Brussell, 3.3.2025

COM(2025) 64 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Ir-Raba' Perspettiva dwar l-Arja Nadifa


Ir-Raba’ Perspettiva dwar l-Arja Nadifa

1.Introduzzjoni

It-tniġġis tal-arja fl-UE naqas matul dawn l-aħħar deċennji bħala riżultat tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-arja nadifa u l-azzjoni konġunta meħuda mill-UE u mill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali. L-emissjonijiet tal-ħames sustanzi niġġiesa tal-arja ewlenin naqsu b’mod sinifikanti bejn l-2005 u l-2024. Madankollu, il-kwalità tal-arja għadha ta’ tħassib serju għas-saħħa taċ-ċittadini Ewropej, speċjalment f’żoni urbani fejn il-livelli tat-tniġġis għadhom ogħla mil-livelli tal-linji gwida tad-WHO 1 , u għall-istat tal-ekosistemi.

L-approċċ tal-UE għat-titjib tal-kwalità tal-arja jinvolvi t-teħid ta’ azzjoni fi tliet oqsma (jew “pilastri”). L-ewwel waħda hija dwar l-istandards tal-kwalità tal-arja ambjentali stabbiliti fid-Direttiva riveduta dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali 2 . It-tieni hija biex jiġu stabbiliti obbligi nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet skont id-Direttiva dwar l-Impenji Nazzjonali għat-Tnaqqis tal-Emissjonijiet (id-Direttiva NEC) 3  għas-sustanzi niġġiesa tal-arja transkonfinali ewlenin 4 . It-tielet hija biex jiġu stabbiliti standards tal-emissjonijiet fil-livell tal-UE, stabbiliti fil-leġiżlazzjoni, għas-sorsi ewlenin tat-tniġġis mill-emissjonijiet tal-vetturi u tal-bastimenti għall-enerġija u l-industrija, kif ukoll rekwiżiti tal-ekodisinn għall-bojlers u l-istufi. Madankollu, il-biċċa l-kbira tal-emissjonijiet mill-attivitajiet agrikoli mhumiex regolati.

L-UE żiedet l-azzjoni taħt it-tliet pilastri kollha biex tadatta għal żviluppi politiċi u xjentifiċi ġodda. B’mod partikolari, biex jiġu implimentati l-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-ambizzjoni tal-UE li tilħaq tniġġis żero għal ambjent ħieles mis-sustanzi tossiċi, id-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali ġiet riveduta biex tinkludi standards tal-kwalità tal-arja ambjentali aktar ambizzjużi għall-2030 li se jpoġġu lill-UE fit-triq biex tikseb tniġġis tal-arja żero sa mhux aktar tard mill-2050. L-istandards huma allinjati aktar mill-qrib mal-linji gwida aġġornati dwar il-kwalità tal-arja tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) għas-sustanzi niġġiesa tal-arja ewlenin 5 . Dawn l-istandards tal-kwalità tal-arja ambjentali aktar ambizzjużi jfissru li l-Istati Membri se jkollhom inaqqsu aktar l-emissjonijiet tagħhom ta’ sustanzi niġġiesa tal-arja.

Taħt it-tieni pilastru, id-Direttiva NEC, mill-2022 ’l hawn l-UE wettqet kontrolli tal-konformità annwali fil-konfront tal-impenji nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-2020-2029 għall-ħames sustanzi niġġiesa tal-arja transkonfinali l-aktar ta’ ħsara. L-ewwel kontroll tal-konformità li sar fl-2022 bl-użu tad-data dwar l-emissjonijiet tal-2020 żvela li hija meħtieġa ħafna aktar azzjoni, b’mod partikolari biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-ammonijaka.

It-tielet pilastru huwa li l-emissjonijiet jiġu indirizzati fis-sors. Għal dan l-għan, ġew iffinalizzati diversi reviżjonijiet tal-leġiżlazzjoni mit-Tielet Perspettiva dwar l-Arja Nadifa 6 . Dawn jinkludu l-finalizzazzjoni tal-istandard tal-emissjonijiet Euro 7 għal vetturi bil-mutur ġodda 7 ; ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali 8 , u fuq kollox, is-sett ta’ inizjattivi “Lesti għall-mira ta’ 55 %” u REPowerEU. Il-ħidma biex jiġu riveduti l-kriterji tal-ekodisinn għall-bojlers tal-fjuwil solidu u għall-ħiters tal-post lokali għadha għaddejja.

Din ir-raba’ edizzjoni tal-Perspettiva dwar l-Arja Nadifa tivvaluta l-prospetti li jintlaħqu l-objettivi tad-Direttiva NEC għall-2030 u lil hinn, f’termini tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa tal-arja u l-impatti sussegwenti fuq il-kwalità tal-arja, is-saħħa, l-ekosistemi u l-ekonomija. Tikkomplementa t-tieni rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva NEC ippubblikat f’Lulju 2024 9 billi tipprovdi analiżi li tħares ’il quddiem. Din l-analiżi tibni fuq ir-reviżjonijiet leġiżlattivi ta’ hawn fuq u fuq il-Komunikazzjoni għal mira klimatika għall-2040 għall-UE u l-valutazzjoni tal-impatt tagħha 10 .

Ir-Raba’ Perspettiva dwar l-Arja Nadifa tikkontribwixxi direttament għat-Tieni rapport ta’ Monitoraġġ u Perspettiva ta’ Tniġġis Żero mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA, European Environment Agency) u ċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC, Joint Research Centre) 11  billi tanalizza l-prospett li jintlaħqu ż-żewġ miri tal-pjan ta’ azzjoni ta’ tniġġis żero 12 relatati mal-arja nadifa. Il-miri huma:

-li fl-UE jitnaqqsu b’aktar minn 55 % l-impatti tat-tniġġis tal-arja fuq is-saħħa (espressi bħala mwiet prematuri) sal-2030; u

-li jitnaqqsu b’25 % l-ekosistemi fejn it-tniġġis tal-arja jhedded il-bijodiversità (meta mqabbel mal-livelli tal-2005).

Fl-aħħar nett, ir-Raba’ Perspettiva dwar l-Arja Nadifa tipprovdi analiżi aġġornata biex tikkontribwixxi għall-evalwazzjoni tad-Direttiva NEC li għadha għaddejja, li għandha tiġi ffinalizzata sa tmiem l-2025 13 , u tenfasizza l-kobenefiċċji għall-klima u l-kwalità tal-arja tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan.

2.L-Istat tal-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa tal-arja u l-kwalità tal-arja

1.

2.

2.1.Is-sitwazzjoni attwali tal-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa tal-arja u tal-kwalità tal-arja

Matul is-snin, l-UE naqqset l-emissjonijiet tas-sustanzi niġġiesa tal-arja ewlenin, għalkemm b’rati differenti ħafna skont it-tip ta’ sustanza niġġiesa. Kif jidher fl-Illustrazzjoni 1, l-UE diġà naqqset l-emissjonijiet tas-SO2 b’aktar minn 80 %, tal-NOx b’50 % u tal-NMVOC u l-PM2.5 b’aktar minn 30 % mill-2005. Madankollu, l-emissjonijiet tal-ammonijaka (NH3), li aktar minn 90 % minnhom huma ġġenerati mis-settur agrikolu, għadhom l-istess b’mod inkwetanti u saħansitra żdiedu f’dawn l-aħħar snin f’xi Stati Membri.

Illustrazzjoni 1: Xejra fl-emissjonijiet tal-EU-27, 2005-2022 (% tal-livelli tal-2005)

Sors: L- Aġenzija Ewropea għall-Ambjent , abbażi tal-inventarji tal-Istati Membri tal-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa

Minkejja tnaqqis ġenerali fit-tniġġis tal-arja, l-impatti tat-tniġġis fuq is-saħħa u l-ekosistemi għadhom problematiċi. Fl-2022, il-biċċa l-kbira tan-nies li jgħixu f’żoni urbani fl-UE kienu esposti għat-tniġġis tal-arja f’livelli li jagħmlu ħsara lil saħħithom 14 . L-EEA tistma li t-tniġġis tal-arja huwa l-uniku u l-akbar riskju għas-saħħa ambjentali fl-Ewropa u wieħed li jaffettwa b’mod sproporzjonat lill-gruppi soċjali sensittivi u vulnerabbli 15 . Għalhekk, l-indirizzar tat-tniġġis tal-arja huwa wkoll kwistjoni ta’ ġustizzja u ugwaljanza.

Madwar 239 000 mewta prematura huma attribwibbli għall-esponiment għall-materja partikolata fina fl-UE kull sena, 70 000 għall-ożonu u 48 000 għad-diossidu tan-nitroġenu 16 . L-EEA stmat ukoll li fl-2022, 73 % tal-ekosistemi fl-UE kienu ogħla mit-tagħbija kritika għall-ewtrofikazzjoni. Proporzjonijiet kbar ta’ foresti u agroekosistemi kienu esposti għal konċentrazzjonijiet tal-ożonu troposferiku ogħla mill-valuri ta’ limitu, u dan irriżulta fi ħsara lill-veġetazzjoni u lir-rendimenti 17 .

