IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 4.6.2025
COM(2025) 201 final
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tal-Belġju
{SWD(2025) 201 final}
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 4.6.2025
COM(2025) 201 final
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tal-Belġju
{SWD(2025) 201 final}
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tal-Belġju
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
Kunsiderazzjonijiet ġenerali
(1)Ir-Regolament (UE) 2024/1263, li daħal fis-seħħ fit-30 ta’ April 2024, jispeċifika l-objettivi tal-qafas ta’ governanza ekonomika, li għandu l-għan li jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli u tkabbir u reżiljenza sostenibbli u inklużivi permezz ta’ riformi u investimenti, u jipprevjeni defiċits eċċessivi tal-gvern. Ir-Regolament jistipula li l-Kunsill u l-Kummissjoni jwettqu sorveljanza multilaterali fil-kuntest tas-Semestru Ewropew f’konformità mal-objettivi u r-rekwiżiti stabbiliti fit-TFUE. Is-Semestru Ewropew jinkludi, b’mod partikolari, il-formulazzjoni u s-sorveljanza tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. Ir-Regolament jippromwovi wkoll is-sjieda nazzjonali tal-politika fiskali u jenfasizza l-fokus tagħha fuq it-terminu medju, flimkien ma’ infurzar aktar effettiv u aktar koerenti. Kull Stat Membru jrid jissottometti lill-Kunsill u lill-Kummissjoni pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju li jkun fih l-impenji fiskali, ta’ riforma u ta’ investiment tiegħu, fuq perjodu ta’ 4 jew 5 snin, skont it-tul tat-terminu leġiżlattiv nazzjonali. Il-perkors tan-nefqa 2 netta f’dawn il-pjanijiet għandu jkun konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament, inkluż mar-rekwiżiti li d-dejn tal-gvern estiż jitqiegħed jew jinżamm fuq perkors plawżibbli ’l isfel sat-tmiem tal-perjodu ta’ aġġustament, jew li jibqa’ f’livelli prudenti taħt is-60 % tal-prodott domestiku gross (PDG), u li d-defiċit tal-gvern estiż jinġieb u/jew jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG kif stabbilit mit-Trattat, fuq terminu medju. Meta Stat Membru jimpenja ruħu għal sett rilevanti ta’ riformi u investimenti f’konformità mal-kriterji stabbiliti fir-Regolament, il-perjodu ta’ aġġustament jista’ jiġi estiż b’mhux aktar minn tlett snin.
(2)Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 3 , li stabbilixxa l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (l-“RRF”), daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. L-RRF tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti, li jagħtu impuls fiskali ffinanzjat mill-Unjoni. F’konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, l-RRF trawwem irkupru ekonomiku u soċjali filwaqt li tmexxi riformi u investimenti sostenibbli, b’mod partikolari billi tippromwovi t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u billi tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-Unjoni u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.
(3)Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 4 (ir-“Regolament REPowerEU”), li ġie adottat fis-27 ta’ Frar 2023, għandu l-għan li jelimina gradwalment id-dipendenza tal-Unjoni fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi. Dan jgħin biex tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-Unjoni, filwaqt li jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza fl-enerġija. Il-Belġju żied kapitolu REPowerEU ġdid mal-pjan nazzjonali tiegħu għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex jiffinanzja riformi u investimenti ewlenin li ser jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU.
(4)Fit-30 ta’ April 2021, il-Belġju ppreżenta l-pjan tiegħu għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 ta’ dak ir-Regolament, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni stipulati fl-Anness V. Fit-13 ta’ Lulju 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tiegħu li tapprova l-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Belġju 5 , li ġiet emendata skont l-Artikolu 18(2) fit-8 ta’ Diċembru 2023 biex tiġi aġġornata l-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli, kif ukoll biex jiġi inkluż il-kapitolu REPowerEU 6 . Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq l-adozzjoni ta’ deċiżjoni mill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 24(5), li tiddikjara li l-Belġju jkun laħaq b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stipulati fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. L-ilħuq sodisfaċenti jirrikjedi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti għall-istess riforma jew investiment ma tkunx treġġgħet lura.
(5)Fi [Date] il-Kunsill, fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, adotta rakkomandazzjoni li tapprova l-pjan fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju tal-Belġju 7 . Il-pjan ġie ppreżentat f’konformità mal-Artikolu 11 l-Artikolu 36(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2024/1263, ikopri l-perjodu mill-2025 sal-2029 u jippreżenta firxa ta’ aġġustament fiskali fuq seba’ snin.
(6)Fis-26 ta’ Novembru 2024, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija tal-2025, li fih hija ma identifikatx lill-Belġju bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru tkun meħtieġa analiżi fil-fond. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro u proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2025, li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro 8 fit-13 ta’ Mejju 2025 u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi fl-10 ta’ Marzu 2025.
(7)Fid-29 ta’ Jannar 2025, il-Kummissjoni ppubblikat il-Boxxla għall-Kompetittività, qafas strateġiku li għandu l-għan li jagħti spinta lill-kompetittività globali tal-UE matul il-ħames snin li ġejjin. Hija tidentifika t-tliet imperattivi trasformattivi ta’ tkabbir ekonomiku sostenibbli: (i) l-innovazzjoni; (ii) id-dekarbonizzazzjoni u l-kompetittività; u (iii) is-sigurtà. Biex tnaqqas id-diskrepanza fl-innovazzjoni, l-UE għandha l-għan li trawwem l-innovazzjoni industrijali, tappoġġa t-tkabbir tan-negozji ġodda permezz ta’ inizjattivi bħall-Istrateġija tal-UE għall-kumpaniji Start-up u Scale-up, u tippromwovi l-adozzjoni ta’ teknoloġiji avvanzati bħall-intelliġenza artifiċjali u l-computing kwantistiku. Fit-twettiq ta’ ekonomija aktar ekoloġika, il-Kummissjoni ddeskriviet Pjan ta’ Azzjoni komprensiv dwar l-enerġija affordabbli u Patt għal Industrija Nadifa, li jiżguraw li l-bidla lejn enerġija nadifa tibqa’ kosteffettiva favur il-kompetittività, b’mod partikolari għas-setturi intensivi fl-enerġija, u li tkun xprun għat-tkabbir. Biex tnaqqas dipendenzi eċċessivi u żżid is-sigurtà, l-Unjoni hija impenjata li ssaħħaħ is-sħubijiet kummerċjali globali, tiddiversifika l-ktajjen tal-provvista u tiżgura l-aċċess għal materja prima kritika u sorsi ta’ enerġija nadifa. Dawn il-prijoritajiet huma sostnuti minn faċilitaturi orizzontali, jiġifieri s-simplifikazzjoni regolatorja, l-approfondiment tas-suq uniku, il-finanzjament tal-kompetittività kif ukoll Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti, il-promozzjoni tal-ħiliet u tax-xogħlijiet ta’ kwalità, u koordinazzjoni aħjar tal-politiki tal-UE. Il-Boxxla għall-Kompetittività hija allinjata mas-Semestru Ewropew, li jiżgura li l-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri jkunu konsistenti mal-objettivi strateġiċi tal-Kummissjoni, u li fil-governanza ekonomika jinħoloq approċċ unifikat li jrawwem it-tkabbir sostenibbli, l-innovazzjoni u r-reżiljenza madwar l-Unjoni.
