Brussell, 16.1.2025

COM(2025) 14 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

li tapprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tal-Ungerija


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

li tapprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tal-Ungerija

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263, u b’mod partikolari l-Artikolu 17 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni,

Billi:

KUNSIDERAZZJONIJIET ĠENERALI

(1)Qafas ta’ governanza ekonomika tal-UE riformat daħal fis-seħħ fit-30 ta’ April 2024. Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali 1 , flimkien mar-Regolament (KE) Nru 1467/97 emendat dwar l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv 2 , u d-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE emendata dwar l-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri 3 huma l-elementi ewlenin tal-qafas riformat tal-governanza ekonomika tal-UE. Il-qafas għandu l-għan li jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli, u tkabbir u reżiljenza sostenibbli u inklużivi permezz ta’ riformi u investimenti, u li jipprevjeni defiċits eċċessivi. Huwa jippromwovi wkoll is-sjieda nazzjonali u l-fokus jinsab aktar fuq it-terminu medju, flimkien ma’ infurzar aktar effettiv u aktar koerenti tar-regoli.

(2)Fiċ-ċentru tal-qafas il-ġdid ta’ governanza ekonomika hemm il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju li l-Istati Membri jissottomettu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Il-pjanijiet għandhom jilħqu żewġ objettivi: i) jiżguraw, fost l-oħrajn, li sa tmiem il-perjodu ta’ aġġustament, id-dejn tal-gvern estiż ikun fuq perkors ta’ tnaqqis plawżibbli, jew jibqa’ f’livelli prudenti, u li d-defiċit tal-gvern jinġieb u jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG fuq terminu medju, u ii) jiżguraw it-twettiq ta’ riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u jindirizzaw il-prijoritajiet komuni tal-UE. Għal dan l-għan, kull pjan għandu jippreżenta impenn fuq terminu medju għal perkors tan-nefqa netta 4 , li effettivament jistabbilixxi restrizzjoni baġitarja għad-durata tal-pjan, li tkopri erba’ jew ħames snin (skont it-terminu regolari tal-leġiżlatura fi Stat Membru). Barra minn hekk, il-pjan għandu jispjega kif l-Istat Membru se jiżgura t-twettiq ta’ riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, b’mod partikolari fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSRs, inklużi dawk li jappartjenu għall-proċedura ta’ żbilanċi makroekonomiċi (macroeconomic imbalances procedure, MIP), jekk applikabbli), u kif l-Istat Membru se jindirizza l-prijoritajiet komuni tal-Unjoni. Il-perjodu għall-aġġustament fiskali jkopri perjodu ta’ erba’ snin, li jista’ jiġi estiż b’massimu ta’ tliet snin jekk l-Istat Membru jimpenja ruħu li jwettaq sett ta’ riformi u investimenti rilevanti li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fir-Regolament (UE) 2024/1263.

(3)Wara s-sottomissjoni tal-pjan, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk dan jikkonformax mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263.

(4)Fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, il-Kunsill għandu għalhekk jadotta rakkomandazzjoni li tistabbilixxi l-perkors tan-nefqa netta tal-Istat Membru kkonċernat u, fejn applikabbli, japprova s-sett ta’ impenji ta’ riforma u ta’ investiment li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament fiskali.

KUNSIDERAZZJONIJIET DWAR IL-PJAN FISKALI-STRUTTURALI NAZZJONALI FUQ TERMINU MEDJU TAL-UNGERIJA

(5)Fl-4 ta’ Novembru 2024, l-Ungerija ppreżentat il-pjan fiskali strutturali nazzjonali tagħha fuq terminu medju lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Is-sottomissjoni saret wara estensjoni tal-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) 2024/1263, kif miftiehem mal-Kummissjoni. Ir-raġuni għad-dewmien fis-sottomissjoni kienet li jiġi żgurat li l-pjan jippreżenta stampa preċiża tal-proċessi u l-impenji baġitarji tal-Ungerija, f’konformità mal-ippjanar tal-baġit tal-2025. Fl-20 ta’ Diċembru 2024, l-Ungerija ppreżentat addendum għall-pjan li jirrifletti data aktar reċenti, b’perkors tan-nefqa netta rivedut biex jiġi żgurat li d-defiċit tal-gvern jinġieb taħt it-3 % tal-PDG u li d-dejn ipproġettat tal-gvern estiż jitqiegħed u jinżamm fuq perkors ta’ tnaqqis plawżibbli sa tmiem il-perjodu ta’ aġġustament.

Proċess qabel is-sottomissjoni tal-pjan

(6)Sabiex jiġi inkwadrat id-djalogu li jwassal għas-sottomissjoni tal-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju, fil-21 ta’ Ġunju 2024, il-Kummissjoni bagħtet, skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2024/1263, it-trajettorja referenzjarja 5 lill-Ungerija. Il-Kummissjoni ppubblikat it-trajettorja referenzjarja fl-4 ta’ Novembru 2024 6 . It-trajettorja referenzjarja hi bbażata fuq ir-riskju u tiżgura li, sa tmiem il-perjodu ta’ aġġustament fiskali u fin-nuqqas ta’ aktar miżuri baġitarji lil hinn mill-perjodu ta’ aġġustament, id-dejn tal-gvern estiż ikun fuq trajettorja plawżibbli ’l isfel jew jibqa’ f’livelli prudenti fuq terminu medju, u d-defiċit tal-gvern estiż jinġieb taħt it-3 % tal-PDG matul il-perjodu ta’ aġġustament u jinżamm taħt dak il-valur referenzjarju fuq terminu medju. It-terminu medju huwa definit bħala l-perjodu ta’ 10 snin wara t-tmiem tal-perjodu ta’ aġġustament. F’konformità mal-Artikolu 6, il-punt (d), u l-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament (UE) 2024/1263, it-trajettorja referenzjarja hija konsistenti wkoll mal-parametru referenzjarju tad-defiċit, mas-salvagwardja tas-sostenibbiltà tad-dejn u mas-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit. It-trajettorja referenzjarja tal-Ungerija turi li, fuq il-bażi tas-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni li jirfdu l-gwida preċedenti trażmessa f’Ġunju 2024 u jekk wieħed jassumi perjodu ta’ aġġustament ta’ 4 snin, in-nefqa netta ma għandhiex tikber b’iżjed mill-valuri pprovduti fit-Tabella 1. Dan jikkorrispondi għal tkabbir medju fin-nefqa netta ta’ 4,4 % matul il-perjodu ta’ aġġustament (2025-2028).

