IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 9.7.2024
COM(2024) 287 final
2024/0162(NLE)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-KUNSILL
dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd skont il-Protokoll ta’ Implimentazzjoni (2024-2029) tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Guinea-Bissau
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Il-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Guinea-Bissau daħal fis-seħħ fil-15 ta’ April 2008. Il-Ftehim jiġġedded b’mod taċitu u għalhekk għadu fis-seħħ.
Il-Protokoll preċedenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim, ta’ perjodu ta’ 5 snin, daħal fis-seħħ fil-15 ta’ Ġunju 2019 u skada fl-14 ta’ Ġunju 2024. Fl-14 ta’ Frar 2024, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati għal Protokoll ġdid (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Protokoll il-ġdid”) għall-Ftehim.
Abbażi tad-Direttivi ta’ negozjati rilevanti, il-Kummissjoni nnegozjat mal-Guinea-Bissau dwar il-konklużjoni ta’ Protokoll ta’ implimentazzjoni ġdid tal-Ftehim. L-għan huwa li l-bastimenti tal-Unjoni jkunu jistgħu jidħlu fiż-żona tas-sajd tal-Guinea-Bissau u jistadu għal speċijiet demersali (krustaċji, ċefalopodi u ħut), speċijiet pelaġiċi żgħar, tonn u speċijiet assoċjati. Wara dawn in-negozjati, fis-16 ta’ Mejju 2024 ġie inizjalat test ġdid tal-Protokoll ta’ implimentazzjoni. Il-Protokoll il-ġdid ikopri perjodu ta’ 5 snin mid-data tal-applikazzjoni provviżorja stabbilita fl-Artikolu 19.
Il-Protokoll il-ġdid għandu l-għan li jagħti opportunitajiet tas-sajd lill-bastimenti tal-Unjoni fiż-żoni tas-sajd fl-ilmijiet tal-Guinea-Bissau, skont il-parir xjentifiku u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Xjentifiku Konġunt u tal-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (RFMOs) rilevanti, b’mod partikolari l-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT). Il-Protokoll il-ġdid jipprevedi l-opportunitajiet tas-sajd li ġejjin:
–bastimenti bi friża għas-sajd bit-tkarkir għall-ħut u ċ-ċefalopodi: 3 500 TGR fis-sena;
–bastimenti bi friża għas-sajd bit-tkarkir għall-gambli: 3 700 TGR fis-sena;
–bastimenti tat-tkarkir għall-ħut pelaġiku ż-żgħir: 0 tunnellati fis-sena;
–28 bastiment tas-sajd għat-tonn bit-tartaruni mgħammra bi friża u bastimenti tas-sajd bil-konz;
–13-il bastiment tat-tonn bil-qasab u x-xlief;
kif ukoll bastimenti ta’ appoġġ skont ir-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-ICCAT.
L-opportunitajiet tas-sajd għall-ispeċijiet pelaġiċi ż-żgħar huma espressi bħala Qabdiet Totali Permissibbli (TAC, Total Allowable Catch) u huma stabbiliti għal 0 tunnellati minħabba r-riżervi dwar l-istat tal-istokkijiet u l-użu baxx ta’ dawn l-opportunitajiet tas-sajd fil-Protokoll preċedenti.
Għan addizzjonali ieħor huwa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u l-Guinea-Bissau, u b’hekk jiġi implimentat il-qafas ta’ sħubija tal-Ftehim għall-iżvilupp ta’ politika tas-sajd sostenibbli u sfruttament tajjeb tar-riżorsi tas-sajd fl-ilmijiet tal-Guinea-Bissau, fl-interessi taż-żewġ partijiet.
Jenħtieġ li jiġi stabbilit il-metodu għall-allokazzjoni ta’ dawn l-opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika kkonċernat
L-għan ewlieni tal-Protokoll il-ġdid tal-Ftehim huwa li jipprovdi qafas aġġornat li jqis il-prijoritajiet tal-politika komuni tas-sajd (PKS) u d-dimensjoni esterna tagħha. Dan se jgħin biex titkompla u tissaħħaħ is-sħubija strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Guinea-Bissau.
Il-Protokoll il-ġdid jipprevedi opportunitajiet tas-sajd għall-bastimenti tal-Unjoni. Huwa bbażat fuq l-aqwa parir xjentifiku disponibbli u fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Xjentifiku Konġunt, tal-ICCAT u tas-CECAF. Il-miżuri ta’ ġestjoni adottati mill-ICCAT huma inklużi wkoll fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-PKS applikabbli għaż-żona tal-ICCAT, b’mod partikolari dawk tar-regolament annwali li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
In-negozjar ta’ protokoll ġdid għall-Ftehim huwa parti mill-azzjoni esterna tal-Unjoni lejn il-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) u jqis, b’mod partikolari, l-objettivi tal-Unjoni fil-qasam tal-ħarsien tal-prinċipji demokratiċi u tad-drittijiet tal-bniedem.
