IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 19.2.2025
COM(2025) 75 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Viżjoni għall-Agrikoltura u għall-Ikel
Insawru flimkien settur tal-biedja u tal-ikel attraenti tal-UE għall-ġenerazzjonijiet futuri
Werrej
1.Insawru flimkien settur tal-biedja u tal-ikel attraenti tal-UE għall-ġenerazzjonijiet futuri
2.Viżjoni u objettivi għall-2040: sistema agroalimentari li tkun attraenti, kompetittiva, sostenibbli u ġusta għall-ġenerazzjonijiet attwali u futuri
3.Infasslu flimkien ir-risponsi ta’ politika għal settur agroalimentari ta’ suċċess
3.1.
Nibnu settur attraenti li jiżgura standard tal-għajxien ġust u li joħloq opportunitajiet ġodda ta’ introjtu
3.2.
Settur kompetittiv u reżiljenti quddiem l-isfidi globali
3.3.
Settur agroalimentari li jibqa’ validu fil-futur u li jaħdem id f’id man-natura
3.4.
Nagħtu valur lill-ikel u nrawmu kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol ġusti f’żoni rurali vibranti
4.Noħolqu ambjent favorevoli: Inpoġġu r-riċerka, l-innovazzjoni, l-għarfien u l-ħiliet fil-qalba tal-ekonomija agroalimentari tal-Ewropa
5.KONKLUŻJONI
1.Insawru flimkien settur tal-biedja u tal-ikel attraenti tal-UE għall-ġenerazzjonijiet futuri
Il-biedja u l-ikel huma l-qofol tal-istil ta’ ħajja Ewropew. Imsejsa fuq tradizzjonijiet għonja, il-modi kif nipproduċu u ngawdu l-ikel sawru l-komunitajiet, il-kulturi u l-pajsaġġi li jiddefinixxu l-Ewropa.
Il-biedja u l-ikel, inkluż is-sajd, huma setturi strateġiċi għall-Unjoni, li jipprovdu ikel sikur u ta’ kwalità għolja lil 450 miljun Ewropew u li jaqdu rwol ewlieni fis-sigurtà tal-ikel globali. Ir-rapport ta’ Niinistö jirrikonoxxi l-ikel bħala wieħed mis-setturi l-iktar kritiċi għall-forniment tas-servizzi essenzjali liċ-ċittadini. L-appoġġ tal-Unjoni permezz tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) huwa fil-qalba tal-proġett Ewropew għal raġunijiet leġittimi. Is-sigurtà tal-ikel, is-sikurezza u s-sovranità tal-ikel Ewropej mhumiex negozjabbli. Iċ-ċittadini Ewropej dan jikkonfermawh: 94 % taċ-ċittadini li ħadu sehem fl-aħħar stħarriġ tal-Ewrobarometru jikkonfermaw li huwa importanti li tiġi żgurata provvista stabbli tal-ikel fl-UE f’kull ħin.
L-ikel huwa wkoll parti mill-kompetittività tagħna. Is-sistema agroalimentari, imsejsa fis-Suq Uniku tal-UE u fid-diversità tal-intrapriżi, fl-ambitu, fl-iskala u fil-metodi tal-produzzjoni tagħha, iġġenerat valur miżjud ta’ iktar minn EUR 900 biljun fl-2022, u pprovdiet impjieg lil madwar 30 miljun persuna
, li jirrappreżenta madwar 15 % tal-impjiegi totali tal-UE. Bħala l-ikbar esportatur agroalimentari fid-dinja, l-UE ilha żżid b’mod kostanti s-surplus kummerċjali tagħha matul is-snin, u laħqet EUR 70 biljun fl-2023. Fl-istess ħin, is-sitwazzjoni hija differenti fir-rigward tal-provvista ta’ prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, żrieragħ taż-żejt u għelejjel tal-proteini fost l-oħrajn, fejn l-UE tiddependi ħafna fuq l-importazzjonijiet.
Il-biedja u l-ikel huma essenzjali għas-sostenn ta’ komunitajiet vibranti u ekonomikament prosperi fiż-żoni rurali u kostali. Iż-żoni rurali jospitaw 25 % tal-popolazzjoni tal-UE u jkopru 75 % tat-territorju tagħha, u b’hekk huma parti integrali mill-identità tal-Ewropa. Iż-żoni rurali u kostali vibranti huma kruċjali fil-ġlieda kontra d-depopolazzjoni u biex jiġi ffaċilitat “id-dritt li wieħed jibqa’ fit-territorju”.
Il-biedja u s-sajd għandhom x’jaqsmu mal-ħidma man-natura. Il-bdiewa u s-sajjieda huma kustodji tan-natura, il-pedament ta’ Ewropa reżiljenti, u huma parti vitali mis-soluzzjoni għall-protezzjoni u għar-reżiljenza tan-natura, tal-ħamrija, tal-ilma, tal-arja, tal-bijodiversità, tal-oċeani u tal-klima tagħna. Il-bdiewa, is-sajjieda u n-negozji tal-ikel huma innovaturi u intraprendituri. L-innovazzjoni tiftaħ mudelli ta’ negozju u premjijiet ġodda, u b’hekk kemm il-bdiewa u s-sajjieda kif ukoll in-natura jibbenefikaw mit-tranżizzjoni, filwaqt li tappoġġa l-kompetittività.
Iżda qatt ma għandna nissottovalutaw is-sovranità tal-ikel tagħna. Is-settur agroalimentari rreżista x-xokkijiet tal-pandemija u l-kostijiet għoljin tal-inputs, u wera r-reżiljenza inkredibbli tiegħu. Madankollu, il-pressjoni tat-tensjonijiet ġeopolitiċi, l-effetti tal-legat tal-kriżijiet reċenti, l-impatti devastanti tal-avvenimenti tat-temp estrem u d-degradazzjoni ambjentali kif ukoll il-konsegwenzi tax-xejriet strutturali qed jheddu l-vijabbiltà ta’ dan is-settur importanti u l-awtonomija strateġika tal-UE.
Is-settur agroalimentari tal-lum qed jiffaċċja trasformazzjonijiet strutturali diffiċli, inkluż diskrepanzi sinifikanti fl-iskala tal-operazzjonijiet tal-biedja u popolazzjoni tal-biedja li qed tixjieħ. Madwar 12 % biss tal-bdiewa tal-UE għandhom inqas minn 40 sena. Minkejja li l-introjtu għal kull persuna involuta fl-agrikoltura ilu jiżdied matul l-aħħar deċennji, l-introjtu għadu ferm iktar baxx mill-medja fil-bqija tal-ekonomija, u dan għandu impatt dirett fuq l-għajxien tal-bdiewa u jxekkel il-kapaċità tagħhom li jinvestu, jippjanaw u jinnovaw. Dan jibqa’ l-fattur ewlieni fil-mobilizzazzjoni tal-bdiewa li l-UE esperjenzat dan l-aħħar.
Filwaqt li ħafna żgħażagħ jesprimu interess fil-biedja bħala karriera, u xi wħud huma involuti b’suċċess f’intrapriżi agrikoli tal-familja b’saħħithom, hemm ħafna sfidi u ostakli. Il-perspettivi ta’ introjtu inċerti ħafna, flimkien mar-rekwiżiti regolatorji kumplessi li jistgħu jissarrfu f’piżijiet burokratiċi li joħonquhom, il-profittabbiltà baxxa li xxekkel l-investimenti, il-produzzjoni suxxettibbli għall-kriżijiet, it-tibdil demografiku, id-disparità bejn il-ġeneri, in-nuqqas ta’ aċċess għal servizzi bażiċi f’xi żoni rurali, u t-tbatija tal-professjoni huma fost il-fatturi li jistgħu jwasslu biex kulma jmur il-biedja ma tkunx attraenti għall-ġenerazzjonijiet futuri. L-impatt kumulattiv tas-settur agroalimentari spiss iżid mal-pressjoni għolja fuq l-ambjent u l-klima, filwaqt li fl-istess ħin il-bdiewa jiddependu fuq in-natura biex jiżguraw il-produzzjoni futura. Il-biċċa l-kbira ta’ dawn l-isfidi huma kondiviżi mill-produtturi primarji fis-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura, kif ukoll mis-settur agroalimentari kollu kemm hu.
In-nuqqas ta’ ċertezza u ta’ stabbiltà għall-futur professjonali tal-bdiewa Ewropej wassal għall-protesti mifruxa reċenti fl-UE. F’dan l-isfond, huwa essenzjali li l-UE tirrikonoxxi r-rwol vitali li jaqdu l-bdiewa f’ħajjitna u fl-għajxien tagħna, terġa’ tkebbes il-kompetittività u ssaħħaħ l-attraenza ta’ din il-professjoni sabiex tkun tista’ tirnexxi, tinnova u tipprovdi l-bosta benefiċċji tagħha lis-soċjetà tagħna – illum, għada u fl-2040. Dan huwa ferm iktar rilevanti fid-dawl tat-tkabbir futur, u l-isfidi u l-opportunitajiet relatati għall-agrikoltura u għall-bdiewa, fl-Istati Membri attwali u futuri tal-UE.
Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi viżjoni għas-sistema agroalimentari tal-Ewropa għall-2040 u lil hinn u tippreżenta pjan direzzjonali biex tiggwida l-azzjoni tal-UE biex tiżgura li l-politiki kollha jaħdmu id f’id ma’ din il-viżjoni u li jkunu adattati għar-realtajiet ġodda. F’ħafna oqsma, se jkun meħtieġ allinjament aħjar bejn il-politiki nazzjonali u tal-UE biex jintlaħqu l-għanijiet. Din il-viżjoni tappoġġa wkoll it-twettiq tal-Boxxla għall-Kompetittività tal-UE, l-inizjattiva ewlenija kumplessiva tal-UE biex tingħata spinta lill-kompetittività tal-UE. Il-Patt dwar l-Oċeani li qed jitfassal se jistabbilixxi wkoll il-qafas għall-ingranaġġ taż-żona marittima u tal-kosta vasta tal-UE biex tingħata spinta lis-sigurtà tal-ikel, filwaqt li jiġi ppreservat l-assi naturali li s-settur tas-sajd jiddependi fuqu u tingħata spinta lill-kompetittività permezz tal-innovazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tħejji viżjoni għas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura b’perspettiva għall-2040 biex tiżgura l-kompetittività u s-sostenibbiltà fit-tul tagħha, se taħdem biex tiżgura l-ħolqien tal-impjiegi u se tindirizza l-kwistjonijiet urġenti li jaffettwaw lill-komunità tas-sajd.
Din il-Komunikazzjoni tibni fuq diversi inputs strateġiċi, inkluż b’mod partikolari d-Djalogu Strateġiku dwar il-futur tal-agrikoltura tal-UE, kif ukoll ir-rapporti ta’ Draghi, ta’ Letta u ta’ Niinistö. Din tislet ukoll mill-konklużjonijiet tal-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern tal-UE, mill-konklużjonijiet tal-Presidenza Belġjana tal-Kunsill dwar il-futur tal-agrikoltura (2024), kif ukoll mill-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-2024 dwar il-futur tal-PAK. Tkompli tibni wkoll fuq l-Opinjonijiet u r-Riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew, tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u tal-Kumitat tar-Reġjuni.
Ir-rispons ta’ politika huwa artikolat madwar erba’ oqsma ta’ prijorità fundamentali. Il-Komunikazzjoni tispjega l-linji ta’ ħidma dwar kif dawn l-inizjattivi ta’ politika se jissawru b’mod inklużiv u kooperattiv. It-twettiq ta’ dawn l-oqsma ta’ prijorità jiddependi l-iktar fuq elementi importanti ta’ akkumpanjament, jiġifieri s-simplifikazzjoni tal-qafas regolatorju li għandu impatt fuq il-bdiewa u l-katina tal-valur agroalimentari kollha, u l-innovazzjoni li toffri soluzzjonijiet għal tranżizzjoni sostenibbli.
Mod ġdid ta’ ħidma: Nibnu l-fiduċja u d-djalogu
L-esperjenza tgħallimna li ċerti suġġetti relatati mal-ikel u mal-agrikoltura jistgħu jkunu polarizzanti ħafna u l-konsensus tas-soċjetà x’aktarx li joħroġ iktar minn approċċi inklużivi. Għalhekk, il-qofol ta’ din il-Viżjoni huwa mod ġdid ta’ ħidma biex il-fiduċja u d-djalogu jinbnew fis-sistema agroalimentari kollha, fl-UE u globalment.
L-ewwel passi diġà nkisbu bid-Djalogu Strateġiku u s-sett ta’ rakkomandazzjonijiet maqbul unanimament tiegħu. Iżda dan id-djalogu jrid isir iktar profond fil-prattika, b’interazzjoni sostnuta u iktar effettiva mal-bdiewa, mal-operaturi tal-katina alimentari u mas-soċjetà ċivili fil-livell lokali u reġjonali madwar l-Ewropa kollha, filwaqt li t-tħassib u l-ideat tagħhom jingħataw widen. Fl-istess ħin, il-mekkaniżmi eżistenti biex jitrawmu d-djalogu u l-kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati fil-livell tal-UE, bħall-Gruppi ta’ Djalogu Ċivili attwali, jeħtieġ li jiġu rieżaminati biex tiġi ggarantita parteċipazzjoni iktar sinifikanti u effettiva fit-tfassil tal-politiki futuri. Il-Bord Ewropew il-ġdid dwar l-Agrikoltura u l-Ikel se jkun qed jappoġġa lill-Kummissjoni fil-ħolqien ta’ politiki inklużivi billi se jipprovdi konsulenza strateġika u se jrawwem kultura ġdida ta’ djalogu fost l-atturi differenti fil-katina agroalimentari. Barra minn hekk, in-Network tal-PAK tal-UE se jkompli jiffaċilita l-iskambji fost l-atturi rilevanti kollha u d-Djalogi Annwali dwar il-Politika taż-Żgħażagħ se jagħtu s-setgħa lill-inklużjoni sinifikanti taċ-ċittadini u tal-bdiewa żgħażagħ fid-diskussjonijiet ta’ politika.
Finalment, il-Kummissjoni se jibqa’ jkollha djalogu permanenti mal-istituzzjonijiet u mal-korpi l-oħra kollha tal-UE, b’mod partikolari l-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-UE, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, kif ukoll l-organizzazzjonijiet u s-sħab internazzjonali ewlenin. Sabiex jiġi żgurat monitoraġġ effettiv tal-implimentazzjoni ta’ din il-Viżjoni, il-Kummissjoni se tirrapporta regolarment lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE dwar il-progress rigward it-twettiq b’suċċess tad-diversi inizjattivi.
2.Viżjoni u objettivi għall-2040: sistema agroalimentari li tkun attraenti, kompetittiva, sostenibbli u ġusta għall-ġenerazzjonijiet attwali u futuri
L-Unjoni tal-2040 trid tkun post fejn il-biedja u l-produzzjoni tal-ikel jirnexxu madwar il-kontinent tagħna fid-diversità kollha tagħhom. Post fejn il-biedja tkun attraenti għall-ġenerazzjonijiet futuri, u s-settur agroalimentari jkun kompetittiv, reżiljenti, validu għall-futur u ġust.
