IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 4.6.2025
COM(2025) 225 final
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tas-Slovakkja
{SWD(2025) 225 final}
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 4.6.2025
COM(2025) 225 final
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tas-Slovakkja
{SWD(2025) 225 final}
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tas-Slovakkja
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi 2 , u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
Kunsiderazzjonijiet ġenerali
(1)Ir-Regolament (UE) 2024/1263, li daħal fis-seħħ fit-30 ta’ April 2024, jispeċifika l-objettivi tal-qafas ta’ governanza ekonomika, li għandu l-għan li jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli u tkabbir u reżiljenza sostenibbli u inklużivi permezz ta’ riformi u investimenti, u jipprevjeni defiċits eċċessivi tal-gvern. Ir-Regolament jistipula li l-Kunsill u l-Kummissjoni jwettqu sorveljanza multilaterali fil-kuntest tas-Semestru Ewropew f’konformità mal-objettivi u r-rekwiżiti stabbiliti fit-TFUE. Is-Semestru Ewropew jinkludi, b’mod partikolari, il-formulazzjoni, u s-sorveljanza tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. Ir-Regolament jippromwovi wkoll is-sjieda nazzjonali tal-politika fiskali u jenfasizza l-enfasi tagħha fuq terminu medju, flimkien ma’ infurzar aktar effettiv u koerenti. Kull Stat Membru jrid jissottometti lill-Kunsill u lill-Kummissjoni pjan fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju, li jkun fih l-impenji fiskali, ta’ riforma u ta’ investiment tiegħu, fuq perjodu ta’ 4 jew 5 snin, skont it-tul tal-leġiżlatura nazzjonali. Il-perkors tan-nefqa netta 3 f’dawn il-pjanijiet għandu jkun konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament, inkluż mar-rekwiżiti li d-dejn tal-gvern estiż jitqiegħed jew jinżamm fuq perkors plawżibbli ’l isfel sat-tmiem tal-perjodu ta’ aġġustament, jew li jibqa’ f’livelli prudenti taħt is-60 % tal-prodott domestiku gross (PDG), u li d-defiċit tal-gvern estiż jinġieb u/jew jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG kif stabbilit mit-Trattat, fuq terminu medju. Meta Stat Membru jimpenja ruħu għal sett rilevanti ta’ riformi u investimenti f’konformità mal-kriterji stabbiliti fir-Regolament, il-perjodu ta’ aġġustament jista’ jiġi estiż b’mhux aktar minn tliet snin.
(2)Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 4 , li stabbilixxa l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (l-“RRF”), daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. L-RRF tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti, li jagħtu impuls fiskali ffinanzjat mill-Unjoni. F’konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, l-RRF trawwem irkupru ekonomiku u soċjali filwaqt li tmexxi riformi u investimenti sostenibbli, b’mod partikolari billi tippromwovi t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u billi tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-Unjoni u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.
(3)Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 5 (ir-“Regolament REPowerEU”), li ġie adottat fis-27 ta’ Frar 2023, għandu l-għan li jelimina gradwalment id-dipendenza tal-Unjoni fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi. Dan jgħin biex tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-Unjoni, filwaqt li jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza fl-enerġija. Is-Slovakkja żiedet kapitolu REPowerEU ġdid mal-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex tiffinanzja riformi u investimenti ewlenin li se jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU.
(4)Fid-29 ta’ April 2021, is-Slovakkja ppreżentat il-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 ta’ dak ir-Regolament, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni stipulati fl-Anness V. Fit-13 ta’ Lulju 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tiegħu li tapprova l-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għas-Slovakkja 6 , li ġiet emendata skont l-Artikolu 18(2) fl-14 ta’ Lulju 2023 biex tiġi aġġornata l-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli, kif ukoll biex jiġi inkluż il-kapitolu REPowerEU 7 . Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq l-adozzjoni ta’ deċiżjoni mill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 24(5), li tiddikjara li s-Slovakkja tkun laħqet b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. L-ilħuq sodisfaċenti jirrikjedi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti għall-istess riforma jew investiment ma tkunx treġġgħet lura.
(5)Fil-21 ta’ Jannar 2025, il-Kunsill, fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, adotta rakkomandazzjoni li tapprova l-pjan fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju tas-Slovakkja 8 . Il-pjan ġie ppreżentat f’konformità mal-Artikolu 11 u l-Artikolu 36(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2024/1263, ikopri l-perjodu mill-2025 sal-2028 u jippreżenta firxa ta’ aġġustament fiskali fuq erba’ snin.
(6)Fis-26 ta’ Novembru 2024, il-Kummissjoni adottat opinjoni dwar l-abbozz ta’ pjan baġitarju tal-2025 tas-Slovakkja. Fl-istess data, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija tal-2025, li fih identifikat lis-Slovakkja bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru tkun meħtieġa analiżi fil-fond. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro u proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2025, li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro 9 fit-13 ta’ Mejju 2025 u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi fl-10 ta’ Marzu 2025.
(7)Fid-29 ta’ Jannar 2025, il-Kummissjoni ppubblikat il-Boxxla għall-Kompetittività, qafas strateġiku li għandu l-għan li jagħti spinta lill-kompetittività globali tal-UE matul il-5 snin li ġejjin. Hija tidentifika t-tliet imperattivi trasformattivi ta’ tkabbir ekonomiku sostenibbli: (i) l-innovazzjoni; (ii) id-dekarbonizzazzjoni u l-kompetittività; u (iii) is-sigurtà. Biex tnaqqas id-diskrepanza fl-innovazzjoni, l-UE għandha l-għan li trawwem l-innovazzjoni industrijali, tappoġġa t-tkabbir tan-negozji ġodda permezz ta’ inizjattivi bħall-Istrateġija tal-UE għall-kumpaniji Start-up u Scale-up, u tippromwovi l-adozzjoni ta’ teknoloġiji avvanzati bħall-intelliġenza artifiċjali u l-computing kwantistiku. Fit-twettiq ta’ ekonomija aktar ekoloġika, il-Kummissjoni ddeskriviet Pjan ta’ Azzjoni komprensiv dwar l-Enerġija Affordabbli u Patt għal Industrija Nadifa, li jiżguraw li l-bidla lejn enerġija nadifa tibqa’ kosteffettiva, favur il-kompetittività, b’mod partikolari għal setturi intensivi fl-enerġija, u hija mutur għat-tkabbir. Biex tnaqqas dipendenzi eċċessivi u żżid is-sigurtà, l-Unjoni hija impenjata li ssaħħaħ is-sħubijiet kummerċjali globali, tiddiversifika l-ktajjen tal-provvista u tiżgura l-aċċess għal materja prima kritika u sorsi ta’ enerġija nadifa. Dawn il-prijoritajiet huma sostnuti minn faċilitaturi orizzontali, jiġifieri s-simplifikazzjoni regolatorja, l-approfondiment tas-suq uniku, il-finanzjament tal-kompetittività kif ukoll Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti, il-promozzjoni tal-ħiliet u tax-xogħlijiet ta’ kwalità, u koordinazzjoni aħjar tal-politiki tal-UE. Il-Boxxla għall-Kompetittività hija allinjata mas-Semestru Ewropew, li jiżgura li l-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri jkunu konsistenti mal-objettivi strateġiċi tal-Kummissjoni, u li fil-governanza ekonomika jinħoloq approċċ unifikat li jrawwem it-tkabbir sostenibbli, l-innovazzjoni u r-reżiljenza madwar l-Unjoni.
(8)Fl-2025, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jiżviluppa biswit l-implimentazzjoni tal-RRF. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa’ essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta’ politika fil-qafas tas-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jgħinu jindirizzaw b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa f’dawn l-aħħar snin. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż jibqgħu ugwalment rilevanti għall-valutazzjoni tal-pjanijiet emendati għall-irkupru u r-reżiljenza f’konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2021/241.
