IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 16.4.2025
COM(2025) 187 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
Pjan ta' ħidma dwar l-ekodisinn għall-prodotti sostenibbli u t-tikkettar tal-enerġija għall-2025-2030
{SWD(2025) 112 final}
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 16.4.2025
COM(2025) 187 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
Pjan ta' ħidma dwar l-ekodisinn għall-prodotti sostenibbli u t-tikkettar tal-enerġija għall-2025-2030
{SWD(2025) 112 final}
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
Pjan ta’ ħidma dwar l-ekodisinn għall-prodotti sostenibbli u t-tikkettar tal-enerġija għall-2025-2030
1.Introduzzjoni
1.1.Suq uniku għall-prodotti sostenibbli
Ir-Regolament dwar l-Ekodisinn għal Prodotti Sostenibbli (ESPR, Ecodesign for Sustainable Products Regulation) ( 1 ) huwa l-qafas legali għall-istabbiliment tar-rekwiżiti tal-ekodisinn. Flimkien mar-Regolament Qafas dwar it-Tikkettar tal-Enerġija (ELFR, Energy Labelling Framework Regulatiosn), jiffaċilita l-għażla tal-konsumatur u jinkoraġġixxi l-għażla ta’ prodotti aktar sostenibbli u effiċjenti fl-użu tal-enerġija. Din il-Komunikazzjoni tispeċifika l-prodotti li għandhom jingħataw prijorità għall-ħidma li għandha titwettaq sal-2030 skont l-ESPR u l-ELFR.
L-istabbiliment ta’ rekwiżiti armonizzati tal-ekodisinn applikabbli fis-suq uniku kollu jgħin biex tingħata spinta lill-adozzjoni ta’ prodotti, produzzjoni u konsum sostenibbli. Il-partijiet ikkonċernati jappoġġaw din l-inizjattiva minħabba li tnaqqas il-kostijiet tal-konformità, tissimplifika s-sistema u tippermetti lill-produtturi u lill-konsumaturi jibbenefikaw mill-ekonomiji ta’ skala li jipprovdi suq b’450 miljun konsumatur. Dan jistimula l-investiment u l-innovazzjoni, filwaqt li joħloq aktar domanda għal prodotti sostenibbli, li tippromwovi l-kompetittività tal-manifatturi tal-UE u tħeġġeġ għażliet sostenibbli tul il-katina tal-valur. L-istabbiliment ta’ limiti ambizzjużi biex il-prodotti jitqiegħdu fis-suq tal-UE, li japplikaw kemm għall-kumpaniji tal-UE kif ukoll għal dawk mhux tal-UE, huwa opportunità siewja biex tiżdied is-sostenibbiltà tal-ktajjen tal-valur globali. Barra minn hekk, l-inċentivi jistgħu jgħinu fil-promozzjoni ta’ prodotti sostenibbli u jiżguraw l-affordabbiltà tagħhom għall-konsumaturi kollha.
Ir-rekwiżiti tal-ekodisinn huma effettivi fit-tnaqqis tal-impatti ambjentali, tal-enerġija u tal-klima tal-prodotti u tal-konsum tal-enerġija u fit-titjib taċ-ċirkolarità. Billi jipprovdu aktar informazzjoni dwar is-sostenibbiltà tal-prodotti, ir-rekwiżiti jgħinu lill-konsumaturi jieħdu deċiżjonijiet ta’ xiri infurmati aħjar u joħolqu benefiċċji ekonomiċi għall-produtturi ta’ prodotti aktar sostenibbli. L-iżvilupp ta’ rekwiżiti tal-ekodisinn dwar il-possibbiltà ta’ tiswija ta’ prodotti għall-konsumatur huwa rilevanti wkoll għall-estensjoni tad-dritt tal-konsumatur għat-tiswija stabbilit mid-Direttiva EU/2024/1799 dwar il-promozzjoni tat-tiswija ta’ oġġetti ( 2 ). B’riżultat ta’ dan, ir-rekwiżiti tal-ekodisinn jikkontribwixxu għal għanijiet ta’ politika ewlenin tal-UE relatati mal-ambjent, l-enerġija, il-klima, il-protezzjoni tal-konsumatur, il-kompetittività, ir-reżiljenza u s-suq uniku.
Dan il-pjan ta’ ħidma se jikkontribwixxi wkoll għall-għanijiet tal-Boxxla għall-Kompetittività ( 3 ) adottata reċentement billi jgħin biex jingħalaq id-distakk fl-innovazzjoni u biex tingħata spinta lill-kompetittività, id-dekarbonizzazzjoni u s-sigurtà ekonomika tal-UE. Barra minn hekk, jista’ jgħin fl-iżvilupp ta’ swieq ewlenin għal prodotti sostenibbli u ċirkolari, f’konformità mal-Patt għal Industrija Nadifa reċenti ( 4 ) u l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Azzar u l-Metalli ( 5 ). Il-Kummissjoni qed tippjana li toħroġ Att dwar l-Ekonomija Ċirkolari relatat u Att għall-Aċċellerazzjoni tad-Dekarbonizzazzjoni Industrijali biex tikkomplementa din l-inizjattiva.
L-ESPR huwa kontribut ewlieni għall-ambizzjoni tal-Patt għal Industrija Nadifa li l-UE ssir mexxejja dinjija fl-ekonomija ċirkolari sal-2030. L-adozzjoni tar-rekwiżiti tal-prodotti skont l-ESPR – ikkomplementata mill-Att dwar l-Ekonomija Ċirkolari li jmiss – se tkun ċentrali biex l-ekonomiji tagħna jsiru aktar ċirkolari billi jiġu żviluppati swieq ewlenin għal prodotti sostenibbli u ċirkolari, filwaqt li jiġi żgurat li l-prodotti li fihom materjali prezzjużi u skarsi jerġgħu jintużaw b’mod effiċjenti u għall-itwal żmien possibbli qabel ma jsiru skart, u billi jiġu inkorporati kriterji li jippromwovu l-possibbiltà ta’ tiswija, ir-riċiklabbiltà u l-kontenut riċiklat. Fil-qosor, l-ESPR se javvanza b’mod sinifikanti l-għan tagħna ta’ ekonomija tal-UE nadifa, dekarbonizzata u effiċjenti fir-riżorsi.
