Brussell, 15.3.2024

COM(2024) 139 final

2024/0073(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/2115 u (UE) 2021/2116 fir-rigward ta’ standards tajbin tal-kundizzjoni agrikola u ambjentali, skemi għall-klima, l-ambjent u l-benesseri tal-annimali, emendi tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK, rieżami tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK u eżenzjonijiet mill-kontrolli u mill-penali


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Permezz tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-Politika Agrikola Komuni (PAK), l-Unjoni Ewropea għandha l-għan li trawwem settur agrikolu intelliġenti, kompetittiv, reżiljenti u diversifikat li jiżgura s-sigurtà tal-ikel fit-tul. Fl-istess ħin għandha l-għan li tappoġġa u ssaħħaħ il-ħarsien tal-ambjent, inkluż il-bijodiversità, u l-azzjoni klimatika, u li tikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi ambjentali u dawk relatati mal-klima tal-Unjoni, fosthom l-impenji skont il-Ftehim ta’ Pariġi, kif ukoll li ssaħħaħ in-nisġa soċjoekonomika taż-żoni rurali.

L-Istati Membri żviluppaw 28 Pjan Strateġiku tal-PAK (CSP, CAP Strategic Plans) li ġew approvati mill-Kummissjoni u applikati għall-ewwel darba fl-2023, u appoġġaw direttament l-introjtu tal-bdiewa, appoġġ għal skemi ambjentali, kif ukoll appoġġ għal, pereżempju, l-investimenti, ċerti setturi agrikoli, l-iżvilupp rurali, u l-għarfien u l-innovazzjoni. Il-pjanijiet Strateġiċi jipprovdu kemm żieda konsiderevoli fis-sussidjarjetà fil-ġestjoni tal-PAK kif ukoll orjentazzjoni lejn il-prestazzjoni. In-nefqa trid tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ 10 objettivi ekonomiċi, ambjentali u soċjali speċifiċi tal-PAK li jitkejlu permezz ta’ sensiela ta’ indikaturi komuni.

Dawn il-Pjanijiet Strateġiċi jikkontribwixxu għall-aġenda ambizzjuża tal-Patt Ekoloġiku tal-Kummissjoni, flimkien ma’ inizjattivi regolatorji, investimenti fir-riċerka u azzjonijiet oħra biex jintlaħqu l-objettivi ambjentali u klimatiċi tal-Unjoni għall-2050. Fid-dawl ta’ dan, ir-Regolament dwar il-Pjan Strateġiku tal-PAK (ir-Regolament (UE) 2021/2115) introduċa kundizzjonijiet bażi ogħla għall-appoġġ tal-azjendi agrikoli, u flimkien, it-28 Pjan Strateġiku jallokaw ammonti ta’ appoġġ sostanzjalment ogħla lill-bdiewa għall-objettivi ambjentali u klimatiċi meta jitqabblu mal-PAK preċedenti.

B’mod ġenerali, l-approċċ il-ġdid jaħdem tajjeb. Madankollu, l-ewwel sena ta’ implimentazzjoni tal-Pjan Strateġiku tal-PAK għamlitha ċara li hemm il-bżonn li jsiru aġġustamenti biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-pjanijiet u biex titnaqqas il-burokrazija. Barra minn hekk, jenħtieġ li d-diskussjonijiet dwar proposti leġiżlattivi oħra tal-Patt Ekoloġiku, li se jaffettwaw jew jistgħu jaffettwaw kemm lill-bdiewa direttament kif ukoll lir-rekwiżiti fil-Pjanijiet Strateġiċi, ma jikkunsidrawx l-implimentazzjoni tal-pjani b’mod iżolat. Mhux hekk biss, ir-Regolament dwar il-Pjan Strateġiku tal-PAK ġie maqbul qabel ma bdiet il-gwerra ta’ aggressjoni fuq skala kbira Russa fl-Ukrajna, li tkompli tinfluwenza s-swieq (u l-marġnijiet tal-bdiewa), kif ukoll il-kuntest tal-politika agrikola tal-Ewropa b’mod qawwi.

Filwaqt li r-raġunijiet għaliex il-bdiewa madwar l-Istati Membri tal-Unjoni qed jipprotestaw huma kumplessi u diversi, ir-raġunijiet imsemmija hawn fuq huma parti importanti mill-kuntest.

Il-Kunsill Ewropew tal-1 ta’ Frar 2024 iddiskuta l-isfidi fis-settur agrikolu inkluż it-tħassib li tqajjem mill-bdiewa matul il-protesti. Filwaqt li enfasizza r-rwol essenzjali tal-PAK, huwa appella lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex imexxu l-ħidma ’l quddiem kif meħtieġ. Dan jitlob spirtu ta’ kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea, l-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE, l-Istati Membri u l-bdiewa. Il-President tal-Kummissjoni, Von der Leyen, impenjat ruħha li tniedi analiżi bir-reqqa tal-piż amministrattiv fuq spallejn il-bdiewa biex tidentifika oqsma fejn jista’ jsir titjib. Fost l-oħrajn, abbażi wkoll tal-kontribut li rċeviet mill-Istati Membri miġbur mill-Presidenza tal-Kunsill, u mill-organizzazzjonijiet tal-bdiewa tal-UE u l-Parlament Ewropew, fit-22 ta’ Frar 2024 il-Kummissjoni ressqet dokument informali dwar l-azzjonijiet ta’ simplifikazzjoni possibbli bħala kontribut għad-diskussjonijiet tal-Kunsill.

Il-Kunsill Agrikoltura u Sajd tas-26 ta’ Frar 2024 ikkonferma r-rieda politika tiegħu li jwieġeb b’mod effettiv għat-tħassib tal-bdiewa u, bħala l-ewwel pass, appoġġa firxa ta’ miżuri, inklużi fid-dokument informali tal-Kummissjoni msemmi hawn fuq, għar-rispons fuq perjodu qasir bħala prijorità għall-kriżi attwali. Insista wkoll li hemm bżonn li jsir rieżami tal-atti bażiċi tal-Politika Agrikola Komuni li jenħtieġ li jinbeda malajr kemm jista’ jkun. Barra minn hekk, il-Kummissjoni semgħet bir-reqqa l-fehmiet li ngħataw fil-laqgħa tas-26 ta’ Frar tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali tal-Parlament Ewropew matul l-iskambju ta’ fehmiet dwar il-pakkett ta’ simplifikazzjoni propost għall-bdiewa u l-amministrazzjonijiet nazzjonali.

Objettiv tal-proposta

B’dawn il-proposti, il-Kummissjoni timmira li r-Regolamenti dwar il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK isirulhom aġġustamenti mmirati sew biex jiġu indirizzati ċerti diffikultajiet fl-implimentazzjoni. Bl-approċċ immirat tagħha, il-Kummissjoni qed tagħti tweġiba sinifikanti ħafna għall-problemi li ġew identifikati u għat-tħassib li tqajjem, filwaqt li għandha l-għan li żżomm u tiddefendi l-orjentazzjoni ġenerali tal-PAK attwali u r-rwol tagħha fl-appoġġ tat-tranżizzjoni tal-agrikoltura Ewropea lejn biedja sostenibbli. Il-Kummissjoni temmen li dawn l-emendi mmirati se jiffaċilitaw ix-xogħol tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jadottawh malajr.

L-aġġustamenti jiffukaw fuq bidliet li huma ta’ benefiċċju għall-bdiewa fit-tnaqqis tal-piż amministrattiv tagħhom, il-flessibbiltajiet li jippermettu lill-amministrazzjonijiet nazzjonali jadattaw l-implimentazzjoni biex jindirizzaw is-sitwazzjonijiet tal-bdiewa, il-bidliet fil-bilanċ bejn ir-rekwiżiti ta’ kundizzjonalità u l-iskemi volontarji li jinċentivaw il-prattiki ekoloġiċi, kif ukoll l-iżgurar tal-benefiċjarji fir-rigward tal-istabbiltà tal-politika matul il-ħajja tal-Pjanijiet Strateġiċi. Pereżempju, l-aġġustamenti fir-rigward tal-kundizzjonalità se jagħtu aktar flessibbiltà lill-Istati Membri biex joħolqu standards tal-KAAT fil-livell nazzjonali, u b’hekk jissimplifikaw il-piż fuq il-bdiewa, pereż. jipprevedu aktar għażliet dwar kif jissodisfaw ir-rekwiżiti jew jippermettu eżenzjonijiet jew derogi speċifiċi mmirati sew, b’mod partikolari f’każ ta’ kundizzjonijiet ħżiena tat-temp. Il-piż amministrattiv ta’ bdiewa iżgħar (sa 10 ettari ta’ żoni agrikoli, jiġifieri 65 % tal-bdiewa) se jiġi ffaċilitat billi jiġu eżentati minn żjarat ta’ kontroll biex jiġi vverifikat ir-rispett tar-rekwiżiti tal-kundizzjonalità. Fl-istess ħin, il-fatt li bdiewa iżgħar se jiġu eżentati mill-penali se jissimplifika wkoll il-ħidma amministrattiva tal-Istati Membri, peress li l-awtoritajiet nazzjonali mhux se jkollhom jikkalkulaw penali li jistgħu jaqgħu taħt il-limitu de minimis applikabbli.

