IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 26.5.2025
COM(2025) 256 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW
Evalwazzjoni tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ELA)
{SEC(2025) 157 final} - {SWD(2025) 128 final}
I. SFOND U KUNTEST
L-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ELA, European Labour Authority, jew “l-Awtorità”) ġiet stabbilita bir-Regolament (UE) 2019/1149 tal-20 ta’ Ġunju 2019 (“ir-Regolament ta’ Twaqqif”).
Fl-isfond ta’ żieda fil-mobilità tal-forza tax-xogħol, sfidi kontinwi ta’ infurzar u kooperazzjoni, kif ukoll problemi persistenti għall-ħaddiema f’sitwazzjonijiet transfruntieri, l-ELA ġiet stabbilita bħala aġenzija deċentralizzata biex tgħin fit-tisħiħ tal-ekwità u l-fiduċja fis-suq intern, biex tikkontribwixxi għall-iżgurar ta’ mobilità ekwa tal-forza tax-xogħol madwar l-Unjoni Ewropea u biex tgħin lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni Ewropea fl-applikazzjoni u fl-infurzar effettivi tal-qafas legali tal-UE relatat mal-mobilità tal-forza tax-xogħol u l-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali. L-ELA b’hekk għandha wkoll l-għan li tikkontribwixxi għal ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna f’konformità mal-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Il-kompiti tal-ELA jinkludu l-għoti ta’ appoġġ għall-informazzjoni u servizzi għaċ-ċittadini u għall-impjegaturi, it-titjib tal-kooperazzjoni, it-twettiq ta’ spezzjonijiet konġunti, it-twettiq ta’ analiżi u valutazzjonijiet tar-riskju, l-iffaċilitar tal-iskambju tal-informazzjoni, u l-bini tal-kapaċità fost l-Istati Membri.
F’konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament ta’ Twaqqif u l-linji gwida għal regolamentazzjoni aħjar, il-Kummissjoni evalwat il-ħidma tal-ELA li tkopri l-perjodu minn Lulju 2019 sa tmiem l-ewwel semestru tal-2023. L-evalwazzjoni tipprovdi analiżi tal-effettività, tal-effiċjenza, tar-rilevanza, tal-koerenza u tal-valur miżjud tal-Awtorità, sa fejn ikun possibbli b’kunsiderazzjoni tal-istadju bikri tal-iżvilupp tal-ELA matul il-perjodu tal-evalwazzjoni. It-tifqigħa tal-COVID-19 kif ukoll il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna ħolqu sfidi sinifikanti għall-fażi inizjali tal-ħidma tal-Awtorità.
Din l-evalwazzjoni tieħu l-ewwel passi fil-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-aġenzija fir-rigward tal-objettivi u l-attivitajiet speċifiċi tagħha u tivvaluta jekk hemmx bżonn li jiġi mmodifikat il-mandat tagħha, kif stabbilit fl-Artikolu 40 tar-Regolament ta’ Twaqqif. Filwaqt li l-evalwazzjoni tista’ f’diversi aspetti jkollha aktar il-karattru ta’ rapport ta’ progress, għandha l-għan li tikkontribwixxi għal bażi ta’ evidenza aħjar għall-evalwazzjoni li jmiss, f’konformità mal-obbligi ta’ rapportar eżistenti, kif ukoll għall-modifika possibbli tal-mandat tal-Awtorità.
II. SEJBIET EWLENIN
B’mod ġenerali, l-ELA kellha rwol kruċjali fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali. B’mod partikolari, hija ffaċilitat u appoġġat spezzjonijiet miftiehma u konġunti (CJIs, Concerted and Joint Inspections) fuq ħaddiema stazzjonati u ħaddiema mobbli oħrajn f’setturi differenti, li wħud minnhom ġew identifikati mas-sħab soċjali bħala l-aktar vulnerabbli għall-frodi u l-abbuż soċjali. Barra minn hekk, l-ELA tejbet l-aċċess għall-informazzjoni dwar il-mobilità tal-forza tax-xogħol għall-ħaddiema, għall-impjegaturi u għas-sħab soċjali. Hija organizzat avvenimenti mal-Istati Membri biex iżżid l-għarfien dwar it-tip ta’ appoġġ li tipprovdi l-ELA u turi l-oqsma ta’ attività tagħha.
