan-natura, inklużi l-metriċi, l-iskopijiet u s-salvagwardji, kif ukoll l-ispeċifiċità tas-sit, il-miżurabbiltà, u l-latenza tal-eżiti tal-bijodiversità. Il-krediti tan-natura jistgħu jkopru wkoll kamp ta’ applikazzjoni usa’, peress li jistgħu japplikaw għal interventi u żoni mhux marbuta jew b’potenzjal addizzjonali limitat ta’ sekwestru tal-karbonju iżda b’valur għoli ta’ bijodiversità, bħall-appoġġ għad-dakkara jew ir-restawr ta’ ekosistemi xotti.

4.L-iżvilupp ta’ krediti tan-natura

Sa mill-bidu ta’ dan il-mandat, il-Kummissjoni kkonsultat mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati biex imexxu ’l quddiem il-ħidma dwar dan is-suġġett. Dawn il-konsultazzjonijiet urew ħtieġa ċara li jiġi stabbilit proċess kollaborattiv – kemm fl-UE kif ukoll internazzjonalment – mibni fuq prinċipji b’integrità għolja, it-trasparenza, u kontribut xjentifikament robust. Il-partijiet ikkonċernati enfasizzaw l-importanza li jiġu ppremjati mhux biss interventi ġodda iżda wkoll il-konservazzjoni tan-natura li diġà għaddejja u ż-żamma ta’ prattiki tajbin. Enfasizzaw ukoll l-importanza li jiġu kkunsidrati l-isfidi relatati mal-aspetti lokali tal-bijodiversità u tas-sjieda tal-art, it-tagħlimiet meħuda mis-suq tal-karbonju, l-aċċessibbiltà għall-operaturi fuq skala żgħira, l-inċentivi tas-suq, u l-ħtieġa ta’ koerenza mal-politiki eżistenti.

Abbażi ta’ dan il-kontribut, l-iżvilupp tal-krediti tan-natura se jeħtieġ diversi stadji:

·L-istabbiliment ta’ kooperazzjoni mill-qrib fost l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati biex jisfruttaw l-għarfien espert tagħhom sabiex jiżviluppaw fehim komuni, filwaqt li tiġi inkoraġġita wkoll il-kooperazzjoni internazzjonali;

· L-iżvilupp ta’ metodoloġiji b’integrità għolja u trasparenti b’enfasi ċara fuq is-sempliċità u l-utilizzabbiltà, filwaqt li jiġu żgurati l-governanza u salvagwardji kredibbli biex jiġu evitati riskji għar-reputazzjoni, inklużi l-greenwashing, l-għadd doppju, u t-tnixxija;

·L-identifikazzjoni u l-iżvilupp tad-domanda u l-provvista tas-suq;

·Fejn meħtieġ, il-forniment ta’ finanzjament pubbliku ta’ avvjament, bħal faċilitajiet għat-tnaqqis tar-riskji, vetturi ta’ finanzjament imħallat, u għotjiet għall-assistenza teknika, biex jingħata bidu għall-krediti tan-natura.

Dawn l-ewwel passi se juru jekk tkunx meħtieġa azzjoni regolatorja ulterjuri fil-livell tal-UE, kif ukoll liema sfidi u opportunitajiet dan iġib għas-setturi ewlenin. Il-ħtiġijiet speċifiċi u d-dimensjonijiet spiss lokali jew reġjonali tan-natura u tal-bijodiversità jissuġġerixxu wkoll li dawn is-swieq jistgħu l-ewwel jiġu ttestjati lokalment, qabel ma jiġu estiżi. Dan jista’ jimxi b’mod parallel mal-involviment fil-livell internazzjonali.

4.1.L-iżgurar ta’ kooperazzjoni b’saħħitha fost il-partijiet ikkonċernati tal-UE u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali

L-effettività ta’ suq tiddependi fuq l-appoġġ min-naħa tal-atturi tiegħu. Għalhekk, l-azzjoni tal-UE se tibda billi jissawwar involviment sinifikattiv fost il-partijiet ikkonċernati fl-UE u internazzjonalment.

