Brussell, 8.11.2024

COM(2024) 535 final

2024/0295(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija u fil-Bord Regolatorju tal-Komunità tal-Enerġija (Vjenna, l-Awstrija, it-12 ta’ Diċembru 2024, u Ateni, il-Greċja, l-10 ta’ Diċembru 2024)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija b’rabta ma’ għadd ta’ atti, li huma previsti għall-adozzjoni minn dan il-korp fit-12 ta’ Diċembru 2024 fil-laqgħa tiegħu fi Vjenna, l-Awstrija. Qabel dik il-laqgħa, fil-11 ta’ Diċembru 2024, il-Grupp Permanenti ta’ Livell Għoli tal-Komunità tal-Enerġija (“PHLG”, Permanent High Level Group of the Energy Community) se jiltaqa’, ukoll fi Vjenna, sabiex jiddiskuti u japprova l-punti għall-adozzjoni fil-Kunsill Ministerjali.

Barra minn hekk, din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Bord Regolatorju tal-Komunità tal-Enerġija (“ECRB”, Energy Community Regulatory Board) li huwa mistenni jadotta reviżjoni importanti tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, inkluż fir-rigward tat-teħid tad-deċiżjonijiet u r-regoli tal-votazzjoni. L-ECRB se jiltaqa’ fl-10 ta’ Diċembru 2024 f’Ateni, il-Greċja.

Fl-aħħar nett, din il-proposta tinkludi, għal skopijiet ta’ informazzjoni, diversi punti mqiegħda fuq l-aġenda tal-Kunsill Ministerjali, li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 218(9) TFUE.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.It-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija

It-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija 1 (“EnCT”, Energy Community Treaty) għandu l-għan li joħloq qafas regolatorju u tas-suq stabbli u spazju regolatorju uniku għall-kummerċ fl-enerġija tan-network billi jimplimenta l-partijiet maqbula tal-acquis tal-UE dwar l-enerġija fil-Partijiet mhux tal-UE. It-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2006. L-Unjoni Ewropea hija parti għalih. 2 L-EnCT jirreferi għad-disa’ Partijiet mhux tal-UE bħala “Partijiet Kontraenti”.

2.2.Il-Kunsill Ministerjali, il-PHLG u l-ECRB

Il-Kunsill Ministerjali jiżgura li jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fl-EnCT. Dan jikkonsisti minn rappreżentant wieħed ta’ kull Parti Kontraenti u żewġ rappreżentanti tal-UE. Skont l-Artikolu 47 tal-EnCT, il-Kunsill jipprovdi linji gwida ta’ politika ġenerali, jieħu Miżuri (Deċiżjonijiet jew Rakkomandazzjonijiet) u jadotta Atti Proċedurali. Kull Parti għandha vot wieħed u l-Kunsill Ministerjali jaġixxi b’regoli ta’ votazzjoni differenti skont is-suġġett. L-UE hija waħda mill-10 Partijiet u għandha vot wieħed, fejn applikabbli, skont is-suġġett ikkonċernat. Skont l-Artikolu 78 EnCT, il-Kunsill Ministerjali jista’ jaġixxi biss jekk żewġ terzi tal-Partijiet ikunu rappreżentati. L-astensjonijiet f’vot ma jgħoddux bħala voti mitfugħa.

Il-vot b’maġġoranza sempliċi japplika għall-atti previsti elenkati hawn taħt fit-Taqsima 2.3, il-punt 1 (l-Artikolu 91(1)(a) EnCT). Il-vot b’unanimità mill-Partijiet kollha japplika fir-rigward tal-att previst elenkat hawn taħt fit-Taqsima 2.3, il-punt 2 (l-Artikolu 32(3) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Komunità tal-Enerġija dwar is-soluzzjoni tat-tilwim skont l-EnCT). Il-maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti mitfugħa, inkluż vot pożittiv tal-UE, tapplika għall-att previst skont it-Taqsima 2.3, il-punt 3 (l-Artikolu 83 tal-Proċeduri tal-Komunità tal-Enerġija għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-baġit, l-awditjar u l-ispezzjoni; l-Artikoli 83, 86 u 87 EnCT).

Il-PHLG huwa korp sussidjarju tal-Kunsill Ministerjali. Skont l-Artikolu 53(a) EnCT, huwa jħejji l-ħidma tal-Kunsill Ministerjali, inkluż l-aġenda tiegħu u l-atti li għandhom jiġu adottati mill-Kunsill Ministerjali. Il-PHLG jikkonsisti minn rappreżentant wieħed ta’ kull Parti Kontraenti u żewġ rappreżentanti tal-UE. L-UE għandha vot wieħed. Skont l-Artikolu 78 EnCT, il-PHLG jista’ jaġixxi biss jekk żewġ terzi tal-Partijiet ikunu rrappreżentati. L-astensjonijiet f’vot ma jgħoddux bħala voti mitfugħa.

L-ECRB hija istituzzjoni tal-Komunità tal-Enerġija. Skont l-Artikolu 58 EnCT, l-ECRB jagħti pariri lill-Kunsill Ministerjali jew lill-PHLG dwar id-dettalji ta’ kwistjonijiet statutorji, tekniċi u regolatorji, joħroġ Rakkomandazzjonijiet f’każ ta’ tilwim transfruntier bejn ir-regolaturi, jieħu Miżuri, jekk jingħata s-setgħa li jagħmel dan mill-Kunsill Ministerjali u jadotta Atti Proċedurali. L-ECRB huwa magħmul minn rappreżentant wieħed tar-regolatur tal-enerġija ta’ kull Parti Kontraenti u l-UE, li hija rrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea. Fir-rigward tal-Att Proċedurali previst skont it-Taqsima 2.3 hawn taħt, l-ECRB jaġixxi b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti mitfugħa, inkluż vot pożittiv tal-UE (l-Artikoli 83, 86 u 87 EnCT).

2.3.L-atti previsti tal-Kunsill Ministerjali u l-ECRB

Din il-proposta għal Deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE tirrigwarda l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fir-rigward tal-atti previsti tal-Kunsill Ministerjali li ġejjin, kif stabbilit fl-Anness 1 għad-Deċiżjoni tal-Kunsill proposta:

Id-deċiżjonijiet skont l-Artikolu 91(1)(a) EnCT li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ ksur tal-EnCT fil-każijiet li ġejjin:

(a)Id-Deċiżjoni 2024/.../MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Albanija li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-5/24; 

(b)Id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Bożnija-Ħerzegovina li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-6/24;  

(c)Id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Georgia li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-7/24;   

(d)Id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Kosovo 3 * li jikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-8/24;  

(e)Id-Deċiżjoni 2024/.../MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Moldova li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-9/24;  

(f)Id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Montenegro li jikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-10/24; 

(g)Id-Deċiżjoni 2024/.../MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Maċedonja ta’ Fuq li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-11/24; 

(h)Id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tas-Serbja li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-12/24;  

(i)Id-Deċiżjoni 2024/.../MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Ukrajna li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-13/24. 

