Brussell, 28.2.2025

COM(2025) 61 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Evalwazzjoni interim tal-programm ta’ riċerka u taħriġ tal-Euratom tal-2021‑2025

{SWD(2025) 54 final} - {SWD(2025) 55 final}


1.Introduzzjoni

Dan ir-rapport jistabbilixxi r-riżultati tal-evalwazzjoni interim tal-programm ta’ riċerka u taħriġ tal-Euratom tal-2021‑2025 (“il-programm”) akkumpanjat mill-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni kif meħtieġ mir-Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-programm 1 . Dan il-programm huwa s-sors ewlieni ta’ finanzjament tal-UE għar-riċerka nukleari, b’baġit ta’ kważi EUR 1,4 biljun. Huwa jiffinanzja l-iżvilupp tal-enerġija mill-fużjoni u għandu l-għan li jżomm l-ogħla standards ta’ sikurezza, sigurtà u protezzjoni mir-radjazzjoni nukleari, kif ukoll il-ħiliet tal-Ewropa fil-qasam nukleari.

L-evalwazzjoni interim, imwettqa mill-Kummissjoni bl-għajnuna ta’ esperti indipendenti, tanalizza t-tfassil, l-implimentazzjoni u r-riżultati inizjali tal-programm. L-eżitu ta’ din l-evalwazzjoni, ipprovdut fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni mehmuż u miġbur fil-qosor f’dan ir-rapport, intuża biex titħejja u titfassal il-proposta tal-Kummissjoni għall-estensjoni tal-programm għall-2026-2027.

L-evalwazzjoni tivvaluta l-progress fil-kisba tal-objettivi tal-programm, l-użu effiċjenti tar-riżorsi, u r-rilevanza kontinwa, il-koerenza (fi ħdan il-programm u ma’ strumenti oħra) u l-valur miżjud tal-UE. Din tkopri l-perjodu mill-2021 sal-2024 u tivvaluta kemm l-azzjonijiet indiretti implimentati mid-Direttorat Ġenerali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (DĠ RTD) kif ukoll l-azzjonijiet diretti mwettqa miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC, Joint Research Centre).

2.Is-sitwazzjoni attwali

EUR 812-il miljun 

Kontribuzzjoni tal-UE f’għotjiet u premjijiet

54 

proġetti kollaborattivi mnedija

EUR 3,9

miljun

daqs medju tal-għotjiet (minbarra Sħubijiet)

982

Organizzazzjonijiet involuti fi proġetti ta’ riċerka u sħubijiet

95 %

tal-finanzjament imur għal proġetti ta’ riċerka, sħubijiet u premjijiet

4

Sħubijiet Ewropej kofinanzjati mnedija

550

persunal li jwettaq u jappoġġa r-riċerka nukleari

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea

Il-programm tnieda f’Mejju 2021 b’baġit totali ta’ EUR 1,38 biljun. Sa Diċembru 2024, 79 % tal-baġit kien ġie impenjat u 40 % tal-pagamenti kienu saru. Il-programm huwa implimentat b’ġestjoni diretta permezz ta’ azzjonijiet indiretti u diretti, li jammontaw għal 61,5 % u 38,5 % tal-baġit rispettivament.

Għall-azzjonijiet indiretti, ġew iffirmati 58 għotja għal proġetti, b’EUR 810 miljun f’kontribuzzjonijiet tal-Euratom, wara tliet sejħiet kompetittivi għal proposti u valutazzjonijiet ta’ proposti minn benefiċjarji msemmija. Barra minn hekk, il-Kummissjoni pprovdiet finanzjament ta’ EUR 2,6 miljun għal fellowships postdottorali taħt l-Azzjonijiet Maria Skłodowska-Curie (MSCAs, Maria Skłodowska Curie Actions) u għal premjijiet li jirrikonoxxu l-eċċellenza fir-riċerka dwar il-fissjoni u l-fużjoni.

Għall-azzjonijiet diretti, il-baġit tal-JRC (EUR 426 miljun għall-2021-2024) huwa mqassam fi tliet kategoriji ewlenin: persunal permanenti u mhux permanenti (li jammonta għal aktar minn 63 % tal-baġit), manutenzjoni tal-bini (29 %) u spejjeż operazzjonali għax-xogħol xjentifiku (8 %).

3.Ir-riżultati tal-evalwazzjoni

Il-programm irnexxielu jappoġġa r-riċerka pertinenti dwar is-sikurezza nukleari, is-sigurtà, is-salvagwardji, il-protezzjoni mir-radjazzjoni, il-ġestjoni tal-iskart u l-enerġija mill-fużjoni. Għadu kmieni wisq biex jinsiltu konklużjonijiet dwar l-impatt tal-programm – minħabba li proġett wieħed biss kien tlesta sal-2024 u 10 oħra se jitlestew fl-2025, minn 58 imnedija. Madankollu, l-eżiti disponibbli f’termini ta’ proġetti mnedija, il-kopertura u l-ewwel riżultati tagħhom, kif ukoll l-outputs tal-JRC, juru li l-azzjonijiet diretti u indiretti tal-programm implimentati matul l-aħħar 4 snin huma rilevanti biex jintlaħqu l-objettivi tiegħu. Il-programm ipproduċa riżultati f’termini ta’ pubblikazzjonijiet rieżaminati bejn il-pari (madwar 2 000) u l-għadd ta’ persuni li bbenefikaw minn taħriġ u aċċess għall-infrastruttura tar-riċerka (madwar 11 000).

