Brussell, 3.3.2025

COM(2025) 65 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar il-valutazzjoni ta’ possibbiltajiet ta’ razzjonalizzazzjoni u simplifikazzjoni tal-proċess ta’ applikazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ kapaċità skont il-Kapitolu IV tar-Regolament (UE) 2019/943, f’konformità mal-Artikolu 69(3) tar-Regolament (UE) 2019/943


1.INTRODUZZJONI

Ir-Regolament (UE) 2024/1747 1 tat-13 ta’ Ġunju 2024 li jemenda r-Regolamenti (UE) 2019/942 u (UE) 2019/943 fir-rigward tat-titjib tat-tfassil tas-suq tal-elettriku tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 69(3) tar-Regolament (UE) 2019/943 emendat (ir-“Regolament dwar l-Elettriku”), il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) għandha toħroġ rapport li jivvaluta l-possibbiltajiet ta’ razzjonalizzazzjoni u simplifikazzjoni tal-proċess biex jiġi applikat mekkaniżmu ta’ kapaċità u tressaq proposti bil-ħsieb li jiġi ssimplifikat il-proċess ta’ valutazzjoni tal-mekkaniżmi ta’ kapaċità kif xieraq. L-Artikolu 69(3) tar-Regolament dwar l-Elettriku huwa fformulat kif ġej:

“Sas-17 ta’ Jannar 2025, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dettaljat li jivvaluta l-possibbiltajiet ta’ razzjonalizzazzjoni u simplifikazzjoni tal-proċess biex jiġi applikat mekkaniżmu ta’ kapaċità skont il-Kapitolu IV, sabiex jiġi żgurat li t-tħassib dwar l-adegwatezza jkun jista’ jiġi indirizzat mill-Istati Membri fil-ħin opportun. F’dak il-kuntest, il-Kummissjoni għandha titlob li l-ACER temenda l-metodoloġija għall-valutazzjoni Ewropea tal-adegwatezza tar-riżorsi msemmija fl-Artikolu 23 f’konformità mal-Artikoli 23 u 27, kif xieraq.

Sas-17 ta’ April 2025, il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta mal-Istati Membri, tippreżenta proposti bil-ħsieb li jiġi razzjonalizzat u ssimplifikat il-proċess tal-valutazzjoni tal-mekkaniżmi ta’ kapaċità, kif xieraq.”

Dan ir-rapport jivvaluta l-possibbiltajiet ta’ razzjonalizzazzjoni u simplifikazzjoni tal-proċess tal-applikazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ kapaċità skont il-Kapitolu IV tar-Regolament dwar l-Elettriku.

2.QAFAS TAL-UE DWAR IL-MEKKANIŻMI TA’ KAPAĊITÀ

2.1Qafas tal-UE li jirriżulta mir-Regolament dwar l-Elettriku u mis-CEEAG

Il-Kapitolu IV tar-Regolament dwar l-Elettriku introduċa rekwiżiti għall-ġustifikazzjoni tal-mekkaniżmi ta’ kapaċità u r-regoli għall-implimentazzjoni ta’ tali miżuri, biex jiġi żgurat li l-mekkaniżmi ta’ kapaċità ma joħolqux distorsjoni bla bżonn tas-suq intern tal-elettriku tal-Unjoni u li ma jiġux introdotti bħala sostitut għar-riformi meħtieġa tas-suq fl-Istati Membri 2 .

Il-qafas tal-UE dwar il-mekkaniżmi ta’ kapaċità ġie stabbilit biex jippermetti u jikkoordina aħjar l-introduzzjoni ta’ għodda addizzjonali temporanja biex is-sistema tal-elettriku tkun tista’ tipprovdi kapaċità suffiċjenti (inkluża dik flessibbli) biex tissodisfa d-domanda fuq terminu medju sa twil, inkluż l-appoġġ għad-dekarbonizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija u l-integrazzjoni ta’ użu dejjem akbar ta’ sorsi rinnovabbli varjabbli. Barra minn hekk, tqajjem aktar tħassib fir-rigward tas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku wara l-kriżi tal-enerġija bla preċedent li l-Unjoni esperjenzat f’dawn l-aħħar snin. Is-suq intern tal-elettriku kien kruċjali fl-iffaċċjar tal-isfidi ppreżentati mill-kriżi, u b’hekk l-Istati Membri setgħu jiddependu fuq il-provvisti ta’ xulxin. Wara l-kriżi u fid-dawl tal-ambizzjoni mġedda fir-rigward tal-iżvilupp ta’ sorsi rinnovabbli u l-objettivi tad-dekarbonizzazzjoni tal-UE, mekkaniżmi ta’ kapaċità mfassla tajjeb jista’ jkollhom rwol importanti biex jiggarantixxu l-adegwatezza tar-riżorsi, filwaqt li fl-istess ħin jiżguraw il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, jiffaċilitaw l-użu tat-teknoloġiji bl-inqas użu tal-karbonju u jimminimizzaw il-kostijiet għall-konsumaturi. Ir-regoli tas-suq intern tal-elettriku huma kkomplementati mid-dispożizzjonijiet tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat, b’mod partikolari l-qafas tal-għajnuna mill-Istat stabbilit fil-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat għall-klima, għall-ħarsien tal-ambjent u għall-enerġija 2022 (“CEEAG”, Climate, Environmental protection and Energy Aid Guidelines) 3 li japplikaw għal miżuri tas-sigurtà tal-provvista li jinvolvu għajnuna mill-Istat, inklużi mekkaniżmi ta’ kapaċità.

B’mod aktar speċifiku, il-qafas tal-UE dwar l-adegwatezza tar-riżorsi u l-mekkaniżmi ta’ kapaċità jista’ jitqassar kif ġej (il-Kapitolu IV tar-Regolament dwar l-Elettriku u t-taqsima 4.8 tas-CEEAG):

2.1.1Falliment tas-suq u adegwatezza

L-Artikolu 20 tar-Regolament dwar l-Elettriku jirrikjedi li l-Istati Membri bi tħassib identifikat dwar l-adegwatezza jiżviluppaw pjan ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi kif beħsiebhom jindirizzaw il-kawżi ewlenin tat-tħassib dwar l-adegwatezza permezz ta’ riformi tas-suq u jippreżentawh lill-Kummissjoni għal rieżami. L-Istati Membri huma meħtieġa jimmonitorjaw l-applikazzjoni tal-pjanijiet ta’ implimentazzjoni tagħhom u jippubblikaw ir-riżultati fir-rapporti annwali.

2.1.2Ħtieġa u proporzjonalità

Objettiv tas-sigurtà tal-provvista, imsejjaħ ukoll standard ta’ affidabbiltà, għandu jiġi stabbilit mill-Istati Membri skont ir-regoli deskritti fl-Artikolu 25 tar-Regolament dwar l-Elettriku. L-istandard ta’ affidabbiltà huwa r-riżultat ta’ analiżi ekonomika u jistabbilixxi limitu għas-sussidjar tal-kapaċità żejda għad-detriment tal-kompetizzjoni u tal-flus tal-kontribwenti Ewropej, meta l-kost tal-kapaċità addizzjonali jaqbeż il-benesseri soċjali miġjub minn tali kapaċità. Għal dak l-għan, ir-Regolament dwar l-Elettriku jirrikjedi li l-ENTSO-E jiżviluppa metodoloġija għall-kalkolu tal-Valur tat-Tagħbija Mitlufa (VoLL, Value of Lost Load), il-Kost tal-Entrata l-Ġdida (CONE, Cost of New Entry) u l-istandard ta’ affidabbiltà 4 . Il-metodoloġija ġiet approvata mill-ACER f’Ottubru 2020.

Il-ħtieġa ta’ mekkaniżmu ta’ kapaċità u l-livell ta’ kapaċità ta’ akkwist għandhom jiġu vvalutati abbażi ta’ valutazzjoni tal-adegwatezza 5 . Għal dak l-għan, ir-Regolament dwar l-Elettriku jirrikjedi li l-ENTSO-E jiżviluppa metodoloġija għall-valutazzjoni tal-adegwatezza tar-riżorsi fl-Ewropa (il-“metodoloġija tal-ERAA” 6 ), li ġiet approvata mill-ACER f’Ottubru 2020. Kull sena, l-ENTSO-E għandu, abbażi ta’ dik il-metodoloġija, jippreżenta proposta għall-Valutazzjoni Ewropea dwar l-Adegwatezza tar-Riżorsi (“ERAA”, European Resource Adequacy Assessment) annwali li għandha tiġi approvata mill-ACER. F’konformità mal-Artikolu 24 tar-Regolament dwar l-Elettriku, l-Istati Membri jistgħu jibbażaw ukoll il-mekkaniżmi ta’ kapaċità tagħhom fuq valutazzjonijiet nazzjonali dwar l-adegwatezza tar-riżorsi (“NRAAs”, national resource adequacy assessments), li, madankollu, għandhom ikunu bbażati fuq il-metodoloġija tal-ERAA u jkunu soġġetti għal rieżami mill-ACER f’każ li s-sejbiet tagħhom ivarjaw minn dawk fl-ERAA.

