IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 7.3.2025
COM(2025) 97 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Pjan Direzzjonali għad-Drittijiet tan-Nisa
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 7.3.2025
COM(2025) 97 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Pjan Direzzjonali għad-Drittijiet tan-Nisa
INTRODUZZJONI
L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija dritt fundamentali u valur fundamentali minqux fil-liġi tal-UE mit-Trattat ta’ Ruma tal-1957. L-Unjoni Ewropea hija kburija li tiddefendi dan il-valur ewlieni u li kisbet bosta stadji importanti dwar id-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri. L-UE tospita wħud mill-aktar soċjetajiet ugwali bejn il-ġeneri fid-dinja, u tistabbilixxi punt ta’ riferiment globali għall-ugwaljanza u l-inklużjoni.
Matul id-deċennji tal-proġett Ewropew, il-ħidma lejn il-kisba tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri saret pedament tal-politiki soċjali u ekonomiċi tal-UE, li jimmiraw fost l-oħrajn l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri fis-suq tax-xogħol, fis-sigurtà soċjali, fl-aċċess għall-prodotti u s-servizzi, u fil-pagi 1 . Fl-istess ħin, l-UE ppromwoviet bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, ir-rappreżentanza ugwali tan-nisa fit-teħid ta’ deċiżjonijiet korporattivi, l-intraprenditorija u r-riċerka, u ġġieldet il-vjolenza kontra n-nisa 2 . L-UE ħadet ukoll passi importanti lejn it-tisħiħ tal-ekonomija tal-kura, u b’hekk ippromwoviet il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, billi appoġġat l-aċċess tat-tfal għal edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal ta’ kwalità u billi tejbet l-aċċess għal kura fit-tul affordabbli u ta’ kwalità għolja 3 .
L-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020-2025 4 , bil-viżjoni li tinbena Unjoni ta’ Ugwaljanza, fejn in-nisa u l-bniet, l-irġiel u s-subien kollha jistgħu jirnexxu, imexxu u jkunu ħielsa mill-vjolenza, wettqet sensiela ta’ azzjonijiet ta’ politika ewlenin. Il-Kummissjoni avvanzat l-isforzi tagħha għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri permezz tat-Taskforce dwar l-Ugwaljanza, filwaqt li ħadmet biex tintegra l-kunsiderazzjonijiet tal-ġeneri fl-oqsma kollha ta’ politika.
Fl-istess ħin, l-UE ingranat l-influwenza globali tagħha biex tippromwovi d-drittijiet tan-nisa, filwaqt li żgurat li dawn il-kwistjonijiet jibqgħu integrali għall-aġenda globali għall-iżvilupp. Hija wriet ruħha bħala forza kruċjali fl-ispinta globali għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-impenn għat-trawwim ta’ soċjetajiet inklużivi u ekwi mad-dinja. F’konformità mal-impenji internazzjonali, l-UE ħadmet b’mod konsistenti lejn l-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs, Sustainable Development Goals), b’mod partikolari l-SDG5 dwar il-kisba tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u l-bniet kollha.
L-indiċi tal-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri tal-2024 5 - li jagħti punteġġ ta’ 71 punt minn 100 lill-UE, li jirrappreżenta titjib ta’ 7.9 punti mill-2010 - juri li l-azzjoni hija importanti u li l-UE qed tagħmel progress kostanti, għalkemm modest, lejn soċjetà ugwali bejn il-ġeneri.
Il-bidu tal-mandat il-ġdid tal-Kummissjoni u l-prijoritajiet politiċi kif iddikjarati mill-President von der Leyen fil-Linji Gwida Politiċi tagħha għall-2024–2029 6 huma opportunità biex jiġu affermati mill-ġdid il-valuri, l-impenn u l-kontinwità tal-UE fir-rigward tal-avvanz tad-drittijiet tan-nisa. L-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-drittijiet tan-nisa jiżguraw u jikkontribwixxu għall-ġustizzja soċjali, demokraziji b’saħħithom, ekonomiji kompetittivi robusti u sigurtà għal kulħadd; dan hu dwar il-potenzjal tal-popolazzjoni kollha u għall-benefiċċju tas-soċjetà kollha.
Madwar id-dinja jistgħu jiġu osservati xejriet inkwetanti kontra d-drittijiet tan-nisa, li jqajmu dubji dwar il-leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u d-diskors politiku spiss jaqa’ fis-sessiżmu u l-isterjotipi marbutin mal-ġeneru.
Għalhekk, hemm ħtieġa urġenti li jiġi mtenni, affermat mill-ġdid u msaħħaħ l-impenn għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-drittijiet tan-nisa. Id-dikjarazzjoni annessa ma’ din il-Komunikazzjoni tikkonferma l-impenn qawwi tal-Kummissjoni biex tavvanza f’dan il-qasam. Din tistabbilixxi prinċipji u objettivi dwar id-drittijiet tan-nisa li se jiggwidaw strateġiji u azzjonijiet futuri, b’mod partikolari fl-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri wara l-2025. Id-dikjarazzjoni għandha l-għan li tmexxi ’l quddiem u tagħti direzzjoni lill-aġenda tal-politika tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fit-tul, billi ssir il-qafas ta’ politika tal-UE li jiggwida lejn ugwaljanza akbar bejn il-ġeneri fl-aspetti kollha tas-soċjetà u tal-ekonomija.
Il-Kummissjoni tistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej oħra, b’mod partikolari lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, kif ukoll lill-Istati Membri, lis-sħab soċjali, lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u lil partijiet ikkonċernati rilevanti oħra biex jaderixxu ma’ dan l-impenn. Il-partijiet ikkonċernati huma mistiedna jaħdmu flimkien biex ifasslu l-miżuri li għandhom jitressqu fil-livell xieraq, inkluż fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, biex jitwettqu l-prinċipji u l-objettivi stabbiliti f’dan il-Pjan Direzzjonali.