Is-sħubijiet kofinanzjati tal-Euratom huma l-pedament tal-programm, li jammontaw għal 76 % tal-baġit għal azzjonijiet indiretti u li jinvolvu l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri (21 fil-ġestjoni tal-iskart, 23 fil-protezzjoni mir-radjazzjoni u 26 fil-fużjoni). Il-programm għamel użu wkoll minn finanzjament sostanzjali mill-benefiċjarji (45 % tal-kostijiet) permezz ta’ sħubijiet. Il-progress li sar mis-sħubijiet qed jattira aktar sħab minn pajjiżi mhux tal-UE; pereżempju, fl-iskart radjuattiv l-għadd ta’ sħab irdoppja.

Ir-riċerka dwar is-sikurezza ffinanzjata mill-Euratom mhijiex limitata għall-Istati Membri li jużaw l-enerġija nukleari; 21 Stat Membru huma involuti fi proġetti differenti f’dan il-qasam. Il-programm jinvolvi wkoll lill-pajjiżi tat-twessigħ ta’ Orizzont Ewropa (14 minn 15-il pajjiż), li jibbenefikaw minn 13 % tal-finanzjament tal-Euratom fir-riċerka dwar il-fissjoni (żieda minn 10 % fl-2014-2018). “Il-pajjiżi tat-twessigħ” issa jirrappreżentaw 24 % tal-parteċipanti fil-proġetti tal-Euratom (żieda minn 21 % fl-2014-2018).

Fl-aħħar nett, ir-rapportar juri li l-proġetti mnedija fl-2021 u fl-2022 laħqu 53 % tal-istadji importanti tagħhom. Id-data disponibbli fiż-żmien tal-kitba turi li qed isir progress fil-kisba tal-objettivi tal-programm kif spjegat fit-taqsimiet ta’ hawn taħt.

Sikurezza nukleari

Bejn l-2021 u l-2024, il-programm Euratom iffinanzja portafoll ta’ 34 proġett ta’ riċerka, kif ukoll l-attivitajiet ta’ riċerka tal-JRC, li jindirizzaw firxa wiesa’ ta’ sfidi ta’ sikurezza għas-sistemi nukleari attwali u futuri. L-azzjonijiet diretti jiffukaw ukoll fuq appoġġ politiku speċifiku li għandu l-għan li jsaħħaħ l-istandards tas-sikurezza nukleari fl-UE u barra minnha. Is-sikurezza tas-sistemi nukleari attwali tibqa’ prijorità, u kien hemm 11-il proġett f’dan il-qasam appoġġati minn għotjiet ta’ EUR 50 miljun. Dawn ġew ikkomplementati mir-riċerka tal-JRC dwar l-analiżi abbażi tad-disinn u dwar il-materjali u l-komponenti. Dan jindirizza prinċipalment il-kwistjonijiet ta’ sikurezza marbuta mal-operat fit-tul tal-impjanti tal-enerġija nukleari eżistenti, bħall-integrità strutturali, il-valutazzjoni mhux distruttiva tal-materjali, il-validazzjoni tal-mudell u s-simulazzjoni ta’ inċidenti serji. Riċerka bħal din hija aktar kruċjali minn qatt qabel, peress li l-età medja tal-impjanti tal-enerġija tal-UE hija ta’ 38 sena u għandhom rwol importanti fid-dekarbonizzazzjoni tas-settur tal-enerġija tal-UE u fis-sigurtà tal-provvista tal-enerġija. L-evalwazzjoni kkonkludiet li l-programm jeħtieġ li jappoġġa aktar riċerka dwar id-degradazzjoni u t-tiqdim tal-impjanti tal-enerġija nukleari eżistenti.

Il-programm indirizza l-interess dejjem jikber f’reatturi modulari żgħar (SMRs, small modular reactors) billi ffinanzja r-riċerka b’enfasi partikolari fuq il-karatteristiċi ta’ sikurezza u s-sistemi ta’ sikurezza passivi tagħhom. Ħames proġetti ta’ riċerka, kif ukoll riċerka fil-JRC, għandhom l-għan li jivverifikaw il-vantaġġi potenzjali tal-SMRs f’termini ta’ simplifikazzjoni tad-disinn u karatteristiċi ta’ sikurezza inerenti. Huma jindirizzaw ukoll sfidi ġodda fir-rigward tas-sikurezza, is-sigurtà u s-salvagwardji. Billi tappoġġa t-titjib fid-disinn, ir-riċerka ffinanzjata mill-Euratom tiffaċilita l-ħidma tal-Alleanza Industrijali Ewropea dwar l-SMRs. Barra minn hekk, għandha tgħin biex jiġi stabbilit approċċ konsistenti fost ir-regolaturi għar-rekwiżiti tas-sikurezza, li jtejjeb is-sikurezza madwar l-UE. L-evalwazzjoni kkonkludiet li, għat-tħejjija tal-każ ta’ sikurezza għall-SMRs, hija meħtieġa aktar ħidma fuq firxa wiesgħa ta’ data tar-riċerka kif ukoll il-verifika u l-validazzjoni tal-għodod ta’ simulazzjoni. Għandha ssir aktar enfasi wkoll fuq ir-rispons għall-ħtiġijiet tar-regolaturi f’dan il-qasam.

