Brussell, 2.10.2024

JOIN(2024) 25 final

KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI U LILL-BANK EWROPEW TAL-INVESTIMENT

Nibnu sħubijiet internazzjonali sostenibbli bħala Tim Ewropa


Introduzzjoni

Matul dawn l-aħħar ħames snin, l-Unjoni Ewropea (UE) fasslet mill-ġdid il-mudell ta’ kooperazzjoni tagħha għall-iżvilupp f’konformità ma’ realtajiet globali ġodda, inkluż l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19, il-gwerra, ir-rigress demokratiku, it-tibdil fil-klima, u l-kompetizzjoni ġeopolitika li qed tikber. Dawn l-iżviluppi aggravaw l-inugwaljanzi u xekklu l-progress lejn l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli. Enfasizzaw l-importanza li tinbena reżiljenza għal xokkijiet esterni.

Kien hemm bidla fundamentali fl-approċċ tal-UE lejn is-sħubijiet internazzjonali tagħha lil hinn mill-viċinat immedjati tal-UE. Din il-bidla ġejja minn rikonoxximent li rridu nitbiegħdu mid-dinamika tad-donatur u l-benefiċjarju u nippożizzjonaw ruħna b’mod aktar determinat f’ambjent internazzjonali dejjem aktar ikkontestat. Is-sħubijiet internazzjonali l-ġodda jikkomplementaw forom oħra ta’ impenn ekonomiku strutturat – eż. il-kummerċ, l-enerġija, il-klima.

L-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jistipula li l-UE għandha taħdem biex “tagħti appoġġ għall-iżvilupp sostenibbli fuq il-pjan ekonomiku, soċjali u ambjentali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, bl-għan primarju li jinqered il-faqar”. Matul dawn l-aħħar deċennji, il-pajjiżi li naqqsu l-faqar bl-akbar suċċess huma dawk li investew fl-infrastruttura, fiż-żieda fil-valur domestiku, fil-governanza u fl-iżvilupp tal-bniedem, u b’hekk integraw l-ekonomiji tagħhom fiċ-ċirkwiti dinjija tal-kummerċ u tal-investiment.

B’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19, l-UE introduċiet l-approċċ ta’ Tim Ewropa, 1 metodu ġdid biex l-azzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri, il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) jinġabru flimkien b’mod koordinat sabiex jiġi massimizzat l-impatt. Lil hinn mill-finanzjament, jgħin biex jinġabar flimkien l-għarfien espert u titrawwem kultura ta’ kooperazzjoni aktar strateġika. Dan sar il-metodu ta’ twassil għas-sħubijiet internazzjonali tal-UE.

F’Diċembru 2021, il-President von der Leyen nediet l-istrateġija ta’ investiment Global Gateway. 2 Filwaqt li żżomm enfasi fuq l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, din tinkorpora l-bidla kunċettwali lejn sħubjiet ta’ benefiċċju reċiproku bejn partijiet ugwali u sservi imperattiv doppju: ir-reżiljenza fl-UE u lil hinn minnha. Permezz tal-Global Gateway, l-UE tikkonċentra l-mezzi tagħha fejn dawn jistgħu jagħmlu l-akbar differenza fl-iżvilupp sostenibbli.

L-UE u l-Istati Membri tagħha jibqgħu l-fornitur ewlieni tal-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp globalment, fejn kienu responsabbli għal 42 % tat-total fl-2023, jew EUR 95,9 biljun. Madankollu, il-finanzi pubbliċi internazzjonali huma mċekkna mill-iskala tal-isfidi tal-lum — waħedhom mhumiex biżżejjed. Għalhekk il-Global Gateway hija mmirata wkoll biex tagħmel użu mill-investiment privat.

Il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u ż-żieda fl-użu tad-dipendenzi bħala arma kkonfermaw li Global Gateway stabbiliet il-qafas it-tajjeb: illum, hemm konverġenza bejn id-domandi tas-sħab u l-interessi ewlenin tal-UE, b’mod partikolari fir-rigward tal-klima u l-enerġija, il-materja prima kritika, il-konnettività diġitali sigura u l-kurituri tat-trasport.

Filwaqt li l-Global Gateway saret ċentrali għas-sħubijiet internazzjonali tal-UE, ma tkoprix il-firxa sħiħa tagħhom. Aħna nkomplu ninvolvu ruħna f’żoni ta’ kunflitt, pajjiżi fraġli, u ambjenti kumplessi oħra permezz ta’ mezzi mfassla apposta. Matul dawn l-aħħar snin, l-UE żviluppat ukoll approċċ aktar komprensiv u strateġiku għall-ġestjoni tal-migrazzjoni u l-ispostament furzat. Fil-livell globali, l-impenn multilaterali jibqa’ lieva importanti għall-influwenza Ewropea.

Fil-Balkani tal-Punent u fil-Viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar, il-Global Gateway qed tiġi implimentata permezz ta’ Pjanijiet Ekonomiċi u ta’ Investiment. Madankollu, l-UE tuża politiki komprensivi f’dawn ir-reġjuni — Sħubijiet Strateġiċi u Komprensivi ġodda mal-pajjiżi ġirien, il-Faċilità għall-Ukrajna, il-Faċilità għar-Riforma u t-Tkabbir tal-Balkani tal-Punent. Għalhekk, din il-Komunikazzjoni tillimita ruħha li tieħu kont tal-progress miksub fl-iskjerament tas-sħubijiet internazzjonali ġodda tal-UE fil-pajjiżi barra mir-reġjuni tal-Viċinat u tat-Tkabbir.

1.L-approċċ ta’ Tim Ewropa

Il-pandemija tal-COVID-19 enfasizzat il-ħtieġa li r-riżorsi jinġabru flimkien bl-aktar mod effiċjenti. L-UE wieġbet billi żviluppat l-approċċ ta’ Tim Ewropa, bħala parti minn sforz usa’ biex tissaħħaħ l-Arkitettura Finanzjarja Ewropea għall-Iżvilupp. Dan il-metodu jlaqqa’ flimkien l-UE, l-Istati Membri tagħha, in-networks diplomatiċi tagħhom, l-aġenziji ta’ implimentazzjoni u l-istituzzjonijiet ta’ finanzjament għall-iżvilupp, l-Aġenziji ta’ Kreditu għall-Esportazzjoni, il-BEI, il-BERŻ, u s-settur privat. Dan jirrikjedi li l-UE u l-Istati Membri joperaw b’mod konġunt u jiżguraw kooperazzjoni aħjar bejn l-atturi pubbliċi u privati. Billi jaħdmu bħala parti minn tim lejn objettivi konġunti speċifiċi, kull attur jista’ jaqdi l-vantaġġ komparattiv tiegħu u jikkontribwixxi dak li jagħmel l-aħjar. Ir-riżorsi jintużaw b’mod koerenti, li min-naħa tiegħu jippermetti lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jżidu l-iskala, l-impatt u l-viżibbiltà tal-azzjoni tagħna.

L-Istati Membri tal-UE ħaddnu l-approċċ ta’ Tim Ewropa fi żmien rekord. Issa huwa parti integrali mis-sett ta’ għodod għall-azzjoni esterna tagħna, ċentrali għas-sħubijiet internazzjonali tal-UE, kemm jekk taħt il-Global Gateway, f’kuntesti fraġli jew permezz ta’ impenn multilaterali. Il-mandat attwali ra t-tfassil tal-ewwel Inizjattivi ta’ Tim Ewropa 3 (aktar minn 160) fir-reġjuni kollha, u l-ewwel missjonijiet konġunti fil-livell politiku għall-promozzjoni tal-Global Gateway.

2.Global Gateway

Id-distakk finanzjarju diġà sinifikanti biex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli żdied b’mod massiv wara l-pandemija tal-COVID-19 u l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Skont l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi, issa huwa ta’ madwar EUR 4 triljun fis-sena. Il-Global Gateway hija l-kontribut tal-UE biex tnaqqas dan id-distakk billi tinvesti f’rabtiet intelliġenti, nodfa u siguri fis-setturi tal-enerġija, diġitali u tat-trasport, u ssaħħaħ is-sistemi tas-saħħa, tal-edukazzjoni u tar-riċerka madwar id-dinja. Permezz ta’ approċċ ta’ Team Europe, tappoġġa l-irkupru ekonomiku globali, takkumpanja t-tranżizzjonijiet doppji ekoloġiċi u diġitali lil hinn mill-fruntieri Ewropej, u ttejjeb ir-reżiljenza tal-imsieħba tagħna u l-awtonomija strateġika tal-Ewropa stess, f’koordinazzjoni ma’ politiki oħra tal-UE.

Global Gateway hija offerta kwantitattiva: għandha l-għan li timmobilizza sa EUR 300 biljun ta’ investimenti pubbliċi u privati sal-2027 (inkluż fir-reġjuni tal-Viċinat u tat-Tkabbir) permezz ta’ taħlita ta’ għotjiet, self konċessjonali u garanziji biex l-investimenti jitneħħew mir-riskju.

Bejn l-2021 u l-2023, l-UE, l-Istati Membri, il-BEI u l-BERŻ immobilizzaw investimenti li jilħqu l-valur ta’ EUR 179 biljun b’appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Global Gateway. Minn dawn, EUR 50 biljun ġew appoġġati mill-Kummissjoni Ewropea u EUR 129 biljun ġew mobilizzati mill-Istati Membri tal-UE, il-BEI u l-BERŻ.

Global Gateway hija wkoll offerta kwalitattiva li tippromwovi standards soċjali, ambjentali u finanzjarji għoljin, u tiddefendi d-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem.

Din toffri sħubijiet komprensivi mfassla għall-ħtiġijiet tas-sħab — mhux biss infrastruttura iebsa, iżda wkoll investiment fl-edukazzjoni, fil-ħiliet u fl-aċċess għal finanzjament sostenibbli, appoġġ regolatorju, trasferiment tat-teknoloġija u kondiviżjoni tal-għarfien. Il-proġetti Global Gateway jippromwovu ambjent regolatorju u kummerċjali favorevoli fil-pajjiżi sħab, filwaqt li joħolqu kundizzjonijiet ekwi għan-negozju. Dan l-approċċ uniku ta’ 360 grad jagħmel l-offerta tal-Global Gateway tispikka; huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-investimenti jdumu u jħallu impatt.

Il-Global Gateway qed tiġi introdotta madwar id-dinja, pajjiż pajjiż. Tnedew pakketti ta’ investiment mal-Afrika, ix-Xlokk tal-Asja, l-Amerka Latina u l-Karibew, u l-Asja Ċentrali. Qed jitmexxew ’il quddiem 225 proġett ewlieni. 4 F’Ottubru 2023, il-President von der Leyen ospitat l-ewwel Forum tal-Global Gateway; f’jumejn, ġew iffirmati impenji b’valur ta’ EUR 3 biljun ma’ firxa wiesgħa ta’ sħab.

