IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 31.10.2024
COM(2024) 501 final
2024/0279(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha minn naħa l-waħda, u r-Repubblika Libaniża, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-emenda ta’ dak il-Ftehim billi jiġi sostitwit il-Protokoll 4 tiegħu dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Din il-proposta trid tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-UE fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Libanu dwar l-emenda tal-Protokoll 4 ta’ dak il-Ftehim.
2.
Kuntest tal-Proposta
2.1.Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha minn naħa waħda, u r-Repubblika Libaniża, min-naħa l-oħra
Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Libanu (il-Ftehim) għandu l-għan li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għal-liberalizzazzjoni gradwali tal-kummerċ tal-oġġetti, tas-servizzi u tal-kapital. Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ April 2006.
2.2.Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni
Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, stabbilit f’konformità mal-Artikolu 74(1) tal-Ftehim, jista’ jiddeċiedi li jemenda l-Protokoll 4 (b’mod partikolari l-Artikolu 38). Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jfassal id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu permezz ta’ ftehim bejn iż-żewġ Partijiet (jiġifieri l-UE u l-Libanu).
2.3.L-att previst tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni
Fil-laqgħa li jmiss tiegħu jew permezz ta’ skambju ta’ ittri, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jrid jadotta deċiżjoni dwar l-emenda tal-Protokoll 4 (l-att previst).
Il-fini tal-att previst huwa li jemenda l-Protokoll 4 billi jissostitwih bi protokoll ġdid li jinkludi referenza dinamika għall-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji, sabiex dejjem jirreferi għall-aħħar verżjoni tal-Konvenzjoni fis-seħħ.
L-att previst se jkun vinkolanti fuq il-Partijiet, f’konformità mal-Artikolu 76(2) tal-Ftehim.
3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-UE
Il-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (il-Konvenzjoni) tistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar l-oriġini tal-oġġetti nnegozjati skont Ftehimiet rilevanti konklużi bejn il-partijiet kontraenti. L-UE u l-Libanu ffirmaw il-Konvenzjoni fil-15 ta’ Ġunju 2011 u fit-22 ta’ Ottubru 2014 rispettivament.
L-UE u l-Libanu ddepożitaw l-istrumenti tagħhom ta’ aċċettazzjoni għand id-depożitarju tal-Konvenzjoni fis-26 ta’ Marzu 2012 u fil-25 ta’ Ottubru 2017, rispettivament. Għaldaqstant, skont l-Artikolu 10, il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ għall-UE u l-Libanu fl-1 ta’ Mejju 2012 u fl-1 ta’ Diċembru 2017 rispettivament.
Il-Konvenzjoni ġiet emendata bid-Deċiżjoni Nru 1/2023 tal-Kumitat Konġunt tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-Regoli Preferenzjali tal-Oriġini pan-Ewro-Mediterranji tas-7 ta’ Diċembru 2023.
L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni jipprevedi li kull parti kontraenti trid tieħu l-miżuri xierqa biex tiżgura l-applikazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni. Għal dak il-għan, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim għandu jadotta Deċiżjoni li tintroduċi r-regoli tal-Konvenzjoni skont il-Protokoll 4. Dan isir bl-introduzzjoni fil-Protokoll emendat ta’ referenza għall-Konvenzjoni li se tagħmlu applikabbli.
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-UE fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandha tiġi stabbilita mill-Kunsill.
L-emendi proposti għandhom natura teknika u ma jaffettwawx il-kontenut tal-protokoll b’rabta mar-regoli tal-oriġini fis-seħħ bħalissa. Għalhekk, dawn ma jeħtiġux valutazzjoni tal-impatt.
4.Bażi legali
4.1.Bażi legali proċedurali
4.1.1.Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”
Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li għandhom effetti legali minħabba r-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw is-sede inkwistjoni. Jinkludi wkoll strumenti li ma jkollhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni”.
4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni huwa korp stabbilit permezz ta’ ftehim, jiġifieri l-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha minn naħa waħda, u r-Repubblika Libaniża, min-naħa l-oħra.
L-att li l-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni huwa mitlub jadotta għandu effetti legali. Se jkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 76(2) tal-Ftehim.
L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.
Għalhekk, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
4.2.Bażi legali sostantiva
4.2.1.Prinċipji
Il-bażi legali sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi qabelxejn fuq l-objettiv u l-kontenut tal-att previst li għalihom tittieħed pożizzjoni f’isem l-UE.
4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst huma relatati mal-politika kummerċjali komuni.
Għalhekk, il-bażi legali sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, tat-TFUE.
