IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Strasburgu, 11.2.2025
COM(2025) 46 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Il-perkors lejn il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss
1.INTRODUZZJONI: IL-BAĠIT TAL-UE FIL-QALBA TAL-PRIJORITAJIET TA’ POLITIKA TAL-UE
Il-baġit tal-UE huwa fil-qalba tal-azzjoni politika tal-Unjoni. Għal deċenju wara l-ieħor, huwa kellu sehem fit-titjib tal-kwalità tal-ħajja u l-għajxien taċ-ċittadini, il-bdiewa, ir-riċerkaturi, in-negozji u r-reġjuni madwar l-Ewropa u lil hinn minnha. Il-valur veru tiegħu deher fl-għajnuna li ngħatat biex jingħelbu l-kriżijiet tal-pandemija u dik tal-enerġija, u b’hekk ġew salvati miljuni ta’ impjiegi matul il-lockdowns, u saru investimenti fil-futur nadif u diġitali tagħna. Jekk nagħtu ħarsa lura, meta konna ffaċċjati minn waħda mill-aktar kriżijiet sinifikanti ta’ dawn l-aħħar snin, il-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi wiesa’ tagħha, l-UE wieġbet b’NextGenerationEU u bil-qafas finanzjarju pluriennali 2021-27. Dan witta t-triq għal irkupru ekonomiku malajr, filwaqt li għamel l-Ewropa aktar ekoloġika, aktar diġitali, u valida għall-futur. Hekk kif il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja qrib il-fruntieri Ewropej wasslet għall-ħtieġa ta’ azzjoni malajr, biex jingħata appoġġ lill-Ukrajna u jiġu indirizzati l-ispejjeż tal-enerġija li qed jiżdiedu, il-baġit tal-UE kompla juri l-effettività tiegħu.
L-iskala tal-isfidi ffaċċjati f’dawn l-aħħar snin kienet teħtieġ rispons proporzjonat u komuni tal-UE. Il-prijoritajiet politiċi emerġenti kienu appoġġati minn infiq imdaqqas, bin-nefqa ddedikata għar-riċerka, il-migrazzjoni, id-difiża u l-azzjoni esterna tilħaq l-ogħla livelli meta mqabbla mal-baġits pluriennali preċedenti. Għall-ewwel darba, ġie pprovdut finanzjament fuq skala kbira għar-riformi biswit l-investimenti – li kompla jżid l-impatt tan-NextGenerationEU. Bl-istess mod, ingħatat l-akbar importanza lill-istat tad-dritt, permezz tar-reġim ġenerali ta’ kundizzjonalità li jipproteġi l-fondi tal-UE minn ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri.
Madankollu, hekk kif tfaċċaw ħtiġijiet u emerġenzi ġodda u hekk kif żdiedu s-sejħiet għal azzjoni fil-livell tal-UE, il-baġit tal-UE ġie estiż sal-limiti tiegħu, u dan wassal għall-ħtieġa ta’ reviżjoni ta’ nofs it-terminu fl-2024. Appoġġ b’saħħtu u prevedibbli għall-Ukrajna, it-tisħiħ tal-programmi tal-migrazzjoni u tal-ġestjoni tal-fruntieri, l-appoġġ għas-sħab ġirien tal-UE u l-pajjiżi tat-tkabbir kienu ħtiġijiet ġeopolitiċi; it-teknoloġiji kritiċi kienu jeħtieġu aktar appoġġ. Ir-rati tal-imgħax volatili u ż-żieda fl-ispejjeż ta’ finanzjament kienu jeħtieġu soluzzjonijiet ad hoc u flessibbiltajiet akbar. L-ewwel reviżjoni li qatt saret tal-limiti massimi tan-nefqa tal-qafas finanzjarju pluriennali ġabet magħha riallokazzjonijiet sostanzjali u l-ħolqien ta’ strumenti speċjali ġodda.
Iż-żieda fl-aspettattivi għall-azzjoni tal-UE tirrifletti l-ħtieġa li l-baġit tal-UE jiġi kkunsidrat mill-ġdid. L-objettiv ta’ Ewropa ħielsa, demokratika, qawwija, sigura, prospera u kompetittiva deskritt fil-linji gwida politiċi tal-Kummissjoni l-ġdida u fl-Aġenda Strateġika tal-Kunsill Ewropew għall-2024-2029 jeħtieġ li jintlaħaq f’kuntest ġeopolitiku li joffri sfidi kbar. Dan se jirrikjedi baġit tal-UE riformat u msaħħaħ. Barra minn hekk, fl-2028 se jibda l-ħlas lura tas-self tan-NextGenerationEU, li kellu rwol kruċjali għar-rispons fiskali unifikat għall-kriżi. Tali ħlas lura se jżid mal-ħtiġijiet finanzjarji tal-qafas finanzjarju li jmiss.
Jeħtieġ li l-Ewropa taħdem f’sitwazzjoni paradossali: ma jistax ikun hemm baġit tal-UE adattat għall-ambizzjonijiet tagħna u b’mod partikolari li jiżgura r-rimborż ta’ NextGenerationEU, u, fl-istess ħin, kontribuzzjonijiet finanzjarji nazzjonali stabbli mingħajr ma jiġu introdotti riżorsi proprji ġodda. Jeħtieġ li jsiru l-għażliet.
Din il-Komunikazzjoni tiddeskrivi xi wħud mill-isfidi politiċi u baġitarji ewlenin għall-qafas finanzjarju li jmiss, biex jitnieda djalogu wiesa’ biex jgħin fit-tħejjija tal-proposta għall-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss.
2. SFIDI TA’ POLITIKA GĦALL-QAFAS FINANZJARJU PLURIENNALI LI JMISS
Il-baġit futur tal-UE għandu jiffoka fuq sfidi komuni fejn l-infiq fil-livell Ewropew jikseb l-ogħla valur miżjud. Ftehim wiesa’ dwar “x’għandu jiġi ffinanzjat” – jiġifieri, dwar il-ħtiġijiet ta’ investiment għas-snin li ġejjin – huwa prerekwiżit fundamentali biex jintlaħaq qbil dwar “kif” għandu jsir il-finanzjament – billi jiġu mobilizzati l-investimenti privati, permezz tal-baġits nazzjonali jew permezz tal-baġit komuni tagħna tal-UE, u liema għodod għandhom jintużaw f’dan tal-aħħar.
Il-kompetittività Ewropea hija mxekkla mill-ostakoli li fadal fi ħdan is-suq uniku, minn kompetizzjoni internazzjonali inġusta, prezzijiet għoljin tal-enerġija, nuqqas ta’ ħiliet u ta’ ħaddiema u minn diffikultajiet għan-negozji biex jaċċessaw il-kapital li jeħtieġu. L-ekonomija Ewropea għandha vantaġġi importanti – ekonomija miftuħa, kompetizzjoni tas-suq qawwija, mudell ta’ benesseri b’saħħtu b’livelli baxxi ta’ inugwaljanza kif ukoll standards għoljin ta’ governanza, saħħa, edukazzjoni u protezzjoni ambjentali, kif ukoll rikkezza kulturali unika. Madankollu, bdew jidhru b’mod ċar xi dgħufijiet. L-infiq pubbliku fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni fl-Ewropa huwa limitat – peress li sehem wieħed biss minn kull għaxra jseħħ fil-livell Ewropew, u huwa mifrux fost ħafna oqsma – u mhuwiex iffukat biżżejjed fuq l-innovazzjoni rivoluzzjonarja. Fl-2023, in-nefqa għar-riċerka u l-iżvilupp fl-UE kienet ta’ EUR 381 biljun, jew 2.22 % tal-PDG tal-UE, li ma tilħaqx il-mira ta’ 3 %. Bl-istess mod, il-kumpaniji tal-UE nefqu madwar EUR 270 biljun inqas fir-riċerka u l-iżvilupp mill-kontropartijiet tagħhom tal-Istati Uniti fl-2021. L-istruttura industrijali hija statika: ma ġiet stabbilita l-ebda kumpanija tal-UE b’kapitalizzazzjoni tas-suq ta’ aktar minn EUR 100 biljun f’dawn l-aħħar 50 sena, filwaqt li f’dan il-perjodu nħolqu s-sitt kumpaniji kollha tal-Istati Uniti b’valwazzjoni ta’ aktar minn EUR 1 triljun. Id-distakk persistenti fil-finanzjament privat għall-investiment tat-tkabbir fi stadju avvanzatifixkel il-kapaċità tal-kumpaniji tal-UE li jespandu. Madwar l-ekonomija kollha tal-Ewropa qed jidhru wkoll diskrepanzi fil-ħiliet, li ssir akbar hekk kif il-forza tax-xogħol qed tiċkien. B’mod ġenerali, il-kompetittività futura tal-Ewropa se tiddependi fuq il-kapaċità tagħna li nibdew era ġdida ta’ invenzjoni u inġenwità, filwaqt li npoġġu r-riċerka u l-innovazzjoni, ix-xjenza u t-teknoloġija, fiċ-ċentru tal-ekonomija tagħna.
