Brussell, 16.10.2024

COM(2024) 478 final

2024/0262(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-233 sessjoni tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) fir-rigward tal-emendi proposti tal-Kapitolu 2 (“Dħul u tluq tal-inġenji tal-ajru”), tal-Kapitolu 3 (“Dħul u tluq tal-persuni u tal-bagalji tagħhom”), tal-Kapitolu 6 (“Ajruporti internazzjonali – Faċilitajiet u servizzi għat-traffiku”) u tal-Kapitolu 8 (“Dispożizzjonijiet ta’ faċilitazzjoni li jkopru suġġetti speċifiċi”), il-Paragrafu C (“Faċilitazzjoni tat-tiftix, tas-salvataġġ u tal-investigazzjoni ta’ aċċidenti”), il-Paragrafu E (“Ħolqien ta’ programmi nazzjonali ta’ faċilitazzjoni”), il-Paragrafu F (“Faċilitazzjoni tat-trasport tal-persuni b’diżabbiltà”) u l-Paragrafu G (“Assistenza lill-vittmi ta’ aċċidenti tal-inġenji tal-ajru u lill-familji tagħhom”), li jinsabu fl-Emenda 30 tal-Anness 9 – Faċilitazzjoni tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (“il-Konvenzjoni ta’ Chicago”)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna:

(i) il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-233 sessjoni tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO, Council of the International Civil Aviation Organization) fir-rigward tal-emendi proposti tal-Anness 9 – Faċilitazzjoni tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali rigward il-faċilitazzjoni tal-formalitajiet tan-naħa tal-art għall-awtorizzazzjoni tal-inġenji tal-ajru, tal-passiġġieri, tal-merkanzija u tal-posta, b’rabta mar-rekwiżiti tal-awtoritajiet doganali, tal-immigrazzjoni, tas-saħħa pubblika u tal-agrikoltura, b’mod partikolari l-emendi: tal-Kapitolu 2 (“Dħul u tluq tal-inġenji tal-ajru”), tal-Kapitolu 3 (“Dħul u tluq tal-persuni u tal-bagalji tagħhom”), tal-Kapitolu 6 (“Ajruporti internazzjonali – Faċilitajiet u servizzi għat-traffiku”) u tal-Kapitolu 8 (“Dispożizzjonijiet ta’ faċilitazzjoni li jkopru suġġetti speċifiċi”), il-Paragrafu C (“Faċilitazzjoni tat-tiftix, tas-salvataġġ u tal-investigazzjoni ta’ aċċidenti”), il-Paragrafu E (“Ħolqien ta’ programmi nazzjonali ta’ faċilitazzjoni”), il-Paragrafu F (“Faċilitazzjoni tat-trasport tal-persuni b’diżabbiltà”) u l-Paragrafu G (“Assistenza lill-vittmi ta’ aċċidenti tal-inġenji tal-ajru u lill-familji tagħhom”). Dawn l-emendi proposti jinsabu fl-Emenda 30 li hija inkluża fl-Ittra lill-Istati EC 6/3 − 24/67 tad-19 ta’ Ġunju 2024 u li se tiġi vvutata fil-233 sessjoni tal-Kunsill tal-ICAO.

(ii) il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni wara li l-ICAO tħabbar l-adozzjoni tal-Emenda 30 tal-Anness 9 – Faċilitazzjoni f’Ittri rispettivi lill-Istati, li fihom tistieden lill-Istati kontraenti tagħha jinnotifikaw kwalunkwe differenza mill-miżuri adottati jew il-konformità magħhom.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali

Il-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (“il-Konvenzjoni ta’ Chicago”) għandha l-għan li tirregola t-trasport internazzjonali bl-ajru. Il-Konvenzjoni ta’ Chicago daħlet fis-seħħ fl-4 ta’ April 1947 u stabbiliet l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali.

L-Istati Membri kollha tal-UE huma Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Chicago.

2.2.L-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali

L-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali hija aġenzija speċjalizzata tan-Nazzjonijiet Uniti. L-għanijiet u l-objettivi tal-Organizzazzjoni huma li tiżviluppa l-prinċipji u t-tekniki tan-navigazzjoni internazzjonali bl-ajru u li trawwem l-ippjanar u l-iżvilupp tat-trasport internazzjonali bl-ajru.

Il-Kunsill tal-ICAO huwa korp permanenti tal-ICAO li għandu msieħba fih 36 Stat kontraenti eletti mill-Assemblea tal-ICAO għal perjodu ta’ 3 snin. Għall-perjodu 2022−2025, hemm sitt Stati Membri tal-UE rrappreżentati fil-Kunsill tal-ICAO, li huma l-Awstrija, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, ir-Rumanija u Spanja.