4.3.Konklużjoni
Il-bażi legali tad-deċiżjoni proposta għandha tkun l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
5.Pubblikazzjoni tal-att previst
Peress li l-att tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni se jemenda l-Ftehim, ikun jixraq li dan jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni tiegħu.
2024/0279 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha minn naħa l-waħda, u r-Repubblika Libaniża, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-emenda ta’ dak il-Ftehim billi jiġi sostitwit il-Protokoll 4 tiegħu dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha minn naħa waħda, u r-Repubblika Libaniża, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) ġie konkluż mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/356/KE u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ April 2006. Il-Protokoll 4 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u jistabbilixxi metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva (Protokoll 4).
(2)Skont l-Artikolu 38 ta’ dak il-Protokoll, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit bl-Artikolu 74(1) tal-Ftehim (“il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni”) jista’ jiddeċiedi li jemenda d-dispożizzjonijiet tiegħu.
(3)Fil-laqgħa li jmiss tiegħu jew permezz ta’ skambju ta’ ittri, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni irid jadotta Deċiżjoni dwar emenda tal-Protokoll 4.
(4)Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, peress li d-deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni se tkun vinkolanti fuq l-Unjoni.
(5)Il-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (“il-Konvenzjoni”) ġiet konkluża mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/93/UE u daħlet fis-seħħ fir-rigward tal-Unjoni fl-1 ta’ Mejju 2012. Din tistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar l-oriġini tal-oġġetti nnegozjati skont Ftehimiet rilevanti konklużi bejn il-Partijiet Kontraenti, li japplikaw mingħajr preġudizzju għall-prinċipji stabbiliti f’dawk il-Ftehimiet.
(6)Il-Konvenzjoni ġiet emendata bid-Deċiżjoni Nru 1/2023 tal-Kumitat Konġunt tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-Regoli preferenzjali tal-Oriġini pan-Ewro-Mediterranji tas-7 ta’ Diċembru 2023.
(7)L-emenda tal-Konvenzjoni tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2025 fir-rigward tal-Partijiet Kontraenti kollha. Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva u immedjata tal-emenda tal-Konvenzjoni bejn il-Partijiet, għandha tiġi introdotta referenza għall-Konvenzjoni fil-Protokoll 4, sabiex dejjem issir referenza għall-aħħar verżjoni tal-Konvenzjoni fis-seħħ. Fin-nuqqas ta’ tali referenza, l-applikazzjoni effettiva tal-emenda tal-Konvenzjoni ma tkunx żgurata u dan jista’ jkollu impatt fuq is-sistema ta’ akkumulazzjoni djagonali.
(8)L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni jipprevedi li kull Parti Kontraenti trid tieħu miżuri xierqa biex tiżgura li l-Konvenzjoni tiġi applikata b’mod effettiv. Għal dak l-għan, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jenħtieġ li jadotta deċiżjoni li tintroduċi referenza għall-Konvenzjoni fil-Protokoll 4 tal-Ftehim, sabiex dejjem issir referenza għall-aħħar verżjoni tal-Konvenzjoni fis-seħħ,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tal-att tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 31.10.2024
COM(2024) 501 final
ANNESS
tal-
Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha minn naħa l-waħda, u r-Repubblika Libaniża, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-emenda ta’ dak il-Ftehim billi jiġi sostitwit il-Protokoll 4 tiegħu dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva
Abbozz
ta’ DEĊIŻJONI Nru ...
TAL-KUNSILL TA’ ASSOĊJAZZJONI UE-LIBANU
ta’ ….
li temenda l-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni
bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika Libaniża, min-naħa l-oħra, billi tissostitwixxi l-Protokoll 4 tiegħu dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji”
u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva
IL-KUNSILL TA’ ASSOĊJAZZJONI UE-LIBANU,
Wara li kkunsidra l-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Libanu, min-naħa l-oħra, u b’mod partikolari l-Artikolu 38 tal-Protokoll 4 tiegħu dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva,
Billi:
(1)L-Artikolu 28 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha minn naħa waħda, u r-Repubblika Libaniża, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), jirreferi għall-Protokoll 4 tal-Ftehim li jistabbilixxi r-regoli tal-oriġini.
(2)L-Artikolu 38 tal-Protokoll 4 jipprevedi li l-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit bl-Artikolu 74(1) tal-Ftehim jista’ jiddeċiedi li jemenda d-dispożizzjonijiet ta’ dak il-Protokoll.