(j)Id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Bożnija-Ħerzegovina li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-14/24;

(k)Id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Georgia li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-15/24;

(l)Id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Kosovo* li jikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-16/24;

(m)Id-Deċiżjoni 2024/.../MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Moldova li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-17/24;

(n)Id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Montenegro li jikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-18/24;

(o)Id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Bożnija-Ħerzegovina li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-19/24;

(p)Id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Georgia li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-20/24;

(q)Id-Deċiżjoni 2024/.../MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Maċedonja ta’ Fuq li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-21/24;

(r)Id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tas-Serbja li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-22/24;

(s)Id-Deċiżjoni 2024/.../MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Albanija li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-23/24;

(t)Id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Bożnija-Ħerzegovina li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-24/24;

(u)Id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Georgia li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-25/24;

(v)Id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Kosovo* li jikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-26/24;

(w)Id-Deċiżjoni 2024/.../MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Moldova li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-27/24;

(x)Id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Montenegro li jikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-28/24;

(y)Id-Deċiżjoni 2024/.../MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Maċedonja ta’ Fuq li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-29/24;

(z)Id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tas-Serbja li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-2/21.

Il-ħatra tal-Membri tal-Kumitat Konsultattiv f’konformità mal-Artikolu 32(3) tar-regoli skont l-Att Proċedurali Nru 2008/01/MC-EnC dwar ir-Regoli ta’ Proċedura għas-Soluzzjoni tat-Tilwim kif emendat bl-Att Proċedurali 2015/04/MC-EnC;

2.1.Id-Deċiżjoni 2024/XX/MC-EnC dwar il-Kwittanza Finanzjarja tad-Direttur tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija

Din il-proposta għal Deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE tikkonċerna wkoll il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fir-rigward tal-att previst li ġej tal-ECRB, stabbilit fl-Anness 2 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill proposta:

L-Att Proċedurali 2024/01/ECRB-EnC li jemenda u jissostitwixxi l-Att Proċedurali 2007/01/ECRB-EnC li jemenda r-Regoli Interni ta’ Proċedura kif emendat.

L-għan tal-atti previsti tal-Kunsill Ministerjali u tal-ECRB huwa essenzjalment li jiżguraw u jiffaċilitaw il-kisba tal-objettivi tal-EnCT u l-funzjonament tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija u l-ECRB.

2.2.Punti oħra fuq l-aġenda tal-Kunsill Ministerjali

Għal raġunijiet ta’ kompletezza, ta’ min jinnota li, minbarra l-atti previsti stabbiliti fit-Taqsima 2.3., se jkun hemm diversi punti fuq l-aġenda tal-Kunsill Ministerjali għall-votazzjoni, skont l-Artikolu 80 EnCT mill-Partijiet Kontraenti biss:

(1)Id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar l-istabbiliment tal-lista ta’ Proġetti ta’ Interess għall-Komunità tal-Enerġija; 

(2)Ir-Rakkomandazzjoni R/2024/…/MC-EnC dwar l-aċċellerazzjoni tal-varar ta’ proġetti tal-enerġija rinnovabbli u l-implimentazzjoni tal-prinċipju “l-Effiċjenza Enerġetika tiġi l-Ewwel”.

Barra minn hekk, il-Kunsill Ministerjali se:

(3)jadotta r-Rapport Annwali dwar l-attivitajiet tal-Komunità tal-Enerġija, ippreżentat lilha mis-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija skont l-Artikolu 67 EnCT.

Il-Kummissjoni beħsiebha taqbel mal-adozzjoni ta’ dawk il-punti.

3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

3.1.Id-deċiżjonijiet skont l-Artikolu 91(1)(a) EnCT li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ ksur tal-EnCT fil-każijiet li ġejjin:

Skont l-Artikolu 91(1)(a) EnCT, il-Kunsill Ministerjali jista’ jiddetermina, b’maġġoranza sempliċi, l-eżistenza ta’ ksur minn Parti tal-obbligi relatati mat-Titolu II tal-EnCT, dwar it-traspożizzjoni u/jew l-implimentazzjoni ta’ att adottat mill-korpi tal-Komunità tal-Enerġija. Il-proċedimenti għas-soluzzjoni tat-tilwim huma stabbiliti fit-Titolu III, il-Kapitolu 1 u t-Titolu IV, il-Kapitolu 1 tar-Regoli ta’ Proċedura dwar is-soluzzjoni tat-tilwim skont l-EnCT. 4

(1)Każijiet li jikkonċernaw ksur tal-obbligi relatati mal-Pakkett dwar l-Integrazzjoni tal-Elettriku tal-Komunità tal-Enerġija

Disa’ abbozzi ta’ Deċiżjonijiet relatati mat-traspożizzjoni tal-Pakkett dwar l-Integrazzjoni tal-Elettriku tal-Komunità tal-Enerġija 5 mid-disa’ Partijiet Kontraenti kollha huma ppreżentati lill-Kunsill Ministerjali għall-adozzjoni:

(a)Id-Deċiżjoni 2024/.../MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Albanija li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-5/24;

(b)Id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Bożnija-Ħerzegovina li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-6/24;

(c)Id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Georgia li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-7/24;

(d)Id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Kosovo* li jikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-8/24;

(e)Id-Deċiżjoni 2024/.../MC-EnC dwar in-nuqqas tar-Repubblika tal-Moldova li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-9/24;

(f)Id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Montenegro li jikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-10/24;

(g)Id-Deċiżjoni 2024/.../MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Maċedonja ta’ Fuq li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-11/24;

(h)Id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tas-Serbja li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-12/24;

(i)Id-Deċiżjoni 2024/.../MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Ukrajna li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-13/24.

Bid-Deċiżjoni 2021/13/MC-EnC tat-30 ta’ Novembru 2021 6 u d-Deċiżjoni 2022/03/MC-EnC tal-15 ta’ Diċembru 2022 7 , il-Kunsill Ministerjali adatta għall-Komunità tal-Enerġija u adotta fiha pakkett ta’ atti legali li jinkludi l-aħħar acquis tas-suq tal-elettriku tal-Unjoni Ewropea, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-Pakkett dwar l-Integrazzjoni tal-Elettriku (“EIP”, Electricity Integration Package). Fir-rigward tal-EIP, il-Kunsill Ministerjali adotta wkoll l-Att Proċedurali 2022/01/MC-EnC dwar it-trawwim tal-integrazzjoni reġjonali tas-suq tal-enerġija.

L-EIP għandu l-għan li jagħmel is-swieq adatti biex iwettqu t-tranżizzjoni kosteffiċjenti lejn enerġija nadifa filwaqt li tiġi żgurata provvista tal-elettriku sigura u affordabbli liċ-ċittadini. Skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Ministerjali 2021/13/MC-EnC u l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2022/03/MC-EnC, il-Partijiet Kontraenti kienu obbligati jittrasponu l-EIP fil-leġiżlazzjoni nazzjonali sal-31 ta’ Diċembru 2023.

Fit-22 ta’ Jannar 2024, is-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija (“ECS”, Energy Community Secretariat) bagħat Ittri ta’ Ftuħ lil kull waħda mid-disa’ Partijiet Kontraenti fejn infurmahom li l-ECS jista’ jiftaħ proċeduri għas-soluzzjoni tat-tilwim għal nuqqas ta’ konformità mal-EnCT, u b’mod partikolari l-obbligi ta’ traspożizzjoni li jirriżultaw mid-Deċiżjonijiet 2021/13/MC-EnC u 2022/03/MC-EnC.