1.2. Il-kontribut għall-għanijiet tas-simplifikazzjoni u t-tnaqqis tal-piżijiet
Dan il-pjan ta’ ħidma huwa l-ewwel wieħed li japplika l-kamp ta’ applikazzjoni usa’ tal-ESPR għal prodotti speċifiċi. Għandu l-għan li jsib bilanċ bejn l-impatti ambjentali pożittivi potenzjali tal-ESPR, il-kapaċità tiegħu li jikseb ir-riżultati u l-ħtieġa li jiġu ssimplifikati r-regolamenti. Diversi dispożizzjonijiet tal-ESPR jirrikjedu b’mod espliċitu li l-Kummissjoni, meta tistabbilixxi regoli tal-ekodisinn (inkluż dwar ir-rapportar), tevita li tpoġġi piż amministrattiv sproporzjonat fuq in-negozji, b’mod partikolari fuq l-SMEs ( 6 ).
L-għan tas-simplifikazzjoni huwa fil-qalba tal-ESPR. Bl-istabbiliment ta’ rekwiżiti armonizzati ta’ sostenibbiltà tal-prodotti fil-livell tal-UE, applikabbli fl-Istati Membri kollha, dan se jipprevjeni ostakli għall-kummerċ u kundizzjonijiet ekwi għan-negozji li joperaw fis-suq uniku tal-UE jew li jesportaw lejh, u b’hekk inaqqas il-piż amministrattiv tagħhom.
Il-pjan ta’ ħidma jidentifika l-ewwel sett ta’ prijoritajiet ewlenin biex tinbena l-esperjenza u l-kapaċitajiet meħtieġa biex l-ESPR jilħaq il-potenzjal regolatorju sħiħ tiegħu, fi sħubija mal-awtoritajiet tal-Istati Membri. B’mod parallel, dan iwitti t-triq biex fil-futur jiġu koperti aktar gruppi ta’ prodotti billi jitwettqu studji preliminari dwar il-kamp ta’ applikazzjoni u valutazzjonijiet dettaljati tal-impatti u t-titjib potenzjali. Dan l-approċċ jgħin biex jinżammu l-impenji għall-ħruġ ta’ miżuri regolatorji ġodda, inaqqas ir-riskju ta’ dewmien u jikkontribwixxi għal ambjent tan-negozju stabbli.
Il-bini tal-esperjenza jinkludi aspetti metodoloġiċi, speċjalment dwar il-kontabbiltà tal-karbonju fejn l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ħidma se tikkontribwixxi għall-objettiv tal-komunikazzjoni dwar il-Patt għal Industrija Nadifa biex jiġu ssimplifikati u armonizzati l-metodoloġiji tal-kontabbiltà tal-karbonju, f’komplementarjetà mat-tikketta volontarja mħabbra wkoll fil-Patt għal Industrija Nadifa.
1.3. Nibnu fuq l-istorja ta’ suċċess tal-ekodisinn u t-tikkettar tal-enerġija
L-ESPR jibni fuq l-approċċ li issa ilu mmexxi b’suċċess taħt il-Qafas attwali tal-UE tal-Ekodisinn u t-Tikkettar tal-Enerġija għal 20, rispettivament 30, sena.
Huwa stmat ( 7 ) li r-rekwiżiti attwali tal-ekodisinn u t-tikkettar tal-enerġija kisbu tnaqqis ta’ 12 % fil-konsum finali tal-enerġija fl-2023. Dan huwa aktar mill-konsum finali tal-enerġija kkombinat tal-Belġju u taċ-Ċekja flimkien, filwaqt li ġew evitati 145 miljun tunnellata ta’ emissjonijiet tas-CO2 dik is-sena. Fl-2020, ir-rekwiżiti huma stmati wkoll li wasslu għal żieda ta’ 346 000 impjieg, u ffrankar tal-kostijiet ta’ bejn EUR 182 u EUR 266 għal kull unità domestika, ċifra stmata li se tiżdied għal bejn EUR 473 u EUR 736 għal kull unità domestika sal-2030. Kien hemm benefiċċji wkoll għan-negozji: 93 % tal-konsumaturi jagħrfu t-tikketta tal-enerġija meta jixtru prodotti ttikkettati u l-fornituri u l-bejjiegħa bl-imnut jaraw żieda fid-domanda għal prodotti bi prestazzjoni ogħla (li jgħinu lill-konsumaturi jqisu aktar minn sempliċiment il-kost tax-xiri). Fl-aħħar nett, dan il-qafas ippromwova xejriet ta’ produzzjoni aktar effiċjenti fl-enerġija madwar id-dinja u ħeġġeġ lil ħafna pajjiżi terzi biex idaħħlu leġiżlazzjoni simili.
L-ESPR għandu l-għan li jirreplika dan is-suċċess fuq skala usa’ filwaqt li jżomm is-sinerġiji mill-qrib miksuba mal-Qafas dwar it-Tikkettar tal-Enerġija. L-ESPR se jippermetti li jiġu stabbiliti rekwiżiti tal-ekodisinn għal firxa ħafna usa’ ta’ prodotti ( 8 ). Ir-rekwiżiti jistgħu jkopru żewġ aspetti: il-prestazzjoni tal-prodott (eż. id-durabbiltà, id-disponibbiltà tal-ispare parts, il-kontenut minimu riċiklat) u/jew l-informazzjoni dwar il-prodott (eż. il-karatteristiċi ewlenin tal-prodott, l-impronta tal-karbonju/ambjentali tiegħu). L-informazzjoni dwar il-prodott se tkun disponibbli prinċipalment permezz tal-Passaport Diġitali tal-Prodotti jew, għall-prodotti b’tikketti tal-enerġija, permezz tar-Reġistru Ewropew tal-Prodotti għat-Tikkettar tal-Enerġija (EPREL, European Product Registry for Energy Labelling). Ir-rekwiżiti tal-ekodisinn se jiġu stabbiliti permezz ta’ atti delegati, fuq il-bażi ta’ prodott bi prodott, jew orizzontalment għal gruppi ta’ prodotti simili kull darba. Meta tiżviluppa r-rekwiżiti tal-ekodisinn, il-Kummissjoni se tagħti attenzjoni speċjali lill-ħtiġijiet tal-SMEs, b’mod partikolari l-mikrointrapriżi u l-intrapriżi żgħar b’kapitalizzazzjoni medja, u se tipprovdi appoġġ imfassal apposta f’konformità mal-Artikolu 22 tal-ESPR.