(3)Il-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (“il-Konvenzjoni”) għandha l-għan li tittrasponi s-sistemi bilaterali eżistenti tar-regoli tal-oriġini f’qafas multilaterali, mingħajr preġudizzju għall-prinċipji stabbiliti fil-ftehimiet rilevanti konklużi bejn il-Partijiet Kontraenti.
(4)L-Unjoni u l-Libanu ffirmaw il-Konvenzjoni fil-15 ta’ Ġunju 2011 u fit-22 ta’ Ottubru 2014, rispettivament.
(5)L-Unjoni u l-Libanu ddepożitaw l-istrumenti tagħhom ta’ aċċettazzjoni għand id-depożitarju tal-Konvenzjoni fis-26 ta’ Marzu 2012 u l-25 ta’ Ottubru 2017, rispettivament. Għaldaqstant, fl-applikazzjoni tal-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni, il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ f’relazzjoni mal-Unjoni u l-Libanu fl-1 ta' Mejju 2012 u fl-1 ta' Diċembru 2017, rispettivament.
(6)Il-Konvenzjoni ġiet emendata bid-Deċiżjoni Nru 1/2023 tal-Kumitat Konġunt tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-Regoli Preferenzjali tal-Oriġini Pan-Ewro-Mediterranji tas-7 ta’ Diċembru 2023.
(7)Għaldaqstant, il-Protokoll 4 jenħtieġ li jiġi sostitwit bi protokoll ġdid biex jinkludi referenza dinamika għall-Konvenzjoni, sabiex dejjem issir referenza għall-aħħar verżjoni tal-Konvenzjoni fis-seħħ,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Protokoll 4 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha minn naħa waħda, u r-Repubblika Libaniża, min-naħa l-oħra, dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva huwa sostitwit bit-test stipulat fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Għandha tapplika mill-ewwel jum tal-ewwel xahar wara d-data tal-wasla ta’ din in-notifika bil-miktub permezz ta’ mezzi diplomatiċi, li permezz tagħhom il-Partijiet jinfurmaw lil xulxin dwar it-tlestija tar-rekwiżiti interni tagħhom.
Magħmul fi….
Għall-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni
Il-President
Anness
“Protokoll 4
dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva
Artikolu 1
Regoli ta’ oriġini
1.
Għall-fini ta’ implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, għandhom japplikaw l-Appendiċi I u d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Appendiċi II tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (il-Konvenzjoni), kif emendati u ppubblikati l-aħħar f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
2.
Ir-referenzi kollha għall-“Ftehim rilevanti” fl-Appendiċi I u fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Appendiċi II tal-Konvenzjoni għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan il-Ftehim.
Artikolu 2
Soluzzjoni ta’ tilwim
1.
Meta b’rabta mal-proċeduri ta’ verifika stabbiliti fl-Artikolu 34 u 35 tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni jinqala’ tilwim li ma jkunx jista’ jissolva bejn l-awtoritajiet doganali li jkunu qed jitolbu l-verifika u l-awtoritajiet doganali li jkunu responsabbli għat-twettiq ta’ din il-verifika, it-tilwim għandu jitressaq quddiem il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni.
2.
Fil-każijiet kollha, is-soluzzjoni ta’ tilwim bejn l-importatur u l-awtoritajiet doganali tal-pajjiż importatur għandha sseħħ skont il-leġiżlazzjoni tal-pajjiż imsemmi.
Artikolu 3
Emendi tal-Protokoll
Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jista’ jiddeċiedi li jemenda d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll.
Artikolu 4
Irtirar mill-Konvenzjoni
1.
Jekk l-Unjoni jew il-Libanu javżaw bil-miktub lid-depożitarju tal-Konvenzjoni dwar l-intenzjoni tagħhom li jirtiraw mill-Konvenzjoni f’konformità mal-Artikolu 9 tagħha, l-Unjoni u l-Libanu għandhom minnufih jidħlu f’negozjati dwar ir-regoli tal-oriġini għall-fini ta’ implimentazzjoni tal-Ftehim.
2.
Sakemm jidħlu fis-seħħ dawn ir-regoli tal-oriġini nnegozjati mill-ġdid, ir-regoli tal-oriġini li hemm fl-Appendiċi I u, meta xieraq, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Appendiċi II tal-Konvenzjoni, applikabbli fil-mument tal-irtirar, għandhom jibqgħu japplikaw għall-Ftehim. Madankollu, mill-mument tal-irtirar, ir-regoli tal-oriġini li jinsabu fl-Appendiċi I u, meta xieraq, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Appendiċi II tal-Konvenzjoni, għandhom jinftiehmu bħala li jippermetti akkumulazzjoni bilaterali biss bejn l-Unjoni u l-Libanu.”