Brussell, 26.9.2024

COM(2024) 423 final

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li toħroġ direttivi lill-Kummissjoni għan-negozjar tat-tiġdid tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) u l-Organizzazzjoni għall-Iżvilupp tal-Enerġija fil-Peniżola Koreana (KEDO)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Introduzzjoni

Il-KEDO twaqqfet mill-Istati Uniti, il-Ġappun u r-Repubblika tal-Korea fl-1995. L-objettiv ewlieni tagħha kien il-forniment ta’ żewġ reatturi nukleari li jużaw l-ilma ordinarju (il-proġett LWR) lir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (RDPK – il-Korea ta’ Fuq). L-Euratom ilha membru sħiħ tal-KEDO mill-1997. Il-ftehim li jirregola s-sħubija tal-Euratom fl-Organizzazzjoni għall-Iżvilupp tal-Enerġija fil-Peniżola Koreana (KEDO) skada fil-31 ta’ Mejju 2024.

F’Novembru 2023, ir-Repubblika tal-Korea infurmat lill-membri l-oħra tal-Bord Eżekuttiv tal-KEDO (l-Istati Uniti, il-Ġappun u l-Euratom) bir-riżoluzzjoni għall-estensjoni tal-KEDO għall-perjodu 2024–2027. Il-Ġappun qabel dwar l-estensjoni tal-KEDO fil-bidu tal-2024, filwaqt li l-Istati Uniti reċentement esprimew il-qbil tagħhom f’Lulju 2024. L-Euratom għad trid tesprimi l-approvazzjoni tagħha.

Skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 101, it-tieni subparagrafu tat-Trattat Euratom, il-ftehimiet bejn l-Euratom u l-organizzazzjonijiet internazzjonali, bħall-KEDO, għandhom jiġu nnegozjati mill-Kummissjoni f’konformità mad-direttivi maħruġa qabel mill-Kunsill. Il-ftehim innegozjat imbagħad ikollu jiġi approvat mill-Kunsill qabel ma l-Kummissjoni tkun tista’ tikkonkludih f’isem l-Euratom. Il-ħruġ mill-Kunsill ta’ direttivi ta’ negozjati lill-Kummissjoni huwa għalhekk l-ewwel pass tal-proċedura għat-tiġdid tal-ftehim bejn l-Euratom u l-KEDO. Għar-raġunijiet stabbiliti f’aktar dettall hawn taħt, il-Kummissjoni tqis li huwa fl-interess tal-Euratom li ġġedded is-sħubija tagħha u għalhekk tippreżenta rakkomandazzjoni lill-Kunsill li jawtorizzaha tinnegozja s-sħubija mġedda.

Il-KEDO bħalissa ma għandha l-ebda attività operattiva. L-eżistenza kontinwa tagħha sservi biex tipproteġi l-interessi finanzjarji u legali tal-membri tagħha, inkluża l-Euratom. Biex titkompla s-sħubija ma hemm il-ħtieġa tal-ebda kontribuzzjoni finanzjarja mill-baġit tal-UE.  

2.Sfond

B’riżultat tan-nuqqas tar-RDPK li timplimenta l-obbligi tagħha ta’ nonproliferazzjoni, l-attivitajiet operattivi tal-KEDO ntemmu fit-30 ta’ Mejju 2006. Madankollu, sena wara, il-Bord Eżekuttiv tal-KEDO ddeċieda li l-organizzazzjoni għandha tkompli teżisti bħala entità legali għar-raġunijiet finanzjarji u legali li ġejjin:

·Iż-żamma tal-pretensjonijiet finanzjarji ġenerali kontra r-RDPK.

Dawn il-pretensjonijiet ma jibqgħux validi li kieku l-KEDO kellha tgħib mingħajr suċċessur. It-total tal-pretensjonijiet finanzjarji tal-KEDO kontra r-RDPK sa issa jikkorrispondi għall-ammont ta’ assi ta’ USD 1,89 biljun. [N.B.: Il-KEDO ma għandha l-ebda pretensjoni pendenti kontra l-Korporazzjoni tal-Qawwa Elettrika Koreana (KEPCO, Korea Electric Power Corporation), il-kuntrattur ewlieni.] Mod wieħed possibbli biex jiġi distribwit tali assi hu li jinqasam abbażi tal-perċentwal totali tal-kontribuzzjoni li tkun saret minn kull parti kontraenti kontribwenti. Jekk ikun il-każ, l-Euratom tkun intitolata għal 4,7 %.