Karatteristika distinta oħra tal-Global Gateway hija l-inklużività tagħha. L-istruttura ta’ governanza tal-Global Gateway ġiet operazzjonalizzata bl-ewwel laqgħat tal-Bord tal-Global Gateway, il-Grupp Konsultattiv tan-Negozju u l-Pjattaforma Konsultattiva tas-Soċjetà Ċivili u tal-Awtoritajiet Lokali.

Is-settur privat, inkluż l-Intrapriżi Żgħar u ta’ Daqs Medju, huwa attur ewlieni taħt il-Global Gateway: il-ħtiġijiet ta’ investiment globali jistgħu jiġu ssodisfati biss jekk il-finanzjament privat jiġi mobilizzat fuq skala kbira. L-UE stabbiliet strumenti biex tagħmel dan, l-ewwel nett bil-programm ta’ garanzija tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli Plus 5 ta’ EUR 40 biljun, li jnaqqas ir-riskju ta’ investimenti għall-istituzzjonijiet ta’ finanzjament għall-iżvilupp, il-banek u l-investituri istituzzjonali. L-UE organizzat ukoll madwar 30 forum kummerċjali tal-Global Gateway 6 f’pajjiżi sħab. Filwaqt li ġew stabbiliti s-sisien kunċettwali u prattiċi, għad fadal ħafna xi jsir biex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tas-settur privat. Dan jinkludi l-użu aħjar tas-saħħa ta’ dawn l-istrumenti innovattivi.

Il-Global Gateway hija introdotta permezz ta’ ħames oqsma ta’ prijorità.

a.Il-Klima u l-Enerġija 

Il-kriżi planetarja tripla tat-tibdil fil-klima, it-telf tal-bijodiversità u t-tniġġis titlob rispons tal-UE b’saħħtu, li jgħaqqad id-dimensjonijiet domestiċi u internazzjonali tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Il-Global Gateway poġġiet it-tranżizzjoni ekoloġika fiċ-ċentru tas-sħubijiet internazzjonali tagħna. Matul l-2021–27, l-għan huwa li jiġi żgurat li 35 % tal-baġit estern tal-UE jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika, u 10 % għall-protezzjoni tal-bijodiversità.

Il-Global Gateway timmobilizza investimenti għar-reżiljenza għall-klima, l-aċċess għal enerġija nadifa u infrastruttura bħal impjanti tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli u linji ta’ trażmissjoni, u faċilitajiet tal-idroġenu ekoloġiku. Din tgħin lill-pajjiżi sħab jitbiegħdu mill-fjuwils fossili permezz ta’ Sħubijiet għal Tranżizzjoni tal-Enerġija Ġusta 7 , u b’hekk tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Wegħda Globali tal-COP28 dwar it-triplikar tal-kapaċità tal-enerġija rinnovabbli u l-irduppjar tal-effiċjenza enerġetika sal-2030. 8 Hija tappoġġa l-ħidma fuq l-adattament għat-tibdil fil-klima. Hija strumentali fl-implimentazzjoni tal-14-il sħubija strateġika tal-UE dwar il-ktajjen tal-valur tal-materja prima, 9 u tistabbilixxi swieq ġodda għall-kumpaniji tat-teknoloġija nadifa tal-UE. Hija tappoġġa sistemi tal-ikel inklużivi u sostenibbli biex tissaħħaħ u tiġi restawrata s-sigurtà globali tal-ikel, u trawwem sajd u akkwakultura reżiljenti għall-klima. Tibdel l-isfidi ambjentali f’opportunitajiet għall-impjiegi u l-prosperità (eż. Sħubijiet għall-Foresti li jipproteġu, jirrestawraw, u jiżguraw il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti filwaqt li jsaħħu l-ktajjen tal-valur ibbażati fuq il-foresti, il-ġestjoni tal-ilma 10 ).

b.Id-Dinja Diġitali 

It-tranżizzjoni diġitali llum hija waħda mill-muturi ewlenin tat-tkabbir ekonomiku. Madankollu ħafna pajjiżi sħab għad ma għandhomx aċċess għal għodod u għażliet diġitali siguri u affidabbli. Filwaqt li aktar minn 90 % tan-nies f’Pajjiżi b’Introjtu Għoli użaw l-internet fl-2022, 25 % biss għamlu dan fil-Pajjiżi b’Introjtu Baxx. 11 Matul dawn l-aħħar ħames snin, l-UE mexxiet tranżizzjoni diġitali ċċentrata fuq il-bniedem biex tingrana t-teknoloġiji diġitali għal tkabbir inklużiv, ekoloġiku u sostenibbli.

Barra minn hekk, l-UE tappoġġa l-użu ta’ konnettività sigura u reżiljenti u infrastrutturi diġitali, li joħolqu ambjent ta’ fiduċja għall-benefiċċju taċ-ċittadini, in-negozji, is-soċjetà ċivili u l-gvernijiet. L-UE ma tiffinanzjax bejjiegħa b’riskju għoli; minflok, tappoġġa lill-bejjiegħa fdati biex jiżguraw konnettività diġitali sigura u affidabbli madwar id-dinja. Madwar 10 % tal-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali — Ewropa Globali se jkun iddedikat għal azzjonijiet diġitali.  

Taħt il-Global Gateway, l-UE tappoġġa l-infrastruttura diġitali, il-ħiliet diġitali u l-intraprenditorija, u t-trasformazzjoni diġitali tan-negozji u tas-servizzi pubbliċi, kif ukoll il-kooperazzjoni regolatorja. L-UE nediet ħames Pakketti komprensivi tal-Ekonomija Diġitali. 12 Il-prijoritajiet għal infrastruttura diġitali sigura u affidabbli, jinkludu kejbils siguri taħt il-baħar, infrastruttura ċentrali, immaġnijiet u data satellitari, konnettività tal-aħħar mil, governanza tad-data u ċibersigurtà.

c.It-Trasport 

Filwaqt li l-konnettività tat-trasport hija fattur ewlieni tat-tkabbir sostenibbli u faċilitatur essenzjali tal-kummerċ, ħafna pajjiżi għadhom jiffaċċjaw lakuni importanti fl-infrastruttura tagħhom. Taħt il-Global Gateway, l-UE taħdem fuq l-iżvilupp tal-forom kollha ta’ trasport — bit-triq, bil-ferrovija, bil-baħar, bl-ajru, bil-mobbiltà urbana — filwaqt li tappoġġa l-isforzi għad-dekarbonizzazzjoni u l-allinjament mal-prinċipji, l-istandards u n-normi Ewropej u internazzjonali. Hawnhekk ukoll, l-offerta tinqasam fi tnejn: investiment fl-infrastruttura fiżika biex jissaħħu n-networks tat-trasport, filwaqt li jissaħħaħ l-ambjent regolatorju abilitanti biex jiġi żgurat li l-proġetti jaħdmu (eż. il-Kuritur Ekonomiku ta’ Lobito, 13 il-Kuritur tat-Trasport Trans-Kaspju 14 ).

d.Is-Saħħa

B’rispons għall-pandemija tal-COVID-19, l-UE kellha rwol ċentrali fl-iżvilupp rapidu, l-espansjoni u d-distribuzzjoni ekwa tal-vaċċini, it-terapewtiċi u d-dijanjostika tal-COVID-19. Madwar żewġ terzi tad-dożi tal-vaċċini prodotti fl-UE — 3,1 biljun doża — ġew esportati lejn il-bqija tad-dinja. L-UE kienet membru fundatur u sostenitur qawwi tal-Aċċeleratur tal-Aċċess għall-Għodod kontra l-COVID u l-akbar donatur għall-COVAX — l-inizjattiva multilaterali għal aċċess ekwu globali għall-vaċċini kontra l-COVID-19. Wara t-tifqigħa reċenti tal-ġidri, l-UE mmobilizzat malajr lil Tim Ewropa biex jikkoordina d-donazzjoni u t-twassil tal-vaċċini lill-pajjiżi Afrikani affettwati. 15

L-UE adottat Strateġija għas-Saħħa Globali 16 li għandha l-għan li tipprovdi saħħa aħjar fit-tul għan-nies madwar id-dinja kollha u li ssaħħaħ l-investiment fis-saħħa. L-istrateġija tenfasizza l-importanza tat-tisħiħ tas-sistemi tas-saħħa, l-avvanz tal-kopertura universali tas-saħħa, u l-applikazzjoni ta’ approċċ “Saħħa Waħda”. Taħt il-Global Gateway, l-UE ffukat fuq is-sistemi tas-saħħa, is-sigurtà tal-ktajjen tal-provvista farmaċewtika, u l-iżvilupp tal-manifattura lokali permezz ta’ investiment fl-infrastruttura u ambjent regolatorju ta’ appoġġ (eż. l-Inizjattiva ta’ Tim Ewropa dwar il-manifattura u l-aċċess għall-vaċċini, il-mediċini u t-teknoloġiji tas-saħħa fl-Afrika 17 ).

e.L-Edukazzjoni u r-Riċerka 

Bħala promotur ewlieni għall-appoġġ tal-edukazzjoni bħala mutur essenzjali tat-tkabbir u l-iżvilupp sostenibbli, l-UE żiedet l-investiment tagħha fil-qasam minn 7 % għal 13 % tal-baġit tal-UE għal sħubijiet internazzjonali fl-2021–23. Dan qiegħed lill-UE bħala Promotur tal-Edukazzjoni Globali tan-Nazzjonijiet Uniti (NU). Waqt l-Avveniment ta’ Livell Għoli dwar l-Edukazzjoni tal-Global Gateway 18 fi Brussell f’April 2024, l-UE ffirmat programmi reġjonali u bilaterali b’valur ta’ EUR 245 miljun.

L-inizjattivi ewlenin taħt il-Global Gateway jiffukaw fuq (1) l-ekwità u l-edukazzjoni bażika għall-bniet (92 % tal-impenji mmiraw lejn l-ugwaljanza bejn il-ġeneri mill-2021), (2) it-taħriġ tal-għalliema, (3) l-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali. Skont l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali, 20 % tal-baġit estern tal-UE fl-2021–27 għandu jkun iddedikat għall-iżvilupp tal-bniedem u l-inklużjoni soċjali, inkluż l-edukazzjoni u s-saħħa. L-UE qed tingrana wkoll il-programm Erasmus+ biex issaħħaħ il-kwalità tal-edukazzjoni u l-iżvilupp tal-ħiliet.

