IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 23.5.2024
COM(2024) 211 final
2024/0116(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt UE-ICAO, rigward id-Deċiżjoni dwar l-adozzjoni ta’ “Anness IV dwar il-Bini tal-Kapaċitajiet, l-Assistenza Teknika, u l-Appoġġ għall-Implimentazzjoni” tal-Memorandum ta’ Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali li jipprovdi qafas għal kooperazzjoni msaħħa
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Din il-proposta tikkonċerna l-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt UE-ICAO, rigward id-Deċiżjoni dwar l-adozzjoni ta’ “Anness IV dwar il-Bini tal-Kapaċitajiet, l-Assistenza Teknika, u l-Appoġġ għall-Implimentazzjoni” tal-Memorandum ta’ Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali li jipprovdi qafas għal kooperazzjoni msaħħa.
2.Kuntest tal-Proposta
2.1.Il-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali
Il-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (“il-Konvenzjoni ta’ Chicago”) għandha l-għan li tirregola t-trasport internazzjonali bl-ajru. Il-Konvenzjoni ta’ Chicago daħlet fis-seħħ fl-4 ta’ April 1947 u stabbiliet l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali.
L-Istati Membri kollha tal-UE huma Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Chicago.
2.2.Il-Memorandum ta’ Kooperazzjoni bejn l-UE u l-ICAO
L-ICAO hija aġenzija speċjalizzata tan-Nazzjonijiet Uniti li tfassal standards, prattiki u politiki globali għat-trasport internazzjonali ċivili bl-ajru.
Fil-biċċa l-kbira, l-avjazzjoni ċivili huwa qasam kopert mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, u fil-biċċa l-kbira, l-istandards u r-rekwiżiti internazzjonali f’dan il-qasam jiġu trasposti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Għalhekk, il-parteċipazzjoni attiva fit-tfassil tal-politiki tal-ICAO għandha importanza rilevanti għall-UE, peress li tikkontribwixxi għall-formulazzjoni ta’ politiki globali u robusti tal-avjazzjoni.
L-UE u l-ICAO jgawdu minn relazzjoni twila u mill-qrib, ifformalizzata wkoll bl-adozzjoni ta’ Memorandum ta’ Kooperazzjoni (MtK) fl-2011, li daħal fis-seħħ fid-29 ta’ Marzu 2012 (wara l-iffirmar u l-konklużjoni tiegħu fil-livell tal-UE). Attwalment, il-MtK huwa kkomplementat minn tliet annessi, dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru, is-Sikurezza tal-Ajru u s-Sigurtà tal-Ajru.
Il-korp responsabbli għall-funzjonament effettiv tal-MtK u għall-implimentazzjoni tiegħu huwa l-Kumitat Konġunt UE-ICAO, stabbilit bl-Artikolu 7.1 tal-MtK. Huwa l-korp responsabbli għall-adozzjoni ta’ Annessi ġodda tal-MtK u l-emendi tiegħu, kif imsemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 7.3 tal-MtK. Normalment ikun kopresedut mis-Segretarju Ġenerali tal-ICAO u mid-Direttur Ġenerali għall-Mobilità u t-Trasport tal-Kummissjoni Ewropea.
L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/243/UE dwar il-konklużjoni tal-MtK jipprevedi li huwa l-Kunsill li jiddetermina l-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni fil-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 7.1 tal-MtK.
2.3.L-Anness IV dwar il-Bini tal-Kapaċitajiet, l-Assistenza Teknika u l-Appoġġ għall-Implimentazzjoni (“l-att previst”)
Fil-laqgħa li jmiss tiegħu, li huwa mistenni li se ssir fis-26 ta’ Ġunju 2024, il-Kumitat Konġunt UE-ICAO huwa mistenni jadotta deċiżjoni rigward l-adozzjoni tal-Anness IV tal-MtK, dwar il-Bini tal-Kapaċitajiet, l-Assistenza Teknika, u l-Appoġġ għall-Implimentazzjoni (“l-att previst”).