Fir-rigward tal-proposta biex jiżdied l-għadd ta’ emendi tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK, din jenħtieġ li tippermetti lill-Istati Membri jadattaw il-pjanijiet strateġiċi tal-PAK tagħhom meta jkun meħtieġ li jqisu l-kundizzjonijiet li qed jinbidlu għall-bdiewa. B’dan il-mod ir-rekwiżiti li ma għadhomx ġustifikati ma jibqgħux fis-seħħ, purament għal raġunijiet amministrattivi, u b’hekk is-sistema ssir aktar sempliċi.

L-Istati Membri huma responsabbli li jużaw id-dispożizzjonijiet ta’ simplifikazzjoni b’mod sħiħ biex inaqqsu l-piż amministrattiv tal-bdiewa.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika kkonċernat

L-emendi proposti huma konsistenti mal-filosofija ġenerali tal-atti bażiċi tal-PAK li huma fis-seħħ bħalissa (ir-Regolament dwar il-Pjan Strateġiku u r-Regolament dwar il-Finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-PAK). Għaldaqstant, il-proposta hija konsistenti mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-proposta legali taġġusta għadd limitat ta’ dispożizzjonijiet tar-regolamenti tal-PAK li jinsabu fis-seħħ bħalissa u li tqiesu konsistenti ma’ politiki oħra tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-proposta hija konsistenti wkoll ma’ politiki oħra tal-Unjoni.

2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi Legali

L-Artikolu 43(2) tat-TFUE, ladarba r-Regolament jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/2115 u 2021/2116 li huma bbażati prinċipalment fuq din il-bażi ġuridika.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprevedi li l-kompetenza għall-agrikoltura hija kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri. L-Unjoni teżerċita l-kompetenza tagħha permezz tal-adozzjoni ta’ diversi atti leġiżlattivi, u b’hekk tiddefinixxi u timplimenta PAK tal-UE kif previst fl-Artikoli 38 sa 44 tat-TFUE. Ir-Regolamenti (UE) 2021/2115 u 2021/2116 huma parti mill-qafas leġiżlattiv tal-PAK tal-UE. Sabiex jittaffew ċerti diffikultajiet, għas-simplifikazzjoni u biex jitneħħew il-piżijiet minn fuq il-bdiewa, dawn ir-Regolamenti jeħtieġ li jiġu emendati, li jista’ jsir biss fil-livell tal-UE.

Proporzjonalità

Din il-proposta timmodifika r-Regolamenti eżistenti biss sal-punt meħtieġ strettament biex jintlaħqu l-objettivi deskritti fil-qosor hawn fuq.

Għażla tal-istrument

Peress li l-atti leġiżlattivi oriġinali huma regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, l-emendi jridu jiġu introdotti wkoll bħala regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux applikabbli.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Fid-dawl tal-protesti mifruxa tal-azjendi agrikoli u biex jiġi analizzat il-piż amministrattiv fuq spallejn il-bdiewa kif ukoll biex jiġu identifikati oqsma għal titjib, il-Kummissjoni kitbet lil erba’ organizzazzjonijiet tal-biedja ewlenin fil-livell tal-UE u talbithom jagħmlulha proposti ta’ miżuri fil-livell tal-UE (PAK u leġiżlazzjoni oħra tal-UE) li jistgħu jnaqqsu l-piż amministrattiv minn fuq il-bdiewa. Il-Presidenza Belġjana tal-Kunsill bagħtet ittra simili lill-Ministri tal-Agrikoltura, li talbithom jidentifikaw kwistjonijiet fil-livell tal-UE li jistgħu jnaqqsu l-piż amministrattiv għall-bdiewa. Barra minn hekk, il-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali tal-Parlament Ewropew bagħat ittra li tidentifika sitt oqsma fejn iqisu li hija meħtieġa azzjoni konkreta u minnufih. In-natura urġenti ta’ din il-proposta ma ppermettietx proċess ta’ konsultazzjoni normali.

Dan il-proċess ta’ konsultazzjoni ad hoc li dam ġimgħa rriżulta f’firxa wiesgħa ta’ suġġerimenti u proposti. It-tweġibiet tal-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri kollha għandhom ambitu wiesa’, u filwaqt li xi wħud qed jindirizzaw sfidi prattiċi marbuta mal-implimentazzjoni u jistgħu jiddaħħlu fis-seħħ fi żmien qasir, ħafna minnhom huma estensivi u jmorru lil hinn mit-tnaqqis tal-piż amministrattiv, is-simplifikazzjoni tal-implimentazzjoni jew il-ħolqien ta’ stabbiltà politika għall-bdiewa. Il-konsultazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-biedja rriżultat f’sejħiet għal azzjoni urġenti biex jiġi ssimplifikat il-piż amministrattiv għall-bdiewa, iżda tenfasizza wkoll il-ħtieġa għal qafas ta’ politika stabbli u konsistenti, li jipproponi aktar riformi fit-tul. Bl-istess mod, il-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali tal-Parlament Ewropew identifika għadd ta’ oqsma ta’ ħidma prijoritarji ewlenin.

Il-Kummissjoni strutturat is-suġġerimenti li waslu f’ħames oqsma ġenerali:

1.L-ewwel sensiela ta’ proposti tkopri l-ġestjoni tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK u hija relatata mal-proċeduri dwar l-emendar tal-pjanijiet strateġiċi (inkluż l-għadd ta’ emendi permessi), il-monitoraġġ u r-rieżami tal-prestazzjoni (inkluż ir-Rapport Annwali dwar il-Prestazzjoni), u ċerti elementi tas-Sistema Integrata ta’ Amministrazzjoni u Kontroll (is-simplifikazzjoni tal-metodoloġija tal-valutazzjoni tal-kwalità tas-Sistema ta’ Monitoraġġ tal-Erja (Area Monitoring System, AMS), u l-użu ta’ ritratti ġeottaggjati, u Applikazzjonijiet Ġeospazjali) kif ukoll is-sistema ta’ kontroll u penali (inkluża r-razzjonalizzazzjoni tal-kontrolli kollha fuq azjenda agrikola).

Il-Kummissjoni wieġbet għal din is-sensiela ta’ proposti b’għadd ta’ azzjonijiet mhux leġiżlattivi u inkludiet ftit inizjattivi mmirati u limitati f’din il-proposta, b’mod partikolari biex tiffaċilita emendi aktar frekwenti tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK u biex telimina l-kontrolli tal-kundizzjonalità għall-azjendi agrikoli żgħar.

2.It-tieni sensiela ta’ proposti tikkonċerna l-azzjonijiet tal-Pjan Strateġiku tal-PAK li jibbenefikaw lill-ambjent u lill-klima. Ħafna proposti jikkonċernaw bidliet (drastiċi) fir-rekwiżiti u l-kontrolli tal-kundizzjonalità, iżda ġew inklużi wkoll proposti oħra, pereż. dwar it-trattament ta’ azjendi agrikoli żgħar jew il-ġestjoni finanzjarja ta’ interventi ambjentali.

Il-Kummissjoni diġà adottat deroga temporanja u parzjali għall-ewwel rekwiżit tal-istandard 8 tal-KAAT għall-2024 u emenda tar-Regolament Delegat (UE) 2022/126 b’aġġustamenti għall-istandard 1 tal-KAAT. Barra minn hekk, din il-proposta fiha ftit aġġustamenti mmirati għall-kundizzjonalità li għandhom l-għan li jindirizzaw it-tħassib dwar l-implimentazzjoni. Il-Kummissjoni timmira għal dan l-approċċ kirurġiku bil-ħsieb li żżomm l-objettivi ta’ politika ġenerali tar-Regolament dwar il-Pjan Strateġiku tal-PAK kif inhu rifless fid-deċiżjonijiet tal-koleġiżlaturi fl-2021.

3.It-tielet grupp ta’ proposti huwa relatat ma’ dispożizzjonijiet oħra tal-PAK lil hinn mill-ambjent u l-klima, bħall-espansjoni tal-appoġġ akkoppjat, il-posponiment jew it-tneħħija tal-kundizzjonalità soċjali, jew il-bidliet fl-iskemi tal-appoġġ settorjali, il-miżuri ta’ promozzjoni u l-biedja organika. Suġġerimenti oħra jappellaw għal reviżjoni aktar fundamentali tal-politika agrikola tal-UE.

Ħafna minn dawn is-suġġerimenti jmorru lil hinn mill-mandat ta’ simplifikazzjoni u implimentazzjoni mtejba tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tappoġġa l-orjentazzjonijiet ewlenin tar-Regolament dwar il-Pjan Strateġiku tal-PAK, bħall-kundizzjonalità soċjali. Barra minn hekk, diversi suġġerimenti diġà huma fattibbli biż-żieda fil-marġni ta’ manuvra li tingħata lill-Istati Membri mill-mudell ta’ implimentazzjoni l-ġdid tal-PAK.

4.Ir-raba’ grupp ta’ suġġerimenti huwa relatat mat-tħassib dwar l-introjtu tal-azjendi agrikoli u b’mod partikolari mal-ġestjoni tar-riskji u tal-kriżijiet, b’suġġerimenti biex jiġu allokati aktar fondi tal-PAK għall-ġestjoni tal-kriżijiet, biex jiġu riveduti d-dispożizzjonijiet tal-PAK dwar l-appoġġ għall-istrumenti tal-ġestjoni tar-riskju u tittieħed azzjoni biex tittejjeb il-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina alimentari.

Filwaqt li l-bidliet fl-aspetti finanzjarji tal-PAK jenħtieġ li jiġu diskussi fil-kuntest tat-tħejjija tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss, il-Kummissjoni tikkondividi t-tħassib relatat mal-introjtu tal-azjendi agrikoli u tipprevedi azzjonijiet biex tittejjeb il-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina alimentari fi fluss ta’ ħidma separat.

