IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 26.1.2024
SWD(2024) 16 final
DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI
SOMMARJU EŻEKUTTIV TAR-RAPPORT TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT
Li jakkumpanja d-dokument
Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
li temenda d-Direttiva 2005/44/KE dwar is-Servizzi Armonizzati tal-Informazzjoni tax-Xmajjar (RIS) fil-passaġġi fuq l-ilma interni fil-Komunità
{COM(2024) 33 final} - {SEC(2024) 38 final} - {SWD(2024) 15 final}
A. Ħtieġa li tittieħed azzjoni
X’inhi l-problema u għalfejn hi problema fil-livell tal-UE?
Is-Servizzi tal-Informazzjoni tax-Xmajjar (RIS) jappoġġaw il-ġestjoni tat-traffiku u tat-trasport fin-navigazzjoni interna. Dawn għandhom l-għan li jikkontribwixxu: (i) għal proċess tat-trasport sikur u effiċjenti, u (ii) biex il-passaġġi fuq l-ilma interni jintużaw kemm jista’ jkun possibbli. Il-proċess leġiżlattiv għal regolamentazzjoni tar-RIS fil-livell tal-UE beda fl-2005 bl-adozzjoni tad-Direttiva RIS (id-Direttiva 2005/44/KE). Id-Direttiva tistabbilixxi qafas għall-varar u l-użu ta’ RIS armonizzati, interoperabbli u miftuħa biex jiżdiedu s-sikurezza, l-effiċjenza u l-ħarsien ambjentali tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni (IWT) fl-UE. Fl-istess ħin, id-Direttiva hi maħsuba biex tiffaċilita l-interfaċċi bejn l-IWT u mezzi oħra tat-trasport (jiġifieri t-trasport multimodali). Fil-qafas tal-UE, id-Direttiva tistabbilixxi: (i) ir-rekwiżiti ġenerali dwar kif ir-RIS iridu jiġu stabbiliti mill-Istati Membri, (ii) l-oqsma li għalihom jeħtieġ jinħolqu standards, u (iii) il-prinċipji li jridu jitħaddmu. Il-linji gwida u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi attwali tiżviluppahom il-Kummissjoni u jiġu adottati bil-leġiżlazzjoni sekondarja.
Wara l-evalwazzjoni tad-Direttiva li saret fl-2021 u l-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, il-problema identifikata fil-valutazzjoni tal-impatt hija l-varar bil-mod u frammentat tar-RIS, li jxekkel il-kompetittività u s-sikurezza tas-settur, u l-kontribut tiegħu għall-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.
Xi jrid jinkiseb?
Ir-reviżjoni tad-Direttiva RIS għandha tipprovdi qafas effettiv għall-varar u l-użu ta’ RIS armonizzati fl-UE b’enfasi fuq: (i) li jkunu jistgħu jissaħħu l-kompetittività u s-sikurezza tas-settur, u (ii) il-kontribut tiegħu għall-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Għal dan il-għan, l-inizjattiva hi maħsuba li tindirizza l-problema identifikata. L-objettivi speċifiċi tal-inizjattiva huma li: (i) tiżgura disponibbiltà aħjar tad-data tar-RIS, aċċess aħjar għar-RIS, u l-użu ta’ standards armonizzati, (ii) tiffaċilita l-integrazzjoni tal-IWT fil-katina multimodali, (iii) tiżgura adozzjoni u interoperabbiltà akbar tas-soluzzjonijiet diġitali, u (iv) tindirizza t-tħassib dwar il-protezzjoni tad-data.
X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE?
L-evalwazzjoni tal-2021 ikkonkludiet li l-benefiċċji tad-Direttiva ma setgħux jinkisbu fil-livell nazzjonali, primarjament minħabba l-frammentazzjoni kbira kemm tal-istandards kif ukoll tal-prattiki tal-implimentazzjoni. L-evalwazzjoni ħarġet fid-dieher li l-frammentazzjoni fil-varar tar-RIS teħtieġ intervent fil-livell tal-UE minħabba n-natura transfruntiera tas-settur tal-IWT. Din l-inizjattiva se tipprovdi valur miżjud addizzjonali tal-UE billi ttejjeb l-effiċjenza tar-RIS (mil-lat ta’ standards tekniċi, proċessi tal-adozzjoni, u skambju aħjar tal-informazzjoni), u billi tintegra aħjar il-passaġġi fuq l-ilma interni fil-ktajjen tal-provvista multimodali. Barra minn hekk, għalkemm il-problema hi limitata ġeografikament, u għandha impatt biss fuq l-Istati Membri li għandhom il-passaġġi fuq l-ilma navigabbli konnessi, azzjoni fil-livell tal-UE tkun aktar probabbli li tiżgura li s-soluzzjonijiet ikunu: (i) uniformi għall-Istati Membri kollha kkonċernati, u (ii) konsistenti mal-inizjattivi rilevanti tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-istrateġija għal mobbiltà sostenibbli u intelliġenti, u l-pjan ta’ azzjoni NAIADES III.
