IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 3.10.2024
COM(2024) 429 final
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit bil-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, mill-parti l-waħda, u l-Istat ta’ Iżrael, mill-parti l-oħra, li tistabbilixxi r-rekwiżiti ġenerali dwar il-provi tal-oriġini maħruġa b’mod elettroniku f’konformità mal-Artikolu 17(4) tal-Appendiċi A tal-Protokoll 4 ta’ dak il-Ftehim
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni tal-Ftehim Ewro-Mediterranju UE-Iżrael b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ Deċiżjoni li tistabbilixxi r-rekwiżiti ġenerali dwar il-provi tal-oriġini maħruġa b’mod elettroniku.
2.Kuntest tal-proposta
2.1.Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, mill-parti l-waħda, u l-Istat ta’ Iżrael mill-parti l-oħra
Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, mill-parti l-waħda, u l-Istat ta’ Iżrael mill-parti l-oħra (il-Ftehim) għandu l-għan li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għal-liberalizzazzjoni gradwali tal-kummerċ fl-oġġetti, fis-servizzi u fil-kapital. Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2000.
2.2.Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni
Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 67 tal-Ftehim, jista’ jagħmel rakkomandazzjonijiet u jieħu deċiżjonijiet. Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jfassal id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu permezz ta’ ftehim bejn iż-żewġ Partijiet.
2.3.L-att previst tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni
Fil-laqgħa li jmiss tiegħu jew permezz ta’ skambju ta’ ittri, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandu jadotta Deċiżjoni li tistabbilixxi r-rekwiżiti ġenerali dwar il-provi tal-oriġini maħruġa b’mod elettroniku (“l-att previst”).
3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni
Matul l-ewwel laqgħa teknika dwar ir-Regoli tranżizzjonali tal-oriġini li saret fi Brussell fil-5 ta’ Frar 2020, il-maġġoranza tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (“il-Konvenzjoni”) qablu li jimplimentaw ir-regoli riveduti tal-Konvenzjoni (“ir-Regoli tranżizzjonali tal-oriġini”) b’mod parallel mar-regoli tal-Konvenzjoni, fuq bażi bilaterali tranżizzjonali, sakemm jiġu adottati r-regoli riveduti tal-Konvenzjoni.
Mill-1 ta’ Settembru 2021, daħal fis-seħħ network ta’ protokolli bilaterali dwar ir-regoli tal-oriġini fost il-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni li jagħmel ir-Regoli tranżizzjonali applikabbli.
L-objettiv tar-Regoli tranżitorji tal-oriġini huwa li jiġu introdotti regoli aktar laxki sabiex tiġi faċilitata l-kwalifika tal-istatus oriġinarju preferenzjali għall-oġġetti u tinħoloq il-possibbiltà li jintużaw provi tal-oriġini maħruġa u/jew imressqa b’mod elettroniku.
L-UE u Iżrael qablu li japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17(4) tal-Appendiċi A tal-Protokoll 4 tal-Ftehim fir-rigward tal-provi tal-oriġini maħruġa b’mod elettroniku, u għalhekk irid jiġi determinat qafas ta’ rekwiżiti ġenerali.
Matul il-laqgħa tal-Kumitat Konġunt fis-7 ta’ Diċembru 2023, il-Partijiet Kontraenti adottaw b’unanimità r-Rakkomandazzjoni tal-Kumitat Konġunt dwar l-użu taċ-ċertifikati elettroniċi skont il-qafas tal-Konvenzjoni attwali. Ir-Rakkomandazzjoni tistabbilixxi lista ta’ kundizzjonijiet li ladarba jiġu ssodisfati, il-parti importatriċi tista’ taċċetta prova tal-oriġini fl-għamla ta’ ċertifikat tal-moviment EUR.1.
Dawn il-kundizzjonijiet huma identiċi għal dawk f’din il-proposta li jistabbilixxu r-rekwiżiti ġenerali dwar il-provi tal-oriġini maħruġa b’mod elettroniku.
Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet dwar il-provi tal-oriġini fl-għamla taċ-ċertifikati tal-moviment maħruġa b’mod elettroniku fl-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni qed tipprevedi li tistabbilixxi sistema elettronika għat-tressiq tal-applikazzjonijiet għaċ-ċertifikati tal-moviment maħruġa b’mod elettroniku, għall-ħruġ ta’ dawk iċ-ċertifikati kif ukoll għall-ħżin u l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri u mal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni. Is-sistema elettronika taċ-Ċertifikati tal-Prova tal-oriġini (is-sistema e-PoC tal-UE) għandha tiġi stabbilita f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjonijiet tiegħu.