(9)Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2025 ikopru l-isfidi ewlenin tal-politika ekonomika li mhumiex indirizzati biżżejjed mill-miżuri inklużi fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza, filwaqt li jqisu l-isfidi rilevanti identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019–2024.
(10)Fl-4 ta’ Ġunju 2025, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2025 għas-Slovakkja. Huwa vvaluta l-progress tas-Slovakkja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti u ħa kont tal-implimentazzjoni tas-Slovakkja tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza. Abbażi ta’ din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika l-aktar sfidi urġenti li qed tiffaċċja s-Slovakkja. Huwa vvaluta wkoll il-progress tas-Slovakkja fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-Unjoni dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti.
(11)Il-Kummissjoni wettqet analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 għas-Slovakkja. Is-sejbiet ewlenin tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-vulnerabbiltajiet makroekonomiċi għas-Slovakkja għall-finijiet ta’ dak ir-Regolament ġew ippubblikati fit-13 ta’ Mejju 2025 10 . Fl-4 ta’ Ġunju 2025, il-Kummissjoni kkonkludiet li s-Slovakkja qiegħda tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi. B’mod partikolari, minkejja xi titjib, il-vulnerabbiltajiet relatati mal-kompetittività tal-kostijiet, il-bilanċ estern, u s-suq tal-akkomodazzjoni jippersistu, filwaqt li t-titjib fid-dejn tal-unitajiet domestiċi jidher li huwa aktar b’saħħtu, u l-azzjoni ta’ politika kienet limitata. L-inflazzjoni u t-tkabbir fil-kostijiet ta’ unità lavorattiva naqsu b’mod sinifikanti iżda d-differenzjali, inkluż tal-inflazzjoni sottostanti, bil-bqija taż-żona tal-euro u l-UE jippersistu. Wara t-titjib notevoli tal-2023 minħabba prezzijiet tal-enerġija aktar baxxi, id-defiċit fil-kont kurrenti mar kemxejn għall-agħar fl-2024 minħabba esportazzjonijiet kajmana u żieda fl-importazzjonijiet fost domanda domestika urġenti mill-ġdid. Id-defiċit fil-kont kurrenti huwa mistenni li jkompli jiżdied din is-sena. B’mod parallel, id-defiċit għoli tal-gvern mhux qed jonqos. Barra minn hekk, il-prezzijiet tad-djar reġgħu aċċelleraw matul l-2024, filwaqt li t-tnaqqis fil-kostruzzjoni residenzjali jaggrava provvista ta’ akkomodazzjoni diġà stretta. Wara diversi snin ta’ żidiet qawwija fid-dejn tal-unitajiet domestiċi, ir-rati tal-imgħax ogħla naqqsu d-domanda għall-ipoteki f’dawn l-aħħar sentejn u l-proporzjonijiet tad-dejn tal-unitajiet domestiċi naqsu f’dawn l-aħħar snin. Madankollu, hekk kif il-kundizzjonijiet finanzjarji naqsu matul l-2024 u l-bidu tal-2025, dan l-aħħar is-self tal-unitajiet domestiċi reġa’ beda jiżdied u kompla jiġi appoġġat minn żieda fl-introjtu disponibbli reali f’kuntest ta’ suq tax-xogħol ristrett. L-effetti tad-denominatur qed isiru inqas sinifikanti, b’tali mod li l-proporzjonijiet tad-dejn tal-unitajiet domestiċi jistgħu jistabbilizzaw jew ikomplu jonqsu fil-futur qrib milli kienu qabel, filwaqt li jibqgħu taħt il-medja tal-UE f’kuntest ta’ settur bankarju sod. Il-progress fil-politika kien limitat. Sabiex titrażżan l-inflazzjoni, il-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija għall-unitajiet domestiċi ġew estiżi. Madankollu, din il-miżura mhux immirata saret waħda mill-muturi tad-defiċits imdaqqsa tal-gvern u tal-kont kurrenti. L-adozzjoni ta’ miżuri li jtejbu l-produttività tax-xogħol u l-ambjent tan-negozju għadhom limitati. Emenda għall-Att dwar il-Kostruzzjoni, immirata lejn is-simplifikazzjoni tal-proċeduri tal-kostruzzjoni, saret effettiva f’April li għadda.
Valutazzjoni tar-Rapport ta’ Progress Annwali
(12)Fil-21 ta’ Jannar 2025, il-Kunsill irrakkomanda r-rati massimi ta’ tkabbir li ġejjin tan-nefqa netta għas-Slovakkja: 3.8 % fl-2025, 0.9 % fl-2026, 1.6 % fl-2027, u 1.5 % fl-2028, li jikkorrispondu għar-rati ta’ tkabbir kumulattivi massimi kkalkulati b’referenza għall-2023 ta’ 10.3 % fl-2025, 11.2 % fl-2026, 13.0 % fl-2027, u 14.8 % fl-2028. Fl-2025-2027, dawn ir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta jikkoinċidu mal-perkors korrettiv f’konformità mal-Artikolu 3(4) tar-Regolament 1467/97, kif irrakkomandat mill-Kunsill fil-21 ta’ Jannar 2025 bil-ħsieb li tintemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv 11 . Fit-30 ta’ April 2025 is-Slovakkja ppreżentat ir-Rapport ta’ Progress Annwali tagħha 12 , dwar l-azzjoni meħuda b’reazzjoni għar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Jannar 2025 bil-ħsieb li tintemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv u l-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tas-Semestru Ewropew. Ir-Rapport ta’ Progress Annwali jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tas-Slovakkja dwar il-progress li sar fil-kisba tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha f’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241.
(13)Il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u r-riperkussjonijiet tagħha jikkostitwixxu sfida eżistenzjali għall-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni rrakkomandat li tiġi attivata l-klawżola liberatorja nazzjonali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir b’mod ikkoordinat biex tappoġġa l-isforzi tal-UE biex tikseb żieda rapida u sinifikanti fl-infiq għad-difiża u din il-proposta ntlaqgħet mill-Kunsill Ewropew tas-6 ta’ Marzu 2025. Wara t-talba tas-Slovakkja tat-30 ta’ April 2025, fi [data], il-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, adotta rakkomandazzjoni li tippermetti lis-Slovakkja tiddevja mir-rati massimi ta’ tkabbir rakkomandati tan-nefqa netta u taqbeż dawn ir-rati 13 .
(14)Fuq il-bażi ta’ data vvalidata mill-Eurostat 14 , id-defiċit tal-gvern estiż tas-Slovakkja żdied minn defiċit ta’ 5.2 % tal-PDG fl-2023 għal defiċit ta’ 5.3 % fl-2024, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż żdied minn 55.6 % tal-PDG fi tmiem l-2023 għal 59.3 % fi tmiem l-2024. Skont il-kalkoli tal-Kummissjoni, dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal rata ta’ tkabbir fin-nefqa netta ta’ 5.4 % fl-2024. Fir-Rapport ta’ Progress Annwali, is-Slovakkja tistma li t-tkabbir nett fin-nefqa fl-2024 huwa ta’ 3.0 %. Il-Kummissjoni tistma li t-tkabbir fin-nefqa netta kien ogħla milli fir-Rapport ta’ Progress Annwali. Id-differenza bejn il-kalkoli tal-Kummissjoni u l-istimi tal-awtoritajiet nazzjonali hija dovuta għal nefqa aktar baxxa ffinanzjata mill-UE fl-2023 użata fis-suppożizzjonijiet li fuqhom huwa bbażat ir-Rapport ta’ Progress Annwali. Fuq il-bażi tal-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali 15 , li tinkludi kemm in-nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali kif ukoll dik iffinanzjata mill-UE, kienet restrittiva, b’ 2.2 % tal-PDG, fl-2024.
