Brussell, 27.6.2025

COM(2025) 337 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI

LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

rigward l-implimentazzjoni u r-riżultati tal-programm Pericles IV għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar fl-2024


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI

LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

rigward l-implimentazzjoni u r-riżultati tal-programm Pericles IV għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar fl-2024

1.Informazzjoni Ġenerali

Il-programm Pericles IV huwa programm ta’ skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar. Huwa jissostitwixxi l-programm Pericles 2020 li opera bejn l-2013 u l-2020, u l-programmi Pericles li operaw matul il-perjodu 2002-2013. Il-programm ġie stabbilit bir- Regolament (UE) 2021/840 1 . L-applikazzjoni tiegħu ġiet estiża għall-Istati Membri mhux parteċipanti bir- Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/1696 2 . Ir-Regolament (UE) 2021/840 jistabbilixxi d-durata tal-programm sal-31 ta’ Diċembru 2027. L-Artikolu 12(3) ta’ dak ir-Regolament jirrikjedi li l-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni annwali dwar ir-riżultati tal-programm lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Bank Ċentrali Ewropew. Dan huwa r-rapport annwali għall-2024. Ir-rapport jipprovdi informazzjoni dwar l-impenji u l-implimentazzjoni tal-programm Pericles IV fl-2024, kif ukoll dwar l-implimentazzjoni fl-2024 ta’ azzjonijiet li għalihom ittieħdu impenji fis-snin preċedenti.

2.Impenji skont il-programm ta’ ħidma annwali tal-2024

Il-baġit annwali għall-implimentazzjoni tal-programm Pericles IV għas-sena 2024 ġie stabbilit għal EUR 884 755 u ġie ffinanzjat mil-linja baġitarja 06.030100-C1 3  tal-baġit tal-UE ġenerali għall-2024. Fl-2024, ġie impenjat total ta’ EUR 884 755, li huwa 100 % tal-baġit totali. Il-programm huwa implimentat permezz ta’ azzjonijiet kofinanzjati (għotjiet) li joriġinaw mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u permezz ta’ “azzjonijiet tal-Kummissjoni”, organizzati direttament mill-Kummissjoni. L-ammont tal-impenn totali jinkludi wkoll impenn ta’ EUR 37 225 biex ikopri l-kostijiet annwali biex tintuża l-għodda eGrants, sistema ta’ ġestjoni kompletament elettronika (mingħajr karti) għall-għotjiet 4 . Minbarra l-linja baġitarja operazzjonali, EUR 81 896,64 saru disponibbli fuq il-linja baġitarja inkluż id-dħul assenjat intern (il-linja baġitarja 06.030100-C4 tal-baġit tal-UE ġenerali) 5 . Minn dan l-ammont, fl-2024 ġew impenjati EUR 66 456,34 għal żewġ għotjiet 6 .

L-implimentazzjoni tal-programm tirrifletti l-impenn tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni biex jipproteġu l-euro kontra l-iffalsifikar. Id-diskussjonijiet dwar l-istrateġija annwali fil-laqgħat tal-Grupp ta’ Esperti dwar l-Iffalsifikar tal-Euro (ECEG, Euro Counterfeiting Experts Group) għamluha possibbli li jiġu identifikati u indirizzati t-theddidiet ewlenin u li jiġi impenjat 100 % tal-baġit kumplessiv fl-2024.

Il-programm ħa l-impenn li jiffinanzja total ta’ 10 proġetti 7 : ingħataw tmien għotjiet għal applikazzjonijiet li oriġinaw mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u ġew iffinanzjati żewġ azzjonijiet tal-Kummissjoni.

Iż-żewġ azzjonijiet tal-Kummissjoni ġew implimentati fl-2024 u żewġ għotjiet ġew implimentati parzjalment fl-2024, filwaqt li l-għotjiet li jifdal se jiġu implimentati fl-2025 u wara.

Ċart I u Ċart II: Tip ta’ azzjoni ffinanzjata u l-għadd ta’ azzjonijiet għal kull Stat Membru (l-azzjonijiet li għalihom ittieħdu impenji fl-2024, ara l-Anness I)

  

L-Italja u Spanja, tnejn mill-Istati Membri l-aktar affettwati mill-iffalsifikar tal-euro, din is-sena reġgħu rċevew għotjiet minn Pericles. Barra minn hekk, il-Portugall u l-Kroazja rċevew għotjiet taħt il-programm fl-2024. Dawn l-isforzi kollha jtejbu l-protezzjoni tal-euro, li huwa ta’ benefiċċju għall-Istati Membri l-oħrajn kollha.

L-azzjonijiet li għalihom ittieħdu impenji fl-2024 jikkonsistu f’erba’ seminars, tliet skambji tal-persunal, żewġ sessjonijiet ta’ taħriġ tekniku u xiri ta’ tagħmir wieħed.