5.Il-ħames u l-aħħar sensiela ta’ suġġerimenti tikkonċerna regolamenti barra mill-PAK, bħal dwar id-deforestazzjoni, il-monitoraġġ tal-foresti, ir-regoli sanitarji, jew l-enerġija rinnovabbli.

Il-Kummissjoni qed tikkunsidra għadd ta’ bidliet puntwali f’atti li jaqgħu barra mill-PAK u qed taħdem fuq miżuri mhux leġiżlattivi bl-għan li tissimplifika jew tiċċara ċerti regoli, filwaqt li bidliet oħra fil-politika jridu jiġu nnegozjati matul il-proċeduri leġiżlattivi li għaddejjin bħalissa.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Mhux applikabbli (ma ntużax għarfien espert estern).

Valutazzjoni tal-impatt

Fid-dawl tal-urġenza politika li titressaq din il-proposta, li għandha l-għan li twieġeb għal sitwazzjoni ta’ kriżi fl-agrikoltura tal-UE, ma twettqet l-ebda valutazzjoni tal-impatt, kif previst fl-Għodda # 1 tal-linji gwida tal-Kummissjoni dwar ir-“regolamentazzjoni aħjar” li tistipula l-importanza tal-applikazzjoni flessibbli u proporzjonata tagħhom. Din il-proposta tikkonċerna għadd ta’ emendi mmirati għar-Regolamenti (UE) 2021/2115 u 2021/2116. Ħafna mill-proposti aktar radikali biex jiġi indirizzat it-tħassib fir-rigward tal-piż amministrattiv u l-implimentazzjoni stabbli u effettiva tal-PAK, kif ġew ippreżentati matul il-proċess ta’ konsultazzjoni ad hoc, ma ġewx ikkunsidrati. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-istabbiltà tal-politika hija importanti u tisħaq li l-KAP riformata għandha “rwol importanti tal-PAK riformata fl-appoġġ tal-agrikoltura tal-UE fit-tranżizzjoni għal mudell ta’ biedja sostenibbli, filwaqt li tappoġġa wkoll l-introjtu tal-bdiewa kif ukoll is-sigurtà tal-ikel.” Dan huwa bbażat fuq il-valutazzjoni esterna estensiva tat-28 Pjan Strateġiku tal-PAK li ġew kummissjonati mill-Kummissjoni u li ffurmaw il-bażi tar-rapport tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fit-23 ta’ Novembru 2023: “Sommarju tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK għall-2023-2027: sforz konġunt u ambizzjoni kollettiva” 1 , minn fejn ittieħdet il-kwotazzjoni msemmija hawn fuq. F’dan ir-rapport, il-Kummissjoni kkonkludiet ukoll li “il-pjanijiet strateġiċi l-ġodda tal-PAK huma għodda xierqa biex ikunu jistgħu jintlaħqu l-objettivi tal-politika tal-PAK b’mod integrat hekk kif l-Istati Membri jużawhom biex iħejju u jagħtu tweġibiet għall-isfidi fit-territorji tagħhom, filwaqt li tingħata prijorità lill-objettivi u jintużaw ir-riżorsi disponibbli b’mod effettiv u effiċjenti.”.

Madankollu, l-ewwel sena ta’ implimentazzjoni tal-Pjan Strateġiku tal-PAK ħarġet fid-dieher xi problemi prattiċi ta’ implimentazzjoni. Għal din ir-raġuni, minbarra l-azzjonijiet mhux leġiżlattivi, hemm il-bżonn li jsiru ċerti aġġustamenti limitati tal-qafas legali tal-Unjoni għall-PAK biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK u b’mod partikolari biex ikompli jitnaqqas il-piż amministrattiv marbut mal-implimentazzjoni tagħhom.

Saret valutazzjoni tal-impatt bir-reqqa għar-riforma tal-PAK li ntlaħaq qbil dwarha fl-2021. Din il-valutazzjoni akkumpanjat il-proposti mressqa mill-Kummissjoni fl-2018 2 . Din il-valutazzjoni tal-impatt tipprovdi wkoll sfond importanti għall-aġġustamenti li jinsabu f’din il-proposta. B’mod aktar speċifiku, id-differenzi ewlenin bejn l-għażliet li ġew ivvalutati fl-2018 kienu relatati mal-bilanċ tar-rekwiżiti ambjentali volontarji (“ekoskema”) jew obbligatorji (“kundizzjonalità”). Filwaqt li r-Regolament li ġie adottat fl-aħħar huwa taħlita taż-żewġ approċċi, il-valutazzjoni tal-impatt (p. 35) turi l-vantaġġi u l-iżvantaġġi tat-tnejn li huma. Abbażi tas-sitwazzjoni li nbidlet u l-esperjenzi fl-ewwel sena tal-applikazzjoni tiegħu, il-Kummissjoni tipproponi li tmur fid-direzzjoni ta’ approċċ aktar volontarju.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Il-proposti se jnaqqsu b’mod speċifiku l-piż għal azjendi agrikoli żgħar, li huma mikrointrapriżi. Il-proposta li l-azjendi agrikoli ta’ anqas minn 10 ettari jiġu eżentati mill-kontrolli tal-kundizzjonalità taffettwa 65 % tal-benefiċjarji tal-PAK.

Drittijiet fundamentali 

Il-proposta tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Din il-proposta ma għandhiex impatt fuq il-baġit.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar 

Kif inhu stipulat fl-Artikolu 128 tar-Regolament dwar il-Pjan Strateġiku tal-PAK, ġie stabbilit qafas ta’ prestazzjoni taħt ir-responsabbiltà kondiviża tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni. Il-qafas ta’ prestazzjoni jippermetti rappurtar, monitoraġġ u evalwazzjoni tal-prestazzjoni tal-Pjan Strateġiku tal-PAK matul l-implimentazzjoni tiegħu. Il-bidliet f’din il-proposta jkunu koperti minn dan il-qafas.

Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Mhux applikabbli (it-test legali huwa regolament).

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Il-Kummissjoni tipproponi għadd ta’ bidliet fil-kundizzjonalità.

Ġiet inkluża dispożizzjoni ġenerali li tippermetti lill-Istati Membri jawtorizzaw derogi temporanji u mmirati minn ċerti rekwiżiti ta’ kundizzjonalità fid-dawl ta’ kundizzjonijiet tat-temp dejjem aktar imprevedibbli li jistgħu jipprevjenu lill-bdiewa milli jikkonformaw mar-rekwiżiti, bħal skadenzi f’sena partikolari. Għal raġunijiet ta’ kompletezza tal-qafas ta’ prestazzjoni, monitoraġġ u evalwazzjoni, il-Kummissjoni se tqis li l-Istati Membri darba fis-sena jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ tali derogi temporanji f’konformità mal-Artikolu 143 tar-Regolament (UE) 2021/2115, b’mod partikolari l-paragrafu 4 ta’ dak l-Artikolu.

L-Istati Membri se jitħallew ukoll jipprovdu eżenzjonijiet speċifiċi mill-istandards 5, 6, 7 u 9 tal-Kundizzjoni Agrikola u Ambjentali Tajba (KAAT) li jkopru sitwazzjonijiet fejn ikun hemm riskju li r-rekwiżiti jmorru kontra l-objettivi tagħhom, pereżempju minħabba sitwazzjonijiet agronomiċi partikolari għall-għelejjel fuq ċerti tipi speċifiċi ta’ ħamrija u kundizzjonijiet pedoklimatiċi jew minħabba ħsara lill-art bil-ħaxix permanenti, fost l-oħrajn minħabba predaturi jew speċijiet invażivi. Fir-rigward tal-KAAT individwali, il-Kummissjoni tipproponi li mill-istandard 8 tal-KAAT jitneħħa l-obbligu li jiġi ddedikat sehem minimu ta’ raba’ li jinħadem għal żoni mhux produttivi (raba’ mistrieħ) jew karatteristiċi (sisien tal-ħaxix, siġar...), filwaqt li tinżamm il-protezzjoni tal-karatteristiċi tal-pajsaġġ eżistenti. Minflok, l-Istati Membri huma obbligati jistabbilixxu ekoskema li toffri appoġġ lill-bdiewa biex iżommu sehem ta’ raba’ fi stat mhux produttiv jew biex joħolqu karatteristiċi ġodda tal-pajsaġġ. Dan jiżgura li l-bdiewa huma ippremjati speċifikament għal dawn iż-żoni u l-karatteristiċi mhux produttivi li huma ta’ benefiċċju għall-bijodiversità fuq l-art agrikola u b’mod aktar ġenerali fiż-żoni rurali.

Fir-rigward tal-istandard 7 tal-KAAT li jirrikjedi n-newba tal-għelejjel, il-Kummissjoni tipproponi li żżomm in-newba tal-għelejjel iżda tippermetti lill-Istati Membri jżidu l-possibbiltà li jissodisfaw dan ir-rekwiżit bid-diversifikazzjoni tal-għelejjel. Id-diversifikazzjoni tal-għelejjel tikkontribwixxi wkoll għall-ħarsien tal-potenzjal tal-ħamrija, billi tiżgura d-diversità tal-għelejjel fi żmien sena u b’hekk tippromwovi indirettament in-newba tal-għelejjel minn sena għal oħra. Il-Kummissjoni temmen li din il-flessibbiltà se tippermetti lill-bdiewa milquta minn nixfa regolari jew xita eċċessiva jikkonformaw ma’ din il-kundizzjoni b’mod li jkun aktar kompatibbli mar-realtajiet tal-biedja. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni tirrikonoxxi u tenfasizza l-benefiċċji agronomiċi tan-newba tal-għelejjel. Din hija r-raġuni għaliex permezz tal-ekoskemi forom aktar ambizzjużi ta’ newba u diversifikazzjoni tal-għelejjel huma u jenħtieġ li jkomplu jiġu ppremjati, inkluż b’mod partikolari biex l-għelejjel tal-proteini jiġu inklużi fin-newba, sabiex jittejbu l-kwalità tal-ħamrija u r-reżiljenza tal-biedja tal-għelejjel.