2025

2026

2027

2028

Medja 2025-2028

Tkabbir massimu fin-nefqa netta (annwali, %)

4,4

4,8

4,5

4,3

4,4

Tabella 1: Trajettorja referenzjarja pprovduta mill-Kummissjoni lill-Ungerija
fil-21 ta’ Ġunju 2024

Sors: Kalkoli tal-Kummissjoni.

(7)F’konformità mal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2024/1263, l-Ungerija u l-Kummissjoni impenjaw ruħhom fi djalogu tekniku f’Lulju u f’Settembru 2024. Id-djalogu ffoka fuq il-perkors tan-nefqa netta previst mill-Ungerija u s-suppożizzjonijiet sottostanti tiegħu, kif ukoll it-twettiq previst ta’ riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u l-prijoritajiet komuni tal-Unjoni fi tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta, ir-reżiljenza soċjali u ekonomika, is-sigurtà tal-enerġija u l-bini ta’ kapaċitajiet ta’ difiża.

(8)Il-pjan sottomess mill-Ungerija ma jirrapportax dwar proċess ta’ konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati nazzjonali rilevanti domestiċi (inkluż is-sħab soċjali) li sar qabel is-sottomissjoni. Skont l-informazzjoni pprovduta fil-pjan, il-parlament jista’ jiġi kkonsultat dwar il-pjan wara s-sottomissjoni mill-gvern tal-abbozz tal-baġit tal-2025 lill-parlament.

Proċessi oħra relatati

(9)Fis-26 ta’ Lulju 2024, il-Kunsill stabbilixxa l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv fl-Ungerija minħabba nuqqas ta’ konformità mal-kriterju tad-defiċit.

(10)Fis-26 ta’ Novembru 2024, il-Kummissjoni rrakkomandat Rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) TFUE bil-ħsieb li tintemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv tal-gvern fl-Ungerija 7 . Fin-nuqqas ta’ pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju approvat mill-Kunsill, il-perkors tan-nefqa netta korrettiv irrakkomandat irrifletta t-trajettorja referenzjarja b’aġġustament fiskali ta’ 4 snin, aġġornata fuq il-bażi ta’ data aktar reċenti, inkluż it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni (Tabella 2). Fis-16 ta’ Jannar 2025, il-Kummissjoni adottat Rakkomandazzjoni emendata għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) tat-TFUE lill-Ungerija wara l-valutazzjoni tagħha tal-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tal-Ungerija. Din ir-Rakkomandazzjoni tikkoinċidi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) TFUE bil-ħsieb li tintemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv tal-gvern fl-Ungerija. L-adozzjoni simultanja ta’ dawk ir-rakkomandazzjonijiet, li hija mfassla u ġġustifikata mit-tranżizzjoni għall-qafas il-ġdid ta’ governanza ekonomika, tiżgura konsistenza bejn il-perkorsi ta’ aġġustament rakkomandati.

Tabella 2: Trajettorja referenzjarja aġġornata abbażi ta’ data aktar reċenti

Snin

2025

2026

2027

2028

Medja 2025-2028

Rati ta’ tkabbir

(%)

Annwali

3,9

3,3

3,3

3,1

3,4

Kumulattiva (*)

7,6

11,1

14,7

18,3

mhux disponibbli

(*) Ir-rati kumulattivi ta’ tkabbir huma kkalkulati b’referenza għas-sena bażi ta’ 2023.

(11)Fid-19 ta’ Ġunju 2024, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Ungerija qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi. B’mod partikolari, l-Ungerija qed tiffaċċja vulnerabbiltajiet relatati mal-pressjonijiet fuq il-prezzijiet u l-ħtiġijiet esterni u ta’ finanzjament tal-gvern, li għadhom rilevanti, għalkemm ambjent estern li qed jitjieb taffa xi riskji fuq terminu qasir 8 .

(12)Fil-21 ta’ Ottubru 2024, il-Kunsill indirizza lill-Ungerija serje ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSRs, country-specific recommendations) fil-kuntest tas-Semestru Ewropew 9 .

