IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 4.12.2024
COM(2024) 567 final
2024/0315(COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar deroga temporanja minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2017/2226 u r-Regolament (UE) 2016/399 fir-rigward ta’ bidu progressiv tal-operazzjonijiet tas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
·Raġunijiet għall-proposta
Is-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES, Entry/Exit System) hija komponent kruċjali tal-ġestjoni tal-fruntieri taż-żona Schengen, stabbilit fir-Regolament 2017/2226 (“ir-Regolament EES”). Bħala bażi tad-data ċentralizzata, l-EES tirreġistra d-dħul, il-ħruġ u r-rifjuti ta’ dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri esterni ta’ 29 Stat Membru ta’ Schengen għal soġġorn qasir. L-EES tirrappreżenta pass sinifikanti fl-isforzi tal-UE biex ittejjeb is-sigurtà u l-effiċjenza fil-fruntieri esterni tagħha. Għall-ewwel darba, sistema se tiġbor data bijometrika, bħall-immaġnijiet tal-wiċċ u l-marki tas-swaba’ ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri esterni. L-EES se tagħti lill-Istati Membri ta’ Schengen aċċess f’ħin reali għad-data personali, l-istorja tal-ivvjaġġar u l-informazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi dwar jekk jikkonformawx mal-perjodu awtorizzat ta’ soġġorn qasir fiż-żona Schengen. B’riżultat ta’ dan, l-EES se tnaqqas b’mod sinifikanti l-probabbiltà ta’ frodi tal-identità u ta’ soġġorn wara l-iskadenza tal-awtorizzazzjoni, u fl-aħħar mill-aħħar se ssaħħaħ is-sigurtà taż-żona Schengen.
Minkejja sforzi sinifikanti mill-Istati Membri, mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA, European Union Agency for the Operational Management of Large-Scale IT Systems in the Area of Freedom, Security and Justice) u mill-Kummissjoni, mhuwiex possibbli li l-EES titnieda fir-raba’ trimestru tal-2024 kif approvat mill-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni f’Ottubru 2023. Il-Kummissjoni ma rċevietx in-notifiki kollha mill-Istati Membri skont l-Artikolu 66(1)(c) tar-Regolament EES, li huwa rekwiżit legali biex l-EES tibda topera. Filwaqt li għadd kbir ta’ Stati Membri nnotifikaw l-istat ta’ tħejjija tagħhom lill-Kummissjoni, ċerti Stati Membri indikaw li mhumiex f’pożizzjoni li jagħmlu dan. Fl-istess ħin, bidu sħiħ tal-operazzjonijiet mil-lum għal għada jikkostitwixxi fattur ta’ riskju għar-reżiljenza ta’ sistema kumplessa tal-IT, bħas-Sistema Ċentrali tal-EES.
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-partijiet ikkonċernati involuti fl-operazzjonijiet tal-EES għamlu ċara l-preferenza tagħhom li l-introduzzjoni ta’ proċessi ġodda fil-fruntieri esterni għandha tkun preċeduta minn perjodu ta’ aġġustament għall-awtoritajiet nazzjonali u għall-vjaġġaturi biex jingħata grad akbar ta’ ċertezza. It-tnedija sħiħa ta’ sistema ġdida tal-IT fuq skala kbira fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri kollha fejn huma meħtieġa aġġustamenti tekniċi f’ħin reali tista’ toħloq riskji biex l-ivvjaġġar jiġi żgurat u jkun bla xkiel, b’mod partikolari f’żoni fejn l-infrastruttura eżistenti, in-nuqqas ta’ spazju jew restrizzjonijiet oħra diġà joħolqu sfidi. Dawn l-isfidi huma aggravati mid-differenzi fost l-Istati Membri dwar il-mod kif l-EES qed tiġi implimentata minħabba d-diversità tal-punti ta’ qsim tal-fruntieri u l-approċċi differenti għall-awtomatizzazzjoni u għall-iskjerament ta’ teknoloġiji ġodda.
Madankollu, ir-Regolament EES jippermetti biss bidu sħiħ tal-operazzjonijiet, li jirrikjedi li l-Istati Membri kollha jibdew jużaw l-EES b’mod sħiħ u simultanju għall-vjaġġaturi kollha li huma soġġetti għal reġistrazzjoni fl-EES fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri esterni kollha tagħhom. Ma jipprevedix l-għażla ta’ perjodu ta’ aġġustament.
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, jidher li l-objettivi tal-EES jistgħu jintlaħqu b’mod aktar effettiv u b’ċertezza akbar jekk jiġi introdott grad ta’ flessibbiltà fil-bidu tal-operazzjonijiet tas-sistema. Għal dak l-għan, huwa meqjus meħtieġ Regolament li jippermetti bidu progressiv tal-operazzjonijiet għal perjodu ta’ żmien limitat. Dan ir-Regolament propost jidderoga mir-Regolament EES sal-punt meħtieġ biex jippermetti bidu progressiv tal-operazzjonijiet. Dan se jippreserva l-isforzi li saru kemm mill-eu-LISA kif ukoll mill-Istati Membri, filwaqt li jilħaq l-objettivi tal-EES biex jimmodernizza l-ġestjoni tal-fruntieri esterni u jikkontribwixxi għas-sigurtà interna tal-Unjoni Ewropea.
Barra minn hekk, ir-Regolament propost joffri approċċ flessibbli li jakkomoda l-ħtiġijiet diversi tal-Istati Membri. Dan jippermetti lil dawk li jixtiequ jimplimentawh gradwalment biex jagħmlu dan, filwaqt li jippermetti lil oħrajn jibdew joperaw kompletament mill-ewwel jum. Madankollu, ta’ min jinnota li l-benefiċċji sħaħ tal-EES se jkunu disponibbli biss ladarba l-Istati Membri kollha jkunu qed japplikawh bis-sħiħ.
Din il-proposta tintroduċi wkoll miżuri li jippermettu lill-Istati Membri jiġġestixxu b’mod effettiv iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali, bħal problemi tekniċi jew perjodi ta’ domanda għolja għall-ivvjaġġar. Sabiex itaffu dawn ir-riskji, l-Istati Membri jistgħu jissospendu l-użu tas-sistema, kompletament jew parzjalment, għal perjodu qasir ta’ żmien matul il-perjodu tal-bidu progressiv tal-operazzjonijiet. Dan il-mekkaniżmu se jinżamm ukoll għal perjodu limitat wara l-bidu sħiħ tal-operazzjonijiet.
Fi skambji fil-livell tal-esperti u f’dak tekniku kif ukoll fil-Bord tat-Tmexxija tal-eu-LISA, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri esprimew appoġġ għal bidu progressiv tal-operazzjonijiet u rrikonoxxew li dan se jippermetti implimentazzjoni aħjar tar-regoli l-ġodda tal-EES fil-fruntieri esterni. L-approċċ progressiv intlaqa’ tajjeb ukoll mill-biċċa l-kbira tat-trasportaturi u mill-operaturi tal-infrastruttura li tospita punti ta’ qsim tal-fruntieri matul laqgħa ddedikata ma’ dawn il-partijiet ikkonċernati. L-Istati Membri għandhom jiżguraw koordinazzjoni xierqa mal-operaturi tal-infrastruttura ta’ dawk il-punti ta’ qsim tal-fruntieri li fihom tiġi skjerata l-EES. L-Istati Membri għandhom jiżguraw it-trasparenza dwar l-iskjerament tal-EES fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri esterni tagħhom u jiżguraw li l-miżuri jiġu kkomunikati b’mod effettiv kemm lit-trasportaturi kif ukoll lill-vjaġġaturi.
·Għanijiet tal-proposta
L-objettivi ġenerali ta’ din il-proposta jirriżultaw mill-għanijiet ibbażati fuq it-Trattati li tkompli tittejjeb il-ġestjoni tal-fruntieri esterni taż-żona Schengen billi jibdew japplikaw, malajr kemm jista’ jkun, ir-regoli armonizzati tal-EES dwar il-movimenti transfruntiera u għalhekk jikkontribwixxu għas-sigurtà interna tal-Unjoni Ewropea.
Din l-inizjattiva twitti t-triq għal bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES, b’deroga temporanja minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament EES u r-Regolament (UE) 2016/399 (“Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen”) li jirrikjedu li l-Istati Membri jużaw is-sistema bis-sħiħ.
L-objettiv ġenerali tal-proposta huwa li tiffaċilita l-operazzjonalizzazzjoni tar-Regolament EES, u b’hekk tippermetti lill-Istati Membri jilħqu l-objettivi tas-sistema stabbiliti fir-Regolament EES fil-ħin u b’mod effiċjenti.
