IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 10.7.2024
COM(2024) 280 final
2024/0154(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Libaniża dwar il-kooperazzjoni bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (il-Eurojust) u l-awtoritajiet tar-Repubblika Libaniża kompetenti mill-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
Din il-proposta tikkonċerna l-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Libaniża dwar il-kooperazzjoni bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust) u l-awtoritajiet tar-Repubblika Libaniża kompetenti mill-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali (minn hawn ’il quddiem il-“Ftehim”).
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust) tikkoordina l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet ta’ kriminalità transfruntiera serja fl-Ewropa u lil hinn minnha. Bħala ċ-ċentru tal-Unjoni Ewropea (UE) għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, l-Eurojust tappoġġa lill-awtoritajiet nazzjonali tal-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni.
F’din id-dinja globalizzata, il-ħtieġa għal kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji involuti fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati serji ma tiqafx fil-fruntieri tal-Unjoni. Biż-żieda tal-kriminalità transfruntiera, huwa kruċjali li tinkiseb informazzjoni minn barra l-ġuriżdizzjoni ta’ dak li jkun. Għaldaqstant, il-Eurojust jenħtieġ li tkun tista’ tikkoopera u tiskambja data personali mill-qrib mal-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ pajjiżi terzi magħżula sal-livell meħtieġ biex twettaq il-kompiti tagħha fil-qafas tar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) 2018/1727 (minn hawn ’il quddiem “ir-Regolament tal-Eurojust”). Fl-istess ħin, huwa importanti li jiġi żgurat li jkun hemm fis-seħħ salvagwardji adegwati fir-rigward tal-protezzjoni tal-privatezza u d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi għall-protezzjoni tad-data personali.
Il-Eurojust tista’ tiskambja data personali operazzjonali ma’ pajjiżi terzi fejn jiġi ssodisfat wieħed mir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 56(2), il-punti minn (a) sa (c), tar-Regolament tal-Eurojust:
·il-Kummissjoni tkun iddeċidiet, skont l-Artikolu 57 li l-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali inkwistjoni jiżguraw livell adegwat ta’ protezzjoni, jew fin-nuqqas ta’ tali deċiżjoni ta’ adegwatezza, salvagwardji xierqa ġew ipprovduti jew jeżistu skont l-Artikolu 58(1), jew fin-nuqqas kemm ta’ deċiżjoni ta’ adegwatezza u ta’ tali salvagwardji xierqa, deroga għal sitwazzjonijiet speċifiċi tkun tapplika skont l-Artikolu 59(1);
·ikun ġie konkluż ftehim ta’ kooperazzjoni li jipprevedi l-iskambju ta’ data personali operazzjonali qabel it-12 ta’ Diċembru 2019 bejn il-Eurojust u l-pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 26a tad-Deċiżjoni 2002/187/ĠAI; jew
·ikun ġie konkluż ftehim internazzjonali bejn l-Unjoni u l-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali skont l-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) li jipprevedi salvagwardji adegwati fir-rigward tal-protezzjoni tal-privatezza u tad-drittijiet fundamentali u tal-libertajiet tal-individwi.
Bħalissa, il-Eurojust għandha ftehimiet ta’ kooperazzjoni bbażati fuq l-Artikolu 26a tad-Deċiżjoni 2002/187/ĠAI, li jipprevedu skambji ta’ data personali, fis-seħħ mal-Montenegro, l-Ukrajna, il-Moldova, il-Liechtenstein, l-Iżvizzera, il-Maċedonja ta’ Fuq, l-Istati Uniti tal-Amerka, l-Iżlanda, in-Norveġja, il-Georgia, l-Albanija u s-Serbja. Skont l-Artikolu 80(5) tar-Regolament tal-Eurojust dawn il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni għadhom validi.
Sa minn meta daħal fis-seħħ ir-Regolament tal-Eurojust fit-12 ta’ Diċembru 2019 u skont it-Trattati, il-Kummissjoni hija responsabbli, f’isem l-Unjoni, min-negozjar ta’ ftehimiet internazzjonali ma’ pajjiżi terzi dwar il-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ data personali mal-Eurojust. Sa fejn ikun meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħha, f’konformità mal-Kapitolu V tar-Regolament tal-Eurojust, il-Eurojust tista’ tistabbilixxi u żżomm relazzjonijiet ta’ kooperazzjoni ma’ sħab esterni permezz ta’ arranġamenti ta’ ħidma. Madankollu, dawn waħedhom ma jistgħux ikunu bażi ġuridika għall-iskambju ta’ data personali.
Biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn il-Eurojust u ċerti pajjiżi terzi, il-Kummissjoni adottat Rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal Ftehimiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Alġerija, l-Armenja, il-Bożnija-Ħerzegovina, l-Eġittu, Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Marokk, it-Tuneżija u t-Turkija dwar kooperazzjoni bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (il-Eurojust) u l-awtoritajiet kompetenti għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali ta’ dawk l-Istati terzi.
Il-Kunsill ta dik l-awtorizzazzjoni fl-1 ta’ Marzu 2021 u adotta sett ta’ direttivi ta’ negozjati u ħatar kumitat speċjali biex jassisti lill-Kunsill f’dan il-kompitu.
In-negozjati mal-Libanu bdew f’Diċembru 2022. Wara t-tieni u l-aħħar ċiklu ta’ negozjati, li sar f’Lulju 2023, in-negozjaturi laħqu ftehim preliminari fil-11 ta’ Ottubru 2023. In-negozjaturi ewlenin inizjalaw l-abbozz tat-test tal-Ftehim fi [xx.xx.xxxx].
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Il-Ftehim ġie nnegozjat billi tqiesu d-direttivi ta’ negozjati komprensivi adottati mill-Kunsill flimkien mal-awtorizzazzjoni għan-negozjar fl-1 ta’ Marzu 2021. Il-Ftehim preżenti huwa konsistenti wkoll mal-politika eżistenti tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja.
F’dawn l-aħħar snin, sar titjib fl-iskambju ta’ kooperazzjoni dwar l-informazzjoni bejn l-Istati Membri u bejn l-aġenziji tal-Unjoni u pajjiżi terzi. Ir-Regolament (UE) 2023/2131 li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1727 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI, fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni diġitali f’każijiet ta’ terroriżmu, issaħħaħ il-qafas għall-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi min-naħa tal-Eurojust billi tipprevedi bażi legali solida għall-issekondar ta’ prosekutur ta’ kollegament ta’ pajjiż terz mal-Eurojust u l-kooperazzjoni mal-Eurojust.
Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) 2022/838 li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1727, dwar il-ġbir, il-preservazzjoni u l-analiżi ta’ evidenza relatata ma’ ġenoċidju, delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra fl-Eurojust, għandha rabta qawwija ma’ pajjiżi terzi. Iż-żewġ atti leġiżlattivi jenfasizzaw l-importanza ta’ kooperazzjoni mill-qrib ma’ pajjiżi terzi għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ kriminalità serja.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Il-proposta hija wkoll konsistenti ma’ politiki oħra tal-Unjoni.
Il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali kienet waħda mill-azzjonijiet stabbiliti fl-ewwel Pjan ta’ Azzjoni bejn l-UE u l-Libanu, li appoġġa l-implimentazzjoni tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha u r-Repubblika Libaniża, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ April 2006. Ingħatat attenzjoni partikolari lill-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata. L-iżvilupp tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali bejn il-qrati tal-Libanu u tal-Istati Membri tal-UE kien wieħed mill-azzjonijiet ippjanati.
Fil-Prijoritajiet tas-Sħubija bejn l-UE u l-Libanu adottati fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Libanu fl-11 ta’ Novembru 2016, iż-żewġ partijiet qablu li għall-istabbiltà tal-Libanu huwa meħtieġ li jsir progress fil-governanza tajba u fl-istat tad-dritt. L-UE impenjat ruħha li tikkoopera mal-Libanu għall-promozzjoni tal-valuri kondiviżi tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt, u għat-twettiq ta’ riforma fis-sistema ġudizzjarja, kif ukoll fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni.
Il-Libanu kien il-benefiċjarju ta’ diversi proġetti ffinanzjati mill-UE għar-riforma tal-ġustizzja u għat-tisħiħ tal-istat tad-dritt, inkluż għas-settur tal-ġustizzja kriminali.
Fil-Komunikazzjoni Konġunta tad-9 ta’ Frar 2021 dwar is-Sħubija Mġedda mal-Viċinat tan-Nofsinhar, hija ppjanata Aġenda ġdida għall-Mediterran, kooperazzjoni ġudizzjarja msaħħa bejn l-UE u l-pajjiżi sħab tal-Viċinat tan-Nofsinhar, bl-assistenza tal-Eurojust, inkluż permezz tan-negozjar ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Viċinat tan-Nofsinhar. Huwa rikonoxxut li theddidiet kbar għas-sigurtà bħat-terroriżmu, it-theddid ibridu kif ukoll iċ-ċiberkriminalità u l-kriminalità organizzata li jiddestabbilizzaw ir-reġjun jistgħu jiġu indirizzati biss permezz ta’ sforzi konġunti.
Id-dokumenti strateġiċi eżistenti tal-Kummissjoni jirfdu l-ħtieġa li jittejbu l-effiċjenza u l-effettività tal-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja fl-UE, kif ukoll li titwessa’ l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi. Dawn jinkludu, fost l-oħrajn, l-Istrateġija tal-Unjoni tas-Sigurtà, l-Aġenda tal-UE kontra t-Terroriżmu u l-Istrateġija tal-UE biex tiġi indirizzata l-kriminalità organizzata.
F’konformità ma’ dawn id-dokumenti strateġiċi, il-kooperazzjoni internazzjonali ssaħħet ukoll fil-qasam tal-infurzar tal-liġi. Abbażi tal-awtorizzazzjoni tal-Kunsill, il-Kummissjoni nnegozjat Ftehim ma’ New Zealand dwar l-iskambju ta’ data personali mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (il-Europol).
Fl-istess ħin huwa kruċjali li l-kooperazzjoni ġudizzjarja ma’ stati terzi tkun kompletament konformi mad-drittijiet fundamentali minquxa fit-Trattati tal-UE u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
Sett ta’ salvagwardji partikolarment importanti, b’mod partikolari dawk inklużi fil-Kapitolu II tal-Ftehim, jikkonċerna l-protezzjoni tad-data personali, li fl-UE hija dritt fundamentali. F’konformità mal-Artikolu 56(2), il-punt (c) tar-Regolament tal-Eurojust, il-Eurojust tista’ tittrasferixxi data personali lil awtorità ta’ pajjiż terz abbażi ta’ ftehim internazzjonali konkluż bejn l-Unjoni u dak il-pajjiż terz skont l-Artikolu 218 TFUE li jagħti prova ta’ salvagwardji adegwati fir-rigward tal-protezzjoni tal-privatezza u d-drittijiet fundamentali u l-libertajiet tal-individwi.
Il-Kapitolu II tal-Ftehim jipprevedi tali salvagwardji, inklużi b’mod partikolari dispożizzjonijiet li jiżguraw għadd ta’ prinċipji u obbligi għall-protezzjoni tad-data li jridu jiġu rispettati miż-żewġ Partijiet (l-Artikoli 10ff.), kif ukoll dispożizzjonijiet li jiżguraw drittijiet individwali infurzabbli (l-Artikolu 14ff.), superviżjoni indipendenti (l-Artikolu 21) u rimedju amministrattiv u ġudizzjarju effettiv għall-ksur tad-drittijiet u s-salvagwardji rikonoxxuti fil-Ftehim li jirriżultaw mill-ipproċessar tad-data personali (l-Artikolu 22).
