IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 23.6.2025
COM(2025) 330 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja lil pajjiżi terzi fl-2024
{SWD(2025) 166 final}
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 23.6.2025
COM(2025) 330 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja lil pajjiżi terzi fl-2024
{SWD(2025) 166 final}
WERREJ
1. Introduzzjoni
2. Operazzjonijiet ta’ assistenza makrofinanzjarja fl-2024
2.1 Sħubija tal-Lvant
Il-Moldova
L-Ukrajna
2.2 Viċinat tan-Nofsinhar
L-Eġittu
2.3 Balkani tal-Punent
Il-Maċedonja ta’ Fuq
3. L-IŻGURAR TAL-UŻU XIERAQ TAL-FONDI TAL-AMF: VALUTAZZJONIJIET OPERAZZJONALI, EVALWAZZJONIJIET EX POST
3.1 Valutazzjonijiet operazzjonali
3.2 Evalwazzjonijiet
4. Żviluppi ġenerali relatati mal-istrument tal-AMF
4.1 Funzjonament tal-istrument tal-AMF
4.2 L-AMF fil-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027
5. Inħarsu ’l quddiem – l-operazzjonijiet tal-AMF u s-sitwazzjoni Baġitarja fl-2025
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja lil pajjiżi terzi fl-2024 1
1.Introduzzjoni
L-assistenza makrofinanzjarja (AMF) hija strument finanzjarju tal-UE 2 pprovdut lill-pajjiżi sħab li qed jesperjenzaw kriżi fil-bilanċ tal-pagamenti. Sa mill-bidu tagħha fl-1990, l-AMF għenet biex ittejjeb l-istabbiltà makroekonomika u finanzjarja f’pajjiżi ġirien jew ġeografikament qrib l-UE filwaqt li ħeġġet riformi strutturali. L-għoti tagħha huwa kundizzjonali fuq arranġament ta’ kreditu mhux prekawzjonarju miftiehem mal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) 3 . Hija tfittex li teħles lill-pajjiż sieħeb mill-pressjoni immedjata biex jindirizza l-problemi sottostanti li jikkawżaw l-istress fil-bilanċ tal-pagamenti. Dan jippermettilu jżid l-ispazju fiskali tiegħu, itejjeb is-sostenibbiltà tad-dejn tiegħu u jiffoka fuq l-ixprunar tar-riformi meħtieġa. Billi jwittu t-triq għall-aġġustament makroekonomiku, l-operazzjonijiet tal-AMF jista’ jkollhom impatti soċjali pożittivi sabiex il-pajjiż ikollu aktar żmien u ambitu biex jindirizza l-kawżi ewlenin tal-kriżi tal-bilanċ tal-pagamenti tiegħu.
L-AMF ħafna drabi tieħu l-forma ta’ self iffinanzjat permezz ta’ bonds tal-UE. Minn Jannar 2023, l-approċċ ta’ finanzjament tal-AMF inbidel minn approċċ back-to-back 4 għal struttura unifikata, fejn il-ħruġ ta’ bonds huwa diżakkoppjat minn żborżi speċifiċi. Minflok, il-Kummissjoni issa toħroġ bonds tal-UE b’marka waħda u tgħaddi r-rikavati għal fond ċentrali ta’ finanzjament, li min-naħa tiegħu jiffinanzja diversi programmi ta’ politika tal-UE (inkluża l-AMF). F’xi każijiet, l-AMF tista’ tikkonsisti kompletament f’self, filwaqt li f’każijiet oħra tista’ tkun taħlita ta’ self u għotjiet.
L-AMF tiġi rilaxxata f’pagamenti parzjali u biss jekk il-kundizzjonijiet kollha tal-politika ekonomika marbuta ma’ dawn il-pagamenti parzjali, kif miftiehem mal-pajjiż sieħeb, jiġu ssodisfati. Hemm ukoll prekundizzjoni politika għall-għoti ta’ AMF li tirrikjedi konformità ma’ mekkaniżmi demokratiċi (inkluża sistema parlamentari b’diversi partiti u l-osservazzjoni tal-istat tad-dritt, u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem). B’dan il-mod, l-AMF tikkomplementa l-assistenza ta’ kooperazzjoni regolari tal-UE, u tikkontribwixxi għall-mira usa’ tal-preservazzjoni tal-istabbiltà u tal-promozzjoni tal-prosperità u l-valuri fundamentali tal-UE lil hinn mill-fruntieri tagħha. Dan huwa appoġġat mis-sejbiet ta’ diversi evalwazzjonijiet indipendenti tal-operazzjonijiet kompluti tal-AMF 5 kif ukoll mill-metaevalwazzjoni riċenti tal-aħħar 10 snin tal-operazzjonijiet 6 .
Fl-2024, li kienet sena ta’ sfidi akbar fost żviluppi ġeopolitiċi li kienuj qed jevolvu malajr, l-AMF kompliet turi l-kapaċità tagħha li tirreaġixxi malajr u b’mod effettiv għal ċirkostanzi eċċezzjonali, filwaqt li żammet ukoll il-missjoni ewlenija tagħha li tippromwovi l-istabbiltà. L-AMF ipprovduta fil-kuntest tal-inizjattiva ta’ self għall-Aċċellerazzjoni tad-Dħul Straordinarju (ERA, Extraordinary Revenue Acceleration) tal-G7 għall-Ukrajna – xprunata mill-gwerra ta’ aggressjoni kontinwa tar-Russja – affermat mill-ġdid l-impenn tal-Unjoni li ssarraf is-solidarjetà f’appoġġ tanġibbli għall-Ukrajna, filwaqt li tassisti wkoll lil sħab oħra li jittrattaw ir-riperkussjonijiet ekonomiċi tal-gwerra. L-ostilitajiet li qed jiżdiedu fil-Lvant Nofsani wasslu wkoll lill-Unjoni biex tipprovdi AMF lil atturi ewlenin fir-reġjun.
Ir-rapport tal-2024 tħejja f’konformità mal-obbligi ta’ informazzjoni tal-Kummissjoni kif stabbiliti fl-atti legali rilevanti. Huwa akkumpanjat minn dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni, li jipprovdi analiżi aktar dettaljata tal-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet individwali tal-AMF.
2.Operazzjonijiet ta’ assistenza makrofinanzjarja fl-2024
Fl-2024, fost l-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna li kompliet tintensifika u l-ħtiġijiet ta’ finanzjament kontinwi, l-Unjoni adottat pakkett eċċezzjonali ġdid ta’ AMF għall-Ukrajna taħt l-inizjattiva ta’ self tal-ERA tal-G7. Wara l-iżborż ta’ EUR 18 biljun fl-2023 taħt il-programm AMF+, il-Faċilità għall-Ukrajna saret l-istrument ta’ appoġġ baġitarju primarju tal-Unjoni għall-Ukrajna fl-2024, u pprovdiet EUR 16,5 biljun ta’ assistenza baġitarja. Madankollu, bħala riżultat tal-aggressjoni kontinwa tar-Russja, il-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-Ukrajna baqgħu f’livelli eċċezzjonalment għoljin fl-2024. Dan wassal lill-mexxejja tal-G7 biex iwiegħdu f’nofs l-2024 EUR 45 biljun f’self tal-ERA li għandu jitħallas lura bl-użu ta’ dħul straordinarju ġġenerat minn assi sovrani Russi immobilizzati. L-UE kompliet tibni fuq din il-wegħda billi adottat ir-Regolament (UE) 2024/2773 li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu ta’ Kooperazzjoni ta’ Self għall-Ukrajna (ULCM, Ukraine Loan Cooperation Mechanism) u li jipprovdi AMF eċċezzjonali lill-Ukrajna, b’valur sa EUR 18,1 biljun f’termini konċessjonali ħafna biex tiġi minimizzata l-pressjoni fuq il-finanzi pubbliċi tal-Ukrajna. Is-self għandu maturità ta’ 45 sena u perjodu ta’ grazzja ta’ 10 snin. Il-ħlas lura se jiddependi primarjament fuq id-dħul straordinarju marbut mal-assi sovrani Russi immobilizzati. Wara r-rilaxx tal-AMF f’Diċembru 2024, huma skedati żborżi matul l-2025 kollha.
Fl-2024, l-Unjoni żborżat ukoll is-segment finali tal-AMF emendata tagħha lill-Moldova, li tfasslet biex tgħin fl-indirizzar tal-effetti tal-kriżi tal-enerġija li bdiet f’Ottubru 2021 u biex tiġġieled l-effetti konsegwenzjali mill-aggressjoni li għaddejja tar-Russja kontra l-Ukrajna. Sadanittant, nofs il-EUR 100 miljun tal-AMF maqbula għall-Maċedonja ta’ Fuq ġew żborżati b’suċċess, u dan appoġġa lill-pajjiż li qed jaffaċċja kundizzjonijiet finanzjarji globali stretti, żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u telf mhux mistenni tal-elettriku tal-Istat. It-tieni u l-aħħar segment tal-AMF huwa disponibbli sal-2026 iżda jidher li x’aktarx mhux se jiġi prelevat minħabba nuqqas ta’ progress fl-implimentazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ politika.
