Brussell, 5.3.2025

COM(2025) 95 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Pjan ta’ Azzjoni Industrijali għas-settur awtomobilistiku Ewropew



1.Introduzzjoni

L-industrija awtomobilistika hija mutur ewlieni tal-prosperità Ewropea u parti essenzjali mill-identità tal-Ewropa. Il-manifatturi Ewropej ilhom mexxejja globali mill-invenzjoni tal-awtomobbli, u jipproduċu marki ikoniċi li jistabbilixxu parametri referenzjarji għoljin fl-innovazzjoni u l-eċċellenza. Illum, is-settur jirrappreżenta €1 triljun fi PDG, terz tal-investiment privat fir-riċerka u l-iżvilupp fl-UE, u jipprovdi impjiegi diretti u indiretti lil 13-il miljun Ewropew. Għall-vetturi kummerċjali, il-produtturi Ewropej tat-trakkijiet jirrappreżentaw aktar minn 40 % tas-suq dinji. 1 Il-post ewlieni li tokkupa l-industrija awtomobilistika Ewropea hu ammirat fid-dinja kollha.

Bħalissa, is-settur għaddej minn trasformazzjoni strutturali tant li r-ritmu u l-kobor li bih qed jinbidel huma mingħajr preċedent. Il-bidla lejn mobbiltà nadifa qed taċċellera. Fl-2024, minn kull ħames karozzi mibjugħa globalment, waħda minnhom kienet elettrika. Fl-istess ħin, l-integrazzjoni rapida tat-teknoloġiji diġitali, bħall-IA, is-software, l-apparati ta’ detezzjoni u komunikazzjoni, flimkien mal-importanza dejjem akbar tas-servizzi diġitali u l-konnettività, qed jheżżu s-settur. Huwa imperattiv li l-industrija awtomobilistika Ewropea mhux biss tifhem u ssegwi t-tranżizzjoni lejn vetturi b’emissjonijiet żero, konnessi u dejjem aktar awtomatizzati, iżda tkun hi stess li ssawwar din it-tranżizzjoni.

Filwaqt li qed tiffaċċja din it-tranżizzjoni, l-industrija awtomobilistika tagħna qed taffronta wkoll sfidi serji ta’ kompetittività. Qed tiffaċċja riskji marbuta mal-katina tal-provvista globali u dipendenzi fuq il-materja prima u fuq l-importazzjonijiet tal-batteriji, dipendenza li għadha kbira wisq fuq il-fjuwils fossili, kompetizzjoni ħarxa għat-talent, distakki ta’ kostijiet f’inputs ewlenin, u kuntest ġeopolitiku dejjem aktar volatili. Il-kumpaniji Ewropej jirriskjaw li jaqgħu lura f’teknoloġiji strateġiċi ewlenin bħall-batteriji, is-software, is-sistemi ta’ inforikreazzjoni, u s-sewqan awtonomu, u spiss ikollhom inqas kontroll dirett fuq ħafna inputs tal-materja prima, filwaqt li l-kompetituri barranin spiss ikunu appoġġati minn strateġiji industrijali assertivi u jirċievu appoġġ mill-Istat f’diversi forom.

Dan huwa mument kruċjali għall-industrija awtomobilistika Ewropea — hija meħtieġa azzjoni deċiżiva, u l-Unjoni Ewropea (UE) hija impenjata li tappoġġa s-settur fit-tranżizzjoni tiegħu.

Dak huwa l-għan ta’ dan il-Pjan ta’ Azzjoni, li jibni fuq il-Boxxla għall-Kompetittività, il-Patt għal Industrija Nadifa u — f’dawn l-aħħar ġimgħat — serje wiesgħa ta’ konsultazzjonijiet, immexxija mill-President tal-Kummissjoni u minn diversi membri tal-Kummissjoni, li fihom ipparteċipaw b’mod attiv aktar minn 100 organizzazzjoni. 2 Jistabbilixxi miżuri konkreti li jgħinu biex tiġi żgurata l-kompetittività globali tal-industrija awtomobilistika Ewropea u biex tinżamm bażi ta’ produzzjoni Ewropea b’saħħitha permezz ta’ azzjoni f’ħames oqsma ewlenin: 1) l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni, 2) il-mobbiltà nadifa, 3) il-kompetittività u r-reżiljenza tal-katina tal-provvista, 4) il-ħiliet u d-dimensjoni soċjali, u 5) il-kundizzjonijiet ekwi u l-ambjent tan-negozju.

2.Il-ħames Pilastri tal-Pjan ta’ Azzjoni għas-Settur Awtomobilistiku

2.1L-Innovazzjoni u d-Diġitalizzazzjoni

Biex tkun kompetittiva globalment, l-industrija awtomobilistika Ewropea trid terġa’ tikseb b’mod urġenti pożizzjoni ta’ tmexxija fit-tranżizzjoni lejn vetturi konnessi u awtonomi abilitati bis-software u li jaħdmu bl-IA. L-esperjenza ta’ ġol-karozza kemm għas-sewwieqa kif ukoll għall-passiġġieri qed issir dejjem aktar definita mis-software, tant li applikazzjonijiet ġodda, bħas-sewqan awtomatizzat u awtonomu, il-komunikazzjoni u l-inforikreazzjoni, qed jieħdu rwol aktar ċentrali. Dawn l-elementi malajr isiru differenzjaturi strateġiċi ewlenin li fihom il-manifatturi tal-vetturi (manifatturi tat-tagħmir oriġinali — OEMs) iridu jeċċellaw, iżda li bħalissa jirriskjaw li jaqgħu lura fihom meta mqabbla mal-kompetituri barranin.

Il-promozzjoni tas-sewqan awtonomu u spinta lis-suq uniku għall-vetturi awtonomi

It-teknoloġija tas-sewqan awtonomu se tkun fattur determinanti kruċjali tal-kompetittività u se tirrappreżenta sehem sinifikanti tal-valur miżjud futur. Huwa mistenni li sal-2035 din tiġġenera valur miżjud globali għas-settur awtomobilistiku li jammonta sa EUR 400 biljun.

L-ambjenti tal-ittestjar għas-sewqan awtonomu

Fl-UE, il-kundizzjonijiet għall-ittestjar fit-triq u l-operazzjonijiet kummerċjali tal-vetturi kompletament awtonomi huma inqas favorevoli milli fl-Istati Uniti u fiċ-Ċina. Dan jagħti vantaġġ inizjali sinifikanti lill-kompetituri f’dawn il-ġuriżdizzjonijiet.

Biex tingħata spinta lill-istat tat-tħejjija tas-suq u l-kummerċjalizzazzjoni tal-vetturi awtonomi, il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri biex tistabbilixxi rapidament mill-inqas tliet ambjenti tal-ittestjar transfruntiera fuq skala kbira, ambjenti relatati ta’ esperimentazzjoni regolatorja u Kurituri Ewropej tas-Sewqan Awtomatizzat. Jistgħu jiġu inklużi bliet ta’ daqs medju li huma lesti li jkollhom rwol ta’ pijunieri. Dawn l-ambjenti tal-ittestjar se jippermettu l-varar pilota fuq skala kbira ta’ vetturi awtonomi, kemm għat-trasport tal-passiġġieri kif ukoll tal-merkanzija. Il-Kummissjoni timpenja ruħha wkoll li tkompli tivvaluta l-potenzjal għall-integrazzjoni tal-vetturi awtomatizzati fis-sistema tat-trasport permezz tal-komunikazzjoni bejn il-vetturi u l-infrastruttura.

Lejn Suq Uniku għas-sewqan awtonomu

Illum, l-ambjent regolatorju dwar il-mobbiltà konnessa u awtonoma huwa frammentat. Ftit Stati Membri għandhom regoli tat-traffiku nazzjonali li jippermettu vetturi awtonomi fit-toroq tagħhom, u dan jimblokka l-potenzjal tas-suq uniku għas-sewqan awtonomu. Il-kooperazzjoni bejn dawk kollha li jiżviluppaw u jibnu dawk il-vetturi, kif ukoll l-operaturi tat-toroq u l-ġesturi tal-infrastruttura hija kruċjali. Sabiex jinkisbu l-benefiċċji tas-Suq Uniku tagħna u jiġi ffaċilitat l-varar rapidu tal-mobbiltà konnessa u awtonoma huma meħtieġa qafas aktar armonizzat u governanza fil-livell tal-UE. Il-Kummissjoni se tieħu azzjoni biex tilħaq dan l-objettiv.

Il-Kummissjoni se tkompli tiżviluppa, bħala prijorità, il-qafas regolatorju għall-vetturi awtonomi, u se tibda billi tippermetti l-approvazzjoni ta’ serje bla limitu ta’ vetturi b’sistemi ta’ parkeġġ awtomatizzati fl-2025 u aktar każijiet ta’ użu (eż. trasport tal-merkanzija hub-to-hub) fl-2026 filwaqt li tiġi żgurata s-sikurezza tagħhom. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tfassal regoli rfinuti biex jiġi appoġġat aħjar l-ittestjar tal-ADS (sistemi ta’ sewqan awtomatizzat) u tal-ADAS (sistemi avvanzati ta’ assistenza għas-sewwieqa) qabel ma dawn jiġu varati fit-toroq pubbliċi. L-ittestjar tat-teknoloġiji innovattivi tal-ADAS u tal-ADS fit-toroq pubbliċi fl-Ewropa tipikament jeħtieġ permessi bbażati fuq eżenzjonijiet mir-regoli nazzjonali, u dan jeħtieġ approvazzjonijiet multipli fi Stati Membri differenti. Il-Kummissjoni se tipproponi proċeduri armonizzati ta’ approvazzoni tal-awtorizzazzjoni fil-bidu tal-2026 biex jiġi ffaċiltat l-ittestjar kollu tal-ADAS u tal-ADS fit-toroq miftuħa madwar l-UE.



Azzjonijiet Ewlenin:

Jiġu stabbiliti ambjenti ta’ ttestjar transfruntiera fuq skala kbira għall-vetturi awtonomi fl-2026.

Tingħata spinta lill-qafas regolatorju u lill-integrazzjoni tas-suq uniku għas-Sewqan Awtonomu Ewropew: i) b’regoli dwar serje bla limitu ta’ vetturi ta’ sistemi ta’ sewqan awtomatizzat sal-2026; ii) regoli armonizzati għall-ittestjar tal-ADAS u tal-ADS fit-toroq pubbliċi sal-2026; iii) u regoli armonizzati għall-varar madwar l-UE.