Fil-qasam taċ-ċiklu tal-fjuwil nukleari, l-appoġġ tal-Euratom jiffoka fuq l-iżvilupp tal-fjuwil għar-reatturi ddisinjati mir-Russja fl-Istati Membri tal-UE (u fl-Ukrajna), il-fjuwil li jittollera l-inċidenti u l-fjuwil għar-reatturi tar-riċerka. Disa’ proġetti appoġġati minn għotjiet ta’ EUR 45,6 miljun indirizzaw tliet kwistjonijiet ewlenin: (i) is-sigurtà tal-provvista; (ii) iż-żieda fil-prestazzjoni; u (iii) it-titjib tas-sikurezza f’kundizzjonijiet ta’ inċidenti. F’dan il-qasam, ir-riċerka sperimentali tal-JRC tikkontribwixxi b’mod partikolari għall-analiżi tal-imġiba tal-fjuwil. L-azzjonijiet ta’ hawn fuq huma kkomplementati minn Sħubija Ewropea kofinanzjata ġdida għall-materjali nukleari (CONNECT-NM) imnedija f’Ottubru 2024, li għandha l-għan li tagħti spinta lis-sikurezza, l-effiċjenza u l-ekonomija tal-enerġija nukleari billi ttejjeb il-prestazzjoni tal-materjali u timmonitorja u tbassar l-imġiba tal-materjali fl-operat.

Ġestjoni tal-iskart radjuattiv

Il-konklużjoni b’suċċess tal-Programm Konġunt Ewropew dwar il-ġestjoni tal-iskart radjuattiv (EURAD) u t-tnedija tas-suċċessur tiegħu, Sħubija Ewropea kofinanzjata (EURAD-2) juru li l-ipprogrammar konġunt u l-implimentazzjoni tar-riċerka dwar il-ġestjoni tal-iskart radjuattiv huma stabbiliti sew fl-UE. L-Istati Membri wrew impenn qawwi lejn l-EURAD-2, u hemm interess dejjem akbar minn pajjiżi mhux tal-UE. Is-sħubija hija għodda importanti għat-trasferiment tal-għarfien u l-esperjenza mill-Istati Membri li jinsabu fi stadju avvanzat f’termini ta’ għarfien espert u implimentazzjoni lil dawk li għadhom qed jibdew jiżviluppaw metodi ta’ ġestjoni u faċilitajiet ta’ rimi, li jgħinu biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti stabbiliti mid-Direttiva 2011/70/Euratom (id-Direttiva dwar l-Iskart Radjuattiv). L-evalwazzjoni ssottolinjat il-ħtieġa li s-sħubija tiġi adattata għas-sitwazzjoni li qed tinbidel b’faċilitajiet ġeoloġiċi aktar profondi approvati jew li qed jinbnew. F’konformità mal-parteċipazzjoni tiegħu fl-EURAD u l-EURAD-2, il-JRC jikkontribwixxi għall-karatterizzazzjoni tal-iskart fil-faċilitajiet tal-ittestjar speċjalizzati tiegħu, filwaqt li jipprovdi wkoll rieżamijiet esperti biex jappoġġa l-monitoraġġ mill-Kummissjoni tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Iskart Radjuattiv fl-Istati Membri. Flimkien ma’ proġetti li jappoġġaw id-dekummissjonar, il-programm iffinanzja firxa ta’ azzjonijiet li jkopru l-objettiv speċifiku tal-ġestjoni sikura tal-iskart radjuattiv.

Applikazzjonijiet u protezzjoni mir-radjazzjoni

Il-Kummissjoni nediet disa’ proġetti, li erbgħa minnhom kienu jinvolvu l-JRC, b’EUR 50 miljun f’għotjiet. Dawn ikopru l-oqsma kollha tal-applikazzjoni u l-protezzjoni mir-radjazzjoni stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (applikazzjonijiet tar-radjazzjoni jonizzanti li ma jaħdmux bil-qawwa elettrika, riskji minn dożi baxxi, tħejjija f’każ ta’ emerġenza, monitoraġġ ambjentali). PIANOFORTE, is-Sħubija Ewropea kofinanzjata għall-protezzjoni mir-radjazzjoni, għamlet progress tajjeb u involviet benefiċjarji mill-biċċa l-kbira tal-Istati Membri u minn pajjiżi mhux tal-UE. Għalhekk, dan juri potenzjal qawwi biex ikompli jkollu rwol ewlieni fir-riċerka dwar il-protezzjoni mir-radjazzjoni fl-Ewropa. Ir-rakkomandazzjonijiet mill-Kumitat Xjentifiku u Tekniku tal-Euratom (STC, Euratom Scientific and Technical Committee) jipproponu titjib għal din l-azzjoni fis-snin li ġejjin. Ir-riċerka tal-JRC, iffaċilitata minn infrastruttura Ewropea ddedikata u għarfien espert li ilu jeżisti, tagħti kontribut essenzjali għat-tħejjija f’każ ta’ emerġenza permezz ta’ attivitajiet ta’ monitoraġġ tar-radjuattività ambjentali. Din tikkontribwixxi wkoll għal applikazzjonijiet mhux tal-enerġija, b’mod partikolari fil-mediċina bl-iżvilupp ta’ isotopi radjuattivi ġodda għal terapija alfa mmirata.

Għadd sostanzjali ta’ proposti sottomessi għas-sejħiet juru potenzjal għal applikazzjonijiet innovattivi tar-radjazzjoni jonizzanti fil-mediċina, l-ekonomija ċirkolari, l-esplorazzjoni tal-ispazju profond u l-monitoraġġ ambjentali. Dan il-potenzjal jista’ jiġi realizzat aktar f’sinerġija ma’ Orizzont Ewropa, kif irrakkomandat mill-STC.