SOMMARJU TAL-PJAN U L-VALUTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI TIEGĦU

(13)Skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-Kummissjoni vvalutat il-pjan kif ġej:

Kuntest: sitwazzjoni u prospetti makroekonomiċi u fiskali

(14)Il-PDG tal-Ungerija naqas b’0,9 % fl-2023, xprunat minn domanda domestika u esterna dgħajfa. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni, it-tkabbir tal-PDG huwa mistenni jiżdied u jilħaq iż-0,6 % fl-2024, xprunat primarjament mill-konsum privat u kontribuzzjoni pożittiva mill-esportazzjonijiet netti. Fl-2025, il-PDG reali huwa mistenni li jiżdied b’1,8 %, appoġġat mill-konsum u minn rkupru moderat fl-investiment. Fl-2026, it-tkabbir tal-PDG reali huwa mbassar li jiżdied bi 3,1 %, xprunat mid-domanda domestika u l-irkupru tal-esportazzjonijiet. Il-PDG potenzjali fl-Ungerija huwa mistenni li jiżdied minn 1,4 % fl-2024 għal 1,7 % sal-2026, xprunat mill-investimenti u ż-żieda fil-produttività. Ir-rata tal-qgħad kienet ta’ 4,1 % fl-2023, u hija pprojettata mill-Kummissjoni li tiżdied kemxejn sa 4,5 % fl-2024 qabel tonqos sa 4,3 % fl-2025 u 4,1 % fl-2026. L-inflazzjoni (id-deflatur tal-PDG) hija pprojettata li tonqos minn 14,6 % fl-2023 għal 7,2 % fl-2024, u li tilħaq 4,1 % fl-2025 u 3,3 % fl-2026.

(15)Fl-2023, id-defiċit tal-gvern estiż tal-Ungerija kien jammonta għal 6,7 % tal-PDG. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni fuq bażi ta’ ebda bidla fil-politika, huwa mistenni li jilħaq 5,4 % tal-PDG fl-2024 u li jonqos għal 4,6 % u għal 4,1 % tal-PDG fl-2025 u l-2026 rispettivament. It-tbassir tal-Kummissjoni ma jinkorporax il-baġit tal-Ungerija għall-2025 adottat mill-parlament nazzjonali f’Diċembru 2024. Id-dejn tal-amministrazzjoni pubblika kien ta’ 73,4 % tal-PDG fi tmiem l-2023 u huwa mistenni li jiżdied għal 74,5 % tal-PDG fi tmiem l-2024. Huwa pprojettat li jistabbilizza f’livell ta’ 74,5 % tal-PDG fi tmiem l-2025 u jonqos għal 73,8 % fi tmiem l-2026. It-tbassir fiskali mill-Kummissjoni jinkorpora biss impenji ta’ politika mħabbra b’mod kredibbli u speċifikati biżżejjed u ma jinkludix il-miżuri kollha mressqa mill-Ungerija fil-pjan.

Perkors tan-nefqa netta u suppożizzjonijiet makroekonomiċi ewlenin fil-pjan 

(16)Il-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tal-Ungerija jkopri l-perjodu 2025-2028 u jippreżenta aġġustament fiskali fuq 4 snin.

(17)Il-pjan fih l-informazzjoni kollha meħtieġa mill-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2024/1263.

(18)Il-pjan, kif ikkumplimentat bl-addendum, jimpenja ruħu għall-perkors tan-nefqa netta indikat fit-Tabella 3, li jikkorrispondi għal tkabbir medju tan-nefqa netta ta’ 4,0 % matul is-snin 2025-2028. It-tkabbir medju tan-nefqa netta rrapportat fil-pjan matul il-perjodu ta’ aġġustament (2025-2028) huwa aktar baxx mit-trajettorja referenzjarja trażmessa mill-Kummissjoni fil-21 ta’ Ġunju 2024 iżda ogħla mit-trajettorja referenzjarja aġġornata bbażata fuq data aktar riċenti. Il-pjan jassumi li t-tkabbir potenzjali tal-PDG se jiżdied għal 1,5 % fl-2025 (minn 1,4 % fl-2024), qabel ma jiżdied għal 1,7 % fl-2028. Barra minn hekk, il-pjan jistenna li r-rata ta’ tkabbir tad-deflatur tal-PDG tonqos għal 4,1 % fl-2025 (minn 7,2 % fl-2024), qabel ma tonqos għal 3,4 % fl-2028.

Tabella 3: Perkors tan-nefqa netta u s-suppożizzjonijiet ewlenin fil-pjan tal-Ungerija

2024

2025

2026

2027

2028

Medja matul il-perjodu ta’ validità tal-pjan

2025-2028

Tkabbir fin-nefqa netta 
(annwali, %)

4,6

4,3

4,0

3,9

3,7

4,0

Tkabbir fin-nefqa netta 
(kumulattiva, mis-sena bażi 2023, %)

4,6

9,1

13,5

17,9

22,2

mhux disponibbli

Tkabbir potenzjali tal-PDG (%)

1,4

1,5

1,7

1,7

1,6

1,6

Inflazzjoni (Tkabbir tad-deflatur tal-PDG) (%)

7,2

4,1

3,5

3,4

3,4

3,6

Sors: Il-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju tal-Ungerija u l-kalkoli tal-Kummissjoni.

