Brussell, 26.7.2024

COM(2024) 323 final

2024/0184(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (IOC - International Olive Council) fir-rigward tal-adeżjoni ta’ San Marino mal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda tal-2015


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (“IOC”, International Olive Council), b’rabta mal-adeżjoni tal-Gvern ta’ San Marino mal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda (“il-Ftehim”).

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda

Il-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda (“il-Ftehim”) għandu l-għan (i) li jfittex li tinkiseb l-uniformità fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u internazzjonali b’rabta mal-karatteristiċi fiżikokimiċi u organolettiċi taż-żjut taż-żebbuġa, taż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ, u taż-żebbuġ tal-mejda, sabiex jiġi evitat kull ostaklu għall-kummerċ; (ii) li jwettaq attivitajiet fil-qasam tal-ittestjar fiżikokimiku u organolettiku sabiex jiżdied l-għarfien dwar il-karatteristiċi tal-kompożizzjoni u tal-kwalità tal-prodotti taż-żebbuġ, bil-ħsieb li jiġu kkonsolidati l-istandards internazzjonali; u (iii) li jsaħħaħ ir-rwol tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ bħala forum ta’ eċċellenza għall-komunità xjentifika internazzjonali fil-qasam taż-żebbuġ u taż-żejt taż-żebbuġa.

Il-verżjoni mġedda tal-Ftehim daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2017.

L-Unjoni Ewropea hija parti għall-Ftehim 1 .

2.2.Il-Kunsill tal-Membri

Il-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (“il-Kunsill tal-Membri”) huwa l-ogħla awtorità u l-korp tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-IOC u għandu jeżerċita s-setgħat kollha u jwettaq il-funzjonijiet kollha meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi ta’ dan il-Ftehim. Bħala parti għall-Ftehim, l-Unjoni Ewropea hija membru tal-IOC u hija rappreżentata fil-Kunsill tal-Membri. Id-deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-Membri jikkonċernaw l-adeżjoni ta’ membru ġdid għandhom jittieħdu b’kunsens. Skont l-Artikolu 10(4)(b) tal-Ftehim, il-Membri għandhom jivvutaw jekk ma jintlaħaqx konsensus fil-limitu ta’ żmien stabbilit mill-President tal-Kunsill tal-Membri. Id-deċiżjoni għandha titqies adottata meta mill-inqas il-maġġoranza tal-membri li tirrappreżenta mill-inqas 86 % tal-ishma ta’ parteċipazzjoni tal-membri, tkun favuriha.

Bħalissa hemm 21 membru fl-IOC u l-Unjoni Ewropea għandha 659 sehem ta’ parteċipazzjoni minn total ta’ 1,000.

2.3.L-att previst tal-Kunsill tal-Membri

Wara l-applikazzjoni formali ta’ San Marino tal-21 ta’ Marzu 2024 biex jaderixxi mal-Ftehim, il-Kunsill tal-Membri mistenni jadotta deċiżjoni dwar l-adeżjoni ta’ San Marino waqt sessjoni futura tal-Kunsill tal-Membri jew fil-qafas ta’ proċedura għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet mill-Kunsill tal-Membri permezz ta’ skambju ta’ korrispondenza.

L-għan tal-att previst huwa li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-adeżjoni ta’ San Marino skont l-Artikolu 29 tal-Ftehim.

L-att previst se jkun vinkolanti għall-partijiet billi jbiddel il-bilanċ deċiżjonali fil-Kunsill tal-Membri meta d-deċiżjonijiet ma jiġux adottati b’kunsens f’konformità mal-Artikolu 10(4) tal-Ftehim.

3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

Għalkemm f’San Marino s-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda mhux kbir, teżisti tradizzjoni twila ta’ produzzjoni u konsum taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda. Ġie rapportat li l-art agrikola f’San Marino fl-2021 kienet 38,3 % tal-erja tal-art totali 2 , bi produzzjoni annwali taż-żejt taż-żebbuġa ta’ madwar 90 tunnellata.

