IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 16.12.2024
COM(2024) 589 final
2024/0326(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li tistabbilixxi rakkomandazzjonijiet li jindirizzaw oqsma komuni identifikati għal titjib li jirriżultaw mill-evalwazzjoni tematika ta’ Schengen tal-2024 “Innaqqsu d-distakki nazzjonali: lejn sistema effettiva ta’ ritorn tal-UE permezz ta’ soluzzjonijiet komuni u prattiki innovattivi”
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Il-proċess tar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi mingħajr l-ebda dritt legali li jibqgħu fiż-żona Schengen huwa kumpless, sensittiv u jinvolvi għadd kbir ta’ atturi, awtoritajiet u partijiet ikkonċernati. Matul dawn l-aħħar snin saru sforzi sinifikanti b’riżultati konkreti biex tinbena sistema ta’ ritorn tal-UE li taħdem kif suppost skont l-objettivi stabbiliti fil-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil. L-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE dwar ir-ritorn volontarju u r-riintegrazzjoni, l-Istrateġija Operazzjonali għal ritorni aktar effettivi tal-Koordinatur għar-Ritorni u l-ħidma tan-Network ta’ Livell Għoli dwar ir-Ritorni appoġġaw u saħħew il-koerenza tal-isforzi tal-Istati Membri. Madankollu, għad hemm approċċ frammentat fost is-sistemi ta’ ritorn tal-Istati Membri tal-UE li jxekkel il-potenzjal sħiħ li l-UE għandha għal ritorni aktar effettivi. Ostaklu importanti fil-proċess tar-ritorn jirrigwarda l-koordinazzjoni u l-koerenza tal-atturi u l-proċeduri kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak Ewropew.
Fis-17-18 ta’ Ottubru, il-Kunsill Ewropew enfasizza l-importanza ta’ approċċ komprensiv għall-migrazzjoni, inkluża l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni adottata tal-UE u l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti, sabiex jiġu indirizzati bl-aħjar mod l-isfidi attwali. Il-Kunsill Ewropew appella wkoll għal azzjoni soda fil-livelli kollha biex jiġu ffaċilitati, jiżdiedu u jitħaffu r-ritorni mill-Unjoni Ewropea, bl-użu tal-politiki, l-istrumenti u l-għodod rilevanti kollha tal-UE. Implimentazzjoni aktar effettiva tal-leġiżlazzjoni attwali dwar ir-ritorn u ħidma ulterjuri sabiex ikun hemm approċċ komuni għar-ritorn jappoġġaw implimentazzjoni aktar rapida u effiċjenti tal-Patt.
Barra minn hekk, fil-linji gwida politiċi għall-2024–2029, il-President von der Leyen talbet għal approċċ komuni ġdid dwar ir-ritorni. Dan jirrikjedi li jiġi stabbilit qafas leġiżlattiv ġdid biex jitħaffef u jiġi ssimplifikat il-proċess ta’ ritorn, filwaqt li jiġi żgurat li r-ritorni jsiru b’mod dinjituż. Dan jinvolvi wkoll id-diġitalizzazzjoni tal-ġestjoni tal-każijiet u ċ-ċaqliq biex ikun hemm rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ta’ ritorn madwar l-UE. Ir-rakkomandazzjonijiet stabbiliti f’din il-proposta għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill jappoġġaw ir-riflessjonijiet u t-tħejjija tal-proposti previsti għal qafas leġiżlattiv ġdid.
Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/922 jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ biex jivverifika l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen mill-Istati Membri. F’konformità mal-Artikolu 4(4) tar-Regolament, il-Kummissjoni tista’ torganizza evalwazzjonijiet tematiċi, b’mod partikolari biex tivvaluta kwistjonijiet fl-oqsma ta’ politika jew il-prattiki tal-Istati Membri u l-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen (kollettivament imsejħa Stati Membri) li jiffaċċjaw sfidi simili.
Il-Programm ta’ Evalwazzjoni Annwali għall-2024 biex jivverifika l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/922 stabbilixxa li l-Kummissjoni u l-Istati Membri se jwettqu evalwazzjoni tematika fl-2024 intitolata “Innaqqsu d-distakki nazzjonali: lejn sistema effettiva ta’ ritorn tal-UE permezz ta’ soluzzjonijiet komuni u prattiki innovattivi”. Din l-evalwazzjoni għandha għan doppju: minn naħa, biex jiġu identifikati l-ostakli komuni ewlenin li jillimitaw il-kapaċità tal-awtoritajiet li jwettqu r-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi mingħajr dritt legali li jibqgħu fit-territorju, u min-naħa l-oħra, biex jiġu żviluppati ulterjorment l-oqsma komuni għal titjib fejn soluzzjonijiet u prattiki komuni tal-UE jġibu magħhom valur miżjud.