·L-għoti ta’ protezzjoni legali lill-membri tal-KEDO kontra l-pretensjonijiet ta’ responsabbiltà jew ta’ kumpens.

F’Settembru 2011, ir-RDPK talbet kumpens ta’ USD 5,6 biljun mill-KEDO talli ma ffinalizzatx il-proġett LWR. Minbarra din il-pretensjoni mir-RDPK, il-pretensjonijiet kontra l-KEDO jew il-membri tagħha jistgħu teoretikament jirriżultaw mill-banek tal-Istat li permezz tagħhom il-Ġappun u r-Repubblika tal-Korea għaddew il-kontribuzzjonijiet finanzjarji tagħhom lill-KEDO (JBIC u KEXIM rispettivament). Dawn il-kontribuzzjonijiet saru fil-forma ta’ self li ma tħallasx lura għalkollox.

·Kien għad hemm interessi finanzjarji fir-rigward tal-kuntrattur ewlieni tal-KEDO, KEPCO.

Skont it-termini tal-ftehim ta’ terminazzjoni bejn il-KEDO u l-KEPCO, il-KEPCO assumiet l-obbligazzjonijiet pendenti kollha tal-KEDO (prinċipalment pretensjonijiet minn sottokuntratturi) bi skambju għall-akkwist ta’ ċerti assi mill-KEDO. Soġġett għal ċerti kundizzjonijiet, kwalunkwe benefiċċju eċċessiv li l-KEPCO tagħmel mill-bejgħ mill-ġdid jew mill-użu mill-ġdid ta’ dawn l-assi jrid jiġi kondiviż mal-KEDO.

·Il-KEDO għadha s-sid tal-infrastruttura u ta’ assi oħra fir-RDPK, li fihom ġew investiti madwar USD 500 miljun. Bl-għejbien tal-KEDO, l-infrastruttura u l-assi jsiru l-proprjetà tar-RDPK.

Il-kompiti tal-KEDO huma limitati biex iservu bħala punt ta’ kuntatt mar-RDPK, mal-kuntrattur ewlieni tal-KEDO, il-KEPCO, flimkien mal-Bank Ġappuniż għall-Kooperazzjoni Internazzjonali (JBIC, Japan Bank for International Cooperation) u l-Bank ta’ Esportazzjoni u Importazzjoni tal-Korea (KEXIM, Export-Import Bank of Korea), kif ukoll biex jirrappurtaw u jikkoordinaw fost il-membri tal-Bord Eżekuttiv.

Sa issa, din l-organizzazzjoni mhux attiva, KEDO, kienet iffinanzjata b’mod esklussiv mill-fondi eżistenti tagħha, mingħajr ebda kontribuzzjoni finanzjarja addizzjonali mill-membri tagħha.

3.Is-sħubija attwali tal-EURATOM fil-KEDO

Is-sħubija tal-Euratom fil-KEDO ġiet innegozjata mill-ġdid fl-2007, bil-ħsieb li tinżamm is-sħubija fl-organizzazzjoni mhux attiva u mnaqqsa KEDO.

Din id-deċiżjoni wriet li kien fl-interess tal-Euratom li żżomm is-sħubija tagħha. Inkella, l-Euratom kienet tieqaf milli tkun eliġibbli li tirċievi sehem mill-benefiċċji possibbli li l-KEPCO tista’ tagħmel mill-bejgħ ta’ dak li qabel kien it-tagħmir tal-KEDO jew ta’ kwalunkwe pagament mir-RDPK lill-KEDO. Bħala membru, l-Euratom tkun eliġibbli li tirċievi sehem fi proporzjon mas-sehem tagħha tal-kontribuzzjonijiet totali mħallsa, jiġifieri, sa massimu ta’ madwar EUR 89 miljun (din iċ-ċifra hija bbażata fuq il-kontribuzzjonijiet tal-Euratom u ma tinkludix l-imgħaxijiet).