(15)Skont ir-Rapport ta’ Progress Annwali, ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji li saru mis-Slovakkja jistenna tkabbir tal-PDG reali ta’ 1.9 % kemm fl-2025 kif ukoll fl-2026, filwaqt li l-inflazzjoni tal-HICP hija pproġettata għal 3.9 % fl-2025 u 3.7 % fl-2026. It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni jipproġetta li l-PDG reali jikber b’ 1.5 % fl-2025 u 1.4 % fl-2026, u l-inflazzjoni tal-HICP se tkun ta’ 4.0 % fl-2025 u 2.9 % fl-2026.
(16)Fir-Rapport ta’ Progress Annwali, id-defiċit tal-gvern estiż huwa mistenni li jonqos għal 4.9 % tal-PDG fl-2025, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jiżdied għal 61.1 % sa tmiem l-2025. Dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal tkabbir nett fin-nefqa ta’ 3.6 % fl-2025. It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-amministrazzjoni pubblika ta’ 4.9 % tal-PDG fl-2025. It-tnaqqis tad-defiċit fl-2025 jirrifletti prinċipalment il-miżuri ta’ konsolidazzjoni li jżidu d-dħul adottati mill-gvern Slovakk għall-2025. Skont il-kalkoli tal-Kummissjoni, dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal tkabbir fin-nefqa netta ta’ 3.8 % fl-2025. Fuq il-bażi tal-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali, li tinkludi kemm in-nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali kif ukoll dik iffinanzjata mill-UE, hija pproġettata li tkun ġeneralment newtrali fil-livell ta’ 0.2 % tal-PDG, fl-2025. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa mistenni li jiżdied għal 60.9 % sa tmiem l-2025. Iż-żieda fil-proporzjon tad-dejn għall-PDG fl-2025 tirrifletti prinċipalment id-defiċit primarju għoli.
(17)In-nefqa tal-gvern estiż li tammonta għal 1.4 % tal-PDG hija mistennija li tiġi ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (“għotjiet”) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2025, meta mqabbla ma’ 0.7 % tal-PDG fl-2024, skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni. In-nefqa ffinanzjata mill-appoġġ mhux ripagabbli tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tippermetti investiment ta’ kwalità għolja u riformi li jtejbu l-produttività mingħajr impatt dirett fuq il-bilanċ u d-dejn tal-gvern estiż tas-Slovakkja.
(18)In-nefqa għad-difiża tal-gvern estiż fis-Slovakkja ammontat għal 1.4 % tal-PDG fl-2021, 1.0 % tal-PDG fl-2022 u 1.2 % tal-PDG fl-2023 16 . Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, in-nefqa fuq id-difiża hija pproġettata li tkun 1.3 % tal-PDG fl-2024 u 2.3 % tal-PDG fl-2025. Dan jikkorrispondi għal żieda ta’ 0.9 punti perċentwali tal-PDG meta mqabbel mal-2021. Il-perjodu meta tiġi attivata l-klawżola liberatorja nazzjonali (2025–2028) jippermetti lis-Slovakkja tipprijoritizza mill-ġdid in-nefqa tal-gvern jew iżżid id-dħul tal-gvern sabiex in-nefqa għad-difiża li tkun ogħla b’mod dejjiemi ma tipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fit-terminu medju.
(19)Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, in-nefqa netta fis-Slovakkja hija pproġettata li tikber bi 3.8 % fl-2025 u 9.3 % b’mod kumulattiv fl-2024 u l-2025. Abbażi tat-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, it-tkabbir fin-nefqa netta tas-Slovakkja fl-2025 huwa pproġettat li jkun taħt ir-rata massima ta’ tkabbir rakkomandata stabbilita mill-perkors korrettiv, kemm kull sena kif ukoll meta jitqiesu l-2024 u l-2025 flimkien. Għalhekk, il-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv għas-Slovakkja qed tiġi sospiża.
(20)Fir-Rapport ta’ Progress Annwali, id-defiċit tal-gvern estiż huwa pproġettat li jonqos għal 4.5 % tal-PDG fl-2026, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa pproġettat li jiżdied għal 63.3 % sa tmiem l-2026. Abbażi ta’ miżuri ta’ politika magħrufa fid-data tal-għeluq tat-tbassir, it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni jipproġetta defiċit tal-amministrazzjoni pubblika ta’ 5.1 % tal-PDG fl-2026. Iż-żieda tad-defiċit fl-2026 tirrifletti prinċipalment id-deterjorament tal-prospettiva makroekonomika flimkien ma’ miżuri diskrezzjonali persistenti li jżidu n-nefqa, b’mod partikolari t-13-il pagament permanenti tal-pensjoni, jew żieda fl-infiq fuq il-kura tas-saħħa. Dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal tkabbir nett fin-nefqa ta’ 3.9 % fl-2026. Fuq il-bażi tal-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali, li tinkludi kemm in-nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali kif ukoll dik iffinanzjata mill-UE, hija pproġettata li tkun newtrali fl-2026. Il-konsolidazzjoni fiskali tista’ tikkontribwixxi wkoll għat-titjib tal-pożizzjoni esterna. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG huwa pproġettat mill-Kummissjoni li jiżdied għal 63.0 % sa tmiem l-2026. Iż-żieda fil-proporzjon tad-dejn għall-PDG fl-2026 tirrifletti prinċipalment id-defiċit primarju għoli.
Sfidi ewlenin tal-politika
(21)Fl-2024, il-porzjon ta’ taxxa tas-Slovakkja (it-tassazzjoni tal-qligħ mix-xogħol) qabeż il-medja tal-UE għall-ħaddiema b’introjtu baxx, b’rata ta’ 38.2 % għall-individwi li jaqilgħu 50 % tal-paga medja, meta mqabbla mal-medja tal-UE ta’ 31.8 %. Madankollu, il-porzjon kien eqreb tal-medja tal-UE f’livelli ogħla ta’ introjtu, li jindika li l-piż tat-taxxa huwa relattivament aktar sostanzjali għal dawk b’introjtu aktar baxx. Id-dħul mit-taxxa fuq il-proprjetà fl-2023 kien baxx b’0.4 % tal-PDG, meta mqabbel mal-medja tal-UE ta’ 1.9 %, primarjament minħabba s-sistema tat-tassazzjoni tal-proprjetà bbażata fuq iż-żona fis-Slovakkja, li ma tqisx aspetti bħall-post jew il-valur tas-suq fil-komputazzjoni fiskali. Dan jirriżulta fi dħul mit-taxxa staġnat, fl-isfond taż-żieda fil-prezzijiet tad-djar f’dawn l-aħħar snin u kwistjonijiet li jikkonċernaw il-ġustizzja u l-ekwità. Barra minn hekk, id-dħul mit-tassazzjoni ambjentali tas-Slovakkja, speċjalment f’oqsma bħat-trasport, it-tniġġis, u r-riżorsi naturali, huwa konsistentement taħt il-medja tal-UE. Ir-rata effettiva tal-karbonju fis-Slovakkja hija ta’ EUR 64.1 għal kull tunnellata ta’ CO2, li hija ferm aktar baxxa mill-medja tal-UE ta’ EUR 84.8, li jissuġġerixxi inċentivi ekonomiċi aktar dgħajfa għat-tnaqqis tal-emissjonijiet. Is-Slovakkja qed tieħu miżuri biex tagħti spinta lill-effiċjenza tas-sistema tal-ġbir tat-taxxa tagħha billi tinvesti fl-infrastruttura tal-IT u timplimenta strateġija komprensiva ta’ trasformazzjoni diġitali. Għalkemm id-diskrepanza tal-VAT naqset b’mod sinifikanti f’dawn l-aħħar snin, id-diskrepanza fil-konformità mal-VAT għadha sostanzjalment ogħla mill-medja tal-UE. Biex tindirizza defiċits għoljin tal-gvern, is-Slovakkja introduċiet miżuri li għandhom l-għan li jżidu d-dħul tal-gvern, li jaffettwaw b’mod negattiv il-kompetittività tal-prezzijiet u jirriżultaw f’distribuzzjoni mhux uniformi tar-riżorsi. B’mod speċifiku, it-taxxa implimentata reċentement fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji tfixkel l-ambjent tan-negozju, tikkontribwixxi għal prezzijiet ogħla u tħeġġeġ l-użu ta’ pagamenti fi flus kontanti, filwaqt li tqajjem tħassib dwar l-evażjoni potenzjali tat-taxxa. Barra minn hekk, il-gvern estenda miżuri li għandhom l-għan li jtaffu l-impatti soċjali tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija. Madankollu, dawn il-miżuri mhumiex immirati lejn persuni vulnerabbli u jfixklu s-sinjali tal-prezzijiet mis-swieq tal-enerġija. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni insuffiċjenti tar-rieżamijiet tal-infiq eżistenti fil-proċess baġitarju xxekkel il-kisba ta’ ffrankar potenzjali li jista’ jtejjeb il-finanzi pubbliċi. L-avvanz tad-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni tat-taxxa, b’mod partikolari fil-fatturazzjoni elettronika u d-dikjarazzjonijiet tat-taxxa mimlija minn qabel, jista’ jgħin biex jitnaqqsu l-lakuni tas-sistema tat-taxxa, tiġi ssimplifikata l-konformità u jitnaqqsu l-kostijiet assoċjati.
