Brussell, 31.1.2024

COM(2024) 50 final

2024/0028(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar miżuri temporanji ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ li jissupplimentaw il-konċessjonijiet kummerċjali applikabbli għall-prodotti Ukreni skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika
u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Il-gwerra ta’ aggressjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna mill-24 ta’ Frar 2022 kellha impatt negattiv profond fuq il-kapaċità tal-Ukrajna li twettaq kummerċ mal-bqija tad-dinja, minħabba l-piż impost fuq il-ħajjiet umani, il-ħtieġa li ssir enfasi fuq id-difiża tat-territorju, l-ispustament ta’ popolazzjonijiet kbar, il-qerda tal-kapaċità tal-produzzjoni u n-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ sehem sinifikanti ta’ mezzi tat-trasport minħabba r-restrizzjonijiet fuq l-aċċess għall-Baħar l-Iswed. F’dan il-kuntest diffiċli, fil-konklużjonijiet tiegħu tas-27 ta’ Ottubru 2023 u l-15 ta’ Diċembru 2023, il-Kunsill Ewropew issottolinja li se jkompli jipprovdi appoġġ politiku u ekonomiku b’saħħtu lill-Ukrajna sakemm ikun hemm bżonn. Barra minn hekk, l-Ukrajna talbet lill-Unjoni tiffaċilita kemm jista’ jkun il-kundizzjonijiet biex il-pajjiż ikun jista’ jżomm il-pożizzjoni kummerċjali tiegħu mal-bqija tad-dinja u jkompli japprofondixxi r-relazzjonijiet kummerċjali tiegħu mal-Unjoni. Il-miżuri għal dan l-għan jinkludu l-iffaċilitar tal-loġistika permezz tal-Ftehim bejn l-Unjoni u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq 1 u l-Korsiji ta’ Solidarjetà bejn l-UE u l-Ukrajna u ż-żieda tal-livell ta’ liberalizzazzjoni tas-suq permezz tar-Regolament (UE) 2022/870 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2022 2 u r-Regolament (UE) 2023/1077 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2023 3 dwar il-miżuri temporanji ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ li jissupplimentaw il-konċessjonijiet kummerċjali applikabbli għall-prodotti Ukreni skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Ir-Regolament (UE) 2023/1077 daħal fis-seħħ fis-6 ta’ Ġunju 2023 u se jkun fis-seħħ sal-5 ta’ Ġunju 2024. Dawn il-miżuri żiedu l-flessibbiltà u ċ-ċertezza għall-produtturi Ukreni.

Fid-dawl tal-gwerra ta’ aggressjoni li għadha għaddejja tar-Russja kontra l-Ukrajna, il-ħtieġa li tirriżulta li l-Ukrajna tkompli tiġi appoġġata ekonomikament, u meta jitqies li l-Ukrajna ngħatat status ta’ kandidat tal-UE f’Ġunju 2022 u n-Negozjati dwar l-Adeżjoni nfetħu f’Diċembru 2023, il-Kummissjoni qed tipproponi Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jġedded dawn il-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ, li jenħtieġ li japplika għal perjodu ta’ sena mid-data li fiha jiskadu l-miżuri attwali (jiġifieri mis-6 ta’ Ġunju 2024):

Sospensjoni temporanja tat-tariffi doganali pendenti kollha skont it-Titolu IV tal-Ftehim ta’ Assoċazzjoni bejn l-UE u l-Ukrajna (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim ta’ Assoċazzjoni”) 4 li jistabbilixxi żona ta’ kummerċ ħieles approfondita u komprensiva (deep and comprehensive free trade area, DCFTA). Din tikkonċerna żewġ kategoriji ta’ prodotti:

·il-frott u l-ħxejjex suġġetti għas-sistema tal-prezz tad-dħul;

·prodotti agrikoli u prodotti agrikoli pproċessati suġġetti għal kwoti tariffarji.

Sospensjoni temporanja tal-applikazzjoni tal-Kapitolu V u l-Artikolu 24 tar-regoli komuni għall-importazzjonijiet (salvagwardji) 5 fir-rigward tal-importazzjonijiet li joriġinaw mill-Ukrajna.

Dawn il-miżuri temporanji u eċċezzjonali se jikkontribwixxu għall-appoġġ u t-trawwim kontinwi tal-flussi kummerċjali eżistenti mill-Ukrajna lejn l-Unjoni. Dan huwa konformi ma’ wieħed mill-objettivi prinċipali tal-Ftehim ta’ Assoċazzjoni li huwa li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet għal titjib fir-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali li jwassal biex gradwalment l-Ukrajna tiġi integrata fis-Suq Intern tal-UE.