Fil-31 ta’Jannar u fl-20 ta’ Frar 2024, is-Serbja, il-Moldova u l-Kosovo*, rispettivament, infurmaw lill-ECS dwar it-tħejjija tal-atti legali nazzjonali u li dawn l-atti kienu għadhom fl-istadju tal-abbozzar.

L-ECS ma rċieva l-ebda tweġiba mingħand l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Georgia, il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq u l-Ukrajna.

Abbażi ta’ dan, l-ECS ippreżenta, fid-29 ta’ Mejju 2024, Talbiet Motivati lill-Kunsill Ministerjali kontra l-Albanija fil-Każ ECS-5/24, il-Bożnija-Ħerzegovina fil-Każ ECS-6/24, il-Georgia fil-Każ ECS-7/24, il-Kosovo* fil-Każ ECS-8/24, ir-Repubblika tal-Moldova fil-Każ ECS-9/24, il-Montenegro fil-Każ ECS-10/24, il-Maċedonja ta’ Fuq fil-Każ ECS-11/24, is-Serbja fil-Każ ECS-12/24 u l-Ukrajna fil-Każ ECS-13/24, fejn ikkonkluda li dawn il-Partijiet Kontraenti naqsu milli jikkonformaw mal-obbligu li jadottaw u jimplimentaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mad-Deċiżjonijiet 2021/13/MC-EnC u 2022/03/MC-EnC sal-31 ta’ Diċembru 2023, skont l-Artikolu 2 ta’ kull Deċiżjoni rispettiva.

Fil-każijiet kollha msemmija hawn fuq, il-Kumitat Konsultattiv tal-Komunità tal-Enerġija għadu ma tax l-opinjoni tiegħu.

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ministerjali għandha tkun li tapprova l-abbozz tad-Deċiżjonijiet, dment li l-Kumitat Konsultattiv tal-Komunità tal-Enerġija jagħti opinjoni f’waqtha li tappoġġa s-sejbiet tal-ECS, jiġifieri qabel il-laqgħa tal-Kunsill Ministerjali.

(2)Każijiet li jikkonċernaw ksur ta’ obbligi relatati mad-Direttiva tal-Kunsill 2009/119/KE

Ħames abbozzi ta’ Deċiżjonijiet relatati mat-traspożizzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2009/119/KE 8 dwar il-ħażniet taż-żejt minn ħames Partijiet Kontraenti huma ppreżentati lill-Kunsill Ministerjali għall-adozzjoni:

(a)Id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Bożnija-Ħerzegovina li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-14/24;

(b)Id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Georgia li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-15/24;

(c)Id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Kosovo* li jikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-16/24;

(d)Id-Deċiżjoni 2024/.../MC-EnC dwar in-nuqqas tar-Repubblika tal-Moldova li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-17/24;

(e)Id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Montenegro li jikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-18/24.

Fir-rigward ta’ dawk il-każijiet, fl-2012 il-Komunità tal-Enerġija inkorporat fl-acquis communautaire tagħha d-Direttiva tal-Kunsill 2009/119/KE bid-Deċiżjoni 2012/03/MC-EnC tal-Kunsill Ministerjali li timponi obbligu fuq l-Istati Membri biex iżommu livell minimu ta’ ħażniet ta’ żejt mhux maħdum u/jew ta’ prodotti petroliferi. Skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2012/03/MC-EnC, il-Partijiet Kontraenti kienu obbligati jittrasponu u jimplimentaw id-Direttiva 2009/119/KE sal-1 ta’ Jannar 2023.

Il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Georgia, il-Kosovo*, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Montenegro ma adottawx il-leġiżlazzjoni nazzjonali meħtieġa biex jittrasponu d-Direttiva 2009/119/KE qabel din l-iskadenza.

Fit-2 ta’ Frar 2024, l-ECS bagħat Ittri ta’ Ftuħ lill-ħames Partijiet Kontraenti, fejn infurmahom li fin-nuqqas ta’ informazzjoni li tikkontesta l-konklużjonijiet preliminari tal-ECS, l-ECS kien se jissottometti Talba Motivata lill-Kunsill Ministerjali għal nuqqas ta’ ssodisfar tal-obbligi li jirriżultaw mid-Deċiżjoni 2012/03/MC-EnC.

Il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Montenegro, il-Moldova u l-Georgia wieġbu u infurmaw lill-ECS dwar l-isforzi ta’ traspożizzjoni tagħhom li għaddejjin. Madankollu, l-informazzjoni pprovduta minn dawn il-Partijiet Kontraenti ma neħħietx it-tħassib imqajjem mill-ECS fl-ittra tiegħu tat-2 ta’ Frar 2024. Il-Kosovo* ma pprovda l-ebda tweġiba lill-ECS.

Sal-lum, l-ECS irċieva biss abbozz ta’ leġiżlazzjoni mill-Montenegro u mir-Repubblika tal-Moldova.

Fuq dik il-bażi, fit-12 ta’ Lulju 2024 l-ECS ippreżenta Talbiet Motivati lill-Kunsill Ministerjali kontra l-Bożnija-Ħerzegovina fil-Kawża ECS-14/24, il-Georgia fil-Każ ECS-15/24, il-Kosovo* fil-Każ ECS-16/24, ir-Repubblika tal-Moldova fil-Każ ECS-17/24 u l-Montenegro fil-Każ ECS-18/24, fejn ikkonkluda li dawn il-Partijiet Kontraenti naqsu milli jadottaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mad-Deċiżjoni 2012/03/MC-EnC.

Fil-każijiet kollha msemmija hawn fuq, il-Kumitat Konsultattiv tal-Komunità tal-Enerġija għadu ma tax l-opinjoni tiegħu.

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ministerjali għandha tkun li tapprova l-abbozz tad-Deċiżjonijiet, dment li l-Kumitat Konsultattiv tal-Komunità tal-Enerġija jagħti opinjoni f’waqtha li tappoġġa s-sejbiet tal-ECS, jiġifieri qabel il-laqgħa tal-Kunsill Ministerjali.

(3)Każijiet li jikkonċernaw ksur tal-obbligi relatati mar-Regolament (UE) 2017/1938 u mar-Regolament (UE) 2022/1032

Erba’ abbozzi ta’ Deċiżjonijiet relatati mat-traspożizzjoni tar-Regolament (UE) 2017/1938 9 dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista tal-gass (“ir-Regolament (UE) 2017/1938”) u tar-Regolament (UE) 2022/1032 10 li jemenda r-Regolamenti (UE) 2017/1938 u (KE) Nru 715/2009 fir-rigward tal-ħżin tal-gass (“ir-Regolament (UE) 2022/1032”), rispettivament, minn erba’ Partijiet Kontraenti huma ppreżentati lill-Kunsill Ministerjali għall-adozzjoni:

(a)Id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Bożnija-Ħerzegovina li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-19/24;

(b)Id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Georgia li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-20/24;

(c)Id-Deċiżjoni 2024/.../MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Maċedonja ta’ Fuq li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-21/24;

(d)Id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tas-Serbja li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-22/24.