Jeħtieġ li jinstab bilanċ bejn it-tisħiħ tas-sigurtà u s-salvagwardja tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-data u l-privatezza. Il-Kummissjoni żgurat li l-Ftehim jipprevedi bażi ġuridika għall-iskambju tad-data personali fil-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali filwaqt li jipprevedi salvagwardji adegwati fir-rigward tal-protezzjoni tal-privatezza u d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi.
2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi legali
L-Artikolu 218(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjoni “li tawtorizza l-iffirmar tal-ftehim u, jekk meħtieġ, l-applikazzjoni provviżorja tiegħu qabel id-dħul fis-seħħ.” Ladarba l-għan tal-proposta huwa li tingħata awtorizzazzjoni biex il-Ftehim jiġi ffirmat, il-bażi ġuridika proċedurali hija l-Artikolu 218(5) TFUE.
Il-bażi ġuridika sostantiva tiddependi primarjament fuq l-objettiv u l-kontenut tal-att previst. Jekk l-att previst ikollu żewġ miri jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn il-miri jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, att ġuridiku jrid jissejjes fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik rikjesta mill-mira jew komponent ewlieni jew predominanti. Il-proposta għandha żewġ għanijiet u komponenti ewlenin, jiġifieri l-kooperazzjoni bejn l-Eurojust u l-Libanu f’materji kriminali kif ukoll l-istabbiliment ta’ salvagwardji adegwati fir-rigward tal-protezzjoni tal-privatezza u drittijiet u libertajiet fundamentali oħra tal-individwi għal din il-kooperazzjoni. Għaldaqstant, il-bażi ġuridika sostantiva jeħtieġ li tkun l-Artikolu 16(2) u l-Artikolu 85 TFUE.
Għaldaqstant, din il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 16(2) u l-Artikolu 85 TFUE flimkien mal-Artikolu 218(5) TFUE.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Ir-Regolament tal-Eurojust jistabbilixxi regoli speċifiċi dwar it-trasferimenti ta’ data personali mill-Eurojust barra mill-UE. L-Artikolu 56(2) tiegħu jelenka sitwazzjonijiet fejn il-Eurojust tista’ tittrasferixxi data personali lill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ pajjiżi terzi legalment. Mid-dispożizzjoni jirriżulta li għal trasferimenti strutturali ta’ data personali mill-Eurojust għal-Libanu, hija meħtieġa l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali vinkolanti bejn l-UE u l-Libanu, li jipprovdi salvagwardji adegwati fir-rigward tal-protezzjoni tal-privatezza u ta’ drittijiet u libertajiet fundamentali oħra tal-individwi. Skont l-Artikolu 3(2) TFUE, il-Ftehim għalhekk jaqa’ taħt il-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni. Għalhekk, din il-proposta mhijiex soġġetta għal verifika tas-sussidjarjetà.
•Proporzjonalità
L-objettivi tal-Unjoni fir-rigward ta’ din il-proposta kif stabbiliti hawn fuq jistgħu jinkisbu biss billi jsir ftehim internazzjonali vinkolanti li jipprevedi l-miżuri ta’ kooperazzjoni meħtieġa, filwaqt li tiġi żgurata l-protezzjoni xierqa tad-drittijiet fundamentali. Id-dispożizzjonijiet tal-protokoll huma limitati għal dak li huwa neċessarju biex jintlaħqu l-objettivi ewlenin tiegħu. L-azzjoni unilaterali tal-Istati Membri fil-konfront tal-Libanu ma tirrappreżentax alternattiva, peress li l-Eurojust għandha rwol uniku. Azzjoni unilaterali lanqas ma tipprovdi bażi suffiċjenti għall-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn il-Eurojust u pajjiżi terzi u ma tiżgurax il-protezzjoni meħtieġa tad-drittijiet fundamentali.
•Għażla tal-istrument
F’konformità mal-Artikolu 56 tar-Regolament tal-Eurojust, fin-nuqqas ta’ konstatazzjoni tal-adegwatezza, il-Eurojust tista’ tinvolvi ruħha fit-trasferiment strutturali ta’ data personali operazzjonali lejn pajjiż terz abbażi biss ta’ ftehim internazzjonali skont l-Artikolu 218 TFUE li jipprevedi salvagwardji adegwati fir-rigward tal-protezzjoni tal-privatezza u d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi (l-Artikolu 56(3)(c)). F’konformità mal-Artikolu 218(5) TFUE, l-iffirmar ta’ tali ftehim huwa awtorizzat b’deċiżjoni tal-Kunsill.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Fil-proċess tan-negozjati, il-Kummissjoni ma użatx għarfien espert estern.
•Valutazzjoni tal-impatt
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
•Drittijiet fundamentali
L-iskambju ta’ data personali u l-ipproċessar tagħha mill-awtoritajiet ta’ pajjiż terz jikkostitwixxu interferenza mad-drittijiet fundamentali għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data. Madankollu, il-Ftehim jiżgura n-neċessità u l-proporzjonalità ta’ kwalunkwe interferenza bħal din billi jiggarantixxi l-applikazzjoni ta’ salvagwardji adegwati tal-protezzjoni tad-data personali li tiġi ttrasferita, f’konformità mad-dritt tal-UE.
Il-Kapitolu II jipprevedi l-protezzjoni tad-data personali. Abbażi ta’ dan, l-Artikoli minn 9 sa 20 jistabbilixxu l-prinċipji fundamentali tal-protezzjoni tad-data, inklużi l-limitazzjoni tal-iskop, il-kwalità tad-data u r-regoli applikabbli għall-ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data, l-obbligi applikabbli għall-kontrolluri, inkluż dwar iż-żamma, iż-żamma ta’ rekords, is-sigurtà u fir-rigward ta’ trasferimenti ulterjuri, drittijiet individwali infurzabbli, inkluż dwar l-aċċess, ir-rettifika u t-teħid awtomatizzat ta’ deċiżjonijiet, is-superviżjoni indipendenti u effettiva kif ukoll ir-rimedju amministrattiv u ġudizzjarju.
Is-salvagwardji jkopru l-forom kollha ta’ pproċessar ta’ data personali fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Eurojust u r-Repubblika Libaniża. L-eżerċitar ta’ ċerti drittijiet individwali jista’ jiġi ttardjat, limitat jew irrifjutat fejn meħtieġ u proporzjonat, filwaqt li jitqiesu d-drittijiet u l-interessi fundamentali tas-suġġett tad-data, għal raġunijiet importanti ta’ interess pubbliku, b’mod partikolari biex jiġu evitati riskji għal investigazzjoni jew prosekuzzjoni kriminali li tkun għaddejja. Dan huwa konformi mad-dritt tal-Unjoni.
Barra minn hekk, kemm l-Unjoni Ewropea kif ukoll ir-Repubblika Libaniża se jiżguraw li awtorità pubblika indipendenti responsabbli għall-protezzjoni tad-data (awtorità superviżorja) tissorvelja kwistjonijiet li jaffettwaw il-privatezza tal-individwi sabiex tipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali taħt dan il-Ftehim.
F’konformità mal-Artikolu 29(3) tal-Ftehim, il-Ftehim ma għandux japplika sakemm iż-żewġ partijiet ma jkunux innotifikaw lil xulxin bl-issodisfar tal-obbligi li jinsabu fil-Ftehim, inklużi dawk relatati mal-protezzjoni tad-data personali, u din in-notifika tkun ġiet aċċettata. Barra minn hekk, u biex jissaħħu aktar is-salvagwardji għall-protezzjoni tad-data personali, l-Artikolu 29(4) tal-Ftehim jiddikjara li Parti għandha tipposponi t-trasferiment ta’ data personali sakemm il-Parti l-oħra ma tkunx ipprevediet fil-liġi, u implimentat fil-prattika, is-salvagwardji u l-obbligi li jinsabu fil-Kapitolu II tal-Ftehim (l-Iskambju tal-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-data), jew ma tibqax tipprevedi dawn is-salvagwardji.
Apparti l-Artikolu 29(4), l-Artikolu 32(2) tal-Ftehim jipprevedi l-possibbiltà li jiġi sospiż it-trasferiment ta’ data personali f’każ ta’ ksur sistematiku jew materjali tat-termini tal-Ftehim, jew jekk tali ksur ikun imminenti. Barra minn hekk, l-Artikolu 32(3) bl-istess mod jipprevedi l-possibbiltà li tiġi sospiża, wara konsultazzjoni mal-Parti l-oħra, l-applikazzjoni tal-Ftehim innifsu, kompletament jew parzjalment, f’każ ta’ ksur materjali eżistenti jew imminenti jew jekk ma jiġux issodisfati t-termini tiegħu. Id-dispożizzjonijiet ikkombinati tal-Artikoli 29 u 32 jiżguraw li t-trasferimenti ta’ data personali ma jistgħux jibdew sakemm ma jkunux previsti b’mod effettiv is-salvagwardji kollha meħtieġa u jistgħu jiġu posposti jew sospiżi malajr jekk il-kundizzjonijiet meħtieġa ma jibqgħux jiġu ssodisfati.
Barra minn hekk, il-Ftehim jiggarantixxi li l-iskambju ta’ data personali bejn il-Eurojust u r-Repubblika Libaniża huwa konsistenti kemm mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni kif ukoll mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, li jiżguraw li l-interferenzi mad-drittijiet fundamentali garantiti mill-Karta jkunu limitati għal dak li huwa strettament neċessarju sabiex jintlaħqu ġenwinament l-objettivi ta’ interess ġenerali segwiti, soġġett għall-prinċipju ta’ proporzjonalità.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Ma hemm l-ebda implikazzjoni baġitarja għall-baġit tal-Unjoni.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
Ma hemmx bżonn ta’ pjan ta’ implimentazzjoni, peress li l-Ftehim se jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara x-xahar li matulu ż-żewġ Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin li l-proċeduri rispettivi tlestew.
Fir-rigward tal-monitoraġġ, l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Libaniża għandhom jirrieżaminaw b’mod konġunt l-implimentazzjoni tal-Ftehim sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-applikazzjoni tiegħu, u f’intervalli regolari minn dakinhar ’il quddiem, u wkoll jekk issir talba minn xi Parti u b’deċiżjoni konġunta dwar dan. Barra minn hekk il-Partijiet għandhom jevalwaw il-Ftehim b’mod konġunt erba’ snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-applikazzjoni.
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
L-Artikolu 1 jinkludi l-objettivi tal-Ftehim.
L-Artikolu 2 jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-kooperazzjoni.
L-Artikolu 3 jinkludi d-definizzjonijiet ta’ termini importanti tal-Ftehim.
L-Artikolu 4 jistabbilixxi l-obbligu tal-Libanu li jaħtar mill-inqas punt ta’ kuntatt wieħed fl-awtoritajiet kompetenti domestiċi tiegħu, li ma jistax ikun identiku għall-Prosekutur ta’ Kollegament. Għandu jinħatar ukoll punt ta’ kuntatt dwar kwistjonijiet ta’ terroriżmu.
L-Artikolu 5 jipprevedi l-issekondar ta’ Prosekutur ta’ Kollegament mal-Eurojust.
L-Artikolu 6 jipprevedi l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-Libanu f’laqgħat operazzjonali u strateġiċi fil-Eurojust.
L-Artikolu 7 jipprevedi li l-Eurojust tkun tista’ tassisti lil-Libanu biex jistabbilixxi Skwadri ta’ Investigazzjoni Konġunti u tista’ tintalab tipprovdi assistenza finanzjarja jew teknika.
