IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 30.1.2024
COM(2024) 39 final
2024/0015(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li tawtorizza lill-Iżvezja tapplika rati mnaqqsa tad-dazju tas-sisa fuq l-elettriku kkonsmat mill-unitajiet domestiċi u mill-kumpaniji fis-settur tas-servizzi li jinsabu f’ċerti żoni fit-Tramuntana tal-Iżvezja
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
It-tassazzjoni fuq il-prodotti tal-enerġija u fuq l-elettriku fl-Unjoni tirregolaha d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE (minn hawn ’il quddiem imsejħa d-“Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija” jew “id-Direttiva”).
Skont l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva, flimkien mad-dispożizzjonijiet stabbiliti b’mod partikolari fl-Artikoli 5, 15 u 17 tagħha, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru jintroduċi iktar eżenzjonijiet jew tnaqqisiet fil-livell ta’ tassazzjoni għal kunsiderazzjonijiet speċifiċi ta’ politika.
L-objettiv ta’ din il-proposta huwa li, fil-limiti definiti, l-Iżvezja titħalla tibqa’ tapplika rata mnaqqsa ta’ dazju tas-sisa fuq l-elettriku kkonsmat mill-unitajiet domestiċi u mill-kumpaniji fis-settur tas-servizzi f’ċerti żoni fit-Tramuntana tal-Iżvezja. L-objettiv ta’ din il-miżura huwa li tikkumpensa għall-kostijiet ogħla tat-tisħin f’dawn iż-żoni kkawżati mill-kundizzjonijiet klimatiċi speċifiċi tar-reġjun.
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2409 tat-18 ta’ Diċembru 2017 attwalment tawtorizza lill-Iżvezja tapplika rata mnaqqsa tad-dazju tas-sisa fuq l-elettriku kkonsmat mill-unitajiet domestiċi u mill-kumpaniji fis-settur tas-servizzi li jinsabu f’ċerti muniċipalitajiet elenkati fl-Anness tad-Deċiżjoni. It-tnaqqis fit-taxxa għandu jkun proporzjonat għall-kostijiet addizzjonali tat-tisħin minħabba l-pożizzjoni fit-Tramuntana, meta mqabbla ma’ dawk fil-bqija tal-Iżvezja, filwaqt li r-rata mnaqqsa għandha tkun konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2003/96/KE, u b’mod partikolari mal-livelli minimi ta’ tassazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 10 ta’ dik id-Direttiva. Din l-awtorizzazzjoni tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2023.
Permezz tal-ittra tal-11 ta’ April 2023, l-awtoritajiet Żvediżi informaw lill-Kummissjoni li beħsiebhom jibqgħu japplikaw din ir-rata mnaqqsa tad-dazju tas-sisa. It-tnaqqis ma għandux jaqbeż SEK 96 għal kull MWh (jew SEK 0,096/kWh), li jikkorrispondi għal madwar EUR 8,8/MWh (jew EUR 0,0088/kWh). L-Iżvezja talbet biex it-tnaqqis jiġi awtorizzat għal perjodu ta’ 4 snin, jiġifieri sal-31 ta’ Diċembru 2027, li huwa skont il-perjodu massimu indikat fl-Artikolu 19(2) tad-Direttiva.
Fl-10 ta’ Ottubru 2023, l-Iżvezja pprovdiet informazzjoni u kjarifiki addizzjonali.