F’konformità ma’ dawn l-objettivi, l-evalwazzjoni tematika analizzat l-ostakli ewlenin u s-soluzzjonijiet possibbli fis-sistemi nazzjonali ta’ ritorn, b’enfasi fuq l-istadji ewlenin tal-proċess ta’ ritorn:
·Il-bidu tal-proċess ta’ ritorn;
·L-identifikazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi;
·Il-kooperazzjoni nazzjonali u Ewropea bejn l-aġenziji;
·Ir-ritorn volontarju u l-infurzar tar-ritorni.
Bil-kunsiderazzjoni li r-ritorn effettiv ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi mingħajr l-ebda dritt li jibqgħu fl-UE jeħtieġ ippjanar adegwat u proattiv, inkluż għall-iżvilupp ta’ kapaċitajiet fuq terminu qasir, medju u twil, kif ukoll koordinazzjoni effiċjenti, l-evalwazzjoni tematika rat li tingħata attenzjoni partikolari lill-proċessi strateġiċi u orizzontali. Dawn huma relatati mal-koordinazzjoni u l-koerenza tal-atturi u l-proċeduri kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak Ewropew, li huma proċessi essenzjali għal żona Schengen li taħdem kif suppost. Ir-riżultati tal-evalwazzjoni għandhom l-għan li jipprovdu rispons konġunt għar-ritorni biex ikun hemm koordinazzjoni u koerenza ulterjuri, filwaqt li jiġu rispettati s-salvagwardji tad-drittijiet fundamentali, bil-ħsieb li jiġi massimizzat il-potenzjal tal-għodod eżistenti u tal-qafas legali Ewropew.
L-evalwazzjoni tematika tqis ir-rwol importanti ta’ sistema effettiva ta’ ritorn fi ħdan il-Ġestjoni Integrata Ewropea tal-Fruntieri, kif definit fir-Regolament dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta. Barra minn hekk, wara d-dħul fis-seħħ tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen imġedda u l-funzjonalitajiet il-ġodda li jappoġġaw il-proċeduri ta’ ritorn, l-evalwazzjoni tematika tittratta l-użu effettiv tal-allerti dwar ir-ritorn u r-rifjuti ta’ dħul introdotti fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen, kif ukoll il-kapaċitajiet nazzjonali biex tiġi skambjata informazzjoni u jkun hemm kooperazzjoni b’mod effettiv ma’ Stati Membri oħra, bil-ħsieb li d-deċiżjonijiet ta’ ritorn jiġu infurzati u jiġu evitati movimenti sekondarji mhux awtorizzati fiż-żona Schengen.
Skont in-natura speċifika tal-evalwazzjoni tematika (jiġifieri impenn fuq terminu twil matul l-2024, li jirrikjedi għarfien espert speċifiku dwar diversi oqsma relatati), f’Diċembru 2023 ġie stabbilit tim ta’ evalwazzjoni apposta mill-Kummissjoni, magħmul minn 15-il espert tal-Istati Membri, żewġ esperti tal-Kummissjoni, kif ukoll osservaturi mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali u l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex). It-tim ta’ evalwazzjoni żviluppa kwestjonarju apposta, li ġie kondiviż mal-Istati Membri kollha, sabiex jiġu identifikati oqsma komuni għal titjib u soluzzjonijiet prattiċi tajbin fil-livell nazzjonali u tal-UE fl-istadji ewlenin tar-ritorn imsemmija hawn fuq, li jistgħu jikkontribwixxu għal żona Schengen li taħdem kif suppost. It-tim ta’ evalwazzjoni ttratta wkoll ir-rapporti perjodiċi eżistenti ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen fil-qasam tar-ritorn biex jidentifika kwalunkwe sfida komuni jew l-aħjar prattiki li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-evalwazzjoni tematika. Bl-istess mod, it-tim tal-evalwazzjoni kkunsidra l-mistoqsijiet rilevanti tan-Network Ewropew dwar il-Migrazzjoni. Barra minn hekk, saru ħames diskussjonijiet tal-grupp fokali bejn it-tim ta’ evalwazzjoni u l-Frontex sabiex jiġu sfruttati l-għarfien espert u l-kontributi tal-Aġenzija bl-għan jifhmu ulterjorment fejn jistgħu jkunu l-isfidi ewlenin u fejn ġew osservati l-aħjar prattiki.
Abbażi tat-tweġibiet għall-kwestjonarju apposta li t-tim tal-evalwazzjoni rċieva fl-aħħar ta’ Ġunju 2024, l-Italja, in-Netherlands u n-Norveġja ġew identifikati għal żjarat matul Settembru u Ottubru 2024. Dawn intgħażlu bil-qies tal-prattiki li minħabba n-natura tagħhom ma setgħux jiġu vvalutati b’mod effettiv mill-bogħod, kif ukoll b’kunsiderazzjoni tal-ħtieġa li jiġi evitat piż addizzjonali fuq dawk l-Istati Membri li ġew evalwati reċentement u dawk soġġetti għal evalwazzjonijiet perjodiċi fl-2024-2025, filwaqt li ġie żgurat approċċ ibbilanċjat u rappreżentattiv. Barra minn hekk, saru vidjokonferenzi dwar suġġetti speċifiċi biex tintalab informazzjoni ulterjuri u kjarifiki mal-Awstrija u d-Danimarka.