2.2.Konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-arja nadifa

Wara li rrieżaminat l-inventarji tal-emissjonijiet tal-2020 ippreżentati mill-Istati Membri fl-2022 18 , il-Kummissjoni kkonkludiet li 14-il Stat Membru ma ssodisfawx l-impenji għat-tnaqqis tagħhom għal mill-inqas sustanza niġġiesa waħda. Fi 11 minn dawn l-Istati Membri, l-ammonijaka hija waħda mis-sustanzi niġġiesa b’emissjonijiet żejda. B’konsegwenza ta’ dan, il-Kummissjoni ħarġet ittri ta’ intimazzjoni lil 14-il Stat Membru għal 19-il każ ta’ nuqqas ta’ konformità 19 . Abbażi tal-valutazzjoni tal-konformità tal-2023, il-Kummissjoni segwiet billi ħarġet ittri ta’ intimazzjoni u opinjonijiet motivati addizzjonali f’Novembru 2023 20 . L-inventarji tal-2024 jindikaw titjib żgħir, għalkemm is-sitwazzjoni tal-konformità għall-ammonijaka għadha diffiċli bi tmien Stati Membri li għadhom qed jonqsu milli jissodisfaw l-impenn tagħhom għat-tnaqqis 21 .

Id-data dwar l-emissjonijiet tal-2022 ippreżentata mill-Istati Membri fl-2024 tenfasizza li diversi Stati Membri jeħtieġ li jieħdu azzjoni ħafna aktar b’saħħitha biex inaqqsu l-emissjonijiet ta’ diversi sustanzi niġġiesa biex jissodisfaw l-impenji aktar ambizzjużi tagħhom għat-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-2030 ’il quddiem. Analiżi tal-EEA 22 turi li tmienja u ħames Stati Membri rispettivament jeħtieġ li jnaqqsu l-emissjonijiet tagħhom ta’ PM2.5 u NOx b’aktar minn 30 % bejn l-2022 u l-2030. Għall-emissjonijiet tal-NMVOC u tal-ammonijaka, 8 u 10 Stati Membri rispettivament jeħtieġ li jnaqqsu l-emissjonijiet tagħhom b’aktar minn 10 % bejn l-2022 u l-2030.

L-Istati Membri jistabbilixxu l-politiki u l-miżuri tagħhom biex jindirizzaw it-tniġġis tal-arja fil-programmi nazzjonali għall-kontroll tat-tniġġis tal-arja 23 . Id-Direttiva NEC tirrikjedi li l-Istati Membri jaġġornaw il-programmi tagħhom mill-inqas kull erba’ snin, jew qabel 24 jekk l-aħħar inventarju jew id-data dwar l-emissjonijiet ipproġettati jindikaw li mhumiex se jissodisfaw l-impenji għat-tnaqqis. It-tieni rapport ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-Direttiva NEC 25 jiġbor fil-qosor il-valutazzjoni tal-preżentazzjonijiet tal-Istati Membri tal-programmi nazzjonali għall-kontroll tat-tniġġis tal-arja.

F’termini ta’ konformità mad-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali, minn Jannar 2025, kien hemm 25 każ ta’ ksur li għadhom għaddejjin minħabba applikazzjoni ħażina tad-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali minn 16-il Stat Membru. Il-proċedimenti quddiem kemm il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE kif ukoll il-qrati nazzjonali jikkonfermaw li f’ħafna każijiet, il-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja ma kinux adegwati u/jew ġew adottati miżuri insuffiċjenti biex jitnaqqas it-tniġġis tal-arja.

3.Implimentazzjoni tad-Direttiva NEC

3.

3.1.Bidliet fil-leġiżlazzjoni u fil-kuntest tal-politika

Mit-Tielet Perspettiva dwar l-Arja Nadifa, il-Kunsill u l-Parlament iffinalizzaw il-ħidma leġiżlattiva fuq il-fajls kollha relatati mal-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %” tal-2021, li jżid l-ambizzjoni tal-UE li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra għal mill-inqas 55 % taħt il-livelli tal-1990 sal-2030. Il-livell ta’ ambizzjoni kompla jiżdied permezz tal-pjan REPowerEU 26 biex tintemm id-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-gass, taż-żejt u tal-faħam mir-Russja.

Fi Frar 2024, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat Komunikazzjoni għal mira klimatika għall-2040 għall-UE u l-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanjaha u rrakkomandat li l-emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra tal-UE jitnaqqsu b’ 90 % fl-2040 meta mqabbla mal-livelli tal-1990. L-evoluzzjoni tas-sistema tal-enerġija tal-UE fix-“xenarju S3” ta’ dik il-valutazzjoni tal-impatt, li turi perkors biex jintlaħaq it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-għażla fil-mira ppreferuta, tqieset bħala bażi għall-immudellar li jirfed din ir-Raba’ Perspettiva dwar l-Arja Nadifa. Politiki aktar ambizzjużi dwar l-enerġija u l-klima ġeneralment jirriżultaw f’kobenefiċċji għall-kwalità tal-arja billi jnaqqsu l-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa tal-arja ewlenin (PM2.5, NOx u SO2) 27 .

F’termini ta’ emissjonijiet mit-trasport, l-analiżi tar-Raba’ Perspettiva dwar l-Arja Nadifa tibni fuq l-istandard tal-emissjonijiet Euro 7 adottat u tinkorpora miri riveduti tas-CO2 għall-karozzi, għat-trakkijiet u għal vetturi heavy-duty oħra.

Fl-aħħar nett, din ir-Raba’ Perspettiva dwar l-Arja Nadifa tinkorpora l-bidliet li ġabet magħha d-Direttiva riveduta dwar l-Emissjonijiet Industrijali (IED, Industrial Emissions Directive). L-immudellar jassumi, bħala minimu, il-konformità mal-limitu ta’ fuq tal-livelli ta’ emissjonijiet assoċjati mal-konklużjonijiet tal-aqwa teknika disponibbli (BAT-AELs) 28 . Ir-riflessjoni tal-eżitu tar-reviżjoni tal-IED implikat it-tneħħija ta’ xi wħud mill-iżviluppi tal-mudell imwettqa għat-Tielet Perspettiva dwar l-Arja Nadifa, eż. il-proposta biex jiġu koperti farms kbar tal-bhejjem tal-ifrat.

3.2.Prospetti biex jinkisbu l-impenji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tad-Direttiva NEC

Skont ir-riżultati tar-Raba’ Perspettiva dwar l-Arja Nadifa, erba’ Stati Membri biss 29 jinsabu fit-triq it-tajba biex jiksbu fit-2030 l-impenji kollha tagħhom għat-tnaqqis tal-emissjonijiet, skont il-miżuri nazzjonali attwali u l-leġiżlazzjoni tal-UE u f’konformità mal-bidliet ta’ hawn fuq fil-kuntest tal-politika (dan huwa x-xenarju ta’ politika “bażi” 30 ). L-Istati Membri l-oħra kollha jridu jieħdu miżuri addizzjonali biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom. Hija meħtieġa azzjoni b’mod partikolari biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-ammonijaka, peress li 21 Stat Membru jeħtieġ li jiksbu tnaqqis sal-2030. It-Tabella 1 turi l-Istati Membri ipproġettati li ma jilħqux l-impenji tagħhom għat-tnaqqis tal-emissjonijiet skont it-tip ta’ sustanza niġġiesa. Dawn ir-riżultati tal-immudellar li jħarsu ’l quddiem jikkonfermaw ix-xejra osservata fid-data analizzata mill-EEA (ara t-taqsima 2.2).

Meta wieħed iħares lejn l-immudellar għal-livelli tal-emissjonijiet fl-2025 u lejn jekk l-Istati Membri humiex fuq trajettorja ta’ tnaqqis lineari 31 biex jilħqu l-impenji għat-tnaqqis aktar ambizzjużi tagħhom għall-2030, tmien Stati Membri biss 32 jinsabu fit-triq it-tajba biex inaqqsu l-ħames sustanzi niġġiesa kollha sa fejn ikun meħtieġ. Għandha tittieħed azzjoni rapida mill-bqija tal-Istati Membri, b’mod partikolari biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-ammonijaka. L-istimi jindikaw li 17-il Stat Membru mhumiex fuq trajettorja ta’ tnaqqis lineari fl-2025 għall-emissjonijiet tal-ammonijaka. L-użu tal-miżuri tekniċi kollha disponibbli 33 jippermetti lill-Istati Membri kollha jissodisfaw l-impenji tagħhom tal-2030, ħlief Stat Membru wieħed fir-rigward tal-NH3.

L-analiżi tikkonferma l-prospetti ta’ konformità pjuttost inkwetanti għall-NH3 li r-rapporti tal-Perspettiva preċedenti enfasizzaw ukoll. Mit-Tielet rapport tal-Perspettiva, kien hemm żieda fl-għadd ta’ pajjiżi li mistennija li ma jissodisfawx l-impenji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-PM2.5. Dan jista’ jiġi spjegat minn żidiet fl-emissjonijiet stmati mill-kombustjoni ta’ fjuwil solidu (bijomassa u faħam) fis-settur residenzjali, marbuta ma’ informazzjoni ġdida integrata fil-mudell GAINS dwar l-istruttura tal-installazzjonijiet, il-konsum tal-injam u tal-faħam u l-fatturi ta’ emissjoni.

Tabella 1: L-Istati Membri pproġettati li ma jilħqux l-impenji tagħhom għat-tnaqqis tal-emissjonijiet

Xenarju

Sena

NH3

NMVOC

NOx

PM2.5

SO2

Linja bażi

2025

BG, CZ, DK, DE, IE, ES, FR, HR, LV, LU, HU, NL, PL, PT, SK, SI, SE

LT

LT, RO

CZ, HU, PL, RO, SI

-

Linja bażi

2030

BE, BG, CZ, DK, DE, IE, ES, FR, HR, CY, LV, LU, HU, NL, AT, PL, PT, RO, SK, SI, SE

LT, HU, SI

MT, RO

CZ, DK, CY, ES, HU, PT, RO, SI

-

Il-miżuri tekniċi kollha

2030

NL

-

-

-

-

Sors: Abbażi tar-riżultati tal-immudellar tal-IIASA (2025).