B. Soluzzjonijiet
X’inhuma d-diversi alternattivi biex jintlaħqu l-objettivi? Hemm alternattiva ppreferuta jew le? Jekk le, għalfejn?
Tfasslu tliet alternattivi ta’ politika (PO-A, PO-B, PO-C) u ġew ivvalutati skont kemm jindirizzaw il-problemi u l-kawżi ewlenin tal-problemi identifikati. L-alternattivi ta’ politika lkoll fihom diversi miżuri biex jgħinu ħalli jintlaħqu l-objettivi tal-inizjattiva, iżda kull alternattiva għandha livell differenti ta’ effettività u effiċjenza.
Il-PO-A tinkludi żewġ miżuri ta’ politika li huma komuni għat-tliet alternattivi ta’ politika, jiġifieri li: (i) ikunu żgurati d-disponibbiltà u l-kwalità tad-data fis-Sistema Elettronika għall-Ġestjoni tad-Dokumenti u r-Rekords (ERDMS), u (ii) jitwaqqaf kumitat Ewropew għat-tfassil tal-istandards fin-navigazzjoni interna (CESNI) biex joħloq l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għar-RIS. Barra minn hekk, il-PO-A tibbaża fuq linji gwida li jżidu l-armonizzazzjoni tal-implimentazzjoni tar-RIS, u tintroduċi mekkaniżmu għall-ilmenti fil-livell tal-Istati Membri. Mil-lat tar-rabtiet ma’ mezzi oħra, il-PO-A tipprevedi rabtiet volontarji ma’ pjattaformi elettroniċi tal-informazzjoni dwar it-trasport tal-merkanzija (eFTI). Barra minn hekk, tipprovdi ċarezza legali dwar l-użu tad-data personali, meta meħtieġ.
Il-PO-B tmur lil hinn fejn jidħol l-appoġġ tal-iżvilupp tar-RIS billi ddaħħal standards ġodda dwar id-data għan-navigazzjoni u l-ippjanar tal-vjaġġi, u tistabbilixxi pjattaforma RIS għall-iskambju tad-data. Barra minn hekk, din: (i) tistabbilixxi standards, (ii) teħtieġ rabtiet bejn ir-RIS u s-sistemi użati f’mezzi oħra tat-trasport (eż. il-marittimu), (iii) tobbliga rabtiet mal-eFTI, u (iv) tintroduċi standards għal skambji volontarji tal-informazzjoni mal-portijiet marittimi. Tallinja wkoll l-kamp tal-applikazzjoni ma’ dak tan-network TEN-T.
Il-PO-C issaħħaħ id-dispożizzjonijiet tal-PO-B u żżid elementi ġodda. Biex tappoġġa l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni, din tintroduċi qafas għall-kejl tal-prestazzjoni. Dan iżid għadd ta’ elementi li jeżiġu r-rappurtar elettroniku tal-pjanijiet tal-vjaġġi lill-awtoritajiet nazzjonali tat-trasport, u l-kondiviżjoni tad-data transfruntiera kollha meħtieġa għall-ġestjoni tat-traffiku u tat-trasport mill-Istati Membri. Barra minn hekk, din tobbliga l-iskambji tad-data mal-portijiet interni, filwaqt li tintroduċi mudelli għall-iskambji tad-data personali, meta meħtieġ mil-leġiżlazzjoni nazzjonali u internazzjonali.
Il-PO-B hija l-alternattiva ta’ politika ppreferuta għax tikseb l-aqwa bilanċ bejn l-objettivi li jridu jintlaħqu, u tipprovdi l-aħjar proporzjon ta’ benefiċċji u kostijiet minn fost l-alternattivi ta’ politika. Tiżgura grad ta’ proporzjonalità fl-intervent, u konformi għalkollox mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Barra minn hekk, ma tintroduċix piżijiet lis-settur privat.
X’inhi l-opinjoni tal-partijiet ikkonċernati differenti? Liema alternattiva u min jappoġġaha?