L-objettivi speċifiċi tal-proposta huma li:
1.tipprovdi flessibbiltà lill-Istati Membri biex jibdew jużaw l-EES skont il-livell ta’ tħejjija tagħhom f’konformità mal-istandards għoljin tal-EES għall-użu ta’ tagħmir teknoloġikament avvanzat għall-ġbir tad-data;
1.tiffaċilita l-aġġustamenti tekniċi u operazzjonali matul l-ewwel perjodu tal-operazzjonijiet tal-EES billi tippermetti li s-sistema tiġi implimentata gradwalment;
2.tiġġestixxi aħjar u tevita ħinijiet twal potenzjali ta’ stennija fil-fruntieri esterni;
3.ittejjeb is-sitwazzjoni attwali billi tiżgura li l-utenti finali, bħall-gwardji tal-fruntiera, l-uffiċjali tal-immigrazzjoni, l-awtoritajiet tal-viża u l-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, ikollhom aċċess għall-aktar informazzjoni aġġornata dwar l-identitajiet tal-vjaġġaturi anke jekk id-data rreġistrata fis-sistema ma tkunx kompluta minħabba l-iskjerament progressiv tal-EES;
4.tiżgura li jkun hemm fis-seħħ soluzzjonijiet għall-Istati Membri biex jindirizzaw sitwazzjonijiet mhux mistennija li jistgħu jinqalgħu wara l-bidu tal-operazzjonijiet tal-EES biex jiġi evitat tfixkil fil-fruntieri esterni u ħinijiet twal ta’ stennija;
5.tippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali, lill-vjaġġaturi u lit-trasportaturi jaġġustaw għall-proċessi u t-teknoloġiji l-ġodda tal-ġestjoni tal-fruntieri;
6.tippreserva investimenti kbar li saru, b’mod partikolari dawk fl-infrastruttura, it-tagħmir u r-riżorsi umani, bi tħejjija għall-bidu tal-operazzjonijiet tal-EES.
•Konsistenza ma’ dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Il-qafas legali attwali tal-UE f’dan il-qasam jikkonsisti fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-kontrolli fil-fruntieri esterni. Il-leġiżlazzjoni proposta tikkontribwixxi wkoll għall-kisba tal-objettivi stabbiliti fil-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u fil-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen.
Il-proposta hija konsistenti mar-regoli stabbiliti fir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data.
Ir-Regolament huwa kompletament konsistenti mal-qafas legali eżistenti għall-protezzjoni tad-data. Jipprovdi derogi temporanji mmirati mir-Regolament EES u l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen li huma meħtieġa biex ikun jistgħu jibdew b’mod progressiv l-operazzjonijiet tal-EES.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-UE
Il-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES se jkun konsistenti mal-applikazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS, Visa Information System) u s-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS, European Travel Information and Authorisation System) futura, kif ukoll mal-komponenti futuri tal-interoperabbiltà li qed jiġu żviluppati mill-eu-LISA, jiġifieri l-Portal Ewropew tat-Tfittxija, is-Servizz kondiviż ta’ Tqabbil Bijometriku, ir-Repożitorju Komuni ta’ Informazzjoni dwar l-Identità u d-Detettur ta’ Identitajiet Multipli. L-ippjanar integrat rivedut tal-ETIAS kif ukoll tal-komponenti kollha tal-interoperabbiltà se jiġi diskuss u miftiehem bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-eu-LISA fid-dawl tad-dħul fis-seħħ mistenni tal-EES.
2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi legali
Dan ir-Regolament jipprevedi deroga temporanja minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament EES u tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, li ġew adottati abbażi tal-Artikolu 77(2)(b) u (d) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Artikolu 87(2)(a) tat-TFUE, u tal-Artikolu 77(2)(b) u (e) tat-TFUE, rispettivament. Huwa xieraq li dan ir-Regolament propost jiġi adottat abbażi tal-istess dispożizzjonijiet tat-TFUE bħal dawk tar-Regolament EES.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenzi mhux esklużivi)
Skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-azzjoni tal-UE tista’ tittieħed biss jekk l-għanijiet previsti ma jkunux jistgħux jintlaħqu mill-Istati Membri waħedhom.
L-għan tar-Regolament propost huwa li jippermetti l-implimentazzjoni tar-regoli stabbiliti fir-Regolament EES. Bidu progressiv tal-operazzjonijiet ta’ sistema ta’ informazzjoni komuni b’regoli u skedi ta’ żmien armonizzati ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri waħedhom. Hija meħtieġa azzjoni tal-UE biex jiġi żgurat il-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES.
•Proporzjonalità
Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea peress li mhux se tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti.
B’mod partikolari, ir-Regolament propost joħloq deroga limitata mir-Regolament EES u l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen bl-għan li jippermetti l-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES.
•Għażla tal-istrument
L-għanijiet tal-proposta jistgħu jiġu segwiti bl-aħjar mod permezz ta’ Regolament. Se jiżgura l-applikabbiltà diretta tad-dispożizzjonijiet u approċċ uniformi u konsistenti fiż-żona Schengen kollha. Dan huwa ta’ importanza partikolari peress li r-Regolament propost jidderoga mir-Regolament EES, li jistabbilixxi sistema ċentrali li permezz tagħha l-Istati Membri jikkooperaw u jistabbilixxi regoli dwar il-verifiki fuq il-fruntieri, u l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Peress li r-Regolament propost għandu l-għan li jintroduċi obbligi uniformi fuq l-Istati Membri u l-operaturi tat-trasport, l-istrument xieraq li għandu jintuża biex jintlaħqu l-objettivi ta’ din l-inizjattiva huwa Regolament.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Il-proposta qieset kif xieraq ir-riżultati ta’ proċess ta’ konsultazzjoni komprensiv matul it-tfassil u l-iżvilupp tal-EES. Dan il-proċess kien jinkludi diskussjonijiet ma’ esperti tal-IT, esperti tal-politika, esperti operazzjonali u legali mill-Istati Membri u l-eu-LISA fil-kuntest tal-Grupp Konsultattiv tal-eu-LISA, il-Bord tat-Tmexxija tal-Programm tal-eu-LISA, il-Bord tat-Tmexxija tal-eu-LISA u l-Kumitat għall-Fruntieri Intelliġenti. Kien hemm ukoll skambji mal-partijiet ikkonċernati u diskussjonijiet fil-Kunsill.
•Valutazzjoni tal-impatt
Il-proposta għandha l-għan li tintroduċi deroga limitata mir-Regolament EES u l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen biex jiġi żgurat bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES. Minħabba l-objettiv ta’ politika, ma hemm l-ebda għażla ta’ politika oħra disponibbli. Għalhekk, valutazzjoni tal-impatt mhijiex xierqa jew meħtieġa.
Il-valutazzjonijiet tal-impatt għall-EES twettqu mill-2008, u flimkien mal-konsultazzjoni mal-partijiet interessati u d-diskussjonijiet fil-Kunsill u fil-Parlament Ewropew, kienu jikkostitwixxu l-bażi għal valutazzjoni tal-impatt dettaljata mħejjija mill-Kummissjoni li takkumpanja l-proposta dwar ir-Regolament EES. Il-valutazzjoni tal-impatt iffokat fuq ħtiġijiet kruċjali għall-ġestjoni tal-fruntieri li għandhom jiġu indirizzati bl-istabbiliment tal-EES. L-impenji ewlenin li jeħtieġ li jiġu stabbiliti huma: (i) it-titjib tal-kwalità tal-verifiki fuq il-fruntieri; (ii) l-iżgurar tal-identifikazzjoni affidabbli tal-individwi; u (iii) it-tisħiħ tas-sigurtà interna u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità serja. Dawn il-ħtiġijiet se jinkisbu biss permezz tad-dħul fis-seħħ tal-EES.
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
•Drittijiet fundamentali
Il-proposta tqis bis-sħiħ id-drittijiet u l-prinċipji fundamentali rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, il-miżuri proposti jqisu l-Artikolu 6 tal-Karta li jipproteġi d-dritt fundamentali għal-libertà u s-sigurtà, l-Artikolu 7 tal-Karta li jipproteġi d-dritt fundamentali ta’ kulħadd għar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja tiegħu jew tagħha u l-Artikolu 8 dwar id-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data personali. Il-miżuri proposti huma wkoll konformi mal-Artikolu 16 tat-TFUE li jiggarantixxi lil kulħadd id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali tiegħu.
Il-proposta ma tbiddilx ir-regoli stretti ta’ aċċess għall-EES, u s-salvagwardji meħtieġa stabbiliti fir-Regolament EES, inkluż ir-rispett għad-data personali bħala dritt fundamentali u d-dritt għall-informazzjoni.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Din il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni fuq il-baġit tal-UE.
5.ELEMENTI OĦRAJN
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
Il-programm għall-monitoraġġ tal-outputs, tar-riżultati u tal-impatt tar-Regolament propost isegwi dak stabbilit fl-Artikolu 72 tar-Regolament EES.