Il-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ previsti skont din il-proposta għal Regolament jittieħdu b’osservanza tal-impenn fl-Artikolu 2 tal-Ftehim ta’ Assoċazzjoni li jħaddan bħala element essenzjali tal-Ftehim il-promozzjoni tal-osservanza tal-prinċipji tas-sovranità u l-integrità territorjali, l-invjolabbiltà tal-fruntieri u l-indipendenza. Bl-istess mod, il-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ infushom ikunu kundizzjonali fuq l-osservanza tal-istess prinċipji bażiċi stabbiliti fl-Artikolu 2, inklużi dawk li jipprevedu li l-osservanza għall-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u l-osservanza tal-prinċipju tal-istat tad-dritt jikkostitwixxu elementi essenzjali ta’ dak il-Ftehim.

Barra minn hekk, il-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ li jinsabu f’din il-proposta għandhom l-għan li jiżguraw, f’konformità mal-Artikolu 207(1) TFUE, li l-politika kummerċjali komuni tal-Unjoni titmexxa fil-kuntest tal-prinċipji u l-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni stabbiliti fl-Artikolu 21 TUE.

Skont il-proposta, se japplika mekkaniżmu ta’ salvagwardja abbażi ta’ monitoraġġ regolari, li jippermetti li tiġi imposta kwalunkwe miżura li tkun meħtieġa. Il-mekkaniżmu ta’ salvagwardja jinkludi wkoll obbligu għall-Kummissjoni li tieħu miżuri jekk l-importazzjonijiet tal-pollam, tal-bajd u taz-zokkor jaqbżu l-medja aritmetika tal-kwantitajiet importati fl-2022 u fl-2023.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Dawn il-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ ikunu konsistenti mal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċazzjoni u b’mod partikolari mat-Titolu IV li jistabbilixxi DCFTA, li jipprevedi li l-Partijiet għandhom progressivament jistabbilixxu żona ta’ kummerċ ħieles fuq perjodu tranżitorju ta’ massimu ta’ 10 snin li jibda mid-dħul fis-seħħ ta’ dak il-Ftehim.

Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) 2023/1077 ħareġ fid-dieher l-impenn qawwi tal-UE li tappoġġja lill-Ukrajna ekonomikament permezz tal-kummerċ internazzjonali fil-kuntest tal-gwerra ta’ agressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. It-tiġdid tal-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ huwa estensjoni loġika ta’ din il-politika hekk kif il-gwerra ta’ agressjoni kif ukoll id-diffikultajiet ekonomiċi tal-Ukrajna għadhom għaddejjin.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

L-Unjoni Ewropea kkundannat bil-qawwa l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u ħadet passi bla preċedent biex tappoġġja lill-Ukrajna f’dan il-kuntest eċċezzjonali, li jvarjaw minn assistenza finanzjarja, inkluż assistenza makrofinanzjarja għal miżuri ta’ emerġenza u rikostruzzjoni, il-konsenja ta’ tagħmir militari u l-adozzjoni ta’ sanzjonijiet estensivi kontra r-Russja u l-Belarussja, għall-intensifikazzjoni tal-kooperazzjoni skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Barra minn hekk, l-Ukrajna ngħatat l-istatus ta’ kandidat tal-UE f’Ġunju 2022 u n-Negozjati tal-Adeżjoni nfetħu f’Diċembru 2023. Għaldaqstant, ir-Regolament propost jikkonforma mal-obbligu tal-Unjoni skont l-Artikolu 21(3) TUE biex tiġi żgurata konsistenza bejn l-oqsma differenti tal-azzjoni esterna tagħha, kif ukoll mal-Artikolu 207(1) TFUE li jipprevedi li l-politika kummerċjali komuni għandha titwettaq fil-kuntest tal-prinċipji u l-objettivi tal-azzjonijiet esterni tal-Unjoni, u jirriżulta minnhom.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika tal-proposta hija l-Artikolu 207(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-politika kummerċjali komuni, f’konformità mal-Artikolu 3(1)(e) tat-TFUE, hija definita bħala kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

Proporzjonalità

Din il-proposta hija meħtieġa sabiex tiġi implimentata l-politika kummerċjali komuni u sabiex jinkiseb l-għan li l-Ukrajna tiġi appoġġata ekonomikament fid-diffikultajiet attwali tagħha, anke fil-qasam tal-kummerċ mal-Unjoni.

Għażla tal-istrument

Din il-proposta hija konformi mal-Artikolu 207(2) tat-TFUE, li jipprevedi miżuri ta’ politika kummerċjali komuni.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux applikabbli.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Mhux applikabbli.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Mhux applikabbli.

Valutazzjoni tal-impatt

Sabiex tiġi żgurata kontinwazzjoni tal-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ għall-Ukrajna wara l-iskadenza tar-Regolament (UE) 2023/1077 fil-5 ta’ Ġunju 2024, huwa importanti li r-Regolament jidħol fis-seħħ fis-6 ta’ Ġunju 2024. Minħabba din il-ħtieġa u l-urġenza li tirriżulta minnha, ma twettqet l-ebda valutazzjoni tal-impatt. Madankollu, id-dispożizzjonijiet kummerċjali u relatati mal-kummerċ tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni kienu suġġetti għal valutazzjoni tal-impatt fuq is-sostenibbiltà kkummissjonata mid-DĠ Kummerċ fl-2007 li kkontribwixxiet għall-proċess ta’ negozjar tad-DCFTA. Dan l-istudju kkonferma li l-implimentazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tal-kummerċ u relatati mal-kummerċ jkollhom impatt ekonomiku pożittiv kemm għall-UE kif ukoll għall-Ukrajna.