L-applikazzjoni tal-istandard biex il-ħamrija titgħatta f’perjodi sensittivi (l-istandard 6 tal-KAAT) ikkawżat riġiditajiet amministrattivi konsiderevoli u inċertezza għall-bdiewa, li spiss jirreferu għal “biedja kalendarja” li ma tirrikonoxxix il-varjabbiltà (li qed tiżdied) tat-temp. Biex tonora l-ispirtu ta’ flessibbiltà tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK, il-Kummissjoni tipproponi li tiċċara li l-implimentazzjoni ta’ dan l-istandard ta’ kundizzjonalità se tkun fil-biċċa l-kbira f’idejn l-Istati Membri.

Qed jiġi propost ukoll li jiżdied l-għadd ta’ talbiet għal emenda tal-Pjan Strateġiku tal-PAK, li Stat Membru jista’ jippreżenta tnejn minnhom fis-sena (aktar mill-wieħed kull sena ta’ bħalissa). Dan huwa meħtieġ biex is-sitwazzjonijiet li qed jinbidlu tal-bdiewa jiġu indirizzati aktar malajr, inklużi dawk ikkawżati minn avvenimenti ħżiena tat-temp.

Sabiex jitnaqqas il-piż u tiżdied il-prevedibbiltà tal-appoġġ tal-PAK għall-bdiewa, qed jiġi propost l-obbligu li l-Istati Membri jivvalutaw jekk il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom jeħtiġux li jiġu emendati f’każ ta’ modifiki ta’ ċerta leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-ambjent u l-klima u li jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’din il-valutazzjoni fi żmien ċerta skadenza ikun limitat għall-atti leġiżlattivi elenkati fl-Anness XIII, li jidħlu fis-seħħ mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2025. L-obbligu għall-Istati Membri li jiddeskrivu kif jintlaħaq il-kontribut ġenerali akbar għall-objettiv ambjentali u klimatiku stabbilit fl-Artikolu 105 tar-Regolament (UE) 2021/2115, u kif l-arkitettura ekoloġika tal-PAK tikkontribwixxi għall-kisba tal-miri nazzjonali fit-tul stabbiliti jew li jirriżultaw mill-atti leġiżlattivi elenkati fl-Anness XIII ta’ dak ir-Regolament jibqa’ fis-seħħ. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tistma l-potenzjal tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK matul il-perjodu 2023–2027.

Qed jiġi propost li r-Regolament (UE) 2021/2116 jiġi emendat biex il-bdiewa ż-żgħar li ma jkollhomx aktar minn 10 ettari ta’ żoni agrikoli jiġu eżentati mill-kontrolli tal-kundizzjonalità u mill-penali. L-għan huwa li jittaffa l-piż amministrattiv, kemm għall-amministrazzjonijiet nazzjonali kif ukoll għall-bdiewa, marbut mal-kontrolli u l-ġbir ta’ penali li huwa ogħla għal azjendi agrikoli żgħar meta mqabbel ma’ dawk akbar. L-eżenzjoni tal-bdiewa ż-żgħar mill-kontrolli u l-penali tal-kundizzjonalità mhux se taffettwa l-kontrolli li jsiru skont leġiżlazzjoni oħra li huma parti mir-Rekwiżiti Statutorji ta’ Ġestjoni (Statutory Management Requirements, SMRs). Barra minn hekk, il-benefiċjarji li jirċievu pagamenti bbażati fuq l-erja kemm taħt Pjan Strateġiku tal-PAK skont ir-Regolament (UE) 2021/2115 kif ukoll taħt programm tal-iżvilupp rurali implimentat skont ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 sal-31 ta’ Diċembru 2025, u għalhekk jiġu ppreżentati għal verifiki tal-kundizzjonalità skont ir-Regolament (UE) 2021/2116, jenħtieġ li jiġu eżentati mill-verifiki tal-kundizzjonalità u mill-applikazzjoni tal-penali skont ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

Sabiex jiġi indirizzat diġà t-tħassib tal-Istati Membri u tal-bdiewa fir-rigward tas-sena tat-talba 2024, huwa propost li l-emendi għall-istandards 6, 7 u 8 tal-KAAT kif ukoll eżenzjoni mill-penali għall-bdiewa żgħar li ma jkollhomx aktar minn 10 ettari ta’ żoni agrikoli japplikaw b’mod retroattiv. Fid-dawl ta’ dan, qed jiġu proposti dispożizzjonijiet tranżizzjonali għas-sena tat-talba 2024 biex jiġi żgurat li l-Istati Membri jkunu jistgħu japplikaw emendi għall-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom relatati mal-istandards 6, 7 u 8 tal-KAAT qabel ma l-Kummissjoni tapprova dawk il-bidliet f’konformità mal-Artikolu 119 tar-Regolament (UE) 2021/2115. Fir-rigward tal-istandard 8 tal-KAAT, tali possibbiltà jenħtieġ li tkun marbuta mal-eżistenza ta’ ekoskemi li jkopru prattiki għaż-żamma ta’ żoni mhux produttivi, bħal raba’ mistrieħ jew ekoskemi għall-ħolqien ta’ karatteristiċi ġodda tal-pajsaġġ fuq raba’ li jinħadem. Madankollu, il-possibbiltà, inkluż minn perspettiva legali, li tiġi prevista applikazzjoni retroattiva fir-rigward tal-emendi għall-istandard 6, 7 u 8 tal-KAAT se tiddependi fuq il-kontenut eżatt u d-data tad-dħul fis-seħħ tal-emendi inklużi f’dan ir-Regolament. F’dan il-mument mhuwiex possibbli li jiġi deċiż jekk tistax tiġi prevista tali applikazzjoni retroattiva. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet relatati mal-Artikoli 3 u 4, it-tieni subparagrafu, huma inklużi fil-parentesi fil-proposta. Il-fattibbiltà tagħhom jenħtieġ li tiġi diskussa mal-koleġiżlaturi fid-dawl tal-kontenut finali u d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

2024/0073 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/2115 u (UE) 2021/2116 fir-rigward ta’ standards tajbin tal-kundizzjoni agrikola u ambjentali, skemi għall-klima, l-ambjent u l-benesseri tal-annimali, emendi tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK, rieżami tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK u eżenzjonijiet mill-kontrolli u mill-penali

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 3 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 4 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 5 jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li jridu jitfasslu mill-Istati Membri taħt il-politika agrikola komuni (il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR). Ir-Regolament (UE) Nru 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 6 jistabbilixxi regoli dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni.

(2)Minkejja l-fatt li dawn ir-Regolamenti jagħtu flessibbiltà sostanzjali lill-Istati Membri u għandhom il-potenzjal li jnaqqsu l-piżijiet amministrattivi tal-bdiewa, l-ewwel sena ta’ applikazzjoni konkreta ta’ dawn ir-Regolamenti, permezz tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK għamlitha ċara li ċerti aġġustamenti limitati tal-qafas legali tal-Unjoni għall-politika agrikola komuni (PAK) huma meħtieġa biex tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK u biex jitnaqqas il-piż amministrattiv marbut mal-implimentazzjoni ta’ tali Pjanijiet u mal-kontroll ta’ ċerti rekwiżiti.

(3)Barra minn hekk, il-bdiewa qed jiffaċċjaw firxa eċċezzjonali ta’ diffikultajiet u inċertezzi. B’mod partikolari, dawn l-aħħar snin kienu kkaratterizzati minn għadd importanti ta’ avvenimenti meteoroloġiċi estremi, fosthom nixfiet u għargħar f’diversi partijiet tal-Unjoni. Dawn l-avvenimenti jaffettwaw l-output u d-dħul, u jħallu impatt qawwi anke fuq l-eżekuzzjoni u l-kalendarju tal-prattiki agronomiċi normali. Il-prezzijiet għoljin tal-enerġija u tal-input u l-inċertezzi li jirriżultaw mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, l-għoli tal-ħajja/l-inflazzjoni, it-tnaqqis tal-2023 fil-valur tal-produzzjoni taċ-ċereali u l-bidla fil-flussi kummerċjali internazzjonali wasslu għal aktar inċertezzi u pressjoni fuq il-bdiewa. Il-konkorrenza ta’ dawn l-avvenimenti tpoġġi pressjoni qawwija fuq il-bdiewa biex jadattaw il-ġestjoni tal-azjendi tagħhom u l-eżekuzzjoni ta’ prattiki agronomiċi, bħala maniġers tar-riżorsi naturali u bħala atturi ekonomiċi.

(4)B’konsegwenza ta’ dan, hemm bżonn li jiġu rieżaminati u ssimplifikati ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2021/2115 u tar-Regolament (UE) 2021/2116 biex jiġi żgurat li l-Istati Membri jkunu jistgħu jadattaw aħjar il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom għall-ħtiġijiet tal-bdiewa u jipprovdulhom aktar flessibbiltà biex iwettqu l-attivitajiet agrikoli tagħhom filwaqt li jqisu l-isfidi dejjem akbar, l-imprevedibbiltà tat-temp u l-inċertezzi ekonomiċi.