Barra minn hekk, kieku ma baqgħetx membru, l-Euratom ma kinitx tkun tista’ tiddefendi d-drittijiet legali tagħha fir-rigward tal-assi tal-KEDO fir-RDPK. Fl-aħħar nett, fil-każ ta’ pretensjonijiet possibbli ta’ responsabbiltà jew ta’ kumpens, l-Euratom kienet titlef kwalunkwe kontroll fuq il-protezzjoni attwalment mogħtija lill-membri tal-KEDO bl-eżistenza kontinwa tal-organizzazzjoni bħala entità legali.

Dan l-approċċ ġie segwit għat-tiġdid tal-2012, l-2015, l-2018 u l-2021 tal-ftehim KEDO.

4.Id-deċiżjoni li tissokta l-eżistenza tal-KEDO bħala entità legali wara l-31 ta’ Mejju 2024

Ir-raġunijiet ewlenin li għalihom il-membri l-oħra tal-Bord Eżekuttiv iddeċidew li jżommu l-KEDO eżistenti wara l-31 ta’ Mejju 2024 huma l-istess:

(a)Iż-żamma tal-pretensjonijiet finanzjarji tal-KEDO kontra r-RDPK;

(b)L-issoktar tal-protezzjoni tal-erba’ membri sħaħ tal-KEDO kontra l-pretensjonijiet legali, kemm jekk foloz inkella le, mir-RDPK;

(c)Iż-żamma tad-drittijiet legali fuq l-infrastruttura u l-assi li huma proprjetà tal-KEDO fir-RDPK; kif ukoll

(d)Il-possibbiltà li l-kuntrattur ewlieni tal-KEDO fuq il-proġett LWR jista’ jkollu jirrimborża lill-KEDO fi stadju aktar tard, ladarba jitlesta l-bejgħ mill-ġdid tat-tagħmir preċedenti tal-KEDO.

Il-ftehim attwali li jirregola s-sħubija tal-Euratom fil-KEDO skada fil-31 ta’ Mejju 2024. Is-sħubija kontinwa se jkollha tiġi nnegozjata mill-Kummissjoni abbażi ta’ direttivi ta’ negozjati li għandhom jingħataw mill-Kunsill.

Bħal fit-tiġdid preċedenti, id-direttivi tal-Kunsill għandhom iqisu li l-KEDO se tkompli tiġi ffinanzjata għalkollox mill-fondi eżistenti u li, għalhekk, is-sħubija kontinwa tal-Euratom ma għandha tinvolvi ebda spiża għall-baġit tal-UE. Din il-kundizzjoni, li kienet inkluża fil-ftehimiet ta’ tiġdid preċedenti, għandha tkompli tiġi spjegata fi kwalunkwe ftehim imġedded mal-KEDO.

Barra minn hekk, minħabba n-natura ripetittiva u twila tal-eżerċizzji preċedenti ta’ estensjoni tal-KEDO u l-fatt li ma hemm ebda ħtieġa ta’ impenji finanzjarji mill-Euratom u mill-Istati Membri, l-estensjonijiet futuri tal-ftehim għandhom jibbenefikaw minn approċċ simplifikat abbażi ta’ mandat usa’ tal-Kunsill biex il-Kummissjoni tinnegozja estensjonijiet futuri. Dan il-mandat usa’ jkun jikkonsisti fil-possibbiltà li l-Kummissjoni tinnegozja aktar minn ftehim ta’ tiġdid wieħed, sakemm it-tiġdid tas-sħubija tal-Euratom fil-KEDO ma jkollu l-ebda impatt finanzjarju fuq il-baġit tal-UE.

