Brussell, 12.2.2025

COM(2025) 39 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI

Rapport tal-2024 tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Emissjonijiet tas-CO2 mit-Trasport Marittimu

{SWD(2025) 38 final}


Rapport tal-2024 tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Emissjonijiet tas-CO2 mit-Trasport Marittimu

1.Introduzzjoni

It-trasport marittimu huwa fundamentali għall-ekonomija tal-UE u huwa wieħed mill-aktar modi ta’ trasport effiċjenti fl-użu tal-enerġija. Madankollu, jibqa’ sors ewlieni ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra. L-UE għamlet progress sostanzjali lejn l-għanijiet klimatiċi tagħha, bi tnaqqis sinifikanti tal-emissjonijiet fl-2023 meta mqabbel mal-2022. Dan ir-rapport jenfasizza l-importanza li jitkompla l-monitoraġġ tal-impatt tas-settur marittimu fuq l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra.

Dan is-sitt rapport annwali dwar l-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju (CO2) minn bastimenti li jidħlu u joħorġu mill-portijiet fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) jippreżenta d-data miġbura skont ir-Regolament tal-UE dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mit-trasport marittimu adottat fl-2015 1 (ir-Regolament MRV Marittimu tal-UE). Ir-rapport huwa bbażat fuq data miġbura bejn l-2018 u l-2023. Jipprovdi tqabbil komprensiv tad-data u analiżi tax-xejriet fl-emissjonijiet u fl-effiċjenza enerġetika matul is-snin.

Billi jeżamina l-karatteristiċi u l-effiċjenza enerġetika tal-bastimenti li jidħlu fil-portijiet taż-ŻEE, dan ir-rapport jixħet dawl ukoll fuq il-fatturi li jinfluwenzaw l-emissjonijiet tas-CO2 mit-trasport marittimu.

2.Żvilupp tal-politika

Bħala parti mill-pakkett biex jitwettaq il-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw sensiela ta’ miżuri fl-2023 biex jiżguraw li s-settur tat-trasport marittimu jikkontribwixxi għall-ambizzjonijiet klimatiċi tal-UE. Dawn jinkludu r-reviżjoni tas-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS, Emissions Trading System) 2 , li mill- 1 ta’ Jannar 2024 tkopri wkoll l-emissjonijiet tas-CO2 minn bastimenti kbar li jidħlu fil-portijiet tal-UE, irrispettivament mill-bandiera li jtajru, u r-Regolament FuelEU Maritime 3 , li mill-2025 se jiżgura li l-intensità tal-gassijiet serra tal-enerġija użata abbord il-bastimenti titnaqqas gradwalment maż-żmien..

Il-konformità mal-obbligi l-ġodda li jirriżultaw mill-estensjoni tal-EU ETS għat-trasport marittimu hija infurzata permezz tas-sistema ta’ monitoraġġ, rappurtar u verifika stabbilita mir-Regolament MRV Marittimu tal-UE, li ġie rivedut f’Mejju 2023 4 . Ir-regoli aġġornati dwar il-monitoraġġ u r-rappurtar, li jippermettu l-implimentazzjoni tal-ETS għat-trasport fuq l-ilma u li jinkorporaw l-emissjonijiet tal-metan u tal-ossidu nitruż fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-MRV, daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2024.

Minbarra l-miżuri leġiżlattivi, l-UE tippromwovi d-dekarbonizzazzjoni tat-trasport fuq l-ilma billi tipprovdi appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni. Permezz tal-Fond għall-Innovazzjoni, li huwa ffinanzjat mill-EU ETS, is-Sejħa tal-2023 ipprovdiet finanzjament għal sitt proġetti marittimi u proġett wieħed ta’ fjuwil marin b’baġit totali ta’ aktar minn EUR 200 miljun.

Barra minn hekk, l-ewwel irkant tal-idroġenu fl-UE kollha għall-produzzjoni ta’ fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika (RFNBOs, renewable fuels of non-biological origin) ibbażat fuq finanzjament allokat għall-idroġenu għal sitt  proġetti, inkluż proġett ta’ idroġenu ekoloġiku u ammonijaka rinnovabbli ewlieni fid-dinja għall-produzzjoni ta’ fjuwils marittimi. It-tieni rkant tal-idroġenu tnieda fit-3 ta’ Diċembru 2024 5 u jinkludi baġit iddedikat ta’ EUR 200 miljun għal proġetti li jfornu l-produzzjoni tagħhom lill-off-takers fis-settur marittimu.