L-Artikolu 8 jipprevedi l-opzjoni għall-Eurojust li tibgħat Maġistrat ta’ Kollegament fil-Libanu.
L-Artikolu 9 jistabbilixxi l-għanijiet tal-ipproċessar tad-data skont il-Ftehim.
L-Artikolu 10 jelenka l-prinċipji ġenerali tal-protezzjoni tad-data applikabbli skont il-Ftehim.
L-Artikolu 11 jiggarantixxi salvagwardji addizzjonali għall-ipproċessar ta’ kategoriji speċjali tad-data personali u kategoriji differenti ta’ suġġetti tad-data.
L-Artikolu 12 jillimita t-teħid ta’ deċiżjonijiet kompletament awtomatizzat bl-użu ta’ data personali ttrasferita skont il-Ftehim.
L-Artikolu 13 jirrestrinġi t-trasferiment ulterjuri tad-data personali li tiġi rċevuta.
L-Artikolu 14 jipprevedi d-dritt ta’ aċċess, inkluż li tinkiseb konferma dwar jekk id-data personali relatata mas-suġġett tad-data hijiex ipproċessata skont il-Ftehim kif ukoll informazzjoni essenzjali dwar l-ipproċessar.
L-Artikolu 15 jipprevedi d-dritt għal rettifika, tħassir u restrizzjoni tal-ipproċessar, taħt ċerti kundizzjonijiet.
L-Artikolu 16 jipprevedi n-notifika ta’ ksur ta’ data personali li jaffettwa d-data personali ttrasferita skont il-Ftehim, filwaqt li jiżgura li l-awtoritajiet kompetenti rispettivi jinnotifikaw lil xulxin kif ukoll lill-awtorità superviżorja rispettiva tagħhom dwar it-tali ksur mingħajr dewmien, u li jieħdu miżuri biex itaffu l-effetti negattivi possibbli tiegħu.
L-Artikolu 17 jipprevedi l-komunikazzjoni lis-suġġett tad-data dwar il-ksur ta’ data personali li x’aktarx ikollu effett serju fuq id-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett.
L-Artikolu18 jinkludi regoli dwar il-ħżin, ir-rieżami, il-korrezzjoni u t-tħassir ta’ data personali.
L-Artikolu 19 jirrekjedi ż-żamma ta’ reġistrazzjonijiet tal-ġbir, l-alterazzjoni, l-aċċess, id-divulgazzjoni inkluż trasferimenti ulterjuri, il-kombinazzjoni u t-tħassir ta’ data personali.
L-Artikolu 20 jinkludi obbligi dwar is-sigurtà tad-data, filwaqt li jiżgura l-implimentazzjoni ta’ miżuri tekniċi u organizzattivi għall-protezzjoni tad-data personali skambjata skont dan il-Ftehim.
L-Artikolu 21 jirrekjedi s-superviżjoni effettiva u l-infurzar tal-konformità mas-salvagwardji stabbiliti fil-Ftehim, jiżgura li jkun hemm awtorità superviżorja indipendenti responsabbli mill-protezzjoni tad-data (awtorità superviżorja) biex tissorvelja kwistjonijiet li jaffettwaw il-privatezza tal-individwi, inklużi r-regoli domestiċi rilevanti skont il-Ftehim għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali.
L-Artikolu 22 jipprevedi rimedju amministrattiv u ġudizzjarju, filwaqt li jiżgura li s-suġġetti tad-data jkollhom id-dritt għal rimedju amministrattiv u ġudizzjarju effettiv għall-ksur tad-drittijiet u s-salvagwardji rikonoxxuti fil-Ftehim li jirriżulta mill-ipproċessar tad-data personali tagħhom.
L-Artikolu 23 jipprevedi li l-iskambju u l-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata u sensittiva mhux klassifikata tal-UE jkunu rregolati minn arranġament ta’ ħidma dwar il-kunfidenzjalità konkluż bejn il-Eurojust u l-awtoritajiet kompetenti tal-Libanu.
L-Artikolu 24 jipprevedi r-responsabbiltà tal-awtoritajiet kompetenti. Pereżempju l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu responsabbli għal kwalunkwe dannu kkawżat lil individwu akkawża ta’ żbalji legali jew fattwali fl-informazzjoni skambjata.
L-Artikolu 25 jipprevedi li fil-prinċipju, kull Parti għandha ġġarrab l-ispejjeż tagħha stess assoċjati mal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim.
L-Artikolu 26 jipprevedi l-konklużjoni ta’ arranġament ta’ ħidma bejn il-Eurojust u l-awtoritajiet kompetenti tal-Libanu.
L-Artikolu 27 jipprovdi għar-relazzjoni ma’ strumenti internazzjonali oħra, filwaqt li jiżgura li l-Ftehim la jippreġudika u lanqas jaffettwa d-dispożizzjonijiet legali fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni previst fi kwalunkwe trattat, ftehim jew arranġament bejn il-Libanu u kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.
L-Artikolu 28 jipprevedi n-notifika tal-implimentazzjoni tal-Ftehim.
L-Artikolu 29 jipprevedi d-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni tal-Ftehim.
L-Artikolu 30 jipprevedi l-emendi fil-Ftehim.
L-Artikolu 31 jipprevedi r-rieżami u l-evalwazzjoni tal-Ftehim.
L-Artikolu 32 jipprevedi riżoluzzjoni ta’ tilwim u klawsola ta’ sospensjoni.
L-Artikolu 33 jinkludi dispożizzjonijiet dwar it-terminazzjoni tal-Ftehim.
L-Artikolu 34 jipprevedi l-mod ta’ kif isiru n-notifiki skont dan il-Ftehim.
L-Artikolu 35 jirreferi għat-testi awtentiċi.
2024/0154 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Libaniża dwar il-kooperazzjoni bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (il-Eurojust) u l-awtoritajiet tar-Repubblika Libaniża kompetenti mill-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 16(2) u l-Artikolu 85 flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)L-Artikoli 47 u 52 tar-Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jipprevedu li l-Eurojust tista’ tistabbilixxi u żżomm kooperazzjoni mal-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi abbażi ta’ strateġija ta’ kooperazzjoni.
(2)L-Artikolu 56 tar-Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jipprevedi wkoll li l-Eurojust tista’ tittrasferixxi data personali lil awtorità ta’ pajjiż terz, fost l-oħrajn, abbażi ta’ ftehim internazzjonali konkluż bejn l-Unjoni u dak il-pajjiż terz skont l-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) li jistabbilixxi salvagwardji adegwati fir-rigward tal-protezzjoni tal-privatezza u d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi.
(3)Fl-1 ta’ Marzu 2021, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati mar-Repubblika Libaniża għal ftehim dwar il-kooperazzjoni bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (il-Eurojust) u l-awtoritajiet tar-Repubblika Libaniża kompetenti mill-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali.
(4)In-negozjati dwar il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Libanu dwar il-kooperazzjoni bejn il-Eurojust u l-awtoritajiet tal-Libanu kompetenti mill-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali (“il-Ftehim”) ġew iffinalizzati b’suċċess, fil-livell tat-timijiet tan-negozjati, f’Lulju 2023. It-test tal-Ftehim ġie inizjalat fi [xx.xx.xxxx].
(5)Il-Ftehim jippermetti t-trasferiment ta’ data personali bejn il-Eurojust u l-awtoritajiet kompetenti tal-Libanu, bl-għan li jiġu miġġielda l-kriminalità serja u t-terroriżmu u tiġi protetta s-sigurtà tal-Unjoni u taċ-ċittadini tagħha.
(6)Il-Ftehim jiżgura r-rispett sħiħ tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, rikonoxxut fl-Artikolu 7, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, rikonoxxut fl-Artikolu 8 d-dritt għal rimedju effettiv u proċess ġust rikonoxxut mill-Artikolu 47. B’mod partikolari, il-Ftehim jinkludi salvagwardji adegwati għall-protezzjoni ta’ data personali ttrasferita mill-Eurojust skont il-Ftehim.
(7)L-Irlanda hija marbuta bir-Regolament (UE) 2018/1727 u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.
(8)F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.
(9)Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ta l-Opinjoni tiegħu [xxx] fi [xx.xx.xxxx].
(10)Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Ftehim jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard,
(11)Skont it-Trattati, hija l-Kummissjoni li għandha tiżgura l-iffirmar tal-Ftehim, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Libaniża dwar il-kooperazzjoni bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust) u l-awtoritajiet tar-Repubblika Libaniża kompetenti mill-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali (“il-Ftehim”) huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni ta’ dan il-Ftehim.
It-test tal-Ftehim li jrid jiġi ffirmat huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 10.7.2024
COM(2024) 280 final
ANNESS
tal-Proposta għal
deċiżjoni tal-Kunsill
dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Libaniża dwar il-kooperazzjoni bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (il-Eurojust) u l-awtoritajiet tar-Repubblika Libaniża kompetenti mill-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali
ANNESS
(abbozz)
Ftehim
bejn
l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Libanu
dwar il-kooperazzjoni bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust) u l-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika tal-Libanu għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali
L-UNJONI EWROPEA, minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Unjoni”,
kif ukoll
IR-REPUBBLIKA LIBANIŻA, minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-Libanu”,
minn hawn ’il quddiem imsejħa flimkien bħala “il-Partijiet”
Wara LI KKUNSIDRAW ir-Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust), u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI, “ir-Regolament tal-Eurojust”, kif applikat f’konformità mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 47, l-Artikolu 52(1) u l-Artikolu 56(2) tar-Regolament tal-Eurojust,
Wara LI KKUNSIDRAW, b’mod partikolari, l-Artikolu 56(2), il-punt (c) tar-Regolament tal-Eurojust, li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali għat-trasferiment ta’ data personali mill-Eurojust lejn pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, u li skonthom il-Eurojust tista’ tittrasferixxi data personali lejn pajjiż terz abbażi ta’ ftehim internazzjonali konkluż bejn l-Unjoni u dak il-pajjiż terz skont l-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
Filwaqt LI JIKKUNSIDRAW l-interessi kemm tal-Eurojust kif ukoll tal-Libanu fl-iżvilupp ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja mill-qrib u dinamika f’materji kriminali biex jiġu indirizzati l-isfidi maħluqa mill-kriminalità serja, b’mod partikolari l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu, filwaqt li jiġu żgurati salvagwardji xierqa fir-rigward tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi, inkluża l-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali;
KONVINTI li l-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Eurojust u l-Libanu se tkun ta’ benefiċċju reċiproku u tgħin fl-iżvilupp tal-ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja tal-Unjoni; kif ukoll il-Libanu fl-indirizzar, b’mod partikolari, tal-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus/il-kriminalità finanzjarja,
Filwaqt LI JIRRISPETTAW il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa (ETS Nru 5) għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, magħmula f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, u li hija riflessa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u fil-kostituzzjoni tal-Libanu,
FTIEHMU KIF ĠEJ:
Kapitolu I
Objettivi, kamp ta’ applikazzjoni u dispożizzjonijiet komuni
Artikolu 1
Objettivi
1.L-objettiv ġenerali ta’ dan il-Ftehim huwa li jsaħħaħ il-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn il-Eurojust u l-awtoritajiet kompetenti tal-Libanu fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja.
2.Dan il-Ftehim jippermetti t-trasferiment ta’ data personali bejn il-Eurojust u l-awtoritajiet kompetenti tal-Libanu, sabiex l-azzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tal-Unjoni u dawk tal-Libanu, kif ukoll il-kooperazzjoni tagħhom fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-kriminalità serja, b’mod partikolari l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu jiġu appoġġati u msaħħa, filwaqt li jiġu żgurati salvagwardji xierqa fir-rigward tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi, inklużi l-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali.