Is-sigurtà nukleari, is-salvagwardji u n-nonproliferazzjoni

Fid-dawl tal-bidliet ġeopolitiċi attwali, qed tingħata aktar attenzjoni lil kwistjonijiet ta’ nonproliferazzjoni u sigurtà fl-UE. Mill-2021 sal-2024, il-JRC ipprovda taħriġ biex jappoġġa l-infurzar tal-liġi, il-protezzjoni ċivili u d-dwana fil-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu ta’ materjal nukleari u biex isaħħaħ is-salvagwardji nukleari. Il-JRC jikkontribwixxi wkoll direttament għall-bini tal-kapaċità kontra t-theddid kimiku, bijoloġiku, radjoloġiku u nukleari (CBRN, chemical, biological, radiological and nuclear) 2 u jappoġġa proġetti relatati mas-sigurtà nukleari barra mill-UE. Ir-riċerka dwar l-azzjonijiet diretti tiffoka fuq l-iżvilupp u t-titjib ta’ tekniki u metodoloġiji analitiċi għas-salvagwardja tal-materjali nukleari. Din ir-riċerka tagħmel lill-JRC attur ewlieni fil-monitoraġġ u l-prevenzjoni tal-proliferazzjoni tal-materjali nukleari. Il-JRC iwettaq ukoll ammont sostanzjali ta’ riċerka dwar is-salvagwardji nukleari biex jappoġġa l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA, International Atomic Energy Agency ), bħala parti mill-programm ta’ appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea, u jipprovdi appoġġ politiku dwar is-salvagwardji.

Għarfien espert u kompetenza fil-qasam nukleari

L-azzjonijiet tal-programm jipprovdu appoġġ dirett lill-istudenti u lir-riċerkaturi u jġibu stabbiltà u prevedibbiltà għall-utenti tal-faċilitajiet tar-riċerka nukleari. L-azzjonijiet diretti u indiretti tal-Euratom jipprovdu taħriġ speċjalizzat u aċċess għall-infrastruttura tar-riċerka – kemm permezz tal-proġett OFFERR kif ukoll tal-programm ta’ Aċċess Miftuħ tal-JRC – u jappoġġaw il-mobbiltà u l-istudji tar-riċerkaturi fil-livell tal-MSc, tal-PhD u postdottorali. Sal-2024, aktar minn 3 000 persuna kienu bbenefikaw mit-taħriġ u kważi 1 000 student tal-PhD u studenti oħra kienu użaw appoġġ għall-mobbiltà. L-ewwel riżultati huma promettenti, u huwa mistenni li s-Sħubijiet Ewropej u l-JRC se jiksbu l-biċċa l-kbira tal-objettivi. L-Inizjattiva Ewropea għall-Ħiliet Nukleari, ippjanata għall-2025, għandha ġġib aktar gwida għall-azzjoni tal-Euratom u involviment aktar mill-qrib tal-industrija. Filwaqt li l-għadd ta’ fellowships postdottorali tal-MSCA mogħtija huwa baxx, dawn juru potenzjal eżistenti għal sinerġiji bejn l-Euratom u Orizzont Ewropa. Dan jista’ jiġi estiż fi strumenti oħra tal-MSCA, pereżempju networks tal-PhD, jekk il-finanzjament ikun disponibbli. L-evalwazzjoni ssottolinjat il-ħtieġa li tkompli tiġi żviluppata ekosistema tal-infrastruttura, inklużi l-Istati Membri u l-faċilitajiet tal-JRC, biex jiġu pprovduti mezzi prattiċi u sostenibbli ta’ aċċess għall-infrastruttura tar-riċerka għal proġetti u sħubijiet kollaborattivi.

Enerġija mill-fużjoni

Is-Sħubija Ewropea kkofinanzjata EUROfusion 3 għamlet progress tanġibbli mill-2021 sal-2024 fil-kampanji sperimentali u r-riċerka tagħha li jindirizzaw it-tmien missjonijiet tal-pjan direzzjonali għall-iżvilupp tal-enerġija mill-fużjoni. Diversi indikaturi juru li l-EUROfusion twettaq il-ksib tal-istadji importanti tar-riċerka stabbiliti fl-2021, tappoġġa l-mobbiltà u l-aċċess għall-faċilitajiet tar-riċerka u t-taħriġ ta’ ġenerazzjoni ġdida ta’ riċerkaturi u inġiniera. Minkejja dan, evalwazzjoni indipendenti qajmet dubji dwar l-adegwatezza tal-programm ta’ riċerka biex jilħaq l-għan ewlieni fit-tul tiegħu li jwassal l-elettriku mill-fużjoni. Dawn id-dubji huma kondiviżi mill-Kummissjoni.