Nota: Għall-2025, il-valutazzjoni titwettaq fil-konfront tat-trajettorja ta’ tnaqqis lineari, kif spjegat fin-Nota 31 f’qiegħ il-paġna. “-” tfisser li l-Istati Membri kollha huma pproġettati li jilħqu l-miri.

3.3.L-estensjoni tal-firxa tal-emissjonijiet koperti mid-Direttiva NEC

L-immudellar li jirfed din l-edizzjoni tal-Perspettiva dwar l-Arja Nadifa jsegwi approċċ ġdid fir-rigward tal-inklużjoni tal-emissjonijiet ta’ materja partikolata kondensabbli. Dawn huma emissjonijiet inizjalment f’forma ta’ fwar (ġewwa jew qrib iċ-ċumnija) li jinbidlu f’materja partikolata meta jiġu skarikati fl-arja ambjentali. Huwa importanti li dawn l-emissjonijiet jiġu inklużi peress li jnaqqsu l-kwalità tal-arja li nieħdu. B’mod partikolari fit-tisħin domestiku, l-emissjonijiet ta’ materja partikolata kondensabbli huma sinifikanti u huma stmati li jirrappreżentaw madwar l-istess livell bħall-emissjonijiet li jistgħu jiġu ffiltrati. Bħala riżultat tat-titjib reċenti fir-rapportar uffiċjali tal-emissjonijiet bl-emissjonijiet kondensabbli 34 , il-mudell bażi stabbilit issa jinkludi rappreżentazzjoni konsistenti tal-parti kondensabbli tal-emissjonijiet tal-materja partikolata marbuta mal-kombustjoni tal-injam u tal-faħam fis-settur residenzjali 35 .

Suppożizzjonijiet alternattivi ġew ittestjati bħala parti mill-analiżi tas-sensittività biex wieħed jara l-effett tal-inklużjoni ta’ materja partikolata li tista’ tiġi ffiltrata biss jew l-inklużjoni ta’ sett ta’ fatturi ta’ emissjoni ogħla marbutin mal-prattiki ħżiena ta’ kombustjoni. Il-prospetti li jiġu ssodisfati l-impenji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-PM2.5 ftit li xejn jinbidlu skont dawn is-suppożizzjonijiet 36 , iżda l-volum totali tal-emissjonijiet irrapporta bidliet skont il-fattur eżatt tal-emissjonijiet użat.

Titjib ieħor fl-immudellar tal-emissjonijiet fid-dinja reali huwa li jiġu inklużi l-emissjonijiet tal-NOX u tal-NMVOC mill-agrikoltura. Dawn is-sorsi tal-emissjonijiet huma esklużi mill-kontrolli tal-konformità skont id-Direttiva NEC 37 minħabba n-nuqqas ta’ data affidabbli b’mod suffiċjenti meta ġew stabbiliti l-impenji. Data aktar reċenti issa tippermetti li din l-informazzjoni tiġi inkorporata fil-mudelli. Tabilħaqq, kieku kellhom jiġu inklużi dawn l-emissjonijiet, l-istatus ta’ konformità pproġettat f’diversi Stati Membri jinbidel.

Meta jiġu inklużi l-emissjonijiet ta’ NOX mill-agrikoltura, il-prospetti tal-konformità mal-impenji għat-tnaqqis sal-2030 skont il-linja bażi jmorru għall-agħar. Il-livell ta’ nuqqas ta’ konformità huwa mistenni li jiżdied minn żewġ Stati Membri (MT, RO) għal tmienja (DK, FR, HU, IE, LT, MT, RO, SE). Meta jiġu inklużi l-emissjonijiet tal-NMVOC mill-agrikoltura, il-prospetti tan-nuqqas ta’ konformità skont il-linja bażi għall-2030 imorru għall-agħar ukoll, u jiżdiedu minn tliet Stati Membri (HU, LT, SI) għal sitt Stati Membri (HU, IE, LT, LU, SI, ES). Dan juri li, minkejja li bħalissa din mhijiex mitluba mid-Direttiva NEC, hija meħtieġa azzjoni addizzjonali f’diversi Stati Membri biex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tas-settur biex jitnaqqas it-tniġġis tal-arja.

4.Prospetti li jintlaħqu l-objettivi ta’ tniġġis żero dwar l-arja nadifa

4.

4.1.Il-miri tal-UE għal arja nadifa sal-2030 fil-pjan ta’ azzjoni ta’ tniġġis żero

Il-pjan ta’ azzjoni ta’ tniġġis żero jinkludi żewġ miri fil-livell tal-UE għall-2030 relatati mal-arja nadifa:

1)li jitnaqqsu b’aktar minn 55 % l-impatti fuq is-saħħa (espressi bħala mwiet prematuri) tat-tniġġis tal-arja meta mqabbla maċ-ċifri tal-2005;

2)li titnaqqas b’25 % iż-żona tal-ekosistema tal-UE fejn it-tniġġis tal-arja jhedded il-bijodiversità, espressa bħala żoni tal-ekosistema li qabżu t-“tagħbijiet kritiċi” tad-depożizzjoni tan-nitroġenu (meta mqabbla maċ-ċifri tal-2005).

F’konformità mal-analiżi miġbura fil-qosor fit-Tielet Perspettiva dwar l-Arja Nadifa, l-UE bħalissa tinsab fit-triq it-tajba biex tilħaq il-mira ta’ tniġġis żero biex jitnaqqsu l-impatti fuq is-saħħa fix-xenarju bażi. L-analiżi tistma tnaqqis ta’ 62 % fl-għadd ta’ mwiet prematuri bejn l-2005 u l-2030. Madankollu, mhux tagħmel biżżejjed progress biex tilħaq il-mira tal-ekosistema fil-ħin, bi tnaqqis ta’ 19 % biss mistenni fiż-żoni f’riskju bejn l-2005 u l-2030 38 .

4.1.1.Il-mira relatata mas-saħħa u l-impatti ġenerali fuq is-saħħa fix-xenarji kollha

Il-konċentrazzjoni fl-isfond tas-sustanzi niġġiesa tal-arja u l-esponiment tal-popolazzjoni

Anke fix-xenarju bażi, il-konċentrazzjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa huma mistennija li jonqsu maż-żmien u, sal-2030, ftit li xejn hemm żoni fl-UE li huma pproġettati li jaqbżu l-20 μg/m3 għall-PM2.5. Madankollu, għad hemm żoni kbar ipproġettati li jkollhom livelli ta’ konċentrazzjoni tat-tniġġis ogħla mil-linja gwida rakkomandata bħalissa dwar il-kwalità tal-arja tad-WHO ta’ 5 μg/m3 fl-2030, u anke fl-2050.

Jekk il-livelli ta’ konċentrazzjoni fl-isfond jissarrfu f’impatti fuq is-saħħa tal-popolazzjoni tal-UE, dan juri li l-għadd ta’ persuni li jgħixu f’żoni b’arja nadifa huwa mistenni li jiżdied b’mod konsiderevoli. Filwaqt li dan ikun titjib sinifikanti, hija meħtieġa aktar azzjoni politika biex jiġu limitati l-impatti negattivi fuq is-saħħa anke għal (bejn wieħed u ieħor) in-nofs l-ieħor tal-popolazzjoni tal-UE fl-2050 li għadha esposta għal tniġġis ogħla mil-linji gwida tad-WHO tal-2021.

Kif jidher mill-Illustrazzjoni 2, ir-riżultati jvarjaw għall-pajjiżi individwali, għalkemm kollha huma pproġettati li jaraw titjib kostanti kemm fil-konċentrazzjonijiet fl-isfond kif ukoll fis-sehem tal-popolazzjoni li hija esposta għat-tniġġis. Dan juri wkoll li għal xi pajjiżi, f’xenarju li jassumi li l-Istati Membri kollha jissodisfaw l-impenji tagħhom għat-tnaqqis tal-emissjonijiet, jinkiseb aktar titjib sal-2030.

Illustrazzjoni 2: Il-popolazzjoni tal-EU-27 esposta għal konċentrazzjonijiet differenti ta’ PM2.5

Sors: IIASA (2025)

Nota: L“ERC” huwa xenarju li jassumi li l-Istati Membri kollha jissodisfaw l-impenji tagħhom għat-tnaqqis tal-emissjonijiet. L-MTFR huwa x-xenarju tal-“miżuri tekniċi kollha”.

Bħalissa, il-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni tal-UE (97 %) tgħix f’żoni b’livelli ta’ tniġġis tal-NO2 taħt il-limitu attwali tal-UE ta’ 40 μg/m3, u kważi 60 % tgħix f’żoni taħt il-limitu tal-linja gwida tad-WHO ta’ 10 μg/m3 fl-2025. Sal-2030, dan huwa pproġettat li jiżdied għal aktar minn 70 % fix-xenarji kollha, u li jilħaq aktar minn 80 % jekk jiġu implimentati l-miżuri tekniċi kollha. Sal-2050, fix-xenarji kollha, aktar minn 95 % tal-popolazzjoni tal-UE hija pproġettata li tgħix f’żoni fejn it-tniġġis ikun għadu taħt il-livell rakkomandat mid-WHO għall-NO2.

Imwiet prematuri u l-kisba tal-mira ta’ tniġġis żero

L-imwiet prematuri 39 minħabba l-esponiment għall-PM2.5 huma pproġettati li jonqsu b’madwar 62-79 % meta mqabbla maċ-ċifri tal-2005, fix-xenarji kollha (inkluż il-linja bażi) sal-2030 u l-2050. L-imwiet prematuri se jonqsu kemxejn aktar malajr jekk il-pajjiżi jissodisfaw l-impenji għat-tnaqqis tagħhom, bi tnaqqis ħafna ogħla jekk jieħdu wkoll il-miżuri tekniċi kollha.