L-iskop tal-att previst huwa li jsaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-Partijiet rigward il-bini tal-kapaċitajiet, l-assistenza teknika u l-appoġġ għall-implimentazzjoni fl-oqsma koperti mill-Mtk UE-ICAO, b’mod partikolari permezz ta’ żieda fil-kondiviżjoni tal-informazzjoni, billi tinfetaħ il-possibbiltà ta’ attivitajiet konġunti, u billi tiżdied il-viżibbiltà tal-attivitajiet iffinanzjati mill-UE.
3.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni
L-Unjoni Ewropea tipprovdi appoġġ tekniku, bini tal-kapaċitajiet, u appoġġ għall-implimentazzjoni lil pajjiżi terzi f’diversi oqsma tal-avjazzjoni bħas-sikurezza, is-sigurtà, il-faċilitazzjoni, u s-sostenibbiltà ambjentali, u b’hekk tikkontribwixxi għall-iżvilupp sod tat-trasport bl-ajru globalment.
L-appoġġ tekniku u l-bini tal-kapaċitajiet jaqdu rwoli kruċjali biex jintlaħaq konsensus globali għat-tranżizzjoni lejn prattiki sostenibbli tal-avjazzjoni u biex jiġu żgurati s-sikurezza u s-sigurtà tal-avjazzjoni fid-dinja kollha.
L-att previst jipprevedi l-istabbiliment ta’ djalogu regolari dwar il-bini tal-kapaċitajiet, l-assistenza teknika u l-attivitajiet ta’ appoġġ għall-implimentazzjoni, inkluż attivitajiet ta’ taħriġ, fl-oqsma koperti mill-MtK UE-ICAO, jiġifieri dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni, is-sigurtà tal-avjazzjoni, il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u l-protezzjoni ambjentali, bil-ħsieb li jinkisbu sinerġiji u, meta jkun xieraq, bil-ħsieb li jiġu kkoordinati dawk l-attivitajiet.
L-att previst huwa rilevanti għall-oqsma kollha ta’ kooperazzjoni skont l-MtK, u għandu valur partikolari fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent. Bl-adozzjoni tar-Riżoluzzjoni A41-21 tal-Assemblea tal-ICAO, li tistabbilixxi għan ta’ aspirazzjoni fit-tul biex jinkisbu emissjonijiet żero netti tas-CO2 mill-avjazzjoni internazzjonali sal-2050, is-settur tal-avjazzjoni jeħtieġ li jgħaddi minn tranżizzjoni globali tal-enerġija. Sabiex jinkiseb dan l-objettiv huma meħtieġa investimenti fir-reġjuni kollha tad-dinja u approċċ globali kkoordinat biex jiġi żgurat progress ekwu. L-ICAO żviluppat l-inizjattiva tal-ICAO dwar l-Assistenza, il-Bini tal-Kapaċitajiet u t-Taħriġ għal Fjuwil tal-Avjazzjoni Sostenibbli (ACT-SAF), u permezz tagħha l-UE nediet proġett ġdid biex tappoġġa studji ta’ fattibbiltà u inizjattivi ta’ bini tal-kapaċitajiet, parzjalment implimentati mill-ICAO.
Għalhekk, il-pożizzjoni proposta għall-Kumitat Konġunt UE/ICAO hija li japprova l-Anness IV il-ġdid dwar l-Appoġġ Tekniku, il-Bini tal-Kapaċitajiet u l-Appoġġ għall-Implimentazzjoni, li jipprovdi qafas legali robust għal dawn l-attivitajiet essenzjali.
4.Bażi legali
4.1.Bażi legali proċedurali
4.1.1.Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”
Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li għandhom effetti legali skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp inkwistjoni. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatura tal-UE”.
4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
Il-Kumitat Konġunt UE-ICAO huwa korp stabbilit permezz ta’ ftehim, jiġifieri l-MtK bejn l-UE u l-ICAO.
L-att li l-Kumitat Konġunt UE-ICAO huwa mitlub jadotta jikkostitwixxi att b’effetti legali. L-att previst se jkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 3.4 tal-MtK li jipprevedi li l-Annessi adottati skont il-MtK għandhom jiffurmaw parti integrali minnu. L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.