Il-volum akkwistat b’reazzjoni għall-prezzijiet tal-kapaċità għandu jiġi stabbilit b’tali mod li l-volum akkwistat ma jaqbiżx l-istandard ta’ affidabbiltà.

2.1.3Karatteristiċi tat-tfassil

Il-qafas attwali tal-UE għall-mekkaniżmi ta’ kapaċità jistabbilixxi għadd ta’ rekwiżiti li jridu jiġu ssodisfati. B’mod partikolari:

-L-appoġġ għandu jiġi allokat (u l-livell ta’ appoġġ determinat) permezz ta’ proċess kompetittiv ta’ offerti (l-Artikolu 22(1) tar-Regolament dwar l-Elettriku). 

-It-tfassil tal-mekkaniżmu ta’ kapaċità għandu jiżgura l-eliġibbiltà tat-teknoloġiji kollha li jissodisfaw rekwiżiti tekniċi u ambjentali oġġettivi. Dawn it-teknoloġiji kollha għandhom ikunu eliġibbli biex jipparteċipaw b’mod mhux diskriminatorju (l-Artikolu 22(1) tar-Regolament dwar l-Elettriku). Aktar reċentement, ġiet introdotta dispożizzjoni biex tħeġġeġ lill-Istati Membri jikkunsidraw li jadattaw it-tfassil ta’ mekkaniżmi ta’ kapaċità biex jippromwovu riżorsi flessibbli mhux fossili bħar-rispons fin-naħa tad-domanda u l-ħżin (l-Artikolu 19g tar-Regolament dwar l-Elettriku).

-Ir-rekwiżiti tad-disponibbiltà (u l-penali relatati) għandhom ikunu biżżejjed biex jipprovdu remunerazzjoni li tinċentiva d-disponibbiltà fi żminijiet ta’ stress mistenni tas-sistema (li jistgħu jwasslu għal żidiet sinifikanti fil-prezzijiet f’każ li s-sistema ma tkunx flessibbli biżżejjed) u tkun proporzjonata għas-servizz ipprovdut lis-sistema tal-elettriku (l-Artikolu 22(1) tar-Regolament dwar l-Elettriku).

-Il-mekkaniżmi ta’ kapaċità għandhom jippermettu l-parteċipazzjoni ta’ kapaċitajiet minn naħa għal oħra tal-fruntiera (l-Artikolu 26 tar-Regolament dwar l-Elettriku). Għal dak l-għan, ir-Regolament dwar l-Elettriku jirrikjedi li l-ENTSO-E jiżviluppa metodoloġija li tippermetti l-parteċipazzjoni transfruntiera fil-mekkaniżmi ta’ kapaċità 7 , li ġiet approvata mill-ACER fl-2020.

-Il-parteċipazzjoni tat-teknoloġiji tal-fjuwils fossili hija limitata minn limitu tal-emissjonijiet (l-Artikolu 22(4) tar-Regolament dwar l-Elettriku). Aktar reċentement, ġiet introdotta deroga għat-teknoloġiji tal-fjuwils fossili li jarmu aktar mil-limitu (l-Artikolu 64 tar-Regolament dwar l-Elettriku). Jekk tingħata, id-deroga tippermetti li r-riżorsi li jaqbżu l-limitu tal-emissjonijiet jipparteċipaw f’mekkaniżmi ta’ kapaċità sal-31 ta’ Diċembru 2028 taħt ċerti kundizzjonijiet.

-Fil-każ ta’ riżerva strateġika, għandu jkun ċar li l-kapaċità kkuntrattata fir-riżerva strateġika ma tipparteċipax fis-swieq tal-elettriku, anke f’sitwazzjonijiet meta l-prezzijiet ikunu għoljin (l-Artikolu 22(2) tar-Regolament dwar l-Elettriku).



2.2Proċess attwali tal-approvazzjoni

Il-passi meħtieġa skont ir-Regolament dwar l-Elettriku u skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat normalment jitwettqu b’mod parallel biex tiġi ffaċilitata approvazzjoni rapida:

1.L-Istat Membru jippreżenta lill-Kummissjoni pjan ta’ riforma tas-suq (pjan ta’ implimentazzjoni), li jispjega kif l-Istat Membru beħsiebu jsolvi fallimenti tas-suq jew distorsjonijiet regolatorji. Il-Kummissjoni għandha tagħti l-opinjoni tagħha fi żmien erba’ xhur mill-preżentazzjoni formali tal-pjan (l-Artikolu 20 tar-Regolament dwar l-Elettriku). 8

2.L-Istat Membru għandu jiġġustifika l-ħtieġa ta’ mekkaniżmu ta’ kapaċità u l-proporzjonalità tiegħu abbażi ta’ żewġ elementi:

-valutazzjoni tal-adegwatezza. Dan jista’ jsir bl-użu tal-ERAA, kif approvata mill-ACER. F’każ li Stat Membru jkun irid jiddependi fuq NRAA, is-suppożizzjonijiet, il-metodoloġija u r-riżultati tagħhha jridu jiġu vverifikati mill-Kummissjoni qabel ma jadotta d-deċiżjoni dwar l-għajnuna mill-Istat. B’mod aktar speċifiku, meta l-NRAA tidentifika tħassib li ma ġiex identifikat fl-ERAA, l-Istat Membru jippreżenta 9 l-NRAA tiegħu lill-ACER, u l-ACER, fi żmien xahrejn, tagħti opinjoni dwar jekk id-differenzi bejn il-valutazzjonijiet nazzjonali u Ewropej humiex ġustifikati (l-Artikolu 24 tar-Regolament dwar l-Elettriku); u;

-objettiv tas-sigurtà tal-provvista (standard ta’ affidabbiltà), ikkalkulat abbażi tal-Artikolu 25 tar-Regolament dwar l-Elettriku u l-metodoloġija tal-ACER għall-kalkolu tal-valur tat-tagħbija mitlufa, il-kost tal-entrata ġdida, u l-istandard ta’ affidabbiltà (l-Artikolu 23(6) tar-Regolament dwar l-Elettriku). L-istandard ta’ affidabbiltà u l-metodoloġija tiegħu jridu jiġu vverifikati mill-Kummissjoni qabel ma tadotta d-deċiżjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

3.L-Istat Membru jrid jinnotifika l-mekkaniżmu ta’ kapaċità lill-Kummissjoni għall-valutazzjoni skont ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat.

3.IS-SITWAZZJONI ATTWALI TAL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-QAFAS TAL-UE U T-TAGĦLIMIET EWLENIN

Il-qafas tal-UE għall-mekkaniżmi ta’ kapaċità ġie adottat fl-2019 u minn dak iż-żmien kien jeħtieġ għadd ta’ passi biex il-qafas jiġi implimentat bis-sħiħ (jiġifieri l-iżvilupp ta’ metodoloġiji tal-UE marbuta mal-mekkaniżmi ta’ kapaċità 10 ). Jistgħu jinsiltu tagħlimiet mis-sessjonijiet ta’ ħidma tal-Kummissjoni, mill-prattika tal-għajnuna mill-Istat u mir-rapporti ta’ monitoraġġ tas-sigurtà tal-provvista (“SoS”, security of supply) tal-ACER 11 . Dan jinkludi t-tul u l-kumplessità tal-proċess tal-applikazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ kapaċità.

Dan ir-rapport huwa bbażat fuq il-prattika applikata mill-Istati Membri meta jikkontemplaw, jadottaw u joperaw mekkaniżmu ta’ kapaċità mill-adozzjoni tar-Regolament dwar l-Elettriku, u l-prattika tal-każijiet tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni adottat deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat dwar żewġ skemi (il-Belġju 12 , il-Finlandja 13 ) mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament dwar l-Elettriku. Hija tinsab f’diskussjonijiet ta’ qabel in-notifika ma’ għadd ta’ Stati Membri dwar l-iskemi tagħhom.

Ir-rapport jibbaża wkoll fuq ir-rispons ippreżentat mill-partijiet ikkonċernati lill-Kummissjoni fil-konsultazzjoni pubblika tagħha għall-proposta tagħha dwar ir-riforma tat-Tfassil tas-Suq tal-Elettriku 14 , li ġie miġbur fil-qosor fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja l-proposta tal-Kummissjoni 15 .

Fit-22 ta’ Mejju 2023 u fis-7 ta’ Ġunju 2023, il-Kummissjoni organizzat żewġ sessjonijiet ta’ ħidma mal-Istati Membri dwar “Ir-razzjonalizzazzjoni tal-qafas tal-mekkaniżmu ta’ kapaċità tal-UE”. Enfasi partikolari tas-sessjonijiet ta’ ħidma kienet fuq il-metodoloġija attwali tal-ERAA u fuq il-proċess ta’ approvazzjoni tal-mekkaniżmi ta’ kapaċità. Il-kontenut ta’ dawn is-sessjonijiet ta’ ħidma ġie ppreżentat ukoll mill-Kummissjoni u mill-ACER lill-Forum Regolatorju tal-UE dwar l-Elettriku fit-8 ta’ Ġunju 2023 u fis-27 ta’ Mejju 2024. Il-Forum laqa’ l-inizjattiva li jitħaffef il-proċess tal-approvazzjoni għall-mekkaniżmi ta’ kapaċità u biex tiġi ssimplifikata l-metodoloġija tal-ERAA 16 .