(8)Fl-2025, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jiżviluppa biswit l-implimentazzjoni tal-RRF. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa’ essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta’ politika fil-qafas tas-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jgħinu jindirizzaw b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa f’dawn l-aħħar snin. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż jibqgħu ugwalment rilevanti għall-valutazzjoni tal-pjanijiet emendati għall-irkupru u r-reżiljenza f’konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2021/241.
(9)Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2025 ikopru l-isfidi ewlenin tal-politika ekonomika li mhumiex indirizzati biżżejjed mill-miżuri inklużi fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza, filwaqt li jqisu l-isfidi rilevanti identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019–2024.
(10)Fl-4 ta’ Ġunju 2025, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2025 għall-Belġju. F’dan ġie vvalutat il-progress tal-Belġju fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti u ħa kont tal-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Belġju. Abbażi ta’ din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika l-aktar sfidi urġenti li l-Belġju qed jiffaċċja. Huwa vvaluta wkoll il-progress tal-Belġju fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-UE għall-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti.
Valutazzjoni tar-Rapport ta’ Progress Annwali
(11)Fi [date], il-Kunsill irrakkomanda r-rati massimi ta’ tkabbir li ġejjin tan-nefqa netta għall-Belġju: 3,6 % fl-2025, 2,5 % fl-2026, 2,5 % fl-2027, 2,1 % fl-2028 u 2,1 % fl-2029, li jikkorrispondu għar-rati ta’ tkabbir kumulattivi massimi kkalkulati b’referenza għall-2024 ta’ 3,6 % fl-2025, 6,1 % fl-2026, 8,8 % fl-2027, 11,1 % fl-2028 u 13,4 % fl-2029. Fl-2025–2029, dawn ir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta jikkoinċidu mal-perkors korrettiv f’konformità mal-Artikolu 3(4) tar-Regolament 1467/97, kif irrakkomandat mill-Kunsill fi [date] bil-ħsieb li tintemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv 9 u ssostitwixxa r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Jannar 2025 bil-ħsieb li tintemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv. 10 Fit-30 ta’ April 2025 il-Belġju ppreżenta r-Rapport ta’ Progress Annwali tiegħu 11 dwar l-azzjoni meħuda b’reazzjoni għar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Jannar 2025 bil-ħsieb li tintemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv, l-implimentazzjoni tas-sett ta’ riformi u investimenti li jirfdu l-estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament u l-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tas-Semestru Ewropew. Ir-rapport ta’ Progress Annwali jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tal-Belġju dwar il-progress li sar fil-kisba tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tiegħu f’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241.
(12)Il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u r-riperkussjonijiet tagħha jikkostitwixxu sfida eżistenzjali għall-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni rrakkomandat li tiġi attivata l-klawżola liberatorja nazzjonali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir b’mod koordinat biex tappoġġa l-isforzi tal-UE biex tikseb żieda rapida u sinifikanti fl-infiq għad-difiża u din il-proposta ntlaqgħet mill-Kunsill Ewropew tas-6 ta’ Marzu 2025. Wara t-talba tal-Belġju fit-30 ta’ April 2025, fi [data] il-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, adotta rakkomandazzjoni li tippermetti lill-Belġju jiddevja minn, u jaqbeż, ir-rati massimi ta’ tkabbir rakkomandati tan-nefqa netta 12 .
(13)Skont id-data vvalidata mill-Eurostat 13 , il-bilanċ tal-gvern estiż tal-Belġju tjieb minn 4,1 % tal-PDG fl-2023 għal 4,5 % fl-2024, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż żdied minn 103,2 % tal-PDG fi tmiem l-2023 għal 104,7 % fi tmiem l-2024. Skont il-kalkoli tal-Kummissjoni, dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal rata ta’ tkabbir fin-nefqa netta ta’ 4,2 % fl-2024. Fir-rapport ta’ Progress Annwali, il-Belġju jistma li t-tkabbir nett fin-nefqa fl-2024 huwa ta’ 3,9 %. Abbażi tal-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali 14 , li tinkludi kemm in-nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali kif ukoll dik iffinanzjata mill-UE, kienet espansjonarja, b’ 0,4 % tal-PDG, fl-2024.
(14)Skont ir-Rapport ta’ Progress Annwali, ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji mill-Belġju jistenna tkabbir tal-PDG reali ta’ 1,2 % fl-2025, filwaqt li l-inflazzjoni tal-HICP hija pproġettata għal 2,8 % fl-2025. It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni jipproġetta li l-PDG reali jikber b’0,8 % fl-2025 u 0,9 % fl-2026, u l-inflazzjoni tal-HICP se tkun ta’ 2,8 % fl-2025 u 1,8 % fl-2026.