L-Iżvezja semmiet li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din it-talba għal deroga huwa identiku għat-talba preċedenti. It-tnaqqis fit-taxxa se jkompli japplika għall-enerġija elettrika kkonsmata għal skopijiet oħra għajr (i) attivitajiet industrijali, (ii) attivitajiet agrikoli jew tal-forestrija professjonali, (iii) attivitajiet professjonali tal-akkwakultura, (iv) elettriku mix-xatt, jew (v) fil-ferroviji jew mezzi oħra tat-trasport ferrovjarji jew għat-tħaddim tal-magni jew għat-tisħin b’konnessjoni immedjata ma’ tali konsum. Bl-eċċezzjoni tat-tnaqqis għall-konsum tal-elettriku mix-xatt (li jibbenefika minn tnaqqis mogħti abbażi tal-Artikolu 19 tad-Direttiva), il-konsum tal-elettriku għal dawn l-attivitajiet jibbenefika minn possibbiltajiet oħra ta’ tnaqqis stabbiliti fl-Att Żvediż dwar it-Taxxa fuq l-Enerġija u għalhekk ma jingħatawx abbażi tal-Artikolu 19 tad-Direttiva.
L-Iżvezja ġġustifikat il-miżura permezz ta’ objettivi ambjentali, kif ukoll reġjonali u tal-politika ta’ koeżjoni. L-Iżvezja enfasizzat il-fatt li r-rati nazzjonali tad-dazju tas-sisa fuq l-elettriku jaqbżu b’mod konsiderevoli l-livelli minimi ta’ tassazzjoni stabbiliti fid-Direttiva 2003/96/KE u li għalhekk jingħata inċentiv iktar qawwi għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija permezz tas-sistema ta’ tassazzjoni fil-livell nazzjonali milli meħtieġ mir-rati minimi tal-UE. Madankollu, skont l-awtoritajiet Żvediżi, dan il-livell ġenerali għoli ta’ tassazzjoni jista’ jinżamm biss jekk iż-żoni tat-Tramuntana, li għandhom żvantaġġ kompetittiv minħabba l-kundizzjonijiet klimatiċi, jingħataw tnaqqis fit-taxxa. Fl-istess ħin, il-miżura mitluba ttaffi d-differenzi fil-kostijiet tat-tisħin bejn il-partijiet differenti tal-pajjiż u b’hekk tikkontribwixxi għall-objettivi tal-politiki reġjonali u ta’ koeżjoni tal-UE.
Fir-rigward tan-natura tal-iżvantaġġ ikkawżat mid-differenzi klimatiċi, l-awtoritajiet Żvediżi tennew id-dikjarazzjoni li saret fit-talba preċedenti tagħhom li bħala medja, il-kostijiet tat-tisħin huma 30 % ogħla fir-reġjuni tat-Tramuntana (tal-elettriku), għax il-perjodu tat-tisħin f’dawn iż-żoni huwa itwal.
It-Tabella A ta’ hawn taħt turi l-iżvilupp tal-livelli applikabbli tat-taxxa tal-enerġija fuq l-elettriku.
Tabella A — Livelli tat-taxxa tal-enerġija fuq l-elettriku (2018-2023)
|
Sena
|
Livell normali
(öre/kWh)
|
Livell imnaqqas
(öre/kWh)
|
|
2018
|
33,1
|
23,5
|
|
2019
|
34,7
|
25,1
|
|
2020
|
35,3
|
25,7
|
|
2021
|
35,6
|
26,0
|
|
2022
|
36,0
|
26,4
|
|
2023
|
39,2
|
29,6
|
Sabiex juru l-impatt tat-tnaqqis fit-taxxa, l-awtoritajiet Żvediżi spjegaw li t-tnaqqis fit-taxxa jikkorrispondi għal 6 % tal-kost totali annwali kkalkulat tal-elettriku għal dar żgħira medja b’tisħin elettriku fit-Tramuntana tal-Iżvezja. Dan jirrappreżenta ffrankar annwali medju ta’ EUR 210 għal kull unità domestika fuq kont medju tal-elettriku ta’ EUR 3 363. Is-sehem tat-tnaqqis tal-kost totali jvarja meta mqabbel mal-livell tal-prezz tal-elettriku bl-imnut. L-awtoritajiet Żvediżi semmew ukoll li, peress li l-2022 kienet sena bi prezzijiet relattivament għoljin bħala medja, is-sehem tat-tnaqqis fit-taxxa bħala perċentwal tal-kost totali tal-elettriku matul dik is-sena kien komparattivament baxx.