F’konformità mal-Artikolu 20(4), l-ewwel subparagrafu tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/922, il-Kummissjoni adottat rapport ta’ evalwazzjoni, li jistabbilixxi oqsma komuni għat-titjib u l-aħjar prattiki identifikati matul l-evalwazzjoni tematika.
Fuq din il-bażi, din il-proposta fiha rakkomandazzjonijiet biex jiġu indirizzati oqsma komuni għal titjib, li għandhom jinqraw flimkien mal-aħjar prattiki deskritti fir-rapport ta’ evalwazzjoni tematika.
Skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17-18 ta’ Ottubru 2024, huwa kruċjali li jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa minnufih biex jiġu infurzati d-deċiżjonijiet ta’ ritorn maħruġa mill-awtoritajiet tal-Istati Membri. Ir-rakkomandazzjonijiet proposti jridu jappoġġaw dawn l-isforzi u joffru kontributi siewja għall-approċċ komuni l-ġdid tal-UE għar-ritorni, inkluż il-qafas leġiżlattiv tal-UE għall-ġejjieni, u jiżguraw koerenza mal-ħidma dwar ir-ritorn li timplimenta l-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil.
Fi żmien xahrejn mill-adozzjoni mill-Kunsill tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni li tistabbilixxi r-rakkomandazzjonijiet, kull Stat Membru se jiġi mistieden jippreżenta pjan ta’ azzjoni lill-Kummissjoni għar-rieżami tal-adegwatezza tiegħu, kif ukoll lill-Kunsill, f’konformità mal-Artikoli 24 u 23(3) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/922. Dawn il-pjanijiet ta’ azzjoni għandu jkun fihom miżuri ta’ rimedju biex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet kollha, bl-għan li jiġu stabbiliti proċeduri operazzjonali effettivi għal ritorni aktar effettivi. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jispjegaw ukoll kif biħsiebhom jimplimentaw l-aħjar prattiki identifikati li huma rilevanti għalihom u jiċċaraw għaliex il-prattiki li jifdal ma jistgħux jitqiesu b’kunsiderazzjoni tal-ispeċifiċitajiet legali u operazzjonali nazzjonali.
L-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni tagħhom. Se jippruvaw jinkisbu sinerġiji mal-pjan ta’ azzjoni eżistenti relatat mar-ritorn (jekk ikun għadu miftuħ) fir-rigward tar-rapportar. Il-Kummissjoni se tippreżenta ħarsa ġenerali lejn il-progress kumplessiv tal-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni fir-rapport dwar l-Istat ta’ Schengen fl-2026, filwaqt li tiżgura l-koerenza mal-isforzi li għaddejjin biex jiġi żviluppat ulterjorment l-approċċ komuni tal-UE għar-ritorni, inkluż bħala parti mill-implimentazzjoni tal-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa l-implimentazzjoni tal-aħjar prattiki.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika kkonċernat
Ir-rakkomandazzjonijiet iservu biex jimplimentaw b’mod korrett u effettiv id-dispożizzjonijiet eżistenti tal-acquis ta’ Schengen.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Ir-rakkomandazzjonijiet għandhom rabtiet ma’ politiki ewlenin oħra tal-Unjoni li jikkonċernaw żona Schengen ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni li taħdem kif suppost, bħall-fruntieri esterni u interni, il-viża, il-migrazzjoni u l-ażil kif ukoll is-sigurtà interna.
2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi legali
L-Artikolu 23(2) u l-Artikolu 24 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/922 tad-9 ta’ Ġunju 2022 dwar l-istabbiliment u l-operazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ biex jivverifika l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen, u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1053/2013.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
L-Artikolu 23(1) tar-Regolament (UE) 2022/922 jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta proposta lill-Kunsill biex jadotta rakkomandazzjonijiet għal azzjonijiet rimedjali li għandhom jittieħdu mill-Istati Membri fid-dawl tas-sejbiet identifikati fir-rapport ta’ evalwazzjoni. L-Artikolu 23(3) tar-Regolament (UE) 2022/922 jitlob li l-Istat Membru evalwat għandu jippreżenta lill-Kummissjoni u lill-Kunsill pjan ta’ azzjoni għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet kollha. L-Artikolu 24 jipprevedi li l-Artikolu 23(1), (2) u (3) japplika għall-evalwazzjonijiet tematiċi.
Hemm bżonn li tittieħed azzjoni fil-livell tal-Unjoni biex issaħħaħ il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u biex tiżgura koordinazzjoni aħjar fil-livell tal-Unjoni biex jiġi żgurat li r-regoli kollha ta’ Schengen jiġu applikati b’mod korrett u effettiv mill-Istati Membri.