L-ELA ħolqot u saħħet is-sinerġiji ma’ firxa ta’ korpi Ewropej oħra permezz ta’ Memoranda ta’ Qbil/Ftehimiet ta’ Kooperazzjoni bħall-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali jew aġenziji oħrajn tal-UE. Dan ippermetta lill-Awtorità tiżviluppa approċċ komprensiv għad-diversi kompiti tagħha.
L-evalwazzjoni tenfasizza l-opportunitajiet biex tkompli tittejjeb l-eżekuzzjoni ta’ attivitajiet speċifiċi u biex jissaħħu s-sinerġiji bejn dawn l-attivitajiet. L-evalwazzjoni tindika wkoll sfidi ġodda li jistgħu jiġu indirizzati biss parzjalment mir-Regolament ta’ Twaqqif (eż. ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaħdmu fl-UE). Fl-aħħar nett, issemmi sfidi relatati mal-persunal, mal-ġestjoni tal-baġit, u ,mal-implimentazzjoni tal-baġit.
II.1 Effettività
L-ELA għamlet progress fuq l-erba’ objettivi speċifiċi tagħha iżda r-riżultati kienu varjati, l-aktar minħabba li l-Awtorità kienet fil-fażi inizjali tagħha u kellha bżonn tagħti prijorità lill-attivitajiet approvati mill-Bord tat-Tmexxija. Il-baġit ġie allinjat ma’ dawn il-prijoritajiet. B’mod ġenerali, il-kwalità tal-prestazzjoni tal-ELA kienet pjuttost għolja.
B’mod ġenerali, l-ELA kkontribwixxiet biex tavvanza d-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà tal-informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-UE dwar il-mobilità tal-forza tax-xogħol. Hija żviluppat ukoll għodod li jsaħħu l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u appoġġat lill-Istati Membri billi ffaċilitat u saħħet il-kooperazzjoni, inklużi s-CJIs, il-bini tal-kapaċità (eż. taħriġ) u l-medjazzjoni.
Il-progress tal-ELA fuq l-erba’ objettivi speċifiċi tagħha jista’ jinġabar fil-qosor kif ġej:
1) Tiffaċilita l-aċċess għall-informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi fir-rigward tal-mobilità tal-ħaddiema madwar l-Unjoni kif ukoll l-aċċess relevanti għas-servizzi.
Il-kampanji tal-ELA ġibdu attenzjoni sinifikanti u wasslu għal sensibilizzazzjoni sinifikanti. Filwaqt li l-effettività ma setgħetx tiġi vvalutata b’mod konklużiv minħabba nuqqas ta’ indikaturi relatati mal-eżiti, b’mod ġenerali l-kampanji ta’ informazzjoni ntlaqgħu b’mod pożittiv mill-partijiet ikkonċernati, inkluż mir-rappreżentanti tal-amministrazzjoni pubblika u mis-sħab soċjali fil-livell tal-UE. L-effettività tal-komunikazzjoni ġiet imfixkla l-aktar minn nuqqasijiet fit-twaqqit u fl-immirar, li ħolqu wkoll diffikultajiet għas-sħab biex jappoġġaw dawn l-isforzi. Madankollu, l-ELA wettqet ukoll firxa ta’ attivitajiet oħra ta’ informazzjoni bi gradi differenti ta’ segwitu u adozzjoni fil-livell nazzjonali. Peress li l-informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi għadha frammentata, il-partijiet ikkonċernati - b’mod partikolari s-sħab soċjali - identifikaw ħtieġa oħra għal informazzjoni faċilment aċċessibbli u prattika dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-ħaddiema mobbli u tal-impjegaturi. Il-faċilità tat-traduzzjoni tal-ELA ġiet imfaħħra minn diversi partijiet ikkonċernati talli għenet lill-awtoritajiet nazzjonali jiffrankaw l-ispejjeż. It-tranżizzjoni tal-Uffiċċju Ewropew għall-Koordinazzjoni tal-EURES (ECO, European Coordination Office) mill-Kummissjoni għall-ELA seħħet bla xkiel minkejja l-postijiet vakanti tal-persunal li baqgħu miftuħa b’mod persistenti u l-esperjenza limitata tal-persunal reklutat. Madankollu, tfaċċaw sfidi minħabba prijoritajiet differenti u nuqqas ta’ ċarezza dwar il-qsim tar-responsabbiltajiet bejn l-ELA u l-Kummissjoni fir-rigward tan-network tal-EURES, tal-Portal, u tas-servizzi tal-IT relatati.
