IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 31.10.2024
COM(2024) 506 final
2024/0285(NLE)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-KUNSILL
li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2025 u l-2026 għal ċerti stokkijiet ta’ ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, f’ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
L-opportunitajiet tas-sajd għandhom jiġu stabbiliti għall-biċċa l-kbira tal-istokkijiet kull sena u għal ċerti stokkijiet kull sentejn sa 4 snin.
Uħud mill-opportunitajiet tas-sajd għandhom jiġu stabbiliti b’mod awtonomu mill-UE, filwaqt li xi wħud għandhom jiġu stabbiliti wara konsultazzjonijiet multilaterali jew bilaterali ma’ pajjiżi mhux tal-UE.
Din il-proposta għandha l-għan li tistabbilixxi opportunitajiet tas-sajd għal ċerti:
–stokkijiet li għalihom l-opportunitajiet tas-sajd huma stabbiliti b’mod awtonomu mill-UE, inklużi l-istokkijiet tal-baħar fond;
–stokkijiet li huma: (i) ġestiti b’mod konġunt mar-Renju Unit fil-Baħar tat-Tramuntana u fl-Ilmijiet tal-Majjistral, inklużi l-istokkijiet tal-baħar fond f’dawk iż-żoni; (ii) ġestiti b’mod konġunt man-Norveġja u mar-Renju Unit fil-Baħar tat-Tramuntana; (iii) ġestiti b’mod konġunt man-Norveġja fi Skagerrak-Kattegat; jew (iv) soġġetti għal konsultazzjonijiet mal-Istati kostali tal-Kummissjoni tas-Sajd tal-Atlantiku tal-Grigal (NEAFC, North-East Atlantic Fisheries Commission);
–stokkijiet ġestiti minn organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd (RFMOs, regional fisheries management organisations); u
–stokkijiet fl-ilmijiet ta’ pajjiżi mhux tal-UE.
Għadd ta’ opportunitajiet tas-sajd f’din il-proposta huma mmarkati bħala “pm” (pro memoria), minħabba li:
–il-parir xjentifiku għal xi stokkijiet awtonomi tal-UE kien għadu mhux disponibbli meta ġiet adottata l-proposta; jew
–ċerti limiti ta’ qbid u miżuri oħrajn mill-RFMOs rilevanti huma pendenti, peress li l-laqgħat annwali tagħhom għadhom ma sarux; jew
–sakemm jiġu konklużi l-konsultazzjonijiet multilaterali jew bilaterali ma’ ċerti pajjiżi mhux tal-UE, iċ-ċifri għadhom mhumiex disponibbli għal: (i) stokkijiet ġestiti b’mod konġunt ma’ pajjiżi mhux tal-UE; u (ii) opportunitajiet tas-sajd skambjati ma’ pajjiżi mhux tal-UE; u (iii) stokkijiet fl-ilmijiet ta’ pajjiżi mhux tal-UE.
Approċċ sabiex jiġu stabbiliti l-opportunitajiet tas-sajd
L-opportunitajiet tas-sajd huma stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 16(4) tar-Regolament Bażiku li jirreferi għall-objettivi tal-PKS u għall-MAPs tal-Baħar tat-Tramuntana u tal-Ilmijiet tal-Punent.
Kull sena, il-Kummissjoni tippubblika komunikazzjoni li tipprovdi ħarsa ġenerali tal-qagħda tal-istokkijiet ibbażata fuq parir xjentifiku, u li tispjega l-approċċ tagħha biex tipproponi opportunitajiet tas-sajd. L-aktar komunikazzjoni annwali reċenti għandha t-titolu “Is-sajd sostenibbli fl-UE: is-sitwazzjoni attwali u l-orjentazzjonijiet għall-2025”, (COM(2024) 235 final).
Il-Kummissjoni tipproponi opportunitajiet tas-sajd ibbażati fuq parir xjentifiku u f’konformità mal-approċċ deskritt fil-komunikazzjoni annwali.
Bejn il-31 ta’ Mejju u t-30 ta’ Ġunju 2024, bħala tweġiba għat-talba tal-Kummissjoni, il-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES, International Council for the Exploration of the Sea) ipprovda l-parir xjentifiku annwali jew pluriennali tiegħu dwar għadd ta’ stokkijiet awtonomi tal-UE koperti minn din il-proposta.
Il-parir xjentifiku tal-ICES essenzjalment jiddependi minn data:
–(i) għall-istokkijiet li għalihom huma disponibbli settijiet ta’ data komprensivi, li jippermettu valutazzjonijiet analitiċi sħaħ, skont l-età/it-tul, l-ICES jipproduċi stimi tad-daqsijiet tal-istokkijiet u previżjonijiet dwar kif diversi xenarji ta’ sfruttament se jaffettwaw dawn id-daqsijiet tal-istokkijiet (“tabelli tax-xenarji tal-qbid”). Abbażi ta’ dan, l-ICES jistma aġġustamenti għall-opportunitajiet tas-sajd li se jġibu l-istokk f’livell li jista’ jipproduċi r-rendiment massimu sostenibbli (MSY, maximum sustainable yield);
–(ii) għall-istokkijiet li għalihom hija disponibbli inqas data, l-ICES ma jipprovdix xenarji ta’ qbid iżda jidentifika xejriet aktar fit-tul fir-reklutaġġ, fil-bijomassa u fil-mortalità mis-sajd. Abbażi ta’ dan, l-ICES jistma l-opportunitajiet tas-sajd f’konformità mal-MSY, abbażi ta’ indikaturi tal-MSY; u
–(iii) għal stokkijiet oħrajn li għalihom hija disponibbli data limitata, meta jagħti pariri dwar il-livell ta’ opportunitajiet tas-sajd, l-ICES jibbaża fuq l-approċċ prekawzjonarju għall-ġestjoni tas-sajd u japplika ċerta metodoloġija. Għal stokkijiet bħal dawn li għalihom hemm aktar data disponibbli, l-ICES jidentifika xejriet fit-tul fir-reklutaġġ, fil-bijomassa u fil-mortalità mis-sajd biex jivvaluta l-istatus tal-istokkijiet, iżda ma jevalwax l-indikaturi tal-MSY. Għal stokkijiet bħal dawn li għalihom hija disponibbli l-inqas data, l-ICES jidentifika x-xejriet fil-qabdiet jew fil-ħatt l-art biex jivvaluta l-istatus tal-istokkijiet.
Il-valutazzjonijiet tal-ICES għall-istokkijiet fil-punti (i) u (ii) jissejħu “valutazzjoni analitika” u l-parir jissejjaħ “parir dwar l-MSY”. Il-valutazzjonijiet għall-istokkijiet fil-punt (iii) jissejħu “valutazzjoni prekawzjonarja” u l-parir jissejjaħ “parir ta’ prekawzjoni”.
Għall-istokkijiet fil-punt (i), l-ICES jippubblika parir kull sena. Madankollu, għall-istokkijiet fil-punti (ii) u (iii), l-ICES la jwettaq valutazzjoni tal-istokk u lanqas jippubblika parir fuq bażi annwali. Minflok, għal stokkijiet bħal dawn fil-punti (ii) u (iii), l-ICES jivvaluta xejriet aktar fit-tul. Għalhekk, l-ICES iqis li l-istatus ivvalutat ta’ dawk l-istokkijiet mhux se jkun soġġett għal bidliet kbar matul il-perjodu tal-għoti tal-pariri. Għal dawk l-istokkijiet, il-parir ippubblikat mill-ICES huwa l-aħjar parir xjentifiku disponibbli għall-perjodu kollu tal-għoti tal-pariri. Għall-istokkijiet awtonomi tal-UE li għalihom l-ICES jippubblika parir li jibqa’ validu għal diversi snin, il-Kummissjoni tipproponi li tistabbilixxi qabdiet totali permissibbli (TACs, total allowable catches) annwali li jkopru l-perjodu kollu tal-għoti tal-pariri, jiġifieri perjodu ta’ sentejn (“TACs pluriennali”).
L-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għall-UE jiġu allokati fost l-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 16(1) tar-Regolament Bażiku dwar il-prinċipju tal-istabbiltà relattiva.
L-opportunitajiet tas-sajd li għandhom jiġu proposti aktar tard
F’din il-proposta, l-opportunitajiet tas-sajd għall-istokkijiet awtonomi tal-UE li għalihom għad mhemmx disponibbli parir xjentifiku huma mmarkati bħala “pm” u se jiġu proposti ladarba dak il-parir xjentifiku jkun disponibbli, f’konformità mal-approċċ deskritt fil-komunikazzjoni annwali. Ladarba l-parir xjentifiku jkun disponibbli, din il-proposta se tiġi aġġornata kif xieraq permezz ta’ dokumenti informali tas-servizzi tal-Kummissjoni.
Bl-istess mod, l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet oħrajn se jiġu proposti fid-dawl tal-eżitu tal-konsultazzjonijiet ma’ pajjiżi mhux tal-UE li għadhom għaddejjin u tal-laqgħat annwali tal-RFMOs li għadhom ma sarux. Fir-rigward ta’ dawk il-konsultazzjonijiet u l-laqgħat annwali tal-RFMOs, il-Kummissjoni tipproponi, u l-Kunsill jadotta, pożizzjonijiet tal-UE, li għandhom jiġu espressi f’isem l-UE, f’konformità mal-approċċ deskritt fil-komunikazzjoni annwali. Fil-każ ta’ konsultazzjonijiet bilaterali mar-Renju Unit dwar stokkijiet kondiviżi u fil-każ ta’ laqgħat annwali tal-RFMOs, il-Kummissjoni tipproponi, u l-Kunsill jadotta, speċifikazzjonijiet tal-pożizzjonijiet pluriennali.
Filwaqt li l-konsultazzjonijiet għadhom għaddejjin, il-laqgħat annwali ta’ ċerti RFMOs għadhom ma sarux jew il-parir xjentifiku għadu mhuwiex disponibbli, it-test tal-premessi u d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/257 huwa inkluż f’din il-proposta f’parentesi kwadri u l-opportunitajiet tas-sajd huma mmarkati bħala “pm”.
Ladarba jiġu konklużi l-konsultazzjonijiet mal-pajjiżi mhux tal-UE u tkun saret il-laqgħa annwali tal-RFMOs rilevanti jew ikun disponibbli l-parir xjentifiku, din il-proposta se tiġi aġġornata permezz ta’ dokumenti informali tas-servizzi tal-Kummissjoni.
Obbligu ta’ ħatt l-art
Skont l-Artikolu 15 tar-Regolament Bażiku, l-istokkijiet kollha li għalihom hemm limiti ta’ qbid ilhom mill-1 ta’ Jannar 2019 soġġetti għall-obbligu ta’ ħatt l-art, li jfisser li l-qabdiet kollha għandhom jinġiebu u jinżammu abbord il-bastimenti tas-sajd, jiġu rreġistrati, jinħattu l-art u jinqatgħu mill-kwoti meta applikabbli. Madankollu, ir-Regolament Bażiku jipprevedi ċerti eżenzjonijiet mill-obbligu ta’ ħatt l-art. Abbażi ta’ rakkomandazzjonijiet konġunti mill-Istati Membri, il-Kummissjoni adottat regolamenti delegati li jispeċifikaw id-dettalji tal-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art għal ċertu sajd li jippermettu skartar abbażi ta’ eżenzjonijiet de minimis jew marbuta mal-kapaċità ta’ sopravivenza għolja.
Mill-introduzzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art u f’konformità mal-Artikolu 16(2) tar-Regolament Bażiku, l-opportunitajiet tas-sajd għandhom jirriflettu l-bidla mill-ammont li jinħatt l-art għall-ammont li jkun inqabad, minħabba li, fil-prinċipju, l-iskartar ma għadux aktar permess.
Filwaqt li tqis l-applikazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art, il-Kummissjoni qiegħda tipproponi TACs abbażi tal-parir tal-ICES dwar il-qabdiet. Il-kwoti proposti tal-UE jqisu l-iskartar abbażi tal-eżenzjonijiet stabbiliti; dawn il-kwantitajiet mhumiex se jinħattu l-art u jinqatgħu mill-kwoti, u għalhekk jitnaqqsu mill-kwoti tal-UE. Sakemm isir il-kalkolu ta’ dawk il-kwantitajiet, il-kwoti tal-UE huma mmarkati bħala “pm” f’din il-proposta. Barra minn hekk, għall-istokkijiet li għalihom l-ICES jipprovdi biss parir dwar il-ħatt l-art, il-Kummissjoni qiegħda tipproponi TACs abbażi ta’ dak il-parir.
Flessibbiltà minn sena għal sena
Iridu jitqiesu wkoll ir-rabtiet bejn ir-Regolament Bażiku u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 847/96. L-Artikoli 3 u 4 ta’ dan l-aħħar Regolament jipprevedu flessibbiltà minn sena għal sena għall-kwoti kemm għall-istokkijiet b’valutazzjonijiet analitiċi kif ukoll dawk b’valutazzjonijiet prekawzjonarji. Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 847/96, meta jiġu stabbiliti t-TACs, il-Kunsill għandu jiddeċiedi liema stokkijiet mhumiex se jkunu soġġetti għall-Artikoli 3 u 4 ta’ dak ir-Regolament, b’mod partikolari abbażi tal-istatus bijoloġiku tal-istokkijiet. Il-Kummissjoni tipproponi li tiġi eskluża l-flessibbiltà minn sena għal sena skont l-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 għall-istokkijiet b’valutazzjonijiet analitiċi b’bijomassa taħt Blim u għall-istokkijiet b’valutazzjonijiet prekawzjonarji li għalihom l-ICES jirrakkomanda qabdiet żero jew inkella li jiġi sospiż is-sajd fil-mira.
L-Artikolu 15(9) tar-Regolament Bażiku jipprevedi aktar flessibbiltà minn sena għal sena għall-kwoti. Madankollu, biex tiġi evitata flessibbiltà eċċessiva li timmina l-ilħuq tal-objettivi tal-PKS, l-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 u l-Artikolu 15(9) tar-Regolament Bażiku ma għandhomx japplikaw b’mod kumulattiv.
Il-flessibbiltà minn sena għal sena għall-kwoti skont l-Artikolu 15(9) tar-Regolament Bażiku għandha tiġi eskluża meta timmina l-ilħuq tal-objettivi tal-PKS, b’mod partikolari għal: (i) stokkijiet b’valutazzjonijiet analitiċi b’bijomassa taħt Blim u li għalihom se jkun permess biss sajd aċċessorju jew xjentifiku; u (ii) stokkijiet b’valutazzjonijiet prekawzjonarji li għalihom se jkun permess biss sajd bħal dan. Barra minn hekk, għandha tiġi eskluża l-flessibbiltà minn sena għal sena għal stokkijiet li għalihom l-UE u l-pajjiż jew il-pajjiżi mhux tal-UE rilevanti ma jkunux qablu dwar l-applikazzjoni ta’ flessibbiltà minn sena għal sena jew ikunu eskludew l-applikazzjoni ta’ flessibbiltà bħal din abbażi tal-istatus bijoloġiku tal-istokkijiet.
Sajd rikreattiv
Is-sajd rikreattiv jista’ jkollu impatt sinifikanti fuq l-istokkijiet fejn is-sajd rikreattiv jirrappreżenta parti sinifikanti mill-qabdiet totali ta’ dawk l-istokkijiet. Għal stokkijiet bħal dawn, għalhekk xieraq li jitqiesu l-attivitajiet kollha li jista’ jkollhom impatt fuq l-istatus tal-istokk, irrispettivament minn jekk dawk l-attivitajiet humiex kummerċjali jew rikreattivi. Sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-PKS u, meta rilevanti, skont l-Artikolu 10(4) tal-MAP tal-Baħar tat-Tramuntana u l-Artikolu 11 tal-MAP tal-Ilmijiet tal-Punent, il-Kummissjoni tipproponi miżuri anke għas-sajd rikreattiv, inkluż mill-kosta.
Opportunitajiet u spjegazzjoni tas-sajd proposti
Stokkijiet awtonomi tal-UE
|
TAC
|
Kodiċi tat-TAC
|
TAC proposta għall-2025 (tunnellati)
|
Bidla fit-TAC proposta mill-2024
|
Spjegazzjoni
|
|
Petriċa
(Lophiidae)
in-Nofsinhar tal-Golf tal-Biskalja u l-ilmijiet Iberiċi 8c, 9 u 10; l-ilmijiet tal-UE tas-CECAF 34.1.1
|
ANF/8C3411
|
5 432
|
+17 %
|
L-ICES jipprovdi parir dwar l-MSY għal żewġ speċijiet differenti ta’ petriċa f’din iż-żona: petriċa tat-tbajja’ (Lophius budegassa) u petriċa kbira (Lophius piscatorius).
Il-Kummissjoni tipproponi li tistabbilixxi t-TAC skont il-parir dwar l-MSY u mal-valur tal-punt tal-FMSY għaż-żewġ speċijiet.
|
|
Merluzz
(Merluccius merluccius)
in-Nofsinhar tal-Golf tal-Biskalja u l-ilmijiet Iberiċi
8c, 9 u 10; l-ilmijiet tal-UE tas-CECAF 34.1.1
|
HKE/8C3411
|
17 445
|
tiġdid
|
L-ICES jagħti parir dwar l-MSY għal dan l-istokk.
Il-Kummissjoni tipproponi li ġġedded it-TAC għall-2024 u li tistabbiliha skont il-parir dwar l-MSY u bejn il-valur tal-punt FMSYu l-ogħla valur fil-medda tal-FMSY (“MSY Fupper”). Dan huwa f’konformità mal-Artikolu 4(5), il-punt (a) tal-MAP tal-Ilmijiet tal-Punent u jqis li l-merluzz huwa l-ispeċi l-aktar limitanti fis-sajd imħallat. Barra minn hekk, sabiex jiġi protett l-istokk fit-tul, li għalih ilhom jiġu stabbiliti TACs f’konformità mal-MSY Fupper mill-2022, il-Kummissjoni tipproponi li tistabbilixxi t-TAC għall-2025 taħt l-MSY Fupper.
|
|
Megrims
(Lepidorhombus spp.)
in-Nofsinhar tal-Golf tal-Biskalja u l-ilmijiet Iberiċi
8c, 9 u 10; l-ilmijiet tal-UE tas-CECAF 34.1.1
|
LEZ/8C3411
|
4 448
|
+23 %
|
L-ICES jipprovdi parir dwar l-MSY għal żewġ speċijiet differenti ta’ megrims f’din iż-żona: Lepidorhombus whiffiagonis u Lepidorhombus Boscii.
Il-Kummissjoni tipproponi li tistabbilixxi t-TAC f’konformità mal-parir dwar l-MSY u mal-valur tal-punt tal-FMSY għaż-żewġ speċijiet.
|
|
Skampu
(Nephrops norvegicus)
in-Nofsinhar tal-Golf tal-Biskalja u l-Baħar tal-Cantabria
8c, unità funzjonali 31
|
NEP/8CU31
|
29
|
+134 %
|
L-ICES jagħti parir dwar l-MSY għal dan l-istokk.
Il-Kummissjoni tipproponi li t-TAC tiġi stabbilita skont il-parir dwar l-MSY.
|
|
Barbun tat-tbajja’
(Pleuronectes platessa)
fil-Kattegat
|
PLE/03AS.
|
2 349
|
tiġdid
|
L-ICES jagħti parir dwar l-MSY għal dan l-istokk.
Din it-TAC tirrappreżenta proporzjon (26 %) tal-parir tal-ICES għall-barbun tat-tbajja’ fil-Kattegat, fl-Ibħra tal-Belt u f’The Sound. Dik iċ-ċifra hija bbażata fuq id-distribuzzjoni tal-qabdiet fl-2024 stabbilita fil-parir tal-ICES.
Il-Kummissjoni tipproponi li t-TAC tiġi stabbilita f’konformità mal-parir dwar l-MSY u taħt il-valur l-aktar baxx fil-medda tal-FMSY (“MSY Flower”). Hija tipproponi li t-TAC tiġi stabbilita taħt l-MSY Flower, peress li fis-sajd immirat għall-iskampu, il-barbun tat-tbajja’ u l-bakkaljaw huma qabdiet aċċessorji u peress li hemm parir ta’ qabdiet żero għall-bakkaljaw.
|
|
Lingwata komuni
(Solea solea)
Il-Golf tal-Biskalja
8a u 8b
|
SOL/8AB.
|
2 510
|
+0,8 %
|
L-ICES jagħti parir dwar l-MSY għal dan l-istokk.
Il-Kummissjoni tipproponi li tistabbilixxi t-TAC skont il-parir dwar l-MSY u mal-valur tal-punt tal-FMSY, kif imnaqqas proporzjonalment biex jitqies it-tnaqqis fil-bijomassa (il-bijomassa hija prevista li tkun madwar 93 % tal-MSY Btrigger u b’riżultat ta’ dan il-qbid totali rrakkomandat jitnaqqas b’5 %).
|
|
Lingwata komuni
(Solea solea)
Skagerrak-Kattegat u l-Baħar Baltiku tal-Punent
3a; Ilmijiet tal-UE tas-suddiviżjonijiet 22-24
|
SOL/3ABC24
|
200
|
-39 %
|
L-ICES jagħti parir dwar l-MSY għal dan l-istokk.
L-ICES jipprevedi li b’qabdiet ta’ aktar minn 15-il tunnellata fl-2025, il-probabbiltà li l-istokk jaqa’ taħt il-Blim fl-2026 hija ta’ aktar minn 5 %.
Skont l-Artikoli 4(6) u 7(1) tal-MAP tal-Baħar tat-Tramuntana, il-Kummissjoni għalhekk tipproponi li tissospendi s-sajd immirat għal-lingwata.
Madankollu, jekk it-TAC għal-lingwata tiġi stabbilita f’livell li jiżgura li l-probabbiltà li l-istokk jaqa’ taħt il-Blim tkun inqas minn 5 %, l-obbligu li jinħattu l-qabdiet kollha, inklużi l-qabdiet aċċidentali minn dak l-istokk f’sajd imħallat, iwassal għall-fenomenu ta’ “speċi bi kwota limitanti” fis-sajd li jimmira lejn l-iskampu. Għalhekk, il-Kummissjoni tipproponi li tiġi stabbilita TAC ta’ qbid aċċessorju għal-lingwata għas-sajd li jimmira lejn l-iskampu, fil-livell ta’ 200 tunnellata. Dak il-livell jikkorrispondi bejn wieħed u ieħor għal-livell ta’ qabdiet tal-lingwata fl-2023 u, skont l-ICES, huwa previst li l-bijomassa tal-istokk tinżamm stabbli.
|
|
Sawrell
(Trachurus spp.)
Ilmijiet Iberiċi 9
|
JAX/09.
|
173 873
|
+5 %
|
L-ICES jagħti parir dwar l-MSY għal dan l-istokk.
Il-Kummissjoni tipproponi li t-TAC tiġi stabbilita f’konformità mal-parir dwar l-MSY.
|
|
Spnotta
(Dicentrarchus labrax)
Il-Golf tal-Biskalja
8a u 8b
|
Mhux applikabbli
|
Mhux applikabbli
|
Mhux applikabbli
|
L-ICES jagħti parir dwar l-MSY għal dan l-istokk.
L-ICES jipprevedi li fl-2024, il-bijomassa tal-istokk tonqos ulterjorment filwaqt li tibqa’ taħt l-MSY Btrigger iżda ogħla mill-Blim.
Il-Kummissjoni tipproponi li, meta jiġu ddeterminati b’mod konġunt il-kwoti tagħhom għas-sajd kummerċjali, Franza u Spanja għandhom jiżguraw li t-total tal-ħatt l-art kummerċjali, tal-iskartar kummerċjali, tal-ħatt l-art rikreattiv u tal-iskartar rikreattiv ma jaqbiżx il-valur tal-punt tal-FMSY għat-tneħħija totali, kif imnaqqas proporzjonalment biex jitqies it-tnaqqis fil-bijomassa (il-bijomassa hija prevista madwar 92 % tal-MSY Btrigger u bħala riżultat, il-qabda totali titnaqqas b’7 %).
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tipproponi li jinżamm il-limitu ta’ ħuta / għal kull sajjied u ġurnata għall-ħut rikreattiv.
Barra minn hekk, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ timmonitorja l-applikazzjoni korretta tal-objettivi u tar-regoli stabbiliti fir-Regolament Bażiku u fl-MAPs tal-Ilmijiet tal-Punent, il-Kummissjoni tipproponi li l-Istati Membri għandhom jippreżentawlha informazzjoni dwar dawk il-kwoti.
|
Stokkijiet tal-baħar fond tal-UE awtonomi
|
TAC
|
Kodiċi tat-TAC
|
Kwota proposta tal-UE għall-2025 u għall-2026 (tunnellati)
|
Bidla fil-kwota tal-UE proposta mill-2024
|
Spjegazzjoni
|
|
Grenadier imnieħru tond
(Coryphaenoides rupestris)
Skagerrak-Kattegat
L-ilmijiet tal-UE ta’ 3
|
RNG/03-
|
0,9
|
-5 %
|
L-ICES jipprovdi parir ta’ prekawzjoni għal dan l-istokk u jagħti pariri għal qabda żero fl-2025 u fl-2026.