Meta titqies it-tradizzjoni li ilha teżisti f’San Marino fis-settur taż-żejt taż-żebbuġa, l-adeżjoni ta’ San Marino f’ċerti kundizzjonijiet se ssaħħaħ l-IOC, b’mod partikolari fir-rigward tal-kisba tal-uniformità fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u internazzjonali b’rabta mal-karatteristiċi tal-prodotti taż-żebbuġ għall-prevenzjoni ta’ kwalunkwe ostaklu għall-kummerċ. Din l-adeżjoni taqbel mal-objettivi tal-politika tal-Unjoni fir-rigward tal-istandards għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti agrikoli kif previst fit-Titolu II tal-Parti II tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 3 .

Id-deċiżjoni li trid tiġi adottata mill-Kunsill tal-Membri se tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-adeżjoni ta’ San Marino fir-rigward tal-ishma ta’ parteċipazzjoni fl-IOC u l-limitu ta’ żmien għad-depożitu tal-istrument tal-adeżjoni.

L-ishma ta’ parteċipazzjoni tal-Membri li jintużaw biex jiġu ffissati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji u d-drittijiet tal-vot huma kkalkulati skont formula speċifikata fl-Artikolu 11 tal-Ftehim. L-Unjoni se tiżgura li din il-formula tintuża meta jiġu ddefiniti fl-ishma ta’ parteċipazzjoni ta’ San Marino.

L-Unjoni se tappoġġa kull limitu ta’ żmien għad-depożitu tal-istrument tal-adeżjoni li permezz tiegħu San Marino jaderixxi malajr mal-Ftehim. Jekk id-depożitu tal-istrument jiddewwem, f’deċiżjonijiet sussegwenti li jridu jiġu adottati mill-Kunsill tal-Membri, l-Unjoni tista’ tappoġġa l-estensjoni tal-perjodu għad-depożitu tal-istrument.

Meta jitqies il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-Kunsill tal-Membri tal-IOC, il-pożizzjoni tal-Unjoni hija meħtieġa biex jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet għall-adeżjoni ta’ San Marino.

4.Bażi legali

4.1.Bażi legali proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp ikkonċernat. Jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatura tal-Unjoni 4 .

4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

Il-Kunsill tal-Membri huwa korp stabbilit bi ftehim, speċifikament il-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda.

L-att li l-Kunsill tal-Membri mitlub jadotta, jikkostitwixxi att li jkollu effetti legali. L-att previst għandu effetti legali prinċipalment billi se jaffettwa l-bilanċ deċiżjonali fil-Kunsill tal-Membri meta d-deċiżjonijiet ma jiġux adottati b’kunsens f’konformità mal-Artikolu 10(4) tal-Ftehim 5 .

L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

Għaldaqstant, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2.Bażi legali sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi legali sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu għandha tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew ikollu żewġ komponenti u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew komponenti jkun identifikabbli bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tkun imsejsa fuq bażi legali sostantiva waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

L-objettiv u l-kontenut ewlenin tal-att previst huma relatati mal-politika kummerċjali komuni.

Għalhekk, il-bażi legali sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 207 tat-TFUE.

4.3.Konklużjoni

Il-bażi legali tad-Deċiżjoni proposta jenħtieġ li tkun l-Artikolu 207 tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

2024/0184 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (IOC - International Olive Council) fir-rigward tal-adeżjoni ta’ San Marino mal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda tal-2015

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 (“il-Ftehim”) ġie ffirmat f’isem l-Unjoni f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1892 6 fit-18 ta’ Novembru 2016, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard. Il-Ftehim daħal fis-seħħ b’mod proviżorju fl-1 ta’ Jannar 2017 f’konformità mal-Artikolu 31(2) tiegħu u ġie konkluż mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/848 tas-17 ta’ Mejju 2019 7 .

(2)Skont l-Artikolu 29 tal-Ftehim, il-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (“il-Kunsill tal-Membri”) irid jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-adeżjoni ta’ Gvern mal-Ftehim.