Sabiex tagħti bidu għall-proċess, il-Kummissjoni għalhekk se tniedi sejħa għal espressjonijiet ta’ interess fil-parteċipazzjoni fi grupp ġdid ta’ esperti tal-UE dwar il-krediti tan-natura. Dan il-grupp se jaqsam l-għarfien, jippromwovi l-kollaborazzjoni, jidentifika l-aħjar prattiki, u jipprovdi kontribuzzjonijiet fuq metodoloġiji, sistemi ta’ ċertifikazzjoni, approċċi ta’ monitoraġġ, u mudelli ta’ governanza differenti. Il-governanza tal-grupp se tiżgura metodi ta’ ħidma ssimplifikati. Il-parteċipazzjoni se tkun inklużiva, u se tkopri esperti individwali, rappreżentanti tal-Istati Membri, entitajiet pubbliċi oħra, u firxa komprensiva ta’ partijiet ikkonċernati, bħal bdiewa, forestiera, sidien u maniġers tal-artijiet, sajjieda, utenti tal-ekosistemi tal-baħar u tal-ilma ħelu, maniġers taż-żoni ta’ konservazzjoni, komunitajiet lokali, negozji, u investituri li joperaw fl-UE u internazzjonalment, inklużi intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), komunitajiet xjentifiċi, u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Għandha tingħata attenzjoni partikolari wkoll biex jiġi żgurat li l-komunitajiet indiġeni u lokali (IPLCs, Indigenous Peoples and Local Communities) jiġu inklużi b’mod sinifikattiv, b’rispett sħiħ għad-drittijiet, is-sistemi tal-għarfien, u r-rwoli tagħhom bħala promoturi tal-bijodiversità.

Azzjoni [2025]: Il-Kummissjoni se tistabbilixxi grupp ta’ esperti dwar il-krediti tan-natura biex timmobilizza l-għarfien espert, tikkondividi l-aħjar prattiki u tipprovdi inputs.

Il-Kummissjoni se tikkontribwixxi għal din il-ħidma permezz tal-inizjattivi tagħha ta’ riċerka, innovazzjoni, u pilota, inkluż mill-Orizzont Ewropa u mill-programm LIFE. Firxa ta’ proġetti pilota madwar l-UE u lil hinn minnha diġà qed jittestjaw approċċi reali għall-krediti tan-natura, filwaqt li qed jiġġeneraw esperjenza essenzjali biex jiggwidaw il-politika u l-prattika futuri. Pereżempju, fl-Estonja u fi Franza, proġetti pilota qed jesploraw kif il-krediti tan-natura jistgħu jappoġġaw azzjoni pożittiva għan-natura fil-foresti u fl-artijiet mistagħdra. Barra mill-UE, proġett fil-Perù qed jivvaluta kif il-kumpaniji bbażati fl-UE jistgħu jikkontribwixxu għall-konservazzjoni tal-bijodiversità barra mill-pajjiż filwaqt li jissodisfaw l-istandards ta’ rapportar tal-UE dwar is-sostenibbiltà 43 . Għaddejjin ukoll proġetti speċifiċi għall-ittestjar tal-metodoloġiji ta’ monitoraġġ, rapportar, u verifika, inkluż fir-rigward tal-użu ta’ għodod ta’ telerilevament u ġeospazjali, bl-assistenza tal-Aġenzija Spazjali Ewropea 44 u tas-Servizzi ta’ Copernicus 45 . Xi wħud minn dawn il-proġetti huma appoġġati direttament mill-Kummissjoni, filwaqt li oħrajn huma appoġġati mill-awtoritajiet nazzjonali, minn istituzzjonijiet tar-riċerka, u/jew mis-soċjetà ċivili.

Fil-livell internazzjonali, il-Kummissjoni se tfittex li taħdem saħansitra aktar mill-qrib f’fora ewlenin bħall-Alleanza għall-Kreditu tal-Bijodiversità, il-Forum Ekonomiku Dinji, u l-Panel Konsultattiv Internazzjonali dwar il-Krediti tal-Bijodiversità. L-għan huwa li tiżgura li l-iżvilupp tal-politika tal-UE jkun ibbażat fuq standards globali emerġenti, filwaqt li tgħin ukoll fit-tiswir internazzjonali tal-iżvilupp tas-swieq tal-kreditu tan-natura. B’mod parallel, l-UE għandha trawwem il-kooperazzjoni internazzjonali qabel l-istadji importanti globali ewlenin, inkluża l-Konferenza li jmiss tal-Partijiet tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (KDB).

Azzjoni [2025-2026]: Il-Kummissjoni se tinvolvi ruħha f’fora internazzjonali u ma’ sħab internazzjonali tal-istess fehma, inkluż fit-tħejjija għall-KDB COP 17.

