IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 14.10.2024
COM(2024) 453 final
2024/0250(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali matul il-109 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima dwar l-adozzjoni ta’ emendi għall-Kodiċi Internazzjonali tas-Sikurezza għall-Vapuri li jużaw Gassijiet jew Karburanti b’Punt ta’ Fjammabbiltà Baxx (il-Kodiċi IGF)
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Din il-proposta tikkonċerna deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-109 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (MSC 109), skedata li ssir mit-2 sas-6 ta’ Diċembru 2024.
Matul l-MSC 109, huwa previst li jiġu adottati emendi tal-Kodiċi Internazzjonali tas-Sikurezza għall-Vapuri li jużaw Gassijiet jew Karburanti b’Punt ta’ Fjammabbiltà Baxx (il-Kodiċi IGF).
2.Kuntest tal-proposta
2.1.Il-Konvenzjoni dwar l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali
Il-Konvenzjoni dwar l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) tistabbilixxi l-OMI. L-iskop tal-OMI hu li tipprovdi forum għall-kooperazzjoni fil-qasam tar-regolamentazzjoni u l-prattiki relatati ma’ kwistjonijiet tekniċi ta’ kull tip li jaffettwaw it-trasport tal-merkanzija involut fil-kummerċ internazzjonali. Barra minn hekk, għandha l-għan li tħeġġeġ l-adozzjoni ġenerali tal-aqwa standards prattikabbli fi kwistjonijiet li jikkonċernaw is-sikurezza marittima, l-effiċjenza tan-navigazzjoni u l-prevenzjoni u l-kontroll tat-tniġġis tal-baħar mill-vapuri, filwaqt li tippromwovi kundizzjonijiet ekwi. Tittratta wkoll kwistjonijiet amministrattivi u legali relatati.
Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fis-17 ta’ Marzu 1958.
L-Istati Membri kollha huma partijiet għall-Konvenzjoni. L-Unjoni mhijiex parti għall-Konvenzjoni.
L-Istati Membri kollha huma partijiet għall-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (“SOLAS”), 1974, li daħlet fis-seħħ fil-25 ta’ Mejju 1980. L-Unjoni mhijiex parti għal SOLAS. Il-Kodiċi Internazzjonali tas-Sikurezza għall-Vapuri li jużaw Gassijiet jew Karburanti b’Punt ta’ Fjammabbiltà Baxx (il-Kodiċi IGF) huwa obbligatorju permezz ta’ SOLAS.
2.2.L-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali
L-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) hija l-aġenzija speċjalizzata tan-Nazzjonijiet Uniti responsabbli għas-sikurezza u għas-sigurtà tat-trasport tal-merkanzija u għall-prevenzjoni tat-tniġġis tal-baħar mill-vapuri. Hija l-awtorità li tistabbilixxi l-istandards globali għas-sikurezza, għas-sigurtà u għall-prestazzjoni ambjentali tat-trasport internazzjonali tal-merkanzija. Ir-rwol prinċipali tagħha huwa li toħloq qafas regolatorju għall-industrija tat-trasport tal-merkanzija li jkun ġust u effettiv, u li dan jiġi adottat u implimentat b’mod universali.
Is-sħubija fl-OMI hija miftuħa għall-Istati biss u l-Istati Membri kollha tal-UE huma membri tal-OMI. Peress li l-organizzazzjonijiet reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika ma jistgħux ikunu membri tal-OMI, l-UE mhijiex membru ta’ din l-organizzazzjoni. Madankollu, wara l-iffirmar tal-Arranġament għall-Kooperazzjoni u l-Kollaborazzjoni konkluż bejn l-Organizzazzjoni Konsultattiva Marittima Intergovernattiva (IMCO, Inter-Governmental Maritime Consultative Organisation) u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fl-1974, il-Kummissjoni tipparteċipa bħala osservatur fil-ħidma tal-OMI u għalhekk tista’ tibgħat is-sottomissjonijiet lil dik l-organizzazzjoni f’isimha stess.