L-awtoritajiet Żvediżi żiedu wkoll li l-Iżvezja ma tapplikax eżenzjonijiet jew tnaqqisiet fil-livell ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku skont it-tifsira tal-Artikolu 15(1)(h) tad-Direttiva.
It-telf ta’ dħul mit-taxxa li jirriżulta mit-tnaqqis ta’ SEK 96 għal kull MWh huwa stmat mill-Iżvezja li jammonta għal SEK 760 miljun (madwar EUR 70 miljun) fis-sena għall-perjodu mitlub mill-2024 sal-2027.
(1)Eżekuzzjoni tal-miżura
Il-miżura tingħata fil-forma ta’ rata mnaqqsa tad-dazju tas-sisa fuq l-elettriku. Din ir-rata mnaqqsa tapplika direttament meta tiġi imposta t-taxxa.
L-Iżvezja enfasizzat f’dan ir-rigward li anke wara t-tnaqqis fit-taxxa, ikun hemm konformità mar-rati minimi tat-taxxa stabbiliti fid-Direttiva, peress li l-piż tat-taxxa jkun madwar 70 darba ogħla mir-rati minimi ta’ tassazzjoni fir-rigward tal-użu kummerċjali (kif stabbilit fl-Anness I tad-Direttiva), u madwar 35 darba ogħla mir-rati minimi ta’ tassazzjoni fir-rigward tal-użu mhux kummerċjali skont l-istess Anness tad-Direttiva.
(2)Kamp ta’ applikazzjoni
Id-dazju tas-sisa fuq l-elettriku ġie introdott fl-Iżvezja fl-1951. L-unitajiet domestiċi u l-kumpaniji fis-settur tas-servizzi normalment iħallsu r-rata standard fuq l-elettriku ta’ SEK 392 għal kull MWh (ikkalkulata mill-ġdid kull sena). L-elettriku kkonsmat (i) fl-industrija tal-manifattura u fl-agrikoltura kummerċjali, (ii) f’attivitajiet professjonali agrikoli, tal-forestrija jew tal-akkwakultura, (iii) bħala elettriku mix-xatt, jew (iv) fil-ferroviji jew f’mezzi oħra tat-trasport ferrovjarji (jew għat-tħaddim tal-magni jew għat-tisħin b’konnessjoni immedjata ma’ tali konsum), jiġi intaxxat b’rata iktar baxxa f’konformità mar-rati minimi stabbiliti fid-Direttiva.
L-awtoritajiet Żvediżi ddikjaraw li d-differenzjazzjoni ġeografika ilha introdotta mill-1 ta’ Lulju 1981 abbażi ta’ data oġġettiva relatata mat-temperaturi medji matul il-perjodu tat-tisħin. Abbażi ta’ dan, fil-muniċipalitajiet kollha tal-kontej ta’ Norrbotten, Västerbotten u Jämtland, u fil-muniċipalitajiet ta’ Sollefteå, Ånge, Örnsköldsvik, (fil-kontea ta’ Västernorrland), Ljusdal (fil-kontea ta’ Gävleborg), Malung-Sälen, Mora, Orsa, Älvdalen (fil-kontea ta’ Dalarna) u Torsby (fil-kontea ta’ Värmland) tapplika rata mnaqqsa tad-dazju tas-sisa fuq l-elettriku. Din il-miżura hija limitata għall-unitajiet domestiċi u għall-kumpaniji fis-settur tas-servizzi, li għalihom tapplika rata standard tad-dazju tas-sisa fuq l-elettriku (iktar minn 10 000 benefiċjarju).
Għalhekk, b’din il-miżura l-gruppi ta’ konsumaturi tal-elettriku f’dawk il-partijiet tal-pajjiż jkollhom l-istess kundizzjonijiet bħall-istess gruppi ta’ konsumaturi fin-Nofsinhar tal-Iżvezja.