Implikazzjonijiet tal-impenji tan-nefqa netta tal-pjan għad-dejn tal-gvern estiż

(19)Jekk il-perkors tan-nefqa netta impenjat fil-pjan u s-suppożizzjonijiet sottostanti jimmaterjalizzaw, id-dejn tal-gvern estiż, skont il-pjan, jonqos gradwalment minn 74,0 % fl-2024 għal 68,2 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta’ aġġustament (2028), skont it-tabella li ġejja. Wara l-perjodu ta’ aġġustament, fuq terminu medju (jiġifieri sal-2038), il-proporzjon tad-dejn huwa mistenni li jkompli jonqos, skont il-pjan, biex jilħaq l-54,5 % tal-PDG sal-2038. Għalhekk, skont il-pjan, id-dejn tal-gvern estiż jinġieb taħt il-valur referenzjarju tat-Trattat ta’ 60 % tal-PDG fuq terminu medju. Dan huwa plawżibbli abbażi tas-suppożizzjonijiet tal-pjan, peress li d-dejn ikun ipprojettat li jkun taħt is-60 % tal-PDG sal-2038 skont it-testijiet tal-istress deterministiċi kollha tal-Analiżi tas-Sostenibbiltà tad-Dejn tal-Kummissjoni. Għalhekk, abbażi tal-impenji ta’ politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta mressaq fil-pjan huwa konsistenti mar-rekwiżit għad-dejn kif stabbiliti fl-Artikoli 6, il-punt (a), u 16(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263.

Tabella 4: Id-dejn tal-gvern estiż u l-iżviluppi tal-bilanċ fil-pjan tal-Ungerija

2023

2024

2025

2026

2027

2028

2038

Id-dejn tal-gvern

(% tal-PDG)

73,4

74,0

73,5

71,3

69,9

68,2

54,5

Bilanċ tal-gvern

(% tal-PDG)

-6,7

-4,9

-3,6

-2,5

-2,0

-1,5

-2,2

Sors: Pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju tal-Ungerija

Implikazzjonijiet tal-impenji tan-nefqa netta tal-pjan għall-bilanċ tal-gvern estiż

(20)Abbażi tal-perkors tan-nefqa netta u s-suppożizzjonijiet tal-pjan, id-defiċit tal-gvern estiż jonqos minn 4,9 % tal-PDG fl-2024 għal 2,5 % tal-PDG sal-2026 u għal 1,5 % tal-PDG fl-2028. Għalhekk, skont il-pjan, il-bilanċ tal-gvern estiż ma jaqbiżx il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta’ aġġustament (2028). Barra minn hekk, fl-10 snin wara l-perjodu ta’ aġġustament (jiġifieri sal-2038), id-defiċit tal-gvern ma jaqbiżx it-3 % tal-PDG. Għalhekk, abbażi tal-impenji ta’ politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta mressaq fil-pjan hu konsistenti mar-rekwiżit għad-defiċit kif stabbilit fl-Artikolu 6(b) u fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263.

Il-profil taż-żmien tal-aġġustament fiskali 

(21)Il-profil taż-żmien tal-aġġustament fiskali, imkejjel bħala l-bidla fil-bilanċ primarju strutturali, kif deskritt fil-pjan, huwa lineari, kif meħtieġ mill-Artikolu 6, il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2024/1263. Għalhekk, abbażi tal-impenji ta’ politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta propost fil-pjan huwa konsistenti mal-klawżola ta’ salvagwardja ta’ ebda backloading stabbilita fl-Artikolu 6, il-punt (c) tar-Regolament (UE) 2024/1263.

Tabella 5: Żviluppi fil-bilanċ primarju strutturali fil-pjan tal-Ungerija

2023

2024

2025

2026

2027

2028

Bilanċ primarju strutturali

(% tal-PDG)

-1,7

0,6

1,2

1,7

2,3

2,8

Bidla fil-bilanċ primarju strutturali

(punti perċentwali)

mhux disponibbli

2,3

0,5

0,5

0,5

0,5

Sors: Pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju tal-Ungerija

Konsistenza tal-pjan mal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv 

(22)Il-perkors tan-nefqa netta stabbilit fil-pjan huwa konformi mar-rekwiżiti skont il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (b’mod partikolari mal-aġġustament strutturali annwali minimu stabbilit fl-Artikolu 3(4), it-tielet subparagrafu tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 1467/97).

Konsistenza tal-pjan mas-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit

(23)Ir-rekwiżit tal-parti preventiva stabbilit fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2024/1263 rigward is-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit, li għandu l-għan li jipprovdi marġni komuni relatat mal-valur referenzjarju tad-defiċit ta’ 3 % tal-PDG, japplika għall-Ungerija mill-2027, peress li d-defiċit huwa ppjanat li jkun inqas minn 3 % tal-PDG mill-2026. Fis-snin 2027 u 2028, f’konformità mal-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2024/1263, l-aġġustament annwali fil-bilanċ primarju strutturali jenħtieġ li ma jkunx inqas minn 0,4 punti perċentwali jekk id-defiċit strutturali jkun baqa’ ’l fuq minn 1,5 % tal-PDG fis-sena preċedenti, biex jinkiseb marġni komuni ta’ reżiljenza f’termini strutturali ta’ 1,5 % tal-PDG. L-aġġustament fiskali li jirriżulta mill-impenji ta’ politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan huwa ta’ 0,5 % tal-PDG kemm fl-2027 kif ukoll fl-2028. Għalhekk, abbażi tal-impenji ta’ politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta mressaq fil-pjan huwa konsistenti mas-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit.

Konsistenza tal-pjan mas-salvagwardja tas-sostenibbiltà tad-dejn

(24)F’konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2024/1263, peress li d-dejn tal-gvern estiż se jkun bejn 60 % u 90 % tal-PDG matul il-perjodu ta’ aġġustament skont il-pjan, il-proporzjon tad-dejn huwa meħtieġ li jonqos b’mill-inqas 0,5 punti perċentwali bħala medja fis-sena sakemm jaqa’ taħt is-60 %. Dan it-tnaqqis huwa kkalkolat matul il-perjodu 2027-2028, jiġifieri jibda fis-sena li fiha l-proċedura ta’ defiċit eċċessiv tiġi abrogata skont il-pjan, u jammonta għal 1,7 punti perċentwali. Għalhekk, abbażi tal-impenji ta’ politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta ppreżentat fil-pjan ikun konsistenti mas-salvagwardja tas-sostenibbiltà tad-dejn.

Suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan

(25)Il-pjan huwa bbażat fuq sett ta’ suppożizzjonijiet li huwa konsistenti ma’ dawk li jirfdu t-trajettorja referenzjarja aġġornata abbażi ta’ data aktar reċenti (inkluż it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni) fit-Tabella 2 ħlief għal żewġ varjabbli, jiġifieri l-punt tat-tluq (bilanċ primarju strutturali għall-2024) u t-tkabbir tad-deflatur tal-PDG għall-2026. Valutazzjoni bir-reqqa ta’ dawn id-differenzi fis-suppożizzjonijiet hija meħtieġa biex jiġi żgurat li dawn ikunu sostnuti minn argumenti ekonomiċi sodi u mmexxija mid-data. Valutazzjoni ta’ dawn id-differenzi fis-suppożizzjonijiet hija pprovduta hawn taħt, flimkien ma’ valutazzjoni ta’ kull differenza kkunsidrata b’mod iżolat.

·Il-pjan jassumi pożizzjoni fiskali inizjali aktar favorevoli, bl-ipotesi ta’ bilanċ primarju strutturali ta’ 0,6 % tal-PDG meta mqabbel ma’ 0,2 % fit-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni. Il-bilanċ primarju strutturali ogħla fil-pjan jirrifletti eżitu baġitarju aħjar milli mistenni għal Jannar-Novembru 2024, b’mod partikolari dħul mhux mit-taxxa ogħla milli mistenni u nefqa kemxejn aktar baxxa milli mistenni. Konsegwentement, din is-suppożizzjoni titqies li hija ġġustifikata u tikkontribwixxi għal tkabbir medju fin-nefqa netta aktar għoli matul il-perjodu ta’ aġġustament.

·Il-pjan jassumi inflazzjoni (deflatur tal-PDG) ta’ 3,5 % għall-2026 meta mqabbla ma’ 3,3 % fit-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni. Il-pjan jispjega din id-differenza permezz ta’ żidiet ogħla fil-pagi fl-2026 minħabba l-ftehim dwar il-pagi ta’ tliet snin iffirmat fil-25 ta’ Novembru 2024 bejn l-assoċjazzjonijiet tan-negozju u tax-xogħol fl-Ungerija. Għaldaqstant, il-paga minima se tikber b’9 % fl-2025 u dan huwa konformi mat-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni. Fl-2026, il-ftehim jistabbilixxi tkabbir fil-paga minima ta’ 13 %, li jimplika tkabbir fil-pagi u inflazzjoni ogħla mill-projezzjoni tat-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni. Din is-suppożizzjoni titqies li hija ġġustifikata u tikkontribwixxi għal tkabbir medju fin-nefqa netta aktar għoli matul il-perjodu ta’ aġġustament fil-pjan.

B’mod ġenerali, id-differenza bejn il-perkors tan-nefqa netta fil-pjan u t-trajettorja referenzjarja aġġornata abbażi ta’ data aktar reċenti hija spjegata mid-differenzi fis-suppożizzjonijiet li huma debitament ġustifikati, f’konformità mal-Artikolu 13(b) tar-Regolament (UE) 2024/1263. B’mod ġenerali, id-differenzi kollha fis-suppożizzjonijiet meħudin flimkien iwasslu għal tkabbir medju fin-nefqa netta fil-pjan li huwa ogħla mit-trajettorja referenzjarja aġġornata abbażi ta’ data aktar reċenti. Fuq il-bażi ta’ din il-valutazzjoni, il-pjan jissodisfa r-rekwiżit fil-qafas tal-Artikolu 13(b) tar-Regolament (UE) 2024/1263.

Il-Kummissjoni se tqis il-valutazzjoni ta’ hawn fuq tas-suppożizzjonijiet tal-pjan f’valutazzjonijiet futuri tal-konformità mal-perkors tan-nefqa netta.

Strateġija fiskali fil-pjan

(26)Il-pjan ma jinkludix strateġija fiskali kompluta u kwantifikata. L-ispeċifikazzjoni preċiża tal-miżuri ta’ politika rilevanti għandha tiġi kkonfermata jew aġġustata u kkwantifikata fil-baġits annwali. Il-baġit adottat għall-2025 jispeċifika l-miżuri ta’ politika li permezz tagħhom il-gvern qed jippjana li jikseb l-impenn tan-nefqa netta għall-2025. Il-pjan jinkludi wkoll għadd ta’ miżuri mhux kwantifikati li jżidu d-defiċit f’oqsma differenti, li jistgħu jaffettwaw l-eżiti fiskali fit-terminu medju. Għalhekk, jistgħu jkunu meħtieġa aktar miżuri fiskali biex jintlaħqu l-impenji fil-pjan.

Intenzjonijiet ta’ riforma u investiment fil-pjan bħala reazzjoni għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u għall-indirizzar tal-prijoritajiet komuni tal-Unjoni

(27)Il-pjan jiddeskrivi l-intenzjonijiet ta’ politika li jikkonċernaw ir-riformi u l-investimenti bħala rispons għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, speċjalment is-CSRs, inklużi dawk li jappartjenu għall-MIP, u biex jiġu indirizzati l-prijoritajiet komuni tal-UE. Il-pjan jinkludi 132 riforma u investiment li għandhom il-ħsieb li jindirizzaw il-prijoritajiet komuni tal-UE, li minnhom 41 huma appoġġati finanzjarjament mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u 29 mill-fondi tal-politika ta’ koeżjoni.