Bid-Deċiżjoni 2021/15/MC-EnC tat-30 ta’ Novembru 2021, il-Kunsill Ministerjali inkorpora fl-acquis communautaire tal-Komunità tal-Enerġija r-Regolament (UE) 2017/1938. Wara l-gwerra ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna, l-UE adottat ir-Regolament (UE) 2022/1032 li sussegwentement ġie inkorporat fl-acquis communautaire tal-Komunità tal-Enerġija bid-Deċiżjoni 2022/01/MC-EnC tal-Kunsill Ministerjali tat-30 ta’ Settembru 2022. Iż-żewġ Regolamenti jrawmu s-sigurtà tal-provvista fil-Komunità tal-Enerġija, li tikkostitwixxi wieħed mill-objettivi ewlenin tat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija.

Skont l-Artikoli 2(1) u 2 (2) tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill Ministerjali 2021/15/MC-EnC u 2022/01/MC-EnC, il-Partijiet Kontraenti kellhom l-obbligu li jdaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mar-Regolament (UE) 2017/1938 kif emendat bir-Regolament (UE) 2022/1032 u biex jinfurmaw lill-ECS sal-1 ta’ Ottubru 2022.

Il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Maċedonja ta’ Fuq u s-Serbja ma adottawx qabel dik l-iskadenza l-miżuri nazzjonali meħtieġa li jittrasponu r-Regolament (UE) 2017/1938 kif emendat.

Il-Georgia ma kinitx obbligata tittrasponi r-Regolament (UE) 2022/1032 sa dik l-iskadenza, minħabba li mhijiex konnessa direttament mas-sistema tal-gass interkonnessa ta’ xi Parti Kontraenti oħra. Madankollu, ma adottatx l-atti nazzjonali meħtieġa għar-Regolament (UE) 2017/1938.

Fit-3 ta’ Frar 2023, l-ECS bagħat lis-Serbja valutazzjoni dettaljata tal-emendi leġiżlattivi nazzjonali meħtieġa biex jikkonforma mal-obbligu tat-traspożizzjoni tar-Regolament (UE) 2017/1938 kif emendat bir-Regolament (UE) 2022/1032. Dan kien segwit minn ittra oħra mill-ECS bid-data tal-4 ta’ Ottubru 2023.

Fit-28 ta’ Mejju 2024, l-ECS informa permezz ta’ ittra lill-Bożnija-Ħerzegovina, lill-Georgia u lill-Maċedonja ta’ Fuq li abbażi tal-informazzjoni disponibbli dak iż-żmien, huma kienu għadhom ma kkonformawx mar-rekwiżit li jittrasponu r-Regolament dwar l-SoS kif emendat mir-Regolament dwar il-Ħżin.

Barra minn hekk, l-ECS ma rċieva l-ebda informazzjoni mingħand l-erba’ Partijiet Kontraenti msemmija hawn fuq li huma adottaw il-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw mar-Regolamenti rispettivi.

Fuq dik il-bażi, l-ECS ippreżenta, fit-12 ta’ Lulju 2024, Talbiet Motivati lill-Kunsill Ministerjali kontra l-Bożnija-Ħerzegovina fil-Każ ECS-19/24, il-Georgia fil-Każ ECS-20/24, il-Maċedonja ta’ Fuq fil-Każ ECS-21/24 u s-Serbja fil-Każ ECS-22/24, fejn ikkonkluda li dawn il-Partijiet Kontraenti naqsu milli jikkonformaw mal-obbligu li jadottaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa u li jinformaw lill-ECS kif xieraq.

Fil-każijiet kollha msemmija hawn fuq, il-Kumitat Konsultattiv tal-Komunità tal-Enerġija għadu ma tax l-opinjoni tiegħu.

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ministerjali għandha tkun li tapprova l-abbozz tad-Deċiżjonijiet, dment li l-Kumitat Konsultattiv tal-Komunità tal-Enerġija jagħti opinjoni f’waqtha li tappoġġa s-sejbiet tal-ECS, jiġifieri qabel il-laqgħa tal-Kunsill Ministerjali.

(4)Każijiet li jikkonċernaw ksur ta’ obbligi relatati mad-Direttiva (UE) 2018/2001

Seba’ abbozzi ta’ Deċiżjonijiet relatati mat-traspożizzjoni tad-Direttiva (UE) 2018/2001 11 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli minn seba’ Partijiet Kontraenti huma ppreżentati lill-Kunsill Ministerjali għall-adozzjoni:

(a)Id-Deċiżjoni 2024/.../MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Albanija li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-23/24;

(b)Id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Bożnija-Ħerzegovina li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-24/24;

(c)Id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Georgia li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-25/24;

(d)Id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Kosovo* li jikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-26/24;

(e)Id-Deċiżjoni 2024/.../MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Moldova li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-27/24;

(f)Id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Montenegro li jikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-28/24;

(g)Id-Deċiżjoni 2024/.../MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Maċedonja ta’ Fuq li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-29/24.

Bħala parti mill-Pakkett dwar l-Enerġija Nadifa, l-Unjoni Ewropea adottat id-Direttiva (UE) 2018/2001 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (“id-Direttiva (UE) 2018/2001”), li sussegwentement ġiet emendata fil-livell tal-UE. Id-Direttiva (UE) 2018/2001 ġiet adattata għall-Komunità tal-Enerġija u adottata fiha bid-Deċiżjoni tal-Kunsill Ministerjali 2021/14/MC-EnC tat-30 ta’ Novembru 2021. Din id-Deċiżjoni ġiet sussegwentement emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill Ministerjali 2022/02/MC-EnC.

Id-Deċiżjoni 2021/14/MC-EnC ipprevediet li kull Parti Kontraenti għandha ddaħħal fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi biex tikkonforma mad-Direttiva (UE) 2018/2001 sal-31 ta’ Diċembru 2022. B’mod partikolari, il-Partijiet Kontraenti kienu taħt l-obbligu li jittrasponu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva rigward is-sehem minimu obbligatorju ta’ 14 % għall-enerġija rinnovabbli fil-konsum finali tal-enerġija fis-settur tat-trasport sal-2030, inklużi d-dispożizzjonijiet dwar il-kriterji tas-sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-bijokarburanti, il-bijolikwidi u l-karburanti mill-bijomassa, u li jinnotifikaw il-miżuri ta’ traspożizzjoni lill-ECS sal-iskadenza tal-31 ta’ Diċembru 2022.

L-ECS ma rċieva l-ebda informazzjoni mingħand l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Georgia, il-Kosovo*, ir-Repubblika tal-Moldova, il-Montenegro u l-Maċedonja ta’ Fuq li tindika li dawn il-Partijiet Kontraenti adottaw u implimentaw miżuri nazzjonali biex jikkonformaw ma’ tali obbligi skont l-RED II, u lanqas ma għandu xi informazzjoni oħra li tippermettilu jikkonkludi li ttieħdu tali miżuri.

Barra minn hekk, fil-21 ta’ Ġunju 2024, l-ECS bagħat ittri lis-seba’ Partijiet Kontraenti fejn talab li tiġi ppreżentata kopja tal-leġiżlazzjoni li tittrasponi l-Artikoli 25 sa 31 tal-RED II jew informazzjoni dwar l-istatus ta’ tali traspożizzjoni sa mhux aktar tard mill-5 ta’ Lulju 2024.