Barra minn hekk, il-flussi tal-importazzjoni skont ir-Regolament (UE) 2023/1077 qed jiġu mmonitorjati u rrapportati regolarment. Il-monitoraġġ ma weriex evidenza prima facie ta’ effetti negattivi fuq is-Suq tal-Unjoni.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Il-miżura ma żżidx il-piż regolatorju tal-kumpaniji.

Drittijiet fundamentali

Dawn il-miżuri josservaw l-istess prinċipji bażiċi bħal dawk minquxa fil-Ftehim ta’ Assoċazzjoni bejn l-UE u l-Ukrajna. B’mod partikolari, l-Artikolu 2 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Ukrajna jipprevedi li l-osservanza tal-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u l-osservanza tal-prinċipju tal-istat tad-dritt jikkostitwixxu elementi essenzjali ta’ dak il-Ftehim.

Il-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ ikunu wkoll konformi mal-Karta Ewropea dwar id-Drittijiet Fundamentali.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Abbażi ta’ stima skont il-livell tal-volumi tal-importazzjoni ta’ prodotti koperti mir-Regolament propost li jaqbżu l-kwota annwali mingħajr dazju mill-Ukrajna fl-2021, l-Unjoni Ewropea tesperjenza telf ta’ EUR 33,4 miljun ta’ dħul doganali kull sena. L-ammont totali stmat jilħaq l-EUR 33,4 miljun 6 u għaldaqstant l-impatt fuq ir-riżorsi proprji tal-UE se jkun limitat ħafna.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Ir-rappurtar online dwar l-evoluzzjoni tal-kummerċ bilaterali bejn l-UE u l-Ukrajna huwa disponibbli permezz ta’ siti web apposta tal-Kummissjoni Ewropea. Il-monitoraġġ regolari tal-impatt tar-Regolament li jqis l-informazzjoni dwar l-esportazzjonijiet, l-importazzjonijiet, il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni u l-produzzjoni tal-Unjoni tal-prodotti suġġetti għall-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ għandu jsir kull xahrejn.

Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Mhux applikabbli.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Fid-dawl tas-sitwazzjoni ta’ emerġenza fl-Ukrajna, il-miżura għandha l-għan li żżid il-flussi kummerċjali li jikkonċernaw l-importazzjonijiet kollha mill-Ukrajna billi tissospendi t-tariffi u d-dazji tal-importazzjoni kollha pendenti applikati għall-prodotti Ukreni. Il-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ jingħataw fil-forma ta’ sospensjoni sħiħa tad-dazji tal-importazzjoni fuq il-prodotti kollha.

2024/0028 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar miżuri temporanji ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ li jissupplimentaw il-konċessjonijiet kummerċjali applikabbli għall-prodotti Ukreni skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika
u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja 7 ,

Billi:

(1)Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra 8 (il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”) jikkostitwixxi l-bażi tar-relazzjoni bejn l-Unjoni u l-Ukrajna. Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/668/UE 9 , it-Titolu IV tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, li jirrigwarda l-kummerċ u kwistjonijiet relatati mal-kummerċ, ġie applikat proviżorjament mill-1 ta’ Jannar 2016, u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2017, wara li ġie ratifikat mill-Istati Membri kollha.

(2)Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jesprimi x-xewqa tal-Partijiet għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni (il-“Partijiet”) li jsaħħu u jwessgħu r-relazzjonijiet b’mod ambizzjuż u innovattiv, li jiffaċilitaw u jiksbu integrazzjoni ekonomika gradwali, u li jagħmlu dan f’konformità mad-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mis-sħubija tal-Partijiet fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.

(3)L-Artikolu 25 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jipprovdi għall-istabbiliment progressiv ta’ żona ta’ kummerċ ħieles bejn il-Partijiet f’konformità mal-Artikolu XXIV tal-Ftehim Ġenerali tal-1994 dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (“GATT 1994”). Għal dan il-għan, l-Artikolu 29 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jipprevedi l-eliminazzjoni progressiva tad-dazji doganali f’konformità mal-Iskedi inklużi fih u l-possibbiltà li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ tali eliminazzjoni jitħaffef u jitwessa’.