(28)Rigward il-prijorità komuni ta’ tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta, inklużi l-objettivi klimatiċi stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/1119, il-pjan jinkludi aktar minn 40 riforma u investiment. Diversi riformi u investimenti fit-tranżizzjoni ekoloġika jidhru bħala miżuri fil-Pjan Ungeriż għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRP), inkluż il-kapitolu REPowerEU, jew huma appoġġati mill-fondi tal-politika ta’ koeżjoni. Il-pjan jinkludi miżuri li jappoġġaw it-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika u t-trasport ekoloġiku, speċifikament billi tiżdied l-introduzzjoni tal-karozzi elettriċi, jiġu żviluppati ferroviji, networks tal-iċċarġjar u mogħdijiet għar-roti. Riformi u investimenti oħra għandhom l-għan li jtejbu l-ġestjoni tal-iskart tal-pajjiż u jappoġġaw l-ekonomija ċirkolari b’mod partikolari, pereżempju billi jfasslu pjan għall-immaniġġjar tal-iskart u jużaw infrastruttura intelliġenti tal-iskart. Il-pjan jinkludi wkoll miżuri mmirati lejn l-appoġġ ta’ proċessi ta’ manifattura li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent u t-tisħiħ tal-ħiliet ekoloġiċi. Miżuri oħra għandhom l-għan li jtejbu l-infrastruttura tal-ilma, jaċċelleraw l-adattament għat-tibdil fil-klima fil-ġestjoni tal-ilma, iwasslu investimenti fil-konservazzjoni tan-natura u jintroduċu taxxa fuq il-kwota tas-CO2. Diversi riformi u investimenti għandhom ukoll l-għan li jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni diġitali tal-Ungerija billi joffru soluzzjonijiet diġitali fir-rapportar u l-monitoraġġ tat-taxxa (eVAT, eReceipt u eCashier), jiżviluppaw ħiliet diġitali, jirriformaw is-sistema unika nazzjonali tat-tariffi u tal-informazzjoni għall-passiġġieri, u jtejbu t-tħejjija diġitali tan-negozji u s-servizzi pubbliċi, is-sistema tal-enerġija u l-ġestjoni tal-iskart. Il-miżuri relatati mal-prijorità komuni ta’ tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta għandhom l-għan li jindirizzaw is-CSRs (2019, 2020, 2022 u 2023) dwar it-trasport sostenibbli, il-ġestjoni tal-iskart u tal-ilma, it-tranżizzjoni tal-enerġija, is-simplifikazzjoni tat-taxxa, il-kwalità tat-teħid tad-deċiżjonijiet, id-diġitalizzazzjoni tan-negozji u s-suq tax-xogħol. Il-pjan ma jinkludix miżuri relatati mas-CSR tal-2023 u l-2024 dwar it-tneħħija gradwali tas-sussidji għall-fjuwils fossili.

(29)Fir-rigward tal-prijorità komuni tar-reżiljenza soċjali u ekonomika, inkluż il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-pjan jinkludi madwar 80 riforma u investiment li l-Ungerija tistenna li se jikkontribwixxu għat-tisħiħ tar-reżiljenza soċjali u ekonomika tal-pajjiż. Diversi riformi u investimenti mmirati lejn ir-reżiljenza soċjali u ekonomika jidhru bħala miżuri fl-RRP Ungeriż, inkluż il-kapitolu REPowerEU, jew huma appoġġati mill-fondi tal-politika ta’ koeżjoni. Il-pjan jinkludi miżuri biex jittejjeb l-aċċess għas-suq tax-xogħol għal xi gruppi vulnerabbli (pereżempju, bil-ħolqien ta’ faċilitajiet ġodda għall-indukrar tat-tfal) inklużi ż-żgħażagħ u l-anzjani, l-akkomodazzjoni (inkluż l-iżvilupp ta’ djar soċjali ġodda bħala parti mill-Programm ta’ Rkupru tal-Insedjamenti u diversi Programmi għall-Ħolqien tad-Djar), l-edukazzjoni (inkluż billi jiżdiedu l-pagi tal-għalliema), u l-kura tas-saħħa (pereżempju, l-iżvilupp ta’ kura primarja u sptarijiet). Il-pjan jinkludi wkoll miżuri li jippromwovu l-koeżjoni soċjali, l-iżvilupp diġitali u infrastrutturali fl-edukazzjoni pubblika u għolja kif ukoll fit-taħriġ u l-edukazzjoni vokazzjonali. Hemm diversi miżuri dwar it-titjib tal-impjegabbiltà b’taħriġ mill-ġdid, u biex jiġi appoġġat l-iżvilupp tal-intrapriżi. Miżuri bħal self preferenzjali għal intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju għandhom l-għan li jtejbu l-kapaċitajiet ta’ esportazzjoni tal-kumpaniji. Fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni, il-pjan jelenka miżuri bħall-istabbiliment ta’ laboratorji nazzjonali li għandhom l-għan li jrawmu l-innovazzjoni. Barra minn hekk, il-pjan jinkludi riformi u investimenti li għandhom l-għan li jimmodernizzaw l-amministrazzjoni pubblika u t-tassazzjoni. Il-pjan jinkludi miżuri biex jiġu implimentati l-istrateġija u l-pjan ta’ azzjoni nazzjonali adottati kontra l-korruzzjoni u biex jitwettqu rieżamijiet tal-infiq fuq bażi regolari. Ir-riformi u l-investimenti li jinsabu fil-pjan għandhom l-għan li jindirizzaw is-CSRs tal-2019, l-2020, l-2022, l-2023 u l-2024 dwar l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp, il-politika soċjali, l-ambjent tan-negozju, il-qafas baġitarju, it-tassazzjoni, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, l-indipendenza ġudizzjarja, is-suq tax-xogħol u l-kura tas-saħħa. Il-pjan ma jinkludix miżuri maħsuba biex jindirizzaw is-CSR tal-2022 dwar is-sostenibbiltà fit-tul tas-sistema tal-pensjonijiet peress li, skont il-pjan, il-gvern ma jippjana l-ebda bidla fis-sistema tal-pensjonijiet fil-futur qrib. Lanqas ma tinkludi miżuri biex jiġu indirizzati s-CSRs relatati mal-MIP tal-2023 u l-2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki makroekonomiċi u t-tneħħija gradwali tal-imgħax u l-limiti massimi tal-prezzijiet biex jitnaqqas l-effett distorsiv tagħhom. Il-pjan ma jinkludix miżuri biex jiġu indirizzati s-CSRs tal-2019, l-2020, l-2022, l-2023 u l-2024 dwar l-adegwatezza tal-benefiċċju tal-qgħad peress li l-pjan jinforma li l-gvern ma għandux l-intenzjoni li jimmodifika d-durata tal-benefiċċju tal-qgħad. Il-pjan ma jinkludix miżuri maħsuba biex jindirizzaw is-CSRs tal-2023 u l-2024 dwar id-djalogu soċjali. Fl-aħħar nett, huwa ma jinkludix miżuri li għandhom l-għan li jindirizzaw is-CSRs tal-2020, l-2023 u l-2024 dwar l-użu limitat ta’ miżuri ta’ emerġenza f’konformità mal-prinċipju tas-suq uniku u l-istat tad-dritt.