(5)L-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2021/2115 jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li ż-żoni agrikoli kollha, inkluż art li ma tkunx għadha tintuża għal finijiet ta’ produzzjoni, jinżammu f’kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu, fil-livell nazzjonali jew reġjonali, standards minimi għal bdiewa u benefiċjarji oħra għal kull standard tal-kundizzjoni agrikola u ambjentali tajbin (KAAT) elenkat fl-Anness III ta’ dak ir-Regolament, f’konformità mal-għan ewlieni ta’ dawk l-istandards kif imsemmi f’dak l-Anness. L-objettiv tal-protezzjoni tal-ħamrija u tal-kwalità tal-ħamrija segwit mill-istandards 5, 6 u 7 tal-KAAT huwa affettwat minn ħafna fatturi, bħat-tip ta’ ħamrija, l-għażla tal-għelejjel, il-kundizzjonijiet klimatiċi u tat-temp jew l-użu tal-art u s-sistemi tal-biedja tal-passat u tal-preżent, bħall-biedja organika li teħtieġ approċċ differenti għal ċerti operazzjonijiet. L-esperjenza turi li jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet fejn l-impożizzjoni ta’ ċerti rekwiżiti, mingħajr kunsiderazzjoni xierqa għal dawn il-fatturi, bħar-restrizzjonijiet fuq il-ħdim tar-raba’ jew l-obbligi li tinżera’ matul perjodu speċifiku, jista’ jkollha impatt negattiv fuq ċerti ħamrija jew ċerti għelejjel, u saħansitra tirriskja li tmur kontra l-objettiv tal-protezzjoni tal-ħamrija. L-istandard 9 tal-KAAT jistabbilixxi projbizzjoni fuq il-konverżjoni jew il-ħrit ta’ art bil-ħaxix permanenti ddeżinjati bħala ambjentalment sensittivi fis-siti ta’ Natura 2000. Madankollu, l-esperjenza wriet li jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet eċċezzjonali fejn tali art bil-ħaxix permanenti li tkun ambjentalment sensittiva issirilha ħsara, pereżempju minn predaturi jew speċijiet invażivi, u jistgħu jkunu meħtieġa miżuri xierqa biex jiġu indirizzati sitwazzjonijiet bħal dawn, inklużi eċċezzjonijiet għall-projbizzjoni fuq il-ħrit taż-żoni kkonċernati, għat-treġġigħ lura ta’ tali art bil-ħaxix permanenti, biex jiġi żgurat li r-rekwiżiti tal-istandard 9 tal-KAAT jikkontribwixxu għall-protezzjoni tal-ħabitats u tal-ispeċijiet.

(6)L-għadd dejjem jikber ta’ avvenimenti meteoroloġiċi estremi u każijiet ta’ ħsara lil art bil-ħaxix permanenti ddeżinjata bħala ambjentalment sensittivi, minħabba fatturi bħal predaturi jew speċijiet invażivi, iżid l-inċidenza ta’ problemi speċifiċi fl-applikazzjoni tar-rekwiżiti tal-istandards 5, 6, 7 u 9 tal-KAAT, li jenħtieġ li jiġu indirizzati mill-Istati Membri. Hemm ukoll riskju li tali rekwiżiti jkunu sproporzjonati fid-dawl tal-kontribut reali tagħhom għall-objettiv tal-protezzjoni tal-ħamrija għall-istandards 6, 5 u 7 tal-KAAT u l-protezzjoni tal-ħabitats u tal-ispeċijiet tal-istandard 9 tal-KAAT. Sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet bħal dawn, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew jistabbilixxu eżenzjonijiet speċifiċi mir-rekwiżiti tal-istandards 5, 6, 7 u 9 tal-KAAT biex jindirizzaw problemi speċifiċi fl-applikazzjoni ta’ dawk l-istandards tal-KAAT, abbażi ta’ kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji, bħat-tipi ta’ ħamrija, l-għelejjel jew is-sistemi tal-biedja jew ħsara permanenti lill-art bil-ħaxix, fost l-oħrajn minħabba predaturi u speċijiet invażivi. Dawk l-eżenzjonijiet jenħtieġ li jkunu limitati fil-kopertura taż-żona tagħhom u jenħtieġ li ma jfixklux il-kontribut ta’ dawk l-istandards għall-objettivi ewlenin tagħhom, elenkati fl-Anness III tar-Regolament (UE) 2021/2115.

(7)Il-kundizzjonijiet tat-temp u l-impatt li jirriżulta fuq il-kundizzjonijiet taż-żoni agrikoli jistgħu jipprevjenu lill-bdiewa u lil benefiċjarji oħra milli jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-istandards tal-KAAT, bħal-limiti ta’ żmien u l-perjodi tal-operazzjonijiet f’sena partikolari. Sabiex jiġi evitat li l-bdiewa jiffaċċjaw tali rekwiżiti u jkunu obbligati, pereżempju, jiżirgħu l-għelejjel sa ċerta data filwaqt li l-kundizzjonijiet tat-temp fis-sena partikolari ma jippermettux li jitwettqu l-operazzjonijiet meħtieġa, jew b’impatt negattiv serju biss fuq il-ħamrija, bħall-kompattazzjoni tal-ħamrija, jenħtieġ li meta jimplimentaw l-istandards minimi stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2021/2115, l-Istati Membri jitħallew jipprevedu derogi temporanji minn dawk ir-rekwiżiti. Dawn id-derogi temporanji jenħtieġ li jkunu limitati fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom għall-bdiewa u benefiċjarji jew żoni oħra affettwati mill-kundizzjonijiet tat-temp u jenħtieġ li jiġu applikati mill-Istati Membri biss sakemm ikunu strettament meħtieġa.

(8)Ir-Regolament (UE) 2021/2115 jipprevedi għadd ta’ elementi u għodod għall-Istati Membri biex jindirizzaw l-objettiv speċifiku li jikkontribwixxu għat-twaqqif u t-treġġigħ lura tat-telf tal-bijodiversità, itejbu s-servizzi tal-ekosistema u jħarsu l-ħabitats u l-pajsaġġi msemmija fl-Artikolu 6(1), il-punt (f) ta’ dak ir-Regolament. Wieħed minn dawn l-elementi huwa s-sistema ta’ kundizzjonalità. B’mod partikolari, l-istandard 8 tal-KAAT, elenkat fl-Anness III ta’ dak ir-Regolament, jinkludi diversi rekwiżiti, inkluż obbligu li ċertu sehem ta’ raba’ li jinħadem jiġi ddedikat għal żoni u karatteristiċi mhux produttivi. L-objettiv ewlieni tal-istandard 8 tal-KAAT huwa ż-żamma ta’ karatteristiċi u żoni mhux produttivi biex tittejjeb il-bijodiversità fl-azjenda agrikola. L-Istati Membri jistgħu jfasslu wkoll interventi li jappoġġaw dan l-objettiv, pereżempju, l-ekoskemi msemmija fl-Artikolu 31(4), il-punt (g), tar-Regolament (UE) 2021/2115. Fil-kuntest tal-isfidi u l-inċertezzi li jirriżultaw mid-diffikultajiet u l-inċertezzi ta’ avvenimenti avversi u inċertezzi ekonomiċi, l-esperjenza wriet il-ħtieġa li jiġi aġġustat il-bilanċ bejn l-għodod ta’ politika differenti li jikkontribwixxu għall-protezzjoni u t-titjib tal-bijodiversità biex il-bdiewa jingħataw aktar flessibbiltà lill-bdiewa biex jikkontribwixxu għal dan l-objettiv skont is-sitwazzjoni speċifika tal-azjenda tagħhom u biex jingħata kumpens finanzjarju msaħħaħ għal tali kontribuzzjoni.

(9)B’mod aktar speċifiku, peress li l-obbligu li jiġi ddedikat sehem ta’ raba’ li jinħadem għal żoni u karatteristiċi mhux produttivi bħalissa huwa parti mill-istandard 8 tal-KAAT, l-ewwel rekwiżit, kif elenkat fl-Anness III tar-Regolament (UE) 2021/2115, il-bdiewa li japplikaw għall-pagamenti diretti u għall-interventi msemmija fl-Artikoli 70, 71 u 72 ta’ dak ir-Regolament, jeħtieġ li jirrispettaw tali rekwiżit mingħajr ebda kumpens tal-kostijiet imġarrba jew tal-introjtu mitluf. F’ċerti każijiet, dan jista’ jinvolvi piż finanzjarju importanti għall-bdiewa u għall-benefiċjarji kkonċernati, b’mod partikolari meta jitqies li l-ebda produzzjoni tal-għelejjel jew tal-annimali ma hija possibbli fuq ir-raba’ li jinħadem u li jkun iddedikat għal żoni jew karatteristiċi mhux produttivi skont l-ewwel rekwiżit tal-istandard 8 tal-KAAT. Meta jitqiesu l-piż u l-konsegwenzi għal ċerti bdiewa u l-firxa eċċezzjonali ta’ diffikultajiet u inċertezzi li qed jiffaċċjaw, il-ħtieġa li jkun hemm żoni u karatteristiċi mhux produttivi fuq raba’ li jinħadem tiġi indirizzata aħjar permezz ta’ għodda li tagħti aktar flessibbiltà u, aktar importanti, li toffri inċentiv li jikkumpensa għal mill-anqas parti mill-kostijiet imġarrba u l-introjtu mitluf marbut ma’ tali żoni u karatteristiċi mhux produttivi. Għaldaqstant, l-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) 2021/2115 jenħtieġ li jiġi emendat biex jiġi żgurat li l-Istati Membri jipprovdu appoġġ għall-ekoskemi li jkopru prattiki għaż-żamma ta’ żoni mhux produttivi, bħal raba’ mistrieħ, u għall-ħolqien ta’ karatteristiċi ġodda tal-pajsaġġ, fuq raba’ li jinħadem.