Il-futur ta’ dan is-settur strateġiku jissejjes fuq il-kapaċità tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet it-tajba li jiffaċilitaw:
●Settur agroalimentari attraenti u prevedibbli fejn l-introjtu jippermetti lill-bdiewa jirnexxu, u jattira lill-ġenerazzjonijiet futuri li jkomplu jipproduċu ikel li jkun tajjeb għall-but ta’ kulħadd u jissodisfa d-domanda tal-konsumaturi; fejn ikun hemm kundizzjonijiet favorevoli li jippermettu lis-settur agroalimentari jisfrutta l-potenzjal intraprenditorjali tiegħu, appoġġat minn sorsi ta’ introjtu u ħiliet differenti biex jinħatfu l-opportunitajiet tal-innovazzjoni, tat-teknoloġija u tat-tranżizzjoni ekoloġika; fejn is-servizzi tal-ekosistema li jkunu ta’ benefiċċju għall-ambjent, għall-ilma, għall-ħamrija jew għall-kwalità tal-arja, bħal fis-settur organiku li qed jikber, jiġu ppremjati kif xieraq; fejn katina alimentari li tiffunzjona b’mod ġust tiżgura li l-piż u l-kostijiet tat-tranżizzjoni jinqasmu b’mod ekwu tul il-katina.
●Settur agroalimentari li jkun kompetittiv u reżiljenti fid-dawl taż-żieda fil-kompetizzjoni u x-xokkijiet globali. Dan jiddependi fuq il-kapaċità tal-UE li tiddiversifika r-relazzjonijiet kummerċjali tagħha, li toħloq opportunitajiet ġodda ta’ esportazzjoni għas-settur u li tnaqqas id-dipendenzi kritiċi; meta l-qafas u l-azzjonijiet globali jippermettu lill-bdiewa jikkompetu b’kundizzjonijiet ekwivalenti globalment, itaffu l-piż tal-burokrazija f’pajjiżhom u jżidu r-reżiljenza tas-settur biex ikun jista’ mhux biss jirreżisti u jirkupra mix-xokkijiet iżda wkoll jadatta u jittrasforma. L-UE qed tkompli tikkontribwixxi għas-sigurtà tal-ikel globali u taqdi r-rwol tagħha ta’ bini ta’ sħubijiet madwar id-dinja.
●Settur agroalimentari validu għall-futur li jiffunzjona fi ħdan il-konfini planetarji, fejn il-biedja u s-settur tal-ikel jikkontribwixxu flimkien għall-objettivi klimatiċi tal-UE, filwaqt li jippreservaw il-ħamrija f’saħħitha, l-ilma u l-arja nodfa, u jipproteġu u jgħinu l-bijodiversità tal-Ewropa tirpilja. Il-partijiet ikkonċernati tul il-katina alimentari jikkontribwixxu b’mod konġunt biex jinkisbu dawn ir-riżultati u jaqsmu r-riskji tat-tranżizzjoni. Is-segmenti kollha tas-sistema agroalimentari huma mħejjija ferm aħjar biex jifilħu għall-effetti tat-tibdil fil-klima, it-telf tal-bijodiversità u t-tniġġis, jużaw ir-riżorsi naturali b’mod sostenibbli u effiċjenti u joperaw skont approċċ ta’ “Saħħa Waħda”.
●Settur agroalimentari li jagħti valur lill-ikel, irawwem kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien ġusti, kif ukoll żoni rurali u kostali vibranti u konnessi sew, inkluż ir-reġjuni ultraperifiċi; fejn iż-żoni rurali jiffaċilitaw id-dritt taċ-ċittadini tagħhom li jibqgħu fit-territorju; fejn ir-rabta bejn l-ikel, it-territorju, l-istaġjonalità, il-kulturi u t-tradizzjonijiet jitħaddnu bħala partijiet integrali tal-istil ta’ ħajja Ewropew; fejn l-UE tibqa’ ta’ quddiem nett fid-dinja fl-innovazzjoni tal-ikel u fis-sikurezza alimentari, u l-ikel ikun tajjeb għall-but taċ-ċittadini; fejn is-saħħa mentali ma tkunx tabù iżda tkun parti mis-sistema ta’ appoġġ soċjali għall-bdiewa u għall-ħaddiema; fejn il-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol jattiraw iktar nisa u żgħażagħ lejn il-professjoni u jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema fl-azjendi agrikoli u tul il-katina tal-valur alimentari.
Finalment, b’mod essenzjali għat-twettiq ta’ din il-Viżjoni, is-sistema agroalimentari tal-Ewropa qed tinvesti u tingrana l-qawwa trasformattiva li joffru r-riċerka, l-għarfien, il-ħiliet u l-innovazzjoni.
3.Infasslu flimkien ir-risponsi ta’ politika għal settur agroalimentari ta’ suċċess
Din il-viżjoni tista’ tinkiseb biss permezz ta’ rispons ta’ politika koerenti u li jħares ’il quddiem, li jissejjes madwar il-mistoqsija ċentrali: kif se tinbena sistema agroalimentari li tkun ekonomikament, soċjalment u ambjentalment sostenibbli, u b’hekk attraenti, kompetittiva, valida għall-futur u ġusta għall-ġenerazzjonijiet attwali u futuri?
3.1.Nibnu settur attraenti li jiżgura standard tal-għajxien ġust u li joħloq opportunitajiet ġodda ta’ introjtu
Iktar minn 60 sena ilu, l-UE impenjat ruħha li tiżgura standard tal-għajxien ġust għall-komunità agrikola, kif stabbilit fl-Artikolu 39 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Dan l-impenn huwa rilevanti issa daqskemm kien dak iż-żmien. Bħala medja, minkejja l-isforzi li saru, l-introjtu agrikolu kumplessiv għal kull ħaddiem għadu ferm iktar baxx mill-pagi medji fl-ekonomija kollha (60 % tal-pagi medji fl-2023)
.
Il-bdiewa ma jridux jiddependu fuq l-appoġġ pubbliku, iżda n-natura volatili ta’ din il-professjoni u l-iżbilanċi fis-suq spiss jeħtieġu dan. Meta niddefinixxu l-miżuri differenti biex jinkiseb standard tal-għajxien ġust, irridu nużaw is-sorsi kollha ta’ introjtu: id-dħul mis-suq, l-appoġġ pubbliku kif ukoll is-sorsi ta’ introjtu komplementari diversifikati u ġodda.
Katina alimentari ġusta u ekwa
L-ewwel nett, il-bdiewa jridu jiksbu dħul aħjar mis-suq, li jippermettilhom jagħmlu l-investimenti meħtieġa biex l-azjendi agrikoli tagħhom jibqgħu validi fil-futur u jkunu iktar reżiljenti. Prerekwiżit għal dan huwa li jiġu kkoreġuti l-iżbilanċi attwali fil-katina alimentari fejn distribuzzjoni inġusta tad-dħul, tar-riskji u tal-piż tal-kostijiet spiss taffettwa b’mod sproporzjonat lill-produtturi primarji. Il-prattiki li bihom il-bdiewa jiġu sistematikament imġiegħla jbigħu bi prezz inqas mill-kostijiet mhux se jiġu ttollerati.
Diġà ttieħdu l-ewwel passi biex il-pożizzjonijiet jiġu bbilanċjati mill-ġdid u jiġi ffaċilitat l-infurzar xieraq tar-regoli li jindirizzaw il-prattiki kummerċjali inġusti bil-proposti adottati mill-Kummissjoni fid-9 ta’ Diċembru 2024. Dawn se jsaħħu l-pożizzjoni tal-produtturi fin-negozjar u fil-konklużjoni tal-kuntratti u se jipproteġu aħjar lill-bdiewa kontra l-prattiki kummerċjali inġusti.
Barra minn hekk, diversi Stati Membri rrikorrew għal regoli nazzjonali li għandhom l-għan li jindirizzaw l-isfida tal-produzzjoni bi prezz inqas mill-kost, li madankollu jaf iwasslu għal approċċi differenti fis-Suq Uniku. Bħala parti mill-evalwazzjoni tar-regoli attwali, il-prattiki kummerċjali inġusti se jiġu investigati iktar, flimkien ma’ rieżami tar-regolamenti nazzjonali kif rakkomandat mid-Djalogu Strateġiku. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni se tipproponi iktar inizjattivi, b’mod partikolari r-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Prattiki Kummerċjali Inġusti biex tindirizza l-prinċipju li l-bdiewa ma għandhomx jiġu sistematikament imġiegħla jbigħu l-prodotti tagħhom bi prezz inqas mill-kostijiet tal-produzzjoni, kif ukoll ir-rieżami tar-Regolament dwar l-OKS fil-kuntest tal-proposti tal-PAK ta’ wara l-2027.
Fl-istess ħin, kif issuġġerit mid-Djalogu Strateġiku, il-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina tal-valur trid tissaħħaħ billi jiġu mħeġġa jingħaqdu ma’ kooperattivi u/jew assoċjazzjonijiet biex jitnaqqsu l-kostijiet, tiżdied l-effiċjenza u jittejbu l-prezzijiet mis-suq. Il-PAK diġà qed tappoġġa lill-bdiewa f’dan ir-rigward.
Barra minn hekk, element ewlieni biex jiġu stimolati l-fiduċja u l-ġustizzja huwa t-trasparenza dwar kif jiġu ffurmati u jinqasmu l-kostijiet u l-marġnijiet fil-katina alimentari. Il-Kummissjoni se tkompli ttejjeb it-trasparenza tul il-katina alimentari, inkluż permezz tal-Osservatorju l-ġdid tal-UE tal-Katina Agroalimentari (AFCO) li se jelabora u se jippubblika indikaturi relatati mal-formazzjoni tal-prezzijiet fil-katina alimentari biex jiggwidaw azzjoni ulterjuri. Dawk l-istrumenti għandhom jappoġġaw ukoll il-kompetittività fit-tul tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (Small and Medium -sized Enterprises, SMEs) fis-settur tal-ikel u tax-xorb li ntlaqtu b’mod partikolari mill-inflazzjoni reċenti.
Appoġġ pubbliku iktar ġust u mmirat aħjar
Sabiex tiġi żgurata l-kontinwazzjoni ta’ biedja li tattira lill-ġenerazzjonijiet futuri ta’ bdiewa madwar l-UE, l-appoġġ pubbliku permezz tal-PAK jibqa’ essenzjali biex jiġi appoġġat l-introjtu tal-bdiewa. Il-pagamenti diretti tal-PAK għad għandhom rwol kruċjali fl-appoġġ u fl-istabbilizzazzjoni tal-introjtu agrikolu fil-livell tal-azjendi agrikoli, u jammontaw għal medja ta’ 23 % tal-introjtu tal-azjendi agrikoli fl-2020
.
Il-PAK futura, bħala parti mill-proposti futuri tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP), se tkun iktar sempliċi u iktar immirata, biex tappoġġa politika agrikola tal-UE li tkun ambizzjuża u orjentata lejn il-futur. Se tiddefinixxi bilanċ iktar ċar bejn il-politiki regolatorji u dawk ibbażati fuq l-inċentivi li jaffettwaw lill-bdiewa.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-immaġni pubblika tal-PAK ġiet affettwata minn perċezzjonijiet ta’ nuqqas ta’ ġustizzja fid-distribuzzjoni tal-pagamenti f’xi territorji.
Bħala prinċipju ġenerali, l-appoġġ futur tal-PAK għalhekk se jkun iktar dirett lejn il-bdiewa li jinvolvu ruħhom b’mod attiv fil-produzzjoni tal-ikel, lejn il-vitalità ekonomika tal-azjendi agrikoli u lejn il-preservazzjoni tal-ambjent tagħna. L-approċċ għandu jikkunsidra wkoll il-prijoritizzazzjoni tal-produzzjoni ta’ prodotti agrikoli li huma essenzjali għall-awtonomija strateġika u għar-reżiljenza tal-UE.
Il-bdiewa żgħar u medji jiffurmaw in-nisġa soċjali taż-żoni rurali, filwaqt li jipproteġu n-natura u l-għajxien. Dawn għandu jkollhom il-kundizzjonijiet li jippermettulhom jaħdmu mingħajr piż amministrattiv eċċessiv. Minħabba l-iskala tagħhom, il-Kummissjoni se tikkunsidra li l-użu ta’ għodod simplifikati ta’ appoġġ għall-introjtu tagħmlu iktar attraenti u testendih permezz ta’ sistema razzjonalizzata ta’ kundizzjonijiet u ta’ kontrolli.
L-appoġġ għandu jkun dirett iktar lejn dawk il-bdiewa li l-iktar għandhom bżonnu, b’attenzjoni partikolari għall-bdiewa fiż-żoni b’restrizzjonijiet naturali, għall-bdiewa żgħażagħ u ġodda, u għall-azjendi agrikoli mħallta.
Se jiġi kkunsidrat l-użu mtejjeb ta’ miżuri bħad-digressività u l-iffissar ta’ limiti massimi, filwaqt li se jitqiesu r-realtajiet strutturali u settorjali differenti tal-Istati Membri. Il-bdiewa kollha għandhom ikomplu jibbenefikaw ukoll minn strumenti bħal pagamenti għal servizzi tal-ekosistema li se jiġu razzjonalizzati u ssimplifikati, kif ukoll appoġġ għall-investiment, u għodod għall-ġestjoni tal-kriżijiet u tar-riskji.
Filwaqt li nibnu fuq l-esperjenza tal-Pjanijiet Strateġiċi attwali tal-PAK, hemm bżonn ta’ iktar razzjonalizzazzjoni ta’ kif tiġi implimentata l-PAK. Il-kumplessità attwali titlob approċċ iktar strateġiku.
Il-PAK futura għal wara l-2027 se tiddependi fuq objettivi bażiċi ta’ politika u rekwiżiti ta’ politika mmirati, filwaqt li se tagħti lill-Istati Membri iktar responsabbiltà u obbligu ta’ rendikont dwar kif se jilħqu dawn l-objettivi.
Il-flessibbiltà se tiġi estiża għall-bdiewa, u se tagħtihom iktar lok biex ifasslu prattiki tal-biedja li jkunu iktar imfassla għall-azjendi agrikoli u għall-kuntest tagħhom. Is-sistema attwali ta’ kondizzjonalità se tiġi ssimplifikata. Il-bdiewa wieġbu b’mod pożittiv għall-introduzzjoni ta’ ekoskemi, li jippremjawhom biex jipprovdu servizzi tal-ekosistema li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti obbligatorji. Il-Kummissjoni se torjenta l-PAK futura lil hinn mill-kundizzjonijiet u iktar lejn l-inċentivi.
Il-ħolqien tal-opportunitajiet ta’ innovazzjoni li jippremjaw
Il-bdiewa, min-natura tagħhom, huma innovaturi u intraprendituri. Il-bdiewa żgħażagħ iridu jkunu l-ixpruni tal-innovazzjoni. Qed jitfaċċaw opportunitajiet ġodda għal sorsi komplementari ta’ introjtu għall-bdiewa kif ukoll għas-sajjieda minn ekonomija newtrali għall-klima u pożittiva għan-natura.
Eżempji konkreti huma s-settur organiku li qed jikber u l-prattiki tal-biedja agroekoloġika li juru bil-provi li huma opzjonijiet attraenti għall-bdiewa żgħażagħ, u jgħaqqdu l-possibbiltajiet ekonomiċi mar-riżultati ambjentali u mar-responsabbiltà soċjali.