(30)Fir-rigward tal-prijorità komuni tas-sigurtà tal-enerġija, il-pjan jinkludi riformi u investimenti li l-Ungerija tistenna li se jikkontribwixxu għat-tisħiħ tas-sigurtà tal-enerġija tal-pajjiż. Diversi minn dawn ir-riformi u l-investimenti huma inklużi fl-RRP Ungeriż, inkluż il-kapitolu REPowerEU, jew huma appoġġati mill-fondi tal-politika ta’ koeżjoni. Il-pjan jinkludi miżuri mmirati lejn l-appoġġ għall-użu ta’ impjanti tal-enerġija mir-riħ, iż-żieda fl-effiċjenza enerġetika tal-abitazzjonijiet, l-appoġġ għall-installazzjoni ta’ pannelli solari residenzjali u l-elettrifikazzjoni tas-sistemi tat-tisħin. Riformi oħra fil-pjan għandhom l-għan li jużaw enerġija rinnovabbli alternattiva, jimmodernizzaw il-bini pubbliku (bħal sptarijiet, istituzzjonijiet edukattivi) u jtejbu l-effiċjenza enerġetika tal-industrija u tal-kumpaniji. Il-pjan jinkludi wkoll miżuri mmirati biex jiżviluppaw networks tal-enerġija u jżidu l-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija. Il-miżuri fil-pjan relatati mal-prijorità komuni tas-sigurtà tal-enerġija għandhom l-għan li jindirizzaw is-CSRs (2022, 2023 u 2024) dwar l-enerġija.

(31)Fir-rigward tal-prijorità komuni tal-kapaċitajiet ta’ difiża, il-pjan ma jinkludi l-ebda miżura. Il-pjan jassumi li l-livell ta’ nfiq għad-difiża se jinżamm f’livell ta’ 2 % tal-PDG matul il-perjodu ta’ żmien tal-pjan.

(32)Il-pjan jipprovdi informazzjoni dwar il-konsistenza u, fejn xieraq, il-komplementarjetà, mal-Fondi tal-politika ta’ koeżjoni u mal-RRP tal-Ungerija. Il-Kapitolu dwar ir-riforma u l-investiment tal-pjan isemmi b’mod espliċitu jekk miżura hijiex inkluża fl-RRP jew fil-programmi tal-politika ta’ koeżjoni. Barra minn hekk, it-Tabella 9 fil-pjan tipprovdi ħarsa ġenerali komprensiva lejn il-miżuri u r-rabta tagħhom mal-RRP, il-programmi tal-politika ta’ koeżjoni u l-prijoritajiet komuni. Il-pjan jispjega li l-gvern ma jaqbilx mal-miżuri ta’ politika għar-riforma tas-sistema tal-pensjonijiet kif propost mill-espert indipendenti fir-rigward tar-riforma prevista fl-RRP. Il-pjan isemmi wkoll li l-gvern se jelimina gradwalment xi taxxi fuq il-profitt mhux mistenni u t-taxxi settorjali aktar tard milli impenjat skont il-miżura rispettiva tal-RRP, filwaqt li oħrajn mhumiex ippjanati li jitneħħew gradwalment.