(15)Fir-rapport ta’ Progress Annwali, id-defiċit tal-gvern estiż huwa mistenni li jiżdied għal 5,5 % tal-PDG fl-2025, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jiżdied għal 107,2 % sa tmiem l-2025. Dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal tkabbir nett fin-nefqa ta’ 6,0 % fl-2025. It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern estiż ta’ 5,4 % tal-PDG fl-2025. Iż-żieda tad-defiċit fl-2025 tirrifletti prinċipalment nefqa ogħla fuq il-kostijiet relatati mat-tixjiħ, id-difiża u l-pagamenti tal-imgħax. Skont il-kalkoli tal-Kummissjoni, dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal tkabbir fin-nefqa netta ta’ 5,0 % fl-2025. Dawn il-projezzjonijiet aktar baxxi tat-tkabbir fin-nefqa netta milli fir-Rapport ta’ Progress Annwali huma dovuti għal tkabbir fin-nefqa proġettat aktar baxx fil-formazzjoni grossa tal-kapital fiss u l-konsum intermedju, u impatt iżgħar ta’ miżuri diskrezzjonali li jnaqqsu d-dħul fit-tbassir tal-Kummissjoni. Abbażi tal-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali, li tinkludi kemm in-nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali kif ukoll dik iffinanzjata mill-UE, hija pproġettata li tkun espansjonarja, b’ 0,4 % tal-PDG, fl-2025. Il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jiżdied għal 107,1 % sa tmiem l-2025. Iż-żieda fil-proporzjon tad-dejn għall-PDG fl-2025 tirrifletti prinċipalment il-persistenza ta’ defiċit għoli tal-gvern estiż.
(16)In-nefqa tal-gvern estiż li tammonta għal 0,1 % tal-PDG hija mistennija li tiġi ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (“għotjiet”) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2025, meta mqabbla ma’ 0,1 % tal-PDG fl-2024, skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni. In-nefqa ffinanzjata mill-appoġġ mhux ripagabbli tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tippermetti investiment ta’ kwalità għolja u riformi li jtejbu l-produttività mingħajr impatt dirett fuq il-bilanċ u d-dejn tal-gvern estiż tal-Belġju.
(17)In-nefqa għad-difiża tal-gvern estiż fil-Belġju ammontat għal 0,9 % tal-PDG fl-2021, 1,0 % tal-PDG fl-2022 u 0,9 % tal-PDG fl-2023 15 . Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, in-nefqa fuq id-difiża hija pproġettata li tkun 1,3 % tal-PDG fl-2024 u 1,7 % tal-PDG fl-2025. Dan jikkorrispondi għal żieda ta’ 0,8 punti perċentwali tal-PDG meta mqabbel mal-2021. Il-perjodu meta tiġi attivata l-klawżola liberatorja nazzjonali (2025–2028) jippermetti lill-Belġju jipprijoritizza mill-ġdid in-nefqa tal-gvern jew iżid id-dħul tal-gvern sabiex in-nefqa għad-difiża li tkun ogħla b’mod dejjiemi ma tipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fit-terminu medju.
(18)Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, in-nefqa netta fil-Belġju hija pproġettata li tikber b’5,0 % fl-2025. Abbażi tat-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, it-tkabbir fin-nefqa netta tal-Belġju fl-2025 huwa pproġettat li jkun ogħla mir-rata massima ta’ tkabbir li għandha tiġi stabbilita mill-perkors korrettiv irrakkomandat mill-Kummissjoni., li tikkorrispondi għal devjazzjoni 16 ta’ 0,7 % tal-PDG. Madankollu, id-devjazzjoni pproġettata hija fi ħdan il-flessibbiltà tal-klawżola liberatorja nazzjonali bbażata fuq il-projezzjonijiet attwali għall-infiq fuq id-difiża.
(19)Ir-Rapport ta’ Progress Annwali ma jinkludix projezzjonijiet baġitarji wara l-2025. Abbażi ta’ miżuri ta’ politika magħrufa fid-data tal-għeluq tat-tbassir, it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern estiż ta’ 5,5 % tal-PDG fl-2026. Iż-żieda tad-defiċit fl-2026 tirrifletti prinċipalment nefqa ogħla fuq l-imgħax. Dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal tkabbir fin-nefqa netta ta’ 3,0 % fl-2026. Abbażi tal-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali, li tinkludi kemm in-nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali kif ukoll dik iffinanzjata mill-UE, hija pproġettata li tkun restrittiva, b’ 0,3 % tal-PDG, fl-2026. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG huwa pproġettat mill-Kummissjoni li jiżdied għal 109,8 % sa tmiem l-2026. Iż-żieda fil-proporzjon tad-dejn għall-PDG fl-2026 tirrifletti prinċipalment il-persistenza ta’ defiċit għoli tal-gvern estiż.
(20)Ir-Rakkomandazzjoni li tapprova l-pjan ta’ terminu medju tal-Belġju tispeċifika s-sett ta’ riformi u investimenti li jirfdu l-estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament, flimkien ma’ skeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni tagħhom. Dawn jinkludu miżuri eżistenti u intensifikati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, bħar-riforma tal-pensjonijiet u r-rieżamijiet tal-infiq pubbliku, kif ukoll riformi u investimenti addizzjonali bħar-riformi tas-suq tax-xogħol, ir-riforma tat-taxxa, il-koordinazzjoni baġitarja u l-ambjent u r-regolamentazzjoni tan-negozju. Ir-riformi u l-investimenti li jirfdu estensjoni huma kollha dovuti wara t-30 ta’ April 2025.
(21)Ir-riskji għas-sostenibbiltà fiskali fit-tul huma għoljin fil-Belġju 17 . Minbarra l-pożizzjoni baġitarja inizjali mhux favorevoli, in-nefqa fuq il-pensjonijiet hija pproġettata li tiżdied b’ 3,5 punti perċentwali tal-PDG matul il-perjodu 2022–2070, meta mqabbla mal-medja tal-UE ta’ 0,4 punti perċentwali tal-PDG, skont ir-Rapport tal-Kummissjoni dwar it-Tixjiħ tal-2024 18 . Il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Belġju jinkludi riforma tal-pensjonijiet li għandha l-għan li tgħin biex tiġi indirizzata din l-isfida, flimkien ma’ objettivi oħra bħat-titjib tas-sostenibbiltà soċjali tas-sistema, l-inċentivar tan-nies biex jibqgħu attivi fis-suq tax-xogħol wara li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-irtirar bikri u l-iżgurar ta’ livell ogħla ta’ konverġenza bejn is-sistemi tal-pensjonijiet u fi ħdanhom. Bħala parti mill-pjan fiskali strutturali ta’ terminu medju tiegħu u biex jirfed estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament fiskali, il-Belġju impenja ruħu li jimplimenta riforma li tindirizza din l-isfida.