Għal oħrajn, l-innovazzjoni toffri opportunitajiet ġodda u eċċitanti. Pereżempju, il-bijoekonomija u ċ-ċirkolarità joffru potenzjal kbir għall-agrikoltura, għall-forestrija u għas-sistema alimentari kollha, kif ukoll għat-tnaqqis tad-dipendenzi kritiċi tagħna. L-Istrateġija l-ġdida dwar il-Bijoekonomija, li trid tiġi ppreżentata sa tmiem l-2025, se jkollha l-għan li tqiegħed lill-Unjoni Ewropea fuq quddiem nett globalment fis-suq tal-bijoekonomija li qed jespandi b’rata mgħaġġla. Irridu naċċelleraw il-kummerċjalizzazzjoni ta’ soluzzjonijiet b’bażi bijoloġika u ċirkolari, inżidu l-bijoteknoloġiji rivoluzzjonarji, nidentifikaw l-opportunitajiet emerġenti fis-suq u nnaqqsu d-diskrepanzi fl-investiment. Dan se jkun partikolarment ta’ benefiċċju għall-komunità tal-biedja billi jippermetti d-diversifikazzjoni tal-flussi tal-valur, il-valorizzazzjoni tar-residwi tal-azjendi agrikoli, it-tisħiħ tar-rwol tal-produtturi primarji fil-katina tal-valur u l-ħolqien ta’ impjiegi ġodda fiż-żoni rurali. Il-Kummissjoni se taħdem mas-sħab internazzjonali, b’mod partikolari permezz tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO, Food and Agriculture Organisation), biex flimkien jidentifikaw modi sostenibbli ta’ mobilizzazzjoni tal-potenzjal tal-bijoekonomija għall-bdiewa mhux biss fl-Ewropa iżda wkoll madwar id-dinja.
Apparti l-appoġġ pubbliku, l-għodod ta’ finanzjament innovattivi, inkluż finanzjament privat u pubbliku-privat imħallat għan-natura, jistgħu jippremjaw lill-bdiewa li jkollhom prattiki pożittivi għan-natura jew li jagħmlu tranżizzjoni lejhom u jlaqqgħuhom flimkien ma’ kumpaniji u investituri b’interess kummerċjali f’tali prattiki.
Il-kultivazzjoni karbonika diġà qed tfeġġ bħala sors addizzjonali ta’ introjtu. Ir-Regolament dwar l-Assorbimenti tal-Karbonju u l-Kultivazzjoni Karbonika (CRCF, Carbon Removals and Carbon Farming) ħoloq l-ewwel qafas volontarju għall-UE kollha għaċ-ċertifikazzjoni tal-assorbimenti tal-karbonju, il-kultivazzjoni karbonika u l-ħżin tal-karbonju fil-prodotti madwar l-Ewropa, u attwalment qed jiġu żviluppati metodoloġiji ta’ ċertifikazzjoni biex jimmonitorjaw, jirrapportaw u jivverifikaw b’mod affidabbli l-assorbimenti tal-karbonju, it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-ħamrija, u l-benefiċċji tal-bijodiversità. Meta jkun possibbli, dawn il-metodoloġiji se jibnu fuq skemi eżistenti, li diġà jirnexxilhom jipprovdu lill-bdiewa b’introjtu addizzjonali. Ladarba jiġu żviluppati bis-sħiħ, għandhom jiġu stimolati modi effettivi ta’ rikonċiljazzjoni tal-offerta u d-domanda ta’ dawn il-krediti volontarji biex jiġu ottimizzati l-opportunitajiet ta’ introjtu addizzjonali tagħhom għall-bdiewa.
Għall-ġejjieni, il-Kummissjoni se tikkomplementa dan bl-iżvilupp ta’ opportunitajiet għal krediti tan-natura, unitajiet ta’ azzjonijiet pożittivi għan-natura, li jirrappreżentaw eżiti kwantifikati u ċċertifikati li jkunu pożittivi għan-natura u ta’ kwalità għolja. Għadd ta’ skemi eżistenti żviluppati minn operaturi kummerċjali u proġetti pilota li għaddejjin, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak internazzjonali, juru l-potenzjal importanti għal proġetti bħal dawn, li fuqhom tista’ tinbena iktar ħidma.
Qed jitfaċċaw ukoll opportunitajiet importanti dwar il-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, li jwittu t-triq għat-titjib tas-sigurtà tal-enerġija, għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, u joffru lill-bdiewa u lill-forestiera prospetti addizzjonali ta’ introjtu u ta’ innovazzjoni. Il-bdiewa mhux biss għandhom ikunu saħansitra iktar awtosuffiċjenti fl-enerġija pereżempju bil-pannelli solari, bl-imtieħen tar-riħ u bil-produzzjoni tal-bijogass, iżda għandhom ikunu kapaċi wkoll iwasslu l-prodotti tal-enerġija tagħhom fis-suq, inkluż permezz tal-komunitajiet tal-enerġija.
Eżempji:
Id-diġitalizzazzjoni (inkluż l-Intelliġenza Artifiċjali (IA)), ir-riċerka u t-teknoloġiji innovattivi tal-AgriTech għandhom potenzjal li jirrivoluzzjonaw il-biedja u li jnaqqsu l-kostijiet fl-azjendi agrikoli, u b’hekk jikkontribwixxu għal introjti aħjar.
●Il-pjattaformi tal-kummerċ elettroniku, l-għodod tal-kummerċjalizzazzjoni diġitali, u s-swieq online jistgħu jgħinu lill-bdiewa u lil atturi oħra tas-sistema agroalimentari jilħqu bażi usa’ ta’ klijenti u jiddiversifikaw il-flussi tad-dħul tagħhom.
●Il-biedja ta’ preċiżjoni u s-soluzzjonijiet ibbażati fuq id-data jistgħu jżidu l-profittabbiltà permezz tal-ottimizzazzjoni tal-inputs.
●Il-100 laboratorju ħaj tal-missjoni ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni ta’ Orizzont Ewropa “Patt dwar il-Ħamrija għall-Ewropa” huma riżorsa bla preċedent biex jappoġġaw lill-bdiewa ħalli jtejbu l-ħamrija tagħhom fil-kuntest tal-prezzijiet għoljin tal-inputs għall-fertilizzanti, l-iskarsezza tal-ilma u fenomeni estremi oħra bħall-għargħar.
Nibnu aġenda ambizzjuża ta’ investiment
Sistema agroalimentari reżiljenti u sostenibbli teħtieġ investiment sinifikanti u għaldaqstant azzjoni kuraġġuża biex tiffinanzja u tneħħi r-riskji tat-tranżizzjoni lejn is-sostenibbiltà. Huwa stmat li s-settur tal-azjendi agrikoli qed jiffaċċja diskrepanza sinifikanti fil-finanzjament li tammonta għal EUR 62 biljun (għall-2022), ferm ogħla milli fl-2017
. Iżda l-ksib ta’ self minn bank, istituzzjonijiet finanzjarji jew investitur privat huwa diffiċli, speċjalment għall-bdiewa żgħażagħ. Din hija konsegwenza tad-daqs relattivament żgħir tal-azjendi agrikoli, ir-redditi baxxi jew modesti fuq l-investiment, il-profittabbiltà u r-riskji varjabbli ħafna, l-output tal-produzzjoni imprevedibbli minħabba l-impatti tat-temp u tal-klima u l-esponiment għal swieq (globali) volatili tal-komoditajiet.
Il-PAK se tkompli tiffinanzja investimenti biex jitrawmu l-kompetittività, is-sostenibbiltà u r-reżiljenza tas-settur tal-biedja. Dan jinkludi l-investimenti li spiss ikunu fuq skala relattivament żgħira fil-livell tal-azjendi agrikoli kif ukoll l-infrastruttura pubblika u privata meħtieġa għall-modernizzazzjoni tas-settur. L-istrumenti eżistenti jistgħu jsaħħu lil xulxin biss jekk jintużaw b’mod iktar intelliġenti fil-futur.
Il-Kummissjoni se taħdem biex tuża b’mod effiċjenti l-finanzjament u l-investiment pubbliċi, tingrana l-kapital privat u tneħħilu r-riskji, filwaqt li taħdem mill-qrib ma’ investituri istituzzjonali bħall-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment (GBEI) kif ukoll is-settur bankarju.
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni se tesplora opzjonijiet biex tistabbilixxi skemi ta’ assigurazzjoni tar-riskji għall-produtturi primarji u tesplora wkoll sħubijiet pubbliċi-privati biex tattira investimenti għall-SMEs fl-agrikoltura u fin-negozju tal-ikel biex tissaħħaħ it-trasformazzjoni tal-katina agroalimentari.
Inrawmu l-intraprenditorija: strateġija ġdida ta’ tiġdid ġenerazzjonali
Il-futur tas-sovranità tal-ikel fl-Ewropa fl-2040 jiddependi fuq il-bdiewa żgħażagħ u ġodda tal-lum.
Waħda mill-prekundizzjonijiet għal attraenza ikbar tas-settur agrikolu hija li jiġu indirizzati l-ostakli ewlenin għat-tiġdid ġenerazzjonali, b’mod partikolari l-aċċess għall-art, l-investimenti, u l-ħiliet, fost l-oħrajn. “Id-dritt li wieħed jibqa’ fit-territorju” jista’ jiġi applikat għall-istabbiliment ta’ bdiewa żgħażagħ li jixtiequ jibqgħu u li jixtiequ jaħdmu fit-territorji tagħhom.
Iżda din ir-responsabbiltà ma tistax tinġarr biss mill-PAK. L-istimolar ta’ tiġdid ġenerazzjonali reali jirrikjedi approċċ min-naħa tas-soċjetà kollha u taħlita ta’ politiki f’oqsma u f’responsabbiltajiet differenti, li ħafna minnhom jaqgħu taħt il-kompetenzi nazzjonali u reġjonali.
Il-Kummissjoni se tmexxi l-ħidma fuq l-Istrateġija tat-Tiġdid Ġenerazzjonali li se titwassal fl-2025, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, mal-Parlament Ewropew u mal-partijiet ikkonċernati ewlenin. Din l-istrateġija se tipprovdi rakkomandazzjonijiet għar-rispons ta’ politika u għall-miżuri meħtieġa, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak nazzjonali/reġjonali.
Id-disponibbiltà limitata ta’ art għammiela f’kuntest ta’ kompetizzjoni dejjem tikber għall-użu tagħha u l-konsegwenza tat-tibdil fil-klima tpoġġi lill-komunità tal-biedja, u b’mod partikolari lil min jidħol ġdid fis-settur, f’sitwazzjoni diffiċli. Il-politika dwar l-art tkopri ħafna aspetti, prinċipalment fi ħdan il-kompetenzi nazzjonali. Din il-ħidma għandha tikkunsidra l-kundizzjonijiet tal-mobbiltà u tat-trasferiment tal-art, kif ukoll il-prinċipji ta’ mitigazzjoni tat-teħid tal-art, filwaqt li tibni fuq l-eżempji tajbin minn diversi Stati Membri fl-iskemi tal-mobbiltà tal-art. Daqstant importanti hija t-trasparenza fl-ippjanar u fix-xiri tal-art. L-Istati Membri għandhom il-potenzjal li jiżviluppaw xpruni b’saħħithom fis-sett ta’ għodod nazzjonali tagħhom li jistgħu jiffaċilitaw it-tiġdid ġenerazzjonali inkluż permezz ta’ skemi tal-irtirar u inċentivi tat-taxxa.
Bi tweġiba għat-talba tal-Parlament Ewropew, u skont ir-rakkomandazzjoni mid-Djalogu Strateġiku, il-Kummissjoni Ewropea se taħdem biex tniedi Osservatorju tal-UE għall-Art Agrikola
. Se nsaħħu t-trasparenza u l-kooperazzjoni f’dominji bħat-tranżazzjonijiet tal-art u t-trasferimenti tad-drittijiet tal-użu tal-art, ix-xejriet tal-prezzijiet u l-imġiba tas-suq, il-bidliet fl-użu tal-art, kif ukoll it-telf tal-art agrikola u naturali. L-osservatorju se jgħin ukoll lill-Istati Membri jieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar ir-regolamentazzjoni tas-swieq tal-artijiet agrikoli tagħhom. It-trasparenza mtejba tal-iżviluppi tas-swieq u l-kooperazzjoni madwar l-UE se jagħmluha iktar faċli li jinkisbu l-interessi leġittimi tal-politika agrikola f’konformità mal-libertajiet tas-suq uniku.
3.2.Settur kompetittiv u reżiljenti quddiem l-isfidi globali
F’dinja interkonnessa li fiha l-UE hija kemm l-ikbar esportatur agroalimentari fid-dinja kif ukoll wieħed mill-ikbar importaturi, il-mod kif nipproduċu, nikkonsmaw u nikkummerċjalizzaw il-prodotti agrikoli għandu impatt kbir fuq ir-relazzjonijiet tagħna ma’ pajjiżi terzi
.
Il-gwerer u l-kunflitti huma l-ixpruni ewlenin tal-insigurtà tal-ikel. Min-naħa l-oħra, l-insigurtà tal-ikel tista’ twassal ukoll għal instabbiltà, u fl-ordni globali li qed jinbidel, l-ikel qed jintuża bħala arma. Is-sħab kummerċjali tagħna jirrikorru għal azzjonijiet unilaterali li jkollhom fil-mira s-setturi ewlenin tagħna, l-esportazzjonijiet tagħna għadhom qed jiffaċċjaw ostakli u l-ktajjen tal-provvista globali jinsabu f’riskju ta’ distorsjonijiet. Ir-rieda tal-UE li jinżammu standards globali għoljin biex tipproteġi l-objettivi universali tal-protezzjoni ambjentali, tas-saħħa tal-bniedem, tas-saħħa u l-benessri tal-annimali, tas-saħħa tal-pjanti u tas-sikurezza alimentari, spiss titqies bħala ostaklu għall-kummerċ. Fl-istess ħin, il-bdiewa fl-UE kulma jmur qed jitħassbu iktar minħabba l-kompetizzjoni globali inġusta u n-nuqqas ta’ reċiproċità.
Iżda dawn l-isfidi mhux se jwaqqfu lill-Unjoni milli tkompli ssaħħaħ ir-rabtiet ma’ bosta sħab b’rieda simili, inkluż permezz tal-istrateġija ta’ investiment tal-Global Gateway. Is-sigurtà tal-ikel global u s-sovranità tal-ikel Ewropea se jibqgħu parti integrali mill-aġenda kumplessiva tal-UE dwar is-sigurtà, il-kompetittività u s-sostenibbiltà. B’livelli għoljin ta’ ġuħ, insigurtà tal-ikel akuta u prezzijiet tal-ikel li qed jogħlew madwar id-dinja, l-UE se tkompli tappoġġa lill-pajjiżi terzi fis-sovranità tal-ikel, fir-reżiljenza u fis-sostenibbiltà tagħhom, filwaqt li se tiżgura aċċess għal ikel sikur, ta’ kwalità għolja u nutrittiv għal kulħadd, inkluż l-iktar vulnerabbli permezz tal-assistenza umanitarja u r-rispett tad-Dritt Umanitarju Internazzjonali.
Niddiversifikaw il-ktajjen tal-provvista u nippromwovu r-reżiljenza trasformattiva
F’dinja kkaratterizzata minn tensjonijiet ġeopolitiċi u ġeoekonomiċi, fi kliem Draghi “d-dipendenzi qed isiru vulnerabbiltajiet”. Illum, is-sovranità tal-ikel tal-UE tiddependi fil-biċċa l-kbira fuq inputs importati, bħal fertilizzanti, għalf u enerġija, u dawn normalment jiġu minn reġjuni ġeografikament ikkonċentrati. Għalhekk, it-tnaqqis ta’ dawn id-dipendenzi strateġiċi u t-tneħħija tar-riskji tal-ktajjen tal-provvista huma kruċjali, filwaqt li tiġi appoġġata tranżizzjoni lejn ekonomija nadifa u dejjem iktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi b’livell baxx ta’ karbonju
.