Il-partijiet ikkonċernati appoġġaw b’mod wiesa’ l-involviment tas-CESNI fl-iżvilupp u fl-adozzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi. Il-partijiet ikkonċernati qablu wkoll li r-RIS COMEX tipprovdi bażi importanti għal aktar żvilupp tal-pjattaforma RIS. Għadd żgħir ta’ esperti tar-RIS esprimew il-fehma li d-Direttiva kienet diġà wiesgħa biżżejjed, u li minflok trid issir enfasi fuq l-implimentazzjoni u fuq l-introduzzjoni ta’ linji gwida; u dan ġie rifless fl-approċċ ta’ PO-A. B’mod partikolari, kien hemm differenzi fl-opinjonijiet bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-operaturi tal-bastimenti dwar il-kostijiet u l-benefiċċji probabbli tal-mekkaniżmu għall-ilmenti (l-Istati Membri kellhom it-tendenza jkunu kontra) u tar-rappurtar elettroniku tal-vjaġġi (l-operaturi tal-bastimenti kellhom it-tendenza jkunu kontra). Ir-rabtiet bejn ir-RIS u l-eFTI ħolqu xi diskussjonijiet, għax xi awtoritajiet tal-Istati Membri dehrilhom li dawn ir-rabtiet jeħtieġ isiru obbligatorji, filwaqt li l-operaturi tal-bastimenti kienu aktar xettiċi (u xi wħud raw dawn bħala ftuħ potenzjali għal applikazzjonijiet minn negozju għal negozju). Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, kien hemm tħassib ċar mill-operaturi tal-bastimenti (u b’mod partikolari dawk li jirrappreżentaw lill-SMEs) dwar l-użu tad-data personali (iżda jidher li ma kienx hemm fehim ċar ta’ x’jikkwalifika bħala data personali).
Ċ. Impatti tal-alternattiva ppreferuta
X’inhuma l-benefiċċji tal-alternattiva ppreferuta (jekk hemm, inkella dawk ewlenin)?
L-alternattiva ta’ politika ppreferuta (il-PO-B) toħloq bosta benefiċċji li flimkien huma stmati li jlaħħqu l-EUR 450,4 miljun, espressi bħala valur attwali tul il-perjodu kollu 2025-2050 meta mqabbel max-xenarju bażi.
L-operaturi tal-bastimenti jgawdu ffrankar fil-kostijiet tal-aġġustament minħabba informazzjoni ta’ kwalità aħjar u inqas sforzi biex jiksbu l-informazzjoni meħtieġa biex jippjanaw il-vjaġġ tagħhom (EUR 72,1 miljun espressi bħala valur attwali tul il-perjodu 2025-2050 meta mqabbel max-xenarju bażi). Il-PO-B tiffranka wkoll il-kostijiet amministrattivi lill-operaturi tal-bastimenti (ta’ EUR 28,5 miljun) għax tnaqqas il-ħtieġa ta’ reġistrazzjoni mill-ġdid tal-informazzjoni dwar il-merkanzija, u li l-informazzjoni dwar il-merkanzija tiġi rrappurtata lill-portijiet. Il-fornituri tas-servizzi tas-software tar-RIS igawdu ffrankar fil-kostijiet tal-aġġustament għax jitjieb l-aċċess għal informazzjoni ta’ kwalità aħjar, u b’hekk jonqsu l-kostijiet tal-applikazzjonijiet tas-software tagħhom (bi EUR 8,1 miljun). Għall-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali, il-PO-B tikseb iffrankar fil-kostijiet amministrattivi bi pproċessar elettroniku tal-informazzjoni dwar il-merkanzija (flok rapporti tal-merkanzija stampati) u bit-tneħħija gradwali tal-pjattaformi nazzjonali, li gradwalment jiġu sostitwiti bir-RIS COMEX.
Il-PO-B mistennija wkoll toħloq benefiċċji indiretti lis-soċjetà għax jiġu ffrankati l-kostijiet esterni, stmati għal EUR 311-il miljun, espressi bħala valur attwali tul il-perjodu 2025-2050 kollu meta mqabbel max-xenarju bażi. Dawn huma xprunati għax jiżdied l-użu tal-IWT u għax titwettaq it-tranżizzjoni ’l bogħod mit-trasport bit-triq.
Meta jitqiesu l-kostijiet, il-benefiċċji netti tal-alternattiva ta’ politika ppreferuta huma stmati għal EUR 356,7 miljun, espressi bħala valur attwali tul il-perjodu 2025-2050 kollu meta mqabbel max-xenarju bażi. Il-PO-B għandha l-akbar proporzjon ta’ benefiċċji u kostijiet (4,8) minn fost it-tliet alternattivi.
