Brussell, 27.5.2024

COM(2024) 215 final

2024/0118(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/133 li taħtar il-membri tal-bord tal-għażla previst fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) ġie adottat fit-12 ta’ Ottubru 2017 u daħal fis-seħħ fl-20 ta’ Novembru 2017 1 . L-UPPE assuma l-kompiti ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni mogħtija lilu b’dan ir-Regolament fl-1 ta’ Ġunju 2021. L-UPPE huwa responsabbli għall-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u t-tressiq għall-ġustizzja tal-awturi u l-kompliċi ta’ reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni li huma previsti fid-Direttiva (UE) 2017/1371 2 , kif implimentati fil-liġi nazzjonali u ddeterminati bir-Regolament (UE) 2017/1939.

F’konformità mal-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2017/1939, l-UPPE huwa organizzat f’livell ċentrali u deċentralizzat. Il-Kap Prosekutur Ewropew u l-Prosekuturi Ewropej — wieħed għal kull Stat Membru li jipparteċipa fil-kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-UPPE — huma parti mil-livell ċentrali tal-UPPE u jifformaw il-Kulleġġ tal-UPPE. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ħatru bi qbil komuni l-ewwel Kap Prosekutur Ewropew f’Ottubru 2019 3 . Il-Kunsill ħatar l-ewwel 22 Prosekuturi Ewropej tal-UPPE f’Lulju 2020.

Il-mandat tal-Kap Prosekutur Ewropew huwa ta’ 7 snin u ma jiġġeddidx (l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) 2017/1939). Il-mandat tal-Prosekuturi Ewropej huwa ta’ 6 snin u l-Kunsill jista’ jiddeċiedi li jestendih għal massimu ta’ 3 snin (l-Artikolu 16(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939). L-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) 2017/1939 jipprevedi li kull 3 snin jenħtieġ li jkun hemm sostituzzjoni parzjali ta’ terz mill-Prosekuturi Ewropej u jirrikjedi li l-Kunsill jadotta regoli tranżizzjonali għall-ħatra tal-Prosekuturi Ewropej għall-ewwel perjodu tal-mandat u matulu. Abbażi ta’ dan, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/598 tad-9 ta’ April 2019, li tipprevedi li l-mandat tal-Prosekuturi Ewropej minn tmien Stati Membri, iddeterminat bix-xorti, jenħtieġ li jkun ta’ 3 snin u jenħtieġ li ma jiġġeddidx. Il-mandat ta’ dawn il-Prosekuturi Ewropej għalhekk skada f’Lulju 2023.

L-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939 jipprevedi li għażla tal-Kap Prosekutur Ewropew jenħtieġ li tkun imsejsa fuq sejħa miftuħa għal kandidati, li għandha tiġi ppubblikata fi Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li minnha bord tal-għażla jenħtieġ li jħejji lista ristretta ta’ kandidati kwalifikati li għandha tiġi ppreżentata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. L-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) 2017/1939 jipprevedi li jenħtieġ li l-Kunsill jagħżel u jaħtar wieħed mill-kandidati nnominati mill-Istati Membri għall-kariga ta’ Prosekuturi Ewropej wara li jkun irċieva l-opinjoni motivata tal-bord tal-għażla msemmi fl-Artikolu 14(3) tal-istess Regolament.

F’konformità mad-dispożizzjoni tal-aħħar, il-bord tal-għażla jenħtieġ li jkun magħmul minn 12-il persuna, li għandhom jinħatru mill-Kunsill fuq proposta tal-Kummissjoni, magħżula minn fost eks membri tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Awdituri, eks membri nazzjonali tal-Eurojust, membri tal-qrati supremi nazzjonali, prosekuturi ta’ livell għoli u avukati ta’ kompetenza rikonoxxuta. Waħda mill-persuni magħżula jenħtieġ li tiġi proposta mill-Parlament Ewropew.

It-12-il membru tal-ewwel bord tal-għażla nħatru mill-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, f’Ottubru 2018 4 , filwaqt li t-12-il membru tal-bord tal-għażla attwali nħatru f’Jannar 2023 għal perjodu ta’ 4 snin mill-20 ta’ Jannar 2023 5 . Is-Sur Marin Mrčela, imħallef tal-Qorti Suprema tar-Repubblika tal-Kroazja, kien wieħed mill-membri tal-bord tal-għażla maħtur f’Jannar 2023. Fit-8 ta’ April 2024, is-Sur Mrčela informa lill-Kummissjoni Ewropea li ma setax jibqa’ jservi bħala membru tal-bord tal-għażla u għalhekk iddeċieda li jirriżenja. Il-Kunsill ġie informat dwar dan.

Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-bord tal-għażla, jenħtieġ li s-Sur Mrčela jiġi sostitwit. F’konformità mar-regoli ta’ ħidma tal-bord tal-għażla 6 , jenħtieġ li s-sostitut tiegħu jinħatar għall-bqija tal-mandat tas-Sur Mrčela (jiġifieri, sal-20 ta’ Jannar 2027). B’din il-proposta, il-Kummissjoni għalhekk tipproponi lill-Kunsill biex jaħtar lis-Sur Dražen Jelenić, Viċi Avukat Ġenerali tal-Istat tar-Repubblika tal-Kroazja, bħala membru tal-bord tal-għażla li jissostitwixxi lis-Sur Mrčela. Is-Sur Dražen Jelenić jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939. Meta pproponiet il-ħatra tiegħu, il-Kummissjoni qieset il-ħtieġa li jiġi żgurat bilanċ f’termini ta’ distribuzzjoni ġeografika, ġeneru u għarfien tas-sistemi legali tal-Istati Membri li jipparteċipaw fl-UPPE.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

L-UPPE ġie stabbilit permezz tar-Regolament (UE) 2017/1939, li ġie adottat abbażi tal-Artikolu 86 TFUE. L-UPPE ilu jeżerċita l-funzjonijiet mogħtija lilu mir-Regolament (UE) 2017/1939 mill-1 ta’ Ġunju 2021. Billi tippreżenta din il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar is-sostituzzjoni ta’ wieħed mill-membri attwali tal-bord tal-għażla, il-Kummissjoni qed tikkonforma mal-obbligu tagħha skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939. Din il-proposta tippermetti s-sostituzzjoni ta’ membru tal-bord tal-għażla attwali, li l-mandat tiegħu għandu jiskadi fl-20 ta’ Jannar 2027. Il-funzjonament sħiħ tal-bord tal-għażla huwa importanti biex tkun tista’ ssir l-finalizzazzjoni ordnata tal-proċeduri biex jintgħażel u jinħatar il-Prosekutur Ewropew mill-Polonja 7 kif ukoll il-Prosekuturi Ewropej li se jkollhom jiġu sostitwiti fl-2026 u l-Kap Prosekutur Ewropew il-ġdid, li se jkollu jinħatar ukoll fl-2026.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Din il-proposta hija konsistenti ma’ politiki oħra tal-Unjoni li għandhom l-għan li jsaħħu l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi legali

Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-ħatra ta’ membri tal-bord tal-għażla prevista fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939 tista’ tiġi deċiża biss mill-Kunsill, abbażi ta’ proposta tal-Kummissjoni, u għalhekk hija kompetenza esklużiva min-natura tagħha, li mhijiex soġġetta għall-prinċipju tas-sussidjarjetà.

Proporzjonalità

Din il-proposta hija limitata għal dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu l-objettivi proposti u hija għalhekk konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità. Din il-proposta hija essenzjali biex jiġi żgurat li l-Kap Prosekutur Ewropew u l-Prosekuturi Ewropej ikunu jistgħu jiġu sostitwiti fi tmiem il-mandat tagħhom, u li jinħatru l-Prosekuturi Ewropej mill-Istati Membri li ssieħbu reċentement jew li dalwaqt se jissieħbu fil-kooperazzjoni msaħħa dwar l-UPPE, u b’hekk jiġu żgurati l-iskjerament sħiħ u l-kontinwità tal-attivitajiet operazzjonali tal-UPPE.

Għażla tal-istrument

L-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939 jipprevedi li l-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni li taħtar il-membri tal-bord tal-għażla fuq proposta tal-Kummissjoni. Ir-Regola II tar-regoli ta’ ħidma tal-bord tal-għażla tipprevedi wkoll li persuna li għandha tissostitwixxi membru tal-bord tal-għażla jenħtieġ li tinħatar għall-bqija tal-mandat tal-predeċessur skont l-istess proċedura. L-għażla tal-istrument propost hija għalhekk meħtieġa mil-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-kwistjoni.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Minħabba n-natura teknika ta’ din il-proposta u n-nuqqas ta’ diskrezzjoni fuq il-Kummissjoni, li qed tikkonforma mal-obbligu stabbilit fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939, ma twettqux evalwazzjonijiet ex post, konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati u valutazzjonijiet tal-impatt.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Din il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni baġitarja.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Minħabba n-natura ta’ din il-miżura, ma hemm l-ebda ħtieġa għal pjanijiet ta’ implimentazzjoni u lanqas għal arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar.

Spjegazzjoni ddettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

L-Artikolu 1 jipprevedi li s-Sur Dražen Jelenićjissostitwixxi lis-Sur Marin MRČELA bħala membru tal-bord tal-għażla previst fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939.

