IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 2.9.2024
COM(2024) 383 final
2024/0211(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor fir-rigward tal-estensjoni tal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor, b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ deċiżjoni dwar l-estensjoni tal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992 sal-31 ta’ Diċembru 2026.
2.Kuntest tal-proposta
2.1.Il-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992
Il-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992 (“il-Ftehim”) għandu l-għan li jsaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali dwar il-kwistjonijiet dinjija taz-zokkor u oħrajn relatati, jipprovdi forum għall-konsultazzjonijiet intergovernattivi dwar iz-zokkor u l-modi kif tittejjeb l-ekonomija dinjija taz-zokkor, jiffaċilita l-kummerċ billi jiġbor u jaqsam informazzjoni dwar is-suq dinji taz-zokkor u ta’ dolċifikanti oħra, u jinkoraġġixxi żieda fid-domanda għaz-zokkor, b’mod partikolari għal użi mhux tradizzjonali. Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1993.
L-Unjoni Ewropea hija parti għall-Ftehim.
2.2.Il-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor
Il-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor (“ISC”, International Sugar Council) huwa l-korp responsabbli mit-twettiq tal-funzjonijiet kollha meħtieġa biex jitwettqu d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim. Jadotta regoli u regolamenti, inkluż ir-regoli ta’ proċedura tal-ISC u l-kumitati tiegħu, u r-regolament finanzjarju u r-regolament tal-persunal tal-Organizzazzjoni Internazzjonali taz-Zokkor (“ISO”, International Sugar Organisation). L-ISC iżomm id-dokumentazzjoni meħtieġa u jippubblika rapport annwali u informazzjoni oħra, jekk dak ikun jitqies xieraq.
Il-membri fi ħdan il-Ftehim b’kollox għandhom 2 000 vot. Kull membru fi ħdan il-Ftehim għandu għadd speċifiku ta’ voti, li jiġi aġġustat kull sena skont kriterji ddefiniti minn qabel fil-Ftehim. Id-deċiżjonijiet kollha tal-ISC għandhom, fil-prinċipju, jittieħdu b’kunsens, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor fil-Ftehim. Fin-nuqqas ta’ kunsens, id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu permezz ta’ vot ta’ maġġoranza sempliċi sakemm il-Ftehim ma jkunx jipprevedi vot speċjali.
2.3.L-att previst tal-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor
Fid-29 ta’ Novembru 2024, matul il-65 sessjoni tiegħu, l-ISC irid jadotta deċiżjoni rigward l-estensjoni tal-Ftehim (“l-att previst”).
Il-Ftehim kien oriġinarjament konkluż għal perjodu ta’ 3 snin sal-31 ta’ Diċembru 1995, u minn dakinhar ’l hawn ġie estiż regolarment għal perjodi ulterjuri ta’ sentejn, kif previst fl-Artikolu 45 tiegħu. L-aħħar estensjoni ġiet adottata f’Novembru 2021 u se tibqa’ fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2024.
Wara negozjati fost il-membri tal-ISO, fid-59 sessjoni tiegħu l-ISC ippropona emendi għall-Ftehim. Dawn l-emendi jikkonċernaw l-Artikolu 25 tal-Ftehim, li jirregola l-adozzjoni tal-baġit amministrattiv u l-kontribuzzjonijiet tal-membri kif ukoll l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 1 tal-Ftehim, il-prijoritajiet tal-ħidma tal-ISO skont l-Artikoli 32, 33 u 34 tal-Ftehim, u r-regoli għall-ħatra tad-Direttur Eżekuttiv stabbiliti fl-Artikolu 23 tal-Ftehim. F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2021/1851, f’Novembru 2021, l-UE vvotat favur l-emendar tal-Ftehim.
Skont l-ippjanar, il-membri kellhom sat-30 ta’ April 2024 biex jiddepożitaw l-istrument ta’ aċċettazzjoni tagħhom. L-emendi tal-Ftehim jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2025 bil-kundizzjoni li l-membri li jkollhom mill-inqas żewġ terzi tal-voti jkunu ddepożitaw l-istrument ta’ aċċettazzjoni. Matul l-64 sessjoni tal-Kunsill, li saret f’Ġunju 2024, l-ISC qabel li jtawwal il-perjodu li fih il-membri jkunu jistgħu jiddepożitaw l-istrument ta’ aċċettazzjoni tagħhom sat-30 ta’ Ġunju 2026, filwaqt li d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim emendat ġie pospost għall-1 ta’ Jannar 2027. B’konsegwenza ta’ dan, il-Ftehim attwali jeħtieġ jiġi estiż b’sentejn sal-31 ta’ Diċembru 2026. Għalhekk, il-kontribuzzjoni tal-UE għall-baġit tal-ISO għall-2025 u għall-2026 se tiġi kkalkulata bl-użu tal-formula attwali skont l-Artikolu 25 tal-Ftehim.