Tingħata spinta lill-iżvilupp tal-vettura konnessa u awtomatizzata Ewropea tal-futur

Iċ-ċipep, is-software u l-IA huma t-tliet ingredjenti ewlenin għall-vettura konnessa u awtomatizzata tal-futur. Filwaqt li l-manifatturi u l-fornituri Ewropej tal-vetturi jirrappreżentaw 45 % tal-investimenti globali fir-R&Ż fis-settur awtomobilistiku, f’dan il-qasam dawn jikkompetu ma’ kumpaniji tat-teknoloġija u atturi awtomobilistiċi ġodda “diġitalment nattivi” minn barra l-Ewropa. Sabiex jiġu evitati dipendenzi ġodda kif ukoll telf ta’ valur miżjud u ċaqliq ta’ impjiegi lejn pajjiżi terzi, l-UE jeħtieġ li tibni l-kapaċitajiet industrijali tagħha stess għas-software u l-hardware tal-IT meħtieġa għal vetturi nodfa, konnessi u awtomatizzati. Dan jinkludi l-iżgurar li tali software u tagħmir ikunu ddisinjati biex jużaw data u servizzi bbażati fl-ispazju għan-navigazzjoni, il-pożizzjonament bi preċiżjoni għolja, l-osservazzjoni tad-dinja u l-konnettività sigura kif ipprovduti mis-sistemi tal-UE Galileo/EGNOS, Copernicus u dalwaqt IRIS rispettivament.

L-Alleanza Ewropea għall-Vetturi Konnessi u Awtonomi

Hija meħtieġa kollaborazzjoni mill-qrib fost l-atturi Ewropej, fil-qafas tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE, biex jiġu żviluppati elementi kostitwenti ta’ software u hardware diġitali kondiviżi. Dan jippermetti li jinkiseb iffrankar sinifikanti tar-riżorsi. Il-manifatturi tal-karozzi jistgħu jaċċelleraw l-iżvilupp teknoloġiku komuni u jiffokaw ir-riżorsi fuq dawk l-elementi li jixprunaw id-differenzazzjoni fl-esperjenza tal-klijenti.

Għalhekk il-Kummissjoni se tniedi, mingħajr dewmien, l-Alleanza Ewropea għall-Vetturi Konnessi u Awtonomi, filwaqt li tibni fuq il-ħidma preparatorja li saret fl- Inizjattiva Ewropea Vettura tal-Futur , u s-Sħubijiet tal-Horizon Europe marbuta mas-settur awtomobilistiku,b’mod partikolari 2Zero, CCAM u l-Impriża Konġunta taċ-Ċipep. Din se tlaqqa’ flimkien massa kritika ta’ partijiet ikkonċernati Ewropej fis-settur awtomobilistiku, inkluż l-SMEs, sabiex jissawwar l-iżvilupp tal-ġenerazzjoni li jmiss ta’ vetturi li jiffukaw fuq elementi ta’ arkitettura komuni, elementi kostitwenti ta’ hardware u software kondiviżi Ewropej kif ukoll l-istandardizzazzjoni tagħhom. Abbażi ta’ pjan direzzjonali konġunt għall-innovazzjoni, l-Alleanza se twettaq l-attivitajiet ewlenin li ġejjin:

·L-iżvilupp ta’ Pjattaforma tas-Software għal Vetturi Definiti mis-Software: L-Alleanza se tiżviluppa pjattaforma miftuħa madwar l-UE kollha dwar Vetturi Definiti mis-Software abbażi ta’ elementi kostitwenti ta’ software b’sors miftuħ tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku, kif ukoll interfaċċi, standards u għodod.

·L-iżvilupp ta’ arkitettura tal-computing ta’ ġol-vettura għal Vetturi Defininti mis-Software: Is-sewqan awtonomu jeħtieġ, kapaċità tal-computing avvanzata u ċentralizzata abbord. L-Alleanza se tiżviluppa pjattaforma tal-computing li tibqa’ valida fil-futur u li tkun adattabbli, flessibbli, effiċjenti fl-użu tal-enerġija, u b’kapaċità ta’ prestazzjoni f’ħin reali, u se tkun qed tintegra proċessuri aktar avvanzati, inklużi ċipep tal-IA, filwaqt li tiżgura li l-vetturi definiti mis-software jibqgħu skalabbli u faċilment aġġornabbli.

·L-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet innovattivi tal-IA għall-industrija awtomobilistika: Jiġu żviluppati mudelli u algoritmi tal-IA ġenerattivi speċifiċi għas-settur li jippermettu, pereżempju, is-sewqan awtonomu, l-ottimizzazzjoni tal-operat tal-vetturi konnessi fl-infrastruttura tat-trasport u tal-iċċarġjar, u l-ġestjoni effettiva tal-batteriji jew il-manutenzjoni predittiva xprunata mill-IA.

·Il-ħolqien ta’ faċilità pilota distribwita fuq skala kbira fl-2026/2027: Il-Faċilità se sservi bħala ambjent kollaborattiv għall-industrija għall-Vetturi Definiti mis-Software u l-inġinerija tal-IA u bħala ambjent tal-ittestjar għall-innovazzjoni fis-saffi tal-applikazzjoni.

·L-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjoni lejn sewqan awtonomu: L-iżvilupp u t-twettiq ta’ pjan direzzjonali teknoloġiku ambizzjuż għall-iżvilupp ta’ komponenti (software u hardware) kondiviżi tas-Sistema ta’ Sewqan Awtonomu (ADS).

L-Alleanza hija mekkaniżmu b’saħħtu biex tiġi aċċellerata l-kooperazzjoni transfruntiera tal-industrija Ewropea fir-rigward tal-innovazzjoni, l-iżvilupp u l-ewwel varar industrijali ta’ teknoloġiji konnessi u awtonomi tas-sewqan. Il-Kummissjoni tinsab lesta li tipprovdi, fuq talba tal-industrija, gwida dwar kif il-ġbir tad-data awtomobilistika jista’ jsir f’konformità mal-liġi tal-kompetizzjoni sabiex dan jippermetti l-avvanzi tal-IA fis-sewqan awtonomu. Il-Kummissjoni se tappoġġa wkoll il-ħidma teknika li għaddejja tal-Istati Membri biex jiġi identifikat kandidat possibbli tal-proġett importanti ta’ interess Ewropew komuni (IPCEI) għal vetturi nodfa, konnessi u awtonomi, filwaqt li tiżgura li dan ikun aċċessibbli għall-SMEs innovattivi.

It-teknoloġija tal-batteriji tal-ġenerazzjoni li jmiss

Il-kompetituri f’pajjiżi terzi qed jinvestu riżorsi finanzjarji u umani sinifikanti fir-R&Ż tat-teknoloġija futura tal-batteriji, b’appoġġ qawwi mill-Istat. L-UE qed tenfasizza b’mod qawwi l-innovazzjoni tal-batteriji permezz tas-sħubija BATT4EU ta’ Orizzont Ewropa. Din l-enfasi tibqa’ importanti. Il-Kummissjoni se tappoġġa l-katina tal-valur kollha tal-UE tal-batteriji tal-ġenerazzjoni li jmiss, inkluż ir-riċiklaġġ, f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ sħubijiet fil-manifattura avvanzata u l-materjali avvanzati. Għas-snin mill-2025 sal-2027, il-baġit iddedikat se jkun ta’ madwar EUR 350 miljun, bħala parti mill-kontribuzzjoni kumplessiva ta’ Orizzont Ewropa għas-settur awtomobilistiku.

Il-finanzjament fl-ambitu ta’ Orizzont Ewropa

L-attivitajiet tal-Alleanza kif ukoll it-teknoloġija tal-batteriji tal-ġenerazzjoni li jmiss se jkunu appoġġati minn investiment pubbliku u privat konġunt fl-ambitu tas-sħubijiet rilevanti ta’ Orizzont Ewropa. Il-programm se jagħmel disponibbli EUR 1 biljun għas-settur awtomobilistiku għall-perjodu 2025–2027, inklużi l-attivitajiet rilevanti ffinanzjati permezz tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni. Fil-futur, sħubijiet iddedikati għal attivitajiet speċifiċi jistgħu jinġabru flimkien f’Impriża Konġunta ddedikata għas-settur awtomobilistiku. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-pakkett tal-proposta tal-QFP li jmiss.

Il-katalizzazzjoni tal-investimenti privati għat-tkabbir tal-Innovazzjoni fl-Ewropa

Kif imħabbar fil-Boxxla għall-Kompetittività u l-Patt għal Industrija Nadifa, il-Kummissjoni se taħdem mal-Grupp tal-BEI u mal-investituri privati biex jiġi varat programm ta’ investiment TechEU sabiex dan ikun ta’ għajnuna għat-tnaqqis tad-distakk fil-finanzjament għall-innovazzjoni fixkiela, għat-tisħiħ tal-kapaċità industrijali tal-Ewropa u għall-espansjoni tal-kumpaniji li jinvestu f’teknoloġiji innovattivi f’sinerġija mal-portafoll tal-proġetti rilevanti tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni. Fis-settur awtomobilistiku, TechEU jista’ jappoġġa investimenti fir-RŻI għat-teknoloġiji strateġiċi futuri, id-diġitalizzazzjoni, l-applikazzjoni tal-IA, flimkien mal-varar tal-kapaċitajiet industrijali avvanzati tal-manifattura u tal-katina tal-provvista, u l-espansjoni ta’ teknoloġiji strateġiċi u kompetittivi mill-OEMs, il-fornituri, u l-kumpaniji teknoloġiċi innovattivi fis-settur awtomobilistiku, inkluż il-bini tal-katina tal-provvista tat-teknoloġiji taċ-ċelloli tal-batteriji.

Azzjonijiet Ewlenin:

Tiġi stabbilita l-Alleanza Ewropea għall-Vetturi Konnessi u Awtonomi fl-2025.

Jiġu appoġġati r-riċerka u l-innovazzjoni għal mobbiltà konnessa u awtomatizzata u tiġi żviluppata teknoloġija tal-batteriji tal-ġenerazzjoni li jmiss permezz ta’ Orizzont Ewropa.

Azzjoni Oħra:

Ħidma mal-Grupp tal-BEI u mas-settur privat biex jiġi varat programm ta’ investiment TechEU dwar negozji li qed jespandu, inkluż għall-bini tal-katina tal-provvista tat-teknoloġiji taċ-ċelloli tal-batteriji.

Iċ-ċibersigurtà

Il-komponenti tal-hardware u tas-software tal-vetturi konnessi u awtomatizzati għandhom implikazzjonijiet importanti għas-sigurtà. Il-Kummissjoni se tkompli taħdem abbażi ta’ dak li joħroġ mill-valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà li għaddejja bħalissa dwar il-vetturi konnessi fl-ambitu tad-Direttiva NIS2 b’miżuri konkreti, inkluż, jekk ikun meħtieġ, fil-qafas regolatorju għall-vetturi bil-mutur, u se tesplora modi biex tinbena katina tal-valur industrijali Ewropea għall-komponenti kritiċi. B’mod parallel, f’konformità mal-istrateġija tas-sigurtà ekonomika tal-UE, il-Kummissjoni, fi djalogu mas-sħab internazzjonali tagħha u b’mod partikolari l-G7, se tiżviluppa fehma kondiviża tar-riskji taċ-ċibersigurtà u tal-miżuri ta’ mitigazzjoni potenzjali relatati mal-vetturi konnessi. Dan huwa importanti biex tiġi evitata aktar frammentazzjoni tas-suq globali. Se tiżviluppa wkoll standards tas-sigurtà ekonomika biex jiġu indirizzati r-riskji tal-katina tal-provvista, bħad-dipendenza żejda, l-istrumentalizzazzjoni, il-kapaċità żejda, ir-riskji tat-teknoloġija, iċ-ċibersigurtà jew ir-riskji għas-sigurtà.