F’Marzu 2024, filwaqt li rrikonoxxiet is-sitwazzjoni finanzjarja kritika tal-Eġittu u r-rwol stabbilizzanti tiegħu fir-reġjun, il-Kummissjoni pproponiet EUR 5 biljun f’AMF, inkluż operazzjoni urġenti fuq terminu qasir ta’ EUR 1 biljun li ġiet żborżata f’Diċembru 2024, kontinġenti fuq ir-riformi ekonomiċi u l-parametri referenzjarji tad-drittijiet tal-bniedem. Il-proposta għall-EUR 4 biljun li jifdal għadha qed tiġi kkunsidrata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, flimkien mal-proposta tal-Kummissjoni għal AMF lill-Ġordan, li hija mistennija li tiġi adottata fit-tieni trimestru tal-2025.
Status ta’ implimentazzjoni tal-operazzjonijiet tal-AMF fl-2024 (skont ir-reġjun)
1
2
2.1Sħubija tal-Lvant
·Il-Moldova
Il-Moldova qed tirkupra mill-kriżi tal-enerġija fl-2021. L-irkupru ekonomiku tagħha beda fl-2023 u ssaħħaħ fl-2024, bi tkabbir fil-PDG ta’ 2,6 %. Konsum privat aktar qawwi bis-saħħa ta’ inflazzjoni baxxa u żieda fil-pagi reali, flimkien mal-irkupru tal-investiment, ikkumpensaw għat-tkabbir dgħajjef fl-esportazzjoni. Il-pagi reali komplew jiżdiedu filwaqt li l-politika monetarja aktar laxka għandha kundizzjonijiet li appoġġaw is-self u l-investiment tal-konsumaturi. Id-defiċit attwali fil-kontijiet żdied fl-2024 wara tnaqqis qawwi fl-2023, xprunat minn defiċit kummerċjali akbar ikkawżat minn tnaqqis fl-esportazzjonijiet ta’ oġġetti u importazzjonijiet stabbli. Iż-żieda fl-esportazzjonijiet tas-servizzi, immexxija mis-settur tal-ICT, tikkumpensa parzjalment għat-tnaqqis fl-esportazzjonijiet tal-oġġetti. Ir-rimessi komplew jonqsu għal 11,4 % tal-PDG fit-tieni trimestru tal-2024, filwaqt li l-influssi tal-investiment dirett barrani (IDB) bħala sehem tal-PDG naqsu matul l-ewwel tliet trimestri tal-2024. Id-defiċit tal-baġit fl-2024 naqas għal 3,9 % tal-PDG fl-2024 minħabba ġbir ta’ dħul aktar b’saħħtu, nefqa kapitali aktar baxxa u l-immirar imtejjeb ta’ miżuri ta’ appoġġ biex jittaffa l-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija fuq l-unitajiet domestiċi. Fl-2024, il-gvern baqa’ orjentat lejn ir-riforma u impenja ruħu favur l-istabbiltà makroekonomika iżda r-riskji negattivi (b’mod partikolari fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-enerġija) baqgħu għoljin. In-negozjati tal-adeżjoni mal-UE tnedew uffiċjalment fl-2024 u referendum ra maġġoranza żgħira favur il-bidliet kostituzzjonali proposti bil-ħsieb li jissieħbu fl-UE.
Il-Moldova ntlaqtet bl-ikrah mill-kriżi tal-enerġija fl-2021. Wara talba mill-Moldova fid-19 ta’ Novembru 2021, il-Kummissjoni adottat proposta għal AMF ta’ EUR 150 miljun (EUR 120 miljun f’self fuq terminu medju u għotja ta’ EUR 30 miljun). Il-Parlament u l-Kunsill adottaw deċiżjoni għal dan l-għan fis-6 ta’ April 2022 (id-Deċiżjoni (UE) 2022/563). Il-Memorandum ta’ Qbil (MtQ), il-ftehim dwar il-faċilità ta’ self u l-ftehim ta’ għotja relatati ma’ din l-AMF ġew iffirmati fit-22 ta’ Ġunju 2022 u rratifikati mill-Parlament tal-Moldova fl-14 ta’ Lulju 2022.
B’rispons għall-impatt dirett u indirett dejjem akbar tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja fuq l-Ukrajna fuq l-ekonomija tal-Moldova, fl-24 ta’ Jannar 2023 il-Kummissjoni adottat proposta biex iżżid l-AMF li għaddejja b’EUR 145 miljun. Sa EUR 100 miljun minn dawn kienu fil-forma ta’ self u EUR 45 miljun f’għotjiet. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw deċiżjoni għal dan l-għan fl-14 ta’ Ġunju 2023 (id-Deċiżjoni (UE) 2023/1165). Din id-deċiżjoni żiedet l-appoġġ kumplessiv ipprovdut permezz ta’ din l-AMF għal EUR 295 miljun (inklużi EUR 75 miljun f’għotjiet). L-assistenza finanzjarja addizzjonali taħt l-AMF ġiet bħala parti minn pakkett akbar ta’ appoġġ tal-UE għall-Moldova, li l-President tal-Kummissjoni ħabbret f’Novembru 2022, u li kien fih ukoll EUR 105 miljun ta’ appoġġ baġitarju.
L-AMF ġiet rilaxxata f’ħames pagamenti parzjali, f’konformità mal-MtQ emendat li daħal fis-seħħ fil-5 ta’ Settembru 2023. L-ewwel pagament ta’ EUR 50 miljun (inklużi EUR 15 miljun f’għotjiet) ġie rilaxxat fl-1 ta’ Awwissu 2022. It-tieni pagament ta’ EUR 50 miljun (EUR 10 miljun f’għotjiet) ġie rilaxxat fit-22 ta’ Marzu 2023. It-tielet pagament parzjali (jiġifieri l-ewwel “pagament parzjali addizzjonali” mill-AMF addizzjonali) ġie rilaxxat fil-25 ta’ Ottubru 2023 (EUR 50 miljun f’self) u fis-27 ta’ Ottubru 2023 (EUR 22,5 miljun f’għotjiet). Ir-raba’ pagament parzjali (jiġifieri t-tieni “pagament parzjali addizzjonali” mill-AMF emendata) ġie rilaxxat fit-18 ta’ Lulju 2024 (EUR 50 miljun f’self u EUR 22,5 miljun f’għotjiet). Il-ħames u l-aħħar pagament parzjali ġie rilaxxat fis-17 ta’ Diċembru (EUR 45 miljun f’self) u fit-18 ta’ Diċembru 2024 (EUR 5 miljun f’għotjiet).
L-iżborż tal-AMF kien soġġett għal rekord pożittiv taħt il-Faċilità ta’ Kreditu Estiż / Faċilità Estiża tal-Fond (ECF/EFF, Extended Credit Facility/Extended Fund Facility) tal-FMI għall-Moldova, li ġiet adottata f’Diċembru 2021 u kompliet tiżdied f’Mejju 2022. Wara ż-żieda, il-programm tal-Fond jammonta għal USD 815 miljun. F’Diċembru 2023, il-Bord Eżekuttiv tal-FMI approva wkoll arranġament għall-Moldova taħt il-Faċilità għar-Reżiljenza u s-Sostenibbiltà (għal ammont ekwivalenti għal USD 173 miljun), biex jappoġġa l-isforzi tal-Moldova biex issaħħaħ ir-reżiljenza kontra x-xokkijiet klimatiċi, tappoġġa r-riformi tas-settur tal-enerġija, issaħħaħ it-tħejjija tas-settur finanzjarju domestiku u timmobilizza finanzjament sostenibbli. Wara t-tkeċċija bla mistenni tal-Gvernatur tal-Bank Nazzjonali tal-Moldova (BNM) f’Diċembru 2023, saru diskussjonijiet dwar l-importanza ta’ governanza tajba u l-indipendenza tal-Bank Ċentrali. Dan wassal għal għadd ta’ miżuri li ppermettew lill-FMI jikkonkludi b’suċċess il-ħames reviżjoni skont l-arranġamenti tal-ECF/EFF u l-ewwel reviżjoni skont l-RSF fit-28 ta’ Ġunju 2024. Fis-17 ta’ Diċembru 2024, l-FMI lesta s-sitt rieżami skont l-arranġamenti ECF/EFF u t-tieni rieżami skont l-RSF mal-Moldova, li jippermetti żborż ta’ USD 162,6 miljun. Il-programm tal-FMI huwa mistenni li jinkludi żewġ rieżamijiet oħra u jibqa’ għaddej sa Ottubru 2025.
·L-Ukrajna
Fost il-qerda serja kkawżata lill-kapital uman u fiżiku mill-invażjoni fuq skala sħiħa tar-Russja fl-2022, l-ekonomija tal-Ukrajna wriet reżiljenza notevoli. Il-PDG kiber b’5,3 % fl-2023 u huwa pproġettat li żdied b’3,5 % fl-2024, għalkemm ġie osservat xi tnaqqis fit-tkabbir fit-tieni nofs tal-2024. L-irkupru ġie appoġġat mill-ftuħ mill-ġdid tar-rotot tal-esportazzjoni (b’mod partikolari permezz tal-Baħar l-Iswed u d-Danubju) u assistenza finanzjarja internazzjonali b’saħħitha (inkluż mill-AMF eċċezzjonali tal-UE fl-2023 u l-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Ukrajna, li bdiet fl-2024). L-inflazzjoni, li kienet naqset b’mod sinifikanti fl-2023, aċċellerat lejn l-aħħar tal-2024 minħabba żieda fil-kostijiet tal-elettriku wara attakki intensifikati fuq l-infrastruttura tal-enerġija u minħabba żieda qawwija fil-pagi fost nuqqas ta’ ħaddiema. B’rispons għal dan, il-Bank Nazzjonali tal-Ukrajna rrestrinġa l-politika monetarja, u għolla r-rata ta’ politika għal 14,5 % f’Jannar 2025. Id-defiċit fil-kont kurrenti kiber għal 7,6 % tal-PDG fl-2024, prinċipalment minħabba tnaqqis fl-għotjiet internazzjonali, filwaqt li d-defiċit kummerċjali baqa’ stabbli hekk kif iż-żieda fl-importazzjonijiet għad-difiża u r-rikostruzzjoni kkumpensat għall-gwadanji fl-esportazzjoni. Minkejja l-ambjent diffiċli, is-settur bankarju għadu stabbli u profittabbli, bi proporzjonijiet ta’ self improduttiv li qed jonqsu u bafers kapitali suffiċjenti. Il-finanzi pubbliċi għadhom taħt pressjoni, b’defiċit fiskali ta’ 19,1 % tal-PDG fl-2024 li kien xprunat l-aktar minn infiq għoli għad-difiża u r-rikostruzzjoni. Il-miżuri tat-taxxa huma mistennija li jsaħħu d-dħul fl-2025, iżda d-distakk fiskali għadu sostanzjali. Meta wieħed iħares’ il quddiem, il-prospetti ta’ tkabbir huma mxekkla minn inċertezza relatata mal-qerda tal-infrastruttura (tal-enerġija), man-nuqqas ta’ ħaddiema u mal-perkors futur tal-gwerra. F’dan il-kuntest, l-appoġġ internazzjonali sostnut jibqa’ kruċjali għall-istabbiltà ekonomika u l-kapaċità tal-Ukrajna li tiffaċċja l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja.
Wara l-iżborż ta’ EUR 18 biljun taħt il-programm AMF+ fl-2023, il-Faċilità għall-Ukrajna saret l-istrument ta’ appoġġ baġitarju primarju tal-Unjoni fl-2024, u pprovdiet EUR 16,5 biljun f’assistenza taħt il-Pilastru I. Madankollu, l-aggressjoni dejjem tikber u kontinwa tar-Russja kompliet iżżid il-ħtiġijiet ta’ finanzjament għall-2024 u lil hinn. Tfaċċat diskrepanza fil-finanzjament residwu minkejja l-appoġġ ipprovdut permezz tal-Faċilità għall-Ukrajna u l-kontribuzzjonijiet minn sħab oħra. Bi tweġiba, il-mexxejja tal-G7 impenjaw ruħhom fis-summit tagħhom ta’ Ġunju 2024 f’Apulia, l-Italja, li jipprovdu lill-Ukrajna b’EUR 45 biljun f’self ERA li jitħallas lura bl-użu ta’ dħul straordinarju futur iġġenerat minn assi sovrani Russi immobilizzati miżmuma fl-Unjoni u f’ġuriżdizzjonijiet rilevanti oħra.
Filwaqt li tibni fuq dan l-impenn, fl-20 ta’ Settembru 2024 il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu ta’ Kooperazzjoni ta’ Self għall-Ukrajna u li jipprovdi AMF eċċezzjonali lill-Ukrajna. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw din il-proposta fl-24 ta’ Ottubru 2024 bħala r-Regolament (UE) 2024/2773 (ir-Regolament ULCM), li daħal fis-seħħ fid-29 ta’ Ottubru 2024. Abbażi tal-kontribuzzjonijiet ikkonfermati mis-sħab tal-G7 wara l-laqgħa tal-ministri tal-finanzi tal-G7 tal-25 ta’ Ottubru 2024 f’Washington DC, l-Unjoni kkonfermat self tal-AMF ta’ EUR 18,1 biljun lill-Ukrajna li kellu jiġi rilaxxat permezz ta’ pagament wieħed. Id-Deċiżjoni li tawtorizza r-rilaxx tal-pagament uniku ġiet adottata fit-18 ta’ Diċembru 2024 mill-Kummissjoni Ewropea, u l-ewwel żborż lill-Ukrajna għal ammont ta’ EUR 3 biljun sar fl-10 ta’ Jannar 2025. L-iżborżi sussegwenti se jsegwu matul l-2025.
Minħabba ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali, din l-AMF għandha termini konċessjonali ħafna. L-Ukrajna tibqa’ formalment responsabbli għall-ħlas lura tas-self mill-ERA, iżda r-ripagamenti huma maħsuba li jiġu ffinanzjati permezz tad-dħul straordinarju ġġenerat mill-assi Russi immobilizzati. Għalhekk, l-Ukrajna mhijiex mistennija tuża r-riżorsi proprji tagħha biex tħallas lura s-self direttament. Minflok, ir-ripagamenti se jiġu ġestiti permezz tal-ULCM, sabiex l-Ukrajna tkun tista’ tforni minn qabel il-benefiċċji ta’ dan id-dħul straordinarju filwaqt li timminimizza l-impatt fuq il-finanzi pubbliċi tagħha. Barra minn hekk, jekk id-dħul straordinarju ma jkunx biżżejjed biex jitħallas lura s-self tal-AMF, il-maturità konċessjonali ħafna ta’ 45 sena u l-perjodu ta’ grazzja ta’ 10 snin qabel ma jibdew ir-ripagamenti tal-kapital se jipprovdu biżżejjed spazju biex tiġi żgurata l-istabbilizzazzjoni tas-sitwazzjoni makrofiskali tal-Ukrajna. Dan l-arranġament ta’ finanzjament mhux biss inaqqas il-pressjoni immedjata fuq il-finanzi pubbliċi tal-Ukrajna iżda jiżgura wkoll li l-flussi tas-servizz tad-dejn jibqgħu maniġġabbli meta jibdew fis-snin 2030, u b’hekk jittaffew b’mod sinifikanti r-riskji għall-istabbiltà finanzjarja matul il-perjodu ta’ rkupru. L-influss ta’ dħul fl-ULCM jiddependi fuq l-immobilizzazzjoni kontinwa ta’ dawn l-assi, li hija soġġetta għat-tiġdid tas-sanzjonijiet kull sitt xhur. Il-Kunsill adotta t-tiġdid l-aktar reċenti fis-27 ta’ Jannar 2025. It-tiġdid tas-sanzjonijiet jeħtieġ unanimità fil-Kunsill.
Bħal fil-programmi preċedenti tal-AMF, l-iżborż ta’ dan is-self eċċezzjonali tal-AMF ta’ EUR 18,1 biljun kien kundizzjonali fuq it-twettiq tal-impenji ta’ politika stabbiliti fil-MtQ bejn l-Unjoni u l-Ukrajna. Il-MtQ, li ġie approvat mill-Kumitat tal-Istati Membri dwar l-AMF fis-7 ta’ Novembru 2024, daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Diċembru 2024. L-implimentazzjoni b’suċċess tal-kundizzjonijiet ta’ politika konsistenti ma’ għażla ta’ dawk li jirfdu l-Pjan għall-Ukrajna (li jkopru oqsma ewlenin ta’ riforma bħall-istabbiltà makrofinanzjarja, l-intrapriżi tal-Istat, l-amministrazzjoni pubblika, l-istat tad-dritt u d-difiża) ippermettiet ir-rilaxx tal-pagament uniku tas-self tal-AMF fit-18 ta’ Diċembru 2024.