L-istrateġija għar-riċerka dwar il-fużjoni fl-UE bħalissa hija stabbilita fil-pjan direzzjonali tal-EUROfusion, li ġie ppubblikat fl-2012 u aġġornat fl-2017. Dan il-pjan direzzjonali, ibbażat fuq l-iżvilupp u l-isfruttament sekwenzjali tal-faċilitajiet JET 4 , ITER 5 u DEMO 6 , huwa meqjus kumpless iżżejjed bi skeda ta’ żmien mhux realistika. It-tħassib ewlieni huwa li l-organizzazzjoni ITER bħalissa qed teżamina mill-ġdid il-linja bażi tal-proġett, li tista’ tirriżulta f’dewmien ta’ 10 snin għall-ewwel esperimenti u tħalli l-katina tal-provvista industrijali wieqfa. It-tieni tħassib huwa n-nuqqas ta’ enfasi fuq l-indirizzar tal-lakuni ewlenin kritiċi fit-teknoloġija abilitanti għall-iżvilupp ta’ reatturi tal-enerġija mill-fużjoni, bħal materjali reżistenti għar-radjazzjoni, breeding blankets u ċ-ċiklu tal-fjuwil tat-tritju, teknoloġiji tat-tisħin tal-plażma u sistemi ta’ kalamiti avvanzati għal konfinament imtejjeb fil-plażma. Dan it-tħassib huwa aggravat min-nuqqas ta’ faċilitajiet speċjalizzati għall-ittestjar u l-kwalifika ta’ komponenti f’ambjent rilevanti ta’ fużjoni. Tħassib ieħor huwa li l-kostijiet tal-ewwel impjant tal-enerġija mill-fużjoni għadhom ma ġewx ikkwantifikati u probabbilment huma għoljin ħafna. Għalkemm EUROfusion huwa sforz kollaborattiv impressjonanti mil-laboratorji Ewropej, ir-riskji u l-inċertezzi fil-missjonijiet rispettivi tagħhom ma ġewx ivvalutati jew kwantifikati bis-sħiħ. Għad fadal sfidi teknoloġiċi sinifikanti u bħalissa mhuwiex ċar kemm se jkunu meħtieġa żmien u riżorsi biex jissolvew il-kwistjonijiet.

Ix-xenarju tal-fużjoni qed jinbidel malajr, u qed isir aktar dinamiku bis-saħħa ta’ diversi inizjattivi privati fl-Ewropa u madwar id-dinja. Hemm riskju sinifikanti li l-EUROfusion, bħala sħubija pubblika-pubblika kofinanzjata, tista’ tonqos milli tinkludi b’mod sistematiku dawn l-iżviluppi dinamiċi. L-għarfien tal-UE dwar l-inġinerija tal-fużjoni u l-potenzjal industrijali, żviluppati matul għexieren ta’ snin b’investiment pubbliku sinifikanti, jistgħu jintilfu u jimxu lejn pajjiżi barra mill-UE b’xenarju ekonomiku u regolatorju aktar favorevoli.

Hemm kunsens dejjem jikber, notevolment maqbud f’avvenimenti 7 u f’konsultazzjoni pubblika organizzata mill-Kummissjoni fl-2024, li l-approċċ tal-Euratom illum għall-iżvilupp tal-fużjoni għandu jitbiegħed milli jara l-ITER u inizjattivi oħra b’mod sekwenzjali. Huwa meqjus li hemm ħtieġa urġenti li tiġi żviluppata strateġija tal-UE li tipprovdi l-kundizzjonijiet it-tajba u qafas xieraq biex jiġu indirizzati l-ostakli teknoloġiċi fit-triq lejn il-varar kummerċjali tal-enerġija mill-fużjoni.

Effiċjenza u simplifikazzjoni

L-evalwazzjoni interim turi effiċjenza ġenerali tajba fil-ġestjoni u l-implimentazzjoni tal-programm mill-Kummissjoni. Għall-azzjonijiet indiretti, in-nefqa amministrattiva hija ta’ 5,4 %, taħt il-limitu ta’ 6 % stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill. Minħabba t-tnaqqis fil-persunal ta’ 20 % li rriżulta mit-tnaqqis fil-baġit tal-programm, il-JRC implimenta miżuri ta’ effiċjenza fl-oqsma ta’ riċerka eżistenti. Dawn huma riflessi fi strateġija ġdida għall-attivitajiet nukleari u l-ġestjoni tal-infrastruttura tiegħu. Il-programm qed jimxi tajjeb fuq il-metriċi tal-prestazzjoni tiegħu. Iż-żmien medju għall-għotja huwa ta’ 230 jum, simili għal Orizzont Ewropa u titjib matul il-programm tal-2014-2020 (238 jum) u l-programm tal-2007-2013 (313 jum).

Sabiex tiġi ssimplifikata l-implimentazzjoni, il-programm jiddependi fuq ir-regoli u l-miżuri għal Orizzont Ewropa. L-introduzzjoni ta’ għażliet ta’ kostijiet issimplifikati taħt Orizzont Ewropa, b’mod partikolari l-kostijiet unitarji fakultattivi għall-persunal, iġġib aktar simplifikazzjoni u tgħin biex jitnaqqsu l-iżbalji. Il-kostijiet unitarji għall-persunal diġà jistgħu jintużaw għal għotjiet ġodda mis-sejħa tal-2023-2025. Miżuri oħra, bħal approċċ korporattiv uniku u aktar sempliċi għall-iċċarġjar tal-kostijiet tal-persunal u l-bidla tal-istrateġija ta’ kontroll ta’ Orizzont Ewropa lejn l-identifikazzjoni u l-indirizzar ta’ żoni ta’ riskju għoli, jistgħu jnaqqsu l-irregolaritajiet u jiffaċilitaw il-ħidma tal-benefiċjarji.

Ir-rilevanza u l-valur miżjud

Bl-aċċellerazzjoni tal-iżvilupp u l-espansjoni tal-użu tat-teknoloġiji nukleari madwar id-dinja, il-programm Euratom jipprovdi l-għarfien u s-soluzzjonijiet meħtieġa biex wieħed jibbenefika minn dawn l-avvanzi, u sabiex jiġi indirizzat it-tħassib tas-soċjetà dwar ir-riskji tar-radjazzjoni. L-evalwazzjonijiet tematiċi kkonfermaw ir-rilevanza tal-azzjonijiet attwali tal-Euratom fl-oqsma tagħhom. Madankollu, huma enfasizzaw ukoll il-ħtieġa li jiġi promoss titjib fl-organizzazzjoni u l-operat ta’ Sħubijiet Ewropej kofinanzjati biex jiġi żgurat li r-riċerka tibqa’ rilevanti u li tindirizza l-aktar sfidi urġenti. Skont l-evalwazzjonijiet, l-għarfien espert xjentifiku u tekniku tal-JRC lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, kif ukoll l-użu ta’ għodod u faċilitajiet speċjalizzati, jgħinu biex jissaħħaħ l-użu sikur u sigur tat-teknoloġiji nukleari.