L-azzjonijiet huma mistennija li jsiru kemm fi ħdan kif ukoll barra l-UE, skont il-ħtiġijiet speċifiċi. Sa mill-bidu tiegħu, il-programm ikkonsolida l-approċċ reġjonali tiegħu billi implimenta azzjonijiet li jinvolvu reġjuni tad-dinja li huma partikolarment importanti fil-ġlieda kontra l-iffalsifikar, bħax-Xlokk tal-Ewropa, iċ-Ċina, it-Turkija u l-Amerka t’Isfel.

3.Implimentazzjoni ta’ azzjonijiet fl-2024

Ħarsa ġenerali

Din it-taqsima tanalizza l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet kollha ffinanzjati minn Pericles fis-sena kalendarja 2024. Għalhekk, tinkludi azzjonijiet li għalihom ittieħdu impenji skont il-baġits ta’ Pericles IV tal-2023 8 u tal-2024 9 (11-il għotja u żewġ azzjonijiet tal-Kummissjoni).

Fl-2024, ġew implimentati 13-il azzjoni ffinanzjati kumplessivament minn Pericles, inklużi:

·l-implimentazzjoni parzjali mill-Kroazja u mill-Portugall ta’ żewġ azzjonijiet ta’ għotja, li għalihom ittieħdu impenji fl-2024;

·l-implimentazzjoni mill-Istati Membri ta’ 9 azzjonijiet ta’ għotja, li għalihom ittieħdu impenji fl-2023: dawn l-azzjonijiet ġew implimentati mill-Italja (4 azzjonijiet), minn Spanja (4 azzjonijiet) u minn Franza (azzjoni waħda);

·l-implimentazzjoni ta’ żewġ azzjonijiet tal-Kummissjoni akkwistati (li għalihom ittieħdu impenji fl-2024).

L-azzjonijiet ta’ hawn fuq jikkonsistu f’5 skambji ta’ persunal, f’4 sessjonijiet ta’ taħriġ tekniku, fi 3 seminars u f’xiri ta’ tagħmir wieħed. Madwar 415-il espert ipparteċipaw fl-azzjonijiet 10 .

Fl-aħħar nett, l-2024 rat l-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-programm Pericles IV. L-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu (li tkopri l-2021-2023) ivvalutat, fost l-oħrajn, l-ilħuq tal-objettivi tal-programm skont il-kriterji tal-effettività, tal-effiċjenza, tar-rilevanza, tal-koerenza u tal-valur miżjud tal-UE.



Ċart III u Ċart IV: Oriġini u sfond professjonali tal-parteċipanti (azzjonijiet implimentati fl-2024)

Oriġini tal-parteċipanti

Il-parteċipanti ġew minn 51 pajjiż. Il-maġġoranza ta’ dawk li attendew għat-taħriġ (70 %) kienu Ewropej: 52 % mill-Istati Membri fiż-żona tal-euro, 6 % mill-Istati Membri mhux fiż-żona tal-euro u 12 % minn pajjiżi terzi fl-Ewropa. Mill-bqija tal-parteċipanti, 12 % kienu mill-Amerka Latina, 6 % mill-istituzzjonijiet Ewropej, 6 % mill-Afrika u 6 % minn reġjuni oħra.

Sfond professjonali tal-parteċipanti

Il-membri tal-forzi tal-pulizija rrappreżentaw 49 % tal-parteċipanti. Din il-preżenza qawwija hija dovuta għall-fatt li l-awtoritajiet tal-pulizija jinsabu fuq quddiem nett fil-ġlieda kontra l-iffalsifikar tal-euro, u l-persunal tal-pulizija jinkludi kemm investigaturi kif ukoll persunal tekniku. L-esperti mill-banek ċentrali nazzjonali rrappreżentaw 32 % tal-parteċipanti, u b’hekk kienu t-tieni l-akbar grupp. Bħal fl-2023, diversi azzjonijiet fl-2024 involvew il-parteċipazzjoni tal-banek ċentrali. Il-persunal tal-istituzzjonijiet Ewropej (6 %), iz-zekek nazzjonali (3 %), il-ġudikatura (3 %), id-dwana (2 %) u kategoriji oħra (3 %) ipparteċipaw ukoll, u dan irrifletta firxa sħiħa ta’ sfondi professjonali. Fl-aħħar nett, għall-ħames “laqgħa tal-Pjattaforma 1210” attendew rappreżentanti mill-industrija tal-magni tal-ipproċessar tal-muniti (3 %) għall-ħames sena. Dan ikompli jafferma s-settur privat bħala parti kkonċernata sinifikanti fil-ġlieda kontra l-iffalsifikar. B’riżultat ta’ dan, l-implimentazzjoni tal-programm tissodisfa d-dimensjonijiet tranżnazzjonali u multidixxiplinari meħtieġa skont ir-Regolament (UE) Nru 2021/840 b’livell għoli ta’ diversifikazzjoni f’termini ta’ sfond professjonali.