4.2.L-iżvilupp ta’ metodoloġiji u governanza robusti

4.2.1.Metodoloġiji tal-kultivazzjoni karbonika b’kobenefiċċji għall-bijodiversità

Wara d-dħul fis-seħħ tal-ewwel metodoloġiji, ippjanati għall-bidu tal-2026, il-qafas tar-Regolament tal-UE dwar l-Assorbimenti tal-Karbonju u l-Kultivazzjoni Karbonika se jippermetti ċ-ċertifikazzjoni ta’ attivitajiet tal-kultivazzjoni karbonika b’kobenefiċċji għall-bijodiversità, bħat-tixrib mill-ġdid tat-torbieri, it-tħawwil tas-siġar, u l-agrikoltura u l-agroforestrija sostenibbli, filwaqt li jiżgura li anki l-proġetti ta’ sekwestru tal-karbonju jipproteġu u jirrestawraw il-bijodiversità u l-ekosistemi.

Azzjoni [2026]: Il-Kummissjoni se tadotta l-ewwel metodoloġiji tal-kultivazzjoni karbonika fl-ambitu tar-Regolament tal-UE dwar l-Assorbimenti tal-Karbonju u l-Kultivazzjoni Karbonika b’kobenefiċċji obbligatorji għall-bijodiversità.

4.2.2.It-tfassil ta’ metodoloġiji u ta’ oqfsa ta’ governanza tal-UE għall-krediti tan-natura

Il-kriterji u l-metodoloġiji għaċ-ċertifikazzjoni ta’ azzjoni pożittiva għan-natura jridu jiżguraw livell għoli ta’ trasparenza, integrità min-naħa tal-provvista u min-naħa tad-domanda, u jipprevjenu r-riskji, filwaqt li jkunu sempliċi u prattiċi u jiddependu, kull fejn possibbli, fuq prinċipji jew standards eżistenti.

Il-Kummissjoni se tistieden lill-grupp ta’ esperti biex jipprovdi għarfien espert dwar il-kriterji u l-metodoloġiji, billi jimmappja prattiki nazzjonali u internazzjonali eżistenti u jagħmel skambji dwarhom, u billi jidentifika l-għażliet ewlenin u l-isfidi ewlenin assoċjati mal-krediti tan-natura.

Azzjoni [nofs l-2026]: Il-Kummissjoni se tistieden lill-grupp ta’ esperti biex jipprovdi l-għarfien espert tiegħu dwar il-kriterji u l-metodoloġiji għas-swieq tal-kreditu tan-natura.

Għal swieq kredibbli tal-krediti tan-natura, huwa essenzjali li jkun hemm oqfsa ta’ governanza robusti. Dawn iridu jiddefinixxu b’mod ċar ir-regoli għas-sjieda, għar-reġistrazzjoni, għat-trasferiment tal-krediti, għall-verifika indipendenti, kif ukoll għall-obbligazzjonijiet assoċjati man-nuqqas ta’ prestazzjoni jew mat-treġġigħ lura ta’ azzjoni pożittiva għan-natura. Bħalissa, in-nuqqas ta’ qafas aċċettat b’mod wiesa’ għall-kejl, ir-rapportar, u l-verifika tal-krediti tan-natura, flimkien man-nuqqas ta’ rikonoxximent reċiproku fost l-Istati Membri, joħloq inċertezza u riskji li jimminaw l-integrità tas-suq.

Fit-tfassil ta’ qafas ta’ governanza, iridu jitqiesu diversi aspetti biex is-setturi produttivi jintegraw in-natura fil-mudelli ta’ negozju tagħhom, filwaqt li jiġi ssalvagwardjat ir-rwol multifunzjonali tal-ekosistemi tal-art, tal-ilma ħelu, u tal-baħar. Għandha tingħata attenzjoni lis-sempliċità, il-faċilità tal-użu, u s-sinerġiji ma’ politiki oħra tal-UE, kif ukoll għad-drittijiet tas-sjieda, inklużi dawk relatati mad-data. Huwa importanti wkoll li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet speċifiċi tal-bdiewa b’azjendi agrikoli żgħar u tal-SMEs, f’konformità mal-prinċipju “aħseb l-ewwel fuq skala żgħira”.

Azzjoni [2027]: Il-Kummissjoni se tistieden lill-grupp ta’ esperti biex jipprovdi l-għarfien espert tiegħu dwar it-tfassil ta’ oqfsa ta’ governanza għall-krediti tan-natura, b’kunsiderazzjonijiet partikolari għal bdiewa b’azjendi agrikoli żgħar u Intrapriżi Żgħar u ta’ Daqs Medju.

