IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 22.3.2024
COM(2024) 134 final
Rakkomandazzjoni għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar l-emendar tal-Ftehim Monetarju mal-Prinċipat ta’ Andorra u tal-Ftehim Monetarju mar-Repubblika ta’ San Marino
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 22.3.2024
COM(2024) 134 final
Rakkomandazzjoni għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar l-emendar tal-Ftehim Monetarju mal-Prinċipat ta’ Andorra u tal-Ftehim Monetarju mar-Repubblika ta’ San Marino
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
L-Unjoni Ewropea ffirmat Ftehim Monetarju mal-Prinċipat ta’ Andorra 1 u Ftehim Monetarju ieħor mar-Repubblika ta’ San Marino 2 .
F’konformità mal-Ftehimiet Monetarji, l-euro hija l-munita uffiċjali tal-Prinċipat ta’ Andorra u tar-Repubblika ta’ San Marino. Skont il-Ftehimiet Monetarji, u sabiex jiġi żgurat l-użu bla xkiel u l-protezzjoni tal-euro, iż-żewġ pajjiżi jridu jittrasponu l-atti legali tal-UE ta’ natura tad-dritt monetarju. Peress li l-Prinċipat ta’ Andorra u r-Repubblika ta’ San Marino, it-tnejn għandhom settur bankarju sinifikanti li jopera b’rabta mill-qrib ma’ dak taż-żona tal-euro, il-Prinċipat ta’ Andorra u r-Repubblika ta’ San Marino jridu jimplimentaw ukoll il-leġiżlazzjoni bankarja u finanzjarja tal-UE rilevanti għall-protezzjoni tal-euro. B’mod partikolari, dan huwa fir-rigward tal-attività u s-superviżjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji kkonċernati, skont it-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti f’kull Ftehim Monetarju. Barra minn hekk, iż-żewġ pajjiżi jridu jimplimentaw l-atti legali kollha tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (AML/CFT). L-atti legali tal-UE li għandhom jiġu implimentati skont il-Ftehimiet Monetarji huma elenkati fl-annessi tagħhom.
In-negozjati dwar Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Prinċipat ta’ Andorra u r-Repubblika ta’ San Marino ġew iffinalizzati f’Diċembru 2023. F’konformità mal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, iż-żewġ pajjiżi għandhom jimplimentaw u japplikaw kompletament u effettiv id-dispożizzjonijiet kollha applikabbli tal-UE li jkopru s-swieq bankarji, tal-assigurazzjoni, tal-ġestjoni tal-assi u tat-titoli. Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni se jipprevedi wkoll l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni sħiħa tal-atti legali kollha tal-UE dwar l-AML/CFT.
L-atti tas-servizzi bankarji u finanzjarji tal-UE, li huma rilevanti għall-euro, u li jridu jiġu implimentati mill-Prinċipat ta’ Andorra u r-Repubblika ta’ San Marino skont il-Ftehimiet Monetarji huma biss subsett tal-atti tas-servizzi finanzjarji tal-UE li jridu jiġu adottati wara l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Is-sett ta’ atti legali tal-UE dwar l-AML/CFT huwa identiku fil-Ftehimiet Monetarji u fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.
Hemm koinċidenza parzjali tal-atti legali tal-UE li għandhom jiġu implimentati skont il-ftehimiet differenti. Dan ifisser li, fin-nuqqas ta’ azzjoni, l-atti li jikkoinċidu jkollhom jiġu elenkati fl-annessi taż-żewġ ftehimiet. Minħabba f’hekk, jenħtieġ li tinstab soluzzjoni biex jiġu ċċarati l-obbligi u tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-isforzi filwaqt li jiġu ggarantiti ċ-ċertezza legali u l-applikazzjoni rapida tal-ftehimiet.