Filwaqt li l-Fond għall-Innovazzjoni jiffoka fuq livelli ogħla ta’ tħejjija teknoloġika (TRL, technology readiness levels) u varar, l-UE investiet ukoll fi proġetti ta’ TRL aktar baxxi fis-settur marittimu permezz ta’ Orizzont Ewropa, b’mod partikolari s-Sħubija dwar Trasport fuq l-Ilma b’Emissjonijiet Żero. Taħt din is-sħubija, l-UE se tinvesti sa EUR 530 miljun sal-2027, f’ħames oqsma: l-użu ta’ fjuwils alternattivi sostenibbli, l-elettrifikazzjoni, l-effiċjenza enerġetika, id-disinn u l-modifika retroattiva, il-portijiet diġitali u ekoloġiċi.

Il-Kummissjoni hija impenjata wkoll li tappoġġja azzjoni globali biex tinkoraġġixxi d-dekarbonizzazzjoni tas-settur, b’mod partikolari fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI). F’Lulju 2023, ġiet adottata strateġija riveduta tal-OMI biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra (GHG, greenhouse gas) mill-bastimenti, li stabbiliet l-għan li jinkisbu emissjonijiet żero netti mill-bastimenti sal-2050 jew fil-madwar, jiġifieri qrib dik is-sena. Wara r-reviżjoni tal-istrateġija, matul l-2024 il-Kummissjoni kompliet tappoġġja l-iżvilupp ta’ pakkett ta’ miżuri ta’ nofs it-terminu għat-tnaqqis tal-gassijiet serra biex jiġu implimentati tali miri, li jinkludi kemm element tekniku, fil-forma ta’ standard dwar il-gassijiet serra tal-fjuwil marin, kif ukoll element ekonomiku, fil-forma ta’ mekkaniżmu tal-ipprezzar tal-gassijiet serra.

3.L-emissjonijiet marittimi fl-2023 naqsu għal livelli qrib dawk tal-2021 hekk kif l-inċertezzi ekonomiċi u ġeopolitiċi naqqsu l-attività tat-trasport marittimu fl-Ewropa

Il-vjaġġi mmonitorjati għas-sena ta’ rappurtar 2023 emettew 126,7 miljun tunnellata ta’ CO2 fl-atmosfera. Dawn l-emissjonijiet kienu 7,9 % inqas minn dawk irrapportati fl-2022 u kważi l-istess (-0,1 miljun tunnellata) bħal dawk irrapportati għall-2021, sena kkaratterizzata mill-effetti persistenti tal-pandemija. Meta mqabbla mas-snin ta’ rappurtar ta’ qabel il-pandemija tal-COVID-19 (jiġifieri l-2018 u l-2019), li kienu jinkludu emissjonijiet relatati mar-Renju Unit, l-emissjonijiet irrapportati għall-2023 kienu madwar 13 % inqas 6 .

L-emissjonijiet irrapportati għall-2023 ġew iġġenerati minn flotta ta’ kważi 12 300 bastiment, it-tieni l-ogħla numru rreġistrat sa issa (5,4 % inqas milli fl-2022 iżda 2,9 % ogħla milli fl-2021).

Fl-2023, il-maġġoranza l-kbira tat-tipi ta’ bastimenti (12 minn 15) irrapportaw emissjonijiet aktar baxxi milli fl-2022, li jirrifletti t-tnaqqis fil-livelli ta’ attività esperjenzat mill-biċċa l-kbira tas-subsetturi tal-industrija marittima. Dan it-tnaqqis kien xprunat l-aktar minn tnaqqis fil-volum ta’ merkanzija mmaniġġjata fil-portijiet tal-UE (-3,9 % meta mqabbla mal-2022), prinċipalment minħabba r-restrizzjonijiet fuq it-trasport tal-merkanzija mar-Russja:

-L-aktar tnaqqis assolut sinifikanti fl-emissjonijiet tas-CO2 ġie rrapportat fit-trasportaturi ta’ tagħbija bl-ingrossa (-23 % meta mqabbel mal-2022). Dan kien ir-riżultat ta’ diversi fatturi, inkluż tnaqqis konsiderevoli fl-għadd ta’ trasportaturi ta’ tagħbija bl-ingrossa li jidħlu fil-portijiet taż-ŻEE fl-2023 (-12 %), tnaqqis fid-distanza medja vvjaġġata għal kull bastiment (-8 %), u veloċità aktar bil-mod (-4 %).

