IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 14.11.2024
COM(2024) 544 final
2024/0303(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar l-istabbiliment tal-ilħuq sodisfaċenti tal-kundizzjonijiet għall-ħlas tat-tieni pagament parzjali tal-appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli u tal-appoġġ fil-forma ta’ self skont il-Pjan għall-Ukrajna tal-Faċilità għall-Ukrajna
2024/0303 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar l-istabbiliment tal-ilħuq sodisfaċenti tal-kundizzjonijiet għall-ħlas tat-tieni pagament parzjali tal-appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli u tal-appoġġ fil-forma ta’ self skont il-Pjan għall-Ukrajna tal-Faċilità għall-Ukrajna
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/792 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Frar 2024 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Ukrajna, u b’mod partikolari l-Artikolu 26(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-pilastru I tal-Faċilità għall-Ukrajna (“il-Faċilità”) jagħmel appoġġ finanzjarju disponibbli għall-Ukrajna sa EUR 38 270 000 000 għall-perjodu 2024-2027 fil-forma ta’ appoġġ mhux ripagabbli u ta’ self. Il-finanzjament taħt il-pilastru I huwa prinċipalment allokat abbażi tal-Pjan għall-Ukrajna (“il-Pjan”). Il-Pjan jistabbilixxi l-aġenda ta’ riforma u investiment għall-Ukrajna, u l-passi kwalitattivi u kwantitattivi li huma marbuta ma’ finanzjament taħt il-pilastru I tal-Faċilità.
(2)Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2024/792, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1447 li tikkonċerna l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-Pjan. L-iskeda ta’ żmien għall-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-Pjan, inklużi l-passi kwalitattivi u kwantitattivi li huma marbuta mal-finanzjament taħt il-pilastru I tal-Faċilità, huma stabbiliti fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1447.
(3)Is-somma totali tar-riżorsi finanzjarji disponibbli għall-Pjan skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1447 tammonta għal EUR 32 270 000 000, li minnhom EUR 5 270 000 000 huma fil-forma ta’ appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli u sa EUR 27 000 000 000 huma fil-forma ta’ self.
(4)F’konformità mal-Artikoli 24 u 25 tar-Regolament (UE) 2024/1447, ġew żborżati EUR 6 000 000 000 lill-Ukrajna bħala finanzjament tranżitorju eċċezzjonali u EUR 1 890 000 000 fil-forma ta’ prefinanzjament li jirrappreżenta pagament avvanzat ta’ 7 % tal-appoġġ fil-forma ta’ self li l-Ukrajna hija eliġibbli li tirċievi skont il-Pjan.
(5)F’konformità mal-Artikolu 26(4) tar-Regolament (UE) 2024/792, ġew żborżati EUR 4 165 092 857 lill-Ukrajna taħt l-ewwel pagament parzjali, li minnhom EUR 1 500 000 000 fil-forma ta’ appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli u EUR 2 665 092 857 fil-forma ta’ self. F’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Self konkluż bejn l-Unjoni u l-Ukrajna skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2024/792, intuża ammont ta’ EUR 200 598 387 mill-ewwel pagament parzjali biex jiġi kklerjat il-prefinanzjament tas-self.
(6)F’konformità mal-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) 2024/792, fl-10 ta’ Ottubru 2024, l-Ukrajna ressqet talba għall-ħlas tat-tieni pagament parzjali tal-appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli u tal-appoġġ fil-forma ta’ self, li jammontaw għal EUR 4 248 847 926, kif stabbilit fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1447, u pprovdiet l-evidenza li turi l-ilħuq sodisfaċenti ta’ tmienja mid-disa’ passi. Evidenza addizzjonali relatata mal-ilħuq sodisfaċenti tal-pass li kien fadal ġiet ippreżentata fil-31 ta’ Ottubru 2024. It-talba kienet akkumpanjata mid-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 12 tal-Ftehim Qafas, l-Artikolu 5 tal-Ftehim ta’ Finanzjament u l-Artikolu 6 tal-Ftehim ta’ Self konkluż bejn l-Unjoni u l-Ukrajna skont l-Artikoli 9, 10 u 22 tar-Regolament (UE) 2024/792.
