IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Strasburgu, 26.11.2024
COM(2024) 722 final
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
li tistabbilixxi l-perkors tan-nefqa netta tan-Netherlands
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Strasburgu, 26.11.2024
COM(2024) 722 final
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
li tistabbilixxi l-perkors tan-nefqa netta tan-Netherlands
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
li tistabbilixxi l-perkors tan-nefqa netta tan-Netherlands
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121 tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263, u b’mod partikolari l-Artikolu 19 tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni,
Billi:
KUNSIDERAZZJONIJIET ĠENERALI
(1)Qafas ta’ governanza ekonomika tal-UE riformat daħal fis-seħħ fit-30 ta’ April 2024. Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali 1 , flimkien mar-Regolament (KE) Nru 1467/97 emendat dwar l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv 2 , u d-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE emendata dwar l-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri 3 huma l-elementi ewlenin tal-qafas riformat tal-governanza ekonomika tal-UE. L-għan tal-qafas hu li jiżgura s-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku u t-tkabbir sostenibbli u inklużiv permezz ta’ riformi u investimenti. Jippromwovi s-sjieda nazzjonali u l-fokus jinsab fuq it-terminu medju, flimkien ma’ infurzar effettiv u aktar koerenti tar-regoli.
(2)Fiċ-ċentru tal-qafas il-ġdid ta’ governanza ekonomika hemm il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju li l-Istati Membri jissottomettu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Il-pjanijiet huma li jintlaħqu żewġ objettivi: i) l-iżgurar li, sa tmiem il-perjodu ta’ aġġustament, id-dejn tal-gvern estiż ikun fuq perkors ta’ tnaqqis plawżibbli, jew jibqa’ f’livelli prudenti, u li d-defiċit tal-gvern jinġieb u jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG fuq terminu medju, u ii) jiżguraw it-twettiq ta’ riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u jindirizzaw il-prijoritajiet komuni tal-UE. Għal dak l-għan, kull pjan għandu jippreżenta impenn fuq terminu medju għal perkors tan-nefqa netta 4 , li effettivament jistabbilixxi restrizzjoni baġitarja għad-durata tal-pjan, li tkopri erba' jew ħames snin (skont it-terminu regolari tal-leġiżlatura fi Stat Membru). Barra minn hekk, il-pjan għandu jispjega kif l-Istat Membru se jiżgura t-twettiq ta’ riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, b’mod partikolari fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (inklużi dawk li jappartjenu għall-proċedura ta’ żbilanċi makroekonomiċi (MIP), jekk applikabbli), u kif l-Istat Membru se jindirizza l-prijoritajiet komuni tal-Unjoni. Il-perjodu għall-aġġustament fiskali jkopri perjodu ta’ erba' snin, li jista’ jiġi estiż b’massimu ta’ tliet snin jekk l-Istat Membru jimpenja ruħu li jwettaq sett ta’ riformi u investimenti rilevanti li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fir-Regolament (UE) 2024/1263.
(3)Wara s-sottomissjoni tal-pjan, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk dan jikkonformax mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263.
(4)Skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2024/1263, filwaqt li jqis il-valutazzjoni u abbażi ta’ rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, il-Kunsill għandu jirrakkomanda li l-Istat Membru jissottometti pjan fiskali-strutturali nazzjonali rivedut fuq terminu medju jekk iqis li l-pjan ma jikkonformax mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 16(2), (3) u (5) ta’ dak ir-Regolament.
(5)F’każ li l-Istat Membru jonqos milli jissottometti pjan rivedut fil-limitu ta’ żmien imsemmi fir-Regolament (UE) 2024/1263 jew il-pjan rivedut ma jikkonformax mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 16(2), (3) u (5) ta’ dak ir-Regolament, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, il-Kunsill għandu jadotta rakkomandazzjoni biex jistabbilixxi l-perkors tan-nefqa netta tal-Istat Membru kkonċernat f’konformità mal-Artikolu 19, fejn applikabbli, japprova s-sett ta’ impenji ta’ riforma u ta’ investiment li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament fiskali.