4.3.It-trawwim tal-prontezza għas-swieq tal-krediti tan-natura

B’mod parallel mal-ħidma dwar il-kriterji, il-metodoloġiji, u l-governanza, se tkun meħtieġa aktar ħidma biex jiġu identifikati l-provvista u d-domanda tas-suq u jiġu indirizzati ostakli jew konġestjonijiet potenzjali. Dan jeħtieġ aktar evalwazzjoni tas-suq u tax-xejriet, b’mod partikolari dwar il-fatturi li jixprunaw l-investiment u dwar il-kapaċità tal-atturi, inklużi l-bdiewa b’azjendi agrikoli żgħar, li jiġġeneraw il-provvista u d-domanda għall-krediti tan-natura.

Il-politiki eżistenti tal-UE jistgħu jkunu mutur importanti f’dan il-proċess. Pereżempju, ir-Regolament dwar ir-Restawr tan-Natura jipprovdi qafas b’saħħtu għar-restawr tal-ekosistema, u joħloq sinjali prevedibbli tad-domanda għall-investituri pubbliċi u privati. Huwa pedament għall-ġenerazzjoni ta’ azzjonijiet pożittivi għan-natura li jistgħu jiġu rikonoxxuti u vverifikati. Il-potenzjal tal-krediti tan-natura għall-finanzjament tar-restawr tan-natura, b’mod komplementari għall-finanzjament pubbliku u finanzjament privat ieħor, se jiġi rikonoxxut fir-Rapport li jmiss dwar il-Finanzjament tar-Restawr tan-Natura 46 .

Azzjoni [2025-2026]: Il-Kummissjoni se twettaq evalwazzjoni madwar l-UE kollha tal-provvista u d-domanda għall-krediti tan-natura. Minn hemm ’il quddiem , fuq din il-bażi, il-Kummissjoni se tistieden lill-grupp ta’ esperti jipprovdi inputs dwar kif jistgħu jitrawmu s-swieq tal-kreditu tan-natura. 

4.4.Finanzjament pubbliku ta’ avvjament biex jingħata bidu għall-krediti tan-natura

L-iżvilupp ta’ swieq tal-kreditu tan-natura robusti u skalabbli jista’ jkompli jiġi appoġġat b’finanzjament pubbliku jew pubbliku-privat immirat ta’ avvjament jew b’mekkaniżmi ta’ tnaqqis tar-riskju biex jiġu ppremjati u jiżdiedu inizjattivi ta’ ċertifikazzjoni bikrija tal-bijodiversità u ta’ krediti tan-natura li huma essenzjali biex jiġi attirat il-kapital privat. Mingħajr dan l-appoġġ bil-quddiem, huwa probabbli li l-kostijiet għoljin tat-tranżazzjoni, l-informazzjoni frammentata, u l-inċertezza dwar ir-redditi se jkomplu jillimitaw l-espansjoni tal-finanzjament għan-natura. Diġà għaddejja ħidma esploratorja maċ-Ċentru ta’ Konsulenza InvestEU tal-Bank Ewropew tal-Investiment 47 , inkluż dwar ir-restawr tat-torbieri, u ma’ Green Assist fl-ambitu tal-programm LIFE 48 , biex jiġu żviluppati approċċi prattiċi għat-tnaqqis tad-distakk bejn il-provvista u d-domanda għall-krediti tan-natura.

Filwaqt li ċ-ċertifikazzjoni toffri l-possibbiltà għal rimunerazzjoni bil-quddiem, xorta tinvolvi kost għall-operaturi. Barra minn hekk, l-istabbiliment tas-sistema ta’ governanza jinvolvi wkoll kostijiet u piż amministrattiv għas-settur privat u għal dak pubbliku, għalkemm il-kost huwa mistenni li jkun kopert mill-valwazzjoni tal-krediti tan-natura.

Bħala prekursur għall-krediti tan-natura ffinanzjati mis-settur privat, il-finanzjament pubbliku ta’ avvjament, inkluż dak mill-fondi tal-UE disponibbli biex jappoġġaw il-kompetittività tal-UE u proġetti Ewropej innovattivi fil-qasam tat-tranżizzjoni nadifa, jista’ jkollhom rwol importanti, billi jipprovdu garanziji u/jew sors prevedibbli ta’ dħul lill-atturi involuti f’azzjoni pożittiva għan-natura.

Azzjoni [2025-2027]: Se jitnieda proġett pilota dwar il-krediti tan-natura u se jiġi appoġġat mill-fondi tal-UE disponibbli biex jappoġġaw il-kompetittività tal-UE u proġetti Ewropej innovattivi.