(22)Is-Slovakkja għadha qed tiffaċċja nuqqas sinifikanti ta’ akkomodazzjoni, bl-għadd ta’ djar għal kull elf abitant fost l-aktar baxxi fil-pajjiżi tal-OECD. Il-kostruzzjoni residenzjali hija taħt il-medja tal-UE u ilha tonqos minn tmiem l-2023. Kien hemm ukoll xejra simili ’l isfel fl-għadd ta’ permessi tal-bini maħruġa sa tmiem l-2023. Dan huwa r-riżultat tal-proċeduri ineffiċjenti għall-għoti ta’ permessi fis-Slovakkja, xprunati minn frammentazzjoni amministrattiva għolja u riżorsi inadegwati fil-livell muniċipali. L-appoġġ għall-provvista tad-djar iwassal ukoll biex jitrażżnu r-riskji relatati mad-dejn tal-unitajiet domestiċi. Barra minn hekk, is-suq tal-kiri mhuwiex żviluppat biżżejjed, minħabba li l-qafas leġiżlattiv ma jwassalx biex jiffavorixxi l-kirjiet fuq is-sjieda tad-djar. Is-sjieda tad-djar tibqa’ l-għażla ppreferuta tal-biċċa l-kbira tal-unitajiet domestiċi fis-Slovakkja, peress li l-kirjiet huma għoljin, u d-disponibbiltà tal-akkomodazzjoni għall-kiri hija baxxa. Fl-istess ħin, il-provvista limitata ħafna ta’ akkomodazzjoni soċjali — 1.6 % biss tal-istokk tal-akkomodazzjoni — tippreżenta ostaklu għall-aċċess għall-akkomodazzjoni għall-persuni l-aktar vulnerabbli. Iż-żieda fil-prezzijiet tad-djar u t-tnaqqis fil-kostruzzjoni residenzjali jkomplu jillimitaw l-aċċessibbiltà u l-affordabbiltà tal-akkomodazzjoni.
(23)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/241 u l-kriterju 2.2 tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Dawn mistennijin jgħinu biex jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti. F’dan il-perjodu ta’ żmien strett, il-finalizzazzjoni tal-implimentazzjoni effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza hija essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività fit-tul tas-Slovakkja permezz tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, filwaqt li tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali. Biex twettaq l-impenji tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza sa Awwissu 2026, huwa essenzjali li s-Slovakkja taċċellera l-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti billi tindirizza l-isfidi rilevanti. B’mod partikolari, ambjent regolatorju imprevedibbli, piżijiet amministrattivi u struttura ta’ governanza frammentata, kif ukoll proċessi ta’ akkwist pubbliku ineffiċjenti u tħejjija insuffiċjenti ta’ proġetti ta’ investiment għandhom impatt fuq il-kapaċità tas-Slovakkja li timplimenta b’mod effettiv proġetti ta’ investiment u tassorbi l-finanzjament tal-UE, li jfixklu b’mod sinifikanti l-potenzjal tas-Slovakkja għall-innovazzjoni u d-diversifikazzjoni ekonomika. L-involviment sistematiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa’ essenzjali sabiex tiġi żgurata responsabbiltà wiesgħa għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.
(24)L-implimentazzjoni tal-programm tal-politika ta’ koeżjoni, li jinkludi appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF), il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) u l-Fond ta’ Koeżjoni (FK), aċċellerat fis-Slovakkja. Huwa importanti li jitkomplew l-isforzi biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni rapida ta’ dan il-programm, filwaqt li jiġi massimizzat l-impatt tiegħu fil-prattika. Is-Slovakkja diġà qed tieħu azzjoni taħt il-programm tal-politika ta’ koeżjoni tagħha biex tagħti spinta lill-kompetittività u t-tkabbir. Fl-istess ħin, is-Slovakkja tkompli tiffaċċja sfidi, inkluż dawk relatati mat-tisħiħ tal-kompetittività fil-kuntest tat-tranżizzjoni industrijali, it-tisħiħ tal-kapaċità tal-innovazzjoni, inkluż għall-iżvilupp u l-manifattura ta’ teknoloġiji kritiċi, iż-żieda fir-reżiljenza tal-ilma u l-akkomodazzjoni, kif ukoll l-aċċessibbiltà tal-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal u l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol ta’ gruppi żvantaġġati. F’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/1060, is-Slovakkja hija meħtieġa — bħala parti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni — tirrieżamina l-programm tagħha filwaqt li tqis, fost affarijiet oħra, l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2024. Il-proposti tal-Kummissjoni adottati fl-1 ta’ April 2025 17 jestendu l-iskadenza għas-sottomissjoni ta’ valutazzjoni — għal kull programm — tal-eżitu tar-rieżami ta’ nofs it-terminu lil hinn mill-31 ta’ Marzu 2025. Tipprovdi wkoll flessibbiltajiet biex jgħinu jħaffu l-implimentazzjoni tal-programm u inċentivi għall-Istati Membri biex jallokaw riżorsi tal-politika ta’ koeżjoni għal ħames oqsma strateġiċi ta’ prijorità tal-Unjoni, jiġifieri l-kompetittività fit-teknoloġiji strateġiċi, id-difiża, l-akkomodazzjoni, ir-reżiljenza tal-ilma u t-tranżizzjoni tal-enerġija.
(25)Il-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP - Strategic Technologies for Europe Platform) tipprovdi l-opportunità li jsir investiment fi prijorità strateġika ewlenija tal-UE billi tissaħħaħ il-kompetittività tal-UE. STEP taħdem permezz ta’ 11-il fond eżistenti tal-UE. L-Istati Membri jistgħu jikkontribwixxu wkoll għall-programm InvestEU li jappoġġa investimenti f’oqsma ta’ prijorità. Is-Slovakkja tista’ tuża dawn l-inizjattivi biex tappoġġa l-iżvilupp jew il-manifattura ta’ teknoloġiji kritiċi, inklużi teknoloġiji nodfa u effiċjenti fir-riżorsi.
(26)Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u fondi oħra tal-UE, is-Slovakkja qed tiffaċċja diversi sfidi addizzjonali relatati mad-dekarbonizzazzjoni u t-trasformazzjoni tal-industrija, l-iżvilupp ta’ mobbiltà b’emissjonijiet żero, l-ambjent tan-negozju u l-amministrazzjoni pubblika, id-diġitalizzazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni, is-sistema ġudizzjarja, is-suq tax-xogħol, l-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa.