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-UE fi ħdan il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandha tiġi stabbilita mill-Kunsill.
Il-qafas propost huwa ta’ natura teknika u huwa relatat mar-Regoli tranżizzjonali tal-oriġini attwalment applikabbli bejn il-Partijiet u ma jaffettwawx is-sustanza tal-protokoll dwar ir-regoli tal-oriġini. Għalhekk, ma teħtieġx valutazzjoni tal-impatt.
4.Bażi legali
4.1.Bażi legali proċedurali
4.1.1.Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi Deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”
Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp inkwistjoni. Jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni”.
4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni huwa korp stabbilit permezz ta’ ftehim, jiġifieri l-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, mill-parti l-waħda, u l-Istat ta’ Iżrael mill-parti l-oħra.
L-att li l-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni huwa mitlub jadotta jikkostitwixxi att b’effetti legali.
L-att previst la jissupplimenta u lanqas ma jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.
Għaldaqstant, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta hi l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
4.2.Bażi legali sostantiva
4.2.1.Prinċipji
Il-bażi legali sostantiva biex tittieħed Deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew minn dawn il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tkun imsejsa fuq bażi legali sostantiva unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.
4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst huma relatati mal-politika kummerċjali komuni.
Għaldaqstant, il-bażi legali sostantiva għad-deċiżjoni proposta hija l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) tat-TFUE.
4.3.Konklużjoni
Il-bażi legali tad-deċiżjoni proposta għandha tkun l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
5.Implikazzjoni baġitarja
Ir-rekwiżiti ġenerali dwar il-provi tal-oriġini maħruġa b’mod elettroniku ma għandhomx impatt li jista’ jitkejjel fuq il-baġit tal-UE peress li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom jikkonċerna prinċipalment il-faċilitazzjoni tal-kummerċ u l-konsolidazzjoni ta’ prattiki moderni mill-awtoritajiet doganali. Jipprevedu simplifikazzjoni fl-oqsma li jibqgħu taħt il-kompetenza tal-awtoritajiet mingħajr ma jkollhom impatt fuq is-sustanza tar-regoli li minnhom l-oġġetti jiksbu status oriġinarju preferenzjali. L-użu tal-provi tal-oriġini maħruġa b’mod elettroniku itejjeb l-effettività tal-kontrolli doganali u jnaqqas ir-riskju ta’ frodi billi jintroduċi ambjent sigur ta’ ħruġ u verifika.
6.Pubblikazzjoni tal-att previst
Billi l-att tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni se jissupplimenta l-Protokoll 4 tal-Ftehim, jixraq li dan jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni tiegħu.
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit bil-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, mill-parti l-waħda, u l-Istat ta’ Iżrael, mill-parti l-oħra, li tistabbilixxi r-rekwiżiti ġenerali dwar il-provi tal-oriġini maħruġa b’mod elettroniku f’konformità mal-Artikolu 17(4) tal-Appendiċi A tal-Protokoll 4 ta’ dak il-Ftehim
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, mill-parti l-waħda, u l-Istat ta’ Iżrael, mill-parti l-oħra (“il-Ftehim”) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/384/KE, ECSC u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2000.
(2)Skont l-Artikolu 69 tal-Ftehim, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, stabbilit f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 67 tal-Ftehim, jista’ jadotta deċiżjonijiet.
(3)Skont l-Artikolu 38 tal-Protokoll 4 tal-Ftehim dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva , il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jista’ jiddeċiedi li jemenda d-dispożizzjonijiet ta’ dak il-Protokoll.
(4)Fil-laqgħa li jmiss tiegħu, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandu jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi r-rekwiżiti ġenerali dwar il-provi tal-oriġini maħruġa b’mod elettroniku.
(5)Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, peress li d-deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni se tkun vinkolanti fuq l-Unjoni.
(6)Matul l-ewwel laqgħa teknika dwar ir-Regoli tranżizzjonali tal-oriġini li saret fi Brussell fil-5 ta’ Frar 2020, il-maġġoranza tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (“il-Konvenzjoni”) qablu li jimplimentaw ir-regoli riveduti tal-Konvenzjoni (“ir-Regoli tranżizzjonali tal-oriġini”) b’mod parallel mar-regoli tal-Konvenzjoni, fuq bażi bilaterali tranżizzjonali, sakemm jiġu adottati r-regoli riveduti tal-Konvenzjoni.
(7)L-applikazzjoni tar-Regoli tranżizzjonali tal-oriġini tiżgura l-adattament tal-flussi kummerċjali u l-prattiki doganali sakemm jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2025 ir-regoli riveduti tal-Konvenzjoni li fuqhom huma bbażati r-Regoli tranżizzjonali tal-oriġini.