L-UE qed tiffaċċja theddid għas-sigurtà li qed jiżdied fost tensjonijiet ġeopolitiċi li qed jikbru. Il-Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea sofriet wara għexieren ta’ snin ta’ nuqqas ta’ investiment: bejn l-1999 u l-2021, l-infiq kombinat għad-difiża tal-UE żdied bi 22 %, meta mqabbel ma’ 66 % fl-Istati Uniti, 289 % fir-Russja u 579 % fiċ-Ċina. L-Istati Membri li huma membri tan-NATO impenjaw ruħhom li jonfqu mill-inqas 2 % tal-PDG tagħhom fuq id-difiża, iżda mhux kollha laħqu dik il-mira, filwaqt li qed jiġi kkunsidrat li din il-mira togħla. Anki l-kollaborazzjoni hija limitata: L-Istati Membri fadlilhom sew biex jilħqu l-punt ta’ riferiment li stabbilew għalihom infushom aktar minn 15-il sena ilu li jinvestu 35 % flimkien fi proġetti kollaborattivi Ewropej. Il-frammentazzjoni minħabba l-fruntieri nazzjonali, b’kooperazzjoni limitata u d-duplikazzjonijiet assoċjati, tagħmel ħsara lill-kumpaniji tad-difiża Ewropej kompetittivi u toħloq dipendenzi strateġiċi. Stat ta’ tħejjija aktar qawwi fir-rigward tad-difiża, anki permezz ta’ assi spazjali, kif ukoll il-mobbiltà militari, huma meħtieġa kemm bħala deterrent kontra aggressjoni fil-futur kif ukoll biex l-Ukrajna tiġi appoġġata lejn il-kisba tal-paċi. Dan kollu jirrekjedi żieda fil-finanzjament u l-ottimizzazzjoni tiegħu għad-difiża madwar l-UE. Bħala parti minn Unjoni Ewropea tad-Difiża vera, l-Ewropa se jkollha tonfoq aktar, tonfoq aħjar, u tonfoq flimkien. Il-Kummissjoni se tippreżenta l-White Paper dwar il-Ġejjieni tad-Difiża Ewropea f’Marzu.
Il-gwerra, in-nuqqas ta’ sigurtà, il-faqar u n-nuqqas ta’ opportunitajiet jikkontribwixxu għall-ispostament fi ħdan il-Viċinat tan-Nofsinhar tal-UE lejn l-Ewropa u l-migrazzjoni irregolari minnu. L-Ewropa għamlet ħafna progress fl-istabbiliment ta’ approċċ magħqud għall-migrazzjoni, l-ażil u l-fruntieri, iżda l-migrazzjoni se tkompli tkun sfida u l-kisba tar-riżultati dwarha se tibqa’ prijorità għall-Ewropej. Il-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti u t-traffikar tal-bnedmin qed jissarrfu fi profitti ta’ natura kriminali. L-użu tal-migrazzjoni bħala arma fil-fruntieri tal-UE juri li issa jeżistu forom ġodda u ibridi ta’ theddid li jiżirgħu nuqqas ta’ qbil u nuqqas ta’ fiduċja fis-soċjetajiet Ewropej. Il-baġit fit-tul li jmiss għandu għalhekk jgħin biex jiġu indirizzati l-isfidi relatati mal-migrazzjoni, inkluża l-protezzjoni effettiva tal-fruntieri esterni tal-UE kif ukoll is-sħubijiet komprensivi mal-pajjiżi tal-oriġini u ta’ tranżitu. Għandu jkun jappoġġa wkoll lill-Istati Membri biex jiżguraw li jkollhom l-għarfien espert, il-kapaċità operattiva u finanzjarja li jkollhom bżonn għall-implimentazzjoni tal-Patt il-ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil.
Is-suċċess tas-suq uniku jiddependi wkoll fuq il-kapaċità tiegħu li jkun ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini u n-negozji Ewropej kollha. Filwaqt li d-disparitajiet reġjonali u territorjali tnaqqsu b’mod sostanzjali, inkluż permezz tal-politiki ta’ koeżjoni tal-UE, 29 % taċ-ċittadini tal-UE għadhom jgħixu f’reġjuni bi PDG per capita ta’ inqas minn 75 % tal-medja tal-UE u madwar 135 miljun persuna jgħixu f’postijiet li, f’dawn l-aħħar 20 sena, bil-mod il-mod waqgħu lura. L-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju jimpjegaw kważi żewġ terzi tal-forza tax-xogħol tal-UE u jirrappreżentaw ftit aktar minn nofs il-valur miżjud tagħha, iżda ħafna minnhom jiffaċċjaw ostakli fl-aċċess għas-Suq Uniku, inkluż minħabba proċeduri burokratiċi kumplessi, piżijiet amministrattivi għoljin, u nuqqas ta’ servizzi ta’ informazzjoni u appoġġ. Huwa meħtieġ li jiġi xprunat l-investiment biex jiġi żgurat l-iżvilupp ekonomiku madwar l-Ewropa, iżda huma meħtieġa wkoll riformi biex jitneħħew l-ostakli għall-iżvilupp reġjonali, eż. ostakli għall-investiment, ostakli regolatorji u dgħufijiet fis-suq tax-xogħol u fl-ambjent tan-negozju. Jeħtieġ li nerġgħu ngħaqqdu s-soċjetà tagħna permezz tal-edukazzjoni u l-investiment fin-nies.Dawn l-isfidi jeħtieġ li jiġu indirizzati permezz ta’ politika ta’ koeżjoni u tkabbir imsaħħa u modernizzata, li taħdem fi sħubija mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali.
Is-sigurtà tal-ikel u l-ħarsien tan-natura jsostnu l-kwalità tal-ħajja tal-Ewropa iżda qed jiffaċċjaw diffikultajiet speċifiċi. Il-bdiewa, is-sajjieda u ż-żoni rurali qed jiġu affettwati dejjem aktar minn kompetizzjoni globali inġusta, minn prezzijiet ogħla tal-enerġija, nuqqas ta’ bdiewa u sajjieda żgħażagħ u diffikultajiet biex jaċċessaw il-kapital. Minkejja l-appoġġ sostanzjali mill-Politika Agrikola Komuni, l-introjtu agrikolu għal kull ħaddiem għadu volatili u ferm taħt il-paga medja fl-ekonomija tal-UE (60 % fl-2023). Fil-każ tas-sajd kostali fuq skala żgħira, il-paga medja fl-2021 kienet madwar nofs il-paga medja tal-ekonomija. Meta jitqies li fl-2020 6.5 % biss tal-bdiewa kellhom anqas minn 35 sena, l-agrikoltura tal-UE qed tixjieħ. Ikunu meħtieġa madwar EUR 62 biljun biex tingħalaq id-diskrepanza fl-investiment fis-settur agrikolu u jitwettqu t-tranżizzjonijiet diġitali, ekoloġiċi u tal-enerġija tiegħu. Barra minn hekk, it-tibdil fil-klima qed ifisser li s-sistema alimentari qed tiġi esposta għal riskji dejjem akbar. Filwaqt li tibni fuq ir-rakkomandazzjonijiet mid-Djalogu Strateġiku dwar il-Futur tal-Agrikoltura u l-Viżjoni għall-Agrikoltura u għall-Ikel li jmiss, Politika Agrikola Komuni li hija adatta għall-iskop tagħha trid tipprovdi appoġġ immirat lill-bdiewa li l-aktar jeħtiġuh, tippromwovi eżiti ambjentali u soċjali pożittivi permezz ta’ premjijiet u inċentivi għas-servizzi tal-ekosistema u tappoġġa l-kundizzjonijiet abilitanti xierqa għal żoni rurali b’saħħithom. Trid issir aktar sempliċi, immirata u ssib il-bilanċ it-tajjeb bejn l-inċentivi, l-investiment u r-regolamentazzjoni, u tiżgura li l-bdiewa jkollhom introjtu ġust u suffiċjenti.