3.Pajjiżi fraġli

Il-fraġilità hija l-ogħla li qatt kienet f’10 snin: 24 % tal-popolazzjoni tad-dinja llum tgħix f’kuntesti fraġli. 19 L-UE tinvolvi ruħha f’żoni ta’ kunflitt, pajjiżi fraġli, u ambjenti kumplessi oħra bl-objettiv primarju li tindirizza l-kawżi ewlenin tal-fraġilità filwaqt li tipprovdi aċċess għal servizzi bażiċi li jsalvaw il-ħajja u tippromwovi r-reżiljenza tal-popolazzjonijiet, flimkien mar-rabta bejn l-aspett Umanitarju, l-Iżvilupp u l-Paċi.

F’ambjenti politikament distanti, b’mod partikolari s-Saħel ċentrali u l-Afganistan, l-UE segwiet approċċ flessibbli, pragmatiku u bbażat fuq il-prinċipji. Dan jinvolvi li tibqa’ impenjata biex tiddefendi l-interessi u l-valuri tal-UE, tmantni proġetti li huma ta’ benefiċċju għall-popolazzjoni, speċjalment l-aktar gruppi vulnerabbli, u tibqa’ miftuħa għal djalogu mal-awtoritajiet mingħajr ma tilleġittimizza l-ġunta militari jew gvernijiet oħra mhux rikonoxxuti. Għandha l-għan li tipprevjeni aktar destabbilizzazzjoni, li taffettwa direttament lill-Ewropa (eż. it-terroriżmu, l-estremiżmu vjolenti, il-kriminalità organizzata, it-traffikar tad-drogi u tal-armi, il-migrazzjoni irregolari).

L-UE nediet riflessjoni interna dwar kif l-aħjar jiġu indirizzati l-kuntesti fraġli u affettwati mill-kunflitti, li tintegra d-dimensjonijiet politiċi, ekonomiċi, tas-sigurtà, tal-migrazzjoni, umanitarji u tal-iżvilupp tal-bniedem f’konformità mal-Approċċ Integrat tal-UE għall-kunflitti u l-kriżijiet esterni. 20  Il-kumplessità dejjem tikber ta’ dawn il-kuntesti titlob approċċi konġunti li jindirizzaw il-ħtiġijiet umanitarji, l-iżvilupp sostenibbli, u l-bini tal-paċi. L-approċċ ta’ Tim Ewropa jeħtieġ li jissaħħaħ sabiex jiżdiedu l-koerenza u l-konsistenza tal-azzjoni tal-UE. L-UE qed taħdem ukoll man-NU, il-Grupp tal-Bank Dinji u l-Fond Monetarju Internazzjonali biex isir l-aħjar użu mill-vantaġġi komparattivi ta’ xulxin u ssaħħaħ l-allinjament politiku.

4.Il-Migrazzjoni 

Matul dawn l-aħħar ħames snin, l-UE għamlet progress sinifikanti fid-dimensjoni esterna tal-migrazzjoni, filwaqt li ħadmet f’approċċ ta’ Tim Ewropa biex tapprofondixxi sħubijiet komprensivi bbażati fuq interessi reċiproċi. Hija żiedet il-ħidma tagħha biex tipprovdi rispons komprensiv, li jibni fuq l-esperjenza tal-Fond Fiduċjarju ta’ Emerġenza tal-UE għall-Afrika 21 u li jindirizza l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari u l-ispostament furzat. L-UE aċċellerat ukoll l-isforzi biex tgħin lill-pajjiżi sħab isaħħu l-governanza nazzjonali tal-migrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri tagħhom, jipprevjenu l-wasliet irregolari u t-telf ta’ ħajjiet, jiġġieldu l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti u t-traffikar ta’ bnedmin, itejbu r-ritorn, ir-riammissjoni u r-riintegrazzjoni sostenibbli, u jkomplu jiżviluppaw perkorsi legali, filwaqt li tasserixxi l-importanza tar-rispett għad-drittijiet fundamentali u d-dritt internazzjonali. Hija nediet żewġ Inizjattivi ta’ Tim Ewropa ffukati fuq ir-rotot migratorji tal-Atlantiku/tal-Mediterran tal-Punent u tal-Mediterran Ċentrali. 22  

Id-dimensjoni esterna tal-migrazzjoni hija komponent essenzjali tal-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil, 23 li jippromwovi approċċ ta’ gvern sħiħ u ta’ rotta sħiħa għall-ġestjoni tal-migrazzjoni. F’konformità mal-Patt, l-UE żiedet l-involviment tagħha mal-pajjiżi sħab (ta’ oriġini u ta’ tranżitu) b’appoġġ għal Sħubijiet dwar il-Migrazzjoni komprensivi (eż. il-Mauritania, lil hinn mill-viċinat tal-UE 24 ). Dawn is-sħubijiet jintegraw l-aspetti kollha tal-politika u l-kooperazzjoni tal-UE, inkluż azzjonijiet taħt il-Global Gateway li jgħinu fil-bini ta’ tkabbir inklużiv u impjiegi, filwaqt li jipprovdu opportunitajiet ekonomiċi għaż-żgħażagħ f’pajjiżhom.

Il-pjan ta’ Implimentazzjoni Komuni għall-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil, 25 adottat f’Ġunju 2024, iħeġġeġ lill-Istati Membri jippjanaw azzjonijiet li jistgħu jsaħħu dan l-involviment ta’ Tim Ewropa ma’ pajjiżi terzi ewlenin, filwaqt li jibnu fuq l-esperjenza u r-relazzjonijiet privileġġati tagħhom.

10 % tal-baġit tas-sħubijiet internazzjonali ġie allokat b’mod indikattiv għal azzjonijiet relatati mal-migrazzjoni u l-ispostament furzat matul il-perjodu ta’ programmazzjoni 2021–27. Bħalissa qed jiġu implimentati aktar minn 190 azzjoni, b’valur ta’ EUR 5,3 biljun, b’mod partikolari fl-Afrika sub-Saħarjana, fl-Afrika ta’ Fuq, u fl-Asja-Paċifiku.

L-UE investiet ukoll f’oqsma tematiċi ta’ tħassib, bħall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, billi bniet koalizzjonijiet strateġiċi ma’ pajjiżi sħab u partijiet ikkonċernati oħra. Se tkompli tibni fuq l-Alleanza Globali għall-Ġlieda Kontra l-Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin ta’ Migranti. 26

F’Novembru 2023, l-UE nediet ukoll il-Pakkett dwar il-Mobbiltà tal-Ħiliet u tat-Talenti biex tgħin fl-indirizzar tan-nuqqas ta’ ħaddiema u ħiliet u tippromwovi perkorsi legali minn pajjiżi mhux tal-UE. Tnedew sħubijiet ta’ talent ma’ pajjiżi sħab ewlenin.

5.Impenn multilaterali

a.NU, G7/G20, Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali 

Fost attakki mġedda kontra l-multilateraliżmu, l-UE kompliet tinvolvi ruħha ma’ atturi ewlenin f’fora multilaterali u trawwem djalogu strateġiku man-NU u sħab multilaterali ewlenin, b’mod partikolari l-Fond Monetarju Internazzjonali, il-Grupp tal-Bank Dinji u l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi. L-UE kkontribwiet biex issaħħaħ l-ordni multilaterali billi ħadmet mat-tmexxija tan-NU u oħrajn biex timplimenta l-Aġenda 2030 u tiżgura l-adozzjoni tal-Patt għall-Futur fis-Summit tan-NU dwar il-Futur. Permezz tal-Global Gateway, din tibqa’ fuq quddiem nett fl-isforzi biex isir progress fl-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, kif muri mill-ewwel Rieżami Volontarju tal-UE ppreżentat fil-Forum Politiku ta’ Livell Għoli tal-2023 dwar l-Iżvilupp Sostenibbli. 27 Hija ħadmet ukoll mal-G7 biex tikkoordina inizjattivi infrastrutturali ewlenin taħt il-kappa tas-Sħubija għall-Infrastruttura u l-Investiment Globali.

L-UE kellha rwol attiv fil-G20, billi appoġġat l-inklużjoni ta’ kwistjonijiet ta’ żvilupp sostenibbli fl-aġenda — eż. azzjoni globali kontra t-tibdil fil-klima, il-ħolqien tal-Alleanza Globali kontra l-Ġuħ u l-Faqar. 28 Hija appoġġat l-offerta tal-Unjoni Afrikana għal sede permanenti fil-G20, u wera tmexxija fil-ġlieda kontra l-inugwaljanzi. Ikkontribwiet ukoll b’mod attiv għad-diskussjonijiet dwar il-finanzi sostenibbli u r-riforma tal-arkitettura finanzjarja internazzjonali. Hija kellha rwol importanti fil-Konferenzi tal-Partijiet dwar il-klima u l-bijodiversità, 29 kif ukoll fin-negozjati tal-Ftehim dwar il-Konservazzjoni u l-Użu Sostenibbli tad-Diversità Bijoloġika tal-Baħar ta’ Żoni lil hinn mill-Ġurisdizzjoni Nazzjonali. 30 Taħt il-Panel tan-NU dwar il-Minerali ta’ Tranżizzjoni tal-Enerġija Kritika, ikkontribwiet għad-definizzjoni ta’ prinċipji mhux vinkolanti għal tranżizzjoni globali ġusta u sostenibbli lejn enerġija nadifa. Fir-raba’ Konferenza Internazzjonali dwar Stati Gżejjer Żgħar li qed Jiżviluppaw, 31 hija ġeddet is-solidarjetà tagħha ma’ sħab li huma partikolarment vulnerabbli għat-tibdil fil-klima.

b.Fondi Globali 

Mill-2019, l-UE kienet kontributur ewlieni għal firxa ta’ fondi globali f’setturi bħall-edukazzjoni (l-akbar kontributur għas-Sħubija Globali dwar l-Edukazzjoni b’wegħda ta’ EUR 700 miljun matul l-2021–27), is-saħħa (l-akbar kontributur għall-Fond għall-Pandemiji b’EUR 427 miljun impenjati; Kontribuzzjoni ta’ EUR 300 miljun lil Gavi – l-Alleanza għall-Vaċċini; Kontribuzzjoni ta’ EUR 715 miljun għall-Fond Globali għall-ġlieda kontra t-Tuberkulożi u l-Malarja), il-klima (EUR 100 miljun għall-Fond ta’ Adattament; EUR 25 miljun għall-Fond għat-Telf u l-Ħsara) u għas-sikurezza fit-toroq (kontribuzzjoni ta’ aktar minn EUR 2 miljun għall-Fond Fiduċjarju tan-NU għas-Sikurezza fit-Toroq). L-UE ħadmet biex tallinja aħjar din l-azzjoni mal-prijoritajiet tal-Global Gateway u tiżgura viżibbiltà sħiħa tal-wegħdiet kollettivi tagħna.

c.Il-Ftehim ta’ Samoa 

F’Novembru 2023, l-UE, l-Istati Membri tagħha, u l-Istati Membri tal-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku – li jirrappreżentaw 1.5 biljun persuna – iffirmaw is-suċċessur tal-Ftehim ta’ Cotonou: il-Ftehim ta’ Samoa. 32 Il-Ftehim ta’ Samoa daħal f’applikazzjoni proviżorja f’Jannar 2024; 77 mid-79 Stat tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku ffirmawha sa issa. Dan jimmodernizza l-qafas ta’ sħubija u jsaħħaħ il-kapaċità tagħna li nindirizzaw l-isfidi globali flimkien matul l-20 sena li ġejjin. Issa se tiġi implimentata permezz ta’ protokolli reġjonali, li japplikaw is-sħubija għas-sottoreġjuni differenti. Fi Frar 2024, l-Assemblea Parlamentari Konġunta u t-tliet Assemblej Parlamentari Reġjonali kellhom l-ewwel sessjoni plenarja tagħhom fl-Angola.