Barra minn hekk, mekkaniżmu konsistenti bbażat fuq pjanijiet ta’ introduzzjoni u obbligi ta’ rapportar jippermetti t-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-monitoraġġ ġenerali qabel u matul il-bidu progressiv tal-operazzjonijiet. Il-pjanijiet ta’ introduzzjoni żviluppati fil-livell ċentrali u nazzjonali huma r-riżultat ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri, l-eu-LISA u l-Kummissjoni.
•Spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Il-proposta hija magħmula mill-blokok deskritti hawn taħt.
–Introduzzjoni gradwali (l-Artikoli 1, 2 u 4): L-Istati Membri se jibdew progressivament l-operazzjonijiet tal-EES, billi jibdew b’reġistrazzjoni minima ta’ 10 % tal-qsim tal-fruntieri stmat u jilħqu reġistrazzjoni sħiħa tal-individwi kollha sa tmiem il-perjodu tal-bidu progressiv tal-operazzjonijiet. Ir-rifjuti tad-dħul se jiġu rreġistrati fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri li fihom topera l-EES. L-Istati Membri se jkollhom il-possibbiltà li jaċċelleraw l-implimentazzjoni fil-livell nazzjonali jew jibdew joperaw bis-sħiħ l-EES. Il-Europol se jibda juża wkoll l-EES mill-ewwel jum tal-bidu progressiv tal-operazzjonijiet.
–Pjanijiet ta’ introduzzjoni, monitoraġġ u rapportar (l-Artikolu 3): Id-dettalji tad-dħul fis-seħħ progressiv fil-livell ċentrali u nazzjonali se jiġu stabbiliti fil-pjanijiet ta’ introduzzjoni tal-eu-LISA u tal-Istati Membri, wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni. L-Istati Membri se jipprovdu rapporti ta’ progress ta’ kull xahar lill-Kummissjoni u lill-eu-LISA. F’każ li Stat Membru jiddeċiedi li jibda jopera bis-sħiħ l-EES, il-pjan ta’ introduzzjoni jispjega biss dik l-għażla.
–Regoli temporanji li jidderogaw mir-Regolament EES u l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen (l-Artikolu 5): L-ittimbrar obbligatorju tad-dokumenti tal-ivvjaġġar għall-individwi kollha li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-EES se jibqa’ fis-seħħ sa tmiem il-perjodu tal-bidu progressiv tal-operazzjonijiet. Fejn tiġi skjerata l-EES, l-Istati Membri se jirreġistraw id-data tal-vjaġġaturi mid-dokumenti tal-ivvjaġġar tagħhom. L-Istati Membri jistgħu jirreġistraw id-data bijometrika b’mod progressiv. L-awtoritajiet li jaċċessaw id-data rreġistrata fl-EES matul il-perjodu tal-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES se jikkunsidraw it-timbri bħala prevalenti fuq id-data rreġistrata fl-EES. L-interoperabbiltà bejn l-EES u l-VIS se tintuża fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri li fihom titħaddem l-EES. Il-konsegwenzi possibbli tal-informazzjoni dwar it-tul massimu li jifdal tas-soġġorn awtorizzat ipprovdut mill-kalkolatur awtomatizzat se jiġu injorati. Il-verifika tal-identità u r-reġistrazzjoni preċedenti ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi se jsiru biss fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri li fihom titħaddem l-EES b’funzjonalitajiet bijometriċi. Is-sit web, il-kampanja ta’ informazzjoni u l-mudell li għandu jingħata lill-vjaġġaturi se jiġu adattati biex jirriflettu l-bidu progressiv tal-operazzjonijiet. Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza fl-istrumenti legali tal-UE u applikazzjoni ċara tar-regoli, ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament EES u tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen se jiġu sospiżi matul il-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES.
–Aċċess għad-data tal-EES (l-Artikolu 6): L-awtoritajiet rilevanti għandhom jikkunsidraw li d-data rreġistrata fl-EES matul il-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES tista’ ma tkunx kompluta. Id-data rreġistrata fl-EES matul il-perjodu tal-bidu progressiv tal-operazzjonijiet mhux se tintuża mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għall-analiżi tar-riskju u l-valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà. L-użu ta’ diversi funzjonalitajiet tal-EES li jeħtieġu l-applikazzjoni uniformi tal-EES fl-Istati Membri kollha se jiġi sospiż matul il-bidu progressiv tal-operazzjonijiet. It-trasportaturi jistgħu jibdew jużaw is-servizz web 90 jum biss wara l-bidu tal-perjodu tal-bidu progressiv tal-operazzjonijiet.
–Sospensjoni tal-operazzjonijiet tal-EES (l-Artikolu 7): F’każijiet eċċezzjonali ta’ ħsara fis-Sistema Ċentrali tal-EES, fis-sistemi nazzjonali jew fl-infrastruttura ta’ komunikazzjoni, jew ħinijiet ta’ stennija eċċessivi fil-fruntieri, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jirreġistraw l-ebda data (sospensjoni sħiħa) jew li ma jirreġistrawx data bijometrika (sospensjoni parzjali). Sospensjoni parzjali se tkun possibbli wara t-tmiem tal-bidu progressiv tal-operazzjonijiet għal perjodu limitat f’ċirkostanzi eċċezzjonali li jwasslu għal traffiku ta’ tali intensità li l-ħinijiet ta’ stennija fil-fruntieri jsiru eċċessivi.
–Dħul fis-seħħ u applikazzjoni (l-Artikolu 8): Il-proposta tistabbilixxi tliet fażijiet ta’ applikabbiltà: (i) ix-xogħol preparatorju relatat mal-pjanijiet ta’ introduzzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 3 jiskatta sad-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament propost; (ii) il-perjodu tal-bidu progressiv tal-operazzjonijiet jibda mid-data deċiża mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 66(1) tar-Regolament EES wara li tkun irċeviet in-notifiki kollha mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 66(1)(c) tar-Regolament EES; u (iii) se japplika perjodu estiż ta’ applikabbiltà għal xi wħud mir-regoli derogatorji dwar l-applikazzjoni tal-perjodu tranżitorju u l-miżuri tranżizzjonali, l-aċċess għal fajls mhux kompluti u l-użu tagħhom u dwar l-obbligu tat-trasportaturi li jivverifikaw it-timbri miżjuda fid-dokumenti tal-ivvjaġġar imsemmija fl-Artikolu 6 u l-mekkaniżmu ta’ sospensjoni msemmi fl-Artikolu 7. In-notifiki mill-Istati Membri skont l-Artikolu 66(1)(c) tar-Regolament EES għandhom jitqiesu fid-dawl tal-bidu progressiv tal-operazzjonijiet. Permezz ta’ dawn in-notifiki, l-Istati Membri jikkonfermaw il-kapaċità tagħhom li jużaw l-EES. Madankollu, dan ma jfissirx li l-punti kollha ta’ qsim tal-fruntieri jeħtieġ li jkunu kompletament lesti u mgħammra mill-bidu tal-approċċ progressiv.
2024/0315 (COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar deroga temporanja minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2017/2226 u r-Regolament (UE) 2016/399 fir-rigward ta’ bidu progressiv tal-operazzjonijiet tas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 77(2), il-punti (b) u (d), u l-Artikolu 87(2), il-punt (a), tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mingħand il-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)L-Artikolu 66(1) tar-Regolament (UE) 2017/2226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jistabbilixxi s-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (“EES”, Entry/Exit System), jipprevedi li l-Kummissjoni għandha tiddeċiedi d-data minn meta l-EES għandha tibda topera, dment li jiġu ssodisfati ċerti kondizzjonijiet.
(2)Madankollu, il-Kummissjoni ma rċevietx in-notifiki kollha skont l-Artikolu 66(1), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2017/2226, li hija waħda mill-kondizzjonijiet biex tittieħed deċiżjoni dwar il-bidu tal-operazzjonijiet tal-EES.
(3)Ir-Regolament (UE) 2017/2226 jippermetti biss bidu sħiħ tal-operazzjonijiet, li jirrikjedi li l-Istati Membri kollha jibdew jużaw l-EES bis-sħiħ għaċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi soġġetti għal reġistrazzjoni fl-EES u jużaw l-EES simultanjament fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri kollha tagħhom.
(4)Sabiex l-Istati Membri jingħataw il-flessibbiltà meħtieġa biex jibdew jużaw l-EES skont il-livell ta’ tħejjija tagħhom u jiġu ffaċilitati l-aġġustamenti tekniċi u operazzjonali meta jibdew joperaw l-EES, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli għal bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES. Sabiex jiġi żgurat li dawn l-aġġustamenti jirriflettu l-flussi potenzjali tal-ivvjaġġar u l-istaġuni l-aktar intensivi, jenħtieġ li tali bidu progressiv ikollu durata ta’ 180 jum kalendarju.