Sakemm il-politiki kollha inklużi fix-xenarju bażi jiksbu r-riżultati maħsuba, l-UE hija mistennija li tilħaq il-mira tas-saħħa ta’ tniġġis żero b’marġni komdu fl-2030. Din il-mira hija fformulata fil-livell tal-UE, iżda tissarraf ukoll fi tnaqqis fl-imwiet prematuri ta’ 55 % jew aktar fil-livell tal-biċċa l-kbira tal-Istati Membri individwalment.

Illustrazzjoni 3: Każijiet ta’ mwiet prematuri attribwibbli għall-esponiment għall-konċentrazzjonijiet totali ta’ PM2.5 fl-EU-27, f’eluf ta’ każijiet fis-sena

Sors: IIASA (2025).

Nota: L-immarkar ta’ 55 % jindika l-mira ta’ tniġġis żero. Huma inklużi biss is-sorsi antropoġeniċi tal-PM2.5, f’konformità mal-mod kif ġiet stabbilita l-mira ta’ tniġġis żero.

F’ċifri assoluti 40 , filwaqt li din il-projezzjoni turi li għandu jinkiseb titjib sinifikanti ’l fuq mix-xenarju bażi, dan xorta jfisser 220 000 mewta prematura stmata minħabba l-esponiment għall-PM2.5 fl-2030. It-teħid tal-miżuri tekniċi kollha jnaqqas l-għadd ta’ mwiet prematuri b’aktar minn 37 000.

L-esponiment għall-NO2 huwa pproġettat li jikkawża madwar 68 000 mewta prematura fix-xenarju bażi fl-2030. It-teħid tal-miżuri tekniċi kollha jnaqqas l-imwiet b’aktar minn 11 000. Bejn l-2030 u l-2050, l-għadd ta’ mwiet prematuri attribwibbli għall-esponiment għall-NO2 huwa mistenni li jonqos b’aktar min-nofs. L-esponiment għall-ożonu troposferiku huwa pproġettat li jikkawża madwar 65 100 mewta prematura fix-xenarju bażi fl-2030 41 , li jvarjaw ftit biss skont ix-xenarju u maż-żmien.

4.1.2.Il-mira relatata mal-ekosistema u l-impatti ġenerali fuq l-ekosistema

It-tniġġis tal-arja jaffettwa s-saħħa tal-ekosistema permezz tal-aċidifikazzjoni, l-ewtrofikazzjoni u l-impatti fuq l-ożonu. Ir-riżultati tal-immudellar 42 juru titjib sinifikanti maż-żmien fir-rigward tal-aċidifikazzjoni: skont ix-xenarju bażi, sal-2030, inqas minn 3 % taż-żona tal-ekosistema fl-UE ġġarrab depożizzjoni tal-aċidu li taqbeż it-tagħbijiet kritiċi, meta mqabbla ma’ 15 % fl-2005. Dan juri l-benefiċċji tat-tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet tal-SO2 li diġà nkiseb matul l-aħħar deċennji. Il-benefiċċji jkunu saħansitra akbar jekk l-Istati Membri kollha jissodisfaw l-impenji tagħhom għat-tnaqqis tal-emissjonijiet, jew jittieħdu l-miżuri tekniċi kollha.

F’konformità mar-rapporti preċedenti tal-Perspettiva, is-sitwazzjoni hija konsiderevolment inqas pożittiva meta wieħed iqis l-impatti tat-tniġġis tal-arja fuq l-ewtrofikazzjoni 43 . Dan huwa marbut mal-projezzjoni attwali li l-UE mhux se tilħaq il-mira tal-ekosistema ta’ tniġġis żero taħt il-politiki tal-linja bażi biss. F’dan ix-xenarju, 69 % tal-ekosistemi tal-UE xorta se jġarrbu l-ewtrofikazzjoni fl-2030 (tnaqqis minn 86 % fl-2005). Taħt il-kundizzjonijiet bażi, iż-żoni protetti se jkomplu jiġu affettwati ferm fl-2030, b’60 % taż-żoni ta’ Natura 2000 li se jġarrbu l-ewtrofikazzjoni (tnaqqis minn 78 % fl-2005). Jekk jittieħdu l-miżuri tekniċi kollha, is-sehem tal-ekosistemi tal-UE li jġarrbu l-ewtrofikazzjoni jonqos għal 59 % (u għal 49 % fiż-żoni tan-Natura 2000) sal-2030.

Illustrazzjoni 4: Ekosistemi fl-EU-27 li jaqbżu t-tagħbijiet kritiċi għall-ewtrofikazzjoni

Sors: IIASA (2025)

Nota: Il-linja mmarkata ta’ 25 % tindika l-mira ta’ tniġġis żero.

Il-mudell GAINS intuża biex jiġi stmat sett kosteffettiv ta’ miżuri meħtieġa biex tintlaħaq il-mira ta’ tnaqqis ta’ 25 % fil-livell tal-UE (ix-xenarju “ZPAP” fl-Illustrazzjoni 4). Dan jista’ jinkiseb billi jittieħdu miżuri addizzjonali biex jiġu limitati l-emissjonijiet tal-ammonijaka fl-Istati Membri kollha (l-ammonijaka hija s-sustanza niġġiesa tal-arja bl-akbar impatt fuq l-ekosistemi). Miżuri bħal dawn jindirizzaw l-emissjonijiet mid-demel tal-bhejjem tal-ifrat (b’mod partikolari, it-tixrid tad-demel fl-għelieqi), segwiti minn miżuri biex jitnaqqsu l-emissjonijiet mill-użu ta’ fertilizzanti minerali u mit-trobbija tal-ħnieżer u tat-tjur.

B’kollox, dawn il-miżuri jnaqqsu l-emissjonijiet tal-ammonijaka fil-livell tal-EU-27 b’14 % fl-2030 meta mqabbla max-xenarju bażi, filwaqt li jilħqu l-mira ta’ tniġġis żero fir-rigward tal-ewtrofikazzjoni. Barra minn hekk, l-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri żżid b’mod sinifikanti l-prospetti li jiġu ssodisfati l-impenji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-ammonijaka tad-Direttiva NEC, u inqas Stati Membri jonqsu milli jiksbu l-impenji fl-2030 (mill-21 sa 7).

Id-Direttiva NEC tirreferi għal dawn il-miżuri bħala miżuri obbligatorji jew volontarji 44 . Matul il-proċess tal-evalwazzjoni li għadha għaddejja tad-Direttiva NEC, il-Kummissjoni se tivvaluta jekk din il-lista ta’ miżuri u l-istatus obbligatorju jew volontarju tagħhom għadhomx adattati għall-iskop tagħhom. Se tqis ukoll is-sejbiet rilevanti mill-proċess li għadu għaddej biex jiġi rivedut id-dokument ta’ gwida tal-Konvenzjoni dwar l-Arja tal-UNECE dwar il-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-ammonijaka minn sorsi agrikoli 45 . Sadanittant, l-Istati Membri, b’mod partikolari l-pajjiżi li qed jiffaċċjaw sfidi biex jissodisfaw l-impenji attwali jew futuri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-ammonijaka, huma mħeġġa bil-qawwa biex iżidu l-azzjoni biex jimplimentaw il-miżuri ta’ mitigazzjoni billi:

–jadottaw leġiżlazzjoni nazzjonali sabiex ċerti prattiki agrikoli jsiru vinkolanti;

–jippromwovu dawn il-prattiki permezz ta’ kampanji ta’ komunikazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni, inkluż billi jingħataw pariri lill-farms skont il-politika agrikola komuni.

Dawn l-isforzi għandhom jiffurmaw parti minn approċċ integrat għan-nitroġenu, b’mod partikolari mill-agrikoltura, inklużi miżuri biex tiġi indirizzata l-ewtrofikazzjoni tal-ekosistemi akkwatiċi kkawżata mil-lissija tan-nitrati u l-iskular mill-għelieqi agrikoli u mit-tniġġis tar-riżorsi tal-ilma ħelu, inklużi l-ilmijiet ta’ taħt l-art. Il-Kummissjoni bħalissa qed tevalwa d-Direttiva dwar in-Nitrati u se tivvaluta l-ħtieġa ta’ passi ulterjuri fid-dawl ta’ din l-evalwazzjoni, li bħalissa hija ppjanata għall-pubblikazzjoni fit-tieni nofs tal-2025.

L-implimentazzjoni tar-Regolament dwar ir-Restawr tan-Natura 46 hija mistennija li tirriżulta fi sforzi addizzjonali biex jitnaqqsu l-pressjonijiet tat-tniġġis fuq l-ekosistemi, kif ukoll biex tiżdied ir-reżiljenza ġenerali tal-ekosistema. Ir-restawr tal-ekosistema urbana jista’ jipprovdi wkoll soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura għall-mitigazzjoni tal-impatti tat-tniġġis tal-arja urbana fuq is-saħħa tal-bniedem.

4.2.L-impatti ekonomiċi

L-impatti ekonomiċi tat-tniġġis tal-arja huma numerużi. Il-biċċa l-kbira tal-impatti mhumiex riflessi fil-prezzijiet tas-suq, b’mod partikolari l-effetti diretti tat-tniġġis fuq is-saħħa. Il-ħsara lill-ekosistemi (inklużi ż-żoni agrikoli u l-foresti) u lill-materjali mit-tniġġis tal-arja tiġġenera wkoll kostijiet. It-tniġġis tal-arja jiġġenera wkoll impatti indiretti, inklużi xi konsegwenzi makroekonomiċi li huma riflessi fil-prezzijiet tas-suq. Għalhekk, il-kostijiet tal-miżuri għat-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja għandhom jiġu ppeżati mal-benefiċċji li jintroduċu dawn il-miżuri fis-soċjetà, billi jiġi attribwit valur monetarju għal dawn il-benefiċċji 47 .