Id-diżastri aktar frekwenti u drammatiċi relatati mal-klima għandhom impatt soċjali u ekonomiku qawwi.
L-ispiża medja tad-diżastri naturali rduppjat minn EUR 8 biljun fis-sena fis-snin 1980 għal EUR 16-il biljun fl-aħħar deċennju. Fl-2021 u l-2022, l-ispejjeż qabżu l-EUR 50 biljun kull sena u laħqu l-EUR 40 biljun fl-2023, l-aktar sena sħuna rreġistrata madwar id-dinja. Skont ir-Rapport ta’ Valutazzjoni tar-Riskju Klimatiku fl-Ewropa tal-2024, it-telf ekonomiku akkumulat jista’ jilħaq EUR 175 biljun (jiġifieri madwar 1.4 % tal-PDG tal-UE) f’xenarju ta’ tisħin ta’ 3°C. Barra minn hekk, fid-dawl ta’ dawn ir-riskji, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri rrakkomandat li l-finanzjament tal-UE għall-adattament għat-tibdil fil-klima jkun tali li jibqa’ validu għall-futur. Dan se jirrikjedi li tiżdied il-ħidma fuq ir-reżiljenza u t-tħejjija fejn jidħlu l-klima u l-ilma: filwaqt li nsegwu l-objettivi tagħna tal-Patt Ekoloġiku bħala parti mill-istrateġija tagħna ta’ tkabbir ekonomiku, se jkun meħtieġ li t-tħejjija għar-riskji klimatiċi li qed jikbru tibqa’ objettiv kumplessiv għall-azzjoni tal-UE, kemm internament kif ukoll esternament.
Ix-xenarju politiku u ekonomiku dinji joħloq sfidi kbar li qatt ma kien hawn bħalhom qabel. Il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna reġgħet ġabet il-gwerra lejn il-kontinent Ewropew. L-appoġġ finanzjarju, politiku u militari tal-Ewropa għall-Ukrajna jrid jiġi sostnut sakemm ikun hemm bżonn u huwa investiment fis-sigurtà Ewropea. Is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani qed toħloq instabbiltà madwar ir-reġjun kif ukoll qed twassal għal żieda fil-ħtiġijiet umanitarji. Kompetizzjoni inġusta dejjem tikber u pożizzjoni ekonomika u ġeopolitika aktar aggressiva dgħajfu s-sistema multilaterali globali li tirrifletti bidla mill-kooperazzjoni għall-kompetizzjoni u kunflitti li qed jiżdiedu. Inqas minn 20 % tal-miri tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli jinsabu f’qagħda li jistgħu jitwettqu fil-ħin, b’diskrepanza persistenti fl-investiment fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Il-ħtiġijiet umanitarji qed ikomplu jiżdiedu: fl-2024, huma meħtieġa EUR 45 biljun madwar id-dinja għall-assistenza umanitarja, aktar mid-doppju meta mqabbla mal-2019. Hija meħtieġa politika barranija Ewropea b’finanzjament aktar immirat u li jħalli impatt għas-sħab tagħna u allinjament aħjar mal-interessi strateġiċi tal-UE biex ikollna sħubijiet ta’ benefiċċju reċiproku.
It-tkabbir huwa imperattiv politiku u ġeostrateġiku. L-adeżjoni mal-UE dejjem se tkun proċess ibbażat fuq il-merti – u kull kandidat se jiġi vvalutat fuq il-progress li jagħmel biex jilħaq il-kriterji kollha. L-UE se jkollha bżonn iżżid l-appoġġ biex tħejji lill-pajjiżi kandidati, permezz ta’ investiment u riformi, għall-perspettiva tas-sħubija tagħhom. Il-PDG per capita tal-Balkani tal-Punent, l-Ukrajna, il-Moldova u l-Georgia għadu madwar jew inqas minn 50 % ta’ dak tal-UE, u l-pass biex tinkiseb il-konverġenza miexi bil-mod. L-Ukrajna se teħtieġ l-appoġġ tal-UE u tal-alleati tagħha biex tiflaħ għall-aggressjoni brutali tar-Russja u tegħleb il-konsegwenzi ekonomiċi tagħha. Unjoni akbar u aktar saħħitha tfisser vantaġġi soċjoekonomiċi, politiċi u ta’ sigurtà sinifikanti.
Għalhekk, l-iskala tal-isfidi li ġejjin titlob baġit ambizzjuż, kemm fid-daqs kif ukoll fit-tfassil.
3.“L-GĦAŻLA TAL-EWROPA” GĦAL BAĠIT AKTAR SEMPLIĊI, AKTAR IFFUKAT U LI JĦALLI AKTAR IMPATT
Baġit tal-UE aktar iffukat
L-implimentazzjoni li għaddejja tal-qafas finanzjarju attwali tipprovdi xi tagħlimiet dwar kif tista’ tiżdied l-aġilità tal-baġit tal-UE u kif jista’ jiġi allinjat aħjar mal-prijoritajiet u l-objettivi tagħna. Il-flessibbiltà hija kruċjali biex tiġi ggarantita l-kapaċità tal-baġit li jirreaġixxi għal realtà li qed tinbidel. Madankollu, dan ma jkunx possibbli jekk il-fondi tal-UE jkunu kważi kollha pre-programmati mill-bidu.Aktar minn 90 % tal-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027 u n-NextGenerationEU jiġu allokati minn qabel għal skopijiet, programmi jew pakketti nazzjonali speċifiċi. B’riżultat ta’ dan, il-ħtiġijiet u l-kriżijiet li qed jevolvu mill-2021 ġew indirizzati billi l-fondi eżistenti jingħataw skop ġdid u jiġu riallokati, fi proċeduri li xi drabi jkunu twal, kif ukoll billi jinħolqu fondi, programmi jew miżuri ad hoc ġodda, li jkomplu jikkomplikaw il-kwistjoni tat-tixrid tal-finanzjament tal-UE. Hija meħtieġa attenzjoni u simplifikazzjoni akbar mill-bidu biex jiġi massimizzat l-impatt tal-finanzjament tal-UE, fi żmien ta’ riflessjoni dwar il-qafas finanzjarju futur.
Ir-rispons tal-UE għall-konsegwenzi ekonomiċi tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna jipprovdi eżempju ta’ kif qafas li jallinja l-objettivi ta’ politika tagħna mal-prijoritajiet ta’ nfiq tagħna jsaħħaħ l-impatt tal-azzjoni komuni tal-UE. Meta l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna wasslet għal żieda qawwija fil-prezzijiet tal-enerġija, il-ħtieġa li tkompli titnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili u li jiġi aċċellerat l-użu tal-enerġija rinnovabbli żdiedet. Permezz tal-qafas tas-Semestru Ewropew, ġiet indirizzata rakkomandazzjoni ddedikata lill-Istati Membri kollha, li mbagħad setgħu jimplimentaw permezz ta’ kapitoli ġodda tar-REPowerEU fil-Pjanijiet għall-Irkupru u r-Reżiljenza, inkluż b’fondi addizzjonali tal-UE. Bis-saħħa tal-azzjoni konġunta tagħna seta’ jitnaqqas il-konsum tal-gass bi 18 % bejn Awwissu 2022 u Marzu 2024, setgħet tingħeleb id-dipendenza tagħna fuq il-fjuwils fossili Russi, seta’ jiġi żgurat aċċess għal enerġija affordabbli u setgħet tiżdied il-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli.