Artikolu 2
Kamp ta’ applikazzjoni
Il-partijiet għandhom jiżguraw li l-Eurojust u l-awtoritajiet kompetenti tal-Libanu jikkooperaw fl-oqsma tal-attivitajiet u fi ħdan il-kompetenza u l-kompiti tal-Eurojust, kif stabbilit fir-Regolament dwar l-Eurojust, kif applikat f’konformità mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u f’dan il-Ftehim.
Artikolu 3
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1)“Eurojust” tfisser l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali, stabbilita mir-Regolament tal-Eurojust, inkluża kwalunkwe emenda li ssir wara għaliha;
(2)“Stati Membri” tfisser l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea;
(3)“awtorità kompetenti” tfisser, għall-Unjoni, il-Eurojust u, għall-Libanu, awtorità domestika b’responsabbiltajiet skont il-liġi domestika relatati mal-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, inkluża l-implimentazzjoni ta’ strumenti ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali; kif elenkati fl-Anness II ta’ dan il-Ftehim;
(4)“Korpi tal-Unjoni” tfisser istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji, kif ukoll missjonijiet jew operazzjonijiet stabbiliti skont il-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni, stabbiliti mit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jew abbażi tagħhom, kif elenkati fl-Anness III ta’ dan il-Ftehim;
(5)“reat serju” tfisser il-forom ta’ kriminalità fil-kompetenza tal-Eurojust, b’mod partikolari dawk elenkati fl-Anness I ta’ dan il-Ftehim, inklużi reati kriminali relatati;
(6)“reati kriminali relatati” tfisser ir-reati kriminali mwettqa sabiex jinkisbu l-mezzi għat-twettiq ta’ reati serji, sabiex jiġu ffaċilitati jew jitwettqu reati serji jew sabiex tiġi żgurata l-impunità għal dawk li jwettqu reati serji;
(7)“Assistent” tfisser persuna li tista’ tassisti lil Membru Nazzjonali, kif imsemmi fil-Kapitolu II, it-Taqsima II, tar-Regolament tal-Eurojust, u l-Viċi Membru Nazzjonali, jew il-Prosekutur ta’ Kollegament, kif imsemmi fir-Regolament dwar il-Eurojust u fl-Artikolu 5 ta’ dan il-Ftehim rispettivament;
(8)“Prosekutur ta’ Kollegament” tfisser persuna li għandha l-funzjoni ta’ prosekutur pubbliku, imħallef jew persuna b’kompetenza ekwivalenti fil-Libanu f’konformità mal-liġi domestika tiegħu u li tkun issekondata lill-Eurojust mill-Libanu, skont l-Artikolu 5 ta’ dan il-Ftehim;
(9)“Maġistrat ta’ Kollegament” tfisser maġistrat kif imsemmi fir-Regolament tal-Eurojust, li jiġi stazzjonat mill-Eurojust fil-Libanu skont l-Artikolu 8 ta’ dan il-Ftehim;
(10)“data personali” tfisser kwalunkwe data relatata ma’ suġġett tad-data;
(11)“proċessar” tfisser kwalunkwe operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li jitwettqu fuq data personali jew settijiet ta’ data personali, kemm jekk b’mezzi awtomatiċi jew le, bħall-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, l-istrutturar, il-ħażna, l-adattament jew it-tibdil, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, id-divulgazzjoni bi trażmissjoni, it-tixrid jew modi oħra li jrenduha disponibbli, l-allinjament jew il-kombinazzjoni, ir-restrizzjoni, it-tħassir jew il-qerda;
(12)“suġġett tad-data” tfisser persuna fiżika identifikata jew identifikabbli; persuna fiżika identifikabbli hija persuna li tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’referenza għal mezz ta’ identifikazzjoni bħal isem, numru ta’ identifikazzjoni, data ta’ lokalizzazzjoni, identifikatur online jew għal fattur wieħed jew aktar speċifiċi għall-identità fiżika, fiżjoloġika, ġenetika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali ta’ dik il-persuna;
(13)“data ġenetika” tfisser id-data personali relatata mal-karatteristiċi ġenetiċi tal-individwu li jkunu ntirtu jew inkisbu, li tagħti informazzjoni unika dwar il-fiżjoloġija jew is-saħħa ta’ dak l-individwu, li tirriżulta b’mod partikolari minn analiżi ta’ kampjun bijoloġiku tal-individwu inkwistjoni;
(14)“data bijometrika” tfisser data personali li tirriżulta mill-ipproċessar tekniku speċifiku relatat mal-karatteristiċi fiżiċi, fiżjoloġiċi jew komportamentali ta’ persuna fiżika, li tippermetti jew tikkonferma l-identifikazzjoni unika ta’ dik il-persuna fiżika, bħal immaġnijiet tal-wiċċ jew data dattiloskopika;
(15)“informazzjoni” tfisser data personali u mhux personali;
(16)“ksur ta’ data personali” tfisser ksur tas-sigurtà li jwassal għal qerda aċċidentali jew illegali, telf, bidliet, divulgazzjoni mhux awtorizzata jew aċċess għal data personali trażmessa, maħżuna jew ipproċessata b’xi mod ieħor;
(17)“Awtorità Superviżorja” tfisser, għall-Unjoni, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, u, għal-Libanu, awtorità pubblika indipendenti domestika responsabbli mill-protezzjoni tad-data kif stabbilit fl-Artikolu 21, u li kienet soġġetta għal notifika skont l-Artikolu 28(3).
Artikolu 4
Punti ta’ kuntatt
1.Il-Libanu għandu jaħtar mill-inqas punt ta’ kuntatt wieħed fost l-awtoritajiet kompetenti domestiċi tiegħu biex jiffaċilita l-komunikazzjoni u l-kooperazzjoni bejn il-Eurojust u l-awtoritajiet kompetenti tal-Libanu. Il-punt ta’ kuntatt tal-Libanu għandu jinħatar ukoll għal kwistjonijiet ta’ terroriżmu. Il-Prosekutur ta’ Kollegament ma għandux ikun punt ta’ kuntatt.
2.Il-punt ta’ kuntatt tal-Libanu għandu jiġi nnotifikat lill-Unjoni. Il-Libanu għandu jinforma lill-Eurojust f’każ li l-punt ta’ kuntatt jinbidel.
Artikolu 5
Prosekutur ta’ Kollegament u l-persunal
1.Sabiex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni prevista f’dan il-Ftehim, il-Libanu għandu jissekonda Prosekutur ta’ Kollegament għall-Eurojust.
2.Il-Ministru tal-Ġustizzja għandu jaħtar il-Prosekutur ta’ Kollegament u l-assistent(i) tiegħu. Il-mandat u t-tul ta’ żmien tas-sekondar tal-Prosekutur ta’ Kollegament għandhom jiġu ddeterminati mil-Libanu bi qbil mal-Eurojust.
3.Il-Prosekutur ta’ Kollegament jista’ jkun assistit minn Assistent wieħed jew aktar u persunal ieħor ta’ appoġġ, skont l-ammont ta’ xogħol u bi qbil mal-Eurojust. Meta jkun meħtieġ, l-Assistenti jistgħu jissostitwixxu lill-Prosekutur ta’ Kollegament jew jaġixxu f’ismu.
4.Il-Libanu għandu jiżgura li l-Prosekutur ta’ Kollegament u l-Assistenti tal-Prosekutur ta’ Kollegament ikunu kompetenti biex jaġixxu fir-rigward tal-awtoritajiet ġudizzjarji barranin.
5.Il-Prosekutur ta’ Kollegament u l-Assistenti tiegħu għandu jkollhom aċċess għall-informazzjoni li tinsab fir-rekords kriminali domestiċi, fir-reġistri ta’ persuni arrestati, fir-reġistri ta’ investigazzjoni, fir-reġistri tad-DNA jew f’reġistri oħra tal-awtoritajiet pubbliċi tal-Libanu fejn tali informazzjoni tkun meħtieġa biex iwettqu l-kompiti tagħhom, f’konformità mal-liġi domestika tiegħu.
6.Il-Prosekutur ta’ Kollegament u l-Assistenti tiegħu għandu jkollhom is-setgħa li jikkuntattjaw direttament lill-awtoritajiet kompetenti tal-Libanu.
7.Il-Libanu għandu jinforma lill-Eurojust dwar in-natura u l-firxa eżatta tas-setgħat ġudizzjarji li jingħataw lill-Prosekutur ta’ Kollegament u lill-Assistenti tiegħu fil-Libanu stess sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom f’konformità ma’ dan il-Ftehim.
8.Id-dettalji tal-kompiti tal-Prosekutur ta’ Kollegament u tal-Assistenti tiegħu, id-drittijiet u l-obbligi tagħhom u l-kostijiet involuti għall-Eurojust għandhom ikunu rregolati minn arranġament ta’ ħidma konkluż bejn il-Eurojust u l-awtoritajiet kompetenti tal-Libanu f’konformità mal-Artikolu 26.
9.Id-dokumenti ta’ ħidma tal-Prosekutur ta’ Kollegament u tal-Assistenti tiegħu għandhom jitqiesu invjolabbli mill-Eurojust.
Artikolu 6
Laqgħat operazzjonali u strateġiċi
1.Il-Prosekutur ta’ Kollegament, l-Assistenti tiegħu u rappreżentanti oħra ta’ awtoritajiet kompetenti tal-Libanu, inklużi l-punti ta’ kuntatt imsemmija fl-Artikolu 4, jistgħu jipparteċipaw f’laqgħat fir-rigward ta’ kwistjonijiet strateġiċi fuq stedina tal-President tal-Eurojust u f’laqgħat fir-rigward ta’ kwistjonijiet operazzjonali bl-approvazzjoni tal-Membri Nazzjonali kkonċernati.
2.Il-Membri Nazzjonali, id-Deputati u l-Assistenti tagħhom, id-Direttur Amministrattiv tal-Eurojust u l-persunal tal-Eurojust jistgħu jattendu laqgħat organizzati mill-Prosekutur ta’ Kollegament, l-Assistent(i) tal-Prosekutur ta’ Kollegament, jew rappreżentanti oħra ta’ awtoritajiet kompetenti tal-Libanu, fosthom il-punti ta’ kuntatt imsemmija fl-Artikolu 4.
Artikolu 7
Skwadri ta’ Investigazzjoni Konġunta
1.Il-Eurojust tista’ tassisti lil-Libanu biex jistabbilixxi skwadri ta’ investigazzjoni konġunta (SIK) mal-awtoritajiet nazzjonali ta’ Stat Membru skont il-bażi legali applikabbli ta’ bejniethom li tippermetti l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, bħal ftehimiet dwar assistenza reċiproka.
2.Il-Eurojust tista’ tintalab tipprovdi assistenza finanzjarja jew teknika biex topera l-SIK li hija tkun tappoġġa operazzjonalment.
Artikolu 8
Maġistrat ta’ Kollegament
1.Għall-fini tal-faċilitazzjoni tal-kooperazzjoni ġudizzjarja mal-Libanu, il-Eurojust tista’ tibgħat Maġistrat ta’ Kollegament fil-Libanu f’konformità mar-Regolament tal-Eurojust.
2.Id-dettalji tal-kompiti tal-Maġistrat ta’ Kollegament u d-drittijiet u l-obbligi tiegħu kif ukoll il-kostijiet involuti, għandhom ikunu rregolati minn arranġament ta’ ħidma konkluż bejn il-Eurojust u l-awtoritajiet kompetenti tal-Libanu kif imsemmi fl-Artikolu 26.