Punti ewlenin mill-2024

Il-programm irnexxielu jżomm u jsaħħaħ ulterjorment il-kooperazzjoni internazzjonali reġjonali fix-Xlokk tal-Ewropa u fl-Amerka Latina fl-2024:

·fl-2024 rajna l-implimentazzjoni ta’ diversi azzjonijiet ta’ Pericles li ffukaw fuq it-tħeġġiġ u ż-żamma ta’ kooperazzjoni b’saħħitha fost l-awtoritajiet nazzjonali fix-Xlokk tal-Ewropa. Dan inkluda skambji tal-persunal organizzati mill-Comando Carabinieri Antifalsificazione Monetaria (CCAFM) tal-Italja, żewġ skambji tal-persunal organizzati mill-Guardia di Finanza (GdF) tal-Italja, u taħriġ tekniku organizzat mill-Bank Nazzjonali Kroat (CNB, Croatian National Bank) b’parteċipanti minn 9 pajjiżi tax-Xlokk tal-Ewropa, li se jiġu ffinalizzati fl-2025. Dawn l-azzjonijiet inkludew ukoll żjarat ta’ studju fit-Turkija, u/jew parteċipazzjoni ta’ esperti mit-Turkija, li huwa pajjiż ta’ prijorità ewlieni peress li huwa hotspot potenzjali għall-produzzjoni u għat-tranżitu ta’ flus kontrafatti tal-euro.

·Il-Brigada de Investigación del Banco de España (BIBE) ta’ Spanja organizzat kors dwar l-iffalsifikar tal-munita għal esperti minn pajjiżi tal-Amerka Latina, li laqqa’ flimkien lill-awtoritajiet ta’ 10 pajjiżi tal-Amerka Latina fi Buenos Aires, l-Arġentina. L-azzjoni ppromwoviet miżuri għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar fil-pajjiżi tal-Amerka Latina li huma potenzjalment suxxettibbli għal dan. Barra minn hekk, l-azzjoni ssaħħaħ ir-rabtiet bejn l-uffiċċji ċentrali nazzjonali speċifiċi li ġew stabbiliti reċentement f’dan ir-reġjun.

L-implimentazzjoni tal-programm fl-2024 kienet ikkaratterizzata wkoll minn azzjonijiet li ffukaw fuq żviluppi topiċi fil-ġlieda kontra l-iffalsifikar tal-munita:

·Prijorità oħra indirizzata minn diversi azzjonijiet kienet il-ġlieda kontra klassijiet ta’ kwalità għolja ta’ flus kontrafatti, l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1210/2010 u t-trattament ta’ muniti tal-euro li ma humiex tajbin għaċ-ċirkolazzjoni. L-azzjonijiet b’din l-enfasi inkludew l-attività ta’ taħriġ dwar l-analiżi tal-muniti kontrafatti għall-esperti tekniċi u t-taħriġ tekniku dwar l-aħjar prattiki għat-trattament ta’ muniti tal-euro li ma humiex tajbin għaċ-ċirkolazzjoni, it-tnejn organizzati mill-Banco de España. Is-sitt laqgħa tal-Pjattaforma 1210, organizzata bħala azzjoni tal-Kummissjoni, laqqgħet ukoll flimkien lil partijiet ikkonċernati mill-industrija tal-magni tal-ipproċessar tal-muniti u miċ-ċentri tal-analiżi nazzjonali tal-muniti.

·Il-prijorità għat-trawwim tal-kooperazzjoni mal-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi fejn hemm suspett, jew evidenza, ta’ produzzjoni ta’ euro kontrafatti ġiet riflessa fit-tielet pjattaforma bejn l-UE u ċ-Ċina dwar il-protezzjoni tal-muniti kontra l-iffalsifikar. L-avveniment, li ġie organizzat bħala azzjoni tal-Kummissjoni, kien segwitu għal avvenimenti li qabel kienu ġew organizzati taħt il-pjattaforma UE-Ċina fi Brussell (2017) u f’Beijing (2019). Il-laqgħa ppermettiet lill-awtoritajiet tal-UE u taċ-Ċina jkomplu l-kooperazzjoni kemm fil-livell operazzjonali kif ukoll f’dak amministrattiv, u enfasizzat il-ħtieġa li jittejbu l-kanali ta’ komunikazzjoni u li jiġi ffaċilitat l-iskambju ta’ informazzjoni. Saru diskussjonijiet fil-fond dwar sfidi reċiproċi fil-qasam tal-ġlieda kontra l-iffalsifikar, bħall-problema ta’ karti tal-flus b’disinn mibdul, karatteristiċi tas-sigurtà tal-euro kontrafatti u muniti tal-euro kontrafatti importati miċ-Ċina. Dan ippermetta li jsir progress lejn it-tisħiħ tal-kooperazzjoni f’livell amministrattiv.

