IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 26.2.2025
COM(2025) 72 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Rapport dwar il-prezzijiet u l-kostijiet tal-enerġija fl-Ewropa
1.Introduzzjoni
L-edizzjoni tal-2024 tar-rapport dwar il-prezzijiet u l-kostijiet tal-enerġija toħroġ fl-isfond ta’ perjodu twil ta’ taqlib li ilu jikkaratterizza s-swieq tal-enerġija globali u Ewropej mill-2020. It-tnaqqis fil-prezzijiet tal-enerġija li ġie esperjenzat matul il-COVID-19 wassal għal perjodu sostnut ta’ prezzijiet għoljin tal-enerġija minn nofs l-2021 sa tmiem l-2023. Il-prezzijiet eċċezzjonalment għoljin kellhom, u għad għandhom, implikazzjonijiet serji għall-unitajiet domestiċi Ewropej, l-industrija, l-ekonomija usa’ u l-finanzi pubbliċi. L-għan ta’ dan ir-rapport huwa li janalizza l-evoluzzjoni tal-prezzijiet tal-enerġija u li jipprovdi fehim ċar tal-impatt tagħhom fuq il-kostijiet tal-enerġija għall-industrija u l-unitajiet domestiċi tal-UE, fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija u t-taxxi fuq l-enerġija tal-UE.
L-Unjoni Ewropea stabbiliet qafas ta’ politika ambizzjuż għall-enerġija taħt il-Patt Ekoloġiku Ewropew, li jeħtieġ aktar tisħiħ b’rispons għall-kriżijiet tal-passat u l-isfidi attwali. Barra minn hekk, ix-xenarju ġeoekonomiku jeħtieġ azzjonijiet tanġibbli biex tiġi garantita enerġija kompetittiva u affordabbli kemm għan-negozji kif ukoll għaċ-ċittadini, filwaqt li jiġi żgurat progress kontinwu lejn id-dekarbonizzazzjoni. Il-Patt għal Industrija Nadifa u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Enerġija Affordabbli għandhom l-għan li jindirizzaw dawn l-isfidi.
Dan ir-rapport jipprovdi ħarsa ġenerali komprensiva tal-evoluzzjoni tal-prezzijiet u l-kostijiet tal-enerġija fl-Unjoni Ewropea mill-2010 sal-2023, b’data addizzjonali li tkopri l-ewwel nofs tal-2024, fejn disponibbli. Filwaqt li jibni fuq l-approċċ użat f’edizzjonijiet preċedenti, ir-rapport jibbaża fuq id-data u l-analiżijiet minn studju fil-fond u l-ħidma tal-Kummissjoni stess, filwaqt li jipprijoritizza s-sorsi statistiċi disponibbli għall-pubbliku u jissupplimentahom b’ġabriet tad-data mmirati.
Il-prezzijiet bl-ingrossa stabbilizzaw kemm fis-swieq tal-elettriku kif ukoll tal-gass mill-kriżi tal-enerġija tal-perjodu 2021-2023, għalkemm f’livell ogħla mill-medji storiċi tagħhom. Min-naħa l-oħra, notevolment minħabba l-intervall latenti fit-trażmissjoni tal-prezzijiet bejn iż-żewġ segmenti tas-suq, it-tnaqqis fil-prezzijiet bl-ingrossa għad irid ibaxxi l-prezzijiet tal-enerġija bl-imnut, li għadhom ogħla għall-unitajiet domestiċi u l-intrapriżi milli kienu qabel l-2021. Il-prezzijiet tal-gass tal-unitajiet domestiċi kienu kważi d-doppju fl-2023 milli kienu qabel il-kriżi. Bl-istess mod, il-prezzijiet tal-gass u tal-elettriku industrijali, filwaqt li huma aktar baxxi milli kienu matul il-kriżi, għadhom 2-4 darbiet ogħla milli huma fis-sħab kummerċjali prinċipali tal-UE, u dan jhedded il-kompetittività fit-tul tal-industrija Ewropea. Speċjalment fis-setturi intensivi fl-enerġija, il-prezzijiet tal-enerġija li qed jogħlew huma fattur ewlieni li għandu impatt fuq il-kompetittività tagħhom.
L-UE tiddependi fuq l-importazzjonijiet biex tkopri >90 % tal-konsum taż-żejt u tal-gass tagħha. Minbarra l-kunsiderazzjonijiet tas-sigurtà tal-enerġija, il-kont tal-importazzjoni tal-enerġija fossili, li laħaq l-EUR 427 biljun fl-2023 (2,5 % tal-PDG tal-UE), huwa telf sinifikanti fuq l-ekonomija Ewropea. Iż-żejt grezz jibqa’ l-importazzjoni prinċipali (b’sehem ta’ 56 % tal-kont totali), segwit mill-gass naturali u l-faħam. Minkejja tnaqqis qawwi hekk kif il-prezzijiet ta’ dawn il-komoditajiet naqsu, il-kont tal-importazzjoni fl-2023 kien għadu 45 % ogħla mill-medja tal-perjodu 2014-2020. Il-Pjan REPowerEU tal-2022 ippropona miżuri biex tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, jiġi aċċellerat l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, tiġi moderata d-domanda u tiżdied l-effiċjenza enerġetika biex tinkiseb sistema tal-enerġija Ewropea aktar flessibbli, kosteffiċjenti, u reżiljenti fil-futur.
Fl-aħħar nett, il-kriżi tal-enerġija kellha wkoll impatt fuq il-politika tat-tassazzjoni fuq l-enerġija. Flimkien ma’ miżuri oħra, id-dħul mit-taxxa fuq l-enerġija naqas fl-istess ħin peress li ħafna Stati Membri kkumpensaw lill-unitajiet domestiċi u lill-industrija għal kostijiet ogħla tal-enerġija.
2.Xejriet fil-prezzijiet tal-enerġija
2.1.Prezzijiet tal-elettriku
Mill-2015 sal-2019, il-prezzijiet tal-elettriku bl-ingrossa Ewropej varjaw bejn EUR 40 u 60/MWh. Il-prezzijiet spot kienu relattivament stabbli sa tmiem l-2018, imbagħad naqsu fl-2019 minħabba domanda dgħajfa, kostijiet tal-fjuwil aktar baxxi, u żieda fil-ġenerazzjoni rinnovabbli. Fl-2020, il-COVID-19 wasslet għal tnaqqis sinifikanti ulterjuri fid-domanda għall-elettriku, li, flimkien mal-ġenerazzjoni rinnovabbli li qed tiżdied, imbuttat il-prezzijiet bl-ingrossa għal livelli eċċezzjonalment baxxi (EUR 17/MWh f’Mejju 2020), inklużi perjodi dejjem aktar frekwenti ta’ prezzijiet negattivi matul il-ġurnata.