Kapitolu II
Skambju ta’ informazzjoni u protezzjoni tad-data
Artikolu 9
Il-finijiet tal-ipproċessar ta’ data personali
1.Id-data personali mitluba u rċevuta skont dan il-Ftehim għandha tiġi pproċessata biss għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, fil-limiti tal-Artikolu 10(6) u l-mandati rispettivi tal-awtoritajiet kompetenti.
2.L-awtoritajiet kompetenti għandhom jindikaw b’mod ċar, mhux aktar tard mill-mument tat-trasferiment ta’ data personali, l-iskop jew l-iskopijiet speċifiċi li għalihom tkun qed tiġi ttrasferita d-data personali.
Artikolu 10
Prinċipji ġenerali tal-protezzjoni tad-data
1.Kull Parti għandha tipprevedi li d-data personali ttrasferita u sussegwentement ipproċessata skont dan il-Ftehim tkun:
(a)ipproċessata b’mod ġust, legali, b’mod trasparenti u biss għall-finijiet li għalihom tkun ġiet ittrasferita f’konformità mal-Artikolu 9;
(b)adegwata, rilevanti, u mhux eċċessiva għall-fini(jiet) li għalih tiġi pproċessata;
(c)tkun preċiża u, fejn meħtieġ, tinżamm aġġornata; kull Parti għandha tipprevedi li l-awtoritajiet kompetenti jieħdu kull pass raġonevoli biex jiżguraw li d-data personali li ma tkunx preċiża, filwaqt li jitqiesu l-finijiet li għalihom tiġi pproċessata, titħassar jew tiġi rettifikata mingħajr dewmien żejjed;
(d)tinżamm f’forma li tippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data għal mhux aktar żmien milli jkun meħtieġ għall-finijiet li għalihom id-data personali tkun qed tiġi pproċessata;
(e)ipproċessata b’mod li jiżgura s-sigurtà xierqa tad-data personali, inkluż il-protezzjoni kontra pproċessar mhux awtorizzat jew illegali u kontra t-telfien, il-qerda jew il-ħsara aċċidentali, bl-użu ta’ miżuri tekniċi jew organizzattivi xierqa.
2.L-awtorità kompetenti li tittrasferixxi d-data personali (“l-awtorità trasferenti”) tista’ tindika, fil-mument tat-trasferiment tad-data personali, kwalunkwe restrizzjoni fuq l-aċċess għaliha jew l-użu li għandu jsir minnha, f’termini ġenerali jew speċifiċi, inkluż fir-rigward tat-trasferiment ulterjuri, it-tħassir jew il-qerda tagħha wara ċertu perjodu ta’ żmien, jew l-ipproċessar ulterjuri tagħha. Meta l-ħtieġa għal tali restrizzjonijiet issir evidenti wara t-trasferiment ta’ data personali, l-awtorità trasferenti għandha tinforma lill-awtorità kompetenti li tirċievi d-data personali (“l-awtorità riċeventi”) kif xieraq.
3.Kull Parti għandha tiżgura li l-awtorità riċeventi tikkonforma ma’ kwalunkwe restrizzjoni tal-aċċess għad-data personali jew l-użu tagħha indikata mill-awtorità trasferenti kif imsemmi fil-paragrafu 2.
4.Kull Parti għandha tipprevedi li l-awtoritajiet kompetenti tagħha jimplimentaw miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa sabiex ikunu jistgħu juru li l-ipproċessar tad-data jikkonforma ma’ dan il-Ftehim u li d-drittijiet tas-suġġetti tad-data kkonċernati jkunu protetti.
5.Kull Parti għandha tikkonforma mas-salvagwardji previsti f’dan il-Ftehim irrispettivament min-nazzjonalità tas-suġġett tad-data kkonċernat u mingħajr diskriminazzjoni.
6.Kull Parti għandha tiżgura li d-data personali ttrasferita skont dan il-Ftehim ma tkunx inkisbet bi ksur tad-drittijiet tal-bniedem rikonoxxuti mil-liġi internazzjonali li torbot lill-Partijiet.
Kull Parti għandha tiżgura li d-data personali riċevuta ma tintużax biex tintalab, tingħata jew tiġi eżegwita l-piena tal-mewt jew kwalunkwe forma ta’ trattament krudili jew inuman. Sabiex tiġi ffaċilitata l-konformità mad-dispożizzjoni ta’ hawn fuq, il-Libanu se jinnotifika lill-Eurojust bil-lista ta’ reati kriminali li huma punibbli bil-mewt f’konformità mas-sistema legali nazzjonali tiegħu, kif ukoll kwalunkwe bidla sussegwenti f’din il-lista.
7.Kull Parti għandha tiżgura li jinżamm rekord tat-trasferimenti kollha tad-data personali skont dan l-Artikolu u tal-finijiet ta’ tali trasferimenti.
Artikolu 11
Kategoriji ta’ suġġetti tad-data u kategoriji speċjali ta’ data personali
1.It-trasferiment ta’ data personali fir-rigward ta’ vittmi ta’ reat kriminali, xhieda jew persuni oħra li jistgħu jipprovdu informazzjoni dwar reati kriminali għandu jkun permess biss meta strettament meħtieġ u proporzjonat f’każijiet individwali għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reat serju.
2.L-ipproċessar ta’ data personali li tiżvela l-oriġini razzjali jew etnika, l-opinjonijiet politiċi, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku, jew sħubija ma’ trade union, u l-ipproċessar ta’ data ġenetika, ta’ data bijometrika bil-għan li tiġi identifika b’mod uniku persuna fiżika, ta’ data dwar is-saħħa jew ta’ data li tikkonċerna l-ħajja sesswali jew orjentazzjoni sesswali ta’ persuna fiżika, għandu jkun permess biss meta verament ikun meħtieġ, soġġett għal salvagwardji xierqa għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data.
3.Il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-ipproċessar ta’ data personali skont il-paragrafu 1 u 2 ikun soġġett għal salvagwardji addizzjonali, inklużi restrizzjonijiet fuq l-aċċess, miżuri ta’ sigurtà addizzjonali u restrizzjonijiet fuq trasferimenti ulterjuri.
Artikolu 12
Ipproċessar awtomatizzat ta’ data personali
Deċiżjonijiet li jkunu bbażati biss fuq l-ipproċessar awtomatizzat ta’ data personali ttrasferita, inkluż it-tfassil ta’ profili, li jipproduċu effett legali negattiv fuq is-suġġett tad-data jew jaffettwawh b’mod sinifikanti, għandhom ikunu pprojbiti, dment li ma jkunux awtorizzati bil-liġi, għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reat serju, li tipprevedi salvagwardji xierqa għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data, inkluż mill-inqas id-dritt li jinkiseb intervent tal-bniedem.
Artikolu 13
Trasferiment ulterjuri tad-data personali li tiġi rċevuta
1.Il-Libanu għandu jiżgura li l-awtoritajiet kompetenti tiegħu jkunu pprojbiti milli jittrasferixxu data personali riċevuta skont dan il-Ftehim lil awtoritajiet oħra tal-Libanu, dment li ma jiġux issodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
(a)Il-Eurojust tkun tat l-awtorizzazzjoni espliċita tagħha minn qabel;
(b)it-trasferiment ulterjuri jkun biss għall-fini li għalih id-data tkun ġiet ittrasferita f’konformità mal-Artikolu 9; kif ukoll
(c)it-trasferiment huwa soġġett għall-istess kundizzjonijiet u salvagwardji bħal dawk li japplikaw għat-trasferiment oriġinali.
Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10(2), ma hija meħtieġa l-ebda awtorizzazzjoni minn qabel meta d-data personali tiġi kondiviża fost l-awtoritajiet kompetenti tal-Libanu.
2.Il-Libanu għandu jiżgura li l-awtoritajiet kompetenti tiegħu jkunu pprojbiti milli jittrasferixxu data personali riċevuta skont dan il-Ftehim lil awtoritajiet ta’ pajjiż terz jew lil organizzazzjoni internazzjonali, dment li ma jiġux issodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
(a)it-trasferiment ulterjuri jikkonċerna data personali għajr dik koperta mill-Artikolu 11;
(b)Il-Eurojust tkun tat l-awtorizzazzjoni espliċita tagħha minn qabel; kif ukoll
(c)l-għan tat-trasferiment ulterjuri huwa l-istess bħall-iskop tat-trasferiment mill-Eurojust.
3.Il-Eurojust għandha tagħti l-awtorizzazzjoni tagħha skont il-paragrafu 2, il-punt (b), biss jekk u meta jkunu fis-seħħ deċiżjoni ta’ adegwatezza, ftehim ta’ kooperazzjoni, jew ftehim internazzjonali li jipprevedi salvagwardji adegwati fir-rigward tal-protezzjoni tal-privatezza u d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi, skont it-tifsira tar-Regolament tal-Eurojust, li f’kull każ ikopri t-trasferiment ulterjuri.
4.L-Unjoni għandha tiżgura li l-Eurojust ma titħalliex titrasferixxi data personali riċevuta skont dan il-Ftehim lill-korpi tal-Unjoni mhux elenkati fl-Anness III, lill-awtoritajiet ta’ pajjiż terz jew lil organizzazzjoni internazzjonali, sakemm ma jiġux issodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
(a)it-trasferiment jikkonċerna d-data personali għajr dik koperta mill-Artikolu 11;
(b)il-Libanu jkun ta l-awtorizzazzjoni espliċita tiegħu minn qabel;
(c)l-għan tat-trasferiment ulterjuri huwa l-istess bħall-iskop tat-trasferiment mill-awtorità trasferenti tal-Libanu; kif ukoll
(d)f’każ tat-trasferiment ulterjuri lill-awtoritajiet ta’ pajjiż terz jew lil organizzazzjoni internazzjonali, meta jkunu fis-seħħ deċiżjoni ta’ adegwatezza, ftehim ta’ kooperazzjoni, jew ftehim internazzjonali li jipprevedi salvagwardji adegwati fir-rigward tal-protezzjoni tal-privatezza u tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi, skont it-tifsira tar-Regolament tal-Eurojust, li f’kull każ ikopri t-trasferiment ulterjuri.
Il-kundizzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu ma japplikawx meta d-data personali tiġi kondiviża mill-Eurojust mal-korpi tal-Unjoni elenkati fl-Anness III jew mal-awtoritajiet responsabbli fl-Istati Membri għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati serji.
Artikolu 14
Dritt ta’ aċċess
1.Il-partijiet għandhom jipprovdu lis-suġġett tad-data bid-dritt li jikseb konferma mill-awtoritajiet li jipproċessaw id-data personali ttrasferita skont dan il-Ftehim dwar jekk id-data personali relatata miegħu tkunx qed tiġi pproċessata jew le skont dan il-Ftehim, u fejn dan ikun il-każ, aċċess għal mill-inqas l-informazzjoni dwar li ġej:
(a)il-finijiet u l-bażi ġuridika għall-ipproċessar, il-kategoriji tad-data kkonċernata, u, fejn applikabbli, ir-riċevituri jew il-kategoriji ta’ riċevituri li lilhom tkun ġiet żvelata jew se tiġi żvelata d-data personali;
(b)l-eżistenza tad-dritt li tinġieb mingħand l-awtorità ir-rettifika jew it-tħassir, jew ir-restrizzjoni tal-ipproċessar tad-data personali;
(c)fejn possibbli, il-perjodu mbassar li matulu d-data personali tkun se tinħażen, jew jekk mhux possibbli, il-kriterji użati biex jiġi ddeterminat dak il-perjodu;
(d)il-komunikazzjoni, b’lingwaġġ ċar u sempliċi, tad-data personali li tkun qed tiġi pproċessata u ta’ kwalunkwe informazzjoni disponibbli dwar is-sorsi ta’ dik id-data;
(e)id-dritt li jitressaq ilment quddiem l-awtorità superviżorja msemmija fl-Artikolu 21 u d-dettalji ta’ kuntatt tagħha.