(22)It-taxxi fuq ix-xogħol (taxxi fuq l-introjtu personali u l-kontribuzzjonijiet soċjali) huma wieħed mill-ogħla fl-UE fil-livelli kollha tal-introjtu, li joħloq diżinċentivi finanzjarji għax-xogħol. Għal dawk li huma t-tieni sors ta’ dħul, karatteristiċi speċifiċi tat-taxxa bħall- “kwozjent taż-żwieġ” 19 iwasslu għal sigħat tax-xogħol iqsar jew qgħad. Il-piż għoli tat-taxxa fuq ix-xogħol huwa kkumpensat minn ħafna sussidji tal-pagi, li joħolqu ineffiċjenzi ekonomiċi u jagħmlu s-sistema tat-taxxa kumplessa. Barra minn hekk, id-dħul mit-taxxi fuq il-konsum huwa taħt il-medja tal-UE, minħabba l-użu estensiv ta’ eżenzjonijiet mill-VAT u rati mnaqqsa. It-tfassil tat-tassazzjoni tal-kapital ifixkel l-imġiba tal-investiment billi joħloq investiment żejjed ikkawżat mit-taxxa f’ċerti tipi ta’ assi. Iċ-ċaqliq tal-piż tat-taxxa lil hinn mix-xogħol għal bażijiet tat-taxxa oħra u t-tnaqqis tal-użu tan-nefqa tat-taxxa jistgħu jgħinu biex tiżdied l-effiċjenza tas-sistema tat-taxxa u jitnaqqsu d-diżinċentivi għax-xogħol. Bħala parti mill-pjan fiskali strutturali ta’ terminu medju tiegħu u biex jirfed estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament fiskali, il-Belġju impenja ruħu li jimplimenta xi miżuri li se jirriżultaw f’xi progress fl-indirizzar tal-isfida tat-tassazzjoni.
(23)It-tfassil tal-benefiċċji soċjali jiskoraġġixxi lin-nies milli jibdew jaħdmu jew milli jaħdmu aktar sigħat. Ħafna benefiċċji soċjali jiddependu mill-istatus u mhux soġġetti għal test tal-mezzi, u dan ixekkel l-effiċjenza tas-sistema tal-benefiċċji. Il-benefiċċji tal-qgħad huma bla limitu fiż-żmien u mhumiex soġġetti għal test tal-mezzi għall-persuni qiegħda fit-tul, u dan jaggrava n-nassa tal-qgħad. Ir-riforma tat-tfassil tas-sistema tal-benefiċċji soċjali u ż-żieda tat-trasparenza tagħha jistgħu jżidu l-inċentivi għax-xogħol. Bħala parti mill-pjan fiskali strutturali ta’ terminu medju tiegħu u biex jirfed estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament fiskali, il-Belġju impenja ruħu li jimplimenta riforma biex jindirizza l-isfida tal-benefiċċji soċjali.
(24)Il-kompożizzjoni u l-effiċjenza tal-infiq pubbliku jistgħu jittejbu biex jinħoloq spazju għal aktar investiment pubbliku, li jibbenefika wkoll minn tħejjija mtejba tal-proġetti. Minkejja xi miżuri meħuda mil-livelli kollha tal-gvern skont il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, l-infiq pubbliku totali bħala sehem tal-PDG fil-Belġju jibqa’ fost l-ogħla fiż-żona tal-euro. Dan jissuġġerixxi li hemm lok għal aktar aġġustament fiskali bbażat fuq l-infiq, pereżempju billi jiġu adottati miri obbligatorji ta’ ffrankar. Ir-rieżamijiet tal-infiq u l-evalwazzjonijiet tal-politika jistgħu jgħinu lill-Belġju jipprijoritizza u jtejjeb l-effiċjenza tal-infiq pubbliku. Bħala parti mill-pjan fiskali strutturali ta’ terminu medju tiegħu u biex jirfed estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament fiskali, il-Belġju impenja ruħu li jimplimenta xi miżuri li se jirriżultaw f’xi progress fl-indirizzar tal-isfida tal-infiq pubbliku.
(25)Koordinazzjoni baġitarja effettiva hija essenzjali fi Stat Membru federali bħall-Belġju, fejn parti kbira mis-setgħa ta’ nfiq ingħatat lill-gvernijiet sottonazzjonali. Għad ma hemm l-ebda ftehim formali dwar il-miri baġitarji pluriennali fil-livelli kollha tal-gvern, minkejja l-ftehim ta’ kooperazzjoni ffirmat fl-2013, u dan jikkomplika l-koordinazzjoni tal-baġit. Bħala parti mill-pjan fiskali strutturali ta’ terminu medju tiegħu u biex jirfed estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament fiskali, il-Belġju impenja ruħu li jimplimenta riforma biex jindirizza l-isfida tal-koordinazzjoni baġitarja.