It-30 anniversarju tad-Dikjarazzjoni ta’ Beijing u l-Pjattaforma ta’ Azzjoni tagħha 7 , jagħti lill-UE l-opportunità li tikkonferma mill-ġdid l-aderenza tagħha ma’ dan il-qafas ewlieni. L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija fil-qalba tal-istil ta’ ħajja Ewropew, valur fundamentali tal-UE u impenn fit-tul.
L-UGWALJANZA BEJN IL-ĠENERI; VALUR IMPERATTIV GĦALL-KOMPETITTIVITÀ, ID-DEMOKRAZIJA U L-ĠUSTIZZJA SOĊJALI
Il-pedament ta’ UE b’saħħitha, il-kompetittività, id-demokrazija u l-ġustizzja soċjali tagħha, huwa l-poplu tagħha, bin-nisa jiffurmaw nofs il-popolazzjoni tal-UE. Ir-rikonoxximent u l-isfruttar tal-potenzjal tan-nisa kollha bħala ħaddiema, intraprendituri u mexxejja huma imperattivi għat-tkabbir u l-istabbiltà tal-UE. L-għoti tas-setgħa lin-nisa biex jinvolvu ruħhom bis-sħiħ fil-forza tax-xogħol u fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet jikkatalizza t-tkabbir ekonomiku, jixpruna l-innovazzjoni u jtejjeb il-kwalità tal-ħajja għaċ-ċittadini kollha.
Il-projezzjonijiet juru li l-ugwaljanza mtejba bejn il-ġeneri tista’ tgħolli l-PDG per capita tal-UE b’minn 6.1 għal 9.6 % sal-2050, li huwa ekwivalenti għal EUR 1.95 sa EUR 3.15 triljun 8 . Għalhekk, l-avvanz tad-drittijiet tan-nisa mhuwiex biss imperattiv morali iżda investiment strateġiku fit-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività tal-UE.
L-iżgurar tal-parteċipazzjoni sħiħa, ugwali u sinifikanti tan-nisa, u r-rappreżentanza u t-tmexxija tagħhom, irawwem ukoll demokraziji aktar stabbli u reżiljenti. Id-demokraziji li javvanzaw id-drittijiet tan-nisa jinkorporaw firxa usa’ ta’ perspettivi u esperjenzi fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet, li jwasslu għal politiki li huma aktar komprensivi u allinjati mal-ħtiġijiet taċ-ċittadini kollha. Fl-isfera korporattiva, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri tissarraf f’vantaġġ kompetittiv, b’ditti li juru profitti ogħla u prestazzjoni aħjar fis-suq tal-ishma meta n-nisa jokkupaw rwoli ta’ tmexxija 9 .
Il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri tista’ tgħin biex jiġu indirizzati sfidi urġenti, inkluż in-nuqqas ta’ forza tax-xogħol, it-tranżizzjoni demografika, l-inugwaljanzi u l-faqar, it-tibdil fil-klima, it-theddid ibridu u t-tħassib dwar is-sigurtà. B’hekk jinbena futur aktar b’saħħtu u aktar prosperu filwaqt li s-soċjetajiet tagħna jkunu aktar ġusti, aktar demokratiċi, stabbli, b’saħħithom u koeżivi, u l-ekonomiji tagħna aktar innovattivi u kompetittivi fix-xena globali.
Madankollu, is-sejbiet tar-Rapport tal-2024 dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġenerai fl-UE 10 huma ċari: minkejja l-ħafna kisbiet li saru fil-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ gradwali tal-qafas ta’ politika relatat tal-UE, għad fadal sfidi sinifikanti fl-oqsma tal-vjolenza, is-saħħa, il-ħin, il-flus, ix-xogħol, l-edukazzjoni u l-għarfien, is-setgħa u l-mekkaniżmi istituzzjonali, kif muri mill-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri. Fin-nuqqas ta’ azzjoni msaħħa, għandhom jgħaddu 60 sena oħra biex tinkiseb ugwaljanza sħiħa bejn il-ġeneri fl-UE 11 .
Waħda minn kull tliet nisa fl-UE esperjenzat vjolenza fiżika u/jew sesswali, waħda minn kull ħames nisa ffaċċjat vjolenza fiżika jew sesswali mis-sieħeb tagħha, qarib, u waħda minn kull tmien nisa esperjenzaw vjolenza sesswali fl-UE 12 . Fl-istess ħin, in-nisa huma partikolarment fil-mira ta’ forom ġodda ta’ vjolenza speċifiċi għall-isfera diġitali 13 . L-ispiża tal-vjolenza kontra n-nisa fl-UE hija stmata għal €289 biljun fis-sena 14 .
Dwar l-aspetti tal-ġeneru fil-qasam tas-saħħa, in-nisa u l-irġiel huma kkonfrontati b’riskji għas-saħħa u mard speċifiċi għall-ġeneru. 15 In-nisa fl-UE jkomplu jiffaċċjaw ukoll nuqqas ta’ informazzjoni komprensiva dwar is-servizzi tal-kura tas-saħħa u l-prodotti relatati mas-saħħa sesswali u riproduttiva u l-aċċessibbiltà tagħhom, fejn previst skont il-liġi nazzjonali.
Filwaqt li d-differenzi bejn il-ġeneri fl-impjiegi u fil-pagi qed jonqsu (10.2 p.p 16 . u 12 % rispettivament 17 ), il-progress miexi bil-mod u għad hemm ostakli strutturali, bħal normi soċjali diskriminatorji. Il-progress li sar min-nisa f’oqsma ewlenin, bħall-edukazzjoni (10.9 p.p. aktar nisa milli rġiel lestew l-edukazzjoni terzjarja 18 ), mhuwiex rifless bis-sħiħ fil-pożizzjonijiet tan-nisa fis-suq tax-xogħol u fil-korpi u l-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet. In-nisa huma rrappreżentati żżejjed f’impjiegi b’pagi baxxi u sottovalutati (għalkemm essenzjali) 19 u jiffaċċjaw riskji ogħla ta’ theddid u vjolenza li jillimitaw il-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja pubblika: in-nisa fl-UE għandhom biss 33 % 20 tas-siġġijiet parlamentari u 34.8 % tas-siġġijiet tal-gvern lokali. Aktar nisa milli rġiel ibatu l-faqar fix-xjuħija, bid-differenza bejn il-ġeneri fil-pensjonijiet tal-irġiel tkun ta’ 25.4 % 21 .