Għalhekk, il-bażi legali proċedurali tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
4.2.Bażi legali sostantiva
4.2.1.Prinċipji
Il-bażi legali sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament fuq l-objettiv u l-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi legali sostantiva unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.
L-objettiv u l-kontenut ewlenin tal-att previst jirrigwardaw it-trasport. Għalhekk, il-bażi legali sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 100(2) tat-TFUE.
4.3.Konklużjoni
Il-bażi legali tad-deċiżjoni proposta jenħtieġ li tkun l-Artikolu 100(2) tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
5.Pubblikazzjoni tal-att previst
Peress li l-att previst tal-Kumitat Konġunt UE-ICAO se jirriżulta fl-adozzjoni ta’ Anness ġdid tal-Memorandum ta’ Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, jixraq li dan jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni tiegħu.
2024/0116 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt UE-ICAO, rigward id-Deċiżjoni dwar l-adozzjoni ta’ “Anness IV dwar il-Bini tal-Kapaċitajiet, l-Assistenza Teknika, u l-Appoġġ għall-Implimentazzjoni” tal-Memorandum ta’ Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali li jipprovdi qafas għal kooperazzjoni msaħħa
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (“il-Konvenzjoni ta’ Chicago”) li tirregola t-trasport internazzjonali bl-ajru, daħlet fis-seħħ fl-4 ta’ April 1947. Din stabbiliet l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO). L-Istati Membri huma Stati Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Chicago u membri tal-ICAO.
(2)Il-Memorandum ta’ Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) li jipprovdi qafas għal kooperazzjoni msaħħa (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Memorandum ta’ Kooperazzjoni”) daħal fis-seħħ fid-29 ta’ Marzu 2012.
(3)Skont l-Artikolu 7.3(c) tal-Memorandum ta’ Kooperazzjoni, il-Kumitat Konġunt stabbilit bl-Artikolu 7.1 tiegħu jista’ jadotta annessi tal-Memorandum ta’ Kooperazzjoni.
(4)Fil-laqgħa li jmiss tiegħu, il-Kumitat Konġunt UE-ICAO huwa mistenni jadotta deċiżjoni rigward l-adozzjoni tal-Anness IV tal-Memordandum ta’ Kooperazzjoni, dwar il-bini tal-kapaċitajiet, l-assistenza teknika, u l-appoġġ għall-implimentazzjoni. L-Anness jipprevedi l-istabbiliment ta’ djalogu regolari dwar il-bini tal-kapaċitajiet, l-assistenza teknika u l-attivitajiet ta’ appoġġ għall-implimentazzjoni, inkluż attivitajiet ta’ taħriġ, fl-oqsma koperti mill-Memorandum ta’ Kooperazzjoni, bil-ħsieb li jinkisbu sinerġiji u, meta jkun xieraq, bil-ħsieb li jiġu kkoordinati dawk l-attivitajiet.
(5)Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt fir-rigward tal-adozzjoni ta’ Anness IV dwar il-bini tal-kapaċitajiet, l-assistenza teknika, u l-appoġġ għall-implimentazzjoni, billi tiġi appoġġata l-adozzjoni tiegħu, peress li l-Anness il-ġdid se jkun vinkolanti għall-Unjoni.