Sfidi ewlenin tal-politika
(26)L-infiq pubbliku fuq il-kura fit-tul ammonta għal 2,3 % tal-PDG fl-2022 (medja tal-UE ta’ 1,7 %), li għamel lill-Belġju wieħed mill-pajjiżi bl-ogħla nfiq fuq il-kura fit-tul fl-UE, skont ir-Rapport tal-2024 tal-Kummissjoni dwar it-Tixjiħ 20 . Sal-2070, in-nefqa fuq il-kura fit-tul hija pproġettata li tiżdied b’ 1,7 punti perċentwali tal-PDG, meta mqabbla ma’ żieda medja tal-UE ta’ 0,8 punti perċentwali, li żżid ir-riskji għar-riskji tas-sostenibbiltà fiskali fit-tul fil-Belġju. Id-data disponibbli tissuġġerixxi li s-sehem ta’ individwi li huma indipendenti jew ftit dipendenti fuq il-kura u li jgħixu f’faċilitajiet ta’ kura residenzjali kien għoli fir-Reġjun ta’ Brussell u fil-Wallonia. Barra minn hekk, is-sehem ta’ persuni akbar fl-età mqiegħda bla bżonn jew tal-anqas b’mod prematur f’faċilità ta’ kura residenzjali għadu għoli, għalkemm kien qed jonqos tul l-aħħar deċennju. L-awtoritajiet governattivi federati bdew riformi biex jagħmlu l-użu tal-ambjenti differenti tal-kura aktar kosteffettiv, b’mod partikolari biex jevitaw u jdewmu l-użu mhux meħtieġ jew prematur tal-kura residenzjali. Dawn il-miżuri jeħtieġ li jiġu implimentati permezz ta’ azzjonijiet li jħallu impatt, b’mod partikolari biex tinkiseb il-kosteffettività ta’ ċerti għażliet ta’ kura fit-tul bħall-kura istituzzjonali, filwaqt li l-aċċess għall-kura u s-servizzi jinżamm affordabbli.
(27)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/241 u l-kriterju 2.2 tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta' riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Dawn mistennijin jgħinu biex jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti. F’dan il-perjodu ta’ żmien strett, il-finalizzazzjoni tal-implimentazzjoni effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, hija essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività fit-tul tal-Belġju permezz tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, filwaqt li tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali. L-involviment sistematiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa’ essenzjali sabiex tiġi żgurata responsabbiltà wiesgħa għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.
(28)L-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni, li jinkludu appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), mill-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF) u mill-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), aċċellerat fil-Belġju. Huwa importanti li jitkomplew l-isforzi biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni rapida ta’ dawn il-programmi, filwaqt li jiġi massimizzat l-impatt tagħhom fil-prattika. Il-Belġju diġà qed jieħu azzjoni taħt il-programmi tal-politika ta’ koeżjoni tiegħu biex jagħti spinta lill-kompetittività u t-tkabbir. Fl-istess ħin, il-Belġju għadu qed jiffaċċja sfidi, inklużi dawk relatati mal-kompetittività, id-disparitajiet reġjonali, inkluż fir-rigward tar-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali, li f’xi reġjuni huwa aggravat mis-sitwazzjoni fis-suq tal-akkomodazzjoni, l-aċċess għall-impjiegi u l-miżuri ta’ attivazzjoni, l-iżvilupp tal-ħiliet u l-edukazzjoni ta’ kwalità. F’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/1060, il-Belġju huwa meħtieġ — bħala parti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni — li jirrieżamina kull programm filwaqt li jqis, fost affarijiet oħra, l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2024. Il-proposti tal-Kummissjoni adottata fl-1 ta’ April 2025 21 jestendu l-iskadenza għas-sottomissjoni ta’ valutazzjoni — għal kull programm — tal-eżitu tar-rieżami ta’ nofs it-terminu lil hinn mill-31 ta’ Marzu 2025. Jipprovdu wkoll flessibbiltajiet biex jgħinu jħaffu l-implimentazzjoni tal-programm u inċentivi għall-Istati Membri biex jallokaw riżorsi tal-politika ta’ koeżjoni għal ħames oqsma strateġiċi ta’ prijorità tal-Unjoni, jiġifieri l-kompetittività fit-teknoloġiji strateġiċi, id-difiża, l-akkomodazzjoni, ir-reżiljenza tal-ilma u t-tranżizzjoni tal-enerġija.
(29)Il-pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP, Strategic Technologies for Europe Platform) tipprovdi l-opportunità li jsir investiment fi prijorità strateġika ewlenija tal-UE billi tissaħħaħ il-kompetittività tal-UE. STEP jiġi mgħoddi permezz ta’ 11-il fond eżistenti tal-UE. L-Istati Membri jistgħu jikkontribwixxu wkoll għall-Programm InvestEU li jappoġġa investimenti f’oqsma ta’ prijorità. Il-Belġju jista’ juża dawn l-inizjattivi biex jappoġġa l-iżvilupp jew il-manifattura ta’ teknoloġiji kritiċi, inklużi teknoloġiji nodfa u effiċjenti fir-riżorsi.
(30)Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u fondi oħra tal-UE, il-Belġju qed jiffaċċja diversi sfidi addizzjonali relatati mal-innovazzjoni, l-ambjent tan-negozju, il-piż u l-kumplessità regolatorji u amministrattivi, ir-restrizzjonijiet fis-settur tas-servizzi, id-dekarbonizzazzjoni tal-industrija u t-trasport, l-introduzzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, is-sussidji għall-fjuwils fossili, id-depożizzjoni eċċessiva tan-nitroġenu, in-nuqqas ta’ ħaddiema u l-ispariġġ fil-ħiliet, l-integrazzjoni ta’ gruppi żvantaġġati fis-suq tax-xogħol, is-sistema edukattiva u l-professjoni tat-tagħlim.
(31)Għalkemm il-Belġju jikklassifika bħala wieħed mill-mexxejja tal-innovazzjoni tal-UE u għandu livell għoli ta’ intensità ta’ R&Ż, l-attività Belġjana tar-R&Ż hija kkonċentrata fi ftit industriji u kumpaniji kbar. Livelli għoljin ta’ ħelsien mit-taxxa jonqsu milli jilħqu kumpaniji bl-ogħla potenzjal ta’ tkabbir. Prestazzjoni aktar b’saħħitha fl-innovazzjoni u tkabbir sostnut tal-produttività jkunu jeħtieġu żieda fit-tixrid tal-għarfien fis-setturi kollha tal-ekonomija. Jidher li hemm lok għal titjib fl-effiċjenza u l-effettività tal-appoġġ pubbliku għar-riċerka u l-innovazzjoni, b’mod partikolari biex jiġu evitati l-effetti ta’ esklużjoni u biex ir-riżorsi jiġu allokati aħjar lin-negozji b’rata għolja ta’ tkabbir. Barra minn hekk, ir-rata baxxa ta’ mobbiltà tal-impjiegi fil-Belġju, li tista’ tkun dovuta għal fatturi bħal paga għolja ta’ anzjanità u trasparenza baxxa fil-pagi, tillimita wkoll il-firxa tal-innovazzjoni għall-bqija tal-ekonomija.