6.Prijoritajiet orizzontali: id-drittijiet tal-bniedem, l-inugwaljanzi, il-ġeneru, iż-żgħażagħ, id-diżabilità

Id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt huma l-pedament tal-azzjoni esterna tal-UE. F’kuntest globali ta’ spazju ċiviku u demokratiku li qed jiċkien, l-UE żammet l-appoġġ mingħajr kundizzjonijiet tagħha għall-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-demokrazija. Il-pjan ta’ Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2020–27 33 saħħaħ l-isforz tal-UE biex tiddefendi d-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fl-azzjoni esterna tagħha.

Il-ġlieda kontra l-inugwaljanzi u l-għoti tas-setgħa lin-nisa u liż-żgħażagħ huma prijoritajiet orizzontali għall-Kummissjoni. Iż-żieda fl-inugwaljanzi tfixkel il-progress fl-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli kollha. Madankollu, il-pandemija tal-COVID-19 ikkawżat l-akbar żieda fl-inugwaljanzi globalment fi tliet deċennji. 34 Fl-2023, il-Kummissjoni nediet Markatur tal-Inugwaljanza innovattiv 35 biex tifhem, issegwi u tivvaluta aħjar l-impatt tal-azzjonijiet tagħha fuq it-tnaqqis tal-inugwaljanzi. Dan wera li 59 % tal-interventi l-ġodda kollha ffinanzjati mill-baġit tas-sħubijiet internazzjonali fl-2023 kellhom enfasi sostanzjali fuq it-tnaqqis tal-inugwaljanzi.

Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri u l-Għoti tas-Setgħa lin-Nisa fl-Azzjoni Esterna (GAP III) 36 jimpenja ruħu għal 85 % tal-azzjonijiet esterni l-ġodda kollha li jikkontribwixxu għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri sal-2025. Sal-2022, 72 % tal-azzjonijiet esterni tal-UE diġà kellhom l-ugwaljanza bejn il-ġeneri bħala objettiv ewlieni jew sinifikanti.

Fl-2021, l-UE waqqfet Grupp Konsultattiv taż-Żgħażagħ 37 biex jipprovdi kontribut dirett dwar il-prijoritajiet tas-sħubija tal-UE; hija użat strutturi simili fil-livell tal-pajjiż. F’Ottubru 2022, il-Kummissjoni nediet l-ewwel Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ fl-Azzjoni Esterna tal-UE 38 biex tinvolvi, tagħti s-setgħa u tgħaqqad liż-żgħażagħ madwar id-dinja. Konsulenti Speċjali dwar iż-Żgħażagħ appoġġaw lill-UE f’dawn l-isforzi.

Fl-2021, l-UE aġġornat is-“Sett ta’ għodod biex id-detenturi tad-drittijiet jitqiegħdu fiċ-ċentru tal-Viċinat, l-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni Internazzjonali tal-UE”, li tinkludi Gwida dwar l-inklużjoni tal-persuni b’diżabilità fl-azzjoni esterna. 39 Sal-2023, 41 % tal-azzjonijiet esterni tal-UE kienu jinkludu l-persuni b’diżabilità sa livelli differenti.

7.Skont ir-reġjun 

a.L-Afrika 

L-Afrika tospita madwar nofs l-20 ekonomija tad-dinja li qed jikbru bl-aktar rata mgħaġġla, forza tax-xogħol żagħżugħa u dinamika, u riżorsi naturali abbundanti. Madankollu, hija nieqsa mill-investimenti, hija esposta ħafna għad-degradazzjoni ambjentali u t-tibdil fil-klima, u tbati minn gwerra u instabbiltà politika. Mill-2020 bl-adozzjoni tal-Komunikazzjoni Konġunta dwar Strateġija Komprensiva mal-Afrika, 40 l-UE saħħet is-sħubija tagħha mal-kontinent. Fis-sitt Summit bejn l-UE u l-Unjoni Afrikana ta’ Frar 2022, iż-żewġ partijiet qablu dwar Viżjoni Konġunta għall-2030, 41 appoġġata minn Pakkett ta’ Investiment tal-Global Gateway Afrika-Ewropa ta’ EUR 150 biljun. Is-sħubija Afrika-UE tippromwovi t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, l-iżvilupp tal-bniedem, il-ġestjoni sostenibbli tal-migrazzjoni, l-integrazzjoni ekonomika reġjonali, u ordni internazzjonali bbażata fuq ir-regoli.

Il-Port ta’ Cotonou

Il-Port ta’ Cotonou huwa wieħed mill-aktar ċentri marittimi importanti fl-Afrika tal-Punent, li jinsab strateġikament bejn Lomé u Lagos. Mill-2018, sar ġestit mill-Port ta’ Antwerp Bruges International, li nieda sforz ta’ modernizzazzjoni u espansjoni, li biddel Cotonou f’pilastru ta’ eċċellenza f’termini ta’ loġistika u diġitalizzazzjoni. L-UE, il-Belġju, Franza, u n-Netherlands b’azzjoni f’approċċ ta’ Tim Ewropa diġà mmobilizzaw aktar minn EUR 200 miljun biex jaġġornaw il-faċilità, is-servizzi li tipprovdi, u l-konnessjoni tagħha mal-intern tal-pajjiż. Dan jinkludi s-simplifikazzjoni u l-modernizzazzjoni tal-proċessi doganali, l-investiment fil-governanza u l-kompetittività, u l-appoġġ għall-bini ta’ terminal ġdid tas-sajd.

L-implimentazzjoni tal-Pakkett ta’ Investiment qed tavvanza tajjeb fl-oqsma ta’ prijorità kollha tal-Global Gateway: l-ekoloġizzazzjoni (4 mill-14-il sħubija strateġika dwar il-ktajjen tal-valur tal-materja prima; Inizjattiva għall-Enerġija Ekoloġika Afrika-UE), diġitali (il-Pont tal-Innovazzjoni Diġitali Afrika-Ewropa 2.0; Digitalisation4Development Hub), trasport (Memorandum ta’ Qbil dwar il-kuritur ekonomiku li jgħaqqad il-Port ta’ Lobito tal-Angola mar-Repubblika Demokratika tal-Kongo u ż-Żambja), is-saħħa (l-Inizjattiva ta’ Tim Ewropa dwar il-Manifattura u l-Aċċess għall-Vaċċini, il-Mediċini u t-Teknoloġiji tas-Saħħa, l-Aċċelleratur tal-Manifattura tat-Tilqim Afrikan), l-edukazzjoni u r-riċerka (l-Inizjattiva tal-Għalliema Reġjonali għall-Afrika).

L-idroġenu ekoloġiku fin-Namibja

In-Namibja tospita riżorsi kbar tal-enerġija mir-riħ u mix-xemx, kif ukoll depożiti sostanzjali ta’ elementi tal-art rari u minerali oħra, li jistgħu jiffurmaw is-sinsla ta’ ekonomija industrijali ekoloġika kompetittiva. Fl-2022, kienet l-ewwel pajjiż fl-Afrika li stabbilixxa sħubija strateġika mal-UE dwar ktajjen tal-valur sostenibbli tal-materja prima u l-idroġenu rinnovabbli. 42 Intlaħaq qbil dwar pjan direzzjonali ta’ implimentazzjoni fil-Forum tal-Global Gateway tal-2023. Is-sħubija strateġika hija implimentata permezz ta’ Inizjattiva ta’ Tim Ewropa li tlaqqa’ flimkien l-UE, il-BEI, il-Ġermanja, in-Netherlands, il-Belġju u l-Finlandja. Ġiet identifikata sensiela ta’ seba’ proġetti tal-Idroġenu Ekoloġiku, għal investiment potenzjali totali sa EUR 20 biljun. B’mod parallel, l-UE tappoġġa l-Programm Nazzjonali għall-Idroġenu Ekoloġiku, b’enfasi fuq l-allinjament regolatorju, il-bini tal-kapaċità u l-iżvilupp tal-ħiliet. Global Gateway tfassal ukoll il-kooperazzjoni bejn il-Port ta’ Rotterdam, il-Port ta’ Antwerp-Bruges u Namport.

L-Inizjattiva tal-Għalliema Reġjonali għall-Afrika

L-Afrika se jkollha bżonn aktar minn 15-il miljun għalliem addizzjonali sabiex tikseb edukazzjoni primarja u sekondarja universali sal-2030. L-Inizjattiva tal-Għalliema Reġjonali għall-Afrika, 43 imnedija f’Jannar 2023, tlaqqa’ flimkien l-UE u diversi Stati Membri tal-UE, l-Unjoni Afrikana u l-UNESCO. Dan jgħin biex jitnaqqas id-distakk tal-għalliema u tinkiseb forza tax-xogħol tal-għalliema aktar kompetenti, motivata u inklużiva li tkun kapaċi toffri tagħlim ta’ kwalità.

b.L-Asja-Paċifiku

L-Asja miexja b’mod kostanti biex issir iċ-ċentru tal-ekonomija globali. Matul dawn l-aħħar ħames snin, l-UE segwiet approċċ imfassal apposta għas-sottoreġjuni differenti tagħha.