Il-flessibbiltà baġitarja inkorporata u xi fondi tal-ITER li ma ntefqux u xi krediti ta’ pajjiżi mhux tal-UE mill-programm tal-2014-2020 ippermettew lill-programm attwali jindirizza sfidi ġodda, bħas-sigurtà tal-enerġija (fjuwil alternattiv għar-reatturi VVER 8 ) u l-awtonomija strateġika fil-materjali u d-data nukleari, u biex jappoġġa lir-riċerkaturi fl-Ukrajna. Filwaqt li r-Regolament tal-Kunsill jipprovdi flessibbiltà f’termini ta’ modi u strumenti ta’ implimentazzjoni, il-fattur ewlieni ta’ limitazzjoni llum huwa l-baġit żgħir, aggravat min-nuqqas ta’ introjtu ta’ partijiet terzi peress li s’issa ma ġie konkluż l-ebda ftehim ta’ assoċjazzjoni mal-Iżvizzera jew mar-Renju Unit. L-assoċjazzjoni tal-Ukrajna mal-programm Euratom għandha valur xjentifiku u politiku qawwi iżda ma għandha l-ebda impatt baġitarju sinifikanti. L-azzjonijiet diretti tal-JRC jipprovdu għodod li jistgħu jiġu attivati u ridirezzjonati malajr, bħall-għodda għad-dijanjożi u l-pronjożi ta’ perikli f’emerġenzi nukleari (DAPHNE), li ntużat fl-Ukrajna biex jiġu vvalutati r-riskji radjoloġiċi għall-impjanti tal-enerġija nukleari f’kundizzjonijiet ta’ żmien ta’ gwerra.

L-evalwazzjoni turi b’mod ċar il-valur miżjud tal-UE tal-programm, jiġifieri l-iżvilupp konġunt tal-għarfien dwar diversi applikazzjonijiet tar-radjazzjoni u t-tnaqqis tar-riskji. Konsultazzjonijiet pubbliċi sussegwenti juru li l-valur miżjud ewlieni għar-riċerkaturi jinkludi kondiviżjoni aħjar tal-għarfien u tal-aħjar prattiki bejn il-fruntieri, kollaborazzjoni u mobbiltà transfruntiera akbar, u tixrid usa’ tar-riżultati.

Il-koerenza u s-sinerġiji

Il-Kummissjoni għandha l-għan li żżid il-konsistenza bejn il-programm u programmi oħra tal-UE. Internament, id-DĠ RTD u l-JRC jaħdmu mill-qrib biex jikkoordinaw l-azzjonijiet indiretti u diretti, pereżempju, billi jabbozzaw b’mod konġunt il-programmi ta’ ħidma. Il-konsistenza mal-istrateġiji dwar il-fużjoni tal-ITER u tal-Istati Membri hija żgurata permezz ta’ koordinazzjoni bejn id-DĠ RTD u d-DĠ ENER, appoġġata mill-Grupp ta’ Esperti dwar il-Fużjoni 9 . Is-sħubijiet tal-programm jappoġġaw lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tad-Direttivi Euratom dwar l-Istandards Bażiċi tas-Sikurezza u dwar l-Iskart Radjuattiv u l-Ġestjoni tal-Fjuwil Użat. Il-JRC jipparteċipa f’47 % tal-konsorzji tal-proġetti ffinanzjati mill-għotjiet tal-Euratom, li jipprovdu għarfien espert u aċċess għal infrastruttura speċjalizzata tar-riċerka. Dan jiżgura sinerġiji mal-organizzazzjonijiet tar-riċerka u mal-akkademja fil-qasam nukleari kollu. Is-sinerġiji ma’ Orizzont Ewropa jinkludu fellowships postdottorali tal-MSCA għar-riċerkaturi nukleari ffinanzjati mill-Euratom. L-evalwazzjoni indikat li aktar sinerġiji, b’mod partikolari f’applikazzjonijiet mhux tal-enerġija tar-radjazzjoni jonizzanti, jistgħu jiġu sfruttati ħafna aħjar jekk il-baġit jiżdied u l-azzjonijiet konġunti ma’ Orizzont Ewropa jkunu aktar faċli biex jiġu implimentati.