2.2Viċinat tan-Nofsinhar
·L-Eġittu
Sitwazzjoni dejjem aktar volatili fil-Palestina kellha riperkussjonijiet fuq ir-reġjun, inkluż l-Eġittu. Madankollu, mill-2024, is-sentiment ekonomiku fl-Eġittu tjieb b’mod sinifikanti wara l-unifikazzjoni tar-reġim frammentat tar-rata tal-kambju f’Marzu 2024, appoġġat minn impenji kbar ta’ finanzjament minn sħab internazzjonali. Il-PDG reali kiber bi 2,4 % matul l-aħħar sena fiskali (sena kontabilistika, Lulju-Ġunju 2023/24) (tnaqqis minn 3,8 % matul is sena kontabilistika 22/23) u laħaq 3,5 % sena wara sena matul it-tielet trimestru tal-2024. Il-qgħad baqa’ ġeneralment stabbli, u laħaq 6,7 % f’Settembru 2024 (żieda minn 7,0 % fl-2024). L-inflazzjoni tal-prezzijiet għall-konsumatur baqgħet għolja b’24,1 % f’Diċembru 2024, iżda din kienet aktar baxxa mill-quċċata temporanja ta’ 35,7 % fi Frar 2024. Bejn Frar u Diċembru, ir-riżervi uffiċjali żdiedu minn USD 35,3 biljun għal USD 47,1 biljun (li jkopru madwar 10 xhur ta’ importazzjonijiet). Dan kien dovut għal allokazzjonijiet sekwenzjali mill-ftehim storiku ta’ Ras El-Hekma, investiment ta’ USD 35 biljun minn fond sovran tal-Emirati Għarab Magħquda fi proġett ta’ proprjetà immobbli fuq il-kosta tat-Tramuntana tal-Eġittu. Id-defiċit fiskali fis-sena kontabilistika 23/24 ibbenefika wkoll mir-rikavati ta’ darba minn Ras El-Hekma, li naqas għal 3,6 % tal-PDG fis-sena kontabilistika 23/24 (meta mqabbel ma’ –6,2 % tal-PDG matul is-sena kontabilistika preċedenti). Il-bilanċ primarju tjieb b’mod sinifikanti matul l-istess perjodu. Il-FMI jistma li d-dejn pubbliku naqas għal 90,9 % tal-PDG sa tmiem is-sena kontabilistika 23/24 (tnaqqis minn 95,9 % is-sena kontabilistika ta’ qabel) peress li parti mid-dħul mill-ftehim ta’ investiment ta’ Ras El-Hekma ntuża għat-tnaqqis tad-dejn. Id-defiċit fil-kont kurrenti mar għall-agħar għal 5,5 % tal-PDG fis-sena kontabilistika 23/24 (meta mqabbel ma’ defiċit ta’ 1,2 % tal-PDG fis-sena kontabilistika ta’ qabel). L-unifikazzjoni tar-rati tal-kambju u ż-żieda fil-fiduċja mill-appoġġ internazzjonali minn Marzu ’l hawn appoġġaw l-esportazzjonijiet u t-turiżmu, iżda l-impatt fuq il-kont kurrenti mit-tfixkil fil-Baħar l-Aħmar ġie mtawwal u probabbilment se jittaffa biss gradwalment.
Fis-17 ta’ Marzu 2024, l-UE u l-Eġittu qablu li japprofondixxu r-relazzjoni tagħhom u jiżviluppaw sħubija strateġika u komprensiva għall-prosperità, l-istabbiltà u s-sigurtà kondiviżi, li tkopri oqsma speċifiċi ta’ kooperazzjoni. Is-sostenn tas-sħubija huwa pakkett finanzjarju sa EUR 7,4 biljun li jikkonsisti f’appoġġ fuq terminu qasir u twil għall-aġenda ta’ riforma makrofiskali u soċjoekonomika meħtieġa. Minħabba s-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja kritika tal-Eġittu u r-rwol tiegħu bħala fattur stabbilizzanti importanti f’reġjun dejjem aktar volatili, fil-15 ta’ Marzu 2024 il-Kummissjoni pproponiet li tappoġġa lill-Eġittu b’żewġ operazzjonijiet tal-AMF sa EUR 5 biljun meħuda flimkien f’self fit-tul konċessjonali ħafna. Il-pakkett tal-AMF kien maqsum f’(i) proposta għal operazzjoni tal-AMF fuq terminu qasir ta’ EUR 1 biljun (eċċezzjonalment ibbażata fuq l-Artikolu 213 tat-TFUE 7 ) biex ikun jista’ jsir żborż sħiħ f’pagament wieħed fl-2024 fid-dawl tal-ħtiġijiet finanzjarji urġenti tal-Eġittu (u l-waqfa tal-Parlament Ewropew qabel l-elezzjonijiet fis-sajf tal-2024); u (ii) proposta għal operazzjoni regolari tal-AMF sa EUR 4 biljun (abbażi tal-Artikolu 212 tat-TFUE). Il-Kunsill adotta l-MFA għal żmien qasir fit-12 ta’ April 2024 (id-Deċiżjoni (UE) 2024/1144). Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill bħalissa qed jikkunsidraw il-proposta għall-AMF regolari.
Il-pakkett tal-AMF ġie propost flimkien ma’ FES tal-FMI miżjud, abbażi ta’ ftehim fil-livell tal-persunal li ntlaħaq fis-6 ta’ Marzu 2024 li mbagħad ġie adottat mill-Bord Eżekuttiv tal-FMI fid-29 ta’ Marzu 2024. Il-programm, li ġie adottat għall-ewwel darba f’Diċembru 2022, żdied minn USD 3 biljun għal USD 8 biljun u jipprovdi ankra b’saħħitha għal aktar progress fir-riformi ekonomiċi. Il-FMI u l-Eġittu laħqu ftehim fil-livell tal-persunal dwar ir-raba’ rieżami fl-24 ta’ Diċembru 2024.
Il-MFA fuq terminu qasir kienet mirfuda minn MtQ. Il-MtQ stipula l-iżborż tal-appoġġ f’pagament wieħed u kien fih sett ta’ riformi miftiehma tal-politika ekonomika biex jittejbu l-istabbiltà makroekonomika u r-reżiljenza, jissaħħu l-ambjent tan-negozju u l-kompetittività, u tiġi avvanzata t-tranżizzjoni ekoloġika. F’konformità mal-MtQ, l-iżborż tal-appoġġ kien soġġett għal: (i) l-implimentazzjoni tar-riformi miftiehma tal-politika ekonomika; (ii) l-implimentazzjoni ta’ passi konkreti u kredibbli lejn ir-rispett ta’ mekkaniżmi demokratiċi effettivi (inkluża sistema parlamentari b’diversi partiti) u l-istat tad-dritt, u l-garanzija tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem; u (iii) programm ta’ żborż fuq il-post tal-FMI. Il-valutazzjoni ġenerali tal-implimentazzjoni kienet pożittiva. Id-Deċiżjoni dwar ir-Rilaxx tal-AMF ġiet adottata fit-18 ta’ Diċembru 2024 u l-pagament uniku ġie żborżat kompletament fis-27 ta’ Diċembru 2024.
2.3Balkani tal-Punent
·Il-Maċedonja ta’ Fuq
L-irkupru tal-ekonomija wara l-COVID-19 għadu qed idum biex jirranka. Il-produzzjoni reali żdiedet bi 2,8 % fl-2024. It-tkabbir kien xprunat mill-investiment u mill-konsum pubbliku, b’dan tal-aħħar jirrifletti parzjalment żieda qawwija fil-pagi tas-settur pubbliku. Appoġġat minn żieda fid-dħul reali, it-tkabbir fil-konsum tal-unitajiet domestiċi żdied ukoll. Il-bilanċ estern ta kontribut negattiv għat-tkabbir peress li d-domanda mis-swieq ewlenin tal-esportazzjoni kienet dgħajfa. L-inflazzjoni, li kienet immoderat aktar kmieni fis-sena, reġgħet żdiedet minn Settembru għal medja sena wara sena ta’ 3,5 %, minn 9,4 % fl-2023. Din iż-żieda fl-aħħar tas-sena kienet prinċipalment xprunata miż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel, tal-alkoħol u tat-tabakk, minkejja l-limiti tal-prezzijiet imposti mill-gvern fuq il-prodotti bażiċi. Filwaqt li t-tnaqqis fil-prezzijiet tal-enerġija biddel il-bilanċ tal-kont kurrenti għal surplus żgħir fi tmiem l-2023, dan reġa’ waqa’ f’defiċit fl-2024 (-2,3 %), minħabba deterjorament fid-defiċit kummerċjali tal-merkanzija u surplus tal-introjtu sekondarju aktar baxx. Id-defiċit tal-introjtu primarju twessa’ wkoll.
Fis-6 ta’ Frar 2023, il-Kummissjoni adottat proposta biex tipprovdi AMF lill-Maċedonja ta’ Fuq għal ammont sa EUR 100 miljun f’self, li għandu jiġi żborżat f’żewġ pagamenti parzjali ndaqs. Id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ġiet adottata fit-12 ta’ Lulju 2023 (id-Deċiżjoni (UE) 2023/1461) u l-MtQ ġie ffirmat mal-awtoritajiet tal-Maċedonja ta’ Fuq f’Jannar 2024. Il-MtQ fih 20 kundizzjoni ta’ politika (li 8 minnhom huma relatati mal-ewwel żborż) fl-oqsma li ġejjin: il-finanzi pubbliċi; l-ambjent tan-negozju; l-edukazzjoni u s-suq tax-xogħol; l-enerġija; u l-ġudikatura, il-governanza tajba u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Il-Kummissjoni kkonfermat li l-kundizzjonijiet kollha għall-ewwel pagament parzjali kienu ġew issodisfati u fit-22 ta’ April 2024 iddeċidiet li tirrilaxxa l-iżborż korrispondenti ta’ EUR 50 miljun.
L-AMF hija kontinġenti fuq rekord pożittiv fir-rigward tal-programm tal-FMI li għaddej bħalissa. Fit-22 ta’ Novembru 2022, wara t-talba tal-awtoritajiet u ftehim fil-livell tal-persunal, il-Bord tal-FMI adotta arranġament ta’ 24 xahar taħt il-Linja ta’ Prekawzjoni u Likwidità. F’Jannar 2024, il-FMI lesta l-ewwel rieżami tal-programm. Madankollu, il-linja prekawzjonarja u ta’ likwidità tal-FMI skadiet f’Novembru 2024 mingħajr ma saret it-tieni rieżami, li jfisser li prekundizzjoni essenzjali għall-iżborż tat-tieni u l-aħħar pagament parzjali mill-AMF bħalissa mhijiex issodisfata.