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt UE-ICAO, fir-rigward tal-adozzjoni ta’ Anness IV dwar il-Bini tal-Kapaċitajiet, l-Assistenza Teknika, u l-Appoġġ għall-Implimentazzjoni tal-Memorandum ta’ Kooperazzjoni, skont l-Artikolu 7.3(c) tal-Memorandum ta’ Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali li jipprovdi qafas għal kooperazzjoni msaħħa (il-Memorandum ta’ Kooperazzjoni), għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt UE-ICAO, mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 23.5.2024
COM(2024) 211 final
ANNESS
tal-
Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt UE-ICAO, rigward id-Deċiżjoni dwar l-adozzjoni ta’ "Anness IV dwar il-Bini tal-Kapaċitajiet, l-Assistenza Teknika, u l-Appoġġ għall-Implimentazzjoni" tal-Memorandum ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali li jipprovdi qafas għal kooperazzjoni msaħħa
ANNESS
Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt UE-ICAO
ta’ ………
rigward l-adozzjoni ta’ Anness IV dwar il-bini tal-kapaċitajiet, l-assistenza teknika u l-appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Memorandum ta’ Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali li jipprovdi qafas għal kooperazzjoni msaħħa
IL-KUMITAT KONĠUNT UE-ICAO,
Wara li kkunsidra l-Memorandum ta’ Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali li jipprovdi qafas għal kooperazzjoni msaħħa (il-Memorandum ta’ Kooperazzjoni), li daħal fis-seħħ fid-29 ta’ Marzu 2012, u b’mod partikolari l-Artikolu 7.3(c) tiegħu,
Billi jixraq li jiġi inkluż Anness dwar il-bini tal-kapaċitajiet, l-assistenza teknika u l-appoġġ għall-implimentazzjoni fil-Memorandum ta’ Kooperazzjoni, fl-oqsma koperti minn dan il-Memorandum ta’ Kooperazzjoni,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
B’dan, l-Anness ta’ din id-Deċiżjoni huwa adottat u għandu jifforma parti integrali mill-Memorandum ta’ Kooperazzjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Għall-Kumitat Konġunt UE-ICAO Il-Presidenti
Għall-Unjoni Ewropea Għall-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 23.5.2024
COM(2024) 211 final
ANNESS
tal-
Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt UE-ICAO, rigward id-Deċiżjoni dwar l-adozzjoni ta’ “Anness IV dwar il-Bini tal-Kapaċitajiet, l-Assistenza Teknika, u l-Appoġġ għall-Implimentazzjoni” tal-Memorandum ta’ Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali li jipprovdi qafas għal kooperazzjoni msaħħa
ANNESS IV tal-MtK BINI TAL-KAPAĊITAJIET, ASSISTENZA TEKNIKA U APPOĠĠ GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI
1.Objettivi
1.1 Il-partijiet jaqblu li jikkooperaw fil-forniment tal-bini tal-kapaċitajiet tal-avjazzjoni, tal-assistenza teknika u tal-appoġġ għall-implimentazzjoni, soġġett għall-politiki u għad-deċiżjonijiet rilevanti tal-Partijiet, bil-ħsieb li jappoġġaw il-ksib tal-Objettivi Strateġiċi tal-ICAO globalment fl-oqsma li jaqgħu taħt il-qafas tal-Memorandum ta’ Kooperazzjoni (MtK) bejn l-Unjoni Ewropea (UE) u l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) li jipprovdi qafas għal kooperazzjoni msaħħa, li daħal fis-seħħ fid-29 ta’ Marzu 2012, u b’mod partikolari l-Artikoli 5 u 7.3(c) tiegħu.
1.2 Filwaqt li jirrikonoxxu r-rwol tal-bini tal-kapaċitajiet, l-assistenza teknika u l-appoġġ għall-implimentazzjoni fil-ksib tal-Objettivi Strateġiċi tal-ICAO globalment u fl-iżgurar tal-konformità globali mal-Istandards u mal-Prattiki Rakkomandati (SARPs) tal-ICAO, il-Partijiet jaqblu li jiskambjaw l-informazzjoni dwar l-attivitajiet rispettivi tagħhom tal-bini tal-kapaċitajiet, tal-assistenza teknika u tal-appoġġ għall-implimentazzjoni bil-ħsieb li jidentifikaw is-sinerġiji u l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni possibbli.
