Brussell, 10.12.2024

COM(2024) 576 final

2024/0318(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet tal-infurzar responsabbli għall-infurzar tad-Direttiva (UE) 2019/633 dwar prattiki kummerċjali inġusti fir-relazzjonijiet bejn in-negozji fil-katina tal-provvista agrikola u alimentari


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Id-Direttiva (UE) 2019/633 1 (id-Direttiva) eżiġiet li l-Istati Membri jaħtru awtoritajiet tal-infurzar biex jiżguraw l-infurzar effettiv tal-projbizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva. L-awtoritajiet tal-infurzar jistgħu jaġixxu jew fuq inizjattiva tagħhom stess jew abbażi ta’ lmenti minn partijiet affettwati minn prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista agrikola u tal-ikel.

Id-Direttiva introduċiet ukoll regoli relatati mas-setgħat tal-awtoritajiet tal-infurzar li jiżguraw li dawk l-awtoritajiet ikunu jistgħu jinvestigaw, jiġbru informazzjoni u jordnaw it-terminazzjoni ta’ prattika kummerċjali inġusta (l-Artikolu 6 tad-Direttiva).

Barra minn hekk, id-Direttiva eżiġiet li l-awtoritajiet tal-infurzar jikkooperaw b’mod effettiv ma’ xulxin u mal-Kummissjoni, u li jipprovdu lil xulxin b’assistenza reċiproka f’investigazzjonijiet li għandhom dimensjoni transfruntiera (l-Artikolu 8 tad-Direttiva).

L-esperjenza tal-awtoritajiet tal-infurzar hija li l-ġbir tal-informazzjoni, is-sejba ta’ ksur u l-impożizzjoni u l-infurzar ta’ multi u ta’ penali oħrajn li jkunu ugwalment effettivi jistgħu jkunu diffiċli meta x-xerrej ikun jinsab fi Stat Membru ieħor. Għalhekk, il-kapaċità tal-awtoritajiet tal-infurzar li jikkooperaw f’każijiet bħal dawn għandha tissaħħaħ.

It-tnaqqis tad-distakk fl-infurzar għandu l-għan li jsaħħaħ il-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina tal-provvista. Biex tindirizza din l-isfida, il-Kummissjoni ressqet dokument ta’ riflessjoni fil-15 ta’ Marzu 2024 li fih ħabbret sett ta’ miżuri maħsuba biex itejbu l-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina tal-provvista tal-ikel. Att legali awtonomu li jintroduċi regoli ġodda dwar l-infurzar transfruntier tad-Direttiva ġie inkluż fis-sett ta’ miżuri li ħabbret il-Kummissjoni.

Il-Linji Gwida Politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss għall-2024-2029 jimpenjaw ruħhom li jsaħħu l-pożizzjoni tal-bdiewa u li jipproteġuhom aktar kontra prattiki kummerċjali inġusti. Barra minn hekk, id-Djalogu Strateġiku dwar il-Futur tal-Agrikoltura fl-UE, imħabbar mill-President tal-Kummissjoni Ewropea fid-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni fit-13 ta’ Settembru 2023 u li tnieda f’Jannar 2024, li laqqa’ flimkien 29 parti kkonċernata ewlenija mis-setturi agroalimentari Ewropej, mis-soċjetà ċivili, mill-komunitajiet rurali u mill-akkademja fir-rapport finali tiegħu 2 talab passi proattivi kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f’dak nazzjonali, inter alia biex jiġu indirizzati aħjar il-prattiki kummerċjali inġusti.

Ir-Rapport dwar id-Djalogu Strateġiku dwar il-Futur tal-Agrikoltura fl-UE inkluda rakkomandazzjonijiet għal qafas effettiv, ibbilanċjat u proporzjonat biex jiġu indirizzati prattiki kummerċjali inġusti, fost l-oħrajn, l-infurzar effettiv tal-leġiżlazzjoni dwar il-prattiki kummerċjali inġusti, il-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet tal-infurzar f’każijiet transfruntieri, inkluża pjattaforma online komuni biex jiġu kondiviżi investigazzjonijiet u informazzjoni dwar il-każijiet, kif ukoll il-ħtieġa li l-awtoritajiet tal-infurzar ikollhom riżorsi adegwati u proporzjonati biex jinfurzaw il-leġiżlazzjoni.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Il-proposta tikkomplementa d-Direttiva bil-għan li tiżgura li l-awtoritajiet tal-infurzar ikollhom l-għodod meħtieġa biex jiġbru l-informazzjoni, isibu ksur u jimponu u jinfurzaw multi u penali oħrajn li jkunu ugwalment effettivi kontra xerrejja li jinsabu fi Stat Membru ieħor.

Il-proposta ma tinterferixxix mal-evalwazzjoni li għaddejja tad-Direttiva li l-Kummissjoni qiegħda twettaq f’konformità mal-obbligu legali tagħha skont id-Direttiva nnifisha jew ma tippreġudikax ir-riżultat ta’ dik l-evalwazzjoni.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Kif ġie spjegat fil-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta għal dik li saret id-Direttiva, il-liġi tal-kompetizzjoni għandha kamp ta’ applikazzjoni differenti mir-regoli dwar il-prattiki kummerċjali inġusti, peress li l-prattiki kummerċjali inġusti huma prattiki unilaterali li, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, ma jinvolvux l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti f’suq partikolari jew abbuż ta’ dik il-pożizzjoni.

Għaldaqstant, ir-regoli f’din il-proposta li jistabbilixxu miżuri biss għall-awtoritajiet tal-infurzar maħtura skont id-Direttiva huma kompatibbli u komplementari għar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE.

Filwaqt li l-UE adottat ukoll regoli dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet dwar il-protezzjoni tal-konsumatur 3 , il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawk ir-regoli huwa differenti mir-regoli f’din il-proposta, peress li r-regoli dwar il-protezzjoni tal-konsumatur japplikaw għal sitwazzjonijiet min-negozju għall-konsumatur (B2C, Business-to-Consumer), u bħala tali ma jkoprux sitwazzjonijiet minn negozju għal negozju (B2B, Business-to-Business), għalkemm l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jestendu l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom.

2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi legali

Din il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 43(2) tat-TFUE minħabba li tikkomplementa d-Direttiva, li hija stess hija bbażata fuq l-Artikolu 43(2) tat-TFUE.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Din il-proposta tikkonċerna prattiki kummerċjali inġusti b’dimensjoni transfruntiera. Id-dimensjoni transfruntiera tal-infurzar tar-regoli dwar prattiki kummerċjali inġusti ma tistax tiġi indirizzata b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, speċjalment f’każijiet ta’ prattiki kummerċjali inġusti li jaffettwaw aktar minn żewġ Stati Membri.

Proporzjonalità

Il-proposta għandha l-għan li ttejjeb u żżid il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar, filwaqt li żżomm interferenza minima fl-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri. Ir-regoli proposti dwar il-ġbir tal-informazzjoni u r-regoli proposti dwar l-infurzar ma jbiddlux ir-regoli nazzjonali li jirregolaw il-ġbir tal-informazzjoni u l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ infurzar. Minflok, ir-regoli proposti għandhom l-għan li jiżguraw li tiġi pprovduta bażi legali biex tippermetti skambji ta’ informazzjoni u talbiet għal miżuri ta’ infurzar, li għalihom l-awtorità mitluba se ssegwi r-regoli nazzjonali tagħha.