KUNSIDERAZZJONIJIET DWAR IL-PJAN FISKALI-STRUTTURALI NAZZJONALI FUQ TERMINU MEDJU TAN-NETHERLANDS
(6)Fil-15 ta’ Ottubru 2024, in-Netherlands issottomettew il-pjan fiskali-strutturali nazzjonali tagħhom fuq terminu medju lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Is-sottomissjoni saret wara estensjoni tal-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) 2024/1263, kif maqbul mal-Kummissjoni fid-dawl tar-raġunijiet ipprovduti min-Netherlands.
Proċess qabel is-sottomissjoni tal-pjan
(7)Qabel is-sottomissjoni tal-pjan tagħhom, in-Netherlands talbu informazzjoni teknika 5 , li l-Kummissjoni pprovdiet fil-21 ta’ Ġunju 2024, u ppubblikat fil-15 ta’ Ottubru 2024 6 . L-informazzjoni teknika tindika l-livell tal-bilanċ primarju strutturali fl-2028 li huwa meħtieġ biex jiġi żgurat li d-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika jinżamm taħt it-3 % tal-PDG fuq terminu medju u li d-dejn tal-amministrazzjoni pubblika jibqa’ taħt is-60 % tal-PDG fuq terminu medju, fin-nuqqas ta’ aktar miżuri baġitarji lil hinn mill-perjodu ta’ aġġustament ta’ 4 snin. It-terminu medju huwa definit bħala l-perjodu ta’ 10 snin wara t-tmiem tal-perjodu ta’ aġġustament. L-informazzjoni teknika tħejjiet u ntbagħtet lill-Istat Membru permezz ta’ żewġ xenarji: xenarju li jinkludi l-konsistenza mas-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit 7 , f’konformità mal-Artikolu 9(3) tar-Regolament (UE) 2024/1263, u xenarju mingħajr din is-salvagwardja. L-informazzjoni teknika għan-Netherlands tistabbilixxi li, sabiex jikkonformaw mar-regoli fiskali applikabbli fuq perjodu ta’ aġġustament ta’ 4 snin, u abbażi tas-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni, il-bilanċ primarju strutturali għandu jammonta għal mill-inqas 0,1 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta’ aġġustament (2028; xenarju mingħajr is-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit), skont it-tabella li ġejja. Għall-informazzjoni, meta titqies ukoll is-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit, il-bilanċ primarju strutturali għandu jammonta għal mill-inqas 0,1 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta’ aġġustament (2028). Madankollu, is-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit mhix rekwiżit għan-Netherlands, li huma eliġibbli għal informazzjoni teknika.
Tabella 1: Informazzjoni teknika pprovduta mill-Kummissjoni lin-Netherlands
|
L-aħħar sena tal-perjodu ta’ aġġustament |
2028 |
|
Valur minimu tal-bilanċ primarju strutturali (% tal-PDG), xenarju li ma jinkludix is-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit |
0,1 |
|
Għall-informazzjoni biss: Valur minimu tal-bilanċ primarju strutturali (% tal-PDG), xenarju li jinkludi s-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit |
0,1 |
Sors: Kalkoli tal-Kummissjoni.
(8)F’konformità mal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2024/1263, in-Netherlands u l-Kummissjoni impenjaw ruħhom fi djalogu tekniku f’Lulju u f’Awwissu 2024. Id-djalogu ffoka fuq il-perkors tan-nefqa netta previst min-Netherlands u s-suppożizzjonijiet sottostanti tiegħu, kif ukoll it-twettiq previst ta’ riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u l-prijoritajiet komuni tal-Unjoni fi tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta, ir-reżiljenza soċjali u ekonomika, is-sigurtà tal-enerġija u l-bini ta’ kapaċitajiet ta’ difiża.
(9)Skont l-informazzjoni pprovduta min-Netherlands fil-pjan tagħhom, ma sarx proċess ta’ konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati nazzjonali rilevanti (inklużi s-sħab soċjali) qabel is-sottomissjoni kif previst fl-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) 2024/1263, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tranżizzjonali previsti fl-Artikolu 36(1), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2024/1263.