(3)L-argumenti tal-awtoritajiet Żvediżi li jikkonċernaw l-impatt tal-miżura fuq is-suq intern
L-awtoritajiet Żvediżi jqisu li l-miżura mhux se taffettwa l-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Huma jqisu li, għalkemm il-miżura jaf ikollha effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri billi tnaqqas il-kostijiet tal-kumpaniji fis-settur tas-servizzi f’ċerti żoni tat-Tramuntana tal-Iżvezja, dan l-effett se jibqa’ limitat għax il-biċċa l-kbira tal-kumpaniji fis-settur tas-servizzi normalment joperaw f’żona ġeografika limitata.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
L-Artikolu 19(1), l-ewwel subparagrafu, tad-Direttiva jaqra kif ġej:
“Flimkien ma’ dawn id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli ta’ qabel, b’mod partikolari l-Artikoli 5, 15 u 17, il-Kunsill, li jaġixxi b’mod unanimu fuq xi proposta tal-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru biex jintroduċi iktar eżenzjonijiet u tnaqqis għall-kunsiderazzjonijiet politiki speċifiċi.”
Il-miżura prevista mill-Iżvezja tikkonsisti mit-tnaqqis tar-rata standard tad-dazju tas-sisa fuq l-elettriku kkonsmat mill-unitajiet domestiċi u mill-kumpaniji fis-settur tas-servizzi f’ċerti żoni fit-Tramuntana tal-Iżvezja.
L-awtoritajiet Żvediżi jagħmlu enfasi fuq żewġ objettivi ta’ din il-miżura.
L-ewwel nett, huma jindikaw li r-rata mnaqqsa tad-dazju tas-sisa għandha effett ambjentali pożittiv indirett billi tħalli lill-Iżvezja tapplika rata tat-taxxa ogħla fil-bqija tal-pajjiż, li inkella jkollha titnaqqas minħabba l-każ speċjali tat-Tramuntana tal-Iżvezja. F’dan ir-rigward, jenħtieġ li jiġu nnutat li r-rekwiżiti tal-protezzjoni ambjentali diġà huma parti integrali mid-Direttiva 2003/96/KE u għalhekk fihom infushom ma jikkwalifikawx bħala kunsiderazzjonijiet speċifiċi ta’ politika. Madankollu, b’mod ġenerali, id-Direttiva ma tippermettix li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet speċifiċi tar-reġjuni b’kundizzjonijiet klimatiċi partikolari ħafna. F’kuntest bħal dan, l-għan li l-miżura tikkontribwixxi għaż-żamma ta’ livell relattivament għoli ta’ tassazzjoni billi tevita, permezz ta’ rata mnaqqsa, piżijiet li inkella jkunu eċċessivi f’reġjuni soġġetti għal tali kundizzjonijiet, jista’ għalhekk jitqies bħala kunsiderazzjoni speċifika ta’ politika.
It-tieni, l-awtoritajiet Żvediżi jqisu li t-tnaqqis iqarreb il-kostijiet kumplessivi tat-tisħin għall-konsumaturi f’ċerti żoni tat-Tramuntana tal-Iżvezja mal-kostijiet imġarrba mill-konsumaturi f’partijiet oħra tal-pajjiż u għalhekk isegwi l-objettivi reġjonali u tal-politika ta’ koeżjoni. Abbażi ta’ dan, l-awtorizzazzjoni mitluba tista’ titqies, skont dan tal-aħħar, li hija bbażata fuq kunsiderazzjonijiet speċifiċi ta’ politika.
Regoli dwar l-għajnuna mill-istat
It-tnaqqis temporanju fit-taxxa previst mill-awtoritajiet Żvediżi jirrispetta l-livelli minimi ta’ tassazzjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 10 tad-Direttiva.