Hija żviluppat sħubijiet bilaterali u reġjonali b’saħħithom fl-Asja Ċentrali. Mill-adozzjoni tal-Istrateġija UE-Asja Ċentrali, 44 żidna l-frekwenza u l-livell tal-impenn politiku tagħna. Fil-livell reġjonali, il-Pjan Direzzjonali UE-Asja Ċentrali għall-Approfondiment tar-Rabtiet bejn l-UE u l-Asja Ċentrali qed jiġi implimentat. 45 Fil-livell bilaterali, żviluppi ewlenin jinkludu l-Memoranda ta’ Qbil dwar il-materja prima kritika mal-Każakistan (2022) u l-Użbekistan (2024). 46

Kuritur tat-Trasport Trans-Kaspju

Taħt il-Global Gateway, l-UE qed taħdem biex tibdel il-Kuritur tat-Trasport Trans-Kaspju f’rotta moderna, kompetittiva u effiċjenti li tgħaqqad l-Ewropa u l-Asja f’mhux aktar minn 15-il jum. Dan ser isaħħaħ ir-rwol tal-Asja Ċentrali bħala ċentru ta’ konnettività u jrawwem il-kooperazzjoni ekonomika u l-integrazzjoni reġjonali fost il-ħames pajjiżi tal-Asja Ċentrali, filwaqt li jgħaqqad ir-reġjun aktar mill-qrib mal-Ewropa. L-UE, l-Istati Membri u l-Istituzzjonijiet Finanzjarji Ewropej, b’azzjoni f’approċċ ta’ Tim Ewropa, se jappoġġaw il-Kuritur tat-Trasport Trans-Kaspju permezz ta’ diversi programmi reġjonali, kif ukoll operazzjonijiet ta’ taħlit u garanziji ta’ self. Il-parteċipanti tal-Forum tal-Investituri tat-Trasport bejn l-UE u l-Asja Ċentrali ta’ Jannar 2024 impenjaw ruħhom li jimmobilizzaw EUR 10 biljun (investimenti kontinwi u ppjanati) fil-konnettività tat-trasport sostenibbli fl-Asja Ċentrali, abbażi ta’ studju ppubblikat f’Ġunju 2023. 47 F’Ġunju 2024 tnediet Pjattaforma ta’ Koordinazzjoni f’Astana.

L-istrateġija tal-UE għall-Kooperazzjoni fl-Indo-Paċifiku 48 tal-2021 stabbiliet il-qafas ta’ sħubija f’dak ir-reġjun. Tnedew inizjattivi konġunti fil-kuntest tal-Fora Ministerjali annwali bejn l-UE u l-Indo-Paċifiku.

L-UE saħħet is-sħubijiet bilaterali tagħha mal-Indja (Sħubija Strateġika UE-Indja: Pjan Direzzjonali għall-2025, 49 Sħubija dwar il-Konnettività bejn l-UE u l-Indja, il-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija bejn l-UE u l-Indja) u l-bqija tar-reġjun tal-Asja tan-Nofsinhar (Inizjattivi bilaterali ta’ Tim Ewropa, flimkien ma’ azzjoni għal aktar integrazzjoni reġjonali bħall-inizjattiva ewlenija Global Gateway dwar il-Konnettività tal-Enerġija fin-Nofsinhar tal-Asja).

L-UE stabbiliet Sħubija Strateġika mal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja fl-2020 u ospitat Summit Kommemorattiv fl-2022 biex tiċċelebra 45 sena ta’ sħubija. F’dik l-okkażjoni ħabbret pakkett ta’ investiment tal-Global Gateway ta’ EUR 10 biljun għar-reġjun 50 .

It-trasformazzjoni diġitali fil-Filippini

Il-programm Copernicus fil-Filippini huwa l-ewwel programm ta’ Osservazzjoni tad-Dinja tal-UE għall-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri fix-Xlokk tal-Asja. Filwaqt li tibni fuq sħubija mal-Aġenzija Spazjali Ewropea, din l-inizjattiva 51 tinvolvi l-istabbiliment ta’ ċentru tad-data ospitat mill-Aġenzija Spazjali tal-Filippini. L-aċċess għad-data satellitari għandu jgħin biex tittejjeb il-ġestjoni ambjentali u jittaffew l-effetti tat-tibdil fil-klima. Permezz tal-Pakkett tal-Ekonomija Diġitali, l-UE u l-Istati Membri, b’azzjoni f’approċċ ta’ Tim Ewropa, se jgħinu wkoll lill-Filippini jaġġornaw l-infrastruttura tal-konnettività biex jiżguraw aċċess aħjar għad-data ta’ Copernicus. Dan se jipprovdi bini tal-kapaċità dwar iċ-ċibersigurtà u l-introduzzjoni tal-5G, jiffinanzja boroż ta’ studju, u jiffaċilita l-iskambji tekniċi.

L-azzjoni klimatika u s-sostenibbiltà ambjentali kienu l-fokus tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Paċifiku. L-Alleanza Ekoloġika u Blu bejn għall-Paċifiku, 52 imnedija fl-2021, ġiet ikkomplementata minn azzjoni bilaterali.

L-UE tejbet ukoll id-djalogu strateġiku u l-iskambji tekniċi mas-sħab industrijalizzati (eż. Sħubija għall-Konnettività mal-Ġappun, Komunikazzjoni Konġunta dwar Sħubija Strateġika mal-Golf 53 ). Qed tesplora opportunitajiet usa’ għall-kooperazzjoni taħt il-Global Gateway.

c.L-Amerka Latina u l-Karibew

L-Amerka Latina u l-Karibew huma sħab essenzjali għall-awtonomija strateġika tal-Ewropa. Ħafna pajjiżi fir-reġjun għandhom il-potenzjal li jibbenefikaw mill-ktajjen tal-valur globali (eż. jospitaw madwar 60 % tar-riżervi globali tal-litju identifikati), iżda jeħtieġu kapital, teknoloġija, taħriġ, u standards biex inaqqsu d-diskrepanza fl-investiment.

Il-mobbiltà tal-Elettriku fil-Costa Rica

Il-pjan Nazzjonali ta’ Dekarbonizzazzjoni tal-Costa Rica għandu l-għan li sal-2050 ikun hemm ekonomija b’emissjonijiet żero netti, b’enfasi primarja fuq is-settur tat-trasport. Fil-kuntest tal-Aġenda ta’ Investiment tal-Global Gateway għall-Amerka Latina u l-Karibew, l-UE, Franza, il-Ġermanja, il-Portugall, Spanja, l-Iżvezja, u n-Netherlands, b’azzjoni f’approċċ ta’ Tim Ewropa, joffru appoġġ tekniku, finanzjarju u industrijali biex jgħinu lill-Costa Rica telettrifika t-trasport pubbliku tagħha. Dan jinkludi l-immodernizzar tas-sistema tal-karozzi tal-linja, l-elettrifikazzjoni tal-ferroviji tal-passiġġieri, u t-titjib tal-infrastruttura għall-mobbiltà elettronika. 54

Is-Summit ta’ Lulju 2023 mal-Komunità ta’ Stati tal-Amerka Latina u tal-Karibew wera bidu ġdid fis-sħubija: minn sħab naturali għal sħab tal-għażla. 55 Permezz tal-Aġenda ta’ Investiment tal-Global Gateway, l-UE impenjat ruħha li timmobilizza mill-inqas EUR 45 biljun ta’ investiment għar-reġjun sal-2027. Il-portafoll jinkludi aktar minn 130 proġett 56 f’setturi bħall-enerġija rinnovabbli u l-idroġenu, il-konservazzjoni tal-oċeani u tal-foresti, il-materja prima kritika, it-tranżizzjoni diġitali, ir-reżiljenza tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-infrastruttura tat-trasport. L-UE rduppjat ukoll l-isforzi biex tinvolvi lis-sħab tal-Karibew abbażi ta’ tliet sħubijiet strateġiċi dwar is-sostenibbiltà ambjentali, ir-reżiljenza ekonomika u l-kummerċ, u l-governanza, is-sigurtà u l-iżvilupp tal-bniedem. Permezz tat-tnedija ta’ EL PACcTO 2.0, 57 hija saħħet ukoll l-azzjoni tagħha dwar il-kriminalità transnazzjonali.

Bidla ta’ Sargassum f’opportunità ekonomika

Skont l-Aġenda ta’ Investiment tal-Global Gateway UE-ALK, l-UE, il-BEI, Franza, il-Finlandja, il-Ġermanja, u Spanja nedew Inizjattiva ta’ Tim Ewropa li għandha l-għan li tnaqqas il-ħsara kkawżata mis-Sargassum alga u tintegraha fl-ekonomija ċirkolari (eż. kożmetiċi, fertilizzanti, bijomassa). Il-komponenti jinkludu r-riċerka, il-politika u l-qafas normattiv, il-kondiviżjoni tal-għarfien, il-monitoraġġ u t-tbassir, il-faċilitazzjoni tal-investiment tas-settur privat, u l-investiment pubbliku. 58

d.Pajjiżi u Territorji Ekstra-Ewropej

L-appoġġ għall-Pajjiżi u t-Territorji Ekstra-Ewropej jinkludi investiment fl-edukazzjoni, l-għoti tas-setgħa liż-żgħażagħ, u t-tranżizzjonijiet lejn ekonomiji aktar ekoloġiċi, aktar blu u aktar integrati diġitalment. L-UE espandiet il-kooperazzjoni tagħha ma’ Greenland bl-iffirmar ta’ Memorandum ta’ Qbil dwar ktajjen tal-valur sostenibbli tal-Materja Prima Kritika (Novembru 2023) 59 u l-ftuħ ta’ uffiċċju ġdid tal-Kummissjoni f’Nuuk (Marzu 2024).

Konklużjoni

Fost kuntest ġeopolitiku aktar diffiċli, it-tibdil fil-klima u l-kompetizzjoni ġeoekonomika ħarxa, l-UE mmodernizzat il-mudell tagħha ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp. Is-sħubijiet internazzjonali tagħha saru għodda b’saħħitha biex tissaħħaħ ir-reżiljenza kemm barra kif ukoll ġewwa l-Ewropa. L-approċċ il-ġdid, sostnut mill-istrateġija Global Gateway, jippermetti lill-UE tikkontribwixxi bl-aktar mod effettiv għall-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli.

Fl-istess ħin, l-UE ppożizzjonat lilha nnifisha bħala promotur globali għall-edukazzjoni, iż-żgħażagħ u l-ġlieda kontra l-inugwaljanzi, użat approċċ ġdid għall-ġestjoni tal-migrazzjoni, u fasslet l-impenn tagħha f’kuntesti fraġli. Biex twettaq din l-aġenda ambizzjuża, għamlet progress metodoloġiku kbir: l-approċċ ta’ Tim Ewropa.

Twittiet it-triq. Il-Global Gateway bħala strateġija u marka kisbet trazzjoni ġewwa u barra l-UE. L-implimentazzjoni tagħha tinsab fi stadju avvanzat fir-reġjuni kollha. Se jkun meħtieġ aktar sforz, speċjalment fir-rigward tal-ingranaġġ tal-finanzjament privat, il-mobilizzazzjoni tar-riżorsi għall-Pajjiżi b’Introjtu Medju, il-koordinazzjoni bejn u fi ħdan il-komponenti differenti tal-approċċ ta’ Tim Ewropa, u l-użu tal-marka kummerċjali. Madankollu, il-Kulleġġ li jmiss se jkollu bażi soda biex jieħu s-sħubijiet internazzjonali tal-UE għal-livell li jmiss, fil-kuntest ta’ politika ekonomika barranija ġdida.



