Brussell, 8.7.2024

COM(2024) 515 final

2024/0170(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv fil-Polonja


2024/0170 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv fil-Polonja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 126(6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet magħmula mill-Polonja,

Billi:

1.Skont l-Artikolu 126 tat-TFUE, l-Istati Membri għandhom jevitaw żbilanċi pubbliċi eċċessivi.

2.Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (PST) huwa bbażat fuq l-objettiv ta’ finanzi sodi tal-gvern bħala mezz biex jissaħħu l-kundizzjonijiet għall-istabbiltà tal-prezzijiet u għal tkabbir b’saħħtu, sostenibbli u inklużiv mirfud minn stabbiltà finanzjarja, u b’hekk jappoġġa l-kisba tal-objettivi tal-Unjoni għat-tkabbir sostenibbli u l-impjiegi.

3.Il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (PDE) skont l-Artikolu 126 TFUE, kif kjarifikata mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv ( 1 ) (li hija parti mill-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir) jipprovdi għal deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv. Il-Protokoll Nru 12 dwar il-PDE, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-TFUE jistabbilixxi aktar dispożizzjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 ( 2 ) jistipula regoli u definizzjonijiet dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet. Il-qafas ta’ governanza ekonomika riformat tal-UE, li daħal fis-seħħ fit-30 ta’ April 2024, jinkludi r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1264 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97. Ir-riforma żammet ir-regoli tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv minħabba nuqqas ta’ konformità mal-kriterju tad-defiċit ġeneralment l-istess, filwaqt li għall-Istati Membri bi proporzjon tad-dejn tal-gvern ogħla minn 60 % tal-PDG, il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv minħabba nuqqas ta’ konformità mal-kriterju tad-dejn se tiffoka fuq devjazzjonijiet mill-perkors tan-nefqa netta li se jiġi stabbilit mill-Kunsill skont ir-Regolament (UE) 2024/1263 abbażi tal-pjanijiet strutturali fiskali fuq terminu medju li għandhom jiġu ppreżentati mill-Istati Membri. Din id-deċiżjoni tal-Kunsill tikkonċerna biss l-eċċess tal-proporzjon tad-defiċit tal-gvern mal-prodott domestiku gross (PDG) fir-rigward tal-valur ta’ referenza ta’ 3 % tal-PDG.

4.Skont l-Artikolu 126(5) tat-TFUE, jekk il-Kummissjoni tqis li jeżisti jew li jista’ jseħħ defiċit eċċessiv fi Stat Membru, hija għandha tindirizza opinjoni lill-Istat Membru kkonċernat u tinforma lill-Kunsill b’dan. Wara li qieset ir-rapport tagħha adottat skont l-Artikolu 126(3) tat-TFUE u wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju adottata skont l-Artikolu 126(4) tat-TFUE, il-Kummissjoni kkonkludiet li jeżisti defiċit eċċessiv fil-Polonja. Fit-8 ta’ Lulju 2024, il-Kummissjoni għalhekk indirizzat tali opinjoni lill-Polonja u infurmat lill-Kunsill kif xieraq. ( 3 )

5.L-Artikolu 126(6) TFUE jiddikjara li l-Kunsill għandu jeżamina kwalunkwe osservazzjoni, li l-Istat Membru kkonċernat jista’ jkun jixtieq jagħmel, qabel ma jiddeċiedi, wara evalwazzjoni globali, jekk jeżistix defiċit eċċessiv. Fil-każ tal-Polonja, il-valutazzjoni ġenerali twassal għall-konklużjonijiet li ġejjin.

6.Skont id-data vvalidata mill-Eurostat fit-22 ta’ April 2024 ( 4 ), id-defiċit tal-gvern estiż fil-Polonja laħaq il-5.1 % tal-PDG fl-2023, u d-dejn tal-gvern estiż kien ta’ 49.6 % tal-PDG. Ir-rapport tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 126(3) tat-TFUE qies li l-eċċess tad-defiċit fuq il-valur referenzjarju tat-Trattat ta’ 3 % tal-PDG fl-2023 mhuwiex eċċezzjonali, peress li la jirriżulta minn avveniment mhux tas-soltu u lanqas minn tnaqqis serju fir-ritmu ekonomiku fis-sens tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Fl-2023 il-PDG reali tal-Polonja kiber b’ 0.2 % tal-PDG, wara tkabbir tal-PDG ta’ 5.6 % fl-2022. L-eċċess fuq il-valur referenzjarju tat-Trattat ukoll mhuwiex temporanju, abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, li jipprojetta li d-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika jibqa’ ogħla minn 3 % tal-PDG fl-2024 u l-2025. Fil-qosor, id-defiċit fl-2023 kien ogħla u mhux qrib il-valur referenzjarju tat-Trattat ta’ 3 % tal-PDG. L-eċċess mhuwiex meqjus bħala eċċezzjonali kif definit mit-Trattat u l-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, u mhux temporanju. Għalhekk, il-kriterju tad-defiċit kif definit mit-Trattat u r-Regolament (KE) Nru 1467/97 prima facie mhuwiex issodisfat.