Din il-proposta hija mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe valutazzjoni tal-miżura Żvediża skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, il-proposta għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill ma tippreġudikax l-obbligu tal-Istat Membru li jiżgura l-konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.
•
Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Kull talba għal deroga skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva dwar it-Taxxa fuq l-Enerġija trid tiġi eżaminata mill-Kummissjoni li għandha tqis il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, il-ħtieġa li tiġi żgurata l-kompetizzjoni ġusta u l-politiki tal-UE fl-oqsma tas-saħħa, l-ambjent, l-enerġija u t-trasport.
Ir-rata standard tad-dazju tas-sisa fuq l-elettriku li hija applikabbli għall-unitajiet domestiċi u għall-kumpaniji fis-settur tas-servizzi fl-Iżvezja hija SEK 392 għal kull MWh. Bit-tnaqqis propost, ir-rata applikabbli f’ċerti żoni tat-Tramuntana tal-Iżvezja hija ta’ mill-inqas SEK 296 għal kull MWh. Minħabba li l-livelli ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku huma ferm ogħla mil-livelli minimi kemm fit-Tramuntana tal-Iżvezja kif ukoll fil-bqija tal-pajjiż, jista’ jiġi preżunt li t-tnaqqis fit-taxxa inkwistjoni jista’ jikkontribwixxi indirettament biex jinkiseb livell kumplessiv ogħla ta’ protezzjoni ambjentali bil-mod kif deskritt mill-awtoritajiet Żvediżi.
F’dan il-kuntest, l-għan tal-miżura huwa li tikkontrobilanċja parzjalment il-kostijiet ogħla tat-tisħin fiż-żoni li għalihom tapplika r-rata mnaqqsa tad-dazju tas-sisa. Skont l-awtoritajiet Żvediżi, il-kundizzjonijiet klimatiċi f’dawn iż-żoni jwasslu għal konsum tal-elettriku li, bħala medja, huwa ogħla mill-bqija tal-pajjiż, l-iktar minħabba perjodu tat-tisħin itwal.
L-Iżvezja tqis li l-miżura hi kompatibbli mal-politiki tal-Unjoni fl-oqsma tas-saħħa, l-ambjent, l-enerġija u t-trasport.
Skont l-Iżvezja, fiċ-ċirkostanzi deskritti, jidher li l-miżura ma xxekkilx il-funzjonament tajjeb tas-suq intern u l-ħtieġa li tiġi żgurata l-kompetizzjoni ġusta. B’mod partikolari, minħabba n-natura remota taż-żoni li tapplika għalihom u l-fatt li hija limitata għall-unitajiet domestiċi u għall-kumpaniji fis-settur tas-servizzi, mhuwiex mistenni mill-awtoritajiet Żvediżi li din se twassal għal distorsjonijiet sinifikanti tal-kompetizzjoni jew għal bidliet fil-mudelli kummerċjali bejn l-Istati Membri.
Finalment, l-Iżvezja fakkret li tnaqqis fit-taxxa għaż-żoni inkwistjoni ilu fis-seħħ għal tletin sena mingħajr ma dan wassal, sa fejn hija konxja l-Kummissjoni, għal xi problemi fir-rigward tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern jew objettivi oħra tal-politiki tal-UE.
(4)Perjodu ta’ applikazzjoni tal-miżura u żvilupp tal-qafas tal-UE dwar it-tassazzjoni fuq l-enerġija
Il-Kummissjoni tissuġġerixxi li l-perjodu ta’ applikazzjoni (4 snin) jikkonforma mal-perjodu ta’ żmien permess mid-Direttiva 2003/96/KE. Dan il-perjodu jidher li huwa xieraq sabiex il-konsumaturi kkonċernati jingħataw livell suffiċjenti ta’ ċertezza.