-Il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna kompliet taffettwa l-importazzjonijiet tal-enerġija. Filwaqt li l-emissjonijiet tas-CO2 mit-trasportaturi tal-gass naturali likwifikat (LNG, liquified natural gas) irreġistraw tnaqqis (-11 %) meta mqabbla mal-2022, dawn baqgħu ħafna ogħla mis-snin preċedenti (+42 % meta mqabbla mal-2021). L-emissjonijiet tas-CO2 mit-tankers taż-żejt naqsu bi ftit (-2 %) meta mqabbla mal-2022.

-L-emissjonijiet tas-CO2 mill-vapuri tal-passiġġieri żdiedu b’6 % meta mqabbla mal-2022, u laħqu l-ogħla livell mill-2018, u dan jikkonferma l-irkupru sħiħ tas-settur wara s-snin tal-COVID-19.

-Il-bastimenti tal-kontejners irreġistraw tnaqqis ta’ 6 % fl-emissjonijiet għat-tieni sena konsekuttiva, li jirrifletti tnaqqis ġenerali fl-immaniġġjar tal-kontejners fil-portijiet ewlenin tal-UE (-3,8 % fl-2023 meta mqabbla mal-2022), tnaqqis fid-distanza medja rrapportata mill-bastimenti tal-kontejners (-3 %) u tnaqqis fil-veloċità medja tal-bastimenti tal-kontejners attivi (-5 %).

Il-bastimenti tal-kontejners, it-tankers taż-żejt u t-trasportaturi ta’ tagħbija bl-ingrossa baqgħu l-ogħla emittenti fl-2023. Huma kienu responsabbli għall-ġenerazzjoni ta’ madwar 52 % tal-emissjonijiet kollha rrapportati fl-2023. Il-bastimenti tal-kontejners waħedhom ammontaw għal 28 % tal-emissjonijiet tas-CO2. B’mod ġenerali, it-tqassim tal-biċċa l-kbira tat-tipi ta’ bastimenti skont l-emissjonijiet irrapportati baqa’ stabbli fl-2018-2023, iżda l-vapuri tal-passiġġieri, il-vapuri ro-ro tal-passiġġieri, u t-trasportaturi tal-LNG komplew jaraw żieda fis-sehem rispettiv tagħhom tal-emissjonijiet. Din ix-xejra ilha evidenti mill-2020, xprunata mid-dinamika tas-suq tal-enerġija u l-irkupru tat-traffiku tal-passiġġieri wara l-COVID-19.

It-tqassim fl-2023 tal-emissjonijiet totali tas-CO2 tal-flotta skont it-tip ta’ vjaġġ u waqt l-irmiġġ baqa’ fil-biċċa l-kbira l-istess meta mqabbel mal-2021, wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE. Il-vjaġġi li jibdew jew jintemmu barra miż-ŻEE komplew jammontaw għall-biċċa l-kbira tal-emissjonijiet tas-CO2 (madwar żewġ terzi). Dan kien f’konformità mal-volum ta’ flussi kummerċjali ’l ġewwa u ’l barra rreġistrati mill-Eurostat, għalkemm is-sehem tal-vjaġġi naqas bi ftit fl-2023 bħala riżultat ta’ livelli ta’ attività aktar baxxi tas-subsetturi tal-flotta l-aktar attiva fuq rotot kummerċjali barra miż-ŻEE (trasportaturi ta’ tagħbija bl-ingrossa u trasportaturi tal-LNG).

F’termini ta’ konsum tal-fjuwil, il-bastimenti mmonitorjati użaw 41 miljun tunnellata ta’ fjuwil fl-2023. Il-konsum tal-fjuwil fl-2018-2023 baqa’ ddominat mill-fjuwils fossili marini konvenzjonali (żejt fjuwil tqil, żejt fjuwil ħafif, żejt tal-gass, żejt tad-diżil), li ammontaw għal 91 % tal-massa totali tal-fjuwils irrappurtata fl-2023. Id-data tal-fjuwil irrapportata fl-2023 ikkonfermat ix-xejriet osservati fil-konsum tal-fjuwil irrapportat mill-2021, jiġifieri tnaqqis fis-sehem taż-żejt tal-fjuwil ħafif (li jammonta għal 15,6 % tal-fjuwil irrapportat fl-2023) u żieda korrispondenti fl-użu taż-żejt fjuwil tqil (li laħaq 55,3 % fl-2023).