L-Artikolu 2 jipprevedi d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni.

2024/0118 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/133 li taħtar il-membri tal-bord tal-għażla previst fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) 8 , u b’mod partikolari l-Artikolu 14(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Kap Prosekutur Ewropew jinħatar bi qbil komuni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill minn fost lista ristretta ta’ kandidati kwalifikati mħejjija mill-bord tal-għażla previst fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939. Il-Prosekuturi Ewropej jinħatru mill-Kunsill minn fost tliet kandidati kwalifikati nnominati minn kull Stat Membru wara li jkunu rċevew opinjoni motivata minn dak il-bord tal-għażla.

(2)Il-membri attwali tal-bord tal-għażla nħatru għal perjodu ta’ 4 snin mill-20 ta’ Jannar 2023, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/133 9 .

(3)Is-Sur Marin MRČELA bħalissa huwa membru tal-bord tal-għażla. Fit-8 ta’ April 2024, is-Sur Mrčela informa lill-Kummissjoni li ma setax jibqa’ jservi bħala membru tal-bord tal-għażla u għalhekk iddeċieda li jirriżenja. Il-Kunsill ġie informat dwar dan.

(4)Jenħtieġ li jinħatar membru ġdid tal-bord tal-għażla mill-aktar fis biex jissostitwixxi lis-Sur MRČELA, sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-attivitajiet tal-bord tal-għażla. Is-Sur Dražen Jelenić, Viċi Avukat Ġenerali tal-Istat tar-Repubblika tal-Kroazja, għalhekk jenħtieġ li jinħatar bħala membru ġdid tal-bord tal-għażla. Meta pproponiet lil din il-persuna, il-Kummissjoni qieset il-ħtieġa għal bilanċ ġeografiku, bilanċ bejn il-ġeneri u rappreżentanza xierqa tas-sistemi legali tal-Istati Membri li jipparteċipaw f’kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-UPPE.

(5)F’konformità mar-Regola II tar-regoli ta’ ħidma tal-bord tal-għażla stabbiliti fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1696 10 , jenħtieġ li s-Sur Jelenić jinħatar għall-bqija tal-mandat tal-predeċessur tiegħu.

(6)Għaldaqstant jenħtieġ, li d-Deċiżjoni (UE) 2023/133 tiġi emendata skont dan.

(7)Sabiex jiġi żgurat li s-Sur Jelenić ikun jista’ jassumi l-funzjonijiet tiegħu u jipparteċipa fl-attivitajiet kontinwi tal-bord tal-għażla b’mod immedjat, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni (UE) 2023/133, l-isem “is-Sur Marin MRČELA” huwa sostitwit bl-isem “is-Sur Dražen Jelenić”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1–71.
(2)    Id-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali, ĠU L 198, 28.7.2017, p. 29–41.
(3)    Id-Deċiżjoni (UE) 2019/1798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 li taħtar il-Kap Prosekutur Ewropew tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, ĠU L 274, 28.10.2019, p. 1–2.
(4)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1275 tat-18 ta’ Settembru 2018 li taħtar il-membri tal-bord tal-għażla previsti fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939, ĠU L 238, 21.9.2018, p. 92–93.
(5)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/133 tas-17 ta’ Jannar 2023 li taħtar il-membri tal-bord tal-għażla previst fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939, ĠU L 17, 19.1.2023, p. 90–91.
(6)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1696 tat-13 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli ta’ ħidma tal-bord tal-għażla previsti fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”), ĠU L 282, 12.11.2018, p. 8–12.
(7)    Il-Polonja ssieħbet fil-kooperazzjoni msaħħa għat-twaqqif tal-UPPE fi Frar 2024 (id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/807 tad-29 ta’ Frar 2024 li tikkonferma l-parteċipazzjoni tal-Polonja fil-kooperazzjoni msaħħa għat-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, ĠU L 2024/807, 29.2.2024). Għalhekk jenħtieġ li l-Prosekutur Ewropew mill-Polonja jinħatar. Barra minn hekk, l-Iżvezja x’aktarx li tinnotifika lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħha li tissieħeb dalwaqt fil-kooperazzjoni msaħħa.
(8)    ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/1939/oj.
(9)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/133 tas-17 ta’ Jannar 2023 li taħtar il-membri tal-bord tal-għażla previst fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939 (ĠU L 17, 19.1.2023, p. 90, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/133/oj).
(10)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1696 tat-13 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli ta’ ħidma tal-bord tal-għażla previsti fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 282, 12.11.2018, p. 8, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2018/1696/oj).