Il-Kumitat tas-Sikurezza Marittima (MSC, Maritime Safety Committee) tal-OMI huwa magħmul mill-Membri kollha tal-OMI u jiltaqa’ mill-inqas darba fis-sena. Dan jittratta kwalunkwe kwistjoni fl-ambitu tal-Organizzazzjoni relatata mal-għajnuniet għan-navigazzjoni, mal-kostruzzjoni u mat-tagħmir tal-bastimenti, mal-persunal mil-lat ta’ sikurezza, mar-regoli għall-prevenzjoni ta’ kolliżjonijiet, mal-ġarr ta’ merkanzija perikoluża, mal-proċeduri u mar-rekwiżiti tas-sikurezza marittima, mal-informazzjoni idrografika, mal-ġurnali ta’ abbord u mar-reġistri tan-navigazzjoni, mal-investigazzjoni ta’ diżgrazzji tal-baħar, mal-għoti tal-għajnuna u mas-salvataġġ, u ma’ kwalunkwe kwistjoni oħra li taffettwa direttament is-sikurezza marittima.
Il-Kumitat tas-Sikurezza Marittima tal-OMI jipprovdi mekkaniżmi għat-twettiq ta’ kwalunkwe dmir assenjat lilu mill-Konvenzjoni tal-OMI, mill-Assemblea tal-OMI jew mill-Kunsill tal-OMI, jew kwalunkwe dmir fl-ambitu msemmi hawn fuq li jista’ jiġi assenjat lilhom minn jew skont kwalunkwe strument internazzjonali ieħor, u aċċettat mill-OMI. Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima, u tal-korpi sussidjarji tiegħu, huma adottati b’maġġoranza tal-Membri.
2.3.L-att previst tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima tal-OMI
Bejn it-2 u s-6 ta’ Diċembru 2024, matul il-109 sessjoni tiegħu, il-Kumitat tas-Sikurezza Marittima għandu jadotta emendi tal-Kodiċi IGF.
L-iskop tal-emendi previsti tal-Kodiċi IGF huwa li tissaħħaħ is-sikurezza tal-bastimenti, inklużi l-vapuri tal-passiġġieri, bl-użu tal-gass naturali u tal-fjuwils b’punt ta’ fjammabbiltà baxx (bħala fjuwils tal-baħar). L-adozzjoni ta’ dawn l-emendi se tippromwovi l-użu ta’ fjuwils rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u b’mod partikolari Gassijiet u fjuwils oħra b’punt ta’ fjammabbiltà baxx, bħall-Metanol, l-Idroġenu u l-Ammonijaka b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u mingħajr emissjonijiet tal-karbonju. Din hija konformi mal-objettivi tad-dekarbonizzazzjoni u tat-tindif mit-tniġġis tal-pakkett leġiżlattiv tal-UE “Lesti għall-mira ta’ 55 %”.
3.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-109 sessjoni tal-kumitat tas-sikurezza marittima
3.1.Emendi tal-Kodiċi Internazzjonali tas-Sikurezza għall-Vapuri li jużaw Gassijiet jew Karburanti b’Punt ta’ Fjammabbiltà Baxx (il-Kodiċi IGF)
Fid-9 sessjoni tiegħu, is-Sottokumitat dwar il-Ġarr ta’ Merkanzija u Kontejners (CCC, Carriage of Cargoes and Containers) qabel li jistabbilixxi Grupp ta’ Ħidma dwar l-Emendi tal-Kodiċi IGF u tah struzzjonijiet, filwaqt li qies il-kummenti li saru u d-deċiżjonijiet meħuda fil-plenarja, biex iħejji abbozz ta’ sett ta’ emendi tal-Kodiċi IGF abbażi tad-dokumenti ppreżentati f’dik is-sessjoni.
Wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp ta’ Ħidma msemmi hawn fuq, is-CCC 9 innota d-diskussjoni tal-Grupp dwar l-abbozz ta’ emendi tal-Kodiċi IGF u li l-Grupp kien iffinalizzahom. L-emendi jinkludu varjetà ta’ kwistjonijiet, inklużi bjar b’pompa tal-ġbid, skariku tal-valv għat-tnaqqis tal-pressjoni ta’ sikurezza, kmamar għat-tħejjija tal-fjuwil, protezzjoni strutturali kontra n-nirien u żoni perikolużi.
Is-CCC 9 qabel mal-abbozz tal-emendi tal-Kodiċi IGF, kif stabbilit fl-Anness 3 tas-CCC 9/14, biex jiġu sottomessi lill-MSC 108 għall-approvazzjoni u l-adozzjoni sussegwenti.
Il-pożizzjoni tal-Unjoni fis-CCC 9 kienet li tappoġġa l-abbozz tal-emendi tal-Kodiċi IGF kif propost fis-CCC 9/3/3 (Liberia et al.) u li tappoġġa l-istabbiliment ta’ grupp ta’ ħidma biex jiġu ffinalizzati l-emendi tal-Kodiċi IGF u biex jitqiesu d-dokumenti CCC 9/3/5 (ir-Repubblika tal-Korea, il-Liberja u l-INTERTANKO) u CCC 9/3/8 (CESA).
L-MSC 108 approva l-abbozz tal-emendi tal-Kodiċi IGF, bil-ħsieb li jiġu adottati fl-MSC 109. Dawn l-emendi huma ċċirkolati permezz tal-Ittra Ċirkolari tal-OMI Nru 4879 tad-29 ta’ Mejju 2024 fl-Anness 2.
L-Unjoni għandha tappoġġa dawn l-emendi minħabba li se jsaħħu s-sikurezza tal-bastimenti, inklużi l-vapuri tal-passiġġieri, permezz tal-gass naturali bħala fjuwil. Dawn l-emendi jipprovdu livell ekwivalenti ta’ protezzjoni tas-sistema tal-pajpijiet u tal-bokka tat-tank mil-linji ta’ skariku tal-valv għat-tnaqqis tal-pressjoni waqt it-tħaddim normali u emerġenza. Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ bjar żgħar ta’ tankijiet tal-fjuwil LNG għandha tiġi rikonoxxuta fil-Kodiċi IGF.
4.Il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE u l-kompetenza tal-UE
4.1.1.Emendi tal-Kodiċi Internazzjonali tas-Sikurezza għall-Vapuri li jużaw Gassijiet jew Karburanti b’Punt ta’ Fjammabbiltà Baxx (il-Kodiċi IGF)
L-Artikolu 6(2)(a)(i) tad-Direttiva 2009/45/KE dwar regoli u standards ta’ sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri involuti fi vjaġġi domestiċi japplika SOLAS, kif emendat, għall-vapuri tal-passiġġieri tal-Klassi A. Peress li l-Kodiċi IGF huwa Kodiċi obbligatorju skont SOLAS, japplika wkoll għall-vapuri tal-passiġġieri skont din id-Direttiva.
Barra minn hekk, fit-taqsimiet 1 u 2 tiegħu, l-Anness I tad-Direttiva 2009/45/KE fih regolamenti li jeħtieġu l-konformità mar-rekwiżiti tal-Kodiċi IGF:
·ir-Regolament II-1/G/1: applikabbli għall-bastimenti Ġodda tal-Klassi B, C u D [u l-bastimenti eżistenti tal-Klassi B] – “Il-vapuri, irrispettivament mid-data meta nbnew, ikkonvertiti għall-użu jew li ntrabtu li jużaw karburanti gassużi jew likwidi li jkollhom punt ta’ fjammabbiltà aktar baxx minn dak permess skont ir-Regolament II-2/A/10, is-subparagrafu.1.1, għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-Kodiċi IGF, kif definit f’SOLAS II-1/2.28.”; u
·ir-Regolament II-1/G/57: ir-rekwiżiti għall-bastimenti li jużaw fjuwils b’punt ta’ fjammabbiltà baxx – “Il-vapuri li jużaw karburanti gassużi jew likwidi li jkollhom punt ta’ fjammabbiltà aktar baxx minn dak permess skont ir-Regolament II-2/4.2.1.1, għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-Kodiċi IGF, kif definit f’SOLAS II-1/2.28.”