Il-funzjonijiet obbligatorji tal-Kunsill tal-ICAO, elenkati fl-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, jinkludu l-adozzjoni ta’ standards u prattiki rakkomandati internazzjonali (SARPs, international standards and recommended practices), iddeżinjati bħala Annessi tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.

Skont l-Artikolu 37j) tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, l-ICAO għandha tadotta u temenda minn żmien għal żmien, skont il-ħtieġa, standards, prattiki u proċeduri rakkomandati internazzjonali li jittrattaw il-proċeduri doganali u tal-immigrazzjoni.

Skont l-Artikolu 90 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, l-adozzjoni tal-Annessi mill-Kunsill teħtieġ il-vot ta’ żewġ terzi tal-Kunsill waqt laqgħa msejħa għal dak l-iskop, imbagħad għandha tiġi ppreżentata mill-Kunsill lil kull Stat kontraenti. Kwalunkwe wieħed minn dawn l-Annessi jew kwalunkwe emenda ta’ xi Anness għandhom isiru effettivi fi żmien 3 xhur minn wara li jiġu ppreżentati lill-Istati kontraenti tal-ICAO, jew fi tmiem perjodu itwal ta’ żmien li l-Kunsill tal-ICAO jista’ jippreskrivi, dment li sadanittant il-maġġoranza tal-Istati kontraenti tal-ICAO ma jirreġistrawx id-diżapprovazzjoni tagħhom.

Skont l-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, kull Stat li jqis li mhuwiex prattiku għalih li jikkonforma għalkollox ma’ xi standard jew proċedura internazzjonali minn dawn, jew li jikkonforma għalkollox ir-regolamenti jew il-prattiki tiegħu ma’ xi standard jew proċedura internazzjonali minn dawn, jew li jidhirlu li jeħtieġ jiġu adottati regolamenti jew prattiki li huma differenti f’xi aspett partikolari minn dawk stabbiliti minn standard internazzjonali, għandu jinnotifika minnufih lill-ICAO dwar id-differenzi bejn il-prattika tiegħu u dik stabbilita mill-istandard internazzjonali. Fil-każ ta’ emendi tal-istandards internazzjonali, kwalunkwe Stat li ma jemendax kif xieraq ir-Regolamenti jew il-prattiki tiegħu għandu jinnotifika lill-Kunsill fi żmien 60 jum mill-adozzjoni tal-emenda tal-istandards internazzjonali jew jindika l-azzjoni li jipproponi li jieħu. F’każ bħal dan, il-Kunsill għandu jinnotifika minnufih lill-istati l-oħra kollha dwar id-differenza li teżisti bejn karatteristika waħda jew aktar ta’ standard internazzjonali u l-prattika nazzjonali korrispondenti ta’ dak l-Istat.

2.3.L-att previst tal-ICAO u r-relazzjoni tiegħu mar-regoli eżistenti tal-Unjoni

Matul il-233 sessjoni tiegħu jew matul kwalunkwe sessjoni konsegwenti, il-Kunsill tal-ICAO mistenni jikkunsidra u jadotta l-Emenda 30 tal-Anness 9 – Faċilitazzjoni, kif imsemmi fl-Ittra lill-Istati EC 6/3 – 24/67, li tirriżulta mir-rieżami tal-Anness 9 – Faċilitazzjoni mwettqa mill-Bord ta’ Faċilitazzjoni matul it-13-il laqgħa tiegħu li bdiet fis-26 ta’ Frar u ntemmet fl-1 ta’ Marzu 2024 (FALP/13).

L-Anness 9 – Faċilitazzjoni huwa bbażat fuq 10 artikoli tal-Konvenzjoni ta’ Chicago li jirrikjedu li l-komunità tal-avjazzjoni ċivili tikkonforma mal-liġijiet li jirregolaw l-ispezzjoni tal-inġenji tal-ajru, tal-merkanzija u tal-passiġġieri mill-awtoritajiet ikkonċernati mid-dwana, mill-immigrazzjoni, mill-agrikoltura u mis-saħħa pubblika. L-Anness 9 jikkonċerna speċifikament il-faċilitazzjoni tal-formalitajiet tan-naħa tal-art għall-awtorizzazzjoni tat-traffiku tal-inġenji tal-ajru u tat-traffiku kummerċjali kemm għall-passiġġieri kif ukoll għall-merkanzija, permezz tar-rekwiżiti, fost l-oħrajn tal-awtoritajiet doganali, tal-immigrazzjoni, tas-saħħa pubblika u tal-agrikoltura.