Fl-2023 kien hemm l-ogħla livell irreġistrat ta’ konsum tal-LNG mill-flotta (madwar 11 % aktar mill-2022, li ammonta għal aktar minn 8 % tal-fjuwil irrapportat fl-2023). Dan huwa minħabba li l-LNG qed jintuża dejjem aktar minn bastimenti għajr trasportaturi tal-LNG, li minnhom il-vapuri tal-kontejners, il-vapuri ro-ro tal-passiġġieri u l-vapuri tal-passiġġieri jiffurmaw il-parti l-kbira. Il-konsum ta’ fjuwils tal-bastimenti li mhumiex fossili baqa’ negliġibbli, bħal fis-snin preċedenti.

4.Il-flotta mmonitorjata: ir-rotot tat-trasport fuq l-ilma, il-veloċità, l-effiċjenza teknika u operazzjonali

Skont id-data tal-Eurostat, il-volum totali ta’ flussi kummerċjali ’l ġewwa fl-2023 naqas bi 3,7 %. Meta mqabbel mal-2022, l-influss mill-Istati Uniti (il-Kosta tal-Lvant), min-Norveġja, mill-Brażil, mill-Eġittu, min-Niġerja, mil-Libja u mill-Alġerija żdied fl-2023, filwaqt li l-influssi mir-Renju Unit, mir-Russja, mit-Turkija u miċ-Ċina naqsu. Il-volum totali ta’ flussi kummerċjali ’l barra fl-2023 naqas b’1,7 %. Il-flussi ’l barra lejn l-erba’ sħab ewlenin (ir-Renju Unit, l-Istati Uniti, it-Turkija u ċ-Ċina) baqgħu fil-biċċa l-kbira konsistenti mal-livelli tal-2022, u bħal fis-snin preċedenti, ir-rotta ewlenija tal-flussi ’l barra kienet għadha lejn ir-Renju Unit.

Id-data tal-MRV għall-2018-2023 ma turi l-ebda indikazzjoni ta’ tnaqqis strutturali fil-veloċità għall-flotta tal-MRV matul dan il-perjodu. 10 minn 15-il tip ta’ bastiment irreġistraw veloċitajiet medji ogħla fl-2023 milli fl-2018, b’xi wħud jesperjenzaw żidiet sinifikanti, bħal trasportaturi kkombinati (+32 %), trasportaturi tal-gass (+20 %), vapuri oħra (+19 %), tankers taż-żejt u tal-kimika (+14 %), u vapuri tal-passiġġieri (+13 %). It-trasportaturi ta’ tagħbija bl-ingrossa u l-bastimenti tal-kontejners, li rreġistraw l-ogħla tnaqqis fl-emissjonijiet fl-2023, kienu fost il-ftit tipi ta’ bastimenti li komplew inaqqsu l-veloċità tagħhom meta mqabbla mal-2022, u kisbu tnaqqis ta’ 4 % u 5 % rispettivament.

Analiżi grafika tal-indikaturi tekniċi u operazzjonali ewlenin tal-effiċjenza turi li ma seħħet l-ebda bidla sinifikanti fl-2018-2023. Il-vapuri tal-kontejners, il-vapuri ro-ro tal-passiġġieri u t-tankers taż-żejt irreġistraw l-akbar żidiet fid-daqs medju tal-vapuri attivi matul dan il-perjodu.

Matul il-perjodu ta’ rappurtar, il-kompletezza u l-preċiżjoni tad-data rrappurtata tjiebu. Dan huwa kkonfermat miż-żieda fil-valuri ta’ korrelazzjoni tad-data bejn l-indikaturi tekniċi u operazzjonali ewlenin tal-effiċjenza 7 u d-daqs tal-bastimenti li jirrappurtaw skont ir-Regolament MRV Marittimu tal-UE.