(10)Fl-istess ħin, jenħtieġ li s-sistema ta’ kundizzjonalità stabbilita bir-Regolament (UE) 2021/2115 tiġi aġġustata billi jitħassar l-ewwel rekwiżit tal-istandard 8 tal-KAAT, kif elenkat fl-Anness III ta’ dak ir-Regolament. L-obbligu tal-ħarsien tal-karatteristiċi tal-pajsaġġ kif ukoll il-projbizzjoni fuq il-qtugħ ta’ sisien tal-ħaxix u siġar matul l-istaġun tat-tnissil u tat-trobbija tal-għasafar, li bħalissa huma parti mir-rekwiżiti skont l-istandard 8 tal-KAAT, jenħtieġ li jinżammu bħala parti mis-sistema ta’ kundizzjonalità biex jiġi żgurat li l-karatteristiċi tal-pajsaġġ eżistenti fiż-żoni agrikoli jkunu protetti.

(11)Jenħtieġ li l-Istati Membri jingħataw flessibbiltà addizzjonali biex jemendaw il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom filwaqt li jiżguraw l-istabbiltà tal-istrateġija, il-ġestjoni tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK, kif ukoll l-effiċjenza amministrattiva tal-proċess tal-emendar. L-esperjenza wriet li l-indirizzar tar-rekwiżiti speċifiċi kemm tal-FAEG kif ukoll tal-FAEŻR f’talba waħda għal emenda jista’ jkun ta’ sfida. Fl-istess ħin, l-għadd ta’ emendi f’kull sena kalendarja jenħtieġ li jkun limitat sabiex jiġi żgurat li l-bdiewa u benefiċjarji oħra jkollhom biżżejjed żmien biex iqisu l-emendi, kif ukoll biex jillimitaw il-piż amministrattiv għall-Istati Membri u jippermettu lill-Kummissjoni tivvaluta l-kompatibbiltà tal-emendi mal-qafas legali tal-Unjoni stabbilit fir-Regolament (UE) 2021/2115 u 2021/2116, fil-limiti ta’ żmien stabbiliti f’dak il-qafas legali. Għal dawn ir-raġunijiet, jenħtieġ li l-għadd massimu ta’ talbiet għal emendi tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK jiżdied għal żewġ talbiet għal emenda għal kull sena kalendarja.

(12)Skont l-Artikolu 120 tar-Regolament (UE) 2021/2115, l-Istati Membri huma obbligati jivvalutaw jekk il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom jeħtiġux li jiġu emendati f’każ ta’ modifiki tal-atti leġiżlattivi tal-Unjoni elenkati fl-Anness XIII ta’ dak ir-Regolament u jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-valutazzjoni tagħhom fi żmien ċerta skadenza. Peress li dan l-obbligu wera li huwa ta’ piż għall-Istati Membri u l-isforzi li l-Istati Membri jkollhom bżonn jinvestu fil-valutazzjoni għall-bqija tal-perjodu ta’ programmar tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK attwali jenħtieġ li jkunu limitati, jenħtieġ li l-obbligu ma japplikax għall-emendi tal-atti leġiżlattivi elenkati fl-Anness XIII, li jidħlu fis-seħħ wara l-31 ta’ Diċembru 2025.

(13)L-esperjenza turi li l-fatt li bosta avvenimenti avversi jseħħu f’daqqa ġġib magħha sfidi għall-bdiewa, li jirrikjedu aktar flessibbiltà u simplifikazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK, fir-rigward ta’ ċerti standards tal-KAAT, elenkati fl-Anness III tar-Regolament (UE) 2021/2115.

(14)L-istandard 6 tal-KAAT għandu l-għan ewlieni li jiżgura l-protezzjoni tal-ħamrija f’perjodi li huma l-aktar sensittivi permezz ta’ kopertura minima tal-ħamrija biex tiġi evitata ħamrija għerja f’perjodi sensittivi bħal dawn. Firxa wiesgħa ta’ fatturi jaffettwaw it-tfassil u l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti skont dan l-istandard tal-KAAT, u dan b’mod aktar importanti milli standards oħra tal-KAAT. B’mod partikolari, l-għata minima tal-ħamrija tista’ tiġi żgurata b’mezzi differenti, li jiddependu mhux biss mill-kundizzjonijiet klimatiċi u tal-ħamrija, iżda wkoll minn fatturi bħall-għażla tal-għelejjel u t-tul tal-istaġun tat-tkabbir f’sena partikolari. Barra minn hekk, jista’ jkun hemm perjodi sensittivi differenti li jiddependu b’mod partikolari fuq kundizzjonijiet speċifiċi tal-ħamrija u tal-klima. Barra minn hekk, meta jagħmlu għażliet ta’ produzzjoni u b’mod partikolari deċiżjonijiet dwar iż-żrigħ, il-bdiewa u benefiċjarji oħra jeħtieġ li jkunu jistgħu jirrikonċiljaw ir-rispett tar-rekwiżiti tal-istandard 6 tal-KAAT ma’ kundizzjonijiet tat-temp imprevedibbli. Fid-dawl ta’ dawn il-fatturi, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jimmaniġġjaw b’mod aktar flessibbli tali rekwiżiti tal-istandard 6 tal-KAAT, meta mqabbla ma’ standards oħra tal-KAAT, b’mod li jiżgura l-kontribut ta’ tali rekwiżiti għall-objettiv ewlieni ta’ dak l-istandard, filwaqt li titqies firxa ta’ fatturi, bħall-kundizzjonijiet tal-ħamrija u tal-klima.

(15)Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew jiddeterminaw l-elementi ewlenin ta’ dak l-istandard 6 tal-KAAT u jagħtuhom sommarju fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK, f’konformità mal-Artikolu 109(2), il-punt (a) tar-Regolament (UE) 2021/2115. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura, f’konformità mal-Artikoli 13(1) u 109(2) u l-Artikoli 118 u 119 ta’ dak ir-Regolament, li l-istandard 6 tal-KAAT kif iddeterminat mill-Istati Membri jkun, b’mod ġenerali, konformi mal-objettiv ewlieni ta’ dak l-istandard tal-KAAT.

(16)L-objettiv ewlieni tal-istandard 7 tal-KAAT elenkat fl-Anness III tar-Regolament (UE) 2021/2115 huwa li jħares il-potenzjal tal-ħamrija. Meta jitqies li d-diversifikazzjoni tal-għelejjel tista’ tikkontribwixxi wkoll għall-ħarsien tal-potenzjal tal-ħamrija filwaqt li tkun aktar sempliċi biex ċerti bdiewa jimplimentaw, fil-kuntest tad-diversi pressjonijiet u sfidi li jiffaċċjaw bħalissa, l-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom il-possibbiltà li jippermettu lill-bdiewa jikkonformaw mal-istandard 7 tal-KAAT anke permezz tad-diversifikazzjoni tal-għelejjel. Fid-dawl ta’ dan, jenħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi dwar id-diversifikazzjoni tal-għelejjel.

(17)Huwa importanti li l-PAK tkompli tikkontribwixxi għall-objettivi ambjentali stabbiliti fl-Artikolu 6(1), il-punti (d) sa (g) tar-Regolament (UE) 2021/2115 permezz tar-rekwiżiti ta’ kundizzjonalità. Huwa importanti wkoll li tiġi żgurata l-istabbiltà ta’ dawn ir-rekwiżiti bħala l-linja bażi komuni għall-Istati Membri u l-bdiewa. Għalhekk, ir-rekwiżiti ta’ kundizzjonalità jenħtieġ li jibqgħu japplikaw għall-bdiewa kollha. Madankollu, il-piż amministrattiv marbut mal-kontrolli tar-rekwiżiti tal-kundizzjonalità kif previst fir-Regolament (UE) 2021/2116 jista’ jkun sproporzjonatament għoli fuq il-bdiewa ż-żgħar u l-amministrazzjoni nazzjonali. Għalhekk, minbarra l-flessibbiltajiet fir-rigward tal-istandards 6, 7 u 8 tal-KAAT, jenħtieġ li jittaffa l-piż għall-bdiewa żgħar u għall-amministrazzjonijiet nazzjonali marbut mal-kontrolli previsti mir-Regolament (UE) 2021/2116. Konsegwentement, il-bdiewa b’daqs massimu ta’ azjenda li ma jaqbiżx l-10 ettari ta’ erja agrikola jenħtieġ li ma jiġux ikkontrollati skont is-sistema ta’ kundizzjonalità fir-rigward tar-rekwiżiti statutorji ta’ ġestjoni skont id-dritt tal-Unjoni u l-kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajbin. Peress li bdiewa żgħar bħal dawn jirrappreżentaw 65 % tal-benefiċjarji tal-PAK iżda jammontaw biss għal madwar 10 % tal-erja agrikola totali, dan jissimplifika x-xogħol għal ħafna bdiewa u amministrazzjonijiet nazzjonali filwaqt li ma jfixkilx b’mod sinifikanti r-rwol tar-rekwiżiti ta’ kundizzjonalità fil-kontribut għas-superfiċje agrikola ġestita minn bdiewa żgħar.