Azzjonijiet oħra:

Titkompla l-ħidma lejn ċibersigurtà suffiċjenti mingħajr ma jinħonqu l-innovazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni.

Jiġu żviluppati standards ta’ sigurtà ekonomika.

L-aċċess għad-data, il-funzjonijiet u r-riżorsi tal-vetturi 

Il-vetturi konnessi u diġitali se joħolqu flussi ta’ introjtu ġodda sostanzjali u valur ekonomiku mid-data tal-vetturi. Dan il-potenzjal sa ċertu punt diġà huwa disponibbli bl-Att dwar id-Data li jipprovdi aċċess għad-data minn apparati konnessi, bħal vetturi fuq talba tal-utent, kif ukoll bid-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli (RED) li tipprevedi aċċess għal data relatata mal-batteriji. 

Madankollu, minħabba ħafna speċifiċitajiet tal-vetturi bil-mutur konnessi u l-potenzjal tad-data għall-ftuħ ta’ opportunitajiet ġodda ta’ negozju, inkluż dwar l-iċċarġjar bidirezzjonali u intelliġenti, huma meħtieġa miżuri komplementari. Għalhekk, il-Kummissjoni se tieħu miżuri adegwati biex tippermetti lill-ekosistema awtomobilistika sħiħa taħsad il-benefiċċji tad-data mill-vetturi konnessi, b’mod partikolari permezz tal-applikazzjoni tal-Att dwar id-Data u l-Gwida dwar id-data ta’ ġol-vettura li se jiġu ppubblikati fil-bidu tal-applikazzjoni tal-Att dwar id-Data. Il-Kummissjoni, wara valutazzjoni tal-effetti tal-Att dwar id-Data, se tikkunsidra azzjoni ulterjuri, inkluża proposta leġiżlattiva dwar l-aċċess għad-data ta’ ġol-vettura u l-possibbiltà li tiġi stabbilita Pjattaforma Ewropea tad-Data Awtomobilistika. F’dan il-kuntest, se tqis ukoll il-kunsiderazzjonijiet taċ-ċibersigurtà, inkluż għall-aċċess remot għad-data.    

Il-Kummissjoni qed tivvaluta wkoll jekk il-qafas tal-kompetizzjoni eżistenti tal-UE rigward il-ftehimiet vertikali fis-swieq sekondarji awtomobilistiċi (ir-Regolament ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija għall-Vetturi bil-Mutur) għadux adattat għall-iskop tiegħu, inkluż fl-isfond tad-diġitalizzazzjoni. 

Azzjonijiet Ewlenin:

Miżuri adegwati dwar l-aċċess għad-data, il-funzjonijiet u r-riżorsi tal-vetturi inkluża gwida rigward l-Att dwar id-Data u jekk meħtieġ, proposta leġiżlattiva rigward l-aċċess għad-data dwar il-vetturi.

Rieżami tar-Regolament ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija għall-Vetturi bil-Mutur (MVBER) u l-Linji Gwida Supplimentari.

2.2Mobbiltà Nadifa

It-trasport bit-triq għadu jirrappreżenta madwar kwart tal-emissjonijiet totali tal-gassijiet serra tal-UE. Sabiex tintlaħaq l-ambizzjoni tal-Ewropa li ssir newtrali għall-klima sal-2050, l-emissjonijiet tat-trasport jeħtieġ li jitnaqqsu b’90 % sa dik id-data. U biex jiġi żgurat suċċess kummerċjali kontinwu, huwa kruċjali wkoll li l-OEMs Ewropej, li diġà qed jinvestu b’mod qawwi f’teknoloġiji b’emissjonijiet żero, jerġgħu jiksbu t-tmexxija teknoloġika u tal-prodotti fil-vetturi b’emissjonijiet żero. Il-vetturi b’emissjonijiet żero diġà jirrappreżentaw sehem sinifikanti tal-bejgħ globali u eventwalment se jkunu s-segment dominanti tas-suq. Suq domestiku b’saħħtu, appoġġat minn infrastruttura adegwata fit-territorji kollha, huwa faċilitatur kruċjali għal dan.

L-istandards tal-emissjonijiet

It-tranżizzjoni lejn mobbiltà nadifa fit-toroq hija appoġġata minn standards tal-emissjonijiet tas-CO2 għal karozzi u vannijiet ġodda u għal vetturi heavy duty, li jistabbilixxu miri progressivament ogħla għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-manifatturi. Dawn l-istandards jipprovdu ċertezza u prevedibbiltà fit-tul għall-investituri tul il-katina tal-valur, filwaqt li jippermettu biżżejjed żmien ta’ tħejjija għal tranżizzjoni ġusta. Bħalissa, hemm kważi 6 miljun vettura b’emissjonijiet żero fit-toroq tal-Ewropa, iżda għad hemm bżonn ta’ żieda sinifikanti biex jintlaħqu l-miri tal-2035 u l-2040.  

Id-domanda għall-vetturi elettriċi bil-batterija kienet aktar dgħajfa dan l-aħħar milli kien antiċipat. Wara li bejn l-2019 u l-2023 żdied b’sitt darbiet, il-bejgħ tal-vetturi elettriċi bil-batterija fl-UE naqas bi ftit — b’5.6 fil-mija bejn l-2023 u l-2024. L-ishma tas-suq naqsu minn 14.6 għal 13.6 fil-mija, u kien hemm dewmien fit-tnedija fis-suq ta’ mudelli ta’ vetturi elettriċi affordabbli.

Filwaqt li ċ-ċifri ta’ Jannar 2025 urew sehem ta’ 15 fil-mija tal-bejgħ għall-vetturi elettriċi bil-batterija, meta mqabbel ma’ 10.9 fil-mija f’Jannar 2024, għad hemm riskju li l-miri tal-emissjonijiet tal-vetturi tal-passiġġieri għall-2025 jistgħu jirriżultaw f’penali sinifikanti. Għalhekk, il-Kummissjoni se tippreżenta malajr flessibbiltajiet addizzjonali, permezz ta’ emenda mmirata tal-istandards ta’ rendiment għall-emissjonijiet tas-CO₂ għall-karozzi u għall-vannijiet. L-emenda, jekk tiġi adottata, tiddetermina li l-konformità tiġi vvalutata matul is-snin 2025, 2026 u 2027 b’kod konġunt sabiex il-manifatturi tal-karozzi jkunu jistgħu jikkumpensaw il-qbiż tal-mira f’waħda jew tnejn minn dawn is-snin b’kisbiet żejda fis-sena/snin l-oħra. Dan se jikkontribwixxi għas-salvagwardja tal-kapaċità tal-industrija li tinvesti, filwaqt li tinżamm l-ambizzjoni ġenerali tal-miri tal-2025. Il-Kummissjoni tappella lill-koleġiżlaturi biex jilħqu ftehim dwar din l-emenda mingħajr dewmien, peress li dan joħloq ċertezza għas-settur. Kif imsemmi fil-Linji Gwida Politiċi tal-Kummissjoni, ir-regolament dwar l-istandards ta’ rendiment għall-emissjonijiet tas-CO2 għall-karozzi u l-vannijiet joħloq prevedibbiltà għall-investituri u l-manifatturi. Il-Kummissjoni Ewropea se taċċellera l-ħidma fuq it-tħejjija tar-rieżami previst tar-Regolament. Ir-rieżami se jkun bbażat fuq analiżi msejsa fuq il-fatti, filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi teknoloġiċi rilevanti kollha, u l-importanza ta’ tranżizzjoni ekonomikament vijabbli u soċjalment ġusta lejn mobbiltà b’emissjonijiet żero.

Azzjonijiet Ewlenin:

Proposta biex jiġu emendati l-istandards tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-karozzi u l-vannijiet, biex tkun tista’ tinqabeż l-mira f’sena jew sentejn b’kisba żejda fis-sena/snin l-oħra għall-perjodu 2025–2027.

Jiġu aċċellerati t-tħejjijiet għar-rieżami previst tar-Regolament.

Tingħata spinta lid-domanda għal vetturi b’emissjonijiet żero

Jiġu appoġġati l-utenti b’introjtu aktar baxx permezz ta’ Skemi ta’ Lokazzjoni Soċjali

L-iskemi ta’ Lokazzjoni Soċjali jistgħu jappoġġaw l-mobbiltà nadifa affordabbli għall-konsumaturi inqas vantaġġati, filwaqt li jagħtu spinta diretta lill-bejgħ tal-vetturi b’emissjonijiet żero. Fl-ewwel trimestru tal-2025, il-Kummissjoni se tadotta Rakkomandazzjoni dwar il-Faqar tat-Trasport, li tħeġġeġ lill-Istati Membri jadottaw skemi ta’ lokazzjoni soċjali għal vetturi ġodda u użati b’emissjonijiet żero, immirati lejn l-utenti tat-trasport vulnerabbli bħala parti mill-implimentazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali tagħhom fl-ambitu tal-Fond Soċjali għall-Klima. Il-lokazzjoni soċjali (u b’mod partikolari l-iskemi għall-kiri jew il-lokazzjoni ta’ vetturi b’emissjonijiet żero mmirati lejn il-gruppi vulnerabbli) huma koperti wkoll mill-Gwida dwar il-Pjanijiet Soċjali għall-Klima, li l-Kummissjoni qed tadotta fl-istess jum ta’ din il-Komunikazzjoni.

L-aċċellerazzjoni tal-użu ta’ vetturi b’emissjonijiet żero fil-flotot korporattivi

Il-flotot korporattivi huma parti importanti mis-suq Ewropew tal-vetturi. Il-vetturi mixtrija mill-impriżi bħalissa jammontaw għal madwar 60 % tar-reġistrazzjonijiet tal-karozzi fl-UE. L-aċċellerazzjoni tal-użu ta’ vetturi b’emissjonijiet żero fil-flotot korporattivi se tkun ta’ benefiċċju għall-industrija awtomobilistika Ewropea u se tnaqqas ulterjorment l-emissjonijiet tat-trasport. Sabiex jiġi żgurat użu adegwat ta’ vetturi b’emissjonijiet żero fil-flotot korporattivi, l-eliminazzjoni tas-sussidji distorsivi għall-vetturi li jaħdmu bil-fjuwils fossili hija strumentali.

Il-Kummissjoni bdiet taħdem fuq proposta leġiżlattiva għad-dekarbonizzazzjoni tal-flotot korporattivi, bl-għan li tistabbilixxi miżuri li jappoġġaw l-użu ta’ vetturi b’emissjonijiet żero minn xerrejja korporattivi, mingħajr ma tpoġġi piż bla bżonn fuq l-SMEs u b’kont meħud tal-kriterji dwar, fost l-oħrajn, is-sostenibbiltà u r-reżiljenza. Biex jinbena momentum malajr kemm jista’ jkun, flimkien ma’ dan il-Pjan ta’ Azzjoni, il-Kummissjoni qed tippubblika Komunikazzjoni għad-dekarbonizzazzjoni tal-flotot korporattivi, li tiddeskrivi l-azzjonijiet li l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u muniċipali diġà jistgħu jieħdu biex jaċċelleraw l-użu ta’ vetturi b’emissjonijiet żero.

L-ispedituri għandhom rwol importanti fl-aċċellerazzjoni tas-sehem ta’ vetturi heavy-duty b’emissjonijiet żero (HDVs). Bħala parti mill-ħidma fuq il-flotot korporattivi, il-Kummissjoni se teżamina wkoll miżuri biex jiġi aċċellerat l-użu ta’ trakkijiet Ewropej b’emissjonijiet żero.

L-aċċellerazzjoni tal-użu ta’ vetturi heavy-duty b’emissjonijiet żero

Fix-xhur li ġejjin, il-Kummissjoni se tadotta emenda mmirata tad-Direttiva dwar il-Eurovignette biex testendi l-iskadenza lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2025 biex il-vetturi heavy-duty b’emissjonijiet żero jiġu eżentati kompletament mit-tariffi stradali. 

Il-kompetittività u l-investiment fi trakkijiet b’emissjonijiet żero u d-dekarbonizzazzjoni tat-trasport bit-triq jistgħu jiġu stimulati ulterjorment permezz ta’ konklużjoni rapida tan-negozjati interistituzzjonali u l-adozzjoni tar-reviżjoni proposta tad-Direttiva dwar il-Piżijiet u d-Dimensjonijiet. Dan jiżgura l-parità tat-tagħbija utli mal-vetturi diżil. Barra minn hekk, qed jiġu proposti diversi miżuri 3 biex jiġu inċentivati l-investimenti fi trejlers effiċjenti permezz ta’ varjazzjonijiet favorevoli fil-pedaġġ stradali.

Fl-aħħar nett, il-modifika retroattiva ta’ vetturi heavy-duty konvenzjonali, speċjalment il-karozzi tal-linja, b’sistema ta’ motopropulsjoni elettrika tista’ tkun kontribut kosteffettiv għad-dekarbonizzazzjoni tal-flotta. Il-Kummissjoni se tappoġġa l-iżvilupp ta’ Regolament fil-qafas tal-UNECE, li jarmonizza l-approvazzjoni tat-tip ta’ tali vetturi modifikati b’mod retroattiv fuq livell globali.

Il-Kummissjoni qed tesplora wkoll azzjoni biex tappoġġa l-użu ta’ karozzi tal-linja nodfa magħmula fl-Ewropa, inkluż permezz ta’ appoġġ għall-konverżjoni tal-flotot tal-vetturi u tad-depots u aggregazzjoni aħjar tad-domanda jew regoli dwar l-amortizzament għall-muniċipalitajiet lokali.

Koordinazzjoni aħjar tal-iskemi ta’ inċentivi tal-Istati Membri għax-xiri mill-konsumaturi

Meta tinxtara karozza ġdida, waħda mill-kunsiderazzjonijiet primarji tal-klijent hija ġeneralment il-kost tagħha. Bħalissa, l-Istati Membri għażlu approċċi differenti biex jinċentivaw l-użu ta’ vetturi b’emissjonijiet żero anke madwar l-Istati Membri b’livelli simili ta’ maturità tas-suq għall-mobbiltà nadifa. Dawn l-inċentivi huma wkoll ta’ spiss soġġetti għal bidliet, u dan inaqqas iċ-ċertezza għall-konsumaturi, il-kumpaniji u l-investituri. S’issa, ittieħdu tagħlimiet importanti rigward l-effettività ta’ tali skemi, li jippermettu li jiġi ottimizzat id-disinn tagħhom u li tiġi appoġġata produzzjoni Ewropea aktar ambjentalment sostenibbli u strateġikament reżiljenti. Huwa meħtieġ approċċ aktar koordinat fil-livell Ewropew. Il-Kummissjoni se tibda taħdem, mingħajr dewmien, mal-Istati Membri biex tiskambja l-aħjar prattiki u t-tagħlimiet meħuda dwar l-iskemi ta’ inċentivi għall-konsumaturi. Din il-ħidma se tidentifika sett ta’ għodod b’opzjonijiet għal skemi ta’ inċentivi maħsubin biex ikunu ekonomikament effiċjenti u fiskalment sostenibbli u mfassla għall-maturità tas-swieq inkwistjoni u se teżamina l-perkorsi għal skemi ta’ inċentivi possibbli fil-livell tal-UE. Dawn id-diskussjonijiet se jikkontribwixxu għal Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, li se tidentifika wkoll sorsi ta’ finanzjament tal-UE li minnhom l-Istati Membri jistgħu jappoġġaw tali inċentivi.

Azzjonijiet Ewlenin:

Rakkomandazzjoni dwar il-faqar fit-trasport (l-ewwel trimestru tal-2025) inklużi Skemi ta’ Lokazzjoni Soċjali.

Komunikazzjoni (l-ewwel trimestru tal-2025) u Inizjattiva leġiżlattiva għad-Dekarbonizzazzjoni tal-Flotot Korporattivi (tmiem l-2025).

Azzjonijiet Oħra:

Emenda mmirata tad-Direttiva dwar il-Eurovignette biex tiġi estiża l-iskadenza għall-eżenzjoni sħiħa tal-vetturi heavy-duty b’emissjonijiet żero mit-tariffi stradali (it-tieni trimestru tal-2025).

Jiġu ffinalizzati n-negozjati interistituzzjonali għar-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Piżijiet u d-Dimensjonijiet.

Rakkomandazzjoni dwar inċentivi fiskali u mhux fiskali min-naħa tad-domanda (2026).

L-aċċellerazzjoni tal-introduzzjoni tal-infrastruttura tal-iċċarġjar

Id-disponibbiltà tal-infrastruttura tal-irriċarġjar elettriku u tar-riforniment tal-idroġenu hija waħda mill-prekondizzjonijiet għall-użu tal-vetturi b’emissjonijiet żero, u għalhekk l-investimenti fl-infrastruttura huma wkoll kruċjali għall-kompetittività tas-settur awtomobilistiku tal-Ewropa. Madankollu, il-varar tal-infrastruttura tal-irriċarġjar mhuwiex żviluppat b’mod ugwali madwar l-Istati Membri u r-reġjuni tagħhom. Jeħtieġ li dan jinbidel.

It-twettiq tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Il-Kummissjoni se tqiegħed assistenza teknika mmirata għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri permezz tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet previsti fir-Regolament dwar l-Infrastruttura tal-Fjuwils Alternattivi (AFIR) u d-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija (EPBD). 

Il-Faċilità għall-Infrastruttura tal-Fjuwils Alternattivi (AFIF) uriet li hija strument effettiv u effiċjenti biex tiġi appoġġata l-introduzzjoni tal-infrastruttura tal-irriċarġjar u tar-riforniment tal-idroġenu. Diġà se jkunu disponibbli EUR 570 miljun fl-ambitu tal-Faċilità għall-Infrastruttura tal-Fjuwils Alternattivi għal proġetti ta’ introduzzjoni tal-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi fl-2025 u fl-2026 b’enfasi partikolari fuq il-vetturi heavy-duty.

Fil-Pjan ta’ Investiment għat-Trasport Sostenibbli, li għandu jiġi adottat matul l-2025, il-Kummissjoni se tagħmel proposti addizzjonali għal azzjonijiet biex jitneħħew l-ostakli ħalli jiżdied il-finanzjament għall-infrastruttura tal-irriċarġjar.

L-aċċess għall-grilja

Id-dewmien fil-konnessjonijiet mal-grilja spiss ikun ostaklu kbir li jfixkel il-varar tal-infrastruttura tal-irriċarġjar, speċjalment parks tal-irriċarġjar akbar u pubbliċi u ċ-ċarġers b’potenza għolja meħtieġa għall-vetturi heavy-duty. Diġà hemm diversi azzjonijiet ta’ prijorità dwar l-aċċess għall-grilja li qed jitwettqu jew huma ppjanati fl-ambitu tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għall-Grilji (inkluż l-provvediment ta’ aktar trasparenza fir-rigward tal-kapaċità ta’ hosting tal-grilja u l-appoġġ lill-operaturi tal-grilja biex jantiċipaw id-domanda għall-iċċarġjar) u fil-Pakkett dwar il-Grilji u l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Elettrifikazzjoni mħabbra għall-ewwel trimestru tal-2026.

Il-Kummissjoni dalwaqt se toħroġ Gwida u Rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri dwar it-tqassir taż-żmien ta’ stennija għall-konnessjonijiet tal-punti tal-irriċarġjar mal-grilji u t-trattament prijoritarju tagħhom, abbażi tal-aħjar prattiki mill-Istati Membri. Il-Kummissjoni tirrakkomanda wkoll li l-Istati Membri jippreżumu li l-istazzjonijiet tal-iċċarġjar, il-konnessjoni tagħhom mal-grilja, il-grilja relatata nnifisha u l-assi tal-ħżin huma fl-interess pubbliku prevalenti fil-kuntest tal-proċeduri għall-ħruġ tal-permessi. Il-Kummissjoni se tivvaluta jekk dik il-preżunzjoni għandhiex issir obbligatorja. L-Istati Membri għandhom jiffavorixxu l-prijoritizzazzjoni ta’ proġetti ta’ benefiċċju għat-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa u l-effiċjenza tas-sistema tal-enerġija, inklużi l-punti tal-iċċarġjar.

Il-Kummissjoni se toħroġ prinċipji gwida sas-sajf tal-2025 li jidentifikaw il-kundizzjonijiet li skonthom għandhom jingħataw investimenti antiċipatorji fi proġetti tal-grilja. Dan se jippermetti li jiġu antiċipati l-ħtiġijiet futuri tal-infrastruttura tal-irriċarġjar fl-ippjanar tal-grilja.  