(27)Kif stabbilit fil-Kumpass tal-Kompetittività, l-istituzzjonijiet kollha tal-UE, nazzjonali u lokali jridu jagħmlu sforz kbir biex jipproduċu regoli aktar sempliċi u biex jaċċelleraw il-ħeffa tal-proċeduri amministrattivi. Il-Kummissjoni stabbiliet għanijiet ambizzjużi għat-tnaqqis tal-piż amministrattiv: b’mill-inqas 25 % u b’mill-inqas 35 % għall-SMEs; u ħolqot għodod ġodda biex jintlaħqu dawn l-għanijiet, inkluż test tal-istress sistematiku tal-istokk tal-leġiżlazzjoni tal-UE u djalogu msaħħaħ mal-partijiet ikkonċernati. Biex taqbel ma’ din l-ambizzjoni, jeħtieġ ukoll li s-Slovakkja tieħu azzjoni. 78 % tan-negozji jqisu l-kumplessità tal-proċeduri amministrattivi bħala problema għall-kumpanija tagħhom meta jagħmlu negozju fis-Slovakkja 18 . Proċeduri amministrattivi twal u kumplessi, ambjent regolatorju imprevedibbli, leġiżlazzjoni li qed tinbidel malajr u ppjanar insuffiċjenti tal-investiment jagħmlu l-ambjent tan-negozju tas-Slovakkja wieħed mill-inqas favorevoli fl-UE. Fis-Slovakkja, il-leġiżlazzjoni għandha t-tendenza li tinbidel malajr u l-proċeduri leġiżlattivi rapidi saru komuni meta jiġu adottati liġijiet ġodda. Bejn Ottubru 2023 u Frar 2025, 37 % tal-liġijiet adottati kollha qabżu l-valutazzjonijiet tal-impatt standard u l-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati. Il-qafas attwali ta’ regolamentazzjoni aħjar fis-Slovakkja ma għandux regoli ċari u trasparenti u mhuwiex implimentat b’mod effettiv. Minkejja l-introduzzjoni ta’ miżuri biex jittejjeb l-ambjent tan-negozju, inkluż fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tas-Slovakkja, it-titjib ġenerali kien marġinali.
(28)Il-kompetittività tas-Slovakkja hija mxekkla minn amministrazzjoni pubblika frammentata, trasparenza limitata fl-akkwist pubbliku, u ppjanar dgħajjef tal-investiment. Il-governanza lokali tbati minn disparitajiet kbar fid-daqs tal-muniċipalità, responsabbiltajiet addizzjonali mhux iffinanzjati biżżejjed, u nuqqas ta’ ppjanar strateġiku. L-ippjanar tal-investiment għadu marbut maċ-ċikli ta’ finanzjament tal-UE u ma għandux viżjoni fit-tul, li toħloq inċertezza għan-negozji u għall-awtoritajiet lokali. Il-muniċipalitajiet żgħar, b’mod partikolari, jeħtieġu aktar taħriġ u kapaċità biex jimmaniġġjaw l-investimenti u jaċċessaw il-fondi tal-UE. Minkejja r-riformi reċenti fil-valutazzjoni, l-għażla u l-ibbaġitjar tal-investiment pubbliku, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni ex post tal-proġetti għadhom dgħajfa. Hekk kif is-Slovakkja tiżviluppa strateġija nazzjonali ta’ investiment sal-2050, huwa essenzjali li l-istrateġija tiżgura appoġġ politiku wiesa’ u tiġi adottata fi żmien xieraq. Ir-riforma tal-istruttura ta’ governanza lokali u l-iżgurar ta’ finanzjament adegwat għad-diversi responsabbiltajiet jistgħu javvanzaw b’mod sinifikanti l-kapaċità strutturali tas-Slovakkja għall-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-investiment. Barra minn hekk, jeħtieġ ukoll li s-Slovakkja ttejjeb il-forniment ta’ servizzi pubbliċi ta’ kwalità fil-livell lokali u ssaħħaħ l-indipendenza finanzjarja u l-kapaċità ta’ ġestjoni tal-gvernijiet lokali u reġjonali.
(29)Għalkemm ir-riformi reċenti għandhom l-għan li jissimplifikaw il-proċeduri tal-akkwist pubbliku, għad hemm tħassib dwar nuqqas ta’ trasparenza u kompetizzjoni, peress li l-perċentwal ta’ kuntratti pubbliċi mogħtija fi proċeduri b’offerent wieħed ammonta għal 33% fl-2023. It-trasparenza u l-kompetizzjoni fil-proċessi tal-akkwist pubbliku huma meħtieġa biex tiġi promossa l-governanza tajba u tittejjeb l-effettività tal-infiq pubbliku. Barra minn hekk, minkejja l-adozzjoni tal-Att dwar il-Proċeduri tal-Akkwist Pubbliku, li għandu l-għan li jsaħħaħ ir-regoli għall-akkwist pubbliku ekoloġiku u jtejjeb l-użu tal-kriterji tal-kwalità u tal-ikkostjar taċ-ċiklu tal-ħajja, il-maġġoranza tal-kuntratti fis-Slovakkja għadhom jingħataw abbażi tal-irħas prezz.
(30)Hemm tħassib dwar is-sistema ġudizzjarja Slovakka. B’mod partikolari, garanziji suffiċjenti fir-rigward tat-tkeċċija tal-membri tal-Kunsill Ġudizzjarju għadhom mhumiex fis-seħħ. Diversi żviluppi, bħaż-żarmar ta’ aġenziji speċjalizzati kontra l-korruzzjoni (l-Uffiċċju Speċjali tal-Prosekuzzjoni u l-Aġenzija Nazzjonali għall-Kriminalità), kif ukoll l-impatt ta’ ċerti emendi għall-kodiċi kriminali jqajmu tħassib serju dwar ir-robustezza tal-qafas kontra l-korruzzjoni tas-Slovakkja kif ukoll il-grad ta’ speċjalizzazzjoni u l-kapaċità istituzzjonali mibnija maż-żmien. B’konsegwenza ta’ dan, l-isforzi tal-forza tal-pulizija u l-prosekuzzjoni għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ korruzzjoni kumplessa u ta’ livell għoli ġew imfixkla serjament, b’impatt fuq is-segwitu effettiv ta’ każijiet li għaddejjin u dawk futuri. Dawn l-iżviluppi jirriskjaw li jfixklu l-ambjent tan-negozju u regolatorju tas-Slovakkja, u għalhekk il-kompetittività tagħha.
(31)L-infrastruttura diġitali tas-Slovakkja tippreżenta ostaklu għall-kompetittività tagħha, b’69.12 % biss tal-unitajiet domestiċi koperti minn networks b’kapaċità għolja ħafna fl-2023, meta mqabbla mal-medja tal-UE ta’ 78.81 %. Id-diskrepanza fl-investiment stmata ta’ aktar minn EUR 500 miljun għall-konnettività tal-gigabits jeħtieġ li tiġi indirizzata biex in-negozji u l-pubbliku jiġu pprovduti b’konnettività diġitali aktar rapida, aktar affidabbli u aktar mifruxa. Sabiex tiġi ffaċilitata l-introduzzjoni ta’ infrastruttura diġitali ġdida, huwa essenzjali li jiġi ssimplifikat il-qafas regolatorju, jinħoloq ambjent tan-negozju favorevoli għall-investituri u jitnaqqsu l-ħin u l-kost assoċjati mal-introduzzjoni tal-infrastruttura diġitali.