F’termini ta’ dipendenzi ewlenin fuq l-importazzjoni, il-provvista tal-proteini tal-Unjoni tiddependi ferm fuq importazzjonijiet ta’ kwalità għolja minn għadd limitat ta’ oriġini, u b’hekk is-sistema tal-ikel tagħna hija vulnerabbli għall-fluttwazzjonijiet tas-suq globali u għar-riskji għas-sostenibbiltà. Jeħtieġ li nikkunsidraw kemm il-mod kif il-proteini jiġu prodotti kif ukoll il-mod kif jiġu kkonsmati fl-UE. Għalhekk, il-Kummissjoni se tiżviluppa pjan komprensiv biex tindirizza dawn l-isfidi, tintegra l-isforzi tal-politiki, tar-riċerka u fil-post biex toħloq sistema ta’ proteini tal-UE iktar awtosuffiċjenti u sostenibbli, filwaqt li fl-istess ħin tiddiversifika l-importazzjonijiet.
Dipendenza importanti oħra hija fuq il-materja prima u l-fertilizzanti importati li huma essenzjali għall-produzzjoni u għas-sigurtà tal-ikel. Kulma jmur kien hemm iktar konċentrazzjoni ta’ importazzjonijiet minn ftit oriġini, b’mod partikolari għall-urea, b’madwar 88 % tal-importazzjonijiet tal-UE fornuti minn erba’ pajjiżi
. It-tnaqqis ta’ dawn id-dipendenzi jwassal għal benefiċċji għal kulħadd: (i) għall-kompetittività industrijali nadifa Ewropea billi tiġi appoġġata l-produzzjoni domestika tal-fertilizzanti; (ii) għall-bdiewa li jkunu jistgħu jiddependu fuq provvista affidabbli u prezzijiet stabbli, u (iii) għall-ambjent u l-klima permezz tal-appoġġ għall-użu tal-fertilizzanti b’livell baxx ta’ karbonju u tan-nutrijenti rriċiklati, bħal RENURE u d-diġestat wara trattament xieraq, u l-użu effiċjenti tagħhom.
B’ħarsa ’l quddiem, it-tkabbir futur tal-UE se jġib miegħu opportunitajiet għar-reżiljenza tal-UE, bl-objettiv li tinżamm u tissaħħaħ il-kapaċità tal-produzzjoni u tal-esportazzjoni kemm fl-Istati Membri attwali kif ukoll f’dawk futuri, u b’hekk jissaħħu l-awtonomija strateġika u l-piż tal-UE fil-kummerċ agroalimentari globali. Iżda hemm ukoll sfidi li jeħtieġu kunsiderazzjoni bir-reqqa, b’mod partikolari rigward l-impatt fuq il-bdiewa tal-UE. It-tħejjija għall-isfidi tal-bdiewa tal-UE u l-indirizzar effettiv tagħhom se jkunu essenzjali biex jinħatfu l-opportunitajiet offruti mit-tkabbir, inkluż peress li dan jista’ jiffaċilita integrazzjoni gradwali tal-pajjiżi kandidati fis-Suq Uniku, filwaqt li jagħmlu progress lejn sħubija sħiħa fl-UE.
Lejn kompetizzjoni globali iktar ġusta
L-approċċ tal-Unjoni għal kundizzjonijiet ekwivalenti globali iktar ġusti se jikkonsisti f’azzjoni doppja li trid timxi id f’id:
(a)Kooperazzjoni globali u bilaterali
Fil-kuntest ġeopolitiku attwali, huwa ċar li kulma jmur se jsir dejjem iktar diffiċli li jinkiseb konsensus globali dwar l-istandards tal-biedja u tal-ikel.
Madankollu, l-UE se tkompli taħdem fl-approċċ ta’ Tim Ewropa mas-sħab tagħha u mal-Organizzazzjonijiet Internazzjonali ewlenin biex issaħħaħ implimentazzjoni iktar stretta tal-impenji miftiehma internazzjonalment u biex iżżid l-ambizzjoni tagħhom li jiksbu sistemi tal-ikel sostenibbli globali skont l-Aġenda 2030 u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDG, Sustainable Development Goals). Se tingħata prijorità lit-titjib tal-istandards globali fil-korpi internazzjonali li jistabbilixxu l-istandards f’oqsma kritiċi biex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta, b’mod partikolari fir-rigward tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u l-benessri tal-annimali. Fl-2025, il-Kummissjoni se tippreżenta l-linja ta’ azzjoni tagħha dwar l-approfondiment tar-reċiproċità lill-Istati Membri għal iktar elaborazzjoni. L-Unjoni se taħdem ukoll mal-FAO u mas-sħab internazzjonali tagħha biex tixpruna l-iżvilupp ta’ approċċ komuni li jippermetti valutazzjoni komparabbli u ġusta tal-aspetti tas-sostenibbiltà dwar il-produzzjoni tal-ikel globalment, filwaqt li tikkomplementa l-ħidma tal-UE dwar il-parametraġġ referenzjarju tas-sostenibbiltà.
L-UE se tkun iktar assertiva fil-promozzjoni u fid-difiża strateġika tal-esportazzjonijiet tal-prodotti tal-UE, filwaqt li tiżgura li l-pajjiżi terzi jibbenefikaw mill-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ faċilitazzjoni tal-kummerċ (eż. elenkar minn qabel), diment li japplikaw ukoll miżuri simili għall-UE. Se nsaħħu d-diplomazija ekonomika agroalimentari u l-missjonijiet iddedikati ta’ livell għoli tagħna.
Fil-livell bilaterali, id-djalogi bilaterali eżistenti dwar il-politika agrikola se jissaħħu u se jiġu stabbiliti djalogi ġodda ta’ sħubija dwar il-politika agroalimentari ma’ sħab bilaterali, reġjonali u kontinentali ewlenin. F’dan il-kuntest, is-sħubijiet strateġiċi u komprensivi mal-viċinat tan-Nofsinhar tagħna u l-Patt il-ġdid li qed jitfassal għall-Mediterran joffru opportunitajiet importanti. L-UE se tuża wkoll bis-sħiħ in-Negozjati u l-Ftehimiet bilaterali dwar il-Kummerċ Ħieles. L-interessi tal-bdiewa Ewropej se jibqgħu jiġu protetti. L-UE se ssaħħaħ l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-kapitoli/tad-dispożizzjonijiet dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli, kif ukoll tal-kapitoli dwar is-Sistemi tal-Ikel Sostenibbli, bi prijoritajiet u azzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi iktar immirati u operazzjonali, inkluż b’rabta ma’ setturi speċifiċi ta’ attività, kif xieraq. Fid-djalogi ta’ sħubija tagħna, se nagħtu attenzjoni speċifika lill-impatt possibbli tal-politiki regolatorji tal-UE fuq is-sistemi agroalimentari lokali u se niżguraw koerenza bejn il-politiki interni u esterni tal-UE relatati mal-agrikoltura, mal-ambjent, mal-klima u mas-saħħa.
(b)Il-qafas tal-Unjoni għal settur agroalimentari kompetittiv
Fl-istess ħin, l-Unjoni se tiżgura domestikament li standards ambizzjużi tal-UE ma jwasslux għal intoppi ekonomiċi, ambjentali u soċjali, u li s-settur agroalimentari Ewropew ma jitpoġġiex fi żvantaġġ kompetittiv mingħajr reċiproċità korrispondenti. Għal dan l-għan, l-UE se timplimenta b’mod koerenti kontroll tal-SMEs u tal-kompetittività fil-politiki tagħha kif iddikjarat fil-Boxxla għall-Kompetittività, filwaqt li tivvaluta b’mod konsistenti l-impatt tar-regolamenti tal-Unjoni fuq il-bdiewa u l-SMEs agroalimentari tal-UE, fuq il-kummerċ u fuq ir-riskji li jinħolqu intoppi, u se teżamina bir-reqqa l-implikazzjonijiet tal-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles li jkunu qed jiġu nnegozjati għall-bdiewa tal-UE u għas-sostenibbiltà globali.
Sabiex jiġi żgurat li jitqies it-tħassib tal-UE dwar il-benessri tal-annimali u l-protezzjoni ambjentali, u sabiex jiġu rispettati l-valuri morali tal-UE b’rispons għad-domanda tas-soċjetà, il-Kummissjoni, skont ir-regoli internazzjonali, se tara li jkun hemm allinjament iktar b’saħħtu tal-istandards tal-produzzjoni applikati għall-prodotti importati, b’mod partikolari rigward il-pestiċidi u l-benessri tal-annimali.
F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni se tistabbilixxi prinċipju li l-iktar pestiċidi perikolużi pprojbiti fl-UE għal raġunijiet ambjentali u ta’ saħħa ma jerġgħux jitħallew jaslu fl-UE permezz ta’ prodotti importati. Sabiex tavvanza fuq dan, fl-2025 il-Kummissjoni se tniedi l-Valutazzjoni tal-Impatt li se tikkunsidra l-impatti fuq il-pożizzjoni kompetittiva tal-UE u l-implikazzjonijiet internazzjonali u, jekk ikun xieraq, se tipproponi emendi fir-rigward tal-qafas legali applikabbli. B’mod simili, il-Kummissjoni se tivvaluta wkoll il-kwistjoni tal-esportazzjoni ta’ sustanzi kimiċi perikolużi, inkluż il-pestiċidi, li huma pprojbiti fl-UE
.
Element ieħor mhux negozjabbli tal-politika tal-Unjoni rigward l-importazzjonijiet huwa s-sikurezza tal-ikel u tal-għalf kif ukoll is-saħħa tal-annimali u tal-pjanti. L-istandards tal-prodotti tal-UE huma l-ogħla fid-dinja u jiżguraw li l-prodotti agroalimentari importati kollha jkunu sikuri. Il-Kummissjoni se tiżgura li l-leġiżlazzjoni rilevanti dwar is-sikurezza alimentari tiġi implimentata u infurzata kif xieraq. Se tiġi stabbilita task force ddedikata, li tiġbor flimkien l-għarfien espert u l-forzi tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri, u din se żżid b’mod sinifikanti r-rispons tal-Unjoni biex tkompli ssaħħaħ il-kontroll fuq l-importazzjonijiet, inkluż tisħiħ qawwi tal-kontrolli fil-post.
Fil-qasam tal-benessri tal-annimali, il-Kummissjoni se tiżgura li l-proposti leġiżlattivi futuri japplikaw l-istess standards għall-prodotti li jiġu prodotti fl-UE u għal dawk li jiġu importati minn pajjiżi terzi, filwaqt li jindirizzaw ukoll kwistjonijiet relatati mal-infurzar u t-tħassib espress miċ-ċittadini tal-UE. Ir-rieżami mmirat tal-leġiżlazzjoni dwar il-benessri tal-annimali se jkun opportunità biex dan jiġi applikat, b’mod konformi mad-WTO u abbażi ta’ valutazzjoni tal-impatt.
Meta s-sħab kummerċjali tagħna jirrikorru għal kompetizzjoni inġusta u azzjonijiet unilaterali li jimmiraw b’mod illegali lejn is-settur agroalimentari tagħna jew lejn dak ta’ Stati Membri individwali bl-għan li jifirduna bħala Unjoni, l-UE se tuża l-għodod protettivi kollha għad-dispożizzjoni tagħha. L-Unjoni se tiżviluppa (fl-2025) Xibka ta’ Sikurezza fl-Għaqda ambizzjuża għas-settur agroalimentari tal-UE. F’każijiet ta’ koerċizzjoni ekonomika tal-UE jew tal-Istati Membri tagħha minn pajjiżi mhux tal-UE, l-Unjoni se tipproteġi s-settur agroalimentari bil-mezzi kollha disponibbli, inkluż fil-kuntest tad-WTO jew tal-istrumenti awtonomi tal-UE bħall-Istrument Kontra l-Koerċizzjoni, meta jkun xieraq.
Il-Kummissjoni se taħdem ukoll mal-BEI biex tipprovdi krediti għall-esportazzjoni li jneħħu r-riskji tal-esportazzjonijiet għas-settur agroalimentari tal-Unjoni.
F’dan il-kuntest, ir-riżerva ta’ EUR 1 biljun imħabbra fil-kuntest tal-ftehim bejn l-UE u l-Mercosur fil-QFP li jmiss se jkollha rwol importanti.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni se taħdem biex issaħħaħ il-kompetittività u r-reżiljenza ta’ setturi sensittivi bħall-bhejjem, tippreżenta pakkett ta’ simplifikazzjoni li se jikkontribwixxi għall-kompetittività tal-bdiewa Ewropej filwaqt li tippreserva l-kontribuzzjoni għall-objettivi tas-soċjetà, tipproponi estensjoni tat-tikkettar tal-pajjiż tal-oriġini skont l-ispeċifiċitajiet settorjali u r-regoli dwar is-Suq Uniku u tintensifika l-politika ta’ promozzjoni tagħha.
Preparatezza u reżistenza għar-riskji tas-settur agroalimentari
“Irridu nkunu mħejjija aħjar, mhux biss biex nibqgħu ħajjin, iżda wkoll biex nirnexxu f’din ir-realtà l-ġdida”, jiddikjara r-rapport ta’ Niinistö. Din ir-realtà l-ġdida kienet ikkaratterizzata minn xokkijiet sinifikanti, mill-pandemija, il-gwerra ta’ aggressjoni Russa u d-disturbi fis-suq, il-mard tal-annimali/pjanti u sitwazzjoni ġeopolitika volatili. Barra minn hekk, l-avvenimenti tat-temp estrem, li fl-imgħoddi kienu relattivament rari, qed isiru iktar frekwenti filwaqt li x-xejriet tal-preċipitazzjoni qed jinbidlu.
Il-bdiewa huma l-ewwel li qed ibatu minħabba ħafna minn dawn il-kriżijiet. L-għadd dejjem jikber ta’ riskji, theddidiet u inċertezzi jitlob approċċ Ewropew ambizzjuż għall-ġestjoni tar-riskji u tal-kriżijiet li jirrieżamina u jsaħħaħ is-sett ta’ għodod biex jiġu ġestiti aħjar ir-riskji u l-kriżijiet fil-livell tal-UE.
L-ewwel nett, l-inċentivi għall-bdiewa se jissaħħu biex jitnaqqsu l-vulnerabbiltà u l-esponiment tagħhom għar-riskji permezz ta’ adattament fil-livell tal-azjendi agrikoli kif ukoll inċentivi għall-bdiewa biex jaqsmu r-riskji (eż. permezz ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew kooperattivi). Agrikoltura tal-UE reżiljenti għall-klima trid tiddependi fuq politiki mfassla apposta għall-ħtiġijiet lokali, reġjonali u nazzjonali, li jappoġġaw prattiki agrikoli u interventi li jagħmlu l-produzzjonijiet agrikoli lokali adatti għall-kundizzjonijiet klimatiċi futuri.
Filwaqt li wieħed ikompli jibni fuq l-esperjenza tal-inizjattivi mwettqa f’dawn l-aħħar snin, huma meħtieġa passi addizzjonali. Il-Pjan Ewropew dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima li qed jitħejja, u l-Istrateġija għar-Reżiljenza tal-Ilma li qed titfassal, se jkollhom rwol importanti, b’mod partikolari biex jappoġġaw lill-Istati Membri fil-preparatezza, fl-ippjanar u fl-indirizzar tar-riskji u tal-impatti tat-tibdil fil-klima fuq l-enerġija, it-trasport u infrastruttura oħra, l-ilma, l-ikel u l-art fil-bliet u fiż-żoni rurali.