Huma meħtieġa aktar sforzi biex jinkiseb baġit tassew ibbażat fuq il-linji ta’ politika biex jiġu żgurati sinerġiji bejn il-politiki tagħna u l-azzjoni finanzjarja tal-Unjoni. Il-baġit tal-UE għadu wisq xprunat mill-istrutturi tal-programmi ta’ nfiq aktar milli mil-linji ta’ politika. B’riżultat ta’ dan, il-finanzjament tal-prijoritajiet ta’ politika attwali tal-UE spiss ikun mifrux fuq programmi li xi drabi jikkoinċidu. Hemm lok biex tissaħħaħ ir-rabta bejn il-koordinazzjoni ġenerali tal-politika u l-baġit tal-UE, permezz ta’ mekkaniżmu ġdid ta’ tmexxija li jorbot il-prijoritajiet tal-UE mal-baġit tal-UE. Fir-rigward tal-kompetittività, l-Għodda ta’ Koordinazzjoni tal-Kompetittività, flimkien ma’ Semestru Ewropew simplifikat iffukat fuq ir-riformi u l-investimenti fil-livell nazzjonali, se tifforma parti minn mekkaniżmu ta’ tmexxija koerenti u sempliċi biex jiġu informati d-deċiżjonijiet dwar l-investimenti u r-riformi fil-livell tal-UE u dak nazzjonali. B’mod aktar ġenerali, il-mod kif il-politiki tal-UE jinfurmaw u jappoġġaw il-prijoritajiet baġitarji jista’ jittejjeb, biex jiġi żgurat li l-baġit tal-UE jappoġġa l-beni pubbliċi Ewropej, b’mod partikolari l-proġetti transfruntiera.
Koerenza akbar fil-finanzjament tal-politiki interni u esterni hija kruċjali biex jiġu promossi aħjar l-interessi strateġiċi tal-Unjoni. Il-komplementarjetà mal-azzjoni esterna tal-Istati Membri teħtieġ koordinazzjoni biex jiġu massimizzati l-effettività u l-viżibbiltà tal-investiment u l-kooperazzjoni globali Ewropej. Għal din ir-raġuni, meta faqqgħet il-pandemija tal-COVID-19, ġie stabbilit “Tim Ewropa” biex jiġi żgurat rispons globali koordinat u komprensiv mill-UE, l-Istati Membri tagħha u l-istituzzjonijiet finanzjarji pubbliċi Ewropej. Minn dak iż-żmien ’l hawn, l-approċċ ta’ “Tim Ewropa” sar is-sinsla tal-finanzjament tal-UE għall-kooperazzjoni internazzjonali. L-inizjattiva Global Gateway issegwi dan l-approċċ, billi tgħaqqad il-forzi biex tidentifika interessi komuni u tmexxi mewġa ġdida ta’ investiment infrastrutturali madwar id-dinja. Fl-istess ħin, il-finanzjament tal-azzjoni esterna jkopri wkoll firxa wiesgħa ta’ oqsma b’interkonnessjonijiet sinifikanti fil-politika interna u esterna - mill-politika kummerċjali kumplessiva sal-materjali, l-enerġija, il-klima, il-migrazzjoni. Ir-rieżami tal-aħjar prattika u tal-aktar għodod effiċjenti, u ż-żieda fil-firxa tagħhom, ikun ta’ għajnuna biex jintlaħqu l-interessi ta’ sigurtà strateġiċi u ekonomiċi tal-UE u jissaħħu s-sħubijiet ta’ benefiċċju reċiproku, fil-viċinat tal-Ewropa u lil hinn minnu.
Baġit tal-UE aktar sempliċi
L-aċċess għall-finanzjament tal-UE huwa mxekkel mill-kumplessità eżistenti. Filwaqt li l-għadd ta’ programmi ta’ nefqa sa ċertu punt diġà tnaqqas fil-bidu tal-perjodu attwali, għad hemm aktar minn 50 programm ta’ nefqa fil-baġit u programmi oħra barra minnu
.Filwaqt li dan juri l-ambitu wiesa’ tal-finanzjament tal-UE, dan iżid ir-riskju ta’ trikkib u jnaqqas l-impatt u t-trasparenza filwaqt li possibbilment iħalli lakuni minħabba n-nuqqas ta’ approċċi ta’ finanzjament komprensivi u kkoordinati għal prijoritajiet trasversali bħall-kompetittività. Fl-UE, “id-dgħufijiet tul iċ-‘ċiklu tal-ħajja tal-innovazzjoni’ (...) ma jħallux li jitfaċċaw setturi u parteċipanti ġodda, [u] jibdew b’ostakli fil-perkors mill-innovazzjoni sal-kummerċjalizzazzjoni”. Dan jinkludi lakuni fl-appoġġ mill-baġit tal-UE, peress li ma jipprovdix finanzjament bla xkiel mir-riċerka għall-innovazzjoni permezz tal-iżvilupp u l-użu. Din il-frammentazzjoni, flimkien mal-kumplessità u r-riġiditajiet, hija ta’ piż fuq l-effettività tal-finanzjament tal-UE.
Il-benefiċjarji għandhom diffikultajiet biex jinnavigaw fil-multipliċità tar-regoli u l-kriterji, minkejja l-miżuri ta’ simplifikazzjoni introdotti fil-qafas finanzjarju attwali
. Meta jkun hemm regoli ta’ eliġibbiltà, proċessi ta’ applikazzjoni, rati ta’ kofinanzjament differenti, kif ukoll punti ta’ dħul multipli għal applikanti potenzjali, dan kollu jqiegħed f’riskju l-ħeffa u l-kwalità tal-implimentazzjoni u l-involviment tal-partijiet ikkonċernati. Dawn jistgħu jimminaw ukoll il-kisba tal-objettivi tal-UE, jekk ikunu inkonsistenti. Ir-rispons għal sejħa għal proposti għall-aċċess għall-fondi tal-UE jista’ jkun kumpless, u partikolarment ta’ piż għall-Intrapriżi Żgħar u ta’ Daqs Medju. Illum hemm aktar minn 30 għodda li jipprovdu assistenza teknika u opzjonijiet ta’ appoġġ, b’lok għas-simplifikazzjoni u l-eliminazzjoni tad-duplikazzjonijiet. Barra min hekk, aktar ma r-regoli jkunu kumplessi, aktar ikun għoli r-riskju ta’ żbalji fl-infiq. Punt ta’ dħul uniku veru għall-benefiċjarji għas-servizzi kollha ta’ finanzjament u konsulenza tal-UE fil-qafas finanzjarju li jmiss jista’ jiffaċilita l-aċċess għall-benefiċjarji.
Il-frammentazzjoni tax-xenarju finanzjarju tissarraf ukoll f’wisq dokumenti ta’ programmazzjoni, li jirrikjedu l-użu ta’ ħafna riżorsi mill-amministrazzjonijiet kollha involuti u jwasslu għal dewmien. Il-qafas finanzjarju attwali jinkludi aktar minn 10 fondi allokati minn qabel li jeħtieġu sforzi separati ta’ ppjanar u programmazzjoni. Dan joħloq piż amministrattiv kbir għall-awtoritajiet ta’ ġestjoni u għall-promoturi tal-proġetti fil-bidu ta’ kull perjodu finanzjarju u jwassal għal dewmien sostanzjali bejn it-tħejjija tal-qafas finanzjarju u l-implimentazzjoni fil-prattika. Dan kien il-każ ukoll fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027, fejn l-adozzjoni tard tal-leġiżlazzjoni settorjali u l-proċess twil biex jiġu adottati dokumenti ta’ programmazzjoni wasslu għal dewmien fl-implimentazzjoni. Pereżempju, il-programmi operattivi tal-fondi taħt il-politika ta’ Koeżjoni ma ġewx adottati qabel nofs l-2022.