Il-proposta lanqas ma għandha impatt fuq is-sistema amministrattiva jew fuq il-liġijiet proċedurali tal-Istati Membri li jibqgħu liberi li jfasslu s-sistemi ta’ infurzar tagħhom tar-regoli dwar prattiki kummerċjali inġusti.

Għażla tal-istrument

Intgħażel Regolament (bħalma sar għal strumenti ta’ kooperazzjoni tal-UE bħal dawn oħrajn, b’mod partikolari dawk dwar il-kooperazzjoni doganali 4 , il-kooperazzjoni fil-VAT 5 , il-kontrolli tal-għalf u tal-ikel 6 , u l-protezzjoni tal-konsumatur 7 ), peress li r-regoli proposti essenzjalment jipprevedu arranġamenti ta’ kooperazzjoni applikabbli direttament bejn l-awtoritajiet pubbliċi.

Mingħajr qafas legali xieraq tal-UE li japplika direttament fl-Istati Membri kollha, kull Stat Membru jista’ jieħu approċċ differenti meta jistabbilixxi regoli li jirregolaw talbiet għal informazzjoni jew talbiet għal miżuri ta’ infurzar u jista’ jikkundizzjona l-azzjonijiet tal-awtorità tal-infurzar b’diversi fatturi. Dan jista’ jwassal għal inċertezza legali u fl-aħħar mill-aħħar ifixkel l-infurzar kontra prattiki kummerċjali inġusti f’każijiet transfruntieri li huma previsti mid-Direttiva.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Din hija proposta għal Regolament ġdid tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u ma hijiex qiegħda ssegwi evalwazzjoni ex post jew kontroll tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Minħabba l-urġenza, ma saret l-ebda sejħa formali għall-evidenza. Madankollu, saru diversi workshops, avvenimenti u laqgħat mal-partijiet ikkonċernati, li fihom il-partijiet ikkonċernati ppreżentaw kummenti, evidenza u suġġerimenti dwar kif l-infurzar kontra prattiki kummerċjali inġusti jista’ jittejjeb.

L-awtoritajiet tal-infurzar responsabbli għall-infurzar tad-Direttiva jiltaqgħu mill-anqas darba fis-sena u jiddiskutu l-aħjar prattiki, każijiet ġodda u żviluppi ġodda fil-qasam tal-prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista agrikola u tal-ikel, u jiskambjaw informazzjoni. Il-Kummissjoni tiffaċilita dawk il-laqgħat kollha u, f’dan il-kuntest, ġabret il-fehmiet tal-awtoritajiet tal-infurzar dwar l-infurzar transfruntier.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Filwaqt li ma saret l-ebda sejħa għal evidenza jew konsultazzjoni pubblika minħabba l-urġenza li tittieħed azzjoni, il-Kummissjoni ppreżentat il-miżuri proposti diversi drabi lill-partijiet ikkonċernati u lill-awtoritajiet tal-infurzar u f’laqgħat bilaterali li jinvolvu l-assoċjazzjonijiet rilevanti kollha bbażati fl-UE fil-katina tal-provvista agroalimentari, inklużi l-konsumaturi.

L-awtoritajiet tal-infurzar irrikonoxxew l-isfidi maħluqa mill-infurzar transfruntier kontra prattiki kummerċjali inġusti u żviluppaw linji gwida, mudelli u proċeduri komuni biex jiżguraw koordinazzjoni aktar effettiva bejniethom.

Valutazzjoni tal-impatt

Ma twettqitx valutazzjoni tal-impatt għal din il-proposta minħabba l-għażla limitata bejn l-għażliet ta’ politika disponibbli għall-Kummissjoni. Il-proposta għandha titqies bħala għodda ta’ infurzar li tistabbilixxi obbligi diġà eżistenti skont id-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali inġusti (li għalihom ma hemm l-ebda regola proċedurali fis-seħħ dwar kif dan jista’ jinkiseb), li ssaħħaħ il-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet tal-infurzar.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Din il-proposta hija waħda mill-miżuri mħabbra fid-Dokument ta’ Riflessjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Marzu 2024 bħala parti mill-Pakkett ta’ Simplifikazzjoni.

L-istabbiliment ta’ qafas legali tal-UE applikabbli fl-Istati Membri kollha se jiżgura li ma jkun hemm l-ebda approċċ differenti li jista’ jimmina ċ-ċertezza legali, iwassal għal proċeduri twal u joħloq konfużjoni fil-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet tal-infurzar.

Barra minn hekk, l-opinjoni tal-“Fit for Future Platform” innotat li filwaqt li armonizzazzjoni akbar tista’ twassal għal anqas flessibbiltà biex jiġu adattati r-regoli fuq livell nazzjonali, id-diversi sfidi li jirriżultaw fit-trattament ta’ prattiki kummerċjali inġusti b’dimensjoni transfruntiera joħolqu l-ħtieġa li jiġu implimentati regoli legali li japplikaw fl-Istati Membri kollha meta jindirizzaw prattiki kummerċjali inġusti b’dimensjoni transfruntiera.

Drittijiet fundamentali

L-UE hija impenjata lejn standards għoljin ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

Din il-proposta tirrispetta d-drittijiet stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. Il-proposta se tikkontribwixxi għall-kapaċità tal-fornituri li jagħmlu negozju. Il-proposta għandha l-għan ukoll li tiżgura li l-eżerċizzju tas-setgħat imsemmija f’dan ir-Regolament ikun soġġett għal salvagwardji xierqa fir-rigward tad-drittijiet tad-difiża tax-xerrejja, inkluż id-dritt li jinstemgħu u d-dritt għal rimedju effettiv. Il-proposta tirrikjedi wkoll li l-proċedimenti ta’ infurzar tal-awtoritajiet tal-infurzar jitwettqu f’perjodu ta’ żmien raġonevoli.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta ma għandhiex impatt fuq il-baġit tal-UE. Dan ikun jirrikjedi l-użu ta’ sit web eżistenti għall-iskambju ta’ informazzjoni mill-awtoritajiet tal-infurzar u mill-Kummissjoni.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Din il-proposta hija proposta għal Regolament ġdid tal-UE bħala għodda komplementari għad-Direttiva. Għalhekk, il-pjan ta’ implimentazzjoni u l-arranġamenti ta’ monitoraġġ, evalwazzjoni u rapportar jibqgħu l-istess bħal dawk taħt il-qafas kurrenti.

Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Il-proposta tikkonċerna Regolament tal-UE.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

L-ewwel nett, għandhom jiġu stabbiliti regoli proċedurali għall-iskambji ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar. It-talbiet għall-informazzjoni għandhom isiru bil-miktub, filwaqt li tiġi ddikjarata d-dispożizzjoni korrispondenti tad-Direttiva, kif ukoll il-liġi nazzjonali. Il-ġbir tal-informazzjoni mitluba għandu jsir mill-awtorità tal-infurzar mitluba u din għandha tintuża mill-awtorità tal-infurzar applikanti f’konformità mal-liġijiet nazzjonali tagħhom.