2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Il-bażi ġuridika hija l-Artikolu 43(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jistabbilixxi li l-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu jadotta l-miżuri dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Il-proposta tidħol fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea, kif imsemmi fl-Artikolu 3(1), il-punt d, tat-TFUE. Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.
•
Proporzjonalità
Il-proposta hija proporzjonata mal-objettiv li jiġi stabbilit qafas ta’ governanza ġuridika, ambjentali, ekonomika u soċjali għall-attivitajiet tas-sajd imwettqa mill-bastimenti tal-Unjoni fl-ilmijiet ta’ pajjiżi terzi, stabbilit mill-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 li jistabbilixxi l-Politika Komuni tas-Sajd. Hija tikkonforma ma’ dawn id-dispożizzjonijiet u mad-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna finanzjarja lil pajjiżi terzi stabbiliti fl-Artikolu 32 ta’ dak ir-Regolament.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Fl-2023, il-Kummissjoni organizzat studju ta’ evalwazzjoni ex post u ex ante minn konsulent indipendenti. Abbażi ta’ dan l-istudju ta’ evalwazzjoni, il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni ex post tal-Protokoll ta’ implimentazzjoni attwali u evalwazzjoni ex ante tal-għażliet possibbli għall-passi li jmiss. Il-konklużjonijiet ta’ dawn l-evalwazzjoni ex post u ex ante huma stabbiliti f’Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni (SWD).
Fl-evalwazzjoni ex post fid-dokument ta’ ħidma, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Protokoll ta’ implimentazzjoni attwali kien ġeneralment effettiv fil-kisba tal-objettivi tiegħu, b’xi oqsma li fihom jista’ jsir titjib. F’dan ir-rigward, il-flotta tal-Unjoni tibqa’ interessata li taċċessa ż-żoni tas-sajd tal-Guinea-Bissau għall-użu ta’ strateġiji ta’ ħsad taħt qafas pluriennali u, sa ċertu punt, dan jirrikjedi l-allinjament tal-opportunitajiet tas-sajd u tar-rata ta’ użu applikabbli għall-flotta tal-Unjoni. F’termini tal-komponent tal-appoġġ settorjali, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-fondi ta’ appoġġ settorjali (i) għenu biex jissaħħu l-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza tas-sajd, u (ii) ikkontribwew għat-titjib tal-governanza tal-oċeani fil-Guinea Bissau u fir-reġjun.
Fl-evalwazzjoni ex ante tad-dokument ta’ ħidma, il-Kummissjoni tikkonkludi li n-negozjar ta’ protokoll ta’ implimentazzjoni ġdid, b’xi aġġustamenti, huwa fl-interess kemm tal-UE kif ukoll tal-Guinea-Bissau. Għall-Guinea-Bissau, in-negozjar ta’ protokoll ta’ implimentazzjoni ġdid se jiggarantixxi t-tkomplija tal-kooperazzjoni mal-Unjoni dwar it-tisħiħ tal-governanza tal-oċeani permezz tal-fondi ddedikati għall-appoġġ settorjali speċifiku taħt qafas pluriennali.
Huwa importanti li l-Unjoni żżomm strument li jippermetti kooperazzjoni settorjali mill-qrib ma’ pajjiż li huwa sieħeb ewlieni, li hu fornitur ta’ prodotti tas-sajd lill-Unjoni u li hu parti kkonċernata fix-xena internazzjonali, u li għandu żoni tas-sajd li huma ta’ interess għall-flotta tal-Unjoni.
•Konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati
Bħala parti mill-evalwazzjoni msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni kkonsultat lill-Istati Membri, lir-rappreżentanti tas-settur, lill-organizzazzjonijiet internazzjonali tas-soċjetà ċivili, kif ukoll lill-amministrazzjoni tas-sajd u lir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili tal-Guinea-Bissau. Dawn il-konsultazzjonijiet juru li huwa fl-interess tal-Unjoni Ewropea u tal-Guinea-Bissau li jinżamm strument li jippermetti kooperazzjoni settorjali fil-fond, b’opportunitajiet ta’ finanzjament pluriennali għall-Guinea-Bissau. Għat-tagħmir navali tal-UE, huwa fl-interess tagħhom li jżommu l-aċċess għal żona tas-sajd konsiderevoli, permezz ta’ ftehim fis-settur tas-sajd.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Il-Kummissjoni talbet lil konsulent indipendenti jwettaq l-evalwazzjonijiet ex post u ex ante, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 31(10) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd.