•Proporzjonalità
L-Artikolu 23(2) flimkien mal-Artikolu 24 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/922 jirrifletti s-setgħat speċifiċi tal-Kunsill fil-qasam tal-evalwazzjoni reċiproka tal-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
F’konformità mal-Artikolu 20(1), ir-raba’ subparagrafu tar-Regolament 2022/922, l-abbozz tar-rapport ta’ evalwazzjoni ġie ppreżentat lill-Istati Membri għall-kummenti.
F’konformità mal-Artikolu 20(4), l-ewwel subparagrafu tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/922, il-Kummissjoni adottat rapport ta’ evalwazzjoni, f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat ta’ Schengen tad-29 ta’ Novembru 2024.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
•Valutazzjoni tal-impatt
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
•Drittijiet fundamentali
Matul il-proċess tal-evalwazzjoni tqieset il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
5.ELEMENTI OĦRA
2024/0326 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li tistabbilixxi rakkomandazzjonijiet li jindirizzaw oqsma komuni identifikati għal titjib li jirriżultaw mill-evalwazzjoni tematika ta’ Schengen tal-2024 “Innaqqsu d-distakki nazzjonali: lejn sistema effettiva ta’ ritorn tal-UE permezz ta’ soluzzjonijiet komuni u prattiki innovattivi”
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/922 tad-9 ta’ Ġunju 2022 dwar l-istabbiliment u l-operazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ biex jivverifika l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen, u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1053/2013, u b’mod partikolari l-Artikolu 23(2) u l-Artikolu 24 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Kunsill Ewropew fil-konklużjoni tiegħu tas-17 ta’ Ottubru 2024 appella għal azzjoni soda fil-livelli kollha biex jiġu ffaċilitati, jiżdiedu u jitħaffu r-ritorni mill-Unjoni Ewropea, bl-użu tal-politiki, l-istrumenti u l-għodod rilevanti kollha tal-UE, inkluża d-diplomazija, l-iżvilupp, il-kummerċ u l-viżi.
(2)Fl-2024 twettqet evalwazzjoni tematika tal-prattiki u l-kapaċitajiet tal-Istati Membri biex jiġi żgurat ir-ritorn effettiv taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi mingħajr l-ebda dritt li jibqgħu fit-territorji tal-Istati Membri li japplikaw l-acquis ta’ Schengen. Din saret minn tim ta’ evalwazzjoni magħmul minn esperti mill-Istati Membri, mill-Kummissjoni, kif ukoll minn osservaturi mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali u mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex). L-evalwazzjoni tematika kellha l-għan li tidentifika l-ostakli komuni ewlenin li jillimitaw il-kapaċità tal-awtoritajiet nazzjonali li jwettqu ritorni effettivi u li tidentifika soluzzjonijiet u prattiki komuni tal-Unjoni li jġibu magħhom valur miżjud għal sistema komuni tal-UE għar-ritorn. L-evalwazzjoni tematika kellha wkoll l-għan li ssaħħaħ il-kapaċità tal-Istati Membri biex jonoraw l-obbligi legali tagħhom li jirritornaw liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi mingħajr dritt legali li jibqgħu fit-territorju, u li tikkontribwixxi għal implimentazzjoni uniformi, armonizzata u effiċjenti tal-acquis ta’ Schengen, filwaqt li jitqies li r-ritorn huwa kruċjali biex tiġi żgurata ġestjoni effettiva u kredibbli tal-migrazzjoni, inkluż biex jiġu limitati l-movimenti sekondarji, kif ukoll biex jiġu indirizzati b’mod sostenibbli uħud mit-theddid ewlieni għas-sigurtà interna taż-żona Schengen.
(3)Minħabba li l-proċess ta’ ritorn huwa marbut mill-qrib mal-implimentazzjoni kumplessiva tal-acquis ta’ Schengen, li jirriżulta fi proċess kumpless fejn huma involuti għadd kbir ta’ atturi, awtoritajiet u partijiet ikkonċernati, l-evalwazzjoni tematika ffukat fuq tliet suġġetti ta’ politika differenti: ir-ritorn, il-protezzjoni tal-fruntieri esterni, u l-ġestjoni tas-sistemi tal-IT. L-objettiv prinċipali ta’ dan l-approċċ kien li jiġi vvalutat jekk l-Istati Membri jiħdux il-miżuri kollha meħtieġa biex jinfurzaw deċiżjonijiet ta’ ritorn, filwaqt li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkonċernati, u li jiġu identifikati azzjonijiet possibbli li għandhom jittieħdu biex jagħmlu titjib f’dawn l-oqsma.
(4)Wara l-evalwazzjoni tematika, il-Kummissjoni adottat rapport li fih il-valutazzjoni ta’ oqsma komuni għat-titjib u li jelenka l-aħjar prattiki identifikati matul l-evalwazzjoni tematika.