4.Konklużjonijiet

L-azzjonijiet iffinanzjati mill-programm fuq 4 snin jgħinu lill-Istati Membri jaħdmu flimkien biex jiżviluppaw teknoloġiji nukleari, irrispettivament mill-għażla nazzjonali tagħhom dwar jekk jiġġenerawx jew jikkunsmawx l-enerġija nukleari. Dan jippermetti lill-Istati Membri jisfruttaw l-opportunitajiet offruti mit-teknoloġiji fl-interess ta’ kulħadd, filwaqt li jnaqqsu r-riskji assoċjati mar-radjazzjoni jonizzanti. L-azzjonijiet reċenti tal-Euratom jagħtu riżultati u jipprovdu qafas ta’ appoġġ għall-iżvilupp, il-kondiviżjoni u ż-żamma tal-għarfien espert u l-ħiliet fis-sikurezza u s-sigurtà nukleari, il-ġestjoni sikura tal-iskart radjuattiv u l-protezzjoni mir-radjazzjoni. Huma jqarrbu wkoll lill-UE lejn il-kisba tal-enerġija mill-fużjoni. Dan l-għarfien se jkun essenzjali għal dawk l-Istati Membri li jridu jsegwu l-enerġija nukleari bħala parti mit-taħlita tal-enerġija tagħhom (kemm jekk it-teknoloġija tkun domestika kif ukoll jekk importata), u għal dawk li jeħtieġu riassigurazzjoni li l-impjanti tal-enerġija nukleari fil-pajjiżi ġirien jissodisfaw l-ogħla standards ta’ sikurezza. Il-pubbliku għandu jibbenefika wkoll minn riċerka ffinanzjata mill-Euratom dwar applikazzjonijiet oħra ta’ radjazzjoni jonizzanti, b’mod partikolari fil-mediċina.

Id-deċiżjoni tal-Kunsill fl-2021 li jnaqqas il-baġit għall-programm b’20 % illimitat il-possibbiltajiet għall-finanzjament ta’ proposti ta’ riċerka eċċellenti. Dan fixkel ukoll l-isforzi tal-JRC biex jindirizza l-isfidi emerġenti bil-flessibbiltà u l-kapaċità meħtieġa fi żmien ta’ interess imġedded fit-teknoloġiji nukleari.

Din l-evalwazzjoni pprovdiet is-sejbiet importanti deskritti hawn taħt għall-proposta tal-Kummissjoni għall-estensjoni tal-Programm Euratom għall-2026-2027. Dawn jinkludu:

-Il-programm indirizza sfidi ġodda bħar-riċerka dwar fjuwil alternattiv għar-reatturi ddisinjati mir-Russja użati f’xi Stati Membri, aktar awtonomija strateġika fil-materjali u d-data nukleari, u appoġġ għar-riċerkaturi fl-Ukrajna. Ir-riżultati tas-sejħa għal applikazzjonijiet innovattivi tar-radjazzjoni jonizzanti juru interess kbir fil-mediċina, l-ekonomija ċirkolari, l-esplorazzjoni spazjali u l-monitoraġġ ambjentali, li jistgħu jiġu żviluppati aktar f’sinerġija ma’ Orizzont Ewropa. Dawn l-azzjonijiet ġodda attiraw parteċipanti ġodda. Madankollu, il-baġit limitat, flimkien mal-ħtieġa li jinżamm il-fokus tal-programm fuq l-attivitajiet ewlenin tas-sikurezza nukleari, l-iskart radjuattiv u l-protezzjoni mir-radjazzjoni, ifisser li se jkun hemm possibbiltajiet limitati ħafna biex dawn l-azzjonijiet ġodda jkomplu jiġu ffinanzjati fl-2026-2027.

-L-implimentazzjoni tal-programm tiddependi fuq ir-regoli u l-miżuri ta’ Orizzont Ewropa. Il-konsultazzjoni pubblika wriet li l-benefiċjarji tal-programm huma fil-biċċa l-kbira sodisfatti bl-istrumenti, il-prattiki u l-appoġġ attwali riċevuti mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni se tkompli tissimplifika fl-2026-2027 filwaqt li tiżgura l-kontinwità fl-applikazzjoni tar-regoli.

-L-evalwazzjoni kkonkludiet li ż-żamma tal-istess kamp ta’ applikazzjoni tal-programm u baġit għar-riċerka dwar il-fissjoni għall-2021-2025 tipprovdi kontinwità fir-riċerka għat-tħaddim sikur tal-impjanti tal-enerġija nukleari eżistenti fl-Ewropa u għall-valutazzjoni tas-sikurezza ta’ teknoloġiji ġodda tar-reatturi. Madankollu, il-finanzjament għall-proġetti ta’ riċerka f’dan il-qasam se jkun selettiv ħafna peress li l-biċċa l-kbira tal-baġit tal-fissjoni se jiġi assorbit minn sħubijiet kofinanzjati. Il-kamp ta’ applikazzjoni u l-livell ta’ finanzjament attwali lanqas mhu se jkunu biżżejjed jekk l-Ewropa trid: (i) tlaħħaq mal-kompetituri internazzjonali; (ii) tindirizza kwistjonijiet ewlenin għall-iżvilupp tal-SMRs, il-fjuwils avvanzati u ċ-ċikli tal-fjuwil; u (iii) iżżid b’mod sostanzjali l-ħiliet nukleari fl-UE.

-Il-programm għandu jkompli jipprovdi finanzjament fl-2026-2027 għas-Sħubijiet Ewropej kofinanzjati fir-riċerka dwar il-fissjoni: PIANOFORTE (protezzjoni mir-radjazzjoni), EURAD-2 (ġestjoni tal-iskart radjuattiv) u Connect-NM (materjali nukleari). Dawn is-sħubijiet huma r-riżultat ta’ sforzi fit-tul mill-komunità tar-riċerka, mill-partijiet ikkonċernati u mill-Istati Membri biex javvanzaw fuq aġenda komuni tar-riċerka u biex jindirizzaw l-isfidi ewlenin fl-oqsma kollha kkonċernati. Filwaqt li diġà sar progress xjentifiku, il-Kummissjoni se tinsisti biex ikomplu jittejbu l-organizzazzjoni u l-operat tas-sħubijiet biex tiżgura li r-riċerka ffinanzjata mill-programm Euratom tibqa’ rilevanti u li tindirizza l-aktar sfidi urġenti. Il-Kummissjoni se tagħti attenzjoni partikolari lis-sħubijiet sabiex tqis b’mod sistematiku l-perspettivi fit-tul ta’ firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati u Stati Membri.