Il-kriżi tal-enerġija tal-perjodu 2021-2022 wasslet għal tfixkil mifrux fis-swieq tal-enerġija globali u Ewropej. Dan kellu impatt ukoll fuq il-prezzijiet tal-elettriku bl-ingrossa fl-UE, peress li prezzijiet ogħla tal-gass (ara l-Kapitolu 2.2 dwar il-gass) żiedu l-prezzijiet tal-elettriku għal bejn EUR 150 u 270/MWh (
Figure 1
). Minbarra l-prezzijiet tal-gass li għolew li ġabu magħhom prezzijiet ogħla tal-elettriku, livelli baxxi jew varjabbli ta’ enerġija idroelettrika u ġenerazzjoni rinnovabbli, kif ukoll indisponibilità nukleari (minħabba l-manutenzjoni), imbuttaw il-prezzijiet tal-elettriku għal livelli għoljin ta’ rekord matul l-2022 (li laħqu l-EUR 400/MWh f’Awwissu 2022).
Madankollu, minn tmiem l-2022, il-prezzijiet tas-suq tal-elettriku bl-ingrossa stabbilizzaw f’livelli aktar baxxi fis-swieq ta’ ġurnata bil-quddiem, għalkemm f’livell ogħla mill-medji storiċi tagħhom (il-medja ta’ EUR2023 85/MWh fi Q4 2023 meta mqabbel mal-medja ta’ EUR2023 56/MWh fil-perjodu 2008-2020). Il-prezzijiet fis-swieq forward fl-2023 ukoll stabbilizzaw ’il fuq mill-medja storika tagħhom.
Illustrazzjoni1: Evoluzzjoni tal-prezzijiet medji tal-elettriku ta’ karga bażika ta’ ġurnata bil-quddiem bl-ingrossa kull xahar fl-
Ewropa f’EUR/MWh, li turi l-Parametru Referenzjarju Ewropew tal-Enerġija u l-firxa ta’ prezzijiet minimi u massimi fis-swieq ewlenin tal-UE
Sors: Trinomics et al. (2024), ibbażat fuq data minn S&P Platts, ENTSO-E
Fid-deċennju ta’ qabel il-kriżi tal-enerġija, il-prezzijiet tal-elettriku bl-ingrossa tal-UE kienu aktar baxxi minn dawk fil-Ġappun u fir-Renju Unit jew komparabbli magħhom (
Figure 2
), iżda kemxejn ogħla mill-prezzijiet tal-Istati Uniti. Il-kriżi tal-enerġija wasslet għal konverġenza tal-prezzijiet bejn l-Ewropa u l-Asja. Fl-istess ħin, il-prezzijiet fl-Istati Uniti, minħabba provvista domestika rħisa tal-gass, baqgħu komparattivament baxxi, u komplew iżidu d-distakk bejn il-prezzijiet tal-elettriku bl-ingrossa Ewropej u tal-Istati Uniti.
Illustrazzjoni2: Tqabbil tal-prezzijiet medji tal-elettriku bl-ingrossa ta’ ġurnata bil-quddiem kull xahar fl-UE mal-kummerċ globali
(EUR2023/MWh)
Sors: Trinomics et al. (2024), ibbażat fuq data minn S&P Platts, ENTSO-E, JEPX, EIA
Il-prezzijiet tal-elettriku bl-imnut żdiedu wkoll fl-2022 u l-2023, wara l-prezzijiet tal-elettriku bl-ingrossa, li ġew mgħoddija lill-konsumaturi b’ċertu dewmien, minkejja ż-żieda fl-użu ta’ kuntratti bi prezzijiet dinamiċi. Bħala medja, il-komponent tal-enerġija tal-prezzijiet bl-imnut tal-unitajiet domestiċi żdied b’mod konsiderevoli f’dan il-perjodu, filwaqt li s-sehem tat-taxxi u l-imposti naqas, li kien xprunat minn miżuri temporanji ta’ kumpens meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali fl-EU27 (
Figure 3
).
Illustrazzjoni3: Evoluzzjoni u kompożizzjoni tal-prezz tal-elettriku tal-unitajiet domestiċi tal-UE (mingħajr VAT)
Sors: Trinomics et al. (2024), ibbażat fuq data mill-Eurostat (nrg_pc_204_c), VaasaETT
F’termini konkreti, il-prezz medju tal-elettriku bl-imnut tal-unitajiet domestiċi tal-EU27 żdied bi 12 % għal EUR2023 262/MWh bejn l-2020 u l-2022. Fl-2023, il-prezzijiet żdiedu b’4 % oħra għal EUR2023 272/MWh. Matul il-kriżi, il-prezzijiet tal-elettriku bl-imnut laħqu l-quċċata ta’ aktar minn EUR 500/MWh fl-Awstrija, fil-Belġju, fid-Danimarka, fil-Ġermanja, fl-Italja u fin-Netherlands.
Is-sitwazzjoni tal-prezzijiet tal-unitajiet domestiċi bl-imnut tvarja ħafna fl-Istati Membri, parzjalment minħabba l-interventi tagħhom fis-suq bl-imnut li ġew introdotti reċentement (
Figure 4
). Ħafna pajjiżi temporanjament ipprovdew b’mod temporanju sussidji diretti jew naqqsu t-taxxi tagħhom fl-2023 biex itaffu l-impatt taż-żidiet fil-prezzijiet u xi Stati Membri kellhom taxxi baxxi ħafna jew saħansitra negattivi għall-elettriku għall-unitajiet domestiċi, inklużi l-Irlanda (sussidju ta’ EUR 66/MWh), il-Portugall (sussidju ta’ EUR 40/MWh) u l-Greċja (sussidju ta’ EUR 37/MWh).
Simili għas-snin preċedenti, hemm differenzi sinifikanti fil-prezzijiet tal-elettriku tal-unitajiet domestiċi fl-Istati Membri. Fl-2023, l-ogħla prezz medju tas-suq bl-imnut fl-UE ġie rreġistrat fil-Belġju b’EUR2023 383/MWh, filwaqt li l-Bulgarija kellha l-aktar livell baxx ta’ EUR2023 116/MWh.