Skont l-Artikolu 5(3) tal-MAP tal-Baħar tat-Tramuntana u l-Artikolu 16(4) tar-Regolament Bażiku, flimkien mal-Artikolu 2(1) u (5), il-punti (c) u (f) ta’ dak ir-Regolament, il-Kummissjoni tipproponi li tiġi stabbilita TAC għall-qabdiet aċċessorji inevitabbli tal-grenadier imnieħru tond fis-sajd immirat għall-gamblu tat-Tramuntana (Pandalus borealis), fil-livell ta’ 0,9 tunnellati. Dak il-livell jikkorrispondi bejn wieħed u ieħor għal-livell ta’ ħatt l-art fl-2023.
|
L-istokkijiet elenkati fl-Anness 36, it-Tabella F, tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tipproponi opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet elenkati fl-Anness 36, it-tabella F, tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra(il-“Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni”). Dak l-Anness jelenka stokkijiet li huma preżenti biss fl-ilmijiet ta’ Parti waħda.
|
TAC
|
Kodiċi tat-TAC
|
TAC proposta għall-2025 (tunnellati)
|
Bidla fit-TAC proposta mill-2024
|
Spjegazzjoni
|
|
Paġella ħamra
(Pagellus bogaraveo)
L-ilmijiet tal-Azores
10
|
SBR/10-
|
399
|
-35 %
|
L-ICES jagħti parir dwar l-MSY għal dan l-istokk.
Il-Kummissjoni tipproponi li t-TAC tiġi stabbilita f’konformità mal-parir dwar l-MSY.
|
Sallura
L-ICES jipprovdi pariri għall-medda naturali kollha tas-sallura (Anguilla anguilla), li tinkludi l-Atlantiku tal-Grigal u l-Mediterran. Minħabba l-istat kritiku tas-sallura, l-ICES:
–(i) għal dawn l-aħħar żewġ deċennji, b’mod konsistenti ta parir li l-mortalità antropoġenika tas-sallura tinżamm kemm jista’ jkun qrib iż-żero fil-medda naturali tagħha kollha;
–(ii) f’Novembru 2023, ta parir li meta jiġi applikat l-approċċ prekawzjonarju, fl-2024 għandu jkun hemm qabdiet żero tas-sallura fil-ħabitats kollha. Dan jikkonċerna kemm il-qabdiet rikreattivi kif ukoll dawk kummerċjali u jinkludi l-qabdiet tal-frieħ tas-sallura għar-ristokkjar u għall-akkwakultura;
–(iii) fit-30 ta’ Mejju 2022, ta parir li minkejja l-isforzi tal-Istati Membri, ma sar l-ebda progress ġenerali fl-ilħuq tal-objettiv ta’ ħrib tal-bijomassa tas-sallura tal-fidda ta’ 40 % madwar l-UE, skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1100/2007. Barra minn hekk, l-ICES ta parir li l-isforzi ta’ konservazzjoni għandhom ikunu ffukati fuq dawk il-miżuri li skont id-definizzjoni, għandhom probabbiltà kbira li jnaqqsu l-mortalità u jżidu l-ħrib.
Il-parir tal-ICES għall-2025 se jiġi ppubblikat fl-1 ta’ Novembru 2024.
Fir-regolamenti annwali dwar l-opportunitajiet tas-sajd għall-ilmijiet tal-baħar u salmastri tal-UE tal-Atlantiku tal-Grigal, ġie stabbilit perjodu ta’ għeluq konsekuttiv ta’ 3 xhur għas-sajd tas-sallura (mill-2018 sal-2022). Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/194 estenda l-perjodu ta’ għeluq għal 6 xhur għal kwalunkwe attività tas-sajd tas-sallura fl-ilmijiet tal-baħar u salmastri tal-UE tal-Atlantiku tal-Grigal. Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) 2023/194 jipprojbixxi s-sajd rikreattiv kollu tas-sallura f’dawk l-ilmijiet. Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/257 żamm dawk il-miżuri u, sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva tas-sallura tal-fidda li temigra mill-Baħar Baltiku lejn il-Baħar tat-Tramuntana, irrikjeda li l-Istati Membri kostali tas-subżona 3 tal-ICES, jiġifieri d-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, il-Finlandja u l-Iżvezja, għandhom jaqblu dwar perjodi ta’ għeluq effettivi għas-sallura tal-fidda. Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) 2024/257 jiċċara l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tad-deroga għas-sajd limitat kontinwu tas-sallura matul il-perjodu ta’ migrazzjoni tas-sallura.
Minħabba l-istat kritiku kontinwu tas-sallura, il-Kummissjoni tipproponi li għall-2025 jinżammu l-miżuri għas-sallura stabbiliti fir-Regolament (UE) 2024/257. Din il-proposta se tiġi aġġornata wara l-pubblikazzjoni mill-ICES tal-parir xjentifiku tagħha għas-sallura fl-Atlantiku tal-Grigal u fil-Mediterran għall-2025.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Il-miżuri proposti huma konsistenti mal-objettivi u mar-regoli stabbiliti fir-Regolament Bażiku u l-MAPs tal-Baħar tat-Tramuntana u tal-Ilmijiet tal-Punent.
•Konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-UE
Il-miżuri proposti huma konsistenti ma’ politiki oħrajn tal-UE, b’mod partikolari mad-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina”), u għandhom l-għan li jikkontribwixxu għall-ilħuq ta’ status ambjentali tajjeb, b’mod partikolari fir-rigward tad-deskrittur 3, li jirrikjedi li l-ħut u l-frott tal-baħar kollha sfruttati kummerċjalment ikunu f’limiti bijoloġiċi sikuri.
2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi legali
Il-bażi legali ta’ din il-proposta hija l-Artikolu 43(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-UE, kif imsemmi fl-Artikolu 3(1)(d) tat-TFUE. Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.
•Proporzjonalità
Il-proposta talloka opportunitajiet tas-sajd lill-Istati Membri f’konformità mal-objettivi u mar-regoli stabbiliti fir-Regolament Bażiku u l-MAPs tal-Baħar tat-Tramuntana u tal-Ilmijiet tal-Punent kif ukoll l-eżiti ta’ ċerti laqgħat annwali tal-RFMOs li diġà saru. Konsegwentement, l-opportunitajiet tas-sajd għandhom jiġu stabbiliti abbażi tal-aħjar parir xjentifiku disponibbli, filwaqt li jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet bijoloġiċi u soċjoekonomiċi, fis-sajd imħallat, meta possibbli.
Skont l-Artikolu 16(6) u (7) u l-Artikolu 17 tar-Regolament Bażiku, l-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għalihom jistgħu jiġu allokati lill-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tagħhom f’konformità ma’ ċerti kriterji stabbiliti f’dawk l-Artikoli. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom il-marġni ta’ diskrezzjoni meħtieġ meta jqassmu l-kwoti allokati, f’konformità mal-mudell soċjali/ekonomiku preferut tagħhom għall-użu tal-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għalihom.
•Għażla tal-istrument
Regolament meqjus l-aktar strument xieraq għax permezz tiegħu jkunu jistgħu jiġu stabbiliti rekwiżiti li japplikaw direttament għall-Istati Membri u għall-operaturi ekonomiċi rilevanti. Dan se jgħin biex ikun żgurat li r-rekwiżiti jiġu implimentati fil-ħin u b’mod armonizzat, u jwassal għal ċertezza legali akbar.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
(a)Metodi ta’ konsultazzjoni, setturi ewlenin fil-mira u profil ġenerali tar-rispondenti
Il-Kummissjoni kkonsultat ma’ partijiet ikkonċernati, b’mod partikolari permezz tal-kunsilli konsultattivi, abbażi tal-komunikazzjoni annwali tagħha “Is-sajd sostenibbli fl-UE: is-sitwazzjoni attwali u l-orjentazzjonijiet għall-2025”.
(b)Sommarju tat-tweġibiet u kif tqiesu
It-tweġibiet tal-partijiet ikkonċernati għall-komunikazzjoni annwali msemmija hawn fuq stabbilew il-fehmiet tagħhom dwar l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-qagħda tar-riżorsi u dwar ir-rispons xieraq tal-ġestjoni. Il-Kummissjoni qieset dawk it-tweġibiet meta fasslet din il-proposta.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Il-gruppi ta’ esperti tal-ICES u l-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet żviluppaw qafas għall-parir xjentifiku tiegħu. Il-parir xjentifiku tal-ICES jinħareġ abbażi ta’ dak il-qafas u f’konformità mal-objettivi u mar-regoli tar-Regolament Bażiku u l-MAPs tal-Baħar tat-Tramuntana u tal-Ilmijiet tal-Punent, kif mitlub mill-Kummissjoni.
Wieħed mill-objettivi tal-PKS huwa li l-istokkijiet jiġu rrestawrati għal livelli li jistgħu jimplimentaw l-MSY u li jinżammu f’dawk il-livelli. Dan l-objettiv huwa inkorporat b’mod ċar fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament Bażiku, li jipprevedi li dan “għandu jintlaħaq […] sa mhux aktar tard mill-2020 għall-istokkijiet kollha”.
L-opportunitajiet tas-sajd għall-istokkijiet fil-mira fil-Baħar tat-Tramuntana u fl-Ilmijiet tal-Punent u li għalihom hemm parir dwar l-MSY għandhom jiġu stabbiliti abbażi tal-MAPs rilevanti, li jiddefinixxu firxa ta’ valuri tal-mortalità mis-sajd li jirriżultaw fl-MSY (“medda tal-FMSY”), u għalhekk joffru grad ta’ flessibbiltà f’kundizzjonijiet speċifiċi. Il-Kummissjoni talbet lill-ICES jipprovdi parir xjentifiku li jista’ jintuża biex tiġi implimentata l-flessibbiltà, inkluż biex jiġi vvalutat jekk il-kundizzjonijiet għall-użu ta’ dik il-flessibbiltà humiex issodisfati. Il-medda superjuri tal-valuri tal-FMSY tista’ tintuża biex jiġu stabbiliti t-TACs, jekk il-bijomassa tal-istokk inkwistjoni tkun ogħla mill-MSY Btrigger, u biss jekk, abbażi ta’ parir xjentifiku jew evidenza, dan ikun meħtieġ biex:
–jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fl-MAP rilevanti fil-każ ta’ sajd imħallat; jew
–tiġi evitata ħsara serja għal stokk ikkawżat minn dinamika tal-istokk fi ħdan l-ispeċijiet jew bejn l-ispeċijiet; jew
–jiġu limitati l-varjazzjonijiet minn sena għal sena.
Meta l-bijomassa tal-istokk tkun taħt MSY Btrigger, l-opportunitajiet tas-sajd għandhom jiġu stabbiliti f’livell li jikkorrispondi għall-mortalità mis-sajd li titnaqqas proporzjonalment biex jitqies it-tnaqqis fil-bijomassa.
Għaldaqstant, din il-proposta tagħmel użu mill-parir dwar l-MSY, meta dan ikun disponibbli. F’konformità mal-objettivi tal-PKS, meta jiġu proposti TACs abbażi tal-parir dwar l-MSY, dawn jikkorrispondu għal-livell li skont dak il-parir, ikun jiżgura li jintlaħaq l-objettiv tal-MSY. Dan l-approċċ huwa konformi mal-prinċipji stabbiliti fil-komunikazzjoni annwali “Is-sajd sostenibbli fl-UE: is-sitwazzjoni attwali u l-orjentazzjonijiet għall-2025”.
Skont l-Artikolu 4(6) tal-MAP tal-Baħar tat-Tramuntana u l-Artikolu 4(7) tal-MAP tal-Ilmijiet tal-Punent, l-opportunitajiet tas-sajd għall-istokkijiet fil-mira għandhom jiġu stabbiliti biex jiġi żgurat li jkun hemm probabbiltà ta’ inqas minn 5 % li l-bijomassa taqa’ taħt Blim. Meta jkun hemm parir disponibbli dwar l-MSY, l-ICES jista’ jindika probabbiltajiet bħal dawn, fuq medda qasira ta’ żmien, fil-parir tiegħu. Sabiex jiġi żgurat li tinkiseb il-probabbiltà, il-mortalità mis-sajd tal-istokk fil-mira jista’ jkollha titnaqqas kif xieraq jew is-sajd fil-mira jaf ikollu jiġi sospiż.
Għall-istokkijiet fil-mira limitati għad-data, il-parir xjentifiku tal-ICES jipprovdi gwida kwantitattiva dwar il-qabdiet u dan intuża biex jiġi stabbilit il-livell tat-TACs proposti.
L-opportunitajiet tas-sajd għall-istokkijiet ta’ qabdiet aċċessorji fil-Baħar tat-Tramuntana u fl-Ilmijiet tal-Punent iridu jiġu stabbiliti wkoll abbażi tal-MAPs rilevanti. It-TACs għall-istokkijiet ta’ qabdiet aċċessorji huma proposti abbażi tal-parir dwar l-MSY, meta disponibbli. Meta jiġu stabbiliti l-opportunitajiet tas-sajd għall-istokkijiet ta’ qabdiet aċċessorji, għandhom jitqiesu wkoll kunsiderazzjonijiet tas-sajd imħallat skont l-Artikolu 5(3) tal-MAPs tal-Baħar tat-Tramuntana u tal-Ilmijiet tal-Punent u l-Artikolu 16(4) tar-Regolament Bażiku, flimkien mal-Artikolu 2(1) u (5), il-punti (c) u (f), ta’ dak ir-Regolament.
Għall-istokkijiet ta’ qabdiet aċċessorji limitati għad-data, it-TACs huma proposti abbażi tal-gwida kwantitattiva dwar il-qabdiet ipprovduta fil-parir xjentifiku tal-ICES.
•Valutazzjoni tal-impatt
Il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament dwar l-opportunitajiet tas-sajd huwa stabbilit bl-Artikolu 43(3) tat-TFUE.
Din il-proposta tfittex li tevita approċċi għal żmien qasir favur is-sostenibbiltà fit-tul. Din tqis l-inizjattivi mill-partijiet ikkonċernati u mill-kunsilli konsultattivi jekk ikunu ġew rieżaminati b’mod pożittiv mill-ICES. Il-proposta ta’ riforma tal-PKS tal-Kummissjoni kienet ibbażata fuq valutazzjoni tal-impatt (SEC(2011) 891) li qieset li filwaqt li l-ilħuq tal-objettiv tal-MSY kienet kundizzjoni meħtieġa għas-sostenibbiltà ambjentali, ekonomika u soċjali, dawk it-tliet objettivi ma jistgħux jintlaħqu waħedhom.
Fir-rigward tal-opportunitajiet tas-sajd għall-istokkijiet tal-RFMOs u għall-istokkijiet li huma ġestiti b’mod konġunt ma’ pajjiżi mhux tal-UE, essenzjalment din il-proposta timplimenta miżuri miftiehma fil-livell internazzjonali. Kwalunkwe aspett rilevanti għall-valutazzjoni tal-impatti possibbli tal-opportunitajiet tas-sajd jiġi ttrattat fit-tħejjija u fit-twettiq ta’ negozjati internazzjonali li fihom jiġu miftiehma l-opportunitajiet tas-sajd tal-UE ma’ pajjiżi mhux tal-UE.
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
Mhux applikabbli.
•Drittijiet fundamentali
Il-proposta tikkonforma mad-drittijiet fundamentali u b’mod partikolari dawk rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni baġitarja.
5.ELEMENTI OĦRAJN
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
Il-monitoraġġ u l-konformità se jiġu żgurati f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009.
2024/0285 (NLE)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-KUNSILL
li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2025 u l-2026 għal ċerti stokkijiet ta’ ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, f’ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Kunsill se jadotta miżuri dwar l-iffissar u l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd, inklużi ċerti kundizzjonijiet li jkunu marbuta b’mod funzjonali ma’ dawk l-opportunitajiet tas-sajd, kif xieraq. Skont l-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ir-“Regolament Bażiku”), l-opportunitajiet tas-sajd iridu jiġu stabbiliti f’konformità mal-objettivi tal-politika komuni tas-sajd (PKS), kif stabbilit fl-Artikolu 2(2) ta’ dan ir-Regolament. F’konformità mal-Artikolu 16(1) tar-Regolament Bażiku, l-opportunitajiet tas-sajd iridu jiġu allokati fost l-Istati Membri biex tiġi żgurata l-istabbiltà relattiva tal-attivitajiet tas-sajd ta’ kull Stat Membru għal kull stokk ta’ ħut jew sajd.
(2)Għalhekk, il-qabdiet totali permissibbli (TACs, total allowable catches) jenħtieġ li jiġu stabbiliti, f’konformità mal-Artikolu 3 tar-Regolament Bażiku, abbażi tal-parir xjentifiku disponibbli, filwaqt li jitqiesu l-aspetti bijoloġiċi u soċjoekonomiċi, u jiġi żgurat trattament ġust bejn is-setturi tas-sajd, u filwaqt li jitqiesu l-opinjonijiet espressi matul il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati.
(3)Skont l-Artikolu 15 tar-Regolament Bażiku, mill-1 ta’ Jannar 2019 l-istokkijiet kollha li għalihom hemm limiti ta’ qbid, ġew soġġetti għall-obbligu ta’ ħatt l-art, għalkemm japplikaw ċerti eżenzjonijiet. Abbażi tar-rakkomandazzjonijiet konġunti mill-Istati Membri u skont l-Artikolu 15 tar-Regolament Bażiku, il-Kummissjoni adottat atti delegati li jistabbilixxu d-dettalji għall-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art għal ċertu sajd.
(4)L-opportunitajiet tas-sajd għall-istokkijiet koperti mill-obbligu ta’ ħatt l-art jenħtieġ li jqisu l-fatt li l-iskartar fil-prinċipju ma għadux permess. Għalhekk, dawn jenħtieġ li jkunu bbażati fuq iċ-ċifra ssuġġerita għall-qabdiet totali kif stipulat mill-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES, International Council for the Exploration of the Sea). Il-kwantitajiet li b’eżenzjoni mill-obbligu ta’ ħatt l-art jistgħu jibqgħu jiġu skartati jenħtieġ li jitnaqqsu minn dik iċ-ċifra ssuġġerita għall-qabdiet totali. Barra minn hekk, l-opportunitajiet tas-sajd għal stokkijiet li għalihom l-ICES jipprovdi biss parir dwar il-ħatt l-art, jenħtieġ li jiġu stabbiliti abbażi ta’ dak il-parir.
(5)Ir-Regolament (UE) 2018/973 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill stabbilixxa pjan pluriennali (“MAP”, multiannual plan) għall-Baħar tat-Tramuntana (“l-MAP tal-Baħar tat-Tramuntana”) u r-Regolament (UE) 2019/472 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill stabbilixxa MAP għall-Ilmijiet tal-Punent (“l-MAP tal-Ilmijiet tal-Punent”). L-MAPs tal-Baħar tat-Tramuntana u tal-Ilmijiet tal-Punent jistabbilixxu miri u miżuri għall-ġestjoni fit-tul tal-istokkijiet koperti minn dawn l-MAPs. L-opportunitajiet tas-sajd għall-istokkijiet elenkati fl-Artikolu 1(1) ta’ dawk ir-Regolamenti (“stokkijiet fil-mira”) jenħtieġ li jiġu stabbiliti f’konformità mal-firxa ta’ valuri tal-mortalità mis-sajd li jirriżultaw f’rendiment massimu sostenibbli (MSY) (“meded tal-FMSY”), jew f’livell aktar baxx, u f’konformità mas-salvagwardji previsti f’dawk ir-Regolamenti. Il-meded tal-FMSY ġew stabbiliti fil-parir rilevanti tal-ICES. Meta ma tkun disponibbli l-ebda informazzjoni xjentifika xierqa, l-opportunitajiet tas-sajd għall-istokkijiet fil-mira jew għall-istokkijiet imsemmija fl-Artikolu 1(4) ta’ dawk ir-Regolamenti (“stokkijiet tal-qabdiet aċċessorji”) jenħtieġ li jiġu stabbiliti f’konformità mal-approċċ prekawzjonarju, kif stabbilit f’dawk ir-Regolamenti.
(6)Skont l-Artikolu 4(6) tal-MAP tal-Baħar tat-Tramuntana u l-Artikolu 4(7) tal-MAP tal-Ilmijiet tal-Punent, jenħtieġ li jiġu stabbiliti opportunitajiet tas-sajd għall-istokkijiet fil-mira biex jiġi żgurat li jkun hemm probabbiltà ta’ inqas minn 5 % li l-bijomassa taqa’ taħt il-punt ta’ referenza tal-limitu tal-bijomassa (Blim).
(7)F’konformità mal-Artikolu 7 tal-MAP tal-Baħar tat-Tramuntana u mal-Artikolu 8 tal-MAP tal-Ilmijiet tal-Punent, meta l-parir xjentifiku jindika li l-bijomassa tal-istokk riproduttiv ta’ kwalunkwe wieħed mill-istokkijiet fil-mira hija: (i) taħt l-MSY Btrigger, għandhom jiġu adottati miżuri ta’ rimedju, b’mod partikolari l-opportunitajiet tas-sajd jenħtieġ li jiġu stabbiliti f’livell li jikkorrispondi għall-mortalità mis-sajd li titnaqqas proporzjonalment biex jitqies it-tnaqqis fil-bijomassa; u (ii) taħt il-Blim, għandhom jittieħdu aktar miżuri ta’ rimedju biex jiġi żgurat ir-ritorn rapidu ta’ dak l-istokk għal livelli ogħla minn dawk li kapaċi jipproduċu l-MSY. B’mod partikolari, dawk il-miżuri ta’ rimedju jistgħu jinkludu s-sospensjoni tas-sajd fil-mira għall-istokk inkwistjoni u t-tnaqqis adegwat tal-opportunitajiet tas-sajd għal dawk l-istokkijiet jew stokkijiet oħrajn fis-sajd.
(8)Hemm ċerti stokkijiet li għalihom l-ICES jagħti l-parir li ma jsir l-ebda qbid jew isir ammont baxx ta’ qbid, jew l-ICES jipprevedi li probabbiltà ta’ inqas minn 5 % tal-bijomassa li taqa’ taħt il-Blim tista’: (i) tinkiseb biss b’qabdiet baxxi; (ii) tinkiseb biss b’qabdiet żero; jew (iii) ma tkunx tista’ tinkiseb b’qabdiet żero. Madankollu, jekk it-TACs għal dawk l-istokkijiet jiġu stabbiliti fil-livelli rrakkomandati mill-ICES, l-obbligu li jinħattu l-art il-qabdiet kollha, inklużi l-qabdiet aċċessorji minn dawk l-istokkijiet fis-sajd imħallat, iwassal għall-fenomenu ta’ “speċijiet bi kwota limitanti”. “Speċijiet bi kwota limitanti” huma speċijiet b’nuqqas ta’ kwota li tista’ twassal biex bastiment tas-sajd wieħed jew diversi bastiment tas-sajd jieqfu jistadu anke jekk xorta jkollhom kwota għal speċijiet oħrajn. Skont l-Artikolu 5(3) tal-MAPs tal-Baħar tat-Tramuntana u tal-Ilmijiet tal-Punent u l-Artikolu 16(4) tar-Regolament Bażiku, flimkien mal-Artikolu 2(1) u (5), il-punti (c) u (f), ta’ dak ir-Regolament u sabiex jintlaħaq bilanċ bejn iż-żamma tas-sajd, fid-dawl tal-implikazzjonijiet soċjoekonomiċi potenzjalment severi ta’ dan in-nuqqas , u l-ħtieġa li jinkiseb status bijoloġiku tajjeb għal dawk l-istokkijiet, filwaqt li titqies id-diffikultà li jiġu mistada l-istokkijiet kollha f’sajd imħallat f’MSY, jixraq li jiġu stabbiliti TACs speċifiċi għall-qabdiet aċċessorji għal dawk l-istokkijiet. Dawk it-TACs għal qabdiet aċċessorji jenħtieġ li jiġu stabbiliti f’livelli li jiżguraw li l-mortalità għal dawk l-istokkijiet titnaqqas u/jew li l-bijomassa tagħhom tibqa’ stabbli u li jipprovdu inċentivi biex tittejjeb is-selettività u biex jiġu evitati l-qabdiet aċċessorji ta’ dawk l-istokkijiet. Sabiex jitnaqqsu l-qabdiet tal-istokkijiet li għalihom jiġu stabbiliti t-TACs tal-qabdiet aċċessorji, l-opportunitajiet tas-sajd għall-attivitajiet tas-sajd li fihom jinqabad il-ħut minn dawn l-istokkijiet jenħtieġ li jiġu stabbiliti f’livelli li jgħinu biex il-bijomassa tal-istokkijiet vulnerabbli tirkupra għal livelli sostenibbli.