Minħabba l-adozzjoni tard ta’ programmi operattivi u l-koeżistenza ta’ diversi fondi bħall-Fond għal Tranżazzjoni Ġusta u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, b’dan tal-aħħar li għandu qafas ta’ żmien strett, u l-fatt li l-awtoritajiet nazzjonali ffukaw l-ewwel fuq it-tlestija tal-implimentazzjoni tal-fondi skont il-qafas pluriennali 2014-2020 taħt ir-regola “n+3”, tħallsu anqas minn 7 % tal-allokazzjoni għall-2021-27, li minnhom aktar minn nofs huma finanzjament minn qabel.
L-ipprogrammar skont l-iffinanzjar tal-azzjoni esterna, b’mod partikolari għal NDICI - Ewropa Globali, ukoll dam sa 3 snin.
L-implimentazzjoni bil-mod ta’ xi programmi fil-prattika tirriżulta f’impenji pendenti ogħla jew “Reste à liquider” (Figura 1) u riskju ogħla ta’ diżimpenji, u tista’ tirriżulta f’ineffiċjenzi, peress li l-prijoritajiet ta’ politika jkunu ċċaqalqu meta jkun hemm dewmien sinifikanti ta’ diversi snin bejn l-istabbiliment tal-prijoritajiet, l-ipprogrammar u l-implimentazzjoni reali tal-investimenti.
Figura 1. Impenji pendenti tal-baġit tal-UE
Nota: EUR, prezzijiet kurrenti, aġġustati għall-eqreb biljun. Is-snin 2024-2027 jikkorrispondu għall-previżjoni tal-pagamenti fit-tul.
Baġit tal-UE b’impatt akbar
Il-baġit tal-UE jingrana l-kapaċità finanzjarja kumplessiva tal-Unjoni. L-arkitettura finanzjarja usa’ tal-programmi ta’ nfiq tal-UE tinkludi self, garanziji u strumenti finanzjarji appoġġati mill-baġit tal-UE, u timmobilizza l-kofinanzjament mill-Istati Membri u mill-benefiċjarji. Permezz ta’ InvestEU u l-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni, il-baġit tal-UE jneħħi r-riskji mill-proġetti innovattivi u jattira l-investimenti mis-settur privat. 95 % tal-promoturi tal-proġetti rrapportaw li l-proġetti tagħhom jew ma kienu jipproċedu xejn jew inkella ma kinux jipproċedu kif ippjanat kieku ma kienx għall-finanzjament ta’ InvestEU. Barra minn hekk, 58 % tal-promoturi tal-proġetti ħassew li l-finanzjament garantit ta’ InvestEU kellu impatt fuq finanzjaturi oħra jew fuq id-deċiżjonijiet tal-investituri li jimpenjaw ruħhom għall-proġett.
Madankollu, it-tħajjir ta’ investimenti privati għadu jippreżenta sfida fil-baġit attwali għat-tul. Hemm lok biex tiġi ottimizzata l-kapaċità ta’ assorbiment tar-riskju tal-baġit tal-UE biex jiġi massimizzat l-impatt tar-riżorsi pubbliċi. Pereżempju, huwa meħtieġ proviżjonament ogħla biex jiġu appoġġati setturi li jiffaċċjaw aktar diffikultajiet meta jiġu biex jaċċessaw il-finanzjament tas-suq, eż. setturi b’riskju għoli, jew setturi speċjalizzati bħall-bijodiversità jew prodotti soċjali. Dan jista’ jiġi kontrobilanċjat minn prodotti oħra ta’ proviżjonament aktar baxx. Il-kapaċità tal-baġit tal-UE li jimmobilizza l-investiment privat permezz ta’ strumenti ta’ kondiviżjoni tar-riskju hija mxekkla minn rieda limitata għar-riskju peress li s-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni jibqgħu ffukati l-aktar fuq investiment b’riskju relattivament baxx. Kien diffiċli li jiġu appoġġati proġetti relatati mad-difiża permezz ta’ InvestEU fil-baġit pluriennali attwali minħabba r-regoli interni tas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni. Barra minn hekk, il-fondi fil-baġit ta’ InvestEU ġew miżjuda b’mod sostanzjali min-NextGenerationEU. Minħabba l-iskadenzi aktar stretti tan-NextGenerationEU, l-approvazzjonijiet ġew antiċipati ħafna, u eżawrew id-disponibbiltajiet għal ħafna prodotti finanzjarji. B’riżultat ta’ dan, wara l-2025 se jieqfu l-approvazzjonijiet ġodda għal xi prodotti finanzjarji b’mod partikolari f’żoni ta’ riskju għoli
. L-użu ta’ sorsi ta’ finanzjament differenti mill-finanzjament bankarju għadu ma laħaqx il-potenzjal tiegħu: pereżempju, il-kapital ta’ riskju tal-UE huwa sottożviluppat, b’fondi li jiġbru biss 5 % tal-kapital ta’ riskju globali meta mqabbel ma’ 52 % fl-Istati Uniti. It-tlestija tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali se tkun kruċjali biex jiġu attirati l-investimenti privati. Fl-istess ħin, il-baġit tal-UE jista’ jikkomplementa u jimmobilizza l-investimenti privati u b’hekk jagħmilha aktar faċli għall-banek kummerċjali, l-investituri u l-kapital ta’ riskju biex jiffinanzjaw kumpaniji li qed jikbru malajr u jindirizzaw l-ostakli li jirrestrinġu l-ammont ta’ kapital Ewropew disponibbli għall-finanzjament tal-innovazzjoni. Jeħtieġ li l-UE tuża aħjar il-baġit tagħha biex tnaqqas ir-riskji u tirfed aktar finanzjar nazzjonali, privat u istituzzjonali.
Il-finanzjament tat-tranżizzjoni ekoloġika, diġitali u soċjali se jirrikjedi l-massimizzazzjoni tal-investiment pubbliku u l-ingranaġġ tal-kapital privat. L-investiment biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ dekarbonizzazzjoni tal-UE u biex jitneħħew l-ostakoli lejn l-Unjoni tal-Enerġija tagħna joffri l-opportunità biex l-Ewropa tbaxxi l-prezzijiet tal-enerġija, iżżid is-sigurtà tal-enerġija tagħha u tieħu post fuq quddiem fit-teknoloġiji nodfa. Biex jintlaħaq dan l-għan se jkun hemm bżonn ir-razzjonalizzazzjoni tal-finanzjament tal-UE għat-teknoloġiji nodfa, b’konċentrazzjoni fuq it-teknoloġiji fejn l-UE għandha vantaġġ u potenzjal qawwi għat-tkabbir. Barra minn hekk, l-appoġġ finanzjarju tal-UE bħalissa jeskludi l-ispejjeż operatorji, fejn id-diskrepanzi fil-kostijiet huma l-akbar. Il-frammentazzjoni tas-Suq Uniku u tal-opportunitajiet ta’ finanzjament ixxekkel il-possibbiltà li l-kumpaniji innovattivi jespandu, u dan huwa speċjalment il-każ fejn jidħlu l-kumpaniji teknoloġiċi ġodda u innovattivi. In-nuqqas li nikkapitalizzaw fuq ir-rivoluzzjoni diġitali huwa wieħed mill-fatturi li qed ifixklu l-kompetittività tagħna u se jirrikjedi investimenti sostanzjali biex jinżamm il-pass mal-kompetituri ewlenin tal-Ewropa: għalhekk, il-kisba ta’ skala suffiċjenti fil-proġetti strateġiċi ta’ appoġġ se tkun kruċjali biex timtela l-lakuna fl-innovazzjoni tal-Ewropa. F’dan ir-rigward, il-Fond Ewropew tal-Investiment jista’ jintervjeni biex ikompli jiffinanzja kumpaniji Ewropej b’potenzjal għoli u li qed jikbru malajr. B’mod ġenerali, hemm aktar lok biex tiżdied l-addizzjonalità tal-infiq tal-UE biex jiġi żgurat li l-baġit tal-UE jiffoka fuq investimenti li kieku ma kinux jimmaterjalizzaw.
