Brussell, 27.6.2025

COM(2025) 373 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar is-segwitu għall-kwittanza għas-sena finanzjarja 2023


Werrej

1.    Introduzzjoni    

2.    Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE    

3.    Il-prestazzjoni tal-baġit tal-UE u l-impatt tal-RRF    

4.    Trasparenza tal-finanzjament tal-UE    

5.    L-attivitajiet ta’ teħid b’self tal-Kummissjoni u riżorsi proprji ġodda    

6.    Impenji baġitarji pendenti — “reste à liquider” (RAL) u miżuri biex titħaffef l-implimentazzjoni tal-fondi tal-UE    

7.    Inħarsu ’l quddiem    

1.Introduzzjoni

Fl-2023, fl-isfond tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, il-kriżi tal-enerġija, id-diżastri naturali u t-taqlib ekonomiku, il-baġit tal-UE baqa’ sors ta’ stabbiltà, reżiljenza, u investimenti strateġiċi għall-benefiċċju tal-pubbliku Ewropew, tal-bdiewa, tar-riċerkaturi, tan-negozji u tar-reġjuni madwar l-Ewropa u lil hinn minnha.

Fis-7 ta’ Mejju 2025, filwaqt li qies rakkomandazzjoni mill-Kunsill, il-Parlament Ewropew iddeċieda li jagħti kwittanza lill-Kummissjoni għall-implimentazzjoni min-naħa tagħha tal-baġit tal-UE fl-2023. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill u r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew fihom talbiet aktar ġenerali u rakkomandazzjonijiet speċifiċi lill-Kummissjoni rigward l-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE.

Dan ir-rapport dwar is-segwitu għat-talbiet ta’ kwittanza tal-2023 jiġbor fil-qosor l-azzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni b’reazzjoni għal kemm: (i) it-talbiet magħmula mill-Parlament Ewropew fit-taqsima tal-“prijoritajiet politiċi” tar-riżoluzzjoni ta’ kwittanza tiegħu 1 ; kif ukoll (ii) it-talbiet ewlenin magħmula mill-Kunsill fir-rakkomandazzjoni tiegħu dwar il-kwittanza 2 . Ir-rapport huwa parti mir-Rapportar Finanzjarju u ta’ Rendikont Integrat tal-Kummissjoni. Fl-aħħar kwart tal-2025, il-Kummissjoni se toħroġ rapport ieħor, aktar dettaljat, li se jwieġeb għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi kollha inklużi fir-rakkomandazzjonijiet u r-riżoluzzjoni ta’ kwittanza.

2.Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE

Il-Kummissjoni tagħti l-akbar importanza lill-monitoraġġ tal-użu tal-fondi tal-UE, f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali u mas-sħab ta’ implimentazzjoni.

a.L-infiq f’konformità mal-valuri tal-UE, inkluż l-istat tad-dritt

Stat tad-dritt

Il-Kummissjoni qiegħda taġixxi fuq it-talba tal-Parlament biex “tiżgura implimentazzjoni stretta u rapida tal-elementi kollha tal-mekkaniżmu [Kundizzjonalità tal-Istat tad-Dritt] meta l-Istati Membri jiksru l-prinċipji tal-istat tad-dritt u meta tali ksur jaffettwa, jew jirriskja li jaffettwa, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni” 3 .

Il-Kummissjoni tikkontribwixxi biex tiżgura l-użu sħiħ u effettiv tar-Regolament dwar il-Kundizzjonalità biex tipproteġi l-baġit tal-UE kontra ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt.

Pereżempju, l-Ungerija hija soġġetta għal miżuri skont ir-Regolament dwar il-Kundizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-UE mill-2022, meta l-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, adotta żewġ miżuri: (i) is-sospensjoni ta’ 55 % tal-impenji baġitarji minn tliet programmi tal-politika ta’ koeżjoni u (ii) projbizzjoni fuq id-dħul f’impenji legali ġodda ma’ “Trusts ta’ Interess Pubbliku” (“PITs, Public Interest Trusts”) u entitajiet miżmuma minnhom għall-finanzjament tal-UE taħt ġestjoni diretta u indiretta.

Fit-13 ta’ Diċembru 2023, skont il-proċedura stabbilita fir-Regolament dwar il-Kundizzjonalità, il-Kummissjoni vvalutat mill-ġdid is-sitwazzjoni tal-Ungerija. Hija sabet li r-riskju għall-baġit tal-UE kien baqa’ l-istess minn Diċembru 2022, u li l-miżuri tal-Kunsill ma għandhomx jiġu adattati jew imneħħija. L-ewwel porzjon tal-impenji sospiżi għall-2022, li jikkorrispondi għal madwar EUR 1,04 biljun, skada fi tmiem l-2024 u ntilef għall-Ungerija. Bl-istess mod, it-tieni porzjon ta’ madwar EUR 1,1 biljun, li jikkorrispondi għall-impenji tal-2023, se jintilef għall-Ungerija fl-aħħar tal-2025, jekk il-miżura relatata ma titneħħiex sa dak iż-żmien, u dan se jkompli kull sena fuq bażi kontinwa.

Fit-2 ta’ Diċembru 2024, l-Ungerija nnotifikat lill-Kummissjoni li għamlet emendi leġiżlattivi biex tindirizza l-kunflitti ta’ interess fil-bordijiet tal-PITs. Madankollu, fid-deċiżjoni tagħha tas-16 ta’ Diċembru 2024, il-Kummissjoni sabet li l-emendi leġiżlattivi notifikati ma jindirizzawx b’mod adegwat it-tħassib pendenti. Għalhekk, il-Kummissjoni ma pproponietx it-tneħħija jew l-adattament tal-miżura dwar il-PITs u l-entitajiet miżmuma minnhom lill-Kunsill. Il-Kummissjoni spjegat b’mod ċar l-adattamenti li jkunu meħtieġa biex tiġi rrimedjata s-sitwazzjoni b’mod suffiċjenti.