Id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli diġà tawtorizza lill-Istati Membri biex jippjanaw żoni ddedikati għall-grilji marbuta ma’ proġetti rinnovabbli, u dan jippermetti proċeduri ta’ ppjanar u ta’ ħruġ ta’ permessi aktar rapidi. F’dan l-isfond, il-grilji relatati ma’ oqsma ta’ rilevanza għall-inizjattiva dwar il-Kurituri tat-Trasport Nodfa Ewropej għandhom jitqiesu mill-Istati Membri bħala żoni ta’ aċċellerazzjoni simili għal dawk imfassla għall-infrastruttura relatata mal-pjanijiet rinnovabbli. Il-Kummissjoni se toħroġ aktar rakkomandazzjonijiet dwar din il-kwistjoni.



L-infrastruttura tal-iċċarġjar tal-vetturi kummerċjali

Qasam kritiku ta’ azzjoni huwa l-infrastruttura tal-iċċarġjar tal-vetturi heavy-duty, fid-depots u tul il-kurituri awtostradali ewlenin. L-investimenti fl-infrastruttura se jaċċelleraw l-użu ta’ vetturi heavy-duty nodfa anki tal-klijenti tal-merkanzija.

Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri fuq inizjattiva dwar Kurituri tat-Trasport Nodfa Ewropej li se tħaffef il-varar ta’ gruppi ta’ stazzjonijiet tal-iċċarġjar għall-vetturi heavy-duty tul kurituri loġistiċi ewlenin fit-TEN-T bħala infrastruttura kritika, inkluż fin-nodi urbani relatati u fit-terminals multimodali tal-merkanzija tagħhom. Din l-inizjattiva se ssir fl-ambitu tal-Għodda ta’ Koordinazzjoni tal-Kompetittività li ġiet ippreżentata fil-Boxxla għall-Kompetittività 4 , u se tiffoka fuq is-simplifikazzjoni tal-ħruġ tal-permessi, l-ingranaġġ tal-finanzjament biex jitnaqqsu r-riskji tal-investimenti, u r-rabta mad-dispożizzjonijiet għal żoni prijoritarji speċifiċi tal-grilja fl-ambitu tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli. L-għan huwa li l-ewwel impatt jitwettaq fl-2025. Il-Kummissjoni se teżamina wkoll modi kif taċċellera l-ħruġ tal-permessi mhux tal-grilja għall-istazzjonijiet tal-irriċarġjar tal-vetturi heavy-duty, pereżempju billi jinbidlu r-regolamenti dwar it-tqassim f’żoni biex jingħata appoġġ espliċitu għall-iċċarġjar tal-vetturi heavy-duty tul il-kurituri tat-TEN-T. Huwa importanti wkoll li jiġi identifikat it-tip it-tajjeb ta’ appoġġ għall-operaturi tad-depots u tal-punti tal-iċċarġjar pubbliċi għall-installazzjoni tal-ħżin lokali tal-elettriku , bħall-finanzjament jew l-assistenza teknika.

L-iċċarġjar intelliġenti u bidirezzjonali

Bl-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli u ż-żieda fl-elettrifikazzjoni tal-użi finali, il-ħtiġijiet ta’ flessibbiltà se jiżdiedu b’mod sostanzjali. L-iċċarġjar intelliġenti u bidirezzjonali jista’ jgħin biex jittaffa l-piż fuq il-grilja u jappoġġa l-integrazzjoni effiċjenti tal-vetturi elettriċi fis-sistema tal-elettriku u filwaqt inaqqas l-kostijiet tal-enerġija tal-utenti tal-vetturi.

Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu qafas li jwassal għall-iċċarġjar intelliġenti u bidirezzjonali. Id-Direttiva dwar id-Disinn tas-Suq tal-Elettriku diġà tipprovdi lill-Istati Membri sett ta’ għodod biex jiġi appoġġat l-iċċarġjar intelliġenti u bidirezzjonali. Għandhom jiżguraw li l-operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni joffru tariffi tan-network ġusti u jevitaw t-tassazzjoni doppja tal-enerġija maħżuna, inkluż fil-batteriji tal-vetturi elettriċi. B’mod aktar ġenerali, l-Istati Membri jistgħu, permezz ta’ tassazzjoni xierqa tal-elettriku, joħolqu argument għall-vijabbiltà tal-iċċarġjar bidirezzjonali. Il-Kummissjoni se tiffaċilita l-iskambju bejn l-Istati Membri dwar l-aħjar prattiki u se tipprovdi kodiċi tan-network ġdid dwar ir-rispons għad-domanda (l-ewwel trimestru tal-2026) li se jiżgura l-parteċipazzjoni sħiħa fis-suq ta’ servizzi ta’ flessibbiltà differenti, inkluż l-iċċarġjar bidirezzjonali.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tivvaluta l-ħtiġijiet tal-istat ta’ tħejjija tal-iċċarġjar intelliġenti u bidirezzjonali tal-vetturi elettriċi fil-kuntest tal-approvazzjoni tat-tip. Se tniedi ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja għal proġetti pilota V2G sabiex jiġu indirizzati l-isfidi regolatorji, tekniċi u tas-suq qabel il-varar fuq skala kbira.



Azzjonijiet Ewlenin:

Inizjattiva dwar Kurituri tat-Trasport Nodfa Ewropej (it-tielet trimestru tal-2025).

Isiru disponibbli EUR 570 miljun fl-ambitu tal-Faċilità għall-Infrastruttura tal-Fjuwils Alternattivi fl-2025 u l-2026.

Gwida u Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tqassir tal-proċeduri tal-konnessjoni mal-grilja u l-prijoritizzazzjoni tal-konnessjoni mal-grilja.

Prinċipji gwida rigward l-investimenti antiċipatorji fil-grilja (it-tieni trimestru tal-2025).

Azzjonijiet Oħra:

Appoġġ lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni tal-AFIR u tal-EPBD bl-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku.

Appoġġ lill-Istati Membri fl-istabbiliment ta’ oqfsa li jwasslu għall-iċċarġjar intelliġenti / bidirezzjonali u faċilitazzjoni tal-iskambju tal-aħjar prattiki.

Il-mobilizzazzjoni tal-finanzjament privat

Kif imħabbar mill-Patt għal Industrija Nadifa, se jiġi mobilizzat investiment addizzjonali ta’ madwar EUR 50 biljun fl-ambitu ta’ InvestEU biex jiġu appoġġati politiki ewlenin tal-UE, bil-Grupp tal-BEI jkollu rwol prominenti f’dan l-isforz. Dan jista’ jinkludi appoġġ ulterjuri għat-teknoloġija nadifa u l-mobbiltà nadifa, inkluż għall-benefiċċju tal-industrija awtomobilistika tul il-katina tal-valur kollha, biex jgħin sabiex tikber jew tissaħħaħ il-ġustifikazzjoni għal investimenti meħtieġa fuq skala kbira .

It-tisħiħ tal-fiduċja tal-konsumatur

Il-Kummissjoni se tirrieżamina d-Direttiva dwar it-Tikkettar tal-Karozzi fl-2026, wara l-evalwazzjoni li għandha tiġi ppubblikata fl-ewwel nofs tal-2025, biex tappoġġa lill-konsumaturi sabiex jagħmlu għażliet sostenibbli u biex tgħin fl-objettiv li jiżdied il-varar ta’ vetturi b’emissjonijiet żero. Dan jista’ jsir eż. billi tiġi inkluża informazzjoni dwar il-kontenut ta’ karbonju ta’ materjali ewlenin użati fil-vettura.

Ta’ min jinnota, li skont il-pajjiż, 75 %-90 % tal-konsumaturi jixtru biss vetturi użati. Fir-rigward ta’ vetturi użati b’emissjonijiet żero, il-konsumaturi huma mħassba dwar l-istat ta’ saħħa tal-batteriji u l-possibbiltà ta’ tiswija. Biex tissaħħaħ il-fiduċja tal-konsumatur fil-vetturi elettriċi bil-batterija, il-Kummissjoni se tivvaluta l-kwistjoni usa’ tal-possibbiltà ta’ tiswija tal-batteriji u se tieħu miżuri regolatorji biex tiżgura l-aċċess għall-informazzjoni dwar l-istat ta’ saħħa tal-batteriji fil-passaport tal-batteriji, u l-aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-batteriji.

It-tisħiħ tal-użabilità tal-infrastruttura tal-iċċarġjar

Huwa importanti li l-konsumaturi jkunu jistgħu jqabblu l-prezzijiet tal-iċċarġjar b’mod trasparenti u li jkollhom aċċess għall-informazzjoni sħiħa dwar l-infrastruttura disponibbli. Bħalissa, dan xorta jista’ jkun diffiċli, u l-prezzijiet għall-iċċarġjar jistgħu jvarjaw sostanzjalment minn punt tal-iċċarġjar għall-ieħor. L-AFIR diġà jeħtieġ li l-operaturi tal-punti tal-iċċarġjar jiskambjaw id-data rilevanti kollha mingħajr kost. Fl-ambitu tar-rieżami tal-AFIR fl-2026, il-Kummissjoni se teżamina l-opzjonijiet biex tissaħħaħ ulterjorment it-trasparenza tal-prezzijiet fil-punti tal-irriċarġjar disponibbli għall-pubbliku, filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi rilevanti tas-suq.



Azzjonijiet Ewlenin:

Miżura regolatorja biex jiġi żgurat l-aċċess għall-informazzjoni dwar l-istat ta’ saħħa tal-batteriji fil-passaport tal-batteriji sat-tielet trimestru tal-2026.

Miżura regolatorja biex jiġi żgurat l-aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-batteriji fit-tielet trimestru tal-2025.

Rieżami tal-AFIR fl-2026 biex jiġu vvalutati l-opzjonijiet sabiex tissaħħaħ ulterjorment it-trasparenza tal-prezzijiet fil-punti tal-irriċarġjar disponibbli pubblikament.

Azzjoni Oħra:

Rieżami tad-Direttiva dwar it-Tikkettar tal-Karozzi fl-2026 sabiex tissaħħaħ l-informazzjoni għall-konsumatur.

2.3Il-kompetittività u r-reżiljenza tal-katina tal-provvista

L-industrija awtomobilistika Ewropea tinsab f’riskju li titlef ishma sinifikanti mis-suq minħabba l-kompetittività limitata tagħha fit-teknoloġija tal-vetturi b’emissjonijiet żero u l-kapaċitajiet tal-produzzjoni, u d-distakk sinifikanti fil-kostijiet tal-komponenti kritiċi, b’mod partikolari l-batteriji. Il-batteriji, li jirrappreżentaw 30-40 % tal-valur miżjud ta’ karozza tipika elettrika tal-passiġġieri, jikkostitwixxu l-kamp kritiku tal-battalja għall-impjiegi futuri u l-ħolqien tal-valur. L-Ewropa teħtieġ produzzjoni domestika taċ-celloli tal-batteriji u katina tal-provvista li jkunu kostkompetittivi, anki bil-ħsieb li tħejji kontra xokkijiet u kriżijiet fil-provvista u tipproteġi s-sovranità ekonomika. Dan ikopri parti kbira mill-provvista taċ-ċelloli tal-batteriji u l-valur miżjud Ewropew tul il-katina tal-provvista, inklużi l-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tal-UE ta’ materjali anodiċi attivi, materjal katodiku attiv u l-prekursur tiegħu, u komponenti rilevanti oħra tal-batteriji. Dan jeħtieġ ukoll l-investimenti tal-atturi Ewropej fl-estrazzjoni minerarja tal-materjal tal-batteriji u fl-operazzjonijiet ta’ raffinar fl-Ewropa jew barra minnha. L-objettiv għall-2030 huwa li jinkiseb valur miżjud Ewropew ta’ aktar minn 50 % tul il-katina tal-valur.