4.5.Il-passi li jmiss

Matul il-perjodu bejn l-2025 u l-2027, il-Kummissjoni se tieħu l-azzjonijiet deskritti hawn fuq biex tgħin fl-iżvilupp ta’ swieq tal-kreditu tan-natura f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, mal-partijiet ikkonċernati, u mas-sħab internazzjonali. Peress li l-involviment tal-bdiewa u tal-forestiera huwa kruċjali għas-suċċess tal-krediti tan-natura, il-Kummissjoni se tinvolvi mill-qrib lill-Bord Ewropew għall-Agrikoltura u għall-Ikel 49 .

Din il-ħidma kollaborattiva se twitti t-triq għal esplorazzjoni ulterjuri tal-għażliet ta’ politika, inkluż kif l-arkitettura tal-karbonju eżistenti tista’ tiġi sfruttata biex tinħoloq taqsima ġdida ddedikata għall-krediti tan-natura, li tillimita l-kostijiet tal-implimentazzjoni f’konformità mal-objettivi tas-simplifikazzjoni. Peress li s-swieq tal-krediti tan-natura għadhom qed jiżviluppaw, jistgħu jiġu esplorati mekkaniżmi usa’ biex tiġi appoġġata l-ġenerazzjoni tad-domanda, inkluż l-inċentivar tal-użu permezz ta’ regoli dwar id-divulgazzjoni u l-akkwist, inċentivi fiskali, rekwiżiti settorjali, jew għodod regolatorji oħra.

It-tagħlimiet meħuda minn skemi nazzjonali, proġetti pilota, eżempji internazzjonali, u l-akkademja se jikkontribwixxu għal dan il-proċess filwaqt li jiżguraw li kwalunkwe strument ġdid potenzjali jkun ibbażat fuq ix-xjenza u l-fattibbiltà prattika, u jkun allinjat mal-objettivi tal-UE u internazzjonali.

Azzjoni [2027]: Abbażi tal-esperjenza u tal-konsultazzjonijiet, u l-inputs mill-grupp ta’ esperti, il-Kummissjoni se tirrevedi l-progress li sar u tikkunsidra l-passi li jmiss għall-iżvilupp u l-espansjoni tas-swieq tal-kreditu tan-natura.

Konklużjoni

Il-passi deskritti f’dan il-pjan direzzjonali stabbilew perkors biex dawn il-pedamenti jinbidlu f’azzjoni ta’ politika b’metodoloġiji robusti, proċessi ta’ ċertifikazzjoni sodi, u oqfsa ta’ governanza inklużivi, kif ukoll l-iffaċilitar ta’ punti ta’ provvista u domanda b’integrità għolja għall-krediti tan-natura. Fil-proċess, l-enfasi se tkun fuq l-iżgurar tas-sussidjarjetà, l-integrità, is-sempliċità, u l-minimizzazzjoni tal-piż amministrattiv mill-bidu nett.

Il-partijiet ikkonċernati kollha huma mistiedna jissottomettu l-fehmiet u l-kontribuzzjonijiet tagħhom dwar l-elementi stabbiliti f’dan il-pjan direzzjonali kif ukoll dwar kwalunkwe kwistjoni oħra li jixtiequ jqajmu dwar il-krediti tan-natura.