Il-PAK futura se tappoġġa, b’mod iktar immirat, miżuri u investimenti li jagħmlu s-settur agrikolu iktar reżiljenti għall-kundizzjonijiet li qed jinbidlu. Se jkunu meħtieġa bidliet trasformattivi iktar ambizzjużi f’postijiet fejn il-produzzjonijiet attwali mhumiex sostenibbli fit-tul, pereżempju permezz ta’ strateġiji lokali ġodda, ir-riċerka u l-innovazzjoni, inkluż tekniki ġenomiċi ġodda biex jiġu prodotti għelejjel iktar reżiljenti għall-klima.
Hija meħtieġa wkoll azzjoni ambizzjuża dwar il-preparatezza għar-riskji, l-assigurazzjoni u t-tneħħija tar-riskji. F’dak id-dominju, il-kooperazzjoni mal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), mal-banek, mal-kumpaniji tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni u mal-atturi tal-katina tal-valur se tkun kruċjali. Dan għandu jwassal għal akkomunament aħjar tar-riskji u titjib fid-disponibbiltà u fl-affordabbiltà tal-assigurazzjonijiet agrikoli għall-bdiewa.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jridu jiżguraw koerenza politika bejn l-għodod għall-ġestjoni tar-riskji u tal-kriżijiet kif ukoll flessibbiltajiet ikbar. L-għodod għall-ġestjoni tal-kriżijiet għandhom iħeġġu lill-bdiewa biex jiġġestixxu r-riskji b’mod proattiv u lill-Istati Membri biex jaħdmu favur strateġiji effiċjenti u adattati għall-ġestjoni tar-riskji.
Barra minn hekk, il-funzjonament tar-riżerva għall-agrikoltura għandu jiġi vvalutat bir-reqqa bl-għan li tiġi ffukata mill-ġdid fuq kriżijiet speċifiċi ta’ kobor sinifikanti, bħad-disturbi kbar fis-suq u l-kwistjonijiet tas-saħħa tal-annimali/pjanti. L-għoti ta’ appoġġ eċċezzjonali lill-bdiewa għandu jkun marbut aħjar ukoll ma’ miżuri xierqa ta’ ġestjoni tar-riskji u ta’ prevenzjoni.
Bħala segwitu għar-rapport ta’ Niinistö, l-UE għandha żżid il-livell ta’ preparatezza tagħha dwar is-sigurtà tal-ikel tul il-katina alimentari kollha. L-attivitajiet tal-Mekkaniżmu Ewropew għall-Kriżijiet tas-Sigurtà tal-Ikel (EFSCM) għandhom ikomplu, għandhom jiġu żviluppati iktar u għandhom jiġu marbuta mal-ġestjoni kumplessiva tal-kriżijiet tal-UE fi ħdan approċċ ta’ gvern sħiħ. B’konsistenza mal-Istrateġija għall-Unjoni tal-Preparatezza li qed titfassal, għandhom jiġu mfittxija sinerġiji u iktar koordinazzjoni għall-preparatezza. Barra minn hekk, jistgħu jiġu esplorati għodod speċifiċi ġodda għall-agrikoltura u għall-ikel relatati mar-riżervi tal-ikel, mal-akkwist konġunt, u ma’ iktar trasparenza fi żminijiet ta’ kriżi. Bħal fil-każ ta’ setturi essenzjali oħra bħas-saħħa, għandhom jiġu żviluppati pjanijiet olistiċi ta’ preparatezza u ta’ rispons fil-livell nazzjonali u reġjonali li jkopru l-aspetti kollha rilevanti għall-katina kollha tal-provvista tal-ikel fi ħdan approċċ usa’ tal-UE għall-preparatezza.
Nappoġġaw ir-reżiljenza tas-swieq agrikoli
L-avvenimenti ġeopolitiċi li jirriżultaw f’distorsjonijiet kummerċjali, il-kompetizzjoni globali, l-impatti ta’ avvenimenti klimatiċi estremi u x-xejriet tal-konsum li qed jinbidlu huma sors ta’ inċertezza għal ħafna swieq tal-komoditajiet, mill-inbid, iċ-ċereali, il-prodotti tal-annimali saż-żejt taż-żebbuġa. Il-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib is-swieq kollha u taġixxi malajr meta s-sitwazzjoni tas-suq tiddeterjora.
Is-sitwazzjoni speċifika tas-settur tal-inbid kienet teħtieġ rispons bħal dan, u l-Kummissjoni se tavvanza lejn l-implimentazzjoni fl-2025 tar-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar l-Inbid.
Is-settur tal-bhejjem tal-UE huwa partikolarment vulnerabbli għal xokkijiet differenti u għall-kompetizzjoni globali. L-istandards għoljin tal-UE jirrikjedu li dawk li jrabbu l-bhejjem fl-UE jkunu minn ta’ quddiem nett fid-dinja, iżda l-isforzi tagħhom mhumiex reċiprokati globalment fejn jikkompetu b’kundizzjonijiet mhux ekwivalenti. Standards bħal dawn għandhom kost mehmuż magħhom li s-suq mhux dejjem jippremja. Is-settur tal-bhejjem huwa u se jibqa’ parti essenzjali mill-agrikoltura, mill-kompetittività u mill-koeżjoni tal-UE. Settur tal-bhejjem sostenibbli huwa kruċjali għall-ekonomija tal-UE, għall-vijabbiltà taż-żoni rurali u għall-preservazzjoni tal-ambjent u tal-pajsaġġi rurali. Huwa settur li fih l-innovazzjoni tista’ tirnexxi u tista’ ġġib benefiċċji tanġibbli.
Is-settur tal-bhejjem tal-UE jeħtieġ viżjoni fit-tul li tirrispetta d-diversità u s-sostenibbiltà tal-produzzjoni tal-bhejjem madwar l-Ewropa. Il-protezzjoni ta’ din id-diversità tfisser li ma jistax ikun hemm approċċ “wieħed tajjeb għal kulħadd” iżda pjuttost soluzzjonijiet territorjali mmirati għall-kompetittività u għas-sostenibbiltà tas-settur. Tista’ tingħata spinta qawwija billi jitfasslu kundizzjonijiet favorevoli għall-iżvilupp ta’ “katina tal-produzzjoni tal-bhejjem ta’ eċċellenza”. Il-Kummissjoni se tniedi fluss ta’ ħidma dwar is-settur tal-bhejjem biex tiżviluppa perkorsi ta’ politika li: a) jipprovdu dijanjożi tal-isfidi tas-settur, inkluż il-kompetizzjoni globali; b) jipproponu għodod xierqa biex jakkumpanjaw is-settur u, meta jkun ġustifikat, miżuri ta’ reċiproċità; c) ifittxu modi biex jindirizzaw l-impronta klimatika/ambjentali tiegħu, inkluż modi kif tiġi vvalorizzata r-rabta bejn il-produzzjoni tal-bhejjem u ż-żamma ta’ bwar tal-ħaxix ta’ valur ambjentali u klimatiku permezz ta’ sistemi tal-bhejjem iktar estensivi li jkunu ta’ benefiċċju għall-preservazzjoni tal-bijodiversità u tal-pajsaġġi; d) irawmu l-investimenti, l-iżvilupp teknoloġiku u l-innovazzjoni; u e) itejbu l-iżvilupp ta’ mudelli tal-produzzjoni sostenibbli.
Innaqqsu l-burokrazija biex jitrawwem settur agroalimentari kompetittiv
Il-bdiewa għandhom ikunu intraprendituri u fornituri, u mhux iġorru piżijiet burokratiċi jew regolatorji bla bżonn. Kif iddikjara r-rapport ta’ Draghi, ir-rekwiżiti u l-obbligi ta’ rapportar eċċessivi jimpedixxu l-kompetittività tal-ekonomija tal-UE u l-innovazzjoni.
Il-Kummissjoni se twettaq sforz ta’ simplifikazzjoni
bla preċedent, inkluż fl-agrikoltura. Ma hemm l-ebda lok biex l-Unjoni tfassal f’tali dettall il-prattiki fl-azjendi agrikoli li jridu jiġu rrispettati. Bosta talbiet għal derogi minn dawn l-obbligi, spiss ġustifikati abbażi ta’ speċifiċitajiet nazzjonali u reġjonali, urew li approċċ wieħed tajjeb għal kulħadd mhuwiex l-iktar għodda xierqa għal settur daqstant diversifikat.
Barra minn hekk, irid ikun hemm qsim aħjar tal-piżijiet fir-rigward tal-implimentazzjoni tar-regolamenti u tar-rekwiżiti bejn il-bdiewa u l-Istati Membri, flimkien ma’ test tal-istress u kontroll tar-realtà tal-leġiżlazzjoni eżistenti u tal-leġiżlazzjoni ġdida. Bl-istess mod, ir-regolamentazzjoni żejda għandha tiġi evitata u valutazzjoni kumulattiva tal-impatti hija essenzjali.
Il-prospetti pożittivi għas-simplifikazzjoni jirriżultaw minn teknoloġiji ġodda. Pereżempju, is-satelliti ta’ osservazzjoni tad-dinja jgħinu biex inaqqsu l-kontrolli fil-post u biex inaqqsu l-obbligi ta’ rapportar billi jipprovdu data f’ħin reali u azzjonabbli fil-livell tal-azjendi agrikoli. L-integrazzjoni tat-teknoloġija satellitari twassal għal użu aħjar tar-riżorsi, tnaqqis tal-kostijiet tal-inputs, u sostenibbiltà mtejba. Għalhekk, il-kontinwità u l-evoluzzjoni tal-assi spazjali tal-UE, jiġifieri Copernicus u Galileo, se jkomplu jrawmu s-simplifikazzjoni u l-kompetittività. Barra minn hekk, it-teknoloġiji tal-qsim tad-data jistgħu jnaqqsu l-burokrazija billi jipprevedu opportunitajiet ta’ rapportar iktar simplifikati u awtomatizzati.
Fit-tieni trimestru tal-2025, il-Kummissjoni se tipproponi Pakkett ta’ simplifikazzjoni komprensiv tal-qafas leġiżlattiv agrikolu attwali li se jwassal għal: (i) Simplifikazzjoni fl-azjenda agrikola u razzjonalizzazzjoni tar-rekwiżiti li jirrikonoxxu aħjar diversi sitwazzjonijiet u prattiki tal-biedja (bħall-biedja organika); (ii) Razzjonalizzazzjoni tal-appoġġ għall-azjendi agrikoli żgħar u medji permezz ta’ użu ikbar ta’ pagamenti ssimplifikati; (iii) Spinta lill-kompetittività permezz ta’ ppjanar imtejjeb u ssimplifikat u aċċess għall-istrumenti finanzjarji disponibbli fil-QFP attwali; (iv) Għoti ta’ flessibbiltà ikbar lill-Istati Membri għall-ġestjoni tal-pjanijiet strateġiċi.
Barra minn hekk, fl-2025 il-Kummissjoni se taħdem fuq it-tfassil ta’ pakkett ta’ miżuri ta’ simplifikazzjoni leġiżlattiva trażversali li jwassal għal simplifikazzjoni sinifikanti f’oqsma ta’ politika oħra minbarra l-PAK li jaffettwaw lill-bdiewa, lin-negozji tal-ikel u tal-għalf u lill-amministrazzjonijiet relatati. Dan il-pakkett se jiffoka fuq elementi li se jgħinu lill-bdiewa u lin-negozji tal-ikel u tal-għalf ikunu iktar kompetittivi u reżiljenti, anke fid-dawl tax-xokkijiet ġeopolitiċi u l-kompetizzjoni globali.
3.3.Settur agroalimentari li jibqa’ validu fil-futur u li jaħdem id f’id man-natura
Bħal ebda settur ieħor, il-produzzjoni tal-ikel hija bbażata fuq in-natura u l-ekosistemi, u hija marbuta magħhom b’mod inseparabbli. Il-kapaċità tal-bdiewa li jipproduċu l-ikel fit-tul u li jkunu reżiljenti tiddependi fuq ekosistemi reżiljenti, iż-żamma tal-ħamrija, il-ġlieda kontra l-pesti u l-mard, id-dakkir tal-għelejjel, il-kwalità u d-disponibbiltà tal-ilma, l-arja nadifa u l-kundizzjonijiet klimatiċi. L-UE għandha l-objettiv li tkun newtrali għall-klima sal-2050, li tiġġieled kontra d-degradazzjoni ambjentali u li tagħmel tajjeb għaliha. Is-settur agroalimentari għandu kontribut importanti x’jagħti biex dan l-objettiv jintlaħaq u jibbenefika minnu.
Fl-istess ħin, it-tranżizzjoni ekoloġika trid tintegra bir-reqqa l-isfidi ekonomiċi u ta’ implimentazzjoni, kif ukoll il-ħtieġa għal tranżizzjoni ġusta f’termini soċjali. Trid tirrikonoxxi wkoll l-ispeċifiċitajiet tal-biedja: minn naħa, l-agrikoltura dejjem se jkollha xi impatt fuq ir-riżorsi naturali, b’limitazzjonijiet f’termini ta’ mitigazzjoni meta mqabbla ma’ setturi oħra tal-ekonomija. B’mod simili, is-sitwazzjonijiet bejn ir-reġjuni u t-territorji jvarjaw ħafna. Dan naturalment jitlob soluzzjonijiet imfassla sew u mmirati, inkluż soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura.
Fejn id-dekarbonizzazzjoni u l-kompetittività jimxu id f’id
L-attivitajiet agrikoli jistgħu jneħħu l-karbonju mill-atmosfera għal ġol-ħamrija u l-bijomassa; fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, dawn l-attivitajiet iwasslu wkoll biex il-produzzjoni tal-ikel tkun iktar reżiljenti għall-ħsara relatata mal-klima, u għaldaqstant jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-ikel. Peress li jeħtieġ li s-setturi kollha jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet, l-azzjoni klimatika fis-settur agroalimentari hija essenzjali biex jintlaħaq l-għan usa’ ta’ UE newtrali għall-klima u reżiljenti sal-2050.
Il-Kummissjoni tistenna li l-agrikoltura tikseb it-tnaqqis fl-emissjonijiet b’allinjament mal-mira klimatika tal-UE għall-2030. Filwaqt li tibni fuq dan, il-Kummissjoni se tikkunsidra perkorsi għall-kontribut tas-settur agrikolu għall-mira klimatika tal-UE għall-2040, filwaqt li tqis l-ispeċifiċitajiet tas-settur u tiffoka fuq il-kompetittività tiegħu, il-ħtieġa li tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel u li tissaħħaħ il-bijoekonomija, u fi djalogu mas-settur u mal-Istati Membri. Dan l-approċċ se jiġi rifless fir-rieżami tal-leġiżlazzjoni rilevanti li tirregola l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u l-assorbimenti tagħhom mis-setturi tal-agrikoltura u tal-Użu tal-Art, tat-Tibdil fl-Użu tal-Art u tal-Forestrija.
B’politiki effettivi li jippremjaw prattiki tajbin u approċċi mfassla apposta għal ħtiġijiet speċifiċi, hemm lok għal iktar tnaqqis imħaffef tal-emissjonijiet mill-agrikoltura filwaqt li jissaħħu l-assorbimenti tal-karbonju fis-settur tal-art, fil-ħamrija u fil-foresti. Għall-emissjonijiet prevalenti mill-bhejjem, ir-rakkomandazzjonijiet mill-fluss ta’ ħidma tal-bhejjem se jservu bħala l-bażi għall-iżvilupp ulterjuri ta’ sett ta’ miżuri mfassla apposta biex jappoġġaw lis-settur u lir-reġjuni fl-isforzi tagħhom biex inaqqsu l-emissjonijiet. L-avvanzi teknoloġiċi, inkluż fl-istrateġiji tal-għalf, se jikkontribwixxu wkoll. B’rabta ma’ dan, il-PAK futura se tivvaluta kif l-aħjar tappoġġa lill-bdiewa fit-tnaqqis ulterjuri tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-attivitajiet tagħhom tal-biedja u tat-trobbija tal-bhejjem.