Illustrazzjoni4: Prezzijiet tal-elettriku tal-unitajiet domestiċi fl-Istati Membri tal-UE (2023, faxxa ta’ konsum DD)
Sors: Trinomics et al. (2024), ibbażat fuq data mill-Eurostat (nrg_pc_204_c), VaasaETT
Il-prezzijiet tal-elettriku industrijali segwew trajettorja simili għall-prezzijiet tal-unitajiet domestiċi billi żdiedu minn EUR 132/MWh fl-2020 għal EUR 238/MWh fit-tieni nofs tal-2022 (80,3 %), u laħqu l-quċċata fl-ewwel nofs tal-2023 ta’ EUR 241/MWh, bdew jonqsu fl-aħħar parti tal-2023, u niżlu għal EUR 197/MWh fl-ewwel nofs tal-2024. Iżda għall-kuntrarju tal-prezzijiet tal-unitajiet domestiċi, il-prezzijiet tal-elettriku industrijali huma xprunati aktar mis-suq bl-ingrossa, minħabba l-esponiment akbar tagħhom għall-komponent tal-prezz tal-enerġija. It-tkabbir massiv fis-sehem tal-komponent tal-prezz tal-enerġija kien biss parzjalment ikkumpensat minn tnaqqis fit-taxxi u fl-imposti. Fl-2023, il-komponent tal-prezz tal-enerġija kien jirrappreżenta 63 % tal-kostijiet ġenerali tal-elettriku għall-konsumaturi tal-elettriku industrijali medji (fil-faxxa ta’ konsum ID), filwaqt li s-sehem tat-tariffi tan-networks naqas għal 12 % tal-kostijiet (minn madwar 30 % fl-2018 u qabel), u t-taxxi u l-imposti kienu jirrappreżentaw biss 25 % tal-kostijiet ġenerali.
F’paragun internazzjonali, il-prezzijiet tal-elettriku żdiedu b’mod sinifikanti fl-ekonomiji ewlenin kollha matul il-kriżi tal-enerġija, ħlief fl-Istati Uniti (
Figure 5
). Il-prezzijiet tal-elettriku ffaċċjati mill-industrija tal-UE kienu simili għal dawk tal-Ġappun fl-2023, filwaqt li l-industrija tal-UE kellha vantaġġ kompetittiv qabel il-kriżi tal-enerġija. Il-prezzijiet tal-elettriku tar-Renju Unit baqgħu f’livelli għoljin ħafna matul l-2023, filwaqt li l-prezzijiet fl-Istati Uniti tal-Amerka kienu relattivament stabbli u komplew qrib il-livelli storiċi tagħhom.
Illustrazzjoni5: Prezzijiet tal-elettriku industrijali fl-EU27, fl-Istati Uniti tal-amerka, fir-Renju Unit, fil-Ġappun, fil-Kanada u fil-Korea t’Isfel (EUR2023/MWh)
Sors: Trinomics et al. (2024), S&P Platts, Eurostat, Enerdata EnerMonthly
2.2.Prezzijiet tal-gass
Il-prezzijiet tal-gass bl-ingrossa fil-hubs tal-gass tal-UE varjaw bejn EUR 5 u 30/MWh fil-perjodu mill-2015 sal-2020, imbagħad naqsu fl-2020, meta xitwa relattivament moderata u l-lockdowns matul il-COVID-19 naqqsu l-prezzijiet tal-gass, taħt l-EUR 5/MWh fil-perjodu Mejju-Lulju 2020. Iż-żieda fid-domanda fil-perjodu ta’ rkupru ta’ wara l‑COVID bdiet tixpruna l-prezzijiet tal-gass ogħla minn nofs l-2021 u sa Diċembru 2021, is-swieq tal-gass Ewropej stretti tellgħu l-prezzijiet bl-ingrossa għal EUR 113/MWh. L-invażjoni Russa tal-Ukrajna, l-użu bħala arma tal-esportazzjonijiet tal-gass tagħha mir-Russja u l-inċertezza sussegwenti dwar il-provvisti tal-gass wasslu għal prezzijiet spot għoljin kontinwi, li baqgħu ogħla minn EUR2023 100/MWh matul il-perjodu Ġunju-Diċembru 2022, filwaqt li s-sehem tal-gass bil-pipelines Russi fl-importazzjonijiet Ewropej naqas minn 51 % fl-2021 għal 15 % fl-2023. B’mod ġenerali, is-sehem tal-importazzjonijiet tal-gass Russi naqas minn 45 % għal 15 %, is-sehem tal-LNG Russu fl-importazzjonijiet tal-LNG tal-UE naqas għal 15 % minn 20 % fl-istess perjodu tal-2021-2023. Minkejja domanda aktar baxxa, il-prezzijiet komplew jiżdiedu u laħqu l-ogħla prezz spot ta’ kull żmien fis-26 ta’ Awwissu 2022 ta’ EUR2023 320/MWh.
Minn Settembru 2022, il-prezzijiet spot tal-gass naqsu gradwalment mill-quċċata f’Awwissu 2022 għal EUR2023 42/MWh sa April 2023 minħabba bosta raġunijiet – livelli għoljin ta’ ħżin, xitwa moderata, u tnaqqis fl-inċertezza dwar il-provvista bil-pipelines Russi (abbażi tal-isforzi ta’ REPowerEU biex jiġi limitat il-konsum tal-gass fl-UE, iżda wkoll ir-riżoluzzjoni Russa li tieqaf tforni lil ċerti Stati Membri tal-UE) u żviluppi pożittivi fil-kapaċità tal-importazzjoni tal-LNG. Sal-bidu tal-2024, tfaċċa “ekwilibriju tal-prezzijiet” ġdid ta’ madwar ~ EUR2023 30-40/MWh (
Figure 6
) li jirrifletti t-tneħħija gradwali tal-gass bil-pipelines Russi, tnaqqis fil-produzzjoni domestika fl-UE u l-bidla mill-provvista bil-pipelines għall-importazzjonijiet tal-LNG (gass naturali likwifikat).
Id-differenzi fil-prezzijiet bl-ingrossa reġjonali (eż. bejn il-hubs tat-TTF, l-NBP u t-THE) huma fil-biċċa l-kbira spjegati mid-differenzi fil-karatteristiċi tas-suq f’termini tal-kapaċitajiet tal-pipelines, tal-esportazzjoni tal-LNG u tal-interkonnessjoni mar-reġjuni ġirien. B’mod ġenerali, is-swieq b’bosta sorsi ta’ importazzjoni (eż. bosta pipelines tal-gass u aċċess għat-terminals tal-LNG) juru livell ta’ prezz aktar baxx mis-swieq b’sors ta’ provvista wieħed biss.
Il-prezzijiet bl-ingrossa tal-gass naturali huma influwenzati minn għadd ta’ fatturi bħat-temperatura (permezz tad-domanda għat-tisħin), il-livell ta’ attivitajiet industrijali, id-disponibbiltà tal-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli (prinċipalment permezz tad-domanda għall-ġenerazzjoni tal-enerġija li taħdem bil-gass), il-livelli tal-mili tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass u r-rati tal-injezzjoni biex jimtlew il-ħażniet, il-pipelines u l-importazzjonijiet tal-LNG. Wieħed mill-aktar fatturi reċenti importanti li jiddefinixxu l-prezzijiet tal-gass kien il-bidla tal-importazzjonijiet tal-gass mill-gass bil-pipelines għall-importazzjonijiet tal-LNG, li kompla jesponi s-swieq tal-gass Ewropej għas-swieq tal-LNG globali u b’hekk ħoloq volatilità ogħla tal-prezzijiet.