L-iskop tal-att previst huwa li jippermetti lill-ISO tkompli għaddejja b’ħidmietha għal sentejn oħra.
3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni
Il-Ftehim Internazzjonali taz-Zokkor tal-1992 ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni 92/580/KEE u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1993 għal perjodu ta’ 3 snin sal-31 ta’ Diċembru 1995. Minn dak iż-żmien ’l hawn, il-Ftehim ġie estiż b’mod regolari għal perjodi ulterjuri ta’ sentejn, u se jibqa’ fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2024.
L-Unjoni minn dejjem kienet membru attiv tal-ISO, u huwa fl-interess tagħha li l-Ftehim jerġa’ jiġi estiż. L-Unjoni hija produttur ewlieni taz-zokkor kif ukoll sieħba ewlenija fil-kummerċ taz-zokkor għal bosta membri tal-ISO.
L-UE tgħodd bħala membru wieħed fi ħdan il-Ftehim. Għall-proċeduri tal-baġit (ara l-Artikolu 25 tal-Ftehim), jiġifieri biex jiġu stabbiliti l-kontribuzzjonijiet finanzjarji annwali tal-membri, l-għadd ta’ voti allokati lill-Unjoni huwa ta’ 501 mit-total ta’ 2 000 vot fl-2024. Kull vot għandu piż ta’ GPB 780 għall-baġit amministrattiv tal-2024 u għalhekk, il-kontribuzzjoni dovuta għall-2024 tammonta għal GPB 390 780. Dawn iċ-ċifri jiġu aġġustati fuq bażi annwali.
Deċiżjoni formali dwar l-estensjoni tal-Ftehim sal-31 ta’ Diċembru 2026 hija skedata għall-65 sessjoni tal-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor, li għandha ssir fid-29 ta’ Novembru 2024 f’Londra.
L-iskop ta’ din il-proposta huwa li tikseb l-awtorizzazzjoni tal-Kunsill biex fil-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor, il-Kummissjoni tivvota, f’isem l-Unjoni, favur l-estensjoni tal-Ftehim sal-31 ta’ Diċembru 2026.
4.Bażi legali
4.1.Bażi legali proċedurali
4.1.1.Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”
Il-kunċett tal-“atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola l-korp inkwistjoni. Jinkludi wkoll strumenti li ma jkollhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatura tal-UE”.
4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
Il-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor ġie stabbilit bl-Artikoli 3 u 8 tal-Ftehim u jista’ jintalab jadotta ċertu deċiżjonijiet.
L-att previst, li l-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor għandu s-setgħa li jadotta skont l-Artikolu 45(2) tal-Ftehim, għandu l-effett li jestendi l-validità tal-Ftehim, li huwa ftehim internazzjonali li jorbot lill-Unjoni. Għalhekk, l-att previst għandu effetti legali.
L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.
Għalhekk, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
4.2.Bażi legali sostantiva
4.2.1.Prinċipji
Il-bażi legali sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi legali sostantiva unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.
4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst huma marbuta mal-politika kummerċjali komuni (il-kummerċ fi prodotti agrikoli).
Għalhekk, il-bażi legali sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 207 tat-TFUE.
4.3.Konklużjoni
Jenħtieġ li l-bażi legali tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 207 tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
5.Pubblikazzjoni tal-att previst
Peress li l-att tal-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor se jemenda l-Ftehim, jixraq li wara li jiġi adottat jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
2024/0211 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor fir-rigward tal-estensjoni tal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992 (“il-Ftehim”) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/580/KEE u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1993. Il-Ftehim ġie konkluż għal perjodu ta’ 3 snin sal-31 ta’ Diċembru 1995.
(2)Skont l-Artikoli 3 u 8 tal-Ftehim, il-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor (“ISC”, International Sugar Council) ġie stabbilit biex jadotta ċerti deċiżjonijiet. Skont l-Artikolu 45(2) tal-Ftehim, l-ISC jista’ jestendi l-Ftehim għal perjodi suċċessivi ta’ mhux aktar minn sentejn kull darba. Mill-konklużjoni tiegħu ’l hawn, il-Ftehim ġie estiż regolarment għal perjodi ulterjuri ta’ sentejn. Il-Ftehim ġie estiż l-aħħar b’deċiżjoni tal-ISC f’Novembru 2023 u se jibqa’ fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2024.