It-tieni, tiġi introdotta l-possibbiltà li awtorità tal-infurzar mitluba teżerċita, f’konformità mar-regoli nazzjonali tal-Istat Membru tagħha, is-setgħat attribwiti lilha mid-Direttiva.

It-tielet, awtorità tal-infurzar għandha tkun tista’ tinforza, fuq talba ta’ oħra, f’konformità mar-regoli nazzjonali tal-Istat Membru tagħha, id-deċiżjonijiet finali li jimponu multi jew penali u miżuri interim oħrajn li jkunu ugwalment effettivi, adottati f’konformità mad-Direttiva.

Ir-raba’, sabiex tiżdied it-trasparenza, l-awtoritajiet tal-infurzar għandhom ikunu jistgħu jinnotifikaw id-deċiżjonijiet tagħhom lill-awtoritajiet tal-infurzar l-oħrajn.

Il-ħames, biex jiġi żgurat li jinkiseb il-mekkaniżmu ta’ assistenza reċiproka stabbilit skont ir-Regolament, għandhom jiġu stabbiliti regoli eżawrjenti li jippermettu lill-awtoritajiet tal-infurzar jirrifjutaw li jikkonformaw ma’ talba għal assistenza reċiproka.

Is-sitt, sabiex jiġu evitati ostakli għal kooperazzjoni bla xkiel marbuta man-nuqqas ta’ qbil dwar ir-reġim tal-lingwa, għandhom jiġu stabbiliti regoli li jippermettu lill-awtoritajiet tal-infurzar jaqblu dwar il-lingwa li għandha tintuża fin-notifiki, fit-talbiet u fil-komunikazzjonijiet kollha bejniethom, kif ukoll regoli f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejniethom.

Is-seba’, f’konformità ma’ dan ir-Regolament, prattika kummerċjali inġusta b’dimensjoni transfruntiera, li tinvolvi mill-anqas tliet Stati Membri għandha titqies bħala prattika kummerċjali inġusta mifruxa.

It-tmien, f’każijiet ta’ prattiki kummerċjali inġusti mifruxa, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-Istati Membri kkonċernati għandhom ikunu jistgħu joħorġu twissijiet, jinvolvu ruħhom f’azzjonijiet ikkoordinati u jaħtru koordinatur biex jikkoordina l-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet rilevanti li fit-territorji tagħhom tista’ tkun qiegħda sseħħ il-prattika.

Id-disa’, għandhom jiġu stabbiliti l-proċeduri għall-koordinazzjoni tal-miżuri ta’ investigazzjoni u infurzar relatati ma’ prattiki kummerċjali inġusti mifruxa b’dimensjoni transfruntiera.

L-għaxar, huwa meħtieġ li jiġu elenkati l-każijiet fejn awtorità tal-infurzar ikkonċernata tista’ tiddeċiedi li tirrifjuta li tipparteċipa f’azzjoni kkoordinata.

Il-ħdax, bil-għan li jiġi żgurat li l-awtoritajiet tal-infurzar ikkonċernati mill-azzjoni kkoordinata jkollhom l-għodod kollha meħtieġa biex jikkomunikaw, jikkooperaw u jikkoordinaw, dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi regoli dwar l-arranġamenti lingwistiċi.



2024/0318 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet tal-infurzar responsabbli għall-infurzar tad-Direttiva (UE) 2019/633 dwar prattiki kummerċjali inġusti fir-relazzjonijiet bejn in-negozji fil-katina tal-provvista agrikola u alimentari

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 8 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 9 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Id-Direttiva (UE) 2019/633 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 10 introduċiet standard minimu ta’ protezzjoni tal-Unjoni kontra prattiki kummerċjali inġusti biex titnaqqas l-okkorrenza ta’ prattiki li x’aktarx ikollhom impatt negattiv fuq l-istandards tal-għajxien tal-komunità agrikola.

(2)Id-Direttiva (UE) 2019/633 tirrikjedi li l-Istati Membri jaħtru awtoritajiet tal-infurzar li jiżguraw l-infurzar effettiv tal-projbizzjonijiet stabbiliti f’dik id-Direttiva. Dik id-Direttiva tirrikjedi wkoll li l-Kummissjoni u dawk l-awtoritajiet tal-infurzar jikkooperaw mill-qrib biex jiżguraw approċċ komuni fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli stabbiliti f’dik id-Direttiva. B’mod partikolari, l-awtoritajiet tal-infurzar għandhom jipprovdu lil xulxin b’assistenza reċiproka, inkluż billi jaqsmu informazzjoni u jassistu fl-investigazzjonijiet li għandhom dimensjoni transfruntiera.

(3)Minħabba l-prinċipju tat-territorjalità, l-awtoritajiet tal-infurzar jistgħu jiffaċċjaw diffikultajiet biex jiġbru l-informazzjoni, biex isibu ksur u biex jimponu u jinfurzaw multi u penali oħrajn li jkunu ugwalment effettivi meta xerrej ikun stabbilit fi Stat Membru ieħor. Diffikultajiet bħal dawn jaffettwaw is-sistema ta’ infurzar stabbilita mid-Direttiva (UE) 2019/633, li tiddependi fuq il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar, u jistgħu jwasslu għal infurzar mhux uniformi ta’ prattiki kummerċjali inġusti, li jimminaw il-protezzjoni għall-fornituri ta’ prodotti agrikoli u tal-ikel maħsuba minn dik id-Direttiva. Għalhekk huwa xieraq li jiġu stabbiliti regoli li jsaħħu l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar f’każijiet transfruntieri.

(4)Minħabba li d-Direttiva (UE) 2019/633 tippermetti lill-Istati Membri jżommu jew jintroduċu regoli nazzjonali aktar stretti kontra prattiki kummerċjali inġusti, għandu jiġi ċċarat li dan ir-Regolament ma jkoprix dawk ir-regoli. Madankollu, ir-Regolament għandu jippermetti lill-Istati Membri jiddeċiedu li l-awtoritajiet tal-infurzar tagħhom jistgħu jagħmlu użu mill-possibbiltà li jiskambjaw informazzjoni stabbilita skont il-mekkaniżmu ta’ assistenza reċiproka stabbilit minn dan ir-Regolament fir-rigward ta’ regoli bħal dawn. F’dawk il-każijiet, l-awtoritajiet tal-infurzar xorta għandu jkollhom id-dritt li jirrifjutaw li jikkonformaw ma’ talba bħal din.

(5)Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tal-obbligi tagħhom skont dan ir-Regolament, l-awtoritajiet tal-infurzar għandhom jiġu pprovduti bir-riżorsi u bl-għarfien espert meħtieġa.

(6)L-awtoritajiet tal-infurzar għandu jkollhom is-setgħa li jipprovdu lil xulxin kwalunkwe kwistjoni ta’ fatt jew ta’ liġi u jużawha bħala evidenza f’konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom, inkluża informazzjoni kunfidenzjali. L-informazzjoni skambjata għandha tintuża biss bħala evidenza għall-fini tal-applikazzjoni tar-regoli stabbiliti mid-Direttiva (UE) 2019/633 u fir-rigward tas-suġġett li għalih tkun inġabret mill-awtorità trażmittenti.