Il-Kummissjoni tkompli timmonitorja l-iżviluppi fis-27 Stat Membru kollha skont ir-Regolament dwar il-Kundizzjonalità kif ukoll permezz tar- rapport annwali tagħha dwar l-istat tad-dritt . Kull sitwazzjoni tiġi vvalutata individwalment, u l-Kummissjoni mhux se toqgħod lura milli tieħu l-passi meħtieġa jekk sitwazzjoni partikolari tissodisfa l-kriterji stabbiliti fir-Regolament.

Minbarra r-Regolament dwar il-Kundizzjonalità, il-Kummissjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha żewġ strumenti importanti oħra li jikkontribwixxu għall-protezzjoni tal-baġit tal-UE minn ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt: (i) il-kundizzjoni abilitanti orizzontali rigward il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE skont ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni; u (ii) l-istadji importanti u l-miri li jindirizzaw l-isfidi tal-istat tad-dritt skont il-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza (RRPs, recovery and resilience plans).

Il-Kummissjoni se tkompli tapplika dan is-sett ta’ għodod u kwalunkwe strument ieħor għad-dispożizzjoni tagħha. Kif indikat fil-Komunikazzjoni reċenti dwar il-perkors lejn il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss (QFP) li jmiss, ir-rispett għall-istat tad-dritt se jibqa’ kundizzjoni biex jiġu riċevuti fondi tal-UE, u l-QFP li jmiss se jinkludi salvagwardji b’saħħithom għal dan il-għan.

Valuri tal-UE

Il-Kummissjoni tinnota li l-Parlament sab li “huwa fundamentali għall-kredibbiltà tal-Unjoni li l-Kummissjoni tiżgura li l-ebda fond tal-Unjoni ma jiġi allokat lil individwi jew organizzazzjonijiet marbuta ma’ kwalunkwe tip ta’ moviment terroristiku jew kwalunkwe moviment ieħor li jesprimi fehmiet estremisti, li jinċita l-vjolenza u/jew il-mibegħda, li huwa direttament kontra l-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea”.

L-emendi reċenti għar-Regolament Finanzjarju introduċew raġunijiet espliċiti skont l-EDES għall-esklużjoni tal-entitajiet milli jirċievu fondi tal-UE jekk jinstab li jinvolvu ruħhom f’attivitajiet li jmorru kontra l-valuri tal-UE. Permezz tas-Sistema ta’ Identifikazzjoni Bikrija u ta’ Esklużjoni (EDES, Early Detection and Exclusion System), il-Kummissjoni tista’ teskludi entitajiet marbuta ma’ finanzjament tat-terroriżmu, reati terroristiċi jew reati marbuta ma’ attivitajiet terroristiċi milli jirċievu finanzjament mill-UE.

Fir-rigward, speċifikament, tal-finanzjament lill-Aġenzija ta’ Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (UNRWA, United Nations Relief and Works Agency for Palestine Refugees in the Near East), li dwaru l-Parlament jesprimi tħassib qawwi fir-riżoluzzjoni ta’ kwittanza tiegħu, il-Kummissjoni tfakkar li wara l-attakk terroristiku tas-7 ta’ Ottubru 2023 f’Iżrael, hija rrieżaminat l-assistenza finanzjarja kollha tagħha għall-Palestina, inklużi programmi mal-UNRWA.

Ir-rieżami kkonferma li l-UNRWA kienet konformi mar-rekwiżiti legali tagħha fil-konfront tal-UE, inkluż ir-rekwiżit li ma tappoġġax attivitajiet li jikkontribwixxu għall-finanzjament tat-terroriżmu.

Aktar reċentement, kif stabbilit fid- dikjarazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Jannar 2024 , l-UNRWA impenjat ruħha li (i) tippermetti li jsir awditu minn esperti esterni indipendenti maħtura mill-UE; (ii) issaħħaħ id-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Interni tagħha; u (iii) twettaq rieżami tal-persunal kollu tal-UNRWA biex tikkonferma li dawn ma pparteċipawx fl-attakki. L-UNRWA ikkonformat ma’ dawn l-impenji.

b.Protezzjoni tal-baġit tal-UE mill-frodaturi

Mil-lat tad-dħul

Fir-Rapport Annwali tagħha tal-2023, bħal fil-passat, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA, European Court of Auditors) esprimiet opinjoni favorevoli mil-lat tad-dħul tal-baġit tal-UE, li affermat mill-ġdid l-istabbiltà u l-akkuratezza tal-ġbir tad-dħul mill-Kummissjoni. Filwaqt li jfakkar ir-riskji għall-interessi finanzjarji tal-UE minn kontrolli doganali inadegwati jew ineffettivi ta’ merkanzija importata, il-Parlament ifaħħar l-isforzi li saru mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF, European Anti-Fraud Office) dwar il-ġlieda kontra l-frodi marbuta mad-dazji doganali u l-VAT. Barra minn hekk, fl-2023, il-Kummissjoni pproponiet riforma ambizzjuża tal-unjoni doganali li bħalissa qiegħda tiġi nnegozjata mal-koleġiżlaturi. Bl-istabbiliment ta’ Awtorità Doganali tal-UE li se tiġġestixxi l-Pjattaforma tad-Data Doganali l-ġdida tal-UE, din ir-riforma se tiffaċilita wkoll l-identifikazzjoni bikrija tar-riskji li jaffettwaw il-ġbir tad-dazji doganali bħala parti minn tisħiħ ġenerali tal-kapaċità analitika u ta’ kontroll tal-ġestjoni tar-riskji doganali tal-UE.

Arkitettura kontra l-frodi

Bdiet ħidma preparatorja dwar rieżami tal-arkitettura tal-UE kontra l-frodi (AFA, anti-fraud architecture). Fl-14 ta’ Marzu 2025, saret laqgħa ta’ tnedija ta’ livell għoli, li laqqgħet flimkien lill-partijiet ikkonċernati ewlenin: il-Kummissjoni, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE), l-OLAF, il-QEA, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust, European Union Agency for Criminal Justice Cooperation), u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol, European Union Agency for Law Enforcement Cooperation). Ġew stabbiliti gruppi ta’ ħidma ta’ livell tekniku. Il-Kummissjoni qed tippjana li toħroġ white paper li tipproponi l-orjentazzjonijiet ġenerali għar-rieżami tal-AFA li miss.

Tisħiħ baġitarju tal-UPPE u tal-OLAF

Il-Kummissjoni tinnota t-talbiet ripetuti tal-Parlament “li l-kapaċitajiet tal-UPPE u tal-OLAF, kif ukoll il-kooperazzjoni ta’ bejniethom, jissaħħu aktar”.

Oriġinarjament, l-UPPE kien dovut li jilħaq id-daqs sħiħ tiegħu ta’ 115-il membru tal-persunal fl-2023, u biex minn hemm ’il quddiem jopera b’ammont ta’ persunal stabbli. Madankollu, fl-2025, il-persunal tal-UPPE fl-Uffiċċju Ċentrali żdied għal 307. Fl-2024 u fl-2025, l-UPPE kompla jiġi msaħħaħ biex tiġi kkunsidrata l-parteċipazzjoni tal-Polonja u tal-Iżvezja, jiġu indirizzati s-salarji u l-kostijiet tal-akkomodazzjoni dejjem jiżdiedu, u tinkiseb indipendenza sħiħa tas-sistema tal-IT tiegħu mill-Kummissjoni.

Minkejja r-restrizzjonijiet fuq il-persunal tal-Kummissjoni, li jħallu wkoll impatt fuq l-OLAF, il-baġit tal-OLAF għall-2025 jipprevedi erba’ membri tal-persunal esterni addizzjonali biex jimmonitorjaw il-fluss tal-fondi lejn l-Ukrajna.

Merti tar-reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju fir-rigward tal-ġlieda kontra l-frodi

Minn wara l-QFP tal-2027, ir-Regolament Finanzjarju revedut se jsaħħaħ il-protezzjoni tal-Baġit tal-UE, fost l-oħrajn, billi: (i) jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-EDES biex tinkludi l-ġestjoni kondiviża, (ii) jiżgura r-reġistrazzjoni u l-ħżin elettroniċi standardizzati tad-data dwar ir-riċevituri tal-finanzjament tal-UE u s-sidien benefiċjarji tagħhom fil-modi kollha tal-ġestjoni f’sistema tal-IT integrata unika; u (iii) jinkorpora f’din is-sistema tal-IT integrata unika għodda għall-estrazzjoni tad-data u għall-valutazzjoni tar-riskju – li l-użu tagħha jibqa’ volontarju sakemm issir rivalutazzjoni fi tmiem il-QFP.

Bidliet notevoli oħra fir-Regolament Finanzjarju, li ilhom japplikaw mit-30 ta’ Settembru 2024, jinkludu l-possibbiltà li l-entitajiet li ġejjin jiġu esklużi milli jirċievu l-finanzjament mill-UE: (i) is-sidien benefiċjarji tal-entitajiet li jinstabu li jkunu f’sitwazzjoni ta’ esklużjoni, (ii) l-entitajiet li jirreżistu l-kontrolli jew l-awditi mwettqa mill-OLAF, mill-UPPE jew mill-QEA, (iii) l-entitajiet li jinċitaw id-diskriminazzjoni, il-mibegħda u l-vjolenza jew li jiksru l-valuri tal-UE, fejn tali azzjonijiet jaffettwaw b’mod negattiv jew jirriskjaw li jaffettwaw it-twettiq tal-impenji legali.

c.Limitazzjoni tal-iżbalji fl-infiq

Azzjonijiet biex jitnaqqas il-livell ta’ żball

Il-Kummissjoni qiegħda taġixxi fuq it-talbiet tal-Parlament u tal-Kunsill biex tieħu azzjoni biex tnaqqas ir-rata ta’ żball. Kif rikonoxxut mill-Parlament, mill-Kunsill u mill-QEA, il-kumplessità tal-modi kif jiġu żborżati l-fondi hija fattur ewlieni wara r-riskju ta’ żball. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tieħu azzjoni b’mod partikolari biex tissimplifika r-regoli tal-infiq.

Għall-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, abbażi tas-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet mill-QEA u mill-Parlament, l-awtoritajiet tal-awditjar tal-Istati Membri u l-Kummissjoni qablu fl-aħħar ta’ Diċembru 2024 fuq pjan ta’ azzjoni biex itejbu l-kapaċità ta’ identifikazzjoni tal-awtoritajiet tal-programm u l-Kummissjoni se ssegwi l-implimentazzjoni tiegħu. Il-Kummissjoni rrieżaminat ukoll l-istrateġija tal-awditjar tagħha għal superviżjoni msaħħa fuq il-post tal-ħidma tal-awtoritajiet tal-awditjar għall-perjodu 2021-2027. B’mod parallel, il-Kummissjoni tkompli tippromwovi l-għażliet ta’ kostijiet issimplifikati inqas suxxettibbli għall-iżbalji u l-finanzjament mhux marbut mal-kostijiet fil-programmi tal-2021-2027, u tkompli twettaq awditi għall-programmi u għall-oqsma (eż. l-akkwist pubbliku, l-għajnuna mill-Istat) meqjusa li huma ta’ riskju għoli.

Il-mudell tal-implimentazzjoni għall-politika agrikola komuni (PAK) tal-2023-2027 joffri potenzjal għas-simplifikazzjoni billi jippermetti lill-Istati Membri jfasslu l-interventi ffinanzjati mill-UE biex jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi għall-pajjiż tagħhom, filwaqt li fl-istess ħin iwettqu l-objettivi fil-livell tal-UE. Il-PAK il-ġdida trawwem ukoll l-użu ta’ teknoloġiji ġodda 4 , li għandhom jgħinu biex jiġu indirizzati l-iżbalji. Il-Kummissjoni mhux se tibqa’ tiddetermina rata ta’ żball għan-nefqa agrikola, peress li din hija bbażata fuq il-prestazzjoni. Minflok, il-Kummissjoni se tiġbor in-nefqa tal-PAK fi tliet kategoriji ta’ riskju: baxx, medju u għoli, abbażi tal-valutazzjoni tal-funzjonament xieraq tas-sistemi ta’ governanza stabbiliti mill-Istati Membri. In-nefqa agrikola hija tradizzjonalment ta’ riskju baxx u ma hemm l-ebda indikazzjoni li dan se jinbidel bil-mudell tal-implimentazzjoni l-ġdid għall-PAK.

Fir-rigward tal-finanzjament għar-riċerka u l-innovazzjoni, Orizzont Ewropa jinkludi użu akbar ta’ forom issimplifikati ta’ finanzjament, bħall-finanzjament ta’ proġetti b’somma f’daqqa u l-kostijiet unitarji, li se jnaqqsu b’mod sinifikanti l-piż amministrattiv għall-benefiċjarji, u għalhekk huma mistennija li jikkontribwixxu għat-tnaqqis tar-rata ta’ żball.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni bħalissa qiegħda tirrieżamina l-istrateġija tagħha ta’ awditjar u ta’ kontroll għall-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI, Neighbourhood, Development and International Cooperation Instrument) biex titnaqqas ir-rata ġenerali ta’ żball, kif ukoll biex iżżid l-effiċjenza tal-kontrolli tagħha. Wieħed mir-riżultati ewlenin ta’ dan ir-rieżami huwa li tiġi żviluppata sistema tal-profil tar-riskju soda u ffukata biex jiġi vvalutat u indirizzat aħjar ir-riskju ta’ żball, fil-livell kemm tal-proġett kif ukoll tal-entità. Barra minn hekk, ir-rieżami jindirizza wkoll il-metodoloġija tal-kontrolli ex ante u ex post applikati skont l-NDICI biex ikomplu jżidu l-kapaċitajiet preventivi u korrettivi tagħhom, kif ukoll biex itejbu l-akkuratezza tad-data ġġenerata għat-tfassil ta’ profili tar-riskju.

Fir-rigward tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF, Recovery and Resilience Facility), il-Kummissjoni stabbiliet sistema robusta ta’ kontroll u ta’ awditjar u adattatha f’konformità mal-esperjenza tagħha stess u abbażi tas-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet mill-QEA u mill-Parlament. Dan kien jinkludi l-aġġornament tal-metodoloġija dwar il-ħidma tal-awditjar fir-rigward tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE, it-tisħiħ tal-kontrolli fuq is-sistemi ta’ kontroll intern tal-Istati Membri fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u l-akkwist pubbliku, u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni fi ħdan il-Kummissjoni.

Skambji bejn il-Kummissjoni u l-QEA dwar il-livell ta’ errur

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li r-riżoluzzjoni ta’ kwittanza tistieden lill-Kummissjoni u lill-QEA “ isibu soluzzjoni għall-approċċi diverġenti qabel il-kwittanza tal-2024” u lill-Kummissjoni biex “tkompli taħdem mal-Qorti sabiex iżżid il-fehim, il-konverġenza u l-komparabbiltà taż-żewġ approċċi għall-estimi diverġenti tal-iżbalji fin-nefqa tal-Unjoni”.

Allinjament sħiħ tal-metodoloġiji bejn il-QEA u l-Kummissjoni huwa ta’ sfida minħabba r-rwoli u l-missjonijiet distinti tal-istituzzjonijiet. Madankollu, huwa meħtieġ li d-differenzi jinftiehmu miż-żewġ istituzzjonijiet. Għal dan il-għan, is-servizzi tal-Kummissjoni u tal-QEA organizzaw serje ta’ workshops tekniċi f’Marzu 2025 biex irawmu fehim komuni tal-metodoloġiji rispettivi u jesploraw il-potenzjal għal aktar titjib fis-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll tal-Kummissjoni. Bħala segwitu għal dawn il-workshops, il-Kummissjoni bħalissa qiegħda tiżviluppa pjan ta’ azzjoni intern li għandu l-għan li jnaqqas ir-riskju ta’ żbalji fl-infiq tal-UE skont il-QFP u li jrawwem fehim komuni mal-QEA biex jiġi ddeterminat il-livell ta’ żball. Pereżempju, fir-rigward tan-nefqa tal-politika ta’ koeżjoni, il-Kummissjoni u l-QEA qablu li jorganizzaw aktar laqgħat tekniċi fl-2025 biex jallinjaw fir-rigward tal-kwantifikazzjoni tal-iżbalji fl-akkwist pubbliku.

Il-Kummissjoni tkompli timpenja ruħha wkoll mal-QEA biex tindirizza d-differenzi fil-fehmiet u fl-interpretazzjonijiet fir-rigward tal-RRF. Hija kompliet tiċċara l-operazzjonalizzazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà u l-kunċett tal-finanzjament doppju skont l-RRF. Il-Kummissjoni tikkondividi x-xewqa tal-Kunsill li ma jintroduċix “regoli ġodda jew kundizzjonijiet aktar restrittivi imposti ex post fuq l-Istati Membri” 5 , u tinnota li t-tibdil tal-gwida dwar l-interpretazzjoni tal-kunċetti legali f’nofs l-implimentazzjoni tal-istrument jikkawża kwistjonijiet legali u prattiċi ġodda għall-Istati Membri.

3.Il-prestazzjoni tal-baġit tal-UE u l-impatt tal-RRF

Il-Kummissjoni tinnota t-talba tal-Kunsill biex “ikomplu l-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-baġit tal-UE, li huwa kejl tal-valur reali li jasal għand iċ-ċittadini tal-UE” u “fejn applikabbli, iżżid l-enfasi fuq indikaturi tal-prestazzjoni bbażati fuq ir-riżultati li jistgħu jkunu marbuta direttament mal-azzjonijiet tal-UE” 6 .

Il-Kummissjoni hija impenjata bis-sħiħ li tiżgura li kull euro mill-baġit tal-UE jintefaq sew, f’konformità mar-regoli u għall-benefiċċju tal-pubbliku Ewropew.

Il-prestazzjoni tiġi mmonitorjata kull sena permezz tad-“ dikjarazzjonijiet dwar il-prestazzjoni tal-programm ”. Dawn huma parti mir-Rapport Annwali dwar il-Ġestjoni u l-Prestazzjoni, li jinkludi l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni tal-2021-2027 skont il-programm tal-infiq. 45 % ta’ dawn l-indikaturi huma bbażati fuq ir-riżultati, u dan juri enfasi qawwija fuq ir-riżultati.

F’Diċembru 2024, il-Kummissjoni ppubblikat it-tieni rapport tal-impatt dwar il-bonds ekoloġiċi tan-NextGenerationEU (NGEU), li kejjel l-impatt klimatiku konkret tal-investimenti ffinanzjati f’termini ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra evitati.

Il-mudell tal-implimentazzjoni tal-RRF jipprovdi inċentivi ċari għall-Istati Membri biex jindirizzaw sfidi strutturali li ilhom jeżistu.

L-offerta ta’ appoġġ finanzjarju dirett għall-implimentazzjoni tar-riformi wasslet għal aċċellerazzjoni tal-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż (CSRs, Country-Specific Recommendations) maħruġa mill-Kunsill kull sena lil kull Stat Membru. B’mod ġenerali, minn meta ġie stabbilit l-RRF, qed jintlaħaq livell ogħla ta’ implimentazzjoni tas-CSR b’mod aktar rapidu.

Pereżempju, fil-qasam tal-impjiegi, kif konkluż mill-QEA 7 , kważi l-RRPs kollha jinkludu riformi li jindirizzaw l-isfidi strutturali fis-swieq tax-xogħol tal-Istati Membri. Barra minn hekk, ħafna riformi f’oqsma oħra (eż. l-edukazzjoni) jikkontribwixxu għall-promozzjoni ta’ impjiegi ta’ kwalità għolja, għall-iżvilupp tal-ħiliet, u għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

L-istadji importanti u l-miri, bħala miżura tal-progress fl-implimentazzjoni tal-miżuri fl-RRPs, jipprovdu wkoll ħarsa ġenerali granulari ħafna lejn il-prestazzjoni tal-Istati Membri matul il-ħajja tal-RRF.

Il-Kummissjoni tieħu nota xierqa tal-opinjoni tal-Parlament li “kwalunkwe bidla għal approċċ ibbażat fuq il-prestazzjoni abbażi tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza bħala mudell tirrikjedi li jiġu indirizzati l-ħafna kwistjonijiet identifikati fl-implimentazzjoni tagħha, kif ukoll li tiġi vvalutata d-data dwar l-impatt sħiħ tagħha, qabel ma jintuża tali mudell 8 .

L-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-RRF 9 enfasizzat oqsma għat-titjib, inkluż l-involviment insuffiċjenti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, tas-sħab soċjali u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, jew l-isfidi biex jintlaħaq bilanċ bejn l-istadji importanti u l-miri dettaljati u l-flessibbiltà fl-implimentazzjoni. Hekk kif il-Kummissjoni tħejji għall-QFP li jmiss, qiegħda tislet tagħlimiet mill-RRF u minn programmi oħra, filwaqt li tidentifika l-aħjar prattiki u l-oqsma għat-titjib biex tinforma l-approċċ futur tagħha.

4.Trasparenza tal-finanzjament tal-UE

It-trasparenza hija prinċipju gwida fil-ġestjoni tal-baġit tal-UE. Bħala eżempju, illum is- Sistema ta’ Trasparenza Finanzjarja (FTS, Financial Transparency System) tinkludi l-possibbiltà li tiġi mfittxija informazzjoni dwar it-tipi kollha ta’ riċevituri taħt ġestjoni diretta. L-objettivi u r-riżultati tal-proġetti jistgħu jinstabu fuq il- Portal tal-UE għall-Finanzjament u l-Offerti . Bis-saħħa tar-reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju, l-impenn tal-Kummissjoni għat-trasparenza se jiġi estiż mal-QFP li jmiss. L-FTS hija mistennija li ssir punt ċentrali ta’ referenza, bl-informazzjoni ppubblikata dwar ir-riċevituri fil-modi kollha ta’ ġestjoni.

Fir-rigward tal-finanzjament lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs, non-governmental organisations), il-Parlament jinnota li r-rapport riċenti tal-QEA dwar it-trasparenza tal-finanzjament tal-UE mogħti lill-NGOs jindika l-fatt li filwaqt li l-Kummissjoni tikkonforma bis-sħiħ mal-obbligi legali kollha fir-rigward tat-trasparenza 10 , dan jista’ jittejjeb ulterjorment. Il-Kummissjoni se ssegwi r-rapport tal-QEA, kif stabbilit fit- tweġibiet tal-Kummissjoni .

Il-Kummissjoni rrikonoxxiet li xi programmi ta’ ħidma ppreżentati mill-benefiċjarji u annessi ma’ ftehimiet ta’ għotja operattiva kienu jinkludu azzjonijiet speċifiċi ta’ appoġġ u attivitajiet ta’ lobbjar li jinvolvu riskju għar-reputazzjoni għall-UE. Għalkemm l-analiżi legali mill-Kummissjoni tal-ftehimiet ikkonkludiet li ma kien hemm l-ebda ksur tal-obbligi kuntrattwali jew tal-Kodiċi ta’ Kondotta mill-entitajiet ikkonċernati, f’Mejju 2024 il-Kummissjoni ħarġet gwida interna  biex tindirizza kwalunkwe riskju possibbli għar-reputazzjoni għall-UE. Il-Kummissjoni aġġornat ukoll il-mudell tas-sejħa tagħha għal proposti biex tiżgura li proġetti futuri jikkonformaw ma’ din il-gwida. Barra minn hekk, minkejja n-nuqqas ta’ rekwiżit legali biex tiġi divulgata informazzjoni dwar l-attivitajiet ta’ appoġġ iffinanzjati permezz ta’ għotjiet operattivi 11 , il-Kummissjoni tkompli tippromwovi t-trasparenza billi tikkondividi b’mod proattiv l-objettivi u r-riżultati ta’ proġetti ffinanzjati fuq il-Portal tal-UE għall-Finanzjament u l-Offerti. Barra minn hekk, ir-rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess li jirreġistraw fir-Reġistru tat-Trasparenza bħala li ma jirrappreżentawx interessi kummerċjali, li tipikament jinkludu l-NGOs, huma meħtieġa jirrapportaw l-attivitajiet ta’ lobbjar tagħhom u jiddikjaraw is-sorsi ewlenin tal-finanzjament tagħhom kif ukoll l-ammont ta’ kull kontribuzzjoni ta’ aktar minn EUR 10 000 li jaqbeż l-10 % tal-baġit totali tagħhom u l-isem tal-kontributur fir-reġistrazzjonijiet tagħhom fir-Reġistru ta’ Trasparenza.

Fil-programm ta’ ħidma pluriennali 2025-2027 għal LIFE, il-Kummissjoni inkludiet salvagwardji ulterjuri biex tiżgura li l-għotjiet operattivi ma jkunux jeħtieġu attivitajiet speċifiċi u dettaljati li jkunu mmirati direttament lejn l-istituzzjonijiet tal-UE jew lejn il-persunal jew il-membri tagħhom, u li jiċċaraw li l-benefiċjarji jżommu r-responsabbiltà sħiħa għall-fehmiet tagħhom. F’dikjarazzjoni ppubblikata fl-1 ta’ April 2025 12 , il-Kummissjoni impenjat ruħha li tirrieżamina l-arranġamenti ta’ trasparenza u r-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni għall-benefiċjarji skont ir-reġistru ta’ trasparenza tal-UE. Il-Kummissjoni hija impenjata wkoll li tiżgura li l-membri tal-kumitat ta’ evalwazzjoni ta’ LIFE jkunu indipendenti u ħielsa minn kunflitti ta’ interess. Huwa obbligatorju li l-membri jiffirmaw dikjarazzjonijiet dwar in-nuqqas ta’ kunflitt ta’ interess qabel ma jinvolvu ruħhom fil-valutazzjoni tal-proposti, u li jkun hemm fis-seħħ miżuri ta’ mitigazzjoni f’każ li jiġu identifikati kunflitti ta’ interess. L-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Klima, l-Infrastruttura u l-Ambjent (CINEA, European Climate, Infrastructure and Environment Executive Agency) se tirrieżamina l-proċedura tal-għażla għall-membri tal-kumitat ta’ evalwazzjoni ta’ LIFE u se timplimenta kwalunkwe pass meħtieġ biex tiżgura trasparenza sħiħa.

L-appoġġ għall-attivitajiet relatati mal-iżvilupp tal-politika u mal-implimentazzjoni tal-politika jibqa’ objettiv ta’ finanzjament importanti u leġittimu, f’konformità mar-Regolamenti li jirregolaw ċerti programmi ta’ finanzjament tal-UE kif adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Dan jinkludi t-tisħiħ tal-involviment ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili pluralistiċi.

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi wkoll u se ssegwi t-talba tal-Parlament biex “tagħmel ir-riżultati tal-iskrinjar tal-ftehimiet ta’ għotja u ta’ kuntratti oħra disponibbli għall-awtorità ta’ kwittanza” 13 .

Fl-aħħar nett, ir-Regolament Finanzjarju rivedut jintroduċi (i) obbligu għall-applikanti għall-għotjiet (taħt ġestjoni diretta) li jiddikjaraw jekk humiex NGO u (ii) definizzjoni ta’ NGO.

Fir-rigward tat-trasparenza skont l-RRF, l-Istati Membri jridu jirrapportaw dwar il-100 riċevitur finali li jirċievu l-ogħla ammont ta’ finanzjament għall-implimentazzjoni ta’ miżuri skont il-Faċilità. Il-Kummissjoni ppubblikat gwida addizzjonali bħala anness għar-Rapport Annwali tagħha tal-2024 dwar l-RRF u fakkret lill-Istati Membri dwar l-obbligi tagħhom. Wara t-talba tal-Parlament, fil-kuntest tal-kwittanza tal-2023, il-Kummissjoni talbet mingħand l-Istati Membri lista tal-ismijiet tal-“100 entità finali jew persuna fiżika li rċevew l-akbar ammonti ta’ fondi skont l-RRF”, inklużi kuntratturi u sottokuntratturi. Sal-lum [Ġunju 2025], il-Kummissjoni rċeviet listi minn sitt Stati Membri u għaddiethom lill-Parlament.