(18)Peress li s-superfiċje agrikola ġestita minn bdiewa żgħar hija limitata u l-penali huma ġeneralment baxxi għall-bdiewa żgħar, l-applikazzjoni ta’ penali tista’ twassal għal piż sproporzjonat għall-amministrazzjoni tal-Istati Membri. Il-bdiewa żgħar, li huma eżentati mill-kontrolli, jenħtieġ għalhekk li jiġu eżentati wkoll mill-applikazzjoni ta’ penali amministrattivi għan-nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti tal-kundizzjonalità.

(19)Biex jiġu evitati l-kostijiet u l-piżijiet amministrattivi eċċessivi marbuta mal-kundizzjonalità, il-benefiċjarji li jirċievu pagamenti bbażati fuq l-erja kemm taħt Pjan Strateġiku tal-PAK skont ir-Regolament (UE) 2021/2115 kif ukoll taħt programm tal-iżvilupp rurali implimentat skont ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 7 sal-31 ta’ Diċembru 2025, u li għalhekk jiġu ppreżentati għal verifiki tal-kundizzjonalità skont ir-Regolament (UE) 2021/2116, jenħtieġ li jiġu eżentati mill-verifiki tal-kundizzjonalità u mill-applikazzjoni tal-penali skont ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

(20)Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolamenti (UE) 2021/2115 u 2021/2116 jiġu emendati kif xieraq.

(21)[Sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni bla xkiel tal-miżuri stabbiliti fl-Artikolu 1(6), il-punti (a), (b) u (c) ta’ dan ir-Regolament, jeħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet tranżizzjonali fir-rigward tal-emendi tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK ippreżentati mill-Istati Membri għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 119 tar-Regolament (UE) 2021/2115 fl-2024 u fir-rigward tal-effetti ta’ dawk l-emendi fl-2024 qabel ma l-Kummissjoni tapprova dawk l-emendi.]

(22)Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni bla xkiel tal-miżuri previsti u bħala kwistjoni ta’ urġenza fid-dawl tal-firxa eċċezzjonali ta’ diffikultajiet u inċertezzi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom il-bdiewa, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(23)[Sabiex jiġi evitat piż amministrattiv sproporzjonat għall-bdiewa żgħar u għall-awtoritajiet nazzjonali, l-eżenzjoni minn penali relatati man-nuqqas ta’ konformità tar-rekwiżiti ta’ kundizzjonalità jew tar-rekwiżiti ta’ kundizzjonalità jenħtieġ li tapplika b’mod retroattiv fir-rigward tas-sena tat-talba 2024.]

(24)[Meta jitqies li s-sena tat-talba 2024 bdiet fl-1 ta’ Jannar 2024, l-Artikolu 1(6), il-punti (a), (b) u (c), ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika għas-sena tat-talba 2024 biex l-Istati Membri jingħataw il-possibbiltà li japplikaw l-emendi msemmija fih għas-sena tat-talba 2024.]

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi tar-Regolament (UE) 2021/2115

Ir-Regolament (UE) 2021/2115 huwa emendat kif ġej:

(1)L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)fil-paragrafu 3, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a) “raba’ li jinħadem” għandu jkun art ikkultivata għall-produzzjoni tal-għelejjel jew iż-żoni disponibbli għall-produzzjoni tal-għelejjel iżda li jinsabu mistrieħa; barra minn hekk, għandu, għaż-żmien kemm idum l-impenn, ikun raba’ kkultivat għall-produzzjoni tal-għelejjel jew żoni disponibbli għall-produzzjoni tal-għelejjel iżda li tħallew mistrieħa li kienu twarrbu f’konformità mal-Artikolu 31 jew mal-Artikolu 70 ta’ dan ir-Regolament, jew mal-Artikoli 22, 23 jew 24 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999(*), jew mal-Artikolu 39 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005(**), jew mal-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (***).

________________

(*) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar is-sostenn għal żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija (FAEGG) u jemenda u jħassar ċerti Regolamenti ( ĠU L 160, 26.6.1999, p. 80 , ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1999/1257/oj ).

(**) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal-20 ta’ Settembru 2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) ( ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1 , ELI:  http://data.europa.eu/eli/reg/2005/1698/oj ).

(***) Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 ( ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487 , ELI:  http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1305/oj ).”;

(b)fil-paragrafu 4, l-ewwel subparagrafu, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b) kwalunkwe żona tal-azjenda li hija:

(i)miksija b’karatteristiċi tal-pajsaġġ soġġetti għall-obbligu li jinżammu skont l-istandard 8 tal-KAAT elenkat fl-Anness III; jew

(ii)għaż-żmien kemm idum l-impenn rilevanti tal-bidwi, stabbilita jew miżmuma bħala riżultat ta’ ekoskema msemmija fl-Artikolu 31.

Jekk l-Istati Membri jiddeċiedu hekk, ‘ettaru eliġibbli’ jista’ jkun fih karatteristiċi oħra tal-pajsaġġ, sakemm dawn ma jkunux predominanti u ma jfixklux b’mod sinifikanti l-prestazzjoni tal-attività agrikola minħabba d-daqs taż-żona li jokkupaw fuq il-biċċa raba’. Fl-implimentazzjoni ta’ dak il-prinċipju, l-Istati Membri jistgħu jiffissaw id-daqs massimu tal-parti mill-biċċa raba’ li tkun miksija b’dawk il-karatteristiċi l-oħra tal-pajsaġġ.

Fir-rigward tal-bwar permanenti b’elementi ineliġibbli mferrxa, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li japplikaw koeffiċjenti ta’ tnaqqis fissi biex tiġi ddeterminata l-erja meqjusa eliġibbli.”;

(2)L-Artikolu 13 huwa emendat kif ġej:

(a)il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ż-żoni agrikoli kollha, inkluż art li ma tkunx għadha tintuża għal finijiet ta’ produzzjoni, jinżammu f’kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu, fil-livell nazzjonali jew reġjonali, standards minimi għal bdiewa u benefiċjarji oħra għal kull standard tal-KAAT elenkat fl-Anness III f’konformità mal-objettiv ewlieni ta’ dawk l-istandards kif imsemmi f’dak l-Anness. Fl-istabbiliment tal-istandards tagħhom, l-Istati Membri għandhom iqisu, meta rilevanti, il-karatteristiċi speċifiċi taż-żoni kkonċernati inkluż il-kundizzjoni tal-ħamrija u tal-klima, is-sistemi eżistenti tal-biedja, il-prattiki tal-biedja, id-daqs tal-azjenda agrikola u l-istrutturi tagħha, l-użu tal-art, u l-ispeċifiċitajiet tar-reġjuni ultraperiferiċi.

Fl-istabbiliment tal-istandards 5, 6, 7 jew 9 tal-KAAT elenkati fl-Anness III, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu eżenzjonijiet speċifiċi mir-rekwiżiti ta’ dawk l-istandards. L-eżenzjonijiet speċifiċi mill-istandards 5, 6, 7 jew 9 tal-KAAT għandhom ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji, bħall-għelejjel, tipi ta’ ħamrija u sistemi ta’ biedja jew ħsara lill-art bil-ħaxix permanenti, fost l-oħrajn minħabba predaturi u speċijiet invażivi, u għandhom ikunu limitati f’termini tal-kopertura taż-żona tagħhom. L-eżenzjonijiet speċifiċi għandhom jiġu stabbiliti biss u sa fejn ikunu meħtieġa biex jindirizzaw problemi speċifiċi fl-applikazzjoni ta’ dawk l-istandards u ma għandhomx ifixklu b’mod sinifikanti l-kontribut ta’ kull wieħed minn dawk l-istandards għall-objettivi ewlenin tagħhom, elenkati fl-Anness III.”;

(b)jiddaħħal il-paragrafu 2a li ġej:

“2a. Meta jimplimentaw l-istandards minimi stabbiliti f’konformità mal-paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri jistgħu jippermettu derogi temporanji mir-rekwiżiti bħal limiti ta’ żmien u perjodi stabbiliti f’dawk l-istandards fil-każ ta’ kundizzjonijiet tat-temp li jipprevjenu lill-bdiewa u lil benefiċjarji oħra milli jikkonformaw ma’ dawk ir-rekwiżiti f’sena partikolari. Dawn id-derogi temporanji għandhom ikunu limitati fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom għall-bdiewa u benefiċjarji jew żoni oħra affettwati mill-kundizzjonijiet tat-temp u jiġu applikati biss sakemm ikunu strettament meħtieġa.”;

(3)fl-Artikolu 31, jiddaħħal il-paragrafu 1a li ġej:

“1a. Bħala parti mill-ekoskemi msemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jipprovdu appoġġ għall-iskemi li jkopru prattiki għaż-żamma ta’ żoni mhux produttivi, bħal raba’ mistrieħ, u għall-ħolqien ta’ karatteristiċi ġodda tal-pajsaġġ, fuq raba’ li jinħadem. Dawn l-iskemi għandhom ikunu volontarji għall-bdiewa attivi u għall-gruppi ta’ bdiewa attivi.”;

(4)fl-Artikolu 119, il-paragrafu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“7. Talba għall-emendar tal-Pjan Strateġiku tal-PAK tista’ tiġi ppreżentata darbtejn fis-sena kalendarja soġġett għal eċċezzjonijiet possibbli previsti f’dan ir-Regolament li jridu jiġu determinati mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 122. Barra minn hekk, tul il-perjodu tal-Pjan Strateġiku tal-PAK jistgħu jiġu ppreżentati tliet talbiet ulterjuri għall-emendar tal-Pjan Strateġiku tal-PAK. Dan il-paragrafu ma għandux japplika għal talbiet għal emendi biex jiġu ppreżentati l-elementi neqsin f’konformità mal-Artikolu 118(5).”;

(5)fl-Artikolu 120, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għall-emendi tal-atti leġislattivi elenkati fl-Anness XIII, li jidħlu fis-seħħ wara l-31 ta’ Diċembru 2025.”