(8)Mill-1 ta’ Settembru 2021, daħal fis-seħħ network ta’ protokolli bilaterali dwar ir-regoli tal-oriġini fost diversi Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni li jagħmlu applikabbli r-Regoli tranżizzjonali tal-oriġini sakemm tidħol fis-seħħ l-emenda tal-Konvenzjoni;
(9)Iż-żewġ objettivi ewlenin tar-Regoli tranżizzjonali tal-oriġini huma: li jiġu introdotti regoli aktar laxki biex tiġi ffaċilitata l-kwalifika tal-istatus oriġinarju preferenzjali għall-oġġetti; u, li tinħoloq il-possibbiltà li jintużaw provi tal-oriġini maħruġa jew imressqa b’mod elettroniku.
(10)L-Unjoni u Iżrael qablu li japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17(4) tal-Appendiċi A tal-Protokoll 4 tal-Ftehim fir-rigward tal-provi tal-oriġini maħruġa b’mod elettroniku, u għalhekk jenħtieġ li jiġi determinat qafas ta’ rekwiżiti ġenerali.
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 3.10.2024
COM(2024) 429 final
ANNESS
tal-
proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit bil-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, mill-parti l-waħda, u l-Istat ta’ Iżrael, mill-parti l-oħra, li tistabbilixxi r-rekwiżiti ġenerali dwar il-provi tal-oriġini maħruġa b’mod elettroniku f’konformità mal-Artikolu 17(4) tal-Appendiċi A tal-Protokoll 4 ta’ dak il-Ftehim
ANNESS
[Abbozz] DEĊIŻJONI Nru... TAL-KUNSILL TA’ ASSOĊJAZZJONI UE-IŻRAEL
ta’ XX XX 2024
li tistabbilixxi r-rekwiżiti ġenerali dwar il-provi tal-oriġini maħruġa b’mod elettroniku f’konformità mal-Artikolu 17(4) tal-Appendiċi A tal-Protokoll 4 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, mill-parti l-waħda, u l-Istat ta’ Iżrael, mill-parti l-oħra
Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE- IŻRAEL,
Wara li kkunsidra l-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, mill-parti l-waħda, u l-Istat ta’ Iżrael, mill-parti l-oħra (il-Ftehim), u b’mod partikolari l-Artikolu 69 tal-Ftehim u l-Artikolu 38 tal-Protokoll 4 tiegħu,
Billi,
(1)Il-pandemija tal-COVID-19 saħħet il-ħtieġa għal ambjent doganali mingħajr karti fil-qasam tar-regoli tal-oriġini u l-biċċa l-kbira tal-Partijiet Kontraenti tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (“il-Konvenzjoni”) ddeċidew li jaċċettaw il-kopji elettroniċi taċ-ċertifikati tal-moviment.
(2)Il-Partijiet Kontraenti applikanti, żviluppaw sistemi elettroniċi jew adattaw sistemi eżistenti biex jibbilanċjaw il-ħtieġa għad-diġitalizzazzjoni bir-rekwiżiti tal-għamla taċ-ċertifikat tal-moviment deskritta fir-Regoli tranżizzjonali tal-oriġini (l-Appendiċi A tal-Protokoll 4 tal-Ftehim).
(3)Filwaqt li jqisu l-iżvilupp tas-sistemi doganali elettroniċi, l-UE u l-Istat ta’ Iżrael (il-Partijiet) jirrikonoxxu li l-provi tal-oriġini fl-għamla ta’ ċertifikati tal-moviment jenħtieġ li jibbenefikaw minn modernizzazzjoni fil-ħruġ, fit-tressiq u fil-verifika tagħhom.
(4)Mill-1 ta’ Settembru 2021 daħal fis-seħħ network ta’ protokolli bilaterali dwar ir-regoli tal-oriġini fost il-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni, li għamel applikabbli r-Regoli tranżizzjonali tal-oriġini.
(5)Il-Partijiet itennu l-impenn tagħhom li jkomplu l-prattiki t-tajba introdotti skont il-miżuri eċċezzjonali matul il-pandemija tal-COVID-19, jirrikonoxxu l-importanza tal-introduzzjoni tal-mezzi elettroniċi, u jaħdmu flimkien għal sistema komuni bbażata fuq provi tal-oriġini elettroniċi u kooperazzjoni amministrattiva elettronika fiż-żona pan-Ewro-Mediterranea (iż-żona PEM).