2.Prodotti li għandhom jingħataw prijorità fil-pjan ta’ ħidma għall-2025-2030
2.1.Rekwiżiti legali
L-ESPR jistabbilixxi kriterji għall-prijoritizzazzjoni tal-prodotti u jinkludihom fi pjanijiet ta’ ħidma li jkopru minimu ta’ 3 snin. L-inklużjoni fil-pjan ta’ ħidma trid tkun ibbażata fuq il-potenzjal tagħhom li jikkontribwixxu għall-objettivi klimatiċi, ambjentali u tal-effiċjenza enerġetika tal-UE. Irid iqis ukoll fatturi bħal kwalunkwe lakuna fid-dritt tal-UE, il-firxa tal-prestazzjoni tal-prodott, il-volum tal-bejgħ u l-kummerċ, l-impatti tul il-katina tal-valur u l-ħtieġa li jiġu rieżaminati r-rekwiżiti eżistenti.
Għal dan l-ewwel pjan ta’ ħidma, il-prijoritajiet ġew stabbiliti fir-Regolament (l-Artikolu 18) innifsu: il-ħadid u l-azzar; l-aluminju; it-tessuti, b’mod partikolari l-ħwejjeġ u x-xedd is-saqajn; l-għamara, inklużi s-saqqijiet; it-tajers; id-deterġenti; iż-żebgħa; il-lubrikanti; is-sustanzi kimiċi; il-prodotti relatati mal-enerġija u l-prodotti tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT, information and communication technologies) u prodotti elettroniċi oħra. Madankollu, ir-Regolament jagħti lill-Kummissjoni xi diskrezzjoni biex tħalli barra wħud minn dawn il-prodotti jew biex iżżid prodotti ġodda, jekk tipprovdi ġustifikazzjoni.
Il-pjan ta’ ħidma tal-ESPR jinkludi wkoll lista ta’ prodotti li għandhom jingħataw prijorità għat-tikkettar tal-enerġija, f’konformità mar-Regolament Qafas dwar it-Tikkettar tal-Enerġija ( 9 ). Skont dan ir-Regolament, it-tikketti antiki għandhom jiġu riklassifikati u aġġornati biex jirriflettu l-iżviluppi tas-suq u tat-teknoloġija.
Biex tirrifletti d-durata tal-mandat tal-Kummissjoni u tal-Parlament u biex tiżgura l-prevedibbiltà għan-negozji, il-Kummissjoni tipproponi pjan ta’ ħidma ta’ 5 snin dwar l-ESPR u t-tikkettar tal-enerġija (mill-2025 sal-2030) b’rieżami ta’ nofs it-terminu wara 3 snin (fl-2028).
2.2.Proċess ibbażat fuq l-evidenza, inklużiv u trasparenti għal riżultati prevedibbli
L-għażla ta’ prodotti prijoritarji hija mirfuda minn analiżi teknika bir-reqqa ( 10 ), inkluż proċess ta’ konsultazzjoni estensiv li jinvolvi lill-partijiet ikkonċernati, inklużi l-Istati Membri.
Dan il-proċess kien jinkludi konsultazzjoni pubblika wiesgħa ( 11 ) fl-2023 u preżentazzjoni u diskussjoni tal-abbozz tal-pjan ta’ ħidma fl-ewwel laqgħa tal-Forum dwar l-Ekodisinn fid-19 ta’ Frar 2025. Attendew aktar minn 200 parteċipant (fuq il-post u online), li kienu jirrappreżentaw diversi setturi tal-industrija, akkademiċi, NGOs u sħab internazzjonali, kif ukoll Stati Membri u pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) ( 12 ). Il-feedback tal-konsultazzjoni ġie eżaminat bir-reqqa meta ġie ffinalizzat dan il-pjan ta’ ħidma.
Wara l-proċess preparatorju deskritt fit-taqsima preċedenti, l-ewwel pjan ta’ ħidma se jinkludi erba’ prodotti finali, żewġ prodotti intermedji u żewġ atti legali li jistabbilixxu rekwiżiti orizzontali, flimkien ma’ lista ta’ ħidma sostanzjali mħejjija u riportata mill-aħħar pjan ta’ ħidma dwar l-ekodisinn u t-tikkettar tal-enerġija ( 13 ).