2) Tiffaċilita u ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fl-infurzar tad-dritt rilevanti tal-Unjoni madwar l-Unjoni, inkluż l-iffaċilitar ta’ spezzjonijiet miftiehma u konġunti.
Waħda mill-aktar attivitajiet effettivi tal-ELA kienet il-faċilitazzjoni tas-CJIs, li ppermettiet il-kondiviżjoni tal-għarfien u t-tagħlim reċiproku dwar il-prattiki ta’ spezzjoni bejn l-ispetturi ta’ Stati Membri differenti. Minkejja l-firxa ġeografika tas-CJIs madwar l-Unjoni u l-utilità rikonoxxuta tagħhom, il-potenzjal sħiħ tagħhom kien għadu ma ġiex sfruttat. L-effettività tas-CJIs kienet marbuta b’mod inerenti mal-parteċipazzjoni attiva tal-Istati Membri qabel, matul, u wara l-ispezzjonijiet.
L-analiżi u l-valutazzjonijiet tar-riskju inizjalment ma kinux meqjusa bħala prijorità fi ħdan l-ELA, li l-isforzi tagħha kienu prinċipalment limitati għal attivitajiet ta’ mmappjar. L-azzjoni tal-ELA f’dan ir-rigward hija marbuta wkoll mir-Regolament ta’ Twaqqif, li ma jipprovdix lill-Awtorità b’pożizzjoni dettaljata dwar l-ipproċessar ta’ data personali u l-awtoritajiet nazzjonali mhumiex disposti li jaqsmu l-informazzjoni tagħhom, u dan fixkel il-kapaċità tal-ELA li toffri servizzi analitiċi fil-livell tal-kumpaniji jew li tidentifika u tirreferi b’mod proattiv il-każijiet suspettati lill-Istati Membri.
Il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri kienet bla xkiel, u wasslet għal żieda fil-fehim komuni tar-regoli tal-UE mill-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar u żieda fl-għarfien espert. Fl-ewwel snin tal-operat tal-ELA, l-attivitajiet ta’ bini tal-kapaċità ġew organizzati fuq bażi pjuttost ad hoc. Madankollu, dawn kienu apprezzati ħafna mill-partijiet ikkonċernati u kellhom rwol importanti fl-iżvilupp tal-Awtorità.
3) Timmedja u tiffaċilita soluzzjoni fil-każ ta’ tilwim transfruntier bejn l-Istati Membri.
Il-funzjoni tal-medjazzjoni, inklużi proċeduri u linji gwida dettaljati, ġiet stabbilita f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri. Madankollu, s’issa l-funzjoni ma ġietx utilizzata biżżejjed, u sa tmiem l-2023 kienu ġew trattati biss erba’ każijiet li tlieta minnhom ingħalqu qabel iż-żmien, u li kienu limitati prinċipalment għall-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali. B’riżultat ta’ dan, ma tista’ tinstilet l-ebda konklużjoni dwar l-effettività tagħha. Dan huwa dovut ukoll għad-deċiżjoni tal-Bord Maniġerjali tal-ELA biex l-Awtorità tipprijoritizza oqsma bħall-ispezzjonijiet u l-kampanji ta’ informazzjoni fl-ewwel snin ta’ attività tagħha. Il-funzjoni tal-medjazzjoni saret operattiva bis-sħiħ biss lejn tmiem l-2022.
4) Tappoġġa l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fl-indirizzar ta’ xogħol mhux dikjarat.
Il-Pjattaforma Ewropea għall-indirizzar ta’ xogħol mhux iddikjarat ġiet ittrasferita mingħajr xkiel mill-Kummissjoni għall-ELA. Id-deċiżjoni li l-Pjattaforma tiġi inkluża taħt l-Unità tal-Infurzar u l-Analiżi minħabba l-konnessjonijiet ċari tagħha mal-istrateġiji u l-azzjonijiet nazzjonali fil-qasam tax-xogħol mhux iddikjarat ġiet ivvalutata b’mod pożittiv iżda b’lok għal żvilupp ulterjuri. Is-sinerġiji ma’ attivitajiet oħra tal-ELA ma mmaterjalizzawx b’mod sostanzjali. Il-Pjattaforma ġiet stabbilita biex tgħin lill-Istati Membri jikkumbattu x-xogħol mhux iddikjarat, kif ukoll biex jiġi adottat approċċ usa’, inkluża l-esplorazzjoni tal-kawżi tal-problemi u – idealment – tax-xogħol preventiv.