(32)Kif stabbilit fil-Kumpass tal-Kompetittività, l-istituzzjonijiet kollha tal-UE, nazzjonali u lokali jridu jagħmlu sforz kbir biex jipproduċu regoli aktar sempliċi u biex jaċċelleraw il-ħeffa tal-proċeduri amministrattivi. Il-Kummissjoni stabbiliet għanijiet ambizzjużi għat-tnaqqis tal-piż amministrattiv: b’mill-inqas 25 % u b’mill-inqas 35 % għall-SMEs; u ħolqot għodod ġodda biex jintlaħqu dawn l-għanijiet, inkluż test tal-istress sistematiku tal-istokk tal-leġiżlazzjoni tal-UE u djalogu msaħħaħ mal-partijiet ikkonċernati. Biex jilħaq din l-ambizzjoni, il-Belġju jeħtieġ ukoll li jieħu azzjoni. 71 % tan-negozji jqisu l-kumplessità tal-proċeduri amministrattivi bħala problema għall-kumpanija tagħhom meta jagħmlu negozju fil-Belġju 22 . L-ambjent tan-negozju tal-Belġju huwa mfixkel minn piż regolatorju għoli u livell għoli ta’ kumplessità. Il-piż amministrattiv fuq il-kumpaniji huwa tqil, b’mod partikolari fir-rigward tat-taxxa u l-liġijiet tax-xogħol. Il-kostijiet li jiffaċċjaw l-SMEs biex jikkonformaw mas-sistemi tax-xogħol u tat-taxxa huma komparattivament għoljin fil-Belġju, b’mod partikolari għall-kumpaniji li jeħtiġilhom jimmaniġġjaw sistemi reġjonali multipli. Barra minn hekk, il-Belġju għandu wieħed mill-aktar livelli baxxi ta’ dinamiżmu tan-negozju fl-UE 23 . Minkejja żieda reċenti, ir-rata tal-ħolqien tan-negozju għadha komparattivament baxxa, b’mod partikolari għal ditti b’impjegati. Is-sehem ta’ ditti b’rata għolja ta’ tkabbir fil-Belġju huwa ferm taħt il-medja tal-UE. Restrizzjonijiet kummerċjali għoljin fis-settur tas-servizzi jista’ jkollhom rwol fid-dgħufija tad-dinamiżmu tan-negozju. Tkun ukoll ġustifikata azzjoni biex jitneħħew ir-restrizzjonijiet fuq il-professjonijiet regolati. Skont ir-Regolament dwar is-Suq tal-Prodotti 2023–2024, il-Belġju għandu aktar restrizzjonijiet fuq il-biċċa l-kbira tal-professjonijiet, jiġifieri l-periti, il-kontabilisti u l-aġenti tal-proprjetà immobbli. Ir-rekwiżiti tad-dħul jibqgħu partikolarment għoljin għal dawn il-professjonijiet u għall-avukati.
(33)Barra minn hekk, l-elettriku għall-użu industrijali huwa pprezzat sostanzjalment ogħla fil-Belġju mill-gass. Peress li s-settur tal-manifattura jiġġenera 30 % tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-Belġju, huma meħtieġa aktar inċentivi għad-dekarbonizzazzjoni tal-proċessi industrijali u l-bidla lejn enerġija aktar nadifa. It-trawwim ta’ prattiki tal-ekonomija ċirkolari u ktajjen tal-provvista sostenibbli jista’ jgħin ukoll biex titnaqqas id-domanda għall-enerġija industrijali. L-emissjonijiet tal-gassijiet serra mis-settur tal-avjazzjoni u dak marittimu, inkluż il-konsum tal-fjuwil relatat mal-attivitajiet tat-trasport internazzjonali, huma ferm ogħla mill-medja tal-UE 24 . It-trasport ferrovjarju mhuwiex għażla attraenti biżżejjed, kemm għat-trasport tal-passiġġieri kif ukoll għat-trasport tal-merkanzija, u l-għadd ta’ karozzi tal-passiġġieri żdied b’mod kostanti u dan wassal għal kostijiet għoljin ta’ konġestjoni. Tariffi tat-triq differenzjati għat-tipi kollha ta’ vetturi, aktar investiment fit-trasport pubbliku u l-promozzjoni tal-car sharing u l-mobbiltà attiva jagħmlu t-trasport aktar sostenibbli.
(34)B’sehem ta’ enerġija rinnovabbli fil-konsum finali tal-enerġija ta’ 14,7 % biss fl-2023, l-introduzzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli hija fost l-aktar baxxi fl-UE. Il-Belġju se jkollu jagħmel sforzi sinifikanti biex jilħaq il-mira tiegħu ta’ 21,7 % għall-enerġija rinnovabbli sal-2030, li tibqa’ taħt il-kontribut mistenni tal-Belġju għall-mira tal-UE għall-2030. Għalkemm il-konġestjoni tal-grilja relatata mal-ġenerazzjoni tal-enerġija solari saret kwistjoni serja, ma tħabbru l-ebda investimenti ġodda fil-grilja fuq l-art. Barra minn hekk, il-qafas regolatorju tal-Belġju għadu jxekkel l-iżvilupp ta’ riżorsi flessibbli bħar-rispons u l-ħżin min-naħa tad-domanda. L-investiment fl-infrastruttura tal-grilja u t-tħaffif tal-proċeduri tal-għoti tal-permessi jippromwovu l-introduzzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Barra minn hekk, jistgħu jiġu promossi l-kondiviżjoni tal-enerġija, l-awtokonsum u l-flessibbiltà min-naħa tad-domanda. Minkejja sehem relattivament għoli ta’ enerġija nukleari fit-taħlita tal-enerġija, il-prezzijiet tal-elettriku għall-unitajiet domestiċi huma għoljin meta mqabbla mal-gass u ż-żejt għat-tisħin fil-Belġju, u dan ifixkel it-tranżizzjoni għall-elettriku u l-bidla għal sistemi ta’ tisħin aktar ekoloġiċi. Iċ-ċaqliq tad-dazji tas-sisa mill-elettriku għaż-żejt għat-tisħin u għall-gass jagħmel l-elettriku aktar affordabbli mill-fjuwils fossili.