L-ewwel nofs tal-AMF ġie żborżat b’suċċess, iżda t-tieni u l-aħħar segment tal-AMF jidher li x’aktarx mhux se jiġi prelevat. Il-Gvern il-ġdid ma għamilx progress fl-implimentazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ politika marbuta mal-pagament parzjali finali ta’ EUR 50 miljun, li jinkludu l-iżgurar tal-adozzjoni parlamentari ta’ diversi liġijiet, inkluża l-leġiżlazzjoni sekondarja għal-liġi dwar l-effiċjenza enerġetika u l-leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni għal-liġi l-ġdida dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. Barra minn hekk, il-Maċedonja ta’ Fuq reċentement ikkuntrattat żewġ selfiet bilaterali ta’ EUR 500 miljun kull wieħed b’rata tal-imgħax favorevoli minn Eximbank, bank tal-Istat Ungeriż, li jtaffi l-ħtiġijiet ta’ finanzjament estern. F’dawn iċ-ċirkostanzi, l-iżborż tat-tieni segment tal-AMF huwa pjuttost improbabbli. Il-perjodu ta’ disponibbiltà tal-AMF jintemm f’Awwissu 2026.
3.L-IŻGURAR TAL-UŻU XIERAQ TAL-FONDI TAL-AMF: VALUTAZZJONIJIET OPERAZZJONALI, EVALWAZZJONIJIET EX POST
1
2
3
3.1Valutazzjonijiet operazzjonali
F’konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 (ir-Regolament Finanzjarju), il-Kummissjoni twettaq valutazzjonijiet operazzjonali bl-għajnuna ta’ konsulenti esterni biex tikseb assigurazzjonijiet raġonevoli dwar il-funzjonament tal-proċeduri amministrattivi u taċ-ċirkwiti finanzjarji fil-pajjiżi benefiċjarji.
Il-valutazzjonijiet operazzjonali jiffukaw fuq is-sistemi tal-ġestjoni finanzjarja pubblika (PFM, public financial management) (b’mod partikolari kif jiġu organizzati l-ministeri tal-finanzi u l-banek ċentrali u liema proċeduri jimplimentaw) u – b’mod aktar speċifiku – fuq kif jiġu ġestiti l-kontijiet li jirċievu assistenza finanzjarja mill-UE. Tingħata wkoll attenzjoni speċjali lill-funzjonament, l-indipendenza u l-programmi ta’ ħidma tal-istituzzjonijiet tal-awditjar estern, u kemm huma effettivi l-kontrolli tagħhom. Jiġu eżaminati wkoll il-proċeduri tal-akkwist pubbliku fil-livell ċentrali.
Valutazzjoni operazzjonali tal-2020 għall-Moldova, imwettqa qabel l-operazzjoni tal-COVID-19, enfasizzat progress sinifikanti fis-sistemi tal-PFM u ċ-ċirkwiti finanzjarji mill-aħħar rieżami fl-2015. Hija kkonkludiet li l-proċeduri finanzjarji tal-Moldova huma xierqa għal programm sussegwenti ta’ AMF. L-aħħar valutazzjoni operazzjonali taċ-ċirkwiti amministrattivi u finanzjarji tal-Ukrajna twettqet fl-2022, qabel l-appoġġ eċċezzjonali tal-AMF u tal-AMF+. Din kienet it-tielet waħda minn tali valutazzjonijiet imwettqa fl-Ukrajna, għalkemm imwettqa mill-bogħod minħabba kundizzjonijiet ta’ żmien il-gwerra. B’mod ġenerali, hija kkonkludiet li kien sar progress konsiderevoli fit-tisħiħ tas-sistemi ta’ ġestjoni finanzjarja pubblika u ċirkwiti finanzjarji oħra mill-aħħar eżerċizzju fl-2018. Hija enfasizzat ukoll l-impenn kontinwu tal-awtoritajiet Ukreni għal titjib kontinwu. Il-valutazzjoni enfasizzat il-prijoritizzazzjoni tar-riformi tal-ġestjoni finanzjarja pubblika f’oqsma ewlenin u rrakkomandat azzjoni ulterjuri ladarba s-sigurtà titjieb, minħabba l-isforzi sinifikanti ta’ rikostruzzjoni li ġejjin. Il-Faċilità għall-Ukrajna tinkludi miżuri b’saħħithom ta’ awditjar u kontroll, inkluż il-ħolqien ta’ bord tal-awditjar indipendenti bil-kompitu li jivvaluta l-effettività tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll tal-Ukrajna u jwettaq awditi regolari fuq il-post.
Fl-2023, twettqet valutazzjoni operazzjonali tal-Maċedonja ta’ Fuq għall-operazzjoni l-ġdida tal-AMF. Il-konsulenti esterni sabu li ċ-ċirkwiti u l-proċeduri finanzjarji tal-pajjiż kienu sodisfaċenti u qiesu s-sistema ta’ ġestjoni finanzjarja pubblika tiegħu ġeneralment tajba, filwaqt li nnotaw progress sinifikanti reċenti.
Fl-2024 twettqu żewġ valutazzjonijiet operazzjonali bi tħejjija għall-operazzjonijiet il-ġodda tal-AMF fl-Eġittu u l-Ġordan, bl-ewwel parti tal-AMF tal-ewwel pajjiż implimentata bis-sħiħ fl-2024 u l-bqija mistennija li tiġi adottata mill-koleġiżlaturi fl-2025 flimkien ma’ dik tal-Ġordan. Il-valutazzjoni operazzjonali għall-Eġittu kienet it-tieni waħda mill-2013 u parti minnha twettqet mill-bogħod minħabba dewmien fl-approvazzjoni tas-sigurtà. L-awtoritajiet Eġizzjani għamlu progress sinifikanti, inkluża l-introduzzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdida li tirregola l-ġestjoni finanzjarja pubblika u l-operazzjonijiet bankarji. Il-qafas tal-ġestjoni finanzjarja pubblika u ċ-ċirkwiti finanzjarji tal-Eġittu tqiesu bħala adegwati għall-programm tal-AMF – dment li tkompli r-rankatura tar-riforma. Il-valutazzjoni operazzjonali għall-Ġordan kienet it-tieni waħda mill-2020 u kkonfermat il-progress fit-titjib tas-sistemi tal-PFM u t-titjib tal-effiċjenza tal-fondi pubbliċi. Madankollu, għad fadal sfidi, inklużi l-indipendenza u t-trasparenza limitati tal-Bureau tal-Awditjar; nuqqas ta’ utilizzazzjoni tal-Kumitat għar-Reviżjoni tal-Ilmenti dwar l-Akkwist; u suq sekondarju sottożviluppat għat-titoli tal-gvern. Minkejja dawn il-kwistjonijiet, il-valutazzjoni kkonkludiet li s-sistemi finanzjarji tal-Ġordan jipprovdu pedament b’saħħtu għall-programm tal-AMF. Is-sejbiet tal-valutazzjonijiet operazzjonali għall-Ġordan u l-Eġittu se jiġu kkunsidrati meta tiġi żviluppata l-kundizzjonalità tal-politika ekonomika għaż-żewġ AMFs.
3.2Evalwazzjonijiet
F’konformità mar-Regolament Finanzjarju u d-deċiżjonijiet korrispondenti tal-AMF, il-Kummissjoni twettaq evalwazzjonijiet 8 wara t-tlestija tal-operazzjonijiet tal-AMF sabiex tivvaluta l-impatt tagħhom. Iż-żewġ objettivi ewlenin ta’ dawn l-evalwazzjonijiet huma li jiġi analizzat l-impatt ta’ AMF fuq l-ekonomija tal-pajjiż benefiċjarju, speċjalment fuq is-sostenibbiltà tal-pożizzjoni esterna tiegħu, u li jiġi vvalutat il-valur miżjud tal-azzjoni tal-Unjoni.
Fl-2024, il-Kummissjoni kkonkludiet l-evalwazzjoni ex post konġunta tal-operazzjonijiet għall-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, jiġifieri l-Moldova, il-Georgia u l-Ukrajna (2017-2020). Ir-rapport estern u d-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanjah ġew ippubblikati f’Jannar 2025. Għat-tliet pajjiżi kollha, l-istudju kkonkluda li l-operazzjonijiet kellhom impatt pożittiv fuq is-sostenibbiltà tad-dejn u s-sitwazzjoni makroekonomika. Dan kien partikolarment sinifikanti għall-Ukrajna, minħabba l-iskala akbar tal-operazzjoni u s-sitwazzjoni makroekonomika aktar diffiċli tagħha. B’mod ġenerali, l-evalwazzjoni kkonkludiet li t-tliet operazzjonijiet irnexxielhom irawmu bidla pożittiva f’diversi oqsma ewlenin ta’ riforma u li kienu konsistenti mal-qafas ta’ politika ġenerali tal-UE, filwaqt li kienu allinjati mal-aġendi ta’ riforma tal-awtoritajiet u ma’ programmi ta’ donaturi oħra.