(9)Sabiex sa kemm possibbli jiġi ggarantit l-użu tal-opportunitajiet tas-sajd f’sajd imħallat f’konformità mal-Artikolu 16(2) tar-Regolament Bażiku, jixraq li tiġi stabbilita riżerva komuni għall-iskambji ta’ kwoti għall-Istati Membri li ma għandhomx kwota biex ikopru l-qabdiet aċċessorji inevitabbli tagħhom.
(10)F’konformità mal-Artikoli 2(2) u 16(4) tar-Regolament Bażiku, għall-istokkijiet li mhumiex koperti mill-MAP tal-Baħar tat-Tramuntana jew mill-MAP tal-Ilmijiet tal-Punent, meta tkun disponibbli informazzjoni xjentifika adegwata, l-opportunitajiet tas-sajd jenħtieġ li jiġu stabbiliti f’konformità mal-mortalità mis-sajd tal-MSY u meta din l-informazzjoni ma tkunx disponibbli, jenħtieġ li l-opportunitajiet tas-sajd jiġu stabbiliti f’konformità mal-approċċ prekawzjonarju għall-ġestjoni tas-sajd, kif definit fl-Artikolu 4(1), il-punt (8) tar-Regolament Bażiku.
(11)Għal ċerti stokkijiet, il-parir tal-ICES jibqa’ validu għal diversi snin, u dak il-parir jibqa’ l-aħjar parir xjentifiku disponibbli għall-perjodu kollu tal-għoti tal-pariri. F’dawk il-każijiet, jenħtieġ li jiġu stabbiliti TACs annwali li jkopru l-perjodu kollu tal-għoti tal-pariri (“TAC pluriennali”). Madankollu, jekk parir ġdid tal-ICES ikun disponibbli matul dak il-perjodu, jenħtieġ li jiġi żgurat li t-TAC pluriennali tibqa’ konsistenti mal-parir il-ġdid. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġi żgurat li t-tnaqqis annwali miċ-ċifra suġġerita għall-qabdiet totali biex jitqiesu l-eżenzjonijiet mill-obbligu ta’ ħatt l-art jibqa’ konsistenti mad-data disponibbli.
(12)Skont il-parir tal-ICES għall-2025, il-bijomassa tal-ispnotta (Dicentrarchus labrax) fid-diviżjonijiet 8a u 8b tal-ICES hija mbassra li tonqos ulterjorment fl-2024 u li tibqa’ taħt l-MSY Btrigger iżda ogħla mill-Blim. Għalhekk, f’konformità mal-Artikolu 8(1) tal-MAP tal-Ilmijiet tal-Punent, Franza u Spanja għandhom jiżguraw b’mod konġunt li meta jiddeterminaw il-kwoti tagħhom għas-sajd kummerċjali għal dak l-istokk, is-somma tal-ħatt kummerċjali, tal-iskartar kummerċjali, tal-ħatt rikreattiv u tal-iskartar rikreattiv tkun taħt il-valur tal-punt tal-FMSY għat-tneħħija totali, kif imnaqqas proporzjonalment biex jitqies it-tnaqqis fil-bijomassa. Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ timmonitorja l-applikazzjoni korretta tal-objettivi u tar-regoli stabbiliti fir-Regolament Bażiku u fl-MAP tal-Ilmijiet tal-Punent, l-Istati Membri jenħtieġ li jissottomettu lill-Kummissjoni informazzjoni dwar dawk il-kwoti.
(13)Jenħtieġ li jinżammu miżuri addizzjonali għas-sajd rikreattiv għall-ispnotta fid-diviżjonijiet 8a u 8b tal-ICES, fid-dawl tal-impatt sinifikanti tas-sajd rikreattiv fuq il-bijomassa ta’ dak l-istokk u filwaqt li titqies il-bijomassa mnaqqsa.
(14)Hemm ċerti stokkijiet li għalihom l-ICES jagħti pariri dwar qabdiet ogħla minn livell baxx. Madankollu, jekk it-TACs għal dawk l-istokkijiet jiġu stabbiliti f’dawk il-livelli, l-obbligu li jinħattu l-art il-qabdiet kollha, inklużi l-qabdiet aċċessorji minn dawk l-istokkijiet fis-sajd imħallat, iwassal għall-fenomenu ta’ “speċijiet bi kwota limitanti” u l-għeluq qabel iż-żmien ta’ ċertu sajd. Skont l-Artikolu 5(3) tal-MAPS tal-Baħar tat-Tramuntana u tal-Ilmijiet tal-Punent u l-Artikolu 16(4) tar-Regolament Bażiku, flimkien mal-Artikolu 2(1) u (5), il-punti (c) u (f) ta’ dak ir-Regolament u sabiex jintlaħaq bilanċ bejn iż-żamma tas-sajd, fid-dawl tal-implikazzjonijiet soċjoekonomiċi potenzjalment severi tan-nuqqas ta’ dan, u l-ħtieġa li jinkiseb status tajjeb għal dawk l-istokkijiet, filwaqt li titqies id-diffikultà li jinqabdu l-istokkijiet kollha f’sajf imħallat f’MSY, jixraq li jiġu stabbiliti TACs speċifiċi għall-qabdiet aċċessorji għal dawk l-istokkijiet. Dawk it-TACs ta’ qabdiet aċċessorji jenħtieġ li jiġu stabbiliti abbażi ta’ evidenza li turi li l-istabbiliment tat-TACs fil-livell irrakkomandat mill-ICES iwassal kemm għall-għeluq qabel iż-żmien ta’ sajd wieħed jew aktar kif ukoll għal impatt soċjoekonomiku potenzjalment sever. Barra minn hekk, jenħtieġ li dawk it-TACs ta’ qabdiet aċċessorji jiġu stabbiliti f’livelli li: (i) inaqqsu l-fenomenu ta’ “speċijiet bi kwota limitanti” u l-għeluq qabel iż-żmien ta’ ċertu sajd; (ii) inaqqsu l-impatti soċjoekonomiċi assoċjati; (iii) inaqqsu l-mortalità mis-sajd għal dawk l-istokkijiet u / jew jiżguraw li l-bijomassa tagħhom tibqa’ stabbli; u (iv) jipprovdu inċentivi biex tittejjeb is-selettività u jiġu evitati qabdiet aċċessorji ta’ dawk l-istokkijiet.
(15)[Skont il-parir xjentifiku, il-qabdiet rikreattivi tal-pollakkju fis-subżoni 8, 9, 10 tal-ICES u fl-ilmijiet tal-Unjoni tas-CECAF 34.1.1 mhumiex negliġibbli. Għalhekk, jixraqq li jinżammu l-limiti għas-sajd rikreattiv tiegħu f’dawk iż-żoni. Sabiex jiġu protetti ż-żoni ta’ riproduzzjoni u jiġu limitati l-qabdiet ta’ ħut li għadu qiegħed jikber, mill-1 ta’ Jannar sat-30 ta’ April ma jista’ jinqabad u jinżamm l-ebda eżemplari ta’ pollakkju fis-sajd rikreattiv, filwaqt li l-massimu ta’ żewġ eżemplari jista’ jkun permess għall-bqija tas-sena.]
(16)[Il-premessa u d-dispożizzjonijiet rilevanti se jiġu aġġornati wara l-pubblikazzjoni mill-ICES tal-parir xjentifiku tiegħu għas-sallura għall-2025.] [F’Mejju 2022, l-ICES innota li minkejja l-isforzi tal-Istati Membri biex tiġi rkuprata s-sallura (Anguilla anguilla), ma sar l-ebda progress ġenerali fl-ilħuq tal-objettiv ta’ ħrib tal-bijomassa tas-sallura tal-fidda ta’ 40 % madwar l-Unjoni, kif meħtieġ mill-Artikolu 2(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1100/2007, u li ma ġiet osservata l-ebda xejra ċara għall-mortalità. F’Novembru 2023, l-ICES ta parir għal darb’oħra li meta jiġi applikat l-approċċ prekawzjonarju, jenħtieġ li jkun hemm qabdiet żero tas-sallura fil-ħabitats kollha u fl-istadji kollha tal-ħajja, tul il-medda naturali tagħha, li tinkludi l-Atlantiku tal-Grigal u l-Mediterran. Dan jikkonċerna kemm il-qabdiet rikreattivi kif ukoll dawk kummerċjali u jinkludi l-qabdiet ta’ frieħ tas-sallura għar-ristokkjar u għall-akkwakultura.]
(17)[Il-premessa u d-dispożizzjonijiet rilevanti se jiġu aġġornati wara l-pubblikazzjoni mill-ICES tal-parir xjentifiku tiegħu għas-sallura għall-2025.] [Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/194 estenda għal 6 xhur il-perjodu ta’ għeluq għal kwalunkwe attività tas-sajd tas-sallura kummerċjali fl-ilmijiet tal-baħar u salmastri tal-Unjoni tal-Atlantiku tal-Grigal. Dan ipprojbixxa wkoll is-sajd rikreattiv kollu tas-sallura f’dawk l-ilmijiet. Tqies li perjodu ta’ għeluq ta’ 6 xhur jipproteġi aħjar l-istokk mill-miżuri tal-Unjoni u dawk nazzjonali implimentati sal-2022. Tqies ukoll li l-perjodu ta’ għeluq estiż jgħin biex ikompli jintlaħaq l-objettiv ta’ ħrib ta’ mill-inqas 40 % tas-sallura tal-fidda stabbilit fl-Artikolu 2(4) tar-Regolament (KE) Nru 1100/2007. Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/257 żamm dawk il-miżuri filwaqt li ċċara l-kriterji għall-istabbiliment tal-perjodu ta’ għeluq u d-deroga possibbli għas-sajd tas-sallura limitat kontinwu matul il-perjodu ta’ migrazzjoni tas-sallura. Minħabba l-istat kritiku kontinwu tas-sallura, jixraq li dawk il-miżuri jinżammu fl-2024.]
(18)[Il-premessa u d-dispożizzjonijiet rilevanti se jiġu aġġornati wara l-pubblikazzjoni mill-ICES tal-parir xjentifiku tiegħu dwar is-sallura għall-2025.] [Skont ir-Regolament (KE) Nru 1100/2007, ir-ripopolazzjoni tal-ferħ tas-sallura hija miżura ta’ konservazzjoni magħżula minn ċerti Stati Membri fil-pjanijiet ta’ ġestjoni tas-sallura tagħhom. Sabiex dawk l-Istati Membri jkunu jistgħu jkomplu jimplimentaw dik il-miżura, jistgħu jkunu meħtieġa qabdiet tal-ferħ tas-sallura fl-ilmijiet tal-baħar u salmastri tal-Unjoni tal-Atlantiku tal-Grigal fiż-żmien xieraq tas-sena u possibbilment matul il-perjodu jew il-perjodi ta’ migrazzjoni ewlenin tagħhom. Għalhekk, l-Istati Membri jistgħu jħallu li jitkompla s-sajd għall-frieħ tas-sallura, esklużivament għar-ripopolazzjoni, għal 50 jum addizzjonali matul il-perjodu jew il-perjodi ta’ migrazzjoni ewlenin tal-ferħ tas-sallura.]
(19)Fil-parir tiegħu għal ċerti stokkijiet ta’ elażmobranki (rebekkini, klieb il-baħar, raj), l-ICES jirrakkomanda qabdiet żero, minħabba l-istat ta’ konservazzjoni batut tagħhom jew saħansitra fejn attività tas-sajd limitata tista’ twassal għal riskju serju għall-konservazzjoni. Barra minn hekk, elażmobranki bħal dawn għandhom rati ta’ sopravivenza għoljin meta jiġu skartati. Konsegwentement, il-qabdiet ta’ dawk l-istokkijiet jenħtieġ li jiġu skartati aktar milli jinħattu l-art, peress li l-iskartar ma jitqiesx li jżid b’mod sinifikanti l-mortalità mis-sajd tagħhom u saħansitra jappoġġa l-konservazzjoni ta’ dawk l-istokkijiet. Għalhekk, is-sajd ta’ speċijiet bħal dawn jenħtieġ li jiġi pprojbit, peress li skont l-Artikolu 15(4), il-punt (a) tar-Regolament Bażiku, l-obbligu ta’ ħatt l-art ma japplikax għal speċijiet li għalihom is-sajd huwa pprojbit. Meta jinqabdu b’mod aċċidentali, jenħtieġ li dawk l-ispeċijiet ma ssirilhomx ħsara u jenħtieġ li jinħelsu minnufih.
(20)Sabiex jiġi mmassimizzat l-użu tal-opportunitajiet tas-sajd, jixraq li titħalla l-implimentazzjoni ta’ arranġament flessibbli bejn ċerti żoni tat-TAC fejn l-istess stokk bijoloġiku huwa kkonċernat.
(21)L-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 847/96 jipprevedu flessibbiltà minn sena għal sena għall-kwoti għall-istokkijiet soġġetti kemm għal TACs prekawzjonarji kif ukoll għal dawk analitiċi. Skont l-Artikolu 2 ta’ dak ir-Regolament, meta jiġu stabbiliti t-TACs, il-Kunsill għandu jiddeċiedi liema huma l-istokkijiet li għalihom ma għandhomx japplikaw l-Artikoli 3 u 4 ta’ dak ir-Regolament, b’mod partikolari abbażi tal-istatus bijoloġiku tagħhom. Barra minn hekk, l-Artikolu 15(9) tar-Regolament Bażiku jipprevedi flessibbiltà ulterjuri minn sena għal sena għall-istokkijiet kollha soġġetti għall-obbligu ta’ ħatt l-art. Sabiex tiġi evitata flessibbiltà eċċessiva li timmina l-ilħuq tal-objettivi tal-PKS, jenħtieġ li l-flessibbiltà minn sena għal sena għall-kwoti skont l-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 u l-Artikolu 15(9) tar-Regolament Bażiku ma tapplikax b’mod kumulattiv. Fl-aħħar nett, il-flessibbiltà minn sena għal sena skont l-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jenħtieġ li, meta rilevanti, tiġi eskluża abbażi tal-istatus bijoloġiku tal-istokkijiet.
(22)Meta TAC tiġi allokata lil Stat Membru wieħed biss, jixraq li dak l-Istat Membru jingħata s-setgħa li jistabbilixxi dik it-TAC, f’konformità mal-Artikolu 2(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Setgħa bħal din xierqa dment li meta jiġi ddeterminat il-livell tat-TAC, l-Istat Membru jikkonforma mal-objettivi u mar-regoli stabbiliti fir-Regolament Bażiku u fl-MAPs tal-Baħar tat-Tramuntana u tal-Ilmijiet tal-Punent. Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ timmonitorja l-applikazzjoni korretta tal-objettivi u tar-regoli stabbiliti fir-Regolament Bażiku u fl-MAPs tal-Baħar tat-Tramuntana u tal-Ilmijiet tal-Punent, l-Istati Membri jenħtieġ li jissottomettu lill-Kummissjoni informazzjoni dwar dawk it-TACs. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ titlob lill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF, Scientific, Technical and Economic Committee for Fisheries) jivvaluta dawk it-TACs, u f’każ li l-STECF jivvaluta li dawk it-TACs ma jikkonformawx mal-objettivi u mar-regoli stabbiliti fir-Regolament Bażiku u fl-MAPs tal-Baħar tat-Tramuntana u tal-Ilmijiet tal-Punent, jenħtieġ li l-Istati Membri jirrevedu t-TACs f’konformità mal-parir tal-STECF.
(23)Jeħtieġ li jiġu stabbiliti l-limitazzjonijiet tal-isforz tas-sajd għal-lingwata fil-Kanal tal-Punent (id-diviżjoni 7e tal-ICES) f’konformità mal-Artikolu 12 tal-MAP tal-Ilmijiet tal-Punent.
(24)Jeħtieġ li jiġu stabbiliti l-limiti massimi tal-isforz tas-sajd għall-2025 f’konformità mal-Artikoli 6, 11, 13 u 16 tar-Regolament (UE) 2023/2053 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(25)L-użu tal-opportunitajiet tas-sajd li l-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom stabbiliti f’dan ir-Regolament huwa soġġett għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009, u b’mod partikolari l-Artikoli 33 u 34 ta’ dak ir-Regolament, dwar ir-reġistrazzjoni tal-qabdiet u tal-isforz tas-sajd u n-notifika tad-data dwar l-eżawriment tal-opportunitajiet tas-sajd. Għalhekk, jeħtieġ li jiġu speċifikati l-kodiċijiet li l-Istati Membri għandhom jużaw meta jibagħtu d-data lill-Kummissjoni dwar il-ħatt l-art tal-istokkijiet soġġetti għal dan ir-Regolament.
(26)[Il-premessa u d-dispożizzjonijiet rilevanti se jiġu aġġornati wara l-laqgħa annwali tal-NEAFC.] [Fil-laqgħa annwali tagħha tal-2023, il-Kummissjoni tas-Sajd tal-Atlantiku tal-Grigal (NEAFC) ikkonfermat għall-2024 il-miżuri ta’ konservazzjoni għaż-żewġ stokkijiet tas-sebasti (Sebastes mentella) (pelaġiku tal-baxx u pelaġiku tal-fond) fil-Baħar Irminger u fl-ilmijiet tal-madwar, li bihom tipprojbixxi sajd dirett għal dawk l-istokkijiet u pprojbiet ir-riforniment u kwalunkwe attività ta’ sostenn. Barra minn hekk, sabiex jitnaqqsu l-qabdiet aċċessorji, l-NEAFC ipprojbiet l-attivitajiet tas-sajd fiż-żona fejn jinġemgħu s-sebasti. Dawk il-miżuri jenħtieġ li jiġu implimentati fid-dritt tal-Unjoni.]
(27)[Il-premessa u d-dispożizzjonijiet rilevanti se jiġu aġġornati wara l-laqgħa annwali tal-NEAFC.] [Il-kavalli (Scomber scombrus), l-istokkafixx (Micromesistius poutassou) u l-aringa Atlantu‑Skandjana (Clupea harengus) fl-Atlantiku tal-Grigal huma soġġetti għal konsultazzjonijiet mal-Istati kostali dwar il-ġestjoni tas-sajd għal dawk l-istokkijiet, u huma stokkijiet ġestiti wkoll mill-NEAFC. L-Unjoni ħadet sehem f’dawk il-konsultazzjonijiet abbażi tal-pożizzjonijiet approvati mill-Kunsill fil-5 ta’ Ottubru 2023. L-eżitu ta’ dawk il-konsultazzjonijiet ġie ddokumentat f’Rekords Maqbula għall-aringa Atlantu-Skandjana fl-Atlantiku tal-Grigal għall-2024 iffirmati fit-13 ta’ Ottubru 2023; għall-istokkafixx fl-Atlantiku tal-Grigal għall-2024 iffirmati fit-18 ta’ Ottubru 2023; u għall-kavalli fl-Atlantiku tal-Grigal għall-2024 iffirmati wkoll fit-18 ta’ Ottubru 2023. Fit-42 laqgħa annwali tagħha fl-2023, l-NEAFC adottat rakkomandazzjonijiet dwar miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni għall-aringi u għall-kavalli Atlantu‑Skandjani għall-2024. L-NEAFC ma adottatx rakkomandazzjoni dwar miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni għall-istokkafixx għall-2024. Għalhekk jixraq li t-TACs għall-aringi Atlantu-Skandjani u l-kavalli fl-Atlantiku tal-Grigal jiġu stabbiliti fil-livell tal-opportunitajiet tas-sajd maqbula fir-Rekords Maqbula tal-Istati kostali rispettivi u r-rakkomandazzjonijiet tal-NEAFC. Jixraq ukoll li t-TAC għall-istokkafixx fl-Atlantiku tal-Grigal tiġi stabbilita fil-livell tal-opportunitajiet tas-sajd stabbiliti fir-Rekords Maqbula tal-Istati kostali għall-istokkafixx u f’konformità mal-pożizzjoni tal-Unjoni espressa fl-NEAFC.]
(28)[Il-premessa u d-dispożizzjonijiet rilevanti se jiġu aġġornati wara l-laqgħa annwali tal-ICCAT.] [Fil-laqgħa annwali tagħha tal-2023, il-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT, International Commission for the Conservation of Atlantic Tunas) qablet li għall-2024 iżżomm it-TACs stabbiliti għall-2023 għat-tonna tal-Lvant tal-Atlantiku (Thunnus thynnus), għall-alonga tal-Mediterran u l-Alonga tan-Nofsinhar (Thunnus alalunga), il-pixxispad tal-Mediterran, u tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-Atlantiku (Xiphias gladius), għall-marlin blu (Makaira nigricans), għall-marlin abjad (Tetrapturus albidus), għat-tonna safra (Thunnus albacares), għat-tonn obeż (Thunnus obesus), kif ukoll l-allokazzjoni għaż-żamma għall-pixxitondu tan-Nofsinhar tal-Atlantiku (Isurus oxyrinchus). L-ICCAT stabbiliet ukoll għall-2024 it-TACs ta’ 47 251 tunnellata għall-alonga tal-Atlantiku tat-Tramuntana , u 30 000 u 27 711-il tunnellata għall-ħuta kaħla tal-Atlantiku tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar (Prionace glauca), rispettivament. Dawk il-miżuri jenħtieġ li jiġu implimentati fid-dritt tal-Unjoni.]
(29)[Il-premessa u d-dispożizzjonijiet rilevanti se jiġu aġġornati wara l-laqgħa annwali tas-CAMLR.] [Fil-laqgħa annwali tagħha tal-2023, il-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar Antartiku (CAMLR, Conservation of Antarctic Marine Living Resources) adottat limiti ta’ qbid għall-ispeċijiet fil-mira u għal dawk aċċessorji għall-perjodu mill-1 ta’ Diċembru 2023 sat-30 ta’ Novembru 2024. Dawk il-miżuri jenħtieġ li jiġu implimentati fid-dritt tal-Unjoni.]
(30)Fil-laqgħa annwali tagħha tal-2024, il-Kummissjoni dwar it-Tonn tal-Oċean Indjan (IOTC, Indian Ocean Tuna Commission) żammet il-miżuri adottati għat-tonna safra u għat-tonn obeż fiż-Żona ta’ Kompetenza tal-IOTC għall-2025: (i) il-limitu tal-qbid; (ii) il-limitazzjoni tal-kapaċità tas-sajd; u (iii) il-limitazzjoni tal-irkaptu biex jinġema’ l-ħut (FADs, fish aggregating device) u tal-bastimenti tal-forniment. Jenħtieġ li dawk il-miżuri jiġu implimentati fid-dritt tal-Unjoni.
(31)Il-laqgħa annwali tal-Organizzazzjoni Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd fin-Nofsinhar tal-Paċifiku (SPRFMO, South Pacific Regional Fisheries Management Organisation) hija ppjanata li ssir mis-17 sal-21 ta’ Frar 2025. Konsegwentement, il-miżuri kurrenti fiż-żona tal-Konvenzjoni SPRFMO li huma marbuta b’mod funzjonali mat-TACs jenħtieġ li jinżammu temporanjament sakemm issir il-laqgħa annwali u jiġu stabbiliti t-TACs għall-2025.
(32)[Il-premessa u d-dispożizzjonijiet rilevanti se jiġu aġġornati wara l-laqgħa annwali tal-IATTC.] [Fil-laqgħa annwali tagħha tal-2023, il-Kummissjoni Inter-Amerikana għat-Tonn Tropikali (IATTC, Inter-American Tropical Tuna Commission) iddeċidiet li żżomm il-miżuri kurrenti applikabbli fiż-żona tal-Konvenzjoni IATTC. Dawk il-miżuri jenħtieġ li jiġu implimentati fid-dritt tal-Unjoni.]
(33)[Il-premessa u d-dispożizzjonijiet rilevanti se jiġu aġġornati wara l-laqgħa annwali tas-CCSBT.] [Fil-laqgħa annwali tagħha tal-2023, il-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tat-Tonna tan-Nofsinhar (CCSBT, Commission for the Conservation of Southern Bluefin Tuna) adottat it-TAC għat-tonna tan-Nofsinhar (Thunnus maccoyii) għal perjodu ta’ 3 snin mill-2024 sal-2026. Dik il-miżura jenħtieġ li tiġi implimentata fid-dritt tal-Unjoni.]
(34)[Il-premessa u d-dispożizzjonijiet rilevanti se jiġu aġġornati wara l-laqgħa annwali tal-SEAFO.] [Fil-laqgħa annwali tagħha tal-2023, l-Organizzazzjoni tas-Sajd tal-Atlantiku tax-Xlokk (SEAFO, South-East Atlantic Fisheries Organisation) iddeċidiet li għall-2024 iżżomm it-TACs fiż-żona tal-Konvenzjoni SEAFO stabbiliti għall-2023.]
(35)[Il-premessa u d-dispożizzjonijiet rilevanti se jiġu aġġornati wara l-laqgħa annwali tal-WCPFC.] [Il-laqgħa annwali tal-2023 tal-Kummissjoni għas-Sajd fil-Punent tal-Paċifiku u l-Paċifiku Ċentrali (WCPFC, Western and Central Pacific Fisheries Commission) saret mill-4 sat-8 ta’ Diċembru 2023. Sakemm l-eżitu ta’ dik il-laqgħa jsir disponibbli, il-miżuri kurrenti fiż-żona tal-Konvenzjoni WCPFC li huma funzjonalment marbuta mat-TACs u mal-għadd massimu ta’ bastimenti tas-sajd jenħtieġ li jinżammu provviżorjament sakemm dawk il-miżuri għall-2024 ikunu disponibbli.]