4.L-IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA
L-abbozz tar-Regolament ma għandu l-ebda impatt fuq il-baġit tal-Unjoni.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
Din il-proċedura qed tinbeda b’mod parallel mal-proċeduri marbutin mal-proposta tad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll tal-Implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Guinea-Bissau, kif ukoll mal-proposta tad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tiegħu. Dan ir-Regolament għandu japplika ladarba jkunu jistgħu jibdew isiru l-attivitajiet tas-sajd skont il-Ftehim, jiġifieri mid-data tal-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll.
2024/0162 (NLE)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-KUNSILL
dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd skont il-Protokoll ta’ Implimentazzjoni (2024-2029) tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Guinea-Bissau
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Guinea-Bissau (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”), li ġie approvat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 241/2008 tas-17 ta’ Marzu 2008, daħal fis-seħħ fil-15 ta’ April 2008, jiġġedded b’mod taċitu u jibqa’ fis-seħħ. Il-Protokoll tiegħu li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti mill-Ftehim skadew fl-14 ta’ Ġunju 2024.
(2)Fl-14 ta’ Frar 2024, il-Kunsill adotta Deċiżjoni li tawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ in-negozjati mar-Repubblika tal-Guinea-Bissau (minn hawn ’il quddiem “il-Guinea-Bissau”) għall-konklużjoni ta’ Protokoll ġdid li jimplimenta l-Ftehim.
(3)Il-Kummissjoni nnegozjat, f’isem l-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem “l-Unjoni”), Protokoll ta’ Implimentazzjoni ġdid ta’ dak il-Ftehim ta’ Sħubija (minn hawn ’il quddiem “il-Protokoll”). Wara dawn in-negozjati, il-Protokoll ġie inizjalat fis-16 ta’ Mejju 2024.
(4)F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/... , il-Protokoll ġie ffirmat fi [….], soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data iktar tard, u se jkun japplika b’mod proviżorju minn dan il-mument, skont l-Artikolu 19 tal-Protokoll.
(5)L-opportunitajiet tas-sajd previsti fil-Protokoll għall-istokkijiet ta’ ħut migratorju ħafna, stabbiliti skont il-pariri xjentifiċi u r-rakkomandazzjonijiet tal-kumitat xjentifiku konġunt, kif ukoll f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet u mar-riżoluzzjonijiet adottati mill-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku, jenħtieġ li jiġu allokati fost l-Istati Membri għall-perjodu kollu tal-applikazzjoni tiegħu.
(6)Dawn il-miżuri huma urġenti, minħabba l-importanza ekonomika tal-attivitajiet tas-sajd tal-Unjoni fiż-żona tas-sajd tal-Guinea-Bissau u l-ħtieġa li titnaqqas kemm jista’ jkun l-interruzzjoni ta’ dawn l-attivitajiet. Għalhekk, il-Protokoll se jibda japplika fuq bażi provviżorja mid-data tal-iffirmar tiegħu, sabiex ikunu jistgħu jitkomplew malajr kemm jista’ jkun l-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni. Għalhekk jenħtieġ li dan ir-Regolament jibda japplika minn dik l-istess data,
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Opportunitajiet tas-Sajd
L-opportunitajiet tas-sajd stabbiliti skont il-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Guinea-Bissau (minn hawn ’il quddiem “il-Protokoll”) għandhom jiġu allokati fost l-Istati Membri skont l-Artikolu 2 u 3 ta’ dan ir-Regolament, matul il-perjodu kollu tal-applikazzjoni ta’ dak il-Protokoll.
Artikolu 2
Speċijiet demersali
L-opportunitajiet tas-sajd għall-ispeċijiet demersali għandhom jitqassmu fost l-Istati Membri kif ġej:
(a)il-bastimenti tat-tkarkir għall-gambli mgħammra bi friża:
Spanja:
2,500 TGR;
Il-Greċja:
140 TGR;
Il-Portugall:
1 060 TGR;
(b)bastimenti tat-tkarkir bil-friża għall-ħut u ċ-ċefalopodi:
Spanja:
2 900 TGR;
Il-Greċja:
225 TGR;
L-Italja:
375 TGR;
Artikolu 3
Speċijiet migratorji ħafna
L-opportunitajiet tas-sajd għall-ispeċijiet migratorji ħafna, kif iddefiniti fl-Artikolu 4(b) tal-Protokoll, għandhom jitqassmu kif ġej:
(a)il-bastimenti tas-sajd għat-tonn bit-tartaruni mgħammra bi friża u l-bastimenti tas-sajd bil-konz tal-wiċċ:
Spanja:
14-il bastiment;
Franza:
12-il bastiment;
Il-Portugall:
2 bastimenti;
(b)bastimenti tat-tonn bil-qasab u x-xlief:
Spanja:
10 bastimenti;
Franza:
3 bastimenti.
Artikolu 4
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika minn [id-data tal-iffirmar tal-Protokoll għandha tiddaħħal hawn].
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President