2.Ambitu
2.1 Sabiex jintlaħqu l-objettivi speċifikati fil-paragrafi 1.1 u 1.2, u b’mod komplementari għall-kooperazzjoni stabbilita skont l-Annessi I, II u III tal-MtK, il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw fl-oqsma li ġejjin:
·L-istabbiliment ta’ djalogu regolari dwar l-attivitajiet dwar il-bini tal-kapaċitajiet, l-assistenza teknika u l-appoġġ għall-implimentazzjoni, inkluż attivitajiet ta’ taħriġ, fl-oqsma koperti mill-MtK UE-ICAO, bil-ħsieb li jinkisbu sinerġiji u, meta jkun xieraq, bil-ħsieb li jiġu kkoordinati dawk l-attivitajiet;
·L-appoġġ u l-iffaċilitar tal-forniment tal-attivitajiet tal-Partijiet dwar il-bini tal-kapaċitajiet, l-assistenza teknika u l-appoġġ għall-implimentazzjoni, inkluż:
·permezz tat-twettiq, meta jkun xieraq, ta’ attivitajiet konġunti dwar il-bini tal-kapaċitajiet, l-iżvilupp tal-assistenza teknika u l-appoġġ għall-implimentazzjoni;
·permezz tal-forniment ta’ esperti tal-qasam u kwalunkwe appoġġ ieħor in natura, kif ikun xieraq;
·permezz tal-iżvilupp u tat-twassil ta’ prodotti tal-bini tal-kapaċitajiet, tal-iżvilupp tal-assistenza teknika u tal-appoġġ għall-implimentazzjoni, u ta’ taħriġ;
·permezz tal-parteċipazzjoni fi proġetti tekniċi, meta jitqies li jkun xieraq.
·Promozzjoni tal-koperazzjoni reġjonali;
·Promozzjoni tal-attivitajiet tal-Partijiet rispettivi kif ikun xieraq, inkluż permezz tal-forniment ta’ informazzjoni lill-korpi rilevanti tal-Partijiet dwar l-attivitajiet imwettqa.
3.Implimentazzjoni
3.1 Kif previst fl-Artikoli 3.3 u 4.1(a) tal-MtK, il-Partijiet għandhom jistabbilixxu arranġamenti ta’ ħidma, kif meħtieġ, biex jimplimentaw b’mod effettiv l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni speċifikati fl-Artikoli 2.1. u 5 ta’ dan l-Anness. Dawn l-arranġamenti ta’ ħidma għandhom jiġu adottari mill-Kumitat Konġunt skont l-Artikolu 7.3(c) tal-MtK.
4.Djalogu
4.1 Il-Partijiet għandhom jiltaqgħu mill-inqas darba fis-sena, fil-livell tad-Direttur tal-ICAO tal-Uffiċċju tal-Appoġġ għall-Iżvilupp u l-Implimentazzjoni tal-Kapaċità, assistit minn Diretturi oħra tal-ICAO kif ikun xieraq, u tar-Rappreżentant tal-Unjoni Ewropea għall-ICAO, assistit mir-Rappreżentant tal-EASA u mis-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni Ewropea kif ikun xieraq, u biex jirrapportaw dwar dawk l-iskambji għal-laqgħat tal-Kumitat Konġunt UE-ICAO. Entitajiet oħra jistgħu jiġu mistiedna jattendu dan id-djalogu kif ikun xieraq.
4.2 Matul id-djalogu msemmi fil-paragrafu 4.1, il-Partijiet għandhom jiskambjaw l-informazzjoni dwar l-attivitajiet rispettivi tagħhom dwar il-bini tal-kapaċitajiet, l-assistenza teknika u l-appoġġ għall-implimentazzjoni fl-oqsma koperti mill-MtK UE-ICAO, u jidentifikaw is-sinerġiji possibbli u, meta jkun xieraq, ifittxu li jikkoordinaw l-attivitajiet rispettivi tagħhom kif spjegat fl-Artikolu 5.
4.3 Id-djalogu msemmi fil-paragrafu 4.2 għandu jkun ikkomplementat, mill-inqas darba kull tliet xhur, bi skambju fil-livell tekniku fil-livell ta’ punti ta’ kuntatt li għandhom jiġu ddeżinjati minn kull parti.
5.Appoġġ u faċilitazzjoni tal-attivitajiet
5.1 Il-Partijiet jaqblu, inkluż bħala riżultat tad-Djalogu msemmi fl-Artikolu 4, li jappoġġaw u li jiffaċilitaw il-forniment tal-attivitajiet tal-Partijiet dwar il-bini tal-kapaċitajiet, l-iżvilupp tal-assistenza teknika u l-appoġġ għall-implimentazzjoni.