II.2 Effiċjenza
Il-valutazzjoni tal-effiċjenza ta’ organizzazzjoni li għadha tibda, bħall-ELA, hija ta’ sfida peress li din għadha fil-fażi tat-twaqqif tagħha, tar-reklutaġġ tal-persunal, tal-iżvilupp ta’ proċeduri, u tal-esplorazzjoni tal-aħjar modi biex twettaq il-mandat tagħha. Dan il-perjodu ta’ esperimentazzjoni naturalment jinvolvi oqsma fejn irid isir titjib u apprendiment organizzazzjonali, filwaqt li jitqiesu wkoll l-isfidi ppreżentati mill-pandemija.
Matul il-perjodu tal-evalwazzjoni, in-nuqqas ta’ sistema ta’ monitoraġġ adegwata impedixxa milli ssir valutazzjoni soda tal-kosteffettività tal-operazzjonijiet tal-ELA. Madankollu, il-biċċa l-kbira tal-partijiet ikkonċernati kkonsultati qablu li l-ELA wriet livell suffiċjenti ta’ kosteffiċjenza, u l-benefiċċji tal-attivitajiet tagħha ġeneralment għelbu l-kostijiet.
L-istrutturi ta’ governanza tal-ELA ġew ivvalutati bħala effiċjenti b’mod ġenerali, u li jinkoraġġixxu eżiti pożittivi f’termini ta’ mobilità tal-forza tax-xogħol u kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, bħal permezz tal-organizzazzjoni tat-traduzzjoni, is-CJIs, u l-laqgħat.
F’termini tal-effiċjenza operazzjonali tagħha, l-ELA sabet diffikultajiet sinifikanti fl-implimentazzjoni tar-riżorsi impenjati, kif jista’ jidher fis-sehem għoli ta’ riporti fuq in-nefqa operazzjonali. L-ELA kisbet awtonomija finanzjarja biss f’Mejju 2021, u b’mod ġenerali kellha livell baxx ta’ implimentazzjoni tal-baġit, prinċipalment minħabba l-fażi tal-bidu, inkluża l-ħtieġa li jiġi reklutat il-persunal.
L-isfidi tal-proċess tat-twaqqif, flimkien mal-istruttura u d-dawran tal-impjegati, għamluha diffiċli għall-ELA biex tiġġestixxi l-ammont ta’ xogħol tagħha u biex timplimenta l-baġit tagħha. Għalkemm kien hemm titjib notevoli matul il-perjodu tal-evalwazzjoni, għad hemm potenzjal għall-ELA biex ittejjeb l-operazzjonijiet tagħha mingħajr il-ħtieġa ta’ riżorsi addizzjonali.
II.3 Koerenza
Matul il-perjodu tal-evalwazzjoni, l-ELA integrat sew fi ħdan l-istruttura usa’ ta’ governanza tal-politika tal-UE, u ġibdet attenzjoni politika sinifikanti fil-livelli kollha.
Dan inkiseb permezz ta’ diversi avvenimenti u żjarat fl-Istati Membri mid-Direttur Eżekuttiv u persunal ieħor tal-ELA, u kooperazzjoni b’saħħitha mas-sħab soċjali fil-livell tal-UE. Il-mandat u l-attivitajiet tal-ELA kienu koerenti mal-politiki tal-UE, minħabba li ġiet stabbilita reċentement u peress li hemm ambjent ta’ politika stabbli sa mill-adozzjoni tar-Regolament ta’ Twaqqif. Hija kkollaborat ma’ diversi dipartimenti tal-Kummissjoni u ħadmet mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali biex tapplika regoli aġġornati tal-UE, bħad-Direttiva riveduta dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema, il-Pakkett dwar il-Mobilità I għat-trasport bit-triq, u r-Regolament dwar il-Gateway Diġitali Unika.