F’każijiet fejn jiġi eżerċitat id-dritt ta’ aċċess imsemmi fl-ewwel subparagrafu, l-awtorità trasferenti għandha tiġi kkonsultata fuq bażi mhux vinkolanti qabel ma tittieħed deċiżjoni finali dwar it-talba għall-aċċess.
2.Il-partijiet għandhom jipprevedu li l-awtorità kkonċernata tindirizza t-talba mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ fi żmien xahar minn meta tasal it-talba.
3.Il-partijiet jistgħu jipprevedu l-possibbiltà li jdewmu, jirrifjutaw jew jirrestrinġu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 sa fejn u sakemm tali dewmien, rifjut jew restrizzjoni jikkostitwixxu miżura li tkun meħtieġa u proporzjonata, filwaqt li jitqiesu d-drittijiet u l-interessi fundamentali tas-suġġett tad-data, sabiex:
(a)jiġu evitati l-ostakli għal inkjesti, investigazzjonijiet jew proċeduri uffiċjali jew ġuridiċi;
(b)jkun evitat li l-prevenzjoni, is-sejbien, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew li l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali jiġu preġudikati;
(c)tiġi protetta s-sigurtà pubblika;
(d)tiġi protetta s-sigurtà nazzjonali; jew
(e)jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn, bħal vittmi u xhieda.
4.Il-partijiet għandhom jipprevedu li l-awtorità kkonċernata tinforma lis-suġġett tad-data bil-miktub dwar:
(a)kwalunkwe dewmien, rifjut jew restrizzjoni tal-aċċess u r-raġunijiet għal dan; kif ukoll
(b)il-possibbiltà li jitressaq ilment quddiem l-awtorità superviżorja rispettiva jew li jintalab rimedju ġudizzjarju.
L-informazzjoni stabbilita fl-ewwel subparagrafu, il-punt (a) ta’ dan il-paragrafu, tista’ titħalla barra meta dan jimmina l-fini tad-dewmien, tar-rifjut jew tar-restrizzjoni skont il-paragrafu 3.
Artikolu 15
Dritt għal rettifika, tħassir jew restrizzjoni
1.Il-partijiet għandhom jipprevedu li kwalunkwe suġġett tad-data jkollu d-dritt li jikseb mill-awtoritajiet li jipproċessaw id-data personali ttrasferita skont dan il-Ftehim ir-rettifika ta’ data personali mhux preċiża dwar is-suġġett tad-data. Filwaqt li jitqiesu l-finijiet tal-ipproċessar, id-dritt li tinkiseb rettifika jinkludi d-dritt li d-data personali mhux kompluta timtela kollha, u tiġi ttrasferita skont dan il-Ftehim.
2.Il-partijiet għandhom jipprevedu li kwalunkwe suġġett tad-data jkollu d-dritt li jikseb mill-awtoritajiet li jipproċessaw id-data personali ttrasferita skont dan il-Ftehim it-tħassir ta’ data personali li tikkonċerna s-suġġett tad-data meta l-ipproċessar tad-data personali jikser l-Artikolu 10(1) jew l-Artikolu 11(2), jew meta id-data personali trid titħassar sabiex ikun hemm konformità ma’ obbligu legali li għalih huma soġġetti l-awtoritajiet.
3.Il-Partijiet jistgħu jipprovdu l-possibbiltà li l-awtoritajiet jagħtu restrizzjoni fl-ipproċessar minflok ir-rettifika jew it-tħassir ta’ data personali kif imsemmi fil-paragrafi 1 u 2 meta:
(a)il-preċiżjoni tad-data personali tiġi kkontestata mis-suġġett tad-data u l-preċiżjoni jew l-impreċiżjoni tagħha ma tistax tiġi aċċertata; jew
(b)id-data personali tkun trid tinżamm għal finijiet ta’ evidenza.
4.L-awtorità trasferenti u l-awtorità li tipproċessa d-data personali għandhom jinfurmaw lil xulxin bil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3. L-awtorità li tipproċessa d-data għandha tirrettifika, tħassar, jew tirrestrinġi l-ipproċessar tad-data personali kkonċernata f’konformità mal-azzjoni li tittieħed mill-awtorità trasferenti.
5.Il-partijiet għandhom jipprevedu li l-awtorità li tkun irċeviet talba skont il-paragrafu 1 jew 2 tinforma lis-suġġett tad-data bil-miktub mingħajr dewmien żejjed li d-data personali tkun ġiet rettifikata jew imħassra, jew li l-ipproċessar tagħha jkun ġie ristrett.
6.Il-partijiet għandhom jipprevedu li l-awtorità li tkun irċeviet talba skont il-paragrafu 1 jew 2 tinforma lis-suġġett tad-data bil-miktub dwar:
(a)kwalunkwe rifjut ta’ talba u r-raġunijiet għal dan;
(b)il-possibbiltà li jressaq ilment quddiem l-awtorità superviżorja rispettiva; kif ukoll
(c)il-possibbiltà li jintalab rimedju ġudizzjarju.
L-informazzjoni elenkata fl-ewwel subparagrafu, il-punt (a) ta’ dan il-paragrafu, tista’ titħalla barra skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 14(3).
Artikolu 16
Notifika ta’ ksur ta’ data personali lill-awtoritajiet ikkonċernati
1.Fil-każ ta’ ksur ta’ data personali li jaffettwa d-data personali ttrasferita skont dan il-Ftehim, il-Partijiet għandhom jipprevedu li l-awtoritajiet rispettivi tagħhom jinnotifikaw lil xulxin kif ukoll lill-awtorità superviżorja rispettiva tagħhom dwar dan il-ksur mingħajr dewmien, sakemm il-ksur ta’ data personali ma jkunx probabbli li jirriżulta f’riskju għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi, u li jieħdu miżuri biex itaffu l-effetti negattivi possibbli tiegħu.
2.Minn tal-anqas, in-notifika għandha tiddeskrivi:
(a)in-natura tal-ksur tad-data personali, inklużi, fejn hu possibbli, il-kategoriji u l-għadd ta’ suġġetti tad-data kkonċernati u l-kategoriji u l-għadd ta’ rekords ta’ data personali kkonċernati;
(b)il-konsegwenzi probabbli tal-ksur ta’ data personali;
(c)il-miżuri meħuda jew proposti li jridu jittieħdu mill-awtorità li tipproċessa d-data sabiex tindirizza l-ksur ta’ data personali, inkluż il-miżuri biex ittaffi l-effetti ħżiena li jistgħu jseħħu.
3.Meta, u sa fejn, ma jkunx possibbli li tiġi pprovduta l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 fl-istess ħin, l-informazzjoni tista’ tiġi pprovduta f’fażijiet mingħajr dewmien bla bżonn.
4.Il-partijiet għandhom jipprevedu li l-awtoritajiet rispettivi tagħhom jiddokumentaw kwalunkwe ksur ta’ data personali li jaffettwa d-data personali ttrasferita skont dan il-Ftehim, inklużi l-fatti dwar il-ksur, l-effetti tiegħu u l-azzjoni ta’ rimedju li tittieħdet, u b’hekk jippermettu li l-awtorità superviżorja rispettiva tagħhom tivverifika l-konformità ma’ dan l-Artikolu.
Artikolu 17
Komunikazzjoni lis-suġġett tad-data dwar il-ksur tad-data personali
1.Meta l-ksur tad-data personali kif imsemmi fl-Artikolu 16 x’aktarx li jirriżulta f’riskju għoli għad-drittijiet u l-libertajiet ta’ persuni fiżiċi, il-partijiet għandhom jaraw li l-awtoritajiet rispettivi tagħhom jikkomunikaw il-ksur tad-data personali lis-suġġett tad-data mingħajr dewmien żejjed.
2.Il-komunikazzjoni lis-suġġett tad-data skont il-paragrafu 1 għandha tiddeskrivi b’lingwaġġ ċar u sempliċi n-natura tal-ksur tad-data personali u jkun fiha mill-anqas l-elementi previsti fl-Artikolu 16(2), il-punti (b) u (c).
3.Il-komunikazzjoni lis-suġġett tad-data msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhiex tkun meħtieġa jekk:
(a)id-data personali kkonċernata mill-ksur tkun is-suġġett ta’ miżuri ta’ protezzjoni teknoloġiċi u organizzattivi xierqa li twassal biex id-data ma tkun tinftiehem minn l-ebda persuna li ma tkunx awtorizzata taċċessaha;
(b)ikunu ttieħdu miżuri sussegwenti li jiżguraw li r-riskju għoli għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data ma jkunx għadu probabbli li jseħħ; jew
(c)tali komunikazzjoni tkun tinvolvi sforz sproporzjonat, b’mod partikolari minħabba l-għadd ta’ każijiet involuti. F’każ bħal dan, l-awtorità għandha toħroġ komunikazzjoni pubblika jew miżura simili li fiha s-suġġetti tad-data jiġu informati b’mod daqstant ieħor effettiv.
4.Il-komunikazzjoni lis-suġġett tad-data tista’ ssir aktar tard, tiġi ristretta jew titħalla barra skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 14(3).
Artikolu 18
Ħżin, reviżjoni, korrezzjoni u tħassir ta’ data personali
1.Il-partijiet għandhom jipprevedu limiti ta’ żmien xierqa li għandhom jiġu stabbiliti għall-ħżin tad-data personali li tingħata skont dan il-Ftehim, jew għal rieżami perjodiku tal-ħtieġa għall-ħżin ta’ tali data, sabiex din id-data ma tkunx maħżuna għal aktar milli jkun meħtieġ għall-finijiet li għalihom tkun ġiet trasferita.
2.Fi kwalunkwe każ, il-ħtieġa li d-data tibqa’ maħżuna għandha tiġi riveduta mhux aktar tard minn tliet snin wara t-trasferiment tad-data personali.
3.Meta awtorità trasferenti jkollha raġuni biex temmen li data personali li tkun ittrasferiet preċedentement ma tkunx korretta, preċiża, ma tkunx għadha aġġornata, jew ma kellhiex tiġi ttrasferita, hija għandha tinforma lill-awtorità riċeventi, li għandha tirrettifika jew tħassar id-data personali u tinnotifika lill-awtorità trasferenti dwar dan.
4.Meta awtorità kompetenti jkollha raġuni biex temmen li d-data personali li tkun irċeviet preċedentement ma tkunx korretta, preċiża, tkun skaduta, jew ma kellhiex tiġi ttrasferita, hija għandha tinforma lill-awtorità trasferenti, li min-naħa tagħha għandha tagħti l-pożizzjoni tagħha dwar il-kwistjoni.
Meta l-awtorità trasferenti tikkonkludi li d-data personali ma kinitx korretta, preċiża, kienet skaduta, jew ma kellhiex tiġi ttrasferita, hija għandha tinforma lill-awtorità riċeventi, li għandha tirrettifika jew tħassar id-data personali u tibgħat notifika dwar dan lill-awtorità trasferenti.
Artikolu 19
Reġistrazzjoni u dokumentazzjoni
1.Il-Partijiet għandhom jipprevedu li jinżammu r-reġistrazzjonijiet jew dokumentazzjoni oħra tal-ġbir, it-tibdil, l-aċċess, id-divulgazzjoni, inkluż it-trasferiment ulterjuri, il-kombinament u t-tħassir ta’ data personali. Għal aktar ċertezza, huma għandhom jiżguraw li jkun possibbli li jiġi vverifikat u stabbilit liema data personali ġiet aċċessata, minn min u meta.