(5)Għalhekk, sabiex ikun jista’ jsir bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES, jeħtieġ li ssir deroga minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2017/2226 u tar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen”). Regoli oħra stabbiliti fir-Regolament (UE) 2017/2226 li mhumiex affettwati minn dan ir-Regolament japplikaw kif previst f’dak ir-Regolament. B’mod partikolari, id-data rreġistrata fl-EES matul il-bidu progressiv tal-operazzjonijiet issegwi r-regoli stabbiliti fir-Regolament (UE) 2017/2226 u titqies affidabbli u preċiża.
(6)Jenħtieġ li l-Istati Membri jibdew progressivament joperaw l-EES biex jirreġistraw, mad-dħul u mal-ħruġ, id-data ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi soġġetti għal reġistrazzjoni fl-EES f’punt ta’ qsim tal-fruntiera wieħed jew aktar. Jekk ikun possibbli u applikabbli, l-Istati Membri jenħtieġ li jinkludu taħlita ta’ punti ta’ qsim tal-fruntieri tal-ajru, tal-art u tal-baħar. Sabiex tiġi żgurata tnedija kkontrollata tal-EES u biex jiġu ġestiti u evitati ħinijiet ta’ stennija twal potenzjali fil-fruntieri, fejn rilevanti, jenħtieġ li l-Istati Membri jużaw il-funzjonalitajiet kollha tal-EES b’mod progressiv u jirreġistraw id-data taċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi soġġetti għar-reġistrazzjoni fl-EES gradwalment. Sabiex jiġi żgurat approċċ koordinat, jenħtieġ li l-bidu progressiv tal-operazzjonijiet jiġi implimentat f’fażijiet, li jenħtieġ li jistabbilixxu r-rekwiżiti minimi li għandhom jintlaħqu mill-Istati Membri. L-Istati Membri se jkollhom il-possibbiltà li jaċċelleraw l-implimentazzjoni fil-livell nazzjonali jew jibdew joperaw l-EES bis-sħiħ mill-bidu tal-approċċ progressiv.
(7)Sabiex jiġi ffaċilitat l-iskjerament bla xkiel tal-EES, jenħtieġ li l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA, European Union Agency for the Operational Management of Large-Scale IT Systems in the Area of Freedom, Security and Justice) tiżviluppa pjan ta’ introduzzjoni ta’ livell għoli biex tipprovdi gwida lill-Istati Membri u lill-aġenziji tal-Unjoni dwar l-ippjanar u l-eżekuzzjoni tal-iskjerament tal-EES matul il-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tagħha u jenħtieġ li tippreżentah lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-aġenziji tal-Unjoni. Jenħtieġ li dan il-pjan jinkludi l-limiti tal-kapaċità tas-Sistema Ċentrali kif speċifikat mill-eu-LISA għal kull fażi ta’ mobilizzazzjoni. Jenħtieġ li d-deċiżjonijiet tal-Istati Membri li jibdew jew javvanzaw l-operazzjonijiet iqisu l-kapaċità tas-Sistema Ċentrali kif deskritt fil-pjan ta’ introduzzjoni ta’ livell għoli.
(8)Sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni bla xkiel tal-EES, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżviluppaw pjanijiet ta’ introduzzjoni nazzjonali f’konsultazzjoni mal-Kummissjoni u mal-eu-LISA. Għal kull waħda mill-fażijiet tal-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES, jenħtieġ li l-pjanijiet ta’ introduzzjoni nazzjonali jinkludu l-informazzjoni dwar il-limiti u r-rekwiżiti stabbiliti, b’mod partikolari: (i) id-data minn meta l-EES se topera f’kull punt ta’ qsim tal-fruntiera; (ii) il-perċentwal tal-għadd stmat ta’ qsim tal-fruntieri li għandhom jiġu rreġistrati fl-EES mill-għadd totali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi soġġetti għar-reġistrazzjoni fl-EES; u (iii) fejn applikabbli, il-funzjonalitajiet bijometriċi li għandhom jitħaddmu f’kull punt ta’ qsim tal-fruntiera magħżul. Meta jkunu qed iħejju l-pjanijiet ta’ introduzzjoni nazzjonali rispettivi tagħhom, l-Istati Membri huma mħeġġa jikkoordinaw b’mod xieraq mal-operaturi tal-infrastruttura fejn jinsabu l-punti ta’ qsim tal-fruntieri. Sabiex jimmonitorjaw il-konformità mal-bidu progressiv tal-operazzjonijiet, jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu rapporti ta’ kull xahar lill-Kummissjoni u lill-eu-LISA dwar l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ implimentazzjoni tagħhom. Jenħtieġ li tali rapporti ta’ kull xahar jinkludu miżuri korrettivi, fejn meħtieġ, biex tiġi żgurata l-konformità mal-bidu progressiv tal-operazzjonijiet.
(9)Minħabba l-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES u l-inkompletezza possibbli tad-data rreġistrata fl-EES, jenħtieġ li d-dokumenti tal-ivvjaġġar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jiġu ttimbrati b’mod sistematiku mad-dħul u mal-ħruġ matul il-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES. Jenħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali jqisu l-inkompletezza possibbli tar-rekords tad-dħul/ħruġ jew tar-rekords tar-rifjut ta’ dħul u jenħtieġ li jikkunsidraw it-timbri bħala prevalenti fuq l-informazzjoni rreġistrata fl-EES. Barra minn hekk, meta jipprovdu informazzjoni lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi dwar it-tul massimu li jifdal tas-soġġorn awtorizzat tagħhom, jenħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali jibbażaw il-valutazzjoni tagħhom fuq it-timbri mwaħħla fid-dokumenti tal-ivvjaġġar. Jenħtieġ li d-data rreġistrata fl-EES tipprevali f’każ li jkun hemm timbru nieqes.
(10)Meta jitqies li d-data rreġistrata fl-EES matul il-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES tista’ ma tkunx kompluta, jenħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali ma jqisux ir-riżultati pprovduti mill-kalkolatur awtomatizzat dwar it-tul massimu li jifdal tas-soġġorn awtorizzat ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi rreġistrati fl-EES. Bl-istess mod, meta jwettqu l-kompiti tagħhom, jenħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali ma jqisux il-mekkaniżmu awtomatizzat biex jidentifikaw jew jimmarkaw in-nuqqas ta’ rekords tal-ħruġ wara d-data tal-iskadenza ta’ soġġorn awtorizzat jew ir-rekords li għalihom ikun inqabeż it-tul massimu tas-soġġorn awtorizzat, li jiġġeneraw listi ta’ persuni li jibqgħu fit-territorju wara l-iskadenza tal-awtorizzazzjoni għas-soġġorn.
(11)Sabiex l-Istati Membri jingħataw iż-żmien meħtieġ biex jaġġustaw għall-bidu tal-EES, għall-ewwel 60 jum kalendarju mill-bidu progressiv tal-operazzjonijiet, jenħtieġ li l-użu ta’ funzjonalitajiet bijometriċi fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri ma jkunx obbligatorju. Mhux aktar tard mid-90 jum kalendarju wara l-bidu progressiv tal-operazzjonijiet, jenħtieġ li l-Istati Membri joperaw l-EES b’funzjonalitajiet bijometriċi mill-inqas f’nofs il-punti ta’ qsim tal-fruntieri tagħhom. Jenħtieġ li l-forniment ta’ data bijometrika ma jkunx kundizzjoni tad-dħul għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi soġġetti għar-reġistrazzjoni fl-EES fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri fejn l-EES titħaddem mingħajr funzjonalitajiet bijometriċi.
(12)Sabiex tiġi akkomodata l-ħtieġa li l-EES tiġi skjerata progressivament b’funzjonalitajiet bijometriċi f’xi punti ta’ qsim tal-fruntieri, il-verifika bijometrika ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi soġġetti għar-reġistrazzjoni fl-EES jenħtieġ li titwettaq biss fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri li fihom titħaddem l-EES b’funzjonalitajiet bijometriċi.
(13)Sabiex tiġi żgurata l-koerenza tal-operazzjonijiet tal-interoperabbiltà bejn is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS, Visa Information Systema) stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u l-EES, jenħtieġ li l-VIS tiġi aċċessata direttament biss f’dawk il-punti ta’ qsim tal-fruntieri li fihom ma tiġix operata l-EES. Fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri fejn titħaddem l-EES, jenħtieġ li l-awtoritajiet tal-fruntieri jagħmlu użu mill-interoperabbiltà bejn l-EES u l-VIS.
(14)Jenħtieġ li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li d-data tagħhom għandha tiġi rreġistrata fl-EES jiġu infurmati dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom fir-rigward tal-ipproċessar tad-data tagħhom fil-forma ta’ mudell kif previst fl-Artikolu 50(5) tar-Regolament (UE) 2017/2226. Jenħtieġ li l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi soġġetti għar-reġistrazzjoni tal-EES tirreferi għall-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES. Jenħtieġ li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jiġu infurmati fil-mudell tal-obbligu tagħhom li jipprovdu data bijometrika fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri fejn dan jikkostitwixxi kundizzjoni ta’ dħul. Jenħtieġ li jkunu konxji fil-mudell tal-konsegwenzi jekk ma tiġix ipprovduta data bijometrika. Jenħtieġ li jiġu infurmati fil-mudell li mhux se jkun possibbli għalihom li jivverifikaw it-tul li jifdal tas-soġġorn awtorizzat b’mezzi awtomatizzati.
(15)Sabiex jiġi rifless il-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES, jenħtieġ li l-Kummissjoni tintroduċi aġġornamenti rilevanti fis-sit web tal-EES.
(16)L-għan li titqajjem kuxjenza fost iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi dwar id-drittijiet u l-obbligi speċifiċi tagħhom jinkiseb l-aħjar jekk l-Istati Membri jadattaw l-implimentazzjoni tal-kampanja abbażi ta’ kif l-EES se topera fil-fruntieri tagħhom li fihom titħaddem l-EES f’konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2017/2226. Għalhekk, jenħtieġ li l-materjali ta’ informazzjoni żviluppati mill-Kummissjoni bl-appoġġ tal-Istati Membri fil-kuntest tal-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) 2017/2226 jiġu adattati biex titwettaq il-kampanja ta’ informazzjoni li takkumpanja l-bidu progressiv tal-operazzjonijiet.
(17)Matul il-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES, is-servizz web mhux se jippermetti liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jivverifikaw b’mod elettroniku t-tul eżatt tas-soġġorn awtorizzat tagħhom.
(18)Dan ir-Regolament ma jaffettwax l-obbligi tat-trasportaturi tal-ajru, it-trasportaturi bil-baħar u t-trasportaturi internazzjonali li jittrasportaw gruppi fuq l-art bil-kowċ kif stabbilit fl-Artikolu 26(1) tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen u d-Direttiva tal-Kunsill 2001/51/KE. F’dan ir-rigward, jenħtieġ li t-trasportaturi jivverifikaw it-timbri mwaħħla fid-dokumenti tal-ivvjaġġar. Sabiex tiġi żgurata komunikazzjoni effettiva mat-trasportaturi dwar l-applikazzjoni distinta tal-EES fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri, li fl-aħħar mill-aħħar ikunu ta’ benefiċċju għall-vjaġġaturi, huwa kruċjali li l-Istati Membri jkunu trasparenti dwar l-iskjerament tal-EES fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri tagħhom.
(19)L-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2017/2226 u l-Artikolu 12a tar-Regolament (UE) 2016/399 jipprevedu perjodu tranżitorju u miżuri tranżizzjonali li jirreferu għall-bidu tal-operazzjonijiet tal-EES. Jeħtieġ li ssir deroga minn dawk l-Artikoli biex jiġi żgurat li l-perjodu tranżitorju u l-miżuri tranżizzjonali japplikaw biss minn tmiem il-bidu progressiv tal-operazzjonijiet. Jenħtieġ li dik id-deroga tieqaf tapplika 5 snin u 180 jum kalendarju wara d-data deċiża mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 66(1) tar-Regolament (UE) 2017/2226.
(20)Sabiex jiġi żgurat li l-awtoritajiet nazzjonali u l-aġenziji tal-UE, fit-twettiq tal-kompiti tagħhom, jevitaw li jieħdu deċiżjonijiet ibbażati esklużivament fuq data rreġistrata fl-EES, jenħtieġ li huma jqisu li l-fajls individwali rreġistrati fl-EES jista’ jkun fihom settijiet ta’ data mhux kompluti. Jenħtieġ li dik id-deroga tieqaf tapplika 5 snin wara d-data deċiża mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 66(1) tar-Regolament (UE) 2017/2226 biex tirrifletti l-perjodu taż-żamma ta’ 5 snin għas-settijiet ta’ data li għalihom ir-rekord tal-ħruġ ikun nieqes kif stabbilit fl-Artikolu 34(3) ta’ dak ir-Regolament.
(21)Meta jiżguraw il-konformità mad-dispożizzjonijiet fir-Regolament (UE) 2017/2226 dwar l-emenda tad-data u t-tħassir bil-quddiem tad-data, jenħtieġ li l-Istati Membri jlestu d-data mhux kompluta sa fejn ikun permess mid-disponibbiltà limitata tas-settijiet ta’ data rreġistrati fl-EES matul il-bidu progressiv tal-operazzjonijiet.
(22)Jenħtieġ li l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta żżomm lura milli tuża data rreġistrata fl-EES matul il-bidu progressiv tal-operazzjonijiet għat-twettiq ta’ analiżijiet tar-riskju u valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà minħabba l-inkompletezza tad-data li tista’ twassal għal valutazzjonijiet tar-riskju u tal-vulnerabbiltà qarrieqa.
(23)Sabiex tiġi żgurata l-ġestjoni effettiva tal-fruntieri esterni matul il-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES, fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri li fihom ma tiġix operata l-EES, jenħtieġ li l-verifiki fuq il-fruntieri jitwettqu f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/399 kif applikabbli [il-jum qabel id-data minn meta l-EES għandha tibda topera kif deċiż mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 66(1) tar-Regolament (UE) 2017/2226]. Fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri fejn titħaddem l-EES, jenħtieġ li l-verifiki fuq il-fruntieri jitwettqu f’konformità mar-Regolament (UE) 2017/2226 u l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Madankollu, jenħtieġ li japplikaw derogi speċifiċi minn dawn ir-Regolamenti fir-rigward tal-verifika fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri li fihom titħaddem l-EES mingħajr funzjonalitajiet bijometriċi biex jippermettu l-bidu progressiv tal-operazzjonijiet. Dan jenħtieġ li jseħħ mingħajr preġudizzju għall-verifiki tad-detenturi tal-viża bl-użu tal-marki tas-swaba’, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 787/2008.
(24)Sabiex ikun jista’ jsir aġġustament effettiv tal-arranġamenti tekniċi u organizzattivi matul il-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES f’kull Stat Membru u biex jiġu indirizzati ċirkostanzi eċċezzjonali ta’ falliment tas-Sistema Ċentrali tal-EES, tas-sistemi nazzjonali jew tal-infrastruttura ta’ komunikazzjoni, jew ħinijiet ta’ stennija eċċessivi fil-fruntieri tagħhom, jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom il-possibbiltà li jissospendu l-operazzjonijiet tal-EES f’ċerti punti ta’ qsim tal-fruntieri, b’mod sħiħ jew parzjali. F’każ ta’ sospensjoni parzjali, jenħtieġ li r-reġistrazzjoni ta’ data bijometrika fl-EES tiġi sospiża. F’każ ta’ sospensjoni sħiħa, jenħtieġ li ma tiġi rreġistrata l-ebda data fl-EES. Sabiex jittaffew ir-riskji addizzjonali relatati mal-iskjerament tal-EES b’funzjonalitajiet bijometriċi, jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom il-possibbiltà, f’ċirkostanzi eċċezzjonali li jwasslu għal traffiku ta’ tali intensità li l-ħinijiet ta’ stennija fil-fruntieri jsiru eċċessivi, li jissospendu r-reġistrazzjoni ta’ data bijometrika fl-EES wara t-tmiem tal-bidu progressiv tal-operazzjonijiet. Jenħtieġ li tali sospensjoni tkun possibbli għal perjodu limitat ta’ 60 jum wara t-tmiem tal-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES, u jenħtieġ li tiġi estiża b’60 jum jekk inqas minn 80 % tal-fajls individwali rreġistrati fl-EES matul il-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES ikun fihom data bijometrika.
(25)Jenħtieġ li l-eu-LISA toħroġ rapporti dwar l-istatistika dwar l-użu tas-sistema, li jenħtieġ li sservi biex tevalwa l-prestazzjoni tas-sistema, tivvaluta l-konformità tal-Istati Membri mal-pjanijiet ta’ introduzzjoni, tidentifika oqsma għal titjib, timmonitorja l-konformità mal-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES, u tappoġġa t-teħid ta’ deċiżjonijiet relatati mal-iżvilupp u l-ottimizzazzjoni ulterjuri tas-sistema.
(26)Jenħtieġ li l-ħidma preparatorja relatata mal-pjanijiet ta’ introduzzjoni tiġi attivata sad-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-bidu progressiv tal-operazzjonijiet japplika mid-data deċiża mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 66(1) tar-Regolament EES. Peress li dan ir-Regolament jipprevedi derogi temporanji, jenħtieġ li jieqaf japplika 180 jum kalendarju wara d-data deċiża mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 66(1) tar-Regolament (UE) 2017/2226. Madankollu, jenħtieġ li r-regoli derogatorji dwar l-applikazzjoni tal-perjodu tranżitorju u l-miżuri tranżizzjonali, l-aċċess għad-data tal-EES, il-verifika mit-trasportaturi tat-timbri mwaħħla fid-dokumenti tal-ivvjaġġar u s-sospensjoni tal-EES japplikaw għal perjodu limitat wara t-tmiem tal-bidu progressiv tal-operazzjonijiet.
(27)L-objettiv ta’ dan ir-Regolament, li jawtorizza derogi mir-Regolament (UE) 2017/2226 u r-Regolament (UE) 2016/299 li jipprevedu bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda pjuttost, minħabba l-iskala u l-impatt tal-azzjoni, jista’ jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni. Għaldaqstant, l-UE tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.
(28)F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Billi dan ir-Regolament jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, jenħtieġ li d-Danimarka, f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, tiddeċiedi fi żmien 6 xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar dan ir-Regolament jekk hix se timplimentah fid-dritt nazzjonali tagħha jew le.
(29)Dan ir-Regolament ma jikkostitwixxix żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda tieħu sehem f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE. Għalhekk l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.
(30)Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawk l-istati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt A tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE.
(31)Fir-rigward tal-Iżvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt A, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE.
(32)Fir-rigward tal-Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fit-tifsira tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt A tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE.
(33)Fir-rigward ta’ Ċipru, id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament relatati mal-VIS jikkostitwixxu dispożizzjonijiet li jibnu fuq l-acquis ta’ Schengen jew li huma relatati miegħu b’xi mod ieħor fis-sens tal-Artikolu 3(2) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003. L-operat tal-EES jeħtieġ l-għoti ta’ aċċess passiv għall-VIS. Peress li l-EES għandha titħaddem biss minn dawk l-Istati Membri li jissodisfaw il-kondizzjonijiet relatati mal-VIS fil-bidu tat-tħaddim tal-EES, Ċipru mhux se jħaddem l-EES mill-bidu tal-operazzjonijiet. Ċipru għandu jiġi konness mal-EES hekk kif jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet tal-proċedura msemmija fir-Regolament (UE) 2017/2226.
(34)Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u ta l-opinjoni tiegħu fi [xx].
(35)Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli stretti dwar l-aċċess għall-EES kif ukoll is-salvagwardji neċessarji għal tali aċċess. Jistabbilixxi wkoll id-drittijiet ta’ aċċess, rettifika, tlestija, tħassir u rimedju tal-individwi, b’mod partikolari d-dritt għal rimedju ġudizzjarju u s-superviżjoni ta’ operazzjonijiet ta’ pproċessar minn awtoritajiet pubbliċi indipendenti. Dan ir-Regolament għalhekk jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari d-dritt għad-dinjità umana, il-projbizzjoni tal-iskjavitù u x-xogħol furzat, id-dritt għal-libertà u għas-sigurtà; ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, il-protezzjoni tad-data personali, id-dritt għan-nondiskriminazzjoni, id-drittijiet tat-tfal, id-drittijiet tal-anzjani, l-integrazzjoni tal-persuni diżabbli u d-dritt għal rimedju effettiv u għal smigħ xieraq.
(36)Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-obbligi li joħorġu mill-Konvenzjoni ta’ Ġinevra dwar l-Istatus tar-Rifuġjati tat-28 ta’ Lulju 1951, kif issupplimentat mill-Protokoll ta’ New York tal-31 ta’ Jannar 1967.
ADDOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar il-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES, Entry/Exit System) fil-fruntieri tal-Istati Membri li fihom titħaddem l-EES f’konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2017/2226 u derogi temporanji mir-Regolament (UE) 2017/2226 u r-Regolament (UE) 2016/399.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2017/2226. Barra minn hekk, id-definizzjonijiet li ġejjin japplikaw:
(a)“bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES” tfisser il-perjodu ta’ 180 jum kalendarju li jibda mid-data deċiża mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 66(1) tar-Regolament (UE) 2017/2226;
(b)“awtoritajiet nazzjonali” tfisser l-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2017/2226;
(c)“għadd stmat ta’ qsim tal-fruntieri” tfisser stima minn Stat Membru tal-għadd ta’ qsim tal-fruntieri ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi msemmija fl-Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2017/2226 f’kull Stat Membru abbażi tal-medja annwali tal-għadd totali ta’ qsim tal-fruntieri ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jivvjaġġaw għal soġġorn qasir f’dak l-Istat Membru kkalkulat għat-3 snin preċedenti mid-data tal-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(1), it-tieni subparagrafu, ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 3
Pjanijiet ta’ introduzzjoni
1.Sa [it-30 jum kalendarju wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament], l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA) għandha tipprovdi lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, kif ukoll lill-Europol, bi pjan ta’ introduzzjoni ta’ livell għoli dwar il-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES, b’kont meħud tal-fażijiet stabbiliti fl-Artikolu 4. Dak il-pjan ta’ introduzzjoni għandu jinkludi gwida dwar l-użu tal-EES lill-Istati Membri u lill-Europol, inklużi l-limiti tal-kapaċità tas-Sistema Ċentrali tal-EES.
2.Sa [is-60 jum kalendarju wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament], f’konsultazzjoni mal-Kummissjoni u l-eu-LISA, l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw pjan ta’ introduzzjoni nazzjonali dwar il-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES, filwaqt li jqisu l-pjan ta’ introduzzjoni ta’ livell għoli msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u l-fażijiet stabbiliti fl-Artikolu 4.
3.Għal kull waħda mill-fażijiet stabbiliti fl-Artikolu 4, il-pjanijiet ta’ introduzzjoni nazzjonali għandhom jinkludu l-informazzjoni dwar il-limiti u r-rekwiżiti stabbiliti f’dak l-Artikolu.
4.Mit-30 jum kalendarju wara l-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES, l-Istati Membri għandhom jipprovdu rapporti ta’ kull xahar lill-Kummissjoni u lill-eu-LISA dwar l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ introduzzjoni nazzjonali tagħhom, inklużi miżuri korrettivi fejn meħtieġ biex jikkonformaw mal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 4.
5.Fuq talba tal-Kummissjoni, l-eu-LISA għandha tipprovdi lill-Kummissjoni bl-istatistika meħtieġa għall-monitoraġġ tal-pjanijiet ta’ introduzzjoni nazzjonali, f’konformità mal-Artikolu 63(6) tar-Regolament (UE) 2017/2226.
Artikolu
4
Bidu progressiv tal-operazzjonijiet
1.B’deroga mill-Artikolu 66(6) tar-Regolament (UE) 2017/2226 matul il-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES, l-Istati Membri għandhom jużaw l-EES kif stabbilit f’dan l-Artikolu.
2.Mill-ewwel jum tal-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES, kull Stat Membru għandu jibda juża l-EES mad-dħul u mal-ħruġ f’punt ta’ qsim tal-fruntiera wieħed jew aktar ma’ taħlita ta’ punti ta’ qsim tal-fruntieri tal-ajru, tal-art u tal-baħar, jekk possibbli u applikabbli, biex jirreġistra u jaħżen data ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi msemmija fl-Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2017/2226. L-Istati Membri għandhom jirreġistraw fl-EES mill-inqas 10 % tal-għadd stmat ta’ qsim tal-fruntieri f’dak l-Istat Membru.
Għall-ewwel 60 jum kalendarju mill-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES, l-Istati Membri jistgħu joperaw l-EES mingħajr funzjonalitajiet bijometriċi, u l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu joħolqu jew jaġġornaw fajls individwali mingħajr data bijometrika.
3.Mhux aktar tard mid-90 jum kalendarju wara l-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES, l-Istati Membri għandhom joperaw l-EES b’funzjonalitajiet bijometriċi mill-inqas f’nofs il-punti ta’ qsim tal-fruntieri tagħhom. L-Istati Membri għandhom jirreġistraw mill-inqas 50 % tal-għadd stmat ta’ qsim tal-fruntieri f’dak l-Istat Membru. Il-fajls individwali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi msemmija fl-Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2017/2226 li huma rreġistrati fl-EES għandu jkun fihom data bijometrika.
4.Mhux aktar tard mill-150 jum kalendarju wara l-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES, l-Istati Membri għandhom joperaw l-EES b’funzjonalitajiet bijometriċi fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri kollha tagħhom u għandhom ikomplu jirreġistraw fl-EES mill-inqas 50 % tal-għadd stmat ta’ qsim tal-fruntieri f’dak l-Istat Membru.
5.Mhux aktar tard mill-170 jum kalendarju wara l-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES, l-Istati Membri għandhom joperaw l-EES b’funzjonalitajiet bijometriċi fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri kollha tagħhom u għandhom jirreġistraw fl-EES iċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi msemmija fl-Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2017/2226.
6.Ir-rifjuti tad-dħul, deċiżi f’punt ta’ qsim tal-fruntiera li fih titħaddem l-EES, għandhom jiġu rreġistrati fl-EES, kif stabbilit fl-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2017/2226. Meta l-EES titħaddem b’funzjonalitajiet bijometriċi, ir-rifjuti tad-dħul għandhom jiġu rreġistrati b’data bijometrika. Meta l-EES titħaddem mingħajr funzjonalitajiet bijometriċi, ir-rifjuti tad-dħul għandhom jiġu rreġistrati mingħajr data bijometrika.
7.Mill-ewwel jum tal-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES, il-Europol għandha tuża l-EES kif previst fir-Regolament (UE) 2017/2226.
Artikolu 5
Derogi oħra mir-Regolament (UE) 2017/2226 u r-Regolament (UE) 2016/399
1.Minbarra r-regoli tal-Artikolu 4, ir-regoli stabbiliti f’dan l-Artikolu għandhom japplikaw matul il-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES.
2.L-awtoritajiet tal-fruntieri għandhom jittimbraw sistematikament id-dokumenti tal-ivvjaġġar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi msemmija fl-Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2017/2226 mad-dħul u l-ħruġ.
L-obbligi tal-ittimbrar imsemmija fl-Artikolu 42a(1), it-tieni subparagrafu, u l-Artikolu 42a(2), (5) u (6) tar-Regolament (UE) 2016/399 għandhom japplikaw mutatis mutandis fl-Istati Membri li jħaddmu l-EES.
3.Għad-dħul, l-emendar, it-tħassir u l-konsultazzjoni tad-data fl-EES, l-awtoritajiet nazzjonali li huma kompetenti għall-finijiet stabbiliti fl-Artikoli 23 sa 35 tar-Regolament (UE) 2017/2226 għandhom iqisu li t-timbri jipprevalu fuq id-data tal-EES, inkluż f’każijiet ta’ diskrepanza jew fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 16(4) ta’ dak ir-Regolament. Id-data rreġistrata fl-EES għandha tipprevali f’każ li jkun hemm timbru nieqes.
4.Fin-nuqqas ta’ timbru mwaħħal fid-dokument tal-ivvjaġġar u ta’ fajl individwali maħluq fl-EES għal ċittadin ta’ pajjiż terz preżenti fit-territorju tal-Istati Membri, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jippreżumu li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma jissodisfax jew ma għadux jissodisfa l-kondizzjonijiet relatati mad-dħul jew mas-soġġorn fl-Istati Membri.
Din il-preżunzjoni ma għandhiex tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jistgħu jipprovdu, bi kwalunkwe mezz, evidenza kredibbli li jgawdu mid-dritt ta’ moviment liberu skont id-dritt tal-Unjoni, li għandhom dritt ta’ residenza fi Stat Membru ospitanti skont il-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit, jew li għandhom permess ta’ residenza jew viża għal soġġorn twil.
Din il-preżunzjoni tista’ tiġi kkonfutata meta ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jipprovdu, bi kwalunkwe mezz, evidenza kredibbli li huma jkunu rrispettaw il-kondizzjonijiet relatati mat-tul ta’ soġġorn qasir.
Meta l-preżunzjoni tiġi kkonfutata, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom iwettqu wieħed jew aktar mill-kompiti li ġejjin fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri li fihom titħaddem l-EES, sa fejn ikun permess minn dan ir-Regolament:
(a)joħolqu fajl individwali fl-EES għal dak iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, jekk ikun meħtieġ;
(b)jaġġornaw l-aħħar rekord tad-dħul/tal-ħruġ billi jdaħħlu d-data nieqsa;
(c)iħassru fajl eżistenti fejn l-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) 2017/2226 jipprevedi tali tħassir.
5.L-awtoritajiet tal-fruntieri għandhom jagħmlu użu mill-interoperabbiltà bejn l-EES u l-VIS imsemmija fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2017/2226 biss fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri li fihom titħaddem l-EES. L-awtoritajiet tal-fruntieri għandhom ikomplu jaċċessaw il-VIS direttament:
(a)fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri fejn l-EES ma tiġix operata;
(b)fejn l-EES tkun sospiża f’konformità mal-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament.
6.L-awtoritajiet nazzjonali u l-Europol għandhom jinjoraw dan li ġej:
(a)ir-riżultati tal-kalkolatur awtomatizzat li jipprovdi informazzjoni dwar it-tul massimu tas-soġġorn awtorizzat imsemmi fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2017/2226;
(b)il-lista ġġenerata awtomatikament ta’ persuni li jibqgħu fit-territorju wara l-iskadenza tal-awtorizzazzjoni għas-soġġorn u l-konsegwenzi tagħha b’mod partikolari kif imsemmi fl-Artikolu 6(1), il-punti (c) u (h), l-Artikolu 12(3), l-Artikolu 16(4), l-Artikolu 34(3), l-Artikolu 50(1), il-punti (i) u (k), l-Artikolu 63(1), il-punt (e) ta’ dak ir-Regolament.
7.L-operazzjonijiet ta’ pproċessar mill-Istati Membri li jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament ma għandhomx jitqiesu bħala illegali jew mhux konformi mar-Regolament (UE) 2017/2226 għall-finijiet tal-Artikoli 45 u 48 ta’ dak ir-Regolament.
8.Il-verifika tal-identità u r-reġistrazzjoni preċedenti ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi skont l-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2017/2226 għandha titwettaq fuq iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi msemmija fl-Artikolu 2(1) u (2) ta’ dak ir-Regolament fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri li fihom titħaddem l-EES b’funzjonalitajiet bijometriċi, inkluż permezz ta’ sistemi self-service, fejn disponibbli.
9.Minbarra l-informazzjoni speċifika msemmija fl-Artikolu 50(5) tar-Regolament (UE) 2017/2226 li għandha tiżdied mill-Istati Membri fil-mudell biex tiġi pprovduta informazzjoni lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi dwar l-ipproċessar tad-data personali tagħhom fl-EES, l-Istati Membri għandhom jakkumpanjaw il-mudell li għandu jingħata lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi meta jkun qed jinħoloq il-fajl individwali tal-persuna kkonċernata bl-informazzjoni li ġejja:
“Is-sistema ta’ Dħul/Ħruġ qed tiġi introdotta progressivament. Matul dan il-perjodu ta’ introduzzjoni [minn ...], id-data personali tiegħek, inkluża d-data bijometrika tiegħek, tista’ ma tinġabarx għall-finijiet tas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ fil-fruntieri esterni kollha tal-Istati Membri. Jekk ikollna bżonn niġbru din l-informazzjoni b’mod obbligatorju u tagħżel li ma tipprovdihiex, tiġi rifjutat id-dħul. Matul dan il-perjodu ta’ introduzzjoni progressiva d-data tiegħek mhux se tiżdied awtomatikament ma’ lista ta’ persuni li jibqgħu fit-territorju wara l-iskadenza tal-awtorizzazzjoni għas-soġġorn. Barra minn hekk, mhux se tkun tista’ tiċċekkja kemm inti awtorizzat li tibqa’ tuża s-sit web jew it-tagħmir disponibbli fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri.
Jekk jogħġbok innota li meta titlesta l-introduzzjoni progressiva tal-EES, id-data personali tiegħek tiġi pproċessata skont l-informazzjoni pprovduta fid-dokument li jakkumpanja din il-formola.”
10.L-informazzjoni fis-sit web tal-EES imsemmija fl-Artikolu 50(3) tar-Regolament (UE) 2017/2226 għandha tiġi adattata mill-Kummissjoni biex tirrifletti l-bidu progressiv tal-operazzjonijiet.
11.Il-kampanja ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) 2017/2226 li takkumpanja l-bidu tal-operazzjonijiet tal-EES, għandha tirrifletti l-kondizzjonijiet speċifiċi fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri, filwaqt li tiżgura li l-informazzjoni rilevanti tiġi kkomunikata lil dawk affettwati, u filwaqt li tqis il-fażijiet stabbiliti fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tappoġġa lill-Istati Membri fit-tħejjija tal-materjali adattati tal-kampanja ta’ informazzjoni.
12.L-applikazzjoni tal-Artikolu 12(1) u (2), l-Artikolu 13(1) u (2), l-Artikolu 20 u l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2017/2226 għandha tiġi sospiża.
13.B’deroga mill-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2017/2226 u l-Artikolu 12a tar-Regolament (UE) 2016/399, il-perjodu tranżitorju u l-miżuri tranżizzjonali stabbiliti f’dawk l-Artikoli għandhom japplikaw mill-ewwel jum wara li jkun intemm il-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES.
14.Fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri fejn l-EES ma tiġix operata, il-verifiki fuq il-fruntiera għandhom jitwettqu f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/399 kif applikabbli fil-jum qabel id-data minn meta l-EES għandha tibda titħaddem kif deċiż mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 66(1) tar-Regolament (UE) 2017/2226.
Fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri fejn titħaddem l-EES, il-verifiki fuq il-fruntiera għandhom jitwettqu f’konformità mar-Regolament (UE) 2017/2226 u r-Regolament (UE) 2016/399.
B’deroga mit-tieni subparagrafu, fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri fejn l-EES titħaddem mingħajr funzjonalitajiet bijometriċi, l-Artikolu 6(1), il-punt (f)(i), u d-dispożizzjonijiet dwar il-verifika ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi abbażi ta’ data bijometrika, unikament għall-finijiet tal-EES, imsemmija fl-Artikoli 6, il-punt (f) (ii) u l-Artikolu 8 (3), il-punti (a) u (g) tar-Regolament (UE) 2016/399 ma għandhomx japplikaw.
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, l-Artikolu 9(3) u l-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2016/399 għandhom jiġu sospiżi.
Artikolu 6
Aċċess għad-data tal-EES
1.Meta jaċċessaw ir-rekords tad-dħul u tal-ħruġ irreġistrati fl-EES matul il-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES fit-twettiq tal-kompiti tagħhom:
(a)l-awtoritajiet nazzjonali u l-Europol għandhom iqisu li, minħabba l-operazzjonijiet varjabbli tal-EES f’kull Stat Membru matul il-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES, id-data tista’ ma tkunx kompluta;
(b)l-awtoritajiet nazzjonali għandhom iqisu li d-data tista’ ma tkunx kompluta meta jikkomunikaw id-data f’konformità mal-Artikoli 41 u 42 tar-Regolament (UE) 2017/2226;
(c)l-Unità Ċentrali tal-ETIAS għandha tqis li r-rekords tad-dħul u tal-ħruġ irreġistrati fl-EES matul il-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES jistgħu jinkludu settijiet mhux kompluti ta’ data għall-fini ta’ verifika f’konformità mal-Artikolu 25a(2) tar-Regolament (UE) 2017/2226.
2.L-awtoritajiet kompetenti, il-Kummissjoni u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni għandhom iqisu li d-data rreġistrata fl-EES matul il-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES tista’ ma tkunx kompluta meta jaċċessaw id-data għar-rapportar u l-istatistika kif imsemmi fl-Artikolu 63 tar-Regolament (UE) 2017/2226.
3.B’deroga mill-Artikolu 13(3) tar-Regolament (UE) 2017/2226, it-trasportaturi jistgħu jibdew jużaw is-servizz web imsemmi f’dak l-Artikolu mid-90 jum kalendarju tal-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES. It-trasportaturi għandhom jivverifikaw it-timbri mwaħħla fid-dokumenti tal-ivvjaġġar bil-ħsieb li jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 26(1) tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen u skont id-Direttiva tal-Kunsill 2001/51/KE għat-tul ta’ żmien tal-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES.
Għal perjodu ta’ 180 jum kalendarju wara t-tmiem tal-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES, it-trasportaturi għandhom, minbarra li jużaw is-servizz web kif imsemmi fl-Artikolu 13(3) tar-Regolament (UE) 2017/2226, ikomplu jivverifikaw it-timbri mwaħħla fid-dokumenti tal-ivvjaġġar bil-ħsieb li jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 26(1) tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen u d-Direttiva tal-Kunsill 2001/51/KE.
4.Meta jissodisfaw l-obbligi msemmija fl-Artikoli 35 u 52 tar-Regolament (UE) 2017/2226 fir-rigward tat-tlestija ta’ data personali rreġistrata fl-EES, l-Istati Membri għandhom jikkompletaw id-data rilevanti biss sa fejn ikun possibbli filwaqt li jqisu d-disponibbiltà limitata tas-settijiet ta’ data miġbura matul il-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES. Fejn applikabbli, id-deċiżjoni amministrattiva msemmija fl-Artikolu 52(4) tar-Regolament (UE) 2017/2226 għandha tirreferi għall-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament li jippermettu r-reġistrazzjoni ta’ fajls mhux kompluti.
5.B’deroga mill-Artikolu 63(1), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2017/2226, il-persunal debitament awtorizzat tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta ma għandux jaċċessa d-data rreġistrata fl-EES matul il-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES għall-fini tat-twettiq ta’ analiżijiet tar-riskju u valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà.
Artikolu 7
Sospensjoni tal-EES
1.Matul il-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES, l-Istati Membri jistgħu jissospendu kompletament jew parzjalment it-tħaddim tal-EES f’ċerti punti ta’ qsim tal-fruntieri f’ċirkostanzi eċċezzjonali ta’ falliment tas-Sistema Ċentrali tal-EES, tas-sistemi nazzjonali jew tal-infrastruttura ta’ komunikazzjoni, jew avvenimenti li jwasslu għal traffiku ta’ tali intensità li l-ħin ta’ stennija f’punt ta’ qsim tal-fruntiera jsir eċċessiv.
F’każ ta’ sospensjoni parzjali, għandha tinġabar id-data msemmija fl-Artikoli 16 sa 20 tar-Regolament (UE) 2017/2226, bl-eċċezzjoni tad-data bijometrika.
F’każ ta’ sospensjoni sħiħa, l-Istati Membri għandhom jissospendu kompletament l-operazzjonijiet tal-EES u ma għandhomx jiġbru d-data msemmija fl-Artikoli 16 sa 20 ta’ dak ir-Regolament.
Fiż-żewġ każijiet, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw minnufih u mhux aktar tard minn 6 sigħat wara l-bidu tas-sospensjoni lill-Kummissjoni u lill-eu-LISA r-raġuni għas-sospensjoni parzjali jew sħiħa u d-durata mistennija tagħha u jiżguraw li l-operaturi tal-infrastruttura li jospitaw il-punti ta’ qsim tal-fruntieri u t-trasportaturi jiġu infurmati kif xieraq dwar tali sospensjoni. Ladarba ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li wasslu għas-sospensjoni jieqfu, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw minnufih lill-Kummissjoni u lill-eu-LISA.
2.Għal perjodu ta’ 60 jum kalendarju wara t-tmiem tal-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES, l-Istati Membri jistgħu jissospendu parzjalment it-tħaddim tal-EES kif imsemmi fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu, f’ċertu punt ta’ qsim tal-fruntiera għal żmien limitat ta’ massimu ta’ 6 sigħat u f’ċirkostanzi eċċezzjonali biss li jwasslu għal traffiku ta’ tali intensità li l-ħin ta’ stennija f’punt ta’ qsim tal-fruntiera jsir eċċessiv. L-Istati Membri għandhom jinħelsu mill-obbligu tagħhom stabbilit fl-Artikolu 21(1) tar-Regolament (UE) 2017/2226 fir-rigward tad-data bijometrika. F’dawk il-każijiet, l-Istati Membri għandhom minnufih u mhux aktar tard minn 6 sigħat wara l-bidu tas-sospensjoni jinnotifikaw ir-raġuni għas-sospensjoni u d-durata mistennija tagħha lill-Kummissjoni u lill-eu-LISA.
3.Jekk inqas minn 80 % tal-fajls individwali rreġistrati fl-EES matul il-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES ikun fihom data bijometrika, il-perjodu stabbilit fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandu jiġi estiż awtomatikament b’60 jum kalendarju.
4.Sa mhux aktar tard mill-10 jum kalendarju wara t-tmiem tal-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES, l-eu-LISA għandha tipprovdi lill-Kummissjoni bi statistika li tippermetti lill-Kummissjoni tivverifika jekk dan il-perċentwal ikunx intlaħaq. Sa mhux aktar tard mit-30 jum kalendarju wara t-tmiem tal-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri dwar l-eżitu tal-verifika tagħha.
Artikolu 8
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
1.Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fir-raba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mid-data minn meta l-EES għandha tibda topera kif deċiż mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 66(1) tar-Regolament (UE) 2017/2226.
Madankollu, l-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament għandu japplika mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
2.Dan ir-Regolament għandu jieqaf japplika 180 jum kalendarju mid-data li minnha l-EES għandha tibda topera kif deċiż mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 66(1) tar-Regolament (UE) 2017/2226. Madankollu:
(a)L-Artikolu 5(13) għandu jieqaf japplika 5 snin u 180 jum kalendarju wara d-data deċiża mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 66(1) tar-Regolament (UE) 2017/2226;
(b)L-Artikolu 6(1), (2), (4) u (5) għandu jieqaf japplika 5 snin u 180 jum kalendarju wara d-data deċiża mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 66(1) tar-Regolament (UE) 2017/2226;
(c)L-Artikolu 6(3), it-tieni subparagrafu, għandu jieqaf japplika 360 jum kalendarju wara d-data deċiża mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 66(1) tar-Regolament (UE) 2017/2226;
(d)L-Artikolu 7(2) u (3) għandu jieqaf japplika 300 jum kalendarju wara d-data deċiża mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 66(1) tar-Regolament (UE) 2017/2226;
(e)L-Artikolu 7(4) għandu jieqaf japplika 210 ijiem kalendarji wara d-data deċiża mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 66(1) tar-Regolament (UE) 2017/2226.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President