(5)L-Istati kollha li japplikaw l-acquis ta’ Schengen bis-sħiħ ġew evalwati bħala parti minn din l-evalwazzjoni tematika skont il-metodoloġija prevista fil-gwida għall-evalwazzjoni ta’ Schengen stabbilita fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni C (2023) 6790.
(6)It-tim ta’ evalwazzjoni opera taħt il-koordinazzjoni ta’ esperti prinċipali mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri (l-Iżvezja). Kien magħmul ukoll mit-tieni espert mill-Kummissjoni u minn esperti nazzjonali mill-Awstrija, mill-Belġju, miċ-Ċekja, mid-Danimarka, mill-Estonja, mill-Finlandja, mill-Italja, mil-Latvja, mil-Liechtenstein, mil-Litwanja, min-Norveġja, mill-Polonja, mill-Portugall, mis-Slovenja, minn Spanja u mill-Iżvizzera. L-osservaturi maħtura mill-Frontex u mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali appoġġaw il-ħidma tat-tim ta’ evalwazzjoni.
(7)It-tim ta’ evalwazzjoni żviluppa kwestjonarju apposta u analizza r-riżultati tar-rapporti ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen tal-imgħoddi biex jidentifika l-isfidi komuni u l-aħjar prattiki rilevanti għall-evalwazzjoni tematika.
(8)Ir-rakkomandazzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni u l-aħjar prattiki miġbura u deskritti fir-rapport ġew strutturati abbażi ta’ tliet elementi kostitwenti: (1) sistema ta’ Schengen li taħdem kif suppost tirrikjedi ritorn effettiv, (2) l-iżgurar tal-effettività fl-istadji ewlenin tal-proċess ta’ ritorn bejn l-awtoritajiet nazzjonali, u (3) il-massimizzazzjoni tal-effiċjenza nazzjonali permezz ta’ kooperazzjoni Ewropea aktar b’saħħitha. Dawn l-elementi kostitwenti jeħtieġu ppjanar orizzontali effettiv, inkluż għal kapaċitajiet adegwati, proċeduri simplifikati, u koordinazzjoni effettiva kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-Unjoni, inkluż permezz tal-użu tat-teknoloġija.
(9)L-evalwazzjoni tematika tenfasizza l-importanza tar-ritorn bħala parti ewlenija mill-istrateġiji nazzjonali għall-Ġestjoni Integrata Ewropea tal-Fruntieri. Il-kooperazzjoni effettiva bejn l-aġenziji fil-livell nazzjonali hija prerekwiżit ewlieni għal sistema nazzjonali ta’ ritorn li taħdem kif suppost u konsegwentement għal waħda Ewropea komuni. Il-kisba ta’ sistema bħal din tirrikjedi skambju ta’ informazzjoni mtejjeb għal teħid ta’ deċiżjonijiet aktar effiċjenti u effettiv, permezz tal-aħjar użu ta’ informazzjoni disponibbli għall-awtoritajiet fil-livell nazzjonali u fl-ambitu ta’ sistemi ta’ informazzjoni fuq skala kbira tal-Unjoni, prinċipalment is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen.
(10)L-iżgurar tal-bidu rapidu tal-proċess ta’ ritorn b’segwitu għall-proċeduri marbuta mat-tmiem tas-soġġorn legali huwa kruċjali għall-konformità mal-obbligu li jinħarġu deċiżjonijiet ta’ ritorn mingħajr dewmien liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment. Fl-istess waqt, is-salvagwardji rilevanti kollha tad-drittijiet fundamentali jeħtieġ li jkunu fis-seħħ biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jkunu soġġetti għal valutazzjoni individwali li tqis is-sitwazzjoni u l-ħtiġijiet tagħhom, kif ukoll l-aċċess għal rimedju effettiv. L-acquis ta’ Schengen dwar ir-ritorn jagħti lill-Istati Membri marġni biex jistabbilixxu proċeduri u modalitajiet operazzjonali effettivi li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali.
(11)L-identifikazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment hija pass neċessarju għall-implimentazzjoni effettiva tal-proċedura ta’ ritorn, inkluż permezz tal-użu effettiv tal-għodod u l-informazzjoni kollha disponibbli fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni.
(12)Sistema effettiva ta’ ritorn tirrikjedi l-possibbiltà ta’ ritorn dinjituż u sostenibbli fuq bażi volontarja, li hija ppreferuta minn ritorn furzat. L-użu ta’ konsulenza dwar ir-ritorn u tal-assistenza disponibbli għar-riintegrazzjoni huma għodod ewlenin biex jitħeġġeġ ir-ritorn volontarju. Sabiex is-sistema ta’ ritorn fuq bażi volontarja tkun affidabbli, u biex jiġu evitati l-ħarbiet u l-movimenti sekondarji, il-monitoraġġ effettiv taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi ordnati jitilqu huwa neċessarju wkoll biex jiġi żgurat li jikkonformaw mal-obbligi ta’ ritorn tagħhom. Dan huwa ffaċilitat bis-saħħa tal-funzjonalitajiet tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen, li jenħtieġ li jiġu kkomplementati b’miżuri effettivi fil-livell nazzjonali biex jinkiseb l-effett mixtieq.