Il-manifattura tal-batteriji — “Battery Booster”

Sabiex tinkiseb il-kompetittività tal-kostijiet fuq terminu qasir ta’ ċelloli u komponenti prodotti domestikament, dan il-Pjan ta’ Azzjoni jippreżenta pakkett imsejjaħ “Battery Booster”. Il-finanzjament huwa komponent importanti tal-pakkett. Il-Kummissjoni diġà ħabbret sa EUR 3 biljun mill-Fond għall-Innovazzjoni għall-manifattura tal-batteriji tal-vetturi elettriċi. Fit-3 ta’ Diċembru 2024 tnediet l-ewwel sejħa għal EUR 1 biljun. Is-settur jibbenefika wkoll minn żieda ta’ EUR 200 miljun bil-programm InvestEU mill-Fond għall-Innovazzjoni. Dan se jappoġġa proġetti innovattivi tul il-katina tal-valur Ewropea tal-manifattura tal-batteriji biex jiġu indirizzati l-isfidi ta’ finanzjament billi jkunu jistgħu jsiru operazzjonijiet addizzjonali ta’ dejn ta’ riskju tal-Grupp tal-BEI matul l-2025–2027. Il-Kummissjoni se tagħmel disponibbli EUR 1,8 biljun fis-sentejn li ġejjin biex tappoġġa lill-kumpaniji li jimmanifatturaw il-batteriji fl-UE billi timmobilizza r-riżorsi mill-Fond għall-Innovazzjoni. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni se teżamina il-possibbiltajiet għal żidiet fil-finanzjament tal-linji ta’ produzzjoni Ewropej.

Il-Kummissjoni se teżamina l-appoġġ dirett tal-UE għall-produzzjoni lill-kumpaniji li jimmanifatturaw il-batteriji fl-UE. L-appoġġ tal-UE jista’ jiġi kkombinat mal-għajnuna mill-Istat. F’dak il-kuntest, il-Kummissjoni qed taħdem fuq Qafas ġdid għall-Għajnuna mill-Istat għal Industrija Nadifa li se jissimplifika r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, b’mod partikolari biex tiġi żgurata kapaċità suffiċjenti tal-manifattura ta’ tagħmir ta’ teknoloġija nadifa fl-Ewropa, inklużi l-batteriji u l-komponenti ewlenin tagħhom. Il-Kummissjoni bħalissa qed tikkonsulta lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati dwar abbozz ta’ dan il-Qafas.

Sabiex jissaħħaħ il-valur miżjud Ewropew, l-appoġġ jista’ jkun disponibbli għall-atturi barranin jekk il-kumpaniji Ewropej ikunu daħlu fi sħubijiet magħhom li jiżguraw il-kondiviżjoni tal-ħiliet, l-għarfien prattiku, l-għarfien espert tekniku u t-teknoloġija, kif ukoll valur miżjud suffiċjenti għall-UE.

Meta jiġu stabbiliti tali strumenti ta’ finanzjament, se jiġu kkunsidrati kriterji mhux tal-prezz bħar-rekwiżiti ta’ reżiljenza, kemm għall-finanzjament tal-UE kif ukoll għal dak tal-Istati Membri.

Ir-rekwiżiti għall-kontenut Ewropew dwar iċ-ċelloli tal-batteriji u l-komponenti fl-EVs mibjugħa fl-UE se jiġu indirizzati fil-leġiżlazzjoni li jmiss, inkluż l-Att għall-Aċċellerazzjoni tad-Dekarbonizzazzjoni Industrijali u l-Att dwar l-Ekonomija Ċirkolari, f’konformità mal-impenji legali internazzjonali tal-Unjoni. Dawn ir-rekwiżiti se jirriflettu l-kurva taż-żieda gradwali mistennija tal-kapaċità tal-produzzjoni domestika.

Il-Qafas il-ġdid għall-Għajnuna mill-Istat se jipprovdi possibbiltajiet sabiex l-Istati Membri jinċentivaw ulterjorment lill-investituri privati permezz tat-tnaqqis tar-riskji tal-investimenti fil-portafolli tal-proġetti. L-Istati Membri jistgħu jintroduċu wkoll inċentivi fiskali fil-forma ta’ deprezzament aċċellerat, inkluż l-infiq immedjat, għall-akkwist ta’ tagħmir ta’ teknoloġija nadifa meħtieġ għat-tranżizzjoni lejn ekonomija b’emissjonijiet żero netti.

Il-Kummissjoni se tesplora modi prattiċi addizzjonali biex tappoġġa l-manifattura Ewropea tal-batteriji matul il-fażi kritika ta’ espansjoni, inkluż billi tipprovdi, fuq talba, gwida dwar il-possibbiltajiet għal kooperazzjoni eqreb bejn l-atturi tal-industrija tal-batteriji f’konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE. Il-Kummissjoni se tivvaluta kif u sa liema punt l-interventi ta’ standardizzazzjoni, speċjalment fir-rigward tad-disinn tal-batteriji, jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għall-ekosistema Ewropea tal-batteriji biex tilħaq l-ekonomiji ta’ skala. Il-Kummissjoni se tipprovdi wkoll ċarezza dwar metodu ta’ kalkolu sempliċi għall-impronta tal-karbonju tal-batteriji malajr kemm jista’ jkun.

Il-materja prima tal-batteriji u r-raffinar

L-atturi awtomobilistiċi Ewropej jeħtieġu aċċess affidabbli u sigur għal materja prima u raffinata bi prezz baxx. Fl-istess ħin, il-valur miżjud f’dawn l-attivitajiet jeħtieġ li jiġi lokalizzat fl-Ewropa.

Permezz tal-Att dwar il-Materja Prima Kritika (CRMA), il-Kummissjoni se tippreżenta f’Marzu 2025 lista ta’ Proġetti Strateġiċi li jkopru, l-ewwel u qabel kollox, il-produzzjoni tal-materja prima tal-batteriji fl-istadji kollha tal-katina tal-valur. Tali proġetti se jibbenefikaw minn proċeduri simplifikati għall-ħruġ tal-permessi u minn aċċess għall-finanzjament, u l-ftehimiet ta’ xiri se jiġu ffaċilitati. B’mod parallel, permezz tal-14-il sħubija strateġika tagħha dwar il-materja prima, li jvarjaw miċ-Ċilì sar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, il-Kummissjoni qed tappoġġa investimenti konġunti tul il-katina tal-valur tas-CRM. 5 Il-Kummissjoni qed tniedi l-ewwel sejħiet fl-2025 fl-ambitu tal-pjattaforma li taggrega l-provvista u d-domanda ta’ xi CRM. Dan se jżid id-disponibbiltà tas-CRM u t-trasparenza tas-suq.

Iżda dan mhux biżżejjed. Fil-Patt għal Industrija Nadifa, il-Kummissjoni ħabbret it-tnedija ta’ Ċentru għall-Materja Prima Kritika fl-2026 sabiex tiġi aggregata l-provvista u d-domanda. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tal-UE tinsab lesta li tiffaċilita l-investimenti konġunti tas-settur privat fil-katina tal-valur upstream, biex l-atturi awtomobilistiċi parteċipanti jkunu jistgħu jibbenefikaw minn provvista ta’ materjali b’riskji sinifikament mnaqqsa u bi prezz aktar baxx.

L-applikazzjoni għal proċeduri simplifikati għall-ħruġ tal-permessi għall-materja prima tal-batteriji u għall-proġetti tar-raffinar jenħtieġ li tiġi estiża lil hinn mill-Proġetti Strateġiċi diġà identifikati. Bħala tali, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali biex japplikaw proċeduri simplifikati għall-proġetti domestiċi kollha tul il-katina tal-provvista tal-materja prima tal-batteriji.

Il-Kummissjoni se tesplora sa liema punt ikun ta’ għajnuna l-appoġġ addizzjonali għall-impriżi domestiċi tal-ipproċessar u r-raffinar tal-materjali tal-batteriji (eż. downstream mill-karbonat tal-litju). Il-Kummissjoni se taħdem biex timmobilizza l-istituzzjonijiet finanzjarji pubbliċi biex jipprovdu garanzija u jnaqqsu r-riskji tal-ftehimiet ta’ xiri u kuntratti oħra fit-tul, tul il-katina tal-provvista tal-materjali tal-batteriji.

Tingħata spinta liċ-ċirkolarità tal-katina tal-provvista awtomobilistika

It-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari hija kruċjali biex titnaqqas id-dipendenza mill-materja prima u jiżdiedu l-awtonomija strateġika u r-reżiljenza tal-katina tal-provvista awtomobilistika, inkluża l-ekosistema Ewropea tal-batteriji. Ir-Regolament dwar il-Batteriji jipprovdi qafas għal dan. Madankollu, l-argument għall-vijabbiltà tal-katina tal-valur tar-riċiklaġġ komprensiva fl-Ewropa jeħtieġ li jissaħħaħ aktar. Huwa meħtieġ investiment sinifikanti kemm fil-kapaċitajiet tar-riċiklaġġ ta’ qabel it-trattament kif ukoll ta’ wara t-trattament, jeħtieġ li jiġu żviluppati teknoloġiji tar-riċiklaġġ aktar avvanzati, u jenħtieġ li tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-materja prima tar-riċiklaġġ (jiġifieri l-iskart tal-batteriji u r-ruttam tal-metall ta’ kwalità għolja). Għal dan l-għan, il-Kummissjoni se teżamina l-appoġġ finanzjarju għall-vetturi li ma għadhomx jintużaw u l-faċilitajiet tar-riċiklaġġ tal-batteriji. 

Il-Kummissjoni se tesplora aktar azzjonijiet sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni tal-industrija fir-riċiklaġġ tal-materja prima, f’konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni dalwaqt se tniedi eżerċizzju għat-tiftix tal-fatti sabiex jinkiseb il-kontribut mill-parteċipanti fis-suq.