L-attivitajiet tal-ELA kienu konsistenti ma’ dawk ta’ aġenziji u korpi oħrajn. Hija stabbilixxiet ftehimiet formali mal-Kummissjoni Ewropea, mal-Eurofound, mas-Cedefop, mal-EU-OSHA, mal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali, u mas-SOLVIT. Filwaqt li l-kooperazzjoni ma’ xi organizzazzjonijiet, bħall-Europol u l-ILO, tista’ tissaħħaħ, l-ebda trikkib jew inkonsistenza kbar bejn l-organizzazzjonijiet rispettivi ma ġiet identifikata mill-partijiet ikkonċernati. Il-kooperazzjoni ma’ aġenziji oħrajn bħall-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali bdiet, għalkemm għadu kmieni wisq biex jiġu osservati l-eżiti ta’ din il-kollaborazzjoni.
Fir-rigward tar-rwol tal-ELA fil-konfront taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, l-attivitajiet maħsuba biex jappoġġaw ir-reklutaġġ jew l-adattament għas-suq tax-xogħol ta’ ċittadini minn barra l-UE għal kumpaniji fl-UE mhumiex koperti mir-Regolament ta’ Twaqqif. Madankollu, meta ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jkunu esposti għal riskji relatati mal-mobilità jew mal-istazzjonar intra-UE, l-ELA tista’ tintervjeni, pereżempju permezz ta’ approċċ ibbażat fuq is-settur għal sitwazzjonijiet problematiċi fejn il-ħaddiema mobbli tal-UE u dawk migranti jiffaċċjaw riskji simili ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol abbużivi.
II.4 Valur miżjud tal-UE
Il-valur miżjud tal-ELA ġej mill-kapaċità tagħha li tikkoordina dwar domandi u kwistjonijiet li jikkonċernaw il-mobilità tal-forza tax-xogħol intra-UE u l-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali.
L-ELA appoġġat l-attivitajiet ta’ koordinazzjoni u kooperazzjoni tal-UE fil-mobilità intra-UE, billi pprovdiet “hub” ċentrali li jsaħħaħ l-infurzar sistematiku, flessibbli, trasparenti u inqas kumpless meta mqabbel mal-isforzi bilaterali jew l-isforzi multilaterali limitati mill-Istati Membri individwali.
L-ELA saħħet in-networking, il-kondiviżjoni tal-għarfien, il-fiduċja u l-koordinazzjoni fost l-amministrazzjonijiet nazzjonali, u l-attivitajiet ta’ taħriġ u ta’ bini tal-kapaċità tagħha ntlaqgħu b’mod partikolarment tajjeb. Il-fatt li l-Istati Membri jiddeċiedu li jibagħtu esperti nazzjonali sekondati (SNEs, Seconded National Experts) lill-ELA jenfasizza l-valur u s-siwi tal-investiment rikonoxxuti tagħha.
Minkejja progress sinifikanti, l-ELA qed tiffaċċja sfidi biex twettaq il-potenzjal sħiħ tagħha minħabba ċerti limitazzjonijiet tal-mandat tagħha. Informazzjoni konsistenti u ta’ kwalità għolja dwar il-mobilità tal-forza tax-xogħol teħtieġ koordinazzjoni fil-livell tal-UE, iżda l-informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi għadha frammentata, l-aktar minħabba d-diversità tas-sistemi nazzjonali. Il-ħidma f’ambjent kumpless b’kompetenzi nazzjonali u tal-UE bbilanċjati tagħmilha diffiċli biex jinstabu soluzzjonijiet, u l-kisba ta’ valur miżjud massimu tal-UE se tieħu ż-żmien.
II.5 Rilevanza
Il-mandat u l-objettivi tal-ELA jibqgħu rilevanti ħafna minħabba x-xejriet li għaddejjin bħaż-żieda fil-mobilità tal-forza tax-xogħol tal-UE, li taffettwa wkoll liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, in-nuqqas ta’ ħaddiema u t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi, diġitali u demografiċi.
L-ELA għandha rwol importanti fl-għoti ta’ appoġġ lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jiżguraw mobilità ġusta tal-forza tax-xogħol. L-evalwazzjoni tindika l-ħtieġa li tissaħħaħ l-ELA u li jittejbu l-effettività u l-effiċjenza tal-attivitajiet tagħha, u tenfasizza ħtieġa potenzjali li jiġi rivedut il-mandat.