Fix-xenarju bażi, id-danni għas-saħħa kkawżati mit-tniġġis tal-arja huma stmati għal bejn EUR 290-950 biljun fis-sena sal-2030. Dawn huma stmati li jonqsu għal bejn EUR 191-745 biljun sal-2050 48 , hekk kif jonqos l-esponiment tal-popolazzjoni għat-tniġġis tal-arja. Meta jitqiesu biss l-impatti għall-esponiment għal livelli ta’ tniġġis tal-arja ogħla mil-linji gwida tad-WHO (2021), id-danni għas-saħħa huma stmati għal bejn EUR 105-347 biljun fis-sena sal-2030. Huwa stmat li dawn se jonqsu għal EUR 35-124 biljun sal-2050. Fix-xenarju bil-miżuri tekniċi kollha meħuda, id-danni għas-saħħa mill-esponiment għal-livelli ogħla mill-linji gwida tad-WHO huma pproġettati li jonqsu b’aktar minn terz meta mqabbla mal-linja bażi sal-2030.

Il-kost ekonomiku tad-danni għall-ekosistemi minħabba t-tniġġis tal-arja 49 jvarja minn EUR 3.7-11.0 biljun fl-2030. Dan huwa pproġettat li jonqos biss marġinalment għal EUR 3.3-9.9 biljun sal-2050, li jirrifletti l-uniku tnaqqis modest fiż-żoni ta’ Natura 2000 soġġetti għall-ewtrofikazzjoni skont il-linja bażi. Il-kost tad-danni għall-għelejjel u l-foresti huwa stmat għal EUR 13.0-18.0 biljun fl-2030 rispettivament skont il-linja bażi, u jonqos biss marġinalment jekk jiġu adottati l-miżuri tekniċi kollha. Ir-raġuni għal dan hija li, filwaqt li titqies biss l-azzjoni ta’ mitigazzjoni tal-UE, se jkun hemm titjib limitat fil-livelli tal-ożonu, li jirriżulta f’danni għall-agrikoltura u l-foresti (ara t-taqsima li jmiss). Il-kost ekonomiku tad-danni għall-materjali minħabba t-tniġġis tal-arja huwa stmat li jilħaq EUR 742 miljun fl-2030, qabel ma jonqos għal EUR 384 miljun fl-2050 skont ix-xenarju bażi.

Meta mqabbla mal-politiki attwali, ix-xenarji differenti huma pproġettati li jiġġeneraw livelli differenti ta’ benefiċċji mhux tas-suq u livelli differenti ta’ kostijiet addizzjonali għall-miżuri meħtieġa għat-tnaqqis tat-tniġġis. Fix-xenarji vvalutati hawnhekk, l-analiżi tal-benefiċċji għall-kostijiet tiżvela benefiċċji diretti netti (benefiċċji bil-kostijiet imnaqqsa) meta mqabbla max-xenarju bażi.

Il-miżuri biex jitnaqqas it-tniġġis tal-arja u l-effetti pożittivi tagħhom fuq il-kwalità tal-arja għandhom ukoll effetti makroekonomiċi 50  usa’ riflessi fis-suq. Il-miżuri għat-tnaqqis tat-tniġġis jiġġeneraw kemm kost għal xi setturi kif ukoll opportunità ta’ negozju għal oħrajn, filwaqt li l-kwalità tal-arja għandha impatti kemm fuq il-produttività tax-xogħol kif ukoll tal-għelejjel u għalhekk fuq l-ekonomija kollha kemm hi. Abbażi ta’ suppożizzjonijiet reċenti dwar l-effetti tal-produttività tax-xogħol 51 , ix-xenarji kollha li jwasslu għal arja aktar nadifa jżidu l-PDG tal-UE fl-2030 meta mqabbel max-xenarju bażi (l-istess jgħodd għall-2040 u l-2050, l-Illustrazzjoni 5).

Illustrazzjoni 5: L-effetti makroekonomiċi tas-suq tax-xenarji tal-politika dwar l-arja nadifa, f’bidla f’% fil-PDG tal-UE meta mqabbel max-xenarju bażi

Sors: IIASA (2025) abbażi tal-immudellar tal-JRC mas-suppożizzjonijiet tal-OECD (2019) dwar il-produttività tax-xogħol.

Din turi l-effetti ekonomiċi pożittivi prevalenti tal-miżuri għat-tnaqqis tat-tniġġis. L-effett nett huwa l-akbar fix-xenarju meta jittieħdu l-miżuri tekniċi kollha (+ 0,24 %), b’effetti aktar limitati fix-xenarji tal-2030 fejn jiġu ssodisfati l-impenji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet u l-miri ta’ tniġġis żero. Id-distribuzzjoni settorjali tal-effetti turi li s-settur tal-bhejjem biss jara tnaqqis żgħir (inqas minn 2 %) fil-produzzjoni meta mqabbel max-xenarju bażi.

5.Arja nadifa u azzjoni klimatika; kobenefiċċji tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan u tal-karbonju iswed

Id-Direttiva NEC tirrikonoxxi r-rabta bejn it-tniġġis tal-arja minn naħa u l-metan u l-karbonju iswed, żewġ sustanzi inkwinanti ta’ ħajja qasira, min-naħa l-oħra. L-Istati Membri jridu jirrapportaw l-emissjonijiet nazzjonali tal-karbonju iswed meta d-data tkun disponibbli; bħalissa l-Istati Membri kollha ħlief tnejn jagħmlu dan. Il-Kummissjoni qed teżamina l-emissjonijiet tal-metan fl-evalwazzjoni li għadha għaddejja tad-Direttiva NEC u qed tanalizza jekk id-deċiżjoni tal-koleġiżlaturi, fiż-żmien tal-adozzjoni tagħha, li ma jinkludux il-metan fost is-sustanzi niġġiesa tal-arja regolati xekklitx sinerġiji aktar b’saħħithom mal-klima u politiki oħra.

Il-metan huwa kemm sustanza inkwinanti qawwi kif ukoll prekursur għat-tniġġis tal-ożonu troposferiku. L-emissjonijiet antropoġeniċi tal-metan fl-UE jiġu prinċipalment mill-agrikoltura (56 %), mill-iskart (24 %) u mill-enerġija (16 %) 52 . Fl-2024, daħal fis-seħħ ir-Regolament tal-UE dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija 53 . Il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu jestendi għaż-żejt mhux maħdum, għall-gass naturali u għall-faħam. Ir-Regolament fih għadd ta’ miżuri li meħuda flimkien jikkontribwixxu għat-titjib tal-kejl u r-rapportar tal-emissjonijiet tal-metan fl-UE; it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan fl-UE permezz ta’ miżuri obbligatorji ta’ tnaqqis; iż-żieda fit-trasparenza dwar l-emissjonijiet tal-metan fl-UE u globalment; u l-inċentivar tas-sħab internazzjonali tal-UE biex ikejlu, jirrapportaw u jnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan tagħhom. Madankollu, is-sehem għoli tal-emissjonijiet tal-metan mill-agrikoltura għadu fil-biċċa l-kbira mhux indirizzat fl-UE. L-indirizzar tal-metan bħala prekursur għall-ożonu jgħin lill-Istati Membri jilħqu l-valuri fil-mira aktar stretti għall-ożonu skont id-Direttiva riveduta dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali 54 .

Il-karbonju iswed 55 , jew in-nugrufun, jifforma materja partikolata fina u jiġġenera impatti negattivi fuq is-saħħa u fuq l-ambjent. Huwa ffurmat mill-kombustjoni mhux kompluta tal-fjuwils fossili u tal-injam. Billi jassorbi d-dawl u s-sħana fl-arja, il-karbonju iswed jikkontribwixxi wkoll għat-tibdil fil-klima. Meta jiġi ddepożitat fuq is-silġ u l-borra, il-karbonju iswed inaqqas l-albedu tal-wiċċ 56 , u jikkontribwixxi għat-tisħin, b’mod partikolari fir-reġjuni tal-Artiku.

Għalhekk, it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan u tal-karbonju iswed jista’ jipproduċi benefiċċji, kemm f’termini ta’ arja nadifa kif ukoll f’termini ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, li jżid il-proporzjon bejn il-benefiċċji u l-kostijiet tal-miżura ta’ tnaqqis tagħhom. L-immudellar imwettaq għal dan ir-rapport juri li l-emissjonijiet bażi tal-karbonju iswed tal-UE huma mistennija li jonqsu b’mod sinifikanti (b’45 %) bejn l-2020 u l-2030, l-aktar minħabba l-introduzzjoni gradwali tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-apparati tat-tisħin domestiku u inqas użu tal-faħam f’dan is-settur. Kwart tat-tnaqqis miksub jiġi mis-settur tat-trasport, primarjament bħala riżultat ta’ standards tal-emissjonijiet Euro avvanzati għall-vetturi bil-mutur, li jeħtieġu l-installazzjoni ta’ filtri effiċjenti tal-partikoli. Jista’ jinkiseb tnaqqis saħansitra akbar (66 % taħt il-livell bażi tal-2020) jekk jittieħdu l-miżuri tekniċi kollha.

Bl-istess mod, skont ix-xenarju bażi ta’ dan ir-rapport, l-emissjonijiet tal-metan tal-UE huma pproġettati li jonqsu b’21 % bejn l-2020 u l-2030 u jilħqu tnaqqis ta’ 31 % sal-2040, xprunati minn azzjoni ulterjuri għad-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija u għat-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-ġestjoni tal-iskart.