5.2 Meta jkun xieraq, jistgħu jitwettqu attivitajiet konġunti dwar il-bini tal-kapaċitajiet, l-iżvilupp tal-assistenza teknika u l-appoġġ għall-implimentazzjoni.
5.3 Dan l-appoġġ jista’ jieħu l-forma ta’ forniment ta’ esperti tal-qasam b’għarfien espert tekniku ppruvat f’oqsma rilevanti.
5.4 Dan l-appoġġ jista’ jieħu wkoll il-forma tal-iżvilupp u tat-twassil tal-prodotti tal-bini tal-kapaċitajiet, tal-iżvilupp tal-assistenza teknika u tal-appoġġ għall-implimentazzjoni, tat-taħriġ, u tal-parteċipazzjoni fi proġetti tekniċi, meta jitqies li jkun xieraq.
5.5 Dan l-appoġġ għandu jinkludi, kif ikun xieraq, kooperazzjoni fuq il-post bejn l-Uffiċċji Reġjonali tal-ICAO rilevanti u t-timijiet mibgħuta bħala parti mill-attivitajiet iffinanzjati mill-UE dwar il-bini tal-kapaċitajiet, l-iżvilupp tal-assistenza teknika jew tal-appoġġ għall-implimentazzjoni.
5.6 L-użu tal-logos rispettivi għandu jitqies meta jkun pertinenti għall-attività, soġġett għar-regoli u għall-proċeduri ta’ kull parti.
6.Kooperazzjoni reġjonali
6.1 Fl-attivitajiet tagħhom li għandhom l-għan li jaċċelleraw l-implimentazzjoni tal-SARPs tal-ICAO, il-Partijiet għandhom jagħtu prijorità lill-approċċi reġjonali li joffru opportunitajiet għal titjib fil-proċessi tal-kosteffiċjenza, tas-sorveljanza u/jew tal-istandardizzazzjoni.
7.Promozzjoni tal-attivitajiet
7.1 Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-attivitajiet rispettivi tagħhom kif ikun xieraq. Dan jista’ jinkludi b’mod partikolari l-forniment ta’ informazzjoni dwar l-attivitajiet imwettqa fl-applikazzjoni ta’ dan l-Anness lill-korpi rilevanti tagħhom bħall-Kunsill tal-ICAO, il-maniġment rilevanti tal-Kummissjoni Ewropea jew il-korpi rilevanti tal-EASA.
8.Rieżami
8.1 Il-Partijiet għandhom jirrieżaminaw l-implimentazzjoni ta’ dan l-Anness fuq bażi regolari u jikkunsidraw kwalunkwe żvilupp rilevanti fil-politiki jew żvilupp regolatorju rilevanti, skont il-bżonn.
8.2 Kwalunkwe reviżjoni ta’ dan l-Anness għandha tiġi approvata mill-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 7 ta’ dan l-MtK.
9.Dħul fis-seħħ, emendi u terminazzjoni
9.1 Dan l-Anness għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni mill-Kumitat Konġunt u għandu jibqa’ fis-seħħ sa ma jiġi terminat.
9.2 L-arranġamenti ta’ ħidma miftiehma skont dan l-Anness għandhom jidħlu fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni mill-Kumitat Konġunt.
9.3 Kwalunkwe emenda jew terminazzjoni tal-arranġamenti ta’ ħidma adottati skont dan l-Anness għandhom jiġu miftiehma fi ħdan il-Kumitat Konġunt.
9.4 Kull Parti tista’ tittermina dan l-Anness fi kwalunkwe waqt. Tali terminazzjoni għandha tkun effettiva 6 xhur wara li parti taslilha notifika bil-miktub tat-terminazzjoni mingħand il-parti l-oħra, sakemm tali notifika ta’ terminazzjoni ma tkunx ġiet irtirata bil-kunsens reċiproku tal-Partijiet qabel ma jkun skada l-perjodu ta’ 6 xhur.
9.5 Minkejja kwalunkwe dispożizzjoni oħra ta’ dan l-Artikolu, jekk l-MtK jiġi terminat, dan l-Anness u kwalunkwe arranġament ta’ ħidma adottat skontu għandhom jiġu terminati fl-istess waqt.