Illustrazzjoni 6: Prezzijiet tal-gass ta’ ġurnata bil-quddiem bl-ingrossa magħżula fil-hubs tal-gass Ewropej
Sors: Trinomics et al (2024), ibbażat fuq data minn P Platts, Enerdata EnerMonthly
L-LNG kellu biss rwol ta’ bbilanċjar fil-provvista tal-gass tal-UE qabel l-2021, li jista’ jkun parzjalment marbut mal-kompetittività tal-kostijiet tal-gass bil-pipelines Russi fuq l-LNG, u l-provvista Ewropea disponibbli b’mod abbundanti li kienet ġejja min-Netherlands (sal-2023). Biex tissostitwixxi l-gass bil-pipelines Russi, l-Ewropa qalbet għal żieda fl-importazzjonijiet tal-LNG, li kienu ġejjin speċjalment mill-Istati Uniti (
Figure 7
), li s-sehem tagħhom żdied minn 27 % fl-2021 għal 43 % fl-2023, u sorsi globali oħra, bħall-Qatar, li żied l-esportazzjonijiet tal-LNG lejn l-UE bi 22 % fl-2022 u bi 12 % fl-2023. Fl-istess perjodu tal-2021-2023, is-sehem tal-esportazzjonijiet tal-LNG tar-Russja naqas minn 20 % għal 15 % fil-kuntest ta’ kważi l-irduppjar tal-importazzjonijiet inġenerali tal-LNG tal-UE, filwaqt li l-volumi tal-LNG Russi żdiedu bi 32 %. Dan huwa ssupplimentat b’żieda fl-importazzjonijiet bil-pipelines min-Norveġja, l-Alġerija u l-Ażerbajġan. Hekk kif l-importazzjonijiet tal-gass bil-pipelines Russi naqsu b’mod drammatiku, is-sehem tal-LNG fl-importazzjonijiet ġenerali rdoppja bejn l-2021 u l-2023 (minn 15-20 % għal 35-40 %).
Illustrazzjoni7: Importazzjonijiet tal-LNG u s-sehem tagħhom fl-importazzjonijiet u l-konsum totali tal-gass tal-EU27
Sors: Trinomics et al. (2024), ibbażat fuq data minn ENTSO-G, Eurostat
Din il-bidla fil-provvista tal-gass Ewropea, min-naħa tagħha, kellha wkoll impatt fuq is-swieq globali tal-LNG, hekk kif l-Ewropa saret l-akbar importatur tal-LNG fil-perjodu 2022‑2023, fejn qabżet il-Ġappun, iċ-Ċina u l-Korea t’Isfel. Id-domanda addizzjonali tal-UE żiedet il-prezzijiet globali tal-LNG u rridirezzjonat ammont sinifikanti ta’ vjeġġi tal-LNG, li qabel kienu jiffavorixxu s-swieq Asjatiċi, lejn l-Ewropa.
Tqabbil tal-prezzijiet tal-gass naturali bl-ingrossa internazzjonali juri b’mod ċar dan l-impatt: bl-eċċezzjoni tal-Istati Uniti, kemm l-UE kif ukoll il-pajjiżi importaturi ewlenin tal-LNG (il-Ġappun, il-Korea t’Isfel, iċ-Ċina u l-Indja) esperjenzaw żidiet qawwija fil-prezzijiet (
Figure 8
), filwaqt li l-prezzijiet fl-Istati Uniti ma nbidlux drastikament matul l-istess perjodu.
Illustrazzjoni8: Prezzijiet tal-gass bl-ingrossa ta’ ġurnata bil-quddiem fl-UE (NL TTF) u fis-sħab kummerċjali ewlenin tagħha
Sors: Trinomics et al., ibbażat fuq data minn S&P Platts
Il-prezzijiet tal-gass bl-imnut (
Figure 9
) huma prinċipalment xprunati mill-prezzijiet tal-gass bl-ingrossa, iżda l-bidliet matul l-2021 u l-2022 ġew riflessi b’mod differenti (fid-daqs u fil-veloċità tat-trasferiment) fl-Istati Membri. Dan kien prinċipalment dovut għad-differenzi fit-tip u l-livell ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni tal-kriżijiet nazzjonali, iżda wkoll għad-differenza tal-Istati Membri fl-istrutturi tat-tul tal-kuntratt u fl-istrateġiji ta’ akkwist tal-gass tad-differenza tal-bejjiegħa bl-imnut (kuntratti fit-tul, iħħeġġjar tal-prezzijiet).
Illustrazzjoni9: Prezzijiet medji tal-gass tal-unitajiet domestiċi fl-Istati Membri tal-UE fl-2023 fil-faxxa ta’ konsum D2
Sors: Trinomics et al. (2024), ibbażat fuq data minn VaasaETT, Eurostat
B’mod parallel maż-żieda kbira fil-prezzijiet tal-gass bl-ingrossa fl-2021 u l-2022, il-prezzijiet medji tal-unitajiet domestiċi bdew jiżdiedu mil-livell tagħhom tal-2021 ta’ EUR2023 70-80/MWh għal EUR2023 125/MWh sa Awwissu 2022. Il-prezzijiet tal-unitajiet domestiċi kienu l-ogħla minn Q3 2022 sa Q2 2023 b’ammont ta’ EUR2023 112/MWh, u wara dan naqsu u stabbilizzaw fl-Istati Membri kollha, f’livelli kważi d-doppju ta’ qabel il-kriżi (EUR2023 100/MWh minflok ~ EUR2023 60/MWh).
Minħabba d-differenzi fil-karatteristiċi tas-suq bl-imnut, il-miżuri nazzjonali ta’ kriżi u l-konsegwenzi tagħhom għar-rata ta’ trasferiment hemm differenzi sinifikanti fil-prezzijiet tal-gass tal-unitajiet domestiċi bejn l-Istati Membri: fl-2023, l-ogħla prezzijiet ġew osservati fl-Iżvezja u fin-Netherlands (~EUR2023 210/MWh) u l-aktar baxxi fis-Slovakkja, fir-Rumanija, fil-Kroazja u fl-Ungerija (kollha inqas minn EUR2023 60/MWh).