Fit-tweġibiet tagħhom, il-Georgia, il-Kosovo*, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Montenegro infurmaw lill-ECS dwar l-isforzi ta’ traspożizzjoni tagħhom li għaddejjin. L-ECS ma rċeviex tweġiba mill-Bożnija-Ħerzegovina, l-Albanija u l-Maċedonja ta’ Fuq.

Fuq dik il-bażi, fit-12 ta’ Lulju 2024l-ECS ippreżenta Talbiet Motivati lill-Kunsill Ministerjali kontra l-Albanija fil-Każ ECS-23/24, il-Bożnija-Ħerzegovina fil-Każ ECS-24/24, il-Georgia fil-Każ ECS-25/24, il-Kosovo* fil-Każ ECS-26/24, ir-Repubblika tal-Moldova fil-Każ ECS-27/24, il-Montenegro fil-Każ ECS-28/24 u l-Maċedonja ta’ Fuq fil-Każ ECS-29/24, fejn ikkonkluda li dawn il-Partijiet Kontraenti kienu naqsu milli jikkonformaw mal-obbligu li jadottaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa u li jinformaw lill-ECS biex jikkonforma mad-Deċiżjoni 2021/14/MC-EnC sal-iskadenza, skont l-Artikolu 2(1) u (2) tagħha.

Fil-każijiet kollha msemmija hawn fuq, il-Kumitat Konsultattiv tal-Komunità tal-Enerġija għadu ma tax l-opinjoni tiegħu.

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ministerjali għandha tkun li tapprova l-abbozz tad-Deċiżjonijiet, dment li l-Kumitat Konsultattiv tal-Komunità tal-Enerġija jagħti opinjoni f’waqtha li tappoġġa s-sejbiet tal-ECS, jiġifieri qabel il-laqgħa tal-Kunsill Ministerjali.

(5)Każ li jikkonċerna ksur tal-obbligi relatati mad-Direttiva (UE) 2019/944 u r-Regolament (UE) 2019/943.

Fl-aħħar nett, l-abbozz ta’ Deċiżjoni li ġej relatat man-nuqqas ta’ konformità mis-Serbja mad-Direttiva (UE) 2019/944 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku 12 u r-Regolament (UE) 2019/943 13 dwar is-suq intern tal-elettriku huwa ppreżentat lill-Kunsill Ministerjali għall-adozzjoni:

(a)Id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tas-Serbja li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-2/21.

Kif imsemmi fil-punt 3.1 (1) hawn fuq, il-Kunsill Ministerjali adatta għall-Komunità tal-Enerġija u adotta fiha r-Regolament (UE) 2019/943 (“ir-Regolament (UE) 2019/943”) u d-Direttiva (UE) 2019/944 (“id-Direttiva (UE) 2019/944”) bid-Deċiżjoni tal-Kunsill Ministerjali 2022/03/MC-EnC u bid-Deċiżjoni tal-Kunsill Ministerjali 2021/13/MC-EnC bħala parti mill-EIP.

L-Artikolu 34(2) tar-Regolament dwar l-Elettriku jipprevedi li l-Operaturi tas-Sistemi tat-Trażmissjoni (“TSOs”, Transmission System Operators) għandhom jippromwovu l-allokazzjoni koordinata tal-kapaċità transfruntiera permezz ta’ soluzzjonijiet mhux diskriminatorji bbażati fuq is-suq, li teħtieġ kooperazzjoni kostruttiva bejn it-TSOs ġirien. Dan jinkludi l-qbil dwar mekkaniżmu biex tiġi ddeterminata l-Kapaċità ta’ Trasferiment Netta (“NTC”, Net Transfer Capacity) fil-fruntiera. L-Artikolu 16(4) jistipula li l-kapaċità massima tal-interkonnessjonijiet għandha tkun disponibbli għall-parteċipanti fis-suq permezz ta’ proċeduri ta’ allokazzjoni predefiniti.

L-Artikoli 58 (c) u 59(1), b) u u) tad-Direttiva dwar l-Elettriku jistipulaw id-dmir tal-awtorità regolatorja nazzjonali li tieħu l-miżuri raġonevoli kollha biex telimina r-restrizzjonijiet fil-kummerċ tal-elettriku u biex tiżgura l-konformità tat-TSOs mal-obbligi tagħhom skont il-liġi tal-Komunità tal-Enerġija, inkluż fir-rigward ta’ kwistjonijiet transfruntiera.

Fit-18 ta’ Frar 2021, KOSTT, TSO bbażat fi Pristina/Kosovo*, ressaq ilment lill-ECS kontra s-Serbja. L-ilmentatur allega nuqqas ta’ konformità mis-Serbja permezz tat-TSO JSC Elektromreza Srbije (“EMS”) tagħha mar-regoli tas-suq tal-elettriku tal-Komunità tal-Enerġija.

Skont il-Liġi tas-Serbja dwar l-Enerġija, il-proċedura u l-mod ta’ allokazzjoni tal-kapaċità transfruntiera huma ddeterminati mit-TSO bi ftehim mat-TSOs ġirien u approvati mill-awtorità regolatorja nazzjonali. Fil-linji ta’ interkonnessjoni bejn Niš u Kosova B, u bejn Kruševac u Podujeva, EMS u KOSTT ma qablux dwar kif għandha tiġi evalwata jew allokata l-kapaċità transfruntiera, u l-EMS lanqas ma assenjat xi valur lill-kapaċità ta’ interkonnessjoni disponibbli. B’riżultat ta’ dan, l-EMS tistabbilixxi l-NTC għal żero. Konsegwentement, il-parteċipanti fis-suq jistgħu jinnominaw biss il-kapaċità bil-KOSTT, iżda mhux bl-EMS, li jfisser li l-ebda kapaċità ma hija effettivament disponibbli għall-kummerċ.

Fl-ilment tagħha, il-KOSTT argumentat ukoll li l-NTCs mhux determinati u n-nuqqas ta’ allokazzjoni tal-kapaċità fuq il-linji ta’ interkonnessjoni msemmija hawn fuq iwasslu għal prezzijiet ogħla għall-kapaċità transfruntiera fuq fruntieri reġjonali oħra. Dan, min-naħa tiegħu, iżid il-prezzijiet tal-elettriku għall-konsumaturi finali fil-Kosovo* u fil-pajjiżi ġirien tax-Xlokk tal-Ewropa u jipprevjeni lill-KOSTT milli tiġbor dħul potenzjali mill-mekkaniżmu ta’ ġestjoni tal-konġestjoni fuq dawn l-interkonnetturi.

Il-Federazzjoni Ewropea tal-Kummerċjanti tal-Enerġija (EFET, European Federation of Energy Traders) qajmet l-istess tħassib u enfasizzat li din is-sitwazzjoni taffettwa kemm il-kompetittività tas-swieq tal-elettriku bl-ingrossa kif ukoll il-prezzijiet tal-utenti finali fix-Xlokk tal-Ewropa kollha.