(10)Il-Kunsill tal-Istat (bħala istituzzjoni fiskali indipendenti Netherlandiża) ta opinjoni 8 dwar it-tbassir makroekonomiku u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi li jirfdu l-perkors tan-nefqa netta pluriennali. Il-Kunsill tal-Istat ikkonkluda li l-perkors tan-nefqa netta fil-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju ma jissodisfax ir-rekwiżiti tar-Regolament u li n-Netherlands se jkollhom jagħmlu sforz fiskali minbarra l-miżuri ppreżentati mill-gvern fl-abbozz tal-baġit għall-2025.
(11)Il-pjan ġie sottomess lill-parlament nazzjonali fis-17 ta’ Settembru 2024, flimkien mal-abbozz tal-baġit għall-2025. Wara dan ġie adottat mill-Ministeru tal-Finanzi fit-12 ta’ Ottubru 2024.
Proċessi oħra relatati
(12)Fis-16 ta’ Ottubru 2024, in-Netherlands issottomettew l-Abbozz ta’ Pjan Baġitarju tagħhom għas-sena 2025. Il-Kummissjoni adottat opinjoni dwar dan l-Abbozz ta’ Pjan Baġitarju fis-[26 ta’ Novembru 2024] 9 .
(13)Fid-19 ta’ Ġunju 2024, il-Kummissjoni kkonkludiet li n-Netherlands qed jesperjenzaw żbilanċi makroekonomiċi. B’mod partikolari, in-Netherlands għandhom quddiemhom vulnerabbiltajiet relatati ma’ dejn privat għoli f’kuntest ta’ suq fis-settur tal-akkomodazzjoni sopravalutat, li għandhom rilevanza transfruntiera u jibqgħu rilevanti minkejja xi titjib 10 .
(14)Fil-21 ta’ Ottubru 2024, il-Kunsill indirizza lin-Netherlands serje ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSRs) fil-kuntest tas-Semestru Ewropew 11 .
SOMMARJU TAL-PJAN U L-VALUTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI TIEGĦU
(15)Skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-Kummissjoni vvalutat il-pjan kif ġej:
Kuntest: sitwazzjoni u prospetti makroekonomiċi u fiskali
(16)L-attività ekonomika fin-Netherlands kibret b’0,1 % fl-2023. L-istaġnar kien xprunat minn inflazzjoni għolja u l-ambjent estern dgħajjef li qed iżomm lura l-esportazzjonijiet. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea, l-ekonomija hija mistennija li tikber b’0,8 % fl-2024, bis-saħħa ta’ titjib fil-pagi reali li jappoġġa il-konsum privat. Il-PDG reali huwa mistenni li jiżdied b’1,6 % fl-2025 u b’1,5 % fl-2026, appoġġat minn tkabbir kontinwu fil-pagi, tnaqqis fl-inflazzjoni u ambjent estern imtejjeb li jappoġġa l-kummerċ. Matul il-perjodu ta’ tbassir (jiġifieri 2024-2026), il-PDG potenzjali fin-Netherlands huwa mistenni li jikber b’1,9 % fl-2024, 1,7 % fl-2025 u 1,5 % fl-2026, hekk kif il-kontribuzzjoni tal-ħaddiema għat-tkabbir potenzjali tonqos minn 0,9 % fl-2024 għal 0,5 % fl-2026. Ir-rata tal-qgħad kienet ta’ 3,6 % fl-2023, u hija pprojettata mill-Kummissjoni li tammonta għal 3,7 % fl-2024, 3,8 % fl-2025 u 3,9 % fl-2026. L-inflazzjoni (deflatur tal-PDG) hija pprojettata li tonqos minn 7,3 % fl-2023 għal 5,0 % fl-2024, u li tilħaq 3,0 % fl-2025 u 2,3 % fl-2026.
(17)Fir-rigward tal-iżviluppi fiskali, fl-2023 id-defiċit tal-gvern estiż tan-Netherlands ammonta għal 0,4 % tal-PDG. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea, huwa mistenni li jilħaq 0,2 % tal-PDG fl-2024 u li jiżdied għal 1,9 % tal-PDG fl-2025 u, fuq bażi ta’ ebda bidla fil-politika, għal 2,4 % fl-2026. It-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea jinkludi l-abbozz tal-baġit tan-Netherlands għall-2025 li l-gvern ippropona lill-parlament nazzjonali f’Settembru 2024. Id-dejn tal-gvern estiż kien ta’ 45,1 % tal-PDG fi tmiem l-2023. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea, il-proporzjon tad-dejn huwa mistenni li jonqos għal 43,3 % tal-PDG fi tmiem l-2024. Huwa pprojettat li jiżdied għal 44,3 % tal-PDG fi tmiem l-2025 u 46,6 % fi tmiem l-2026. Il-projezzjonijiet fiskali mill-Kummissjoni ma jqisux l-impenji ta’ politika fil-pjanijiet fuq terminu medju bħala tali sakemm ma jkunux sostnuti minn miżuri ta’ politika konkreti mħabbra b’mod kredibbli u speċifikati biżżejjed.