In-nisa fl-UE għadhom foqra fiż-żmien meta mqabbla mal-irġiel bħala medja, peress li għandhom sehem sproporzjonat ta’ dmirijiet domestiċi u responsabbiltajiet ta’ kura. Dan huwa aggravat mill-użu baxx tal-liv tal-familja mill-missirijiet, flessibbiltà limitata fuq il-post tax-xogħol u diffikultà fl-aċċess għal servizzi ta’ kura ta’ kwalità.
Is-segregazzjoni bejn il-ġeneri fl-edukazzjoni u t-taħriġ fl-UE hija evidenti fis-sottorappreżentanza tan-nisa fix-xjenza, fit-teknoloġija, fl-inġinerija u fil-matematika u s-sottorappreżentanza tal-irġiel f’setturi bħall-edukazzjoni, is-saħħa u l-benessri. In-nisa jirrappreżentaw biss 19.4 % tal-ispeċjalisti fil-qasam tal-ICT 22 , u l-irġiel jirrappreżentaw biss madwar 15 % tal-għalliema tal-iskejjel primarji 23 .
Barra minn hekk, kriżijiet reċenti bħall-pandemija tal-COVID-19, il-gwerra fil-viċinat tal-UE u ż-żieda fl-ispejjeż tal-enerġija kellhom impatti negattivi fuq in-nisa. Dan minħabba li n-nisa spiss ikollhom introjtu aktar baxx, huma aktar probabbli li jkunu ġenituri waħedhom, għandhom aktar responsabbiltà għall-unità domestika u għall-kura mill-irġiel, u huma aktar esposti għall-vjolenza abbażi tal-ġeneru u domestika.
Dawn l-isfidi jeħtieġu attenzjoni u impenn kontinwi għall-azzjoni dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-livelli kollha, mill-atturi rilevanti kollha, fl-Unjoni u lil hinn minnha.
IL-PJAN DIREZZJONALI GĦAD-DRITTIJIET TAN-NISA: IMPENN GĦAL UGWALJANZA AKBAR BEJN IL-ĠENERI
Il-Pjan Direzzjonali anness ma’ din il-Komunikazzjoni għandu l-ambizzjoni li jixpruna l-isforzi futuri biex jiżgura li d-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri jkunu fil-qalba tal-politiki u l-azzjonijiet tal-UE. Dan iqis dak li diġà nkiseb fl-ugwaljanza bejn il-ġeneri u jħares ’il quddiem lejn l-isfidi fis-snin li ġejjin. Huwa jafferma mill-ġdid il-ħtieġa għal approċċ doppju: l-integrazzjoni ta’ perspettiva tal-ġeneru fil-politiki kollha, minn naħa waħda, u l-prevenzjoni u l-eliminazzjoni tal-inugwaljanzi bejn il-ġeneri, min-naħa l-oħra. Dan jirrifletti l-kontribuzzjonijiet li waslu matul it-tħejjijiet tiegħu, inkluż mill-Istati Membri, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet internazzjonali.
Il-Pjan Direzzjonali huwa bbażat fuq id-drittijiet u l-valuri fundamentali, li jew huma diġà stabbiliti fit-trattati u l-leġiżlazzjoni tal-UE, jew li jistgħu jeħtieġu azzjoni ulterjuri fil-livell kompetenti biex ikunu kompletament operattivi. Għalhekk, dan għandu jinqara flimkien mal-atti u l-istrumenti legali eżistenti tal-UE u huwa mingħajr preġudizzju għalihom. L-implimentazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni adottata reċentement se tkun essenzjali biex il-prinċipji u l-objettivi tal-Pjan Direzzjonali jsiru realtà.
Il-Pjan Direzzjonali jistabbilixxi objettivi ta’ politika fit-tul għaż-żamma u l-avvanz tal-prinċipji ewlenin li ġejjin tad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri: (1) il-libertà mill-vjolenza abbażi tal-ġeneru; (2) l-ogħla standards tas-saħħa; (3) paga ugwali u għoti tas-setgħa ekonomika; (4) il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u l-kura; (5) opportunitajiet indaqs ta’ impjieg u kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati; (6) edukazzjoni ta’ kwalità u inklużiva; (7) il-parteċipazzjoni politika u r-rappreżentanza ugwali; (8) mekkaniżmi istituzzjonali li jwasslu għar-rispett tad-drittijiet tan-nisa.
Dawn il-prinċipji huma relatati mal-isfidi ewlenin li fadal għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-oqsma tal-vjolenza, is-saħħa, il-ħin, il-flus, ix-xogħol, l-edukazzjoni u l-għarfien, is-setgħa u l-mekkaniżmi istituzzjonali. L-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri li jmiss wara l-2025 se tippreżenta miżuri ta’ politika konkreti li għandhom jittieħdu biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi. Fir-rebbiegħa tal-2025 se titnieda konsultazzjoni pubblika miftuħa relatata, li tappella għal involviment attiv u kontribut tal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha fit-tfassil tal-azzjonijiet li għandhom jitressqu fl-Istrateġija. L-implimentazzjoni kontinwa tal-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020-2025 b’mod parallel tikkontribwixxi għall-avvanz tad-drittijiet tan-nisa fl-UE.