Għalhekk, l-emendi tal-Kodiċi Internazzjonali tas-Sikurezza għall-Vapuri li jużaw Gassijiet jew Karburanti b’Punt ta’ Fjammabbiltà Baxx (il-Kodiċi IGF) jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv l-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/45/KE.
4.1.2.Kompetenza tal-UE
Is-suġġett tal-atti previsti jikkonċerna qasam li għalih l-Unjoni għandha kompetenza esterna esklużiva bis-saħħa tal-aħħar parti tal-Artikolu 3(2) tat-TFUE, peress li l-atti previsti jistgħu “jaffettwaw ir-regoli komuni jew ibiddlu l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom”.
5.Bażi legali
5.1.Bażi legali proċedurali
5.1.1.Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”
L-Artikolu 218(9) tat-TFUE japplika irrispettivament minn jekk l-Unjoni hijiex membru tal-korp jew parti għall-ftehim.
Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp ikkonċernat. Jinkludi wkoll strumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni”.
5.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
Il-Kumitat tas-Sikurezza Marittima tal-OMI huwa korp imwaqqaf permezz ta’ ftehim f’konformità mal-Konvenzjoni dwar l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali.
L-atti li dan il-kumitat tal-OMI huwa mitlub jadotta jikkostitwixxu atti li għandhom effetti legali. L-atti previsti jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tal-leġiżlazzjoni tal-UE, u b’mod partikolari:
–id-Direttiva 2009/45/KE dwar regoli u standards ta’ sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri. Dan minħabba li l-Artikolu 6 ta’ dik id-Direttiva jipprevedi li d-dispożizzjonijiet tal-Kapitoli IV, V u VI tal-Konvenzjoni SOLAS tal-1974, kif emendata, iridu japplikaw għall-vapuri tal-passiġġieri ġodda u eżistenti tal-Klassijiet A, B, C u D [l-Artikolu 6(1)(b)] u li l-vapuri ġodda tal-passiġġieri tal-Klassi A jridu jikkonformaw bis-sħiħ mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni SOLAS tal-1974, kif emendata [l-Artikolu 6(2)(a)(i)]. Peress li l-Kodiċi IGF huwa Kodiċi obbligatorju skont SOLAS, dan huwa applikabbli wkoll għall-vapuri tal-passiġġieri skont id-Direttiva 2009/45/KE bis-saħħa tar-referenzi dinamiċi għal SOLAS fiha. Barra minn hekk, l-Anness I tad-Direttiva 2009/45/KE fih regolamenti li jeħtieġu l-konformità diretta mar-rekwiżiti tal-Kodiċi IGF.
L-atti previsti la jissupplimentaw u lanqas jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.
Għalhekk, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
5.2.Bażi legali sostantiva
5.2.1.Prinċipji
Il-bażi legali sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi legali sostantiva unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.
5.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
L-objettiv u l-kontenut ewlenin tal-atti previsti huma relatati mat-trasport marittimu. Għalhekk, il-bażi legali sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 100(2) tat-TFUE.
5.3.Konklużjoni
Il-bażi legali tad-deċiżjoni proposta għandha tkun l-Artikolu 100(2) tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
2024/0250 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali matul il-109 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima dwar l-adozzjoni ta’ emendi għall-Kodiċi Internazzjonali tas-Sikurezza għall-Vapuri li jużaw Gassijiet jew Karburanti b’Punt ta’ Fjammabbiltà Baxx (il-Kodiċi IGF)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Konvenzjoni dwar l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (“OMI”) daħlet fis-seħħ fis-17 ta’ Marzu 1958.