Xi oqsma potenzjali għat-titjib li jistgħu jeħtieġu reviżjoni tar-Regolament ta’ Twaqqif jinkludu l-kompetenzi biex tiġi ttrattata d-data personali, kapaċità msaħħa biex tintalab il-kooperazzjoni tal-Istati Membri dwar is-CJIs, u fil-qasam tal-għoti ta’ informazzjoni, il-possibbiltà li tiġi indirizzata aħjar is-sitwazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, u li tiġi eżerċitata aktar influwenza fuq il-ħatra ta’ Uffiċjali ta’ Kollegament Nazzjonali (NLOs, National Liaison Officers), li tippermetti kooperazzjoni operazzjonali aktar strutturata mal-Istati Membri, u li jiġi stabbilizzat il-persunal tal-Awtorità meta wieħed iqis il-proporzjon għoli ta’ SNEs. Barra minn hekk, it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-Istati Membri biex jikkooperaw mal-ELA jista’ jgħin ukoll lill-Awtorità biex twettaq aħjar il-mandat tagħha.
III. TAGĦLIMIET MEĦUDA U T-TRIQ ’IL QUDDIEM
L-evalwazzjoni tal-operazzjonijiet inizjali tal-ELA tipprovdi diversi tagħlimiet importanti li jistgħu jiggwidaw id-direzzjoni strateġika futura tagħha u jtejbu l-prestazzjoni tagħha. Il-Kummissjoni tistieden lill-ELA biex tadotta pjan ta’ azzjoni b’objettivi intermedji li jindirizzaw kull waħda mis-sejbiet. Għandhom jiġu kkunsidrati l-punti li ġejjin:
1.Titjib tas-sistema ta’ monitoraġġ: l-evalwazzjoni tenfasizza l-ħtieġa li l-ELA ttejjeb is-sistema ta’ monitoraġġ tagħha bbażata fuq objettivi speċifiċi, li jistgħu jitkejlu, li jistgħu jintlaħqu, rilevanti u marbuta maż-żmien (SMART, Specific, Measurable, Achievable, Relevant and Time-bound) u indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni. Is-sistema ta’ monitoraġġ għandha tiffoka fuq l-impatti, ir-riżultati u l-eżiti, u fuq l-istabbiliment u l-kejl ta’ miri ddedikati, li jistgħu jinkisbu bl-objettivi u l-mandat tal-ELA. Minbarra li tipprovdi l-kontribut meħtieġ għall-evalwazzjoni li jmiss tal-ELA, sistema ta’ monitoraġġ bħal din tista’ tgħin biex tittejjeb il-ġestjoni strateġika taħt it-tmexxija tal-Awtorità, tipprovdi direzzjoni lill-organizzazzjoni u żżid il-prestazzjoni ġenerali tagħha.
2.Integrazzjoni strateġika u koerenza: L-attivitajiet tal-ELA jistgħu jkunu aktar integrati u kkoordinati kemm internament kif ukoll ma’ entitajiet oħra tal-UE. L-implimentazzjoni ta’ approċċ strateġiku komprensiv li jinkludi l-attivitajiet kollha tista’ ttejjeb il-koerenza u l-konsistenza. Fir-rigward tal-organizzazzjoni interna, dan ikun jinvolvi l-allinjament ta’ diversi attivitajiet, il-ħolqien ta’ sinerġiji u t-titjib tal-prestazzjoni ġenerali.
3.Informazzjoni: L-ELA tista’ żżid l-impatt u l-utilità tal-kampanji ta’ informazzjoni billi tiżviluppa indikaturi u strateġiji rilevanti biex tkejjel is-suċċess tagħhom. L-involviment tal-partijiet ikkonċernati, b’mod partikolari s-sħab soċjali kif ukoll l-Istati Membri fis-segwitu tal-attivitajiet ta’ informazzjoni tal-ELA jista’ jissaħħaħ aktar.
4.Konsolidazzjoni tal-EURES: L-ELA għandha żżid l-isforzi biex jiġi żviluppat il-EURES u torbtu mal-attivitajiet tagħha. Jenħtieġ li tkompli tibni fuq l-analiżi tal-mobilità tal-forza tax-xogħol, filwaqt li ttejjeb ukoll is-servizzi għan-network tal-EURES biex tappoġġa bl-aħjar mod lil dawk li qed ifittxu impjieg u lill-impjegaturi permezz ta’ għodod diġitali. L-ELA għandha tesplora modi biex ittejjeb l-effettività u l-effiċjenza tal-EURES billi ttejjeb il-ġestjoni tal-grupp ta’ koordinazzjoni tal-EURES u tiċċara d-diviżjoni tax-xogħol u s-sehem tar-responsabbiltà bejn id-dipartimenti tal-Kummissjoni u l-ELA, b’mod partikolari għall-għodod tal-IT tal-portal tal-EURES u għal interpretazzjonijiet legali tar-Regolament EURES.