Il-Kummissjoni timpenja ruħha li tkompli l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-politiki u l-azzjonijiet kollha tagħha. Din tinkludi l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-baġit tal-UE u l-allinjament tal-inizjattivi ta’ politika rilevanti li ġejjin mal-għanijiet tal-Pjan Direzzjonali. Pereżempju, biex titrawwem il-kompetittività u jiġi sfruttat aktar il-potenzjal tal-forza tax-xogħol tan-nisa, il-Kummissjoni tipproponi li tiżdied perspettiva b’saħħitha tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri ma’ inizjattivi bħall-Pjan Direzzjonali għall-Impjiegi ta’ Kwalità, il-Pjattaforma għan-Nisa fil-Biedja, u l-Istrateġija tal-UE għan-Negozji Ġodda u n-Negozji li qed jespandu. Il-Pjan Direzzjonali għad-Drittijiet tan-Nisa jiġi adottat fl-istess ħin bħall-Unjoni tal-Ħiliet, u jistabbilixxi miżuri li jappoġġaw l-edukazzjoni u t-taħriġ, it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid minn perspettiva sensittiva għall-ġeneru. Barra minn hekk, bħala parti mill-ħidma fuq strateġija dwar il-litteriżmu finanzjarju li għandha l-għan li tagħti s-setgħa lill-investituri fil-livell tal-konsumatur biex jieħdu deċiżjonijiet finanzjarji infurmati u żżid il-parteċipazzjoni tagħhom fis-swieq kapitali fuq termini aktar ġusti, se tingħata attenzjoni speċifika lin-nisa.
Il-Kummissjoni se taħdem lejn l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri f’inizjattivi bħall-Istrateġija tal-UE Kontra l-Faqar, il-Pjan Ewropew għall-Akkomodazzjoni Affordabbli, l-Istrateġija tal-Applikazzjoni tal-IA u l-inkjesta fl-UE kollha dwar l-impatti usa’ tal-media soċjali fuq il-benesseri, li se jikkontribwixxu biex titrawwem il-ġustizzja soċjali u jiġu indirizzati l-inugwaljanzi soċjali li jiffaċċjaw in-nisa u l-bniet. Il-Kummissjoni se tressaq ukoll proposti għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-kuntest tar-reviżjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2013 dwar l-attività fiżika li ttejjeb is-saħħa fis-setturi kollha u fil-ħidma biex jissaħħaħ il-Mudell Sportiv Ewropew.
Peress li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija wkoll kruċjali għall-parteċipazzjoni demokratika u r-reżiljenza tas-soċjetà, il-Kummissjoni beħsiebha tintegra dimensjoni tal-ġeneru fl-Istrateġija tal-Unjoni ta’ Tħejjija u fil-pjan ta’ azzjoni kontra l-bullying ċibernetiku. Barra minn hekk, it-Tarka għad-Demokrazija Ewropea se tikkontribwixxi għall-emanċipazzjoni u l-appoġġ tan-nisa fil-politika, b’miżuri ddedikati dwar is-sikurezza tal-kandidati politiċi u tar-rappreżentanti eletti.
GWIDA GĦALL-AZZJONI ESTERNA TAL-UE
Lil hinn mill-azzjoni interna tal-UE, dan il-Pjan Direzzjonali jafferma mill-ġdid l-impenn qawwi għad-drittijiet tan-nisa, fit-30 anniversarju tad-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta’ Azzjoni ta’ Beijing fl-2025 u lil hinn.
Filwaqt li jistinka għall-koerenza tal-politika interna-esterna, il-Pjan Direzzjonali jikkonferma l-prinċipji, l-objettivi u l-miri tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-Ġeneru (GAP III) għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u l-bniet fl-azzjoni esterna tal-UE, inklużi interventi umanitarji, permezz ta’ inizjattivi u sħubijiet multilaterali u b’diversi partijiet ikkonċernati, djalogu politiku u appoġġ finanzjarju, inkluż permezz ta’ investimenti globali, bħall-Global Gateway 24 . Jikkonferma wkoll l-Approċċ Strateġiku tal-UE għan-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà (WPS, Women, Peace and Security) bħala qafas li jenfasizza t-tmexxija, id-drittijiet u l-aġenzija tan-nisa fl-oqsma kollha tal-paċi u s-sigurtà, filwaqt li jintegra l-perspettivi tal-ġeneru fil-politiki u l-azzjonijiet tal-UE għall-prevenzjoni tal-konflitti. L-UE hija impenjata wkoll li tindirizza s-sitwazzjoni speċifika tan-nisa u l-bniet f’azzjoni umanitarja u tintegra l-kunsiderazzjonijiet tal-ġeneru, inkluż l-istrateġiji ta’ protezzjoni kontra l-vjolenza sesswali u sessista, fir-rispons umanitarju tagħha.
Bl-applikazzjoni ta’ approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem, l-UE taħdem ma’ sħab fid-dinja, permezz tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u l-145 delegazzjoni tal-UE, biex tindirizza l-kawżi sottostanti tal-inugwaljanzi bejn il-ġeneri, li għandhom l-għeruq tagħhom fi strutturi soċjali diskriminatorji, istituzzjonijiet, normi u prattiki legali. Il-Pjan Direzzjonali għalhekk se jservi bħala gwida biex jinforma l-inizjattivi esterni u jwitti t-triq lejn il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE li jmiss dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri fir-relazzjonijiet esterni (2028 – 2034).
L-objettiv ġenerali huwa li tiġi affermata mill-ġdid, promossa u solidifikata l-validità sħiħa tal-acquis eżistenti tal-UE u internazzjonali dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, id-WPS, it-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem kollha min-nisa u l-bniet kollha, u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tagħhom. Dan jeħtieġ rieda politika b’saħħitha, tmexxija u prijoritizzazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-ogħla livelli, inkluż fil-kuntest taż-żamma ta’ ordni globali bbażat fuq ir-regoli bil-multilateraliżmu bħala l-prinċipju ewlieni tiegħu u n-Nazzjonijiet Uniti fil-qalba tiegħu.