L-integrazzjoni tal-Ftehimiet Monetarji fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mhijiex possibbli peress li għandhom skopijiet u bażijiet ġuridiċi differenti. Il-bażi ġuridika tal-Ftehimiet Monetarji hija l-Artikolu 219(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). F’konformità ma’ dan, il-Kunsill - li jirrappreżenta biss lil dawk l-Istati Membri li qalbu għall-euro - jaġixxi bir-regola prestabbilita tal-maġġoranza kkwalifikata fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew. Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni huwa bbażat fuq l-Artikolu 218 TFUE, fejn, wara l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill - li jirrappreżenta lill-Istati Membri kollha - jadotta deċiżjoni li tikkonkludi l-ftehim.
Soluzzjoni vijabbli u sempliċi tikkonsisti fl-emendar tal-Ftehimiet Monetarji. Permezz tal-emenda proposta, l-atti leġiżlattivi ta’ natura tad-dritt monetarju (bħal dawk li jikkonċernaw il-karti tal-flus u l-muniti, il-frodi u l-iffalsifikar, ir-rappurtar statistiku lill-Bank Ċentrali Ewropew, u l-atti skont l-Artikolu 133 TFUE) ikomplu jiġu elenkati fl-Annessi għall-Ftehimiet Monetarji. Madankollu, tiddaħħal klawżola fil-Ftehimiet Monetarji biex tiġi prevista l-inklużjoni fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni tal-atti legali l-ġodda kollha tal-UE dwar l-AML/CFT u l-atti legali l-ġodda kollha tal-UE dwar il-banek u l-finanzi rilevanti għall-euro, ladarba dawn l-atti legali tal-UE jsiru applikabbli skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Sakemm is-segmenti tal-protokoll dwar is-servizzi finanzjarji tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jidħlu fis-seħħ għal Stat assoċjat u l-atti legali tal-UE li jappartjenu għal dawk is-segmenti jsiru applikabbli għal dak l-Istat assoċjat, l-acquis rilevanti tal-UE jibqa’ jiġi inkorporat u kkunsidrat fl-anness tal-Ftehimiet Monetarji ta’ dak l-Istat assoċjat. Din il-proċedura tiġi applikata għal kull segment f’każ li dħul fis-seħħ tagħhom ikun progressiv.
L-atti dwar l-AML/CFT u l-banek u l-finanzi elenkati fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni iżda li huma rilevanti għall-euro jkunu mmarkati b’mod ċar bħala tali, sabiex meta tiġi vvalutata l-implimentazzjoni tagħhom, dan jista’ jsir fl-istess waqt għall-finijiet tal-Ftehimiet Monetarji. Dan se jiżgura s-simplifikazzjoni tal-aġendi u jevita d-duplikazzjoni tal-isforzi fil-laqgħat tal-Kumitat Konġunt għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u dawk għall-Ftehimiet Monetarji. Hija l-intenzjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni li jistiednu lill-kontropartijiet tagħhom tal-Bank Ċentrali Ewropew biex jingħaqdu mad-delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea għas-Sottokumitat dwar is-servizzi finanzjarji stabbilit skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni meta jiddiskuti l-implimentazzjoni tal-atti dwar l-AML/CFT, il-banek u l-finanzi rilevanti għall-euro.
Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, tiżdied klawżola oħra mal-Ftehimiet Monetarji biex tiġi ggarantita l-indipendenza tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u tal-Ftehimiet Monetarji. Dan jipprevedi wkoll it-trasferiment lejn il-Ftehimiet Monetarji tal-atti dwar il-banek u l-finanzi rilevanti għall-euro u dwar l-AML/CFT f’każ li l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jiġi parzjalment jew kompletament sospiż jew terminat.
Rakkomandazzjoni għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar l-emendar tal-Ftehim Monetarju mal-Prinċipat ta’ Andorra u tal-Ftehim Monetarju mar-Repubblika ta’ San Marino
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 219(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 3 ,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew 4 ,
Billi:
(1)L-Unjoni għandha l-kompetenza esklużiva fi kwistjonijiet monetarji u fir-rata tal-kambju mid-data tal-introduzzjoni tal-euro.
(2)L-Unjoni ffirmat Ftehim Monetarju mal-Prinċipat ta’ Andorra 5 u Ftehim Monetarju ieħor mar-Repubblika ta’ San Marino 6 .