Fl-aħħar nett, dan ir-rapport jelabora dwar ċerti kwistjonijiet imqajma fil-kuntest tan-negozjati tal-proposta dwar ir-Riforma tat-Tfassil tas-Suq tal-Elettriku mill-koleġiżlaturi li wasslu għar-rekwiżit mill-Kummissjoni li tħejji dan ir-rapport.

 

3.1Falliment tas-suq u adegwatezza

Il-Kummissjoni żviluppat u ħarġet Gwida 17   għall-Istati Membri dwar kif iħejju l-pjanijiet ta’ implimentazzjoni tagħhom. Matul il-valutazzjoni tal-pjanijiet, il-Kummissjoni tfittex l-opinjoni tal-partijiet ikkonċernati dwar ir-riformi proposti mill-Istati Membri u torganizza laqgħat jew ikollha skambji bil-miktub mal-Istati Membri biex tiċċara mistoqsijiet jew kwistjonijiet kif u jekk jitfaċċaw.

Il-gwida tal-Kummissjoni tista’ tiffaċilita l-analiżi ta’ distorsjonijiet regolatorji possibbli u fallimenti tas-suq mill-Istati Membri. L-istruttura proposta fil-gwida ppermettiet ukoll lill-Kummissjoni tifhem aħjar il-funzjonament u l-problemi speċifiċi tas-suq tal-elettriku fl-Istat Membru rispettiv. Dan jippermetti lill-Kummissjoni tadotta l-Opinjoni tagħha dwar il-pjan aktar malajr. Sal-lum, ħafna Stati Membri (12 minn 27 18 ) diġà rċevew Opinjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-pjanijiet ta’ implimentazzjoni tagħhom.

3.2Ħtieġa u proporzjonalità

Il-metodoloġija tal-ACER biex tiġi vvalutata l-valutazzjoni Ewropea dwar l-adegwatezza tar-riżorsi ġiet adottata mill-ACER fl-2020. L-iżvilupp ta’ ERAA f’konformità mal-metodoloġija tal-ERAA kien jeħtieġ implimentazzjoni gradwali mill-ENTSO-E. Filwaqt li l-ENTSO-E għamel progress konsiderevoli fl-iżvilupp tal-ERAA, l-ACER ma approvatx l-ERAAs tal-2021 u tal-2022, prinċipalment minħabba nuqqas ta’ konsistenza u robustezza fil-valutazzjoni. Fl-2024, għall-ewwel darba, l-ACER approvat l-“ERAA 2023”, u kkonkludiet li l-valutazzjoni kienet laħqet livell ta’ robustezza li jippermetti lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet jiddependu fuq ir-riżultati tagħha.

Xi Stati Membri 19  kienu kritiċi dwar il-kumplessità tal-metodoloġija tal-ERAA, u l-fatt li skont il-metodoloġija attwali huwa x-“xenarju ta’ riferiment ċentrali” tal-ERAA (b’żewġ varjanti – bil-mekkaniżmi ta’ kapaċità u mingħajrhom) li għandu jintuża biex jiġi identifikat it-tħassib dwar l-adegwatezza. Madankollu, għandu jitqies li l-metodoloġija tal-ERAA hija bbażata fuq l-hekk imsejħa valutazzjoni “probabilistika”, li diġà tqis l-eżistenza ta’ diversi xenarji u l-probabbiltà li jseħħu. Minkejja dan, xi Stati Membri jqisu li l-fatt li jkollhom xenarju ta’ riferiment ċentrali wieħed biss biex juri t-trajettorja futura huwa restrittiv wisq, peress li jista’ jagħti l-impressjoni li jippreżenta “verità unika” għall-futur u jagħmel inqas enfasi fuq trajettorji alternattivi. Bħalissa, waħda mill-kritiki ewlenin tax-xenarju ta’ riferiment ċentrali hija li huwa bbażat fuq is-suppożizzjoni li l-objettivi fil-pjanijiet nazzjonali dwar l-enerġija u l-klima (“NECPs”, national energy and climate plans) se jintlaħqu bis-sħiħ, mingħajr ma jitqies li jista’ jseħħ dewmien fl-implimentazzjoni tal-miżuri deskritti fil-pjanijiet u li tali dewmien jista’ jaffettwa l-adegwatezza tas-sistema. Ir-Regolament dwar l-Elettriku jirreferi għal “xenarji ta’ riferiment ċentrali”. Dan iħalli lok għall-introduzzjoni ta’ xenarju ta’ riferiment ċentrali addizzjonali li juri pass differenti tat-tranżizzjoni tal-enerġija. Madankollu, għandu jirrappreżenta rappreżentanza probabbli tal-futur biex jippermetti deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat, li jibnu fuq dawn ix-xenarji ċentrali biex jiġġustifikaw il-ħtieġa tal-mekkaniżmi ta’ kapaċità u l-proporzjonalità tagħhom.

Minħabba li r-riżultati tal-ERAA ma kinux disponibbli qabel l-2024, l-Istati Membri kellhom jiddependu fuq l-NRAAs (li jridu jkunu bbażati fuq l-istess metodoloġija tal-ACER bħall-ERAA) biex jiġġustifikaw u jkejlu l-mekkaniżmi ta’ kapaċità tagħhom matul dak il-perjodu. Skont ir-rapport ta’ Monitoraġġ tal-SoS tal-ACER tal-2023 20 , xi Stati Membri għaddew minn valutazzjonijiet komprensivi dwar l-adegwatezza, iżda l-ACER indikat ukoll li Stati Membri oħra setgħu applikaw approċċi “simplifikati żżejjed” li varjaw b’mod sostanzjali mill-metodoloġija tal-ACER. Huwa interessanti li, skont ir-rapport ta’ Monitoraġġ tal-SoS tal-ACER tal-2024, ħafna Stati Membri 21 diġà jinkludu fl-NRAAs tagħhom xenarji addizzjonali għax-xenarju ta’ riferiment ċentrali, filwaqt li jimmudellaw pass differenti tat-tranżizzjoni tal-enerġija. Xi Stati Membri 22 jinkludu fl-NRAAs tagħhom xenarji li jimmudellaw disponibbiltà mnaqqsa ta’ riżorsi jew kapaċitajiet tal-grilja 23 li jivvalutaw l-impatt ta’ kundizzjonijiet improbabbli b’impatt għoli fuq is-sistema tal-elettriku. Dawn ix-xenarji jqisu r-riskji negattivi deterministiċi għall-kuntrarju tal-approċċ probabilistiku previst fir-Regolament dwar l-Elettriku li jorbot il-probabbiltajiet ma’ avvenimenti futuri inċerti. Fl-aħħar nett, ir-Regolament dwar l-Elettriku jipprevedi li l-valutazzjonijiet dwar l-adegwatezza tar-riżorsi jistgħu jqisu s-sensittivitajiet fir-rigward ta’ avvenimenti estremi tat-temp. Xi Stati Membri 24 jinkludu fl-NRAAs tagħhom tali sensittivitajiet.

Il-metodoloġija tal-ACER għall-kalkolu tal-VoLL, il-CONE u l-istandard ta’ affidabbiltà ġiet adottata mill-ACER fl-2020. Skont din il-metodoloġija, l-Istati Membri jwettqu studji ta’ stħarriġ ma’ gruppi differenti ta’ konsumaturi tal-elettriku biex jistmaw ir-rieda tagħhom li jħallsu għall-kapaċità, kif ukoll tal-fornituri tal-kapaċità li jistmaw il-kost tal-kapaċità l-ġdida. L-implimentazzjoni tal-metodoloġija tal-ACER fil-livell nazzjonali tvarja b’mod sinifikanti bejn l-Istati Membri. 25 Studju ta’ konsulenza reċenti tal-ACER 26 sab li d-diverġenzi sinifikanti fil-VoLL (ivvalutat bl-użu ta’ approċċ ibbażat fuq stħarriġ) u fil-CONE bejn l-Istati Membri x’aktarx li ma jistgħux jiġu spjegati bis-sħiħ mill-ispeċifiċitajiet nazzjonali li jirriflettu d-differenzi strutturali fl-ekonomija tagħhom. Dan jindika diffikultajiet possibbli fl-implimentazzjoni 27 u d-diversità tal-eżiti marbuta ma’ approċċ ibbażat fuq stħarriġ. Dawn il-kwistjonijiet ta’ implimentazzjoni jistgħu jwasslu għal devjazzjonijiet, li potenzjalment iwasslu għal investiment żejjed jew nieqes fis-sigurtà tal-provvista. L-implimentazzjoni tal-metodoloġija u t-twettiq tal-istudju dwar il-VoLL, il-CONE u l-istandard ta’ affidabbiltà f’kull Stat Membru jistgħu jkunu wkoll ikkumplikati u għaljin, speċjalment għall-awtoritajiet nazzjonali żgħar, li jista’ ma jkollhomx riżorsi u persunal biex iwettqu dan l-eżerċizzju.