2.Ir-reġistrazzjonijiet jew id-dokumentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jingħataw lill-awtorità superviżorja jekk titlobhom u għandhom jintużaw biss għall-verifika tal-legalità tal-ipproċessar tad-data, l-awtomonitoraġġ u l-iżgurar tal-integrità u s-sigurtà xierqa tad-data.
Artikolu 20
Sigurtà tad-data
1.Il-partijiet għandhom jiżguraw l-implimentazzjoni ta’ miżuri tekniċi u organizzazzjonali biex jipproteġu d-data personali li tiġi ttrasferita skont dan il-Ftehim.
2.Fir-rigward tal-ipproċessar awtomatizzat tad-data, il-Partijiet għandhom jiżguraw l-implimentazzjoni ta’ miżuri mfassla biex:
(a)jiċħdu l-aċċess għat-tagħmir li jipproċessa d-data użat għall-ipproċessar tad-data personali lil persuni mhux awtorizzati (“il-kontroll tal-aċċess għat-tagħmir”);
(b)jipprevjenu li jsir il-qari, l-ikkupjar, il-modifika jew it-tneħħija mhux awtorizzata tal-mezzi tad-data (“il-kontroll tal-mezzi tad-data”);
(c)jipprevjenu li tiddaħħal data personali mingħajr awtorizzazzjoni u li din id-data personali maħżuna tiġi spezzjonata, modifikata jew mħassra mingħajr awtorizzazzjoni (“il-kontroll tal-ħżin”);
(d)ma jħallux li persuni mhux awtorizzati jużaw sistemi awtomatizzati ta’ pproċessar ta’ data bl-użu ta’ tagħmir għall-komunikazzjoni tad-data (“il-kontroll tal-utenti”);
(e)jiżguraw li l-persuni awtorizzati li jużaw sistema awtomatizzata ta’ pproċessar tad-data jkollhom aċċess biss għad-data personali koperta mill-awtorizzazzjoni għall-aċċess tagħhom (“il-kontroll tal-aċċess għad-data”);
(f)jiżguraw li jkun possibbli li jista’ jiġi verifikat u stabbilit lil liema entitajiet tista’ tintbagħat id-data personali jew inkella tkun intbagħtet bl-użu ta’ tagħmir ta’ komunikazzjoni tad-data (“il-kontroll tal-komunikazzjoni”);
(g)jiżguraw li jkun possibbli li jista’ jiġi verifikat u stabbilit liema data personali tkun iddaħħlet f’sistemi awtomatizzati tal-ipproċessar tad-data u meta din id-data personali tkun iddaħħlet, kif ukoll minn min (“il-kontroll tal-input”);
(h)jipprevjenu li matul it-trasferiment jew it-trasportazzjoni tal-mezzi tad-data, id-data personali tinqara, tiġi kkuppjata, modifikata jew mħassra mingħajr awtorizzazzjoni (“il-kontroll tat-trasport”);
(i)jiżġuraw li s-sistemi installati jistgħu, f’każ ta’ interruzzjoni, jiġu rranġati minnufih (“l-irkupru”);
(j)jiżguraw li l-funzjonijiet tas-sistema jaħdmu mingħajr difetti, li s-sejbien ta’ difetti fil-funzjonijiet jiġi rrappurtat minnufih (“l-affidabbiltà”) u li d-data li tinħażen ma tkunx tista’ titgerfex meta s-sistema ma taħdimx sew (“l-integrità”).
Artikolu 21
Awtorità superviżorja
1.Il-partijiet għandhom jipprevedu li jkun hemm awtorità pubblika indipendenti waħda jew aktar, li tkun responsabbli mill-protezzjoni tad-data biex jissorveljaw l-implimentazzjoni, u jiżguraw il-konformità ma’ dan il-Ftehim, għall-fini tal-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali.
2.Il-Partijiet għandhom jiżguraw li:
(a)kull awtorità superviżorja taġixxi b’indipendenza sħiħa fit-twettiq tal-kompiti tagħha u f’kif tħaddem is-setgħat tagħha;
(b)kull awtorità superviżorja ma jkollha l-ebda influwenza esterna, la diretta u lanqas indiretta, u la titlob u lanqas taċċetta struzzjonijiet;
(c)il-membri ta’ kull awtorità superviżorja jingħataw żmien fil-kariga sigur, inklużi salvagwardji kontra t-tneħħija arbitrarja.
3.Il-Partijiet għandhom jiżguraw li kull awtorità superviżorja jkollha r-riżorsi umani, tekniċi u finanzjarji, il-bini u l-infrastruttura meħtieġa għat-twettiq effettiv tal-kompiti tagħha u l-eżerċizzju tas-setgħat tagħha.
4.Il-Partijiet għandhom jiżguraw li kull awtorità superviżorja jkollha setgħat ta’ investigazzjoni u ta’ intervent effettivi biex teżerċita sorveljanza fuq il-korpi li tissorvelja, u biex tinvolvi ruħha fi proċedimenti ġuridiċi.
5.Il-partijiet għandhom jiżguraw li kull awtorità superviżorja jkollha s-setgħat li tisma’ u tindirizza l-ilmenti minn individwi dwar l-użu tad-data personali tagħhom.
Artikolu 22
Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv
1.Il-Partijiet għandhom jiżguraw li, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew mhux ġudizzjarju ieħor, kull suġġett tad-data jkollu d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv meta jqis li d-drittijiet tiegħu garantiti b’dan il-Ftehim ikunu nkisru wara l-ipproċessar tad-data personali tiegħu f’nuqqas ta’ konformità ma’ dan il-Ftehim.
2.Id-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv għandu jinkludi d-dritt għal kumpens għal kwalunkwe dannu li jiġi kkawżat lis-suġġett tad-data minn tali pproċessar wara ksur tal-Ftehim u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-qafas legali rispettiv ta’ kull Parti.
Kapitolu III
Kunfidenzjalità tal-informazzjoni
Artikolu 23
Skambju ta’ informazzjoni klassifikata jew informazzjoni sensittiva mhux klassifikata tal-UE
Jekk ikun meħtieġ skont dan il-Ftehim, l-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata jew sensittiva mhux klassifikata tal-Unjoni, u l-protezzjoni tagħha għandhom jiġu rregolati minn arranġament ta’ ħidma konkluż bejn il-Eurojust u l-awtoritajiet kompetenti tal-Libanu.
Kapitolu IV
Responsabbiltà
Artikolu 24
Responsabbiltà u kumpens
1.L-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu responsabbli, f’konformità mal-oqfsa legali rispettivi tagħhom, għal kwalunkwe ħsara kkawżata lil individwu bħala riżultat ta’ żbalji legali jew fattwali fl-informazzjoni skambjata. Sabiex tiġi evitata r-responsabbiltà skont l-oqfsa legali rispettivi tagħhom fil-konfront ta’ individwu li jġarrab id-dannu, la l-Eurojust u lanqas l-awtoritajiet kompetenti tal-Libanu ma jistgħu jsostnu li l-parti l-oħra ttrasferiet informazzjoni mhux preċiża.
2.Jekk awtorità kompetenti tkun ħallset kumpens lil individwu skont il-paragrafu 1, u r-responsabbiltà tagħha tkun ir-riżultat ta’ użu ta’ informazzjoni li ġiet ikkomunikata lilha bi żball mill-awtorità kompetenti l-oħra, jew ikkomunikata lilha kawża ta’ nuqqas min-naħa tal-awtorità kompetenti l-oħra għax ma kkonformatx mal-obbligi tagħha, l-awtorità kompetenti l-oħra għandha tħallas l-ammont li tħallas bħala kumpens, sakemm l-informazzjoni ma tkunx intużat bi ksur ta’ dan il-Ftehim.
3.Il-Eurojust u l-awtoritajiet kompetenti tal-Libanu ma għandhomx jesiġu ma’ xulxin li jħallsu lura kumpens għal danni punittivi jew mhux kumpensatorji.
Kapitolu V
Dispożizzjonijiet finali
Artikolu 25
Spejjeż
Il-partijiet għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jġarrbu l-ispejjeż tagħhom stess, li jirriżultaw matul l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor f’dan il-Ftehim, fl-arranġament ta’ ħidma jew f’arranġament separat.
Artikolu 26
Arranġament ta’ ħidma
1.Id-dettalji tal-kooperazzjoni bejn il-Partijiet għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandhom ikunu rregolati minn arranġament ta’ ħidma konkluż bejn l-Eurojust u l-awtoritajiet kompetenti tal-Libanu f’konformità mar-Regolament tal-Eurojust.
2.L-arranġament ta’ ħidma għandu jissostitwixxi kwalunkwe arranġament ta’ ħidma eżistenti konkluż bejn l-Eurojust u l-awtoritajiet kompetenti tal-Libanu.
Artikolu 27
Rabta ma’ strumenti internazzjonali oħra
Dan il-Ftehim la jippreġudika u lanqas jaffettwa jew iħalli impatt b’xi mod ieħor fuq kwalunkwe ftehim bilaterali jew multilaterali dwar kooperazzjoni jew trattat ta’ assistenza legali reċiproka, kwalunkwe ftehim jew arranġament ieħor ta’ kooperazzjoni, jew relazzjoni ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja fil-livell ta’ ħidma f’materji kriminali bejn l-Libanu u kwalunkwe Stat Membru.
Artikolu 28
Notifika ta’ implimentazzjoni
1.Il-partijiet għandhom jipprevedu li kull awtorità kompetenti tagħmel disponibbli għall-pubbliku d-dettalji ta’ kuntatt tagħha kif ukoll dokument li jistabbilixxi, bl-użu ta’ lingwaġġ ċar u sempliċi, informazzjoni dwar is-salvagwardji għad-data personali garantiti skont dan il-Ftehim, inkluża informazzjoni li tkopri mill-inqas il-punti msemmija fl-Artikolu 14(1), il-punti (a) u (c), u l-mezzi disponibbli għall-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data. Kull Parti għandha tiżgura li tagħti kopja ta’ dak id-dokument lill-parti l-oħra.
2.Jekk ma jkunux diġà fis-seħħ, il-Partijiet għandhom jipprevedu fil-liġi s-salvagwardji u l-obbligi li jinsabu fil-Kapitolu II (Skambju ta’ informazzjoni u protezzjoni tad-data), u l-awtoritajiet kompetenti għandhom jadottaw regoli li jispeċifikaw kif il-konformità ma’ tali dispożizzjonijiet se tiġi infurzata fil-prattika. Kopja ta’ dawk id-dispożizzjonijiet legali u r-regoli ta’ implientazzjoni għandha tintbagħat lill-Parti l-oħra u lill-awtorità superviżorja rispettiva tagħha.
3.Il-partijiet għandhom jinnotifikaw lil xulxin dwar l-awtorità superviżorja responsabbli mis-sorveljanza tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim u għall-iżgurar tal-konformità miegħu skont l-Artikolu 21.
Artikolu 29
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
1.Dan il-Ftehim għandu jiġi approvat mill-Partijiet skont il-proċeduri proprji tagħhom ta’ proċedura.
2.Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara x-xahar li matulu ż-żewġ Partijiet jkunu nnotifikaw lil xulxin li l-proċeduri msemmija fil-paragrafu 1 jkunu ġew konklużi.