L-Emenda 30 tal-Anness 9 tinkludi, fost l-oħrajn, dispożizzjonijiet ġodda u/jew riveduti b’rabta mad-dħul u t-tluq tal-persuni u tal-bagalji tagħhom, il-faċilitajiet tal-ajruporti internazzjonali u s-servizzi għat-traffiku, kif ukoll ir-rilokazzjoni ta’ dispożizzjonijiet relatati mas-saħħa minn kapitoli oħra għall-Kapitolu 10 il-ġdid tal-Anness.

L-emenda prevista, li għandha tiġi adottata mill-Kunsill tal-ICAO, se tkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-proċedura u l-iskeda ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 90(a) tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, li jipprevedi li: “L-adozzjoni mill-Kunsill tal-Annessi deskritti fl-Artikolu 54, is-subparagrafu l), għandha teħtieġ il-vot ta’ żewġ terzi tal-Kunsill waqt laqgħa msejħa għal dak l-iskop, imbagħad għandha tiġi ppreżentata mill-Kunsill lil kull Stat kontraenti. Kwalunkwe wieħed minn dawn l-Annessi jew kwalunkwe emenda ta’ xi Anness għandhom isiru effettivi fi żmien 3 xhur minn wara li jiġu ppreżentati lill-Istati kontraenti, jew fi tmiem perjodu itwal li l-Kunsill jista’ jippreskrivi, dment li sadanittant il-maġġoranza tal-Istati Kontraenti ma jirreġistrawx id-diżapprovazzjoni tagħhom mal-Kunsill.”.

Barra minn hekk, l-emendi ta’ hawn fuq kapaċi jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tal-leġiżlazzjoni tal-UE, kif spjegat aktar fid-dettall hawn taħt.

L-emenda proposta tkopri l-oqsma li ġejjin kif ġej:

fir-rigward tal-Kapitolu 2 (“Dħul u tluq tal-inġenji tal-ajru”), tal-Kapitolu 6 (“Ajruporti Internazzjonali – Faċilitajiet u servizzi għat-traffiku”), tal-Kapitolu 8, il-Paragrafu C (“Faċilitazzjoni tat-tiftix, tas-salvataġġ u tal-investigazzjoni ta’ aċċidenti”), il-Paragrafu E (“Ħolqien ta’ programmi nazzjonali ta’ faċilitazzjoni”), il-Paragrafu F (“Faċilitazzjoni tat-trasport tal-persuni b’diżabbiltà”), u l-Paragrafu G (“Assistenza lill-vittmi ta’ aċċidenti tal-inġenji tal-ajru u lill-familji tagħhom”) il-proposti jridu jemendaw, jorjentaw mill-ġdid jew iħassru l-prattiki rakkomandati li ma għadhomx validi kif ukoll jiċċaraw jew jissimplifikaw xi SARPs (eż. l-SARPs indirizzati lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru jew lill-operaturi tal-ajruporti jiġu emendati sabiex ikunu indirizzati kif xieraq lill-Istati Kontraenti). B’referenza għall-emendi tal-Istandard 6.3 u tal-Prattika Rakkomandata 6.4 fil-Kapitolu 6, dawn jikkonċernaw kwistjonijiet li huma rregolati mid-Direttiva 2009/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-imposti tal-ajruporti 1 . B’referenza għall-emendi tal-Kapitolu 8, dawn huma relatati mal-investigazzjoni tas-sikurezza tal-aċċidenti tal-ajru koperta mir-Regolament (UE) Nru 996/2010 2 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar l-investigazzjoni u l-prevenzjoni ta’ aċċidenti u inċidenti fis-settur tal-avjazzjoni ċivili. Dawn l-emendi proposti ma jkunu jeħtieġu l-ebda bidla fir-Regolament u fid-Direttiva msemmijin peress li d-dritt tal-Unjoni diġà jirriflettihom.

fir-rigward tal-Kapitolu 3 (“Dħul u tluq tal-persuni u tal-bagalji tagħhom”) l-emendi proposti jżidu SARPs relatati mas-sigurtà tal-proċess ta’ ħruġ tad-dokumenti elettroniċi tal-ivvjaġġar li jinqraw minn magna (eMRTD, electronic Machine Readable Travel Document) u jaġġornaw il-protokoll ta’ kontroll fuq l-aċċess u l-istandard tekniku għall-ikkowdjar tal-immaġni tal-wiċċ fl-eMRTDs. L-emendi jkopru suġġetti li skont id-dritt tal-UE huma rregolati minn diversi strumenti, fosthom id-Direttiva (UE) 2019/997 3 (dwar Dokumenti Provviżorji tal-Ivvjaġġar tal-UE). Dawn l-emendi ma jkunu jeħtieġu l-ebda bidla fid-Direttiva msemmija peress li d-dritt tal-Unjoni diġà jirriflettihom.