(1) Il-Bank Ċentrali Ewropew, “Nature’s bell tolls for thee, economy!”, Diskors, it-22 ta’ Mejju 2025. https://www.ecb.europa.eu/press/key/date/2025/html/ecb.sp250522~b371549cb6.en.html .
(2) Il-bijodiversità hija mifhuma bħala “il-varjabbiltà fost l-organiżmi ħajjin mis-sorsi kollha inklużi, fost l-oħrajn, ekosistemi terrestri, tal-baħar u ekosistemi akkwatiċi oħrajn u l-kumplessi ekoloġiċi li huma jagħmlu parti minnhom; dan jinkludi d-diversità fi ħdan l-ispeċijiet, bejn l-ispeċijiet u tal-ekosistemi” ( l-Artikolu 2 , il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika). B’mod simili għall- Qafas Kunċettwali tal-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-servizzi Ekosistemiċi (IPBES, Intergovernmental Science-Policy Platform on Biodiversity and Ecosystem Services), in-“natura” hija kunċett usa’ li jkopri d-dinja naturali, inklużi l-bijodiversità u l-interazzjonijiet tagħha mal-ambjent. L-użu ta’ “ċertifikazzjoni” u “krediti” huwa spjegat fit-Taqsima 2.
(3) Viżjoni għall-Agrikoltura u għall-Ikel Insawru flimkien settur tal-biedja u tal-ikel attraenti tal-UE għall-ġenerazzjonijiet futuri; COM/2025/75 final. https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=celex:52025DC0075  
(4) L-Istrateġija Ewropea għar-Reżiljenza tal-Ilma; COM(2025) 280 final. https://circabc.europa.eu/ui/group/1c566741-ee2f-41e7-a915-7bd88bae7c03/library/b560bc22-6a61-4b63-b62b-a7fe890ea177/details  
(5) Il-Patt Ewropew għall-Oċeani: COM(2025)281 final. https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/ALL/?uri=comnat:COM_2025_0281_FIN  
(6) Il-Forum Ekonomiku Dinji, “Nature Risk Rising: Why the Crisis Engulfing Nature Matters for Business and the Economy”, id-19 ta’ Jannar 2020. https://www.weforum.org/publications/nature-risk-rising-why-the-crisis-engulfing-nature-matters-for-business-and-the-economy/ . Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, “The EU economy’s dependency on nature”, JRC 140003, it-28 ta’ Frar 2025. https://publications.jrc.ec.europa.eu/repository/handle/JRC140003
(7) Ceglar, A., Parker, M., Pasqua, C., Boldrini, S., Gabet, M., et al., Economic and financial impacts of nature degradation and biodiversity loss. Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) Bullettin Ekonomiku, Ħarġa 6, 2024. https://www.ecb.europa.eu/press/economic-bulletin/articles/2024/html/ecb.ebart202406_02~ae87ac450e.mt.html .
(8) Dawn is-servizzi tal-ekosistema huma l-provvista tal-għelejjel, il-provvista tal-injam, id-dakkir, is-sekwestru tal-karbonju, il-kontroll tal-għargħar, il-purifikazzjoni tal-ilma, ir-rikreazzjoni tan-natura, il-provvista tal-ilma, il-filtrazzjoni tal-arja, il-qabdiet ta’ ħut tal-baħar. Il-Kummissjoni Ewropea: Eurostat, Vysna, V., Maes, J., Petersen, J.-E., La Notte, A. et al., Accounting – for ecosystems and their services in the European Union (INCA) – Final report from phase II of the INCA project aiming to develop a pilot for an integrated system of ecosystem accounts for the EU – 2021. edition, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, 2020. https://data.europa.eu/doi/10.2785/197909 . La Notte, A., Grammatikopoulou, I., Zurbaran-Nucci, M., Marques, A., Ferrini, S. et al., Linking accounts for ecosystem services and benefits to the economy through bridging (LISBETH). Part II, How to use ecosystem services accounting to provide the financial sector with a more robust, systematic and consistent environmental metric, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2022. https://data.europa.eu/doi/10.2760/010621 .
(9) Matul l-2021-2027, il-kontribuzzjoni għall-bijodiversità kienet stmata għal madwar EUR 64 biljun mill-politika agrikola komuni, EUR 16-il biljun mill-politiki ta’ koeżjoni, EUR 7 biljun minn Orizzont Ewropa: Il-Kummissjoni Ewropea, “Integrazzjoni tal-bijodiversità”, is-sit web tal-Kummissjoni Ewropea. https://commission.europa.eu/strategy-and-policy/eu-budget/performance-and-reporting/horizontal-priorities/green-budgeting/biodiversity-mainstreaming_mt
(10)   Qafas Globali tal-Bijodiversità ta’ Kunming-Montreal: Id-Deċiżjoni Adottata mill-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika: CBD/COP/DEC/15/4. https://www.cbd.int/gbf
(11) Ir-Rieżami tal-Implimentazzjoni Ambjentali 2025 (għad irid joħroġ).