(3)Il-Gvern ta’ San Marino applika formalment biex jaderixxi mal-Ftehim. Għalhekk, jenħtieġ li l-Kunsill tal-Membri, waqt sessjoni futura tiegħu jew fil-qafas ta’ proċedura għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet mill-Kunsill tal-Membri permezz ta’ skambju ta’ korrispondenza, jiġi mistieden jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-adeżjoni ta’ San Marino, fir-rigward tal-ishma ta’ parteċipazzjoni fl-IOC u l-limitu ta’ żmien għad-depożitu tal-istrument ta’ adeżjoni.

(4)Peress li San Marino qed jiżviluppa s-setturi taż-żebbuġ tiegħu fir-rigward tal-konsum u beħsiebu jiżviluppa l-produzzjoni tiegħu, l-adeżjoni tiegħu f’ċerti kundizzjonijiet se ssaħħaħ l-IOC, b’mod partikolari fir-rigward tal-kisba tal-uniformità fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u internazzjonali b’rabta mal-karatteristiċi tal-prodotti taż-żebbuġ għall-prevenzjoni ta’ kwalunkwe ostaklu għall-kummerċ.

(5)Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill tal-Membri peress li d-deċiżjonijiet li jridu jiġu adottati se jkollhom effetti legali fuq l-Unjoni billi jolqtu l-bilanċ deċiżjonali fil-Kunsill tal-Membri meta d-deċiżjonijiet ma jkunux adottati b’kunsens f’konformità mal-Artikolu 10(4) tal-Ftehim,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ waqt sessjoni futura tiegħu jew fil-qafas ta’ proċedura għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet mill-Kunsill tal-Membri permezz ta’ skambju ta’ korrispondenza, fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-adeżjoni tal-Gvern ta’ San Marino mal-Ftehim, kif stabbilit fl-Anness.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1892 tal-10 ta’ Ottubru 2016 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 (ĠU L 293, 28.10.2016, p. 2) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/848 tas-17 ta’ Mejju 2019 dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 (ĠU L 139, 27.05.2019, p. 1).
(2)    Skont il-ġabra tal-indikaturi tal-iżvilupp tal-Bank Dinji.
(3)    Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).
(4)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-punti 61 sa 64.
(5)    L-atti tal-Kunsill tal-Membri li jikkonċernaw l-istandards għall-kummerċjalizzazzjoni taż-żejt taż-żebbuġa jistgħu jiġu adottati mingħajr kunsens, huma vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 20(3) tal-Ftehim u huma kapaċi jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tal-leġiżlazzjoni, jiġifieri: l-atti ta’ implimentazzjoni u dawk delegati bbażati fuq ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013.
(6)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1892 tal-10 ta’ Ottubru 2016 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 (ĠU L 293, 28.10.2016, p. 2, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/1892/oj ).
(7)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/848 tas-17 ta’ Mejju 2019 dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 (ĠU L 139, 27.05.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/848/oj ).

Brussell, 26.7.2024

COM(2024) 323 final

ANNESS

tal-Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (IOC - International Olive Council) fir-rigward tal-adeżjoni ta’ San Marino mal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda tal-2015


ANNESS

L-Unjoni għandha tappoġġa l-adeżjoni tal-Gvern ta’ San Marino mal-Ftehim, f’sessjoni futura tal-Kunsill tal-Membri jew fil-qafas ta’ proċedura għall-adozzjoni mill-Kunsill tal-Membri permezz ta’ skambju ta’ korrispondenza, dment li l-ishma ta’ parteċipazzjoni ta’ San Marino jiġu kkalkulati skont il-formula speċifikata fl-Artikolu 11 tal-Ftehim u l-limitu ta’ żmien għad-depożitu tal-istrument tal-adeżjoni ma jaqbiżx sena u nofs wara d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Membri. Jekk id-depożitu tal-istrument jiddewwem, l-Unjoni, f’deċiżjonijiet sussegwenti li jridu jiġu adottati mill-Kunsill tal-Membri, tista’ tappoġġa l-estensjoni tal-perjodu għad-depożitu tal-istrument.