Enfasi aktar qawwija fuq il-prestazzjoni għenet fl-allinjament tal-objettivi tal-politika tal-UE mal-infiq tal-UE. Xi programmi mxew lil hinn minn pagamenti bbażati fuq ir-rimborż tal-ispejjeż lejn mudelli ta’ twettiq li huma aktar iffukati fuq l-objettivi u r-riżultati li għandhom jinkisbu. Dan mhuwiex biss fil-każ tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza – programm fuq skala kbira fejn il-pagamenti jiddependu fuq l-ilħuq sodisfaċenti tal-objettivi predefiniti – iżda wkoll jgħodd għal programmi oħra bħall-Faċilità għall-Ukrajna u l-Faċilità għat-Tkabbir tal-Balkani tal-Punent. Intużaw mekkaniżmi oħra biex itejbu l-prestazzjoni tal-infiq tal-UE, bħall-finanzjament mhux marbut mal-ispejjeż,u l-ippjanar strateġiku. Pereżempju, inkisbet orjentazzjoni tal-prestazzjoni aktar qawwija fil-Politika Agrikola Komuni permezz ta’ Pjanijiet Strateġiċi nazzjonali mfassla madwar il-ħtiġijiet u l-kapaċitajiet nazzjonali, li jorbtu wkoll l-interventi kollha ma’ indikaturi li jippermettu l-valutazzjoni tal-progress tal-Istati Membri fl-ilħuq tal-objettivi tagħhom. Madankollu, dan għadu ma neħħiex il-kumplessità eċċessiva fil-livell tal-bdiewa individwali. Fir-rigward tal-koeżjoni, il-Kunsill issottolinja l-ħtieġa li ssir riflessjoni dwar kif il-politika ta’ koeżjoni tista’ ssir aktar ibbażata fuq il-prestazzjoni bil-ħsieb li tissaħħaħ l-effiċjenza tagħha, filwaqt li tibni fuq l-esperjenzi tagħha stess kif ukoll fuq it-tagħlimiet meħuda minn strumenti oħra tal-UE, u fuq il-punti b’saħħithom tagħha – il-ġestjoni kondiviża, il-governanza f’diversi livelli, l-approċċ ibbażat fuq il-post u l-prinċipju tas-sħubija. L-opinjonijiet tal-Pjattaforma Fit-for-Future dwar l-evalwazzjoni tal-fondi ta’ koeżjoni li jirriżultaw minn konsultazzjoni tan-network tal-Kumitat tar-Reġjuni ta’ ċentri reġjonali appellaw ukoll għal aktar enfasi fuq il-prestazzjoni.
Jeħtieġ li jkun hemm għaqda bejn enfasi aktar qawwija fuq il-prestazzjoni mas-simplifikazzjoni u r-responsabbiltà. L-approċċi bbażati fuq il-prestazzjoni għandhom karatteristiċi pożittivi importanti relatati mal-effiċjenza u l-ħeffa tal-implimentazzjoni. Fl-istess ħin, ħolqu spejjeż tad-dħul għall-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri, b’lok għal aktar simplifikazzjoni amministrattiva. Barra minn hekk, għandhom daqstantieħor jitqiesu fatturi importanti ta’ responsabbiltà u traċċabbiltà tal-fondi tal-UE. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri identifikat oqsma li għandhom lok għal titjib,.
Filwaqt li l-baġit tal-UE kkontribwixxa għall-promozzjoni ta’ prijoritajiet orizzontali bħall-azzjoni klimatika, il-bijodiversità, u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u għall-iżvilupp ta’ qafas ta’ prestazzjoni aktar b’saħħtu, hemm lok għal titjib. Minkejja l-progress li sar biex jiġu appoġġati l-prijoritajiet orizzontali, hemm lok biex tittejjeb il-konsistenza ta’ kif il-programmi jintegraw dawk il-prijoritajiet fit-tfassil tagħhom. Barra minn hekk, ir-Regolament Finanzjarju rivedut jirrikjedi li l-programmi tal-UE jqisu, kull fejn rilevanti u possibbli, il-Prinċipju “La tagħmilx ħsara Sinifikanti”, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg, u l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Il-qafas ta’ prestazzjoni tagħna huwa robust u jiżgura li l-programmi jkollhom indikaturi sinifikanti li jippermettu l-monitoraġġ tal-infiq tal-UE u tar-riżultati tiegħu. Madankollu, ir-regoli ta’ monitoraġġ u rapportar għadhom kumplessi, b’metodoloġiji u settijiet ta’ indikaturi differenti skont il-programmi.
Baġit tal-UE aktar flessibbli
Il-baġit tal-UE jeħtieġ li jibbilanċja l-prevedibbiltà għall-investimenti fit-tul u l-flessibbiltà biex jirrispondi għall-kriżijiet. Il-baġit tal-UE huwa differenti mill-baġits nazzjonali fis-sens li fil-biċċa l-kbira huwa baġit ta’ investiment soġġett għal ippjanar pluriennali. Fl-istess ħin, jeħtieġ ikun flessibbli biex iwieġeb għal ħtiġijiet mhux previsti (eż. kriżijiet ekonomiċi kbar jew diżastri naturali) jew biex jiffinanzja prijoritajiet ġodda f’konformità max-xenarju globali li jevolvi b’mod rapidu.
Ir-riġiditajiet inerenti tal-qafas finanzjarju pluriennali jeħtieġ li jiġu mtaffija. Storikament dan kien idur mal-livell ta’ ftit aktar minn 1 % tal-ING tal-UE, u bħalissa, flimkien ma’ NextGenerationEU – 1.7 % tal-ING tal-UE (Figura 2). In-nefqa hija msakkra għal perjodu ta’ seba’ (7) snin fil-qafas finanzjarju attwali, li jfisser dewmien twil bejn il-mument tat-tfassil tal-politika u l-implimentazzjoni tagħha. Barra minn hekk, in-nefqiet huma marbuta f’limiti globali annwali kif ukoll f’limiti għal kull qasam ewlieni ta’ attività (intestaturi u subintestaturi) li huma stabbiliti fil-bidu tal-perjodu u jillimitaw it-trasferiment tar-riżorsi. B’seba’ intestaturi u żewġ subintestaturi, il-qafas finanzjarju pluriennali attwali għandu l-ogħla numru ta’ intestaturi meta mqabbel mal-passat.
Figura 2. Il-baġit tal-UE bħala perċentwal tal-ING
Il-baġit attwali għandu wkoll xi flessibbiltajiet finanzjarji inkorporati, iżda dawn huma limitati fid-daqs u spiss ikunu riġidi fejn jidħol l-użu tagħhom. Strumenti speċjali lil hinn mil-limiti massimi tan-nefqa jistgħu jgħinu biex jiġu indirizzati ħtiġijiet mhux mistennija. Xi ftit programmi għandhom flessibbiltajiet jew riżervi integrati. Kollox ma’ kollox, il-flessibbiltajiet disponibbli ammontaw għal 3.65 % tal-limiti massimi globali fil-mument tal-adozzjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali. Sal-mument tar-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-qafas finanzjarju, il-flessibbiltajiet fil-baġit tal-UE kienu diġà eżawriti minħabba d-daqs tax-xokkijiet li kellhom jindirizzaw, l-ewwel u qabel kollox il-konsegwenzi tal-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna, iżda wkoll id-diżastri naturali fl-UE u lil hinn minnha: l-allokazzjoni annwali tal-Istrument ta’ Flessibbiltà u r-Riżerva ta’ Solidarjetà u Għajnuna ta’ Emerġenza kienet ġiet mobilizzata bis-sħiħ fl-2021-2022; kienu ġew allokati 79 % tar-riżerva għall-isfidi u l-prijoritajiet emerġenti u 75 % tal-marġnijiet mhux allokati għall-perjodu kollu. B’riżultat ta’ dan, l-Istrument ta’ Flessibbiltà u r-Riżerva ta’ Solidarjetà u Għajnuna ta’ Emerġenza kellhom jitqawwew, u nħolqu żewġ strumenti ġodda, l-Istrument EURI u r-Riżerva għall-Ukrajna, biex jirrispondu għal ħtiġijiet mhux previsti.