(4)Il-gwerra ta’ aggressjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna mill-24 ta’ Frar 2022 kellha impatt negattiv profond fuq il-kapaċità tal-Ukrajna li tinnegozja mal-bqija tad-dinja, kemm minħabba l-qerda tal-kapaċità tal-produzzjoni kif ukoll minħabba n-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ proporzjon sinifikanti ta’ mezzi tat-trasport minħabba, pereżempju, ir-restrizzjoni u l-inċertezza rigward l-aċċess għall-Baħar l-Iswed. F’ċirkostanzi eċċezzjonali bħal dawn u biex jittaffa l-impatt ekonomiku negattiv tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, jenħtieġ li jitħaffef l-iżvilupp ta’ relazzjonijiet ekonomiċi aktar mill-qrib bejn l-Unjoni u l-Ukrajna sabiex ikompli jingħata appoġġ lill-awtoritajiet u lill-popolazzjoni Ukreni. Huwa għalhekk neċessarju u xieraq li jibqgħu jiġu stimulati l-flussi kummerċjali u li jingħataw konċessjonijiet fil-forma ta’ miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ għall-prodotti kollha f’konformità mal-aċċellerazzjoni tal-eliminazzjoni tad-dazji doganali fuq il-kummerċ bejn l-Unjoni u l-Ukrajna.

(5)F’konformità mal-Artikolu 21(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), l-Unjoni għandha tiżgura l-konsistenza bejn l-oqsma differenti tal-azzjoni esterna tagħha. Skont l-Artikolu 207(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-politika kummerċjali komuni għandha titwettaq fil-kuntest tal-prinċipji u l-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni.

(6)Ir-Regolament (UE) 2023/1077 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 10 jiskadi fil-5 ta’ Ġunju 2024.

(7)Il-miżuri temporanji ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ stabbiliti b’dan ir-Regolament jenħtieġ li jieħdu l-forma li ġejja: (i) is-sospensjoni tal-applikazzjoni tas-sistema ta’ prezzijiet ta’ dħul għall-frott u l-ħxejjex; (ii) is-sospensjoni tal-kwoti tar-rati tariffarji u tad-dazji tal-importazzjoni; u (iii) is-sospensjoni tal-applikazzjoni tal-Kapitolu V u l-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 11 . Fil-fatt, permezz ta’ dawk il-miżuri, l-Unjoni se tipprovdi temporanjament appoġġ ekonomiku u finanzjarju xieraq għall-benefiċċju tal-Ukrajna u l-operaturi ekonomiċi li huma affettwati.

(8)Sabiex tiġi evitata l-frodi, l-arranġamenti preferenzjali stabbiliti b’dan ir-Regolament jenħtieġ li jkunu kondizzjonali fuq li l-Ukrajna tikkonforma mal-kundizzjonijiet rilevanti kollha biex tikseb benefiċċji skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, inklużi r-regoli tal-oriġini tal-prodotti kkonċernati u l-proċeduri relatati magħhom, kif ukoll l-involviment tal-Ukrajna f’kooperazzjoni amministrattiva mill-qrib mal-Unjoni, kif previst mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

(9)L-arranġamenti preferenzjali stabbiliti b’dan ir-Regolament jenħtieġ li jkunu kundizzjonali wkoll fuq il-fatt li l-Ukrajna tastjeni milli tintroduċi dazji jew imposti ġodda li jkollhom effett ekwivalenti u restrizzjonijiet kwantitattivi ġodda jew miżuri li jkollhom effett ekwivalenti, milli żżid il-livelli eżistenti ta’ dazji jew imposti, jew milli tintroduċi kwalunkwe restrizzjoni oħra fuq il-kummerċ mal-Unjoni, sakemm ma jkunx iġġustifikat b’mod ċar fil-kuntest tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja.

(10)L-arranġamenti preferenzjali stabbiliti b’dan ir-Regolament jenħtieġ li jkunu kondizzjonali wkoll fuq li l-Ukrajna tkompli tirrispetta l-prinċipji ġenerali tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 2 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jipprevedi li, fost affarijiet oħra, l-osservanza għall-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, il-promozzjoni tar-rispett lejn il-prinċipji tas-sovranità u l-integrità territorjali, l-invjolabbiltà tal-fruntieri, u l-indipendenza kif ukoll il-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva, materjali relatati u l-mezzi ta’ kunsinna tagħhom jikkostitwixxu elementi essenzjali tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 3 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jiddikjara li l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-ġlieda kontra l-forom differenti ta’ kriminalità organizzata u terroriżmu tranżnazzjonali, il-promozzjoni ta’ żvilupp sostenibbli u multilateraliżmu effettiv huma ċentrali għat-tisħiħ tar-relazzjoni bejn il-Partijiet.

(11)Soġġett għal valutazzjoni mill-Kummissjoni mwettqa fil-kuntest tal-monitoraġġ regolari tal-impatt ta’ dan ir-Regolament u mnedija jew wara talba debitament sostanzjata minn Stat Membru jew fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni stess, huwa meħtieġ li tiġi prevista l-possibbiltà li tittieħed kwalunkwe miżura meħtieġa għall-importazzjonijiet ta’ kwalunkwe prodotti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament li qed jaffettwaw b’mod negattiv is-suq tal-Unjoni jew is-suq ta’ Stat Membru wieħed jew aktar għal prodotti simili jew li jikkompetu direttament. Hemm sitwazzjoni partikolarment prekarja fis-swieq tal-pollam, tal-bajd u taz-zokkor li tista’ tagħmel ħsara lill-produtturi agrikoli tal-Unjoni jekk l-importazzjonijiet mill-Ukrajna kellhom jiżdiedu. Huwa xieraq li tiġi introdotta salvagwardja awtomatika għall-bajd, il-pollam, u l-prodotti taz-zokkor li tiġi attivata jekk il-kwantitajiet importati skont dan ir-Regolament jaqbżu l-medja aritmetika tal-kwantitajiet fl-2022 u fl-2023.