Iż-żarmar tal-progress li ksibna matul dawn l-aħħar 30 sena mhuwiex aċċettabbli. Il-Kummissjoni se topponi bil-qawwa kwalunkwe azzjoni jew proposta li tfittex li timmina l-impenji u l-istandards internazzjonali eżistenti u se tistinka biex issaħħaħhom aktar, kull fejn ikun possibbli.
IT-TRIQ ’IL QUDDIEM: IL-KOOPERAZZJONI U L-ĦTIĠIJIET ISTITUZZJONALI
Is-suċċess tal-Pjan Direzzjonali jiddependi fuq l-impenn u l-kontribut tal-atturi rilevanti kollha. Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet interessati kollha, speċjalment il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, is-sħab soċjali, l-atturi tas-soċjetà ċivili u organizzazzjonijiet rilevanti oħra, biex japprovaw id-dikjarazzjoni dwar id-drittijiet tan-nisa annessa ma’ din il-Komunikazzjoni matul l-2025.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet interessati kollha biex jieħdu rwol attiv fil-kontribut għat-twettiq tal-objettivi stabbiliti fil-Pjan Direzzjonali. Dawn l-objettivi se jiggwidaw l-iżvilupp tal-Istrateġija l-ġdida dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri wara l-2025.
Biex ikun effettiv, il-Pjan Direzzjonali għandu jkun sostnut minn mekkaniżmi u strateġiji istituzzjonali msaħħa li jippromwovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Fil-Kummissjoni, dan jinkludi l-ħidma tat-Taskforce dwar l-Ugwaljanza li tippromwovi l-integrazzjoni tal-ugwaljanza, inkluża l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, fl-oqsma kollha ta’ politika permezz ta’ network ta’ koordinaturi tal-ugwaljanza fis-servizzi kollha tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni se tkompli wkoll tmexxi bl-eżempju, filwaqt li tistinka għall-parità bejn il-ġeneri fil-ġestjoni, tkompli bil-ħidma biex tidentifika u tivvaluta l-impatt fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-valutazzjoni tal-impatt u l-evalwazzjonijiet fil-qafas ta’ regolamentazzjoni aħjar, u tippromwovi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri permezz tal-akkwist pubbliku tagħha stess.
Il-baġit tal-UE se jkompli jappoġġa l-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Ir-Regolament finanzjarju tal-UE (riformulazzjoni) 25 jirrikjedi li l-programmi u l-attivitajiet kollha tal-baġit tal-UE, fejn fattibbli u xieraq f’konformità mar-regoli rilevanti speċifiċi għas-settur, jiġu implimentati filwaqt li jitqies il-prinċipju tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri f’konformità ma’ metodoloġija xierqa għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri. Barra minn hekk, fejn xieraq, id-data miġbura fir-rigward tal-indikaturi għandha tiġi diżaggregata skont il-ġeneru.
It-twettiq sħiħ tal-aspirazzjonijiet stabbiliti f’dan il-Pjan Direzzjonali jmur lil hinn mill-kompetenzi tal-UE u jeħtieġ li jiddependi fuq l-azzjonijiet fil-livell nazzjonali. Dan jista’ jseħħ biss bl-istrutturi xierqa fis-seħħ, mogħnija b’riżorsi suffiċjenti biex tiġi żgurata l-kapaċità tagħhom.
Is-suċċess tal-Pjan Direzzjonali jeħtieġ ukoll kooperazzjoni msaħħa u sħubija aktar mill-qrib mal-Istati Membri, pereżempju fil-kuntest tas-Semestru Ewropew (il-proċess ta’ koordinazzjoni ekonomika u tal-impjiegi tal-UE) u mal-atturi rilevanti kollha.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tistieden lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE, lill-Istati Membri, u lill-partijiet ikkonċernati, inklużi s-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili, biex iqisu l-Pjan Direzzjonali ppreżentat fl-anness ta’ din il-Komunikazzjoni fl-iżvilupp ulterjuri tal-politiki tal-UE, internazzjonali, nazzjonali, reġjonali u settorjali.
Id-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE tad-19 ta’ Diċembru 1978, id-Direttiva 2004/113/KE tat-13 ta’ Diċembru 2004, id-Direttiva (UE) 2023/970 tal-10 ta’ Mejju 2023
Id-Direttiva (UE) 2019/1158 tal-20 ta’ Ġunju 2019, id-Direttiva (UE) 2022/2381 tat-23 ta’ Novembru 2022, ir-Regolament (UE) 2021/695 tat-28 ta’ April 2021, id-Direttiva (UE) 2024/1385 tal-14 ta’ Mejju 2024. Ara wkoll l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta’ Istanbul (ĠU L 143, I, 2.6.2023)
ĠU C 484, 20.12.2022, p. 1–12, ĠU C 476, 15.12.2022, p. 1–11
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Unjoni ta’ Ugwaljanza: Strateġija dwar l-Ugwaljanza Bejn il-Ġeneri għall-2020-2025, COM(2020) 152 final.
Disponibbli online fl- Indiċi tal-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri | l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi .
Il-Kummissjoni Ewropea: Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni u Leyen, U., Europe’ s choice– Political guidelines for the next European Commission 2024–2029, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2024. Disponibbli online .
Disponibbli online: Dikjarazzjoni u Pjattaforma ta’ Azzjoni ta’ Beijing .
Economic Benefits of Gender Equality in the European Union | l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi .
Ara pereż. S&P Global. (2020). When Women Lead, Firms Win: How Gender Diversity in the C-suite and Boardroom Drives Financial Performance.
Għal aktar sfond u referenzi għas-suġġetti u ċ-ċifri ppreżentati f’din il-Komunikazzjoni, jekk jogħġbok ara r-rapport annwali, SWD(2025) 67 final.
Ara wkoll Gender equality benefits everyone – but it's still 60 years away | l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi .
Ara EU Gender-based Violence Survey | l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi .
Ara Cyber violence against women | l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi .
Ara Costs of gender-based violence in the European Union | l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi .
Franklin, P., Mambra, C. and Albani, V. (2021). Gender equality and health in the EU. Disponibbli online: DS0320880ENN-en.pdf
Employment and activity by sex and age - annual data [lfsi_emp_a]
L-indikatur tal-“kisba tal-edukazzjoni terzjarja” huwa definit bħala l-proporzjon tal-irġiel ta’ bejn it-30 u l-34 sena li jkunu kisbu edukazzjoni terzjarja nieqes dak tan-nisa. Fl-2023, din id-differenza bejn il-ġeneri kienet ta’ -10.9 punti perċentwali (pp) fl-UE. Ara Population by educational attainment level, sex and age (%) - main indicators [edat_lfse_03] .
L-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (2018), The gender gap in employment: What's holding women back? - InfoStories .
Indikatur: Parlamenti nazzjonali: presidentid membri | Bażi tad-Data tal-Istatistika dwar il-Ġeneri | l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi
Speċjalisti tal-ICT impjegati skont il-ġeneru Employed ICT specialists by sex Statistics | Eurostat .
ĠU L, 2024/2509, 26.9.2024
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 7.3.2025
COM(2025) 97 final
ANNESS
tal-
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Pjan Direzzjonali għad-Drittijiet tan-Nisa
ANNESS
Dikjarazzjoni tal-prinċipji għal soċjetà ugwali bejn il-ġeneri
Introduzzjoni
L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija prinċipju fundamentali u valur komuni minqux fil-liġi tal-Unjoni. Matul is-snin, l-UE għamlet passi sinifikanti fil-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, b’qafas ta’ politika li qed jevolvi gradwalment mibni permezz ta’ strateġiji, pjanijiet direzzjonali u pjanijiet ta’ azzjoni suċċessivi. L-aktar Strateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020-2025 reċenti kellha rwol importanti fl-istabbiliment tal-politiki dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u fil-promozzjoni tal-kooperazzjoni fil-livelli kollha u fl-oqsma ta’ politika kollha. Din ġiet ikkomplementata minn diversi inizjattivi settorjali li jintegraw b’suċċess approċċ ta’ integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri. Dan il-qafas ta’ politika ppermetta lill-UE tavvanza fl-impenji li saru 30 sena ilu fid-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta’ Azzjoni ta’ Beijing.
L-UE għandha wkoll rwol ewlieni fl-isfera internazzjonali, fil-viċinat tagħha u lil hinn minnu, fil-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-drittijiet tan-nisa f’impenji bilaterali u multilaterali u fl-azzjonijiet kollha tagħha fid-dinja, kemm permezz ta’ djalogi ta’ politika kif ukoll ta’ assistenza finanzjarja. Il-pjan ta’ azzjoni tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa fir-relazzjonijiet esterni (GAP III) għandu l-għan li jaċċellera l-progress lejn it-twettiq sħiħ tal-impenji internazzjonali, inklużi l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, b’mod partikolari l-SDG5. L-Approċċ Strateġiku tal-UE għan-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà jaħdem bis-sħiħ biex jinvolvi, jagħti s-setgħa, jipproteġi u jappoġġa lin-nisa u l-bniet sabiex jinkisbu paċi u sigurtà sostenibbli u dejjiema bħala komponenti intrinsiċi tad-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp sostenibbli.
Il-Parlament Ewropew ħeġġeġ bil-qawwa u ripetutament lill-Unjoni biex issaħħaħ il-politika tagħha fil-qasam tal-opportunitajiet indaqs għan-nisa u l-irġiel u appella għal tmexxija tal-UE biex dan jinkiseb. Il-Kunsill reċentement appella lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-impenn strateġiku fit-tul għall-avvanz tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri jiġi sostnut u msaħħaħ aktar lil hinn mill-2025.
Din id-Dikjarazzjoni ttenni, tafferma mill-ġdid u ssaħħaħ l-impenn tal-Kummissjoni għad-drittijiet tan-nisa. Għandha l-għan li tmexxi ’l quddiem u tagħti direzzjoni lill-aġenda tal-politika tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fit-tul, filwaqt li tispira miżuri ta’ politika u l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak internazzjonali. Trid tingħata attenzjoni speċjali lin-nisa li jiffaċċjaw diskriminazzjoni intersezzjonali, ibbażata fuq karatteristiċi bħall-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età, jew l-orjentazzjoni sesswali.
Il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri mhijiex biss imperattiv morali u dritt fundamentali - l-isfruttar tal-potenzjal sħiħ tal-popolazzjoni kollha jippermetti lill-UE toħloq soċjetà aktar kompetittiva, inklużiva u koeżiva, u b’hekk issaħħaħ id-demokrazija.
Din id-Dikjarazzjoni tirrifletti l-aspirazzjoni li tinkiseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-kuntest tal-oqfsa legali eżistenti tal-UE u l-impenji internazzjonali, filwaqt li jiġu rispettati l-kompetenzi nazzjonali tal-Istati Membri. Ma taffettwax il-kontenut tar-regoli legali jew l-applikazzjoni tagħhom. Dan jirrispetta b’mod partikolari r-responsabbiltajiet tal-Istati Membri għad-definizzjoni tal-politika tas-saħħa tagħhom u għall-organizzazzjoni u l-għoti ta’ servizzi tas-saħħa u kura medika, u r-responsabbiltà tal-Istati Membri għall-kontenut tat-tagħlim u l-organizzazzjoni tas-sistemi edukattivi u d-diversità kulturali u lingwistika tagħhom.
Id-Dikjarazzjoni sservi bħala gwida għall-politika interna tal-UE kif ukoll għall-azzjoni diplomatika u esterna tal-UE.
IL-PRINĊIPJI TAD-DRITTIJIET TAN-NISA GĦAL SOĊJETÀ LI TĦADDAN L-UGWALJANZA BEJN IL-ĠENERI
Prinċipju 1: Il-libertà mill-vjolenza abbażi tal-ġeneru
Kull mara u tifla għandha d-dritt għas-sigurtà u li tiġi ttrattata b’dinjità, kemm online kif ukoll offline, fil-ħajja pubblika u privata.