Fl-aħħar nett, l-2024 rat it-twettiq ta’ diversi korsijiet ta’ taħriġ tekniku b’disinn aktar innovattiv. B’mod partikolari, l-Uffiċċju Ċentrali għat-Trażżin tal-Iffalsifikar tal-Munita (OCRFM, Office Central pour la Répression du Faux Monnayage) Franċiż organizza “taħriġ tekniku u operazzjonali dwar il-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar” (TOTP, Technical and Operational Training on the Protection of the Euro Against Counterfeiting), li kkonsista f’diversi workshops ta’ simulazzjoni li poġġew lill-parteċipanti f’sitwazzjonijiet immudellati fuq investigazzjonijiet reali kontra l-iffalsifikar. Barra minn hekk, il-Policia Judiciaria Portugiża implementat parzjalment l-“Inizjattiva għall-bini tal-kapaċitajiet għall-identifikazzjoni, għall-analiżi u għar-rapportar ta’ karti tal-flus tal-euro kontrafatti mill-awtoritajiet tal-pulizija ta’ Cabo Verde” (COUNTERACT), li kkonsistiet mix-xiri tat-tagħmir meħtieġ għall-awtoritajiet ta’ Cabo Verde biex iwettqu investigazzjonijiet kontra l-iffalsifikar u t-taħriġ tagħhom fuq l-użu tiegħu.

4.Monitoraġġ tal-indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi

L-Artikolu 12(3) tar-Regolament (UE) 2021/840 jitlob li dan ir-rapport għandu jqis l-indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi tal-programm Pericles IV. Id-data dwar dawn l-indikaturi għall-2024 hija kif ġej:

1.Għadd ta’ euro kontrafatti individwati (karti tal-flus: 554 000, muniti: 416 276): Il-mira għal dan l-indikatur hija li l-għadd ta’ karti tal-flus u muniti tal-euro kontrafatti individwati jinżamm taħt kontroll f’medda ta’ +/- 5 % tal-medja għall-perjodu 2014-2020 (671 000/174 112). L-għadd ta’ karti tal-flus tal-euro kontrafatti individwati huwa inqas mill-mira iżda qiegħed jiżdied gradwalment. L-għadd ta’ muniti individwati qabeż il-mira stabbilita. Madankollu, hemm biss rabta indiretta bejn il-programm u dawn l-indikaturi, peress li varjetà ta’ fatturi esterni għandhom ukoll rwol importanti. Dawn il-fatturi esterni jinkludu l-progress tal-investigazzjonijiet tal-pulizija u l-ammont ta’ produzzjoni kontrafatta.

2.Għadd ta’ workshops illegali żarmati (9): Il-mira għall-għadd ta’ workshops illegali żarmati hija li l-għadd jinżamm taħt kontroll f’medda ta’ +/- 10 % taċ-ċifra għall-2019 (22). L-għadd ta’ workshops illegali żarmati fl-2024 huwa inqas mill-mira mistennija. Kif spjegat fl-indikatur 1, ir-rabta bejn il-programm u dan l-indikatur hija indiretta biss, peress li varjetà ta’ fatturi esterni għandhom rwol importanti.

3.Għadd ta’ awtoritajiet kompetenti uniċi li applikaw għall-programm (9): Dan l-indikatur għandu l-għan li jkejjel l-interess mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-programm. Il-mira għall-2024 hija ta’ 12 u l-mira għall-2027 hija ta’ 24. Filwaqt li l-għadd ta’ applikanti uniċi għall-programm qiegħed jiżdied, dan għadu inqas mill-mira.

4.Rata ta’ sodisfazzjon tal-parteċipanti fl-azzjonijiet iffinanzjati mill-programm (99,36 %): Dan l-indikatur ikejjel il-kwalità tat-taħriġ kif perċepita mill-parteċipanti. Il-mira hija 75 %. Ir-rata ta’ feedback pożittiv hija ferm ogħla mill-mira.

5.Feedback mill-parteċipanti li diġà ħadu sehem f’azzjonijiet preċedenti ta’ Pericles dwar l-impatt tal-programm fuq l-attivitajiet tagħhom fil-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar (98,78 %): Dan l-indikatur ikejjel is-sostenibbiltà tal-azzjonijiet tal-programm. Il-mira hija 75 %. Il-perċentwal ta’ feedback pożittiv huwa ferm ogħla mill-mira.

5.Konklużjonijiet u t-triq ’il quddiem

Il-programm Pericles IV, bħall-predeċessur tiegħu, jibqa’ għodda importanti u effiċjenti fil-ġlieda kontra l-iffalsifikar. Il-programm jappoġġa l-istudji, iżomm u jiżviluppa l-kooperazzjoni, u jappoġġa l-iskambju tal-aħjar prattika fost il-partijiet ikkonċernati kollha involuti fil-ġlieda kontra l-iffalsifikar tal-euro. Il-fatt li fl-2024, ġie impenjat 100 % tal-baġit kumplessiv, jirrifletti l-interess mill-Istati Membri fil-programm.

Il-Kummissjoni tippreżenta b’mod regolari r-riżultati tal-proġetti appoġġati taħt il-programm lill-esperti tal-Grupp ta’ Esperti dwar l-Iffalsifikar tal-Euro (ECEG, Euro Counterfeit Experts Group). Fl-2024, saru 3 laqgħat tal-ECEG. Il-programm juri livell għoli ta’ konsistenza u komplementarjetà ma’ programmi u azzjonijiet rilevanti oħra fil-livell tal-UE minħabba li huwa ddedikat b’mod esklużiv għall-protezzjoni tal-euro billi jipprevjeni u jiġġieled forma speċifika ta’ kriminalità organizzata, jiġifieri l-iffalsifikar tal-euro. Fost l-eżempji hemm l-istrument tal-Assistenza Teknika u Skambju tal-Informazzjoni (TAIEX, Technical Assistance and Information Exchange) tad-DĠ NEAR, li ta’ sikwit jintuża biex jiġu appoġġati n-negozjati tal-adeżjoni, u l-Fond tas-Sigurtà Interna tad-DĠ HOME - il-Pulizija 11 , li jkopri l-prevenzjoni tal-kriminalità u l-ġlieda kontriha b’mod ġenerali. Wara l-inklużjoni tal-falsifikazzjoni ta’ flus bħala waħda mill-prijoritajiet fil-pjan ta’ azzjoni operazzjonali tal-EMPACT 12 , il-Kummissjoni qiegħda tikkoordina mill-qrib mal-mexxej tal-EMPACT sabiex tiġi mmassimizzata l-komplementarjetà bejn iż-żewġ sorsi ta’ finanzjament.

Abbażi tar-riżultati tal-programm s’issa u tal-analiżi kontinwa tat-theddidiet emerġenti li ġew diskussi fl-ECEG, il-prijoritajiet għall-2025 huma dawn li ġejjin 13 :

·l-attivitajiet ta’ appoġġ li għandhom l-għan li jtejbu l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri li huma milquta b’mod partikolari mill-produzzjoni u mid-distribuzzjoni ta’ flus kontrafatti;

·it-trawwim ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet ta’ dawk il-pajjiżi terzi fejn hemm suspett jew evidenza tal-produzzjoni ta’ euro kontrafatti;

·iż-żamma ta’ qafas effiċjenti għall-protezzjoni tal-euro fix-Xlokk tal-Ewropa;

·żviluppi topiċi:

odistribuzzjoni ta’ flus kontrafatti u komponenti ta’ kwalità għolja fuq id-darknet, u “karti tal-flus użati fil-films” u prodotti “repliki użati għall-vidjografija” online (inklużi karti tal-flus b’disinn mibdul);

ol-appoġġ għall-istabbiliment/għar-rinfurzar ta’ uffiċċji ċentrali nazzjonali;

omuniti tal-euro: il-ġlieda kontra klassijiet ta’ kwalità għolja ta’ flus kontrafatti, l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1210/2010 u t-trattament ta’ muniti tal-euro li ma humiex tajbin għaċ-ċirkolazzjoni.

(1) Ir-Regolament (UE) 2021/840 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi programm ta’ skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar għall-perjodu 2021-2027 (il-programm “Pericles IV”), u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 331/2014.
(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/1696 tal-21 ta’ Settembru 2021 li jestendi għall-Istati Membri mhux parteċipanti l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/840 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi programm ta’ skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar għall-perjodu 2021-2027 (il-programm “Pericles IV”).
(3)  Linja baġitarja 06.030100-C1: Il-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar. C1: Approprjazzjonijiet ivvotati mill-Awtorità Baġitarja għall-baġit attwali.
(4)  L-ammont sħiħ għall-użu tal-għodda eGrants kien ta’ EUR 44 941.
(5)  Linja baġitarja 06.030100-C4: Il-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar – dħul assenjat. C4: Id-dħul assenjat jiġi minn ordni ta’ rkupru (ammont ritornat minn benefiċjarju lill-Kummissjoni li jirriżulta minn prefinanzjament mhux minfuq) fir-rigward tal-Artikolu 21 tar- regolament finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (riformulazzjoni ) .
(6)  L-ammont ta’ EUR 15 440,30 li jifdal se jkun disponibbli għall-implimentazzjoni ta’ Pericles 2025 (linja baġitarja IAR2/2|2025|ECFIN|E.06030100|PERICLES_21_27)
(7)  Ħarsa ġenerali komprensiva lejn l-azzjonijiet ta’ Pericles, li għalihom ittieħdu impenji fl-2024, tinsab fl-Anness I.
(8) Ħarsa ġenerali komprensiva lejn l-azzjonijiet, li għalihom ġew impenjati l-fondi qabel l-2024 u li ġew implimentati fl-2024, tinsab fl-Anness II.
(9)  Ħarsa ġenerali komprensiva lejn l-azzjonijiet ta’ Pericles, li għalihom ittieħdu impenji fl-2024, tinsab fl-Anness I. Jekk jogħġbok innota li dan il-kapitolu jirreferi biss għal dawk l-azzjonijiet misjuba fl-Anness I li ġew implimentati (parzjalment) fl-2024.
(10)  Stima bbażata fuq ir-rapport tekniku finali (meta jkun diġà wasal) u fuq il-formoli ta’ applikazzjoni mibgħuta mill-benefiċjarji
(11)   Regulation (EU) 2021/1149 Ir-Regolament (UE) 2021/1149 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jistabbilixxi l-Fond għas-Sigurtà Interna (ĠU L 251, 15.7.2021, p. 94).
(12)  Il-Pjattaforma Multidixxiplinari Ewropea kontra t-Theddid Kriminali (EMPACT, European Multidisciplinary Platform Against Criminal Threats) hija inizjattiva tas-sigurtà xprunata mill-Istati Membri tal-UE biex tidentifika, tipprijoritizza u tindirizza theddidiet maħluqa mill-kriminalità organizzata u serja fuq livell internazzjonali. Fl-2021, l-EMPACT saret strument permanenti, kif stabbilit fil-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-kontinwazzjoni permanenti taċ-Ċiklu ta’ Politika tal-UE għall-kriminalità organizzata u serja fuq livell internazzjonali. L-Istat Membru mexxej għall-prijorità tal-EMPACT li tkopri l-“kriminalità tal-proprjetà intellettwali, l-iffalsifikar ta’ oġġetti u muniti” huwa l-Bulgarija.
(13)

 Il-prijoritajiet tal-programm għall-2025 huma parti essenzjali mill-programm ta’ ħidma annwali, li huwa anness mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Frar 2025 dwar il-finanzjament tal-programm Pericles IV u l-adozzjoni tal-programm ta’ ħidma annwali għall-2025, C(2025) 972 final.


Brussell, 27.6.2025

COM(2025) 337 final

ANNESS

tar-

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

rigward l-implimentazzjoni u r-riżultati tal-programm Pericles IV għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar fl-2024















Anness I: Ħarsa ġenerali lejn l-azzjonijiet li għalihom ġew impenjati l-fondi fl-2024

Organizzatur 1

Titlu tal-azzjoni

Post u data

Kontribuzzjoni tal-Kummissjoni 2

Seminars

BDP

Il-Portugall

Pericles 2025 - Protezzjoni prattika tal-ġlieda kontra l-iffalsifikar (Protezzjoni tal-euro 2025)

Liżbona (PT):

18-20 ta’ Marzu 2025

EUR 86 042,00

Objettiv ewlieni tal-azzjoni: Iż-żieda tal-effettività fl-awtentikazzjoni tal-muniti tal-euro u l-klassifikazzjoni tal-muniti tal-euro kontrafatti.

Il-Kummissjoni Ewropea

ECFIN

It-tielet laqgħa tal-Pjattaforma UE-Ċina dwar il-Protezzjoni tal-Muniti kontra l-Iffalsifikar

Brussell (BE):

17-18 ta’ Settembru 2024

The Hague (NL):

19 ta’ Settembru 2024

EUR 117 000,00

Objettiv ewlieni tal-azzjoni: iż-żieda fl-effettività fl-awtentikazzjoni tal-muniti tal-euro u l-klassifikazzjoni ta’ muniti tal-euro kontrafatti.

Il-Kummissjoni Ewropea

ECFIN

Is-sitt laqgħa tal-Pjattaforma 1210

Zagreb (HR):

2-3 ta’ Ottubru 2024 

EUR 130 808,60

Objettiv ewlieni tal-azzjoni: Iż-żieda tal-effettività fl-awtentikazzjoni tal-muniti tal-euro u fil-klassifikazzjoni tal-muniti tal-euro kontrafatti.

BIBE

Spanja

Kors speċjalizzat fl-iffalsifikar għall-pajjiżi Ibero-Amerikani 2025 (Curso Quito 2025)

Quito (KE):

25-28 ta’ Novembru 2025

EUR 180 081,00

Objettiv ewlieni tal-azzjoni: It-tisħiħ tal-kooperazzjoni u l-iskambju tal-għarfien espert.

Taħriġ tekniku

CNB

Il-Kroazja

Taħriġ fl-analiżi teknika tal-iffalsifikar tal-euro u infurzar tan-network ALERT fix-Xlokk tal-Ewropa (ALERT)

Zagreb (HR):

8 ta’ Novembru 2024

EUR 119 377,33

Korsijiet ta’ taħriġ tekniku fil-pajjiżi parteċipanti: ME, MK, RS, AL, TR, XK, BH, EL

(Frar-Ġunju 2024)

Istanbul (TR):

15-16 ta’ Settembru 2025

Objettiv ewlieni tal-azzjoni: It-tisħiħ tal-kooperazzjoni u l-iskambju tal-għarfien espert.

BDE

Spanja

Attività ta’ taħriġ dwar l-analiżi tal-muniti kontrafatti għal esperti tekniċi (muniti-TA 2025)

Madrid (ES):

Ġunju 2025

EUR 45 102,00

Objettiv ewlieni tal-azzjoni: Iż-żieda tal-effettività fl-awtentikazzjoni tal-muniti tal-euro u l-klassifikazzjoni tal-muniti tal-euro kontrafatti.    

Skambju tal-persunal

CCAFM

L-Italja

Skambju ta’ persunal dwar tekniki ta’ investigazzjoni kontra l-iffalsifikar tal-munita

(SEITACC5)

Ruma (IT) - Fl-2025:

18-21 ta’ Frar (BH)

7-11 ta’ April (EL, MD, MK, XK)

14-16 ta’ Mejju (AT)

EUR 76 439,73

Żjarat fl-2025 lill-pajjiżi parteċipanti: AT, BH, EL,

MD, MK, XK

(April-Settembru)

Sekondar fl-2025: 12-23 ta’ Mejju: Espert tal-pulizija Awstrijaka għas-CCAFM

1-12 ta’ Settembru: Espert mis-CCAFM għall-awtoritajiet Awstrijaċi

Objettiv ewlieni tal-azzjoni: It-tisħiħ tal-kooperazzjoni u l-iskambju tal-għarfien espert.

GdF

L-Italja

L-aġenziji tal-Italja u tat-Turkija jiġġieldu flimkien kontra l-iffalsifikar tal-euro (2024-IT-INTEGRATE)

L-Italja: Frar 2025

EUR 44 685,00 3

It-Turkija: April 2025

Objettiv ewlieni tal-azzjoni: It-tisħiħ tal-kooperazzjoni u l-iskambju tal-għarfien espert.

BIBE

Spanja

Promozzjoni tal-istabbiliment ta’ NCO fl-Urugwaj 2025 (Proġett tal-Urugwaj tal-NCO)

L-Urugwaj: 5-9 ta’ Mejju 2025

EUR 37 542,06 4

Spanja: 9-13 ta’ Ġunju 2025

Objettiv ewlieni tal-azzjoni: It-tisħiħ tal-kooperazzjoni u l-iskambju tal-għarfien espert.

Xiri ta’ tagħmir

PJ

Il-Portugall

Inizjattiva għall-bini tal-kapaċitajiet għall-identifikazzjoni, għall-analiżi u għar-rapportar ta’ karti tal-flus tal-euro kontrafatti mill-awtoritajiet tal-pulizija ta’ Cabo Verde (COUNTERACT)

Praia (CV):

4-8 ta’ Novembru 2024

10-21 ta’ Marzu 2025

EUR 76 908,62

Assistenza online:

Mill-1 ta’ April sal-31 ta’ Lulju 2025

Objettiv ewlieni tal-azzjoni: biex l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ta’ pajjiżi terzi jiġu appoġġati fil-ġlieda tagħhom kontra l-iffalsifikar tal-euro

Għodda tal-eGrants

Il-Kummissjoni Ewropea

ECFIN

Tariffa annwali eGrants

EUR 37 225,00

L-użu tal-għodda tal-eGrants, jimplika tariffa annwali għall-użu tagħha, li tikkontribwixxi għas-sostenibbiltà u għat-tim ta’ appoġġ tekniku tal-pjattaforma tal-eGrants għat-twettiq tat-talbiet għal tibdil u għall-ospitar tal-infrastruttura.

(1)

     L-ismijiet sħaħ tal-organizzaturi jinsabu fil-lista tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti msemmija fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1338/2001, ĠU C 264, 12.8.2015, p. 2–29. 

(2)

     Ammont impenjat f’euro - Linja baġitarja: 06.030100-C1-ECFIN.

(3)

     Linja baġitarja 06.030100-C4-ECFIN.

(4)

     Linji baġitarji: 06.030100-C1-ECFIN (EUR 15 770,72) u 06.030100-C4-ECFIN (EUR 21 771,34).


Brussell, 27.6.2025

COM(2025) 337 final

ANNESS

tar-

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

rigward l-implimentazzjoni u r-riżultati tal-programm Pericles IV għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar fl-2024















Anness II: Ħarsa ġenerali lejn l-azzjonijiet li għalihom ġew impenjati l-fondi qabel l-2024 u implimentati fl-2024

Organizzatur 1

Titolu tal-azzjoni

Post u data

Kontribuzzjoni tal-Kummissjoni 2

Seminars

BIBE

Spanja

Kors speċjalizzat fl-iffalsifikar tal-munita għall-pajjiżi tal-Amerka Latina 2024 (Curso B. Aires 2024)

Buenos Aires (AR)

25-28 ta’ Novembru 2024

EUR 176 253,94

Objettiv ewlieni tal-azzjoni: It-tisħiħ tal-kooperazzjoni u l-iskambju tal-għarfien espert.

Taħriġ tekniku

OCRFM

Franza

Taħriġ tekniku u operazzjonali dwar il-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar (TOTP)

Clermont-Ferrand (FR)

25-28 ta’ Marzu 2024

EUR 47 055,98

Objettiv ewlieni tal-azzjoni: It-tisħiħ tal-kooperazzjoni u l-iskambju tal-għarfien espert.