(6)l-Anness III huwa emendat kif ġej:

(a)fit-tabella, l-entrata għal “KAAT 6” hija sostitwita b’din li ġejja:

KAAT 6

Għata minima ta’ ħamrija biex tiġi evitata ħamrija għerja f’perjodi li huma l-aktar sensittivi, skont kif jiġi ddetermint mill-Istati Membri(****).

Protezzjoni tal-ħamrija f’perjodi li huma l-aktar sensittivi

(****) L-Istati Membri jistgħu b’mod partikolari jqisu l-perjodu qasir ta’ veġetazzjoni li jirriżulta mit-tul u s-severità tal-perjodu tax-xitwa fir-reġjuni kkonċernati.”

(b)fit-tabella, l-entrata għal “KAAT 7” hija sostitwita b’din li ġejja:

KAAT 7

Newba tal-għelejjel f’raba’ li jinħadem, ħlief għal għelejjel li jikbru taħt l-ilma. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu wkoll li jippermettu lill-bdiewa u lill-benefiċjarji l-oħra jissodisfaw dan l-istandard tad-diversifikazzjoni tal-għelejjel (*****).

Preservazzjoni tal-potenzjal tal-ħamrija

(*****) In-newba għandha tikkonsisti f’bidla tal-għelejjel fil-livell tal-irqajja’ tal-art (ħlief fil-każ ta’ għelejjel pluriennali, ħaxix u foraġġ erbaċew ieħor, u art mistrieħa), inklużi l-għelejjel sekondarji ġestiti b’mod xieraq.

Abbażi tad-diversità tal-metodi tal-biedja u tal-kundizzjonijiet agroklimatiċi l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw fir-reġjuni kkonċernati prattiki oħra ta’ newba mtejba tal-għelejjel b’għelejjel leguminużi jew b’diversifikazzjoni tal-għelejjel li għandhom l-għan li jtejbu u jippreżervaw il-potenzjal tal-ħamrija f’konformità mal-objettivi ta’ dan l-istandard tal-KAAT.

Meta jiddefinixxu r-rekwiżiti tad-diversifikazzjoni tal-għelejjel, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw ir-rekwiżiti minimi li ġejjin:

- meta d-daqs tar-raba’ li jinħadem ta’ azjenda jkun bejn 10 u 30 ettaru, id-diversifikazzjoni tal-għelejjel għandha tikkonsisti fil-kultivazzjoni ta’ raba’ li jinħadem ta’ azjenda b’mill-inqas żewġ għelejjel differenti. L-għalla ewlenija ma għandhiex tkopri aktar minn 75 % tar-raba’ li jinħadem.

- meta d-daqs tar-raba’ li jinħadem ta’ azjenda jkun aktar minn 30 ettaru, id-diversifikazzjoni tal-għelejjel għandha tikkonsisti fil-kultivazzjoni ta’ raba’ li jinħadem ta’ azjenda b’mill-inqas tliet għelejjel differenti fuq dak ir-raba’ li jinħadem. L-għalla ewlenija ma għandhiex tkopri aktar minn 75 % ta’ dik ir-raba’ li jinħadem u ż-żewġ għelejjel ewlenin flimkien ma għandhomx ikopru aktar minn 95 % ta’ dak ir-raba’ li jinħadem.

L-Istati Membri jistgħu jeżentaw mill-obbligi skont dan l-istandard lillazjendi:

(a) fejn aktar minn 75 % tar-raba’ li jinħadem jintuża għall-produzzjoni ta’ ħaxix jew foraġġ erbaċew ieħor, tkun art mistrieħa, jiġi użat għall-kultivazzjoni ta’ għelejjel tal-legumi, jew ikun soġġett għal taħlita ta’ dawk l-użijiet;

(b) fejn aktar minn 75 % taż-żona agrikola eliġibbli tkun bur permanenti, tintuża għall-produzzjoni ta’ ħaxix jew foraġġ erbaċew ieħor jew għall-kultivazzjoni ta’ għelejjel taħt l-ilma għal parti sinifikanti tas-sena jew għal parti sinifikanti taċ-ċiklu ta’ kultivazzjoni tal-għelejjel, jew tkun soġġetta għal taħlita ta’ dawk l-użijiet; jew

(c) b’daqs ta’ raba’ li jinħadem sa 10 ettari.

L-Istati Membri jistgħu jintroduċu limitu massimu ta’ żona koperta minn għalla waħda biex jipprevjenu monokulturi kbar.

Il-bdiewa ċċertifikati f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/848 (******) għandhom jitqiesu li jikkonformaw ma’ dan l-istandard tal-KAAT.

________________

(******) Ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (ĠU L 150, 14.6.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/848/oj) .”;

(c)fit-tabella, l-entrata għal “KAAT 8” hija sostitwita b’din li ġejja:

KAAT 8

— Żamma tal-karatteristiċi tal-pajsaġġi

— Projbizzjoni fuq il-qtugħ tas-sisien tal-isġajriet u tas-siġar waqt l-istaġun tat-tgħammir u tat-trobbija tal-frieħ tal-għasafar

— Bħala għażla, miżuri biex jiġu evitati speċijiet ta’ pjanti invażivi

Preservazzjoni tal-karatteristiċi u tal-erja mhux produttivi biex titjieb il-bijodiversità fl-azjenda agrikola

 

Artkolu 2

Emendi tar-Regolament (UE) 2021/2116

Ir-Regolament (UE) 2021/2116 huwa emendat kif ġej:

(1)fl-Artikolu 83, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2. B’deroga mill-paragrafu 1, il-bdiewa b’daqs massimu ta’ azjendi li ma jaqbiżx l-10 ettari ta’ erja agrikola ddikjarata f’konformità mal-Artikolu 69(1) għandhom ikunu eżentati mill-kontrolli skont is-sistema stabbilita f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

(2)fl-Artikolu 84, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“4. B’deroga mill-paragrafi 1 sa 3 u mill-Artikolu 85, il-bdiewa b’daqs massimu ta’ azjendi li ma jaqbiżx l-10 ettari ta’ erja agrikola ddikjarata f’konformità mal-Artikolu 69(1) għandhom ikunu eżentati mill-penali msemmija fil-paragrafi 1 sa 3 u fl-Artikolu 85;

(3)fl-Artikolu 104 (1), it-tieni subparagrafu, il-punt (a), il-punt (iv) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(iv) fir-rigward tal-FAEŻR, b’rabta man-nefqa mġarrba mill-benefiċjarji u l-pagamenti magħmula mill-aġenzija tal-pagamenti fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-programmi tal-iżvilupp rurali skont ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013, bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 96 u 97 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 fir-rigward tal-benefiċjarji li jiġu sottomessi għas-sistema ta’ kontroll imsemmija fl-Artikolu 83 ta’ dan ir-Regolament;

[Artikolu 3

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

(1)B’deroga mill-Artikolu 119(8), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2021/2115, id-data tad-dħul fis-seħħ tal-emendi tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK relatati mal-FAEG ippreżentati mill-Istati Membri għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 119(2) ta’ dak ir-Regolament fir-rigward tas-sena tat-talba 2024 b’rabta mal-elementi stabbiliti fl-Artikolu 1(6), il-punti (a), (b) u (c) ta’ dan ir-Regolament ma għandhiex tkun soġġetta għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni.

(2)B’deroga mill-Artikolu 119(11) tar-Regolament (UE) 2021/2115, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu għas-sena tat-talba 2024 li l-emendi tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK relatati mal-elementi stabbiliti fl-Artikolu 1(6), il-punti (a), (b) u (c) ta’ dan ir-Regolament, jista’ jkollhom effetti legali qabel ma jiġu approvati mill-Kummissjoni. Għall-element stabbilit fl-Artikolu 1(6), il-punt (c) ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri jistgħu jieħdu dik id-deċiżjoni biss jekk għas-sena tat-talba 2024 japplikaw skema li tkopri prattiki għaż-żamma ta’ żoni mhux produttivi, bħal raba’ mistrieħ, jew għall-ħolqien ta’ karatteristiċi ġodda tal-pajsaġġ, fuq raba’ li jinħadem, imsemmija fl-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) 2021/2115.

Fit-teħid ta’ din id-deċiżjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-prinċipju taċ-ċertezza legali, il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni u l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tal-bdiewa u ta’ benefiċjarji oħra jiġu rispettati u li titqies il-ħtieġa tal-bdiewa u ta’ benefiċjarji oħra li jkollhom biżżejjed żmien biex jikkonformaw mal-emendi.]

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

[L-Artikolu 1(6), il-punti (a), (b) u (c) u l-Artikolu 2, il-punti (2) u (3) għandhom japplikaw għas-sena tat-talba 2024.]

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    COM(2023) 707 final tat-23.11.2023.
(2)    SWD(2018) 301 final tal-1.6.2018.
(3)    ĠU C […], […], p. […].
(4)    ĠU C […], […], p. […].
(5)    Ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/2115/oj ).
(6)    Ir-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 187, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/2116/oj ).
(7)    Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1305/oj ).