5.Implimentazzjoni tar-Regolament MRV Marittimu tal-UE fl-2023

F’termini tal-implimentazzjoni tar-Regolament MRV Marittimu tal-UE, ir-riżultati jindikaw titjib kontinwu fil-kwalità u l-kompletezza tad-data sottomessa. Madankollu, aktar data ġiet sottomessa tard fl-2023 milli fl-2022, li tista’ tiġi spjegata mill-ammont ta’ xogħol addizzjonali li jiffaċċjaw il-kumpaniji tat-tbaħħir u l-verifikaturi bħala riżultat tal-estensjoni tal-EU ETS għat-trasport marittimu u l-applikazzjoni tar-regoli l-ġodda ta’ monitoraġġ u rappurtar.

6.Impatt ġenerali tat-trasport marittimu fuq il-klima globali u l-ambjent

Ir-raba’ studju tal-OMI dwar il-gassijiet serra 8 wera li l-emissjonijiet tal-gassijiet serra (inklużi d-diossidu tal-karbonju, il-metan u l-ossidu nitruż) mit-trasport fuq l-ilma żdiedu b’9,6 % bejn l-2012 u l-2018 (minn 977 miljun tunnellata għal 1 076 miljun tunnellata). Huwa pprojetta wkoll li, taħt firxa ta’ xenarji ekonomiċi u tal-enerġija plawżibbli fit-tul, l-emissjonijiet tas-CO2 jinsabu fit-triq it-tajba biex jiżdiedu minn madwar 90 % meta mqabbla mal-livelli tal-2008 fl-2018 għal 90-130 % meta mqabbla mal-livelli tal-2008 sal-2050. Studji reċenti dwar ix-xejriet fit-trasport fuq l-ilma internazzjonali għall-perjodu 2018-2022 sabu li fl-2022, l-emissjonijiet ma naqsux iżda baqgħu madwar il-livelli tal-2008. Id-data rrappurtata taħt is-sistema tal-ġbir tad-data tal-OMI għall-2023 turi biss tnaqqis żgħir (-1 %) fil-konsum tal-fjuwil mill-flotta dinjija li tirrappurta meta mqabbel mal-2022.

Ir-raba’ studju dwar il-gassijiet serra enfasizza wkoll l-importanza tal-emissjonijiet tal-karbonju iswed, li nstabu li jirrappreżentaw madwar 7 % tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tat-trasport fuq l-ilma internazzjonali.

(1)

 Ir-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta’ emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE, ĠU L 123, 19.5.2015, p. 55, http://data.europa.eu/eli/reg/2015/757/oj.

(2)

 Permezz tad-Direttiva (UE) 2023/959, ĠU L 130, 16.5.2023, p. 134, http://data.europa.eu/eli/dir/2023/959/oj.

(3)

Ir-Regolament (UE) 2023/1805, ĠU L 234, 22.9.2023, p. 48, http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1805/oj.

(4)

Ir-Regolament (UE) 2023/957, ĠU L 130, 16.5.2023, p. 105, http://data.europa.eu/eli/reg/2023/957/oj.

(5)

https://climate.ec.europa.eu/eu-action/eu-funding-climate-action/innovation-fund/competitive-bidding_mt.

(6)

Il-granularità tad-data rrapportata skont ir-Regolament MRV Marittimu tal-UE ma tippermettix li d-data tal-MRV tiġi kkalibrata mill-ġdid sabiex jiġu esklużi l-emissjonijiet li jirriżultaw mill-applikazzjoni tar-Regolament għar-Renju Unit għas-snin ta’ rappurtar 2018, 2019 u 2020.

(7)

L-Indiċi tal-Effiċjenza Enerġetika tad-Disinn (EEDI, Energy Efficiency Design Index) u l-Valur Stmat tal-Indiċi (EIV, Estimated Index Value) huma vvalutati għall-effiċjenza teknika tal-bastimenti. L-Indiċi Operattiv tal-Effiċjenza Enerġetika (EEOI, Energy Efficiency Operational Indicator) u l-Proporzjon Annwali tal-Effiċjenza (AER, Annual Efficiency Ratio) huma vvalutati għall-effiċjenza operazzjonali tagħhom.

(8)

https://www.imo.org/en/OurWork/Environment/Pages/Fourth-IMO-Greenhouse-Gas-Study-2020.aspx.