Madankollu, peress li l-metan jiġi ttrasportat fuq skala emisferika, huwa essenzjali li l-azzjoni fil-livell tal-UE tiġi kkomplementata b’azzjoni globali. F’Novembru 2021, l-UE laqqgħet flimkien mal-Istati Uniti l-Wegħda Globali b’rabta mal-Metan 57 , li bniet momentum biex tiġi aċċellerata l-azzjoni. Din tressaq impenn volontarju sabiex sal-2030 jitnaqqsu l-emissjonijiet globali tal-metan b’mill-inqas 30 % mil-livelli tal-2020.

B’mod parallel, il-Konvenzjoni dwar l-Arja tal-UNECE hija forum biex jiġu esplorati sinerġiji bejn ir-regoli internazzjonali dwar l-arja nadifa u l-klima. B’mod partikolari, il-proċess biex jiġi rivedut il-Protokoll ta’ Gothenburg (ara t-taqsima li jmiss) fetaħ diskussjonijiet dwar ir-rwol tal-metan bħala prekursur tal-ożonu u għalhekk sustanza niġġiesa ta’ rilevanza għall-politiki dwar l-arja nadifa.

L-immudellar imwettaq hawnhekk jikkonferma li hemm potenzjal kbir, globalment, biex jitnaqqsu l-metan u prekursuri oħra tal-ożonu (NOx, NMVOCs u monossidu tal-karbonju). Azzjoni konġunta fil-livell globali tnaqqas il-konċentrazzjonijiet tal-ożonu fl-Ewropa, filwaqt li ġġib ħafna stadji addizzjonali f’konformità mal-mira tal-ożonu stabbilita fid-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali, f’livell ogħla milli kieku l-UE kellha tieħu azzjoni waħedha jew kieku kellha tittieħed azzjoni globali biex jitnaqqas biss il-metan, mhux il-prekursuri l-oħra. L-impatt ta’ mitigazzjoni addizzjonali huwa partikolarment evidenti fl-2040 58 .

6.It-tniġġis transkonfinali u l-azzjoni internazzjonali

It-tniġġis tal-arja fi kwalunkwe pajjiż partikolari jiġi minn sorsi multipli: l-emissjonijiet domestiċi, l-emissjonijiet iġġenerati fil-pajjiżi ġirien u s-sorsi naturali. Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, is-sorsi domestiċi huma s-sorsi ewlenin tat-tniġġis, u għalhekk il-prijorità hija li jitnaqqsu l-emissjonijiet domestiċi biex jitnaqqsu l-livelli fl-isfond tas-sustanzi niġġiesa tal-arja. Madankollu, l-analiżi tikkonferma li fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, sehem sinifikanti tal-konċentrazzjoni fl-isfond tal-PM2.5 huwa ġġenerat fi Stati Membri oħra 59 . Dan jirrifletti n-natura transkonfinali tat-tniġġis tal-arja, li tiġġustifika t-teħid ta’ azzjoni fil-livell tal-UE peress li t-tniġġis tal-arja ġġenerat fi Stat Membru wieħed jista’ jkollu impatti negattivi lil hinn mill-fruntieri nazzjonali 60 . Barra minn hekk, l-analiżi turi li sehem mill-konċentrazzjoni fl-isfond tas-sustanzi niġġiesa tal-arja jiġi wkoll minn pajjiżi mhux tal-UE, f’livelli li jvarjaw skont il-ġeografija tal-Istat Membru 61 . Maż-żmien u b’żieda fl-istrettezza tax-xenarji tal-UE għat-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja, is-sehem tat-tniġġis minn ġewwa l-UE huwa pproġettat li jonqos (minħabba azzjoni addizzjonali fl-UE), u dan iżid is-sehem relattiv ta’ sorsi mhux tal-UE (b’mod partikolari fejn pajjiżi mhux tal-UE ma jnaqqsux it-tniġġis tal-arja f’livell simili ta’ ambizzjoni). Dan jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tieħu azzjoni aktar b’saħħitha b’mod bilaterali (b’mod partikolari fil-kuntest tal-politiki tal-adeżjoni u tal-viċinat, iżda wkoll billi tibni sħubijiet internazzjonali aktar b’saħħithom) u f’fora multilaterali bħall-Konvenzjoni dwar l-Arja tal-UNECE.

L-obbligi tad-Direttiva NEC huma, fil-biċċa l-kbira, riflessi fil-livell internazzjonali permezz tal-Konvenzjoni dwar l-Arja tal-UNECE u l-Protokoll emendat tagħha ta’ Gothenburg. F’dawn l-aħħar snin, aktar pajjiżi rratifikaw dan il-Protokoll, iżda għad hemm ftit li xejn pajjiżi ġirien mhux tal-UE li rratifikawh. Fl-UE, żewġ Stati Membri 62 għadhom mhumiex Parti għalih iżda huma qrib li jiffinalizzaw il-proċess ta’ ratifika. F’Diċembru 2023, il-Partijiet iddeċidew li hija meħtieġa reviżjoni ulterjuri sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Protokoll billi tiżdied l-azzjoni biex jitnaqqas it-tniġġis tal-arja fl-Ewropa u fl-Amerika ta’ Fuq. Fir-reviżjoni tal-Protokoll ta’ Gothenburg, se tingħata prijorità lill-kunsiderazzjoni ta’ kif jistgħu jinkisbu aktar ratifiki minn pajjiżi li bħalissa mhumiex Parti għalih. L-immudellar li jirfed dan ir-rapport se jintuża wkoll bħala l-bażi għall-analiżi li saret fil-proċess ta’ reviżjoni, biex jiġu identifikati impenji possibbli għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għar-reġjun. Il-proċess ta’ reviżjoni huwa mistenni li jintemm sa Diċembru 2026, iżda l-grupp jaġġusta regolarment il-programm ta’ ħidma u d-data tat-tmiem proġettata. Kif innotat fit-taqsima preċedenti, il-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar l-Arja jkomplu jeżaminaw il-potenzjal għal sinerġiji bejn l-oqfsa internazzjonali dwar l-arja nadifa u l-klima, kif jistgħu jinkisbu aktar ratifiki fir-reġjun tal-UNECE, u kif il-Konvenzjoni dwar l-Arja tista’ tagħmel aktar biex tispira trattati internazzjonali simili. Ir-Riżoluzzjoni 6/10 tal-UNEA 63 “Il-promozzjoni tal-kooperazzjoni reġjonali dwar it-tniġġis tal-arja biex tittejjeb il-kwalità tal-arja globalment”, kif maqbul f’Marzu 2024, issegwi wkoll din l-ambizzjoni. Ir-Riżoluzzjoni rriżultat fil-ħolqien ta’ Pjattaforma ġdida għall-Iskambju tal-Ġestjoni tal-Arja 64 mill-Koalizzjoni għall-Klima u l-Arja Nadifa. L-għan ta’ din il-pjattaforma l-ġdida huwa li tiffaċilita l-iskambju reġjonali u subreġjonali ta’ informazzjoni u għarfien dwar l-aħjar prattiki u li tgħin biex jintlaħqu l-Linji Gwida dwar il-Kwalità tal-Arja tad-WHO u l-miri interim.

7.Konklużjoni

Ir-Raba’ Perspettiva dwar l-Arja Nadifa tikkonferma li emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa tal-arja fl-UE qed ikomplu jonqsu. Din hija aħbar tajba għaċ-ċittadini tal-UE, għall-ekonomija u għas-soċjetà. Matul dawn l-aħħar 20 sena, l-UE kisbet tnaqqis sostanzjali fl-emissjonijiet tal-biċċa l-kbira tal-ħames sustanzi niġġiesa ewlenin regolati skont id-Direttiva NEC. L-ammonijaka tibqa’ eċċezzjoni, peress li l-emissjonijiet naqsu ferm inqas, u tmien Stati Membri għadhom ma ssodisfawx l-impenji tagħhom għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fl-2022. L-evalwazzjoni tad-Direttiva NEC li għadha għaddejja se titfa’ dawl fuq x’ħadem tajjeb fl-implimentazzjoni tad-Direttiva u x’inhuma l-isfidi, inkluż fl-issodisfar tal-impenji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet.

Il-perspettiva għall-emissjonijiet tal-ammonijaka għadha inkwetanti. Il-projezzjonijiet ippreżentati hawnhekk jindikaw li 21 Stat Membru jistgħu ma jilħqux l-impenji tagħhom (aktar ambizzjużi) għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-2030. Dawn l-Istati Membri jridu jieħdu azzjoni addizzjonali sinifikanti biex inaqqsu l-emissjonijiet tal-ammonijaka fis-sors billi jippromwovu prattiki agrikoli tajbin, inkluż bħala parti mill-implimentazzjoni tal-politika agrikola komuni mill-Istati Membri. Hija meħtieġa wkoll azzjoni addizzjonali biex jiġu limitati l-emissjonijiet tal-PM2.5, li għalihom tmien Stati Membri bħalissa huma pproġettati li ma jilħqux l-impenji tagħhom għat-tnaqqis sal-2030.