Fl-2024, il-Kummissjoni nediet l-evalwazzjoni ex post dwar l-operazzjonijiet tal-AMF għall-COVID-19 lil 10 pajjiż sieħeb (2020-2022), li għandha tiġi ppubblikata flimkien mad-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanjaha fl-2025. L-istudju ta’ evalwazzjoni se jivvaluta l-pakkett tal-AMF ta’ EUR 3 biljun ipprovdut fl-2020 lis-sħab madwar il-Viċinat tal-Lvant, il-Balkani tal-Punent, u r-reġjuni tal-Viċinat tan-Nofsinhar biex jittaffa l-impatt ekonomiku tal-pandemija tal-COVID-19.
4.Żviluppi ġenerali relatati mal-istrument tal-AMF
4
4.1Funzjonament tal-istrument tal-AMF
Id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-AMF 9 tqis l-assistenza bħala waħda ta’ natura makroekonomika u finanzjarja u tiddikjara b’mod ċar li għandha timmira lejn “ir-ristabbiliment tas-sostenibilità tas-sitwazzjoni finanzjarja esterna tal-pajjiżi u tat-territorji eleġibbli li jinsabu quddiem diffikultajiet ta' finanzjament estern”. Biex l-AMF tirnexxi bħala strument ta’ emerġenza, huwa għalhekk importanti li tiġi mobilizzata b’mod effettiv u f’waqtu. It-teħid ta’ deċiżjonijiet li jinvolvi l-proċedura leġiżlattiva ordinarja spiss ġie identifikat bħala li jieħu ħafna ħin, li huwa nuqqas kbir għal strument ta’ kriżi li huwa maħsub biex jirreaġixxi malajr għal kriżi tal-bilanċ tal-pagamenti 10 .
Madankollu, f’ċirkostanzi eċċezzjonali marbuta mal-kriżi tal-COVID-19 u l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, il-pakketti rilevanti tal-AMF ibbenefikaw minn adozzjoni rapida ħafna li saret possibbli minħabba li l-istituzzjonijiet kollha għamlu użu sħiħ mill-flessibbiltajiet proċedurali għad-dispożizzjoni tagħhom. F’dawn il-każijiet, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill qablu dwar l-użu ta’ proċeduri ta’ urġenza eżistenti li għamluha possibbli li l-assistenza korrispondenti tiġi adottata fi żmien xahar minn meta l-Kummissjoni ppreżentat il-proposti tagħha. Il-Parlament Ewropew invoka klawżola speċifika (l-Artikolu 163) fir-Regoli ta’ Proċedura tiegħu sabiex ikun jista’ jadotta l-proposta direttament fil-plenarja tiegħu, u b’hekk jaqbeż l-istadju tas-soltu tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (INTA).
Ir-regoli ta’ Proċedura kemm tal-Parlament Ewropew kif ukoll tal-Kunsill jipprovdu proċedura urġenti meħtieġa għal adozzjoni rapida f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali, iżda l-proċedura standard tieħu ħafna aktar żmien. Dan intwera fil-każ tal-proposta reċenti tal-Kummissjoni għal AMF lill-Ġordan, li ġiet proposta f’April 2024 iżda li mhijiex mistennija li tiġi adottata qabel it-tieni trimestru tal-2025. Dan id-dewmien twil huwa parzjalment dovut għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’Ġunju 2024 u l-ħtieġa sussegwenti li l-kumitati tiegħu jiġu rikostitwiti. Fil-każ tal-Eġittu, il-ħtieġa urġenti li tkun tista’ tiġi pprovduta l-ewwel parti tal-appoġġ hekk kif it-tieni nofs tal-2024 wasslet lill-Kummissjoni biex f’Marzu 2024 tiddeċiedi b’mod eċċezzjonali li tipproponi l-ewwel operazzjoni urġenti iżda ta’ terminu qasir ta’ AMF biex tgħin lill-Eġittu abbażi tal-Artikolu 213 tat-TFUE (applikabbli f’każijiet fejn tkun meħtieġa assistenza finanzjarja urġenti u li tirrikjedi biss adozzjoni mill-Kunsill). Madankollu, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li dan ma kienx approċċ ideali, u għalhekk ipproponiet li tipprovdi l-biċċa l-kbira tal-appoġġ tal-AMF għall-Eġittu permezz tat-tieni operazzjoni tal-AMF aktar fuq terminu medju, li qed issegwi l-proċeduri normali skont l-Artikolu 212 tat-TFUE (bl-involviment taż-żewġ koleġiżlaturi aktar milli sempliċiment il-Kunsill). F’dan il-kuntest, huwa importanti li wieħed jinnota li l-proċedura simplifikata 11 għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-Parlament Ewropew ġiet emendata. B’kuntrast mal-proċedura urġenti, il-proċedura simplifikata ma teħtieġx talba mill-President biex il-proposta tiġi ttrattata bħala urġenti u tissimplifika l-proċess ta’ adozzjoni billi tirrikjedi inqas passi għall-approvazzjoni mill-proċedura standard. Din il-proċedura għadha ma ntużatx għall-AMF li għaddejjin bħalissa iżda tista’ ssib postha sew man-natura ta’ emerġenza tal-AMF u hija pass pożittiv lejn iż-żieda potenzjali tal-effettività tal-operazzjonijiet regolari.
L-AMF eċċezzjonali tal-ERA għall-Ukrajna għal darb’ oħra twettqet mingħajr rabta espliċita ma’ programm tal-FMI (anke jekk l-Ukrajna qed tibbenefika minn żborż sodisfaċenti tal-EFF). Barra minn hekk, hija bbenefikat minn proviżjonament permezz tal-marġni ta’ manuvra tal-baġit tal-UE, bħal fil-każ tal-AMF+. Din ingħatat fuq termini konċessjonali ħafna, b’maturità ta’ 45 sena u perjodu ta’ grazzja ta’ 10 snin. Ir-ripagamenti, inkluż l-imgħax u kwalunkwe kost ieħor relatat mas-self, huma koperti mid-dħul straordinarju li jirriżulta mill-assi immobilizzati tal-bank ċentrali Russu, u b’hekk jiġi minimizzat l-impatt fuq il-finanzi pubbliċi tal-Ukrajna.
It-tħejjijiet li għaddejjin għall-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) li jmiss huma opportunità biex jinsiltu tagħlimiet mill-esperjenzi reċenti tal-AMF. Dan jista’ jikkontribwixxi għal riflessjoni dwar il-futur tal-AMF mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill.
4.2L-AMF fil-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027
Il-perjodu attwali tal-QFP kien ikkaratterizzat minn grad mhux tas-soltu ta’ stress fuq ħafna ekonomiji, li jirriżulta mill-implikazzjonijiet tal-pandemija tal-COVID-19 madwar id-dinja. Barra minn hekk, il-pajjiżi sħab tal-UE għadhom vulnerabbli minħabba dgħufijiet strutturali fl-ekonomiji tagħhom stess. Ir-reġjun għadu wkoll espost għal inċertezza ġeopolitika għolja u qed ikompli jesperjenza instabbiltà ekonomika li hija aggravata aktar mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u, l-aktar reċenti, mill-kunflitt dejjem jikber fil-Lvant Nofsani. Minħabba l-prospettiva globali kontinwa ta’ sfida , il-ħtieġa li l-UE tikkunsidra li tipprovdi AMF x’aktarx li tibqa’ għolja fis-snin li ġejjin għalkemm, min-natura stess ta’ strument għall-kriżijiet, huwa impossibbli li jiġi previst il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Għalhekk huwa importanti li jiġi żgurat li jibqgħu disponibbli biżżejjed riżorsi baġitarji għall-istrument tal-AMF fl-aħħar snin tal-QFP preżenti.
Is-self tal-AMF huwa ggarantit mill-Garanzija għall-Azzjoni Esterna skont ir-Regolament (UE) 2021/947 (ir-“Regolament NDICI_GE”) b’rata ta’ proviżjonament ta’ 9 %, kif kien il-każ taħt il-QFPs preċedenti 12 . Il-baġit totali inizjalment allokat għall-proviżjonament tas-self tal-AMF ġie stabbilit għal madwar EUR 1 biljun, li jissarraf f’volum ta’ self ta’ EUR 11-il biljun. Mill-bidu tal-QFP attwali fl-2021, u fil-kuntest tal-appoġġ imdaqqas tal-UE lill-Ukrajna permezz tal-AMF fl-2022, madwar żewġ terzi tal-proviżjonament allokat kienu diġà ntużaw sa tmiem l-2023. Huwa f’dan il-kuntest li wara l-Kunsill Ewropew straordinarju tal-1 ta’ Frar 2024 dwar ir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-QFP, madwar EUR 225 miljun ta’ obbligazzjonijiet ta’ proviżjonament relatati mal-operazzjoni eċċezzjonali tal-AMF ta’ EUR 5 biljun lill-Ukrajna żborżata fl-2022 ġew ittrasferiti għall-Faċilità tal-Ukrajna. Flimkien mar-rinforzi tal-baġit għall-proviżjonament ta’ self tal-AMF, dan ippermetta l-mobilizzazzjoni ta’ riżorsi suffiċjenti biex tiġi ffinanzjata l-AMF adottata fuq terminu qasir lill-Eġittu sa EUR 1 biljun. Dan it-tisħiħ tal-baġit taħt l-NDICI jippermetti l-finanzjament ta’ operazzjoni regolari tal-AMF għall-Eġittu sa EUR 4 biljun jekk jiġi adottat mill-koleġiżlaturi, filwaqt li jħalli xi lok għal operazzjonijiet oħra tal-AMF sa tmiem l-2027 (ara t-Taqsima 5 hawn taħt).