BDE

Spanja

L-aħjar prattiki dwar it-trattament ta’ muniti tal-euro li ma humiex tajbin għaċ-ċirkolazzjoni (L-adegwatezza tal-muniti għall-magni tal-ipproċessar tal-muniti (CPMs))

Madrid (ES):

2-5 ta’ April 2024 u

17-18 ta’ Diċembru 2024

EUR 58 915,70 

Vjenna (AT):

28-30 ta’ Mejju 2024

Liżbona (PT):

19-21 ta’ Ġunju 2024

Objettiv ewlieni tal-azzjoni: Iż-żieda tal-effettività fl-awtentikazzjoni tal-muniti tal-euro u l-klassifikazzjoni tal-muniti tal-euro kontrafatti.    

BDE

Spanja

TA Coins - Attività ta’ taħriġ dwar l-analiżi tal-muniti kontrafatti għal esperti tekniċi

(TA Coins 2024)

Madrid (ES):

11-12 ta’ Ġunju 2024

EUR 42 510,74 

Objettiv ewlieni tal-azzjoni: Iż-żieda tal-effettività fl-awtentikazzjoni tal-muniti tal-euro u l-klassifikazzjoni tal-muniti tal-euro kontrafatti.    

Skambju tal-persunal

BDE

Spanja

Skambju tal-persunal dwar proċeduri, għarfien u esperjenzi sabiex jittejbu l-metodi ta’ ħidma interni

(Skambju tal-persunal NL-ES)

Madrid (ES):

21-26 ta’ April 2024

EUR 32 146,55 

Zeist (NL):

9-14 ta’ Ġunju 2024

Objettiv ewlieni tal-azzjoni: It-tisħiħ tal-kooperazzjoni u l-iskambju tal-għarfien espert.

CCAFM

L-Italja

Skambju ta’ persunal dwar tekniki ta’ investigazzjoni kontra l-iffalsifikar tal-munita

(SEITACC3)

Żjarat fil-pajjiżi parteċipanti: BH, EG, HU, MT, TN, TR (Jannar-Mejju 2024)

EUR 63 664,73 

Ruma (IT):

9-14 ta’ Settembru 2024

Objettiv ewlieni tal-azzjoni: It-tisħiħ tal-kooperazzjoni u l-iskambju tal-għarfien espert.

GdF

L-Italja

Taħriġ tekniku u operazzjonali dwar il-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar (2023-IT-LENTE)

Żjarat fil-pajjiżi parteċipanti: AL, EL, HU, RS, TR (April-Lulju 2024)

EUR 69 303,26 

Ruma/Napli (IT):

4-8 ta’ Marzu 2024

Objettiv ewlieni tal-azzjoni: It-tisħiħ tal-kooperazzjoni u l-iskambju tal-għarfien espert.

CCAFM

L-Italja

Skambju tal-persunal mal-Bulgarija (SEITACC4)

Ruma (IT):

20-31 ta’ Mejju 2024

EUR 21 836,83 3

Sofija (BG):

3-14 ta’ Ġunju 2024

Objettiv ewlieni tal-azzjoni: It-tisħiħ tal-kooperazzjoni u l-iskambju tal-għarfien espert.

GdF

L-Italja

Aġenziji tal-Infurzar tal-Liġi kontra l-iffalsifikar tal-euro (2023-IT-LEGION)

Ruma/Napli (IT):

22-28 ta’ Settembru 2024

It-Turkija:

30 ta’ Settembru-11 ta’ Ottubru 2024

EUR 23 235,26

Objettiv ewlieni tal-azzjoni: It-tisħiħ tal-kooperazzjoni u l-iskambju tal-għarfien espert.

Evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-Programm Pericles IV

Il-Kummissjoni Ewropea

ECFIN

Evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-Programm Pericles IV

EUR 156 502,50 4

L-Artikolu 13 tar-Regolament Pericles IV jindika li l-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-Programm Pericles IV għandha titwettaq mhux aktar tard minn 4 snin wara l-bidu tagħha, li kien l-2021. L-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu (li tkopri l-2021-2023) se tivvaluta, fost l-oħrajn, l-ilħuq tal-objettivi tal-Programm skont il-kriterji tal-effettività, tal-effiċjenza, tar-rilevanza, tal-koerenza u tal-valur miżjud tal-UE.

(1)

     L-ismijiet sħaħ tal-organizzaturi jinsabu fil-lista tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti msemmija fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1338/2001, ĠU C 264, 12.8.2015, p. 2–29. 

(2)

     Ammont impenjat f’euro - Linja baġitarja: 06.030100-C1-ECFIN.

(3)

     Linji baġitarji: 06.030100-C1-ECFIN (EUR 15 430,12) u 06.039901-C5-ECFIN (EUR 6 406,71).

(4)

     Linji baġitarji BGUE-B2023-06.010200-C1-ECFIN.