Fl-istess ħin, il-baġit tal-UE qed jintalab dejjem aktar biex iwieġeb għal ħtiġijiet mhux mistennija, peress li l-kriżijiet li qed tiffaċċja l-Ewropa saru akbar, aktar kumplessi u aktar frekwenti. Bis-saħħa tal-flessibbiltajiet inkorporati u r-riprogrammazzjoni tagħha, l-UE rnexxielha tipprovdi likwidità lill-Istati Membri fi kriżijiet reċenti ewlenin, iżda kienet teħtieġ soluzzjonijiet ad hoc. Il-politika ta’ koeżjoni, minħabba l-kapaċità tagħha li tuża mezzi sostanzjali fil-livell reġjonali u lokali, kienet mezz importanti għar-rispons tal-UE għall-pandemija tal-COVID-19. Imbagħad reġgħet intalbet twieġeb għall-konsegwenzi tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja fl-Ukrajna (bl-Azzjoni tal-Koeżjoni għar-Refuġjati fl-Ewropa – CARE u FAST-CARE, kif ukoll SAFE biex jiġu appoġġati l-SMEs u l-unitajiet domestiċi vulnerabbli li qed jiffaċċjaw spejjeż għoljin tal-enerġija). Meta l-għargħar infirex madwar l-Ewropa, b’żieda fl-intensità u fid-daqs, l-istrumenti attwali u l-istruttura attwali tal-koeżjoni ma kinux biżżejjed biex jindirizzaw dawn il-ħtiġijiet urġenti. Il-Kummissjoni għalhekk ipproponiet li tkompli temenda r-regoli eżistenti tal-politika ta’ koeżjoni b’RESTORE, biex tippermetti appoġġ aktar wiesa’ għall-isforzi ta’ rikostruzzjoni wara diżastri naturali. Filwaqt li dawn is-soluzzjonijiet ad hoc ikkontribwew għal rispons Ewropew b’saħħtu, kienu jirrekjedu ħafna żmien, u pprovdew rispons frammentat għal xokkijiet ripetuti, kbar u simetriċi, filwaqt li kienu ta’ piż fuq objettivi oħra taħt il-politika ta’ koeżjoni.
Baġit li jwettaq il-prijoritajiet tal-UE
Huma meħtieġa mekkaniżmi qawwija biex jiggarantixxu li l-fondi jwettqu l-prijoritajiet ta’ politika tal-UE. L-investimenti kollha appoġġati mill-baġit tal-UE, kemm jekk implimentati mill-Kummissjoni kif ukoll jekk flimkien mal-Istati Membri u r-reġjuni tagħhom, għandhom jikkontribwixxu għal dawn il-prijoritajiet maqbula b’mod komuni.
It-twettiq tal-prijoritajiet tal-UE jrid isir flimkien – mal-Istati Membri u r-reġjuni tagħhom li jsawru ħafna mill-investimenti tal-UE fil-prattika, u bil-baġit tal-UE li jappoġġa u jinċentiva l-azzjoni tagħhom. Enfasi akbar fuq il-prestazzjoni tappoġġa riżultati tanġibbli, billi tiżborża fondi meta l-objettivi miftiehma jkunu ntlaħqu b’mod li jidher. Dan, flimkien ma’ qafas komuni (eż. il-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti”, il-kundizzjonalità) jgħin biex jissaħħaħ it-twettiq konġunt tagħna tal-prijoritajiet tal-UE.
Barra minn hekk, ma għandu jintefaq lanqas euro wieħed għal attivitajiet fejn il-prinċipji tal-istat tad-dritt ma jkunux salvagwardjati jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE ma tkunx garantita. L-istat tad-dritt u l-governanza tajba huma prerekwiżiti biex jiġi żgurat li l-fondi jintużaw biss għall-iskop maħsub tagħhom. Bir-Regolament dwar il-Kondizzjonalità, l-Unjoni attrezzat lilha nnifisha bi strument effettiv biex tipproteġi l-baġit tal-UE kontra ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, flimkien mal-kundizzjoni abilitanti orizzontali skont il-Politika ta’ Koeżjoni, urew kif il-baġit tal-UE jista’ jippromwovi riformi li jsaħħu l-istat tad-dritt fl-Istati Membri. Ir-rappurtar tal-Kummissjoni dwar l-istat tad-dritt wera kif l-Istati Membri għamlu progress f’dawn l-aħħar snin, iżda n-natura u l-grad tal-isfidi għadhom ivarjaw bejn l-Istati Membri. L-isfidi li fadal jinkludu l-perċezzjoni tal-indipendenza ġudizzjarja, l-effiċjenza tas-sistemi ġudizzjarji, l-aċċess għall-ġustizzja, u l-ġlieda kontra l-kunflitti ta’ interess u l-korruzzjoni.
Ir-rispett għall-istat tad-dritt ma jistax jitqies bħala fatt u għandu jibqa’ rekwiżit għall-fondi tal-UE. Il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss għandu jinkludi salvagwardji qawwija f’dak ir-rigward. Filwaqt li r-reġim ġenerali ta’ kundizzjonalità japplika għall-finanzjament kollu tal-UE, għad hemm marġni biex tissaħħaħ ir-rabta bejn ir-rakkomandazzjonijiet fir-Rapport dwar l-Istat tad-Dritt u l-appoġġ finanzjarju taħt il-baġit tal-UE, inkluż għall-pajjiżi tat-tkabbir.
4.IL-FINANZJAMENT TAL-BAĠIT TAL-UE
L-immodernizzar tan-naħa tad-dħul tal-Baġit tal-UE huwa neċessarju biex tiġi indirizzata d-dilemma li ġejja: il-ħlas lura tan-NextGenerationEU – li l-UE dejjem se tonora – biswit baġit tal-UE adattat għall-ambizzjonijiet tagħna ma jistax ikun konformi ma’ kontribuzzjonijiet finanzjarji nazzjonali stabbli u n-nuqqas ta’ riżorsi proprji ġodda.
Bin-NextGenerationEU, l-UE issa hija l-ħames l-akbar emittent fis-suq kapitali Ewropew, bi klassifikazzjoni tal-kreditu għolja. Matul il-perjodu 2021-2027, il-baġit tal-Unjoni qed iħallas l-ispejjeż tal-imgħax assoċjati. Mill-qafas finanzjarju li jmiss, il-baġit se jibda jħallas lura l-kapital (użat għal appoġġ mhux ripagabbli, sa EUR 357 biljun). Il-kapital se jkun tħallas lura kompletament sal-2058 f’konformità mad-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji. Jekk wieħed jassumi l-iżborż sħiħ tal-appoġġ mhux ripagabbli tan-NextGenerationEU, tar-ripagamenti lineari u abbażi tal-previżjonijiet attwali tar-rati tal-imgħax, biex jiġu rimborżati l-kapital u l-imgħax tad-dejn tan-NextGenerationEU, jistgħu jkunu meħtieġa madwar EUR 25-30 biljun fis-sena matul il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss. Dan huwa kważi 20 % tal-baġit annwali attwali. Dan huwa d-doppju tal-baġit annwali għal Orizzont Ewropa, u d-doppju tal-ammont totali tal-baġit għas-sigurtà u d-difiża taħt il-baġit pluriennali attwali għas-seba’ (7) snin kollha. Filwaqt li l-fondi għadhom qed jinġabru u l-ambjent fejn jidħlu r-rati tal-imgħax qed jinbidel, fix-xenarji kollha r-ripagamenti tan-NextGenerationEU se jeħtieġu finanzjament sinifikanti fil-futur.
Huwa għalhekk li fil-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni qablu dwar pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda. Il-Kummissjoni ssodisfat l-impenji tagħha: pakkett komprensiv dwar il-ġenerazzjoni li jmiss ta’ riżorsi proprji ġie ppreżentat fl-2021 u aġġustat fl-2023, qabel iż-żmien. Dan jinkludi proposti riveduti dwar is-Sistema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet u l-Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri u riżorsa proprja marbuta mal-profitti tal-kumpaniji fis-settur korporattiv. Il-Kummissjoni pproponiet ukoll riżorsa proprja bbażata fuq il-Pilastru 1 tal-ftehim tal-OECD/G20 dwar ir-riforma tal-qafas internazzjonali tat-taxxa.