(12)Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni biex tissospendi temporanjament l-arranġamenti preferenzjali previsti fl-Artikolu 1(1) jekk il-kundizzjonijiet għall-intitolament għal dawk l-arranġamenti preferenzjali ma jibqgħux jiġu rrispettati u biex tintroduċi salvagwardji f’każijiet fejn is-suq tal-Unjoni jew is-suq ta’ Stat Membru wieħed jew aktar ta’ prodotti simili jew li jikkompetu direttament jiġu affettwati b’mod negattiv mill-importazzjonijiet skont dan ir-Regolament. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 12 . Il-proċedura konsultattiva jenħtieġ li tintuża għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja provviżorji, minħabba l-effetti u n-natura ta’ dawk il-miżuri u l-loġika sekwenzjali tagħhom fir-rigward tal-adozzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja definittivi.

(13)Jenħtieġ li r-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni taż-Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva, li hija parti integrali mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, jinkludi valutazzjoni fid-dettall tal-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ stabbiliti permezz ta’ dan ir-Regolament.

(14)Minħabba l-urġenza tal-kwistjoni relatata mas-sitwazzjoni kkawżata mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, jitqies li huwa xieraq li tiġi invokata l-eċċezzjoni għall-perjodu ta’ tmien ġimgħat prevista fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-TUE, mat-TFUE u mat-Trattat li jistabbilixxi l- Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika.

(15)Fid-dawl tal-iskadenza tar-Regolament (UE) 2023/1077 fil-5 ta’ Ġunju 2024, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fis-6 ta’ Ġunju 2024,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1
Miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ

1.Jiġu introdotti l-arranġamenti preferenzjali li ġejjin:

(a)l-applikazzjoni tas-sistema ta’ prezzijiet ta’ dħul għandha tiġi sospiża għal dawk il-prodotti li għalihom tapplika kif speċifikat fl-Anness I-A tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. L-ebda dazju doganali ma għandu japplika għall-importazzjonijiet ta’ dawk il-prodotti;

(b)il-kwoti tariffarji kollha stabbiliti skont l-Anness I-A tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għandhom jiġu sospiżi u l-prodotti koperti minn dawk il-kwoti għandhom jiġu ammessi għall-importazzjoni fl-Unjoni mill-Ukrajna mingħajr ebda dazju doganali.

2.L-applikazzjoni tal-Kapitolu V u l-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2015/478 għandha tiġi sospiża temporanjament fir-rigward tal-importazzjonijiet li joriġinaw fl-Ukrajna.

Artikolu 2
Kundizzjonijiet tad-dritt għall-arranġamenti preferenzjali

L-arranġamenti preferenzjali previsti fl-Artikolu 1(1) għandhom ikunu suġġetti għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)il-konformità mar-regoli tal-oriġini tal-prodotti u l-proċeduri relatati magħhom kif previst fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni;

(b)l-astensjoni tal-Ukrajna milli tintroduċi dazji jew imposti ġodda li jkollhom effett ekwivalenti u restrizzjonijiet kwantitattivi ġodda jew miżuri li jkollhom effett ekwivalenti għal importazzjonijiet li joriġinaw mill-Unjoni, milli żżid il-livelli eżistenti ta’ dazji jew imposti jew milli tintroduċi kull restrizzjoni oħra fuq il-kummerċ tal-Unjoni, inkluż miżuri diskriminatorji amministrattivi interni, sakemm dan ma jkunx iġġustifikat b’mod ċar fil-kuntest tal-gwerra; kif ukoll

(c)l-osservanza tal-Ukrajna tal-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u l-osservanza tal-prinċipju tal-istat tad-dritt kif ukoll it-tkomplija tal-isforzi sostnuti fir-rigward tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u attivitajiet illegali previsti fl-Artikoli 2, 3 u 22 tal-Ftehim ta’ Assoċazzjoni.

Artikolu 3
Sospensjoni temporanja

1.Fejn il-Kummissjoni ssib li jkun hemm biżżejjed evidenza ta’ nuqqas ta’ konformità mill-Ukrajna mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2, hija tista’ tissospendi kompletament jew parzjalment l-arranġamenti preferenzjali previsti fl-Artikolu 1(1), permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 5(3).