5.L-attivitajiet ta’ teħid b’self tal-Kummissjoni u riżorsi proprji ġodda

Il-Kummissjoni tieħu nota tat-tħassib tal-Parlament dwar il-livell ta’ dejn pendenti mill-attivitajiet ta’ teħid b’self u l-vulnerabbiltajiet fir-rigward tar-rati tal-imgħax li jaffettwaw il-livell tad-dejn 14 . Mill-2020, il-Kummissjoni ttrasformat b’mod profond il-preżenza tagħha fis-swieq kapitali internazzjonali, u b’hekk għamlet lill-UE “waħda mill-akbar emittenti ta’ dejn fl-Ewropa”, kif jindika b’mod xieraq il-Parlament. Il-Kummissjoni qed tuża taħlita ta’ strateġiji ta’ teħid b’self fuq terminu qasir u fit-tul għall-ġestjoni tar-rati tal-imgħax u l-iskedi ta’ żmien għar-ripagament b’mod effettiv. Dan jinkludi l-ħruġ ta’ maturitajiet differenti ta’ bonds, li jgħin biex jinfirxu l-obbligi ta’ ripagament maż-żmien. L-iskeda ta’ żmien għar-ripagament tad-dejn skont l-NGEU testendi sal-2058, u tagħti lill-UE skeda ta’ żmien estiża għall-ġestjoni ta’ ripagamenti mingħajr ma tikkawża tfixkil sinifikanti jew tikkomprometti l-istabbiltà finanzjarja.

Sabiex jiġu indirizzati aħjar ir-riskji finanzjarji marbuta mal-attivitajiet ta’ teħid b’self tal-Kummissjoni u mal-esponiment tal-baġit tal-UE, ir-rwol tal-Uffiċjal Kap tar-Riskji (CRO, Chief Risk Officer) indipendenti ġie estiż fi Frar 2025 biex jinkludi sorveljanza fuq l-operazzjonijiet u l-assi finanzjarji kollha tal-UE li qed jiġu ġestiti. F’konformità mal-aħjar prattiki fis-settur finanzjarju, is-CRO – flimkien ma’ “unità tal-ġestjoni tar-riskju” maħluqa reċentement – issa jaġixxi bħala t-tieni linja ta’ difiża fil-livell korporattiv għall-valutazzjoni tar-riskju finanzjarju tal-operazzjonijiet finanzjarji, b’indipendenza sħiħa mill-ewwel linja 15 .

Il-Kummissjoni taqbel mal-fehma li “progress rapidu għal riżorsi proprji ġodda huwa essenzjali”. Fl-2023, il-Kummissjoni ppreżentat pakkett ta’ proposti li jemendaw il-proposta tal-2021 li hija komprensiva, iġġib dħul suffiċjenti, timminimizza l-piż addizzjonali fuq il-baġits tal-Istati Membri u tista’ tiġi implimentata malajr. Il-Kummissjoni qed taħdem ukoll fuq proposti oħra. L-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda se tirrikjedi rieda politika u impenn min-naħat kollha.

6.Impenji baġitarji pendenti — “reste à liquider” (RAL) u miżuri biex titħaffef l-implimentazzjoni tal-fondi tal-UE

Il-Kummissjoni tinnota li, fir-riżoluzzjoni ta’ kwittanza, il-Parlament “jerġa’ jesprimi t-tħassib profond tiegħu li l-impenji pendenti akkumulati (RAL - reste à liquider) laħqu livell rekord ta’ EUR 543 biljun […] fi tmiem l-2023” 16 .

L-impenji pendenti huma ammonti li ġew impenjati iżda li għadhom ma tħallsux.

Il-parti mhux ripagabbli tal-NGEU ikkontribwixxiet EUR 238,6 biljun, li jirrappreżentaw kważi 44 % tal-RAL totali, li l-biċċa l-kbira tagħhom jiġu mgħoddija permezz tal-RRF. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tappoġġa lill-Istati Membri biex jiżguraw implimentazzjoni rapida u effettiva tal-RRPs tagħhom mingħajr ma jnaqqsu l-ambizzjonijiet jew idgħajfu l-miżuri kritiċi tagħhom. Meta l-miżuri ma jkunux jistgħu jinkisbu minħabba ċirkostanzi oġġettivi, l-Istati Membri jistgħu jitolbu reviżjonijiet lill-RRPs tagħhom biex jindirizzaw l-ostakli fl-implimentazzjoni. L-Istati Membri jistgħu jippreżentaw ukoll talbiet għal pagament jekk jiġu ssodisfati biss uħud mill-istadji importanti u mill-miri, li jippermettu lill-Istati Membri jirċievu żborżi parzjali li jikkorrispondu għall-istadji importanti u l-miri diġà implimentati. Dan jikkontribwixxi wkoll għall-implimentazzjoni rapida tal-RRP. Fil-Komunikazzjoni tagħha “NextGenerationEU - Il-mixja lejn l-2026” adottata fl-4 ta’ Ġunju 2025, il-Kummissjoni tipprovdi gwida għall-Istati Membri biex jirrevedu u jissimplifikaw l-RRPs tagħhom fid-dawl tal-iskadenza tal-2026 li ġejja. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jneħħu mill-RRPs tagħhom l-istadji importanti u l-miri li ma jistgħux jiġu implimentati sal-iskadenza tal-31 ta’ Awwissu 2026 u tissuġġerixxi għażliet eżistenti u ġodda biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni.

Madwar nofs l-RAL marbuta mal-programmi tal-QFP fi tmiem l-2023 jirriżulta mill-politika ta’ koeżjoni, u, b’estensjoni, mill-implimentazzjoni mill-Istati Membri ta’ fondi taħt ġestjoni kondiviża.

Bl-ilħuq tal-livell tal-għażla tal-proġetti fil-prattika ta’ madwar nofs il-pakketti disponibbli għall-programmi ta’ koeżjoni tal-2021-2027, l-implimentazzjoni finanzjarja hija mistennija wkoll li tilħaq ritmu regolari fi żmien qasir.