Il-perkors tan-nefqa netta u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi ewlenin fil-pjan
(18)Il-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tan-Netherlands ikopri l-perjodu 2025-2028 u jippreżenta aġġustament fiskali fuq erba’ snin.
(19)Il-pjan fih l-informazzjoni kollha meħtieġa mill-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2024/1263.
(20)Il-pjan jimpenja ruħu għall-perkors tan-nefqa netta indikat fit-Tabella 2, li jikkorrispondi għat-tkabbir medju nett fin-nefqa ta’ 4,2 % matul is-snin 2025-2028. L-informazzjoni teknika (jekk wieħed jassumi perkors ta’ aġġustament lineari) hija konsistenti ma’ tkabbir medju nett fin-nefqa ta’ 3,2 % matul il-perjodu ta’ aġġustament (2025-2028). Il-perkors tan-nefqa netta impenjat fil-pjan huwa rrapportat li jwassal għal bilanċ primarju strutturali ta’ -0,8 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta’ aġġustament (2028). Dan huwa inqas mil-livell minimu tal-bilanċ primarju strutturali ta’ 0,1 % tal-PDG fl-2028 ipprovdut mill-Kummissjoni fl-informazzjoni teknika fil-21 ta’ Ġunju 2024 12 . Il-pjan jassumi li t-tkabbir potenzjali tal-PDG se jonqos gradwalment minn 2,1 % fl-2024 għal 1,4 % fl-2028. Barra minn hekk, il-pjan jistenna li r-rata ta’ tkabbir tad-deflatur tal-PDG tonqos minn 5,1 % fl-2024 għal rati ferm aktar baxxi bejn l-2025 (2,7 %) u l-2028 (2,4 %).
Tabella 2: Il-perkors tan-nefqa netta u s-suppożizzjonijiet ewlenin fil-pjan tan-Netherlands
|
2024 |
2025 |
2026 |
2027 |
2028 |
Medja matul il-perjodu ta’ validità tal-pjan 2025-2028 |
|
|
Tkabbir fin-nefqa netta
|
6,9 |
6,8 |
3,5 |
2,1 |
4,3 |
4,2 |
|
Tkabbir fin-nefqa netta
|
6,9 |
14,1 |
18,1 |
20,7 |
25,9 |
mhux applikabbli |
|
Tkabbir potenzjali tal-PDG (%) |
2,1 |
1,8 |
1,7 |
1,5 |
1,4 |
1,6 |
|
Inflazzjoni (Tkabbir tad-deflatur tal-PDG) (%) |
5,1 |
2,7 |
2,6 |
2,6 |
2,4 |
2,6 |
Sors: Il-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju tan-Netherlands u l-kalkoli tal-Kummissjoni.
L-implikazzjonijiet tal-impenji tan-nefqa netta tal-pjan għad-dejn tal-gvern estiż
(21)Jekk il-perkors tan-nefqa netta impenjat fil-pjan u s-suppożizzjonijiet sottostanti jimmaterjalizzaw, id-dejn tal-gvern estiż, skont il-pjan, jiżdied gradwalment minn 45,0 % tal-PDG fl-2024 għal 51,1 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta’ aġġustament skont it-tabella li ġejja. Wara l-aġġustament, fuq terminu medju (jiġifieri sal-2038), il-proporzjon tad-dejn huwa mistenni li jaqsam il-valur ta’ referenza tat-Trattat ta’ 60 % tal-PDG fl-2033 skont il-pjan u jilħaq 70,7 % fl-2038.