2.Meta Stat Membru jitlob li l-Kummissjoni tissospendi kwalunkwe wieħed mill-arranġamenti preferenzjali abbażi tan-nuqqas mill-Ukrajna li tikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2, il-punt (b), il-Kummissjoni għandha tipprovdi opinjoni motivata fi żmien erba’ xhur minn meta ssir tali talba dwar jekk il-pretensjoni tan-nuqqas tal-Ukrajna li tikkonforma hijiex sostanzjata. Jekk il-Kummissjoni tikkonkludi li l-allegazzjoni tkun sostanzjata, għandha tagħti bidu għall-proċedura msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 4
Miżuri ta’ salvagwardja

1.Jekk prodott kopert mill-Artikolu 1(1) li joriġina fl-Ukrajna jiġi importat taħt kundizzjonijiet li jaffettwaw b’mod negattiv is-suq tal-Unjoni jew is-suq ta’ Stat Membru wieħed jew aktar għal prodotti simili jew li jikkompetu direttament, il-Kummissjoni tista’ timponi kwalunkwe miżura li tkun meħtieġa permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 5(3).

Dawn il-miżuri jistgħu jiġu imposti sakemm ikun meħtieġ biex jikkontrobattu l-effetti negattivi fuq is-suq tal-Unjoni jew is-suq ta’ Stat Membru wieħed jew aktar għal prodotti simili jew li jikkompetu direttament.

2.Il-Kummissjoni għandha timmonitorja regolarment l-impatt ta’ dan ir-Regolament, filwaqt li tqis l-informazzjoni dwar l-esportazzjonijiet, l-importazzjonijiet, il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni jew fis-suq ta’ Stat Membru wieħed jew aktar u l-produzzjoni tal-Unjoni tal-prodotti soġġetti għall-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ skont l-Artikolu 1(1), il-punt (b).

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri dwar ir-riżultati tal-monitoraġġ regolari kull xahrejn, minn meta jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament.

3.Il-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjoni tas-sitwazzjoni tas-suq tal-Unjoni jew tas-suq ta’ Stat Membru wieħed jew aktar għal prodotti simili jew f’kompetizzjoni diretta biex timponi miżuri skont il-paragrafu 1. Dik il-valutazzjoni għandha titnieda:

(a)wara talba sostanzjata kif xieraq minn Stat Membru li tinkludi biżżejjed evidenza prima facie disponibbli b’mod raġonevoli għal dak l-Istat Membru skont il-paragrafu 4 ta’ importazzjonijiet li jaffettwaw b’mod negattiv lis-suq imsemmi fil-paragrafu 1, jew

(b)fuq l-inizjattiva tagħha stess, wara li jkun ħareġ biċ-ċar għall-Kummissjoni li hemm biżżejjed evidenza prima facie ta’ importazzjonijiet li jaffettwaw b’mod negattiv lis-suq imsemmi fil-paragrafu 1.

Il-valutazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tiġi konkluża fi żmien erba’ xhur mit-tnedija tagħha.

4.Fit-twettiq tal-valutazzjoni skont il-paragrafu 3, il-Kummissjoni għandha tqis l-iżviluppi rilevanti kollha tas-suq, inkluż l-impatt tal-importazzjonijiet ikkonċernati fuq is-sitwazzjoni tas-suq tal-Unjoni jew tas-suq ta’ Stat Membru wieħed jew aktar għal prodotti simili jew li jikkompetu direttament. Dik il-valutazzjoni għandha tinkludi fatturi bħal:

(a)ir-rata u l-ammont taż-żieda fl-importazzjoni tal-prodott ikkonċernat mill-Ukrajna f’termini assoluti u relattivi,

(b)l-effett tal-importazzjonijiet ikkonċernati fuq il-produzzjoni u l-prezzijiet fl-Unjoni jew fi Stat Membru wieħed jew aktar, filwaqt li jitqies l-iżvilupp tal-importazzjonijiet minn sorsi oħra.

Din il-lista mhix eżawrjenti u fatturi rilevanti oħra jistgħu wkoll jiġu kkunsidrati.

5.F’ċirkostanzi kritiċi fejn id-dewmien jikkawża dannu li jkun diffiċli li jissewwa, il-Kummissjoni tista’ timponi b’mod provviżorju kwalunkwe miżura li tkun meħtieġa permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni. Tali miżuri jistgħu jiġu imposti biss fuq talba debitament sostanzjata minn Stat Membru skont il-paragrafu 3(a) ta’ dan l-Artikolu u għandhom jiġu adottati fi żmien 21 jum wara li tkun waslet it-talba. L-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 5(4). It-tul ta’ żmien ta’ miżura ta’ salvagwardja proviżorja ma għandux jaqbeż il-120 jum.

6.Meta, bħala riżultat tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, il-Kummissjoni tqis li s-suq tal-Unjoni jew is-suq ta’ Stat Membru wieħed jew aktar għal prodotti simili jew li jikkompetu direttament ikun ġie affettwat ħażin u jkollha l-ħsieb li timponi miżura definittiva skont il-paragrafu 1, hija għandha tippubblika avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li jħabbar l-introduzzjoni ta’ tali miżuri. L-avviż għandu jipprovdi sommarju tar-riżultati ewlenin tal-valutazzjoni u jispeċifika l-perjodu li fih il-partijiet interessati jistgħu jissottomettu l-fehmiet tagħhom bil-miktub. Dan il-perjodu ma għandux jeċċedi għaxart ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni tal-avviż.