(36)[Il-premessa u d-dispożizzjonijiet rilevanti se jiġu aġġornati wara l-laqgħa annwali tan-NAFO.] [Fil-45 laqgħa annwali tagħha fl-2023, l-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral (NAFO, Northwest Atlantic Fisheries Organisation) adottat opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet fiż-żona tal-Konvenzjoni NAFO għall-2024. Hija adottat ukoll ċerti miżuri għall-2024 li huma funzjonalment marbuta mal-opportunitajiet tas-sajd tal-klamar tal-pinen qosra (Illex illecebrosus) fis-subżoni 3 u 4 tan-NAFO u tal-barbun denbu isfar (Limanda ferruginea) fid-diviżjonijiet 3LNO tan-NAFO, bl-għan li jiġu mminimizzati l-livelli ta’ qabdiet aċċessorji ta’ speċijiet mhux fil-mira u li mingħajrhom, l-opportunitajiet tas-sajd għal dawk l-istokkijiet ikollhom jitnaqqsu biex jiġu protetti l-ispeċijiet mhux fil-mira. Dawk il-miżuri jenħtieġ li jiġu implimentati fid-dritt tal-Unjoni.]
(37)Fil-laqgħa annwali tagħha tal-2024, il-Ftehim dwar is-Sajd fin-Nofsinhar tal-Oċean Indjan (SIOFA, Southern Indian Ocean Fisheries Agreement) irreveda l-opportunitajiet tas-sajd għall-pixxisinna (Dissostichus spp.) fiż-żona Del Cano. Għalkemm l-SIOFA ma adottax ir-rakkomandazzjoni tal-Kumitat Xjentifiku biex tiġi stabbilita żona ta’ ġestjoni ġdida għall-pixxisinna fiż-żona tar-Ridge tal-Oċean Indjan tan-Nofsinhar u limitu ta’ qbid, l-Unjoni jenħtieġ li tapplika dawk il-miżuri f’konformità ma’ dik ir-rakkomandazzjoni u l-pożizzjoni tagħha espressa fl-SIOFA. L-SIOFA aġġorna wkoll il-lista ta’ klieb il-baħar tal-fond li għalihom huwa pprojbit is-sajd dirett fiż-Żona tal-Ftehim tal-SIOFA. Dawn il-miżuri jenħtieġ li jiġu implimentati wkoll fid-dritt tal-Unjoni.
(38)Skont l-Artikolu 498(2) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, min-naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (il-“Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni”), l-Unjoni u r-Renju Unit iridu jorganizzaw konsultazzjonijiet kull sena biex jaqblu, sal-10 ta’ Diċembru ta’ kull sena, dwar it-TACs għas-sena ta’ wara għall-istokkijiet elenkati fl-Anness 35 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. Jekk tali TACs ma jiġux konklużi sal-10 ta’ Diċembru, il-Partijiet iridu minnufih jerġgħu jibdew il-konsultazzjonijiet bil-għan kontinwat li jintlaħaq qbil dwar it-TACs, kif meħtieġ mill-Artikolu 499(1) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni.
(39)[Il-premessa u d-dispożizzjonijiet rilevanti se jiġu aġġornati wara li jiġu konklużi l-konsultazzjonijiet bejn l-Unjoni u r-Renju Unit.] [Fl-2023, l-Unjoni u r-Renju Unit organizzaw konsultazzjonijiet bilaterali dwar l-istabbiliment ta’ għadd kbir ta’ TACs għall-2024 għall-istokkijiet elenkati fl-Anness 35 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. Dawk il-konsultazzjonijiet twettqu skont l-Artikolu 498(2), (4) u (6) tal-Ftehim tal-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. L-Unjoni ħadet sehem f’dawk il-konsultazzjonijiet abbażi tal-ispeċifikazzjonijiet għall-pożizzjoni tal-Unjoni approvati mill-Kunsill fit-12 ta’ Ottubru 2023 u d-dokumenti informali supplimentari sussegwenti, skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1875. L-eżitu ta’ dawk il-konsultazzjonijiet ġie ddokumentat f’Rekord bil-Miktub iffirmat fis-6 ta’ Diċembru 2023 u ġie ssupplimentat b’addendum fit-8 ta’ Diċembru 2023. Għalhekk, l-opportunitajiet tas-sajd rilevanti jenħtieġ li jiġu stabbiliti fil-livell stabbilit f’dak ir-Rekord bil-Miktub. Il-miżuri l-oħrajn marbuta b’mod funzjonali mal-opportunitajiet tas-sajd stabbiliti wkoll f’dak ir-Rekord bil-Miktub jenħtieġ li jiġu implimentati fid-dritt tal-Unjoni.]
(40)[Il-premessa u d-dispożizzjonijiet rilevanti se jiġu aġġornati wara li jiġu konklużi l-konsultazzjonijiet bejn l-Unjoni, ir-Renju Unit u n-Norveġja.] [Fl-2023, l-Unjoni, ir-Renju Unit u n-Norveġja kellhom konsultazzjonijiet trilaterali dwar sitt stokkijiet kondiviżi u ġestiti b’mod konġunt li jinsabu fiż-żoni taħt il-ġuriżdizzjoni tat-tliet partijiet, bl-għan li jintlaħaq qbil dwar il-ġestjoni ta’ dawk l-istokkijiet inklużi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2024. Dawk il-konsultazzjonijiet saru bejn it-3 ta’ Novembru u t-8 ta’ Diċembru 2023, abbażi tal-pożizzjoni tal-Unjoni approvata mill-Kunsill fit-12 ta’ Ottubru 2023 u ta’ dokumenti informali supplimentari sussegwenti. L-eżitu tal-konsultazzjonijiet ġie ddokumentat f’Rekord Maqbul iffirmat mill-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet fit-8 ta’ Diċembru 2023. L-opportunitajiet tas-sajd rilevanti jenħtieġ li jiġu stabbiliti fil-livell maqbul mar-Renju Unit u man-Norveġja, flimkien mad-dispożizzjonijiet l-oħrajn ta’ dak ir-Rekord Maqbul.]
(41)[Il-premessa u d-dispożizzjonijiet rilevanti se jiġu aġġornati wara li jiġu konklużi l-konsultazzjonijiet bejn l-Unjoni u n-Norveġja.] [L-Unjoni organizzat konsultazzjonijiet bilaterali man-Norveġja dwar stokk (tal-merlangu) kondiviż u ġestit b’mod konġunt fiż-żona ta’ Skagerrak, bl-għan li jintlaħaq qbil dwar il-ġestjoni ta’ dan l-istokk u dwar l-opportunitajiet tas-sajd għall-2024, kif ukoll dwar l-iskambju ta’ kwoti u l-arranġamenti dwar l-aċċess. Dawn il-konsultazzjonijiet saru bejn it-30 ta’ Ottubru u t-8 ta’ Diċembru 2023, abbażi tal-pożizzjoni tal-UE approvata mill-Kunsill fit-12 ta’ Ottubru 2023. L-eżitu tal-konsultazzjonijiet ġie ddokumentat f’Rekords Maqbula. L-opportunitajiet tas-sajd rilevanti jenħtieġ li jiġu stabbiliti fil-livell maqbul man-Norveġja, flimkien mad-dispożizzjonijiet l-oħrajn ta’ dawk ir-Rekords Maqbula.]
(42)[Il-premessa u d-dispożizzjonijiet rilevanti se jiġu aġġornati wara li jiġu konklużi l-konsultazzjonijiet bejn l-Unjoni, u l-Gvern ta’ Greenland u l-Gvern tad-Danimarka.] [F’konformità mal-proċedura prevista fil-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea, min-naħa waħda, u l-Gvern ta’ Greenland u l-Gvern tad-Danimarka, min-naħa l-oħra, u l-Protokoll li jimplimenta dak il-Ftehim, il-Kumitat Konġunt stabbilixxa l-livell tal-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għall-Unjoni fl-ilmijiet ta’ Greenland fl-2024. Il-livell tal-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għall-Unjoni fl-ilmijiet ta’ Greenland fl-2024 ġie ddokumentat fil-minuti tal-laqgħa tal-Kumitat Konġunt li saret mill-21 sat-23 ta’ Novembru 2023 fi Brussell. Għalhekk, jenħtieġ li l-opportunitajiet tas-sajd rilevanti jiġu stabbiliti fil-livell stipulat f’dawk il-minuti, u filwaqt li jitqiesu t-trasferimenti lin-Norveġja skont l-iskambju annwali tal-opportunitajiet tas-sajd. Il-livell tal-opportunitajiet tas-sajd stabbiliti għall-gamblu (Pandalus borealis) fl-ilmijiet ta’ Greenland tas-subżoni 5 u 14 tal-ICES ma jinkludix riżerva ta’ 150 tunnellata li għandhom jitqiesu bħala stabbiliti fir-Rekord Maqbul tal-konsultazzjonijiet għas-sajd bejn l-Unjoni u n-Norveġja għall-2024.]
(43)It-Trattat tad-9 ta’ Frar 1920 relatat ma’ Spitsbergen (Svalbard) (“it-Trattat ta’ Pariġi tal-1920”) jagħti aċċess ugwali u nondiskriminatorju għar-riżorsi fl-inħawi ta’ Svalbard lill-partijiet kollha ta’ dak it-Trattat, inkluż fir-rigward tas-sajd. Il-pożizzjoni tal-Unjoni dwar dak l-aċċess ġiet deskritta f’diversi notes verbales lin-Norveġja, b’dawk l-aktar reċenti datati s-26 ta’ Frar 2021, it-28 ta’ Ġunju 2021 u l-1 ta’ Awwissu 2022. Fir-rigward tal-opportunitajiet tas-sajd għall-granċ tal-Artiku (Chionoecetes spp.) madwar Svalbard, jixraq li jiġi limitat l-għadd ta’ bastimenti tas-sajd li huma awtorizzati jwettqu tali attivitajiet tas-sajd, filwaqt li jiġi żgurat li l-isfruttament tal-granċ tal-Artiku madwar Svalbard ikun konsistenti ma’ regoli ta’ ġestjoni nondiskriminatorji stabbiliti min-Norveġja, li għandha sovranità u ġuriżdizzjoni fiż-żona f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar u t-Trattat ta’ Pariġi tal-1920. L-allokazzjoni ta’ opportunitajiet tas-sajd bħal dawn fost l-Istati Membri hija limitata għall-2025. Fl-Unjoni, ir-responsabbiltà primarja li tiġi żgurata l-konformità mal-liġi applikabbli hija tal-Istati Membri tal-bandiera.
(44)[Il-premessa u d-dispożizzjonijiet rilevanti dwar l-istokkijiet fl-Artiku tal-Grigal se jiġu aġġornati ladarba tkun disponibbli l-informazzjoni rilevanti.] [Fir-rigward tal-opportunitajiet tas-sajd għall-bakkaljaw fl-Artiku tal-Grigal, jixraq li tiġi stabbilita l-kwota tal-Unjoni għall-bakkaljaw fl-ilmijiet ta’ Svalbard u fl-ilmijiet internazzjonali tas-subżona 1 u d-diviżjoni 2b tal-ICES abbażi tat-TAC ta’ referenza għal dak l-istokk u d-drittijiet storiċi tas-sajd tal-Unjoni. Dik il-kwota tal-Unjoni jenħtieġ li tiġi allokata lill-Istati Membri f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/277/KEE, soġġetta għall-adattamenti meħtieġa minħabba l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni kif stabbilit fl-Anness 36, it-tabella E, tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni.]
(45)[Il-premessa u d-dispożizzjonijiet rilevanti dwar l-opportunitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-Unjoni għal bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tal-Venezwela għandhom jiġu aġġornati ladarba tkun disponibbli l-informazzjoni rilevanti.] [F’konformità mad-Dikjarazzjoni tal-Unjoni indirizzata lir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela dwar l-għoti ta’ opportunitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-Unjoni lil bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tal-Venezwela fiż-żona ekonomika esklużiva ’l barra mill-kosta tal-Guyana Franċiża, approvata f’isem l-Unjoni Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1565, jeħtieġ li jiġi stabbilit l-għadd massimu tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għal-lutjan li huma disponibbli għall-Venezwela fl-ilmijiet tal-Unjoni.]
(46)Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni biex l-Istati Membri individwali jkunu awtorizzati jimmaniġġjaw l-allokazzjonijiet tal-isforz tas-sajd f’konformità ma’ sistema ta’ kilowatt-jiem, biex tagħti jiem addizzjonali fuq il-baħar għall-waqfien permanenti tal-attivitajiet tas-sajd u għat-titjib tal-kopertura tal-osservaturi xjentifiċi, kif ukollbiex tistabbilixxi formati ta’ spreadsheets għall-ġbir u t-trażmissjoni tal-informazzjoni dwar it-trasferiment tal-jiem fuq il-baħar bejn il-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru. Il-Kummissjoni jenħtieġ li teżerċita dawk is-setgħat f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(47)Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni kontinwa u tiġi evitata l-inċertezza legali matul il-perjodu bejn it-tmiem tas-sena u d-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għas-sena sussegwenti, id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament li jikkonċernaw il-projbizzjonijiet u l-istaġuni magħluqa jenħtieġ li jkomplu japplikaw fil-bidu tal-2026 sad-dħul fis-seħħ tar-Regolament li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2026. Għall-istess raġunijiet, id-dispożizzjonijiet li japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2025 sal-31 ta’ Diċembru 2026 jenħtieġ li jkomplu japplikaw fil-bidu tal-2027 sad-dħul fis-seħħ tar-Regolament li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2027.
(48)Biex jiġi evitat li jiġu interrotti l-attivitajiet tas-sajd u biex jiġi ssalvagwardjat l-għajxien tas-sajjieda, jenħtieġ li dan ir-Regolament jibda japplika mill-1 ta’ Jannar 2025. Madankollu, id-dispożizzjonijiet dwar il-limiti tal-isforz tas-sajd jenħtieġ li jibdew japplikaw mill-1 ta’ Frar 2025. Għal raġunijiet ta’ urġenza u biex tiġi pprovduta ċertezza legali mill-aktar fis possibbli, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu.
(49)Ċerti miżuri internazzjonali li joħolqu jew li jirrestrinġu l-opportunitajiet tas-sajd għall-Unjoni ġew adottati mill-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd (RFMOs) rilevanti fl-aħħar tal-2024 u saru applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament li jimplimentaw miżuri bħal dawn fid-dritt tal-Unjoni b’hekk jenħtieġ li japplikaw b’mod retroattiv. B’mod partikolari, peress li l-istaġun tas-sajd fiż-żona tal-Konvenzjoni CAMLR huwa mill-1 ta’ Diċembru sat-30 ta’ Novembru, u peress li ċerti opportunitajiet jew projbizzjonijiet tas-sajd fiż-żona tal-Konvenzjoni CAMLR huma stabbiliti għal perjodu li jibda mill-1 ta’ Diċembru 2024, id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li japplikaw minn dik id-data. Barra minn hekk, l-istaġun tas-sajd għall-pixxisinna fiż-Żona tal-Ftehim SIOFA jibda mill-1 ta’ Diċembru sat-30 ta’ Novembru, u billi t-TACs għal dak il-grupp ta’ speċijiet huma stabbiliti għal perjodu li jibda mill-1 ta’ Diċembru 2024, it-TACs jenħtieġ li japplikaw minn dik id-data. Applikazzjoni retroattiva bħal din ma tippreġudikax il-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi peress li hija pprojbita għall-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tal-Parti Kontraenti li jistadu mingħajr awtorizzazzjoni fiż-żona tal-Konvenzjoni CAMLR u fiż-Żona tal-Ftehim SIOFA.
(50)F’konformità mar-regoli tal-ICCAT, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-bastimenti tas-sajd tagħhom ma jużawx FADs matul il-15-il jum qabel il-bidu tal-perjodu tal-għeluq, jiġifieri mis-17 ta’ Diċembru 2024 ’il quddiem. Id-dispożizzjoni ta’ dan ir-Regolament li timplimenta dik il-miżura fid-dritt tal-Unjoni b’hekk jenħtieġ li tapplika b’mod retroattiv,
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
TITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett
1.Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet ta’ ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, f’ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni.
2.L-opportunitajiet tas-sajd imsemmija fil-paragrafu 1 jinkludu:
(a)il-limiti ta’ qbid għas-sena 2025 u, meta speċifikat f’dan ir-Regolament, għas-sena 2026 ukoll;
(b)il-limiti tal-isforz tas-sajd għas-sena 2025, ħlief il-limiti tal-isforz tas-sajd stabbiliti fl-Anness II, li għandhom japplikaw mill-1 ta’ Frar 2025 sal-31 ta’ Jannar 2026;
(c)opportunitajiet tas-sajd għall-perjodu mill-1 ta’ Diċembru 2024 sat-30 ta’ Novembru 2025 għal ċerti stokkijiet fiż-żona tal-Konvenzjoni CAMLR u għal ċerti stokkijiet fiż-Żona tal-Ftehim SIOFA;
(d)opportunitajiet tas-sajd għall-perjodu mill-1 ta’ Ġunju 2025 sal-31 ta’ Mejju 2026 fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-Kummissjoni tas-Sajd tal-Paċifiku tat-Tramuntana (NPFC, North Pacific Fisheries Commission).
Artikolu 2
Kamp ta’ applikazzjoni
1.Dan ir-Regolament japplika għall-bastimenti tas-sajd li ġejjin:
(a)bastimenti tas-sajd tal-Unjoni; u
(b)bastimenti tas-sajd ta’ pajjiżi terzi fl-ilmijiet tal-Unjoni.
2.Dan ir-Regolament japplika wkoll għal:
(a)ċertu sajd rikreattiv kif imsemmi b’mod espliċitu fid-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament; u
(b)sajd kummerċjali minn fuq ix-xatt.
Artikolu 3
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. Barra minn hekk, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a)“bastiment tas-sajd ta’ pajjiż terz” tfisser bastiment tas-sajd li jtajjar il-bandiera ta’ pajjiż terz u li huwa rreġistrat fih;
(b)“sajd rikreattiv” tfisser attivitajiet tas-sajd mhux kummerċjali li jisfruttaw ir-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar fil-kuntest tar-rikreazzjoni, tat-turiżmu jew tal-isport;
(c)“ilmijiet internazzjonali” tfisser ilmijiet li ma jaqgħu taħt is-sovranità jew il-ġuriżdizzjoni tal-ebda Stat;
(d)“qabda totali permissibbli” (TAC) tfisser:
(i)fis-sajd soġġett għall-eżenzjoni mill-obbligu ta’ ħatt l-art imsemmija fl-Artikolu 15(4) sa (7) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, il-kwantità ta’ ħut li jista’ jinħatt l-art minn kull stokk kull sena;
(ii)fl-attivitajiet tas-sajd l-oħrajn kollha, il-kwantità ta’ ħut li jista’ jinqabad minn kull stokk kull sena;
(e)“kwota” tfisser proporzjon minn TAC li huwa allokat lill-Unjoni, lil Stat Membru jew lil pajjiż terz;
(f)“valutazzjoni analitika” tfisser evalwazzjoni kwantitattiva tax-xejriet fi stokk partikolari, imsejsa fuq data dwar il-bijoloġija u l-isfruttament tal-istokk, inkluż abbażi ta’ indikaturi, li l-analiżi xjentifika tkun indikat li hija ta’ kwalità tajba biżżejjed biex tipprovdi pariri xjentifiċi;
(g)“TAC analitika” tfisser TAC li għaliha tkun disponibbli valutazzjoni analitika;
(h)“TAC prekawzjonarja” tfisser TAC li għaliha ma tkunx disponibbli valutazzjoni analitika, u pjuttost tkun disponibbli valutazzjoni bbażata fuq l-approċċ prekawzjonarju jew ma tkun disponibbli l-ebda valutazzjoni;
(i)“daqs tal-malja” tfisser id-daqs tal-malji tax-xbieki tas-sajd kif definit fl-Artikolu 6, il-punt (34), tar-Regolament (UE) 2019/1241;
(j)“reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Unjoni” tfisser ir-reġistru stabbilit mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 24(3) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;
(k)“ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd” tfisser il-ġurnal ta’ abbord imsemmi fl-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009;
(l)“baga strumentata” tfisser baga mmarkata b’mod ċar b’numru ta’ referenza uniku li jippermetti l-identifikazzjoni ta’ sidha u mgħammra b’sistema ta’ rintraċċar bis-satellita biex timmonitorja l-pożizzjoni tagħha;
(m)“baga operazzjonali” tfisser kwalunkwe baga strumentata, attivata minn qabel, mixgħula u mqiegħda fuq il-baħar fuq irkaptu mitluq għal riħu sabiex jinġema’ l-ħut (FAD) jew injam jgħum fil-wiċċ, li tittrażmetti l-pożizzjonijiet u informazzjoni oħra disponibbli bħal stimi minn ekosonda.