5.Inħarsu ’l quddiem – l-operazzjonijiet tal-AMF u s-sitwazzjoni Baġitarja fl-2025
Meta titqies in-natura mhux programmabbli u xprunata mill-kriżi tal-AMF, huwa diffiċli li tiġi pprovduta previżjoni preċiża għal operazzjonijiet futuri għall-bqija tal-QFP attwali. Għalhekk, din it-taqsima tiffoka fuq operazzjonijiet diġà approvati fl-2025 u tindika wkoll operazzjonijiet potenzjali, filwaqt li tenfasizza l-iżviluppi ġeopolitiċi li qed jevolvu malajr.
Il-kunflitt li għaddej fil-Lvant Nofsani żied l-inċertezza ekonomika u kellu impatt qawwi fuq il-pajjiżi fir-reġjun. Diġà huma ppjanati operazzjonijiet għall-Eġittu u l-Ġordan, li sofrew minn tnaqqis fit-turiżmu u l-kummerċ li jesponi d-dgħufijiet strutturali taż-żewġ pajjiżi. Id-dipendenza tal-Eġittu fuq il-finanzjament estern volatili u l-kontroll eċċessiv tal-istat intensifikat il-pressjoni tal-bilanċ tal-pagamenti. Fil-Ġordan, il-kunflitt żied ma’ xokkijiet esterni reċenti oħra, li aggravaw id-defiċits baġitarji u l-kwistjonijiet strutturali, u dan wassal għal dejn pubbliku għoli u ħtiġijiet ta’ finanzjament. Pajjiżi oħra fir-reġjun huma wkoll affettwati ħafna.
Fit-8 ta’ Ottubru 2023, l-awtoritajiet tal-Ġordan talbu għal operazzjoni tal-AMF ta’ EUR 700 miljun (AMF IV). Bi tweġiba, fit-8 ta’ April 2024, il-Kummissjoni pproponiet pakkett ġdid ta’ AMF sa EUR 500 miljun. Din il-proposta ġiet żviluppata wara valutazzjoni bir-reqqa tal-ħtiġijiet ta’ finanzjament estern tal-Ġordan u l-kapaċità tiegħu li jkopri dawn il-ħtiġijiet, kemm f’konformità mal-prinċipji ta’ kondiviżjoni ġusta tal-piżijiet fost id-donaturi f’koordinazzjoni mill-qrib mal-FMI kif ukoll f’konformità mal-Faċilità Estiża tal-Fond il-ġdida għall-Ġordan għal USD 1,2 biljun għall-2024-2027. F’Jannar 2025, il-Ġordan ippreżenta talba għal AMF ġdida ta’ EUR 1 biljun (jiġifieri żieda ta’ EUR 500 miljun għall-AMF kif proposta mill-Kummissjoni), fost inċertezza reġjonali kontinwa, implikazzjonijiet ulterjuri għall-perspettiva fiskali u ekonomika tiegħu, u l-ħtieġa li jiġi protett il-momentum tal-aġenda ta’ riforma tiegħu. L-adozzjoni mill-koleġiżlaturi tal-operazzjoni tal-AMF IV (li tammonta għal EUR 500 miljun) hija mistennija fit-tieni trimestru tal-2025, bi tliet żborżi mistennija bejn l-2025 u l-2027. Fid-29 ta’ Jannar 2025, il-President von der Leyen ħabbret li l-Kummissjoni se tressaq proposta addizzjonali ta’ AMF ta’ EUR 500 miljun, li hija mistennija għar-rebbiegħa tal-2025.
Il-koleġiżlaturi bħalissa qed jikkunsidraw it-tieni komponent ta’ AMF ta’ EUR 5 biljun lill-Eġittu – l-ikbar biċċa tal-pakkett tal-AMF sa EUR 4 biljun għall-2025-2027. Din l-AMF tappoġġa lill-Eġittu fost xokkijiet esterni, b’mod partikolari l-gwerra ta’ aggressjoni kontinwa tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-effetti konsegwenzjali mill-eskalazzjonijiet fil-Lvant Nofsani. Il-flussi ta’ ħruġ tal-portafoll li jirriżultaw u t-tnaqqis fid-dħul mill-muniti barranin minn inqas introjtu mit-turiżmu u mill-Kanal ta’ Suez ikkontribwew għal twessigħ sinifikanti tad-diskrepanza fil-finanzjament estern, b’riskji negattivi kontinwi minħabba s-sitwazzjoni ġeopolitika kumplessa. L-adozzjoni tad-deċiżjoni bħalissa hija mistennija fit-tieni kwart tal-2025.
F’Novembru 2022, it-Tuneżija talbet AMF ta’ EUR 1,2 biljun biex tappoġġa l-ħtiġijiet ta’ finanzjament tagħha fil-kuntest tal-ambjent globali li mar għall-agħar u l-prezzijiet internazzjonali għoljin tal-komoditajiet. Dan segwa l-ftehim fil-livell tal-persunal li ntlaħaq mal-FMI f’Ottubru 2022 għal faċilità estiża ta’ fond ġdida (erba’ snin, USD 1,9 biljun). Madankollu, il-Bord tal-FMI għadu ma adottax il-programm minħabba li azzjonijiet preċedenti għadhom ma ġewx implimentati mit-Tuneżija, b’mod partikolari fir-rigward tar-riforma tas-sussidju għall-fjuwil. It-turiżmu b’saħħtu u r-rimessi stabbli taffew temporanjament il-pressjoni tal-finanzjament estern fuq it-Tuneżija. Soġġett għal valutazzjoni bir-reqqa tal-prekundizzjonijiet tal-AMF u l-ħtiġijiet ta’ finanzjament estern tat-Tuneżija, il-Kummissjoni tinsab lesta li tħejji proposta għal AMF ġdida ladarba l-programm tal-FMI jkun fis-seħħ. Dan ġie kkonfermat ukoll bħala parti mis-sħubija komprensiva bejn l-UE u t-Tuneżija maqbula f’Lulju 2023. Ġie nnutat li dan ikun jeħtieġ implimentazzjoni sostanzjali u b’saħħitha ta’ riformi addizzjonali.
F’April 2022, il-Libanu laħaq ftehim fil-livell tal-persunal mal-FMI (erba’ snin, USD 3 biljun) iżda għamel biss progress limitat fuq il-lista twila tiegħu ta’ azzjonijiet preċedenti. Il-PDG tiegħu minn dak iż-żmien ’l hawn kompla jonqos, ħafna istituzzjonijiet pubbliċi waqfu jiffunzjonaw u l-munita tilfet il-valur b’mod drammatiku, u dan wassal għal dollarizzazzjoni wiesgħa tal-ekonomija Libaniża. F’Jannar 2025, il-Parlament Libaniż eleġġa president, u nħatar prim ministru ġdid ftit jiem wara, li temm aktar minn ħames snin ta’ staġnar politiku u ħoloq il-kundizzjonijiet għal spinta ġdida għar-riformi. Fi Frar 2025, il-gvern il-ġdid esprima l-intenzjoni tiegħu li jerġa’ jimpenja ruħu mal-FMI għal programm ġdid, filwaqt li enfasizza pass pożittiv potenzjali fl-indirizzar tal-kriżi ekonomika permezz ta’ assistenza internazzjonali u riformi komprensivi. Il-Kummissjoni tinsab lesta li tappoġġa aġenda ta’ riforma komprensiva b’operazzjoni tal-AMF ladarba jiġu ssodisfati l-prekundizzjonijiet (inkluż programm aġġornat ta’ żborż tal-FMI fuq il-post).
Bl-istess mod, bidliet f’daqqa fix-xenarju politiku fis-Sirja f’Diċembru 2024 solvew staġnar politiku li ilu għaddej bit-tneħħija tar-reġim ta’ Assad. Bi gvern ġdid, li għadu fil-bidu tiegħu u fejn ħafna parametri għadhom mhumiex ċari (eż. is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem), hemm mill-inqas possibbiltà teoretika li fil-futur jista’ jsegwi impenn sinifikanti mill-UE, potenzjalment ikkomplementat minn AMF.
Fil-Viċinat tal-Lvant u fil-Balkani tal-Punent, l-iżviluppi ekonomiċi għadhom qed jissawru mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, li qed tixpruna bidliet fil-kummerċ u tfixkil finanzjarju. Lil hinn mill-Ukrajna, il-gwerra poġġiet pressjoni fuq l-unitajiet domestiċi u n-negozji, żiedet l-inflazzjoni u żiedet il-ħtiġijiet ta’ finanzjament madwar il-pajjiżi fiż-żewġ reġjuni. L-Ukrajna u l-Moldova għadhom jiddependu fuq għajnuna internazzjonali sostanzjali, fejn l-UE għandha rwol ewlieni. Il-Faċilità għall-Ukrajna ta’ EUR 50 biljun tal-UE (2024-2027), flimkien mal-AMF tal-ERA approvata reċentement, tappoġġa r-reżiljenza tal-Ukrajna. Il-Pjan ta’ Tkabbir tal-Moldova (EUR 1,9 biljun, 2025-2027) għandu l-għan li jagħti spinta lill-aċċess għas-suq u lill-konverġenza tal-introjtu. Il-Faċilità għar-Riforma u t-Tkabbir għall-Balkani tal-Punent se tipprovdi sa EUR 6 biljun (2024-2027) f’għotjiet u self, filwaqt li tappoġġa aċċellerazzjoni fl-isforzi ta’ riforma ta’ dawn il-pajjiżi.