Sabiex l-ambjent jiġi protett mill-iskart perikoluż, il-Kummissjoni tadotta, flimkien mal-Pjan ta’ Azzjoni preżenti, Deċiżjoni fl-ambitu tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart li tiċċara li, meta ssir skart, il-massa sewda għandha tiġi kklassifikata bħala skart perikoluż. Dan se jwassal għal kontroll aħjar tal-vjeġġi tal-massa sewda, u speċjalment projbizzjoni fuq l-esportazzjoni tagħha lejn pajjiżi li mhumiex tal-OECD. Aċċess akbar għall-massa sewda tal-batteriji se jagħti spinta wkoll lir-riċiklaġġ tal-batteriji. Se jiġu kkunsidrati miżuri addizzjonali biex jiġu ffaċilitati l-vjeġġi intra-UE u jiġu imposti aktar restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni.

Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, il-finalizzazzjoni rapida tal-proċess ta’ kodeċiżjoni rigward ir-Regolament dwar Tmiem il-Ħajja tal-Vetturi tistimula ċ-ċirkolarità fl-industrija awtomobilistika u ttejjeb id-disponibbiltà ta’ materjali sekondarji u spare parts użati affordabbli.

Il-promozzjoni tal-produzzjoni Ewropea tal-komponenti

Sabiex tingħata spinta lill-produzzjoni Ewropea tal-komponenti ewlenin tal-vetturi, kwalunkwe appoġġ pubbliku li jkun ta’ benefiċċju għall-industrija awtomobilistika se jintgħamel kundizzjonali fuq kriterji ta’ reżiljenza u sostenibbiltà li għandhom jiġu proposti fl-ambitu tal-Att għall-Aċċellerazzjoni tad-Dekarbonizzazzjoni Industrijali fir-raba’ trimestru tal-2025. Il-Kummissjoni se tivvaluta wkoll jekk tali kriterji jistgħux jiġu applikati wkoll fl-akkwist privat. Tali approċċ huwa essenzjali wkoll fid-dawl tad-domanda dejjem akbar għall-komponenti tal-vetturi mis-settur tad-difiża, fejn il-provvista stabbli u sigura tal-partijiet kritiċi hija essenzjali. Iż-żieda fil-produzzjoni Ewropea tal-komponenti tal-vetturi għandha tnaqqas ukoll ir-riskju ta’ vulnerabbiltajiet potenzjali tas-sigurtà, filwaqt li tiżgura l-integrità tas-sistemi kritiċi. Għal raġunijiet ta’ sigurtà ekonomika, dan se jkun importanti wkoll għall-komponenti tas-sistema ta’ motopropulsjoni elettrika kif ukoll għal komponenti ewlenin oħra tal-vetturi konnessi u awtomatizzati.



Azzjonijiet Ewlenin:

Pakkett komprensiv imsejjaħ “Battery Booster”: jingħata appoġġ lill-manifattura tal-batteriji fl-ambitu tal-Fond għall-Innovazzjoni, filwaqt li jiġi esplorat l-appoġġ dirett tal-UE għall-produzzjoni lill-kumpaniji li jipproduċu l-batteriji fl-UE possibbilment flimkien ma’ għajnuna mill-Istat, kriterji mhux tal-prezz, rekwiżiti għall-kontenut Ewropew, f’konformità mal-impenji legali internazzjonali tal-Unjoni.

Jiġu ffaċilitati l-investimenti konġunti tas-settur privat fil-katina tal-valur upstream.

Azzjonijiet Oħra:

Finalizzazzjoni rapida tal-Kodeċiżjoni rigward ir-Regolament dwar Tmiem il-Ħajja tal-Vetturi.

Għal dan l-għan, il-Kummissjoni se teżamina l-appoġġ finanzjarju għall-vetturi li ma għadhomx jintużaw u l-faċilitajiet tar-riċiklaġġ tal-batteriji.

Aktar appoġġ biex jissaħħaħ ir-riċiklaġġ.

Kriterji ta’ reżiljenza u sostenibbiltà għall-komponenti ewlenin tal-vetturi.

2.4Il-ħiliet u d-dimensjoni soċjali

Il-bidliet reċenti fil-produzzjoni u fid-domanda fl-ekonomija globali, kif ukoll ix-xokkijiet ekonomiċi u r-riskji u l-inċertezzi ġeopolitiċi kellhom impatt sinifikanti fuq l-impjiegi fis-settur awtomobilistiku tal-UE. Huwa mistenni aktar telf ta’ impjiegi fis-snin li ġejjin. Barra minn hekk, l-ispariġġi fil-ħiliet u n-nuqqas tagħhom fl-industrija awtomobilistika huma ta’ tħassib kbir, flimkien mal-forza tax-xogħol li qed tixjieħ u ħtieġa urġenti li jitħarrġu u jiġu attirati profili ġodda ta’ ħaddiema b’ħiliet adegwati. Is-sħab soċjali għandhom rwol ċentrali fl-antiċipar u l-ġestjoni tal-bidla, u l-ftehimiet ta’ negozjar kollettiv jistgħu joffru soluzzjonijiet għall-konsegwenzi li l-isfidi li qed jiffaċċja s-settur awtomobilistiku jkollhom fuq l-impjiegi u s-soċjetà.

Bħalissa hemm diversi inizjattivi fil-livell tal-UE li jistgħu jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet, b’mod partikolari l-finanzjament mill-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) u l-Fond Ewropew għall-Globalizzazzjoni (FEG). L-inizjattivi dwar l-iżvilupp tal-ħiliet, bħall-Patt għall-Ħiliet u l-Alleanza għall-Ħiliet fis-Settur Awtomobilistiku, iħejju lill-ħaddiema matul it-tranżizzjonijiet profondi li għaddejjin. Iżda dan mhux biżżejjed.

Il-Kummissjoni se tistabbilixxi Osservatorju Ewropew għal Tranżizzjoni Ekwa biex tiżviluppa u tiġbor data rilevanti, inkluż billi tipproġetta x-xejriet tal-impjiegi tul il-katina tal-valur tas-settur awtomobilistiku Ewropea u fil-livelli settorjali u reġjonali. Flimkien ma’ data dwar l-istruttura demografika tal-forza tax-xogħol, dan se jippermetti li jiġu identifikati “hotspots” futuri mistennija tad-diżlokazzjonijiet tal-impjiegi u li jiġu orjentati interventi prospettivi sabiex dawn jiġu indirizzati.

Sabiex jiġi żgurat appoġġ aħjar għall-ħaddiema affettwati mit-tranżizzjonijiet, il-Kummissjoni se tipproponi fir-rebbiegħa tal-2025 emenda mmirata għar-Regolament dwar il-FEG biex dan isir aktar rapidu u usa’. Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-FEG se jiġi estiż biex jappoġġa lill-kumpaniji fil-proċessi ta’ ristrutturar sabiex l-impjegati jiġu protetti kontra r-riskju tal-qgħad. Dan jista’ jwassal għal mobilizzazzjoni aktar bikrija tal-fondi disponibbli. B’mod parallel, il-Kummissjoni qed tħejji, f’konsultazzjoni mas-sħab soċjali, Pjan Direzzjonali għall-Impjiegi ta’ Kwalità li għandu jiġi ppubblikat lejn tmiem is-sena.

Biex tgħin lill-Istati Membri u lis-sħab settorjali jagħmlu użu saħansitra aħjar mill-opportunitajiet offruti mill-FSE+, il-Kummissjoni se tinvolvi ruħha b’mod attiv mas-sħab soċjali u mal-Istati Membri biex tiġbed l-attenzjoni għall-opportunitajiet offruti mill-FSE +, u biex tlaqqa’ l-atturi flimkien. Dan se jinkludi appoġġ għall-ħaddiema li qed ifittxu opportunitajiet ta’ impjieg f’oqsma differenti mis-settur awtomobilistiku u li qed ifittxu tiġdid tal-ħiliet. Barra minn hekk, ir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-FSE+ se jintuża biex l-Istati Membri jiġu inċentivati ħalli jipprogrammaw mill-ġdid aktar flus għas-settur awtomobilistiku, inkluż permezz ta’ bidla possibbli fir-Regolament FSE+.

F’konformità mal-Unjoni tal-Ħiliet, se jissaħħaħ il-qafas għal inizjattivi ta’ ħiliet settorjali f’industriji strateġiċi li jippermettu l-Patt għal Industrija Nadifa. Fl-2026, se jkun disponibbli appoġġ immirat permezz ta’ għotjiet tal-Erasmus+ sa EUR 90 miljun għas-Sħubijiet dwar il-Ħiliet fuq Skala Kbira rilevanti, inkluża s-Sħubija dwar il-Ħiliet Awtomobilistiċi fuq Skala Kbira fl-ambitu tal-Patt għall-Ħiliet.

Azzjonijiet Ewlenin:

Osservatorju Ewropew għal Tranżizzjoni Ekwa.

Emendi legali għar-Regolamenti FEG u FSE+.

2.5Tingħata spinta lill-aċċess għas-suq tagħna, jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi u tiġi ggarantita s-sigurtà ekonomika tagħna

L-industrija awtomobilistika hija negozju globali. L-esportazzjonijiet, l-importazzjonijiet u l-investimenti għandhom rwol ewlieni għall-kompetittività tal-industrija tal-UE. L-aċċess għas-suq barrani, il-kundizzjonijiet ekwi fil-konfront tal-kompetituri barranin, u ambjent regolatorju u tan-negozju adatt għall-iskop tiegħu huma kritiċi għas-suċċess tal-industrija. Għal dan l-għan, l-UE se ssegwi diversi azzjonijiet ta’ prijorità speċifiċi għas-settur awtomobilistiku.

Jiġu ddiversifikati s-sorsi tal-provvista, jiġi żgurat l-aċċess għas-swieq ta’ pajjiżi terzi u tissaħħaħ is-sigurtà ekonomika

Il-Kummissjoni hija determinata li tkompli timxi fuq il-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles tagħha u sħubijiet internazzjonali ta’ benefiċċju reċiproku biex jissaħħu l-aċċess għas-swieq u l-opportunitajiet marbuta mas-sorsi tal-provvista, b’mod partikolari għal materjali kritiċi għall-industrija awtomobilistika Ewropea. Il-Kummissjoni se tevalwa l-effettività tad-dixxiplini rilevanti għall-karozzi fil-ftehimiet kummerċjali u, fejn meħtieġ, se timpenja ruħha mas-sħab kummerċjali biex tkompli ssegwi l-konverġenza regolatorja abbażi tal-istandards internazzjonali. Il-Kummissjoni se tuża l-possibbiltajiet kollha, flimkien mal-partijiet ikkonċernati, biex tappoġġa aħjar is-settur permezz ta’ forom oħra ta’ involviment, bħal Ftehimiet ta’ Rikonoxximent Reċiproku, Sħubijiet Strateġiċi dwar il-Materja Prima Kritika jew Sħubijiet għal Kummerċ u Investimenti Nodfa. Kif rakkomandat fir-Rapport ta’ Draghi, il-Kummissjoni se tkompli tippromwovi l-armonizzazzjoni tar-regolamenti tekniċi dwar il-vetturi fuq livell globali (UNECE) u fi ftehimiet kummerċjali bilaterali.