Fil-21 ta’ Lulju 2022, l-ECS bagħat Ittra ta’ Ftuħ lis-Serbja li fiha kien tal-fehma preliminari li peress li l-kapaċità kummerċjali tal-elettriku ma kinitx disponibbli fil-linji ta’ interkonnessjoni msemmija hawn fuq minħabba n-nuqqas ta’ azzjoni tat-TSO tiegħu u tal-awtorità regolatorja tiegħu, is-Serbja naqset milli tikkonforma mal-Artikoli 16(3) u 12 tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 u mal-Artikoli 36 u 37 tad-Direttiva 2009/72, kif adattati għall-Komunità tal-Enerġija u adottati fiha. Ir-raġunijiet biex issir referenza għad-Direttiva u r-Regolament tal-2009 kienu li f’dak iż-żmien il-Partijiet Kontraenti kien għad kellhom sal-31 ta’ Diċembru 2023 biex jittrasponu l-EIP, u b’mod partikolari d-Direttiva (UE) 2019/944 u r-Regolament (UE) 2019/943. Is-Serbja ntalbet tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-punti ta’ fatt u ta’ liġi mqajma fl-Ittra ta’ Ftuħ.

Fit-8 ta’ Settembru 2022, is-Serbja wieġbet għall-Ittra ta’ Ftuħ tal-ECS fejn allegat in-nuqqas ta’ kompetenza tal-ECS biex jindirizza l-kwistjoni identifikata fl-Ittra ta’ Ftuħ u n-nuqqas ta’ effetti ekonomiċi negattivi. Hija qajmet ukoll tħassib dwar l-istatus tal-KOSTT u ż-żona tal-offerti tagħha.

Fid-dawl tat-Tweġiba għall-Ittra tal-Ftuħ, l-ECS ippreżenta Opinjoni Motivata fl-1 ta’ Marzu 2023. Is-Serbja ntalbet tirrettifika l-ksur identifikat fiha sal-1 ta’ Mejju 2023.

Fit-28 ta’ April 2023, is-Serbja pprovdiet tweġiba għall-Opinjoni Motivata. F’din it-tweġiba, is-Serbja essenzjalment tenniet l-argumenti preċedenti tagħha.

Peress li s-Serbja ma rrettifikatx il-ksur identifikat, u fin-nuqqas ta’ kwalunkwe azzjoni ulterjuri mis-Serbja, fit-12 ta’ Lulju 2024 l-ECS ippreżenta Talba Motivata lill-Kunsill Ministerjali kontra s-Serbja fil-Każ ECS-2/21. F’din it-Talba Motivata l-ECS indirizza l-argumenti tas-Serbja u kkonkluda li din tal-aħħar naqset milli tikkonforma mad-Direttiva (UE) 2019/944 u r-Regolament (UE) 2019/943, kif adattat għall-Komunità tal-Enerġija u adottat fiha bid-Deċiżjoni 2022/03/MC-EnC u d-Deċiżjoni 2021/13/MC-EnC.

Il-Kumitat Konsultattiv tal-Komunità tal-Enerġija għadu ma tax l-opinjoni tiegħu.

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ministerjali jenħtieġ li tkun li jiġi approvat l-abbozz ta’ Deċiżjoni, dment li l-Kumitat Konsultattiv tal-Komunità tal-Enerġija jagħti opinjoni f’waqtha li tappoġġa s-sejbiet tal-ECS, jiġifieri qabel il-laqgħa tal-Kunsill Ministerjali.

3.2.Membri tal-Kumitat Konsultattiv f’konformità mal-Artikolu 32(3) tar-regoli skont l-Att Proċedurali Nru 2008/01/MC-EnC dwar ir-Regoli ta’ Proċedura għas-Soluzzjoni tat-Tilwim kif emendat bl-Att Proċedurali 2015/04/MC-EnC u l-Att Proċedurali 2022/03/MC-EnC

Il-mandati ta’ diversi membri attwali tal-Kumitat Konsultattiv jeħtieġ li jiġu estiżi sal-31 ta’ Diċembru 2028, inkluż dak tal-Prof. Dr Verica Trstenjak li se tirrappreżenta lill-UE fil-Kumitat Konsultattiv. Jeħtieġ li jinħatru membri ġodda u membri supplenti ġodda li jissostitwixxu membri li jixtiequ jwaqqfu l-attività tagħhom bħala membri tal-Kumitat Konsultattiv. 

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ministerjali għandha tkun li jiġu approvati l-estensjonijiet u l-ħatriet proposti.

3.3.Id-Deċiżjoni 2024/XX/MC-EnC dwar il-Kwittanza Finanzjarja tad-Direttur tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija

L-abbozz ta’ Deċiżjoni propost jipprevedi l-kwittanza finanzjarja għall-2023 abbażi tar-Rapport tal-Awditjar għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2023, id-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tal-awdituri u r-Rapport tal-Kumitat tal-Baġit.

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ministerjali jenħtieġ li tkun li jiġi approvat l-abbozz ta’ Deċiżjoni dwar il-Kwittanza Finanzjarja tad-Direttur tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija.

3.4.Att Proċedurali 2024/01/ECRB-EnC li jemenda u jissostitwixxi l-Att Proċedurali 2019/01/ECRB-EnC dwar ir-Regoli Interni ta’ Proċedura tal-ECRB

L-emendi proposti essenzjalment għandhom l-għan li jtejbu u jiċċaraw il-metodi ta’ ħidma tal-ECRB, b’mod partikolari fir-rigward tal-organizzazzjoni interna, il-gruppi ta’ ħidma, il-flussi ta’ ħidma u l-modalitajiet tal-votazzjoni.

Dan huwa meħtieġ minħabba r-rwoli regolatorji u s-setgħat tat-teħid tad-deċiżjonijiet il-ġodda tal-ECRB skont il-Pakkett dwar l-Integrazzjoni tal-Elettriku tal-Komunità tal-Enerġija u b’mod partikolari d-Direttiva (UE) 2019/944 dwar l-Elettriku u r-Regolament (UE) 2019/943 dwar l-Elettriku (it-tnejn kif adattati għall-Komunità tal-Enerġija u adottati fiha; ara fid-dettall il-punt 3.1. (1) hawn fuq). Dawn ir-rwoli u s-setgħat jixbhu lil dawk tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (“ACER”, Agency for the Cooperation of Energy Regulators) u japplikaw fir-rigward tad-disa’ Partijiet Kontraenti mhux tal-UE u l-operaturi tas-suq fit-territorji tagħhom. F’diversi punti, ittieħdet ispirazzjoni mir-Regoli ta’ Proċedura interni tal-ACER.

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ministerjali għandha tkun li jiġi approvat l-Att Proċedurali li jemenda u jissostitwixxi l-Att Proċedurali dwar ir-Regoli Interni ta’ Proċedura tal-ECRB.

4.Bażi legali

4.1.Bażi legali proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li għandhom effetti legali bis-saħħa ta’ regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp inkwistjoni. Jinkludi wkoll strumenti li ma jkollhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni 14 .

4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

Il-Kunsill Ministerjali u l-ECRB huma korpi stabbiliti bi ftehim, jiġifieri l-EnCT.