-Ir-riżultati tar-riċerka dwar il-fużjoni ffinanzjata mill-Euratom huma impressjonanti, iżda mhumiex biżżejjed biex iġibu l-enerġija mill-fużjoni fis-suq fil-ħin biex jappoġġaw l-isforzi ta’ dekarbonizzazzjoni tal-UE u jagħtu spinta lill-kompetittività. L-enerġija mill-fużjoni ssir realtà biss jekk tkun ibbażata fuq suppożizzjonijiet preċiżi dwar il-kumplessità teknika u l-investiment realistiku fil-ktajjen tal-provvista industrijali. Il-programm irid jevolvi biex ineħħi l-ostakli teknoloġiċi li jeħtieġu fokus u investiment addizzjonali, jinvolvi aktar finanzjament privat u esperjenza tal-industrija u jżid il-kollaborazzjoni internazzjonali ma’ sħab affidabbli fejn hemm valur miżjud ċar għall-UE. Il-Kummissjoni diġà bdiet tħejji Sħubija Ewropea koprogrammata f’dan il-qasam li se tlaqqa’ flimkien partijiet interessati pubbliċi u privati. L-azzjonijiet tal-2026-2027 se jwittu t-triq għal din is-sħubija u għal azzjonijiet ta’ innovazzjoni supplimentari. Sħubija ġdida ta’ dan it-tip tfisser ukoll li jiġi meqjus mill-ġdid ir-rwol u l-attivitajiet tal-EUROfusion, li se jkollhom rwol ewlieni fl-iżvilupp tal-elementi fundamentali tax-xjenza tal-fużjoni. Aktar dettalji se jiġu pprovduti fil-Komunikazzjoni dwar l-istrateġija tal-UE dwar il-fużjoni, li qed titfassal bħalissa.

-Il-JRC għandu rwol partikolari fil-programm. L-erba’ siti nukleari tagħha pprovdew għarfien espert u faċilitajiet lil nofs il-proġetti ta’ riċerka tal-Euratom imnedija mill-2021. Huma jwettqu wkoll ir-riċerka rilevanti ħafna tagħhom stess, jipprovdu taħriġ u jipproduċu analiżijiet. Dan huwa ta’ benefiċċju għall-Istati Membri u jipprovdi appoġġ politiku lill-Kummissjoni dwar il-firxa sħiħa ta’ attivitajiet, mis-sikurezza nukleari sas-sigurtà u s-salvagwardji. L-evalwazzjoni enfasizzat l-isforzi biex tittejjeb l-effiċjenza ġenerali tal-JRC, bl-introduzzjoni ta’ mod ġdid ta’ ħidma bbażat fuq il-portafolli. Dan wassal għal integrazzjoni aħjar tal-attivitajiet xjentifiċi. Innotat ukoll l-implimentazzjoni ta’ strateġija nukleari ġdida biex tittejjeb il-ġestjoni tal-infrastruttura, ikun hemm kooperazzjoni aħjar mal-partijiet ikkonċernati u tissaħħaħ il-komunikazzjoni. Għall-2026-2027, il-JRC se jkompli jindirizza l-isfidi tar-riċerka tiegħu dwar is-sigurtà u s-sikurezza nukleari, it-tħejjija f’każ ta’ emerġenza u l-awtonomija strateġika tal-enerġija, u jikkontribwixxi għaż-żamma tal-għarfien espert nukleari fl-UE.

(1)      L-Artikolu 14(2) tar-Regolament tal-Kunsill (Euratom) 2021/765 tal-10 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi l-Programm ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għall-perijodu 2021-2025 li jikkumplimenta Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni u li jħassar ir-Regolament (Euratom) 2018/1563 (ĠU L 167I, 12.5.2021, p. 81).
(2)      Materjali u aġenti kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari li jistgħu potenzjalment jagħmlu ħsara lis-soċjetà permezz tar-rilaxx jew it-tixrid aċċidentali jew intenzjonat tagħhom.
(3)      Għotja tal-Euratom ta’ EUR 549 miljun (55 % tal-kostijiet totali). Għal aktar dettalji ara https://euro-fusion.org/ u https://cordis.europa.eu/project/id/101052200
(4)      Joint European Torus, https://euro-fusion.org/devices/jet/  
(5)       https://www.iter.org/
(6)       https://euro-fusion.org/programme/demo/  
(7)      Id-Diskussjoni Madwar Mejda ta’ Livell Għoli dwar it-Trawwim tal-Innovazzjoni għall-Enerġija mill-Fużjoni fl-Ewropa (l-14 ta’ Marzu 2024) u l-laqgħa tal-esperti “Pjan ta’ azzjoni tal-UE għall-enerġija mill-fużjoni” (it-23 ta’ April 2024)
(8)      Sensiela ta’ disinji ta’ reatturi tal-ilma taħt pressjoni oriġinarjament żviluppati fl-Unjoni Sovjetika, u issa fir-Russja. Jeżistu 20 reattur VVER iddisinjati mir-Russja fl-UE (il-Bulgarija, iċ-Ċekja, il-Finlandja, l-Ungerija u s-Slovakkja) u ħmistax fl-Ukrajna.
(9)      Il-grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni dwar ir-riċerka u l-iżvilupp tal-fużjoni, għal aktar dettalji ara https://ec.europa.eu/transparency/expert-groups-register/screen/expert-groups/consult?lang=mt&groupId=3929