7.Jekk, matul il-perjodu mis-6 ta’ Ġunju sal-31 ta’ Diċembru 2024, il-volumi kumulattivi tal-importazzjoni tal-bajd, tal-pollam jew taz-zokkor mill-1 ta’ Jannar 2024 jilħqu l-medja aritmetika rispettiva tal-volumi tal-importazzjoni rreġistrati fl-2022 u fl-2023, il-Kummissjoni għandha, fi żmien 21 jum u wara li tinforma lill-Kumitat dwar is-Salvagwardji stabbilit bl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2015/478:

(a)tintroduċi mill-ġdid għal dak il-prodott il-kwota tariffarja korrispondenti sospiża mill-Artikolu 1(1), il-punt b, sal-31 ta’ Diċembru 2024; kif ukoll

(b)tintroduċi mill-1 ta’ Jannar 2025 jew kwota tariffarja ugwali għal ħames partijiet minn kull tnax ta’ dik il-medja aritmetika jew il-kwota tariffarja korrispondenti sospiża mill-Artikolu 1(1), il-punt b, skont liema tkun l-ogħla.

Jekk, matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar sal-5 ta’ Ġunju 2025, il-volumi kumulattivi tal-importazzjoni tal-bajd, tal-pollam jew taz-zokkor għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2025 jilħqu ħames partijiet minn kull tnax tal-medja aritmetika rispettiva tal-volumi tal-importazzjoni rreġistrati fl-2022 u fl-2023, il-Kummissjoni għandha, fi żmien 21 jum u wara li tinforma lill-Kumitat dwar is-Salvagwardji, tintroduċi mill-ġdid għal dak il-prodott il-kwota tariffarja korrispondenti sospiża mill-Artikolu 1(1), il-punt b.

Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, it-termini bajd, pollam u zokkor jirreferu għall-prodotti kollha koperti mill-kwoti tariffarji fl-Appendiċi tal-Anness I-A tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għal, rispettivament, il-bajd u l-albumini, il-laħam tal-pollam u l-preparazzjonijiet tal-laħam tal-pollam, u z-zokkor, u l-medja aritmetika għandha tiġi kkalkulata billi s-somma tal-volumi tal-importazzjoni fl-2022 u fl-2023 tiġi diviża bi tnejn.

8.Jekk il-Kummissjoni timponi miżura skont il-paragrafu 1, 5, jew 7 li tintroduċi mill-ġdid kwota tariffarja sospiża mill-Artikolu 1(1), il-punt b, il-kwantità importata matul is-sena kalendarja li fiha l-Kummissjoni timponi dik il-miżura għandha titqies fil-ġestjoni ta’ dik il-kwota tariffarja.

Artikolu 5
Proċedura ta’ Kumitat

1.Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali stabbilit bl-Artikolu 285(1) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 13 fir-rigward tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-Regolament. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat dwar is-Salvagwardji stabbilit bl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2015/478 fir-rigward tal-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-Regolament. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

4.Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 6
Valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ

Ir-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni taż-Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondit u Komprensiv għandu jinkludi valutazzjoni fid-dettall tal-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ previsti f’dan ir-Regolament u għandu jinkludi, sa fejn ikun xieraq, valutazzjoni tal-impatt soċjali ta’ dawn il-miżuri fl-Ukrajna u fl-Unjoni. L-informazzjoni dwar l-importazzjonijiet ta’ prodotti skont l-Artikolu 1(1), il-punt (b), għandha tkun disponibbli fuq is-sit web tal-Kummissjoni u għandha tiġi aġġornata kull xahar.

Artikolu 7
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-6 ta’ Ġunju 2024.

Dan ir-Regolament għandu japplika sal-5 ta’ Ġunju 2025.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President


DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA GĦAL PROPOSTI LI GĦANDHOM IMPATT BAĠITARJU LIMITAT ESKLUSSIVAMENT FUQ IN-NAĦA TAD-DĦUL

1.ISEM IL-PROPOSTA:

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-liberalizzazzjoni temporanja tal-kummerċ li tissupplimenta l-konċessjonijiet kummerċjali applikabbli għall-prodotti tal-Ukrajna skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra.

2.LINJI BAĠITARJI:

Il-Kapitolu 12, l-Artikolu 120

Ammont ibbaġittjat għas-sena 2024: 24 620 400 000

3.IMPATT FINANZJARJU

   Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni finanzjarja

X    Il-proposta ma għandha l-ebda impatt finanzjarju fuq in-nefqa iżda għandha impatt finanzjarju fuq id-dħul – l-effett huwa kif ġej:

Linja baġitarja

Dħul 

Perjodu: parti mill-2024 - parti mill-2025*

(miljuni ta’ EUR sa pożizzjoni deċimali waħda)

Artikolu 120 Kapitolu 12 14

Impatt fuq ir-riżorsi proprji

33,4

Totali

* Perjodu ta’ sena mid-dħul fis-seħħ tar-regolament

Il-kalkoli huma bbażati fuq il-volumi tal-importazzjoni tal-2021 ta’ prodotti koperti mir-Regolament propost li jaqbżu l-kwota annwali mingħajr dazju (jiġifieri l-kwoti tariffarji 40).