(33)Il-pjan jipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-ħtiġijiet ta’ investiment pubbliku tal-Ungerija relatati mal-prijoritajiet komuni tal-UE bl-eċċezzjoni tar-raba’ (4) prijorità relatata mal-bini tal-kapaċità tad-difiża. Fir-rigward tal-prijorità komuni ta’ tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta, inklużi l-objettivi klimatiċi, il-ħtiġijiet ta’ investiment fil-pjan jinkludu aktar investiment fit-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali tan-negozji, u d-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika. Investimenti ġodda għandhom l-għan li jgħammru s-sistema edukattiva b’għodod diġitali u infrastruttura relatata. Fir-rigward tal-prijorità komuni tar-reżiljenza soċjali u ekonomika, il-pjan jinkludi l-ħtiġijiet ta’ investiment għan-negozji biex itejbu l-kapaċitajiet ta’ esportazzjoni u innovazzjoni tagħhom. Skont il-pjan hemm bżonn ta’ investimenti biex jiġu żviluppati politiki attivi tas-suq tax-xogħol, b’mod partikolari permezz ta’ programmi ta’ taħriġ mill-ġdid u ta’ titjib tal-ħiliet u biex jiġu appoġġati l-ifqar unitajiet domestiċi. Fil-kura tas-saħħa, l-investimenti għad-diġitalizzazzjoni tal-proċessi tal-kura tas-saħħa għandhom l-għan li jiffaċilitaw l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa u jtejbu l-kwalità tal-kura. L-investiment pubbliku fir-rinnovazzjoni tal-linji ferrovjarji u fid-diġitalizzazzjoni jikkontribwixxi biex is-settur tat-trasport isir aktar sostenibbli. Fir-rigward tal-prijorità komuni tas-sigurtà tal-enerġija, il-pjan jinkludi l-ħtiġijiet ta’ investiment fil-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli, it-titjib tal-effiċjenza enerġetika fid-djar residenzjali u fil-bini pubbliku kif ukoll l-iżviluppi fin-network tal-elettriku u l-elettromobbiltà, inkluża l-infrastruttura relatata.

Konklużjoni tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni

(34)B’mod ġenerali, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-pjan tal-Ungerija jissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263.

KONKLUŻJONI ĠENERALI

(35)F’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-perkors tan-nefqa netta kif stabbilit fil-pjan għandu jiġi rrakkomandat mill-Kunsill lill-Ungerija.

B’DAN JIRRAKKOMANDA LI L-UNGERIJA:

(1)Tiżgura li t-tkabbir fin-nefqa netta ma jaqbiżx il-massimi stabbiliti fl-Anness I ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

Barra minn hekk, il-Kunsill jistieden lill-Ungerija biex tiżgura t-twettiq ta’ riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, b’mod partikolari fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, u li jindirizzaw il-prijoritajiet komuni tal-Unjoni.



ANNESS I

Rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta
(rati annwali u kumulattivi ta’ tkabbir, f’termini nominali)

L-Ungerija

Snin

2025

2026

2027

2028

Rati ta’ tkabbir (%)

Annwali

4,3

4,0

3,9

3,7

Kumulattiva (*)

9,1

13,5

17,9

22,2

(*) Ir-rati kumulattivi ta’ tkabbir huma kkalkulati b’referenza għas-sena bażi ta’ 2023. Ir-rati kumulattivi ta’ tkabbir huma użati fil-monitoraġġ annwali tal-konformità ex post fil-kont ta’ kontroll.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj ).
(2)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1264 tad-29 ta’ April 2024 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (ĠU L, 2024/1264, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1264/oj ).
(3)    Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2024/1265 tad-29 ta’ April 2024 li temenda d-Direttiva 2011/85/UE dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L, 2024/1265, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1265/oj ).
(4)    Nefqa netta kif definita fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2024/1263, jiġifieri nefqa tal-gvern netta (i) min-nefqa fuq l-imgħax, (ii) mill-miżuri ta’ dħul diskrezzjonali, (iii) min-nefqa fuq programmi tal-Unjoni ffinanzjati bis-sħiħ mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni, (iv) min-nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta’ programmi ffinanzjati mill-Unjoni, (v) mill-elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad, u (vi) minn miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħra.
(5)    Il-gwida minn qabel trażmessa lill-Istati Membri u lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju tinkludi trajettorji b’estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament u mingħajrha (li tkopri 4 u 7 snin, rispettivament). Dan jinkludi wkoll il-kundizzjonijiet inizjali ewlenin u s-suppożizzjonijiet sottostanti użati fil-qafas tal-projezzjoni tad-dejn tal-gvern fuq terminu medju tal-Kummissjoni. It-trajettorja referenzjarja ġiet ikkalkulata abbażi tal-metodoloġija deskritta fil-Monitoraġġ tas-Sostenibbiltà tad-Dejn tal-Kummissjoni 2023 ( https://economy-finance.ec.europa.eu/publications/debt-sustainability-monitor-2023_en ). Hija bbażata fuq it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea u l-estensjoni tiegħu fuq terminu medju sal-2033, u t-tkabbir tal-PDG fit-tul u l-ispejjeż tat-tixjiħ huma konformi mar-Rapport konġunt tal-2024 bejn il-Kummissjoni u l-Kunsill dwar it-Tixjiħ ( https://economy-finance.ec.europa.eu/publications/2024-ageing-report-economic-and-budgetary-projections-eu-member-states-2022-2070_en ).
(6)     https://economy-finance.ec.europa.eu/economic-and-fiscal-governance/national-medium-term-fiscal-structural-plans_en#hungary
(7)    Ir-Rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill bil-għan li tintemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv fl-Ungerija, 26.11.2024, COM(2024) 953 final.
(8)    “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment”, COM(2024) 600 final, Appendiċi 4
(9)    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2024 dwar il-politiki ekonomiċi, baġitarji, tal-impjiegi u strutturali tal-Ungerija.