(7)L-awtoritajiet tal-infurzar għandhom jingħataw is-setgħa fit-territorju tagħhom stess li jeżerċitaw is-setgħat imsemmija fl-Artikolu 6(1), il-punti (b) u (c), tad-Direttiva (UE) 2019/633, f’konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom, f’isem u għan-nom ta’ awtoritajiet tal-infurzar oħrajn.

(8)L-awtoritajiet tal-infurzar għandhom jinfurmaw lil xulxin dwar prattika kummerċjali inġusta b’dimensjoni transfruntiera li tkun seħħet jew li tkun qiegħda sseħħ fit-territorju tagħhom.

(9)L-awtoritajiet tal-infurzar għandhom jingħataw is-setgħa fit-territorju tagħhom stess u f’konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom li jinfurzaw deċiżjonijiet finali li jimponu multi jew penali oħrajn li jkunu ugwalment effettivi f’isem u għan-nom ta’ awtoritajiet tal-infurzar oħrajn, jew jagħtu bidu għal proċedimenti għall-infurzar tagħhom, dment li dawk l-awtoritajiet tal-infurzar l-oħrajn ikunu għamlu sforzi raġonevoli biex jiżguraw li x-xerrejja li kontrihom se jiġu infurzati l-multi jew penali oħrajn li jkunu ugwalment effettivi ma jkollhomx biżżejjed assi fl-Istati Membri ta’ dawk l-awtoritajiet tal-infurzar oħrajn.

(10)L-awtoritajiet tal-infurzar għandhom ikunu jistgħu jiskambjaw u jfittxu informazzjoni minn awtoritajiet tal-infurzar oħrajn billi joħorġu talbiet għall-informazzjoni. Dawn it-talbiet għandhom jispeċifikaw liema informazzjoni titqies meħtieġa f’kull każ biex jitwettqu investigazzjonijiet ta’ prattiki kummerċjali inġusti.

(11)L-awtoritajiet tal-infurzar ma għandhomx ikunu intitolati li jirrifjutaw li jikkonformaw ma’ talba għal informazzjoni jew li jirrifjutaw li jipparteċipaw f’miżuri ta’ infurzar sakemm ma jkunx probabbli li l-azzjonijiet ta’ infurzar u d-deċiżjonijiet amministrattivi meħuda fil-livell nazzjonali barra mill-mekkaniżmu ta’ assistenza reċiproka jiżguraw il-waqfien tal-prattika kummerċjali inġusta b’dimensjoni transfruntiera. Barra minn hekk, l-awtoritajiet tal-infurzar għandhom jagħtu r-raġunijiet għal dan ir-rifjut.

(12)In-nuqqas ta’ arranġamenti proċedurali dwar ir-reġim lingwistiku jista’ joħloq ostakli għall-kooperazzjoni bla xkiel bejn l-awtoritajiet tal-infurzar. Għal din ir-raġuni, għandhom jiġu stabbiliti regoli li jippermettu lill-awtoritajiet tal-infurzar jaqblu dwar il-lingwa li għandha tintuża fin-notifiki, fit-talbiet u fil-komunikazzjonijiet kollha bejniethom, kif ukoll regoli f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejniethom.

(13)Bil-għan li jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni biex tkun tista’ tiżviluppa formoli standard għal talbiet għal informazzjoni jew talbiet għal miżuri ta’ infurzar. Dawk is-setgħat għandhom ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 11 . Fin-nuqqas ta’ formoli standard żviluppati mill-Kummissjoni, l-awtoritajiet tal-infurzar għandhom ikunu intitolati li jiżviluppaw dawn il-formoli biex jiffaċilitaw il-mekkaniżmu ta’ assistenza reċiproka.

(14)Meta jista’ jkun li tkun qiegħda sseħħ prattika kummerċjali inġusta mifruxa b’dimensjoni transfruntiera, li tinvolvi mill-anqas tliet Stati Membri, l-awtoritajiet tal-infurzar ikkonċernati minn dik il-prattika għandhom ikunu jistgħu joħorġu twissijiet, jinvolvu ruħhom f’azzjonijiet ikkoordinati u jaħtru koordinatur biex jikkoordina l-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet rilevanti li fit-territorji tagħhom jista’ jkun li tkun qiegħda sseħħ il-prattika. Sabiex jiġi stabbilit liema awtoritajiet tal-infurzar huma kkonċernati minn prattika kummerċjali inġusta mifruxa b’dimensjoni transfruntiera, jenħtieġ li jiġu kkunsidrati l-aspetti rilevanti kollha, b’mod partikolari l-post fejn huwa stabbilit ix-xerrej u l-post fejn jinsabu l-fornituri li jistgħu jiġu affettwati mill-prattika kummerċjali inġusta. L-identifikazzjoni ta’ prattiki kummerċjali inġusti mifruxa b’dimensjoni transfruntiera jenħtieġ li tiġi appoġġata mill-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar meta jkun hemm suspett raġonevoli ta’ dawn il-prattiki kummerċjali inġusti b’dimensjoni transfruntiera. Il-koordinatur għandu jeżerċita l-kompetenza tiegħu fi ħdan qafas ta’ kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet tal-infurzar ikkonċernati l-oħrajn. Bl-istess mod, l-awtoritajiet tal-infurzar ikkonċernati kollha għandhom jinvolvu ruħhom b’mod attiv fl-investigazzjoni fi stadju bikri u joħorġu twissijiet lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet tal-infurzar ikkonċernati minn prattika kummerċjali inġusta mifruxa b’dimensjoni transfruntiera u jaqsmu l-informazzjoni meħtieġa disponibbli għalihom dwar prattiki bħal dawn.

(15)Għandhom jiġu stabbiliti proċeduri għall-koordinazzjoni ta’ miżuri ta’ investigazzjoni u infurzar relatati ma’ prattiki kummerċjali inġusti mifruxa b’dimensjoni transfruntiera. Azzjonijiet ikkoordinati kontra prattiki kummerċjali inġusti mifruxa b’dimensjoni transfruntiera għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet tal-infurzar ikunu jistgħu jagħżlu l-aktar għodod xierqa u effiċjenti biex iwaqqfu dawk il-prattiki.

(16)Għandhom jiġu elenkati l-każijiet fejn awtorità tal-infurzar ikkonċernata tista’ tiddeċiedi li tirrifjuta li tipparteċipa f’azzjoni kkoordinata. B’mod partikolari, in-nuqqas ta’ riżorsi disponibbli min-naħa ta’ awtorità tal-infurzar ikkonċernata minn dik il-prattika kummerċjali inġusta b’dimensjoni transfruntiera ma għandux jitqies li jiġġustifika r-rifjut ta’ parteċipazzjoni f’azzjoni kkoordinata.

(17)Bil-għan li jiġi żgurat li l-awtoritajiet tal-infurzar ikkonċernati mill-azzjoni kkoordinata jkollhom l-għodod kollha meħtieġa biex jikkomunikaw, jikkooperaw u jikkoordinaw, dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi regoli dwar l-arranġamenti lingwistiċi.

(18)Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u preżenti fit-tradizzjonijiet kostituzzjonali tal-Istati Membri. Għaldaqstant, dan ir-Regolament għandu jiġi interpretat u applikat f’konformità ma’ dawk id-drittijiet u l-prinċipji.

(19)L-investigazzjonijiet kriminali u l-proċedimenti ġudizzjarji fl-Istati Membri ma għandhomx jiġu affettwati mill-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(20)Peress li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar responsabbli għall-infurzar tal-projbizzjoni ta’ prattiki kummerċjali inġusti skont id-Direttiva (UE) 2019/633, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba li ma jistgħux jiżguraw il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni billi jaġixxu waħedhom, iżda pjuttost jistgħu, minħabba l-ambitu territorjali u personali tiegħu, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-objettiv.

(21)Sabiex l-awtoritajiet tal-infurzar jingħataw iż-żmien meħtieġ biex ikunu jistgħu jimplimentaw ir-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament, l-applikazzjoni tiegħu għandha tiġi ddifferita b’sena wara d-dħul fis-seħħ tiegħu,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET INTRODUTTORJI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi ċerti regoli li taħthom l-awtoritajiet tal-infurzar, li jkunu ġew maħtura mill-Istati Membri tagħhom bħala responsabbli għall-infurzar tal-projbizzjoni ta’ prattiki kummerċjali inġusti f’relazzjonijiet bejn in-negozji fil-katina tal-provvista agrikola u tal-ikel skont id-Direttiva (UE) 2019/633, jikkooperaw u jikkoordinaw azzjonijiet ma’ xulxin.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1. Dan ir-Regolament japplika għall-infurzar tal-projbizzjoni ta’ prattiki kummerċjali inġusti f’relazzjonijiet bejn in-negozji fil-katina tal-provvista agrikola u tal-ikel stabbilita fl-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva (UE) 2019/633 b’dimensjoni transfruntiera.

Madankollu, l-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament japplika wkoll fir-rigward tar-regoli nazzjonali skont it-tifsira tal-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2019/633 jekk l-Istat Membru jiddeċiedi hekk f’konformità mal-paragrafu 4 ta’ dak l-Artikolu.

2. Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għar-regoli tal-Unjoni u dawk nazzjonali dwar id-dritt internazzjonali privat, b’mod partikolari r-regoli relatati mal-ġuriżdizzjoni tal-qorti u l-liġijiet applikabbli.

3. Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni fl-Istati Membri ta’ miżuri relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kriminali, b’mod partikolari l-operat tan-Network Ġudizzjarju Ewropew stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/976/ĠAI 12 .

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/633. Barra minn hekk, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a) “awtorità tal-infurzar” tfisser l-awtorità nazzjonali jew l-awtoritajiet nazzjonali maħtura minn Stat Membru skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva (UE) 2019/633;

(b) “awtorità tal-infurzar applikanti” tfisser l-awtorità tal-infurzar li tagħmel talba għal assistenza reċiproka;

(c) “awtorità tal-infurzar mitluba” tfisser l-awtorità tal-infurzar li tirċievi talba għal assistenza reċiproka;

(d) “prattika kummerċjali inġusta b’dimensjoni transfruntiera” tfisser kwalunkwe prattika kummerċjali inġusta skont it-tifsira tad-Direttiva (UE) 2019/633 li tinvolvi fornitur wieħed u xerrej wieħed li jinsabu fi Stati Membri differenti;

(e) “prattika kummerċjali inġusta mifruxa b’dimensjoni transfruntiera” tfisser kwalunkwe prattika kummerċjali inġusta skont it-tifsira tad-Direttiva (UE) 2019/633 li tinvolvi mill-anqas tliet Stati Membri;

(f) “deċiżjoni finali” tfisser deċiżjoni li ma tistax, jew li ma tistax tibqa’ tiġi appellata aktar b’mezzi ordinarji.

KAPITOLU II

RIŻORSI U GĦARFIEN ESPERT

Artikolu 4

Riżorsi u għarfien espert

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet tal-infurzar ikollhom ir-riżorsi u l-għarfien espert meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

KAPITOLU III

MEKKANIŻMU TA’ ASSISTENZA REĊIPROKA

Artikolu 5

Talbiet għal informazzjoni

1. Fuq talba ta’ awtorità tal-infurzar applikanti, awtorità tal-infurzar mitluba għandha, mingħajr dewmien, u fi żmien 60 jum sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, tipprovdi lill-awtorità tal-infurzar applikanti bl-informazzjoni mitluba biex tistabbilixxi jekk prattika kummerċjali inġusta fl-Istat Membru tal-awtorità tal-infurzar applikanti b’dimensjoni transfruntiera tkunx seħħet jew tkunx qiegħda sseħħ.

2. L-awtorità tal-infurzar applikanti għandha, meta tibgħat talba għal informazzjoni lill-awtorità tal-infurzar mitluba, tiddikjara bħala bażi legali dan ir-Regolament, il-liġi nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva (UE) 2019/633, u d-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-Direttiva (UE) 2019/633, l-għan tat-talba, u tispeċifika liema informazzjoni hija meħtieġa.

3. L-informazzjoni pprovduta għandha tinġabar biss mill-awtorità tal-infurzar mitluba u tintuża mill-awtorità tal-infurzar applikanti f’konformità mal-liġi nazzjonali tagħha.

4. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-awtoritajiet tal-infurzar jistgħu jagħmlu użu mill-possibbiltajiet imsemmija f’dan l-Artikolu fir-rigward tar-regoli nazzjonali skont it-tifsira tal-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2019/633.

Meta awtorità tal-infurzar applikanti tagħmel użu mill-possibbiltà prevista fis-subparagrafu 1, l-awtorità tal-infurzar mitluba tista’ tirrifjuta li tipprovdi informazzjoni, filwaqt li tindika r-raġunijiet għar-rifjut.

Artikolu 6

Talbiet għal miżuri ta’ infurzar

1. Fuq talba u f’isem awtorità tal-infurzar applikanti, l-awtorità tal-infurzar mitluba għandha teżerċita, f’konformità mar-regoli nazzjonali tal-Istat Membru tagħha, is-setgħat stabbiliti fl-Artikolu 6(1),l- ewwel subparagrafu, il-punti (a), (b) u (c), tad-Direttiva (UE) 2019/633.

2. Meta awtorità tal-infurzar mitluba teżerċita s-setgħat stabbiliti fl-Artikolu 6(1), l-ewwel subparagrafu, il-punti (a), (b) u (c), tad-Direttiva (UE) 2019/633 fuq talba u f’isem awtorità tal-infurzar applikanti, l-uffiċjali u persuni oħrajn li jakkumpanjawhom awtorizzati jew maħtura mill-awtorità tal-infurzar applikanti għandhom jitħallew jattendu u jassistu lill-awtorità tal-infurzar mitluba, taħt is-superviżjoni tal-uffiċjali tal-awtorità tal-infurzar mitluba.

3. L-awtorità tal-infurzar mitluba għandha tinforma lill-awtorità tal-infurzar applikanti dwar il-passi u l-miżuri meħuda u l-passi u l-miżuri li beħsiebha tieħu.

Artikolu 7

Talbiet għall-infurzar ta’ deċiżjonijiet li jiġu imposti multi jew penali u miżuri interim oħrajn li jkunu ugwalment effettivi

1. Fuq talba ta’ awtorità tal-infurzar applikanti, l-awtorità mitluba għandha tinforza, f’konformità mal-liġi nazzjonali tagħha, id-deċiżjonijiet finali li jimponu multi jew penali u miżuri interim oħrajn li jkunu ugwalment effettivi adottati f’konformità mal-Artikolu 6(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (e), tad-Direttiva (UE) 2019/633.

2. Il-paragrafu 1 għandu japplika biss sal-punt li, wara li tkun għamlet sforzi raġonevoli fit-territorju tagħha stess, l-awtorità tal-infurzar applikanti tkun aċċertat li x-xerrej li kontrih huma infurzabbli l-multa u l-penali u l-miżuri interim l-oħrajn ma jkollux biżżejjed assi fit-territorju tal-Istat Membru tagħha.

3. L-awtorità tal-infurzar applikanti tista’ titlob biss l-infurzar ta’ deċiżjoni finali.

4. Kwistjonijiet dwar il-perjodi ta’ limitazzjoni għall-infurzar tal-multi, penali u miżuri interim oħrajn li jkunu ugwalment effettivi għandhom ikunu rregolati mil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru tal-awtorità mitluba.

Artikolu 8

Mekkaniżmu ta’ notifika

Awtorità tal-infurzar għandha tinnotifika lill-awtoritajiet tal-infurzar l-oħrajn kollha fi żmien xahar wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tistabbilixxi l-okkorrenza ta’ prattika kummerċjali inġusta b’dimensjoni transfruntiera fl-Istat Membru tagħha.

Artikolu 9

Proċedura għal talbiet għal assistenza reċiproka

1. L-awtorità tal-infurzar applikanti għandha, meta tagħmel talba għal assistenza reċiproka, tipprovdi kwalunkwe informazzjoni rilevanti meħtieġa biex tippermetti lill-awtorità tal-infurzar mitluba tissodisfa dik it-talba, inkluża kwalunkwe informazzjoni li tista’ tinkiseb biss fl-Istat Membru tal-awtorità tal-infurzar applikanti.

2. It-talbiet għal assistenza reċiproka u l-komunikazzjonijiet kollha marbuta magħhom għandhom isiru bil-miktub bl-użu ta’ formoli standard.

Artikolu 10

Rifjut ta’ konformità ma’ talba għal assistenza reċiproka

1. Awtorità tal-infurzar mitluba tista’ tirrifjuta li tikkonforma ma’ talba għal informazzjoni skont l-Artikolu 5 biss jekk tapplika waħda minn dawn li ġejjin jew it-tnejn li huma:

(a) wara konsultazzjoni mal-awtorità tal-infurzar applikanti, l-informazzjoni mitluba ma hijiex meħtieġa mill-awtorità tal-infurzar applikanti biex tistabbilixxi jekk tkunx seħħet jew tkunx qiegħda sseħħ prattika kummerċjali inġusta b’dimensjoni transfruntiera;

(b) ikunu diġà nbdew investigazzjonijiet kriminali jew proċedimenti ġudizzjarji kontra l-istess xerrej fir-rigward tal-istess prattika kummerċjali inġusta quddiem l-awtoritajiet fl-Istat Membru tal-awtorità tal-infurzar mitluba jew tal-awtorità tal-infurzar applikanti.

2. Awtorità tal-infurzar mitluba tista’ tirrifjuta li tikkonforma ma’ talba għal miżuri ta’ infurzar skont l-Artikoli 6 u 7 biss jekk, wara li tkun ikkonsultat mal-awtorità tal-infurzar applikanti, tapplika waħda minn dawn li ġejjin jew japplikaw it-tnejn li huma:

(a) ikunu diġà nbdew investigazzjonijiet kriminali jew proċedimenti ġudizzjarji, tkun ingħatat sentenza jew tkun intlaħqet soluzzjoni bil-qorti fir-rigward tal-istess prattika kummerċjali inġusta quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji fl-Istat Membru tal-awtorità tal-infurzar mitluba;

(b) l-eżerċizzju tas-setgħat ta’ infurzar meħtieġa jkun diġà nbeda, jew tkun diġà ġiet adottata deċiżjoni amministrattiva fir-rigward tal-istess ksur fi ħdan l-Unjoni u kontra l-istess kummerċjant fl-Istat Membru tal-awtorità mitluba sabiex titwaqqaf malajr u b’mod effettiv l-istess prattika kummerċjali inġusta;

(c) tkun diġà nbdiet investigazzjoni kriminali jew proċedimenti ġudizzjarji fir-rigward tal-istess xerrej fir-rigward tal-istess prattika kummerċjali inġusta quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-applikant;

(d) l-awtorità tal-infurzar applikanti ma tkunx ipprovdiet l-informazzjoni li hija meħtieġa f’konformità mal-Artikolu 5.

3. L-awtorità tal-infurzar mitluba għandha tinforma lill-awtorità tal-infurzar applikanti bi kwalunkwe rifjut ta’ konformità ma’ talba għal assistenza reċiproka, flimkien mar-raġunijiet għal dak ir-rifjut.

Artikolu 11

Arranġamenti lingwistiċi

1. Il-lingwi użati mill-awtoritajiet tal-infurzar għal talbiet, għal notifiki u għall-komunikazzjonijiet l-oħrajn kollha koperti minn dan il-Kapitolu li huma marbuta mal-mekkaniżmu ta’ assistenza reċiproka, għandhom jiġu miftiehma mal-awtoritajiet tal-infurzar ikkonċernati.

2. Jekk ma jkun jista’ jintlaħaq l-ebda ftehim bejn l-awtoritajiet tal-infurzar ikkonċernati, it-talbiet għal assistenza reċiproka għandhom jintbagħtu bil-lingwa uffiċjali, jew b’waħda mil-lingwi uffiċjali, tal-Istat Membru tal-awtorità tal-infurzar applikanti u t-tweġibiet bil-lingwa uffiċjali, jew b’waħda mil-lingwi uffiċjali, tal-Istat Membru tal-awtorità tal-infurzar mitluba.

Artikolu 12

Setgħat ta’ implimentazzjoni

Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu formoli standard għat-talbiet għal assistenza reċiproka skont l-Artikolu 9(2).

L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija f’dan il-paragrafu għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 21.

KAPITOLU IV

MEKKANIŻMI TA’ INVESTIGAZZJONI U INFURZAR GĦAL PRATTIKI KUMMERĊJALI INĠUSTI MIFRUXA B’DIMENSJONI TRANSFRUNTIERA

Artikolu 13

Tnedija ta’ azzjoni kkoordinata u ħatra tal-koordinatur

1. Fejn ikun hemm suspett raġonevoli li jista’ jkun hemm prattika kummerċjali inġusta mifruxa b’dimensjoni transfruntiera, l-awtoritajiet tal-infurzar ikkonċernati minn dik il-prattika għandhom iniedu azzjoni kkoordinata li għandha tkun ibbażata fuq ftehim bejniethom. It-tnedija tal-azzjoni kkoordinata għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni mingħajr dewmien.

2. L-awtoritajiet tal-infurzar ikkonċernati mill-prattika kummerċjali inġusta mifruxa b’dimensjoni transfruntiera għandhom jaħtru awtorità tal-infurzar biex tkun il-koordinatur.

3. L-awtoritajiet tal-infurzar ikkonċernati mill-prattika kummerċjali inġusta mifruxa b’dimensjoni transfruntiera għandhom iwettqu investigazzjonijiet abbażi ta’ informazzjoni li tkun disponibbli għalihom. Dawn għandhom jinnotifikaw ir-riżultati ta’ dawn l-investigazzjonijiet lill-awtoritajiet tal-infurzar l-oħrajn, skont l-Artikolu 19.

4. Awtorità tal-infurzar għandha tingħaqad mal-azzjoni kkoordinata jekk isir evidenti matul dik l-azzjoni kkoordinata li l-awtorità tal-infurzar hija kkonċernata mill-prattika kummerċjali inġusta mifruxa b’dimensjoni transfruntiera.

5. Sabiex jiġi stabbilit li awtorità tal-infurzar tkun ikkonċernata minn prattika kummerċjali inġusta mifruxa b’dimensjoni transfruntiera, għandhom jitqiesu l-elementi kollha u b’mod partikolari:

a) l-Istati Membri fejn huma stabbiliti x-xerrejja;

b) l-Istati Membri fejn huma stabbiliti l-fornituri li jistgħu jiġu affettwati mill-prattika kummerċjali inġusta.

Artikolu 14

Raġunijiet għal rifjut ta’ parteċipazzoni fl-azzjoni kkoordinata

1. Awtorità tal-infurzar tista’ tirrifjuta li tieħu sehem f’azzjoni kkoordinata biss jekk tapplika kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(a) tkun diġà nbdiet investigazzjoni kriminali jew ikunu nbdew proċedimenti ġudizzjarji, tkun ingħatat sentenza jew tkun intlaħqet soluzzjoni bil-qorti fir-rigward tal-istess xerrej u li tikkonċerna l-istess prattika kummerċjali inġusta fl-Istat Membru ta’ dik l-awtorità tal-infurzar;

(b) l-awtorità tal-infurzar tkun diġà bdiet investigazzjonijiet qabel il-ħruġ ta’ twissija msemmija fl-Artikolu 19, jew tkun ġiet adottata deċiżjoni amministrattiva kontra l-istess xerrej fir-rigward tal-istess prattika kummerċjali inġusta fl-Istat Membru ta’ dik l-awtorità tal-infurzar biex twaqqaf il-prattika kummerċjali inġusta mifruxa b’dimensjoni transfruntiera;

(c) il-prattika kummerċjali inġusta mifruxa b’dimensjoni transfruntiera ma tkunx saret fl-Istat Membru ta’ dik l-awtorità tal-infurzar u għalhekk ma hemm bżonn li tiġi adottata l-ebda miżura ta’ infurzar minn dik l-awtorità tal-infurzar.

2. Meta awtorità tal-infurzar tirrifjuta li tieħu sehem fl-azzjoni kkoordinata, din għandha tinforma lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet tal-infurzar l-oħrajn ikkonċernati mill-prattika kummerċjali inġusta mifruxa b’dimensjoni transfruntiera dwar id-deċiżjoni tagħha mingħajr dewmien, filwaqt li tiddikjara r-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha u tipprovdi kwalunkwe dokument ta’ sostenn meħtieġ.

Artikolu 15

Miżuri ta’ investigazzjoni f’azzjonijiet ikkoordinati

1. L-awtoritajiet tal-infurzar ikkonċernati mill-azzjoni kkoordinata għandhom jiżguraw li l-investigazzjonijiet u l-ispezzjonijiet jitwettqu b’mod ikkoordinat. Huma għandhom ifittxu li jwettqu investigazzjonijiet u spezzjonijiet u, sa fejn il-liġi nazzjonali tippermetti dan, li japplikaw miżuri interim simultanjament ma’ xulxin.

2. L-awtoritajiet tal-infurzar ikkonċernati mill-azzjoni kkoordinata għandhom jistabbilixxu l-eżitu tal-investigazzjoni u l-valutazzjoni tal-prattika kummerċjali inġusta mifruxa b’dimensjoni transfruntiera f’pożizzjoni komuni, li tiġbor fil-qosor id-deċiżjonijiet nazzjonali adottati.

3. Mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar il-kunfidenzjalità u dwar is-segretezza professjonali u kummerċjali stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 13 , l-awtoritajiet tal-infurzar ikkonċernati mill-azzjoni kkoordinata għandhom jippubblikaw il-pożizzjoni komuni jew partijiet minnha fuq is-siti web tagħhom u jinformaw lill-Kummissjoni bil-pubblikazzjoni.

Artikolu 16

Miżuri ta’ infurzar f’azzjonijiet ikkoordinati

1. L-awtoritajiet tal-infurzar ikkonċernati mill-azzjoni kkoordinata għandhom jieħdu fil-ġuriżdizzjoni tagħhom il-miżuri ta’ infurzar kollha meħtieġa skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2019/633 kontra x-xerrej responsabbli għall-prattika kummerċjali inġusta mifruxa b’dimensjoni transfruntiera biex iwaqqfu dik il-prattika kummerċjali inġusta.

2. Il-miżuri ta’ infurzar skont il-paragrafu 1 għandhom jittieħdu mill-awtoritajiet tal-infurzar f’konformità mar-regoli nazzjonali tal-Istat Membru tagħhom u b’mod ikkoordinat biex iwaqqfu l-prattika kummerċjali inġusta mifruxa b’dimensjoni transfruntiera. L-awtoritajiet tal-infurzar ikkonċernati mill-azzjoni kkoordinata għandhom ifittxu li jieħdu miżuri ta’ infurzar simultanjament fl-Istati Membri kkonċernati minn dak il-ksur transfruntier mifrux.

Artikolu 17

Waqfien ta’ azzjoni kkoordinata

1. Azzjoni kkoordinata għandha tieqaf jekk l-awtoritajiet tal-infurzar ikkonċernati mill-azzjoni kkoordinata jikkonkludu li l-prattika kummerċjali inġusta mifruxa b’dimensjoni transfruntiera waqfet fl-Istati Membri kollha kkonċernati, jew li ma twettqet l-ebda prattika kummerċjali inġusta mifruxa b’dimensjoni transfruntiera bħal din.

2. Il-koordinatur imsemmi fl-Artikolu 13(2) għandu jinnotifika, fejn applikabbli, lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-Istati Membri kkonċernati mill-azzjoni kkoordinata dwar il-waqfien tal-azzjoni kkoordinata mingħajr dewmien.