(6)Il-Partijiet iqisu li l-bidla għal provi tal-oriġini elettroniċi u kooperazzjoni amministrattiva diġitalizzata fil-qafas tar-Regoli tranżizzjonali tal-oriġini, tikkostitwixxi l-ewwel pass lejn diġitalizzazzjoni sħiħa tal-provi tal-oriġini fl-iskala taż-żona PEM, speċjalment fid-dawl tad-dħul fis-seħħ li jmiss tal-emenda tal-Konvenzjoni.
(7)Il-Partijiet qablu li jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17(4) tal-Appendiċi A tal-Protokoll 4 tal-Ftehim, fir-rigward tal-provi tal-oriġini maħruġa b’mod elettroniku, u b’hekk il-prodotti oriġinarji għandhom jibbenefikaw minn dawk id-dispożizzjonijiet,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI
Artikolu 1
Filwaqt li jqisu l-Artikolu 17(4) tal-Appendiċi A tal-Protokoll 4 tal-Ftehim, il-Partijiet jaqblu li l-provi tal-oriġini msemmija fl-Artikolu 17(1), il-punt (a), jistgħu jinħarġu b’mod elettroniku.
Artikolu 2
Il-Partijiet għandhom jaċċettaw iċ-ċertifikati tal-moviment maħruġa b’mod elettroniku meta jitressqu waqt l-importazzjoni, meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
(a) iċ-ċertifikati tal-moviment maħruġa b’mod elettroniku għandhom għamla simili għall-mudell imsemmi fl-Anness IV tal-Appendiċi A;
(b) l-awtoritajiet doganali tal-Parti esportatriċi jipprevedu sistema online bbażata fuq l-internet biex tiġi verifikata l-awtentiċità taċ-ċertifikati tal-moviment maħruġa b’mod elettroniku;
(c) iċ-ċertifikati tal-moviment maħruġa b’mod elettroniku għandhom numru tas-serje uniku, u jekk ikunu disponibbli, karatteristiċi tas-sigurtà li bihom jistgħu jiġu identifikati;
(d) id-data minn meta Parti tibda toħroġ iċ-ċertifikati tal-moviment elettroniċi hija speċifikata fl-avviżi ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (is-serje C) u f’konformità mal-proċeduri ta’ dik il-Parti stess. L-aċċettazzjoni taċ-ċertifikati tal-moviment maħruġa b’mod elettroniku għandha tapplika mid-data indikata f’dawk l-avviżi.
Artikolu 3
Parti tista’ tiddeċiedi li tissospendi l-aċċettazzjoni taċ-ċertifikati tal-moviment maħruġa b’mod elettroniku meta l-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 2 ma jkunux issodisfati, u għandha tinforma lill-Parti l-oħra b’dan minn qabel. L-avviżi msemmija fl-Artikolu 2, il-punt (d), għandhom jindikaw id-data tal-bidu tas-sospensjoni.
Artikolu 4
Għall-fini tal-kooperazzjoni amministrattiva f’konformità mal-Artikoli 34 u 35 tal-Appendiċi A tal-Protokoll 4 tal-Ftehim, il-Partijiet jistgħu jiddeċiedu li jassistu lil xulxin permezz ta’ mezzi elettroniċi.
Artikolu 5
L-avviżi li jindikaw l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (is-serje C) u f’pubblikazzjoni uffiċjali fl-Istat ta’ Iżrael, f’konformità mal-proċeduri tiegħu stess.
Artikolu 6
L-Artikoli 1 sa 5 għandhom japplikaw sad-data tad-dħul fis-seħħ tal-qbil bejn il-Partijiet li jintuża ambjent diġitali pan-Ewro-Mediterranju għall-provi tal-oriġini żviluppati mal-Partijiet Kontraenti applikanti l-oħra, li bis-saħħa tiegħu l-provi tal-oriġini jistgħu jinħarġu u/jew jitressqu b’mod elettroniku.
Artikolu 7
Peress li r-Regoli tranżizzjonali tal-oriġini għandhom jieqfu japplikaw fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-emenda tal-Konvenzjoni, l-Artikoli 1 sa 6 ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jibqgħu japplikaw bejn il-Partijiet fil-qafas tal-Konvenzjoni sad-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt tal-Konvenzjoni li tistabbilixxi r-rekwiżiti ġenerali dwar il-provi tal-oriġini maħruġa u/jew imressqa b’mod elettroniku.
Artikolu 8
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tal-ewwel xahar wara li l-aħħar waħda miż-żewġ Partijiet tkun innotifikat lill-Parti l-oħra bit-tlestija tar-rekwiżiti interni tagħha.
Magħmul fi…
Għall-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni
Il-President
Is-Segretarji