7.Fuq il-bażi tad-data nnotifikata lill-Eurostat, id-defiċit tal-gvern estiż tal-Polonja huwa ppjanat li jilħaq il-5.1 % tal-PDG fl-2024. ( 5 ) It-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni ( 6 ) jindika defiċit ta’ 5.4 % tal-PDG, ’il fuq u mhux qrib il-valur referenzjarju tat-Trattat ta’ 3 % tal-PDG. Iż-żieda fid-defiċit meta mqabbla mal-2023 tirrifletti prinċipalment iż-żieda fin-nefqa, b’mod partikolari ż-żieda fin-nefqa fuq it-tisħiħ tal-kapaċità tad-difiża, inklużi investimenti f’tagħmir u infrastruttura militari u nefqiet militari attwali, benefiċċji soċjali ġodda inkluża żieda fil-benefiċċji tal-familja, żieda ta’ 30 % fis-salarji għall-għalliema u żieda ta’ 20 % fis-salarji għall-uffiċjali tal-amministrazzjoni pubblika.

8.F’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 126(3) TFUE, il-Kummissjoni analizzat ukoll il-fatturi rilevanti kollha fir-rapport tagħha skont l-Artikolu 126(3) TFUE. Kif stabbilit fl-Artikolu 2(4) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, kull meta l-proporzjon tad-dejn tal-gvern apparagun tal-PDG ma jaqbiżx il-valur ta’ referenza, se jitqiesu l-fatturi rilevanti fil-passi li jwasslu għal deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv. B’mod ġenerali, il-fatturi rilevanti eżaminati fir-rapport skont l-Artikolu 126(3) TFUE huma vvalutati bħala li jippreżentaw stampa mħallta. Il-kunsiderazzjoni ta’ dawn il-fatturi rilevanti ma timmodifikax il-konklużjoni li l-kriterju tad-defiċit fit-Trattat mhuwiex issodisfat.

9.Fid-dawl tal-iskadenza tal-20 ta’ Settembru 2024 għall-preżentazzjoni tal-pjan fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju f’konformità mal-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-Kunsill jieħu nota li l-pass li jmiss fil-proċedura, jiġifieri r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) TFUE dwar il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, se jsir flimkien mal-opinjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 473/2013. Dan l-approċċ jippermetti li tiġi żgurata l-konsistenza bejn ir-rekwiżiti baġitarji skont il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv u l-perkors ta’ aġġustament stabbilit fil-pjanijiet fiskali strutturali ta’ terminu medju. L-iffaċilitar ta’ tali konsistenza filwaqt li tiġi evitata lakuna fis-sorveljanza skont il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv, jirrikjedi sottomissjoni f’waqtha tal-pjanijiet fiskali strutturali ta’ terminu medju tal-Istati Membri. Din l-iskeda ta’ żmien hija eċċezzjonali u marbuta mat-tranżizzjoni għall-qafas il-ġdid, u għalhekk ma toħloqx preċedent. Il-Kunsill jieħu nota wkoll li, fin-nuqqas ta’ preżentazzjoni f’waqtha tal-pjan ta’ terminu medju, ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) se tikkunsidra t-trajettorja referenzjali trażmessa mill-Kummissjoni lill-Istat Membru ddeterminata skont ir-Regolament (UE) 2024/1263.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Minn valutazzjoni ġenerali jirriżulta li jeżisti defiċit eċċessiv fil-Polonja minħabba nuqqas ta’ konformità mal-kriterju tad-defiċit.

Artikolu 2

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Polonja.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) ()    ĠU L 209, 2.8.1997, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1997/1467/2024-04-30 .
(2) ()    ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1.
(3) ()    Id-dokumenti kollha relatati mal-PDE għall-Polonja jinsabu fuq: https://economy-finance.ec.europa.eu/economic-and-fiscal-governance/stability-and-growth-pact/corrective-arm-excessive-deficit-procedure/closed-excessive-deficit-procedures/poland_en .
(4) ()    L-indikaturi tal-Euro tal-Eurostat ippubblikati fit-22 ta’ April 2024. Ara: https://ec.europa.eu/eurostat/en/web/products-euro-indicators/w/2-22042024-AP .
(5) ()    Defiċit ippjanat kif irrappurtat lill-Eurostat fil-kuntest tan-notifika fiskali tar-rebbiegħa 2024. Ara: https://ec.europa.eu/eurostat/web/government-finance-statistics/excessive-deficit-procedure/edp-notification-tables .
(6) ()    Tbassir Ekonomiku Ewropew - Rebbiegħa 2024, European Economy-Institutional Paper, Nru 286, 15 ta’ Mejju 2024.