Tabella 3: Id-dejn tal-gvern estiż u l-iżviluppi tal-bilanċ fil-pjan tan-Netherlands
|
2023 |
2024 |
2025 |
2026 |
2027 |
2028 |
2038 |
|
|
Id-dejn tal-gvern (% tal-PDG) |
45,1 |
45,0 |
46,7 |
49,7 |
50,1 |
51,1 |
70,7 |
|
Bilanċ tal-gvern (% tal-PDG) |
-0,4 |
-1,8 |
-2,5 |
-3,4 |
-2,1 |
-2,5 |
-4,0 |
Sors: Il-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju tan-Netherlands.
Għalhekk, skont il-pjan, id-dejn tal-amministrazzjoni pubblika miexi ’l fuq u ma jibqax taħt il-valur referenzjarju tat-Trattat ta’ 60 % tal-PDG fuq terminu medju. Għalhekk, abbażi tal-impenji ta’ politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta mressaq fil-pjan mhux konsistenti mar-rekwiżiti għad-dejn kif stabbiliti fl-Artikoli 6, il-punt (a), u 16(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263.
L-implikazzjonijiet tal-impenji tan-nefqa netta tal-pjan għall-bilanċ tal-gvern estiż
(22)Fuq il-bażi tal-perkors u s-suppożizzjonijiet tan-nefqa netta tal-pjan, id-defiċit tal-gvern estiż jiżdied minn 1,8 % tal-PDG fl-2024 għal 2,5 % fl-2025, u jiżdied temporanjament aktar minn 3 % (3,4 %) fl-2026 qabel ma jimmodera għal 2,1 % fl-2027 u mbagħad jerġa’ jiżdied għal 2,5 % fl-2028. Għalhekk, skont il-pjan, il-bilanċ tal-gvern estiż ma jaqbiżx il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta’ aġġustament (2028). Madankollu, fl-10 snin ta’ wara l-perjodu ta’ aġġustament (jiġifieri sal-2038), id-defiċit tal-gvern jaqbeż it-3 % tal-PDG. Id-defiċit tal-gvern jaqbeż il-valur referenzjarju tat-Trattat ta’ 3 % fl-2029 u mbagħad jiżdied gradwalment għal 4.0 % sal-2038. Għalhekk, abbażi tal-impenji ta’ politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta mressaq fil-pjan mhux konsistenti mar-rekwiżit għad-defiċit kif stabbilit fl-Artikoli 6, il-punt (b), u 16(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263.
Strateġija fiskali tal-pjan
(23)Il-pjan ma jinkludix strateġija fiskali indikattiva għall-implimentazzjoni tal-perkors tan-nefqa netta tal-pjan. L-ispeċifikazzjoni preċiża tal-miżuri ta’ politika rilevanti għandha tiġi kkonfermata jew aġġustata u kkwantifikata fil-baġits annwali. Il-ftehim ta’ koalizzjoni tal-gvern għall-perjodu mill-2024 sal-2028 jipprevedi tnaqqis fit-taxxa fuq l-introjtu fil-bidu tal-mandat, li huwa kkumpensat minn żidiet fit-taxxa fuq il-valur miżjud fuq ċerti prodotti fl-2026 u tnaqqis fin-nefqa fuq, fost l-oħrajn, l-għajnuna għall-iżvilupp, is-salarji fis-settur pubbliku u l-ażil, lejn tmiem il-mandat. L-Abbozz ta’ Pjan Baġitarju għall-2025 jispeċifika l-miżuri ta’ politika li permezz tagħhom se tinkiseb ir-rata ta’ tkabbir tan-nefqa netta mmirata għall-2025 ta’ 6,8 % 13 .
Intenzjonijiet ta’ riforma u investiment fil-pjan li jwieġeb għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u li jindirizza l-prijoritajiet komuni tal-Unjoni
(24)Il-pjan jiddeskrivi l-intenzjonijiet ta’ politika li jikkonċernaw ir-riformi u l-investimenti bħala rispons għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, speċjalment is-CSRs, inklużi dawk li jappartjenu għall-MIP, u biex jiġu indirizzati l-prijoritajiet komuni tal-UE. Il-pjan jinkludi lista estensiva ta’ aktar minn 70 riforma u investiment li jindirizzaw il-prijoritajiet komuni tal-UE, li 14 minnhom huma appoġġati finanzjarjament mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.