L-industrija tal-ikel u tax-xorb, kif ukoll is-settur tal-bejgħ bl-imnut, għandhom ukoll rwol kruċjali fil-kontribut għall-mira klimatika għall-2040 u għall-protezzjoni tal-ambjent. Għandhom jiġu stabbiliti politiki u inċentivi ċari biex jitwettaq il-potenzjal tal-innovazzjoni fis-sistema alimentari u fil-bijoekonomija inġenerali kif ukoll biex għand iċ-ċittadini tal-UE jasal ikel tajjeb għas-saħħa, tajjeb għal buthom u sostenibbli.
Ninċentivaw is-sostenibbiltà
Kulma jmur is-sostenibbiltà ambjentali hija liċenzja għall-produzzjoni għall-bdiewa. L-opportunitajiet mill-protezzjoni tan-natura u tal-klima jistgħu jipprovdu aġenda pożittiva għall-agrikoltura Ewropea. Il-ħidma man-natura tipprovdi reżiljenza għall-biedja għall-ġenerazzjonijiet futuri, u ttieħdu passi inkrementali biex jittieħed il-finanzjament mis-settur privat, li għandu jiġi esplorat iktar bħala sors komplementari ta’ introjtu, minbarra l-appoġġ pubbliku. Fir-rigward tal-assorbimenti tal-karbonju, il-kultivazzjoni karbonika u l-ħżin tal-karbonju, dawn l-approċċi se jsiru iktar armonizzati fl-UE bis-saħħa tal-qafas taċ-ċertifikazzjoni tal-Assorbiment tal-Karbonju u tal-Kultivazzjoni Karbonika (CRCF). Il-metodoloġiji armonizzati li ġejjin tas-CRCF u r-regoli ta’ verifika se jwasslu għal iktar ċarezza f’dak ir-rigward.
Madankollu, f’dawn l-aħħar snin l-azjendi agrikoli Ewropej esperjenzaw multiplikazzjoni sostanzjali tal-istandards tas-sostenibbiltà, taċ-ċertifikazzjonijiet u tar-rekwiżiti tar-rapportar, stabbiliti minn diversi atturi, organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet, kemm pubbliċi kif ukoll privati. Dawn il-metodoloġiji u r-rekwiżiti tar-rapportar differenti jolqtu firxa wiesgħa ta’ aspetti relatati mas-sostenibbiltà u qed jirriżultaw f’xenarju frammentat, ikkaratterizzat minn inkonsistenzi bejn l-istandards, l-inkomparabbiltà tal-inizjattivi, u sinjali qarrieqa fir-rigward tad-direzzjoni li trid tittieħed. Dan joħloq kostijiet għoljin tat-tranżazzjonijiet u konfużjoni għall-bdiewa u jġib miegħu r-riskju ta’ prattiki ta’ “greenwashing”.
Sabiex tindirizza din il-problema, minbarra li tissimplifika u tirrazzjonalizza r-rekwiżiti tal-UE, il-Kummissjoni se tiżviluppa wkoll u gradwalment se tintroduċi sistema volontarja ta’ parametraġġ referenzjarju għall-valutazzjonijiet tas-sostenibbiltà fl-azjendi agrikoli, u b’hekk se tippermetti li s-simplifikazzjoni u l-parametraġġ referenzjarju jimxu id f’id. Approċċi simili ta’ parametraġġ referenzjarju jistgħu jiġu żviluppati flimkien mas-settur agroalimentari kollu u jiġu estiżi għalih, inkluż l-appoġġ għall-għażliet tal-konsumaturi.
Eżempju ta’ parametraġġ referenzjarju: Boxxla għas-Sostenibbiltà fl-Azjendi Agrikoli
Il-boxxla għas-sostenibbiltà għandha taġixxi bħala punt uniku ta’ servizz li jissimplifika r-rapportar u jnaqqas il-piżijiet amministrattivi għall-bdiewa, u jippermettilhom jimmonitorjaw u jirreġistraw id-data dwar is-sostenibbiltà darba biss. Se tappoġġa wkoll lill-bdiewa biex gradwalment jadottaw prattiki iktar sostenibbli u jattiraw sorsi ġodda ta’ finanzjament. Se tippermettilhom ikejlu u jagħmlu parametraġġ referenzjarju aħjar tal-prestazzjoni tagħhom mil-lat tas-sostenibbiltà u juru l-forniment tagħhom ta’ servizzi tal-ekosistema permezz ta’ qsim iktar faċli tad-data. Barra minn hekk, il-kejl u r-rapportar imtejba jistgħu jgħinu biex il-politiki pubbliċi jitfasslu b’mod proporzjonat. Din is-sistema volontarja għall-valutazzjonijiet tas-sostenibbiltà fl-azjendi agrikoli se tiġi żviluppata abbażi ta’ approċċ axxendenti, parteċipattiv u “xprunat mill-klijenti”.
Il-biedja u n-natura
Biex jiġi żgurat li l-agrikoltura u n-natura jimxu id f’id, huma meħtieġa implimentazzjoni, razzjonalizzazzjoni u infurzar aħjar tal-leġiżlazzjoni eżistenti kif ukoll l-użu ta’ inċentivi u għodod ġodda bbażati fuq is-suq biex tiġi promossa l-bidla.
Barra minn hekk, il-bdiewa jeħtieġu sett ta’ għodod iktar avvanzat biex ikunu jistgħu jaħdmu b’mod li ma jagħmilx ħsara lin-natura u jilħqu l-objettivi stabbiliti. Dan is-sett ta’ għodod jeħtieġ taħlita kkalibrata sew ta’ appoġġ pubbliku mmirat aħjar mill-PAK futura, investimenti f’soluzzjonijiet favur in-natura, iktar inċentivi ekonomiċi, konsulenza mfassla apposta abbażi tal-avvanzi fir-riċerka u fl-innovazzjoni, u ambjent regolatorju iktar aġli.
Eżempju wieħed ta’ dan huwa l-ambizzjoni tal-UE li tnaqqas l-użu tal-pestiċidi li jagħmlu l-ħsara. Dan huwa importanti kemm għar-reżiljenza fit-tul tal-biedja, kif ukoll għall-protezzjoni tan-natura u tas-saħħa. Madankollu, l-introduzzjoni ta’ alternattivi f’forma ta’ prodotti bijoloġiċi jew innovattivi għall-protezzjoni tal-pjanti b’riskju baxx ma mexietx bl-istess pass bħall-irtirar tas-sustanzi attivi mis-suq tal-UE. Jekk din ix-xejra tkompli, tista’ taffettwa l-kapaċità tal-UE li tiżgura l-produzzjoni tal-ikel. Għalhekk, il-Kummissjoni se tikkunsidra bir-reqqa kwalunkwe projbizzjoni ulterjuri tal-pestiċidi jekk għad ma hemmx alternattivi disponibbli, sakemm il-pestiċida inkwistjoni ma jirrappreżentax theddida għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent li l-agrikoltura tiddependi fuqu għall-vijabbiltà tagħha.
Bl-istess mod, bħala parti mill-pakkett ta’ simplifikazzjoni fir-raba’ trimestru tal-2025, il-Kummissjoni se tressaq proposta li taċċellera l-aċċess għall-bijopestiċidi għas-suq tal-UE. Se tipprovdi definizzjoni ta’ sustanzi attivi ta’ bijokontroll, se tintroduċi l-possibbiltà li l-Istati Membri jagħtu awtorizzazzjonijiet proviżorji għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom tali sustanzi attivi ta’ bijokontroll filwaqt li l-evalwazzjoni tagħhom tkun għadha għaddejja u se toħloq proċedura rapida għall-approvazzjoni u għall-awtorizzazzjoni tagħhom.
Barra minn hekk, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA, European Food Safety Authority) se jkollha tissaħħaħ b’riżorsi addizzjonali biex tħaffef il-proċeduri ta’ valutazzjoni tar-riskji sabiex tkun tista’ tkompli taqdi rwol ċentrali fl-għoti ta’ konsulenza xjentifika f’waqtha, trasparenti u indipendenti. Dan se jiffaċilita l-aċċess għas-suq tal-UE ta’ prodotti innovattivi għall-protezzjoni tal-pjanti filwaqt li se jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-konsumaturi u tal-ambjent.
Il-ħamrija f’saħħitha hija l-bażi għall-biedja, illum u għada. Fl-istess ħin, il-ħamrija Ewropea tinsab taħt pressjoni minn fatturi li jinkludu t-tibdil fil-klima, it-telf tal-bijodiversità, it-tniġġis u f’xi każijiet il-ġestjoni mhux sostenibbli tal-ħamrija. Biex tindirizza dan, il-Kummissjoni se tinċentiva u se tappoġġa prattiki tal-biedja li jirkupraw jew itejbu s-saħħa tal-ħamrija jew li jieħdu ħsieb li din tinżamm. L-appoġġ kontinwu għall-biedja organika jibqa’ essenzjali, filwaqt li approċċi integrati oħra jistgħu jiġu mħeġġa iktar. F’dan ir-rigward, l-istabbiliment ta’ servizzi ta’ konsulenza affidabbli u indipendenti se jkun kritiku biex jiġi żgurat li l-bdiewa jkunu jistgħu jużaw l-aqwa għarfien għall-benefiċċju tal-ħamrija u tal-biedja.
L-agrikoltura tiddependi ferm fuq l-ilma, u teħtieġ provvista stabbli u sikura biex jiġu żgurati s-saħħa u l-benessri tal-għelejjel, tal-bhejjem, u tal-forom kollha tal-ħajja. Madankollu, l-ilma huwa vulnerabbli għal għadd ta’ sfidi, inkluż l-estrazzjoni u t-tniġġis relatati mal-agrikoltura. L-UE qed tiġi affettwata dejjem iktar mill-istress idriku peress li l-iskarsezza tal-ilma hija aggravata iktar mit-tibdil fil-klima. L-avvenimenti avversi tat-temp minħabba t-tibdil fil-klima huma riskju ewlieni għall-produzzjoni tal-għelejjel, speċjalment fin-Nofsinhar tal-Ewropa. Il-Kummissjoni dalwaqt se tippreżenta Strateġija għar-Reżiljenza tal-Ilma li se tiddeskrivi r-rispons tal-Kummissjoni għall-ħtieġa urġenti ta’ użi iktar effiċjenti tal-ilma, għat-tnaqqis tat-tniġġis tal-ilma u għall-indirizzar tal-isfidi marbuta mal-estrazzjoni eċċessiva tar-riżorsi tal-ilma.
Jeħtieġ li tingħata attenzjoni speċjali għat-titjib tal-ġestjoni tan-nutrijenti fil-livell tal-azjendi agrikoli u għaż-żieda fiċ-ċirkolarità tan-nutrijenti. Għandha tingħata prijorità lill-indirizzar tal-hotspots tat-tniġġis min-nutrijenti u lill-promozzjoni ta’ approċċi territorjali integrati. Aspett ewlieni ta’ dan ikun il-ġestjoni u l-kontroll tan-nutrijenti mit-trobbija tal-bhejjem biex jiġu limitati l-esternalitajiet negattivi, tiġi appoġġata l-estensifikazzjoni f’reġjuni b’konċentrazzjonijiet għoljin ta’ bhejjem, u tiġi promossa ċ-ċirkolarità li tista’ tgħin biex jitnaqqas l-użu ta’ fertilizzanti sintetiċi. L-evalwazzjoni tad-Direttiva dwar in-Nitrati mistennija fi tmiem l-2025 se tipprovdi iktar evidenza biex tinforma d-diskussjoni.
3.4.Nagħtu valur lill-ikel u nrawmu kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol ġusti f’żoni rurali vibranti
L-ikel jgħaqqad lin-nies fit-territorji u fir-reġjuni kollha. Jgħaqqad il-bdiewa mal-konsumaturi u jgħaqqad iċ-ċentri urbani mal-abitanti rurali. Il-bdiewa, is-sajjieda u l-produzzjoni tal-ikel jżommu lill-komunitajiet rurali u kostali b’saħħithom u jiffurmaw il-bażi ta’ attività ekonomika ulterjuri. Iż-żoni rurali dinamiċi jrawmu produzzjoni tal-ikel ta’ kwalità li mbagħad tappoġġa l-ekonomija tagħhom. It-tisħiħ mill-ġdid ta’ dawn ir-rabtiet bejn l-ikel u t-territorju u r-rivitalizzazzjoni taż-żoni rurali se jkunu essenzjali għall-futur tal-biedja fl-Ewropa.
Kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol ġusti fiż-żoni rurali u kostali Ewropej
L-isfidi demografiċi, it-tixjiħ u x-xejriet ta’ depopolazzjoni b’mod partikolari, flimkien ma’ tiġdid ġenerazzjonali batut, qed iwasslu għal tnaqqis fil-popolazzjoni fl-età tax-xogħol fil-biċċa l-kbira taż-żoni rurali u f’ħafna żoni kostali madwar l-Unjoni.
Bħala riżultat tat-tensjonijiet ġeopolitiċi, ir-reġjuni tal-fruntiera tal-Lvant tal-UE l-iktar affettwati mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna huma żoni rurali ta’ vulnerabbiltà u ta’ tħassib partikolari u jeħtieġu appoġġ partikolari. Id-deklin soċjoekonomiku u ż-żieda fid-depopolazzjoni se jkollhom implikazzjonijiet addizzjonali għas-sigurtà hawnhekk, filwaqt li dawn iż-żoni fil-biċċa l-kbira rurali huma ta’ importanza strateġika għas-sigurtà tal-UE.
Minbarra l-aċċess għall-art u għall-kapital, id-disponibbiltà ta’ edukazzjoni, ta’ impjiegi ta’ kwalità u ta’ opportunitajiet ta’ karriera aħjar, mobbiltà aħjar, is-servizzi bażiċi tas-saħħa, u l-konnettività huma kollha prekundizzjonijiet għall-vitalità taż-żoni rurali u biex tiġi attirata forza tax-xogħol ġdida fis-settur tal-ikel. Il-produzzjoni tal-ikel u tal-għalf fl-UE tiddependi wkoll fuq il-ħaddiema tal-azjendi agrikoli, li spiss jiġu minn Stati Membri oħra tal-UE jew minn pajjiżi terzi u wisq ta’ sikwit jaħdmu f’kundizzjonijiet prekarji. Iktar minn qatt qabel, jeħtieġ li dan jiġi indirizzat u kkunsidrat b’mod proattiv fil-politiki pubbliċi. B’rabta ma’ dan u skont il-liġi u t-tradizzjonijiet nazzjonali, id-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv jaqdu rwol importanti.
Il-biedja hija professjoni ta’ sodisfazzjon iżda hija eżiġenti wkoll, spiss ikkaratterizzata minn nuqqas ta’ bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, u minn iżolament u solitudni frekwenti, li ħafna drabi jaffettwaw is-saħħa mentali. Ir-rati ta’ suwiċidju fost il-bdiewa huma 20 % ogħla mill-medja nazzjonali f’ċerti Stati Membri. Is-Servizzi ta’ Konsulenza għall-Azjendi Agrikoli fil-qafas tal-PAK jistgħu jkunu strumentali fis-sensibilizzazzjoni dwar is-saħħa mentali u l-aċċidenti fil-post tax-xogħol permezz ta’ konsulenza speċifika lill-bdiewa. Pereżempju, it-Teagasc Irlandiża ilha tappoġġa b’mod attiv is-saħħa mentali tal-bdiewa u tqajjem sensibilizzazzjoni permezz tad-diversi attivitajiet tagħha
.