B’mod ġenerali, l-UE tinsab fit-triq it-tajba biex tilħaq il-mira relatata mas-saħħa tal-pjan ta’ azzjoni ta’ tniġġis żero. Madankollu, għadha mhix fit-triq it-tajba biex tilħaq il-mira relatata mal-ekosistema fl-2030. Dan jenfasizza l-ħtieġa li jsir aktar biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-ammonijaka. Kollox ma’ kollox, ir-riżultati minn din l-analiżi juru li, filwaqt li kollettivament l-UE u l-Istati Membri tagħha għamlu progress ċar, hija meħtieġa aktar azzjoni biex jitnaqqsu l-impatti negattivi tat-tniġġis tal-arja fuq is-saħħa u l-ambjent, f’konformità mal-ambizzjoni tal-UE ta’ tniġġis żero u f’sinerġija sħiħa mal-impenn il-ġdid tal-Kummissjoni li tikseb prosperità sostenibbli. Hija wkoll konformi mal-proċess biex jiġi rivedut il-Protokoll ta’ Gothenburg. L-applikazzjoni ta’ approċċ “Saħħa Waħda” biex jiġi indirizzat it-tniġġis tal-arja, li jirrikonoxxi li s-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u tal-ambjent huma interkonnessi, hija triq ’il quddiem promettenti biex tinkiseb arja aktar nadifa.

Sabiex it-tnaqqis mistenni ppreżentat hawnhekk jimmaterjalizza, huwa importanti li l-leġiżlazzjoni eżistenti tiġi implimentata bis-sħiħ u li jsir użu mill-appoġġ disponibbli għall-Istati Membri mill-Kummissjoni għal dan l-għan 65 . Dan jinkludi azzjoni mill-Istati Membri biex jissodisfaw l-istandards aktar ambizzjużi tal-kwalità tal-arja li għadhom kif ġew adottati skont id-Direttiva riveduta dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali. Azzjoni addizzjonali tkompli tnaqqas l-impatti tat-tniġġis tal-arja fuq is-saħħa u l-ekosistemi u tiġġenera kisbiet makroekonomiċi. Mira klimatika ambizzjuża għall-2040 mhux biss se tikkonsolida u ssaħħaħ l-ambizzjoni klimatika tal-UE iżda se tiġġenera wkoll kobenefiċċji ta’ arja nadifa kemm biex tittejjeb is-saħħa pubblika kif ukoll biex tingħata spinta lill-ekonomija 66 .



Anness: Differenzi metodoloġiċi mat-Tielet Perspettiva dwar l-Arja Nadifa

Aġġornamenti ewlenin mit-Tielet Perspettiva dwar l-Arja Nadifa

–Ix-xenarju bażi jirrifletti politiki tal-UE adottati u proposti aktar reċenti. B’mod partikolari, jibni fuq l-immudellar imwettaq għall-valutazzjoni tal-impatt li jakkumpanja l-Komunikazzjoni dwar il-mira klimatika għall-2040 (“xenarju S3”, li juri perkors biex jintlaħaq it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-għażla fil-mira ppreferuta f’dik il-valutazzjoni tal-impatt), b’mod partikolari fir-rigward tal-evoluzzjoni tas-sistema tal-enerġija tal-UE. Issa jintegra l-IED riveduta, filwaqt li s-CAO3 kienet ibbażata fuq il-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni, li kienet aktar ambizzjuża, b’mod partikolari fl-inklużjoni ta’ farms kbar tal-bhejjem tal-ifrat fl-attivitajiet regolati.

–Il-mudell GAINS intuża biex jiġu kkalkulati l-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa tal-arja kif ukoll il-konċentrazzjonijiet ta’ PM2.5 u NO2, skont l-istess approċċ u verżjoni tal-mudell użati għas-CAO3. Madankollu, il-konċentrazzjonijiet tal-ożonu ġew ikkalkulati bl-użu tal-mudell tal-EMEP 67 , li huwa differenti mis-CAO3 fejn dawn ġew ikkalkulati wkoll bl-użu tal-GAINS.

–Ix-xenarju bażi ġie aġġornat biex jirrifletti kemm jista’ jkun l-aħħar inventarji, projezzjonijiet u politiki u miżuri tal-emissjonijiet tal-Istati Membri billi jitqies il-kontribut riċevut mill-Istati Membri matul il-konsultazzjonijiet bażi.

–Ix-xenarju bażi issa jinkludi rappreżentazzjoni konsistenti tal-parti kondensabbli tal-emissjonijiet tal-materja partikolata, filwaqt li fis-CAO3 dan intuża biss għall-analiżi tas-sensittività.

–Intużat metodoloġija aġġornata biex jiġu vvalutati l-impatti fuq is-saħħa. Filwaqt li l-metodoloġija tibqa’ fil-biċċa l-kbira konformi mas-CAO3, l-impatti tal-morbidità għall-PM2.5 u l-NO2 huma stmati abbażi ta’ ħidma ġdida skont l-istudju tal-EMAPEC (“Estimating the Morbidity from Air Pollution and its Economic Consequences”) ikkoordinat mid-WHO 68 .

Deskrizzjoni aktar komprensiva tal-aġġornamenti li saru fil-qafas tal-immudellar hija disponibbli fl-IIASA (2025).