(12) Il-Kummissjoni Ewropea, id-DĠ Kompetizzjoni, “Leġiżlazzjoni dwar l-Għajnuna mill-Istat”. https://competition-policy.ec.europa.eu/state-aid/legislation_mt .
(13) https://www.naturepositive.org/what-is-nature-positive/ . Ara wkoll Lammerant J. & Verhelst J., Nature positive in a business context: current working definition, Rapport Tematiku f’isem il-Pjattaforma tal-UE għan-Negozju u l-Bijodiversità, Diċembru 2022. Disponibbli https://green-forum.ec.europa.eu/news/how-positive-will-nature-positive-be-eu-bb-platform-thematic-report-provides-meaningful-insights-2022-12-16_mt . U ara Nature Positive Initiative: https://www.naturepositive.org/what-is-nature-positive/ .
(14) Turo, K.J., Reilly, J.R., Fijen, T.P.M., Magrach, A., Winfree, R. (2024) “Insufficient pollinator visitation often limits yield in crop systems worldwide”, Nature Ecology & Evolution, 8(9), pp. 1612–1622. Disponibbli https://www.nature.com/articles/s41559-024-02460-2 .
(15)  Marsden, L., Ryan-Collins, J., Abrams, J., u Lenton, T. (2024). Ecosystem tipping points: Understanding risks to the economy and financial system. UCL Institute for Innovation and Public Purpose, Policy Report 2024/03. Disponibbli https://www.ucl.ac.uk/bartlett/public-purpose/2024/apr/ecosystem-tipping-points .
(16) Manshanden, M., Jellema, A., Sukkel, W., Hennen, W. H. G. J., Jongeneel, R, et al. (2023) Regenerative agriculture in Europe: An overview paper on the state of knowledge and innovation in Europe. Wageningen Economic Research. https://doi.org/10.18174/629483 . Borgman, E., Fischer Bogason, R., Engelbrecht Hansen, A., Møller Nielsen, A., Bennun, L. (2023) Biodiversity and financing: Review of tools in the Nordic countries. https://norden.diva-portal.org/smash/record.jsf?pid=diva2%3A1803819&dswid=5871 .
(17)  Global Seaweed Coalition u l-BEI, “Financing opportunities for EIB in support of sustainable seaweed and bivalve sectors in the EU, and criteria to ensure their sustainability”, it-13 ta’ Marzu 2025. https://www.safeseaweedcoalition.org/europe-seaweed-bivalve-report/ .
(18) Il-Forum Ekonomiku Dinji (2024) Financing the Nature-Positive Transition: Understanding the Role of Banks, Investors and Insurers. Briefing mill-Uffiċjal Kap Eżekuttiv. https://www3.weforum.org/docs/WEF_Financing_Nature-Positive_CEO_Briefing_2024.pdf
(19) Network għall-Ekoloġizzazzjoni tas-Sistema Finanzjarja (NGFS, Network for Greening the Financial System), “Nature-related Financial Risks: a Conceptual Framework to guide Action by Central Banks and Supervisors”. Is-7 ta’ Settembru 2023. https://www.ngfs.net/en/press-release/ngfs-publishes-conceptual-framework-nature-related-financial-risks-launch-event-paris
(20) Il-Bank Ewropew tal-Investiment, Hudson, G., Hart, S. U Verbeek, A., Investing in nature-based solutions – State-of-play and way forward for public and private financial measures in Europe, il-Bank Ewropew tal-Investiment, 2023. https://data.europa.eu/doi/10.2867/031133
(21) Il-Forum Ekonomiku Dinji, “Davos Manifesto 2020: The Universal Purpose of a Company in the Fourth Industrial Revolution”, it-2 ta’ Diċembru 2019. https://www.weforum.org/stories/2019/12/davos-manifesto-2020-the-universal-purpose-of-a-company-in-the-fourth-industrial-revolution/
(22) Id-Direttiva (UE) 2022/2464 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 li temenda r-Regolament (UE) Nru 537/2014, id-Direttiva 2004/109/KE, id-Direttiva 2006/43/KE u d-Direttiva 2013/34/UE, fir-rigward tar-rapportar korporattiv dwar is-sostenibbiltà (ĠU L 322, 16.12.2022). https://eur-lex.europa.eu/eli/dir/2022/2464/oj
(23) Ir-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà fis-settur tas-servizzi finanzjarji (ĠU L 317, 9.12.2019). https://eur-lex.europa.eu/eli/reg/2019/2088/oj .
(24) Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020). https://eur-lex.europa.eu/eli/reg/2020/852/oj
(25)  Ara, pereżempju, “Task Force on Finance and Business Models (for NbS) in a Nature-Positive Economy” ta’ NetworkNature. Aktar informazzjoni disponibbli f’din il-link .
(26) Il-ġerarkija ta’ mitigazzjoni tal-UE, minquxa legalment fid-Direttivi dwar l-Għasafar u dwar il-Ħabitats (id-Direttiva 2009/147/KE u d-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE) kif ukoll fil- Gwida tal-UE dwar l-integrazzjoni tal-ekosistemi u s-servizzi tagħhom fit-teħid tad-deċiżjonijiet, tirrikjedi li l-iżviluppaturi jevitaw, jimminimizzaw u, meta ma jkunx fadal triq oħra biss, jikkumpensaw għall-effetti residwi.