(35)Il-Belġju jirreġistra sussidji mdaqqsa għall-fjuwils fossili, li mhuwiex qed jippjana li jelimina gradwalment qabel l-2030. Rapport reċenti mill-awtoritajiet Belġjani 25 stima li s-sussidji federali diretti għall-fjuwils fossili jammontaw għal EUR 12 biljun (2,4 % tal-PDG) fl-2021. B’mod partikolari, is-sussidji għall-fjuwils fossili li la jindirizzaw il-faqar enerġetiku b’mod immirat u lanqas tħassib ġenwin dwar is-sigurtà tal-enerġija, ma jxekklu l-elettrifikazzjoni u mhumiex kruċjali għall-kompetittività industrijali jistgħu jitqiesu bħala prijorità ta’ eliminazzjoni gradwali. Fil-Belġju, is-sussidji għall-fjuwils fossili bħal dazji tas-sisa mnaqqsa fuq iż-żejt tal-fjuwil u d-diżil professjonali, il-kards tal-fjuwil tal-kumpaniji u t-tnaqqis tal-VAT fuq il-gass huma ekonomikament ineffiċjenti, jipperpetwaw id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili u ma jikkontribwixxux għall-impenji klimatiċi tal-Belġju. Is-sussidji għall-fjuwils fossili jżommu lura wkoll ir-rinnovazzjoni tal-enerġija tal-bini u hemm ir-riskju li l-Belġju jonqos milli jilħaq il-miri tiegħu ta’ rinnovazzjoni u effiċjenza enerġetika għall-2030. Iż-żieda fil-livell attwali ta’ investiment fir-rinnovazzjonijiet tal-enerġija u l-ikkomplementar tal-investiment b’riformi ta’ politika biex l-inċentivi jiġu ttrasferiti għal soluzzjonijiet ta’ rinnovazzjoni tal-enerġija u tisħin b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju jgħinu biex titħaffef it-tranżizzjoni tal-enerġija.
(36)Il-kwalità tal-ilma u d-degradazzjoni tan-natura huma kawżi ewlenin ta’ tħassib, peress li l-biċċa l-kbira tal-korpi tal-ilma fil-Belġju huma affettwati minn sorsi ta’ tniġġis diffużi. Livelli dejjem jonqsu ta’ bijodiversità jpoġġu f’riskju setturi ekonomiċi li huma dipendenti ħafna fuq is-servizzi tal-ekosistema. Is-soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura huma kruċjali għall-bini tar-reżiljenza għall-klima u għall-protezzjoni tal-ekonomija mill-impatti ta’ avvenimenti estremi tat-temp. L-agrikoltura intensiva, b’mod partikolari t-trobbija tal-bhejjem, tirrilaxxa volumi kbar ta’ sustanzi niġġiesa tal-arja, tal-ħamrija u tal-ilma. Il-produzzjoni tal-elettriku, is-settur tal-metall u l-produzzjoni tas-sustanzi kimiċi jikkawżaw ukoll tniġġis. Filwaqt li l-gvern Fjamming adotta s-seba’ programm ta’ azzjoni rivedut dwar in-nitrati, hija meħtieġa aktar azzjoni biex jitnaqqsu n-nutrijenti u s-sustanzi kimiċi fl-ilmijiet tal-wiċċ u biex l-agrikoltura ssir aktar sostenibbli.
(37)Ir-rata tal-postijiet tax-xogħol vakanti fil-Belġju bħalissa hija waħda mill-ogħla fl-UE (4,1 % meta mqabbla mal-medja tal-UE ta’ 2,3 % fl-2024) u l-impjegaturi qed isibuha diffiċli biex jimpjegaw impjegati bil-ħiliet it-tajba. In-nuqqas ta’ ħaddiema u n-nuqqas ta’ persunal tas-sengħa jxekklu l-attività tan-negozju u tal-investiment, inkluż għat-tranżizzjoni ekoloġika. Madankollu, id-disparitajiet reġjonali fis-sehem tal-popolazzjoni fix-xogħol huma sinifikanti u hemm lok biex tittejjeb il-mobbiltà interreġjonali tal-forza tax-xogħol. Tħassib kontinwu huwa li jiġu integrati gruppi żvantaġġati, inklużi persuni b’livell aktar baxx ta’ edukazzjoni, ħaddiema akbar fl-età, persuni bi sfond ta’ migrazzjoni u persuni b’diżabilità. Dan jissuġġerixxi ambitu biex tiżdied l-effettività tal-politiki ta’ attivazzjoni tax-xogħol, b’mod partikolari billi tittejjeb l-effiċjenza tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi u billi jiġu mmirati aħjar miżuri biex jgħinu l-integrazzjoni ta’ gruppi żvantaġġati fis-suq tax-xogħol. L-ispariġġ fil-ħiliet huwa spjegat ukoll mir-rata baxxa ta’ titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid tal-adulti.