Anness – Eżempji ta’ riżultati tanġibbli tal-Global Gateway

a.L-Afrika

·Il-port ta’ Cotonou: Il-Port ta’ Cotonou huwa wieħed mill-aktar ċentri marittimi importanti fl-Afrika tal-Punent, li jinsab strateġikament bejn Lomé u Lagos. Mill-2018, sar ġestit mill-Port ta’ Antwerp Bruges International, li nieda sforz ta’ modernizzazzjoni u espansjoni, li biddel Cotonou f’pilastru ta’ eċċellenza f’termini ta’ loġistika u diġitalizzazzjoni. L-UE, il-Belġju, Franza, u n-Netherlands b’azzjoni f’approċċ ta’ Tim Ewropa diġà mmobilizzaw aktar minn EUR 200 miljun biex jaġġornaw il-faċilità, is-servizzi li tipprovdi, u l-konnessjoni tagħha mal-intern tal-pajjiż. Dan jinkludi s-simplifikazzjoni u l-modernizzazzjoni tal-proċessi doganali, l-investiment fil-governanza u l-kompetittività, u l-appoġġ għall-bini ta’ terminal ġdid tas-sajd.

·Kurituri Strateġiċi fl-Afrika: L-UE u l-Istati Membri jippromwovu t-trasport sostenibbli u l-konnettività fl-Afrika sub-Saħarjana tul 12-il kuritur strateġiku billi pereżempju jtejbu l-ambjent u jestendu n-networks tat-trasport pubbliku ta’ Dakar u Nairobi, jimmodernizzaw il-port ta’ Cotonou jew jirriabilitaw it-Triq Dakar-Abidjan. L-UE ffirmat ukoll Memorandum ta’ Qbil maż-Żambja, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u l-Angola dwar il-Kuritur Lobito.

·L-idroġenu ekoloġiku fin-Namibja: In-Namibja tospita riżorsi kbar tal-enerġija mir-riħ u mix-xemx, kif ukoll depożiti sostanzjali ta’ elementi tal-art rari u minerali oħra, li jistgħu jiffurmaw is-sinsla ta’ ekonomija industrijali ekoloġika kompetittiva. Fl-2022, kien l-ewwel pajjiż fl-Afrika li stabbilixxa sħubija strateġika mal-UE dwar ktajjen tal-valur sostenibbli tal-materja prima u l-idroġenu rinnovabbli. Intlaħaq qbil dwar pjan direzzjonali ta’ implimentazzjoni fil-Forum tal-Global Gateway tal-2023. Is-sħubija strateġika hija implimentata permezz ta’ Inizjattiva ta’ Tim Ewropa li tlaqqa’ flimkien l-UE, il-BEI, il-Ġermanja, in-Netherlands, il-Belġju u l-Finlandja. Ġiet identifikata sensiela ta’ seba’ proġetti tal-Idroġenu Ekoloġiku, għal investiment potenzjali totali sa EUR 20 biljun. B’mod parallel, l-UE tappoġġa l-Programm Nazzjonali għall-Idroġenu Ekoloġiku, b’enfasi fuq l-allinjament regolatorju, il-bini tal-kapaċità u l-iżvilupp tal-ħiliet. Global Gateway tfassal ukoll il-kooperazzjoni bejn il-Port ta’ Rotterdam, il-Port ta’ Antwerp-Bruges u Namport.

·Inizjattiva għall-Enerġija Ekoloġika Afrika-UE: Il-kooperazzjoni dwar it-tranżizzjoni tal-enerġija mxiet ’il quddiem b’mod konsiderevoli permezz tal-Inizjattiva ta’ Tim Ewropa dwar l-Inizjattiva għall-Enerġija Ekoloġika Afrika-UE, imnedija fl-2022. 12-il Stat Membru, il-BEI u l-BERŻ jipparteċipaw u s’issa ġew imwiegħda aktar minn EUR 20 biljun għall-2021–27, li minnhom EUR 3,4 biljun huma mill-UE. Ġiet identifikata sensiela sinifikanti ta’ investimenti fl-enerġija, b’livelli differenti ta’ maturità.

·Sħubijiet għal Tranżizzjoni tal-Enerġija Ġusta mas-Senegal u l-Afrika t’Isfel: Dawn is-sħubijiet għandhom l-għan li jaċċelleraw id-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomiji tal-pajjiżi sħab u jappoġġaw tranżizzjoni tal-enerġija ġusta.

·Sħubija strateġika dwar il-ktajjen tal-valur tal-materja prima man-Namibja, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, iż-Żambja u r-Rwanda: L-Afrika hija rikka fil-materja prima li hija kruċjali għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Is-sħubijiet, żviluppati fil-kuntest tad-dimensjoni esterna tal-politika tal-UE dwar il-Materja Prima, għandhom l-għan li jiżviluppaw żieda fil-valur fil-pajjiżi sħab u jiżguraw provvista sigura u sostenibbli ta’ materja prima u materjali raffinati. Huma jappoġġaw l-iżvilupp tal-ktajjen tal-valur tal-minjieri lokalment u jiffaċilitaw l-investiment u l-opportunitajiet ta’ finanzjament biex jiġu mmodernizzati l-industriji lokali. Il-Global Gateway tappoġġa l-implimentazzjoni tagħhom.

·Ekonomija blu: Fit-Tanzanija, l-Inizjattiva tat-Tim tal-Ekonomija Blu Ewropa tiffoka fuq: (i) protezzjoni ambjentali u ġestjoni sostenibbli reżiljenti għat-tibdil fil-klima tal-ekosistemi kostali; (ii) appoġġ għal negozji sostenibbli u li jirrikjedu ħafna impjiegi fl-ekonomija blu, inkluż l-użi produttivi tal-ekosistemi tal-baħar u kostali; (iii) governanza trasformattiva u riformi ta’ politika.

·Sħubija għall-Foresti mar-Repubblika tal-Kongo, l-Uganda u ż-Żambja: Dawn għandhom l-għan li jindirizzaw il-foresti b’mod komprensiv u integrat. Dawn jgħinu biex jipproteġu, jirrestawraw u jiżguraw l-użu u l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, jippromwovu governanza tajba tal-foresti, isaħħu l-ktajjen tal-valur ibbażati fuq il-foresti, jistimulaw ambjenti tan-negozju stabbli u legali u jiżguraw is-sostenibbiltà tal-kummerċ fil-prodotti tal-foresti u f’komoditajiet oħra li jixprunaw id-deforestazzjoni.

·Pakketti dwar l-Ekonomija Diġitali man-Niġerja, il-Kenja u r-Repubblika Demokratika tal-Kongo: Bit-tnedija ta’ pakketti tal-ekonomija diġitali, l-UE tgħin biex tagħti spinta lill-konnettività, il-ħiliet u l-governanza inklużiva fis-setturi diġitali tal-pajjiżi sħab. Fil-Kenja, dan il-pakkett se jiġi implimentat permezz tal-Inizjattiva ta’ Tim Ewropa dwar id-Diġitalizzazzjoni Ċċentrata fuq il-Bniedem.

·L-ekonomija u s-Soċjetà Diġitali għall-Afrika sub-Saħarjana: Bit-tnedija tal-Inizjattiva ta’ Tim Ewropa dwar l-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali għall-Afrika sub-Saħarjana, l-UE tappoġġa u tippromwovi t-tranżizzjoni diġitali tal-Afrika billi tindirizza l-konnettività, il-governanza, l-intraprenditorija u l-ħiliet, inkluż bħala parti mill-Fergħa tal-Afrika taċ-Ċentru Diġitali għall-Iżvilupp.

·Il-produzzjoni tal-vaċċini fl-Afrika: L-inizjattiva Tim Ewropa għall-Manifattura u l-aċċess għall-vaċċini, il-mediċini u t-teknoloġiji tas-saħħa tappoġġa l-isforz tal-Unjoni Afrikana biex tippromwovi l-manifattura lokali tal-vaċċini u aċċess usa’ għall-prodotti tas-saħħa. S’issa, immobilizzat aktar minn EUR 2 biljun mill-baġit tal-UE u tal-Istati Membri, inkluż appoġġ għall-Aċċelleratur tal-Manifattura tal-Vaċċini Afrikani. Din l-inizjattiva tindirizza n-naħa tal-provvista (produzzjoni), in-naħa tad-domanda (off-take) u l-ambjent abilitanti, kif muri fir-Rwanda bil-ftuħ tal-ewwel faċilità mRNA f’Kigali f’Diċembru 2023 u t-tnedija tal-programmi bijoteknoloġiċi fl-Università tar-Rwanda f’April 2023. Fis-Senegal, il-proġett MADIBA (Manifattura fl-Afrika għall-Immunizzazzjoni tal-Mard u l-Awtonomija tal-Bini) għandu l-għan li jniedi l-produzzjoni tal-vaċċini fl-2025. Fl-Afrika t’Isfel, il-produzzjoni tal-vaċċini kontra l-COVID-19 f’Aspen Pharmacare diġà bdiet. Fil-Ghana, DEK Vaccines Limited qed tistabbilixxi faċilità ta’ tlestija mimlija bil-produzzjoni mistennija fl-2025.

·L-inizjattiva tal-Għalliema Reġjonali għall-Afrika: L-Afrika se jkollha bżonn aktar minn 15-il miljun għalliem addizzjonali sabiex tikseb edukazzjoni primarja u sekondarja universali sal-2030. L-inizjattiva tal-Għalliema Reġjonali għall-Afrika, imnedija f’Jannar 2023, tlaqqa’ flimkien l-UE u diversi Stati Membri tal-UE, l-Unjoni Afrikana u l-UNESCO. Dan jgħin biex jitnaqqas id-distakk tal-għalliema u tinkiseb forza tax-xogħol tal-għalliema aktar kompetenti, motivata u inklużiva li tkun kapaċi toffri tagħlim ta’ kwalità.