L-atti li l-Kunsill Ministerjali u l-ECRB huma mitluba jadottaw, jikkostitwixxu atti li għandhom effetti legali. L-atti previsti se jkunu vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 76 tal-EnCT, li skontu deċiżjoni tkun legalment vinkolanti fuq dawk li lilhom tkun indirizzata, u f’konformità mal-Artikolu 86 EnCT, li skontu Att Proċedurali għandu jkollu forza vinkolanti fuq l-istituzzjonijiet tal-Komunità tal-Enerġija, u, jekk l-Att Proċedurali jipprevedi hekk, fuq il-Partijiet.

L-atti previsti la jissupplimentaw u lanqas jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

Għaldaqstant, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2.Bażi legali sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva biex tittieħed deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement inċidentali, id-Deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tkun ibbażata fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-atti previsti huma relatati mal-enerġija u mhumiex primarjament ta’ natura fiskali. Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 194(2) tat-TFUE.

4.3.Konklużjoni

Jenħtieġ li l-bażi legali tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 194(1) tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

2024/0295 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija u fil-Bord Regolatorju tal-Komunità tal-Enerġija (Vjenna, l-Awstrija, it-12 ta’ Diċembru 2024, u Ateni, il-Greċja, l-10 ta’ Diċembru 2024)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 194(2),,flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mingħand il-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)It-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija (“it-Trattat”) ġie konkluż mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 15 2006/500/KE tad-29 ta’ Mejju 2006 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2006.

(2)Skont l-Artikoli 47 u 76 tat-Trattat, il-Kunsill Ministerjali jista’ jadotta Miżuri li jieħdu l-forma ta’ Deċiżjoni jew Rakkomandazzjoni.

(3)Skont l-Artikoli 60 u 86 tat-Trattat, il-Bord Regolatorju għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura interni tiegħu permezz tal-Att Proċedurali.

(4)Il-Kunsill Ministerjali, matul it-22 sessjoni tiegħu fit-12 ta’ Diċembru 2024, għandu jadotta għadd ta’ atti li jinsabu fl-Anness 1 għal din id-Deċiżjoni, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 218(9) TFUE u li fuqhom għandhom jivvutaw ir-rappreżentanti tal-Unjoni.

(5)Il-Bord Regolatorju, matul id-59 sessjoni tiegħu fl-10 ta’ Diċembru 2024, għandu jadotta att stabbilit fl-Anness 2 ta’ din id-Deċiżjoni, li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 218(9) TFUE u li dwaru jridu jivvutaw ir-rappreżentanti tal-Unjoni.

(6)L-għan tal-atti previsti huwa li jiffaċilitaw l-ilħuq tal-objettivi tat-Trattat.

(7)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ministerjali u fil-Bord Regolatorju fir-rigward tal-atti stabbiliti fl-Annessi 1 u 2, peress li l-atti previsti se jkollhom effetti legali għall-Unjoni.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fit-22 sessjoni tal-Kunsill Ministerjali tat-12 ta’ Diċembru 2024 dwar il-kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 218(9) TFUE hija li tiġi approvata l-adozzjoni tal-atti stabbiliti fl-Anness 1 ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fid-59 sessjoni tal-Bord Regolatorju rigward il-kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 218(9) TFUE hija li tiġi approvata l-adozzjoni tal-att stabbilit fl-Anness 2 ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Bidliet żgħar jistgħu jiġu miftiehma mal-atti stabbiliti fl-Annessi 1 u 2 ta’ din id-Deċiżjoni, fid-dawl tal-kummenti mill-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija qabel jew fil-laqgħa tal-Kunsill Ministerjali jew tal-Bord Regolatorju, mill-Kummissjoni, mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L198, 20.7.2006, p. 18.
(2)    ĠU L198, 20.7.2006, p. 15.
(3) *    Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.
(4)    L-Att Proċedurali 2008/01/MC-EnC dwar ir-Regoli ta’ Proċedura għas-soluzzjoni tat-tilwim skont it-Trattat kif emendat bl-Att Proċedurali 2015/04/MC-EnC tas-16 ta’ Ottubru 2015 dwar l-emendar tal-Att Proċedurali 2008/01/MC-EnC tas-27 ta’ Ġunju 2008 dwar ir-Regoli ta’ Proċedura għas-soluzzjoni tat-tilwim skont it-Trattat.
(5)    Id-Direttiva (UE) 2019/944 u r-Regolament (UE) 2019/941 kif ukoll ir-Regolament (UE) 2019/942, ir-Regolament (UE) 2019/943, ir-Regolament (UE) 2015/1222, ir-Regolament (UE) 2016/1719, ir-Regolament (UE) 2017/2195, ir-Regolament (UE) 2017/2196, ir-Regolament (UE) 2017/1485.
(6)    Id-Deċiżjoni 2021/13/MC-EnC tat-30 ta’ Novembru 2021 li tadatta u tadotta d-Direttiva (UE) 2019/944 u r-Regolament (UE) 2019/941.
(7)    Id-Deċiżjoni 2022/03/MC-EnC tal-15 ta’ Diċembru tal-2022 adottata, u fl-Artikoli 3 sa 10 tagħha adattat ir-Regolament (UE) 2019/942, ir-Regolament (UE) 2019/943, kif ukoll il-Kodiċijiet tan-Network u l-Linji Gwida dwar l-allokazzjoni bil-quddiem tal-kapaċità (FCA, forward capacity allocation), l-allokazzjoni tal-kapaċità u l-ġestjoni tal-konġestjoni (CACM, capacity allocation and congestion management), l-ibbilanċjar tal-elettriku (EBGL, electricity balancing guideline), it-tħaddim tas-sistema (SOGL, system operation guideline) u l-Kodiċi tan-Network għar-Restawr ta’ Emerġenza (ERNC, Emergency Restoration Network Code), u adattat aktar id-Direttiva (UE) 2019/944 u r-Regolament (UE) 2019/941 (fl-Artikolu 11). Id-Deċiżjonijiet 2021/13/MC-EnC u 2022/03/MC-EnC emendaw ukoll il-lista ta’ atti inklużi fl-acquis communautaire dwar l-enerġija fl-Anness I għat-Trattat.
(8)    Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/119/KE tal-14 ta' Settembru 2009 li timponi obbligu fuq l-Istati Membri biex iżommu livell minimu ta’ ħażniet ta’ żejt mhux maħdum u/jew ta’ prodotti petroliferi (ĠU L 265, 9.10.2009, p. 9).
(9)    Ir-Regolament (UE) 2017/1938 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2017 dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista tal-gass u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 994/2010 (ĠU L 280, 28.10.2017, p. 1).
(10)    Ir-Regolament (UE) 2022/1032 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Ġunju 2022 li jemenda r-Regolamenti (UE) 2017/1938 u (KE) Nru 715/2009 fir-rigward tal-ħżin tal-gass (ĠU L 173, 30.6.2022, p. 17).
(11)    Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82.
(12)    Id-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (ĠU L 158, 14.6.2019, p. 125).
(13)    Ir-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar is-suq intern tal-elettriku (ĠU L 158, 14.6.2019, p. 54).
(14)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-punti 61 sa 64.
(15)    ĠU L198, 20.7.2006, p. 15.