3.Dan il-Ftehim għandu japplika mill-ewwel jum wara d-data li fiha jkunu ġew issodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
(a)il-Partijiet ikunu ffirmaw arranġament ta’ ħidma kif stabbilit fl-Artikolu 26;
(b)il-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin li l-obbligi stabbiliti f’dan il-Ftehim ġew implimentati, inklużi l-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 28; kif ukoll
(c)kull Parti tkun infurmat lill-Parti notifikanti li n-notifika skont il-punt (b) ta’ dan is-subparagrafu ġiet aċċettata.
Il-partijiet għandhom jinnotifikaw lil xulxin bil-miktub u jikkonfermaw l-issodisfar tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu.
4.Parti għandha tipposponi t-trasferiment ta’ data personali fil-każ li, u sakemm, il-Parti l-oħra ma tibqax tiżgura u timplimenta s-salvagwardji u l-obbligi li jinsabu fil-Kapitolu II (Skambju tal-informazzjoni u protezzjoni tad-data) ta’ dan il-Ftehim.
Artikolu 30
Emendi
1.Dan il-Ftehim jista’ jiġi emendat bil-miktub, fi kwalunkwe ħin, b’kunsens reċiproku bejn il-Partijiet permezz ta’ notifika bil-miktub skambjata bejniethom.
2.L-aġġornamenti tal-Annessi ta’ dan il-Ftehim jistgħu jiġu miftiehma bejn il-Partijiet permezz ta’ skambju ta’ noti diplomatiċi.
Artikolu 31
Rieżami u evalwazzjoni
1.Il-Partijiet għandhom jirrieżaminaw b’mod konġunt l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ, u f’intervalli regolari minn hemm ’il quddiem, u kull meta mitluba minn xi waħda mill-Partijiet u bi ftehim bejn il-Partijiet.
2.Il-partijiet għandhom jevalwaw dan il-Ftehim b’mod konġunt erba’ snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ.
3.Il-partijiet għandhom jiddeċiedu minn qabel dwar id-dettalji tar-rieżami u għandhom jikkomunikaw lil xulxin il-kompożizzjoni tat-timijiet rispettivi tagħhom. Kull tim għandu jinkludi esperti rilevanti dwar il-protezzjoni tad-data u l-kooperazzjoni ġudizzjarja. Soġġett għal-liġijiet applikabbli, kwalunkwe parteċipant f’rieżami għandu jkun obbligat jirrispetta il-kunfidenzjalità tad-diskussjonijiet u jkollu l-awtorizzazzjonijiet tas-sigurtà xierqa. Għall-finijiet ta’ kwalunkwe rieżami, il-Partijiet għandhom jiżguraw aċċess għad-dokumentazzjoni, għas-sistemi u għall-persunal rilevanti.
Artikolu 32
Riżoluzzjoni ta’ tilwim u ta’ sospensjoni
1.Jekk tinqala’ tilwima b’rabta mal-interpretazzjoni, l-applikazzjoni jew l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, u kwalunkwe kwistjoni relatata miegħu, ir-rappreżentanti tal-Partijiet għandhom jidħlu f’konsultazzjonijiet u f’negozjati bil-ħsieb li tinstab soluzzjoni li tkun aċċettabbli għaż-żewġ naħat.
2.Minkejja l-paragrafu 1, Parti hija intitolata li tissospendi t-trasferiment ta’ data personali lil Parti oħra jekk ikollha evidenza sostanzjali li l-Parti l-oħra tkun fi ksur sistematiku jew materjali tat-termini ta’ dan il-Ftehim, jew li ksur materjali jkun imminenti. Il-Parti li twettaq is-sospensjoni għandha tinforma minnufih lill-Parti l-oħra b’dan.
3.Minkejja l-paragrafi 1 u 2, fil-każ ta’ ksur materjali jew ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi skont dan il-Ftehim jew, jekk ikun hemm indikazzjoni li tali ksur materjali jew nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi x’aktarx li jseħħu fil-futur qrib, kwalunkwe Parti tista’ tissospendi l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim kompletament jew parzjalment permezz ta’ notifika bil-miktub lill-Parti l-oħra.
Tali notifika bil-miktub ma għandhiex issir qabel ma l-Partijiet ikunu daħlu f’konsultazzjonijiet għal perjodu raġonevoli mingħajr ma jilħqu riżoluzzjoni. Is-sospensjoni għandha tidħol fis-seħħ 20 jum mid-data tal-wasla ta’ tali notifika. Tali sospensjoni tista’ titneħħa mill-Parti li tkun għamlet is-sospensjoni permezz ta’ notifika bil-miktub lill-Parti l-oħra. Is-sospensjoni għandha titneħħa immedjatament malli tasal tali notifika.
4.Minkejja kwalunkwe sospensjoni skont il-paragrafi 2 u 3, l-informazzjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim u li tkun ġiet ittrasferita qabel is-sospensjoni tiegħu għandha tkompli tiġi pproċessata b’konformità ma’ dan il-Ftehim.
Artikolu 33
Terminazzjoni
1.Kull Parti tista’ tinnotifika lill-Parti l-oħra bil-miktub li hi jkun biħsiebha ttemm dan il-Ftehim. It-terminazzjoni għandha tidħol fis-seħħ tliet xhur wara d-data minn meta tasal in-notifika.
2.L-informazzjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim ittrasferita qabel it-terminazzjoni tagħha għandha tkompli tiġi pproċessata skont dan il-Ftehim, kif ikun fis-seħħ fid-data tat-terminazzjoni.
3.F’każ ta’ terminazzjoni, il-Partijiet għandhom jaqblu dwar it-tkomplija tal-użu u l-ħażna tal-informazzjoni li tkun diġà ġiet ikkomunikata bejniethom. Jekk ma jintlaħaq l-ebda ftehim, kwalunkwe Parti hija intitolata li titlob li l-informazzjoni li tkun ikkomunikat tinqered jew tintbagħat lura lilha.
Artikolu 34
Notifiki
1.In-notifiki skont l-Artikolu 29(2) għandhom jintbagħtu:
(a)għal-Libanu, lill-Ministeru tal-Ġustizzja tal-Libanu;
(b)għall-Unjoni, lis-Segretarju-Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Kwalunkwe notifika oħra li ssir skont dan il-Ftehim għandhoa tintbagħat:
(a)għal-Libanu, lill-Ministeru tal-Ġustizzja tal-Libanu;
(b)għall-Unjoni, lill-Kummissjoni Ewropea;
2.L-informazzjoni dwar id-destinatarju tan-notifiki msemmija fil-paragrafu 1 tista’ tiġi aġġornata permezz ta’ mezzi diplomatiċi.
Artikolu 35
Testi awtentiċi
Dan il-Ftehim għandu jitfassal f’żewġ kopji bil-Bulgaru, biċ-Ċek, bil-Kroat, bid-Daniż, bin-Netherlandiż, bl-Ingliż, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ungeriż, bl-Irlandiż, bit-Taljan, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bl-Ispanjol, bl-Iżvediż u bl-Għarbi, bit-testi kollha jkunu ugwalment awtentiċi. Fil-każ ta’ diverġenza, għandu jipprevali t-test bl-Ingliż.
B’XHIEDA TA’ DAN, il-Plenipotenzjarji ffirmati hawn taħt, debitament awtorizzati għal dan il-għan, iffirmaw dan il-Ftehim.
Għar-Repubblika tal-Libanu
ANNESS I
Forom ta’ kriminalità serja (l-Artikolu 3, il-punt (5))
–terroriżmu,
–kriminalità organizzata,
–traffikar ta’ droga,
–attivitajiet ta’ ħasil tal-flus,
–reati konnessi ma’ sustanzi nukleari u radjuattivi,
–faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ persuni,
–traffikar tal-bnedmin,
–reati konnessi ma’ vetturi bil-mutur,
–qtil u offiżi gravi fuq il-persuna,
–kummerċ illeċitu ta’ organi u tessuti tal-bniedem,
–ħtif, żamma illegali u teħid ta’ ostaġġi,
–razziżmu u ksenofobija,
–serq u serq aggravat,
–traffikar illeċitu ta’ beni kulturali, inklużi oġġetti antiki u opri tal-arti,
–ingann u frodi,
–kriminalità kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni,
–abbuż minn informazzjoni pprivileġġjata u manipulazzjoni tas-suq finanzjarju,
–rikattar organizzat u estorsjoni,
–falsifikazzjoni u piraterija tal-prodotti,
–falsifikazzjoni ta’ dokumenti amministrattivi u traffikar tagħhom,
–falsifikazzjoni ta’ flus u mezzi ta’ ħlas,
–kriminalità permezz tal-kompjuter,
–korruzzjoni,
–traffikar illeċitu fl-armi, munizzjon u splussivi,
–traffikar illeċitu fi speċijiet ta’ annimali fil-periklu,
–traffikar illeċitu fi speċijiet u varjetajiet ta’ pjanti fil-periklu,
–reati ambjentali, inkluż it-tniġġis mill-bastimenti,
–traffikar illegali ta’ sustanzi ormonali u ta’ promoturi oħrajn ta’ tkabbir,
–abbuż sesswali u sfruttament sesswali, inkluż materjal marbut mal-abbuż tat-tfal u s-solleċitazzjoni tat-tfal għal skopijiet sesswali,
–ġenoċidji, delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra.
Il-forom ta’ kriminalità msemmija f’dan l-Anness għandhom jiġu vvalutati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Libanu f’konformità mal-liġi tal-Libanu.
ANNESS II
L-awtoritajiet kompetenti tal-Libanu u l-kompetenzi tagħhom
(Artikolu 3, il-punt (3))
L-awtoritajiet kompetenti tal-Libanu li l-Eurojust tista’ tittrasferilhom d-data huma kif ġej:
|
Awtorità
|
Deskrizzjoni tal-kompetenzi
|
|
Il-Ministeru tal-Ġustizzja
|
Il-Ministeru tal-Ġustizzja huwa l-awtorità ċentrali li tirċievi t-talbiet għal MLA mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u tittrasferihom lill-Prosekutur Ġenerali tal-Qorti tal-Kassazzjoni.
|
|
Il-Prosekutur Ġenerali tal-Qorti tal-Kassazzjoni
|
Il-Prosekutur Ġenerali tal-Qorti tal-Kassazzjoni huwa l-president Ġerarkiku tal-Imħallfin kollha tas-Servizz tal-Prosekuzzjoni, u din hija r-raġuni l-għaliex għandu jirċievi t-Talbiet Internazzjonali kollha ta’ kooperazzjoni għal kawżi relatati mas-Servizz tal-Prosekuzzjoni.
|
|
Il-qrati Kriminali u l-Imħallfin
|
Il-qrati Kriminali huma l-Qorti Kriminali tal-Kassazzjoni, il-Qrati ta’ Reati Gravissimi, l-Awli tal-Akkużi, u l-Qrati tal-Appell għal Kontravenzjonijiet f’kull Dipartiment tat-Territorju Libaniż.
L-Imħallfin Kriminali huma l-Imħallfin Investigattivi f’kull Dipartiment tat-Territorju Libaniż, u l-uniċi Mħallfin Kriminali Kompetenti għall-Kawżi dwar Kontravenzjonijiet f’kull Distrett.
|
ANNESS III
Lista ta’ korpi tal-Unjoni
(l-Artikolu 3, il-punt (4))
Korpi tal-Unjoni li magħhom il-Eurojust tista’ tikkondividi data personali:
–Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)
–L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF)
–L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex)
–L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)
–Missjonijiet jew operazzjonijiet stabbiliti skont il-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni, limitati għall-infurzar tal-liġi u l-attivitajiet ġudizzjarji
–L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol)
–L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE)