Brussell, 4.6.2025

COM(2025) 222 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tal-Portugall

{SWD(2025) 222 final}


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tal-Portugall

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

(1)Ir-Regolament (UE) 2024/1263, li daħal fis-seħħ fit-30 ta’ April 2024, jispeċifika l-objettivi tal-qafas ta’ governanza ekonomika, li għandu l-għan li jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli u tkabbir u reżiljenza sostenibbli u inklużivi permezz ta’ riformi u investimenti, u jipprekludi defiċits eċċessivi tal-gvern. Ir-Regolament jistipula li l-Kunsill u l-Kummissjoni jwettqu sorveljanza multilaterali fil-kuntest tas-Semestru Ewropew f’konformità mal-objettivi u r-rekwiżiti stabbiliti fit-TFUE. Is-Semestru Ewropew jinkludi, b’mod partikolari, il-formulazzjoni u s-sorveljanza tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. Ir-Regolament jippromwovi wkoll is-sjieda nazzjonali tal-politika fiskali u jenfasizza l-fokus tagħha fuq it-terminu medju, flimkien ma’ infurzar aktar effettiv u aktar koerenti. Kull Stat Membru jrid jissottometti lill-Kunsill u lill-Kummissjoni pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju li jkun fih l-impenji fiskali, ta’ riforma u ta’ investiment tiegħu, fuq perjodu ta’ 4 jew 5 snin, skont it-tul tat-terminu leġiżlattiv nazzjonali. Il-perkors tan-nefqa netta 2 f’dawn il-pjanijiet għandu jkun konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament, inkluż mar-rekwiżiti li d-dejn tal-gvern estiż jitqiegħed jew jinżamm fuq perkors plawżibbli ’l isfel sat-tmiem tal-perjodu ta’ aġġustament, jew li jibqa’ f’livelli prudenti taħt is-60 % tal-prodott domestiku gross (PDG), u li d-defiċit tal-gvern estiż jinġieb u/jew jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG kif stabbilit mit-Trattat, fuq terminu medju. Meta Stat Membru jimpenja ruħu għal sett rilevanti ta’ riformi u investimenti f’konformità mal-kriterji stabbiliti fir-Regolament, il-perjodu ta’ aġġustament jista’ jiġi estiż b’mhux aktar minn 3 snin.

(2)Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 3 , li stabbilixxa l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (l-“RRF”), daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. L-RRF tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti, li jagħtu impuls fiskali ffinanzjat mill-Unjoni. F’konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, l-RRF trawwem irkupru ekonomiku u soċjali filwaqt li tmexxi riformi u investimenti sostenibbli, b’mod partikolari billi tippromwovi t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u billi tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-Unjoni u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

(3)Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 4 (ir-“Regolament REPowerEU”), li ġie adottat fis-27 ta’ Frar 2023, għandu l-għan li jelimina gradwalment id-dipendenza tal-Unjoni fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi. Dan jgħin biex tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-Unjoni, filwaqt li jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza fl-enerġija. Il-Portugall żied kapitolu REPowerEU ġdid mal-pjan nazzjonali tiegħu għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex jiffinanzja riformi u investimenti ewlenin li ser jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU.

(4)Fit-22 ta’ April 2021, il-Portugall ippreżenta l-pjan tiegħu għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 ta’ dak ir-Regolament, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni stipulati fl-Anness V. Fit-13 ta’ Lulju 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tiegħu li tapprova l-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Portugall 5 , li ġiet emendata skont l-Artikolu 18(2) fl-10 ta’ Ottubru 2023 biex il-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli tiġi aġġornata, kif ukoll biex jiġi inkluż il-kapitolu REPowerEU 6 . Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq l-adozzjoni ta’ deċiżjoni mill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 24(5), li tiddikjara li l-Portugall jkun laħaq b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stipulati fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. L-ilħuq sodisfaċenti jirrikjedi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti għall-istess riforma jew investiment ma tkunx treġġgħet lura.

(5)Fil-21 ta’ Jannar 2025, il-Kunsill, fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, adotta rakkomandazzjoni li tapprova l-pjan fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju tal-Portugall 7 . Il-pjan ġie ppreżentat f’konformità mal-Artikolu 11 u l-Artikolu 36(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2024/1263, li jkopri l-perjodu mill-2025 sal-2028 u jippreżenta firxa ta’ aġġustament fiskali fuq 4 snin.

(6)Fis-26 ta’ Novembru 2024, il-Kummissjoni adottat opinjoni dwar l-abbozz ta' pjan baġitarju tal-2025 tal-Portugall. Fl-istess jum, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport tal-2025 dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, fejn il-Portugall ma kienx identifikat bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kien hemm il-ħtieġa ta’ analiżi fil-fond. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro u proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2025, li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro 8 fit-13 ta' Mejju 2025 u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi fl-10 ta' Marzu 2025.

(7)Fid-29 ta’ Jannar 2025, il-Kummissjoni ppubblikat il-Boxxla għall-Kompetittività, qafas strateġiku li għandu l-għan li jagħti spinta lill-kompetittività globali tal-UE matul il-5 snin li ġejjin. Hija tidentifika t-tliet imperattivi trasformattivi ta’ tkabbir ekonomiku sostenibbli: (i) l-innovazzjoni; (ii) id-dekarbonizzazzjoni u l-kompetittività; u (iii) is-sigurtà. Biex tnaqqas id-diskrepanza fl-innovazzjoni, l-UE għandha l-għan li trawwem l-innovazzjoni industrijali, tappoġġa t-tkabbir tan-negozji ġodda permezz ta’ inizjattivi bħall-Istrateġija tal-UE għall-kumpaniji Start-up u Scale-up, u tippromwovi l-adozzjoni ta’ teknoloġiji avvanzati bħall-intelliġenza artifiċjali u l-computing kwantistiku. B’ħarsa lejn il-mira ta’ ekonomija aktar ekoloġika, il-Kummissjoni ddeskriviet Pjan ta’ Azzjoni komprensiv dwar l-enerġija affordabbli u Patt għal Industrija Nadifa, li jiżguraw li l-bidla lejn enerġija nadifa tibqa’ kosteffettiva, favur il-kompetittività, b’mod partikolari għas-setturi intensivi fl-enerġija, u hija mutur tat-tkabbir. Biex tnaqqas dipendenzi eċċessivi u żżid is-sigurtà, l-Unjoni hija impenjata li ssaħħaħ is-sħubijiet kummerċjali globali, tiddiversifika l-ktajjen tal-provvista u tiżgura l-aċċess għal materja prima kritika u sorsi ta’ enerġija nadifa. Dawn il-prijoritajiet huma sostnuti minn faċilitaturi orizzontali, jiġifieri s-simplifikazzjoni regolatorja, l-approfondiment tas-suq uniku, il-finanzjament tal-kompetittività kif ukoll Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti, il-promozzjoni tal-ħiliet u tax-xogħlijiet ta’ kwalità, u koordinazzjoni aħjar tal-politiki tal-UE. Il-Boxxla għall-Kompetittività hija allinjata mas-Semestru Ewropew, li jiżgura li l-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri jkunu konsistenti mal-objettivi strateġiċi tal-Kummissjoni, u li fil-governanza ekonomika jinħoloq approċċ unifikat li jrawwem it-tkabbir sostenibbli, l-innovazzjoni u r-reżiljenza madwar l-Unjoni.

(8)Fl-2025, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jiżviluppa biswit l-implimentazzjoni tal-RRF. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa’ essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta’ politika fil-qafas tas-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jgħinu jindirizzaw b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa f’dawn l-aħħar snin. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż jibqgħu ugwalment rilevanti għall-valutazzjoni tal-pjanijiet emendati għall-irkupru u r-reżiljenza f’konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2021/241.

(9)Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2025 ikopru l-isfidi ewlenin tal-politika ekonomika li mhumiex indirizzati biżżejjed mill-miżuri inklużi fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza, filwaqt li jqisu l-isfidi rilevanti identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019-2024.

(10)Fl-4 ta’ Ġunju 2025, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2025 għall-Portugall. F’dan ġie vvalutat il-progress tal-Portugall fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti u ħa kont tal-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Portugall. Abbażi ta’ din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika l-aktar sfidi urġenti li qed jiffaċċja l-Portugall. Huwa vvaluta wkoll il-progress tal-Portugall fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-Unjoni dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti.

Valutazzjoni tar-Rapport ta’ Progress Annwali

(11)Fil-21 ta’ Jannar 2025, il-Kunsill irrakkomanda r-rati massimi ta’ tkabbir li ġejjin tan-nefqa netta għall-Portugall: 5,0 % fl-2025, 5,1 % fl-2026, 1,2 % fl-2027, u 3,3 % fl-2028, li jikkorrispondu għar-rati ta’ tkabbir kumulattivi massimi kkalkulati b’referenza għall-2024 ta’ 17,4 % fl-2025, 23,4 % fl-2026, 24,8 % fl-2027, u 28,9 % fl-2028. Fit-30 ta’ April 2025, il-Portugall ippreżenta r-Rapport ta’ Progress Annwali 9 tiegħu, dwar l-aderenza mar-rati massimi ta’ tkabbir rakkomandati tan-nefqa netta u l-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tas-Semestru Ewropew. Ir-Rapport ta’ Progress Annwali jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tal-Portugall dwar il-progress li sar fil-kisba tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tiegħu f’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241.

(12)Il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u r-riperkussjonijiet tagħha jikkostitwixxu sfida eżistenzjali għall-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni irrakommandat biex tattiva l-klawżola liberatorja nazzjonali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir b’mod koordinat biex tappoġġa l-isforzi tal-UE biex tikseb żieda rapida u sinifikanti fl-infiq għad-difiża u din il-proposta ntlaqgħet mill-Kunsill Ewropew tas-6 ta’ Marzu 2025. Wara t-talba tal-Portugall fit-30 ta’ April 2025, fi [data] il-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, adotta rakkomandazzjoni li tippermetti lill-Portugall jiddevja mir-rati massimi ta’ tkabbir rakkomandati tan-nefqa netta u jaqbeż dawn ir-rati 10 .

(13)Abbażi ta’ data vvalidata mill-Eurostat 11 , is-surplus tal-gvern estiż tal-Portugall naqas minn 1,2 % tal-PDG fl-2023 għal 0,7 % fl-2024, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż naqas minn 97,7 % tal-PDG fi tmiem l-2023 għal 94,9 % fi tmiem l-2024. Skont il-kalkoli tal-Kummissjoni, dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal rata ta’ tkabbir fin-nefqa netta ta’ 12,0 % fl-2024. Fir-rapport ta’ Progress Annwali tal-2025, il-Portugall jistma li t-tkabbir nett fin-nefqa fl-2024 huwa ta’ 11,6 %. Il-Kummissjoni tistma li t-tkabbir fin-nefqa netta kien ogħla milli fir-Rapport ta’ Progress Annwali. Id-differenza bejn il-kalkoli tal-Kummissjoni u l-istimi tal-awtoritajiet nazzjonali hija dovuta għall-impatt ogħla li jnaqqas id-dħul tal-miżuri diskrezzjonali tad-dħul stmat mill-Kummissjoni, b’mod partikolari fuq miżuri relatati mat-taxxa fuq l-introjtu personali. Fuq il-bażi tal-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali 12 , li tinkludi kemm in-nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali kif ukoll dik iffinanzjata mill-UE, kienet espansjonarja, b’ 1,6 % tal-PDG, fl-2024.

(14)Skont ir-Rapport ta’ Progress Annwali, ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-proġezzjonijiet baġitarji mill-Portugall jistenna tkabbir tal-PDG reali ta’ 2,4 % fl-2025, filwaqt li l-inflazzjoni tal-HICP hija pproġettata għal 2,4 % fl-2025. It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni jipproġetta li l-PDG reali jikber b’1,8 % fl-2025 u 2,2 % fl-2026, u l-inflazzjoni tal-HICP se tkun ta’ 2,1 % fl-2025 u 2,0 % fl-2026.

(15)Fir-rapport ta’ Progress Annwali, is-surplus tal-gvern estiż huwa mistenni li jonqos għal 0,3 % tal-PDG fl-2025, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jonqos għal 91,5 % sa tmiem l-2025. Dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal tkabbir nett fin-nefqa ta’ 3,4 % fl-2025. It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni jipproġetta surplus tal-gvern estiż ta’ 0,1 % tal-PDG fl-2025. It-tnaqqis tas-surplus fl-2025 jirrifletti prinċipalment l-impatt tal-miżuri ta’ politika fiskali stmati li jżidu n-nefqa, b’mod partikolari l-pagi pubbliċi u t-trasferimenti soċjali, u jnaqqsu d-dħul li jirriżulta mill-aġġornament tal-iskema tat-taxxa fuq l-introjtu personali taż-żgħażagħ u l-inċentivi tat-taxxa korporattiva fuq l-introjtu. Skont il-kalkoli tal-Kummissjoni, dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal tkabbir fin-nefqa netta ta’ 6,1 % fl-2025. Dawn il-proġezzjonijiet ogħla ta’ tkabbir fin-nefqa netta milli fir-Rapport ta’ Progress Annwali huma dovuti għan-nefqa stmata aktar baxxa tal-Kummissjoni ffinanzjata minn trasferimenti mill-UE u n-nuqqas ta’ klassifikazzjoni bħala deċiżjoni ta’ darba tal-qorti li għad trid tiġi materjalizzata. Fuq il-bażi tal-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali, li tinkludi kemm in-nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali kif ukoll dik iffinanzjata mill-UE, hija pproġettata li tkun espansjonarja, b’ 1,4 % tal-PDG, fl-2025. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa mistenni li jonqos għal 91,7 % sa tmiem l-2025. It-tnaqqis tal-proporzjon tad-dejn għall-PDG fl-2025 jirrifletti prinċipalment differenzjali favorevoli ta’ tkabbir fir-rata tal-imgħax flimkien ma’ surplus primarju pproġettat.

(16)In-nefqa tal-gvern estiż li tammonta għal 1,5 % tal-PDG hija mistennija li tiġi ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (“għotjiet”) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2025, meta mqabbla ma’ 0,7 % tal-PDG fl-2024, skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni. In-nefqa ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tippermetti investiment ta’ kwalità għolja u riformi li jtejbu l-produttività mingħajr impatt dirett fuq il-bilanċ u d-dejn tal-gvern estiż tal-Portugall.

(17)In-nefqa għad-difiża tal-gvern estiż fil-Portugall baqgħet stabbli għal 0,8 % tal-PDG mill-2021 sal-2023 13 . Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, in-nefqa fuq id-difiża hija pproġettata li tkun 0,8 % tal-PDG kemm fl-2024 kif ukoll fl-2025. Dan ma jikkorrispondi għall-ebda bidla meta mqabbel mal-2021. Il-perjodu meta tiġi attivata l-klawżola liberatorja nazzjonali (2025-2028) jippermetti lill-Portugall jipprijoritizza mill-ġdid in-nefqa tal-gvern jew iżid id-dħul tal-gvern sabiex in-nefqa għad-difiża li tkun ogħla b’mod dejjiemi ma tipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fit-terminu medju.

(18)Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, in-nefqa netta fil-Portugall hija pproġettata li tikber b’ 6,1 % fl-2025 u 18,8 % b’mod kumulattiv fl-2024 u l-2025. Abbażi tat-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, it-tkabbir fin-nefqa netta tal-Portugall fl-2025 huwa pproġettat li jkun ogħla mir-rata massima ta’ tkabbir rakkomandata, li tikkorrispondi għal devjazzjoni 14 ta’ 0,4 % tal-PDG f’termini annwali. Meta jitqiesu l-2024 u l-2025 flimkien, ir-rata ta’ tkabbir kumulattiv tan-nefqa netta hija wkoll ipproġettata li tkun ogħla mir-rata massima ta’ tkabbir rakkomandata, li tikkorrispondi għal devjazzjoni ta’ 0,5 % tal-PDG. Meta titqies il-flessibbiltà għal infiq ogħla għad-difiża pprovduta mill-klawżola liberatorja nazzjonali, id-devjazzjoni kumulattiva tan-nefqa netta tibqa’ stabbli għal 0,5 % tal-PDG, taħt il-limitu ta’ 0,6 % tal-PDG għad-devjazzjoni kumulattiva.

(19)Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda li l-Portugall inaqqas gradwalment il-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija qabel l-istaġun tat-tisħin 2024/2025. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, filwaqt li l-kost baġitarju nett 15 tal-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija huwa stmat li jkun 0,3 % tal-PDG fl-2024, huwa pproġettat li jonqos għal 0,1 % fl-2025. Il-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija ta’ emerġenza ġew eliminati parzjalment biss qabel l-istaġun tat-tisħin 2024/2025. Dan mhuwiex konformi bis-sħiħ ma’ dak li kien irrakkomandat mill-Kunsill.

(20)Ir-Rapport ta’ Progress Annwali ma jinkludix proġettazzjonijiet baġitarji wara l-2025. Abbażi ta’ miżuri ta’ politika magħrufa fid-data limitu tat-tbassir, it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni jipproġetta defiċit tal-gvern estiż ta’ 0,6 % tal-PDG fl-2026. Il-bidla fil-bilanċ tal-gvern estiż fl-2026 tirrifletti prinċipalment l-impatt tat-tnaqqis tar-rata tat-taxxa korporattiva fuq l-introjtu kif definit fil-Liġi tal-Baġit tal-Istat tal-2025, u l-irkupru tal-investiment pubbliku ffinanzjat mis-self tal-RRF. Dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal tkabbir nett fin-nefqa ta’ 6,3 % fl-2026. Fuq il-bażi tal-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali, li tinkludi kemm in-nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali kif ukoll dik iffinanzjata mill-UE, hija pproġettata li tkun espansjonarja, b’ 1,2 % tal-PDG, fl-2026. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa proġettat mill-Kummissjoni li jonqos għal 89,7 % sa tmiem l-2026. It-tnaqqis tal-proporzjon tad-dejn għall-PDG fl-2026 jirrifletti prinċipalment id-differenza favorevoli kontinwa fir-rata ta’ tkabbir tal-imgħax u s-surplus primarju pproġettat.

Sfidi ewlenin tal-politika

(21)It-tixjiħ tal-popolazzjoni flimkien ma’ popolazzjoni fl-età tax-xogħol li qed tonqos ipoġġi s-sostenibbiltà tas-sistema tal-iskema tal-pensjoni Ħallas Waqt Li Tkun Għaddej tal-Portugall taħt pressjoni. Filwaqt li l-infiq pubbliku fuq il-pensjonijiet huwa mistenni li jiżdied, se jkun hemm inqas kontributuri fis-sistema. L-infiq pubbliku fuq il-pensjonijiet huwa mistenni li jilħaq il-quċċata fl-2046 (15,2 % tal-PDG), u jippożizzjona lill-Portugall fl-ogħla tliet Stati Membri bl-ogħla proporzjon tan-nefqa tal-pensjonijiet mal-PDG 16 . Madankollu, jekk fl-2025 ikun hemm kważi żewġ kontributuri għal kull pensjonant, fl-2046 huwa mistenni li jkun hemm biss madwar wieħed. Id-defiċit li jirriżulta fi ħdan il-bilanċ tas-sistema tal-pensjonijiet pubbliċi jeħtieġ li jkun kopert minn riżorsi nazzjonali permezz ta’ trasferimenti mill-baġit nazzjonali jew mill-fond ta’ riżerva Portugiż għall-iskemi tal-pensjonijiet pubbliċi (magħruf bħala l-Fundo de Estabilização Financeira da Segurança Social). It-tixjiħ tal-popolazzjoni huwa ta’ piż fuq il-finanzi pubbliċi tal-Portugall mhux biss permezz tal-impatt tiegħu fuq is-sistema tal-pensjonijiet pubbliċi iżda wkoll permezz tal-impatt tiegħu fuq is-sistema tat-taxxa. Pereżempju, għadd aktar baxx ta’ individwi fl-età tax-xogħol jista’ jnaqqas id-dħul mit-tassazzjoni fuq ix-xogħol. F’dawn l-aħħar snin, il-Portugall implimenta riformi biex itejjeb is-sostenibbiltà tas-sistema tal-pensjonijiet tiegħu billi, pereżempju, indiċja l-età statutorja tal-irtirar mal-istennija tal-għomor. Madankollu, politiki bħal skemi ta’ rtirar bikri u rati kontributorji speċjali jżidu l-pressjoni fuq is-sistema tal-pensjonijiet pubbliċi tal-pajjiż, li jista’ jkollu impatt fuq is-sostenibbiltà tagħha.

(22)F'konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/241 u l-kriterju 2.2 tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta' riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Dawn mistennijin jgħinu biex jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti. F'dan il-perjodu ta' żmien strett, il-finalizzazzjoni tal-implimentazzjoni effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, hija essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività fit-tul tal-Portugall permezz tat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, filwaqt li tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali. Biex iwettaq l-impenji tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza sa Awwissu 2026, huwa essenzjali li l-Portugall ikompli jaċċellera r-riformi u l-investimenti billi jindirizza l-isfidi rilevanti. Fit-13 ta’ Mejju 2025, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tiegħu li temenda l-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Portugall biex jitqiesu ċirkostanzi oġġettivi li jikkompromettu l-implimentazzjoni f’waqtha ta’ xi investimenti. Madankollu, għad hemm sfidi f’termini ta’ kapaċità amministrattiva, regoli tal-akkwist pubbliku u proċeduri twal għall-għoti ta’ permessi li jaffettwaw, b’mod partikolari, proġetti kbar ta’ investiment. L-involviment sistematiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa' essenzjali sabiex tiġi żgurata responsabbiltà wiesgħa għall-implimentazzjoni b’suċċess u f’waqtha tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.

(23)L-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni, li jinkludu appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF), il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) u l-Fond ta’ Koeżjoni (FK), aċċellerat fil-Portugall. Huwa importanti li jitkomplew l-isforzi biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni rapida ta’ dawn il-programmi, filwaqt li jiġi massimizzat l-impatt tagħhom fil-prattika. Il-Portugall diġà qed jieħu azzjoni taħt il-programmi tal-politika ta’ koeżjoni tiegħu biex jagħti spinta lill-kompetittività u t-tkabbir. Fl-istess ħin, il-Portugall ikompli jiffaċċja sfidi, inkluż dawk relatati mat-tisħiħ tal-kompetittività, inkluż billi jiżviluppa jew jimmanifattura teknoloġiji kritiċi, nuqqas ta’ ħiliet u spariġġi, iżid ir-reżiljenza tal-ilma, speċjalment f’Algarve u f’Alentejo u l-affordabbiltà u d-disponibbiltà tal-akkomodazzjoni. F’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/1060, il-Portugall huwa meħtieġ – bħala parti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni – li jirrieżamina l-programm tiegħu filwaqt li jqis, fost affarijiet oħra, l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2024. Il-proposti tal-Kummissjoni adottati fl-1 ta’ April 2025 17 jestendu l-iskadenza għas-sottomissjoni ta’ valutazzjoni – għal kull programm – tal-eżitu tar-rieżami ta’ nofs it-terminu lil hinn mill-31 ta’ Marzu 2025. Jipprovdi wkoll flessibbiltajiet biex jgħinu jħaffu l-implimentazzjoni tal-programm u inċentivi għall-Istati Membri biex jallokaw riżorsi tal-politika ta’ koeżjoni għal ħames oqsma strateġiċi ta’ prijorità tal-Unjoni, jiġifieri l-kompetittività fit-teknoloġiji strateġiċi, id-difiża, l-akkomodazzjoni, ir-reżiljenza tal-ilma u t-tranżizzjoni tal-enerġija.

(24)Il-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP) tipprovdi l-opportunità li jsir investiment fi prijorità strateġika ewlenija tal-UE billi tissaħħaħ il-kompetittività tal-UE. STEP tiġi mgħoddija permezz ta’ 11-il fond eżistenti tal-UE. L-Istati Membri jistgħu jikkontribwixxu wkoll għall-programm InvestEU li jappoġġa investimenti f’oqsma ta’ prijorità. Il-Portugall jista’ juża dawn l-inizjattivi biex jappoġġa l-iżvilupp jew il-manifattura ta’ teknoloġiji kritiċi, inklużi teknoloġiji nodfa u effiċjenti fir-riżorsi.

(25)Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u fondi oħra tal-UE, il-Portugall jiffaċċja għadd ta’ sfidi addizzjonali relatati ma’: (i) is-sostenibbiltà tas-sistema tal-pensjonijiet tiegħu, (ii) is-simplifikazzjoni, (iii) l-ambjent tan-negozju, (iv) ir-riċerka u l-innovazzjoni, (v) l-aċċess għall-finanzi u l-finanzjament tat-tkabbir, (vi) l-amministrazzjoni tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa, (vii) il-kwalità tat-tfassil tal-liġijiet, (viii) it-trasport, (ix) l-enerġija rinnovabbli, (x) l-infrastruttura u n-networks tal-enerġija, (xi) l-effiċjenza enerġetika, (xii) il-politika ambjentali, (xiii) il-ġestjoni tar-riżorsi, (xiv) l-akkomodazzjoni, (xv) il-ħiliet, (xvi) l-impjiegi ta’ kwalità u (xvii) il-ġustizzja soċjali.

(26)Kif stabbilit fil-Kumpass tal-Kompetittività, l-istituzzjonijiet kollha tal-UE, nazzjonali u lokali jridu jagħmlu sforz kbir biex jipproduċu regoli aktar sempliċi u biex jaċċelleraw il-ħeffa tal-proċeduri amministrattivi. Il-Kummissjoni stabbiliet għanijiet ambizzjużi għat-tnaqqis tal-piż amministrattiv: b’mill-inqas 25 % u b’mill-inqas 35 % għall-SMEs; u ħolqot għodod ġodda biex jintlaħqu dawn l-għanijiet, inkluż test tal-istress sistematiku tal-istokk tal-leġiżlazzjoni tal-UE u djalogu msaħħaħ mal-partijiet ikkonċernati. Biex jilħaq din l-ambizzjoni, il-Portugall jeħtieġ ukoll li jieħu azzjoni. 51 % tan-negozji jqisu l-kumplessità tal-proċeduri amministrattivi bħala problema għall-kumpanija tagħhom meta jkunu qed jagħmlu negozju fil-Portugall 18 . Minkejja l-progress li sar matul dawn l-aħħar snin, il-piżijiet amministrattivi u regolatorji jibqgħu restrizzjoni kbira għall-operat tan-negozji fil-Portugall. Aktar minn 83 % tad-ditti Portugiżi jirrapportaw ir-regolamentazzjoni tan-negozju bħala ostaklu għall-investiment, meta mqabbla ma’ 66 % fl-UE. Barra minn hekk, il-valutazzjoni tal-indikaturi tar-regolamentazzjoni tas-suq tal-prodotti tal-OECD għall-2023 u l-2024 tikklassifika lill-Portugall bħala d-disa’ pajjiż bl-agħar prestazzjoni minn 38 pajjiż tal-OECD. Dawn l-ostakli huma ta’ piż fuq l-attraenza tas-swieq Portugiżi, inaqqsu l-kompetizzjoni u jimminaw il-kapaċità tal-kumpaniji Portugiżi li jespandu, jinnovaw u jagħtu spinta lill-produttività tagħhom. B’mod partikolari, id-ditti jkomplu jirrapportaw proċeduri twal ta’ liċenzjar industrijali u ta’ permessi, li huma jqisu bħala ostaklu ewlieni għall-investiment. Minkejja xi progress li sar fit-tqassir u s-simplifikazzjoni ta’ dawn il-proċessi, l-awtoritajiet lokali jiffaċċjaw diffikultajiet fl-implimentazzjoni tal-proċeduri l-ġodda, u l-prattiki jistgħu jvarjaw b’mod sinifikanti bejn ir-reġjuni u l-muniċipalitajiet. Għad hemm ukoll ostakli għall-aċċess għal diversi servizzi professjonali u bl-imnut, anke jekk il-Portugall għamel xi passi sinifikanti ’l quddiem, pereżempju billi rrieżamina r-reġimi legali għal diversi professjonijiet awtoregolati bejn l-2023 u l-2024.

(27)Il-kundizzjonijiet għal ditti li qed jippruvaw jaċċedu għall-finanzjament ilhom jitjiebu matul l-aħħar ftit snin u l-proporzjon ta’ ditti li jirrapportaw l-aċċess għall-finanzjament bħala restrizzjoni għall-investiment issa huwa konformi b’mod ġenerali mal-medja tal-UE. Madankollu, id-ditti Portugiżi jiddependu b’mod predominanti fuq self bankarju u finanzjament intern. Sorsi oħra ta’ finanzjament, bħal kapital ta’ riskju u ekwità, ġew adottati dejjem aktar matul dawn l-aħħar ftit snin iżda għadhom ferm inqas komuni mill-medja tal-UE. Is-swieq kapitali Portugiżi għadhom sottożviluppati, u jammontaw biss għal 24,4 % tal-PDG, meta mqabbla ma’ medja ta’ 67,6 % fil-livell tal-UE. L-awtoritajiet Portugiżi nedew u saħħew diversi inizjattivi biex jappoġġaw l-investiment fl-ekwità privata u fil-kapital ta’ riskju, bħall-fond ta’ kapitalizzazzjoni u reżiljenza ġestit minn Banco Português de Fomento, programmi li jappoġġaw negozji ġodda jew li jimmiraw lejn setturi speċifiċi, kif ukoll ir-rieżami reċenti tal-kodiċi tas-swieq kapitali. Madankollu, huwa meħtieġ aktar progress biex il-Portugall ilaħħaq mal-pari Ewropej u jattira aktar investituri u investimenti ta’ ekwità privata, possibbilment inkluż il-kondiviżjoni tar-riskju pubbliku-privat, biex jimmira lejn ditti b’potenzjal ta’ tkabbir ogħla u setturi bi profili ta’ produttività b’saħħithom. Użu aktar mifrux ta’ strumenti ta’ ekwità, fost affarijiet oħra, jappoġġa lis-start-ups u l-innovazzjoni, iżid il-kapaċità tad-ditti lokali li jkabbru u jespandu l-operat tagħhom, itejbu l-prattiki maniġerjali u jagħtu spinta lill-produttività. Il-litteriżmu finanzjarju fil-Portugall huwa dgħajjef u, fl-istħarriġ tal-litteriżmu finanzjarju tal-Ewrobarometru tal-2 023, biss 16 % tal-Portugiżi irċevew punteġġ “għoli”, it-tieni l-agħar riżultat fl-UE. Il-litteriżmu finanzjarju fil-pajjiż jista’ jittejjeb biex tkun tista’ ssir allokazzjoni aktar effettiva tat-tfaddil u biex il-kumpaniji jifhmu aħjar il-benefiċċji u r-riskji speċifiċi ta’ kull strument ta’ finanzjament disponibbli.

(28)In-nefqiet tat-taxxa huma mifruxa fis-sistema tat-taxxa Portugiża. Hemm aktar minn 500 nefqiet tat-taxxa fuq diversi testi legali differenti. Dan l-istrument jista’ jkun għodda effettiva biex jintlaħqu objettivi speċifiċi ta’ politika. Madankollu, dan jirriżulta wkoll fi dħul mitluf, jikkontribwixxi għall-kumplessità tas-sistema tat-taxxa u jista’ jkollu implikazzjonijiet għall-inugwaljanza fl-introjtu. Il-Portugall ħa l-ewwel pass fl-indirizzar tal-għadd kbir ta’ nefqiet tat-taxxa tiegħu billi stabbilixxa unità ġdida tal-politika tat-taxxa (magħrufa bħala U-TAX) li għandha l-għan li timmonitorja u tevalwa l-infiq tat-taxxa. It-tfassil tat-taxxa korporattiva jżid mal-kumplessità tas-sistema tat-taxxa. L-istruttura tar-rata tagħha hija magħmula kemm minn taxxa tal-Istat kif ukoll minn sovrataxxi muniċipali. It-taxxa tal-istat tiddependi fuq l-ammont tal-profitti taxxabbli ta’ kull ditta. Barra minn hekk, il-muniċipalitajiet jistgħu jistabbilixxu soprataxxa sa 1,5 %. B’riżultat ta’ dan, ir-rata statutorja tat-taxxa korporattiva tista’ tvarja minn 12,5 % sa 30,5 %, skont id-daqs u l-post ta’ ditta. Dan id-disinn jista’ wkoll jiddiżinċentiva lid-ditti milli jespandu, ifixkel ekonomiji ta’ skala akbar u kisbiet assoċjati fl-effiċjenza, filwaqt li jżid l-ambitu għat-trasferiment tal-profitt fi ħdan il-pajjiż. F’termini tal-amministrazzjoni tat-taxxa, l-arretrati tat-taxxa pendenti tal-Portugall meta mqabbla mal-PDG jibqgħu wieħed mill-ogħla fl-UE.

(29)Is-sistema ġudizzjarja qed issir aktar effiċjenti iżda qed tkompli tiffaċċja sfidi bi proċedimenti twal u b’akkumulu mdaqqas ta’ kawżi, b’mod partikolari fil-qrati amministrattivi u tat-taxxa. Se jkun importanti li l-Portugall ikompli jagħmel progress fit-tnaqqis fl-arretrati tal-kawżi pendenti, kif ukoll id-durata tagħhom, kemm fil-qrati tal-prim’istanza kif ukoll fit-tieni istanza, u li jiżgura d-disponibbiltà ta’ riżorsi adegwati għas-sistema ġudizzjarja.

(30)L-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp żdied matul dawn l-aħħar snin iżda għadu insuffiċjenti biex is-sistema nazzjonali Portugiża tar-riċerka u l-innovazzjoni tlaħħaq mal-medja tal-UE. Is-sehem tal-infiq fuq ir-riċerka u l-iżvilupp fir-rigward tal-PDG żdied għal 1,7 % fl-2024, appoġġat minn żieda fl-infiq privat, filwaqt li l-intensità tar-riċerka u l-iżvilupp pubblika baqgħet stabbli għal 0,6 %. L-awtoritajiet Portugiżi implimentaw firxa wiesgħa ta’ programmi biex jappoġġaw ir-riċerka u l-innovazzjoni. Madankollu, ħafna minnhom, bħall-aġendi ta’ mobilizzazzjoni u dawk ekoloġiċi, se jitlestew biss matul il-ftit snin li ġejjin. Filwaqt li huma mistennija benefiċċji fit-tul minn dawn il-programmi, se jkun ta’ importanza kbira għall-Portugall li jsostni inċentivi adegwati għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni lil hinn minn dawn il-programmi. Għal dan l-għan, se jkun kruċjali li jiġu evalwati u implimentati politiki sodi u li tiġi appoġġata n-nefqa effiċjenti billi jiġu mmirati setturi li juru l-ogħla potenzjal għat-tkabbir u l-valur miżjud.

(31)Dwar il-kwalità tat-tfassil tal-liġijiet, il-Portugall qed jagħmel biss użu limitat mill-valutazzjonijiet tal-impatt u mill-evalwazzjonijiet tal-politika ex post. Fl-2021, sar progress sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-evalwazzjonijiet tal-politika ex ante fil-Portugall, permezz tal-istabbiliment ta’ PlanAPP, korp nazzjonali biex jappoġġa l-iżvilupp tal-politiki pubbliċi. Madankollu, il-valutazzjonijiet tal-impatt ex post mhumiex komuni u huma limitati għal atti leġiżlattivi magħżula. Użu usa’ tal-evalwazzjonijiet ex post jippermetti lill-awtoritajiet ikejlu aħjar l-impatt ta’ politiki u leġiżlazzjonijiet ġodda, kif ukoll jivvalutaw l-effettività tal-evalwazzjonijiet ex ante diġà fis-seħħ. It-trasparenza tal-involviment tal-partijiet ikkonċernati fil-proċess leġiżlattiv tista’ tittejjeb ukoll.

(32)Il-Portugall għadu dipendenti ħafna fuq il-fjuwils fossili importati, biż-żejt u l-gass jammontaw għal 47,2 % u 16,8 %, rispettivament, tat-taħlita tal-enerġija tiegħu fl-2023. Is-settur tat-trasport jirrappreżenta l-akbar sehem tal-konsum finali tal-enerġija li jirrappreżenta 37,5 % tat-total. Is-settur tat-trasport jiddependi ħafna fuq iż-żejt u l-prodotti petroliferi, li jammontaw għal 92 % tal-konsum finali tal-enerġija tiegħu, b’mod li jenfasizza d-dipendenza sinifikanti tal-pajjiż fuq il-fjuwils fossili. Il-Portugall jirreġistra sussidji mdaqqsa għall-fjuwils fossili mingħajr eliminazzjoni gradwali ppjanata qabel l-2030. B’mod partikolari, is-sussidji għall-fjuwils fossili li la jindirizzaw il-faqar enerġetiku b’mod immirat u lanqas jirrispondu għat-tħassib ġenwin dwar is-sigurtà tal-enerġija, ifixklu l-elettrifikazzjoni u mhumiex kruċjali għall-kompetittività industrijali jistgħu jitqiesu bħala prijorità ta’ eliminazzjoni gradwali. Fil-Portugall, is-sussidji għall-fjuwils fossili bħat-tnaqqis fit-taxxa u l-eżenzjonijiet għad-diżil għall-kumpaniji tal-merkanzija u t-trasport pubbliku huma ekonomikament ineffiċjenti, jipperpetwaw id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili u jiddiżinċentivaw il-bidla lejn vetturi elettriċi u soluzzjonijiet sostenibbli oħra. L-investiment fil-mobbiltà elettrika u fl-infrastruttura ferrovjarja li jiżgura integrazzjoni bla xkiel man-network tal-UE jaċċellera d-dekarbonizzazzjoni, jibni r-reżiljenza, inaqqas id-disparitajiet reġjonali, u jrawwem il-koeżjoni soċjali.

(33)Il-Portugall qed jadotta leġiżlazzjoni biex jiffaċilita l-proċeduri għall-għoti ta’ permessi. Madankollu, il-leġiżlazzjoni għadha kumplessa wisq, b’mod partikolari fir-rigward tal-ippjanar spazjali fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali, b’nuqqas ta’ regoli standardizzati u linji gwida ċari. L-awtoritajiet pubbliċi tal-Portugall ma għandhomx l-għodod biex jimmonitorjaw kontinwament l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u jsegwu l-progress tal-impjanti tal-enerġija rinnovabbli u spiss ma jkollhomx il-ħiliet tekniċi meħtieġa biex jevalwaw il-proġetti. L-għadd ta’ komunitajiet tal-enerġija rinnovabbli fil-Portugall għadu baxx, u hemm lok biex jiġi ffaċilitat il-liċenzjar tagħhom u jinħolqu skemi ta’ inċentivi. Biex jaċċellera l-adozzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, il-Portugall jista’ jkompli jsegwi l-progress li għamel matul dawn l-aħħar snin fis-simplifikazzjoni tal-proċess tal-għoti ta’ permessi tiegħu, inkluż billi jżid il-kapaċità tal-amministrazzjoni pubblika li tipproċessa l-permessi, iżid id-diġitalizzazzjoni fil-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli u jikkonsolida l-qafas regolatorju ġenerali. Azzjonijiet ulterjuri għall-promozzjoni tal-awtokonsum (inkluż l-enerġija solari fuq il-bjut) u l-komunitajiet tal-enerġija rinnovabbli jkunu ta’ benefiċċju wkoll. Fl-2023, is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli tal-Portugall, xprunati minn enerġija idroelettrika u rjieħ qawwija, fornew 87,7 % tal-elettriku tal-pajjiż, u b’hekk kiseb rekord ġdid. L-enerġija solari kienet is-sors rinnovabbli li żdied l-aktar, u żdied b’ 36 %. Iż-żieda sinifikanti fis-sehem tal-enerġija rinnovabbli kellha rwol fit-tnaqqis sinifikanti fil-prezzijiet tal-elettriku, li niżel taħt il-livelli ta’ qabel il-kriżi. Hekk kif aktar sorsi ta’ enerġija rinnovabbli huma integrati, u hekk kif l-elettrifikazzjoni tad-domanda tipprolifera, aktar investimenti għall-espansjoni u l-aġġornament tal-grilja tal-elettriku, il-promozzjoni ta’ soluzzjonijiet ħielsa mill-fjuwils fossili bħall-ħżin u r-rispons min-naħa tad-domanda, u d-diġitalizzazzjoni ulterjuri tal-grilja se jkunu essenzjali biex jiġi ssalvagwardjat il-bilanċ tal-grilja tal-elettriku u biex tiġi żgurata aktar stabbiltà fis-suq bl-ingrossa tal-elettriku. In-nuqqas ta’ trasparenza dwar il-kapaċità tal-grilja tad-distribuzzjoni disponibbli u l-pjanijiet ta’ espansjoni jagħmilha diffiċli għall-iżviluppaturi biex jippjanaw u jinvestu fi proġetti ġodda. Huwa essenzjali li jiġu ssimplifikati l-proċeduri ta’ konnessjoni, tiżdied it-trasparenza tal-konnessjoni mal-grilja, u li jiġi pprovdut qafas għal ippjanar fit-tul ċar għall-irkanti. Barra minn hekk, l-isfidi loġistiċi, in-nuqqas ta’ komponenti, u l-profittabbiltà aktar baxxa xekklu l-proġetti rinnovabbli u wasslu għal dewmien fl-implimentazzjoni. Inċentivi biex jiġu żviluppati aktar kuntratti fit-tul bħall-ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija (power purchase agreements, PPAs) jgħinu wkoll biex is-suq isir aktar stabbli billi tiżdied is-sostenibbiltà fit-tul u għalhekk l-attraenza tal-investimenti fl-enerġija rinnovabbli. Madankollu, il-PPAs rinnovabbli bħalissa huma limitati fil-Portugall, b’kuntratt ta’ 0,42 GW. Minkejja l-isforzi li saru mill-Portugall biex iżid il-livell ta’ interkonnessjoni tal-elettriku ma’ Spanja, dan il-livell ta’ interkonnessjoni tal-elettriku għadu taħt il-miri tal-2030.

(34)Sehem għoli tal-popolazzjoni Portugiża qed tesperjenza faqar enerġetiku. Biex jindirizza l-grad għoli ta’ dipendenza tiegħu fuq il-fjuwils fossili fil-bini u biex inaqqas il-konsum tal-enerġija, il-Portugall jista’ jaċċellera l-isforzi tiegħu dwar l-effiċjenza enerġetika lil hinn minn dak li huwa stabbilit fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tiegħu. Iż-żieda fl-isforzi biex jiġu inċentivati rinnovazzjonijiet profondi, inkluż billi tingħata assistenza teknika lill-applikanti, tista’ taċċellera l-adozzjoni ta’ proġetti ta’ rinnovazzjoni tal-effiċjenza enerġetika. Barra minn hekk, il-Portugall jista’ jibbenefika minn qafas imsaħħaħ għal skemi finanzjarji biex isir l-aħjar użu mill-investimenti privati għal rinnovazzjoni effiċjenti fl-enerġija. B’dan il-mod, il-Portugall jista’ jimmira aktar riżorsi bbażati fuq l-għotjiet lejn l-unitajiet domestiċi fil-bżonn.

(35)Il-Portugall huwa ferm taħt il-medja tal-UE għall-parametri referenzjarji tal-ekonomija ċirkolari, kif ukoll il-miri għall-produttività tar-riżorsi fl-industriji u l-indikaturi tal-ġestjoni tal-iskart, b’differenzi reġjonali sinifikanti. Ir-rata medja ta’ riċiklaġġ muniċipali hija partikolarment baxxa (30,1 % fl-2023, imbiegħda ferm mill-mira ta’ 55 % sal-2025) u tvarja skont ir-reġjun. L-użu ċirkolari tal-materjali tal-Portugall kellu rata ta’ 2,8 % fl-2023, ferm taħt il-medja tal-UE ta’ 11,8 %. Sar xi progress permezz ta’ inizjattivi u regolamenti kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak muniċipali. L-appoġġ mill-fondi tal-UE u mis-settur privat se jkun kritiku biex jintlaħqu l-miri tar-riċiklaġġ u tal-ekonomija ċirkolari, inkluż permezz ta’: (i) investiment fl-infrastruttura għall-ġbir separat tal-iskart, (ii) żvilupp jew adattament tal-faċilitajiet tat-trattament tal-iskart, u (iii) titjib teknoloġiku biex l-iskema tat-tariffi “ħallas skont kemm tarmi” tkun tista’ tiġi introdotta fil-pajjiż kollu.

(36)Il-Portugall, b’mod partikolari r-reġjuni tan-Nofsinhar tiegħu, jintlaqat minn ħafna perikli naturali, bħan-nixfiet, in-nirien u l-għargħar, b’żieda fil-frekwenza u fl-intensità minħabba t-tibdil fil-klima. It-tnaqqis annwali tax-xita, l-iskarsezza tal-ilma u ż-żieda fil-varjabbiltà temporali jaffettwaw il-flussi tax-xmajjar, ir-riforniment tal-akwifer, u r-riskju ta’ għargħar, li jħallu impatt fuq ħafna setturi ekonomiċi, bħall-agrikoltura, il-produzzjoni tal-ilma tax-xorb, u l-ġenerazzjoni tal-enerġija, inkluża l-enerġija idroelettrika, filwaqt li jfixklu is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi permezz ta’ żieda fl-ispejjeż. Il-Portugall żied il-kapaċità tiegħu li jadatta għat-tibdil fil-klima, inkluż billi żviluppa pjanijiet ta’ adattament settorjali. Fl-2024, il-Portugall iffinalizza pjan direzzjonali nazzjonali għall-adattament għat-tibdil fil-klima sal-2100, iżda jkun importanti li l-adattament għat-tibdil fil-klima jiġi inkorporat aktar fil-politiki tal-ġestjoni tal-ilma. Bl-implimentazzjoni ta’ strateġija integrata u sostenibbli għall-ġestjoni tal-ilma, inkluża l-istrateġija reċenti “Ilma li Jgħaqqad”, il-Portugall jista’ jiżgura li s-setturi ewlenin xorta jkollhom aċċess għall-ilma, filwaqt li jiżgura wkoll ilma suffiċjenti u ta’ kwalità tajba għall-funzjonijiet ekoloġiċi, b’mod partikolari għal ekosistemi sensittivi u bijodiversi, bħall-artijiet mistagħdra. Is-simplifikazzjoni tal-istruttura tal-governanza tas-settur tal-ilma tgħin ukoll biex ikun hemm koordinazzjoni effettiva bejn il-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali. Biex tittejjeb il-ġestjoni tal-ilma, aktar investimenti fil-ġbir u t-trattament tal-ilma mormi, it-tnaqqis tat-tnixxijiet fin-networks u l-monitoraġġ imtejjeb (tal-kwantità u l-kwalità tal-ilma) huma kruċjali. Tista’ tingħata attenzjoni speċjali lil dawn li ġejjin: (i) ir-restawr tal-funzjoni tal-isponża naturali tal-pajsaġġ; (ii) it-tnaqqis tal-estrazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art; (iii) ir-restawr tal-artijiet mistagħdra u tax-xmajjar, inklużi l-pjanuri tal-għargħar; u (iv) l-introduzzjoni ta’ soluzzjonijiet oħra bbażati fuq in-natura. Barra minn hekk, il-Portugall jista’ jieħu vantaġġ mill-potenzjal tal-użu mill-ġdid tal-ilma.

(37)Il-Portugall għadu qed jiffaċċja sfidi fl-aċċess għall-kura tas-saħħa u s-sistema tal-kura fit-tul tiegħu mhijiex ippreparata għal popolazzjoni li qed tixjieħ malajr. B’mod ġenerali, is-sistema tas-saħħa tal-pajjiż għandha prestazzjoni komparattivament tajba, u l-Portugall qed jimplimenta riformi sinifikanti, inklużi riformi fil-kura tas-saħħa primarja u fil-kura tas-saħħa mentali, kif ukoll riforma tal-mudell ta’ governanza tal-isptarijiet tas-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa. Il-Portugall kien qed jinvesti wkoll fl-infrastruttura u s-servizzi tal-kura tas-saħħa madwar il-pajjiż, inkluż skont il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tiegħu. Madankollu, is-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa għadu qed jiffaċċja nuqqasijiet sinifikanti ta’ ħaddiema tal-kura tas-saħħa, b’impatt fuq l-aċċessibbiltà għas-servizzi tal-kura tas-saħħa, pereżempju, ħinijiet twal ta’ stennija u aċċess mhux uniformi bejn il-gruppi ta’ introjtu u bejn ir-reġjuni madwar il-pajjiż. Bejn l-2020 u l-2024, madwar nofs biss tal-pożizzjonijiet miftuħa għar-reklutaġġ ta’ tobba għas-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa mtlew u l-pajjiż qed jiffaċċja ammont konsiderevoli ta’ emigrazzjoni fost l-infermiera gradwati tiegħu. Minkejja xi sforzi li saru f’dawn l-aħħar snin biex tiġi promossa l-attraenza tal-karrieri fis-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa, hemm lok għas-simplifikazzjoni u t-tħaffif tal-proċeduri ta’ reklutaġġ sabiex jiġu impjegati minnufih il-professjonisti meħtieġa u biex ikomplu jiġu attirati ħaddiema tal-kura tas-saħħa. Barra minn hekk, kważi kwart tal-popolazzjoni Portugiża għandha 65 sena jew aktar, b’punteġġ aktar baxx mill-medja tal-UE fuq is-snin ta’ ħajja b’saħħithom, u l-investiment pubbliku fil-kura fit-tul huwa aktar baxx mill-medja tal-UE, u r-rati ta’ kopertura fil-kura fit-tul jibqgħu baxxi fir-reġjuni kollha. Minkejja żieda f’dawn l-aħħar snin, il-forza tax-xogħol mhijiex biżżejjed biex tlaħħaq mad-domanda, u dan iwassal għal dipendenza qawwija fuq il-persuni li jindukraw b’mod informali. Billi jindirizza dawn l-aspetti, filwaqt li jippreserva s-sostenibbiltà tas-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa, il-Portugall jista’ jippromwovi aktar snin ta’ ħajja ta’ kwalità għall-popolazzjoni tiegħu u jiżgura li l-ħtiġijiet tal-kura tal-anzjani jiġu ssodisfati.