(27) Ir-Regolament (UE) 2024/1991 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2024 dwar ir-restawr tan-natura u li jemenda r-Regolament (UE) 2022/869 (ĠU L, 2024/1991, 29.7.2024). https://eur-lex.europa.eu/eli/reg/2024/1991/oj/eng
(28) Vallecillo, S., Maes, J., Teller, A., Babí Almenar, J., Barredo, J. I. et al., EU-wide methodology to map and assess ecosystem condition – Towards a common approach consistent with a global statistical standard, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2022, https://data.europa.eu/doi/10.2760/13048 Maes, J., Bruzón, A.G., Barredo, J.I., Vallecillo S., Vogt, P., et al. Accounting for forest condition in Europe based on an international statistical standard. Nat Commun 14, 3723 (2023). https://doi.org/10.1038/s41467-023-39434-0
(29) Is-Sistema ta’ Kontijiet Ekonomiċi Ambjentali (SEEA, System of Environmental Economic Accounting) tan-Nazzjonijiet Uniti (NU), “Ecosystem Accounting”, is-sit web tal-SEEA tan-NU, https://seea.un.org/ecosystem-accounting
(30) Ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (ĠU L 150, 14.6.2018). https://eur-lex.europa.eu/eli/reg/2018/848/oj/mlt .
(31)  Ara l- bażi tad-data b’sors miftuħ żviluppata minn BloomLabs. Jew ara: Pollination Group, “State of voluntary biodiversity credit markets”, Ottubru 2023. https://pollinationgroup.com/global-perspectives/understanding-the-current-state-of-voluntary-biodiversity-markets/
(32) Aktar informazzjoni dwar l-Alleanza għall-Krediti tal-Bijodiversità: https://www.biodiversitycreditalliance.org/
(33) Aktar informazzjoni dwar il-Forum Ekonomiku Dinji: https://initiatives.weforum.org/financing-for-nature/biodiversitycreditsinitiative
(34) Aktar informazzjoni dwar il-Panel Konsultattiv Internazzjonali dwar il-Krediti tal-Bijodiversità: https://www.iapbiocredits.org/
(35) Aktar informazzjoni dwar it-Task Force dwar id-Divulgazzjonijiet Finanzjarji relatati man-Natura: https://tnfd.global/
(36) Aktar informazzjoni dwar in-Network tal-Miri Bbażati fuq ix-Xjenza: https://sciencebasedtargetsnetwork.org/
(37) Ara: https://www.ecologie.gouv.fr/politiques-publiques/sites-naturels-compensation-restauration-renaturation .
(38) Aktar informazzjoni dwar Peatland Finance Ireland: https://peatlandfinance.ie/ .
(39) Ara: https://ym.fi/en/voluntary-nature-values-market  
(40) Ara: https://www.legislation.gov.uk/ukpga/2021/30/schedule/14/enacted
(41) Ecosystem Marketplace, “State of the voluntary carbon market, Renewing trust in carbon finance”, it-28 ta’ Mejju 2025. https://www.forest-trends.org/publications/2025-state-of-the-voluntary-carbon-market/.
(42)  Ir-Regolament (UE) 2024/3012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2024 li jistabbilixxi qafas ta’ ċertifikazzjoni tal-Unjoni għall-assorbiment permanenti tal-karbonju, tnaqqis tal-emissjonijiet mill-ħamrija, il-kultivazzjoni karbonika u l-ħżin tal-karbonju fil-prodotti. (ĠU L, 2024/3012, 6.12.2024). https://eur-lex.europa.eu/eli/reg/2024/3012/oj/eng
(43)  Il-Kummissjoni Ewropea, id-DĠ Ambjent, “L-UE twettaq l-impenji ta’ finanzjament globali biex tipproteġi n-natura fil-COP 16”, artiklu tal-aħbarijiet, is-sit web tal-Kummissjoni Ewropea, il-31 ta’ Ottubru 2024. https://environment.ec.europa.eu/news/cop16-eu-delivers-global-financing-commitments-protect-nature-2024-10-31_mt
(44) Aktar informazzjoni dwar “Leveraging Earth Observation for Nature Finance”: https://www.leon-naturefinance.org/
(45) Aktar informazzjoni dwar is-Servizzi ta’ Copernicus: https://www.copernicus.eu/mt/servizzi
(46) L-Artikolu 21(7) tar-Regolament (UE) 2024/1991 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2024 dwar ir-restawr tan-natura u li jemenda r-Regolament (UE) 2022/86.
(47) Aktar informazzjoni dwar iċ-Ċentru ta’ Konsulenza InvestEU: https://investeu.europa.eu/investeu-programme/investeu-advisory-hub_mt
(48) Aktar informazzjoni dwar Green Assist: https://cinea.ec.europa.eu/green-assist-green-advisory-service-sustainable-investments-support_mt
(49)   https://ec.europa.eu/transparency/expert-groups-register/screen/expert-groups/consult?lang=mt&groupID=3976