Artikolu 4
Żoni tas-sajd
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet taż-żoni tas-sajd li ġejjin:
(a)“żoni tal-ICES (il-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar)” tfisser iż-żoni ġeografiċi speċifikati fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 218/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(b)“Skagerrak” tfisser iż-żona ġeografika kkonfinata fil-Punent minn linja miġbuda mill-fanal ta’ Hanstholm sal-fanal ta’ Lindesnes u fin-Nofsinhar minn linja miġbuda mill-fanal ta’ Skagen sal-fanal ta’ Tistlarna u minn dak il-punt għall-eqreb punt tal-kosta Żvediża;
(c)“Kattegat” tfisser iż-żona ġeografika kkonfinata fit-Tramuntana minn linja miġbuda mill-fanal ta’ Skagen sal-fanal ta’ Tistlarna u minn dak il-punt għall-eqreb punt tal-kosta Żvediża u fin-Nofsinhar minn linja miġbuda minn Hasenøre sa Gnibens Spids, minn Korshage sa Spodsbjerg u minn Gilbjerg Hoved sa Kullen;
(d)“unità funzjonali 16 tas-subżona 7 tal-ICES” tfisser iż-żona ġeografika kkonfinata minn lossodromi li b’mod sekwenzjali jgħaqqdu flimkien il-pożizzjonijiet li ġejjin:
–53°30'N 15°00'W,
–53°30'N 11°00'W,
–51°30'N 11°00'W,
–51°30'N 13°00'W,
–51°00'N 13°00'W,
–51°00'N 15°00'W;
(e)“unità funzjonali 25 tad-diviżjoni 8c tal-ICES” tfisser iż-żona tal-baħar ġeografika kkonfinata minn lossodromi li sekwenzjalment jgħaqqdu flimkien il-pożizzjonijiet li ġejjin:
–43°00'N 9°00'W,
–43°00'N 10°00'W,
–43°30'N 10°00'W,
–43°30'N 9°00'W,
–44°00'N 9°00'W,
–44°00'N 8°00'W,
–43°30'N 8°00'W;
(f)“unità funzjonali 26 tad-diviżjoni 9a tal-ICES” tfisser iż-żona ġeografika kkonfinata minn lossodromi li jgħaqqdu flimkien il-pożizzjonijiet li ġejjin b’mod sekwenzjali:
–43°00'N 8°00'W,
–43°00'N 10°00'W,
–42°00'N 10°00'W,
–42 00'N 8°00'W;
(g)“unità funzjonali 27 tad-diviżjoni 9a tal-ICES” tfisser iż-żona ġeografika kkonfinata minn lossodromi li jgħaqqdu flimkien il-pożizzjonijiet li ġejjin b’mod sekwenzjali:
–42°00'N 8°00'W,
–42°00'N 10°00'W,
–38°30'N 10°00'W,
–38°30'N 9°00'W,
–40°00'N 9°00'W,
–40°00'N 8°00'W;
(h)“unità funzjonali 30 tad-diviżjoni 9a tal-ICES” tfisser iż-żona ġeografika taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Spanja fil-Golf ta’ Cádiz u fl-ilmijiet tal-madwar tad-diviżjoni 9a tal-ICES;
(i)“unità funzjonali 31 tad-diviżjoni 8c tal-ICES” tfisser iż-żona tal-baħar ġeografika kkonfinata minn lossodromi li sekwenzjalment jgħaqqdu flimkien il-pożizzjonijiet li ġejjin:
–43°30'N 6°00'W,
–44°00'N 6°00'W,
–44°00'N 2°00'W,
–43°30'N 2°00'W;
(j)“Golf ta’ Cádiz” tfisser iż-żona ġeografika tad-diviżjoni 9a tal-ICES li tinsab fil-Lvant tal-lonġitudni 7 23' 48″ W;
(k)“Żona tal-Konvenzjoni CAMLR (il-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar Antartiku)” tfisser iż-żona ġeografika definita fil-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tar-riżorsi ħajjin tal-baħar tal-Antartiku;
(l)“żoni tas-CECAF (il-Kumitat tas-Sajd għall-Atlantiku Ċentrali tal-Lvant)” tfisser iż-żoni ġeografiċi li huma speċifikati fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 216/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(m)“żona tal-Konvenzjoni IATTC (il-Kummissjoni Inter-Amerikana għat-Tonn Tropikali” tfisser iż-żona ġeografika definita fil-Konvenzjoni għat-Tisħiħ tal-Kummissjoni Inter-Amerikana għat-Tonn Tropikali stabbilita mill-Konvenzjoni tal-1949 bejn l-Istati Uniti tal-Amerka u r-Repubblika tal-Costa Rica (Konvenzjoni ta’ Antigua);
(n)“żona tal-Konvenzjoni ICCAT (il-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku)” tfisser iż-żona ġeografika definita fil-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku;
(o)“Żona ta’ Kompetenza tal-IOTC (il-Kummissjoni għat-Tonn tal-Oċean Indjan)” tfisser iż-żona ġeografika definita fil-Ftehim għall-istabbiliment tal-Kummissjoni għat-Tonn tal-Oċean Indjan;
(p)“żoni tan-NAFO (l-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral)” tfisser iż-żoni ġeografiċi li huma speċifikati fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 217/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(q)“Żona tal-Konvenzjoni NAFO” tfisser iż-żona ġeografika definita fil-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali fil-Ġejjieni dwar is-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral;
(r)“Żona Regolatorja tan-NAFO” tfisser dik il-parti taż-Żona tal-Konvenzjoni NAFO li tinsab lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali;
(s)“żona tal-Konvenzjoni NPFC” tfisser iż-żona ġeografika definita fil-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta’ Riżorsi tas-Sajd f’Ibħra Miftuħa fit-Tramuntana tal-Oċean Paċifiku;
(t)“żona tal-Konvenzjoni SEAFO (l-Organizzazzjoni tas-Sajd tal-Atlantiku tax-Xlokk)” tfisser iż-żona ġeografika definita fil-Konvenzjoni tal-Ħarsien u l-Amministrazzjoni ta’ Riżorsi tas-Sajd fix-Xlokk tal-Oċean Atlantiku;
(u)“Żona tal-Ftehim SIOFA (il-Ftehim dwar is-Sajd fin-Nofsinhar tal-Oċean Indjan)” tfisser iż-żona ġeografika definita fil-Ftehim dwar is-Sajd fin-Nofsinhar tal-Oċean Indjan;
(v)“Żona tal-Konvenzjoni SPRFMO (l-Organizzazzjoni Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd fin-Nofsinhar tal-Paċifiku)” tfisser iż-żona ġeografika definita fil-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta’ Riżorsi tas-Sajd f’Ibħra Miftuħa fin-Nofsinhar tal-Oċean Paċifiku;
(w)“żona tal-Konvenzjoni WCPFC (il-Kummissjoni għas-Sajd fil-Punent tal-Paċifiku u fil-Paċifiku Ċentrali)” tfisser iż-żona ġeografika definita fil-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni u l-Ġestjoni tal-Istokkijiet tal-Ħut Migratorju Ħafna fl-Oċean Paċifiku Ċentrali u tal-Punent;
(x)“ibħra internazzjonali tal-Baħar Bering” tfisser iż-żona ġeografika tal-ibħra miftuħa tal-Baħar Bering ’il barra minn 200 mil nawtiku mil-linji bażi li minnhom titkejjel il-wisa’ tal-baħar territorjali tal-Istati kostali tal-Baħar Bering;
(y)“żona kondiviża bejn iż-żoni tal-Konvenzjoni IATTC u WCPFC” tfisser iż-żona ġeografika definita mil-limiti li ġejjin:
–il-lonġitudni 150° W,
–il-lonġitudni 130° W,
–il-latitudni 4° S,
–il-latitudni 50° S;
TITOLU II
OPPORTUNITAJIET TAS-SAJD
GĦALL-BASTIMENTI TAS-SAJD TAL-UNJONI
Kapitolu I
Dispożizzjonijiet ġenerali
Artikolu 5
TACs u allokazzjonijiet
1.It-TACs għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni fl-ilmijiet tal-Unjoni u f’ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni, l-allokazzjoni tagħhom fost l-Istati Membri u, meta xieraq, il-kundizzjonijiet marbuta magħhom b’mod funzjonali huma stabbiliti fl-Anness I.
2.Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni jistgħu jiġu awtorizzati mill-Istat kostali kkonċernat biex jistadu fl-ilmijiet taħt il-ġuriżdizzjoni tas-sajd tal-Gżejjer Faeroe, Greenland, in-Norveġja u fiż-żona tas-sajd fl-inħawi ta’ Jan Mayen soġġetti għat-TACs stabbiliti fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament u soġġetti għall-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 22 ta’ dan ir-Regolament, l-Anness V, il-Parti A ta’ dan ir-Regolament u fir-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u atti delegati adottati mill-Kummissjoni abbażi ta’ dak ir-Regolament.
3.Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni jistgħu jiġu awtorizzati mir-Renju Unit biex jistadu fl-ilmijiet taħt il-ġuriżdizzjoni tas-sajd tiegħu soġġetti għat-TACs fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament, u soġġetti għall-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 22 ta’ dan ir-Regolament u fir-Regolament (UE) 2017/2403 u atti delegati adottati mill-Kummissjoni abbażi ta’ dak ir-Regolament.
Artikolu 6
TACs li jridu jiġu ddeterminati mill-Istati Membri
1.It-TACs stabbiliti fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament għandhom, fejn speċifikat f’dak l-Anness, jiġu ddeterminati mill-Istat Membru kkonċernat.
2.It-TACs li jridu jiġu ddeterminati minn Stat Membru msemmi fil-paragrafu 1 għandhom:
(a)ikunu konsistenti mal-objettivi u mar-regoli stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u fir-Regolamenti (UE) 2018/973 u 2019/472, b’mod partikolari l-objettiv tal-isfruttament sostenibbli tal-istokk; u
(b)jirriżultaw fi sfruttament tal-istokk li:
(i)jekk tkun disponibbli valutazzjoni analitika, ikun konformi mal-MSY, bi probabbiltà kemm jista’ jkun għolja; jew
(ii)jekk valutazzjoni analitika ma tkunx disponibbli jew ma tkunx kompluta, ikun konsistenti mal-approċċ prekawzjonarju għall-ġestjoni tas-sajd.
3.Sal-1 ta’ Frar 2025, kull Stat Membru kkonċernat għandu jissottometti l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni:
(a)it-TACs li jkun iddetermina;
(b)id-data li jkun ġabar, ivvaluta u uża bħala bażi għall-istabbiliment tat-TACs;
(c)id-dettalji dwar kif it-TACs iddeterminati jikkonformaw mal-paragrafu 2.
4.Għat-TAC għaċ-ċinturin iswed (Aphanopus carbo) fiż-żona 34.1.2 tas-CECAF, il-Portugall għandu jissottometti l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 għal dik it-TAC tal-2025 sal-1 ta’ Frar 2025 u għal dik it-TAC tal-2026 sal-1 ta’ Frar 2026.
5.Meta xieraq, il-Kummissjoni tista’ titlob lill-STECF:
(a) jivvaluta l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, il-punti (b) u (c); u
(b) jivvaluta jekk it-TACs iddeterminati mill-Istati Membri jikkonformawx mal-paragrafu 2.
6. Jekk, skont il-parir tal-STECF, dik l-informazzjoni titqies insuffiċjenti, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni informazzjoni ġdida f’konformità mal-parir tal-STECF, flimkien ma’ informazzjoni ta’ sostenn li tiġġustifika dik l-informazzjoni l-ġdida fir-rigward tal-parir tal-STECF, mhux aktar tard minn xahar wara l-pubblikazzjoni tal-parir tal-STECF.
7. Jekk, skont il-parir tal-STECF, it-TACs iddeterminati mill-Istati Membri ma jikkonformawx mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jirrevedu, f’konformità mal-parir tal-STECF, it-TACs li jkunu ddeterminaw u għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni dawn it-TACs riveduti, flimkien ma’ informazzjoni ta’ sostenn li tiġġustifika t-TACs riveduti fir-rigward tal-parir tal-STECF, mhux aktar tard minn xahar wara l-pubblikazzjoni ta’ dak il-parir, meta rilevanti, flimkien mad-data l-ġdida msemmija fil-paragrafu 6.
Artikolu 7
Kundizzjonijiet għall-ħatt l-art tal-qabdiet u tal-qabdiet aċċessorji
1.Il-qabdiet li mhumiex soġġetti għall-obbligu ta’ ħatt l-art skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandhom jinżammu abbord jew jinħattu l-art biss jekk dawn:
(a)ikunu saru minn bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru li jkollu kwota għalihom u dik il-kwota ma tkunx ġiet eżawrita; jew
(b)jifformaw sehem minn kwota tal-Unjoni li ma tkunx ġiet allokata fost l-Istati Membri u li ma tkunx ġiet eżawrita.
2.Għall-finijiet tad-deroga mill-obbligu li l-qabdiet għandhom jinqatgħu mill-kwoti rilevanti, kif previst fl-Artikolu 15(8) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-istokkijiet ta’ speċijiet mhux fil-mira fil-limiti bijoloġiċi sikuri msemmija f’dak l-Artikolu huma identifikati fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 8
Mekkaniżmu tal-iskambji tal-kwoti għat-TACs għal qabdiet aċċessorji inevitabbli
1.Sabiex jitqies l-obbligu ta’ ħatt l-art u sabiex isiru disponibbli kwoti għal ċerti qabdiet aċċessorji lil Stati Membri mingħajr kwota, il-mekkaniżmu tal-iskambju tal-kwoti stabbilit fil-paragrafi 2 sa 5 għandu japplika għat-TACs identifikati fl-Anness IA.
2.6 % ta’ kull kwota allokata mit-TACs għall-bakkaljaw (Gadus morhua) fil-Baħar Ċeltiku (COD/7XAD34), il-bakkaljaw fil-Punent tal-Iskozja (COD/5BE6A), il-merlangu fil-Baħar Irlandiż (WHG/07A.) u l-barbun tat-tbajja’ fid-diviżjonijiet 7h, 7j u 7k tal-ICES (PLE/7HJK.), u 3 % ta’ kull kwota mit-TAC għall-merlangu fil-Punent tal-Iskozja (WHG/56-14), allokati għal kull Stat Membru, għandhom ikunu disponibbli għal riżerva komuni tal-iskambju tal-kwoti (“ir-riżerva komuni”), li għandha tiftaħ fl-1 ta’ Jannar 2025. L-Istati Membri mingħajr kwota għandu jkollhom aċċess esklużiv għar-riżerva komuni sal-31 ta’ Marzu 2025.
3.Il-kwantitajiet li jittieħdu mir-riżerva komuni ma jistgħux jiġu skambjati jew ittrasferiti għas-sena ta’ wara. Wara l-31 ta’ Marzu 2025, kwalunkwe kwantità mhux użata għandha tiġi rritornata lill-Istati Membri li inizjalment ikunu kkontribwew għar-riżerva komuni.
4.L-Istati Membri mingħajr kwota għandhom jipprovdu kwoti ta’ ritorn għall-istokkijiet elenkati fl-Anness IA, il-Parti C, sakemm l-Istat Membru mingħajr kwota u l-Istat Membru li jikkontribwixxi għar-riżerva komuni ma jiftehmux mod ieħor.
5.Il-kwoti msemmija fil-paragrafu 4 għandhom ikunu ta’ valur kummerċjali ekwivalenti, iddeterminat abbażi ta’ rata tal-kambju tas-suq jew rati tal-kambju aċċettabbli reċiprokament oħrajn. Fin-nuqqas ta’ alternattivi, il-valur kummerċjali ekwivalenti għandu jiġi ddeterminat abbażi tal-prezzijiet medji tal-Unjoni mis-sena ta’ qabel, kif previst mill-Osservatorju Ewropew tas-Suq tal-Prodotti tas-Sajd u tal-Akkwakultura.
6.Meta l-mekkaniżmu tal-iskambju tal-kwoti stabbilit fil-paragrafi 2 sa 5 ma jħallix lill-Istati Membri jkopru l-qabdiet aċċessorji inevitabbli tagħhom sa grad simili, l-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex jiftiehmu fuq skambji ta’ kwoti skont l-Artikolu 16(8) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, filwaqt li jiżguraw li l-kwoti skambjati jkunu ta’ valur kummerċjali ekwivalenti.
Artikolu 9
Limiti tal-isforz tas-sajd fid-diviżjoni 7e tal-ICES
1.Għall-perjodu msemmi fl-Artikolu 1(2), il-punt (b), ta’ dan ir-Regolament, il-limitazzjonijiet tal-isforz tas-sajd għal-lingwata fid-diviżjoni 7e tal-ICES huma stabbiliti fl-Anness II.
2.Fuq talba ta’ Stat Membru f’konformità mal-Anness II, il-punt 7.4, il-Kummissjoni tista’ tadotta att ta’ implimentazzjoni li permezz tiegħu talloka lil dak l-Istat Membru numru ta’ jiem fuq il-baħar minbarra dawk imsemmija fl-Anness II, il-punt 5, li matulhom jista’ jawtorizza bastiment tas-sajd taħt il-bandiera tiegħu biex ikun preżenti fid-diviżjoni 7e tal-ICES meta jkun qiegħed iġorr abbord kwalunkwe rkaptu regolat. Il-Kummissjoni għandha tadotta dak l-att ta’ implimentazzjoni f’konformità mal-proċedura tal-eżami msemmija fl-Artikolu 58(2) ta’ dan ir-Regolament.
3.Fuq talba ta’ Stat Membru, il-Kummissjoni tista’ tadotta att ta’ implimentazzjoni li bih talloka lil dak l-Istat Membru massimu ta’ 3 ijiem bejn l-1 ta’ Frar 2025 u l-31 ta’ Jannar 2026, minbarra dawk imsemmija fl-Anness II, il-punt 5, li fih bastiment tas-sajd jista’ jkun preżenti fid-diviżjoni 7e tal-ICES abbażi ta’ programm imtejjeb ta’ kopertura tal-osservaturi xjentifiċi, kif imsemmi fl-Anness II, il-punt 8.1. Hija għandha tagħmel allokazzjoni bħal din abbażi tad-deskrizzjoni sottomessa minn dak l-Istat Membru f’konformità mal-Anness II, il-punt 8.3 u wara konsultazzjoni mal-STECF. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 58(2) ta’ dan ir-Regolament.
[L-Artikoli 10, 15 sa 18 ta’ dan ir-Regolament se jiġu aġġornati wara li jiġu konklużi
l-konsultazzjonijiet bejn l-Unjoni u r-Renju Unit.]
[Artikolu 10
Miżuri għas-sajd tal-ispnotta
fid-diviżjonijiet 4b, 4c u 6a tal-ICES u s-subżona 7 tal-ICES
1.Għandu jkun ipprojbit għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, kif ukoll għal kwalunkwe tip ta’ sajd kummerċjali minn fuq ix-xatt li jistadu għall-ispnotta (Dicentrarchus labrax) fid-diviżjonijiet 4b u 4c tal-ICES u fis-subżona 7 tal-ICES jew li jżommu abbord, jittrażbordaw, jirrilokaw jew iħottu l-art l-ispnott li jinqabad f’dik iż-żona.
2.Il-projbizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika għall-qabdiet aċċessorji tal-ispnotta f’attivitajiet kummerċjali tas-sajd bix-xbieki mix-xatt. Din l-eżenzjoni tapplika għal numri storiċi ta’ xbieki tal-bajjiet stabbiliti fil-livelli ta’ qabel l-2017. L-attivitajiet kummerċjali tas-sajd bix-xbieki mix-xatt ma għandux ikollhom l-ispnotta fil-mira tagħhom u jistgħu jinħattu l-art biss qabdiet aċċessorji inevitabbli tal-ispnotta.
3.B’deroga mill-paragrafu 1, f’Jannar 2025 u mill-1 ta’ April sal-31 ta’ Diċembru 2025, il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni fid-diviżjonijiet 4b, 4c, 7d, 7e, 7f u 7h tal-ICES jistgħu jistadu għall-ispnotta maqbuda f’dik iż-żona, iżommuha abbord, jittrażbordawha, jirrilokawha jew iħottuha l-art, bl-irkapti li ġejjin u fil-limiti li ġejjin:
(a)permezz ta’ xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ, għal qabdiet aċċessorji inevitabbli li ma jaqbżux it-3,8 tunnellati għal kull bastiment tas-sajd u fis-sena, u 5 % tal-piż tal-qabdiet totali ta’ organiżmi marini abbord maqbuda mill-bastiment ikkonċernat għal kull vjaġġ tas-sajd;
(b)permezz ta’ tartaruni, għal qabdiet aċċessorji inevitabbli li ma jaqbżux it-3,8 tunnellati għal kull bastiment tas-sajd u fis-sena, u 5 % tal-piż tal-qabdiet totali tal-organiżmi marini abbord maqbuda mill-bastiment ikkonċernat f’kull vjaġġ tas-sajd;
(c)permezz ta’ snanar u xlief, li ma jaqbżux is-6,2 tunnellati għal kull bastiment tas-sajd;
(d)permezz ta’ għeżula armati fuq il-lasti, għall-qabdiet aċċessorji inevitabbli ta’ mhux aktar minn 1,6 tunnellata għal kull bastiment tas-sajd.
Id-derogi stipulati fl-ewwel subparagrafu, il-punt (c), għandhom japplikaw għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jkunu rreġistraw qabdiet tal-ispnotta permezz ta’ snanar u xlief fil-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2015 sat-30 ta’ Settembru 2016.
Id-derogi stipulati fl-ewwel subparagrafu, il-punt (d), għandhom japplikaw għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jkunu rreġistraw qabdiet tal-ispnotta permezz tal-għeżula armati fuq il-lasti fil-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2015 sat-30 ta’ Settembru 2016.
F’każ ta’ sostituzzjoni ta’ bastiment tas-sajd tal-Unjoni, l-Istati Membri jistgħu jippermettu li dawk id-derogi japplikaw għal bastiment tas-sajd tal-Unjoni ieħor dment li l-għadd ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni soġġetti għal kull waħda mid-derogi u l-kapaċità tas-sajd globali tagħhom ma jiżdidux.
4.Il-limiti tal-qbid stabbiliti fil-paragrafu 3 ma għandhomx ikunu trasferibbli bejn il-bastimenti tas-sajd.
5.Fis-sajd rikreattiv, inkluż minn max-xatt, fid-diviżjonijiet 4b, 4c, 6a, 7a sa 7k tal-ICES:
(a)mill-1 ta’ Frar sal-31 ta’ Marzu 2025:
(i)is-sajd ta’ qbid u ħelsien b’qasba jew bi xlief għall-ispnotta biss għandu jkun permess;
(ii)għandu jkun ipprojbit li tinżamm, li tiġi rilokata, li tiġi ttrażbordata jew li tinħatt l-art l-ispnotta li tinqabad f’dik iż-żona;
(b)f’Jannar u mill-1 ta’ April sal-31 ta’ Diċembru 2025:
(i)mhux aktar minn żewġ eżemplari ta’ spnotta jistgħu jinqabdu u jinżammu għal kull sajjied kuljum;
(ii)id-daqs minimu tal-ispnotta miżmuma għandu jkun 42 cm;
(iii)ma għandhomx jintużaw xbieki fissi biex tinqabad jew tinżamm l-ispnotta.
6.Il-paragrafu 5 għandu japplika mingħajr preġudizzju għal miżuri nazzjonali aktar stretti dwar is-sajd rikreattiv.]
Artikolu 11
Miżuri għas-sajd tal-ispnotta fid-diviżjonijiet 8a u 8b tal-ICES
1.Meta jiddeterminaw il-kwoti tagħhom għas-sajd kummerċjali, Franza u Spanja għandhom jiżguraw b’mod konġunt li t-total tal-ħatt l-art kummerċjali, tal-iskartar kummerċjali, tal-ħatt rikreattiv u tal-iskartar rikreattiv għall-ispnotta fid-diviżjonijiet 8a u 8b tal-ICES ma jaqbiżx l-2 631 tunnellata. Dawk il-kwoti għandhom jitqiesu bħala kwoti għall-finijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009.
2.Sal-1 ta’ Frar 2025, Spanja u Franza għandhom jissottomettu l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni:
(a)il-kwoti ddeterminati;
(b)id-data miġbura, ivvalutata u użata bħala bażi għad-determinazzjoni tal-kwoti; u
(c)id-dettalji dwar kif dawk il-kwoti jikkonformaw mal-paragrafu 1.
3.Il-qabdiet fis-sajd kummerċjali taħt dawk il-kwoti għandhom jiġu rrapportati minn Spanja (BSS/8ABSPA) u minn Franza (BSS/8ABFRA).
4.Fis-sajd rikreattiv, inkluż mix-xatt, fid-diviżjonijiet 8a u 8b tal-ICES:
(a)kull sajjied jista’ jaqbad u jżomm massimu ta’ eżemplari wieħed ta’ spnotta kuljum;
(b)ma għandhomx jintużaw xbieki fissi biex tinqabad jew tinżamm l-ispnotta.
5.Il-paragrafu 4 għandu japplika mingħajr preġudizzju għal miżuri nazzjonali aktar stretti dwar is-sajd rikreattiv.
[Artikolu 12
Miżuri għall-pollakkju
fis-subżoni 8, 9, 10 tal-ICES u fl-ilmijiet tal-Unjoni tas-CECAF 34.1.1
1.Għandu japplika daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni ta’ 42 cm għall-qabdiet tal-pollakkju fis-subżoni 8, 9, 10 tal-ICES u fl-ilmijiet tal-Unjoni tas-CECAF 34.1.1.
2.Fis-sajd rikreattiv, inkluż mix-xatt fis-subżoni 8, 9 u10 tal-ICES u fl-ilmijiet tal-Unjoni tas-CECAF 34.1.1:
(a)massimu ta’ żewġ eżemplari ta’ pollakkju (Pollachius pollachius) jistgħu jinqabdu u jinżammu minn kull sajjied kuljum. Ladarba jintlaħaq dak il-limitu massimu, jista’ jsir sajd ta’ “qbid u ħelsien”;
(b)l-ebda eżemplari ta’ pollakkju mhu permess li jinqabad u jinżamm mill-1 ta’ Jannar sat-30 ta’ April. Madankollu, is-sajd ta’ “qbid u ħelsien” jista’ jsir matul dak il-perjodu.
2.Il-paragrafu 1 japplika mingħajr preġudizzju għal miżuri nazzjonali aktar stretti dwar is-sajd rikreattiv.]
[L-Artikolu 13 se jiġi aġġornat wara l-pubblikazzjoni mill-ICES tal-parir xjentifiku tiegħu dwar is-sallura għall-2025.]
[Artikolu 13
Miżuri dwar is-sajd tas-sallura fl-ilmijiet tal-Unjoni tas-subżoni 3, 4, 6, 7, 8 u 9 tal-ICES
1.Dan l-Artikolu japplika għall-ilmijiet tal-baħar u salmastri tal-Unjoni tas-subżoni 3, 4, 6, 7, 8 u 9 tal-ICES, u għall-ilmijiet salmastri tal-Unjoni li jmissu magħhom. L-ilmijiet salmastri jinkludu l-estwarji, il-laguni kostali u l-ilmijiet ta’ tranżizzjoni.
2.Dan l-Artikolu ma japplikax għal operazzjonijiet tas-sajd kummerċjali mwettqa għall-fini esklużiv ta’ investigazzjonijiet xjentifiċi, dment li dawk l-investigazzjonijiet jitwettqu f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2019/1241 u li l-STECF ikun ikkonferma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kkonċernati li investigazzjonijiet xjentifiċi bħal dawn huma ġġustifikati għal raġunijiet xjentifiċi. L-istess kundizzjonijiet għandhom japplikaw b’analoġija għal operazzjonijiet ta’ sajd kummerċjali mwettqa għall-fini esklużiv ta’ investigazzjonijiet xjentifiċi mingħajr bastiment tas-sajd.