2.2.1.Prodotti ġodda li għandhom jiġu inklużi fil-pjan ta’ ħidma
|
Prodott/Miżura |
Klassifikazzjoni taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC, Joint Research Centre) |
Opinjoni tal-partijiet ikkonċernati |
Daqs tas-suq (UE) |
Potenzjal ta’ titjib |
Skeda ta’ żmien indikattiva għall-adozzjoni |
|
Prodotti finali |
|||||
|
Tessuti/Ħwejjeġ |
L-ewwel |
Appoġġ għoli |
EUR 78 biljun (minn EUR 142 biljun tat-tessuti u ż-żraben kollha fid-daqs tas-suq, 2019) |
Potenzjal għoli biex jittejbu l-estensjoni tat-tul tal-ħajja tal-prodott, l-effiċjenza tal-materjali u biex jitnaqqsu l-impatti fuq l-ilma, il-ġenerazzjoni tal-iskart, it-tibdil fil-klima u l-konsum tal-enerġija. Ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni skont l-ESPR se jaħdmu f’sinerġija mar-Regolament dwar it-Tikkettar tat-Tessuti, li bħalissa qed jiġi rieżaminat. |
2027 |
|
Għamara |
It-tieni |
Appoġġ |
EUR 140 biljun (2021) |
Potenzjal għoli biex jittejbu l-aspetti tal-użu tar-riżorsi, bl-impatti tal-produzzjoni u l-provvista tal-materjali spiss ikunu l-kontributur ewlieni f’kategoriji differenti tal-impatt ambjentali (eż. it-tibdil fil-klima, l-aċidifikazzjoni, l-ewtrofikazzjoni), u l-ġenerazzjoni tal-iskart. Impatt pożittiv fuq kategoriji oħra bħall-arja, il-ħamrija u l-bijodiversità. |
2028 |
|
Tajers |
It-tielet |
Appoġġ għoli |
EUR 45 biljun (2021) |
Għalkemm diġà huwa rregolat minn biċċiet oħra tal-leġiżlazzjoni tal-UE (inkluż ir-Regolament (UE) 2020/740 dwar it-Tikkettar tat-Tajers), il-potenzjal li jittejbu r-riċiklabbiltà u l-kontenut riċiklat u li jittaffew ir-riskji relatati mal-ġestjoni tal-iskart tat-tajers li ma għadhomx jintużaw. |
2027 |
|
Saqqijiet |
Ir-raba’ |
Appoġġ għoli |
EUR 10 biljun (2022) |
Potenzjal għoli biex jittejbu l-ġenerazzjoni tal-iskart, l-estensjoni tat-tul tal-ħajja u l-effiċjenza tal-materjali. |
2029 |
|
Prodotti intermedji |
|||||
|
Ħadid u Azzar |
L-ewwel |
Appoġġ għoli |
EUR 152 biljun (2023) |
Potenzjal għoli biex jittejbu l-impatti fuq it-tibdil fil-klima, il-konsum tal-enerġija, l-ilma, l-arja u biex tingħata spinta lir-reżiljenza, l-awtonomija strateġika u l-innovazzjoni teknoloġika tal-UE. Il-miżuri skont l-ESPR se jikkomplementaw it-tikketta tal-azzar ekoloġiku mħabbra fil-Patt għal Industrija Nadifa kif ukoll il-miżuri ambjentali u klimatiċi eżistenti dwar il-prodotti u l-produzzjoni tal-azzar bħas-Sistema għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS, Emissions Trading System) u l-Mekkaniżmu ta' Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri (CBAM, Carbon Border Adjustment Mechanism). |
2026 |
|
Aluminju |
Ir-raba’ |
Appoġġ |
EUR 40 biljun (2019) |
Il-potenzjal li jittejbu l-effetti fuq it-tibdil fil-klima, il-konsum tal-enerġija, l-arja, l-ilma, il-bijodiversità, it-tniġġis tal-ħamrija u l-materja prima. L-inkorporazzjoni ta’ materjali sekondarji matul il-manifattura tista’ tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra sa 11-il darba. L-aluminju huwa wieħed mill-metalli bl-ogħla potenzjal għar-riċiklabbiltà u għaż-żieda tar-reżiljenza tal-provvista tal-UE. Il-miżuri skont l-ESPR huma mistennija li jikkomplementaw il-miżuri ambjentali u klimatiċi eżistenti dwar il-prodotti u l-produzzjoni tal-aluminju bħall-ETS u s-CBAM. |
2027 |
|
Rekwiżiti orizzontali |
|||||
|
Possibbiltà ta’ tiswija (inkluż l-għoti ta’ punteġġ) |
N/A |
Appoġġ għoli |
N/A |
Potenzjal għoli għal titjib; skont il-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura u l-kopertura tal-użu tar-riżorsi, tista’ tiġi inkluża wkoll iż-żieda fiċ-ċirkolarità għall-materja prima (kritika), it-tibdil fil-klima, u r-rekwiżiti mmirati tad-durabbiltà (l-affidabbiltà). Il-kamp ta’ applikazzjoni, li għandu jiġi rfinat matul l-istudju preparatorju, jista’ jinkludi prodotti bħall-elettronika tal-konsumatur u l-apparat domestiku żgħir. |
2027 |
|
Il-kontenut riċiklat u r-riċiklabbiltà tat-tagħmir elettriku u elettroniku |
N/A |
Appoġġ |
N/A |
Potenzjal għoli għal titjib, skont il-kamp ta’ applikazzjoni eżatt tal-miżura u l-kopertura tal-użu tar-riżorsi, iż-żieda fiċ-ċirkolarità għall-materja prima (kritika), it-tibdil fil-klima u l-prevenzjoni tal-iskart. |
2029 |
It-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (il-prodotti tal-ICT) mhumiex elenkati hawn fuq iżda huma inklużi fl-ewwel pjan ta’ ħidma peress li se jkunu koperti fil-ħidma biex jitħejjew iż-żewġ rekwiżiti orizzontali. Xi prodotti speċifiċi tal-ICT se jkunu koperti fil-ħidma fuq prodotti relatati mal-enerġija diskussa fit-taqsima li ġejja.
Is-sitwazzjoni speċifika tal-prodotti intermedji jeħtieġ li tiġi kkunsidrata meta jiġu stabbiliti r-rekwiżiti tal-ekodisinn. Ir-regolamentazzjoni ta’ dawn il-prodotti jista’ jkollha konsegwenzi mhux biss fuq il-manifattura ta’ prodotti intermedji iżda wkoll fuq il-prodotti finali kollha magħmula minn dawn il-prodotti intermedji. Dan jitlob għal valutazzjoni bir-reqqa tal-impatti potenzjali fuq is-swieq rilevanti, inklużi l-impatti fuq is-swieq għall-prodotti finali, biex jiġu evitati konsegwenzi downstream negattivi, b’mod partikolari għall-manifatturi ta’ prodotti finali li fihom prodotti intermedji regolati bħala komponenti ( 14 ) ( 15 ). L-għażliet li qed jiġu vvalutati biex jittaffa dan ir-riskju se jinkludu l-istabbiliment ta’ rekwiżiti ta’ informazzjoni biss. L-għażla li fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-atti delegati korrispondenti jiġu inklużi prodotti finali magħżula li fihom prodotti intermedji ta’ kwantità għolja se titqies ukoll bir-reqqa. L-analiżi se tħares ukoll lejn l-affidabbiltà u l-kost tal-mekkaniżmi ta’ verifika assoċjati.
Id-definizzjoni ta’ rekwiżiti orizzontali, valida għal firxa wiesgħa ta’ prodotti b’karatteristiċi simili dwar aspetti speċifiċi fejn dan ikun teknikament possibbli, se tikkunsidra bir-reqqa kwalunkwe aspett speċifiku għall-prodott li jista’ jiġi affettwat mir-regoli orizzontali, biex tidentifika u tindirizza kwalunkwe kompromess bejn l-aspetti tal-prodott. Dan l-approċċ il-ġdid għall-iffissar tar-regoli tal-ekodisinn se jiddaħħal progressivament, f’approċċ gradwali biex jibni fuq l-esperjenza tal-ewwel każijiet.