(38)Minkejja l-livelli għoljin ta’ nfiq pubbliku fuq l-edukazzjoni, l-eżiti tat-tagħlim marru għall-agħar u s-sehem ta’ dawk bl-aqwa prestazzjoni naqas drastikament 26 . L-isfondi soċjoekonomiċi u ta’ migrazzjoni għadhom previżjoni importanti tal-prestazzjoni tal-istudenti. Filwaqt li l-Komunitajiet kollha qed isegwu riformi fuq skala kbira biex jindirizzaw dawn l-isfidi, ir-reviżjoni ulterjuri tal-politiki taż-żamma tal-gradi, l-għoti ta’ aktar flessibbiltà lill-istudenti biex jittrasferixxu bejn il-binarji ġenerali u vokazzjonali u t-tisħiħ tat-tagħlim personalizzat jistgħu jgħinu biex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi u l-prestazzjoni tal-istudenti li qed tonqos. It-titjib tal-ħiliet bażiċi tal-istudenti kollha huwa kruċjali biex jittejbu l-prospetti tagħhom fis-suq tax-xogħol, inklużi l-gruppi żvantaġġati. In-nuqqas ta’ ħaddiema jista’ jiġi indirizzat billi tissaħħaħ ir-rilevanza għas-suq tax-xogħol tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET, vocational education and training) fil-professjonijiet tekniċi u billi jiżdied l-għadd ta’ studenti u gradwati fl-ETV u fl-edukazzjoni terzjarja tal-ICT (teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni) u STEM (xjenza, teknoloġija, inġinerija u matematika). In-nuqqas ta’ għalliema għadu kritiku wkoll madwar il-pajjiż u jaffettwa b’mod sproporzjonat l-iskejjel bi proporzjonijiet ogħla ta’ studenti żvantaġġati 27 . Hemm bżonn ta’ azzjoni akbar biex tingħata spinta lill-professjoni tat-tagħlim, b’mod partikolari billi tiġi żgurata l-istabbiltà tal-impjiegi u jiġu pprovduti perkorsi ta’ karriera attraenti u differenzjati.
(39)Fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-kontribuzzjoni kollettiva tagħhom għall-funzjonament tal-unjoni ekonomika u monetarja, fl-2025 il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, biex jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni tal-2025 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro. Għall-Belġju, ir-rakkomandazzjonijiet (2), (3), (4) u (5) jgħinu fl-implimentazzjoni tal-ewwel rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro dwar il-kompetittività, filwaqt li r-rakkomandazzjonijiet (4) u (5) jgħinu fl-implimentazzjoni tat-tieni rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro dwar ir-reżiljenza, u r-rakkomandazzjoni (1) tgħin fl-implimentazzjoni tat-tielet rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro dwar l-istabbiltà makroekonomika u finanzjarja stabbilita fir-Rakkomandazzjoni tal-2025.
B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Belġju jieħu azzjoni fl-2025 u fl-2026 biex:
1.Issaħħaħ l-infiq u l-istat ta’ tħejjija ġenerali għad-difiża f’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-6 ta’ Marzu 2025. Jaderixxi mar-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta rrakkomandati mill-Kunsill fi [data], bil-ħsieb li tintemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv filwaqt li jsir użu mill-allowance skont il-klawżola liberatorja nazzjonali għal nefqa ogħla għad-difiża. Jimplimenta s-sett ta’ riformi u investimenti li jirfdu l-perjodu ta’ aġġustament estiż kif irrakkomandat mill-Kunsill fi [date] 2025. Jagħmel is-sistema tal-kura fit-tul aktar kosteffettiva.
2.Fid-dawl tal-iskadenzi applikabbli għat-tlestija f’waqtha tar-riformi u l-investimenti skont ir-Regolament (UE) 2021/241, jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU. Jaċċellera l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni [(FEŻR, JTF, FSE +)], filwaqt li jibni, fejn xieraq, fuq l-opportunitajiet offruti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu. Jagħmel l-aħjar użu mill-istrumenti tal-UE, inkluż l-ambitu pprovdut minn Invest EU u l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa, biex itejjeb il-kompetittività.
3.Jissimplifika r-regolamentazzjoni, ittejjeb l-għodod regolatorji, jnaqqas il-piż amministrattiv, u jneħħi l-ostakli għall-kummerċ u l-kompetizzjoni, b’mod partikolari fis-settur tas-servizzi u l-professjonijiet regolati, biex jittejjeb l-ambjent tan-negozju u d-dinamika tan-negozju. Iżid id-diffużjoni tal-innovazzjoni billi l-appoġġ pubbliku tar-R&Ż jiġi mmirat lejn kumpaniji bl-ogħla potenzjal ta’ tkabbir u billi titrawwem il-mobbiltà tal-ħaddiema fix-xogħol.
4.Inaqqas id-dipendenza ġenerali fuq il-fjuwils fossili, inkluż billi jżid it-titjib fl-effiċjenza enerġetika u jnaqqas l-użu tal-fjuwils fossili fil-bini, u billi jkompli jinċentiva lill-industrija biex tiddekarbonizza. Jipprovdi inċentivi u jneħħi l-ostakli biex jiżdiedu l-użu u l-provvista tat-trasport pubbliku, it-trasport b’emissjonijiet baxxi u l-mobbiltà attiva. Jaċċellera l-introduzzjoni tal-enerġiji rinnovabbli u jaġġorna l-infrastruttura tal-grilja billi jkompli jissimplifika l-proċeduri għall-għoti ta’ permessi, billi jadotta oqfsa legali li jagħtu spinta lill-investiment fl-installazzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli u billi jiffaċilita l-kondiviżjoni tal-enerġija. Jieħu passi speċifiċi biex jelimina gradwalment is-sussidji għall-fjuwils fossili, b’mod partikolari fis-settur tat-trasport u tat-tisħin, inkluż billi jittrasferixxi d-dazji tas-sisa mill-elettriku għall-fjuwils fossili. Jieħu azzjoni ulterjuri dwar l-agrikoltura sostenibbli billi jtejjeb il-kwalità tal-ilma u billi jnaqqas it-telf tan-nutrijenti.
5.Jindirizza n-nuqqas ta’ ħaddiema u l-ispariġġ fil-ħiliet, inkluż għat-tranżizzjoni ekoloġika. Isaħħaħ l-effettività u l-immirar ta’ politiki attivi tas-suq tax-xogħol biex ikomplu jintegraw gruppi żvantaġġati fis-suq tax-xogħol, b’mod partikolari persuni b’livell baxx ta’ edukazzjoni, ħaddiema akbar fl-età, persuni bi sfond ta’ migrazzjoni u persuni b’diżabbiltà. Itejjeb il-prestazzjoni u l-ekwità tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ u jtejjeb r-rilevanza tagħhom għas-suq tax-xogħol, b’mod partikolari fl-oqsma tal-ICT u STEM. Ikompli r-riformi biex tissaħħaħ il-professjoni tat-tagħlim billi jiġu żviluppati perkorsi tal-karriera aktar flessibbli u attraenti u taħriġ għall-għalliema.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President