Il-miżura mitluba ssegwi wkoll l-istruzzjonijiet tal-Kummissjoni li jirriżultaw mill-Komunikazzjoni RePowerEU li tenfasizza li, filwaqt li jiffukaw fuq l-unitajiet domestiċi u n-negozji vulnerabbli, l-Istati Membri huma mistiedna jadottaw miżuri li jinċentivaw l-iffrankar tal-enerġija u li jnaqqsu l-konsum tal-fjuwils fossili. Minħabba t-tul ta’ żmien tagħha kif ukoll iċ-ċirkostanzi ġeografiċi u klimatiċi, id-deroga mitluba jidher li hi adegwata u proporzjonata. Il-miżura tqis ukoll il-ħtieġa li jiġu bbilanċjati l-objettivi ta’ politika speċifiċi elenkati fl-Artikolu 19 tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija, u b’mod partikolari l-politika ambjentali tal-UE, bil-ħtieġa li tiġi żgurata l-affordabbiltà tal-enerġija għan-negozji u għall-unitajiet domestiċi li jinsabu fiż-żoni kkonċernati tal-Iżvezja.
2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi legali
L-Artikolu 19 tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Il-qasam tat-tassazzjoni indiretta kopert mill-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fih innifsu mhux fil-kompetenza esklużiva tal-UE skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tat-Trattat.
Madankollu, skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE, il-Kunsill ingħata kompetenza esklużiva, bħala kwistjoni ta’ liġi sekondarja, biex jawtorizza lil Stat Membru jintroduċi eżenzjonijiet jew tnaqqisiet ulterjuri skont it-tifsira ta’ dik id-dispożizzjoni. Għalhekk, l-Istati Membri ma jistgħux jieħdu post il-Kunsill. Għaldaqstant, il-prinċipju tas-sussidjarjetà mhux applikabbli għal din id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni.
•Proporzjonalità
Il-proposta tirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità.
It-tnaqqis fit-taxxa ma jaqbiżx dak meħtieġ biex jinkiseb l-objettiv inkwistjoni.
It-tnaqqis fit-taxxa huwa applikabbli matul perjodu limitat ta’ 4 snin.
•Għażla tal-istrument
L-istrument propost huwa Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill.
L-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE jipprevedi din it-tip ta’ miżura biss.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Il-miżura ma teħtieġx l-evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti.
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Din il-proposta hija bbażata fuq talba introdotta mill-Iżvezja u tikkonċerna biss lil dan l-Istat Membru. Għalhekk, ma saret l-ebda konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Ma kienx hemm bżonn għarfien espert estern.
•Valutazzjoni tal-impatt
Din il-proposta tikkonċerna awtorizzazzjoni lil Stat Membru individwali b’talba tiegħu stess u ma teħtieġx valutazzjoni tal-impatt.
L-informazzjoni pprovduta mill-Iżvezja tissuġġerixxi li l-miżura se jkollha impatt limitat fuq id-dħul mit-taxxa, u r-rata tad-dazju tas-sisa fuq l-elettriku fit-Tramuntana tal-Iżvezja xorta tibqa’ ogħla mil-livell minimu ta’ tassazzjoni stabbilit fid-Direttiva 2003/96/KE. L-Iżvezja tistenna li l-miżura jkollha impatt pożittiv fuq il-ksib tal-għanijiet ta’ politika soċjali u ta’ koeżjoni tagħha.
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
Il-miżura ma tipprevedix simplifikazzjoni.
Il-miżura hi r-riżultat tat-talba li għamlet l-Iżvezja u tikkonċerna biss lil dan l-Istat Membru.
•Drittijiet fundamentali
Il-miżura ma tħalli l-ebda impatt fuq id-drittijiet fundamentali.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Il-miżura ma timponi l-ebda piż finanzjarju u amministrattiv fuq l-UE.