2.2.2.Prodotti relatati mal-enerġija
Fil-futur, il-prodotti relatati mal-enerġija, inklużi dawk diġà regolati skont id-Direttiva dwar l-Ekodisinn, se jiġu rregolati skont l-ESPR. Il-pjan ta’ ħidma dwar l-Ekodisinn u t-Tikkettar tal-Enerġija għall-2022-2024 ikopri 35 prodott, u progress konsiderevoli fl-implimentazzjoni ta’ dan il-pjan huwa deskritt fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanjah ( 16 ). Għal 19 minn dawn il-prodotti, l-ESPR jistabbilixxi perjodu ta’ tranżizzjoni sal-31 ta’ Diċembru 2026 ( 17 ) li skontu l-miżuri jkomplu jiġu koperti mid-Direttiva dwar l-Ekodisinn.
Għas-16-il prodott li jifdal, il-Kummissjoni tqis li l-analiżi tal-potenzjal għal titjib għadha valida. Għall-biċċa l-kbira ta’ dawn il-prodotti, il-Kummissjoni diġà bdiet il-preparazzjonijiet meħtieġa. Għalhekk, għal raġunijiet ta’ effiċjenza, dawn is-16-il prodott huma riportati għall-pjan ta’ ħidma 2025-2030.
Is-16-il entrata li ġejjin jiġu riportati u inklużi fl-ewwel pjan ta’ ħidma tal-ESPR.
|
Prodotti relatati mal-enerġija |
Prodott ġdid |
Rekwiżiti tal-ekodisinn |
It-tikketta tal-enerġija |
Skeda ta’ żmien indikattiva |
|
Emittenti ta’ temperatura baxxa |
Iva |
Le |
Iva |
Adozzjoni: 2026 |
|
Viżwali |
Le |
Iva |
Iva |
Adozzjoni: 2027 |
|
Ċarġers tal-Vetturi Elettriċi (EV, Electric Vehicles) |
Iva |
Għad irid jiġi speċifikat |
Għad irid jiġi speċifikat |
Adozzjoni: 2028 |
|
Magni tal-ħasil tal-platti domestiċi |
Le |
Iva |
Iva |
Adozzjoni: 2026 |
|
Magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi u magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ għall-użu domestiku |
Le |
Iva |
Iva |
Adozzjoni: 2026 |
|
Apparat professjonali tal-ħasil tal-ħwejjeġ |
Iva |
Iva |
Għad irid jiġi speċifikat |
Adozzjoni: 2026 |
|
Magni tal-ħasil tal-platti professjonali |
Iva |
Iva |
Għad irid jiġi speċifikat |
Adozzjoni: 2026 |
|
Muturi elettriċi u sistemi ta’ trażmissjoni b’veloċità varjabbli |
Le |
Iva |
Le |
Adozzjoni: 2028 |
|
Apparat refriġeranti (inklużi friġġijiet u friżers tad-dar) |
Le |
Iva |
Iva |
Adozzjoni: 2028 |
|
Apparat refriġeranti b’funzjoni ta’ bejgħ |
Le |
Iva |
Iva |
Adozzjoni: 2028 |
|
Sorsi tad-dawl u apparat ta’ kontroll separat (għall-ekodisinn biss) |
Le |
Iva |
Iva |
Adozzjoni: 2029 |
|
Tagħmir tal-iwweldjar |
Le |
Iva |
Le |
Adozzjoni: tmiem l-2030 |
|
Mowbajls u tablets |
Le |
Iva |
Iva |
Adozzjoni: tmiem l-2030 |
|
Ħiters tal-post lokali |
Le |
Iva |
Iva |
Tkketta tal-enerġija: adozzjoni fl-2026 Rekwiżiti tal-ekodisinn: Adozzjoni: nofs l-2030 |
|
Magni tat-tnixxif tal-ħwejjeġ |
Le |
Iva |
Iva |
Adozzjoni: tmiem l-2030 |
|
Konsum fil-modalità stennija u mitfi |
Le |
Iva |
Le |
Adozzjoni: tmiem l-2030 |
2.2.3.Prodotti mhux inklużi fl-ewwel pjan ta’ ħidma
Abbażi tal-metodoloġija ta’ valutazzjoni msemmija hawn fuq, tar-riżorsi disponibbli u tal-ġustifikazzjonijiet ta’ hawn taħt, il-prodotti li ġejjin elenkati fl-Artikolu 18 tal-ESPR mhumiex inklużi fl-ewwel pjan ta’ ħidma tal-ESPR. Madankollu, qed jiġi propost li tinbeda ħidma fuq ftit mill-prodotti f’din il-lista billi jitwettqu studji u mbagħad jintuża r-rieżami ta’ nofs it-terminu wara 3 snin biex is-sitwazzjoni tiġi vvalutata mill-ġdid.
Għad-deterġenti, iż-żebgħa u l-lubrikanti, l-istudju tal-JRC dwar prijoritajiet ġodda tal-prodotti juri li dawn il-gruppi ta’ prodotti għandhom impatti aktar baxxi u potenzjal ta’ titjib aktar baxx mill-prodotti finali magħżula f’dan il-pjan ta’ ħidma. Il-konsultazzjoni pubblika miftuħa wriet ukoll livell relattivament aktar baxx ta’ appoġġ għal dawn il-prodotti milli għall-prodotti finali prijoritizzati f’dan il-pjan ta’ ħidma.
Ix-xedd is-saqajn jinsab f’kategorija ta’ prodotti separata mit-tessuti minħabba l-użu distint tal-materjali, il-funzjonalità tal-prodott u l-ktajjen tal-provvista. Għandu wkoll impatti iżgħar mil-lista ta’ prodotti finali ta’ prijorità. Madankollu, minħabba l-importanza ta’ dawn l-impatti u l-użu potenzjali tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-ekomodulazzjoni tat-tariffi tar-responsabbiltà estiża tal-produttur għax-xedd is-saqajn skont id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart, se jiġi kkummissjonat studju matul l-implimentazzjoni ta’ dan il-pjan ta’ ħidma. L-istudju se jevalwa l-potenzjal li tittejjeb is-sostenibbiltà ambjentali tax-xedd is-saqajn skont l-ESPR u se jitlesta sa tmiem l-2027.
Il-grupp ta’ prodotti “sustanzi kimiċi” kien ikklassifikat fl-għoli fl-istudju tal-JRC f’termini ta’ impatti għoljin u potenzjal għoli ta’ titjib. Il-konsultazzjoni pubblika miftuħa sabet ukoll appoġġ għall-inklużjoni tas-sustanzi kimiċi fil-lista, iżda huwa grupp ta’ prodotti kumpless ħafna li l-istudju tal-JRC ivvaluta bħala prodott intermedju, li jiffoka fuq sustanzi kimiċi organiċi u inorganiċi ta’ volum kbir. Madankollu, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-grupp ta’ prodotti tas-sustanzi kimiċi huwa komunement mifhum li huwa ħafna usa’, u hemm trikkib ma’ segmenti oħra bħall-petrokimiċi, il-polimeri, is-sustanzi kimiċi ta’ speċjalità u l-plastik. Minħabba din il-kumplessità, sa tmiem l-2025 se jitnieda studju biex jiddefinixxi b’mod aktar preċiż is-sustanzi kimiċi potenzjali fil-kamp ta’ applikazzjoni kif ukoll qasam/oqsma ta’ prijorità potenzjali għat-titjib tal-aspett tal-prodott għal (a) att(i) delegat(i) futur(i) tal-ESPR relatat(i) mas-sustanzi kimiċi (inklużi l-polimeri u l-plastik) li għandhom jitqiesu għall-inklużjoni fir-rieżami ta’ dan jew fi pjan ta’ ħidma li jmiss.
F’konformità mal-Artikolu 5(6) tal-ESPR, il-Kummissjoni tista’, fi kwalunkwe stadju, tistabbilixxi rekwiżiti tal-ekodisinn għal gruppi ta’ prodotti li mhumiex inklużi fil-pjan ta’ ħidma. Pereżempju, għal kommutaturi elettriċi, il-Kummissjoni se timmonitorja mill-qrib l-iżviluppi skont ir-Regolament (UE) 2024/573 dwar gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra ( 18 ) qabel ma tikkunsidra li tistabbilixxi rekwiżiti tal-ekodisinn.
3.Faċilitaturi ewlenin
3.1.Id-dimensjoni internazzjonali – integrata fl-istadji kollha tal-proċess
Ir-regoli futuri skont l-ESPR jista’ jkollhom implikazzjonijiet sinifikanti fil-livell internazzjonali, peress li l-oġġetti kollha mqiegħda fis-suq tal-UE, inklużi l-importazzjonijiet, se jkollhom jissodisfaw l-istandards il-ġodda (kif jagħmlu skont id-Direttiva dwar l-Ekodisinn). Din hija r-raġuni għaliex il-proċess biex jiġu żviluppati r-rekwiżiti tal-ekodisinn irid ikun ibbażat fuq valutazzjoni granulari u fehim tal-implikazzjonijiet fuq pajjiżi terzi.
Il-Kummissjoni se tiżgura valutazzjoni proporzjonata, sistematika u ta’ kwalità għolja tad-dimensjonijiet internazzjonali fl-istudji preparatorji u l-valutazzjonijiet tal-impatt biex tiżgura li l-impatt fuq l-operaturi ta’ pajjiżi terzi jinftiehem bir-reqqa biżżejjed minn qabel, ikun proporzjonat, u f’konformità mal-linji gwida tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar ( 19 ). Il-komunikazzjoni u s-sensibilizzazzjoni f’waqthom f’dan ir-rigward se jkunu essenzjali sabiex il-pajjiżi sħab tal-UE jiġu spjegati u involuti b’mod partikolari permezz tad-Delegazzjonijiet tal-UE. Filwaqt li jibnu fuq dan, se jiġu previsti azzjonijiet u se jitħejjew biex jappoġġaw lis-sħab tal-UE biex jissodisfaw ir-rekwiżiti mtejba tal-ekodisinn.
3.2.Informazzjoni dwar il-partijiet kollha tal-katina tal-valur: il-passaport diġitali tal-prodotti
Pilastru ewlieni tal-ESPR huwa l-passaport diġitali tal-prodotti. Kull prodott li għalih se jiġu adottati miżuri tal-ekodisinn se jkollu passaport diġitali tal-prodotti, ħlief jekk ikun hemm sistema diġitali alternattiva li tipprovdi informazzjoni ekwivalenti, pereżempju l-bażi tad-data tal-EPREL ( 20 ) għal prodotti relatati mal-enerġija li jkollhom tikketta tal-enerġija. Dan se jiftaħ l-aċċess għad-data fuq bażi ta’ ħtieġa ta’ tagħrif għan-negozji, il-konsumaturi u l-awtoritajiet pubbliċi, abbażi ta’ standards internazzjonali miftuħa u nonproprjetarji. Il-Kummissjoni bdiet il-proċess ta’ standardizzazzjoni biex tistabbilixxi regoli dwar il-mezzi tad-data, l-infrastruttura u l-interoperabbiltà tad-data, li huma meħtieġa biex is-sistema tal-passaporti tal-prodotti tkun tista’ tiżviluppa. L-informazzjoni li għandha tinġabar u ssir disponibbli fil-passaport diġitali tal-prodotti se tiġi speċifikata f’atti delegati speċifiċi għall-prodott skont l-ESPR, u possibbilment skont leġiżlazzjoni oħra fejn applikabbli. Il-passaport diġitali tal-prodotti se jiżgura t-traċċabbiltà tul il-katina tal-valur wara li l-prodott ikun ġie introdott fis-suq. Dan jista’ jagħti spinta lill-varar volontarju ta’ soluzzjonijiet ta’ traċċabbiltà, li se jistimulaw l-iżvilupp tas-suq u jippromwovu l-kummerċ sostenibbli lil hinn mill-fruntieri tal-UE. Se tiġi inkluża informazzjoni dwar il-kompożizzjoni tal-materjal u kwalunkwe sustanza ta’ tħassib fil-prodott, flimkien ma’ informazzjoni dwar kif jista’ jintuża, jiġi rriċiklat u jintrema b’mod sikur. Dan se jiffaċilita l-ġestjoni taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodott minn tarf sa tarf.