(38)L-ispariġġ fil-ħiliet huwa ostaklu għall-kompetittività u l-produttività. Il-provvista ta’ ħiliet ma taqbilx mal-ħtiġijiet tas-suq, li jikkontribwixxi għal nuqqas ta’ ħaddiema settorjali, inkluż fl-oqsma tal-informazzjoni u t-teknoloġija. Id-disponibbiltà baxxa ta’ persunal bil-ħiliet adatti hija ostaklu kbir irrappurtat mill-kumpaniji. L-ispariġġi jwasslu wkoll għal livelli għoljin ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ (21,6 % fl-2024, meta mqabbel ma’ 14,9 % fl-UE), b’ħafna żgħażagħ qiegħda li għandhom kwalifiki baxxi wisq jew kwalifiki f’oqsma ta’ impjegabbiltà baxxa fil-pajjiż. Il-Portugall jista’ jibbenefika wkoll minn tbassir affidabbli tal-ħtiġijiet futuri tas-suq li jista’ jgħin biex jinforma allinjament aħjar bejn l-offerta tal-edukazzjoni għolja u s-suq, kif ukoll jinforma l-għażliet tal-karriera. Barra minn hekk, l-iżvilupp tal-ħiliet meħtieġa għal ekonomija li qed tevolvi huwa mxekkel aktar mit-tnaqqis fil-parteċipazzjoni tal-adulti fit-tagħlim tul il-ħajja (minn 38 % fl-2016 għal 33 % fl-2022). Minkejja miżuri reċenti li jħeġġu lill-adulti jirreġistraw fl-apprendiment u t-taħriġ, inklużi investimenti skont il-pjan Portugiż għall-irkupru u r-reżiljenza, hemm lok għan-negozji u l-kumpaniji biex ikomplu jinvolvu ruħhom f’attivitajiet ta’ taħriġ u titjib tal-ħiliet u jippromwovu kultura ta’ apprendiment għall-adulti fil-pajjiż. Barra minn hekk, il-popolazzjoni tal-Portugall ġeneralment għad għandha livelli baxxi ta’ kwalifiki (fl-2023, madwar 41 % tal-persuni ta’ bejn il-25 u l-64 sena kellhom livell edukattiv baxx, ferm ogħla mill-medja tal-UE ta’ 24,7 %), li huwa ostaklu kroniku għall-produttività fil-pajjiż. Madankollu, dawn l-aħħar snin urew progress sinifikanti fiż-żieda tal-livelli tal-kwalifiki tal-popolazzjoni. Biex isostni dan il-progress, il-pajjiż jista’ jibbenefika mill-indirizzar tas-sehem akbar ta’ dawk li jitilqu kmieni mill-edukazzjoni u t-taħriġ f’dawn l-aħħar snin (minn 6 % fl-2021 għal 8,1 % fl-2023).

(39)Il-prezzijiet tad-djar fil-Portugall kienu qed jogħlew b’mod konsistenti, u qabżu ż-żieda medja tal-UE matul l-aħħar għaxar snin. Id-domanda għolja fi bliet kbar u f’żoni turistiċi popolari xprunat fil-biċċa l-kbira żidiet fil-prezzijiet u fil-kirjiet, b’differenzi kbar meta mqabbla mar-reġjuni interni. Din is-sitwazzjoni għandha impatt fuq il-mobbiltà u d-disponibbiltà tal-forza tax-xogħol, u taffettwa wkoll il-prospetti taż-żgħażagħ. In-nuqqas ta’ akkomodazzjoni affordabbli qed jirriżulta wkoll f’għadd akbar ta’ persuni mingħajr dar jew li jgħixu f’insedjamenti informali. Il-Portugall qed jimplimenta miżuri biex jespandi l-istokk ta’ akkomodazzjoni soċjali u affordabbli tiegħu, iżda n-nuqqasijiet għadhom sinifikanti. Fl-istess ħin, rati ta’ kostruzzjoni persistentement baxxi matul dawn l-aħħar snin illimitaw il-provvista ta’ djar ġodda bi prezzijiet affordabbli. Stokk kbir ta’ djar vojta u bini abbandunat – madwar s-700 000 – jippreżenta opportunità biex jiġu inkorporati aktar akkomodazzjonijiet fis-suq, b’mod partikolari f’żoni ristretti. Barra minn hekk, il-Portugall jista’ jibbenefika mill-promozzjoni ta’ soluzzjonijiet tat-trasport pubbliku aktar effiċjenti u mill-investiment fl-attraenza ta’ territorji oħra biex titnaqqas il-pressjoni fuq iż-żoni ristretti. Fl-aħħar mill-aħħar, l-indirizzar tal-isfidi tal-akkomodazzjoni tal-Portugall se jirrikjedi approċċ komprensiv, peress li s-soluzzjonijiet iffokati fuq iż-żieda fil-provvista jeħtieġ li jimxu id f’id ma’ miżuri li jintegraw id-dinamika u l-inċentivi min-naħa tad-domanda kemm fis-swieq tal-kiri kif ukoll f’dawk tas-sjieda.

(40)Fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-kontribuzzjoni kollettiva tagħhom għall-funzjonament tal-unjoni ekonomika u monetarja, fl-2025 il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, biex jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni tal-2025 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro. Għall-Portugall, ir-rakkomandazzjonijiet (2), (3), (4) u (5) jgħinu fl-implimentazzjoni tal-ewwel rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro dwar il-kompetittività, filwaqt li r-rakkomandazzjonijiet (3), (4) u (5) jgħinu fl-implimentazzjoni tat-tieni rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro dwar ir-reżiljenza, u r-rakkomandazzjoni (1) u (5) jgħinu fl-implimentazzjoni tat-tielet rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro dwar l-istabbiltà makroekonomika u finanzjarja stabbilita fir-Rakkomandazzjoni tal-2025.

B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Portugall jieħu azzjoni fl-2025 u l-2026 biex:

1.Isaħħaħ l-infiq u l-istat ta’ tħejjija ġenerali għad-difiża f’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-6 ta’ Marzu 2025. Jaderixxi mar-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta rakkomandati mill-Kunsill fil-21 ta’ Jannar 2025, filwaqt li jagħmel użu mill-allowance skont il-klawżola liberatorja nazzjonali għal nefqa ogħla għad-difiża. Jieħu azzjoni biex jiżgura s-sostenibbiltà fiskali fuq terminu medju tas-sistema tal-pensjonijiet.

2.Fid-dawl tal-iskadenzi applikabbli għat-tlestija f’waqtha tar-riformi u l-investimenti skont ir-Regolament (UE) 2021/241, jaċċellera l-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU. Jaċċellera l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni (il-FEŻR, il-JTF, l-FSE+, FK), filwaqt li jibni, fejn xieraq, fuq l-opportunitajiet offruti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu. Jagħmel l-aħjar użu mill-istrumenti tal-UE, inklużi l-ambitu pprovdut mill-InvestEU u l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa, biex itejjeb il-kompetittività.