Fir-rigward tal-SARPs relatati mas-saħħa inklużi fl-Anness 9, l-emendi proposti jirrilokawhom minn diversi kapitoli tal-Anness 9 f’kapitolu wieħed (il-“Kapitolu 10” il-ġdid). L-emendi proposti huma fil-biċċa l-kbira tagħhom ta’ natura editorjali, u dawn jissimplifikaw l-SARPs relatati mas-saħħa f’ordni aktar loġika fil-Kapitolu 10 l-ġdid. Is-suġġetti koperti mill-SARPs li jiffurmaw il-Kapitolu 10 l-ġdid tal-Anness 9 huma rregolati mir-Regolament (UE) 2022/2371 4 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Novembru 2022 dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa. Dawn l-emendi ma jaffettwawx ir-Regolament imsemmi peress li huma ta’ natura purament editorjali mingħajr effetti legali.

Kif issostanzjat hawn fuq, l-att previst jikkonċerna qasam li diġà huwa kopert fil-biċċa l-kbira tiegħu mir-regoli tal-Unjoni u għalhekk jista’ “jaffettwa r-regoli komuni jew ibiddel il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom”. Għalhekk, l-Emenda 30 prevista tal-Anness 9 tikkonċerna qasam li fih l-Unjoni kisbet kompetenza esterna esklużiva bis-saħħa tal-aħħar parti tal-Artikolu 3(2) tat-TFUE dwar din il-kwistjoni.

3. Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni.

3.1.L-emendi proposti u r-relazzjoni tagħhom mar-regoli eżistenti tal-Unjoni

Emendi tal-Kapitolu 2 (“Dħul u tluq tal-inġenji tal-ajru”), tal-Kapitolu 3 (“Dħul u tluq tal-persuni u tal-bagalji tagħhom”), tal-Kapitolu 6 (“Ajruporti internazzjonali – Faċilitajiet u servizzi għat-traffiku”) u tal-Kapitolu 8 (“Dispożizzjonijiet ta’ faċilitazzjoni li jkopru suġġetti speċifiċi”), il-Paragrafu C (“Faċilitazzjoni tat-tiftix, tas-salvataġġ u tal-investigazzjoni ta’ aċċidenti”), il-Paragrafu E (“Ħolqien ta’ programmi nazzjonali ta’ faċilitazzjoni”), il-Paragrafu F (“Faċilitazzjoni tat-trasport tal-persuni b’diżabbiltà”) u l-Paragrafu G (“Assistenza lill-vittmi ta’ aċċidenti tal-inġenji tal-ajru u lill-familji tagħhom”), li jinsabu fl-Emenda 30 tal-Anness 9 – Faċilitazzjoni tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali 

L-emendi proposti inklużi fl-Emenda 30 tal-Anness 9, kif imsemmi fl-Ittra lill-Istati EC 6/3 − 24/67, ikopru suġġetti li huma wkoll irregolati minn atti legali tal-UE msemmija fil-paragrafu 2.3 u huma konsistenti magħhom.

L-emendi proposti jikkontribwixxu għat-titjib taċ-ċarezza u tal-effiċjenza tal-Anness 9, u b’hekk jintlaħaq aħjar l-għan li l-fluss tal-vjaġġaturi, tal-bagalji, tal-merkanzija u tal-posta jkun effiċjenti u jitwassal f’ambjent san, sikur u sigur kemm fuq l-art kif ukoll fl-ajru. L-Unjoni tirrikonoxxi l-ħtieġa ta’ rieżami kontinwu tal-Anness 9 sabiex dan jinżamm aġġornat u jkun jista’ jirrifletti l-evoluzzjoni tal-ivvjaġġar bl-ajru.

Għalhekk, il-pożizzjoni proposta li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni trid tkun tappoġġa dawn l-emendi.

Għaldaqstant, il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni, dment li l-Kunsill tal-ICAO jadotta l-emendi proposti tal-Anness 9 – Facilitazzjoni,, għandha tkun li ma tiġi nnotifikata l-ebda diżapprovazzjoni iżda li jkun hemm konformità mal-miżuri adottati bi tweġiba għall-Ittra rispettiva tal-ICAO lill-Istati.

Meta l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tiddevja mill-Istandards tal-ICAO li jkunu għadhom kif ġew adottati wara data prevista tal-applikazzjoni ta’ dawk l-Istandards, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-ICAO dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni rigward id-differenzi minn dawk l-Istandards partikolari, abbażi tad-dokument preparatorju li l-Kummissjoni ppreżentat fiż-żmien preskritt lill-Kunsill għad-diskussjoni u għall-approvazzjoni, li jistabbilixxi d-differenzi dettaljati għaż-żmien meħtieġ biex titlesta l-implimentazzjoni.

4.Bażi legali

4.1.Bażi legali proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

L-Artikolu 218(9) tat-TFUE japplika irrispettivament minn jekk l-Unjoni hijiex membru tal-korp jew parti għall-ftehim 5 .

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp inkwistjoni. Jinkludi wkoll strumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatura tal-UE 6 peress li diversi partijiet tal-Emenda proposta jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni, jiġifieri: id-Direttiva 2009/12/KE u r-Regolament (UE) Nru 996/2010.

4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

Il-Kunsill tal-ICAO huwa korp stabbilit permezz ta’ ftehim, jiġifieri l-Konvenzjoni ta’ Chicago.

F’konformità mal-Artikolu 54(l) tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, il-Kunsill tal-ICAO jadotta SARPs internazzjonali, iddeżinjati bħala Annessi tal-Konvenzjoni ta’ Chicago. L-atti li l-Kunsill tal-ICAO mitlub jadotta jikkostitwixxu atti li jkollhom effetti legali. L-atti previsti se jkunu vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 90(a) tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.

Barra minn hekk, kif spjegat hawn fuq, l-emendi previsti tal-Anness 9 jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni peress li jittrattaw kwistjonijiet diġà rregolati minnha, jiġifieri: id-Direttiva 2009/12/KE u r-Regolament (UE) Nru 996/2010.

L-atti previsti la jissupplimentaw u lanqas ma jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.

Għalhekk, il-bażi legali proċedurali għall-pożizzjoni tad-Deċiżjoni proposta fir-rigward ta’ dawn in-notifiki hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2.Bażi legali sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi legali sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi qabelxejn mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi legali sostantiva unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti. Bħala eċċezzjoni, jekk jiġi stabbilit li l-miżura tkun trid tilħaq fl-istess ħin diversi objettivi li jkunu marbutin flimkien b’mod inseparabbli u mingħajr ma wieħed ikun sekondarju u indirett meta mqabbel mal-ieħor, il-miżura għandha tissejjes fuq il-bosta bażijiet legali korrispondenti.

4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

L-att previst għandu l-għan li jilħaq l-objettivi tal-politika komuni tat-trasport, u fl-istess ħin, permezz tal-kontenut speċifiku tiegħu bħar-regoli emendati dwar id-dokumenti tal-ivvjaġġar li jinqraw minn magna, jikkonċerna l-qasam tal-protezzjoni taċ-ċittadini tal-UE, b’mod partikolari r-regoli tal-Unjoni dwar il-ħruġ ta’ dokumenti provviżorji tal-ivvjaġġar tal-UE. Madankollu, l-emendi tal-ICAO jikkonċernaw primarjament id-dokumenti tal-ivvjaġġar bħall-viżi u l-passaporti, u għalhekk, l-impatt fuq ir-regoli tal-Unjoni dwar id-dokumenti provviżorji tal-ivvjaġġar tal-UE huwa sekondarju.

Għalhekk, il-bażi legali sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 100(2) tat-TFUE.

4.3.Konklużjoni

Il-bażi legali tad-Deċiżjoni tal-Kunsill proposta hija l-Artikolu 100(2) tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

5.Pubblikazzjoni tal-att previst

Għal raġunijiet ta’ trasparenza u referenza xierqa peress li l-emendi proposti se jemendaw l-Anness 9 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, wara li jiġi adottat, l-att previst jeħtieġ jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea flimkien mad-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu.