3.3.Nagħtu s-setgħa lill-konsumaturi: tikketti ċari u informattivi
L-ESPR jiffoka b’mod qawwi fuq l-informazzjoni dwar il-prodott. Ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni huma meħtieġa biex jgħinu lill-konsumaturi jagħmlu għażliet infurmati u jistimulaw il-bidla fl-imġiba li tista’ tisfrutta b’mod qawwi l-benefiċċji tas-sostenibbiltà ambjentali tal-ESPR lil hinn mil-livell li jista’ jinkiseb biss billi tiġi rregolata l-prestazzjoni minima. Dan jidher b’mod ċar mit-tikketta tal-enerġija attwali, li l-konsumaturi stmaw sew biex jipprovdu informazzjoni robusta u affidabbli bħala għajnuna għad-deċiżjonijiet dwar ix-xiri. Hija rikonoxxuta u użata b’mod wiesa’, dejjem aktar permezz ta’ links QR mit-tikketta għall-bażi tad-data tal-EPREL bi kważi żewġ miljun mudell irreġistrati minn aktar minn 3 000 fornitur ivverifikat.
It-tikketti tal-enerġija se jkomplu jintużaw bħala l-għażla prestabbilita għall-prodotti rilevanti relatati mal-enerġija, sakemm wara valutazzjoni bir-reqqa ma jiġix konkluż li ma jistgħux jipprovdu l-aktar informazzjoni rilevanti għall-konsumaturi.
Għal prodotti oħra fil-kamp ta’ applikazzjoni, l-informazzjoni ġeneralment tiġi pprovduta fil-passaport diġitali tal-prodotti. Xi prodotti jista’ jkollhom ukoll tikketta tal-ESPR u/jew tikketti oħra rregolati minn leġiżlazzjoni speċifika tal-UE, bħar-Regolament dwar it-Tikkettar tat-Tessuti, li bħalissa qed jiġi rieżaminat. Dawn it-tikketti se jipprovdu informazzjoni ċara u affidabbli dwar il-karatteristiċi jew il-prestazzjoni rilevanti tal-prodott bħall-impronta tal-karbonju, il-konsum tal-ilma, id-durabbiltà, il-possibbiltà ta’ tiswija jew ir-riċiklabbiltà. Barra minn hekk, skont id-Direttiva dwar l-Għoti tas-Setgħa lill-Konsumaturi għat-Tranżizzjoni Ekoloġika ( 21 ), il-Kummissjoni se tistabbilixxi tikketta armonizzata għall-garanziji kummerċjali ta’ durabbiltà. Din se tkun tikketta ġdida tal-prodott għall-produtturi li jixtiequ jippromwovu d-durabbiltà tal-prodotti tagħhom u għall-konsumaturi interessati li jagħżlu prodotti b’ħajja itwal.
3.4.L-iżvilupp ta’ swieq ewlenin: akkwist pubbliku ekoloġiku
L-ESPR jipprevedi l-possibbiltà li jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi obbligatorji għall-akkwist pubbliku f’atti ta’ implimentazzjoni ad hoc, kull meta l-prodotti regolati mill-atti delegati tal-ESPR ikunu rilevanti għax-xerrejja pubbliċi u jkun ekonomikament fattibbli għalihom li jixtru l-aħjar prodotti ambjentalment sostenibbli. Dawn il-miżuri huma mfassla biex irawmu l-ħolqien ta’ swieq ewlenin, jistimulaw l-investimenti u jgħinu lill-industrija tal-UE ttejjeb il-kompetittività tagħha f’konformità mal-objettivi tal-Patt għal Industrija Nadifa. Il-Kummissjoni se tivvaluta l-kamp ta’ applikazzjoni biex tistabbilixxi dawk ir-rekwiżiti minimi tal-akkwist pubbliku għall-prodotti prijoritizzati fil-pjan ta’ ħidma flimkien mal-valutazzjoni tar-rekwiżiti speċifiċi tal-ekodisinn għall-istess prodotti.
Minkejja li huma żewġ atti legali separati, l-att delegat li jistabbilixxi r-rekwiżiti tal-ekodisinn u l-att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi r-rekwiżiti tal-akkwist pubbliku huma marbuta mill-qrib minħabba li l-aspetti tal-prodott koperti fiż-żewġ atti jridu jkunu l-istess. Għalhekk, il-Kummissjoni se tistudja u tivvaluta l-miżuri b’mod konġunt u tmexxi ż-żewġ proċeduri ta’ adozzjoni b’mod parallel. Għall-prodotti bit-tikketta tal-enerġija, l-ELFR u d-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika flimkien diġà jispeċifikaw ir-rekwiżiti li jorbtu l-akkwist pubbliku mal-klassi tat-tikketta tal-enerġija ( 22 ).
4.Kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni b’suċċess
4.1.Naħdmu flimkien mal-Istati Membri biex inwettqu sorveljanza tas-suq
Sorveljanza effettiva tas-suq hija kruċjali biex jiġi żgurat li jiġu implimentati r-rekwiżiti tal-ekodisinn u tat-tikketti tal-enerġija, li l-benefiċċji mistennija jimmaterjalizzaw, li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għan-negozji, li tingħata informazzjoni affidabbli dwar il-prodott lill-konsumaturi u li l-qafas jibni l-fiduċja.
Is-sorveljanza tas-suq hija kompetenza nazzjonali mal-Kummissjoni fi rwol ta’ appoġġ u koordinazzjoni ( 23 ). L-evidenza disponibbli ( 24 ) tindika li l-livell ta’ nuqqas ta’ konformità huwa sinifikanti, u dan iwassal għal madwar 10 % f’benefiċċji mitlufa. In-nuqqas ta’ konformità assoċjat mal-bejgħ online huwa partikolarment mifrux u diffiċli biex jiġi indirizzat, speċjalment għall-bejgħ fuq pjattaformi online mhux tal-UE. Se jitfaċċaw sfidi ġodda hekk kif jitħaddnu prodotti ġodda u tipi ġodda ta’ rekwiżiti. Dan jissuġġerixxi li kwalunkwe żieda għar-riżorsi tal-Istati Membri minfuqa fuq is-sorveljanza tas-suq tkun kosteffettiva ħafna.