·Ħiliet Immotivati mill-Opportunitajiet u Edukazzjoni u Taħriġ Vokazzjonali fl-Afrika: L-inizjattiva Tim Ewropa li tiffoka fuq il-ħiliet xprunati mill-opportunità u l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali fl-Afrika għandha l-għan li tidentifika opportunitajiet ta’ impjieg deċenti u talbet ħiliet biex jorjentaw l-interventi tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali fil-livell tal-pajjiż.

b.L-Asja-Paċifiku 

·Il-Kuritur tat-Trasport Trans-Kaspju: Taħt il-Global Gateway, l-UE qed taħdem biex tibdel il-Kuritur tat-Trasport Trans-Kaspju f’rotta moderna, kompetittiva u effiċjenti li tgħaqqad l-Ewropa u l-Asja f’mhux aktar minn 15-il jum. Dan ser isaħħaħ ir-rwol tal-Asja Ċentrali bħala ċentru ta’ konnettività u jrawwem il-kooperazzjoni ekonomika u l-integrazzjoni reġjonali fost il-ħames pajjiżi tal-Asja Ċentrali, filwaqt li jgħaqqad ir-reġjun aktar mill-qrib mal-Ewropa. L-UE, l-Istati Membri u l-Istituzzjonijiet Finanzjarji Ewropej, b’azzjoni f’approċċ ta’ Tim Ewropa, se jappoġġaw il-Kuritur tat-Trasport Trans-Kaspju permezz ta’ diversi programmi reġjonali, kif ukoll operazzjonijiet ta’ taħlit u garanziji ta’ self. Il-parteċipanti tal-Forum tal-Investituri tat-Trasport bejn l-UE u l-Asja Ċentrali ta’ Jannar 2024 impenjaw ruħhom li jimmobilizzaw EUR 10 biljun (investimenti kontinwi u ppjanati) fil-konnettività tat-trasport sostenibbli fl-Asja Ċentrali, abbażi ta’ studju ppubblikat f’Ġunju 2023. 60 F’Ġunju 2024 tnediet Pjattaforma ta’ Koordinazzjoni f’Astana.

·L-Urbanizzazzjoni Sostenibbli u l-Mobbiltà Urbana Ekoloġika fl-Indja: L-UE tappoġġa r-riabilitazzjoni tal-infrastruttura urbana b’enfasi fuq il-ġestjoni integrata tal-iskart u l-ġestjoni urbana sensittiva għall-klima. Dan jinkludi l-implimentazzjoni ta’ sistemi ferrovjarji integrati, sostenibbli u effiċjenti fl-użu tal-enerġija f’Surat u Ahmedabad.

·L-iżvilupp tal-Port ta’ Lumut fil-Malażja: Il-proġett tal-Belt Industrijali Marittima biex jiġi żviluppat il-Port ta’ Lumut minn port bl-ingrossa għal port b’diversi skopijiet u tal-kontejners, kif ukoll biex jinħoloq kumpless ekoloġiku industrijali u loġistiku speċjalizzat fil-produzzjoni tal-idroġenu, l-enerġija rinnovabbli u l-industrija sostenibbli tan-nofs u downstream.

·Sħubija strateġika dwar il-ktajjen tal-valur tal-materja prima mal-Każakistan u l-Użbekistan: Il-Global Gateway tappoġġa l-implimentazzjoni ta’ sħubijiet ma’ pajjiżi tal-Asja Ċentrali mogħnija b’materja prima. L-UE ffirmat Memoranda ta’ Qbil għal sħubijiet strateġiċi dwar il-materja prima kritika mal-Każakistan (2022) u mal-Użbekistan (2024).

·Il-Konnettività tal-Enerġija fin-Nofsinhar tal-Asja: Il-kostruzzjoni ta’ impjanti tal-enerġija fotovoltajka solari, impjanti tal-enerġija idroelettrika u linji ta’ trażmissjoni għall-konnessjoni mal-grilja permezz tal-Bhutan; l-estensjoni tal-linja ta’ trażmissjoni Chilime-Trishuli u l-proġett Dudhkoshi Storage Hydroelectric fin-Nepal; appoġġ għall-iżvilupp tas-suq tal-enerġija reġjonali u l-ambjent tal-investiment fil-Bangladesh, il-Bhutan, l-Indja u n-Nepal.

·L-Inizjattiva Tim Ewropa dwar it-Tranżizzjoni tal-Enerġija Ekoloġika fil-Bangladesh: L-inizjattiva tappoġġa t-tranżizzjoni ekoloġika tal-Bangladesh permezz ta’ investimenti fil-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli u fl-effiċjenza enerġetika. Matul il-Forum Global Gateway 2023, il-Bangladesh u l-UE ffirmaw ftehimiet b’valur ta’ EUR 400 miljun għal proġetti tal-enerġija rinnovabbli u ħames azzjonijiet ta’ kooperazzjoni addizzjonali, b’valur ta’ EUR 70 miljun, li jappoġġaw l-edukazzjoni, ix-xogħol deċenti, il-kostruzzjoni ekoloġika, il-governanza elettronika u l-prevenzjoni tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru.

·Sħubija għal Tranżizzjoni tal-Enerġija Ġusta mal-Indoneżja u l-Vjetnam: Dawn is-sħubijiet għandhom l-għan li jaċċelleraw id-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomiji tal-pajjiżi sħab u jappoġġaw tranżizzjoni tal-enerġija ġusta.

·Il-Kostruzzjoni tal-Ħżin tal-Pompa ta’ Bac Ai Hydro fil-Vjetnam: Żviluppat fil-kuntest tas-Sħubija għal Tranżizzjoni tal-Enerġija Ġusta, dan il-proġett għandu l-għan li jgħin lill-gvern Vjetnamiż jibni sistema idroelettrika ppumpjata b’erba’ unitajiet. Is-sistema l-ġdida se jkollha kapaċità totali ta’ 1.200 megawatt.

·L-iskema tal-enerġija idroelettrika kaskata ta’ Qaliwana-Vatutokotoko f’Fiġi: Il-BEI se jappoġġa l-kostruzzjoni tal-iskema tal-enerġija idroelettrika kaskata ta’ Qaliwana-Vatutokotoko biex iżid is-sehem tal-enerġija rinnovabbli tal-Fiġi, filwaqt li jnaqqas b’mod konsiderevoli d-dipendenza tiegħu fuq il-fjuwils fossili.

·Sħubija għall-Foresti mal-Mongolja: L-objettiv ewlieni tas-Sħubija huwa li tindirizza l-protezzjoni, ir-restawr u l-ġestjoni u l-użu sostenibbli tal-foresti tal-Mongolja. Il-Memorandum ta’ Qbil tas-Sħubija għall-Foresti ġie ffirmat mill-President tal-Kummissjoni u mill-President tal-Mongolja f’Novembru 2022.

·L-Alleanza Blu Ekoloġika tal-Inizjattiva Tim Ewropa għall-Paċifiku u Timor Leste: L-inizjattiva tkopri 15-il Pajjiż Gżira (inkluż Papua New Guinea, Timor Leste), u tliet Pajjiżi u Territorji Franċiżi ekstra-Ewropej. Hija taħdem fuq l-integrazzjoni tal-ambizzjoni klimatika u fuq l-użu sostenibbli tal-kapital naturali tal-Paċifiku.

·It-trasformazzjoni diġitali fil-Filippini: Il-programm Copernicus fil-Filippini huwa l-ewwel programm ta’ Osservazzjoni tad-Dinja tal-UE għall-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri fix-Xlokk tal-Asja. Filwaqt li tibni fuq sħubija mal-Aġenzija Spazjali Ewropea, din l-inizjattiva 61 tinvolvi l-istabbiliment ta’ ċentru tad-data ospitat mill-Aġenzija Spazjali tal-Filippini. L-aċċess għad-data satellitari għandu jgħin biex tittejjeb il-ġestjoni ambjentali u jittaffew l-effetti tat-tibdil fil-klima. Permezz tal-Pakkett tal-Ekonomija Diġitali, l-UE u l-Istati Membri, b’azzjoni f’approċċ ta’ Tim Ewropa, se jgħinu wkoll lill-Filippini jaġġornaw l-infrastruttura tal-konnettività biex jiżguraw aċċess aħjar għad-data ta’ Copernicus. Dan se jipprovdi bini tal-kapaċità dwar iċ-ċibersigurtà u l-introduzzjoni tal-5G, jiffinanzja boroż ta’ studju, u jiffaċilita l-iskambji tekniċi. 

c.L-Amerka Latina u l-Karibew 

·Il-Mobbiltà tal-Elettriku fil-Costa Rica: Il-pjan Nazzjonali ta’ Dekarbonizzazzjoni tal-Costa Rica għandu l-għan li sal-2050 ikun hemm ekonomija b’emissjonijiet żero netti, b’enfasi primarja fuq is-settur tat-trasport. Fil-kuntest tal-Aġenda ta’ Investiment tal-Global Gateway għall-Amerka Latina u l-Karibew, l-UE, Franza, il-Ġermanja, il-Portugall, Spanja, l-Iżvezja, u n-Netherlands, b’azzjoni f’approċċ ta’ Tim Ewropa, joffru appoġġ tekniku, finanzjarju u industrijali biex jgħinu lill-Costa Rica telettrifika t-trasport pubbliku tagħha. Dan jinkludi l-immodernizzar tas-sistema tal-karozzi tal-linja, l-elettrifikazzjoni tal-ferroviji tal-passiġġieri, u t-titjib tal-infrastruttura għall-mobbiltà elettronika.

·L-iżvilupp tal-idroġenu rinnovabbli fiċ-Ċilì: L-Inizjattiva ta’ Tim Ewropa dwar l-Idroġenu Rinnovabbli fiċ-Ċilì tappoġġa d-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija Ċilena, toħloq impjiegi ekoloġiċi u tiġġenera opportunitajiet ta’ negozju għall-kumpaniji Ċileni u Ewropej, filwaqt li tissodisfa d-domanda tal-Ewropa stess għall-importazzjoni tal-idroġenu ekoloġiku. Dan jikkatalizza l-investiment privat; jappoġġja l-iżvilupp tal-infrastruttura; jippromwovi n-normi tal-UE u l-istandards ambjentali, soċjali u ta’ governanza; jikkontribwixxi għat-trasferiment tat-teknoloġija, ir-riforma regolatorja, u t-taħriġ. Il-portijiet ta’ Rotterdam, Antwerp u Hamburg iffirmaw memoranda ta’ qbil mal-Ministeru għall-Enerġija Ċilena. L-UE u l-Istati Membri jipprovdu wkoll assistenza teknika.

·L-Alleanza Diġitali tal-UE għall-Amerka Latina u l-Karibew: Imnedija f’Marzu 2023, din tinkludi kull aspett tat-tranżizzjoni diġitali, inkluż l-estensjoni tal-kejbil tal-fibra ottika Bella (Nibnu l-Konnessjoni tal-Ewropa mal-Amerka Latina u l-Karibew), il-konnettività ċentrali diġitali, il-kooperazzjoni fir-riċerka, l-istrateġija reġjonali Copernicus, l-Aċċelleratur Diġitali UE-LAC u d-djalogu ta’ politika dwar iċ-ċibersigurtà.