(13)Sabiex jiġu evitati implikazzjonijiet potenzjali għas-sigurtà, huwa essenzjali li jkun hemm proċeduri u mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni effettivi bejn l-awtoritajiet fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni biex jiġu identifikati kmieni kemm jista’ jkun iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi mingħajr dritt legali li jibqgħu fit-territorju u li jirrappreżentaw theddida għas-sigurtà, kif ukoll li tingħata prijorità lir-ritorn tagħhom. Għall-istess raġuni, hija meħtieġa kooperazzjoni effettiva bejn l-awtoritajiet rilevanti għar-ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi mingħajr dritt legali li jibqgħu fit-territorju u li qed jiskontaw sentenza ta’ ħabs.
(14)Is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen aġġornata, li tinkludi allerti dwar ritorn, issaħħaħ il-proċeduri ta’ ritorn meta tintuża b’mod effettiv, inkluż permezz tal-kondiviżjoni ta’ data bijometrika u r-rapportar tal-hits, kif ukoll l-iskambju ta’ informazzjoni supplimentari bejn l-Istati Membri.
(15)L-implimentazzjoni effettiva tal-acquis ta’ Schengen u tal-għodod Ewropej eżistenti sservi ta’ riżorsa prezzjuża biex tissaħħaħ aktar l-effettività tar-ritorni. Madankollu, jenħtieġ l-Istati Membri li japplikaw l-acquis ta’ Schengen jimxu ma’ miżuri addizzjonali u prattiki mtejba biex jimmassimizzaw l-impatt tagħhom.
(16)Ir-rapport identifika oqsma komuni għat-titjib li l-Istati Membri jkollhom quddiemhom meta jkunu qegħdin iħejju jew iwettqu proċeduri għar-ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi mingħajr dritt legali li jibqgħu fit-territorju, li fuqhom jissejsu r-rakkomandazzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni. Ir-rapport jinkludi wkoll bosta l-aħjar prattiki biex l-Istati Membri jiġu appoġġati fl-indirizzar tal-isfidi eżistenti.
(17)Skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament (UE) 2022/922, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jippreżentaw pjan ta’ azzjoni lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet. Dan għandu jsir fi żmien xahrejn wara li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ. Il-pjan ta’ azzjoni jenħtieġ li jipprevedi miżuri ta’ rimedju adegwati biex jiġu indirizzati l-oqsma għat-titjib. Filwaqt li jibnu fuq il-firxa wiesgħa tal-aħjar prattiki miġbura u deskritti fir-rapport, l-Istati Membri jenħtieġ li jikkunsidraw il-valur miżjud tagħhom biex jikkontribwixxu għal sistema ta’ ritorn tal-Unjoni aktar effettiva u l-fattibbiltà li jimplimentawhom, f’konsultazzjoni, meta rilevanti, mal-Istati Membri li diġà implimentawhom. L-Istati Membri huma mħeġġa jidentifikaw fil-pjanijiet ta’ azzjoni individwali dawk l-aħjar prattiki li beħsiebhom jimplimentaw u jispjegaw għaliex l-aħjar prattiki l-oħra ma jistgħux jitqiesu b’kunsiderazzjoni tal-ispeċifiċitajiet legali u operazzjonali nazzjonali.
(18)Skont l-Artikolu 23(3), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2022/922, il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mat-tim tal-evalwazzjoni, trid twettaq rieżami tal-adegwatezza tal-pjan ta’ azzjoni fi żmien xahar mill-preżentazzjoni ta’ dan tal-aħħar. Skont l-Artikolu 23(3), it-tielet u r-raba’ subparagrafi, ta’ dak ir-Regolament, l-Istati Membri jridu jirrapportaw lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni tagħhom kull sitt xhur mid-data tan-notifika tal-wasla tar-rieżami tal-pjan ta’ azzjoni, sakemm il-Kummissjoni tqis li l-pjan ta’ azzjoni jkun ġie implimentat b’mod sħiħ.