L-importanza ta’ infurzar imsaħħaħ biex tinżamm l-integrità tas-suq hija enfasizzata fir-“rapport ta’ Letta” ( 25 ). Ir-“rapport ta’ Draghi” ( 26 ) jirrakkomanda wkoll li l-UE għandha tappoġġa aħjar lill-Istati Membri fit-twettiq ta’ sorveljanza effettiva tas-suq u fl-implimentazzjoni tar-regoli tal-UE u għamel referenza espliċita għall-ekodisinn u t-tikkettar tal-enerġija.
Biex twieġeb għal dawn il-ħtiġijiet, u kif imħabbar fil-pjan ta’ azzjoni għall-enerġija affordabbli ( 27 ), il-Kummissjoni beħsiebha taħdem mal-awtoritajiet nazzjonali biex iżżid l-azzjoni f’dan il-qasam. Pereżempju, se tlaqqa’ regolarment il-Forum dwar l-Ekodisinn biex jeżamina “l-effettività tal-mekkaniżmi stabbiliti li jissorveljaw is-suq” u jiddiskuti kwalunkwe ħtieġa għal adattament jew tisħiħ. Se tkompli tappoġġa lill-awtoritajiet nazzjonali tas-sorveljanza tas-suq permezz tal-Grupp ta’ Kooperazzjoni Amministrattiva dwar l-Ekodisinn u l-programm ta’ ħidma tan-Network Ewropew għall-Konformità tal-Prodotti, inkluża l-kooperazzjoni mal-awtoritajiet doganali. Biex tiffaċilita l-ħidma tagħhom, hi tappoġġa għodod tal-IT bħas-Sistema ta’ Informazzjoni u Komunikazzjoni għas-Sorveljanza tas-Suq u l-EPREL.
Minbarra dawn il-miżuri ta’ appoġġ amministrattiv, il-Kummissjoni tiffinanzja l-Azzjoni Konċertata EEPLIANT4 ta’ EUR 8 miljun għall-awtoritajiet tal-Istati Membri li jkopru sitt gruppi ta’ prodotti matul l-2024-2028. Se tkompli wkoll tappoġġa l-isforzi ta’ konformità mmexxija mill-industrija. Dan jinkludi l-Portal tal-Prodotti Effiċjenti fl-Enerġija ( 28 ), kaxxa postali ddedikata, mistoqsijiet frekwenti (FAQs, frequently asked questions), dokumenti ta’ gwida u l-proġett “ Servizzi ta’ Konformità ” ta’ EUR 2,4 miljun. Id-dwana għandha rwol essenzjali fl-appoġġ tat-twassil tal-politika għall-importazzjonijiet minħabba d-disponibbiltà ta’ informazzjoni mid-DPP fil-kuntest tal-proċessi doganali. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-kummerċ elettroniku, hemm bżonn ta’ approċċ integrat u mmexxi mid-data għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali u tas-sorveljanza tas-suq, b’enfasi fuq azzjoni strateġika kontra ktajjen tal-provvista mhux konformi.
4.2.Il-prevenzjoni tal-qerda ta’ oġġetti mhux mibjugħa
L-ESPR jipprovdi kamp ta’ applikazzjoni għall-Kummissjoni biex taġġorna l-lista ta’ prodotti li għalihom tapplika projbizzjoni fuq il-qerda ta’ prodotti mhux mibjugħa, u biex tinkludi l-prodotti kkunsidrati għal projbizzjoni fil-pjanijiet ta’ ħidma tal-ESPR. Għal dan l-ewwel pjan ta’ ħidma tal-ESPR, il-Kummissjoni ma għandhiex l-intenzjoni li tuża din id-dispożizzjoni. Dan huwa prematur minħabba li l-għarfien miksub mill-implimentazzjoni tal-iżvelar obbligatorju ta’ informazzjoni dwar il-qerda ta’ prodotti tal-konsumatur mhux mibjugħa (li se jipprovdi l-bażi għal kwalunkwe projbizzjoni fi pjanijiet ta’ ħidma futuri) għadu mhux disponibbli.
5. Konklużjoni
L-ESPR ġie stabbilit biex itejjeb is-sostenibbiltà ambjentali tal-prodotti mqiegħda fis-suq tal-UE billi jnaqqas l-impronta tal-karbonju ġenerali u l-impronta ambjentali tal-prodotti matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, u biex jippermetti l-moviment liberu ta’ prodotti sostenibbli fis-suq intern.
Dan il-pjan ta’ ħidma huwa l-ewwel pass importanti lejn dan l-objettiv. Il-prodotti finali u intermedji l-ġodda li għandhom jiġu rregolati kull sena jammontaw għal aktar minn EUR 1 triljun f’bejgħ annwali fis-suq tal-UE – madwar EUR 600 biljun fi prodotti relatati mal-enerġija ( 29 ) u kważi EUR 500 biljun fi prodotti ġodda fil-kamp ta’ applikazzjoni usa’ tal-ESPR ( 30 ). Dawn jirrappreżentaw ukoll sehem sinifikanti tal-impatti ambjentali tal-konsum tal-UE – dawn jammontaw għal madwar 31 % tal-impatti tat-tibdil fil-klima u 34 % tal-użu tar-riżorsi fossili (flimkien ma’ impatti oħra) tal-basket ta’ prodotti li jirrappreżentaw il-konsum ġenerali tal-UE ( 31 ). L-iffrankar tal-enerġija u riżorsi oħra, inkluż permezz ta’ azzjoni biex jiġu estiżi l-ħajjiet tal-prodotti, se jnaqqas in-nefqa bla bżonn tal-konsumatur, u jiffranka l-flus għal użi oħra.
Billi l-livell ta’ ambizzjoni huwa għoli biżżejjed iżda realistiku, dan il-pjan ta’ ħidma se jikkontribwixxi għall-Patt għal Industrija Nadifa u l-Boxxla għall-Kompetittività tal-UE, li jenfasizza li s-setturi tal-manifattura għandhom jikkombinaw b’suċċess il-kompetittività mat-tranżizzjoni tagħhom lejn produzzjoni sostenibbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Dan se jippermetti wkoll lill-partijiet ikkonċernati jinvolvu ruħhom fil-proċess tat-tfassil tar-regoli, filwaqt li jibnu fuq is-suċċess tal-qafas tal-ekodisinn u tat-tikkettar tal-enerġija.