Għalhekk, il-proposta ma tħalli l-ebda impatt fuq il-baġit tal-UE.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
Ma hemm bżonn ebda pjan ta’ implimentazzjoni. Il-proposta tikkonċerna awtorizzazzjoni għal tnaqqis fit-taxxa mogħtija lil Stat Membru individwali fuq talba tiegħu stess. Din prevista għal perjodu limitat ta’ 4 snin.
Ir-rati tat-taxxa applikabbli se jkunu ogħla mil-livelli minimi ta’ tassazzjoni stabbiliti bid-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija (l-Artikolu 10).
Il-miżura tista’ tiġi evalwata f’każ li jkun hemm talba għal tiġdid wara li l-perjodu tal-validità jkun skada.
•Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)
Il-proposta ma tirrikjedix dokumenti ta’ spjegazzjoni dwar it-traspożizzjoni.
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
L-Artikolu 1 jistipula li l-Iżvezja se titħalla tkompli tapplika rata mnaqqsa tad-dazju tas-sisa fuq l-elettriku f’ċerti żoni tat-Tramuntana.
Il-livell ta’ tassazzjoni wara t-tnaqqisiet ma jistax ikun inqas mill-minimu tal-UE stabbilit fid-Direttiva 2003/96/KE u t-tnaqqis ikun japplika għall-konsumaturi kollha tal-elettriku li jħallsu r-rata standard tad-dazju tas-sisa fit-Tramuntana tal-Iżvezja.
Din il-miżura se tgħin lir-reġjuni żvantaġġati biex itaffu l-kostijiet ogħla tal-elettriku minħabba l-klima kiesħa.
L-Artikolu 2 jistipula li l-awtorizzazzjoni mitluba tingħata b’effett mill-1 ta’ Jannar 2024 għal perjodu ta’ 4 snin kif mitlub mill-Iżvezja, fil-perjodu massimu ta’ 6 snin permess mid-Direttiva.
2024/0015 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li tawtorizza lill-Iżvezja tapplika rati mnaqqsa tad-dazju tas-sisa fuq l-elettriku kkonsmat mill-unitajiet domestiċi u mill-kumpaniji fis-settur tas-servizzi li jinsabu f’ċerti żoni fit-Tramuntana tal-Iżvezja
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku, u b’mod partikolari l-Artikolu 19(1) tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2409 tawtorizza lill-Iżvezja tapplika, sal-31 ta’ Diċembru 2023, rata mnaqqsa tad-dazju tas-sisa fuq l-elettriku kkonsmat mill-unitajiet domestiċi u mill-kumpaniji fis-settur tas-servizzi f’ċerti żoni fit-Tramuntana tal-Iżvezja skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE.
(2)Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ April 2023, l-Iżvezja talbet awtorizzazzjoni biex tibqa’ tapplika rata mnaqqsa tad-dazju tas-sisa fuq l-elettriku kkonsmat mill-istess benefiċjarji għal perjodu addizzjonali ta’ 4 snin, jiġifieri mill-1 ta’ Jannar 2024 sal-31 ta’ Diċembru 2027. It-tnaqqis għandu jkun limitat għal SEK 96 għal kull MWh. Permezz tal-ittra tal-10 ta’ Ottubru 2023, l-Iżvezja bagħtet informazzjoni u kjarifiki addizzjonali.
(3)Fiż-żoni kkonċernati, il-kostijiet tat-tisħin, bħala medja, huma ogħla milli huma fil-bqija tal-pajjiż, minħabba l-perjodu tat-tisħin itwal. Għaldaqstant, it-tnaqqis fil-kostijiet tal-elettriku għall-unitajiet domestiċi u għall-kumpaniji fis-settur tas-servizzi f’dawn iż-żoni jnaqqas id-diskrepanza bejn il-kostijiet kumplessivi tat-tisħin għall-konsumaturi fit-Tramuntana tal-Iżvezja u dawk imġarrba mill-konsumaturi fil-bqija tal-pajjiż. Għalhekk, il-miżura tikkontribwixxi biex jinkisbu l-objettivi reġjonali u tal-politika ta’ koeżjoni. Jenħtieġ li t-tnaqqis fit-taxxa ma jaqbiżx dak meħtieġ biex jikkumpensa il-kostijiet addizzjonali tat-tisħin għall-unitajiet domestiċi u għall-kumpaniji fis-settur tas-servizzi f’ċerti żoni fit-Tramuntana tal-Iżvezja.