3.Għandu jkun ipprojbit it-twettiq ta’ attivitajiet tas-sajd kummerċjali għas-sallura (Anguilla anguilla) fl-istadji kollha tal-ħajja għal perjodu ta’ mill-inqas 6 xhur bejn l-1 ta’ April 2025 u l-31 ta’ Marzu 2026. Barra minn hekk, l-Istati Membri u s-sajjieda għandhom iwettqu l-isforzi kollha raġonevoli biex jimminimizzaw u, meta possibbli, jeliminaw il-qabdiet aċċidentali tas-sallura. Meta jinqabdu inċidentalment, l-eżemplari tas-sallura ma għandhiex issirilhom ħsara u għandhom jinħelsu mill-ewwel. Għal dak l-għan, l-Istat Membru kkonċernat għandu jiddetermina b’mod individwali jew konġunt, perjodu wieħed jew aktar ta’ għeluq soġġett għal dan li ġej:
(a)meta xieraq, il-perjodu jew il-perjodi ta’ għeluq jistgħu jvarjaw bejn l-Istati Membri jew fi Stat Membru wieħed minn żona tas-sajd għal oħra sabiex titqies ix-xejra tal-migrazzjoni ġeografika u temporali tas-sallura fl-istadji differenti tal-ħajja tagħha;
(b)il-perjodu jew il-perjodi ta’ għeluq għandhom iservu għal perjodu ta’ żmien konsekuttiv jew mhux konsekuttiv ta’ mill-inqas 6 xhur, li għandu japplika għas-sajjieda kollha kkonċernati fiż-żona tas-sajd rilevanti;
(c)il-perjodu jew il-perjodi ta’ għeluq għandhom ikunu konsistenti mal-objettivi ta’ konservazzjoni stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1100/2007, u mal-pjanijiet ta’ ġestjoni nazzjonali stabbiliti skont l-Artikolu 2 ta’ dak ir-Regolament; u
(d)il-perjodu jew il-perjodi ta’ għeluq għandhom ikopru l-perjodu/i ewlieniewlenin tal-migrazzjoni, inkluż l-ogħla livell rispettiv, tas-sallura fl-istadju tal-ħajja rispettiv fl-Istat Membru kkonċernat.
4.B’deroga mill-paragrafu 3, il-punt (d), għas-sallura ta’ tul totali ta’ 12 cm jew aktar, l-Istati Membri kkonċernati jistgħu jippermettu attivitajiet tas-sajd sa total ta’ 30 jum konsekuttivi jew mhux konsekuttivi, li għandhom japplikaw għas-sajjieda kollha kkonċernati fiż-żona tas-sajd rilevanti, matul il-perjodu ewlieni ta’ migrazzjoni. F’dak il-każ, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jiddeterminaw għeluq addizzjonali ta’ perjodu ta’ żmien ekwivalenti matul il-perjodu ta’ migrazzjoni ewlieni jew, b’mod sussidjarju, eżatt qabel jew wara. F’każ li Stat Membru jippermetti s-sajd għal jiem mhux konsekuttivi, l-irkaptu tas-sajd għandu jinħareġ mill-ilma bejn kwalunkwe perjodu ta’ jiem mhux konsekuttivi.
5.Għas-sallura ta’ tul totali ta’ 12 cm jew aktar fis-subżona 3 tal-ICES, il-perjodu jew il-perjodi ta’ għeluq imsemmija fil-paragrafu 3 u d-deroga tiegħu/tagħhom imsemmija fil-paragrafu 4 għandhom jiġu miftiehma mill-Istati Membri kkonċernati kollha sabiex tiġi żgurata protezzjoni effettiva tas-sallura għall-migrazzjoni tagħha mill-Baħar Baltiku għall-Baħar tat-Tramuntana. Fin-nuqqas ta’ ftehim bħal dan sal-1 ta’ Marzu 2025, il-perjodu ta’ għeluq għandu jkun mill-15 ta’ Settembru 2025 sal-15 ta’ Marzu 2026 fid-Danimarka, fil-Ġermanja, fl-Estonja, fil-Latvja, fil-Litwanja, fil-Polonja, fil-Finlandja u fl-Iżvezja, u mingħajr il-possibbiltà tad-deroga msemmija fil-paragrafu 4.
6.B’deroga ulterjuri mill-paragrafu 3, il-punt (d), għas-sallura ta’ tul totali ta’ inqas minn 12 cm, l-Istati Membri kkonċernati jistgħu jippermettu attivitajiet tas-sajd sa total ta’ 30 jum konsekuttivi jew mhux konsekuttivi, li għandhom japplikaw għas-sajjieda kollha kkonċernati fiż-żona tas-sajd rilevanti, matul il-perjodu ewlieni ta’ migrazzjoni. Barra minn hekk, l-Istati Membri kkonċernati jistgħu jippermettu sajd esklużivament għal ristokkjar sa 50 jum addizzjonali matul il-perjodu ewlieni ta’ migrazzjoni. Fiż-żewġ każijiet, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jiddeterminaw għeluq addizzjonali ta’ perjodu ta’ żmien ekwivalenti matul il-perjodu ta’ migrazzjoni ewlieni jew, b’mod sussidjarju, eżatt qabel jew wara dan. F’każ li Stat Membru jippermetti s-sajd għal jiem mhux konsekuttivi, l-irkaptu tas-sajd għandu jinħareġ mill-ilma bejn kwalunkwe perjodu ta’ jiem mhux konsekuttivi.
7.Is-sajd rikreattiv tas-sallura fl-istadji kollha tal-ħajja għandu jkun ipprojbit.
8.L-Istat Membru kkonċernat, b’mod individwali jew konġunt, għandu jinforma lill-Kummissjoni:
(a)sal-1 ta’ Marzu 2025, dwar il-perjodu jew il-perjodi ta’ għeluq li huwa jkun iddetermina f’konformità mal-paragrafi 3 sa 6, flimkien mal-informazzjoni ta’ sostenn li tiġġustifika l-perjodu jew il-perjodi magħżula;
(b)fi żmien ġimagħtejn wara l-adozzjoni tagħhom, dwar il-miżuri nazzjonali relatati mal-perjodu jew mal-perjodi ta’ għeluq li huwa jkun iddetermina f’konformità mal-paragrafi 3 sa 6.]
Artikolu 14
Dispożizzjonijiet speċjali dwar l-allokazzjonijiet tal-opportunitajiet tas-sajd
1.L-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri, kif stabbilit f’dan ir-Regolament, għandha tkun mingħajr preġudizzju għal:
(a)l-iskambji skont l-Artikolu 16(8) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;
(b)it-tnaqqis u r-riallokazzjonijiet skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009;
(c)ir-riallokazzjonijiet skont l-Artikoli 12 u 47 tar-Regolament (UE) 2017/2403;
(d)ħatt l-art addizzjonali permess skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 u l-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;
(e)il-kwantitajiet miżmuma f’konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 u l-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;
(f)it-tnaqqis skont l-Artikoli 105, 106 u 107 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009;
(g)it-trasferimenti u l-iskambji ta’ kwoti skont l-Artikoli 23 u 53 ta’ dan ir-Regolament.
2.L-istokkijiet soġġetti għal TACs prekawzjonarji jew analitiċi għall-finijiet tal-ġestjoni minn sena għal sena tat-TACs u l-kwoti previsti fir-Regolament (KE) Nru 847/96 huma identifikati fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament.
3.Għajr meta speċifikat mod ieħor fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament, għandu japplika l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 għall-istokkijiet li huma soġġetti għal TAC prekawzjonarja, u l-Artikolu 3(2) u (3) u l-Artikolu 4 ta’ dak ir-Regolament għandhom japplikaw għall-istokkijiet li huma soġġetti għal TAC analitika.
4.L-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandhomx japplikaw meta Stat Membru juża l-flessibbiltà minn sena għal sena prevista fl-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.
[Artikolu 15
Staġuni magħluqa għas-sajd għaċ-ċiċċirell
Is-sajd kummerċjali għaċ-ċiċċirell (Ammodytes spp.) bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ, b’tartaruni jew b’irkaptu simili rmunkat, bid-daqs tal-malji inqas minn 16 mm għandu jkun ipprojbit fid-diviżjonijiet 2a u 3a tal-ICES u fis-subżona 4 tal-ICES mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Marzu 2025 u mill-1 ta’ Awwissu sal-31 ta’ Diċembru 2025.]
[Artikolu 16
Miżuri ta’ rimedju għall-bakkaljaw fil-Baħar tat-Tramuntana
1.Iż-żoni magħluqa għas-sajd, ħlief għas-sajd b’irkaptu pelaġiku (bit-tartaruni tal-borża u bix-xbieki tat-tkarkir), u l-perjodi li għalihom japplika l-għeluq huma stabbiliti fl-Anness IV.
2.Il-bastimenti li jistadu bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ u bit-tartaruni b’daqs minimu tal-malji ta’ mill-inqas 70 mm fid-diviżjonijiet 4a u 4b tal-ICES jew mill-inqas 90 mm fid-diviżjoni 3a tal-ICES, u bil-konzijiet għandhom jiġu pprojbiti milli jistadu fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-diviżjoni 4a tal-ICES, fit-Tramuntana tal-latitudni 58°30′00″N u fin-Nofsinhar tal-latitudni 61°30′00″N, u fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-diviżjonijiet 3a.20 tal-ICES (Skagerrak), 4a u 4b, fit-Tramuntana tal-latitudni 57°00′00″N u fil-Lvant tal-lonġitudni 5°00′00″E.
3.B’deroga mill-paragrafu 2, il-bastimenti tas-sajd imsemmija f’dak il-paragrafu jistgħu jistadu fiż-żoni msemmija f’dak il-paragrafu, dment li jissodisfaw mill-inqas wieħed mill-kriterji li ġejjin:
(a)il-qabdiet tal-bakkaljaw tagħhom ma jirrappreżentawx aktar minn 5 % tal-qabdiet totali tagħhom għal kull vjaġġ tas-sajd; il-bastimenti tas-sajd li l-qabdiet tal-bakkaljaw tagħhom ma qabżux il-5 % tal-qabdiet totali tagħhom bejn l-2017 u l-2019 huma preżunti li jikkonformaw ma’ dan il-kriterju dment li jkomplu jużaw l-istess irkaptu li użaw f’dak il-perjodu; din il-preżunzjoni tista’ tiġi kkonfutata;
(b)tintuża xibka tat-tkarkir tal-qiegħ jew tartarun regolati u selettivi ħafna, li jirriżultaw, skont studju xjentifiku, fi tnaqqis ta’ mill-inqas 30 % fil-qabdiet tal-bakkaljaw meta mqabbla ma’ bastimenti li jistadu bid-daqs tal-malja tal-linja bażi għall-irkapti rmunkati, kif speċifikat fl-Anness V, il-Parti B, il-punt 1.1 tar-Regolament (UE) 2019/1241; studji bħal dawn jistgħu jiġu evalwati mill-STECF u fil-każ ta’ evalwazzjoni negattiva, l-irkapti inkwistjoni ma għandhomx jibqgħu jitqiesu validi għall-użu fiż-żoni msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu;
(c)għal bastimenti tas-sajd li jistadu bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ u b’tartaruni b’daqs tal-malji ta’ 100 mm jew aktar (TR1), jintuża l-irkaptu selettiv ħafna li ġej:
(i)xbieki tat-tkarkir bis-sorra b’daqs minimu tal-malji fil-parti tas-sorra ta’ 600 mm;
(ii)linja tas-sajd mgħollija (0,6 m);
(iii)xibka selettiva orizzontali li jkollha fetħa għall-ħrib b’malji kbar;
(d)għal bastimenti tas-sajd li jistadu bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ u b’tartaruni b’daqs tal-malji ta’ 70 mm jew aktar fid-diviżjoni 4a u 90 mm tal-ICES u fid-diviżjoni 3a tal-ICES u inqas minn 100 mm (TR2), jintuża l-irkaptu selettiv ħafna li ġej:
(i)għarbiel orizzontali bi spazju bejn il-vireg ta’ mhux aktar minn 50 mm li jissepara l-pixxiċatt u l-ħut tond, bi żbokk mhux imblukkat għall-ħut tond;
(ii)pannell seltra b’malji kwadri ta’ 300 mm;
(iii)għarbiel bi spazju bejn il-vireg ta’ mhux aktar minn 35 mm, bi żbokk mhux imblukkat għall-ħut;
(e)il-bastimenti tas-sajd huma soġġetti għal pjan nazzjonali għall-evitar tal-bakkaljaw biex jiġu sostnuti l-qabdiet tal-bakkaljaw f’konformità mal-mortalità mis-sajd li tikkorrispondi għall-opportunitajiet tas-sajd stabbiliti, abbażi ta’ livelli ta’ parir xjentifiku, permezz ta’ miżuri spazjali jew tekniċi, jew taħlita tagħhom; pjanijiet bħal dawn għandhom jiġu vvalutati mhux aktar tard minn xahrejn wara l-implimentazzjoni tagħhom, mill-STECF fil-każ tal-Istati Membri jew mill-korp xjentifiku nazzjonali rilevanti fil-każ ta’ pajjiżi terzi, u, meta jitqies meħtieġ, riveduti ulterjorment jekk valutazzjonijiet bħal dawn isibu li l-objettiv tal-pjan nazzjonali għall-evitar tal-bakkaljaw mhux se jintlaħaq.
4.L-Istati Membri għandhom itejbu l-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza tal-bastimenti tas-sajd imsemmija fil-paragrafu 2 sabiex jiżguraw il-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3.
5.Dan l-Artikolu ma għandux japplika għal operazzjonijiet tas-sajd imwettqa għall-fini esklużiv ta’ investigazzjonijiet xjentifiċi, dment li dawk l-investigazzjonijiet jitwettqu f’konformità mal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2019/1241.]
[Artikolu 17
Miżuri tekniċi għall-Baħar Ċeltiku, il-Baħar Irlandiż u l-Punent tal-Iskozja
1.Dan li ġej għandu japplika għal bastimenti tas-sajd li jistadu bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ u bit-tartaruni fid-diviżjonijiet 7f, 7g tal-ICES, il-parti 7h fit-Tramuntana tal-latitudni 49° 30′ N u l-parti 7j fit-Tramuntana tal-latitudni 49° 30′ N u fil-Lvant tal-lonġitudni 11° W:
(a)il-bastimenti tas-sajd li jistadu bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jew bit-tartaruni għandhom jużaw irkaptu b’wieħed mid-daqsijiet tal-malji li ġejjin:
(i)manka ta’ 110 mm b’pannell b’malja kwadra ta’ 120 mm;
(ii)manka T90 ta’ 100 mm;
(iii)manka ta’ 120 mm;
(iv)100 mm b’pannell b’malja kwadra ta’ 160 mm;
(b)barra minn hekk, il-bastimenti tas-sajd li jistadu bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ li l-qabdiet tagħhom li ntiżnu qabel kwalunkwe skartar jikkonsistu f’mill-inqas 20 % merluzz tal-linja sewda għandhom jużaw irkaptu tas-sajd mibni bi spazju minimu ta’ metru bejn ix-xibka tat-tkarkir u l-apparat tal-qiegħ.
L-Istati Membri jistgħu jeżentaw mill-applikazzjoni ta’ dan il-punt il-bastimenti tas-sajd li jistadu bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ li l-qabdiet tagħhom li jkunu ntiżnu qabel kwalunkwe skartar, jikkonsistu f’inqas minn 1,5 % bakkaljaw, dment li dawk il-bastimenti jkunu soġġetti għal żieda progressiva fil-kopertura tal-osservaturi fuq il-baħar sa mill-inqas 20 % tal-vjaġġi tas-sajd kollha tagħhom;
(c)il-bastimenti tas-sajd li jistadu bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jew bit-tartaruni b’qabdiet li jkunu jinkludu aktar minn 30 % ta’ skampu għandhom jużaw wieħed mill-irkapti li ġejjin:
(i)pannell b’malja kwadra ta’ 300 mm; bastimenti ta’ tul totali ta’ inqas minn 12-il metru jistgħu jużaw pannell b’malja kwadra ta’ 200 mm;
(ii)pannell seltra;
(iii)għarbiel bi spazju bejn il-vireg ta’ 35 mm jew apparat ta’ selettività Net grid simili;
(iv)manka ta’ 100 mm b’pannell b’malja kwadra ta’ 100 mm;
(v)manka doppja bil-manka ta’ fuq nett mibnija b’malja T90 ta’ mill-inqas 100 mm u mmuntata b’pannell ta’ separazzjoni b’daqs massimu tal-malja ta’ 300 mm;
(d)il-bastimenti tas-sajd li jistadu bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jew bit-tartaruni b’qabdiet li jkunu jinkludu aktar minn 55 % ta’ merlangu jew 55 % ta’ petriċa, merluzz jew megrim imħallta għandhom jużaw wieħed mill-irkapti li ġejjin:
(i)manka ta’ 100 mm b’pannell b’malja kwadra ta’ 100 mm;
(ii)manka T90 ta’ 100 mm u estensjoni.
2.Dan li ġej għandu japplika għall-bastimenti tas-sajd li jistadu bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jew bit-tartaruni fid-diviżjonijiet 6a u 5b tal-ICES, fl-ilmijiet tal-Unjoni, fil-Lvant ta’ 12°W (il-Punent tal-Iskozja) fis-sajd tal-iskampu (Nephrops norvegicus):
(a)il-bastimenti tas-sajd għandhom jużaw pannell b’malji kwadri (il-pożizzjoni miżmuma) ta’ mill-inqas 300 mm għall-bastimenti li jkunu qegħdin jużaw daqs ta’malja iżgħar minn 100 mm għall-manka; għall-bastimenti b’tul totali ta’ inqas minn 12-il m u/jew bil-potenza tal-magna ta’ 200 kW jew inqas, it-tul totali tal-pannell jista’ jkun ta’ 2 m u l-pannell 200 mm;
(b)il-bastimenti tas-sajd b’qabdiet li jinkludu aktar minn 30 % ta’ skampu għandhom jużaw pannell b’malji kwadri (il-pożizzjoni miżmuma) ta’ mill-inqas 160 mm għal bastimenti li jużaw daqs tal-malja tal-manka ta’ 100-119-il mm.
3.Dan li ġej għandu japplika għall-bastimenti tas-sajd li jistadu bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jew bit-tartaruni fid-diviżjoni 7a tal-ICES (il-Baħar Irlandiż):
(a)il-bastimenti tas-sajd li jistadu bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jew bit-tartaruni b’daqs tal-malja tal-manka ta’ 70 mm jew akbar u iżgħar minn 100 mm u b’qabdiet li jkunu jinkludu aktar minn 30 % ta’ skampu, għandhom jużaw wieħed mill-irkapti li ġejjin:
(i)pannell b’malja kwadra ta’ 300 mm; bastimenti tas-sajd b’tul totali ta’ inqas minn 12-il metru jistgħu jużaw pannell b’malja kwadra ta’ 200 mm;
(ii)pannell seltra;
(iii)għarbiel bi spazju ta’ bejn il-vireg ta’ 35 mm;
(iv)CEFAS Net grid;
(v)xibka tat-tkarkir flip-flap;
(b)bastimenti tas-sajd b’tul totali ta’ 12-il metru jew aktar li joperaw bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jew bit-tartaruni b’qabdiet li jkunu jinkludu aktar minn 10 % ta’ merluzz tal-linja sewda, bakkaljaw u rebekkini u raj flimkien, għandhom jużaw manka ta’ 120 mm.
4.Il-perċentwali tal-qabdiet fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu kkalkulati bħala l-proporzjon skont il-piż ħaj tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar kollha li jinħattu l-art wara kull vjaġġ tas-sajd, f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u l-Artikolu 27(2) tar-Regolament (UE) 2019/1241.
5.Għandu jkun ipprojbit għall-bastimenti tas-sajd li jistadu bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ u bit-tartaruni fiż-żoni li ġejjin:
(a)id-diviżjonijiet tal-ICES minn 7f sa 7k,
(b)fiż-żona fil-Punent tal-lonġitudni 5° W fid-diviżjoni 7e tal-ICES u
(c)fid-diviżjonijiet 7b u 7c tal-ICES.
Din il-projbizzjoni ma għandhiex tapplika għall-bastimenti tas-sajd f’każ li:
(i)jużaw malji tal-manka ta’ mill-inqas 100 mm, jew
(ii)il-qabdiet aċċessorji tagħhom tal-bakkaljaw ma jaqbżux il-1,5 %, kif ivvalutat mill-STECF, meta jistadu barra miż-żoni msemmija fil-paragrafu 1.]
[Artikolu 18
Miżuri tekniċi għall-paġella ħamra fis-subżoni 6 sa 8 tal-ICES
1.Għandu japplika daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni ta’ 36 cm għall-qabdiet tal-paġella ħamra (Pagellus bogaraveo) fis-subżoni 6 sa 8 tal-ICES.
2.Għandu japplika daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni ta’ 40 cm għall-qabdiet rikreattivi tal-paġella ħamra fis-subżoni 6 u 7 tal-ICES.
3.Mill-1 ta’ Jannar sat-30 ta’ Ġunju 2025, is-sajd kollu għall-paġella ħamra fis-subżoni 6, 7 u 8 tal-ICES għandu jkun ipprojbit għall-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera Franċiża.
4.Mill-1 ta’ Frar sat-30 ta’ Settembru 2025, is-sajd bil-konzijiet tal-qiegħ (LLS, bottom set longlines) u bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ (OTB, bottom trawls) għandu jkun ipprojbit fiż-żona tal-Punent tal-Baħar tal-Kantabrija, faċċata tal-Asturji u l-Galicia.
5.Is-sajd rikreattiv għall-paġella ħamra għandu jkun ipprojbit fiż-żoni ġeografiċi li ġejjin: iż-Żona RF 1 (Cariño/Celeiro), iż-Żona RF 2 (Ribadeo), iż-Żona RF 3 (Navia), iż-Żona RF 4 (Ensenadada Canero), iż-Żona RF 5 (Ensenada de Cabrera/Ría San Martín de la Arena), iż-Żona RF 6 (Ría de Treto), iż-Żona RF 7 (Bilbao/Plentzia), iż-Żona RF 8 (Bermeo/Mundaka).]
[Artikolu 19
Miżuri ta’ rimedju għall-bakkaljaw fil-Kattegat
1.Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jistadu fil-Kattegat bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ b’daqs minimu tal-malja ta’ 70 mm għandhom jużaw wieħed mill-irkapti selettivi li ġejjin:
(a)għarbiel bi spazju bejn il-vireg ta’ mhux aktar minn 35 mm, bi żbokk mhux imblukkat għall-ħut;
(b)għarbiel bi spazju bejn il-vireg ta’ mhux aktar minn 50 mm li jissepara l-pixxiċatt u l-ħut tond, bi żbokk mhux imblukkat għall-ħut tond;
(c)pannell seltra b’malji kwadri ta’ 300 mm;
(d)irkaptu regolat selettiv ħafna, li l-attributi tekniċi tiegħu għandhom jirriżultaw, skont studju xjentifiku vvalutat mill-STECF, għal bastimenti li esklużivament iġorru abbord rkaptu bħal dan, f’inqas minn 1,5 % tal-qabdiet tal-bakkaljaw.
2.Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jipparteċipaw fi proġett ta’ Stat Membru u li jkollhom tagħmir funzjonali għal attivitajiet tas-sajd dokumentati bis-sħiħ jistgħu jużaw rkaptu f’konformità mal-Anness V, il-Parti B tar-Regolament (UE) 2019/1241. Sal-31 ta’ Marzu 2025, l-Istat Membru inkwistjoni għandu jikkomunika lista ta’ bastimenti bħal dawn lill-Kummissjoni.
3.Dan l-Artikolu ma għandux japplika għal operazzjonijiet tas-sajd imwettqa għall-fini esklużiv ta’ investigazzjonijiet xjentifiċi, dment li dawk l-investigazzjonijiet jitwettqu f’konformità mal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2019/1241.]
Artikolu 20
Speċijiet ipprojbiti
1.Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni ma għandhomx jistadu għall-ispeċijiet li ġejjin, iżommuhom abbord, jittrażbordawhom jew iħottuhom l-art:
(a)ir-raja tal-kwiekeb (Amblyraja radiata) fl-ilmijiet tar-Renju Unit u tal-Unjoni tas-subżona 4 u d-diviżjoni 7d tal-ICES; l-ilmijiet tar-Renju Unit tad-diviżjoni 2a; u l-ilmijiet tal-Unjoni tad-diviżjoni 3a;
(b)il-fonsa l-ħamra (Beryx splendens) fis-subżona 6 tan-NAFO;
(c)it-tawru (Carcharias taurus) fl-ilmijiet kollha għajr dawk tal-Mediterran;
(d)ir-rebekkin skur (Dipturus batis) kumpless (Dipturus cf. flossada u Dipturus cf. intermedia) fir-Renju Unit u fl-ilmijiet tal-Unjoni tas-subżoni 4 u 6 sa 8 tal-ICES; l-ilmijiet tar-Renju Unit tad-diviżjoni 2a u tas-subżona 5; u l-ilmijiet tal-Unjoni tas-subżoni 3, 9 u 10;
(e)il-mazzola tal-fanal maġġuri (Etmopterus princeps) fl-ilmijiet tar-Renju Unit u tal-Unjoni tas-subżona 4 tal-ICES; l-ilmijiet tar-Renju Unit tad-diviżjoni 2a; u l-ilmijiet internazzjonali tas-subżoni 1 u 14 tal-ICES;
(f)il-kelb il-baħar (Galeorhinus galeus) meta jittieħed b’konzijiet fir-Renju Unit u fl-ilmijiet tal-Unjoni tas-subżoni 4 tal-ICES; l-ilmijiet tar-Renju Unit tad-diviżjoni 2a; l-ilmijiet tar-Renju Unit u internazzjonali tas-subżona 5; l-ilmijiet tar-Renju Unit, tal-Unjoni u internazzjonali tas-subżoni 6 sa 8; u l-ilmijiet internazzjonali tas-subżoni 12 u 14;
(g)il-pixxiplamtu (Lamna nasus) fl-ilmijiet kollha;
(h)ir-raja tal-fosos (Raja clavata) fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-diviżjoni 3a tal-ICES;
(i)ir-raja ondjata (Raja undulata) fl-ilmijiet tar-Renju Unit u tal-Unjoni tas-subżona 6 tal-ICES; u l-ilmijiet tal-Unjoni tas-subżona 10 tal-ICES;
(j)il-kelb balena (Rhincodon typus) fl-ilmijiet kollha;
(k)il-vjolin (Rhinobatos rhinobatos) fil-Mediterran; u
(l)l-ispeċijiet tal-baħar fond li huma elenkati fl-Anness IA, il-Parti D, fl-ilmijiet tal-Unjoni, f’dawk tar-Renju Unit u f’dawk internazzjonali taż-żoni tal-ICES: 1; 2, għajr l-ilmijiet tar-Renju Unit tad-diviżjoni 2a; 5 sa 10; 12 u 14, u ż-żoni tas-CECAF 34.1.1, 34.1.2 u 34.2. Barra minn hekk, fl-ilmijiet tal-Unjoni u dawk tar-Renju Unit tad-diviżjoni 2a u tas-subżona 4 tal-ICES, fejn speċifikat f’dak l-Anness.