Abbażi tal-kalkoli ta’ hawn fuq, it-telf tad-dħul mir-riżorsi proprji tradizzjonali mir-Regolament propost huwa stmat għal EUR 44,5 miljun (ammont gross, inklużi l-kostijiet tal-ġbir) x 0,75 = EUR 33,4 miljun għall-perjodu inkwistjoni.

4.MIŻURI KONTRA L-FRODI

Sabiex jiġi evitat il-frodi, jenħtieġ li l-jedd għall-miżuri kummerċjali awtonomi stabbiliti permezz tar-Regolament propost ikun kundizzjonali fuq il-fatt li l-Ukrajna tkun ikkonformat mal-kundizzjonijiet rilevanti kollha biex jinkisbu l-benefiċċji skont il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, inkluż ir-regoli tal-oriġini tal-prodotti kkonċernati u l-proċeduri relatati magħhom, kif ukoll l-involviment tal-Ukrajna f’kooperazzjoni amministrattiva mill-qrib mal-Unjoni, kif previst mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

(1)    Ara d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1158 tas-27 ta’ Ġunju 2022 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq ( ĠU L 179, 6.7.2022, p. 1 ) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2435 tal-5 ta’ Diċembru 2022 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq (ĠU L 319, 13.12.2022, p. 5) kif ukoll id-Deċiżjoni Nru 2/2023 tal-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq tas-16 ta’ Marzu 2023 fir-rigward tal-kontinwazzjoni tal-Ftehim (ĠU L 123, 8.5.2023, p. 36).
(2)    Ir-Regolament (UE) 2022/870 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2022 dwar il-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ temporanji li tissupplimenta l-konċessjonijiet kummerċjali applikabbli għall-prodotti Ukreni skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra (ĠU L 152, 3.6.2022, p. 103).
(3)    Ir-Regolament (UE) 2023/1077 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2023 dwar il-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ temporanji li jissupplimenta l-konċessjonijiet kummerċjali applikabbli għall-prodotti Ukreni skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra (ĠU L 144, 5.6.2023, p. 1).
(4)    Il-Ftehim ta’ Assoċazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra ( ĠU L 161, 29.5.2014, p. 3 ) ġie ffirmat mill-Partijiet f’żewġ partijiet, f’Marzu u f’Ġunju tal-2014. Il-Ftehim ta’ Assoċazzjoni ġie applikat proviżorjament f’xi partijiet mill-1 ta’ Novembru 2014. Iż-Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (DCFTA) ilha tiġi applikata proviżorjament mill-1 ta’ Jannar 2016 u ilha fis-seħħ bis-sħiħ mill-1 ta’ Settembru 2017 wara r-ratifika mill-Istati Membri kollha tal-UE.
(5)    Ir-Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet (ĠU L 83, 27.3.2015, p. 16).
(6)    L-istima li taqbeż il-kwoti tariffarji tammonta għal EUR 44,5 miljun. Għaldaqstant, it-telf tad-dħul mir-riżorsi proprji tradizzjonali minn dan ir-Regolament huwa stmat għal EUR 44,5 miljun (ammont gross, inklużi l-kostijiet tal-ġbir) x 0,75 = EUR 33,4 miljun għall-perjodu inkwistjoni.
(7)    Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta’ ss.xx.2024 (għadha mhux ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill …
(8)    ĠU L 161, 29.5.2014, p. 3.
(9)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/668/UE tat-23 ta’ Ġunju 2014 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-Titolu III (bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw it-trattament ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi legalment impjegati bħala ħaddiema fit-territorju tal-Parti l-oħra) u t-Titoli IV, V, VI u VII tiegħu, kif ukoll l-Annessi u l-Protokolli relatati (ĠU L 278, 20.9.2014, p. 1).
(10)    Ir-Regolament (UE) 2023/1077 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2023 dwar il-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ temporanji li jissupplimenta l-konċessjonijiet kummerċjali applikabbli għall-prodotti Ukreni skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra (ĠU L 144, 5.6.2023, p. 1-6).
(11)    Ir-Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet (ĠU L 83, 27.3.2015, p. 16).
(12)    Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(13)    Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni ( ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1 ).
(14)    Fir-rigward tar-riżorsi proprji tradizzjonali (dazji agrikoli, imposti taz-zokkor, dazji doganali) l-ammonti indikati jridu jkunu ammonti netti, jiġifieri ammonti grossi wara t-tnaqqis tal-25 % tal-kostijiet tal-ġbir.