Fl-1 ta’ April 2025, il-Kummissjoni adottat il-proposta leġiżlattiva dwar ir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-politika ta’ koeżjoni biex tallinja l-prijoritajiet ta’ investiment mal-kuntest ekonomiku, soċjetali u ġeopolitiku li qed jevolvi kif ukoll mal-objettivi klimatiċi u ambjentali aktar ambizzjużi. Din tintroduċi flessibbiltà u inċentivi akbar (bħal rata ta’ kofinanzjament ta’ 100 % biex jiġu antiċipati l-investimenti fl-akkomodazzjoni, ir-reżiljenza tal-ilma, it-tranżizzjoni tal-enerġija, il-kompetittività u d-difiża) biex jiġi ffaċilitat l-użu rapidu tar-riżorsi f’dawn il-prijoritajiet imsaħħa, u b’hekk jitħaffef aktar l-assorbiment.

Fit-22 ta’ April 2025, il-Kummissjoni adottat emendi mmirati ġodda għall-programmi ta’ finanzjament eżistenti tal-UE biex tappoġġa investimenti aktar rapidi, aktar flessibbli u kkoordinati fil-bażi teknoloġika u industrijali tad-difiża tal-Ewropa. L-emendi mmirati se jwessgħu b’mod partikolari l-ambitu tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP, Strategic Technologies for Europe Platform) biex tkopri t-teknoloġiji u l-prodotti relatati mad-difiża. Dawn il-proposti leġiżlattivi, jekk isir qbil fuqhom mill-koleġiżlaturi, se jaċċelleraw ukoll l-implimentazzjoni tal-fondi tal-UE.

Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja l-implimentazzjoni tal-livell ġenerali tal-impenji pendenti. Barra minn hekk, se tkompli tipproponi livelli ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament li jissodisfaw b’mod adegwat il-ħtiġijiet ta’ pagament matul il-proċeduri baġitarji annwali.

7.Inħarsu ’l quddiem

F’Lulju 2025, il-Kummissjoni se tippreżenta l-proposta tagħha għall-QFP li jmiss.

Din il-proposta se tqis ir-rakkomandazzjonijiet mill-Parlament, mill-Kunsill u mill-QEA fil-kuntest tal-kwittanza.

Il-baġit tal-UE, b’aktar minn 50 programm ta’ nfiq u b’diversi regoli u kriterji, bħalissa huwa mfixkel mill-kumplessità, li żżid ir-riskju ta’ trikkib, tnaqqas it-trasparenza, u twassal għal lakuni fil-finanzjament għal prijoritajiet trażversali. Din il-kumplessità tagħmilha wkoll diffiċli għall-benefiċjarji, speċjalment għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, li jinnavigaw u li jaċċessaw il-fondi tal-UE, u tista’ tirriżulta fi żbalji fl-infiq.

Baġit tal-UE aktar sempliċi jiffaċilita l-aċċess għall-benefiċjarji kollha, iżid il-veloċità u l-kwalità tal-implimentazzjoni, u jtejjeb l-involviment tal-partijiet ikkonċernati.

Billi jiġi ssimplifikat ix-xenarju finanzjarju, jiġi eliminat it-trikkib u jiġi offrut portal uniku għall-finanzjament tal-UE għall-benefiċjarji, il-piż amministrattiv, id-dewmien u l-iżbalji jistgħu jitnaqqsu b’mod konsiderevoli. Dan fl-aħħar mill-aħħar se jtejjeb il-mod kif jintefaq il-baġit tal-UE u jagħmilha aktar effettiva u effiċjenti fl-ilħuq tal-objettivi tagħha.

* * *

(1)

  Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta’ Mejju 2025 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2023, Taqsima III – Il-Kummissjoni, l-aġenziji eżekuttivi u d-disa’, l-għaxar u l-ħdax-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (2024/2019(DEC))  2024/2019(DEC).

(2)

  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2023 (6179/24).

(3)

Ara l-paragrafu 10 2024/2019(DEC).

(4)

Pereżempju, l-Istati Membri jridu jistabbilixxu Sistema ta’ Monitoraġġ tal-Erja (AMS, Area Monitoring System), li tuża d-data mis-satelliti Sentinel ta’ Copernicus biex timmonitorja 100 % tal-irqajja’ ddikjarati f’ħin reali. Dan jippermetti lill-bdiewa jirċievu twissijiet kull meta ma tkunx (għadha) seħħet attività jew prattika agrikola meħtieġa. Imbagħad, il-bdiewa ikollhom il-possibbiltà li jissodisfaw ir-rekwiżit (jekk ikun għadu possibbli) jew li jemendaw l-applikazzjoni tagħhom, u dan iwassal għal inqas żbalji.

(5)

Ara l-paragrafu 11.4 tar-rakkomandazzjoni dwar il-kwittanza tal-Kunsill.

(6)

Ara l-paragrafu 5 tar-rakkomandazzjoni dwar il-kwittanza tal-Kunsill.

(7)

Rapport Speċjali 10/2025, il-paragrafu 20

(8)

Ara l-paragrafu 11 2024/2019(DEC).

(9)

Evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza - SWD(2024) 70 final

(10)

Ara l-paragrafu 23 2024/2019(DEC).

(11)

Fir-rigward tal-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar ir-riċevituri ara l-Artikolu 38 tar-Regolament Finanzjarju.

(12)

  Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Programm LIFE.

(13)

Ara l-paragrafu 21 2024/2019(DEC).

(14)

Ara l-paragrafu 8 2024/2019(DEC).

(15)

L-ewwel linja ta’ difiża tikkonsisti fid-dipartimenti tal-Kummissjoni li jiġġestixxu l-operazzjonijiet tat-teħid b’self, l-għoti b’self u l-ġestjoni tal-assi tal-UE kif ukoll il-garanziji baġitarji.

(16)

Ara l-paragrafu 7 2024/2019(DEC).