(3)Fl-2021, l-ISC qabel li jemenda l-Ftehim u b’mod partikolari l-Artikoli 1, 23, 25, 32, 33, u 34 tiegħu. L-emendi għall-Ftehim kienu oriġinarjament maħsuba biex jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2024. Matul it-62 sessjoni tiegħu, l-ISC qabel li jtawwal il-perjodu li fih il-membri jkunu jistgħu jiddepożitaw l-istrument ta’ aċċettazzjoni tagħhom sat-30 ta’ April 2024, filwaqt li d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim emendat ġie pospost għall-1 ta’ Jannar 2025. Matul l-64 sessjoni tal-ISC, dawn id-dati reġgħu ġew posposti għat-30 ta’ Ġunju 2026 u għall-1 ta’ Jannar 2027 rispettivament. Fid-dawl ta’ dan, il-validità tal-Ftehim fil-formulazzjoni attwali tiegħu jeħtieġ tiġi estiża.
(4)Matul il-65 sessjoni tiegħu li se ssir fid-29 ta’ Novembru 2024, l-ISC irid jadotta deċiżjoni dwar l-estensjoni tal-Ftehim fil-formulazzjoni attwali tiegħu sal-31 ta’ Diċembru 2026.
(5)Jixraq li fil-65 sessjoni tal-ISC tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni, peress li huwa fl-interess tal-Unjoni li l-Ftehim jerġa’ jiġi estiż,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-65 sessjoni tal-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor għandha tkun li tivvota favur l-estensjoni tal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992 għal perjodu ulterjuri ta’ sentejn mill-1 ta’ Jannar 2025 sal-31 ta’ Diċembru 2026.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President
DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA
DIKJARAZZJONI FINANZJARJA
|
Financial St/10/
PS/nd/5186210
|
|
6.22.2024.1
|
|
DATA: 25.06.2024
|
1.
|
INTESTATURA TAL-BAĠIT:
14 20 03 06 Organizzazzjonijiet u ftehimiet internazzjonali
|
APPROPRJAZZJONIJIET:
DB2025 EUR 5 277 000
|
2.
|
TITOLU:
Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor dwar l-estensjoni tal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992.
|
3.
|
BAŻI LEGALI: L-Artikolu 207 flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
|
4.
|
GĦANIJIET:
Estensjoni tal-Ftehim Internazzjonali eżistenti dwar iz-Zokkor b’sentejn oħra (mill-1 ta’ Jannar 2025 sal-31 ta’ Diċembru 2026).
|
5.
|
IMPLIKAZZJONIJIET FINANZJARJI
|
PERJODU TA’ 12-IL XAHAR
(f’miljuni ta’ EUR)
|
SENA FINANZJARJA ATTWALI
2024
(f’miljuni ta’ EUR)
|
SENA FINANZJARJA LI JMISS
2025
(f’miljuni ta’ EUR)
|
5.0
|
NEFQA
-
IDDEBITATA LILL-BAĠIT TAL-UE
(RIFUŻJONIJIET/INTERVENTI)
-
AWTORITAJIET NAZZJONALI
-
OĦRAJN
|
|
|
0,61
|
5.1
|
DĦUL
-
RIŻORSI PROPRJI TAL-UE
(IMPOSTI/DAZJI DOGANALI)
-
NAZZJONALI
|
|
|
|
|
|
2024 (f’miljuni ta’ EUR)
|
|
|
5.0.1
|
NEFQA STMATA
|
0,55
|
|
|
5.1.1
|
DĦUL STMAT
|
|
|
|
5.2
|
METODU TAL-KALKOLU: Abbażi ta’ suppożizzjonijiet dwar stima tal-għadd ta’ voti (501) tal-UE (li jvarja kull sena), u dwar stima tal-ammont li għandu jitħallas għal kull vot f’GBP (780).
|
6.0
|
IL-PROĠETT JISTA’ JIĠI FFINANZJAT MILL-APPROPRJAZZJONIJIET IMDAĦĦLA FIL-KAPITOLU RILEVANTI TAL-BAĠIT ATTWALI?
|
IVA
|
6.1
|
IL-PROĠETT JISTA’ JIĠI FFINANZJAT PERMEZZ TA’ TRASFERIMENT BEJN KAPITOLI TAL-BAĠIT ATTWALI?
|
-
|
6.2
|
SE JKUN MEĦTIEĠ BAĠIT SUPPLIMENTARI?
|
-
|
6.3
|
SE JKUN JEĦTIEĠ LI L-APPROPRJAZZJONIJIET JIDDAĦĦLU FIL-BAĠITS FUTURI?
|
IVA
|
OSSERVAZZJONIJIET:
L-ammont li għandu jitħallas fir-realtà jista’ jvarja skont l-għadd finali ta’ voti li jiġu allokati lill-UE, skont l-ammont li għandu jitħallas għal kull vot f’GBP, u skont ir-rata tal-kambju EUR/GBP.
|