Ir-rispett u l-avvanz ta’ dan il-prinċipju jinkludu l-ħidma lejn l-objettivi li ġejjin:
·il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta’ vjolenza kontra n-nisa u l-bniet, inklużi l-vjolenza domestika, il-femminiċidju, u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru ffaċilitata mit-teknoloġija;
·il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza sesswali, inkluż l-istupru, abbażi tan-nuqqas ta’ kunsens;
·il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra prattiki dannużi bħall-mutilazzjoni ġenitali femminili u ż-żwieġ furzat;
·li l-ambjent diġitali, inklużi l-pjattaformi online, isir post sikur għan-nisa u l-bniet, fid-diversità kollha tagħhom, ħieles mill-vjolenza, is-sessiżmu, id-diskors ta’ mibegħda, u l-fastidju;
·il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-esponiment tas-subien u l-bniet għal vjolenza sesswalizzata online, u kontenut diġitali sessist ieħor ta’ ħsara;
·il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta’ vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru f’kunflitt;
·il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta’ sfruttament sesswali, inkluż fil-kuntest tat-traffikar tal-bnedmin;
·l-għoti ta’ appoġġ u protezzjoni adegwati u ċċentrati fuq il-vittmi lill-vittmi tal-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika, u l-iżgurar tal-aċċess effettiv tagħhom għall-ġustizzja.
Prinċipju 2: L-ogħla standards tas-saħħa
Kull mara għandha d-dritt għall-ogħla standard ta’ saħħa fiżika u mentali li jista’ jinkiseb.
Ir-rispett u l-avvanz ta’ dan il-prinċipju jinkludu t-twettiq tal-objettivi li ġejjin, b’rispett sħiħ tar-responsabbiltajiet tal-Istati Membri għad-definizzjoni tal-politika tas-saħħa tagħhom inklużi kwistjonijiet bijoetiċi u għall-organizzazzjoni tas-servizzi tas-saħħa u l-kura medika:
·il-promozzjoni tas-saħħa fiżika u mentali tan-nisa u l-bniet, inkluż permezz tat-titjib tal-aċċess għal informazzjoni bbażata fuq l-evidenza dwar is-saħħa u s-sesswalità tan-nisa;
·il-protezzjoni tas-saħħa tan-nisa billi tiġi appoġġata u kkomplementata l-azzjoni tas-saħħa mill-Istati Membri rigward l-aċċess tan-nisa għas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, b’rispett sħiħ tat-Trattati;
·l-iżgurar ta’ kura ostetrika, ġinekoloġika, ta’ qabel it-twelid, tat-twelid u ta’ wara t-twelid ta’ rispett u ta’ kwalità għolja, ħielsa mid-diskriminazzjoni u l-ġlieda kontra prattiki dannużi;
·l-aċċess għal prodotti tal-iġjene mestrwali affordabbli u tal-kontraċezzjoni;
·ir-riċerka medika sensittiva għall-ġeneru, provi kliniċi, dijanjostika u trattamenti.
Prinċipju 3: Paga ugwali u għoti tas-setgħa ekonomika
Kull mara għandha d-dritt għal paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali u li tkun ekonomikament indipendenti.
Ir-rispett u l-avvanz ta’ dan il-prinċipju jinkludu l-ħidma lejn l-objettivi li ġejjin:
·l-eliminazzjoni tad-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri u d-differenzi fil-pensjonijiet bejn il-ġeneri;
·l-indirizzar tas-sottovalutazzjoni tal-impjiegi li jsiru b’mod predominanti min-nisa u l-iżgurar tat-trasparenza fil-pagi;
·il-ġlieda kontra l-faqar tan-nisa, inkluż il-faqar enerġetiku;
·il-promozzjoni tal-litteriżmu finanzjarju fost in-nisa u l-bniet bħala pedament għas-sigurtà finanzjarja u r-reżiljenza tagħhom;
·il-promozzjoni tal-aċċess ugwali bejn il-ġeneri għall-finanzi u l-opportunitajiet ekonomiċi, inkluża l-intraprenditorija;
·il-promozzjoni tar-riformi tat-tassazzjoni u tal-protezzjoni soċjali li jappoġġaw l-indipendenza ekonomika tan-nisa;
·il-promozzjoni tad-drittijiet tan-nisa u t-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa permezz tal-politika ekonomika u kummerċjali, l-iżvilupp internazzjonali u s-sħubijiet.
Prinċipju 4: Il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u l-kura
Kull mara għandha d-dritt li tibbilanċja l-ħajja professjonali u dik privata tagħha.
Ir-rispett u l-avvanz ta’ dan il-prinċipju jinkludu l-ħidma lejn l-objettivi li ġejjin:
·il-promozzjoni tal-kondiviżjoni ugwali tar-responsabbiltajiet ta’ kura bejn in-nisa u l-irġiel;
·il-promozzjoni ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol li jiffaċilitaw ir-rikonċiljazzjoni tal-ħajja privata, tal-familja u tax-xogħol;
·aċċess mifrux għal arranġamenti tax-xogħol flessibbli għal kulħadd;
·l-inkoraġġiment biex il-missirijiet jieħdu l-liv tal-paternità u tal-familja;
·l-iżgurar ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal affordabbli, aċċessibbli u ta’ kwalità għat-tfal kollha;
·aċċess għall-kura fit-tul affordabbli u ta’ kwalità għolja;
·il-promozzjoni tal-investiment u tal-impjiegi formali fis-settur tal-kura, l-iżgurar ta’ impjiegi ta’ kura ta’ kwalità.
Prinċipju 5: Opportunitajiet indaqs ta’ impjieg u kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati
Kull mara għandha d-dritt għal opportunitajiet indaqs ta’ impjieg u kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati.