Il-Kummissjoni tappella lill-Kunsill biex ikompli l-ħidma fuq il-kwistjoni ta’ riżorsi proprji ġodda bħala kwistjoni ta’ urġenza, f’konformità mal-Ftehim Interistituzzjonali tal-2020 u d-Dikjarazzjoni ta’ Budapest dwar il-Patt Ġdid dwar il-Kompetittività Ewropea.
5.L-ISTATUS QUO MHUWIEX GĦAŻLA
L-Ewropa tinsab f’era ta’ bidla profonda – għas-soċjetà tagħna u għas-sigurtà tagħna, l-ekonomija tagħna u għall-pjaneta tagħna. Il-ħeffa tal-bidla toħloq sfidi li jistgħu jiġu solvuti biss permezz ta’ azzjoni konġunta f’Ewropa magħquda. Huwa imperattiv li l-baġit tal-UE li jmiss ikollu rwol ċentrali fil-promozzjoni tal-prosperità sostenibbli tal-UE, isaħħaħ id-difiża u s-sigurtà, isaħħaħ il-kompetittività tal-UE, kif ukoll il-koeżjoni soċjali u territorjali, filwaqt li jappoġġa lill-UE fit-triq biex issir l-ewwel kontinent newtrali għall-klima fid-dinja. Il-baġit tal-UE għandu jkompli jtejjeb il-kwalità tal-ħajja u l-għajxien taċ-ċittadini, il-bdiewa, ir-riċerkaturi, in-negozji u r-reġjuni madwar l-Ewropa u lil hinn minnha. L-iżgurar tal-prosperità, il-kompetittività, is-sovranità, is-sigurtà, ir-reżiljenza, it-tħejjija u l-influwenza globali tal-UE, filwaqt li jiġu rispettati l-ogħla standards dwar l-istat tad-dritt u l-valuri demokratiċi. Il-baġit tal-UE jappoġġa dawn il-prijoritajiet kollha u se jirrikjedi sforz ta’ tim mill-istituzzjonijiet u l-partijiet ikkonċernati kollha.
Fid-dawl tal-isfidi politiċi u baġitarji diskussi f’din il-Komunikazzjoni, biex il-baġit tal-UE jilħaq dawn l-objettivi, l-istatus quo mhuwiex għażla. Il-baġit fit-tul li jmiss se jkollu jindirizza l-kumplessitajiet, id-dgħufijiet u r-riġiditajiet li jeżistu bħalissa u jimmassimizza l-impatt ta’ kull euro li jonfoq, filwaqt li jiffoka fuq il-prijoritajiet u l-objettivi tal-UE fejn l-azzjoni tal-UE tkun meħtieġa l-aktar. Approċċ ġdid għal baġit modern tal-UE għandu jkollu fil-qalba tiegħu:
·Pjan għal kull pajjiż b’riformi u investimenti kruċjali, u li jiffoka fuq il-prijoritajiet konġunti tagħna, inkluż il-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali. Trid titfassal u tiġi implimentata politika msaħħa ta’ koeżjoni u tkabbir, li jkollha r-reġjuni fil-qalba tagħha, fi sħubija mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali.
·Fond Ewropew għall-Kompetittività li jistabbilixxi kapaċità ta’ investiment li se tappoġġa setturi u teknoloġiji strateġiċi kritiċi għall-kompetittività tal-UE, inklużi r-riċerka u l-innovazzjoni, u Proġetti Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni. L-arkitettura komprensiva tal-Fond se tippermettilu jakkumpanja l-proġetti Ewropej tul il-vjaġġ kollu tal-investiment, mir-riċerka, sal-fażi tat-tkabbir, l-iskjerament industrijali, sal-manifattura. Dan se jgħin ukoll biex l-investiment privat jiġi ingranat u biex jitneħħew ir-riskji minnu.
·Finanzjament imġedded mill-qiegħ għall-azzjoni esterna, biex dan ikollu impatt akbar u jkun aktar immirat għas-sħab tagħna, u aktar allinjat mal-interessi strateġiċi tagħna. Dan għandu jkun ta’ kontribut għal politika barranija ġdida.
·Salvagwardji b’saħħithom dwar il-protezzjoni tal-istat tad-dritt.
·Dħul imsaħħaħ u modernizzat, b’mod partikolari permezz ta’ riżorsi proprji ġodda, biex jiġi żgurat finanzjament suffiċjenti u sostenibbli għall-prijoritajiet komuni tagħna.
6.IL-PASSI LI JMISS
It-tiswir tal-baġit fit-tul li jmiss tal-UE jeħtieġ analiżi kondiviża dwar l-isfidi sottostanti u l-kooperazzjoni mill-qrib, fid-dawl tat-tħejjija tal-proposta tal-Kummissjoni. Baġit tal-UE b’saħħtu u effettiv huwa interess komuni. Għalhekk, il-proposta għall-qafas finanzjarju li jmiss se tibni fuq konsultazzjoni wiesgħa, b’kontribut fil-livell politiku, istituzzjonali u tal-partijiet ikkonċernati, flimkien mal-involviment attiv taċ-ċittadini.
Id-djalogu kontinwu u strutturat mar-rappreżentanti tal-Istati Membri, f’livelli differenti, madwar l-Ewropa se jkun kruċjali biex jiġi ddeterminat x’għandu jiġi ffinanzjat u kif għandu jiġi ffinanzjat il-futur konġunt tagħna. Quddiem dan l-isfond, il-Kummissjoni se tinvolvi ruħha f’livelli differenti fi proċess inklużiv bħala parti mit-tħejjija tagħha għall-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss.
Djalogu komprensiv mal-partijiet ikkonċernati se jappoġġa t-tħejjija tal-baġit tal-UE tal-futur. Dan jinkludi sensiela ta’ konsultazzjonijiet tematiċi pubbliċi mnedija llum bi tħejjija għall-ġenerazzjoni li jmiss ta’ strumenti ta’ nfiq tal-UE. It-tnedija ta’ pjattaforma għall-involviment taċ-ċittadini se tkun l-ewwel pass li jwassal għal Panel taċ-Ċittadini dwar il-baġit fit-tul għall-futur, li se jsir minn Marzu sa Mejju. Il-pjattaforma se tistieden liċ-ċittadini biex jissieħbu fid-dibattitu. Il-Konferenza Annwali dwar il-Baġit f’Mejju 2025 se tkun opportunità biex jinġabru flimkien il-fehmiet differenti, f’dibattitu inklużiv u miftuħ, bi tħejjija għal qafas finanzjarju ambizzjuż.
Il-Parlament Ewropew se jkun attur importanti fit-tfassil tal-baġit fit-tul li jmiss. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tistenna bil-ħerqa r-rapport li għandu joħroġ fuq inizjattiva proprja tal-Parlament Ewropew. L-involviment u l-kontribut ta’ istituzzjonijiet u korpi oħra, bħall-Qorti Ewropea tal-Awdituri, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, kif ukoll is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni se jarrikkixxu wkoll id-dibattitu dwar it-tfassil tal-finanzi futuri tal-UE.
Quddiem dan l-isfond u biex ikun hemm biżżejjed żmien għal konsultazzjonijiet sinifikanti ma’ partijiet ikkonċernati differenti, il-Kummissjoni biħsiebha tippreżenta l-qafas finanzjarju li jmiss f’Lulju 2025. Il-proposta tal-Kummissjoni se tiżgura li l-pakkett li jmiss jikkostitwixxi bażi solida għal ftehim rapidu u f’waqtu dwar il-qafas finanzjarju li jmiss ferm qabel il-bidu tiegħu minn Jannar 2028.
Il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss irid iwitti t-triq għal Unjoni aktar b’saħħitha u orjentata lejn il-futur.