L-ishma relattivi tal-kostijiet tal-enerġija, it-tariffi tan-networks kif ukoll it-taxxi u l-imposti fil-prezzijiet tal-gass tal-unitajiet domestiċi nbidlu wkoll b’mod sinifikanti. Il-komponent tal-kostijiet tal-enerġija (prezz bl-ingrossa flimkien ma’ marġni kummerċjali) kien jirrappreżenta 43 % tal-prezz bl-imnut fl-2020 iżda laħaq l-64 % fl-2023. Matul l-istess perjodu, is-sehem tal-komponent tat-tariffi tan-networks naqas minn 24 % għal 17 %, filwaqt li s-sehem tat-taxxi u l-imposti naqas minn 33 % għal 19 %, il-biċċa l-kbira bħala riżultat ta’ interventi tal-gvern (rati jew rifużjonijiet tat-taxxa aktar baxxi) fil-prezzijiet bl-imnut.
Il-prezzijiet tal-gass bl-imnut industrijali fl-UE żdiedu b’mod sinifikanti matul il-kriżi tal-enerġija: il-prezzijiet għall-konsumaturi tal-gass industrijali medji (il-faxxa ta’ konsum I3) kważi rdoppjaw minn EUR2023 40/MWh fl-2021 għal EUR2023 76/MWh fl-2023. Għall-akbar konsumaturi tal-gass industrijali (il-faxxa I5), il-prezzijiet żdiedu minn EUR2023 39/MWh fl-2021 għal EUR2023 87/MWh fl-2022 u mbagħad niżlu għal EUR2023 59/MWh fl-2023. Żidiet sinifikanti fil-prezzijiet tal-gass wasslu għal żidiet kbar fil-kostijiet tal-enerġija, speċjalment għan-negozji intensivi fl-enerġija. Il-livelli ogħla tal-prezzijiet tal-gass naqqsu l-kompetittività tal-industrija Ewropea, speċjalment f’setturi intensivi fl-enerġija, meta mqabbel ma’ kompetituri bħall-Istati Uniti u ċ-Ċina, fejn il-prezzijiet għadhom sostanzjalment aktar baxxi (
Figure 10
).
Illustrazzjoni10: Prezzijiet tal-gass naturali (faxxa I5) għall-utenti finali industrijali fl-UE u s-sħab kummerċjali ewlenin tagħha
Sors: Trinomics et al (2024), ibbażat fuq data mill-Eurostat, Enerdata EnerMonthly
2.3.Żejt u faħam
Dawn l-aħħar snin raw ukoll episodji ġodda ta’ volatilità fil-prezzijiet taż-żejt grezz, li naqsu għal inqas minn USD 20/barmil (datat Brent) f’April 2020 minħabba tnaqqis sinifikanti fid-domanda u provvista eċċessiva matul l-ewwel xhur tal-lockdowns matul il-COVID-19. Il-prezzijiet taż-żejt grezz bdew jiżdiedu b’mod parallel mal-irkupru ekonomiku u t-tnaqqis tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar matul il-COVID, fejn laħqu l-quċċata ta’ USD 130/barmil f’Marzu 2022. Minn dak iż-żmien ’l hawn, il-prezzijiet naqsu għal bejn USD 70‑80/barmil (
Figure 11
), minkejja t-tnaqqis fil-produzzjoni tal-OPEC+ u l-kunflitti ġeopolitiċi kontinwi fil-Lvant Qarib u Nofsani, il-biċċa l-kbira minħabba żieda fil-produzzjoni fl-Istati Uniti u konsum relattivament baxx fl-Asja.
Illustrazzjoni11: Prezz frank abbord (FOB, free-on-board price) Spot Brent fl-Ewropa ta’ Kuljum (USD u EUR għal kull barmil,
prezzijiet nominali)
Sors: DĠ ENER ENERScope, ibbażat fuq il-bażi tad-data tal-Osservatorju tas-Suq tal-Enerġija
Il-prezzijiet Brent fl-2023 kellhom medja ta’ USD 82/bbl u s-sena kienet ikkaratterizzata bħala “sena stabbli wara 3 snin turbolenti” mill-AIE. Il-provvista taż-żejt baqgħet għolja u hija mistennija li tibqa’ għolja, b’espansjonijiet ippjanati tal-kapaċità f’pajjiżi mhux tal-OPEC. Min-naħa tad-domanda, aktar tnaqqis globali fl-emissjonijiet, aktar attenzjoni għas-sigurtà tal-enerġija u tnaqqis fid-domanda industrijali, flimkien mat-tranżizzjoni lejn l-enerġija rinnovabbli f’diversi setturi ekonomiċi, ħolqu pressjoni ’l isfel fuq il-prezzijiet taż-żejt, li kienet għadha tinħass fl-2024.
Il-prezzijiet bl-imnut tal-prodotti tal-fjuwil ibbażati fuq iż-żejt (
Figure 12
) segwew mill-qrib ix-xejra tal-prezz taż-żejt grezz, u naqsu b’mod sinifikanti wara l-ħarifa tal-2022. Id-diżil u ż-żejt tat-tisħin esperjenzaw żidiet aktar severi fil-prezzijiet, prinċipalment minħabba l-kapaċitajiet globalment ristretti tar-raffineriji.
Illustrazzjoni12: Prezz bl-imnut annwali medju tal-prodotti taż-żejt fl-EU27 f’EUR2023/litru, esklużi t-taxxi u d-dazji
Sors: DĠ ENER ENERScope, ibbażat fuq il-bażi tad-data tal-Osservatorju tas-Suq tal-Enerġija
3.Xejriet fil-kostijiet tal-enerġija
3.1.Kont tal-importazzjoni tal-enerġija tal-UE
L-UE hija importatur nett tal-enerġija u kienet tiddependi fuq l-importazzjonijiet biex tkopri 63 % tal-konsum tal-enerġija tagħha fl-2022. Il-kont tal-importazzjoni tal-enerġija tal-UE jiddependi fuq il-kwantità tal-fjuwils, il-prezzijiet ta’ dawn il-fjuwils (żieda stabbilita mis-swieq globali) u r-rata tal-kambju EUR/USD. Fl-2022, il-kont tal-importazzjoni tal-enerġija laħaq ammont stmat ta’ EUR 600 biljun (3,8 % tal-PDG tal-EU27). Kemm il-prezzijiet taż-żejt kif ukoll tal-gass ikkontribwew għaż-żieda (
Figure 13
).
Wara t-tnaqqis fil-prezzijiet, il-kont tal-importazzjoni tal-enerġija naqas fl-2023 għal ammont stmat ta’ EUR 427 biljun (2,5 % tal-PDG tal-UE), il-biċċa l-kbira attribwibbli għal prezzijiet tal-gass naturali u tal-LNG aktar baxxi. Madankollu, il-kont tal-importazzjoni tal-enerġija għadu sinifikattivament ogħla minn qabel u ż-żieda qawwija fil-perjodu 2021-2022 turi kemm il-prezzijiet tal-fjuwils fossili qed ikunu ta’ piż fuq l-ekonomija tal-UE.
Illustrazzjoni13: Kont stmat tal-importazzjoni tal-enerġija tal-UE għall-perjodu 2014-2024 (EUR biljun; % tal-PDG tal-UE)
Sors: Comtext tal-Eurostat
Fi kliem ieħor: li kieku t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa kienet ġiet aċċellerata qabel il-kriżi, l-UE kien ikollha inqas fjuwils fossili fit-taħlita tal-enerġija (xorta waħda 69 % fl-2022) u l-impatt tal-prezzijiet volatili tal-fjuwils fossili fuq il-prezzijiet tal-enerġija Ewropej seta’ kien aktar baxx.
3.2.Nefqa fuq l-enerġija tal-unitajiet domestiċi
In-nefqa fuq l-enerġija tal-unitajiet domestiċi Ewropej (iddeterminata mill-prezzijiet bl-imnut u l-konsum tal-unitajiet domestiċi) naqset għal-livelli kollha ta’ introjtu bejn l-2012 u nofs l-2021, meta x-xejra treġġgħet lura bil-kriżi tal-enerġija. Fl-2020, l-unitajiet domestiċi Ewropej b’introjtu baxx nefqu medja ta’ 7,3 % tal-baġit totali tagħhom fuq l-enerġija, li żdiedet għal 7,5 % (EUR 1 250) sal-2022 b’differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri. L-unitajiet domestiċi b’introjtu medju inferjuri u medju għandhom it-tendenza li jkollhom nefqa assoluta ogħla fuq l-enerġija, iżda din in-nefqa tirrappreżenta sehem iżgħar mill-baġit tal-unitajiet domestiċi tagħhom. Fl-2022, dawn l-unitajiet domestiċi nefqu 6,9 % u 6,4 %, rispettivament, mill-baġit totali tagħhom fuq l-enerġija (tnaqqis minn 7,6 % u 6,9 % fl-2010).
Iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, b’mod partikolari fit-tieni nofs tal-2021 u matul l-2022, irriżultat f’nefqiet ogħla mis-soltu fuq l-enerġija għall-unitajiet domestiċi Ewropej, b’għadd dejjem jikber ta’ unitajiet domestiċi li qed isibuha bi tqila biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-enerġija tagħhom. Iż-żidiet fil-kostijiet tal-enerġija fl-2022 affettwaw b’mod sproporzjonat lill-aktar unitajiet domestiċi vulnerabbli. Fl-Istati Membri kollha, perċentwal stmat ta’ 10 % tal-unitajiet domestiċi ma setgħux iżommu djarhom sħan b’mod adegwat u kellhom arretrati fuq il-kontijiet tal-utilitajiet tagħhom.
Iż-żidiet fil-kostijiet tal-enerġija kienu prinċipalment xprunati mill-prezzijiet tal-gass naturali, tal-fjuwils likwidi u tal-elettriku u ma setgħux jiġu kontrobilanċjati bis-sħiħ mill-isforzi tal-unitajiet domestiċi biex inaqqsu l-konsum tal-enerġija. Il-miżuri nazzjonali li jappoġġaw in-nefqiet tal-unitajiet domestiċi fuq l-enerġija għenu biex jiġi mitigat l-impatt tal-kriżi tal-enerġija, iżda ħafna drabi dawn il-miżuri (pereżempju tnaqqis fir-rati tal-VAT) ma kinux immirati speċifikament lejn l-aktar unitajiet domestiċi vulnerabbli.
Is-sitwazzjoni tal-unitajiet domestiċi varjat b’mod sostanzjali fl-Istati Membri, kemm f’termini ta’ nefqiet assoluti kif ukoll espressa bħala sehem min-nefqiet totali.
·F’termini relattivi, l-aktar unitajiet domestiċi fqar nefqu aktar minn 20 % tal-baġit tal-unitajiet domestiċi tagħhom fuq l-enerġija fis-Slovakkja u aktar minn 15 % fir-Rumanija; u inqas minn 5 % tal-baġit tagħhom fl-Iżvezja, f’Malta, fil-Finlandja u fil-Lussemburgu.
·F’termini assoluti, l-unitajiet domestiċi b’introjtu baxx nefqu inqas minn EUR 500 fuq prodotti tal-enerġija fil-Latvja u r-Rumanija, filwaqt li nefqu aktar minn EUR 1 500 fil-Lussemburgu u aktar minn EUR 3 000 fid-Danimarka.
Illustrazzjoni14: Sehem tal-enerġija fin-nefqa totali tal-konsum skont il-grupp tal-introjtu tal-Istati Membri fl-EU27
Sors: Trinomics et al (2024), ibbażat fuq ġbir ta’ data ad hoc dwar in-nefqiet tal-konsum tal-unitajiet domestiċi
Fir-rigward tal-għażla tal-konsumatur, l-elettriku baqa’ l-aktar vettur tal-enerġija għali fl-2023 (EUR 289/MWh) (
Table 1
). Bi tqabbil ma’ dan, kemm il-gass naturali (f’ammont ta’ EUR 116/MWh) kif ukoll iż-żejt tat-tisħin (EUR 116/MWh) kienu għażliet irħas għat-tisħin tal-post. Minkejja d-differenza fil-kost għall-input tal-enerġija, il-pompi tas-sħana jistgħu jikkompetu mal-bojlers taż-żejt u tal-gass fuq il-kostijiet operazzjonali bħala medja tal-UE peress li huma ħafna aktar effiċjenti fil-produzzjoni tas-sħana. B’mod simili, il-vetturi elettriċi qed jużaw l-input tal-enerġija b’mod ħafna aktar effiċjenti u speċjalment bil-prezzijiet tal-elettriku dinamiċi, diġà joffru kostijiet operazzjonali ħafna aktar baxxi. Il-kostijiet tal-investiment bil-quddiem għall-pompi tas-sħana u l-karozzi elettriċi xorta waħda jistgħu joħolqu riskju għall-adozzjoni mifruxa. Id-Direttiva riveduta dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija tipproponi rati minimi tat-taxxa sinifikattivament aktar baxxi għall-elettriku, u b’hekk tagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jnaqqsu t-taxxi (u l-prezzijiet) fuq l-elettriku u jappoġġaw l-elettrifikazzjoni fit-tisħin u t-trasport. L-Istati Membri se jkollhom ukoll il-possibbiltà li jeżentaw l-unitajiet domestiċi mit-tassazzjoni fuq l-elettriku, u b’hekk jipprovdu aktar appoġġ għall-elettrifikazzjoni.
Tabella1: Tqabbil ta’ diversi għażliet tal-enerġija għall-unitajiet domestiċi fl-UE għal kull MWh
Sors: Eurostat; għall-elettriku NRG_PC_204 u NRG_PC_204_C, id-data għall-ewwel semestru; għall-gass NRG_PC_202 u NRG_PC_202_C, id-data għall-ewwel semestru tal-Bulettin taż-Żejt ta’ kull ġimgħa tad-DĠ ENER (għall-prodotti taż-żejt), data għall-2023. Il-konverżjoni tal-gażolina għal MWh saret bl-użu ta’ fattur ta’ 1,000 l = 8,9 MWh. Il-konverżjoni tad-diżil u taż-żejt tat-tisħin għal MWh saret bl-użu ta’ fattur ta’ 1,000 l = 10 MWh
3.3.Kostijiet tal-enerġija industrijali
L-enerġija hija kritika għall-attività ekonomika u l-kostijiet tal-enerġija għandhom rwol sinifikanti fid-determinazzjoni tal-kompetittività industrijali Ewropea. Fl-2023, anki hekk kif il-prezzijiet tal-elettriku u tal-gass naturali naqsu mil-livelli tal-2022, il-kostijiet tal-enerġija għall-industriji tal-UE kienu għadhom sinifikattivament ogħla mil-livelli ta’ qabel il-COVID u ta’ qabel il-kriżi. L-ogħla sehem tal-kost tal-enerġija (kostijiet tal-elettriku u tal-gass naturali kkombinati) ġie rreġistrat fis-setturi elettrointensivi bħall-Aluminju primarju (38 %) u l-Ferroligi u s-siliċju (29 %). Dawn huma segwiti mis-setturi tal-Ħġieġ ċatt (25 %) u l-Estrazzjoni minerarja (20 %) li għandhom kemm sehem relattivament għoli tal-kost tal-gass kif ukoll tal-elettriku.
Għan-negozju Ewropew medju, il-kostijiet tal-enerġija jvarjaw bejn 1-3 % tal-kostijiet totali tal-produzzjoni. Għas-setturi intensivi fl-enerġija (bħall-Polpa u l-karta, is-Sustanzi kimiċi bażiċi, il-Fibri magħmulin mill-bniedem, il-Ħġieġ, il-Materjali tal-bini bit-tafal, is-Siment, il-ġir u l-ġibs u l-Ħadid u l-azzar), il-kostijiet tal-enerġija jilħqu bejn 5-10 % tal-kostijiet totali tal-produzzjoni tagħhom, u dan jagħmilhom partikolarment vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet u l-kompetizzjoni tal-importazzjoni (
Figure 15
).
Illustrazzjoni15: Kostijiet stmati tal-enerġija (bħala ishma tal-kostijiet tal-produzzjoni) għas-setturi tal-manifattura fil-perjodu 2021–2023, medja tal-UE
Sors: Trinomics et al. (2024), ibbażat fuq data mill-operaturi tal-impjanti industrijali.
Fil-biċċa l-kbira tas-setturi, l-ishma tal-kostijiet tal-enerġija huma rrapportati li żdiedu fl-2022 u l-2023, meta mqabbel mal-2021, li huwa partikolarment notevoli fl-industriji intensivi fl-enerġija, (eż. il-Polpa u l-karta, il-Fibri magħmulin mill-bniedem, il-Ħġieġ, il-Materjali tal-bini bit-tafal, is-Siment, il-ġir u l-ġibs u l-Ħadid u l-azzar u l-Metalli mhux ferrużi).
Fil-perspettiva internazzjonali, is-setturi tal-manifattura f’xi pajjiżi tal-G20 mhux tal-UE spiss qed igawdu minn kostijiet tal-enerġija aktar baxxi bis-saħħa ta’: (i) aċċess għal sorsi tal-enerġija domestiċi relattivament aktar abbundanti; (ii) differenzi fil-politiki nazzjonali, b’mod partikolari fir-rigward tas-sussidji tal-enerġija u l-miżuri ta’ appoġġ tal-gvern. L-intensitajiet tal-enerġija tal-industriji tal-UE għandhom it-tendenza li jkunu komparabbli jew aktar baxxi milli fis-sħab kummerċjali prinċipali tal-UE (bl-eċċezzjoni tal-Polpa u l-karta u r-Raffineriji); iżda parzjalment minħabba prezzijiet ogħla tal-enerġija, il-profittabbiltà tas-setturi tal-manifattura tal-UE għandha t-tendenza li tkun aktar baxxa.
3.4.Tassazzjoni fuq l-enerġija
It-taxxi fuq l-enerġija, kemm fuq il-produzzjoni kif ukoll fuq il-konsum tal-enerġija, jipprovdu dħul sinifikanti għall-baġits tal-Istati Membri. Id-dħul mit-taxxa fuq l-enerġija kien stabbli fil-perjodu 2010-2019 b’medja ta’ 1,88 % tal-PDG (
Figure 16
), iżda matul il-COVID (2020), prezzijiet tal-enerġija aktar baxxi u konsum aktar baxx skattaw tnaqqis għal 1,74 % tal-PDG. Fl-2021, id-dħul mit-taxxa fuq l-enerġija beda jiżdied, iżda sal-2022, l-aktar minħabba l-miżuri biex jiġu miġġielda ż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija, it-taxxi fuq l-enerġija miġbura fl-UE naqsu għal EUR 248 biljun (1,6 % tal-PDG).
Illustrazzjoni1617: Dħul mit-taxxa fuq l-enerġija fl-EU27 (EUR biljun; % tal-PDG)
Sors: Trinomics et al. (2024), ibbażat data mill-Eurostat (env_ac_tax)
Ir-rwol tat-taxxi fuq l-enerġija fid-dħul tal-gvern ivarja b’mod sinifikanti bejn l-Istati Membri. Fl-2022, it-taxxi fuq l-enerġija fil-Bulgarija kienu jammontaw għal aktar minn 14 % tad-dħul totali mit-taxxa, filwaqt li dan is-sehem kien biss ta’ 2,5 % fl-Awstrija u fl-Irlanda (
Figure 18
). Id-dħul mit-taxxa fuq l-enerġija meta mqabbel mal-PDG nazzjonali kien l-ogħla fil-Greċja (4,8 %) u l-aktar baxx fl-Irlanda (0,5 %). Ġeneralment, l-Istati Membri b’PDG/capita aktar baxx ikollhom sehem ogħla mit-taxxi fuq l-enerġija meta mqabbel kemm mad-dħul totali mit-taxxa kif ukoll mal-PDG.