Pakkett ta’ kondizzjonijiet ekwi 

Il-Kummissjoni se tiżgura titjib kontinwu fil-kundizzjonijiet ekwi permezz ta’ sett ta’ għodod imsaħħaħ, li jikkonsisti mill-elementi li ġejjin.

Ir-Regoli tal-Oriġini 

Ir-regoli preferenzjali tal-oriġini jiddeterminaw il-kundizzjonijiet biex il-prodotti jibbenefikaw minn rata ta’ dazju żero jew imnaqqsa fil-ftehimiet kummerċjali u f’reġimi preferenzjali awtonomi. Dawn huma maħsuba biex jilħqu bilanċ bejn l-objettivi tal-esportazzjoni u tal-importazzjoni, li għandhom jiġu analizzati wkoll fit-termini tal-akkumulazzjoni tal-katina tal-provvista. Il-Kummissjoni se timpenja ruħha mal-industrija u mal-Istati Membri dwar l-approċċ applikat għar-regoli preferenzjali tal-oriġini biex tiżgura li dawn jikkontribwixxu u jappoġġaw il-kompetittività fit-tul tas-settur awtomobilistiku tal-UE.

Il-Kummissjoni se teżamina d-definizzjoni tar-regoli speċifiċi tal-oriġini fil-miżuri għad-difiża tal-kummerċ għall-ekosistema tal-vetturi elettriċi bħala għodda biex tiskoraġġixxi lill-atturi involuti fi prattiki inġusti milli jistabbilixxu faċilitajiet f’pajjiżi terzi u speċjalment f’pajjiżi li jgawdu minn aċċess preferenzjali fis-suq tal-UE.  

L-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ

Il-Kummissjoni imponiet dazji kumpensatorji kontra l-importazzjonijiet tal-vetturi elettriċi Ċiniżi biex tindirizza prattiki kummerċjali inġusti u tibqa’ lesta li tniedi investigazzjoni antiċirkomvenzjoni jekk tirċievi biżżejjed evidenza ta’ prattiki ta’ ċirkomvenzjoni li jimminaw l-effettività tal-miżura. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tibqa’ lesta li tkompli l-involviment tagħha mal-produtturi individwali dwar l-impenji marbuta mal-prezzijiet għall-miżuri kumpensatorji dwar il-vetturi elettriċi bil-batterija miċ-Ċina, f’konformità mar-Regolament Antisussidji bażiku. 

Il-Kummissjoni hija impenjata bl-istess mod li tagħmel użu mill-Istrumenti għad-Difiża tal-Kummerċ u mir-Regolament dwar is-Sussidji Barranin biex tinvestiga prattiki inġusti aktar ’il fuq fil-katina tal-provvista, inkluż fis-segment tal-batteriji u tal-parts fejn meħtieġ.

It-tisħiħ tal-kontribut tal-investimenti barranin għall-kompetittività Ewropea 

Il-Kummissjoni se taħdem biex tiżgura li l-investimenti barranin fis-settur awtomobilistiku jipprovdu kontribut aktar b’saħħtu għall-kompetittività fit-tul tal-industrija tal-UE, il-vantaġġ teknoloġiku u r-reżiljenza ekonomika tagħha, u l-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità fl-UE. Għaldaqstant, il-Kummissjoni se tipproponi, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri u l-industrija, kundizzjonijiet għall-investimenti barranin fis-settur awtomobilistiku biex ikompli jiżdied il-valur miżjud tagħhom għall-UE. Il-kundizzjonijiet jistgħu jinkludu, pereżempju, rekwiżiti ta’ impriżi konġunti, rekwiżiti tal-maniġment superjuri, l-iffaċilitar ta’ ftehimiet li jappoġġaw il-ħtiġijiet tal-industrija tal-UE (bħal servizzi ta’ xiri jew ta’ liċenzji u ftehimiet ta’ royalties ma’ sħab barranin), liċenzjar ta’ teknoloġija jew proprjetà intellettwali, impenji biex jiġu pprovduti inputs kritiċi. Wieħed mill-oqsma ta’ prijorità għal dan se jkun il-katina tal-provvista tal-batteriji.  

Filwaqt li l-ħidma fuq l-investimenti barranin għadha għaddejja, il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jiżguraw li l-investimenti diretti barranin jintużaw biex joħolqu valur miżjud fl-Ewropa, speċjalment meta jkun involut il-finanzjament pubbliku, u jirrikjedu kundizzjonijiet ċari li jgħinu biex jingħalaq id-distakk fl-għarfien prattiku u l-għarfien espert fil-produzzjoni, inkluż permezz ta’ mekkaniżmi effettivi għall-PI u t-trasferiment tal-ħiliet kif ukoll ir-reklutaġġ tal-persunal ibbażat fl-UE u l-ktajjen tal-provvista lokali.

Il-pakkett ta’ simplifikazzjoni

Il-qafas regolatorju eżistenti jġib miegħu prevedibbiltà u jgħin biex jintlaħqu l-objettivi kondiviżi tal-politika pubblika tagħna. Madankollu, jenħtieġ li dan ma jitfax piż u kostijiet żejda fuq l-industrija, b’mod partikolari għall-SMEs fil-katina tal-provvista u fis-suq sekondarju. Fil-kuntest tal-aġenda ta’ simplifikazzjoni regolatorja, il-Kummissjoni, f’konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, se tieħu azzjoni dwar pakkett ta’ simplifikazzjoni regolatorja għall-industrija awtomobilistika, billi ttejjeb il-koerenza u l-konsistenza bejn ir-rekwiżiti regolatorji differenti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija impenjata li, meta tagħmel proposti leġiżlattivi ġodda, tagħti biżżejjed żmien lill-industrija biex tirrifletti dawn ir-rekwiżiti regolatorji ġodda għall-vetturi bil-mutur fil-proċess tal-iżvilupp tal-prodotti. L-evalwazzjoni tar-regolament dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq tal-vetturi bil-mutur (jiġifieri l-leġiżlazzjoni dwar l-approvazzjoni tat-tip) fl-2026 se tiffoka b’mod partikolari fuq il-potenzjal tas-simplifikazzjoni.

L-infurzar tal-qafas regolatorju għall-vetturi bil-mutur huwa importanti biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi u tiġi evitata ċ-ċirkomvenzjoni tar-regoli tal-UE applikabbli fis-setturi kollha. Din ir-responsabbiltà hija primarjament tal-awtoritajiet nazzjonali tal-approvazzjoni tat-tip, iżda l-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri biex tindirizza l-lakuni potenzjali fil-qafas regolatorju, eż. fl-iskemi ta’ approvazzjoni ta’ vetturi individwali.  

Azzjonijiet Ewlenin:

Jiġu esplorati l-kundizzjonijiet għall-investimenti barranin fis-settur awtomobilistiku, inkluż meta jkun involut il-finanzjament pubbliku.

Simplifikazzjoni Regolatorja.

Azzjonijiet Oħra:

Tkomplija tan-negozjati dwar l-FTAs u dwar is-sħubijiet internazzjonali ta’ benefiċċju reċiproku biex jissaħħu l-aċċess għas-suq u l-opportunitajiet marbuta mas-sorsi tal-provvista għall-industrija awtomobilistika tal-UE.

Żvilupp ta’ kooperazzjoni ulterjuri permezz ta’ Sħubijiet għal Kummerċ u Investimenti Nodfa u Sħubijiet Strateġiċi biex jiġi żgurat aċċess aħjar għall-minerali tal-batteriji.

Involviment mal-industrija u mal-Istati Membri dwar l-approċċ applikat għar-regoli preferenzjali tal-oriġini fil-kuntest tal-FTAs

Eżami tad-definizzjoni tar-regoli speċifiċi tal-oriġini fil-miżuri għad-difiża tal-kummerċ għall-ekosistema tal-vetturi elettriċi.

Monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-miżura antisussidji li tindirizza l-importazzjonijiet tal-vetturi elettriċi Ċiniżi u titwettaq investigazzjoni antiċirkomvenzjoni meta din tkun iġġustifikata.

Isir użu mill-Istrumenti għad-Difiża tal-Kummerċ u r-Regolament dwar is-Sussidji Barranin biex jiġu indirizzati l-prattiki inġusti fis-segment tal-batteriji u fis-segmenti tal-parts fejn meħtieġ.

3.Konklużjoni – il-passi li jmiss

Il-Kummissjoni se tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar dan il-Pjan ta’ Azzjoni u l-azzjonijiet proposti u tistedinhom biex jippermettu implimentazzjoni rapida tal-emendi mmirati proposti.

Dan il-Pjan ta’ Azzjoni huwa bbażat fuq kontribut siewi miġbur mill-kumpaniji fis-settur awtomobilistiku, l-assoċjazzjonijiet tan-negozju u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u r-riċerkaturi matul id-djalogi u d-diskussjonijiet madwar mejda, kif ukoll il-konsultazzjoni pubblika miftuħa 6 . Il-monitoraġġ bir-reqqa u l-implimentazzjoni rapida tal-miżuri proposti issa huma tal-akbar importanza. Il-Kummissjoni se tkompli taħdem mal-partijiet ikkonċernati billi tlaqqa’ djalogi regolari, bil-ħsieb li jkun hemm skambju dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri fuq terminu qasir u medju li huma deskritti fil-pjan, u biex tiġbor il-feedback u l-informazzjoni dwar l-iżviluppi reċenti fis-suq.

(1)

Statista Market Insights, Jannar 2025.

(2)

Dawn il-konsultazzjonijiet, li saru bejn it-30 ta’ Jannar u l-20 ta’ Frar, ġew ikkomplementati minn Konsultazzjoni Pubblika Miftuħa, li rċeviet aktar minn 1900 tweġiba.

(3)

COM(2023)189, Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva 1999/62/KE, id-Direttiva tal-Kunsill 1999/37/KE u d-Direttiva (UE) 2019/520 fir-rigward tal-klassi ta’ emissjonijiet tas-CO2 ta’ vetturi heavy-duty bit-trejlers.

(4)

L-Għodda ta’ Koordinazzjoni tal-Kompetittività se tikkoordina l-investimenti u l-politiki fil-qasam tal-kompetittività fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali, u se tfassal każijiet pilota għal proġetti transfruntiera f’oqsma ewlenin speċifiċi b’valur miżjud ċar għall-kompetittività tal-Ewropa.

(5)

Pereżempju, madwar EUR 10 biljun ta’ investimenti reċiprokament rinforzabbli ġew żgurati bejn l-UE u l-Kanada tul il-katina tal-provvista tal-batteriji bis-sħubija strateġika tagħna bejn l-UE u l-Kanada.

(6)

https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/14487-Future-of-the-European-automotive-industry/public-consultation_mt.