(4)Ir-rati mnaqqsa ta’ tassazzjoni se jkunu ogħla mir-rati minimi stabbiliti fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/96/KE.
(5)Fid-dawl tan-natura remota taż-żoni li tapplika għalihom u minħabba li t-tnaqqis fit-taxxa huwa limitat għall-unitajiet domestiċi u għall-kumpaniji fis-settur tas-servizzi, mingħajr ma jinqabżu l-kostijiet addizzjonali tat-tisħin fit-Tramuntana tal-Iżvezja, il-miżura mhix mistennija twassal għal distorsjonijiet sinifikanti tal-kompetizzjoni jew għal bidliet fil-kummerċ bejn l-Istati Membri.
(6)Konsegwentement, il-miżura hija aċċettabbli fir-rigward tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern u fir-rigward tal-ħtieġa li tiġi żgurata l-kompetizzjoni ġusta. Hija kompatibbli wkoll mal-politiki tal-Unjoni fl-oqsma tas-saħħa, l-ambjent, l-enerġija u t-trasport.
(7)F’konformità mal-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2003/96/KE, kull awtorizzazzjoni mogħtija skont dik id-dispożizzjoni għandu jkollha żmien limitat. Sabiex tipprovdi lill-konsumaturi kkonċernati b’livell suffiċjenti ta’ ċertezza, jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni tingħata għal perjodu ta’ 4 snin, kif mitlub.
(8)Huwa importanti li jiġi żgurat li l-awtorizzazzjoni mogħtija skont id-Deċiżjoni (UE) 2017/2409 tibqa’ tapplika sabiex jiġi evitat li jinħoloq distakk bejn l-iskadenza ta’ dik id-Deċiżjoni u d-data tal-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.
(9)Sabiex ma jiddgħajfux l-iżviluppi ġenerali futuri tal-qafas legali eżistenti, jixraq li jiġi previst li, jekk il-Kunsill li jkun qed jaġixxi abbażi tal-Artikolu 113 jew kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti oħra tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, matul il-perjodu ta’ awtorizzazzjoni stabbilit f’din id-Deċiżjoni, jintroduċi sistema ġenerali mmodifikata għat-tassazzjoni tal-prodotti tal-enerġija u l-elettriku li għalihom ma tkunx tista’ tiġi adattata din l-awtorizzazzjoni, jenħtieġ li din l-awtorizzazzjoni tieqaf tapplika fil-jum li fih dawk ir-regoli ġenerali jsiru applikabbli.
(10)Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1.L-Iżvezja hija b’dan awtorizzata tapplika rata mnaqqsa tad-dazju tas-sisa fuq l-elettriku kkonsmat mill-unitajiet domestiċi u mill-kumpaniji fis-settur tas-servizzi li jinsabu fil-muniċipalitajiet elenkati fl-Anness.
It-tnaqqis mir-rata nazzjonali standard tad-dazju tas-sisa għall-elettriku ma għandux jaqbeż dak meħtieġ biex jikkumpensa l-kostijiet addizzjonali tat-tisħin minħabba l-pożizzjoni fit-Tramuntana, meta mqabbel mal-bqija tal-Iżvezja, u ma għandux jaqbeż SEK 96 għal kull MWh.
2.Ir-rati mnaqqsa jridu jkunu konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2003/96/KE, u b’mod partikolari mar-rati minimi stabbiliti fl-Artikolu 10 tagħha.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2024 sal-31 ta’ Diċembru 2027.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Iżvezja.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President