Ir-rispett u l-avvanz ta’ dan il-prinċipju jinkludu l-ħidma lejn l-objettivi li ġejjin:
·l-eradikazzjoni tad-differenza bejn il-ġeneri fl-impjiegi, b’attenzjoni speċifika għas-segregazzjoni okkupazzjonali u għall-impjieg ta’ gruppi sottorappreżentati;
·impjiegi ta’ kwalità u xogħol deċenti, filwaqt li jitqiesu, b’mod partikolari, ir-riskji psikosoċjali fuq il-post tax-xogħol, l-arranġamenti tal-ħin tax-xogħol, l-aċċess għat-taħriġ, u prospetti ta’ karriera ugwali;
·l-eliminazzjoni tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-fastidju sesswali fid-dinja tax-xogħol;
·l-iżgurar ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza kontra r-riskji fl-ambjent fiżiku tax-xogħol u t-tagħmir tas-sikurezza li jiffittja lill-ħaddiema nisa.
Prinċipju 6: Edukazzjoni ta’ kwalità u inklużiva
Kull tifla u mara għandha d-dritt għal edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità għolja u inklużivi, ħielsa mid-diskriminazzjoni.
Ir-rispett u l-avvanz ta’ dan il-prinċipju jinkludu l-ħidma lejn l-objettivi li ġejjin, filwaqt li jiġu rispettati bis-sħiħ il-kompetenzi tal-Istati Membri f’dan il-qasam:
·il-promozzjoni ta’ perspettiva bbilanċjata bejn il-ġeneri fl-edukazzjoni, inkluż fil-kurrikuli, fil-materjali tat-tagħlim, fil-kotba tal-iskola, fit-taħriġ u fil-gwida tal-għalliema, fil-livelli kollha tal-edukazzjoni;
·il-promozzjoni ta’ edukazzjoni komprensiva dwar is-sesswalità;
·l-iżgurar ta’ opportunitajiet indaqs u aċċess għat-taħriġ vokazzjonali kif ukoll it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid;
·l-iżgurar ta’ tolleranza żero għall-vjolenza abbażi tal-ġeneru, il-fastidju u l-bullying fl-edukazzjoni;
·l-inkoraġġiment biex il-bniet u n-nisa jinvolvu ruħhom fis-setturi tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika;
·l-inkoraġġiment biex is-subien u l-irġiel jinvolvu ruħhom fis-setturi tal-edukazzjoni, tas-saħħa u tal-benessri;
·l-inkoraġġiment biex in-nisa u l-bniet jiksbu ħiliet u kompetenzi diġitali, inkluż fl-intelliġenza artifiċjali.
Prinċipju 7: Il-parteċipazzjoni politika u r-rappreżentanza ugwali
Kull mara għandha d-dritt li tipparteċipa b’mod attiv u sikur fil-ħajja pubblika.
Ir-rispett u l-avvanz ta’ dan il-prinċipju jinkludu l-ħidma lejn l-objettivi li ġejjin:
·il-promozzjoni ta’ rappreżentanza bbilanċjata bejn il-ġeneri f’pożizzjonijiet ta’ responsabbiltà u teħid ta’ deċiżjonijiet u l-parteċipazzjoni sħiħa, ugwali u sinifikanti tan-nisa fl-isferi kollha u fil-livelli kollha tal-ħajja pubblika u politika;
·il-promozzjoni tal-bilanċ bejn il-ġeneri fil-ġestjoni u fit-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livelli maniġerjali kollha u fis-setturi pubbliċi u privati kollha;
·il-promozzjoni tal-bilanċ bejn il-ġeneri fil-parteċipazzjoni u t-tmexxija fil-prevenzjoni, il-ġestjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti u l-kriżijiet, it-tħejjija u l-bini tal-paċi;
·l-iżgurar tas-sikurezza tan-nisa fil-ħajja pubblika u tolleranza żero lejn il-vjolenza, il-mibegħda jew il-fastidju kontra n-nisa fil-ħajja pubblika, kemm online kif ukoll offline;
·il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra s-sessiżmu fil-midja u r-reklamar.
Prinċipju 8: Mekkaniżmi istituzzjonali li jwasslu għar-rispett tad-drittijiet tan-nisa
L-avvanz tad-drittijiet tan-nisa jirrikjedi l-integrazzjoni effettiva tal-perspettiva tal-ġeneri, il-finanzjament u l-infrastruttura istituzzjonali, kif ukoll ir-riċerka, il-ġbir, it-tfassil u l-ippjanar sensittivi għall-ġeneru li jindirizzaw il-ħtiġijiet tan-nisa b’approċċ intersezzjonali.
Ir-rispett u l-avvanz ta’ dan il-prinċipju jinkludu l-ħidma lejn l-objettivi li ġejjin:
·infrastruttura istituzzjonali speċjalizzata għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, u korpi indipendenti tal-ugwaljanza;
·finanzjament sostenibbli għall-politiki tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u għall-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tan-nisa;
·l-integrazzjoni effettiva tal-perspettiva tal-ġeneri fl-oqsma kollha ta’ politika u fil-baġits, inkluż il-baġit tal-UE;
·l-ingranaġġ tad-diplomazija u s-sħubijiet strateġiċi għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fuq l-aġenda politika globali;
·ir-riċerka u l-innovazzjoni li jindirizzaw il-ħtiġijiet tan-nisa u t-tnaqqis tad-distakk fl-għarfien bejn il-ġeneri;
·il-ġbir sistematiku ta’ data diżaggregata skont il-ġeneru u l-valutazzjoni tal-politiki pubbliċi dwar l-impatt fuq il-ġeneru;
·kunsiderazzjoni sistematika tad-data antropometrika u l-fatturi li jaffettwaw il-ħajja tan-nisa, inkluż fl-istandards Ewropej rilevanti;
·ippjanar spazjali u infrastruttura tat-trasport sensittivi għall-ġeneru;
·it-tfassil u l-użu ta’ għodod diġitali li jqisu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-preġudizzju u l-istereotipi tal-ġeneri.