(7)Flimkien mat-talba tagħha għall-pagament, l-Ukrajna pprovdiet ġustifikazzjoni dovuta għall-ilħuq sodisfaċenti tad-disa’ passi dovuti sat-tielet trimestru tal-2024, f’konformità mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1447. Id-disa’ passi milħuqa b’mod sodisfaċenti huma relatati ma’ diversi riformi stabbiliti fil-Pjan taħt il-kapitoli dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus, il-kapital uman, l-ambjent tan-negozju, id-deċentralizzazzjoni u l-politika reġjonali, is-settur tal-enerġija u t-tranżizzjoni ekoloġika u l-protezzjoni ambjentali. L-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjalizzat Kontra l-Korruzzjoni ngħata l-opportunità li jżid il-manodopera tiegħu. Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija għall-Irkupru tal-Assi għall-2023-2025, l-Istrateġija għall-Iżvilupp Demografiku għall-perjodu sal-2040, il-Pjan ta’ Azzjoni dwar id-deregolamentazzjoni u r-riżoluzzjonijiet li jemendaw l-Istrateġija tal-Istat għall-Iżvilupp Reġjonali għall-2021-2027 ġew adottati. Barra minn hekk, ġiet żviluppata n-nota kunċettwali li tistabbilixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-derogi mir-regoli dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali u l-Valutazzjoni Ambjentali Strateġika. Fl-aħħar nett, daħlu fis-seħħ il-liġijiet dwar il-Kodiċi Kriminali u l-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali u dwar it-tniġġis industrijali u l-leġiżlazzjoni sekondarja dwar l-Intergrità u t-Trasparenza tas-Swieq tal-Enerġija bl-Ingrossa.
(8)F’konformità mal-Artikolu 26(4) tar-Regolament (UE) 2024/792, il-Kummissjoni vvalutat it-talba għall-pagament imressqa mill-Ukrajna fid-dettall u għamlet valutazzjoni pożittiva tal-ilħuq sodisfaċenti tad-disa’ passi kwalitattivi u kwantitattivi għat-tieni pagament parzjali kif speċifikat fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni. Din il-valutazzjoni pożittiva ssir fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Pjan. Aktar allinjament mal-acquis tal-UE se jiġi ffaċilitat permezz tal-proċess ta’ adeżjoni mal-UE.
(9)Il-Kummissjoni vvalutat li l-Ukrajna għadha tissodisfa l-prekundizzjoni għall-appoġġ tal-Unjoni kif stabbilit fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2024/792. B’mod partikolari, l-Ukrajna tkompli żżomm u tirrispetta l-mekkaniżmi demokratiċi effettivi, inkluża sistema parlamentari b’diversi partiti, u l-istat tad-dritt, u li tiggarantixxi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi.
(10)Għalhekk, din id-Deċiżjoni għandha tistabbilixxi li l-kundizzjonijiet rilevanti għall-ħlas tat-tieni pagament parzjali skont il-Pjan ikunu ntlaħqu b’mod sodisfaċenti.
(11)Meta titqies is-sitwazzjoni fiskali diffiċli li qed tiffaċċja l-Ukrajna, huwa ta’ importanza kbira li l-fondi jiġu żborżati malajr kemm jista’ jkun. Minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni u biex jitħaffef il-proċess, din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandha tapplika mid-data tal-adozzjoni tagħha,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-ilħuq sodisfaċenti tal-kundizzjonijiet rilevanti għall-ħlas tat-tieni pagament parzjali li jammonta għal EUR 4 248 847 926 kif stabbilit fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1447 huwa b’dan stabbilit f’konformità mal-valutazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2024/792, mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandha tapplika mid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President