3.3Karatteristiċi tat-tfassil tal-mekkaniżmu ta’ kapaċità

Abbażi tal-prattika tal-każijiet, il-Kummissjoni identifikat in-nuqqasijiet ewlenin li ġejjin fit-tfassil tal-mekkaniżmi ta’ kapaċità.

L-ewwel nett, xi mekkaniżmi ta’ kapaċità jinkludu rekwiżiti fit-tfassil tal-prodott li jistgħu jagħmluha diffiċli għal teknoloġiji ġodda (bħar-rispons fin-naħa tad-domanda u l-ħżin) biex jipparteċipaw, u b’hekk tissaħħaħ it-taħlita ta’ ġenerazzjoni eżistenti 28 . Dawn ir-rekwiżiti jinkludu pereżempju: rekwiżiti ta’ disponibbiltà u fatturi restrittivi ta’ degradar (jiġifieri l-perċentwal tal-kapaċità installata tal-unità biex tikkaratterizza l-kapaċità effettiva tagħha), il-kapaċitajiet eliġibbli minimi, ir-rekwiżiti ta’ konsenja sostnuta fit-tul, u d-daqsijiet minimi ta’ offerti.

It-tieni, f’xi mekkaniżmi ta’ kapaċità huwa importanti li titrawwem entrata ġdida (eż. billi jiġu pprovduti kuntratti fit-tul), li fil-prattika tista’ tieħu ż-żmien. Skont ir-rapport ta’ monitoraġġ tal-SoS tal-ACER tal-2024, il-kumpaniji eżistenti bħala fornituri tal-kapaċità “tradizzjonali” huma l-benefiċjarji ewlenin tal-appoġġ. B’mod speċifiku, l-impjanti tal-enerġija tal-gass naturali huma l-benefiċjarji ewlenin tal-mekkaniżmi ta’ kapaċità mill-2022 ’il quddiem, segwiti mill-kapaċità nukleari u idroelettrika 29 . Fl-istess ħin, il-fornituri tal-kapaċità mhux tradizzjonali bħas-sorsi rinnovabbli, il-ħżin u r-rispons tad-domanda jirrappreżentaw sehem żgħir mill-kapaċità remunerata mill-mekkaniżmi ta’ kapaċità, minkejja li ssegwi xejra pożittiva ta’ tkabbir. 30 Madankollu, huwa importanti li wieħed jiftakar li dan huwa parzjalment dovut għall-mekkaniżmi ta’ kapaċità fis-suq kollu jirriflettu t-taħlita tal-elettriku, u l-maġġoranza tar-remunerazzjoni tmur għar-riżorsi eżistenti fis-suq.

It-tielet, il-mekkaniżmi ta’ kapaċità xi drabi ma jippermettux parteċipazzjoni effettiva ta’ riżorsi transfruntiera fuq l-istess livell mal-fornituri tal-kapaċità domestika, kif meħtieġ mir-Regolament dwar l-Elettriku. 31   Ħlief fil-każ tal-mekkaniżmu ta’ kapaċità Pollakk, l-implimentazzjoni tal-qafas għall-parteċipazzjoni transfruntiera diretta hija jew pendenti (il-Belġju, Franza u l-Irlanda) jew simplifikata (l-Italja) fil-bqija tal-mekkaniżmi ta’ kapaċità fis-suq kollu. Skont xi studji 32 , dan huwa minħabba l-fatt li l-qafas attwali għall-parteċipazzjoni transfruntiera, inklużi l-metodoloġiji żviluppati mill-ACER, huwa kumpless u diffiċli biex jiġi implimentat. Barra minn hekk, ir-Regolament dwar l-Elettriku jistipula li l-kapaċità massima ta’ dħul (MEC, maximum entry capacity) permess għall-parteċipazzjoni fil-mekkaniżmi ta’ kapaċità għandha tiġi kkalkulata miċ-Ċentri ta’ Koordinazzjoni Reġjonali (RCCs, Regional Coordination Centers) u abbażi tal-valutazzjonijiet annwali tal-ERAA. Sal-2023, l-Istati Membri kkalkulaw l-MECs huma stess (peress li l-proċess ta’ kalkolu fl-RCCs ma kienx stabbilit u r-riżultati tal-ERAA ma kinux disponibbli). Fl-2024, l-RCCs ipproduċew rakkomandazzjonijiet tal-MEC għall-ewwel darba, abbażi tar-riżultati tal-ERAA 2023 approvata. Madankollu, bħalissa l-ENTSO-E jivvaluta bis-sħiħ l-adegwatezza tar-riżorsi għal 4 snin fil-mira biss mill-10 snin imsemmija fir-Regolament dwar l-Elettriku. Dan joħloq lakuna fid-data għall-kalkolu tal-MECs.

Ir-raba’, il-mekkaniżmi ta’ kapaċità fid-diversi Stati Membri japplikaw penali eteroġeni biex jinċentivaw lill-fornituri tal-kapaċità biex iwettqu l-impenji tagħhom. Ir-reġimi ta’ penali eżistenti fil-mekkaniżmi ta’ kapaċità mhux dejjem jipprovdu inċentivi xierqa biżżejjed biex fil-fatt jiggarantixxu t-twettiq tas-servizz ikkuntrattat 33 . Pereżempju, il-penali għad-dewmien fil-bini tal-kapaċità jew għal nuqqas ta’ disponibbiltà, huma ġeneralment ħafna aktar baxxi mill-VoLL użat biex jidentifika l-kostijiet ta’ nuqqas ta’ kapaċità u jiġġustifika l-mekkaniżmi ta’ kapaċità.

Fl-aħħar nett, ir-Regolament (UE) 2024/1747 (l-Artikoli 19g u 19h) jippermetti lill-Istati Membri jintroduċu skemi ta’ appoġġ għall-flessibbiltà tal-fjuwils mhux fossili. Minħabba li l-objettiv segwit minn tali skemi ta’ flessibbiltà jista’ jikkoinċidi mal-objettivi tal-mekkaniżmi ta’ kapaċità, għandha titqies l-interazzjoni bejn il-mekkaniżmi ta’ kapaċità u l-miżuri ta’ flessibbiltà biex titwassal it-taħlita ta’ kapaċità dekarbonizzata affidabbli u flessibbli meħtieġa għas-sistema tal-enerġija futura bl-aktar mod kosteffettiv.

3.4Konsultazzjoni pubblika, trasparenza u evalwazzjoni

Mill-1 ta’ Lulju 2023, ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat jirrikjedu li l-Istati Membri jikkonsultaw pubblikament għal 4-6 ġimgħat (skont il-baġit tal-iskema) dwar kwalunkwe miżura ta’ sigurtà tal-provvista li teħtieġ l-approvazzjoni tal-għajnuna mill-Istat 34 . Dan ir-rekwiżit ġie introdott (flimkien ma’ rekwiżit simili għal skemi ta’ dekarbonizzazzjoni) biex jiġi żgurat li l-partijiet ikkonċernati jkunu konxji minn kwalunkwe miżura ppjanata u jkollhom opportunità li jiskrutinizzaw u jipprovdu input dwar it-tfassil u l-parametri ewlenin tal-mekkaniżmi ta’ kapaċità ppjanati ffinanzjati mill-Istat. Pereżempju, dan jippermetti lill-parteċipanti fis-suq jipprovdu opinjonijiet dwar ir-rekwiżiti u l-penali tal-prekwalifikazzjoni u tad-disponibbiltà tal-kapaċità, li, kif deskritt hawn fuq, jistgħu jaġixxu bħala ostakli għall-parteċipazzjoni ta’ ċerti riżorsi, inaqqsu l-kompetizzjoni u jżidu l-kostijiet. Madankollu, dawn ir-rekwiżiti jżidu wkoll pass proċedurali għall-awtoritajiet nazzjonali li jixtiequ jintroduċu mekkaniżmi ta’ kapaċità.

3.5Durata tal-proċess ta’ approvazzjoni

L-Istati Membri qiesu 35 l-proċess għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat fir-rigward ta’ mekkaniżmi ta’ kapaċità bħala proċess twil. Il-proċess attwali tal-approvazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ kapaċità ġeneralment jieħu tul ta’ żmien minimu ta’ 6 xhur. Madankollu, il-prattika tal-każijiet uriet li d-diskussjonijiet ta’ qabel in-notifika mal-Istati Membri kellhom it-tendenza li jdumu aktar, jiġifieri sa sentejn. Dan ma kienx biss minħabba l-karattru “pilota” tal-ewwel proċeduri skont id-dispożizzjonijiet il-ġodda tar-Regolament dwar l-Elettriku (l-Artikoli 20-27), iżda huwa wkoll minħabba l-fatt li matul il-fażi ta’ qabel in-notifika, hemm it-tendenza li t-tfassil tal-iskema jkun għadu għaddej: l-ideat inizjali għadhom soġġetti għal diskussjoni fl-Istat Membru u, hemm it-tendenza li jkunu meħtieġa diversi ċikli ta’ skambji interni mal-partijiet ikkonċernati nazzjonali, kif ukoll mas-servizzi tal-Kummissjoni, biex jiġi ffinalizzat it-tfassil dettaljat ta’ miżura u jiġi żgurat li din tissodisfa r-rekwiżiti fil-leġiżlazzjoni tal-UE.