2.Meta jinqabdu aċċidentalment, l-eżemplari msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhiex issirilhom ħsara u għandhom jinħelsu immedjatament.
Artikolu 21
Trażmissjoni tad-data
Meta l-Istati Membri jippreżentaw data lill-Kummissjoni relatata mal-ħatt l-art u mal-isforz tas-sajd skont l-Artikoli 33 u 34 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, għandhom jużaw il-kodiċijiet tal-istokkijiet stabbiliti fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament.
Kapitolu II
Awtorizzazzjonijiet għas-sajd fl-ilmijiet ta’ pajjiżi terzi
Artikolu 22
Awtorizzazzjonijiet tas-sajd
1.L-għadd massimu ta’ awtorizzazzjonijiet tas-sajd għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni fl-ilmijiet ta’ pajjiż terz, meta applikabbli, huwa stabbilit fl-Anness V, il-Parti A.
2.Meta, f’konformità mal-Artikolu 16(8) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, Stat Membru, wara li jinnotifika lill-Kummissjoni, jittrasferixxi l-kwota lil Stat Membru ieħor fiż-żoni tas-sajd stabbiliti fl-Anness V, il-Parti A ta’ dan ir-Regolament, it-trasferiment għandu jkun akkumpanjat, meta rilevanti, bi trasferiment xieraq tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd. Kif stabbilit fl-Anness V, il-Parti A ta’ dan ir-Regolament, l-għadd totali ta’ awtorizzazzjonijiet tas-sajd għal kull żona tas-sajd ma għandux jinqabeż. Dak it-trasferiment tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għandu jiġi nnotifikat mill-Istat Membru ta’ trasferiment lill-Kummissjoni fiż-żmien tan-notifika lill-Kummissjoni tat-trasferiment tal-kwoti.
Kapitolu III
Opportunitajiet tas-sajd ġestiti
mill-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd
Taqsima 1
Dispożizzjonijiet ġenerali
Artikolu 23
Trasferimenti u skambji ta’ kwoti
1.Meta r-regoli ta’ organizzazzjoni reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd (RFMO) jippermettu trasferimenti jew skambji ta’ kwoti bejn il-Partijiet Kontraenti għal dik l-RFMO, Stat Membru (“l-Istat Membru kkonċernat”) jista’ jiddiskuti ma’ Parti Kontraenti għal dik l-RFMO u jistabbilixxi qafas possibbli tat-trasferiment jew tal-iskambju tal-kwoti maħsub, kif xieraq. L-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar il-qafas.
2.Meta tiġi nnotifikata f’konformità mal-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista’ tapprova l-qafas tat-trasferiment jew l-iskambju tal-kwoti maħsub. F’każ li l-Kummissjoni tapprova l-qafas, għandha tesprimi, mingħajr dewmien żejjed, il-kunsens tagħha li tkun marbuta bit-trasferiment jew bl-iskambju tal-kwoti maħsub. Għandha tinnotifika lis-segretarjat tal-RFMO dwar it-trasferiment jew l-iskambju f’konformità mar-regoli ta’ dik l-RFMO.
3.Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri bi kwalunkwe trasferiment jew skambju tal-kwoti miftiehem.
4.L-opportunitajiet tas-sajd riċevuti jew ittrasferiti mill-Istat Membru kkonċernat taħt it-trasferiment jew l-iskambju tal-kwoti għandhom jitqiesu bħala kwoti miżjuda mal-allokazzjoni tiegħu, jew imnaqqsa minnha, mill-mument li t-trasferiment jew l-iskambju jidħol fis-seħħ skont it-termini tal-ftehim mal-Parti Kontraenti rilevanti għall-RFMO jew f’konformità mar-regoli tal-RFMO rilevanti, kif xieraq. Trasferimenti u skambji bħal dawn ma għandhomx jaffettwaw l-iskeda ta’ distribuzzjoni biex jiġu allokati l-opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri f’konformità mal-prinċipju ta’ stabbiltà relattiva tal-attivitajiet tas-sajd.
[It-Taqsimiet 2 sa 4, u 8 sa 9 ta’ dan ir-Regolament se jiġu aġġornati wara l-laqgħat annwali tal-RFMOs.]
[Taqsima 2
Żona tal-Konvenzjoni NEAFC
Artikolu 24
Sebasti fil-Baħar Irminger
1.L-attivitajiet kollha tas-sajd għandhom ikunu pprojbiti fiż-żona ddelimitata mill-koordinati li ġejjin imkejla skont is-sistema WGS84:
|
Latitudni
|
Lonġitudni
|
|
63°00'N
|
30°00'W
|
|
61°30'N
|
27°35'W
|
|
60°45'N
|
28°45'W
|
|
62°00'N
|
31°35'W
|
|
63°00'N
|
30°00'W
|
2.Il-bastimenti tas-sajd għandhom ikunu pprojbiti milli jistadu, iżommu abbord, jittrażbordaw jew iħottu l-art fil-portijiet tal-Unjoni u fil-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, kif ukoll fil-portijiet ta’ pajjiżi terzi, l-iskorfna tat-Tramuntana pelaġika tal-baxx u pelaġika tal-fond (Sebastes mentella) mill-Baħar Irminger u mill-ilmijiet tal-madwar (is-subżoni 5, 12 u 14 tal-ICES, u s-subżoni 1 u 2 tan-NAFO).
3.Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom ikunu pprojbiti milli jipparteċipaw f’operazzjonijiet ta’ trażbord li jinvolvu l-istokkijiet imsemmija fil-paragrafu 2.
4.Il-bastimenti tal-Unjoni għandhom ikunu pprojbiti milli jirrifornu jew jagħtu servizzi ta’ sostenn lill-bastimenti tas-sajd b’qabdiet tal-istokkijiet imsemmija fil-paragrafu 2.]
[Taqsima 3
Żona tal-Konvenzjoni ICCAT
Artikolu 25
Limitazzjonijiet fuq il-kapaċità tas-sajd, it-trobbija u s-simna
1.L-għadd ta’ dgħajjes tal-Unjoni tas-sajd bil-lixka u tas-sajd bir-rixa awtorizzati biex jistadu attivament għat-tonn (Thunnus thynnus) ta’ bejn 8 kg/75 cm u 30 kg/115 cm fl-Atlantiku tal-Lvant għandu jkun limitat kif stabbilit fl-Anness VI, il-punt 1.
2.L-għadd ta’ bastimenti tas-sajd artiġjanali kostali tal-Unjoni li huma awtorizzati jistadu attivament għat-tonn ta’ bejn 8 kg/75 cm u 30 kg/115 cm fil-Mediterran għandu jkun limitat kif stabbilit fl-Anness VI, il-punt 2.
3.L-għadd ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jistadu għat-tonn fil-Baħar Adrijatiku għall-finijiet ta’ trobbija, li huma awtorizzati jistadu attivament għat-tonn ta’ bejn 8 kg/75 cm u 30 kg/115 cm, għandu jkun limitat kif stabbilit fl-Anness VI, il-punt 3.
4.L-għadd ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni awtorizzati għas-sajd, għaż-żamma abbord, għat-trażbord, għat-trasport jew għall-ħatt l-art tat-tonn fl-Atlantiku tal-Lvant u fil-Mediterran għandu jkun limitat kif stabbilit fl-Anness VI, il-punt 4.
5.L-għadd ta’ nases involuti fis-sajd tat-tonn fl-Atlantiku tal-Lvant u fil-Mediterran għandu jkun limitat kif stabbilit fl-Anness VI, il-punt 5.
6.L-għadd massimu ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li huma awtorizzati jistadu għall-alonga tat-Tramuntana (Thunnus alalunga) bħala speċi fil-mira f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2017/2107 għandu jkun limitat kif stabbilit fl-Anness VI, il-punt 7 ta’ dan ir-Regolament.
7.L-għadd massimu ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni b’tul ta’ mill-inqas 20 m li jistadu għat-tonn obeż (Thunnus obesus) fiż-żona tal-Konvenzjoni ICCAT, għandu jkun limitat kif stabbilit fl-Anness VI, il-punt 8.
Artikolu 26
Sajd rikreattiv
Meta xieraq, l-Istati Membri għandhom jallokaw sehem speċifiku mill-kwoti allokati tagħhom għas-sajd rikreattiv, kif stabbilit fl-Anness ID.
Artikolu 27
Klieb il-baħar
Minbarra l-projbizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 32 sa 36 tar-Regolament (UE) 2017/2107, għandu jkun ipprojbit ukoll l-involviment f’sajd dirett għall-ispeċijiet ta’ pixxivolpi tal-ġeneru Alopias.
Artikolu 28
FADs għat-tonn tropikali
1.Għandu jkun ipprojbit l-użu tal-FADs fiż-żona tal-Konvenzjoni ICCAT mill-1 ta’ Jannar 2025 sat-12 ta’ Marzu 2025.
2. Mis-17 ta’ Diċembru 2024 sal-31 ta’ Diċembru 2024, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-bastimenti tas-sajd tagħhom ma jużawx l-FADs.]
[Taqsima 4
Żona tal-Konvenzjoni CAMLR
Artikolu 29
Notifiki ta’ sajd esploratorju għall-pixxisinna għall-istaġun tas-sajd 2025-2026
1.L-Istati Membri jistgħu jipparteċipaw, jew jawtorizzaw lill-bastimenti tas-sajd tagħhom biex jipparteċipaw, f’sajd esploratorju bil-konz għall-pixxisinna (Dissostichus spp.) fis-subżoni 48.6, 88.1 u 88.2 tal-FAO u fid-diviżjonijiet 58.4.1, 58.4.2 u 58.4.3a tal-FAO barra miż-żoni ta’ ġuriżdizzjoni nazzjonali għas-sajd fil-perjodu mill-1 ta’ Diċembru 2025 sat-30 ta’ Novembru 2026, f’konformità mal-Artikolu 7(2) sa (7) tar-Regolament (KE) tal-Kunsill Nru 601/2004.
2.B’deroga mill-iskadenzi stabbiliti fl-Artikolu 7(5) u (6) tar-Regolament (KE) Nru 601/2004, dawk l-Istati Membri li beħsiebhom jagħmlu dan għandhom jinnotifikaw lis-Segretarjat tas-CAMLR mhux aktar tard mill-1 ta’ Ġunju 2025.
Artikolu 30
Sajd għall-pixxisinna matul l-istaġun tas-sajd 2024-2025
1.Minbarra r-rekwiżiti speċjali għas-sajd esploratorju stabbiliti fl-Artikolu 7a tar-Regolament (KE) Nru 601/2004, is-sajd għall-pixxisinna fil-perjodu mill-1 ta’ Diċembru 2024 sat-30 ta’ Novembru 2025 għandu jkun limitat għall-Istati Membri, is-subżoni u l-għadd ta’ bastimenti tas-sajd stabbiliti fl-Anness VII, it-Tabella A, u t-TACs u għandhom japplikaw il-limiti tal-qabdiet aċċessorji stabbiliti fit-Tabella B ta’ dak l-Anness.
2.Is-sajd dirett ta’ speċijiet ta’ klieb il-baħar għal finijiet oħrajn minbarra r-riċerka xjentifika għandu jiġi pprojbit. Kwalunkwe qabda aċċessorja ta’ klieb il-baħar, speċjalment frieħ u klieb il-baħar nisa tqal, li jinqabdu aċċidentalment fis-sajd għall-pixxisinna, għandhom jinħelsu ħajjin.
3.Meta applikabbli, għandu jieqaf is-sajd għall-pixxisinna f’kull unità ta’ riċerka fuq skala żgħira (SSRU, small-scale research unit) meta l-qabda rrapportata tilħaq it-TAC speċifikata, u l-SSRU għandha tingħalaq għas-sajd għall-bqija tal-istaġun tas-sajd.
4.Is-sajd għandu jsir fuq medda ġeografika u batimetrika kemm jista’ jkun kbira, sabiex tinkiseb l-informazzjoni meħtieġa biex jiġi ddeterminat il-potenzjal tas-sajd u tiġi evitata konċentrazzjoni żejda tal-qbid u tal-isforz tas-sajd. Madankollu, is-sajd fis-subżoni 48.6, 88.1 u 88.2 tal-FAO għandu jkun ipprojbit f’fond ta’ inqas minn 550 m.
Artikolu 31
Sajd għall-krill matul l-istaġun tas-sajd 2025–2026
1.Għall-fini tal-Artikolu 5a tar-Regolament (KE) Nru 601/2004, l-Istati Membri li jkun beħsiebhom jistadu għall-krill (Euphausia superba) fiż-żona tal-Konvenzjoni CAMLR matul il-perjodu mill-1 ta’ Diċembru 2025 sat-30 ta’ Novembru 2026, għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dan sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Mejju 2025, permezz tal-formola fl-Appendiċi tal-Anness VII, il-Parti B.
2.B’deroga mill-iskadenzi stabbiliti fl-Artikolu 7(5) u (6) tar-Regolament (KE) Nru 601/2004, u abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tissottometti n-notifiki lis-Segretarjat tas-CAMLR sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Mejju 2025.
3.In-notifika msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tinkludi l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 601/2004 għal kull bastiment tas-sajd li għandu jiġi awtorizzat biex jipparteċipa fis-sajd għall-krill.
4.Stat Membru li jkun beħsiebu jistad għall-krill fiż-żona tal-Konvenzjoni CAMLR għandu jinnotifika l-intenzjoni tiegħu li jagħmel dan biss fir-rigward ta’ bastimenti tas-sajd awtorizzati li, fil-ħin tan-notifika:
(a)itajru l-bandiera tiegħu; jew
(b)itajru l-bandiera ta’ membru ieħor tas-CAMLR u li jkunu mistennija li jtajru l-bandiera dak l-Istat Membru fiż-żmien li fih isir is-sajd.
5.Meta bastiment tas-sajd awtorizzat li jkun ġie nnotifikat lis-Segretarjat tas-CAMLR f’konformità mal-paragrafi 1, 2 u 3 jitwaqqaf milli jipparteċipa f’sajd għall-krill minħabba raġunijiet operazzjonali leġittimi jew minħabba forza maġġuri, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jawtorizza s-sostituzzjoni tiegħu minn bastiment tas-sajd ieħor. F’każ bħal dan, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma minnufih lis-Segretarjat tas-CAMLR b’kopja lill-Kummissjoni, u jipprovdi:
(a)dettalji sħaħ tal-bastiment(i) tas-sajd ta’ sostituzzjoni maħsub(a), inkluża l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 601/2004; u
(b)rendikont komprensiv tar-raġunijiet li jiġġustifikaw is-sostituzzjoni u kwalunkwe evidenza jew referenza ta’ sostenn rilevanti.]
Taqsima 5
Żona ta’ Kompetenza tal-IOTC
Artikolu 32
Limitazzjoni tal-kapaċità tas-sajd
ta’ bastimenti li jistadu fiż-Żona ta’ Kompetenza tal-IOTC
1.L-għadd massimu ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jistadu għat-tonn tropikali fiż-Żona ta’ Kompetenza tal-IOTC u l-kapaċità korrispondenti f’tunnellaġġ gross għandhom ikunu kif stabbilit fl-Anness VIII, il-punt 1.
2.L-għadd massimu ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jistadu għall-pixxispad (Xiphias gladius) u għall-alonga (Thunnus alalunga) fiż-Żona ta’ Kompetenza tal-IOTC u l-kapaċità korrispondenti f’tunnellaġġ gross għandhom ikunu kif stabbilit fl-Anness VIII, il-punt 2.
3.L-Istati Membri jistgħu jallokaw mill-ġdid il-bastimenti tas-sajd li jkunu assenjati għal waħda mill-attivitajiet tas-sajd imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 lill-attività tas-sajd l-oħra, dment li jkunu jistgħu juru lill-Kummissjoni li bidla bħal din ma twassalx għal żieda fl-isforz tas-sajd fir-rigward tal-istokkijiet tal-ħut inkwistjoni.
4.Meta jiġi propost trasferiment ta’ kapaċità lill-flotta ta’ Stat Membru, dak l-Istat Membru għandu jiżgura li l-bastimenti tas-sajd li għandhom jiġu ttrasferiti jkunu fuq ir-reġistru tal-IOTC ta’ bastimenti awtorizzati jew fuq ir-reġistru ta’ bastimenti ta’ RFMOs oħrajn li jimmaniġġjaw is-sajd tat-tonn. Il-bastimenti tas-sajd li jidhru fuq kwalunkwe lista ta’ bastimenti tal-RFMO li jkunu involuti f’attivitajiet ta’ sajd illegali, mhux regolati u mhux irrapportati (IUU, illegal, unregulated and unreported) ma jistgħux jiġu ttrasferiti.
5.L-Istati Membri jistgħu jżidu l-kapaċità tas-sajd tagħhom lil hinn mil-livelli limitu msemmija fil-paragrafi 1 u 2 biss fil-limiti stabbiliti fil-pjanijiet ta’ żvilupp li jkunu ġew ippreżentati lill-IOTC.
Artikolu 33
Irkaptu mitluq għal riħu sabiex jinġema’ l-ħut u bastimenti tal-forniment
1.L-irkaptu mitluq għal riħu sabiex jinġema’ l-ħut għandu jkun mgħammar b’bagi strumentati. L-użu ta’ kwalunkwe baga oħra, bħal bagi bir-radju, għandu jkun ipprojbit.
2.Bastiment tas-sajd bit-tartarun tal-borża ma għandu jsegwi fl-ebda waqt aktar minn 300 baga operazzjonali.
3.Mhux aktar minn 500 baga strumentata għandhom jinkisbu kull sena għal kull bastiment tas-sajd bit-tartarun tal-borża. L-ebda bastiment tas-sajd bit-tartarun tal-borża ma għandu jkollu, fl-ebda waqt, aktar minn 500 baga strumentata, kemm maħżuna kif ukoll li jkunu qegħdin jitħaddmu.
4.Mhux aktar minn tliet bastimenti tal-forniment għandhom joperaw b’appoġġ ta’ mhux inqas minn 10 bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża, li kollha jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru. Dan il-paragrafu ma għandux japplika għall-Istati Membri li jużaw bastiment tal-forniment wieħed biss.
5.Bastiment tas-sajd wieħed bit-tartarun tal-borża ma għandu jingħata appoġġ fl-ebda waqt minn aktar minn bastiment wieħed tal-provvista li jtajjar il-bandiera ta’ Stat Membru.
6.L-Unjoni ma għandhiex tirreġistra bastimenti tal-forniment ġodda jew addizzjonali fir-reġistru tal-bastimenti awtorizzati tal-IOTC.
Taqsima 6
Żona tal-Konvenzjoni SPRFMO
Artikolu 34
Sajd ta’ ħut pelaġiku
1.Huma biss dawk l-Istati Membri li eżerċitaw b’mod attiv attivitajiet tas-sajd ta’ ħut pelaġiku fiż-żona tal-Konvenzjoni SPRFMO fl-2007, fl-2008 jew fl-2009 li jistgħu jistadu għal stokkijiet pelaġiċi f’dik iż-żona f’konformità mat-TACs stabbiliti fl-Anness IH.
2.L-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jużaw l-opportunitajiet tas-sajd stabbiliti fl-Anness IH biss jekk jibagħtu l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni sal-15-il jum tax-xahar ta’ wara, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tikkomunikaha lis-Segretarjat tal-SPRFMO:
(a)lista ta’ bastimenti li jistadu b’mod attiv jew li jkunu involuti fit-trażbord fiż-żona tal-Konvenzjoni SPRFMO;
(b)rapporti tal-qabdiet ta’ kull xahar.
[Taqsima 7
Żona tal-Konvenzjoni IATTC
Artikolu 35
Sajd bit-tartaruni tal-borża
1.Il-bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża ma għandhomx jistadu għat-tonna safra (Thunnus albacares), għat-tonn obeż (Thunnus obesus) jew għall-palamit (Katsuwonus pelamis):
(a)bejn il-ħinijiet ta’ 00.00 tad-29 ta’ Lulju 2025 u 24.00 tat-8 ta’ Ottubru 2025 jew bejn il-ħinijiet ta’ 00.00 tad-9 ta’ Novembru 2025 u 24.00 tad-19 ta’ Jannar 2026 fiż-żona definita mil-limiti li ġejjin:
–ix-xtut tal-Kontinent Amerikan li jmissu mal-Paċifiku,
–il-lonġitudni 150° W,
–il-latitudni 40° N,
–il-latitudni 40° S;
(b)bejn il-ħinijiet ta’ 00.00 tad-9 ta’ Ottubru 2025 u 24.00 tat-8 ta’ Novembru 2025 fiż-żona definita mil-limiti li ġejjin:
–il-lonġitudni 96° W,
–il-lonġitudni 110° W,
–il-latitudni 4° N,
–il-latitudni 3° S.
2.Għal kull wieħed mill-bastimenti tas-sajd imsemmija fil-paragrafu 1 u li jtajjar il-bandiera ta’ Stat Membru, dak l-Istat Membru tal-bandiera għandu jinforma lill-Kummissjoni qabel l-1 ta’ April 2025 b’liema mill-perjodi ta’ għeluq imsemmija fil-paragrafu 1, il-punt (a), il-bastiment tas-sajd ikun għażel.
3.Il-bastimenti bit-tartarun tal-borża li jistadu għat-tonn fiż-żona tal-Konvenzjoni IATTC għandhom iżommu abbord u wara jittrażbordaw jew iħottu l-art it-tonn isfar, it-tonn obeż u l-palamit kollu li jaqbdu.
4.Il-paragrafu 3 ma għandux japplika:
(a)meta l-ħut jitqies li mhuwiex tajjeb għall-konsum mill-bniedem minħabba kwalunkwe raġuni għajr id-daqs;
(b)matul l-aħħar tefgħa ta’ xibka ta’ vjaġġ, meta jista’ ma jkunx baqa’ spazju biżżejjed biex jitqiegħed it-tonn kollu maqbud f’dik it-tefgħa.
Artikolu 36
FADs mitluqin għal riħhom biex jinġema’ l-ħut
1.Bastiment bit-tartarun tal-borża ma għandux ikollu aktar minn 400 FAD attiv fi kwalunkwe ħin fiż-żona tal-Konvenzjoni IATTC. FAD għandu jitqies attiv meta jintuża fuq il-baħar, jibda jittrażmetti l-pożizzjoni tiegħu u jkun qiegħed jiġi segwit mill-bastiment, mis-sid jew mill-operatur tiegħu. FAD għandu jiġi attivat biss abbord bastiment bit-tartarun tal-borża.
2.Matul il-15-il jum qabel il-bidu tal-perjodu ta’ għeluq magħżul f’konformità mal-Artikolu 35(1), il-punt (a), ta’ dan ir-Regolament bastiment tas-sajd bit-tartarun tal-borża għandu, fiż-żona tal-Konvenzjoni IATTC:
(a)iżomm lura milli juża FADs;
(b)jirkupra l-istess għadd ta’ FADs kif użati inizjalment.
Artikolu 37
Limiti ta’ qbid għat-tonn obeż fl-attivitajiet tas-sajd bil-konz
Il-qabdiet annwali totali tat-tonn obeż fiż-żona tal-Konvenzjoni IATTC mill-bastimenti tas-sajd bil-konz ta’ kull Stat Membru huma stabbiliti fl-Anness IL.
Artikolu 38
Projbizzjoni tas-sajd għall-kelb il-baħar tal-qarnuna bajda oċeaniku
1.Għandu jkun ipprojbit is-sajd għall-kelb il-baħar tal-qarnuna bajda oċeaniku (Carharhinus longimanus) fiż-żona tal-Konvenzjoni IATTC, u ż-żamma abbord, it-trażbord, il-ħatt l-art, il-ħżin, l-offerta għall-bejgħ jew il-bejgħ ta’ kwalunkwe parti minn karkassa jew tal-karkassa sħiħa tal-kelb il-baħar tal-qarnuna bajda oċeaniku maqbuda f’dik iż-żona.
2.Meta jinqabdu aċċidentalment, ma għandhiex issir ħsara lill-eżemplari tal-kelb il-baħar bil-qarnuna bajda oċeaniku u għandhom jinħelsu minnufih mill-operaturi tal-bastimenti tas-sajd.
3.L-operaturi tal-bastiment tas-sajd għandhom jirreġistraw l-għadd ta’ ħut li jinħeles u l-indikazzjoni tal-istatus (mejjet jew ħaj) u jirrapportaw dik l-informazzjoni lill-Istat Membru li huma ċittadini tiegħu. L-Istati Membri għandhom jittrażmettu dik l-informazzjoni miġbura matul l-2023 lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Jannar 2024.]
[Taqsima 8
Żona tal-Konvenzjoni SEAFO
Artikolu 39
Projbizzjoni tas-sajd għall-klieb il-baħar tal-fond
Għandu jkun ipprojbit is-sajd dirett għall-klieb il-baħar tal-fond li ġejjin fiż-żona tal-Konvenzjoni SEAFO:
(a)il-gattarell fantażma (Apristurus manis);
(b)il-mazzola tal-fanal Bigelow (Etmopterus bigelowi);
(c)il-mazzola tal-fanal ta’ denb qasir (Etmopterus brachyurus);
(d)il-mazzola tal-fanal maġġuri (Etmopterus princeps);
(e)il-mazzola tal-fanal minuri (Etmopterus pusillus);
(f)ir-rebekkini (Rajidae);
(g)il-kelb il-baħar bellusi (Scymnodon squamulosus);
(h)il-klieb il-baħar tas-superordni Selachimorpha;
(i)il-mazzola griża (Squalus acanthias).]
[Taqsima 9
Żona tal-Konvenzjoni WCPFC
Artikolu 40
Kundizzjonijiet għas-sajd tat-tonn obeż, it-tonna safra, il-palamit
u l-alonga tan-Nofsinhar tal-Paċifiku
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ma jiġux allokati aktar minn 403 ijiem ta’ sajd għall-bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża għat-tonn obeż (Thunnus obesus), għat-tonna safra (Thunnus albacares) u għall-palamit (Katsuwonus pelamis) fiż-żoni tal-ibħra internazzjonali bejn 20° N and 20° S taż-żona tal-Konvenzjoni WCPFC.
2.Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni ma għandux ikollhom fil-mira l-alonga tan-Nofsinhar tal-Paċifiku (Thunnus alalunga) fiż-żona tal-Konvenzjoni WCPFC li tinsab fin-Nofsinhar ta’ 20° S.
3.L-għadd massimu ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni bit-tartarun tal-borża awtorizzati li jistadu għat-tonn tropikali fiż-żoni tal-ilmijiet internazzjonali bejn 20° N u 20° S taż-żona tal-Konvenzjoni WCPFC ma għandux jaqbeż il-limiti stabbiliti fl-Anness IX, it-Tabella 2.
Artikolu 41
Ġestjoni tas-sajd bl-FADs
1.Fil-parti taż-żona tal-Konvenzjoni WCPFC li tinsab bejn 20° N u 20° S, il-bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża, il-bastimenti awżiljarji u kwalunkwe bastiment ieħor li jopera b’appoġġ għall-bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża, ma għandhomx jużaw jew iħaddmu FADs jew iqiegħdu xbieki fuqhom bejn il-ħinijiet ta’ 00.00 fl-1 ta’ Lulju 2025 u 24.00 fil-15 ta’ Awwissu 2025.
2.Minbarra l-projbizzjoni stipulata fil-paragrafu 1, għandu jkun ipprojbit li jitqiegħdu xbieki fuq l-FADs fl-ibħra internazzjonali taż-żona tal-Konvenzjoni WCPFC li tinsab bejn 20° N u 20° S għal xahar addizzjonali, minn 00.00 tal-1 ta’ April 2025 sa 24.00 tat-30 ta’ April 2025, jew minn 00.00 tal-1 ta’ Mejju 2025 sa 24.00 tal-31 ta’ Mejju 2025, jew minn 00.00 tal-1 ta’ Novembru 2025 sa 24.00 tat-30 ta’ Novembru 2025, jew minn 00.00 tal-1 ta’ Diċembru 2025 sa 24.00 tal-31 ta’ Diċembru 2025.
3.L-Istati Membri kkonċernati għandhom jiddeterminaw b’mod konġunt liema mill-perjodi ta’ għeluq imsemmija fil-paragrafu 2 għandhom japplikaw għall-bastimenti tas-sajd b’tartarun tal-borża li jtajru l-bandiera tiegħu. L-Istati Membri għandhom jinformaw b’mod konġunt lill-Kummissjoni sal-15 ta’ Frar 2025 dwar il-perjodu ta’ għeluq magħżul. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lis-segretarjat tad-WCPFC dwar il-perjodu ta’ għeluq konġunt magħżul mill-Istati Membri kkonċernati qabel l-1 ta’ Marzu 2025.
4.Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-ebda wieħed mill-bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża tiegħu ma jqiegħed fuq il-baħar, fi kwalunkwe ħin, aktar minn 350 FAD bil-bagi strumentati attivati. Il-bagi għandhom jiġu attivati esklużivament abbord bastimenti tas-sajd b’tartarun tal-borża.
Artikolu 42
Għadd massimu ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni awtorizzati għas-sajd tal-pixxispad
L-għadd massimu ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni awtorizzati għas-sajd tal-pixxispad (Xiphias gladius) f’żoni fin-Nofsinhar ta’ 20° S taż-żona tal-Konvenzjoni WCPFC għandu jkun kif stabbilit fl-Anness IX.
Artikolu 43
Limiti ta’ qbid għall-pixxispad fis-sajd bil-konz fin-Nofsinhar ta’ 20° S
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qabdiet tal-pixxispad (Xiphias gladius) fin-Nofsinhar ta’ 20° S mill-bastimenti tas-sajd bil-konz fl-2025 ma jaqbżux il-limitu stabbilit fl-Anness IG, it-Tabella 2. Għandhom jiżguraw ukoll li dan ma jirriżultax f’bidla fl-isforz tas-sajd għall-pixxispad lejn iż-żona fit-Tramuntana ta’ 20° S.]
Taqsima 10
Baħar Bering
Artikolu 44
Projbizzjoni ta’ sajd fl-ibħra internazzjonali tal-Baħar Bering
Għandu jkun ipprojbit is-sajd għall-pollakkju iswed (Gadus chalcogrammus) fl-ibħra internazzjonali tal-Baħar Bering.
Taqsima 11
Żona tal-Ftehim SIOFA
Artikolu 45
Limiti għas-sajd tal-qiegħ
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tagħhom li jistadu fiż-Żona tal-Ftehim SIOFA:
(a)jillimitaw l-isforz annwali tas-sajd tal-qiegħ tagħhom għal-livell stabbilit fl-Anness X;
(b)ma jwettqux sajd tal-qiegħ ħlief jekk jużaw konz tal-qiegħ; u
(c)ma jistadux fiż-żoni protetti b’mod temporanju ta’ Atlantis Bank, Coral, Fools Flat, Middle of What u Walter’s Shoal, kif definit fl-Anness IK, ħlief bil-konz tal-qiegħ u bil-kundizzjoni li jkollhom osservatur xjentifiku abbord il-ħin kollu meta jkunu qegħdin jistadu f’dawk iż-żoni.
Artikolu 46
Miżuri tas-sajd għall-pixxisinna
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tagħhom li jistadu għall-pixxisinna (Dissostichus spp.) fiż-Żona tal-Ftehim SIOFA:
(a)ma jistadux f’fond ta’ aktar minn 500 metru;
(b)ikollhom mill-inqas osservatur xjentifiku wieħed abbord f’kull ħin li għandu jkollu mira li josserva 25 % tas-snanar mitfugħin f’kull linja matul id-durata tal-użu tas-sajd; u
(c)jimmarkaw u jeħilsu eżemplari tal-pixxisinna b’rata ta’ mill-inqas ħames ħutiet għal kull tunnellata ta’ piż ħaj li jinqabad. Ladarba jkunu nqabdu 30 pixxisinna jew aktar, għandha tapplika statistika minima sovrapposta ta’ mill-inqas 60 % għar-rilaxx tat-tikketti.
Artikolu 47
Projbizzjoni fuq l-immirar għall-klieb il-baħar tal-fond
Għandu jkun ipprojbit is-sajd dirett għall-klieb il-baħar tal-fond li ġejjin fiż-Żona tal-Ftehim SIOFA:
(a)il-mazzola Portugiża (Centroscymnus coelolepis), ħlief fil-kuntest tal-kwota tal-qbid aċċessorju kif stabbilit fl-Anness IK;
(b)il-mazzola munqar l-għasfur (Deania calceus);
(c)iż-żagħrun (Centrophorus granulosus);
(d)il-murruna sewda (Dalatias licha);
(e)il-gattarell ta’ Bach (Bythaelurus bachi);
(f)il-kimera ħalqha skur (Chimaera buccanigella);
(g)il-kimera ta’ Didier (Chimaera didierae);
(h)il-kimera tal-baħrin (Chimaera willwatchi);
(i)il-mazzola bellusija mneħirha twil (Centroselachus crepidater);
(j)il-kelb il-baħar ta’ Plunket (Scymnodon pracanthus);
(k)il-kelb il-baħar bellusi (Zameus squamulosus);
(l)il-mazzola tal-fanal ħaddejha bojod (Etmopterus alphus);
(m)il-gattarell ta’ żaqqu żgħira (Apristurus indicus);
(n)il-kimera mneħirha dejjaq (Harriotta raleighana);
(o)il-gattarell rasu dejqa (Bythaelurus tenuicephalus);
(p)il-kelb il-baħar tal-frilli (Chlamydoselachus anguineus);
(q)il-muruna ta’ sitt gargi b’għajnha kbira (Hexanchus nakamurai);
(r)il-mazzola tal-fanal minuri (Etmopterus pusillus);
(s)il-kelb il-baħar raqqadi tal-Antartiku (Somniosus antarcticus);
(t)waħx il-baħar (Mitsukurina owstoni);
(u)il-mazzola tal-fanal għajnha kaħla (Etmopterus viator);
(v)il-mazzola tal-fanal Bigelow (Etmopterus bigelowi);
(w)iż-żagħrun tal-Atlantiku (Centrophorus squamosus);
(x)il-mazzola tax-xewka (Centrophorus uyato);
(y)il-mazzola tax-xewka qasira (Squalus mitsukurii);
(z)il-mazzola tal-munqar twil (Deania quidrispinosa);
(za)il-mazzola rasha vleġġa (Deania profundorum);
(zb)ir-rebekkin ta’ Cristina (Batyraja tunae);
(zc)ir-rinokimera Afrikana (Rhinochimaera africana).
Taqsima 12
Żona tal-Konvenzjoni NPFC
Artikolu 48
Sajd għall-kavall għajnejh kbar
1.Għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jistadu fiż-żona tal-Konvenzjoni NPFC, l-Istati Membri tal-bandiera għandhom jibagħtu d-data aggregata li ġejja lill-Kummissjoni sad-dati li ġejjin:
(a)il-qabdiet ta’ kull xahar taħt il-limiti ta’ qbid għall-kavall għajnejh kbar (Scomber japonicus) għall-Partijiet Kontraenti kollha għall-NPFC għall-bastimenti tat-tkarkir u għall-bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża rispettivament, kif stabbilit fl-Anness IM, meta l-użu ta’ dawk il-limiti ta’ qbid ikun inqas minn 60 %, sas-sebgħa jum tax-xahar ta’ wara; u
(b)il-qabdiet ta’ kull ġimgħa tal-kavall għajnejh kbar taħt dawk il-limiti ta’ qbid meta l-użu ta’ dawk il-limiti ta’ qbid ikun ogħla minn 60 % u inqas minn 95 %, sat-Tlieta tal-ġimgħa ta’ wara.
Il-Kummissjoni għandha tiġbor u tibgħat minnufih dik l-informazzjoni lis-Segretarju Eżekuttiv tal-NPFC.
2.Fi żmien jumejn mid-data tal-ħruġ tan-notifiki tas-Segretarju Eżekuttiv tal-NPFC li l-użu ta’ dawk il-limiti ta’ qbid ikun laħaq il-95 %, il-Kummissjoni għandha tagħlaq is-sajd taħt dawk il-limiti ta’ qbid.
3.Il-Kummissjoni għandha tiġbor u tibgħat il-qabdiet annwali tal-kavall għajnejh kbar fiż-żona tal-Konvenzjoni NPFC lis-Segretarju Eżekuttiv tal-NPFC sal-aħħar ta’ Frar tas-sena ta’ wara.
4.Dan l-Artikolu għandu japplika flimkien mal-obbligi ta’ rapportar dwar l-opportunitajiet tas-sajd stipulati fl-Artikolu 33 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009.
Artikolu 49
Protezzjoni tal-kelb il-baħar fiż-żona tal-Konvenzjoni NPFC
1.Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jistadu fiż-żona tal-Konvenzjoni NPFC ma għandhomx jistadu għall-kelb il-baħar, ma għandhomx iżommuh abbord, jittrażbordawh jew iħottuh l-art, fiż-żona tal-Konvenzjoni NPFC.
2.Meta jinqabdu aċċidentalment, l-eżemplari msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhiex issirilhom ħsara u għandhom jinħelsu immedjatament.
Artikolu 50
Protezzjoni ta’ ħut anadromu fiż-żona tal-Konvenzjoni NPFC
1.Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jistadu fiż-żona tal-Konvenzjoni NPFC ma għandhomx jistadu għas-salamun keta (Oncorhynchus keta), is-salamun fiddien (Oncorhynchus kisutch), is-salamun roża (Oncorhynchus gorbuscha), is-salamun aħmar (Oncorhynchus nerka), is-salamun iswed (Oncorhynchus tshawytscha), is-salamun Ġappuniż (Oncorhynchus masou) u t-trota qawsalla (Oncorhynchus mykiss), u ma għandhomx iżommuhom abbord, jittrażbordawhom jew iħottuhom l-art.
2.Meta jinqabdu aċċidentalment, l-eżemplari msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhiex issirilhom ħsara u għandhom jinħelsu immedjatament.
TITOLU III
OPPORTUNITAJIET TAS-SAJD GĦAL PAJJIŻ TERZ
BASTIMENTI TAS-SAJD FL-ILMIJIET TAL-UNJONI
Artikolu 51
Bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tan-Norveġja
jew tal-Gżejjer Faeroe
Il-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tan-Norveġja jew tal-Gżejjer Faeroe jistgħu jiġu awtorizzati mill-Kummissjoni biex jistadu fl-ilmijiet tal-Unjoni soġġetti għat-TACs stabbiliti fl-Anness I, u soġġetti għall-kundizzjonijiet previsti f’dan ir-Regolament, fit-Titolu III tar-Regolament (UE) 2017/2403 u f’atti delegati adottati mill-Kummissjoni abbażi ta’ dak ir-Regolament.
Artikolu 52
Bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tar-Renju Unit,
irreġistrati fir-Renju Unit, il-Bailiwick ta’ Guernsey,
il-Bailiwick of Jersey jew l-Isle of Man,
u liċenzjati minn amministrazzjoni tas-sajd tar-Renju Unit
Il-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tar-Renju Unit, irreġistrati fir-Renju Unit, fil-Bailiwick ta’ Guernsey, fil-Bailiwick ta’ Jersey jew fl-Isle of Man, u liċenzjati minn amministrazzjoni tas-sajd tar-Renju Unit jistgħu jiġu awtorizzati mill-Kummissjoni biex jistadu fl-ilmijiet tal-Unjoni soġġetti għat-TACs stabbiliti fl-Anness I, u soġġetti għall-kundizzjonijiet previsti f’dan ir-Regolament, fir-Regolament (UE) 2017/2403 u f’atti delegati adottati mill-Kummissjoni abbażi ta’ dak ir-Regolament.
Artikolu 53
Trasferimenti u skambji tal-kwoti mar-Renju Unit
1.Kwalunkwe trasferiment jew skambju ta’ kwoti bejn l-Unjoni u r-Renju Unit għandu jsir f’konformità ma’ dan l-Artikolu.
2.Stat Membru li jkun beħsiebu jittrasferixxi jew jiskambja kwoti mar-Renju Unit jista’ jiddiskuti mar-Renju Unit qafas tat-trasferiment jew tal-iskambju tal-kwoti. L-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar il-qafas.
3.F’każ li l-Kummissjoni tapprova qafas ġenerali tat-trasferiment jew tal-iskambju tal-kwoti msemmi fil-paragrafu 2 innotifikat mill-Istat Membru kkonċernat, hija għandha tesprimi, mingħajr dewmien żejjed, il-kunsens li tkun marbuta b’tali trasferiment jew skambju tal-kwoti. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istati Membri u lir-Renju Unit dwar it-trasferiment jew skambju ta’ kwoti miftiehem.
4.L-opportunitajiet tas-sajd irċevuti mir-Renju Unit, jew ittrasferiti lejh, taħt it-trasferiment jew l-iskambju tal-kwoti miftiehem għandhom jitqiesu bħala kwoti miżjuda mal-allokazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat, jew imnaqqsa minnha, mill-mument li t-trasferiment jew l-iskambju tal-kwoti jkun ġie nnotifikat f’konformità mal-paragrafu 3. Trasferimenti u skambji bħal dawn ma għandhomx jaffettwaw l-iskeda ta’ distribuzzjoni biex jiġu allokati l-opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri f’konformità mal-prinċipju ta’ stabbiltà relattiva tal-attivitajiet tas-sajd.
Artikolu 54
Bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tal-Venezwela
Il-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tal-Venezwela għandhom ikunu soġġetti għall-kundizzjonijiet previsti f’dan ir-Regolament, fit-Titolu III tar-Regolament (UE) 2017/2403 u f’atti delegati adottati mill-Kummissjoni abbażi ta’ dak ir-Regolament.
Artikolu 55
Awtorizzazzjonijiet tas-sajd
L-għadd massimu ta’ awtorizzazzjonijiet tas-sajd għal bastimenti ta’ pajjiżi terzi li joperaw fl-ilmijiet tal-Unjoni għandu jkun kif stabbilit fl-Anness V, il-Parti B.
Artikolu 56
Kundizzjonijiet għall-ħatt l-art tal-qabdiet u tal-qabdiet aċċessorji
Il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw għall-qabdiet u għall-qabdiet aċċessorji ta’ bastimenti ta’ pajjiżi terzi li jistadu skont l-awtorizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 55 ta’ dan ir-Regolament.
[L-Artikolu 57 ta’ dan ir-Regolament se jiġi aġġornat wara konsultazzjonijiet bejn l-Unjoni u pajjiżi
terzi.]
Artikolu 57
Speċijiet ipprojbiti
1.Il-bastimenti tas-sajd ta’ pajjiżi terzi ma għandhomx jistadu għall-ispeċijiet li ġejjin, iżommuhom abbord, jittrażbordawhom jew iħottuhom l-art, meta dawn ikunu jinsabu fl-ilmijiet tal-Unjoni:
(a)it-tawru (Carcharias taurus) fl-ilmijiet kollha tal-Unjoni;
(b)ir-raja tal-kwiekeb (Amblyraja radiata) fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-diviżjonijiet 3a u 7d tal-ICES; u l-ilmijiet tal-Unjoni tas-subżona 4 tal-ICES;
(c)ir-rebekkin skur (Dipturus batis) kumpless (Dipturus cf. flossada u Dipturus cf. intermedia) fl-ilmijiet tal-Unjoni tas-subżoni 3, 4 u 6 sa 10 tal-ICES;
(d)il-kelb il-baħar (Galeorhinus galeus) meta jittieħed b’konzijiet fl-ilmijiet tal-Unjoni tas-subżoni 4 u 6 sa 8 tal-ICES;
(f)il-pixxiplamtu (Lamna nasus) fl-ilmijiet tal-Unjoni kollha;
(g)ir-raja tal-fosos (Raja clavata) fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-diviżjoni 3a tal-ICES;
(h)ir-raja ondjata (Raja undulata) fl-ilmijiet tal-Unjoni tas-subżoni 6 u 10 tal-ICES;
(i)il-vjolin (Rhinobatos rhinobatos) fl-ilmijiet tal-Unjoni tal-Mediterran;
(j)il-kelb balena (Rhincodon typus) fl-ilmijiet tal-Unjoni kollha; u
(k)l-ispeċijiet tal-fond elenkati fl-Anness IA, il-Parti D, fl-ilmijiet tal-Unjoni tas-subżoni 6 sa 10 tal-ICES, u ż-żoni 34.1.1, 34.1.2 u 34.2 tas-CECAF. Barra minn hekk, fl-ilmijiet tal-Unjoni tas-subżona 4 tal-ICES, meta speċifikat f’dak l-Anness.
2.Meta jinqabdu aċċidentalment, l-eżemplari msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhiex issirilhom ħsara u għandhom jinħelsu immedjatament.
TITOLU IV
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 58
Proċedura ta’ Kumitat
1.Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1380/2013. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2.Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Artikolu 59
Dispożizzjonijiet tranżizzjonali
L-Artikoli 9 sa 13, 15 sa 20, 24, 27, 38, 39, 44, 47, 48 u 57 għandhom ikomplu japplikaw, mutatis mutandis, fl-2026 sad-dħul fis-seħħ tar-Regolament li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2026.
Artikolu 60
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2025 sal-31 ta’ Diċembru 2025.
Madankollu:
(a)L-Artikolu 12(1), għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2025 sal-31 ta’ Diċembru 2025 jew sad-data li fiha jsir applikabbli att delegat adottat f’konformità mal-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) 2019/1241 u li jemenda l-Anness VII, il-Parti A, ta’ dak ir-Regolament fir-rigward tad-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni tal-pollakkju fis-subżoni 8, 9 u 10 tal-ICES u fl-ilmijiet tal-Unjoni tas-CECAF 34.1.1, skont liema tiġi l-ewwel;
(b)l-Artikolu 13(1) sa (7) għandu japplika mill-1 ta’ April 2025 sal-31 ta’ Marzu 2026;
(c)l-Artikoli 17 u 18 għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2025 sal-31 ta’ Diċembru 2025 jew sad-data li fiha jsiru applikabbli l-atti delegati adottati f’konformità mal-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) 2019/1241 u li jemenda l-Annessi VI u VII ta’ dak ir-Regolament rigward il-miżuri tekniċi għall-Baħar Ċeltiku, il-Baħar Irlandiż u l-Punent tal-Iskozja u l-miżuri tekniċi għall-paġella ħamra fis-subżoni 6 sa 8 tal-ICES, skont liema tiġi l-ewwel;
(d)l-Artikolu 23 għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2025 sal-31 ta’ Jannar 2026;
(e)l-Artikolu 28(2) għandu japplika mis-17 ta’ Diċembru 2024 sal-31 ta’ Diċembru 2024;
(f)l-Artikolu 30 u l-Anness VII għandhom japplikaw mill-1 ta’ Diċembru 2024 sat-30 ta’ Novembru 2025;
(g)l-Artikolu 35(1), il-punt (a), għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2025 sad-19 ta’ Jannar 2026;
(h)it-Taqsima 12 għandha tieqaf tapplika fid-data li fiha jsir applikabbli Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri korrispondenti;
(i)l-Annessi IA sa IJ, u IL għandhom japplikaw ukoll fl-2026, fejn speċifikat f’dawk l-Annessi;
(j) l-Anness IA, il-Parti B, it-Tabelli 116 sa 118, in-nota 1 f’qiegħ il-paġna, għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2025 sal-31 ta’ Diċembru 2025 jew sad-data li fiha jsir applikabbli att delegat adottat f’konformità mal-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 rigward deroga mill-obbligu ta’ ħatt l-art għall-mazzola griża, skont liema tiġi l-ewwel;
(l)l-Anness IK għandu japplika mill-1 ta’ Diċembru 2024 sat-30 ta’ Novembru 2025, meta speċifikat f’dak l-Anness;
(m)l-Annessi IM u XI għandhom japplikaw mill-1 ta’ Ġunju 2025 sal-31 ta’ Mejju 2026;
(n)l-Anness II għandu japplika mill-1 ta’ Frar 2025 sal-31 ta’ Jannar 2026;
(o)il-limiti tal-qbid u tal-isforz stabbiliti minn dan ir-Regolament għas-sena 2025 u, fejn speċifikat f’dan ir-Regolament, anke għas-sena 2026, għandhom ikomplu japplikaw fl-2026, u meta rilevanti fl-2027, esklużivament għall-finijiet ta’:
(i)skambji skont l-Artikolu 16(8) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;
(ii)tnaqqis u riallokazzjonijiet skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009;
(iii)kwantitajiet miżmuma f’konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 u l-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013; u
(iv)tnaqqis skont l-Artikoli 105, 106 u 107 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President