(1)     https://europa.eu/eurobarometer/surveys/detail/2660
(2)    Id-Direttiva (UE) 2024/2881 dwar il-kwalità tal-arja ambjentali u arja iktar nadifa għall-Ewropa.
(3)    Id-Direttiva (UE) 2016/2284 dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet nazzjonali ta’ ċerti sustanzi niġġiesa atmosferiċi.
(4)    Id-diossidi tal-kubrit (SO2), l-ossidi tan-nitroġenu (NOx), l-ammonijaka (NH3), il-komposti volatili organiċi mhux metaniċi (NMVOC, non-methane volatile organic compounds) u l-materja partikolata fina (PM2.5).
(5)    WHO (2021) WHO Global Air Quality Guidelines .
(6)      COM(2022) 673 final
(7)      Ir-Regolament (UE) 2024/1257 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ April 2024 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur u magni u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, fir-rigward tal-emissjonijiet u d-durabbiltà tal-batterija tagħhom (Euro 7).
(8)    Id-Direttiva (UE) 2024/1785 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ April 2024 li temenda d-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) u tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE dwar ir-rimi ta’ skart f’landfill.
(9)      COM(2024) 348 final.
(10)      COM (2024) 63 final, li tirfed il-valutazzjoni tal-impatt: SWD(2024) 63 final.
(11)     https://environment.ec.europa.eu/strategy/zero-pollution-action-plan/zero-pollution-targets_en
(12)    COM(2021) 400 final.
(13)    Skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva NEC. Aktar dettalji dwar l-evalwazzjoni inklużi l-mistoqsijiet dwar l-evalwazzjoni identifikati huma disponibbli fuq Semma’ leħnek kif ukoll fuq is- sit web dwar l-Arja tal-Kummissjoni .
(14)    L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (2024) Europe’s air quality status 2024.
(15)     Ir-rapport Nru 22/2018 tal-EEA.
(16)     https://www.eea.europa.eu/en/analysis/publications/harm-to-human-health-from-air-pollution-2024 . Din l-istima hija bbażata fuq il-monitoraġġ tal-konċentrazzjoni tat-tniġġis tal-arja u tinkludi biss imwiet prematuri attribwibbli għat-tniġġis tal-arja ogħla mil-livell tal-linji gwida dwar il-kwalità tal-arja tad-WHO, għall-kuntrarju ta’ stimi oħra fil-bqija ta’ dan ir-rapport mir-riżultati tal-immudellar fi Klimont et al., “Support to the development of the fourth Clean Air Outlook”, IIASA et al., 2025 [IIASA 2025], u li jirriflettu l-impatti kollha (inkluż taħt il-livell tal-linji gwida tad-WHO), biex tibqa’ konsistenti mal-analiżijiet preċedenti tal-Perspettiva dwar l-Arja Nadifa.
(17)     https://www.eea.europa.eu/en/analysis/publications/impacts-of-air-pollution-on-ecosystems-in-europe
(18)    L-inventarji tal-emissjonijiet huma rrapportati b’intervall latenti ta’ sentejn, li jfisser li l-kontrolli tal-konformità fil-konfront tal-obbligi tal-2020-29 saru għall-ewwel darba fl-2022.
(19)       https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/MT/inf_23_142
(20)       https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/inf_23_5380 .
(21)      L-eżiti tar-rieżami tal-inventarju tal-2024 huma miġbura fil-qosor fir- rapport ta’ rieżami orizzontali tal-2024 .
(22)     https://www.eea.europa.eu/publications/national-emission-reduction-commitments-directive-2024 ; dawn iċ-ċifri huma bbażati fuq id-data tal-Istati Membri kif ippreżentata, mingħajr ma jitqies ir-rieżami tal-Kummissjoni ta’ dawn il-preżentazzjonijiet.
(23)      Disponibbli fuq https://environment.ec.europa.eu/topics/air/reducing-emissions-air-pollutants/national-air-pollution-control-programmes-and-projections_en .
(24)      Tali aġġornament preċedenti jinkludi aġġornament tal-politiki u l-miżuri biex jiġi indirizzat it-tniġġis tal-arja.
(25)      COM(2024) 348 final.
(26)    COM(2022) 230.
(27)    Ix-xenarji fil-valutazzjoni tal-impatt dwar il-mira klimatika għall-2040 (SWD (2024) 63 final) jipproġettaw tnaqqis ta’ madwar 60-75 % għall-emissjonijiet ta’ SO2, NOx u PM2.5 matul l-2015–2040.
(28)      L-IED riveduta se twassal għal aktar enfasi fuq, u l-applikazzjoni tal-limitu t’isfel tal-meded tal-BAT-AEL. Bħala tali, l-IED riveduta x’aktarx se twassal għal tnaqqis lil hinn minn dak preżunt hawnhekk, madankollu, bħalissa mhuwiex possibbli li tiġi stmata l-firxa ta’ dak it-tnaqqis ulterjuri.
(29)    EE, EL, IT, FI.
(30)      Għal deskrizzjoni tax-xenarji kollha msemmija f’dan ir-rapport, ara t-taqsima 3 tal-IIASA (2025). Ir-riżultati kollha ppreżentati hawnhekk jirriżultaw mill-mudell GAINS ( https://gains.iiasa.ac.at/gains ).
(31)    Skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva NEC, il-livelli indikattivi tal-emissjonijiet tal-2025 huma kkalkulati permezz ta’ trajettorja ta’ tnaqqis lineari stabbilita bejn il-livelli tal-emissjonijiet stabbiliti mill-impenji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-2020 u l-livelli tal-emissjonijiet stabbiliti mill-impenji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-2030. Għalhekk, il-valutazzjoni ssir fil-konfront ta’ livell massimu ta’ emissjonijiet permess li huwa l-livell medju massimu permess li jirriżulta mill-impenji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-2020-29 u tal-2030.
(32)    BE, CY, EE, EL, IT, MT, AT, FI.
(33)    Xenarju massimu ta’ tnaqqis teknikament fattibbli, imsejjaħ “il-miżuri tekniċi kollha”.
(34)      Dan segwa l-introduzzjoni ta’ sett ta’ fatturi ta’ emissjoni inklużi emissjonijiet kondensabbli fil-Manwal tal-EEA/EMEP. Skont IIASA (2025), ħames Stati Membri ma jinkludux il-parti kondensabbli tal-emissjonijiet tal-PM mill-kombustjoni residenzjali ta’ fjuwil solidu fl-inventarji tagħhom (l-Awstrija, l-Estonja, il-Ġermanja, il-Litwanja u l-Lussemburgu). Il-mudell GAINS juża fatturi ta’ emissjoni tal-PM speċifiċi għall-pajjiż li jassumu li l-frazzjoni kondensabbli hija inkluża, anke għal dawn il-ħames pajjiżi. Din is-suppożizzjoni ġiet ikkomunikata lill-Istati Membri matul il-konsultazzjonijiet magħhom li l-IIASA organizza fil-bidu tal-2024.
(35)      Fit-Tielet Perspettiva dwar l-Arja Nadifa, l-emissjonijiet kondensabbli ġew inklużi b’mod konsistenti fl-analiżi tas-sensittività biss.
(36)      Dan jaħbi xi bidliet fil-marġni ta’ konformità, li jinbidel f’direzzjonijiet differenti fost l-Istati Membri. Dan jinkludi każijiet fejn l-inklużjoni ta’ fatturi ta’ emissjoni għolja ttejjeb il-marġni ta’ konformità.
(37)    L-Artikolu 4(3)(d) tad-Direttiva NEC.
(38)      Il-mira ta’ tnaqqis ta’ 25 % hija mistennija li tintlaħaq bejn l-2040 u l-2045.
(39)    L-impatti tat-tniġġis tal-arja fuq is-saħħa jestendu lil hinn mill-mortalità u jinkludu l-morbidità. L-impatti ġew analizzati u huma monetizzati sabiex jiġu vvalutati l-impatti ekonomiċi kif ukoll il-benefiċċji ta’ tnaqqis fit-tniġġis tal-arja (ara t-taqsima 4.2).
(40)    L-użu tal-istess approċċ metodoloġiku bħal fit-Tieni Perspettiva dwar l-Arja Nadifa, li kienet il-bażi għall-istabbiliment tal-miri ta’ tniġġis żero.
(41)      Din hija bidla pjuttost sinifikanti meta mqabbla mal-50 000 mewta stmata attribwibbli għall-esponiment għall-ożonu fit-Tielet Perspettiva dwar l-Arja Nadifa (CAO3, Third Clean Air Outlook). Dan huwa dovut għall-approċċ ta’ mmudellar aktar żviluppat u dettaljat meħud hawnhekk, kif spjegat fl-IIASA (2025).
(42)    L-istima tal-impatti fuq l-ekosistema ssegwi l-istess metodoloġija applikata fit-Tielet Perspettiva dwar l-Arja Nadifa, abbażi tal-istess bażi tad-data tat-tagħbija kritika kkompilata permezz taċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni għall-Effetti tal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Effetti skont il-Konvenzjoni dwar l-Arja tal-UNECE (ara IIASA, 2025).
(43)    Ivvalutata bħala ż-żona tal-ekosistemi fejn id-depożizzjoni tan-nitroġenu taqbeż it-tagħbijiet kritiċi.
(44)    L-Anness III, il-parti 2.
(45) Il-verżjoni tal-2014 tad-dokument hija disponibbli hawnhekk: https://unece.org/DAM/env/documents/2012/EB/ECE_EB.AIR_120_ENG.pdf filwaqt li verżjoni ġdida hija mistennija li tkun disponibbli fl-2025.
(46)      Ir-Regolament (UE) 2024/1991 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2024 dwar ir-restawr tan-natura u li jemenda r-Regolament (UE) 2022/869.
(47)    Għal deskrizzjoni tal-metodoloġija li tirfed ir-riżultati f’din it-taqsima, ara IIASA (2025).
(48)    Il-meded jirriflettu jekk il-mortalità hijiex ivvalutata bl-użu tal-valur ta’ sena ta’ ħajja jew il-valur tal-ħajja statistika; il-valuri huma espressi fis-sena, fi prezzijiet tal-2015. Ittieħed approċċ konservattiv li jeskludi l-impatti tal-NO2 fejn hemm il-potenzjal li l-effetti jingħaddu darbtejn fil-konfront tal-kwantifikazzjoni tal-effetti tal-PM2.5.
(49)    Dawk l-impatti huma stmati permezz tat-telf tas-servizzi tal-ekosistema biss fiż-żoni ta’ Natura 2000 minħabba l-ewtrofikazzjoni. Għalhekk jissottovalutaw it-telf totali fis-servizzi tal-ekosistema.
(50)      L-effetti ġew ikkalkulati miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea bl-użu tal-mudell JRC-GEM-E3 ( https://joint-research-centre.ec.europa.eu/gem-e3_en ). Għal aktar dettalji, ara t-taqsima 5.5 tal-IIASA (2025).
(51)    Dechezleprêtre, A., Rivers, N., & Stadler, B. The economic cost of air pollution: Evidence from Europe. Dokumenti ta’ Ħidma tad-Dipartiment tal-Ekonomija tal-OECD, 2019 [OECD, 2019].
(52)      Data mill-2022 ibbażata fuq Gassijiet serra taż-ŻEE – viżwal tad-data (inkluż is-settur tal-użu tal-art).
(53)      Ir-Regolament (UE) 2024/1787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/942.
(54)      Id-Direttiva riveduta żżomm il-valur fil-mira ta’ 120 μg/m3, iżda tnaqqas l-għadd ta’ jiem kalendarji li fihom dan il-valur jista’ jinqabeż għal 18-il jum (tnaqqis minn 25 jum) fuq medja ta’ tliet snin.
(55)      L-elementi minn din id-deskrizzjoni nkisbu mill- Koalizzjoni għall-Klima u l-Arja Nadifa .
(56)    Il-kapaċità li jirrifletti d-dawl tax-xemx.
(57)     https://www.globalmethanepledge.org/ . F’Jannar 2025, kien hemm aktar minn 150 pajjiż parteċipanti.
(58)      Hemm ambitu aktar limitat għal mitigazzjoni addizzjonali sal-2030, minħabba ż-żmien qasir li fadal biex jiġu implimentati l-miżuri ta’ mitigazzjoni.
(59)      Riżultati dettaljati dwar l-oriġini tal-konċentrazzjonijiet tal-PM2.5 fl-Istati Membri tal-UE huma disponibbli fl-IIASA (2025). Filwaqt li sustanzi niġġiesa tal-arja oħra huma trasportati wkoll bejn il-fruntieri, ir-rapport analizza l-PM2.5 f’aktar dettall minħabba li huwa responsabbli għall-ogħla impatti fuq is-saħħa.
(60)      L-effiċjenza tal-monitoraġġ transkonfinali tas-sustanzi niġġiesa tista’ tittejjeb b’mod konsiderevoli bl-użu tad-data u s-servizzi spazjali tal-UE, bħas-Servizz ta’ Monitoraġġ tal-Atmosfera ta’ Copernicus (CAMS, Copernicus Atmosphere Monitoring Service).
(61)    Stati Membri iżgħar u aktar iżolati jibbenefikaw l-aktar mit-tnaqqis fit-tniġġis f’pajjiżi ġirien mhux tal-UE, u minn emissjonijiet aktar baxxi mit-tbaħħir internazzjonali (speċjalment il-gżejjer).
(62)

     L-Italja u l-Polonja.

(63)       https://documents.un.org/doc/undoc/gen/k24/008/31/pdf/k2400831.pdf
(64)       https://aqmx.org/
(65) Inkluż permezz tal-appoġġ tal-UE, bħall-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku ( https://ec.europa.eu/info/funding-tenders/find-funding/eu-funding-programmes/technical-support-instrument/technical-support-instrument-tsi_en ) u inizjattivi ta’ riċerka u innovazzjoni ffinanzjati mill-UE relatati mal-prevenzjoni u r-rimedju tat-tniġġis tal-arja ( https://research-and-innovation.ec.europa.eu/document/c9d4c0b5-f85e-4599-986d-e6b2438229fc_en ).
(66)    Ara SWD (2024) 63 final, il-Parti 1, it-taqsima 6.3.
(67)      Il-mudell tat-trasport kimiku żviluppat u miżmum miċ-Ċentru ta’ Sintetizzar Meteoroloġiku-Punent (MSC-W tal-Programm Ewropew ta’ Monitoraġġ u ta’ Evalwazzjoni (EMEP), ara Simpson et al (2012) https://doi.org/10.5194/acp-12-7825-2012 għal deskrizzjoni ġenerali.
(68)       https://doi.org/10.1097/EE9.0000000000000314