Brussell, 8.11.2024

COM(2024) 535 final

ANNESSI

tal-

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija u fil-Bord Regolatorju tal-Komunità tal-Enerġija (Vjenna, l-Awstrija, it-12 ta’ Diċembru 2024, u Ateni, il-Greċja, l-10 ta’ Diċembru 2024)


ANNESS 1

Il-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija

ID-DEĊIŻJONIJIET SKONT L-ARTIKOLU 91(1)(A) TAT-TRATTAT LI JISTABBILIXXI L-KOMUNITÀ TAL-ENERĠIJA LI JISTABBILIXXU L-EŻISTENZA TA’ KSUR TA’ DAK IT-TRATTAT FIL-KAŻIJIET LI ĠEJJIN: 

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea hija li jiġu approvati l-abbozzi tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill Ministerjali skont l-Artikolu 91(1)(a) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tal-Enerġija, dment li l-Kumitat Konsultattiv tal-Komunità tal-Enerġija jagħti fil-ħin opinjoni minn qabel li ssostni s-sejbiet tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija, li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur f’dawn li ġejjin:  

(a)Id-Deċiżjoni 2024/.../MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Albanija li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-5/24; 

(b)Id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Bożnija-Ħerzegovina li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-6/24;  

(c)Id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Georgia li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-7/24;   

(d)Id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Kosovo 1* li jikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-8/24;  

(e)Id-Deċiżjoni 2024/.../MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Moldova li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-9/24;  

(f)Id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Montenegro li jikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-10/24; 

(g)Id-Deċiżjoni 2024/.../MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Maċedonja ta’ Fuq li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-11/24; 

(h)Id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tas-Serbja li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-12/24;  

(i)Id-Deċiżjoni 2024/.../MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Ukrajna li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-13/24;  

(j)Id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Bożnija-Ħerzegovina li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-14/24;

(k)Id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Georgia li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-15/24;

(l)Id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Kosovo* li jikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-16/24;

(m)Id-Deċiżjoni 2024/.../MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Moldova li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-17/24;

(n)Id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Montenegro li jikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-18/24;

(o)Id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Bożnija-Ħerzegovina li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-19/24;

(p)Id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Georgia li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-20/24;

(q)Id-Deċiżjoni 2024/.../MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Maċedonja ta’ Fuq li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-21/24;

(r)Id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tas-Serbja li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-22/24;

(s)Id-Deċiżjoni 2024/.../MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Albanija li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-23/24;

(t)Id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Bożnija-Ħerzegovina li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-24/24;

(u)Id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Georgia li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-25/24;

(v)Id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Kosovo* li jikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-26/24;

(w)Id-Deċiżjoni 2024/.../MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Moldova li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-27/24;

(x)Id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Montenegro li jikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-28/24;

(y)Id-Deċiżjoni 2024/.../MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Maċedonja ta’ Fuq li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-29/24;

(``)Id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tas-Serbja li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-2/21. 

ESTENSJONI TAL-ĦATRA TAL-MEMBRI ATTWALI TAL-KUMITAT KONSULTATTIV U L-ĦATRA TA’ MEMBRI ĠODDA

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ministerjali hija li jiġu estiżi l-mandati ta’ żewġ membri tal-Kumitat Konsultattiv u li jinħatru tliet membri ġodda sal-31 ta’ Diċembru 2028.

 

ID-DEĊIŻJONI D/2024/XX/MC-EnC DWAR IL-KWITTANZA FINANZJARJA TAD-DIRETTUR TAS-SEGRETARJAT TAL-KOMUNITÀ TAL-ENERĠIJA

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ministerjali hija li jiġi approvat l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill Ministerjali li ġej dwar il-Kwittanza Finanzjarja tad-Direttur tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija:

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija

D/2024/XX/MC-EnC: DWAR IL-KWITTANZA TAD-DIRETTUR TAS-SEGRETARJAT

Il-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija,

Wara li kkunsidra l-Att Proċedurali 2024/06/MC-EnC adottat fid-19 ta’ Frar 2024 dwar l-istabbiliment ta’ Proċeduri tal-Komunità tal-Enerġija għall-Istabbiliment u l-Implimentazzjoni tal-Baġit, l-Awditjar u l-Ispezzjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 83 tiegħu,

Wara li eżamina r-Rapport dwar l-Awditjar tar-Rapporti Finanzjarji tal-Komunità tal-Enerġija għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2023 kif ukoll id-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tal-awdituri,

B’kont meħud tal-osservazzjonijiet tal-Kumitat tal-Baġit u r-rapport rilevanti,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Id-Direttur attwali, is-Sur Artur Lorkowski tas-Segretarjat, huwa meħlus mir-responsabbiltà amministrattiva u maniġerjali tiegħu fir-rigward tal-baġit għall-perjodu tal-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru, 2023.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Għall-Kunsill Ministerjali

ANNESS 2

Il-Bord Regolatorju tal-Komunità tal-Enerġija

ATT PROĊEDURALI 2024/01/ECRB-EnC LI JEMENDA U JISSOSTITWIXXI L-ATT PROĊEDURALI 2019/01/ECRB-EnC DWAR IR-REGOLI TA’ PROĊEDURA INTERNI TAL-ECRB

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ministerjali hija li jiġi approvat l-abbozz ta’ Att Proċedurali li jemenda u jissostitwixxi l-Att Proċedurali dwar ir-Regoli ta’ Proċedura Interni tal-ECRB:

L-Att Proċedurali Nru 1/2024 tal-Bord Regolatorju tal-Komunità tal-Enerġija

2024/01/ECRB-EnC ta’ xx XX 2024 li jemenda u jissostitwixxi l-Att Proċedurali 2019/01/ECRB-EnC

IL-BORD REGOLATORJU TAL-KOMUNITÀ TAL-ENERĠIJA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tal-Enerġija (minn hawn’ il quddiem “it-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija”) u b’mod partikolari l-Artikolu 60, 86 u 87 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta, magħmula mis-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija,

Filwaqt li jaġixxi f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 82 u 83 tat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija,

Filwaqt li jaġixxi f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 13.3 tar-Regoli ta’ Proċedura Interni tal-Bord Regolatorju tal-Komunità tal-Enerġija, l-Att Proċedurali Nru 01/2007 emendat mill-Atti Proċedurali 2009/01, 2012/01, 2013/02, 2015/01 u 2019/01.

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-Att Proċedurali Nru 2024/01/ECRB-EnC li jemenda u jissostitwixxi r-Regoli Interni ta’ Proċedura tal-Bord Regolatorju tal-Komunità tal-Enerġija kif stabbilit fl-Anness ta’ dan l-Att huwa b’dan adottat.

Artikolu 2

Dan l-Att Proċedurali huwa indirizzat lill-membri tal-Bord Regolatorju tal-Komunità tal-Enerġija.

Artikolu 3

Is-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija għandu jagħmel dan l-Att Proċedurali u l-Anness tiegħu disponibbli għall-Partijiet u l-istituzzjonijiet kollha skont it-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fi żmien 7 ijiem wara l-adozzjoni tiegħu.

Artikolu 4

Dan l-Att Proċedurali għandu jidħol fis-seħħ mal-adozzjoni.

Magħmul fi XXX

                               

Għall-Bord Regolatorju                    

Il-President

(1) *    Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.