·Il-konnettività u t-tranżizzjoni diġitali fil-Kolombja: L-appoġġ għall-inizjattiva tal-gvern biex tittejjeb il-konnettività minn 50 sa 85 % tal-popolazzjoni jirrikjedi taħlita ta’ politiki pubbliċi, investimenti pubbliċi u privati, teknoloġija, u parteċipazzjoni tal-komunità. L-UE żviluppat djalogu b’saħħtu mal-istituzzjonijiet nazzjonali, l-Istati Membri tal-UE u l-kumpaniji tagħhom.

·Il-bidla ta’ Sargassum f’opportunità ekonomika: Skont l-Aġenda ta’ Investiment tal-Global Gateway UE-ALK, l-UE, il-BEI, Franza, il-Finlandja, il-Ġermanja, u Spanja nedew Inizjattiva ta’ Tim Ewropa li għandha l-għan li tnaqqas il-ħsara kkawżata mis-Sargassum alga u tintegraha fl-ekonomija ċirkolari (eż. kożmetiċi, fertilizzanti, bijomassa). Il-komponenti jinkludu r-riċerka, il-politika u l-qafas normattiv, il-kondiviżjoni tal-għarfien, il-monitoraġġ u t-tbassir, il-faċilitazzjoni tal-investiment tas-settur privat, u l-investiment pubbliku.

·L-indirizzar tat-tniġġis fil-baċir tax-xmara Motagua: Ix-xmara Motagua hija waħda mill-aktar xmajjar li jarmu plastik fid-dinja, u tikkontribwixxi madwar tnejn fil-mija tal-emissjonijiet globali tat-tniġġis tal-plastik fl-oċeani kull sena. F’approċċ ta’ Tim Ewropa, l-UE għandha l-għan li ttejjeb is-sistemi tad-drenaġġ fil-livell muniċipali u tibni impjanti tat-trattament tal-ilma.

·Sħubija dwar ir-reżiljenza tas-saħħa u l-produzzjoni tal-vaċċini: L-UE nediet din is-sħubija biex issaħħaħ u tarmonizza l-ambjent regolatorju u tiżviluppa l-integrazzjoni tas-suq għall-prodotti tas-saħħa.

·Inizjattiva Globali dwar il-Bonds Ekoloġiċi fir-Repubblika Dominicana: Fil-kuntest tal-kooperazzjoni kontinwa tiegħu mal-UE, il-Gvern tar-Repubblika Dominicana ħareġ b’suċċess l-ewwel bond ekoloġiku sovran tiegħu f’Lulju 2024.

d.Pajjiżi u Territorji Ekstra-Ewropej

·Sħubija strateġika dwar il-ktajjen tal-valur tal-materja prima ma’ Greenland: F’Novembru 2023 ġie ffirmat Memorandum ta’ Qbil. L-UE se tappoġġa l-promozzjoni u l-iffaċilitar tal-investiment fil-Materja Prima Kritika ta’ Greenland. Dan se jgħin lil Greenland tiddiversifika l-ekonomija tagħha.

(1)

  https://international-partnerships.ec.europa.eu/policies/team-europe-initiatives_mt

(2)

  https://commission.europa.eu/strategy-and-policy/priorities-2019-2024/stronger-europe-world/global-gateway_mt

(3)

  https://capacity4dev.europa.eu/resources/team-europe-tracker_en

(4)

  https://international-partnerships.ec.europa.eu/policies/global-gateway/global-gateway-flagship-projects_en?prefLang=mt

(5)

  https://international-partnerships.ec.europa.eu/funding-and-technical-assistance/funding-instruments/european-fund-sustainable-development-plus_en?prefLang=mt

(6)

  https://international-partnerships.ec.europa.eu/news-and-events/eu-business-fora_en?prefLang=mt

(7)

L-Indoneżja, is-Senegal, l-Afrika t’Isfel, il-Vjetnam.

(8)

https://www.cop28.com/en/global-renewables-and-energy-efficiency-pledge

(9)

Mal-Kanada, l-Ukrajna, in-Namibja, il-Każakistan, l-Arġentina, iċ-Ċilì, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, iż-Żambja, Greenland, ir-Rwanda, in-Norveġja, l-Użbekistan, l-Awstralja, is-Serbja.

(10)

Mal-Mongolja, il-Honduras, il-Guyana, ir-Repubblika tal-Kongo, l-Uganda, iż-Żambja.

(11)

  https://www.itu.int/itu-d/reports/statistics/2022/11/24/ff22-internet-use/

(12)

Man-Niġerja, il-Kenja, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, il-Filippini, il-Kolombja.

(13)

  https://international-partnerships.ec.europa.eu/policies/global-gateway/lobito-corridor-connecting-democratic-republic-congo-and-zambia-global-markets-angola_en?prefLang=mt

(14)

  https://international-partnerships.ec.europa.eu/news-and-events/news/global-gateway-eu-and-central-asian-countries-agree-building-blocks-develop-trans-caspian-transport-2024-01-30_en?prefLang=mt

(15)

  https://health.ec.europa.eu/latest-updates/first-delivery-mpox-vaccine-doses-arrives-democratic-republic-congo-2024-09-05_en

(16)

  https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/ip_22_7153

(17)

  https://international-partnerships.ec.europa.eu/policies/team-europe-initiatives/team-europe-initiative-manufacturing-and-access-vaccines-medicines-and-health-technologies-africa_en

(18)

  https://international-partnerships.ec.europa.eu/news-and-events/global-gateway-high-level-event-education_en

(19)

  https://www.oecd.org/en/publications/states-of-fragility-2022_c7fedf5e-en.html

(20)

  https://www.eeas.europa.eu/eeas/integrated-approach-external-conflicts-and-crises_en

(21)

  https://international-partnerships.ec.europa.eu/funding-and-technical-assistance/funding-instruments/trust-funds_en#the-eu-emergency-trust-fund-for-africa-eutf

(22)

L-inizjattiva ta’ Tim Ewropa tar-Rotta tal-Atlantiku/tal-Mediterran tal-Punent tlaqqa’ flimkien lill-UE, il-Belġju, id-Danimarka, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, in-Netherlands, ir-Repubblika Ċeka, Spanja, l-Iżvizzera, l-Alġerija, il-Mauritania, il-Marokk, is-Senegal, il-Gambja, il-Burkina Faso, il-Ghana, il-Guinea, il-Kosta tal-Avorju, il-Mali, in-Niġer, u n-Niġerja. L-inizjattiva ta’ Tim Ewropa tar-Rotta tal-Mediterran Ċentrali tlaqqa’ flimkien lill-UE, l-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, Malta, in-Netherlands, ir-Repubblika Ċeka, Spanja, l-Iżvizzera, il-Burkina Faso, iċ-Ċhad, l-Eġittu, il-Libja, in-Niġer, l-Etjopja, l-Eritrea, is-Somalja, is-Sudan, it-Tuneżija, il-Kosta tal-Avorju, il-Guinea, u n-Niġerja.

(23)

  https://home-affairs.ec.europa.eu/policies/migration-and-asylum/pact-migration-and-asylum_en

(24)

  https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/ip_24_1335

(25)

  https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/ip_24_3161

(26)

  https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/ip_23_6081

(27)

  https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/ip_23_3801

(28)

  https://www.g20.org/en/tracks/sherpa-track/hunger-and-poverty

(29)

  https://unfccc.int/ ; https://www.cbd.int/cop

(30)

  https://www.un.org/bbnjagreement/en

(31)

  https://sdgs.un.org/conferences/sids2024

(32)

  https://www.consilium.europa.eu/mt/policies/samoa-agreement/

(33)

  https://www.eeas.europa.eu/eeas/eu-action-plan-human-rights-and-democracy-0_en

(34)

  https://www.un.org/sustainabledevelopment/inequality/

(35)

  https://op.europa.eu/mt/publication-detail/-/publication/2faa22b4-a8fb-11ed-b508-01aa75ed71a1

(36)

  https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/ip_20_2184

(37)

  https://international-partnerships.ec.europa.eu/policies/youth/youth-sounding-board_en

(38)

  https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/qanda_22_5882

(39)

  https://international-partnerships.ec.europa.eu/news-and-events/events/human-rights-based-approach-eu-toolbox-placing-rights-holders-centre-international-partnerships-2021-09-16_en

(40)

  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A52020JC0004

(41)

  https://www.consilium.europa.eu/media/54412/final_declaration-en.pdf

(42)

  https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/ip_22_6683

(43)

  https://international-partnerships.ec.europa.eu/policies/global-gateway/regional-teachers-initiative-africa_en

(44)

  https://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2019/06/17/central-asia-council-adopts-a-new-eu-strategy-for-the-region/

(45)

  https://www.eeas.europa.eu/eeas/eu-central-asia-19th-ministerial-meeting-held-luxembourg-23-october-2023_en

(46)

  https://global-gateway-forum.ec.europa.eu/news/global-gateway-forum-eu-and-uzbekistan-forge-strategic-alliance-critical-raw-materials-partnership-2023-10-25_en

(47)

  https://transport.ec.europa.eu/transport-themes/international-relations/study-sustainable-transport-connections-central-asia_en?prefLang=mt

(48)

  https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/qanda_21_4709

(49)

  https://www.consilium.europa.eu/media/45026/eu-india-roadmap-2025.pdf

(50)

  https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/ip_22_7678

(51)

  https://international-partnerships.ec.europa.eu/policies/global-gateway/digital-transformation-and-connectivity-initiative-south-east-asia_en?prefLang=mt

(52)

  https://international-partnerships.ec.europa.eu/policies/global-gateway/green-blue-alliance-pacific_en

(53)

  https://www.eeas.europa.eu/eeas/joint-communication-%E2%80%9Cstrategic-partnership-gulf%E2%80%9D_en

(54)

  https://global-gateway-forum.ec.europa.eu/news/global-gateway-forum-eu-and-costa-rica-strengthen-their-partnership-advances-secure-connectivity-2023-10-24_en

(55)

  https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/ip_23_3045

(56)

  https://international-partnerships.ec.europa.eu/policies/global-gateway/initiatives-region/initiatives-latin-america-and-caribbean_en?prefLang=mt

(57)

  https://international-partnerships.ec.europa.eu/news-and-events/news/new-means-fight-transnational-crime-between-eu-and-latin-america-and-caribbean-launch-el-paccto-20-2024-03-12_en

(58)

  https://international-partnerships.ec.europa.eu/news-and-events/news/cop28-eu-joins-forces-latin-america-and-caribbean-combat-sargassum-and-make-it-economic-opportunity-2023-12-06_en?prefLang=mt

(59)

  https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/ip_23_6166

(60)

  https://transport.ec.europa.eu/transport-themes/international-relations/study-sustainable-transport-connections-central-asia_en

(61)

  https://international-partnerships.ec.europa.eu/policies/global-gateway/digital-transformation-and-connectivity-initiative-philippines_en