(25)Fir-rigward tal-prijorità komuni ta’ tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta, inklużi l-objettivi klimatiċi stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/1119, il-pjan jinkludi aktar minn 20 riforma u investiment, bħall-Programm Pluriennali għall-Infrastruttura tal-Enerġija u l-Klima, il-programmi ta’ riċerka pubbliċi-privati skont l-Istrateġija dwar l-Ekonomija Diġitali u l-Fond Netherlandiż għall-Klima, fost l-oħrajn. Il-pjan jiddeskrivi wkoll miżuri skont il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza (RRP) biex jiġu indirizzati l-konġestjoni tan-network, il-kostruzzjoni tal-infrastruttura tal-enerġija u r-riċerka dwar il-computing kwantistiku. Ir-riformi u l-investimenti inklużi fil-pjan għandhom l-għan li jindirizzaw is-CSRs biex isiru aktar sforzi għall-agrikoltura sostenibbli maħruġa fl-2022, fl-2023 u fl-2024, biex titrawwem it-tranżizzjoni lejn l-enerġija rinnovabbli, inklużi investimenti fil-grilja maħruġa fl-2019, fl-2022, fl-2023 u fl-2024, biex jitrawmu l-investimenti, ir-riċerka u l-innovazzjoni biex tiġi appoġġata t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali maħruġa fl-2019, fl-2020 u fl-2022 u biex jiġu indirizzati l-konġestjonijiet tat-trasport maħruġa fl-2019. Il-pjan jinkludi riformi u investimenti biex jiġu indirizzati s-CSRs li jappartjenu għall-proċedura tal-iżbilanċi makroekonomiċi biex jiġi aċċellerat l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u tingħata spinta lill-investimenti fl-infrastruttura tan-network maħruġa fl-2022 u fl-2023, jiżdiedu l-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa għat-tranżizzjoni ekoloġika maħruġa fl-2023, tittejjeb l-effiċjenza enerġetika fil-bini u jiġu aċċellerati l-investimenti fit-trasport sostenibbli u fl-agrikoltura sostenibbli maħruġa fl-2022 u fl-2023.
(26)Fir-rigward tal-prijorità komuni tar-reżiljenza soċjali u ekonomika, inkluż il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-pjan jinkludi lista estensiva ta’ aktar minn 40 riforma u investiment miġbura taħt diversi oqsma ta’ politika bħas-suq tal-akkomodazzjoni, l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, il-pensjonijiet, is-suq tax-xogħol u t-tassazzjoni. Xi wħud minn dawn l-investimenti u r-riformi huma inklużi fl-RRP, bħall-assigurazzjoni tad-diżabbiltà għal dawk li jaħdmu għal rashom, ir-reviżjoni tal-liġi dwar il-pensjonijiet jew l-estensjoni tal-kura intensiva. Ir-riformi u l-investimenti inklużi fil-pjan għandhom l-għan li jindirizzaw is-CSRs biex jitnaqqsu l-inċentivi għall-użu ta’ kuntratti flessibbli jew temporanji maħruġa fl-2022, fl-2023 u fl-2024, biex tiġi promossa protezzjoni soċjali adegwata għal dawk li jaħdmu għal rashom u biex jitnaqqas l-impjieg indipendenti fittizju maħruġ fl-2019, fl-2020 u fl-2022. Ir-riformi u l-investimenti fil-pjan għandhom ukoll l-għan li jindirizzaw in-nuqqas ta’ ħaddiema u ta’ ħiliet, inklużi l-opportunitajiet ta’ titjib tal-ħiliet u ta’ taħriġ mill-ġdid biex jittejbu l-ħiliet bażiċi maħruġa b’mod konsekuttiv mill-2019, u biex tissaħħaħ is-sistema tas-saħħa maħruġa fl-2020. Madankollu, il-pjan ma jinkludix riformi biex tiġi indirizzata ż-żieda mistennija fin-nefqa relatata mal-età billi s-sistema tal-kura fit-tul issir aktar kosteffettiva u biex tiġi mħeġġa l-mobbiltà lejn setturi bi produttività għolja u setturi relatati mal-isfidi tas-soċjetà. Skont il-prijorità tar-reżiljenza soċjali u ekonomika, il-pjan jinkludi riformi u investimenti fis-suq tal-akkomodazzjoni li għandhom l-għan li jindirizzaw is-CSRs li jappartjenu għall-proċedura ta’ żbilanċi makroekonomiċi billi jnaqqsu l-preġudizzju favur id-dejn tal-unitajiet domestiċi u billi jiżguraw l-affordabbiltà u d-disponibbiltà tal-akkomodazzjoni fis-suq tal-kiri privat, żewġ rakkomandazzjonijiet indirizzati lin-Netherlands fi snin konsekuttivi mill-2019, u billi jitneħħew l-ostakli għall-kostruzzjoni residenzjali maħruġa fl-2023 u fl-2024.