5.Konklużjoni

L-argumenti li wasslu għad-deċiżjoni li tissokta s-sħubija wara l-2007 u, sussegwentement, wara l-2012, l-2015, l-2018 u l-2021 jibqgħu validi. Is-sħubija kontinwa fl-organizzazzjoni mhux attiva KEDO wara l-31 ta’ Mejju 2024 tibqa’ l-aħjar mod biex jiġu protetti l-interessi tal-Euratom. Billi tibqa’ membru wara dik id-data, l-Euratom iżżomm miftuħa l-possibbiltà, minkejja li tkun remota, ta’ rimborż (sa massimu ta’ madwar EUR 89 miljun) f’każ ta’ rimborż mill-kuntrattur ewlieni tal-KEDO wara l-bejgħ mill-ġdid ta’ tagħmir jew f’każ ta’ pretensjoni b’suċċess mill-KEDO kontra r-RDPK. Is-sħubija kontinwa toffri wkoll l-aħjar protezzjoni kontra kwalunkwe pretensjoni ta’ responsabbiltà possibbli u se tippermetti lill-Euratom tibqa’ involuta direttament fid-diskussjonijiet kollha (fi ħdan il-KEDO u ma’ partijiet terzi) dwar dawn il-kwistjonijiet.

Għalhekk, il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Kunsill jadotta d-Deċiżjoni minn hawn ’il quddiem, li tawtorizza lill-Kummissjoni tinnegozja t-tiġdid tal-Ftehim bejn l-Euratom u l-KEDO, abbażi tal-abbozz ta’ direttivi ta’ negozjati.

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li toħroġ direttivi lill-Kummissjoni għan-negozjar tat-tiġdid tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) u l-Organizzazzjoni għall-Iżvilupp tal-Enerġija fil-Peniżola Koreana (KEDO)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 101, it-tieni subparagrafu tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)    Il-ftehim bejn l-Euratom u l-KEDO skada fil-31 ta’ Mejju 2024.

(2)    Il-Bord Eżekuttiv tal-KEDO huwa mistenni jiddeċiedi li jkompli l-KEDO bħala Organizzazzjoni Internazzjonali wara l-31 ta’ Mejju 2024.

(3)    Huwa fl-interess tal-Euratom, għal raġunijiet finanzjarji u legali, li tkompli s-sħubija tagħha fil-KEDO,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Kummissjoni hija b’dan awtorizzata tinnegozja estensjonijiet tas-sħubija tal-Euratom fil-KEDO, f’isem l-Euratom, f’konformità mad-direttivi ta’ negozjati stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President


Brussell, 26.9.2024

COM(2024) 423 final

ANNESS

tar-

Rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill

li toħroġ direttivi lill-Kummissjoni għan-negozjar tat-tiġdid tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) u l-Organizzazzjoni għall-Iżvilupp tal-Enerġija fil-Peniżola Koreana (KEDO)


ANNESS

Direttivi ta’ Negozjati

1.Objettiv

Il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji u legali tal-Euratom fl-istralċ ordnat tal-KEDO.

2.Implimentazzjoni

It-tiġdid tas-sħubija fl-Euratom huwa soġġett għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)is-sħubija għandha tkun għaż-żmien meħtieġ biex jiġu solvuti l-kwistjonijiet finanzjarji pendenti tal-KEDO ma’ partijiet terzi, sakemm ma tkun meħtieġa l-ebda kontribuzzjoni finanzjarja ġdida;

(b)L-attivitajiet tal-KEDO għandhom ikunu limitati għad-difiża tal-interessi finanzjarji tagħha u għat-tħejjija u l-eżekuzzjoni tal-istralċ xieraq tagħha;

(c)il-membri l-oħra kollha tal-Bord Eżekuttiv tal-KEDO għandhom ikomplu s-sħubija tagħhom fil-KEDO;

(d)l-Artikoli dwar in-nuqqas ta’ responsabbiltà istituzzjonali u finanzjarja għandhom ikunu l-istess bħal fil-ftehimiet preċedenti bejn l-Euratom u l-KEDO;

(e)L-Euratom għandha tipparteċipa fl-attivitajiet tal-Bord Eżekuttiv tal-KEDO bl-istess drittijiet bħall-membri l-oħra tal-Bord Eżekuttiv.

Dawn il-kundizzjonijiet għandhom jibqgħu validi għal ftehim wieħed jew aktar bejn l-Euratom u l-KEDO sakemm it-tiġdid tas-sħubija tal-Euratom fil-KEDO ma jkollu l-ebda impatt finanzjarju fuq il-baġit tal-Unjoni.