X’inhuma l-kostijiet tal-alternattiva ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)?
Għall-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali, il-PO-B mistennija tiġġenera kostijiet tal-aġġustament ta’ darba ta’ EUR 18,3-il miljun biex tiġi stabbilita l-infrastruttura diġitali meħtieġa, u kostijiet amministrattivi ta’ EUR 75,3 miljun għall-ġestjoni u l-manutenzjoni tas-sistemi u tas-servizzi meħtieġa, espressi bħala valur attwali tul il-perjodu 2025-2050 meta mqabbel max-xenarju bażi.
X’inhuma l-impatti fuq l-SMEs u fuq il-kompetittività?
Porzjon kbir ħafna tas-settur tal-IWT hu magħmul minn SMEs – u minn mikrointrapriżi – li jkunu operaturi tal-bastimenti u li ħafna minnhom ikunu negozji tal-familja. Il-fornituri tas-servizzi tas-software jirrappreżentaw suq niċċa, tant li f’dan il-qasam hemm inqas minn 50 kumpanija attiva u ħafna minnhom jimpjegaw inqas minn 250 persuna. Għall-operaturi tal-bastimenti, il-PO-B tipprovdi ffrankar totali stmat fil-kostijiet netti ta’ EUR 100,6 miljun, bħala valur attwali tul il-perjodu 2025-2050 kollu meta mqabbel max-xenarju bażi, li primarjament ifisser: (i) ħin iffrankat għall-ippjanar tal-vjaġġi, (ii) ħin iffrankat fuq ir-rekwiżiti tar-rappurtar, u (iii) titjib fl-effiċjenza tan-navigazzjoni. Il-fornituri tas-servizzi tas-software se jgawdu ffrankar fil-kostijiet li jlaħħqu mat-EUR 8,1 miljun, għax jonqsu l-isforzi tal-ġbir tal-informazzjoni bażika. Meta jitqies il-porzjon kbir ħafna tal-SMEs fost l-operaturi tal-bastimenti u l-fornituri tas-servizzi tas-software, ħafna minn dan l-iffrankar nett fil-kostijiet mistenni jiġi attribwit lill-SMEs, iżda bid-data disponibbli ma setax jiġi stmat kif dan l-iffrankar fil-kostijiet se jinqasam bejn iż-żewġ gruppi ta’ operaturi (jiġifieri l-SMEs u l-bqija).
Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali?
Il-kostijiet totali għall-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali huma stmati għal EUR 93,6 miljun, li EUR 18,3-il miljun minnhom ikunu kostijiet tal-aġġustament u EUR 75,3 miljun kostijiet amministrattivi. Il-PO-B tiffranka wkoll EUR 30,6 miljun mill-kostijiet amministrattivi. Għalhekk, il-kostijiet totali netti għall-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali huma stmati għal EUR 63 miljun, espressi bħala valur attwali tul il-perjodu 2025-2050 kollu meta mqabbel max-xenarju bażi.
Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra?
L-inizjattiva se tħalli impatt pożittiv fuq l-applikazzjoni tal-prinċipju “diġitali b’mod awtomatiku”. Il-PO-B tistabbilixxi l-Pjattaforma RIS għall-iskambju tal-informazzjoni tar-RIS. Barra minn hekk, il-PO-B tagħti mandat biex jintuża l-eFTI u tintroduċi rabtiet aħjar mal-portijiet u mezzi oħra, u għalhekk se ttejjeb l-interoperabbiltà tal-IWT b’soluzzjonijiet diġitali. Ir-reviżjoni ma għandhiex l-għan li tirreplika s-sistemi u l-inizjattivi eżistenti iżda li żżid ir-rabtiet bejn is-sistemi eżistenti u tuża s-soluzzjonijiet eżistenti. Lanqas ma għandha l-għan li ssir għodda diġitali unika għall-IWT, għax din tifforma parti minn familja ta’ applikazzjonijiet, fosthom il-bażijiet tad-data bl-informazzjoni dwar l-ekwipaġġi u dwar il-bastimenti.
Proporzjonalità
L-alternattiva ta’ politika ppreferuta titqies bħala l-aktar għażla proporzjonata għal dak meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi ġenerali tal-politika.
D. Segwitu
Meta se tiġi rieżaminata l-politika?
Ħames snin wara t-tmiem tad-data tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti kollha (inkluż l-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ tal-atti ta’ implimentazzjoni u delegati meħtieġa), il-Kummissjoni trid twettaq evalwazzjoni li tivverifika sa liema punt intlaħqu l-objettivi tal-inizjattiva.