(27)Fir-rigward tal-prijorità komuni tas-sigurtà tal-enerġija, il-pjan jinkludi riformi li jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-enerġija permezz ta’ leġiżlazzjoni biex tittejjeb strutturalment is-sigurtà tal-provvista tal-gass u l-obbligi tal-iffrankar tal-enerġija għall-kumpaniji u l-istituzzjonijiet, fost l-oħrajn. Il-pjan jiddeskrivi wkoll l-intenzjoni ta’ politika li jiġu implimentati miżuri biex tissaħħaħ ir-reżiljenza billi jitnaqqsu d-dipendenzi fuq materja prima kritika u tingħata spinta lill-manifattura ta’ teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti. Xi wħud mir-riformi u l-investimenti huma inklużi taħt l-RRP biex jiġu indirizzati l-konġestjonijiet tan-networks, biex jiġi aġġornat il-qafas regolatorju għas-sistemi tal-enerġija tal-gass u tal-elettriku u biex jitrawwem l-użu ta’ teknoloġiji tal-idroġenu ekoloġiku. Ir-riformi u l-investimenti inklużi fil-pjan għandhom l-għan li jindirizzaw is-CSRs biex irawmu t-tranżizzjoni lejn l-enerġija rinnovabbli, inkluż l-investiment fil-grilja maħruġ fl-2019, fl-2022, fl-2023 u fl-2024 u jindirizzaw il-konġestjonijiet tat-trasport maħruġa fl-2019. Il-pjan jinkludi riformi u investimenti biex jiġu indirizzati s-CSRs, li jappartjenu għall-proċedura ta’ żbilanċi makroekonomiċi sa fejn jirrakkomandaw żieda fl-investimenti fl-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u infrastruttura tan-network maħruġa fl-2022 u fl-2023, l-effiċjenza enerġetika fil-bini u t-trasport sostenibbli maħruġa fl-2022, u biex titnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili maħruġa fl-2022 u fl-2023.
(28)Fir-rigward tal-prijorità komuni tal-kapaċitajiet ta’ difiża, il-pjan jinkludi sett ta’ investimenti li għandhom jiġu implimentati bejn l-2024 u l-2028 li jikkonsistu fl-akkwist ta’ tagħmir, it-tiġdid tal-infrastruttura tal-proprjetà immobbli, inkluż biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tagħha, u l-modernizzazzjoni u s-sostituzzjoni ta’ infrastruttura tal-IT tattika.
(29)Il-pjan jipprovdi informazzjoni dwar il-konsistenza u, fejn xieraq, il-komplementarjetà, mal-RRP tan-Netherlands. Ir-riformi u l-investimenti deskritti fil-pjan jikkomplementaw diversi azzjonijiet imwettqa skont l-RRP li jikkontribwixxu wkoll għall-prijoritajiet komuni tal-UE. Ir-riformi u l-investimenti l-ġodda fil-pjan huma konsistenti mal-miżuri skont l-RRP. Pereżempju, il-pakkett ta’ riforma tas-suq tal-enerġija inkluż fil-kapitolu REPowerEU jikkontribwixxi għal tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta, kif ukoll għas-sigurtà tal-enerġija, u l-miżuri dwar l-ippjanar ċentralizzat biex tiżdied il-provvista tal-akkomodazzjoni u biex tissaħħaħ is-sistema tas-saħħa fl-RRP jikkontribwixxu għar-reżiljenza soċjali u ekonomika.