JIRRAKKOMANDA:
li r-Repubblika tal-Awstrija, ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika tal-Kroazja, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika tal-Iżlanda, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, l-Ungerija, il-Prinċipat tal-Liechtenstein, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Renju tan-Netherlands, ir-Renju tan-Norveġja, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Portugiża, ir-Rumanija, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka, ir-Renju tal-Iżvezja u l-Konfederazzjoni Żvizzera,
I.SISTEMA TA’ SCHENGEN LI TAĦDEM KIF SUPPOST TIRRIKJEDI RITORNI EFFETTIVI
Ir-ritorn bħala parti ewlenija mill-governanza ta’ Schengen
1.Jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tar-ritorn bħala parti integrali mill-komponenti rilevanti tal-istrateġiji nazzjonali għall-Ġestjoni Integrata Ewropea tal-Fruntieri, filwaqt li jippromwovu l-kooperazzjoni effettiva bejn il-partijiet ikkonċernati kollha involuti, kif previst fl-Artikoli 3 u 8(6) tar-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
2.Jistabbilixxu u jaġġornaw fuq bażi regolari l-iżvilupp tal-kapaċitajiet u l-pjanijiet ta’ kontinġenza għar-ritorn, abbażi tal-eżitu ta’ analiżi tar-riskju, kif previst fl-Artikoli 9(3) u (4) u 29(7) tar-Regolament (UE) 2019/1896;
II.L-IŻGURAR TAL-EFFETTIVITÀ FL-ISTADJI EWLENIN TAL-PROĊESS TAR-RITORN BEJN L-AWTORITAJIET NAZZJONALI
Il-bidu u l-ġestjoni effettivi tal-proċeduri tar-ritorn
3.Jiżguraw li deċiżjoni ta’ ritorn tinħareġ mingħajr dewmien lil kwalunkwe ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru f’konformità mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u filwaqt li jitqiesu l-possibbiltajiet previsti fl-Artikolu 6(6) ta’ dik id-Direttiva;
4.Jivvalutaw is-sistema nazzjonali ta’ appell għad-deċiżjonijiet ta’ ritorn (b’mod partikolari fir-rigward ta’ għadd ta’ każijiet, l-iskadenzi tal-appell, il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ effett sospensiv awtomatiku, l-iskadenzi għar-reviżjoni ġudizzjarja) u jieħdu miżuri li jirriżultaw fi proċeduri ta’ appell fil-pront li jikkontribwixxu għall-effettività kumplessiva tar-ritorn, f’konformità mal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2008/115/KE, filwaqt li jiżguraw ir-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati, f’konformità mal-Artikolu 13 ta’ dik id-Direttiva;
5.Jiżguraw l-infurzar ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn b’mod effettiv u proporzjonat f’konformità mal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2008/115/KE, billi jieħdu miżuri biex jittrattaw b’mod rapidu applikazzjonijiet sussegwenti għall-protezzjoni internazzjonali li ma jkunx fihom fatti jew ċirkostanzi ġodda, u li jiġu ppreżentati għall-iskop uniku li jdewmu jew ixekklu t-tneħħija;
Sistema Diġitali ta’ Ġestjoni tal-Każijiet ta’ Ritorn biex tiġi żgurata l-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet (inklużi sistemi tal-IT fuq skala kbira)
6.Jiżviluppaw u jtejbu ulterjorment is-sistema nazzjonali ta’ ġestjoni tal-każijiet ta’ ritorn fid-dawl tal-mudell ta’ referenza għas-sistemi nazzjonali ta’ ġestjoni tal-każijiet ta’ ritorn (RECAMAS) stabbilit mill-Frontex, filwaqt li jqisu l-iżviluppi ta’ soluzzjonijiet diġitali għall-proċeduri tal-migrazzjoni u tal-ażil fil-livell tal-UE u jagħmlu użu sħiħ mill-appoġġ disponibbli mingħand l-Aġenzija skont l-Artikolu 48(1), il-punt (c) tar-Regolament (UE) 2019/1896;
Proċedura ta’ identifikazzjoni, inkluż permezz tal-użu ta’ sistemi tal-IT fuq skala kbira li jappoġġaw l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen
7.Jimmassimizzaw l-użu tal-għodod kollha disponibbli (bħal bażijiet tad-data nazzjonali u tal-UE, appoġġ għan-network tal-uffiċjali ta’ kollegament) u l-inċentivi (bħall-offerta ta’ assistenza adegwata għar-ritorn volontarju u għar-riintegrazzjoni, taħriġ vokazzjonali) biex tiġi ffaċilitata l-identifikazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi soġġetti għar-ritorn, bil-ħsieb li tiġi infurzata deċiżjoni ta’ ritorn f’konformità mal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2008/115/KE;
Sistemi ta’ ritorn kredibbli: koerenza bejn ir-ritorni volontarji u dawk furzati
8.Jużaw l-għodod kollha disponibbli biex jippromwovu l-possibbiltajiet għal ritorn dinjituż għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi soġġetti għar-ritorn, biex jagħtu effett sħiħ lill-preferenza għal ritorn volontarju f’konformità mal-Artikolu 7(1) u l-premessa 10 tad-Direttiva 2008/115/KE, billi jipprevedu konsulenza sistematika dwar ir-ritorn u assistenza msaħħa għar-ritorn, inkluża l-assistenza pprovduta f’konformità mal-Artikolu 48(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2019/1896;