(3)Wara l-finalizzazzjoni tan-negozjati f’Diċembru 2023, l-Unjoni mistennija tiffirma Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Prinċipat ta’ Andorra u r-Repubblika ta’ San Marino. Skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u l-protokoll tiegħu dwar is-servizzi finanzjarji, Andorra u San Marino se jissieħbu progressivament fis-suq uniku għas-servizzi finanzjarji, li jfisser li Andorra u San Marino jenħtieġ li jittrasponu l-acquis kollu tal-Unjoni u leġiżlazzjoni ġdida dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu u dwar is-servizzi finanzjarji.
(4)Kemm il-Ftehimiet Monetarji kif ukoll il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jipprevedu l-implimentazzjoni tal-atti legali tal-Unjoni minn Andorra u San Marino. Dawk l-atti huma elenkati fl-Annessi tal-Ftehimiet rispettivi.
(5)L-atti legali tal-Unjoni dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li għandhom jiġu implimentati skont iż-żewġ tipi ta’ ftehimiet, huma identiċi. Għall-kuntrarju, l-atti dwar is-servizzi finanzjarji jikkoinċidu biss parzjalment. L-atti li japplikaw skont il-Ftehimiet Monetarji jikkonċernaw prinċipalment il-liġi bankarja u finanzjarja relatata mas-superviżjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji li huma rilevanti għall-euro, filwaqt li l-atti legali kollha tal-Unjoni dwar is-servizzi finanzjarji jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.
(6)Il-ftehimiet Monetarji, minn naħa waħda, u l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, min-naħa l-oħra, huma indipendenti minn xulxin u għandhom skopijiet u bażijiet ġuridiċi differenti. Il-bażi ġuridika tal-Ftehimiet Monetarji hija l-Artikolu 219(3) TFUE, fejn il-Kunsill - li jirrappreżenta biss lil dawk l-Istati Membri li qalbu għall-euro - jaġixxi bir-regola prestabbilita ta’ maġġoranza kwalifikata fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew. Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni huwa bbażat fuq l-Artikolu 218 TFUE, fejn, wara l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill - li jirrappreżenta lill-Istati Membri kollha - jadotta deċiżjoni li tikkonkludi l-ftehim. Għalhekk, il-Ftehimiet huma indipendenti minn xulxin, u l-Ftehimiet Monetarji ma jistgħux jiġu integrati fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.
(7)Jenħtieġ li jinstab mekkaniżmu li jindirizza l-obbligi identiċi li jikkoinċidu parzjalment skont il-ftehimiet differenti u tiġi żgurata l-interazzjoni bla xkiel bejniethom. Soluzzjoni vijabbli u sempliċi tikkonsisti fl-emendar tal-Ftehimiet Monetarji.
(8)Jenħtieġ li tiddaħħal klawżola fil-Ftehimiet Monetarji li tipprevedi l-inkorporazzjoni fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni tal-atti legali ġodda kollha tal-Unjoni dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu u l-atti legali rilevanti ġodda kollha tal-Unjoni dwar il-banek u l-finanzi rilevanti għall-euro ladarba dawk l-atti legali tal-Unjoni jsiru applikabbli skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Jenħtieġ li l-valutazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ dawk l-atti kollha, kemm tal-passat kif ukoll fil-futur, issir fil-qafas tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, u tista’ tkun rilevanti għall-applikazzjoni tal-Ftehimiet Monetarji.
(9)Jenħtieġ li l-atti legali tal-Unjoni ta’ natura tad-dritt monetarju jibqgħu rregolati esklussivament mill-Ftehimiet Monetarji.
(10)Jenħtieġ li tiddaħħal klawżola fil-Ftehimiet Monetarji biex l-indipendenza tal-ftehimiet tkun garantita.
(11)Jenħtieġ li l-atti legali tal-Unjoni dwar il-banek u l-finanzi rilevanti għall-euro u dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu li saru parti mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jiġu inkorporati b’mod awtomatiku fil-Ftehimiet Monetarji jekk il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jiġi sospiż parzjalment jew kompletament jew jekk jiġi tterminat.