(32)L-adozzjoni bil-mod tat-teknoloġiji diġitali fis-Slovakkja tippreżenta sfida ulterjuri għall-kompetittività u t-tkabbir, b’62 % biss tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) jilħqu intensità diġitali bażika, meta mqabbla mal-medja tal-UE ta’ 72.9 %. Il-kollaborazzjoni limitata bejn is-setturi tan-negozju u tar-riċerka hija ostaklu sinifikanti ieħor għat-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività. L-opportunitajiet għall-SMEs biex jinvestu fir-riċerka u l-iżvilupp huma limitati, peress li l-iskema attwali ta’ inċentivi tat-taxxa fuq ir-riċerka u l-iżvilupp hija preġudikata lejn kumpaniji akbar. It-titjib tal-iskemi ta’ inċentivi tar-riċerka u l-iżvilupp u l-orjentament tal-politiki tar-riċerka u l-iżvilupp aktar lejn l-SMEs jistgħu jrawmu l-potenzjal tat-tkabbir tas-Slovakkja.
(33)L-ekonomija tas-Slovakkja, inkluż is-settur industrijali kbir u li jirrikjedi ħafna ħaddiema, qed tiffaċċja sfidi biex timmodernizza, tilħaq l-objettivi klimatiċi, u tibqa’ kompetittiva. Il-kapaċità tal-manifattura domestika għadha partikolarment limitata fis-settur tat-teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti. Billi timxi lejn ekonomija aktar diversifikata u mmexxija mill-innovazzjoni, inkluż lejn teknoloġiji ekoloġiċi u proċessi awtomatizzati, is-Slovakkja tista’ tagħti spinta lis-sostenibbiltà ekonomika fit-tul u r-reżiljenza tagħha kontra xokkijiet esterni. Għal dan l-għan, l-investimenti jeħtieġ li jingħataw prijorità ċara. Il-qafas leġiżlattiv eżistenti li jiffaċilita t-trasformazzjoni tal-industrija Slovakka jista’ jiġi kkomplementat minn mekkaniżmu li jirrieżamina u jinkoraġġixxi regolarment l-azzjonijiet ta’ prijorità għas-settur industrijali, filwaqt li jappoġġa aktar it-tranżizzjoni tiegħu b’mod partikolari lejn teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti u innovattivi. Peress li l-mudell ekonomiku Slovakk qed jiddependi b’mod predominanti fuq l-assemblaġġ downstream ta’ oġġetti intermedji importati, dan jillimita l-valur miżjud domestiku u r-riperkussjonijiet tal-għarfien espert għad-ditti lokali. Huma meħtieġa aktar sforzi biex tissaħħaħ l-integrazzjoni tas-setturi tal-manifattura u dawk industrijali emerġenti fil-ktajjen tal-provvista madwar l-UE kollha.
(34)Is-Slovakkja għadha tiddependi ħafna fuq ir-Russja għall-fjuwils fossili. Fl-2024, madwar 70 % tal-gass naturali u aktar minn 80 % taż-żejt mhux maħdum ikkunsmat kien ta’ oriġini Russa. L-isforzi tas-Slovakkja biex titbiegħed mid-dipendenza Russa huma bil-mod.
(35)Il-kostijiet għoljin tal-enerġija għan-negozji jibqgħu wieħed mill-ostakli ewlenin tal-kompetittività fis-Slovakkja, filwaqt li l-prezzijiet regolati tal-enerġija għall-unitajiet domestiċi jkomplu jfixklu l-inċentivi għall-investiment fl-effiċjenza enerġetika. Fl-2024, is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli kkontribwew biss għal 24 % tal-konsum finali gross tal-enerġija, ferm taħt il-medja tal-UE ta’ 47 %. Għalkemm is-Slovakkja reċentement adottat riformi li jappoġġaw l-użu ta’ investimenti f’konformità mal-objettivi tar-REPowerEU, huma meħtieġa aktar sforzi biex titħaffef l-introduzzjoni ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli, inkluż dik eolika, solari, ġeotermali u gassijiet rinnovabbli. Fl-istess ħin, il-konnessjoni tal-enerġija rinnovabbli mal-grilja jenħtieġ li ssir aktar effiċjenti u inqas ta’ piż, inkluż billi tingħata prijorità lill-investimenti li jiffaċilitaw il-konnessjoni u l-flessibbiltà tal-grilja. Id-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-tisħin domestiku tibqa’ kruċjali biex titnaqqas id-dipendenza tal-ekonomija fuq il-fjuwils fossili u jintlaħqu l-għanijiet klimatiċi tal-pajjiż. It-teknoloġiji ġeotermali u tal-pompi tas-sħana mhumiex użati biżżejjed b’mod partikolari fin-networks kbar tat-tisħin distrettwali. Huma meħtieġa aktar sforzi li jtejbu l-effiċjenza enerġetika, pereżempju, fis-setturi tal-bini, tat-trasport u tal-industrija, peress li għad hemm sfidi f’termini ta’ implimentazzjoni f’waqtha u żieda fl-investimenti kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat.
(36)Il-penetrazzjoni baxxa ħafna tal-mobbiltà b’emissjonijiet żero fis-Slovakkja tillimita l-kompetittività domestika tal-industrija awtomobilistika kbira tal-pajjiż. Dan huwa eżempju ta’ wieħed mill-aktar perċentwali baxxi għal reġistrazzjonijiet ġodda ta’ vetturi b’emissjonijiet żero fl-UE (2.9 % biss tar-reġistrazzjonijiet tal-karozzi ġodda), iżda wkoll mill-introduzzjoni tardiva tal-infrastruttura tal-iċċarġjar u tar-riforniment b’emissjonijiet żero. Għalkemm is-Slovakkja adottat xi riformi skont il-pjan tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza (eż. il-pjan ta’ azzjoni għall-elettromobbiltà), l-inċentivi biex tiġi appoġġata l-introduzzjoni ta’ vetturi u infrastruttura b’emissjonijiet żero għadhom ma mmaterjalizzawx. L-introduzzjoni ta’ inċentivi deskritti fil-pjan ta’ azzjoni għall-elettromobbiltà hija kruċjali sabiex is-settur privat ikun jista’ jagħmel investimenti ulterjuri sinifikanti. Bl-istess mod, l-infrastruttura tat-trasport ferrovjarju Slovakka qed tiġi modernizzata bil-mod biss, u dan jillimita l-attraenza tagħha kemm għall-użu tal-passiġġieri kif ukoll għall-użu kummerċjali. Barra minn hekk, is-Slovakkja ma għandhiex approċċ ċentralizzat għall-finanzjament fit-tul għar-rinnovazzjonijiet strateġiċi tal-infrastruttura nazzjonali tat-trasport, pereżempju, permezz ta’ fond ċentralizzat iddedikat għall-infrastruttura tat-trasport biex jitħaffef il-finanzjament nazzjonali fuq terminu medju u twil. Barra minn hekk, il-governanza tal-infrastruttura ferrovjarja nazzjonali ma tinċentivax titjib rapidu tan-network eżistenti.