5.Funzjoni ta’ medjazzjoni: L-ELA tista’ tidentifika r-raġunijiet għan-nuqqas ta’ użu tal-funzjoni ta’ medjazzjoni tagħha u tesplora kif tista’ żżid il-kosteffettività tagħha u l-involviment tal-Istati Membri fil-proċess ta’ medjazzjoni.
6.Bini tal-kapaċitajiet: Il-bini tal-kapaċitajiet tal-ELA jista’ jibbenefika minn objettivi aktar orjentati lejn ir-riżultati, li jippermettu li jiġi definit u estiż aħjar jekk ikun meħtieġ u li jkopri firxa usa’ ta’ programmi u objettivi. Dan ikun jinvolvi żieda fl-appoġġ għan-network tal-EURES biex jiġi żgurat li dan ikun parti integrata bis-sħiħ mill-attivitajiet tal-ELA.
7.Integrazzjoni tal-għodod u l-innovazzjonijiet diġitali: Hekk kif id-diġitalizzazzjoni tkompli ssawwar is-swieq tax-xogħol, l-ELA għandha tiffoka fuq l-integrazzjoni ulterjuri tal-għodod u l-innovazzjonijiet diġitali fi ħdan l-operat tagħha. Dan jinkludi l-ottimizzazzjoni tal-portal tal-EURES (billi jiżdiedu s-sinerġiji mal-Europass, fost affarijiet oħra) u l-indirizzar ta’ sfidi relatati bħall-ispostament tal-impjiegi u fil-proċessi ta’ reklutaġġ, kif ukoll l-iżvilupp ta’ għodod biex ikomplu jiġu appoġġati l-użu u l-iżvilupp ta’ għodod diġitali mill-Istati Membri.
8.Effiċjenza operattiva: L-ELA tista’ tidentifika modi biex tittejjeb l-effiċjenza tal-laqgħat u tal-użu tar-riżorsi, kemm f’termini ta’ riżorsi finanzjarji kif ukoll umani. Bilanċ tajjeb bejn l-għarfien espert intern u d-dipendenza fuq il-kuntratturi esterni jista’ jtejjeb l-effiċjenza operazzjonali mingħajr ma neċessarjament ikun hemm bżonn ta’ riżorsi addizzjonali. Għandha tiġi żgurata stabbilizzazzjoni ulterjuri tal-persunal tal-ELA minħabba l-proporzjon għoli ta’ SNEs. Il-possibbiltà li l-SNEs isiru persunal statutorju tista’ tgħin biex tiġi indirizzata din l-isfida.
Aġġustament tal-mandat tal-ELA: L-evalwazzjoni tindika li hemm lok biex tittejjeb il-prestazzjoni tal-ELA abbażi tal-mandat u l-objettivi attwali tagħha. Fl-istess ħin, tinnota ċerti limitazzjonijiet fil-mandat li jistgħu jaffettwaw il-potenzjal tal-ELA. Jekk jitqiesu bidliet fil-mandat jew fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ELA, tkun meħtieġa analiżi komprensiva tal-ħtiġijiet, tal-kostijiet, tal-benefiċċji u tal-effetti sekondarji potenzjali, li tibni fuq din l-evalwazzjoni kif ukoll fuq ir-rapport mill-Parlament Ewropew u l-kontribut tal-partijiet ikkonċernati rilevanti l-oħrajn. Modifiki mmirati jistgħu jsaħħu l-ELA, inklużi l-effiċjenza u l-effettività tagħha, bħal kompetenzi msaħħa għall-immaniġġjar tad-data, kooperazzjoni mtejba mal-Istati Membri, inkluż f’termini ta’ forniment ta’ informazzjoni, ir-rwol tal-ELA fil-konfront ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, ir-responsabbiltajiet tal-ELA fir-rigward tal-iżvilupp tal-EURES, u l-qlib ta’ għadd ta’ SNEs f’persunal statutorju.