Flimkien mal-PAK, għadd ta’ politiki oħra, inkluż il-Politika ta’ Koeżjoni, għandhom impatt sinifikanti fuq iż-żoni rurali u jikkontribwixxu għall-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali fl-Ewropa. Il-kontribut tal-Politika ta’ Koeżjoni għad-diversifikazzjoni ekonomika u għall-forniment ta’ infrastruttura u ta’ servizzi assoċjati jista’ jkollu rwol ikbar biex jgħin liż-żoni rurali jibqgħu postijiet attraenti fejn jgħixu l-bdiewa, il-familji tagħhom u abitanti rurali oħra, kif ukoll biex jistimola t-turiżmu. B’mod partikolari, l-agrituriżmu jista’ jipprovdi lill-bdiewa b’introjtu komplementari.
Iridu jissaħħu iktar is-sinerġiji u l-komplementarjetajiet biex jiġu żgurati appoġġ effettiv u impatt tanġibbli fiż-żoni rurali. Koordinazzjoni iktar mill-qrib tal-istrumenti ta’ finanzjament mal-politiki settorjali tista’ tikkontribwixxi għall-iżvilupp taż-żoni rurali permezz ta’ sforzi integrati ta’ ppjanar u ta’ implimentazzjoni.
Fl-2025, il-Kummissjoni se tniedi Pjan ta’ Azzjoni Rurali tal-UE aġġornat li se jiġi kkonsolidat bi proġetti, b’inizjattivi u b’azzjonijiet minn bosta politiki tal-UE bħala tweġiba għall-prijoritajiet ta’ politika Ewropej il-ġodda wara l-2027. Il-prinċipju tal-verifika rurali, inkluż il-valutazzjonijiet tal-impatt territorjali, se jkompli jitħaddem u se jkollu biżżejjed riżorsi fil-livell tal-UE. Barra minn hekk, il-Patt Rurali, imniedi fl-2021 biex jipprovdi qafas għall-kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, se jissaħħaħ iktar bħala l-istrument għad-djalogu u għall-involviment tas-soċjetà ċivili u tal-komunitajiet rurali – kemm fl-appoġġ għall-implimentazzjoni kif ukoll għad-diskussjonijiet ta’ politika. Il-Kummissjoni se tieħu wkoll azzjoni ulterjuri biex tindirizza t-tixrid immirat tad-diżinformazzjoni fiż-żoni rurali.
Barra minn hekk, l-ekonomija ċirkolari fiha potenzjal sinifikanti għall-ekonomija taż-żoni rurali, b’mod partikolari permezz tal-bijoekonomija. Fil-Viżjoni fit-tul għaż-żoni rurali, il-Kummissjoni stmat li l-iżvilupp ulterjuri tal-bijoekonomija se jwassal għall-ħolqien ta’ 400 000 impjieg ġdid b’ħiliet għoljin sal-2035 u sa 700 000 sal-2050, l-iktar fiż-żoni rurali.
L-għodod parteċipattivi għall-iżvilupp lokali, bħal LEADER/l-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità u forom oħra ta’ kooperazzjoni bħall-Irħula intelliġenti, li wrew l-effiċjenza tagħhom, se jissaħħu iktar. Il-kunċett ta’ żoni rurali funzjonali se jiġi żviluppat iktar bil-ħsieb li tiġi indirizzata d-diskrepanza bejn id-disponibbiltà u l-affordabbiltà tas-servizzi għaċ-ċittadini rurali, skont l-impenn tal-Kummissjoni li tindirizza l-ħtieġa għal “dritt effettiv li wieħed jibqa’ fit-territorju” għaċ-ċittadini Ewropej kollha. Dan jikkonċerna ż-żoni rurali kollha, b’rilevanza għaż-żoni remoti u dawk li ma għandhomx aċċess immedjat għas-servizzi offruti mill-irħula u mill-bliet. Hawnhekk, l-irħula żgħar u medji għandhom rwol importanti fl-għoti tal-aċċess għas-servizzi u għall-infrastruttura.
Ir-reġjuni ultraperiferiċi għandhom speċifiċitajiet li jeħtieġu appoġġ speċifiku u mmirat. Il-Kummissjoni tikkonferma l-importanza tal-iskema POSEI (Programm ta’ Soluzzjonijiet Speċifiċi Relatati mal-Periferiċità u l-Insularità) biex tappoġġa lill-bdiewa fir-reġjuni ultraperiferiċi. Ir-riżultati tal-evalwazzjoni li għaddejja se jikkontribwixxu għar-riflessjoni dwar kif jista’ jiġi żgurat li l-POSEI jkun jista’ jiggarantixxi l-futur fit-tul tas-settur agrikolu fir-reġjuni ultraperiferiċi, filwaqt li jikkontribwixxi iktar għas-sigurtà u għas-sovranità tal-ikel, għall-kompetittività u għar-reżiljenza tagħhom.
Sabiex tattira iktar nisa lejn il-biedja u tippermetti l-iskambju tal-esperjenza, il-Kummissjoni se tistabbilixxi Pjattaforma għan-Nisa fil-Biedja li se ssaħħaħ l-involviment tan-nisa u l-opportunitajiet indaqs fis-settur tal-biedja bis-saħħa tal-azzjonijiet imwettqa mill-membri tal-Pjattaforma. Se jservi wkoll bħala forum biex jiġu diskussi u skambjati l-prattiki tajbin.
Nagħtu valur lill-ikel: nerġgħu nistabbilixxu r-rabta essenzjali bejn il-biedja, it-territorju u l-ikel u nisfruttaw il-qawwa tal-innovazzjoni
Matul l-aħħar deċennji, ir-relazzjoni tal-konsumaturi mal-ikel evolviet. L-ikel huwa iktar ipproċessat, id-drawwiet tal-ikel qed jinbidlu u l-ktajjen tal-provvista saru itwal u iktar kumplessi. Fl-istess ħin, l-affordabbiltà tal-ikel għadha tħassib kbir, speċjalment għall-unitajiet domestiċi b’introjtu baxx. Filwaqt li r-rabta bejn il-biedja, l-ikel u t-territorju ddgħajfet, l-aspettattivi soċjetali li qed jinbidlu fir-rigward tal-ikel joffru opportunitajiet għas-settur. Għalhekk, huwa importanti ħafna li nerġgħu lura għall-“għeruq” u nerġgħu nistabbilixxu r-rabta bejn l-ikel, it-territorju, l-istaġjonalità, il-kulturi u t-tradizzjonijiet lokali.
Il-konsumaturi jaqdu rwol importanti fit-tranżizzjoni. Il-bdiewa u s-sajjieda jiffaċċjaw pressjoni biex itejbu l-prestazzjoni ambjentali tagħhom, filwaqt li s-swieq jonqsu milli jippremjaw il-progress li diġà sar u milli jinċentivaw iktar prattiki ta’ sostenibbiltà.
Sabiex jagħmlu għażliet infurmati, il-konsumaturi jeħtieġu aċċess għal informazzjoni affidabbli. Il-Kummissjoni se tkompli tinforza l-liġijiet tal-UE dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi biex tipprevjeni l-prattiki kummerċjali inġusti. It-tneħħija ta’ asserzjonijiet ambjentali qarrieqa u ta’ tikketti tas-sostenibbiltà mhux affidabbli hija prerekwiżit biex il-konsumaturi jiġu mgħammra bl-informazzjoni li jeħtieġu biex jagħmlu għażliet sostenibbli.
L-ikel huwa parti kruċjali minn kwalunkwe diskussjoni dwar il-futur tal-agrikoltura u tal-produzzjoni tal-ikel fl-Ewropa. Iżda huwa parti sensittiva wkoll, kif turi l-esperjenza, fejn jidħlu t-tradizzjonijiet soċjali u kulturali. Dan il-kapitlu jidentifika oqsma fejn l-azzjoni tal-Unjoni tista’ ġġib valur miżjud, mingħajr ma tindaħal fil-kompetenzi nazzjonali u reġjonali fil-politika tas-saħħa u l-libertà tal-għażla.
L-awtoritajiet lokali spiss ikunu f’pożizzjoni tajba biex imexxu l-impenn dwar kif jissawru ambjenti tal-ikel favorevoli permezz ta’ inizjattivi mmexxija mill-komunità, inkluż kunsilli tal-ikel li jrawmu djalogu dwar kif jistgħu jittejbu l-affordabbiltà u d-disponibbiltà ta’ ikel tajjeb għas-saħħa u ta’ kwalità għolja. Il-Kummissjoni se tippromwovi inizjattivi bħal dawn fil-livell nazzjonali u reġjonali/lokali u se tiffaċilita iktar skambju ta’ prattiki tajbin fl-Istati Membri kollha. Aspett wieħed fejn l-Unjoni tista’ tgħin huwa li dan id-djalogu u l-interazzjoni jinġiebu fil-livell tal-UE.
Għalhekk, kull sena l-Kummissjoni se torganizza Djalogu dwar l-Ikel mal-atturi tas-sistema alimentari, inkluż il-konsumaturi, il-produtturi primarji, l-industrija, il-bejjiegħa bl-imnut, l-awtoritajiet pubbliċi u s-soċjetà ċivili. Dan id-djalogu jkun il-forum biex jiġu indirizzati kwistjonijiet urġenti bħar-riformulazzjoni tal-ikel, il-ġbir ta’ data dwar il-konsum djetetiku u l-affordabbiltà tal-ikel, fost l-oħrajn. Sabiex tappoġġa dan id-djalogu, il-Kummissjoni se tniedi studju dwar l-impatt tal-konsum tal-hekk imsejjaħ “ikel ultraproċessat”.
F’dan il-kuntest, id-Djalogu dwar l-Ikel għandu jkollu wkoll l-għan li jippromwovi l-iskambju tal-aqwa prattiki u li jimmonitorja l-mod kif il-faqar tal-ikel jiġi indirizzat fl-Istati Membri bl-użu ta’ strumenti tal-UE u nazzjonali, inkluż il-politiki soċjali, l-iskemi tal-iskejjel u l-vawċers tal-ikel għall-unitajiet domestiċi l-iktar vulnerabbli.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tressaq proposta legali biex issaħħaħ ir-rwol tal-akkwist pubbliku. L-akkwist pubbliku għandu jsegwi approċċ ta’ “l-aqwa valur” biex jippremja l-isforzi ta’ kwalità u ta’ sostenibbiltà tal-bdiewa, tal-industrija tal-ikel u tas-servizzi Ewropej, u għandu jipprovdi opportunitajiet għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) biex jipparteċipaw f’attivitajiet bħal dawn. Dan jista’ jipprovdi l-inċentivi t-tajbin għall-promozzjoni tal-konsum ta’ prodotti lokali u staġjonali, u ta’ ikel prodott bi standards ambjentali u soċjali għoljin, inkluż prodotti organiċi u ikel li joriġina minn ktajjen tal-provvista iqsar. B’rabta ma’ dan, l-iżvilupp ta’ ktajjen tal-provvista tal-ikel qosra jibqa’ ta’ importanza strateġika biex jiġu żgurati prezzijiet iktar ġusti għall-bdiewa u għas-sajjieda, u għal aċċess imtejjeb għal prodotti friski u staġjonali għall-konsumaturi.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tipproponi rieżami mmirat ta’ skema tal-iskejjel tal-UE ta’ suċċess biex issaħħaħ id-dimensjoni edukattiva tagħha, adattata għall-ħtiġijiet u għat-tradizzjonijiet lokali u reġjonali. Il-politika ta’ promozzjoni tal-UE se tibqa’ għodda ta’ politika strateġika li trid tintuża biex tissaħħaħ is-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi dwar il-prodotti agrikoli, tas-sajd u tal-akkwakultura u l-iskemi tal-kwalità tal-UE, inkluż it-tikketta tal-biedja organika tal-UE. B’rabta ma’ dan, il-Kummissjoni se tkompli taħdem biex tippromwovi l-użu ulterjuri tal-indikazzjonijiet ġeografiċi (IĠ) li huma għodda b’saħħitha għall-produtturi Ewropej biex jivvalorizzaw il-prodotti tal-ikel u tax-xorb tagħhom, jippreservaw il-wirt tal-ikel fl-Istati Membri kollha u joħolqu t-tkabbir u l-impjiegi fiż-żoni rurali fejn jinsabu.
Il-kontribut tal-industrija tal-ikel huwa essenzjali biex jiġu żviluppati mudelli ta’ negozju li jsaħħu kull parti tal-katina tal-valur u jħarsu wkoll lejn il-benessri tal-bdiewa, tas-sajjieda, tal-ħaddiema tas-settur u tal-konsumaturi. F’dan ir-rigward, huwa meħtieġ approċċ komprensiv biex iħeġġeġ l-investimenti fil-kompetittività, fl-innovazzjoni, fir-reżiljenza u fis-sostenibbiltà fl-ipproċessar, fid-distribuzzjoni u fil-bejgħ tal-ikel biex jiġu indirizzati d-diskrepanzi u l-isfidi attwali. Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa wkoll b’mod attiv ħafna l-adozzjoni u r-riżultati ġġenerati mill-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta’ Kondotta tal-UE dwar Prattiki Responsabbli tan-Negozju u l-Kummerċjalizzazzjoni tal-Ikel u se tevalwa jekk hijiex meħtieġa azzjoni ulterjuri jekk il-kisbiet iġġenerati mill-Kodiċi ta’ Kondotta ma jilħqux l-ambizzjoni mistennija. L-organizzazzjonijiet ta’ appoġġ għan-negozji għandhom jiġu mmobilizzati biex jappoġġaw aħjar lill-SMEs tal-ipproċessar tal-ikel u biex joħolqu ċentri ta’ innovazzjoni virtwali.
F’dan ir-rigward, in-networking tal-SMEs jista’ jiġi ffaċilitat mill-Pjattaforma Ewropea għall-Kollaborazzjoni bejn ir-Raggruppamenti, kif ukoll mill-Pjattaforma għall-Perkors tat-Tranżizzjoni agroalimentari li qed titħejja. Din il-Pjattaforma se tiffaċilita wkoll l-implimentazzjoni kumplessiva tal-Kodiċi ta’ Kondotta u l-perkors ta’ tranżizzjoni għall-ekosistema industrijali agroalimentari.
Peress li nutrizzjoni varjata u bbilanċjata jista’ jkollha impatt pożittiv fuq il-benessri u s-saħħa tan-nies, huwa importanti li flimkien mal-Istati Membri tavvanza l-ħidma fuq il-monitoraġġ tal-effetti ta’ ċerti prattiki ta’ reklamar u ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-ikel. B’mod partikolari, għandu jiġi investigat l-impatt fuq is-saħħa u l-benessri tal-iktar gruppi vulnerabbli ta’ konsumaturi, bħat-tfal.
Tfaċċaw teknoloġiji innovattivi, inkluż fil-qasam tat-teknoloġija alimentari, il-bijoteknoloġija u l-bijomanifattura. Huwa importanti ferm li l-Ewropa tibqa’ minn ta’ quddiem f’dawn it-teknoloġiji ġodda biex is-settur jibqa’ kompetittiv u biex fil-livell dinji l-UE tibqa’ minn ta’ quddiem nett fl-innovazzjoni tal-ikel. Fl-istess ħin, xi innovazzjoni tal-ikel xi kultant titqies bħala theddida għat-tradizzjonijiet u għall-kultura madwar l-Ewropa. Din il-kwistjoni titlob djalogu msaħħaħ u għarfien aħjar, biex jiġi żgurat li dawn l-innovazzjonijiet ikunu jistgħu jiġu vvalutati b’mod inklużiv li jqis ukoll l-aspetti soċjali, etiċi, ekonomiċi, ambjentali u kulturali tal-innovazzjoni tal-ikel.