(37)Is-Slovakkja għadha ’l bogħod milli tilħaq il-mira tal-2035 għar-rimi f’miżbliet tal-iskart muniċipali. Hemm bżonn ta’ ġestjoni mtejba tal-iskart tar-riżorsi biex jitrażżan ir-rimi fil-miżbliet u żieda fl-użu ta’ materjali ċirkolari. Il-kwalità tal-korpi tal-ilma tal-wiċċ Slovakki qed tiddeterjora minħabba miżuri inadegwati ta’ ġestjoni tal-ilma. Dawn il-korpi tal-ilma tqiegħdu taħt pressjoni minħabba għadd akbar ta’ avvenimenti estremi tat-temp, ammonti eċċessivi ta’ sustanzi niġġiesa u bidliet frekwenti fil-forma u l-fluss tal-korpi tal-ilma. Madankollu, l-istatus tal-korp tal-ilma jista’ jittejjeb u r-reżiljenza tal-ilma kontra n-nixfiet u l-għargħar tista’ tissaħħaħ permezz tal-introduzzjoni ta’ ġestjoni tal-ilma sostenibbli aħjar. Barra minn hekk, il-prijoritizzazzjoni ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura u restorazzjonijiet tax-xmajjar fuq il-kostruzzjoni ta’ digi tal-ilma ġodda u “infrastruttura griża” oħra hija kritika, filwaqt li dawn l-azzjonijiet jissarrfu wkoll f’politiki nazzjonali rilevanti. L-assorbimenti tal-karbonju tas-Slovakkja ma jilħqux il-livell ta’ ambizzjoni meħtieġ biex jintlaħqu l-miri tagħha tal-2030 għall-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija. Iż-żieda fil-kapaċità tal-assorbimenti tal-karbonju u r-reżiljenza tal-foresti Slovakki tirrikjedi protezzjoni aħjar tal-bijodiversità, b’mod partikolari permezz tal-finalizzazzjoni taż-żona tal-parks nazzjonali, it-tħawwil ta’ foresti multispeċi u multiġenerazzjonali, u l-konservazzjoni tar-riżorsi naturali.
(38)Is-Slovakkja għandha rata ta’ qgħad relattivament baxxa, iżda l-qgħad fit-tul u fost iż-żgħażagħ għadu għoli, kif ukoll il-qgħad fost gruppi żvantaġġati bħar-Rom u persuni b’livelli aktar baxxi ta’ ħiliet. Fl-istess ħin, filwaqt li d-differenza bejn il-ġeneri fl-impjiegi fis-Slovakkja hija relattivament baxxa meta mqabbla mal-medja tal-UE, in-nisa huma fil-biċċa l-kbira sottorappreżentati fis-suq tax-xogħol. L-isforzi biex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol jistgħu jgħinu biex jiġi indirizzat in-nuqqas dejjem akbar ta’ ħaddiema. L-investiment f’politiki li jgħinu lil gruppi vulnerabbli ta’ persuni jsibu jew jibqgħu jaħdmu sabiex iżommu l-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol għadu baxx. Il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, speċjalment għan-nisa, hija mxekkla wkoll minħabba d-disponibbiltà u l-użu insuffiċjenti ta’ servizzi ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal affordabbli u ta’ kwalità għolja, speċjalment għat-tfal taħt l-età ta’ 3 snin. L-opportunitajiet għal arranġamenti ta’ xogħol flessibbli huma limitati wkoll, filwaqt li, pereżempju, l-appoġġ għall-impjieg part-time jista’ jżid il-parteċipazzjoni tal-ġenituri ta’ tfal żgħar fis-suq tax-xogħol.
(39)Is-Slovakkja qed tiffaċċja nuqqas sinifikanti ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet, minħabba, fost affarijiet oħra, in-nuqqas ta’ ħaddiema b’ħiliet ekoloġiċi u diġitali. Dan jitlob sforzi sinifikanti u mmirati ta’ titjib tal-ħiliet u ta’ taħriġ mill-ġdid. Il-pajjiż għandu għadd baxx ta’ speċjalisti tal-ICT u sehem baxx ta’ studenti li huma rreġistrati fil-programmi STEM. Fl-istess ħin, is-sistema edukattiva Slovakka qed tiffaċċja diversi sfidi inkluż in-nuqqas ta’ għalliema u l-ħtieġa ta’ programmi ta’ taħriġ tal-għalliema, nuqqas ta’ finanzjament fit-tul, prestazzjoni baxxa tal-ħiliet bażiċi fost l-istudenti u l-adulti. Ir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali ilu jiżdied mill-2020. Ir-rata ta’ faqar fost it-tfal tas-Slovakkja qabżet il-medja tal-UE fl-2023 u filwaqt li r-rata tal-faqar fost it-tfal tjiebet fl-2024, għadha għolja u għad hemm disparitajiet reġjonali sinifikanti, b’mod partikolari fir-reġjun tal-Lvant tal-pajjiż. Filwaqt li l-miżuri appoġġati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, il-Fond Soċjali Ewropew Plus u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għandhom l-għan li jnaqqsu s-segregazzjoni tar-Rom fl-edukazzjoni u jiżguraw aċċess ugwali u inklużiv għal edukazzjoni ta’ kwalità fil-livelli kollha, il-kapaċità fil-livell lokali għall-implimentazzjoni għadha lura, b’mod partikolari fir-rigward tal-proġetti ta’ infrastruttura.
(40)Ir-reżiljenza tas-sistema tal-kura tas-saħħa tas-Slovakkja tinsab taħt pressjoni minħabba nuqqas ta’ professjonisti tal-kura tas-saħħa u professjonisti ta’ età avvanzata. Il-livelli tal-persunal huma taħt il-medja tal-UE u kważi kwart tal-infermiera qed joqorbu lejn l-irtirar. L-isforzi limitati biex tingħata spinta lir-reġistrazzjoni fi studji mediċi, jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol, u tiġi mmodernizzata l-infrastruttura jpoġġu aktar pressjoni fuq il-kapaċità tas-sistema. L-ineffiċjenzi strutturali fl-isptarijiet u n-nuqqas ta’ finanzjament persistenti, b’mod partikolari fil-kura preventiva, li rċeviet biss 2.0 % tan-nefqa totali fuq is-saħħa fl-2022, jaggravaw is-sitwazzjoni. Id-diffikultajiet finanzjarji wasslu għal dejn sinifikanti u dewmien twil fil-pagamenti fi sptarijiet statali ewlenin, u dan idgħajjef l-isforzi biex tittejjeb l-effiċjenza. Il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza kkontribwixxa għal xi titjib fl-aċċess għas-servizzi tal-kura tas-saħħa u koordinazzjoni aħjar bejn il-livelli tal-kura. Madankollu, huma meħtieġa aktar sforzi biex tissaħħaħ il-provvista tal-kura primarja u biex tiġi żgurata provvista adegwata ta’ prodotti u infrastruttura mediċi kritiċi. Barra minn hekk, is-servizzi tal-kura fit-tul għadhom mhumiex iffinanzjati biżżejjed u għadhom pjuttost limitati, speċjalment għall-gruppi vulnerabbli. Minħabba l-popolazzjoni li qed tixjieħ, is-sistemi tal-kura tas-saħħa u tal-kura fit-tul jiffaċċjaw sfidi ta’ sostenibbiltà fiskali fuq terminu medju u twil.
(41)Fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-kontribut kollettiv tagħhom għall-funzjonament tal-unjoni ekonomika u monetarja, fl-2025, il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, biex jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni tal-2025 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro. Għas-Slovakkja, ir-rakkomandazzjonijiet (2), (3), (4), (5) u (6) jgħinu fl-implimentazzjoni tal-ewwel rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro dwar il-kompetittività, filwaqt li r-rakkomandazzjonijiet (1), (5) u (6) jgħinu fl-implimentazzjoni tat-tieni rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro dwar ir-reżiljenza, u r-rakkomandazzjonijiet (1), (3) u (6) jgħinu fl-implimentazzjoni tat-tielet rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro dwar l-istabbiltà makroekonomika u finanzjarja stabbilita fir-Rakkomandazzjoni tal-2025.
(42)Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u l-konklużjonijiet tagħha dwar l-eżistenza ta’ żbilanċi, ir-rakkomandazzjonijiet skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1), (2), (3) u (5) hawn taħt. Il-politiki msemmija fir-rakkomandazzjoni (1) jgħinu biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet marbuta mas-suq tal-akkomodazzjoni u d-dejn tal-unitajiet domestiċi. Il-politiki msemmija fir-rakkomandazzjonijiet (1), (2) u (5) jgħinu biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet marbuta mal-bilanċi esterni. Il-politiki msemmija fir-rakkomandazzjonijiet (1), (3) u (5) jgħinu biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet marbuta mal-kompetittività. Ir-rakkomandazzjonijiet (1), (2), (3) u (5) jikkontribwixxu kemm għall-indirizzar tal-iżbilanċi kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, f’konformità mal-premessa 41.