(30)Il-pjan għandu l-għan li jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-ħtiġijiet ta’ investiment pubbliku tan-Netherlands relatati mal-prijoritajiet komuni tal-UE. Fir-rigward tal-prijorità komuni ta’ tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta, l-investimenti stabbiliti fil-pjan jammontaw għal madwar EUR 43 biljun. Fir-rigward tal-prijorità komuni tar-reżiljenza soċjali u ekonomika, il-pjan jipprevedi ħtiġijiet ta’ investiment li jammontaw għal EUR 10 biljun taħt l-investiment relatat mal-akkomodazzjoni, is-suq tax-xogħol u l-kura. Fir-rigward tal-prijorità komuni tas-sigurtà tal-enerġija, il-pjan jiddeskrivi l-aktar ir-riformi, iżda jipprevedi ħtiġijiet ta’ investiment ta’ EUR 300 miljun għall-użu ta’ teknoloġiji tal-idroġenu ekoloġiku, parzjalment koperti mill-RRP. Taħt il-prijorità komuni tal-kapaċitajiet ta’ difiża, il-ħtiġijiet ta’ investiment deskritti fil-pjan jammontaw għal EUR 55 biljun.
Konklużjoni tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni
(31)B’mod ġenerali, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-pjan tan-Netherlands ma jikkonformax mar-rekwiżiti tal-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263 minħabba n-nuqqas ta’ konsistenza tal-perkors tan-nefqa netta tal-pjan mar-rekwiżiti tad-dejn u tad-defiċit ta’ dak ir-Regolament. Il-pjan jiddikjara dan li ġej: “Jekk il-Kummissjoni u l-Kunsill iqisu li l-perkors tan-nefqa netta propost min-Netherlands ma jkunx konformi mar-Regolament, in-Netherlands għandhom jirrinunzjaw għad-dritt tagħhom li jissottomettu pjan rivedut kif previst fl-Artikolu 18 tar-Regolament u jifhmu li l-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni abbażi tal-informazzjoni teknika pprovduta mill-Kummissjoni, jista’ jirrakkomanda perkors tan-nefqa skont l-Artikolu 19 tar-Regolament. Il-gvern jara rakkomandazzjoni għal perkors tan-nefqa abbażi tal-informazzjoni teknika bħala implimentazzjoni xierqa tar-regoli fiskali Ewropej.” Filwaqt li jitqies li n-Netherlands ma għandhomx l-intenzjoni li jissottomettu pjan rivedut f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-perkors tan-nefqa netta għandu jiġi rrakkomandat f’konformità mal-Artikolu 19 ta’ dak ir-Regolament abbażi tal-informazzjoni teknika tal-Kummissjoni pprovduta fil-21 ta’ Ġunju 2024.
KONKLUŻJONI ĠENERALI
(32)Abbażi tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni, l-eżenzjoni min-Netherlands tad-dritt tagħhom li jissottomettu pjan rivedut skont l-Artikolu 18 f’konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-perkors tan-nefqa netta bbażat fuq l-informazzjoni teknika pprovduta mill-Kummissjoni fil-21 ta’ Ġunju 2024 għandu jiġi rrakkomandat mill-Kunsill lin-Netherlands.
B’DAN JIRRAKKOMANDA li n-Netherlands
1.Jiżguraw li t-tkabbir fin-nefqa netta ma jaqbiżx il-massimi stabbiliti fl-Anness I ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.
Barra minn hekk, il-Kunsill jistieden lin-Netherlands biex jiżguraw it-twettiq ta’ riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, b’mod partikolari fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, u li jindirizzaw il-prijoritajiet komuni tal-Unjoni.
ANNESS I
Rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta
(rati ta’ tkabbir annwali u kumulattiv, f’termini nominali)
In-Netherlands
|
Snin |
2025 |
2026 |
2027 |
2028 |
|
|
Rati ta’ tkabbir (%) |
Annwali |
3,5 |
3,3 |
3,0 |
3,0 |
|
Kumulattiv (*) |
10,4 |
14,0 |
17,5 |
21,0 |
|
(*) Ir-rati ta’ tkabbir kumulattiv huma kkalkulati b’referenza għas-sena bażi ta’ 2023.
Magħmul fi Strasburgu,
Għall-Kunsill
Il-President