Artikolu 18

Rwol tal-koordinatur

1. Il-koordinatur maħtur f’konformità mal-Artikolu 13 għandu b’mod partikolari:

(a) jiżgura li l-awtoritajiet tal-infurzar ikkonċernati jkunu informati kif xieraq u fil-ħin dwar il-progress tal-investigazzjoni jew tal-azzjoni ta’ infurzar, u informati bi kwalunkwe pass antiċipat li jmiss u l-miżuri li għandhom jiġu adottati;

(b) jikkoordina u jissorvelja l-miżuri ta’ investigazzjoni meħuda mill-awtoritajiet tal-infurzar ikkonċernati f’konformità ma’ dan ir-Regolament;

(c) jikkoordina t-tħejjija u l-kondiviżjoni tad-dokumenti kollha meħtieġa fost l-awtoritajiet tal-infurzar ikkonċernati;

(d) iżomm kuntatt max-xerrej u ma’ partijiet oħrajn ikkonċernati mill-investigazzjoni jew mill-miżuri ta’ infurzar, kif applikabbli, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor mill-awtoritajiet tal-infurzar ikkonċernati u mill-koordinatur;

(e) fejn applikabbli, jikkoordina l-valutazzjoni, il-konsultazzjonijiet u l-monitoraġġ mill-awtoritajiet tal-infurzar ikkonċernati kif ukoll passi oħrajn meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-impenji proposti mix-xerrej ikkonċernat;

(f) fejn applikabbli, jikkoordina miżuri ta’ infurzar adottati mill-awtoritajiet tal-infurzar ikkonċernati;

(g) jikkoordina talbiet għal assistenza reċiproka ppreżentati mill-awtoritajiet tal-infurzar ikkonċernati skont il-Kapitolu III.

2. Il-koordinatur ma għandux jinżamm responsabbli għall-azzjonijiet jew għall-ommissjonijiet tal-awtoritajiet tal-infurzar ikkonċernati l-oħrajn meta jagħmlu użu mis-setgħat stabbiliti fl-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2019/633 u fir-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament.

Artikolu 19

Twissijiet

1. Awtorità tal-infurzar għandha mingħajr dewmien twissi lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet tal-infurzar l-oħrajn li tista’ tkun qiegħda sseħħ prattika kummerċjali inġusta mifruxa b’dimensjoni transfruntiera.

2. L-awtorità tal-infurzar għandha, meta toħroġ twissija msemmija fil-paragrafu 1, tipprovdi informazzjoni dwar il-prattika kummerċjali inġusta mifruxa ssuspettata b’dimensjoni transfruntiera koperta minn dan ir-Regolament, inkluż dan li ġej:

(a) deskrizzjoni tal-prattika kummerċjali inġusta mifruxa b’dimensjoni transfruntiera;

(b) dettalji tas-suġġett tal-prattika kummerċjali inġusta mifruxa b’dimensjoni transfruntiera;

(c) l-Istati Membri kkonċernati jew possibbilment ikkonċernati mill-prattika kummerċjali inġusta mifruxa b’dimensjoni transfruntiera;

(d) l-identità tax-xerrej jew tax-xerrejja ssuspettati li wettqu l-prattika kummerċjali inġusta mifruxa b’dimensjoni transfruntiera;

(e) il-prattika kummerċjali inġusta kkonċernata skont id-Direttiva (UE) 2019/633 u b’referenza għal-liġi nazzjonali;

(f) deskrizzjoni ta’ kwalunkwe proċediment legali, miżura ta’ infurzar jew miżura oħra meħuda dwar il-prattika kummerċjali inġusta mifruxa b’dimensjoni transfruntiera u d-dati u d-durata tagħhom, kif ukoll l-istatus tagħhom;

(g) l-identitajiet tal-awtoritajiet tal-infurzar li jressqu l-proċedimenti u li jieħdu miżuri oħrajn.

3. L-awtorità tal-infurzar tista’, meta toħroġ twissija, titlob lill-awtoritajiet tal-infurzar fi Stati Membri oħrajn biex jivverifikaw, abbażi ta’ informazzjoni li tkun disponibbli jew faċilment aċċessibbli għall-awtoritajiet tal-infurzar rilevanti, jekk l-istess prattiki kummerċjali inġusti mifruxa jistgħux ikunu qegħdin iseħħu fit-territorju ta’ dawk l-Istati Membri l-oħrajn jew jekk kwalunkwe proċediment huwiex pendenti jew jekk kwalunkwe miżura ta’ infurzar tkunx diġà ttieħdet kontra dawn il-prattiki kummerċjali inġusti f’dawk l-Istati Membri. L-awtoritajiet tal-infurzar f’dawk l-Istati Membri l-oħrajn għandhom iwieġbu għat-talba mingħajr dewmien.

Artikolu 20

Arranġamenti lingwistiċi

1. Il-lingwi użati mill-awtoritajiet tal-infurzar għan-notifiki, kif ukoll għall-komunikazzjonijiet l-oħrajn kollha koperti minn dan il-Kapitolu li huma marbuta mal-azzjonijiet ikkoordinati, għandu jsir qbil dwarhom mill-awtoritajiet tal-infurzar ikkonċernati.

2. Jekk ma jkun jista’ jintlaħaq l-ebda ftehim bejn l-awtoritajiet tal-infurzar ikkonċernati, in-notifiki u l-komunikazzjonijiet l-oħrajn għandhom jintbagħtu bil-lingwa uffiċjali jew b’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru li jagħmel in-notifika jew komunikazzjoni oħra.

KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET PROĊEDURALI

Artikolu 21

Proċedura tal-kumitat 

1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli stabbilit mill-Artikolu 229 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 14 . Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 22

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika minn [+ sena (1) mill-adozzjoni].

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    Id-Direttiva (UE) 2019/633 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar prattiki kummerċjali inġusti fir-relazzjonijiet bejn in-negozji fil-katina tal-provvista agrikola u alimentari (ĠU L 111, 25.4.2019, p. 59, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2019/633/oj ).
(2)     Djalogu Strateġiku dwar il-Futur tal-Agrikoltura fl-UE .
(3)    Ir-Regolament (UE) 2017/2394 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ĠU L 345, 27.12.2017, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/2394/oj ).
(4)    Ir-Regolament (UE) 2021/444 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi l-programm “Dwana” għal kooperazzjoni fil-qasam tad-dwana u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1294/2013, ĠU L 87, 15.3.2021, p. 1–16, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/444/oj  
(5)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 tas-7 ta’ Ottubru 2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud, ĠU L 268, 12.10.2010, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/904/2024-01-01  
(6)    Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali), ĠU L 095, 7.4.2017, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/625/2022-01-28
(7)    Ir-Regolament (UE) 2017/2394 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004, ĠU L 345, 27.12.2017, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/2394/2022-01-01  
(8)    ĠU C […], […], p. […].
(9)    ĠU C , , p. .
(10)    Id-Direttiva (UE) 2019/633 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar prattiki kummerċjali inġusti fir-relazzjonijiet bejn in-negozji fil-katina tal-provvista agrikola u alimentari (ĠU L 111, 25.4.2019, p. 59, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2019/633/oj ).
(11)    Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/182/oj ).
(12)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/976/ĠAI tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar in-Network Ġudizzjarju Ewropew (ĠU L 348, 24.12.2008, p. 130, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/976/oj).
(13)    Id-Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni ta’ konoxxenza u ta’ informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom (ĠU L 157, 15.6.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2016/943/oj ).
(14)    Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1308/oj).