B’DAN JIRRAKKOMANDA li fl-2025 u fl-2026 is-Slovakkja tieħu azzjoni biex:
1.Issaħħaħ l-infiq u l-istat ta’ tħejjija ġenerali għad-difiża f’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-6 ta’ Marzu 2025. Taderixxi mar-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta rrakkomandati mill-Kunsill fil-21 ta’ Jannar 2025, bil-ħsieb li tintemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv filwaqt li jsir użu mill-allowance skont il-klawżola liberatorja nazzjonali għal nefqa ogħla għad-difiża. Tagħmel it-taħlita tat-taxxa aktar effiċjenti, inkluż billi tnaqqas id-diżinċentivi fis-suq tax-xogħol, u tagħmel użu aktar b’saħħtu mit-taxxi inqas detrimentali għat-tkabbir bħat-tassazzjoni ambjentali u rikorrenti fuq il-proprjetà. Ittejjeb l-effiċjenza tal-infiq billi, pereżempju, timplimenta rieżamijiet tal-infiq. Tkompli ssaħħaħ il-konformità mat-taxxa, inkluż billi tkompli tiddiġitalizza l-amministrazzjoni tat-taxxa. Tnaqqas gradwalment il-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija fis-seħħ u tiżgura li dawn ikunu mmirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli, u jkunu fiskalment affordabbli, u jippreservaw l-inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija. Tappoġġa l-provvista tal-akkomodazzjoni u tespandi s-suq tal-kiri billi taċċellera l-kostruzzjoni residenzjali u billi tippromwovi l-akkomodazzjoni soċjali, filwaqt li tqis id-disparitajiet reġjonali.
2.Fid-dawl tal-iskadenzi applikabbli għat-tlestija f’waqtha tar-riformi u l-investimenti skont ir-Regolament (UE) 2021/241, taċċellera l-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU. Taċċellera l-implimentazzjoni tal-programm tal-politika ta’ koeżjoni (il-FEŻR, il-JTF, il-FSE+, il-FK), filwaqt li tibni, fejn xieraq, fuq l-opportunitajiet offruti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu. Tagħmel l-aħjar użu mill-istrumenti tal-UE, inkluż il-kamp ta’ applikazzjoni pprovdut minn InvestEU u l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa, biex ittejjeb il-kompetittività.
3.Tiżgura ambjent tan-negozju favorevoli billi toħloq ambjent regolatorju aktar prevedibbli, permezz tat-titjib tal-qafas ta’ regolamentazzjoni aħjar, filwaqt li jiġi żgurat li l-valutazzjoni tal-impatt u l-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati jiġu integrati fil-proċess leġiżlattiv. Tindirizza l-frammentazzjoni tal-istrutturi ta’ governanza, inkluż billi tħejji riforma tal-governanza lokali. Tiżgura servizzi pubbliċi ta’ kwalità permezz ta’ koordinazzjoni u tfassil tal-politika aħjar. Tiżgura t-trasparenza u l-kompetizzjoni fil-proċessi tal-akkwist pubbliku biex tiġi promossa l-governanza tajba u tittejjeb l-effettività tal-infiq pubbliku, u jiżdied l-użu tal-kriterji relatati mal-kwalità u tal-kostijiet taċ-ċiklu tal-ħajja fl-operazzjonijiet tal-akkwist pubbliku. Issaħħaħ is-sistema ġudizzjarja u ssaħħaħ l-effettività tas-sistema kontra l-korruzzjoni, inkluż billi jiġu żgurati investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet adegwati, awtonomi u effettivi ta’ każijiet ta’ korruzzjoni ta’ livell għoli u kapaċità suffiċjenti u speċjalizzata fil-livell tal-pulizija u tal-prosekuzzjoni.
4.Issaħħaħ l-infrastruttura diġitali billi tnaqqas id-distakk fl-investiment għall-konnettività tal-gigabits u tissimplifika r-regolamentazzjoni għall-introduzzjoni tal-infrastruttura. Iżżid l-adozzjoni tat-teknoloġiji diġitali, b’mod partikolari fost l-SMEs, billi tneħħi l-konġestjonijiet fl-introduzzjoni tagħhom. Ittejjeb il-politika tar-riċerka u l-innovazzjoni billi tinċentiva l-kollaborazzjoni bejn in-negozju u s-settur tar-riċerka u billi tirrevedi l-iskema ta’ inċentivi tat-taxxa tar-riċerka u żvilupp biex tipprovdi appoġġ akbar lill-SMEs.
5.Tagħti prijorità lill-investimenti fil-produzzjoni nadifa u effiċjenti u fl-użu tal-enerġija u r-riżorsi. Issaħħaħ il-qafas leġiżlattiv biex tappoġġa t-teknoloġiji u l-prodotti ekoloġiċi, u tippromwovi l-investimenti biex tavvanza l-kompetittività industrijali u d-diversifikazzjoni ekonomika. Taċċellera d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-fjuwils fossili biex titneħħa gradwalment id-dipendenza fuq is-sorsi Russi. Taċċellera l-introduzzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, filwaqt li tagħmel il-proċeduri għall-konnessjoni tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli mal-grilja aktar effiċjenti u inqas ta’ piż. Tappoġġa aktar investimenti fil-grilji, b’mod partikolari n-networks tal-elettriku, kif ukoll fid-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-tisħin. Tappoġġa aktar l-introduzzjoni ta’ mobbiltà b’emissjonijiet żero u l-modernizzazzjoni tan-network ferrovjarju, billi tirriforma l-governanza tal-infrastruttura ferrovjarja nazzjonali u toħloq qafas ta’ investiment iddedikat. Issaħħaħ il-ġestjoni tal-iskart tar-riżorsi u l-użu mill-ġdid tal-iskart muniċipali u mill-imballaġġ, il-konservazzjoni tar-riżorsi naturali, u żżid tar-reżiljenza tal-ilma billi tintegra soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura u tiffinalizza l-iskedar ta’ żoni protetti min-natura.
6.Issaħħaħ il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol ta’ gruppi sottorappreżentati, u tintroduċi arranġamenti tax-xogħol aktar flessibbli għall-ġenituri bit-tfal. Iżżid id-disponibbiltà u l-użu ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal affordabbli u ta’ kwalità għolja għat-tfal taħt l-età ta’ 3 snin. Issaħħaħ it-tagħlim tal-ħiliet bażiċi, inkluż għal tfal minn sfondi żvantaġġati b’mod partikolari f’komunitajiet Rom emarġinati, filwaqt li tiżgura aċċess ugwali u inklużiv għal edukazzjoni ta’ kwalità fil-livelli kollha. Iżżid l-isforzi ta’ politika mmirati lejn il-forniment u l-akkwist ta’ ħiliet u kompetenzi, billi tipprovdi opportunitajiet ta’ taħriġ mill-ġdid u titjib tal-ħiliet għall-adulti, tinvesti fit-taħriġ tal-għalliema, u żżid ir-reġistrazzjoni fil-programmi edukattivi STEM. Ittejjeb il-provvista tal-kura primarja, speċjalment għall-persuni vulnerabbli, u tespandi l-miżuri tal-kura tas-saħħa preventiva. Issaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistema tas-saħħa fl-oqsma tal-prodotti mediċi kritiċi, l-infrastruttura, u l-forza tax-xogħol tal-kura tas-saħħa billi żżomm u tattira ħaddiema tas-sengħa, filwaqt li tiżgura s-sostenibbiltà fiskali tas-sistema tal-kura tas-saħħa. Tiżgura kura fit-tul affordabbli u ta’ kwalità.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President