Finalment, l-aspettattivi soċjetali ġodda rigward l-ikel qed isawru l-imġiba tal-konsumaturi, b’mod partikolari fir-rigward tal-benessri tal-annimali u l-oriġini tal-prodotti. Jekk jingħata appoġġ tajjeb, dan jista’ joffri opportunitajiet ġodda għall-bdiewa. Sabiex tindirizza dan, il-Kummissjoni se tagħmel skambji mill-qrib mal-bdiewa, mal-katina alimentari u mas-soċjetà ċivili u fuq dik il-bażi se tippreżenta proposti dwar ir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-benessri tal-annimali, inkluż l-impenn tagħha li gradwalment telimina l-gaġeġ. Din ir-reviżjoni se tkun ibbażata fuq l-aħħar evidenza xjentifika u se tqis l-impatt soċjoekonomiku fuq il-bdiewa u l-katina agroalimentari, filwaqt li se tipprovdi appoġġ kif ukoll perjodi u perkorsi ta’ tranżizzjoni xierqa u speċifiċi għall-ispeċijiet. B’rabta ma’ dan, il-Kummissjoni se tikkunsidra tikkettar immirat rigward il-benessri tal-annimali biex tindirizza l-aspettattivi tas-soċjetà.
Fl-istess ħin, l-isforzi kontinwi biex jitnaqqsu t-telf tal-ikel u l-ħela tal-ikel huma prijorità ewlenija għas-snin li ġejjin. It-tnaqqis u l-valorizzazzjoni tat-telf u tal-ħela tal-ikel mhux biss se jkunu ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini, għall-bdiewa u għall-atturi l-oħra kollha tal-UE fil-katina tal-provvista tal-ikel iżda se jżidu wkoll is-sostenibbiltà tas-sistema alimentari tal-UE, u b’hekk jikkontribwixxu għal użu iktar effiċjenti tar-riżorsi u għas-sigurtà tal-ikel.
4.Noħolqu ambjent favorevoli: Inpoġġu r-riċerka, l-innovazzjoni, l-għarfien u l-ħiliet fil-qalba tal-ekonomija agroalimentari tal-Ewropa
Id-diġitalizzazzjoni bħala xprun biex tkompli tavvanza t-tranżizzjoni
It-tranżizzjoni diġitali timxi b’veloċità bla preċedent u tista’ tikkontribwixxi għat-titjib rapidu tal-prestazzjoni ekonomika, tar-reżiljenza u tas-sostenibbiltà tal-azjendi agrikoli. It-teknoloġiji diġitali avvanzati, inkluż l-intelliġenza artifiċjali, flimkien mad-data mill-Internet tal-Oġġetti (IoT, Internet of Things) u minn sorsi oħra, jistgħu jtejbu b’mod sinifikanti l-operazzjonijiet, jixprunaw l-innovazzjoni u jirrivoluzzjonaw il-mod kif nipproduċu l-ikel, filwaqt li nieħdu ħsieb l-ambjent, il-klima u n-nies. Madankollu, l-adozzjoni tal-għodod diġitali għadha lura fl-agrikoltura u f’partijiet oħra tas-sistema alimentari. Il-kostijiet għoljin perċepiti, in-nuqqas ta’ ħiliet diġitali u ta’ fiduċja, l-assenza ta’ soluzzjonijiet imfassla apposta u l-kwistjonijiet ta’ konnettività huma fost ir-raġunijiet ewlenin għaliex il-bdiewa mhumiex qed jisfruttaw bis-sħiħ il-mewġa tad-diġitalizzazzjoni.
Il-prijorità se tkun li tiġi żgurata l-konnettività fiż-żoni rurali, b’mod partikolari fiż-żoni remoti, filwaqt li jittieħed vantaġġ ukoll mill-opportunitajiet ipprovduti minn soluzzjonijiet alternattivi ta’ konnettività u mill-edge computing. L-investiment fl-ambjent favorevoli, bħat-taħriġ tul il-ħajja fil-ħiliet u fil-konsulenza diġitali, huwa kruċjali wkoll, kif ukoll it-tħeġġiġ tal-ittestjar u tal-adozzjoni, anke b’mod kollettiv (eż. permezz ta’ kooperattivi). Jeħtieġ li s-sistemi diġitali jiġu integrati u armonizzati iktar, kemm għall-ġbir tad-data mill-bdiewa, minn atturi oħra tas-sistema alimentari, kif ukoll mis-sistemi tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni se ssegwi l-prinċipju ta’ “iġbor darba, uża diversi drabi”, li jnaqqas il-piż tar-rapportar għall-bdiewa skont il-kunsiderazzjoni ta’ inizjattivi eżistenti fil-livell tal-UE u li diġà qed jevolvu, bħall-Ispazju Komuni Ewropew tad-Data dwar l-Agrikoltura.
Sabiex twettaq dawn l-isfidi, il-Kummissjoni se tniedi strateġija diġitali tal-UE għall-agrikoltura biex tiffaċilita t-tranżizzjoni lejn settur tal-biedja u tal-ikel lest għall-qasam diġitali u orjentat lejn il-futur, filwaqt li jiġu evitati l-iżvantaġġi possibbli.
Għarfien, Riċerka u Innovazzjoni bħala katalizzaturi tal-bidla
L-għarfien u l-innovazzjonijiet ġodda jridu jilħqu lill-bdiewa u lil atturi oħra tas-sistema alimentari iktar malajr u fuq skala usa’, b’applikabbiltà konkreta ta’ soluzzjonijiet innovattivi fl-azjendi agrikoli u fil-post. U aħna mhux qed nibdew mix-xejn. Il-Missjoni dwar il-Ħamrija ta’ Orizzont Ewropa tappoġġa lill-bdiewa fit-tranżizzjoni tagħhom lejn prattiki sostenibbli tal-ħamrija permezz ta’ taħlita ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni, kif ukoll ta’ ttestjar u ta’ esperimentazzjoni fil-post, li għandhom jitkomplew biex tinkiseb ħamrija f’saħħitha fl-UE sal-2050.
L-innovazzjoni qed tavvanza u għandha titħaddan. Pereżempju, l-ittestjar ta’ inizjattivi regolatorji, teknoloġiji ġodda jew mudelli ta’ negozju f’ambjenti ta’ esperimentazzjoni (eż. għal għodod diġitali fl-agrikoltura) qabel ma jiġu introdotti, u l-akkwist tal-innovazzjoni se jgħinu biex jitneħħew l-ostakli għal iktar innovazzjoni lesta biex tintuża mill-bdiewa.
Sabiex jinkisbu riżultati mfassla apposta skont il-ħtiġijiet tal-bdiewa, għandha tiżdied il-kokreazzjoni tal-għarfien u tal-innovazzjoni f’siti lokali ta’ esperimentazzjoni fl-azjenda agrikoli mal-bdiewa, max-xjenzati, mal-innovaturi u man-negozji, eż. f’laboratorji ħajjin.
L-iżvilupp ta’ approċċ strateġiku ġdid tal-UE għar-riċerka u għall-innovazzjoni biex tittejjeb il-kompetittività tal-agrikoltura, tal-forestrija u taż-żoni rurali se jkun tassew importanti biex l-investimenti jiġu mmirati b’mod effiċjenti, biex il-prijoritajiet futuri jiġu allinjati mal-iżviluppi xjentifiċi u biex jinħatfu opportunitajiet ġodda.
F’dan l-isforz, it-tisħiħ ulterjuri tas-sħubijiet pubbliċi-pubbliċi u pubbliċi-privati eżistenti tar-riċerka u tal-innovazzjoni u l-kunsiderazzjoni ta’ oħrajn ġodda se jkunu kruċjali biex jinġabru flimkien ir-riżorsi, it-talenti u l-infrastrutturi tar-riċerka. F’dan ir-rigward, kooperazzjoni msaħħa mal-Kumitat Permanenti dwar ir-Riċerka Agrikola (SCAR, Standing Committee on Agricultural Research) hija kruċjali. Fix-xena globali, it-tisħiħ tas-sħubijiet internazzjonali u l-kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-FAO, id-WOAH, is-CGIAR u l-OECD se jgħin biex jinkisbu soluzzjonijiet innovattivi għall-isfidi globali u l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli.
L-innovazzjonijiet fit-tnissil tal-pjanti, inkluż l-użu ta’ għodod bijoteknoloġiċi bħal tekniki ġenomiċi ġodda (NGTs, New Genomic Techniques), huma kruċjali biex jitħaffef l-iżvilupp ta’ varjetajiet reżiljenti għat-tibdil fil-klima, li jiffrankaw ir-riżorsi, nutrittivi u b’rendiment għoli, u b’hekk jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-ikel u għas-sovranità tal-ikel tal-UE. L-NGTs jistgħu jwasslu wkoll għal mikroorganiżmi b’impatt pożittiv fuq il-produzzjoni agrikola, eż. billi jnaqqsu l-ħtieġa għal fertilizzanti sintetiċi.
Sabiex jinħatfu l-benefiċċji ta’ dawn l-innovazzjonijiet, huwa meħtieġ qafas regolatorju favorevoli fl-UE. Dan jiżgura wkoll kundizzjonijiet ekwivalenti ma’ għadd dejjem ikbar ta’ pajjiżi terzi, li jinsabu fil-proċess li jadattaw il-leġiżlazzjoni tagħhom jew li diġà għamlu dan. Għalhekk huwa partikolarment importanti li titlesta l-proċedura leġiżlattiva għall-proposta tal-Kummissjoni dwar l-NGTs u li l-leġiżlazzjoni tiġi implimentata malajr. Il-Kummissjoni hija impenjata li taħdem f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kunsill u mal-Parlament Ewropew biex fil-futur qarib jinstab kompromess li jħares ’il quddiem.
Insaħħu s-sistemi tal-għarfien u tal-innovazzjoni fl-agrikoltura u l-appoġġ għall-konsulenza
L-għarfien u l-innovazzjonijiet ġodda li jirriżultaw mill-programmi tar-riċerka u tal-innovazzjoni tal-UE jridu jkunu aċċessibbli b’mod wiesa’ u jridu jintużaw fil-prattika. Jeħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu sforzi sostanzjali għat-tisħiħ tas-Sistemi tal-Għarfien u tal-Innovazzjoni Agrikoli (AKIS, Agricultural Knowledge and Innovation System) u jqabblu r-riżorsi mal-firxa usa’ ta’ ħtiġijiet li jiffaċċja s-settur, b’mod partikolari biex jappoġġaw aħjar lill-bdiewa fit-tranżizzjoni tagħhom lejn is-sostenibbiltà. Għal dan l-għan, il-PAK se tkompli tipprovdi appoġġ qawwi għall-implimentazzjoni tal-istrateġiji tal-AKIS bis-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni (EIP, European Innovation Partnership) Agrikola bħala pedament. Se tippromwovi wkoll iktar azzjonijiet biex issaħħaħ ir-rwol ta’ konsulenti indipendenti u kompetenti u tiżviluppa offerti ta’ taħriġ attraenti li jwieġbu għall-ħtieġa tal-bdiewa tul il-ħajja professjonali kollha tagħhom u li jkunu partikolarment adattati għad-domanda għall-ħiliet li dejjem tevolvi tal-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ bdiewa u l-prospetti tal-karriera tagħhom.
L-indirizzar tal-iskarsezzi u tal-asimetrija tal-ħiliet fis-settur tal-biedja permezz ta’ antiċipazzjoni u ta’ investiment iddedikat f’taħriġ u f’konsulenza ta’ kwalità għolja se jkun kruċjali biex tiġi attirata ġenerazzjoni ġdida ta’ intraprendituri agrikoli ta’ talent, u tinbena sistema agrikola u alimentari kompetittiva, sostenibbli u reżiljenti. L-Unjoni tal-Ħiliet li waslet biex titwettaq se tipprovdi impetu ġdid biex tixpruna approċċ iktar strateġiku lejn l-apprendiment tul il-ħajja u l-iżvilupp tal-ħiliet inklużivi fl-agrikoltura u se tagħmel l-aħjar użu mill-għodod għad-dispożizzjoni biex il-biedja tiġi ppożizzjonata mill-ġdid bħala għażla ta’ karriera attraenti u ta’ sodisfazzjon.
5.KONKLUŻJONI
Din il-Komunikazzjoni tippreżenta r-riflessjoni tal-Kummissjoni dwar il-futur tal-agrikoltura u tal-ikel fl-Ewropa. Is-settur agroalimentari Ewropew għandu ħafna punti b’saħħithom u huwa minn ta’ quddiem fir-rigward tas-saħħa, is-sikurezza, il-kwalità, is-sostenibbiltà u l-innovazzjoni fil-produzzjoni tal-ikel. Irridu nibnu fuq dawn il-punti b’saħħithom. Iżda fil-kuntest ġeopolitiku attwali, l-Unjoni trid issaħħaħ ir-rispons tagħha għall-isfidi li qed jiffaċċjaw il-bdiewa, is-sajjieda, atturi rurali oħra u s-settur agroalimentari u tħejji għall-futur b’rispons ta’ politika iktar assertiv favur l-awtonomija strateġika u s-sovranità tal-ikel tagħna, filwaqt li tfittex li tilħaq l-objettivi tagħha tal-protezzjoni tan-natura u d-dekarbonizzazzjoni. Dan ir-rispons ta’ politika huwa magħqud madwar viżjoni komuni li se tipprovdi qafas għall-ħidma tal-Kummissjoni f’dan il-mandat kollu fl-oqsma kollha ta’ politika li għandhom impatt fuq l-agrikoltura u l-ikel.
It-twettiq ta’ din il-viżjoni ma jistax jiddependi fuq il-livell tal-UE biss. Jeħtieġ li l-ġenerazzjonijiet ġodda ta’ bdiewa, l-operaturi agroalimentari, il-konsumaturi infurmati u l-komunitajiet rurali jieħdu r-responsabbiltajiet tal-ġenerazzjoni attwali bħala intraprendituri, kustodji tal-kampanja u aġenti tal-bidla. Dan jirrikjedi djalogu msaħħaħ fil-livelli kollha ta’ governanza, mal-istituzzjonijiet tal-UE, mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, u mas-sħab internazzjonali tagħna.
Huwa għalhekk li din il-Komunikazzjoni qed tniedi dan id-djalogu biex tarrikkixxi r-riflessjonijiet tal-Kummissjoni dwar it-triq ’il quddiem madwar l-erba’ oqsma ta’ prijorità u l-faċilitaturi tagħhom. Ħafna mis-suġġetti li jinsabu fiha huma sensittivi u spiss ma jsibux konsensus faċilment fis-soċjetà, b’mod partikolari l-aspetti relatati mal-ikel, mal-bhejjem, u mal-futur tal-PAK. Din hija r-raġuni għaliex tnedew iktar linji ta’ ħidma biex jiġu elaborati dawn il-kwistjonijiet ewlenin u jinstabu soluzzjonijiet bl-involviment mill-qrib tal-partijiet ikkonċernati rilevanti u ma’ dawk li jfasslu l-politiki. L-esperjenza tgħallimna li soluzzjonijiet uniċi tajbin għal kulħadd ma jistgħux jiġu applikati għal settur daqshekk varjat u minflok id-Djalogu Strateġiku appella għal rispons territorjali u mfassal apposta.
Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lis-sħab soċjali u lill-partijiet ikkonċernati kollha biex jikkontribwixxu b’mod attiv għall-iżvilupp u għat-twettiq tal-inizjattivi f’din il-Komunikazzjoni.