2024/0262 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-233 sessjoni tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) fir-rigward tal-emendi proposti tal-Kapitolu 2 (“Dħul u tluq tal-inġenji tal-ajru”), tal-Kapitolu 3 (“Dħul u tluq tal-persuni u tal-bagalji tagħhom”), tal-Kapitolu 6 (“Ajruporti internazzjonali – Faċilitajiet u servizzi għat-traffiku”) u tal-Kapitolu 8 (“Dispożizzjonijiet ta’ faċilitazzjoni li jkopru suġġetti speċifiċi”), il-Paragrafu C (“Faċilitazzjoni tat-tiftix, tas-salvataġġ u tal-investigazzjoni ta’ aċċidenti”), il-Paragrafu E (“Ħolqien ta’ programmi nazzjonali ta’ faċilitazzjoni”), il-Paragrafu F (“Faċilitazzjoni tat-trasport tal-persuni b’diżabbiltà”) u l-Paragrafu G (“Assistenza lill-vittmi ta’ aċċidenti tal-inġenji tal-ajru u lill-familji tagħhom”), li jinsabu fl-Emenda 30 tal-Anness 9 – Faċilitazzjoni tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (“il-Konvenzjoni ta’ Chicago”)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (“il-Konvenzjoni ta’ Chicago”) li tirregola t-trasport internazzjonali bl-ajru, daħlet fis-seħħ fl-4 ta’ April 1947. Din il-Konvenzjoni stabbiliet l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO, International Civil Aviation Organization).

(2)L-Istati Membri kollha huma Stati Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Chicago u membri tal-ICAO, filwaqt li l-Unjoni għandha status ta’ osservatur f’ċerti korpi tal-ICAO. Għall-perjodu 2022–2025, hemm sitt Stati Membri rrappreżentati fil-Kunsill tal-ICAO.

(3)Skont l-Artikolu 37j) tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, l-ICAO għandha tadotta u temenda minn żmien għal żmien, skont il-ħtieġa, standards, prattiki u proċeduri rakkomandati internazzjonali li jittrattaw il-proċeduri doganali u tal-immigrazzjoni. Skont l-Artikolu 54(l) tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, il-Kunsill tal-ICAO jista’ jadotta Standards u Prattiki Rakkomandati internazzjonali (SARPs, Standards u Prattiki Rakkomandati internazzjonali), u jiddeżinjahom bħala Annessi tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.

(4)Il-Kunsill tal-ICAO, fil-233 sessjoni tiegħu għandu jadotta l-Emenda 30 tal-Anness 9 – Faċilitazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.

(5)L-iskopijiet ewlenin tal-Emenda 30 tal-Anness 9 – Faċilitazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Chicago inkluża fl-Ittra lill-Istati EC 6/3 − 24/67 huma li jittejbu ċ-ċarezza u konsegwentement il-konsistenza u l-effiċjenza tal-Anness 9.

(6)L-Emenda 30 tal-Anness 9 – Faċilitazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Chicago tinkludi emendi tal-Kapitolu 2 (“Dħul u tluq tal-inġenji tal-ajru”), tal-Kapitolu 3 (“Dħul u tluq tal-persuni u tal-bagalji tagħhom”), tal-Kapitolu 6 (“Ajruporti internazzjonali – Faċilitajiet u servizzi għat-traffiku”) u tal-Kapitolu 8 (“Dispożizzjonijiet ta’ faċilitazzjoni li jkopru suġġetti speċifiċi”), il-Paragrafu C (“Faċilitazzjoni tat-tiftix, tas-salvataġġ u tal-investigazzjoni ta’ aċċidenti”), il-Paragrafu E (“Ħolqien ta’ programmi nazzjonali ta’ faċilitazzjoni”), il-Paragrafu F (“Faċilitazzjoni tat-trasport tal-persuni b’diżabbiltà”) u l-Paragrafu G (“Assistenza lill-vittmi ta’ aċċidenti tal-inġenji tal-ajru u lill-familji tagħhom”). B’mod partikolari, il-proposti jridu jemendaw, jorjentaw mill-ġdid jew iħassru l-SARPs li ma għadhomx validi kif ukoll jemendaw l-SARPs indirizzati lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru jew lill-operaturi tal-ajruporti sabiex ikunu indirizzati kif xieraq lill-Istati Kontraenti. L-emendi tal-Istandard 6.3 u tal-Prattika Rakkomandata 6.4 fil-Kapitolu 6 jikkonċernaw kwistjonijiet irregolati mid-Direttiva 2009/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-imposti tal-ajruporti 7 . B’referenza għall-Kapitolu 3 (“Dħul u tluq tal-persuni u tal-bagalji tagħhom”) l-emendi proposti jżidu SARPs relatati mas-sigurtà tal-proċess ta’ ħruġ tad-dokumenti elettroniċi tal-ivvjaġġar li jinqraw minn magna (eMRTD, electronic Machine Readable Travel Document) u jaġġornaw il-protokoll ta’ kontroll fuq l-aċċess u l-istandard tekniku għall-ikkowdjar tal-immaġni tal-wiċċ fl-eMRTDs. Dawk l-emendi inċidentalment ikopru wkoll suġġetti li skont id-dritt tal-Unjoni huma rregolati mid-Direttiva (UE) 2019/997 8 . Fl-aħħar nett, b’referenza għall-emendi tal-Kapitolu 8, l-emendi tal-ICAO huma relatati mal-investigazzjoni tas-sikurezza tal-aċċidenti tal-ajru koperta mir-Regolament (UE) Nru 996/2010 9 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar l-investigazzjoni u l-prevenzjoni ta’ aċċidenti u inċidenti fis-settur tal-avjazzjoni ċivili. Dawn l-emendi ma jkunu jeħtieġu l-ebda bidla fid-dritt tal-Unjoni peress li diġà tirriflettihom.

(7)Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill tal-ICAO peress li l-Emenda 30 tal-Anness 9 – Faċilitazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Chicago se tkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 90(a) tal-Konvenzjoni ta’ Chicago u hija rilevanti għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, jiġifieri: id-Direttiva 2009/12/KE u r-Regolament (UE) Nru 996/2010.

(8)Skont l-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, kull Stat li jqis li mhuwiex prattiku għalih li jikkonforma għalkollox ma’ xi standard jew proċedura internazzjonali minn dawn, jew li jikkonforma għalkollox ir-regolamenti jew il-prattiki tiegħu ma’ xi standard jew proċedura internazzjonali minn dawn, jew li jidhirlu li jeħtieġ jiġu adottati regolamenti jew prattiki differenti f’xi aspett partikolari minn dawk stabbiliti minn standard internazzjonali, jenħtieġ li jinnotifika minnufih lill-ICAO dwar id-differenzi bejn il-prattika tiegħu u dik stabbilita mill-istandard internazzjonali.

(9)Il-pożizzjoni tal-Unjoni matul il-233 sessjoni tal-Kunsill tal-ICAO jew matul kwalunkwe sessjoni konsegwenti fir-rigward tal-adozzjoni tal-emendi proposti tal-Kapitolu 2 (“Dħul u tluq tal-inġenji tal-ajru”), tal-Kapitolu 3 (“Dħul u tluq tal-persuni u tal-bagalji tagħhom”), tal-Kapitolu 6 (“Ajruporti internazzjonali – Faċilitajiet u servizzi għat-traffiku”) u tal-Kapitolu 8 (“Dispożizzjonijiet ta’ faċilitazzjoni li jkopru suġġetti speċifiċi”), il-Paragrafu C (“Faċilitazzjoni tat-tiftix, tas-salvataġġ u tal-investigazzjoni ta’ aċċidenti”), il-Paragrafu E (“Ħolqien ta’ programmi nazzjonali ta’ faċilitazzjoni”), il-Paragrafu F (“Faċilitazzjoni tat-trasport tal-persuni b’diżabbiltà”) u l-Paragrafu G (“Assistenza lill-vittmi ta’ aċċidenti tal-inġenji tal-ajru u lill-familji tagħhom”), li jinsabu fl-Emenda 30 tal-Anness 9 – Faċilitazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Chicago inkluża fl-Ittra lill-Istati EC 6/3 – 24/67, jenħtieġ li tkun li tappoġġa bis-sħiħ dawn l-emendi. Din il-pożizzjoni għandha tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Kunsill tal-ICAO u li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

(10)Il-pożizzjoni tal-Unjoni wara l-adozzjoni tal-Emenda 30 tal-Anness 9 – Faċilitazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Chicago mill-Kunsill tal-ICAO, li għandha titħabbar mis-Segretarju Ġenerali tal-ICAO permezz tal-proċedura ta’ Ittra tal-ICAO lill-Istati, jenħtieġ li tkun li ma tiġi rreġistrata l-ebda diżapprovazzjoni u li tikkonforma mal-emendi. Meta l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tiddevja mill-SARPs li jkun għadhom kif ġew adottati wara data prevista tal-applikazzjoni ta’ dawk l-SARPs, jenħtieġ li d-differenza minn dawk l-SARPs partikolari tiġi nnotifikata lill-ICAO. Il-pożizzjoni tal-Unjoni b’rabta ma’ differenza bħal din jenħtieġ li tkun ibbażata fuq dokument bil-miktub ippreżentat mill-Kummissjoni lill-Kunsill għad-diskussjoni u l-approvazzjoni. Jenħtieġ li din il-pożizzjoni tiġi espressa mill-Istati Membri kollha tal-Unjoni, li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1. Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-233 sessjoni tal-Kunsill tal-ICAO, jew f’waħda mis-sessjonijiet konsegwenti, għandha tkun li tivvota li tappoġġa bis-sħiħ l-emendi proposti tal-Kapitolu 2 (“Dħul u tluq tal-inġenji tal-ajru”), tal-Kapitolu 3 (“Dħul u tluq tal-persuni u tal-bagalji tagħhom”), tal-Kapitolu 6 (“Ajruporti internazzjonali – Faċilitajiet u servizzi għat-traffiku”) u tal-Kapitolu 8 (“Dispożizzjonijiet ta’ faċilitazzjoni li jkopru suġġetti speċifiċi”), il-Paragrafu C (“Faċilitazzjoni tat-tiftix, tas-salvataġġ u tal-investigazzjoni ta’ aċċidenti”), il-Paragrafu E (“Ħolqien ta’ programmi nazzjonali ta’ faċilitazzjoni”), il-Paragrafu F (“Faċilitazzjoni tat-trasport tal-persuni b’diżabbiltà”) u l-Paragrafu G (“Assistenza lill-vittmi ta’ aċċidenti tal-inġenji tal-ajru u lill-familji tagħhom”), li jinsabu fl-Emenda 30 tal-Anness 9 – Faċilitazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Chicago inkluża fl-Ittra lill-Istati EC 6/3 – 24/67.

2. Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni, dment li l-Kunsill tal-ICAO jadotta mingħajr bidliet sostanzjali l-Emenda proposta tal-Anness 9 – Faċilitazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Chicago msemmija fil-paragrafu 1, għandha tkun li ma tiġi rreġistrata l-ebda diżapprovazzjoni u li jkun hemm konformità mal-miżura adottata bi tweġiba għall-Ittra rispettiva tal-ICAO lill-Istati. Meta l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tiddevja mill-SARPs li jkunu għadhom kif ġew adottati wara d-data prevista tal-applikazzjoni ta’ dawk l-SARPs, id-differenza minn dawk l-SARPs partikolari għandha tiġi nnotifikata lill-ICAO, f’konformità mal-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.

Għal dan l-għan, il-Kummissjoni għandha, fi żmien xieraq u mill-inqas xahrejn qabel kwalunkwe skadenza stabbilita mill-ICAO biex jiġu nnotifikati d-differenzi, tippreżenta lill-Kunsill, għad-diskussjoni u l-approvazzjoni, dokument preparatorju li jistabbilixxi d-differenzi dettaljati li l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-ICAO f’isem l-Unjoni.

Artikolu 2

Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1) għandha tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Kunsill tal-ICAO, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1(2) għandha tiġi espressa mill-Istati Membri kollha tal-Unjoni, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Id-Direttiva 2009/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-imposti tal-ajruporti (ĠU L 70, 14.3.2009, p. 11, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/12/oj).
(2)    Ir-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar l-investigazzjoni u l-prevenzjoni ta’ aċċidenti u inċidenti fis-settur tal-avjazzjoni ċivili u li jħassar id-Direttiva 94/56/KE (ĠU L 295, 12.11.2010, p. 35, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/996/oj).
(3)    Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2019/997 tat-18 ta’ Ġunju 2019 li tistabbilixxi Dokument Provviżorju tal-Ivvjaġġar tal-UE u li tħassar id-Deċiżjoni 96/409/PESK (ĠU L 163, 20.6.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2019/997/oj).
(4)    Ir-Regolament (UE) 2022/2371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Novembru 2022 dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE, (ĠU L 314, 6.12.2022, p. 26, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/2371/oj).
(5)    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-punt 64.
(6)    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-punti 61 sa 64.
(7)    Id-Direttiva 2009/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-imposti tal-ajruporti (ĠU L 70, 14.3.2009, p. 11, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/12/oj).
(8)    Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2019/997 tat-18 ta’ Ġunju 2019 li tistabbilixxi Dokument Provviżorju tal-Ivvjaġġar tal-UE u li tħassar id-Deċiżjoni 96/409/PESK (ĠU L 163, 20.6.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2019/997/oj).
(9)    Ir-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar l-investigazzjoni u l-prevenzjoni ta’ aċċidenti u inċidenti fis-settur tal-avjazzjoni ċivili u li jħassar id-Direttiva 94/56/KE (ĠU L 295, 12.11.2010, p. 35, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/996/oj).