Illustrazzjoni18: Dħul mit-taxxa fuq l-enerġija bħala perċentwal tad-dħul mit-taxxa u tal-PDG (2021)
Sors: Trinomics et al. (2024), ibbażat fuq data mill-Eurostat (env_ac_tax)
4.Konklużjoni
L-UE wieġbet b’unità, solidarjetà u determinazzjoni biex tegħleb il-kriżi tal-enerġija potenzjalment devastanti tal-perjodu 2021-2022. L-Istati Membri qablu dwar miżuri biex jindirizzaw il-prezzijiet eċċessivi tal-gass, biex jaċċelleraw l-introduzzjoni ta’ enerġija nadifa affordabbli, u biex jippjanaw għal miżuri ta’ solidarjetà fil-każ ta’ emerġenza tal-gass, li kollha kellhom rwol fl-istabbilizzazzjoni tas-swieq tal-UE. Fl-istess ħin, l-Istati Membri adottaw bosta miżuri biex jipproteġu l-unitajiet domestiċi u l-industriji tagħhom mill-konsegwenzi ta’ prezzijiet għoljin u volatili tal-enerġija.
Il-politika tal-enerġija wriet li hija kritika biex tixpruna t-tranżizzjoni lejn fjuwil b’livell żero ta’ karbonju tas-sistemi tal-enerġija, filwaqt li żżomm is-sigurtà u l-affordabbiltà tal-enerġija. Hija wkoll pedament fl-isforzi tal-UE biex tiddekarbonizza l-ekonomija tagħha filwaqt li tiżgura l-kompetittività industrijali Ewropea u tranżizzjoni ġusta għal kulħadd. Matul l-aħħar snin, l-UE wettqet l-impenji tagħha, filwaqt li ħadet azzjonijiet sodi biex tiżgura s-sigurtà tagħha u l-progress fit-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa. Hija aġixxiet b’mod unit biex tavvanza fuq l-objettivi tal-Pjan REPowerEU, bil-ħsieb li tibni sistema tal-enerġija aktar sigura u dekarbonizzata għall-Ewropej kollha f’kuntest ġeopolitiku li qed jinbidel malajr.
Filwaqt li l-prezzijiet tal-elettriku u tal-gass bl-ingrossa naqsu b’mod sinifikanti minn tmiem l-2022, dawn għadhom ogħla minn qabel il-kriżi. L-impatt tagħhom fuq il-kontijiet tal-enerġija, b’mod partikolari għall-aktar unitajiet domestiċi u negozji vulnerabbli, għadu konsiderevoli. Iż-żieda fil-kostijiet tal-enerġija wasslet għal nefqa ogħla fuq l-enerġija b’mod partikolari għall-unitajiet domestiċi b’introjtu baxx. Bl-istess mod, it-tnaqqis osservat qabel fl-ishma tal-kostijiet tal-enerġija fl-industriji intensivi fl-enerġija waqaf. It-treġġigħ lura wassal għal sfida sinifikanti għall-biċċa l-kbira mis-setturi industrijali intensivi fl-enerġija, parzjalment imtaffija mill-isforzi tagħhom biex itejbu l-effiċjenza enerġetika u mill-appoġġ pubbliku. L-impatt fuq l-ekonomija kollha tal-UE wkoll kien sostanzjali, b’żieda sinifikanti fil-kont tal-importazzjoni tal-fjuwils fossili tal-UE, prinċipalment xprunata minn prezzijiet tal-gass u taż-żejt li qed jogħlew.
Il-kriżi tal-perjodu 2021/2022 diġà kkawżat bidliet dejjiema fis-sistema tal-enerġija tal-UE, l-ewwel nett bl-LNG, li issa jirrappreżenta sehem ħafna ogħla (~40 %) tal-importazzjonijiet tal-gass, li jissostitwixxi l-gass bil-pipelines Russi. It-tranżizzjoni aċċellerata tal-enerġija se tintroduċi progressivament aktar bidliet fil-provvista u fid-domanda tal-enerġija diġà f’dan id-deċennju u se tgħin lill-UE tikseb livell ogħla ta’ indipendenza mill-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili, u fl-aħħar mill-aħħar tnaqqas il-kont tal-enerġija tal-UE.
Il-prospettiva tas-suq tal-enerġija għall-perjodu 2024-2025 tjiebet iżda għad hemm tensjonijiet. Il-miżuri li ġew stabbiliti mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni biex jiġġieldu l-kriżi tal-enerġija kkontribwew b’mod sinifikanti għat-titjib. Madankollu, l-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija fuq il-kompetittività tal-industrija tal-UE jibqa’ sfida ewlenija. L-UE għandha taġixxi malajr fuq is-suġġerimenti ta’ Mario Draghi u Enrico Letta dwar it-tisħiħ tal-kompetittività industrijali. Barra minn hekk, jeħtieġ li l-UE tkompli ssegwi politika kummerċjali attiva li tikkontribwixxi għal diversifikazzjoni akbar tal-provvista u r-reżiljenza ekonomika.
B’mod partikolari, jeħtieġ li l-UE taċċellera l-adozzjoni mifruxa ta’ teknoloġiji nodfa u miżuri ta’ effiċjenza enerġetika biex jiġu evitati kriżijiet ikkawżati mill-fjuwils fossili fil-futur. Teknoloġiji bħall-pompi tas-sħana u l-vetturi elettriċi, flimkien mar-rispons għad-domanda, il-ħżin tal-enerġija kif ukoll interkonnessjonijiet suffiċjenti fil-grilja u l-użu effiċjenti tagħhom, se jkollhom rwol importanti fil-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi u l-industriji minn aktar xokkijiet fl-enerġija. Sabiex tiġi ppreservata l-kompetittività tagħhom, il-kumpaniji Ewropej, speċjalment l-industriji intensivi fl-enerġija, jeħtieġ li jkomplu jtejbu l-effiċjenza enerġetika tagħhom, iżidu l-flessibbiltà tagħhom għar-rispons tad-domanda, u jadottaw teknoloġiji tal-enerġija dekarbonizzata, filwaqt li l-UE qed taħdem fuq miżuri li jippermettulhom jibbenefikaw mit-tranżizzjoni permezz ta’ investimenti kontinwi fir-riċerka u l-innovazzjoni, id-disinn il-ġdid għas-swieq tal-elettriku u l-iżgurar ta’ kundizzjonijiet ekwi internazzjonali. Barra minn hekk, l-UE għandha tibqa’ impenjata biex tindirizza l-faqar enerġetiku, tipproteġi lill-konsumaturi vulnerabbli u tagħti s-setgħa lill-konsumaturi biex jipparteċipaw b’mod attiv fit-tranżizzjoni ekoloġika billi timplimenta politiki li jippromwovu l-effiċjenza enerġetika, is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, u għażliet ta’ enerġija nadifa affordabbli.