9.Jistabbilixxu mekkaniżmi xierqa għall-monitoraġġ tal-konformità ma’ obbligu ta’ ritorn, sabiex jinforzaw id-deċiżjoni ta’ ritorn jekk ma jkun ingħata l-ebda perjodu għat-tluq volontarju jew jekk l-obbligu ta’ ritorn ma jkunx ġie rispettat fil-perjodu mogħti għat-tluq volontarju, f’konformità mal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2008/115/KE;
10.Jiżguraw li l-ħruġ ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz soġġett għal ritorn jiġi rreġistrat b’mod sistematiku u rapidu fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen, u jdaħħlu allert dwar iċ-ċaħda tad-dħul kif rilevanti, billi jwettqu b’mod effettiv kontrolli tal-ħruġ fil-fruntieri esterni f’konformità mal-Artikolu 8(3), il-punti (g) u (h) tar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u jiżguraw li l-informazzjoni supplimentari tiġi kondiviża permezz ta’ SIRENE f’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2018/1860 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
Ritorn prijoritizzat tal-kriminali u ta’ dawk li jirrappreżentaw theddida għas-sigurtà
11.Jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jirritornaw malajr kemm jista’ jkun ċittadini ta’ pajjiżi terzi soġġetti għal deċiżjoni ta’ ritorn li ma tagħtix perjodu ta’ żmien għat-tluq volontarju, kif ukoll ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin jiskontaw sentenza ta’ ħabs, mingħajr preġudizzju għal-liġi kriminali nazzjonali, f’konformità mal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2008/115/KE;
12.Jinkludu b’mod sistematiku fl-allerti dwar ir-ritorn li jinsabu fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen, informazzjoni dwar it-theddida għall-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika jew is-sigurtà nazzjonali ppreżentata minn ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed fil-pajjiż illegalment, f’konformità mal-Artikolu 4(1), il-punt (o), tar-Regolament (UE) 2018/1860, fil-mument li din it-theddida tiġi stabbilita;
13.Jiżguraw l-użu sħiħ tal-possibbiltajiet previsti mill-Artikolu 7(4) u l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2008/115/KE dwar l-għoti ta’ perjodu ta’ żmien għat-tluq volontarju u t-tul tal-projbizzjonijiet fuq id-dħul, f’każijiet li jikkonċernaw ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment li jippreżentaw riskju għall-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika jew is-sigurtà nazzjonali;
III.MASSIMIZZAZZJONI TAL-EFFIĊJENZA NAZZJONALI PERMEZZ TA’ KOOPERAZZJONI EWROPEA AKTAR B’SAĦĦITHA
It-tisħiħ tal-iskambju ta’ informazzjoni għal teħid ta’ deċiżjonijiet aktar effiċjenti u effettiv
14.Jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali involuti fl-eżaminazzjoni tal-kundizzjonijiet u fit-teħid tad-deċiżjonijiet relatati mad-dħul, is-soġġorn u r-ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, kif ukoll dawk li jwettqu kontrolli fuq ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jidħlu jew ikunu qegħdin fit-territorju tal-Istati Membri illegalment, ikollhom aċċess sħiħ għad-data u d-dritt li jfittxu tali data fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2018/1860, l-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) 2018/1861 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u l-Artikolu 44 tar-Regolament (UE) 2018/1862 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
15.Jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ proċeduri nazzjonali rapidi għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet rilevanti sabiex jiddaħħlu allerti dwar ir-ritorn fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen mingħajr dewmien wara l-ħruġ ta’ deċiżjoni tar-ritorn, f’konformità mal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2018/1860;
16.Jiżguraw li d-data bijometrika disponibbli msemmija fl-Artikolu 4(1), il-punti (u) u (v), tar-Regolament (UE) 2018/1860 tiġi inkluża fl-allerti dwar ir-ritorn li jinsabu fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen, biex itejbu l-identifikazzjoni;
Appoġġ operazzjonali permezz tal-Frontex
17.Jużaw bis-sħiħ l-appoġġ operazzjonali disponibbli permezz tal-Frontex previst fl-Artikoli 48 u l-Artikolu 50 tar-Regolament (UE) 2019/1896 biex itejbu l-effettività tal-attivitajiet ta’ ritorn; għal dan l-iskop, jadattaw is-sistemi u l-proċessi nazzjonali biex jitneħħew l-ostakli.
18.Jużaw l-appoġġ operazzjonali disponibbli permezz tal-Frontex biex jibagħtu timijiet ta’ ritorn previsti fl-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) 2019/1896, filwaqt li jiżguraw integrazzjoni operazzjonali sħiħa f’konformità mal-Artikoli 54 u 82 tar-Regolament (UE) 2019/1896, biex iwieġbu għan-nuqqas ta’ riżorsi umani li jfixklu l-infurzar effettiv u rapidu tar-ritorni, speċjalment f’każijiet li fihom għadd kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jkunu soġġetti fl-istess ħin għall-proċess ta’ ritorn.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President