(12)Il-Kunsill għandu jiddetermina l-arranġamenti għall-emendar ta’ ftehimiet dwar kwistjonijiet monetarji jew tas-sistema ta’ kambju,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Kummissjoni għandha tfittex il-bidliet li ġejjin fil-Ftehimiet Monetarji fin-negozjati ta’ emenda għall-Ftehim Monetarju mal-Prinċipat ta’ Andorra u emenda għall-Ftehim Monetarju mar-Repubblika ta’ San Marino:
(a)L-inklużjoni ta’ klawżola fil-Ftehimiet Monetarji li permezz tagħha l-atti l-ġodda kollha li jappartjenu għas-subsett ta’ atti legali tal-Unjoni dwar il-liġi bankarja u finanzjarja rilevanti għall-euro u l-atti legali ġodda kollha tal-Unjoni dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu jsiru parti mill-Anness rilevanti tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni esklużivament ladarba dawn l-atti legali tal-Unjoni jsiru applikabbli skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni;
(b)L-inklużjoni ta’ klawżola fil-Ftehimiet Monetarji li tiżgura li l-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-atti legali kollha tal-Unjoni dwar il-liġi bankarja u finanzjarja rilevanti għall-euro u l-atti legali kollha tal-Unjoni dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, kemm fil-passat kif ukoll fil-futur, jenħtieġ li ssir fil-qafas tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, u tista’ tkun rilevanti għall-applikazzjoni tal-Ftehimiet Monetarji. Jenħtieġ li l-klawżola tiddikjara wkoll b’mod ċar li l-atti legali tal-Unjoni dwar il-liġi bankarja u finanzjarja rilevanti għall-euro jiġu mmarkati b’mod ċar bħala tali, sabiex meta tiġi vvalutata l-implimentazzjoni tagħhom, dan ikun jista’ jsir fl-istess waqt għall-fini tal-Ftehim Monetarju, kif inhuwa l-każ għall-atti legali kollha tal-Unjoni dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu;
(c)L-inklużjoni ta’ klawżola fil-Ftehim Monetarju li permezz tagħha l-atti legali tal-Unjoni dwar il-liġi bankarja u finanzjarja meħtieġa għall-euro u l-atti legali kollha tal-Unjoni dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu li huma elenkati fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni iżda li huma rilevanti għall-użu u l-protezzjoni bla xkiel tal-euro huma mmarkati b’mod ċar, sabiex il-valutazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ dawn l-atti fil-Prinċipat ta’ Andorra u r-Repubblika ta’ San Marino skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni tkun tista’ fl-istess waqt issir għall-finijiet tal-Ftehimiet Monetarji;
(d)L-inklużjoni ta’ klawżola fil-Ftehimiet Monetarji li permezz tagħha s-subsett tal-atti legali l-ġodda kollha tal-Unjoni dwar il-liġi bankarja u finanzjarja rilevanti għall-euro u l-atti legali ġodda kollha tal-Unjoni dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li jkunu saru parti mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, jiġu inkorporati b’mod awtomatiku fl-Annessi tal-Ftehimiet Monetarji jekk il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jkun parzjalment jew kompletament sospiż jew jekk jiġi tterminat;
(e)L-inklużjoni ta’ klawżola fil-Ftehimiet Monetarji li tiżgura li l-atti legali tal-Unjoni ta’ natura ta’ liġi monetarja għandhom jibqgħu rregolati esklussivament mill-Ftehimiet Monetarji.
Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Prinċipat ta’ Andorra u lir-Repubblika ta’ San Marino dwar il-ħtieġa u r-rieda tal-Unjoni li temenda l-Ftehimiet Monetarji.
Artikolu 2
Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tinnegozja, tikkonkludi u tiffirma l-emenda għall-Ftehim Monetarju mal-Prinċipat ta’ Andorra f’erba’ lingwi: Il-Katalan, il-Franċiż, l-Ingliż u l-Ispanjol. It-test f’kull waħda minn dawn il-lingwi għandu jitqies ugwalment awtentiku.
Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tinnegozja, tikkonkludi u tiffirma l-emenda għall-Ftehim Monetarju mar-Repubblika ta’ San Marino bl-Ingliż.
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President