(2)L-OMI hija aġenzija speċjalizzata tan-Nazzjonijiet Uniti responsabbli għas-sikurezza u għas-sigurtà tat-trasport tal-merkanzija u għall-prevenzjoni tat-tniġġis tal-baħar u tal-arja mill-vapuri. L-Istati Membri kollha tal-Unjoni huma membri tal-OMI. L-Unjoni mhijiex membru tal-OMI.
(3)Skont l-Artikolu 28(b) tal-Konvenzjoni dwar l-OMI, il-Kumitat tas-Sikurezza Marittima jipprovdi mekkaniżmi għat-twettiq ta’ kwalunkwe dmir assenjat lilu f’konformità ma’ dik il-Konvenzjoni, mill-Assemblea tal-OMI jew mill-Kunsill tal-OMI, jew ta’ kwalunkwe dmir fl-ambitu ta’ dak l-Artikolu li jista’ jiġi assenjat lill-Kumitat tas-Sikurezza Marittima skont kwalunkwe strument internazzjonali ieħor, u aċċettat mill-OMI.
(4)Fil-109 sessjoni tiegħu mit-2 sas-6 ta’ Diċembru 2024, il-Kumitat tas-Sikurezza Marittima tal-OMI għandu jadotta l-emendi tal-Kodiċi Internazzjonali tas-Sikurezza għall-Vapuri li jużaw Gassijiet jew Karburanti b’Punt ta’ Fjammabbiltà Baxx (il-Kodiċi IGF). L-emendi jinkludu varjetà ta’ kwistjonijiet, inklużi bjar b’pompa tal-ġbid, skariku tal-valv għat-tnaqqis tal-pressjoni ta’ sikurezza, kmamar għat-tħejjija tal-fjuwil, protezzjoni strutturali kontra n-nirien u żoni perikolużi.
(5)Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni matul il-109 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima tal-OMI, peress li l-atti previsti jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri d-Direttiva 2009/45/KE dwar regoli u standards ta’ sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri.
(6)L-Unjoni jenħtieġ li tappoġġa l-emendi tal-Kodiċi Internazzjonali tas-Sikurezza għall-Vapuri li jużaw Gassijiet jew Karburanti b’Punt ta’ Fjammabbiltà Baxx (il-Kodiċi IGF) minħabba li dawn se jtejbu s-sikurezza tal-bastimenti, inklużi l-vapuri tal-passiġġieri, bl-użu tal-gass naturali bħala fjuwil. Dawn l-emendi jipprovdu livell ekwivalenti ta’ protezzjoni tas-sistema tal-pajpijiet u tal-bokka tat-tank mil-linji ta’ skariku tal-valv għat-tnaqqis tal-pressjoni waqt it-tħaddim normali u emerġenza. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-eżistenza ta’ bjar żgħar ta’ tankijiet tal-fjuwil LNG tiġi rikonoxxuta fil-Kodiċi IGF. L-adozzjoni ta’ dawn l-emendi se tippromwovi l-użu ta’ fjuwils rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u b’mod partikolari Gassijiet u fjuwils oħra b’punt ta’ fjammabbiltà baxx, bħall-Metanol, l-Idroġenu u l-Ammonijaka b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u mingħajr emissjonijiet tal-karbonju. Dan huwa konformi mal-objettivi tad-dekarbonizzazzjoni u tat-tindif mit-tniġġis tal-pakkett leġiżlattiv tal-UE “Lesti għall-mira ta’ 55 %”.
(7)Il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Assemblea tal-OMI, u mill-Kummissjoni, li jaġixxu b’mod konġunt,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-109 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima tal-OMI għandha tkun li taqbel mal-adozzjoni tal-emendi tal-Kodiċi Internazzjonali tas-Sikurezza għall-Vapuri li jużaw Gassijiet jew Karburanti b’Punt ta’ Fjammabbiltà Baxx (il-Kodiċi IGF), kif stabbilit fl-Anness 2 tal-Ittra Ċirkolari tal-OMI Nru 4879 tad-29 ta’ Mejju 2024.
Artikolu 2
Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha tiġi espressa mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima tal-OMI, li jaġixxu b’mod konġunt.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President