3.Jissimplifika r-regolamentazzjoni, itejjeb l-għodod regolatorji u jnaqqas il-piż amministrattiv fuq in-negozji, prinċipalment billi jnaqqas l-ostakli għal-liċenzjar industrijali u jneħħi ostakli oħra għall-kapaċità tagħhom li jespandu u jagħtu spinta lill-innovazzjoni u l-produttività. Irawwem l-investiment privat fil-kapital ta’ riskju u fl-ekwità privata għan-negozji lokali, inkluż il-kondiviżjoni tar-riskju pubblika-privata, u jtejjeb il-litteriżmu finanzjarju. Iżid l-effiċjenza tal-qrati amministrattivi u tat-taxxa, biex jitnaqqas it-tul tal-proċedimenti. Itejjeb l-effettività tas-sistema tat-taxxa, b’mod partikolari billi jsaħħaħ l-effiċjenza tal-amministrazzjoni tiegħu u jnaqqas il-piż amministrattiv assoċjat. Irawwem tfassil ta’ politika bbażat fuq l-evidenza inkluż billi jwettaq evalwazzjonijiet ex post tal-politika pubblika. Isostni l-enfażi tal-politika ekonomika relatata mal-investiment fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni. Issaħħaħ l-involviment tal-partijiet ikkonċernati u jżid it-trasparenza fit-tħejjija tal-politiki pubbliċi.

4.Inaqqas id-dipendenza ġenerali fuq il-fjuwils fossili fis-settur tat-trasport billi jelimina gradwalment is-sussidji għall-fjuwils fossili, u billi jinvesti fit-trasport sostenibbli, b’mod partikolari fit-trasport ferrovjarju, filwaqt li jqis id-disparitajiet reġjonali. Ikompli jaċċellera l-introduzzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli billi jipprovdi qafas regolatorju prevedibbli bi proċeduri ċari u diġitali għall-għoti ta’ permessi inkluż għall-awtokonsum kollettiv u l-komunitajiet tal-enerġija rinnovabbli. Isaħħaħ l-istabbiltà fis-suq tal-elettriku permezz ta’ kuntratti fit-tul, investiment fil-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u għodod ta’ rispons min-naħa tad-domanda. Isaħħaħ il-kapaċità tal-grilja tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni tal-elettriku, itejjeb il-proċeduri ta’ konnessjoni u jżid it-trasparenza tagħhom biex jiġu inċentivati l-investimenti fin-network nazzjonali. Iżid l-isforzi ta’ politika mmirati lejn il-forniment u l-akkwist tal-ħiliet, u l-kompetenzi meħtieġa għat-tranżizzjoni ekoloġika, b’mod partikolari għall-amministrazzjoni pubblika. Jaċċellera l-investiment fl-effiċjenza enerġetika billi jippromwovi skemi finanzjarji biex jattira l-investiment privat u jappoġġa lill-unitajiet domestiċi li qed jesperjenzaw faqar enerġetiku. Itejjeb il-kundizzjonijiet għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari, b’mod partikolari billi jżid l-prevenzjoni, ir-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid tal-iskart biex jitnaqqas l-iskart mill-miżbliet u mill-inċineraturi. Itejjeb il-ġestjoni tal-ilma biex isaħħaħ l-adattament għat-tibdil fil-klima u jiżgura r-reżiljenza ekonomika u ambjentali fit-tul. Jimplementa strateġija integrata għall-ġestjoni tal-ilma u jissimplifika l-governanza tal-ilma. Jippromwovi l-investimenti fil-ġbir u t-trattament tal-ilma mormi, it-tnaqqis tat-tnixxijiet u l-monitoraġġ tal-ilma, l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura, ir-riabilitazzjoni tal-korp tal-ilma u t-titjib tal-effiċjenza u l-użu mill-ġdid tal-ilma.

5.Jiżgura aċċess ugwali għal kura tas-saħħa u kura fit-tul ta’ kwalità, filwaqt li jippreserva s-sostenibbiltà tas-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa. Jindirizza l-ispariġġ fil-ħiliet billi jtejjeb il-livell tal-ħiliet tal-popolazzjoni u billi jirrendi l-edukazzjoni u t-tagħlim għall-adulti aktar rilevanti għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. Jindirizza l-affordabbiltà u d-disponibbiltà tal-akkomodazzjoni f’żoni b’domanda għolja, billi jelimina l-ostakli għall-kiri ta’ djar battala u r-rinnovazzjoni ta’ bini mitluq, u jippromwovi konnessjonijiet tat-trasport effiċjenti biex titnaqqas il-pressjoni fuq il-prezzijiet tad-djar fiċ-ċentri urbani u jtejjeb l-attraenza ta’ territorji oħra.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj.
(2)    Nefqa netta kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (2) tar-Regolament (UE) 2024/1263: “nefqa netta” tfisser nefqa tal-gvern netta ta’ (i) nefqa fuq l-imgħax; (ii) miżuri tad-dħul diskrezzjonali; (iii) nefqa fuq programmi tal-Unjoni korrisposti bis-sħiħ mid-dħul mill-fondi tal-Unjoni; (iv) nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta’ programmi ffinanzjati mill-Unjoni; (v) elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad; u (vi) miżuri ta’ darba u oħrajn temporanji.
(3)    Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/241/oj).
(4)    Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/241 fir-rigward tal-kapitoli REPowerEU fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013, (UE) 2021/1060 u (UE) 2021/1755, u d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 63, 28.2.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/435/oj).
(5)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Portugall (10149/2021).
(6)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tas-10 ta' Ottubru 2023 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tas-13 ta' Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Portugall (13351/23).
(7)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Jannar 2025 li tapprova l-pjan fiskali strutturali ta’ terminu medju tal-Portugall, ĠU C/2025/641, 10.2.2025.
(8)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Mejju 2025 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (ĠU C, C/2025/2782, 22.5.2025, ELI:  http://data.europa.eu/eli/C/2025/2782/oj ).
(9)    Ir-Rapporti ta’ Progress Annwali tal-2025 huma disponibbli fuq: https://economy-finance.ec.europa.eu/economic-and-fiscal-governance/stability-and-growth-pact/preventive-arm/annual-progress-reports_en
(10)    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill li tippermetti lill-Portugall jiddevja mill-perkors tan-nefqa netta rrakkomandat (Attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali) u jaqbeż dan il-perkors, [Jekk jogħġbok imla: ĠU C/2025/xxx, x.x.2025].
(11)    Il-Eurostat, indikaturi tal-euro, 22.4.2025.
(12)    Il-pożizzjoni fiskali hija definita bħala kejl tal-bidla annwali fil-pożizzjoni baġitarja sottostanti tal-gvern estiż. Hija għandha l-għan li tivvaluta l-impuls ekonomiku li jirriżulta mill-politiki fiskali, kemm dawk li huma ffinanzjati fil-livell nazzjonali kif ukoll dawk li huma ffinanzjati mill-baġit tal-UE. Il-pożizzjoni fiskali titkejjel bħala d-differenza bejn (i) it-tkabbir potenzjali fuq terminu medju u (ii) il-bidla fin-nefqa primarja netta minn miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul u bl-inklużjoni tan-nefqa ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (għotjiet) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni.
(13)    Eurostat, in-nefqa tal-gvern skont il-klassifikazzjoni tal-funzjonijiet tal-gvern (classification of functions of government, COFOG).
(14)    Mill-2026 dawn iċ-ċifri se jidhru fil-kont ta’ kontroll li huwa stabbilit fl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2024/1263.
(15)    Iċ-ċifra tirrappreżenta l-livell tal-kost baġitarju annwali ta' dawk il-miżuri, inkluż id-dħul u n-nefqa u, meta jkun applikabbli, nett mid-dħul mit-taxxi fuq il-profitti mhux mistennija tal-fornituri tal-enerġija.
(16)    Il-Kummissjoni Ewropea, ir-Rapport tal-2024 dwar it-Tixjiħ: Proġezzjonijiet Ekonomiċi u Baġitarji għall-        Istati Membri tal-UE (2022-2070), Dokument Istituzzjonali 279, April 2024.
(17)     Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/1058 u (UE) 2021/1056 fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi sabiex jiġu indirizzati sfidi strateġiċi fil-kuntest tar-rieżami ta’ nofs it-terminu – COM (2025) 123 final
(18)    “Business’ attitudes towards corruption in the EU” Rapport fil-Qosor (L-attitudnijiet tan-negozji lejn il-korruzzjoni fl-UE), Rapport tal-Ewrobarometru (April 2024).