4.PROPOSTI TAL-KUMMISSJONI GĦAR-RAZZJONALIZZAZZJONI U S-SIMPLIFIKAZZJONI

4.1 Rieżami tal-metodoloġija tal-ACER għall-ERAA

Skont l-Artikolu 69(3) tar-Regolament dwar l-Elettriku, il-Kummissjoni għandha, abbażi ta’ dan ir-rapport, titlob lill-ACER temenda l-metodoloġija għall-ERAA kif xieraq. Biex tindirizza t-tħassib relatat mal-metodoloġija tal-ERAA stabbilita hawn fuq, l-ACER għandha (f’kooperazzjoni mal-ENTSO-E) tirrieżamina l-metodoloġija tagħha biex tivvaluta l-adegwatezza fl-Unjoni u tikkunsidra li tirrieżamina l-metodoloġija għall-kalkolu tal-metrika tal-adegwatezza, biex tnaqqas il-piż tal-implimentazzjoni fuq l-Istati Membri u tiffaċilita l-implimentazzjoni armonizzata tal-qafas tal-UE.

Il-metodoloġija għandha tiġi aġġornata u razzjonalizzata f’għadd ta’ oqsma biex jiġu żgurati r-robustezza tal-qafas, u l-faċilità tal-implimentazzjoni tagħha mill-partijiet ikkonċernati (l-ENTSO-E fil-livell tal-UE u l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni (“TSOs, transmission system operators”) jew entitajiet oħra fil-livell nazzjonali), filwaqt li ssir riflessjoni fuq it-tagħlimiet meħuda mill-prattika tal-każijiet.

It-talba tal-Kummissjoni lill-ACER tiddefinixxi biss l-ambitu ta’ tali simplifikazzjoni tal-Metodoloġija tal-ERAA. Hija r-responsabbiltà tal-ENTSO-E li jippreżenta l-abbozz dettaljat tal-proposti tal-metodoloġija għall-approvazzjoni tal-ACER, f’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament dwar l-Elettriku.

4.1.1Il-qafas tax-xenarju

Skont il-metodoloġija tal-ERAA (l-Artikolu 3), l-identifikazzjoni tat-tħassib dwar l-adegwatezza għandu jkun ibbażata fuq xenarju ta’ riferiment ċentrali wieħed (b’varjanti 36 li jinkludu jew jeskludu mekkaniżmi ta’ kapaċità approvati), filwaqt li sensittivitajiet addizzjonali huma maħsuba biss biex jivvalutaw ir-robustezza tat-tħassib identifikat dwar l-adegwatezza.

Ix-xenarju ta’ riferiment ċentrali attwali huwa bbażat fuq l-ilħuq tal-miri fl-NECPs, li jikkonsistu f’objettivi u miri politiċi. L-NECPs jiddeskrivu t-trajettorji tal-kapaċità installata futura (sorsi rinnovabbli, ħżin) u d-domanda (l-elettrifikazzjoni, l-effiċjenza enerġetika) skont il-miri ambizzjużi tal-UE. L-NECPs tal-Istati Membri jirrappreżentaw l-aħjar pjan disponibbli li juri l-futur tas-sistema tal-enerġija matul it-tranżizzjoni tal-enerġija. Madankollu, dan ix-xenarju ma jqisx li jista’ jseħħ dewmien fl-implimentazzjoni tal-miżuri deskritti fil-pjanijiet u li tali dewmien jista’ jaffettwa l-adegwatezza tas-sistema. Barra minn hekk, l-NECPs jiġu aġġornati kull ħames snin u t-trajettorji oriġinali jistgħu jiddevjaw mill-pjan preċedenti. Pereżempju, l-iżvilupp ta’ assi ġodda marbuta mal-produzzjoni tal-elettriku (eż. l-RES, l-enerġija nukleari), id-domanda għall-elettriku (eż. l-elettroliżi H2) u l-infrastruttura kruċjali (il-grilja nazzjonali, il-konnessjoni tal-assi tal-produzzjoni, l-interkonnessjonijiet) jista’ jvarja minn dak ippjanat f’termini ta’ kompożizzjoni jew pass.

Huwa għalhekk li jista’ jiġi previst li jiġi rieżaminat il-qafas tax-xenarju u li jiġi introdott “xenarju ta’ tendenzi u projezzjonijiet” addizzjonali fil-metodoloġija għall-identifikazzjoni ta’ tħassib dwar l-adegwatezza li l-Istati Membri jistgħu jużaw biex jiġġustifikaw l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ kapaċità. Dan ikollu l-benefiċċju li jippermetti li tiġi kkunsidrata perspettiva alternattiva tal-futur, eż. waħda fejn is-sorsi rinnovabbli, l-enerġija nukleari jew il-ħżin jiġu installati b’pass differenti u l-elettrifikazzjoni sseħħ b’pass differenti.

Dan ix-“xenarju ta’ projezzjonijiet u xejriet” iddeterminat ukoll b’mod probabilistiku, ikun xenarju li jqis il-progress reali lejn it-twettiq tal-NECPs tal-Istati Membri. Dan jinkludi l-evoluzzjoni osservata tal-provvista kif ukoll tad-domanda (meta wieħed iqis eż. il-pass tal-elettrifikazzjoni u l-effiċjenza enerġetika) u l-iżvilupp tan-network, filwaqt li jitqies ir-riskju għal xi pajjiżi li l-ilħuq tal-objettivi u l-miri ma jimmaterjalizzax fil-ħin 37 . Għal din ir-raġuni, it-tieni xenarju ma għandux jinkludi riskji oħra biex tiġi evitata d-distorsjoni tal-għan tiegħu, li huwa li jinqabad il-pass reali tat-tranżizzjoni tal-enerġija. Dan l-għan jirrikjedi wkoll li x-xejriet użati fit-tieni xenarju ma jkunux aktar konservattivi mill-projezzjonijiet tal-Istati Membri inklużi l-politiki u l-miżuri diġà adottati u implimentati. Barra minn hekk, f’din l-espansjoni tal-qafas tax-xenarju, huwa essenzjali li jiġu definiti indikaturi komparattivi xierqa biex jiġu delineati d-differenzi bejn ix-xenarji ta’ riferiment ċentrali; dawn se jippermettu wkoll li l-partijiet ikkonċernati jqabblu b’mod effettiv is-suppożizzjonijiet ewlenin matul is-snin. Ix-xenarju addizzjonali jrid isib bilanċ tajjeb bejn ir-realiżmu u l-konservattiviżmu, sabiex jiġi evitat ir-riskju li jiżdiedu l-kostijiet għall-konsumaturi mingħajr ma jingħataw benefiċċji addizzjonali sinifikanti.

Għar-raġunijiet ta’ hawn fuq, ix-xenarju addizzjonali u s-suppożizzjonijiet tiegħu, b’mod partikolari dawk ibbażati fuq data storika 38 u l-projezzjonijiet attwali 39 , li jvarjaw mill-objettiv u l-miri mressqa mill-Istati Membri biex jiżguraw il-konformità mal-miri tal-enerġija u tal-klima tal-Unjoni għall-2030 u l-objettiv tan-newtralità klimatika tagħha għall-2050, għandhom ikunu soġġetti għal konsultazzjoni pubblika estensiva. L-ACER għandha tagħti gwida dwar kif għandha ssir din il-konsultazzjoni pubblika. Il-Grupp ta’ Riferiment tal-Partijiet Ikkonċernati tat-TYNDP huwa mistieden jesprimi l-opinjoni tiegħu dwar il-konsistenza tax-xenarji tal-ERAA mal-qafas tax-xenarju tat-TYNDP.

Huwa importanti li jitfakkar li se jibqa’ jkun hemm rwol għall-NRAAs biex jiġi żgurat li l-iżviluppi speċifiċi identifikati mill-Istati Membri jkunu jistgħu jitqiesu meta jitfassal mekkaniżmu ta’ kapaċità.

4.1.2L-għażla tas-snin fil-mira

Il-metodoloġija tal-ERAA (l-Artikolu 4.1) teħtieġ l-immudellar ta’ kull sena fuq perjodu ta’ 10 snin (abbażi tar-rekwiżit tar-Regolament dwar l-Elettriku). Huwa importanti li jkun hemm riżultati għal kull sena għat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar il-ħtieġa ta’ mekkaniżmu ta’ kapaċità kif ukoll għall-kalkolu tal-kapaċità massima ta’ dħul għall-parteċipazzjoni transfruntiera fil-mekkaniżmi ta’ kapaċità. Madankollu, il-partijiet ikkonċernati (ENTSO-E) iffaċċjaw diffikultajiet komputazzjonali fl-immudellar ta’ kull waħda minn dawn l-10 snin. Fi spirtu ta’ simplifikazzjoni, il-mudell jista’, fil-futur, ikun mudell espliċitu għal għadd limitat ta’ snin fil-mira li huma kruċjali għat-teħid ta’ deċiżjonijiet għall-mekkaniżmi ta’ kapaċità (inkluż il-kalkolu tal-kapaċità massima ta’ dħul), filwaqt li snin oħra fil-mira jistgħu jiġu mmudellati permezz ta’ estrapolazzjoni.

4.1.3Ir-rwol tal-valutazzjoni tal-vijabbiltà ekonomika

Skont il-metodoloġija tal-ERAA (l-Artikolu 6), il-valutazzjoni tal-vijabbiltà ekonomika timmudella d-deċiżjonijiet tad-dħul fis-suq u tal-ħruġ mis-suq. Bħalissa, il-mudell tal-ERAA jkejjel il-vijabbiltà ekonomika tar-riżorsi bl-użu tal-hekk imsejjaħ approċċ tal-“kost tas-sistema” li jimminimizza l-kostijiet ġenerali tas-sistema, jiġifieri s-somma tal-kostijiet fissi u l-kostijiet operatorji totali. Approċċ bħal dan, li jottimizza l-kostijiet għas-sistema Ewropea kollha f’pass wieħed, wassal għal restrizzjonijiet komputazzjonali sinifikanti u għal inkonsistenzi bejn id-deċiżjonijiet dwar id-dħul u l-ħruġ tal-kapaċità u r-riskji ta’ adegwatezza stmati. Sabiex jiġi indirizzat dan it-tħassib, il-vijabbiltà ekonomika tar-riżorsi għandha tkun ibbażata fuq approċċ ta’ “massimizzazzjoni tad-dħul” li jkejjel id-differenza bejn id-dħul mistenni u l-kostijiet għal kull riżorsa ta’ kapaċità 40 . Dan diġà huwa applikat minn xi TSOs fl-Ewropa. Il-possibbiltà li l-valutazzjoni tal-vijabbiltà ekonomika titqassam f’iterazzjonijiet iżgħar u komputazzjonalment inqas eżiġenti, hija aktar effiċjenti (bħala “approċċ iterattiv” 41 ) u tfassal aħjar id-deċiżjonijiet tad-dħul u tal-ħruġ tal-kapaċità. Il-metodoloġija tal-ERAA għandu jkun fiha proċess ta’ wara sabiex tippermetti l-identifikazzjoni diretta tal-volum li għandu jiġi akkwistat għal kull żona tal-offerti marbuta mad-distakk fl-adegwatezza identifikat fil-mudell. Barra minn hekk, dan l-approċċ se jiffaċilita l-applikazzjoni tal-kalkolu tal-kapaċità abbażi tal-fluss, li jirrifletti b’mod xieraq l-opportunitajiet kummerċjali transfruntiera u l-gwadanji sottostanti tal-assistenza soċjali. Simplifikazzjoni ulterjuri tista’ tkun relatata mar-reviżjoni tal-għadd ta’ snin klimatiċi mmudellati fil-valutazzjoni probabilistika filwaqt li jiġi żgurat li tirrappreżenta b’mod preċiż il-ħtieġa tal-adegwatezza tar-riżorsi.

Bħalissa, l-ERAA timmudella l-imġiba tal-investiment billi tikkalkula CONE (kost ta’ entrata ġdida) bl-użu ta’ żewġ parametri ewlenin: il-kost medju ponderat tal-kapital (WACC, weighted average cost of capital) u r-rati hurdle (jiġifieri r-rata minima ta’ redditu meħtieġa mill-fornituri tal-fondi (l-azzjonisti u/jew il-kredituri) biex jiffinanzjaw l-investiment fit-teknoloġija ta’ referenza fiż-żona ġeografika kkunsidrata). Xi partijiet ikkonċernati enfasizzaw tħassib li, potenzjalment, il-valutazzjoni tista’ tkun ottimista wisq fir-rigward tal-imġiba tal-investiment, jiġifieri tissuġġerixxi li l-investituri avversi għar-riskju ma jkunux jistgħu jiffinanzjaw proġett abbażi ta’ żidiet estremi fil-prezzijiet li jseħħu fi ftit sigħat fis-sena. Għalhekk, għandha tingħata wkoll attenzjoni speċjali għall-kundizzjonijiet għall-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-investiment, billi tiġi mmudellata b’mod xieraq l-averżjoni għar-riskju ta’ investitur razzjonali permezz ta’ “rati hurdle”.

4.1.4Kapaċitajiet transżonali

L-ERAA attwali (l-Artikolu 4.7 tal-metodoloġija tal-ERAA) timmudella l-iskambji transżonali minn pajjiżi terzi b’żewġ modi distinti: i) għal sistemi li ma huma mmudellati bl-ebda mod 42 (ir-Russja, il-Belarussja), ma huwa preżunt l-ebda skambju transżonali; ii) u għal sistemi li “mhumiex immudellati b’mod espliċitu” (il-Marokk, il-Moldova, it-Tuneżija u l-Ukrajna 43 ), l-iskambji transżonali jridu jirriflettu l-kundizzjonijiet tas-suq u l-prattiki operazzjonali mistennija (inklużi ftehimiet ta’ konnessjoni speċifiċi). Is-suppożizzjonijiet marbuta ma’ dawk l-iskambji transżonali minn pajjiżi terzi għandhom jiġu mmonitorjati kontinwament mill-ENTSO-E (bis-sorveljanza tal-ACER) biex jirriflettu l-livell ta’ riskju assoċjat ma’ dawn is-sistemi.



4.1.5L-impatt tal-miżuri li jinsabu fil-pjanijiet ta’ implimentazzjoni tal-Istati Membri

Il-metodoloġija tal-ERAA (l-Artikoli 3.3 u 5.14) fiha rekwiżit li l-valutazzjoni għandha tallinja mal-miżuri u l-azzjonijiet definiti mill-Istati Membri fil-pjanijiet ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 20(3) tar-Regolament dwar l-Elettriku. Fi spirtu ta’ simplifikazzjoni (u f’konformità mal-Artikolu 23(5) tar-Regolament dwar l-Elettriku), il-valutazzjoni tista’ fil-futur - minflok tallinja mal-miżuri li jinsabu fil-pjanijiet ta’ implimentazzjoni tal-Istati Membri - tantiċipa l-impatt probabbli tal-miżuri li jinsabu f’dawk il-pjanijiet.

Barra minn hekk, f’każ li tiġi identifikata restrizzjoni indiretta għall-formazzjoni tal-prezzijiet bl-ingrossa skont l-Artikolu 10(4) tar-Regolament dwar l-Elettriku (u mmudellata fl-ERAA), il-metodoloġija tal-ERAA (l-Artikolu 3.7) tirrikjedi li l-valutazzjoni jkun fiha sensittività obbligatorja biex jiġi identifikat jekk ir-restrizzjonijiet indiretti għall-formazzjoni tal-prezzijiet jistgħux jikkostitwixxu sorsi possibbli ta’ tħassib dwar l-adegwatezza tar-riżorsi. Fl-ispirtu ta’ simplifikazzjoni, din is-sensittività tista’ ssir mhux obbligatorja.

4.1.6Fatturi ta’ degradar

Il-metodoloġija tal-ERAA (l-Artikolu 4.4) fiha rekwiżiti dwar id-disponibbiltà tas-sorsi tal-provvista. Għandu jkun hemm opinjoni komuni dwar id-definizzjoni ta’ fatturi ta’ degradar għal teknoloġiji differenti. Dawn il-fatturi ta’ degradar għandhom isiru disponibbli għall-pubbliku mill-ENTSO-E (bis-sorveljanza tal-ACER).

4.1.7Il-kontribut tar-rispons tad-domanda u l-ħżin

Il-metodoloġija tal-ERAA (l-Artikoli 4.3 u 4.5) fiha rekwiżiti dwar kif għandu jiġi mmudellat ir-rispons tad-domanda u l-ħżin. Madankollu, it-teknoloġiji flessibbli mhux fossili għadhom ma kinux fiċ-ċentru tal-fokus tal-implimentazzjoni tal-ERAA. Hekk kif it-tranżizzjoni tal-enerġija tkompli u l-mudell kummerċjali tagħhom jiżviluppa, u l-irfinar tal-implimentazzjoni tal-ERAA lejn il-kunsiderazzjoni ta’ riżorsi flessibbli mhux fossili, u l-kunsiderazzjoni ta’ kwalunkwe riżorsa appoġġata taħt miżuri ta’ flessibbiltà, isiru aktar importanti (eż. riflessjoni aħjar tar-restrizzjonijiet tal-eskalar għall-mudell tad-dispaċċ ekonomiku, filwaqt li jitqies aħjar id-dħul mis-servizzi anċillari 44 għall-valutazzjoni tal-vijabbiltà ekonomika, stima aħjar tar-riżorsi lokali eż. pompi tas-sħana, penetrazzjoni tal-vetturi elettriċi, eċċ.), l-ERAA tista’ mhux biss tqis kif xieraq il-kontribut tar-rispons fin-naħa tad-domanda u l-ħżin, iżda tista’ tipprovdi wkoll input rilevanti għall-valutazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ flessibbiltà u b’hekk tevita ħidma doppja għall-Istati Membri.

4.1.8It-trasparenza u l-interazzjoni tal-partijiet ikkonċernati

Il-metodoloġija tal-ERAA (l-Artikoli 9 u 11) diġà fiha rekwiżiti dwar it-trasparenza u l-interazzjoni tal-partijiet ikkonċernati. L-isforzi biex tiżdied it-trasparenza għandhom ikomplu. Pereżempju, il-partijiet ikkonċernati u r-regolaturi talbu l-pubblikazzjoni tar-riżultati tal-ERAA li jindikaw id-distribuzzjoni tal-enerġija mhux ipprovduta fis-siegħa. Tali informazzjoni hija kruċjali għall-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati biex jifhmu sa liema punt avveniment ta’ skarsezza jikkostitwixxi theddida serja għas-sigurtà tal-provvista u għandha tiġi inkluża fl-ERAA. L-inputs (l-Artikolu 5 tal-metodoloġija tal-ERAA) li mhumiex speċifiċi għall-Istati Membri iżda li jintużaw bħala valuri prestabbiliti fiż-żoni tal-offerti fil-mudell tal-ERAA (eż. l-indikaturi tal-kostijiet tar-riżorsi, il-fatturi ta’ degradar) għandhom isiru disponibbli għall-pubbliku mill-ENTSO-E (bis-sorveljanza tal-ACER).

4.2 Ir-razzjonalizzazzjoni tal-proċess tal-approvazzjoni tal-Kummissjoni għall-mekkaniżmi ta’ kapaċità

Hija meħtieġa deċiżjoni ta’ approvazzjoni mill-Kummissjoni qabel ma l-għajnuna mill-Istat tkun tista’ tingħata legalment permezz ta’ mekkaniżmu ta’ kapaċità. L-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar l-għajnuna mill-Istat għal mekkaniżmu ta’ kapaċità nazzjonali tirrikjedi l-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tagħha mar-rekwiżiti fir-Regolament dwar l-Elettriku (l-Artikoli 20 sa 27) u fit-Taqsima 4.8 tas-CEEAG.

Biex twieġeb għat-tħassib tal-Istati Membri u tħaffef l-approvazzjoni tal-mekkaniżmi ta’ kapaċità, il-Kummissjoni tipproponi li tiżviluppa proċedura simplifikata ta’ għajnuna mill-Istat għal disinji tal-mekkaniżmu ta’ kapaċità li jsegwu mudelli kummerċjalment disponibbli definiti minn qabel ibbażati fuq l-aħjar prattika u li għalhekk jistgħu jkunu mistennija li jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. Din il-proċedura simplifikata se tiġi proposta bħala parti mill-Qafas il-ġdid dwar l-għajnuna mill-Istat imsemmi fil-Pilastru 2 tal-Komunikazzjoni dwar il-Boxxla għall-Kompetittività tal-UE 45 .

Sabiex tkun tista’ ssir il-valutazzjoni legali meħtieġa skont ir-Regolament dwar l-Elettriku u r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, u biex tiġi pprovduta l-gwida meħtieġa fir-rigward ta’ dawk li normalment ikunu disinji nazzjonali kumplessi, din il-proċedura simplifikata tkopri sett meħtieġ ta’ karatteristiċi tat-tfassil. Filwaqt li deċiżjoni dwar l-għajnuna mill-Istat tibqa’ meħtieġa biex jiġi approvat mekkaniżmu ta’ kapaċità, id-diskussjonijiet mal-Kummissjoni jistgħu jiġu aċċellerati b’mod sinifikanti għall-Istati Membri li jsegwu l-proċedura simplifikata.

Il-proċedura simplifikata proposta tkopri l-aktar żewġ disinji komuni tal-mekkaniżmu ta’ kapaċità — wieħed għal mekkaniżmi ta’ kapaċità tax-xerrej ċentrali fis-suq kollu u wieħed għal riżervi strateġiċi — u tiġbor fil-qosor l-elementi ewlenin li l-Istati Membri huma meħtieġa li jipprovdu fil-forma ta’ lista ta’ kontroll.

Meta t-tfassil tal-mekkaniżmu ta’ kapaċità previst tal-Istat Membru jallinja mal-elementi kollha fil-lista ta’ kontroll, il-Kummissjoni tipproċedi b’adozzjoni rapida ta’ deċiżjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, mingħajr il-ħtieġa ta’ aktar diskussjonijiet dwar it-tfassil.

Ir-rekwiżiti għal dan il-proċess simplifikat jista’ jkun fihom dan li ġej:

 

·L-Istati Membri jistgħu japplikaw il-proċess simplifikat jekk jistrieħu fuq l-aktar rapport reċenti tal-ERAA (approvat mill-ACER) biex juru l-ħtieġa tal-iskema. Kif deskritt fil-punt 4.1, il-metodoloġija tal-ERAA se tiġi ssimplifikata fil-futur u se tiġi pprovduta flessibbiltà addizzjonali lill-Istati Membri biex jiġġustifikaw l-iskema tagħhom abbażi tal-ERAA.

·Bħala simplifikazzjoni addizzjonali biex jiġi aċċellerat il-proċess ta’ approvazzjoni tal-mekkaniżmu tal-kapaċità, il-Kummissjoni se titlob lill-ACER tikkalkula valur referenzjarju tat-tagħbija mitlufa għall-Istati Membri kollha, filwaqt li tingrana l-esperjenzi attwali biex iżżid l-effiċjenza u ttejjeb il-konsistenza tal-kalkolu. L-ACER għandha tagħmel disponibbli wkoll indikaturi tal-kostijiet ta’ referenza fil-livell tal-UE filwaqt li tqis l-istudji eżistenti dwar il-kost ta’ entrata ġdida u l-aħjar studji ekonomiċi disponibbli. Dawn il-valuri ta’ referenza (li se jsiru disponibbli minnufih mill-ACER) se jippermettu lill-Istati Membri jistabbilixxu l-istandards ta’ affidabbiltà tagħhom malajr jekk jiddeċiedu li jikkunsidraw il-kalkoli tal-ACER.

·Fir-rigward tal-proċess ġenerali għall-approvazzjoni tal-mekkaniżmi ta’ kapaċità, l-Istati Membri li għadhom ma adottawx il-pjan ta’ implimentazzjoni tagħhom, jistgħu jippreżentaw il-pjan tagħhom lill-Kummissjoni ferm qabel l-iskema proposta tagħhom. L-Istati Membri jistgħu jimplimentaw ir-riformi proposti li jinsabu fil-pjan tagħhom b’mod parallel mal-introduzzjoni tal-iskema. L-Istati Membri li diġà ppreżentaw il-pjan ta’ implimentazzjoni tagħhom u rċevew l-opinjoni mill-Kummissjoni mhumiex meħtieġa joħorġu pjan ta’ implimentazzjoni ġdid.

·Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-tfassil tal-iskema, din għandha tikkonforma ma’ sett meħtieġ ta’ karatteristiċi tat-tfassil. Il-Kummissjoni se tiddeskrivi dawn l-aħjar prattiki bħala parti mill-proposta għall-qafas il-ġdid tal-għajnuna mill-Istat.

5.KONKLUŻJONI U L-PASSI LI JMISS

Abbażi tar-rieżami tal-proċedura relatata mal-applikazzjoni għal mekkaniżmi ta’ kapaċità skont il-Kapitolu IV tar-Regolament dwar l-Elettriku, il-Kummissjoni tikkonkludi li għadd ta’ elementi jistgħu jiġu razzjonalizzati u, taħt xi kundizzjonijiet, il-proċedura tista’ tiġi ssimplifikata.

Skont l-Artikolu 69(3) tar-Regolament dwar l-Elettriku, il-Kummissjoni għandha, sas-17 ta’ April 2025, tressaq proposti bil-ħsieb li tissimplifika l-proċess għall-valutazzjoni tal-mekkaniżmi ta’ kapaċità, kif xieraq.

Tali proposta hija deskritta fl-Anness I tal-abbozz ta’ Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Qafas għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex jiġi appoġġat il-Patt għal Industrija Nadifa (Qafas ta’ Għajnuna mill-Istat għal Patt għal Industrija Nadifa – CISAF, Clean Industrial Deal State Aid Framework). L-Istati Membri se jiġu kkonsultati dwar il-proposta qabel l-adozzjoni tagħhom.

Il-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar dan ir-rapport hija mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe pożizzjoni li tista’ tieħu dwar il-kompatibbiltà ta’ kwalunkwe miżura ta’ implimentazzjoni nazzjonali mad-dritt tal-UE.

(1)

  Ir-Regolament (UE) 2024/1747 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 li jemenda r-Regolamenti (UE) 2019/942 u (UE) 2019/943 fir-rigward tat-titjib tat-tfassil tas-suq tal-elettriku tal-Unjoni, ĠU L, 2024/1747, 26.6.2024.

(2)

Ara l-Artikoli 20 u 21(1) tar-Regolament (UE) 2019/943.

(3)

Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-klima, għall-ħarsien tal-ambjent u għall-enerġija 2022, C/2022/481, OJ C 80, 18.2.2022, p. 1.

(4)

Il-metodoloġija biex jinkiseb il-Valur tat-Tagħbija Mitlufa (VoLL), il-Kost tal-Entrata Ġdida (CONE) u l-istandard ta’ affidabbiltà:  Microsoft Word - VOLL CONE RS - Anness I (europa.eu) .

(5)

 Valutazzjoni tal-adegwatezza hija studju tal-adegwatezza tas-sistema tal-elettriku għall-provvista tad-domandi attwali u projettati għall-elettriku.

(6)

Metodoloġija għall-kalkolu tal-valutazzjoni Ewropea dwar l-adegwatezza tar-riżorsi: Microsoft Word - ERAA - Anness I (europa.eu)

(7)

Metodoloġija għall-parteċipazzjoni transfruntiera fil-mekkaniżmi ta’ kapaċità: Microsoft Word - XBP CM - Anness I - speċifikazzjonijiet tekniċi (europa.eu) .

(8)

L-Istati Membri spiss jiddiskutu mal-Kummissjoni l-abbozz tal-pjan ta’ riforma tas-suq qabel ma jippreżentawh formalment, li jiffaċilita l-adozzjoni rapida tal-opinjoni tal-Kummissjoni dwar il-pjan.

(9)

Ħafna drabi t-TSOs u l-awtoritajiet nazzjonali jiddiskutu l-valutazzjonijiet nazzjonali dwar l-adegwatezza mal-ACER qabel ma jippreżentaw ir-rapporti tagħhom b’mod formali. Dan jgħin lill-ACER tidentifika minn kmieni kwalunkwe kwistjoni relatata mar-rapporti, f’termini ta’ suppożizzjonijiet, metodoloġija, eċċ.

(10)

Il-metodoloġija għad-determinazzjoni tal-VoLL, il-CONE u l-istandard ta’ affidabbiltà; il-metodoloġija għall-valutazzjoni Ewropea dwar l-adegwatezza tar-riżorsi; u l-metodoloġiji għall-parteċipazzjoni transfruntiera fil-mekkaniżmi ta’ kapaċità

(11)

Disponibbli hawnhekk: https://www.acer.europa.eu/electricity/security-of-supply/monitoring-security-electricity-supply .

(12)

 Dan jinkludi żewġ deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat biex tiġi mmodifikata l-iskema Belġjana, disponibbli taħt in-numri tal-każ SA.54915 u SA.104336 .

(13)

 Disponibbli taħt in-numri tal-każ SA.55604 .

(14)

Disponibbli hawnhekk: https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/13668-Electricity-market-reform-of-the-EUs-electricity-market-design/public-consultation_mt .

(15)

Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, Riforma tat-Tfassil tas-Suq tal-Elettriku, SWD(2023) 58 final, https://energy.ec.europa.eu/system/files/2023-03/SWD_2023_58_1_EN_autre_document_travail_service_part1_v6.pdf .

(16)

Ara l-Konklużjonijiet tal-Forum tal-2023 hawnhekk: https://energy.ec.europa.eu/events/38th-meeting-european-electricity-regulatory-forum-2023-06-08_en . Ara l-Konklużjonijiet tal-Forum tal-2024 hawnhekk: https://energy.ec.europa.eu/events/39th-european-electricity-regulatory-forum-2024-05-27_mt

(17)

Disponibbli hawnhekk: https://energy.ec.europa.eu/system/files/2020-12/market_reform_plan_guidance_final_0.pdf . 

(18)

Il-Belġju, il-Bulgarija, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Litwanja, il-Polonja, Spanja, l-Iżvezja (l-Estonja bħalissa għaddejja mill-proċess).

(19)

 Tqajmet ukoll matul iż-żewġ sessjonijiet ta’ ħidma mal-Istati Membri organizzati f’Ġunju 2023.

(20)

acer.europa.eu/sites/default/files/documents/Publications/Security_of_EU_electricity_supply_2023.pdf .

(21)

Il-Belġju, il-Bulgarija, iċ-Ċekja, Franza, Spanja, il-Portugall (ir-rapport ta’ monitoraġġ tal-SoS tal-ACER tal-2024)

(22)

L-Estonja, il-Belġju, il-Finlandja u l-Iżvezja (ir-rapport ta’ monitoraġġ tal-SoS tal-ACER tal-2024)

(23)

Dawn is-sitwazzjonijiet jinkludu pereżempju fallimenti simultanji ta’ diversi elementi tal-grilja, tfixkil tal-fjuwil għall-ġenerazzjoni tal-elettriku, disponibbiltà aktar baxxa ta’ impjanti tal-enerġija nukleari barranin jew lokali.

(24)

Il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Italja u l-Iżvezja (ir-rapport ta’ monitoraġġ tal-SoS tal-ACER tal-2024)

(25)

Ir-rapport ta’ monitoraġġ tal-SoS tal-ACER fl-2021, p. 8

(26)

  https://www.acer.europa.eu/public-events/acer-webinar-implementation-eu-methodology-electricity-adequacy-metrics

(27)

 Dan għaliex l-Istati Membri ħadu deċiżjonijiet ibbażati fuq għadd ta’ fatturi rigward it-tfassil tal-istħarriġ u l-ipproċessar tar-riżultati assoċjati.

(28)

ara r-rapport dwar il-Monitoraġġ tas-Suq tal-ACER tal-2023 dwar l-ostakli għar-rispons tad-domanda u l-Mappa smartEN dwar il-mekkaniżmi tal-adegwatezza tar-riżorsi: smarten.eu/wp-content/uploads/2022/01/the_smarten_map_2021_DIGITAL_final.pdf

(29)

L-ishma relattivi tagħhom fl-2023 kienu ta’ madwar 32 %, 24 % u 15 % rispettivament.

(30)

Skont ir-rapport ta’ monitoraġġ tal-SoS tal-ACER tal-2023, is-sorsi rinnovabbli għajr l-impjanti idroelettriċi jirrappreżentaw biss 6 GW jew 3 % tal-kapaċità totali; id-DSR jirrappreżenta 4 GW, filwaqt li l-ħżin għadu baxx bi 300 MW fl-2022

(31)

Ir-rapport ta’ monitoraġġ tal-SoS tal-ACER tal-2023

(32)

 Menegatti, E., Meeus, L. (2024),FSR Policy Brief: An easy fix to streamline capacity markets:  https://hdl.handle.net/1814/77492

(33)

Ir-rapport ta’ monitoraġġ tal-SoS tal-ACER tal-2023

(34)

Il-punt 348 tas- CEEAG .

(35)

 L-Istati Membri ġew ikkonsultati b’mod preliminari f’Ġunju 2023 meta l-Kummissjoni organizzat żewġ sessjonijiet ta’ ħidma għall-Istati Membri, kif ukoll matul il-Forum Regolatorju dwar l-Enerġija Elettriku f’Ruma fl-2023.

(36)

 Ir-Regolament (UE) 2024/1747 saħħaħ ir-rwol tal-mekkaniżmi ta’ kapaċità fl-indirizzar tal-problemi ta’ adegwatezza. B’riżultat ta’ dan, il-varjant li jinkludi dawn il-mekkaniżmi ta’ kapaċità approvati jsir aktar rilevanti mill-varjant li ma jqisx dawk il-mekkaniżmi. Dan jista’ jinforma l-isforzi biex tiġi razzjonalizzata l-metodoloġija.

(37)

https://www.eea.europa.eu/themes/climate/trends-and-projections-in-europe

(38)

eż.; skont l-Artikolu 18 tar-Regolament dwar il-Governanza

(39)

Inklużi politiki u miżuri li qed jiġu diskussi li għandhom ċans realistiku li jiġu adottati.

(40)

Il-valutazzjoni tal-vijabbiltà ekonomika għandha tiġi adattata biex taqbad aħjar id-dħul rilevanti għal riżorsi flessibbli nodfa ġodda (inklużi dawk mis-swieq tas-servizzi anċillari). Għal dak l-għan, l-interazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati rilevanti li jifhmu l-mudelli kummerċjali attwali ta’ dawn it-teknoloġiji hija importanti ħafna.

(41)

 Is-simulazzjoni tad-dispaċċ ekonomiku tikkalkula d-dħul u l-kostijiet għal riżorsi differenti imbagħad l-investimenti jiġu aġġustati abbażi tar-riżultati u d-dispaċċ jerġa’ jsir, segwit minn aġġustament tal-kapaċitajiet eċċ. sal-ekwilibriju tas-suq.

(42)

 Dawn is-sistemi ma huma mmudellati bl-ebda mod, jiġifieri l-ebda skambju transżonali ma huwa preżunt minn dawn il-pajjiżi terzi.

(43)

Dawn is-sistemi huma mmudellati bħala l-aħjar stimi eżoġeni ta’ skambji transżonali ma’ żoni mmudellati.
Id-data tiġi pprovduta mit-TSOs li jkollhom interkonnessjonijiet diretti ma’ dawk is-sistemi u għandha tirrifletti l-kundizzjonijiet tas-suq u l-prattiki operazzjonali mistennija (inklużi ftehimiet ta’ konnessjoni speċifiċi).

(44)

 Il-metodoloġija tal-ERAA (l-Artikolu 6.9(b)) tippermetti l-kunsiderazzjoni tal-flussi tad-dħul kollha, inkluż id-dħul
minn servizzi anċillari kruċjali għat-teknoloġiji tal-ħżin u r-rispons fin-naħa tad-domanda. Dan għandu jsir obbligatorju.

(45)

 29.1.2025 COM(2025) 30 final: eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52025DC0030