Il-Kummissjoni tinsab lesta li tikkunsidra kwalunkwe talba oħra li jmiss għall-AMF u, jekk ikun xieraq, se tipproponi operazzjonijiet ġodda u/jew ta’ segwitu tal-AMF lis-sħab eliġibbli.
It-Tabella 1 tipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-impenji u l-pagamenti tal-għotjiet tal-AMF u l-iżborż tas-self tal-AMF għall-2022, l-2023, l-2024 u (b’mod tentattiv) l-2025.
Tabella 1: Impenji u pagamenti għal għotjiet tal-AMF u żborżi ta’ self tal-AMF 2022-2025 (EUR)
13
|
2022 |
2023 |
2024 |
2025 |
||
|
Approprjazzjonijiet ta’ impenn għal għotjiet fil-baġit |
30 114 460 |
45 423 330 |
57 367 177 |
59 267 773 |
|
|
Valutazzjonijiet operazzjonali, evalwazzjonijiet ex post |
114 460 |
350 000 |
619 440 |
700 000 |
|
|
Operazzjonijiet tal-AMF oħrajn possibbli |
30 000 000 |
45 073 330 |
56 747 737 |
58 567 773 |
|
|
Impenji, total |
30 114 460 |
45 423 330 |
57 367 177 |
59 267 773 |
|
|
Approprjazzjonijiet ta’ pagament għal għotjiet fil-baġit |
20 868 187 |
39 880 000 |
57 367 177 |
59 267 773 |
|
|
Valutazzjonijiet operazzjonali, evalwazzjonijiet ex post |
- |
329 765 |
749 270 |
700 000 |
|
|
AMF għall-Moldova (UE 2022/563) lesta |
15 000 000 |
10 000 000 |
5 000 000 |
- |
|
|
AMF lill-Moldova (żieda) (UE 2023/1165) lesta |
- |
22 500 000 |
22 500 000 |
- |
|
|
Operazzjonijiet tal-AMF oħrajn possibbli |
- |
- |
- |
58 567 773 |
|
|
Pagamenti, total |
15 000 000 |
32 829 765 |
23 249 270 |
59 267 773 |
|
|
Allokazzjonijiet mhux użati għal pagamenti ta’ għotjiet |
5 868 187 |
7 050 235 |
34 117 907 |
- |
|
|
Żborżi ta’ self tal-AMF |
- |
- |
- |
||
|
AMF Ġordan III (mitmuma) |
- |
200 000 000 |
- |
- |
|
|
AMF Moldova (mitmuma) |
35 000 000 |
40 000 000 |
45 000 000 |
- |
|
|
AMF ta’ emerġenza tal-Ukrajna (mitmuma) |
1 200 000 000 |
- |
- |
- |
|
|
AMF ta’ emerġenza tal-Ukrajna (mitmuma) |
6 000 000 000 |
- |
- |
- |
|
|
Żieda tal-AMF għall-Moldova (mitmuma) |
- |
50 000 000 |
50 000 000 |
- |
|
|
AMF+ Ukrajna (mitmuma) |
- |
18 000 000 000 |
- |
- |
|
|
AMF Maċedonja ta’ Fuq |
- |
- |
50 000 000 |
- |
|
|
AMF fuq terminu qasir għall-Eġittu (mitmuma) |
- |
- |
1 000 000 000 |
- |
|
|
AMF tal-ERA lill-Ukrajna |
- |
- |
- |
18 116 000 000 |
|
|
AMF lill-Ġordan (qed titħejja) * |
- |
- |
- |
300 000 000 |
|
|
AMF lill-Eġittu (qed titħejja) * |
- |
- |
- |
1 333 000 000 |
|
|
Żborżi ta’ self tal-AMF, total |
7 235 000 000 |
18 090 000 000 |
1 145 000 000 |
19 749 000 000 |
|
|
Operazzjonijiet tal-AMF tal-COVID-19: lesti |
|||||
|
AMF lit-Tuneżija (lesta) |
300 000 000 |
- |
- |
- |
|
|
Żborżi ta’ self tal-AMF fil-COVID-19, total |
300 000 000 |
- |
- |
- |
|
|
Żborżi ta’ self tal-AMF kollha, total |
7 535 000 000 |
18 090 000 000 |
1 145 000 000 |
19 749 000 000 |
|
|
* Għall-Ġordan u l-Eġittu, l-ammonti ta’ self li għandhom jiġu żborżati fl-2025 huma tentattivi ħafna, minħabba li l-operazzjonijiet tal-AMF bħalissa għadhom qed jitħejjew u għadhom ma ġewx adottati mill-koleġiżlaturi. |
|||||
Dan ir-rapport huwa bbażat fuq l-informazzjoni disponibbli sa Marzu 2025.
Il-bażi legali għall-AMF lil pajjiżi terzi għajr pajjiżi li qed jiżviluppaw hija l-Artikolu 212 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). L-Artikolu 213 tat-TFUE jista’ jintuża bħala bażi legali meta l-pajjiż terz ikun jirrikjedi assistenza finanzjarja urġenti.
Saret eċċezzjoni minn din il-prekundizzjoni fl-istabbiliment tal-AMF+ eċċezzjonali ta’ appoġġ ipprovduta lill-Ukrajna wara l-invażjoni fuq skala sħiħa mir-Russja fi Frar 2022.
F’każijiet debitament ġustifikati (eż. ammont żgħir, preferenza qawwija tal-benefiċjarju għal struttura speċifika ta’ self), l-approċċ back-to-back fejn il-Kummissjoni toħroġ bonds u tittrasferixxi r-rikavati direttament lill-pajjiż benefiċjarju jista’ japplika (eż. żborżi ta’ self lill-Moldova f’Lulju u Diċembru 2024).
L-evalwazzjonijiet kollha huma disponibbli fuq is-sit web tal-Kummissjoni: https://ec.europa.eu/info/evaluation-reports-economic-and-financial-affairs-policies-and-spending-activities_en .
SWD(2023) 0016, Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, Evalwazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja lil pajjiżi terzi (metaevalwazzjoni tal-operazzjonijiet għall-2010-2020).
L-Artikolu 213 tat-TFUE huwa applikabbli f’każijiet fejn tkun meħtieġa assistenza finanzjarja urġenti u li jeħtieġu biss adozzjoni mill-Kunsill.
L-evalwazzjonijiet kollha huma disponibbli fuq is-sit web tal-Kummissjoni: https://ec.europa.eu/info/evaluation-reports-economic-and-financial-affairs-policies-and-spending-activities_mt .
Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill adottata flimkien mad-deċiżjoni li tipprovdi assistenza makro-finanzjarja ulterjuri lill-Ġeorgja (id-Deċiżjoni 778/2013/UE tat-12 ta’ Awwissu 2013). Disponibbli fuq: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:32013D0778&from=MT .
Fl-2023 saret metaevalwazzjoni tal-aħħar għaxar snin ta’ operazzjonijiet – SWD (2023) 0016, dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni, Evalwazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja lil pajjiżi terzi (metaevalwazzjoni tal-operazzjonijiet għall-2010-2020).
Skont il-proċedura simplifikata (l-Artikolu 52 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew), il-president tal-kumitat tal-PE jista’ jipproponi li l-proposta tiġi approvata mingħajr emendi. Sakemm il-membri jew grupp politiku jew gruppi politiċi li jilħqu tal-anqas il-limitu medju fil-kumitat ma joġġezzjonawx, il-proċedura proposta titqies bħala approvata. Alternattivament, il-President jista’ jipproponi li tiġi stabbilita skadenza għat-tressiq tal-emendi mingħajr ma jkun tfassal abbozz ta’ rapport minn qabel. Sakemm il-membri jew grupp politiku jew gruppi politiċi li jilħqu tal-anqas il-limitu medju fil-kumitat ma joġġezzjonawx, il-proċedura proposta titqies bħala approvata.
Ir-Regolament (UE) 2021/947 (l-istrument NDICI-Ewropa Globali) ġie adottat u daħal fis-seħħ f’Ġunju 2021. Ir-Regolament għandu rwol importanti fl-istruttura baġitarja tal-AMF, iżda l-istrument tal-AMF bħala tali jibqa’ separat mill-NDICI-Ewropa Globali u l-operazzjonijiet speċifiċi tal-AMF għadhom jiġu attivati, kif meħtieġ, permezz ta’ deċiżjonijiet ad hoc separati.
Din it-tabella ma tqis l-ebda proposta għal operazzjonijiet ġodda tal-AMF wara Diċembru 2024.